52011DC0849


Titolu u referenza

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Istat tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2011

/* KUMM/2011/0849 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

L-IMPERATTIV TAL-INNOVAZZJONI

L-Unjoni tal-Innovazzjoni[1], inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020, hija strateġija tal-innovazzjoni integrata mibnija madwar 34 impenn speċifiku. Ibbażata fuq kunċett wiesa’ ta’ innovazzjoni, li jinkludi setturi pubbliċi, privati kif ukoll it-tielet[2] wieħed, għandha l-għan li tiżgura li ideat innovattivi jiġu tradotti fi prodotti u servizzi ġodda li joħolqu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

L-ewwel sena tal-Unjoni tal-Innovazzjoni rat il-kriżi ekonomika u finanzjarja tidħol ġo fażi ġdida. L-irkupru jinsab f’riskju u l-fiduċja pubblika ddeterjorat f'setturi differenti tal-ekonomija. Il-pressjoni biex jitnaqqsu l-investimenti fis-sorsi futuri tat-tkabbir ekonomiku hija enormi.

Fl-istess ħin, iċ-ċaqliq fil-poter ekonomiku mill-Punent għal-Lvant qiegħed jaċċellera. Kemm it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni u r-rapport dwar il-Kompetittività tal-Unjoni tal-Innovazzjoni[3] jenfasizzaw il-fatt li l-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Ewropa naqset matul l-aħħar snin u qiegħda twassal għat-twessigħ tad-distakk fl-innovazzjoni, li diġà huwa konsiderevoli, vis-à-vis l-Istati Uniti u l-Ġappun. Barra minn hekk, iċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil qegħdin inaqqsu d-distakk minn mal-UE b’ritmu mgħaġġel, billi sena wara sena, matul l-aħħar ħames snin, tejbu l-prestazzjoni tagħhom b'7%, 3% u 1% aktar malajr mill-UE.

Dan ir-rapport ser jargumenta u juri li

- l-innovazzjoni hija l-aqwa mezz għalina biex l-ekonomija Ewropea tiġi mgħejjuna terġa taqbad id-direzzjoni t-tajba u tindirizza l-isfidi soċjali fl-ekonomija globali; il-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, l-imperattiv tal-innovazzjoni tagħna, saret saħansitra aktar importanti u urġenti milli kienet is-sena l-oħra;

- l-Unjoni tal-Innovazzjoni kellha bidu impressjonanti b’approvazzjoni qawwija mill-Parlament Ewropew[4], il-Kunsill Ewropew[5] u l-Kunsill tal-Kompetittività[6];

- Komplessivament, sar progress tajjeb biex jiġu mnedija l-34 impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Abbażi ta' dibattiti fuq firxa wiesgħa mal-partijiet interessati, tfasslu proposti leġiżlattivi skont il-pjan u tniedew u ġew ittestjati azzjonijiet pilota[7];

- Il-Kummissjoni qed tipproponi żieda fl-investimenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni b'sostenn għall-aġenda tal-UE favur it-tkabbir ekonomiku. Il-proposta Orizzont 2020 twettaq ħafna mill-impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoi.

- Kien hemm esperjenza tajba fit-twettiq tal-kundizzjonijiet li ser iwittu t-triq mill-ideat sas-suq. Partikolarment il-Kummissjoni diġa' ppreżentat proposti leġiżlattivi għall-protezzjoni tal-privattivi unitarja u għall-modernizzazzjoni tal-istipular tal-istandards.

- Il-Kummissjoni ngħatat mandat qawwi sabiex tippreżenta miżuri ħalli sal-2014 titlesta ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Twettqet konsultazzjoni pubblika biex sa nofs l-2012 titħejja proposta għal Qafas taż-ŻER li toħloq sistema tar-riċerka effiċjenti u integrata ħafna fl-Ewropa.

- L-isfida għall-fażi ta’ implimentazzjoni li jmiss se tkun għalhekk li l-partijiet kollha jieħdu responsabbiltà kollettiva għall-prestazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, jadottaw il-proposti mressqa mill-Kummissjoni u jsarrfu l-impenji politiċi sodi f'azzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE.

Dan ir-rapport jiffoka fuq azzjonijiet politiċi ewlenin fl-2011. Fl-Anness hemm spjegazzjoni qasira dwar l-istat tal-progress tal-34 impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, filwaqt li d-dettalji jistgħu jiġu kkonsultati permezz tas-Sistema tal-Informazzjoni u l-Intelliġenza tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (I3S) aċċessibbli fuq http://i3s.ec.europa.eu/home.html.

Titqiegħed fil-kuntest ta' inizjattivi ewlenin oħra tal-istrateġija Ewropa 2020 biex naslu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-Att dwar is-Suq Uniku adottat f’April 2011[8]. Huma kollha interkonnessi u jsaħħu lil xulxin reċiprokament.

ĦOLQIEN TAT-TKABBIR EKONOMIKU U TAL-IMPJIEGI PERMEZZ TAL-INNOVAZZJONI

Nagħmlu l-Ewropa aktar robusta kontra l-kriżi

L-aġenda politika tal-UE qed tiġi ggwidata mill-isfidi li qed niffaċċjaw f’termini ta’ sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, l-iżbilanċi ekonomiċi u r-riformi li jsaħħu t-tkabbir ekonomiku[9].

Hemm indikazzjonijiet li impenn baġitarju qawwi lejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni — konsolidazzjoni fiskali intelliġenti[10] — flimkien ma ambjent kummerċjali li jiffavorixxi l-innovazzjoni huwa mezz effettiv ħafna biex jaqla' lill-Ewropa mill-kriżi.

Jista' jiġi osservat li, b’mod ġenerali, Stati Membri li tradizzjonalment jinvestu aktar fir-R&Ż u l-edukazzjoni affaċjaw l-inkwiet ekonomiku riċenti aħjar (ara l-Grafika 1). L-investimenti fir-R&Ż u fl-edukazzjoni jżidu l-probabbiltà li jtaffu l-impatt negattiv tal-kriżi filwaqt li joffru l-għodod biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom aktar malajr meta jseħħ l-irkupru.

Madankollu, l-għan li jiġi restawrat it-tkabbir ekonomiku u jitjieb il-benesseri taċ-ċittadini Ewropej jirrikjedi sett imħallat ta’politiki li jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet qafas kumplessivi għall-innovazzjoni u l-funzjonament sod tas-swieq tal-prodotti. Għal darba oħra, hemm indikazzjonijiet li kundizzjonijiet ta' qafas aħjar huma relatati ma' rkupru aktar robust (ara l-Grafika 3) u tkabbir ekonomiku akbar fit-tul taż-żmien[11].

[pic]

[pic]

Riforma tar-riċerka nazzjonali u tas-sistemi tal-innovazzjoni

L-Istati Membri kienu mistiedna jwettqu awtovalutazzjoni tas-sistemi u l-politiki tal-innovazzjoni tagħhom[12] li għandhom jintużaw ukoll fl-istrateġija Ewropa 2020.

Kumplessivament, il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma jinkludu firxa ta’miżuri li joffru punt ta' tluq tajjeb biex jistimulaw l-innovazzjoni. Madankollu, kif ivvalutat mill-Kummissjoni fil-gwida politika tagħha taħt l-ewwel 'simestru Ewropew', il-programmi nazzjonali ħafna drabi ma għandhomx ambizzjoni u speċifiċità. Sforzi addizzjonali huma meħtieġa sabiex tintlaħaq il-mira tal-UE ta' 3% għar-R&Ż u l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu iżjed sabiex jipproteġu u jipprijoritizzaw l-infiq fuq ir-riċerka u l-edukazzjoni u l-infrastrutturi ewlenin biex isostnu t-tkabbir ekonomiku tal-futur[13].

Xi xejriet jistgħu jiġu skoperti mir-riformi mħabbra fir-rigward tar-riċerka u l-innovazzjoni (biex jiġu ppreżentati ftit eżempji mhux eżawrjenti):

1. Maġġoranza ta' Stati Membri jinsabu fil-proċess li jtejbu l-istrutturi ta’ governanza u gwida strateġika għar-riċerka u l-innovazzjoni tagħhom, li spiss iġib miegħu l-integrazzjoni gradwali taż-żewġ oqsma ta’ politika u finanzjament pubbliku iżjed immirat f'oqsma magħżula. F’dan l-istadju, madankollu, ftit pajjiżi qegħdin espliċitament jimmiraw lejn sfidi socjetali bħala l-prijorità ewlenija tagħhom.

2. Il-Ġermanja aġġornat l-Istrateġija tal-2020 għat-Teknoloġija Avvanzata tagħha biex issaħħaħ id-domanda għar-riċerka u l-innovazzjoni b’enfasi akbar fuq sfidi soċjetali;

3. Spanja ħadet approċċ komprensiv li tirriforma l-politika tagħha tar-riċerka u l-innovazzjoni b'Att dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni ġdid u Strateġija Nazzjonali tal-Innovazzjoni riċenti;

4. Is-Slovakkja ħatret Rappreżentant Għoli tal-Gvern għall-għarfien ekonomiku u ħolqet żewġ aġenziji li implimentaw miżuri politiċi għar-riċerka u l-innovazzjoni.

5. Maġġoranza ta' Stati Membri huma impenjati fit-titjib tal-kundizzjonijiet ta' qafas jew appoġġ finanzjarju għar-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' inċentivi tat-taxxa għar-R&Ż, u forom differenti ta' appoġġ għal SMEs innovattivi, inkluż il-kapital ta’riskju. Għadd dejjem akbar ta’Stati Membri qed iqisu l-istrumenti politiċi tal-innovazzjoni min-naħa tad-domanda, partikolarment l-akkwist pubbliku[14]. S'issa, ftit pajjiżi biss għandhom approċċ li jimmira li jintegra strumenti min-naħa tad-domanda u minn dik tal-provvista.

6. Il-Belġju żied il-kreditu tat-taxxa għar-riċerka u l-innovazzjoni u għandu pjanijiet biex joffri inċentivi għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ kumpaniji ġodda bbażati fuq ix-xjenza bħala spin-outs ta’ impriżi kbar jew spin-offs minn istituzzjonijiet ta' riċerka.

7. Id-Danimarka integrat aspetti min-naħa tad-domanda fi programmi li jsostnu l-kollaborazzjoni pubblikaprivata. Stabbilixxiet Fond tal-Innovazzjoni Kummerċjali li jsostni l-opportunitajiet kummerċjali fl-oqsma tat-tkabbir ekoloġiku u l-benesseri;

8. Il-Polonja introduċiet miżuri tat-taħriġ li jimmiraw lejn 500 xerrej pubbliku, 1500 rappreżentat tal-SMEs u 1000 organizzazzjoni intermedjarja kummerċjali biex issaħħaħ l-użu tagħha tal-akkwist pubbliku ta' prodotti u servizzi innovattivi.

Għandha tiġi kkunsidrata koordinazzjoni ma' inizjattivi fil-livell tal-UE sabiex jiġu esplorati aħjar is-sinerġiji u l-ippuljar tar-riskji u r-riżorsi

9. F’termini ta’ baġits allokati għar-R&Ż, għadd limitat biss ta' Stati Membri — fosthom id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja u l-Isvezja — nedew inizjattivi ġodda ta' finanzjament, filwaqt li xi oħrajn bħalma huma s-Slovenja qed jassenjaw sehem sostanzjali mill-Fondi Strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni. Jidher li l-pajjiżi impenjati li jżidu l-finanzjament tagħhom għar-R&Ż huma wkoll dawk li jikkunsidraw l-usa' spettru ta' miżuri li jsaħħu t-tkabbir ekonomiku skont l-oqsma ta' azzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, u diġà għandhom prestazzjoni tal-innovazzjoni għolja jew qed jaspiraw li jaslu għaliha.

10. Matul il-perjodu 2009-2014 Franza qed tinvesti EUR 21.9 biljun addizzjonali fl-edukazzjoni ogħla u r-riċerka (l-inizjattiva ‘Investissements d’Avenir’);

11. Il-Ġermanja impenjat li żżid il-baġits pubbliċi għar-riċerka u l-edukazzjoni b'EUR 12-il biljun matul il-perjodu 2010-2013;

12. Is-Slovenja ser iżżid il-baġit tar-R&Ż permezz ta’ allokazzjoni ta' Fondi Strutturali għar-R&Ż u l-innovazzjoni.

Stħarriġ riċenti[15] dwar l-infiq pubbliku fir-R&Ż jindika li impenji politiċi ambizzjużi f’termini ta’ nfiq fir-R&Ż qed isiru minn innovaturi modesti bħar-Rumanija, il-Bulgarija u l-Latvja u innovaturi moderati bħall-Ungerija, il-Polonja u s-Slovakkja. B’kuntrast, maġġoranza ta' innovaturi kbar[16] u ta' innovaturi moderati[17] reċentement bdew inaqqsu l-isforzi tagħhom jew għandhom l-intenzjoni jagħmlu hekk.

Huwa ċar li hemm riskju li l-qasma fl-innovazzjoni bejn l-Istati Membri tikber. Huwa importanti li l-innovaturi modesti jsostnu l-impenji pożittivi riċenti tagħhom u l-innovaturi medji huma mħeġġa biex ma jkomplux inaqqsu l-investimenti pubbliċi tagħhom fir-R&Ż u biex jibdew jippjanaw biex jirkupraw il-momentum mitluf. B’dan il-mod biss tista’ l-Ewropa tilħaq l-ambizzjoni tagħha fil-miri tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Finanzjament aħjar u akbar tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni

L-Unjoni tal-Innovazzjoni timmira li tagħti finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni li jkun inspirat mill-isfidi, sempliċi u ssimplifikat. Fil-proposta tagħha “Baġit għal Ewropa 2020”[18], il-Kummissjoni tippjana riorjentazzjoni sostanzjali fil-baġit futur tal-UE lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, li jġib flimkien programmi ta’ riċerka u innovazzjoni attwali f'qafas strateġiku wieħed — Orizzont 2020 — biex jiffinanzja ċ-ċiklu sħiħ tal-innovazzjoni[19]. Qed jitwettqu ħafna impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni permezz ta’ Orizzont 2020, l-aktar: konċentrazzjoni akbar fuq l-isfidi soċjetali, approċċ aktar sod lejn l-SMEs u sostenn akbar għall-adozzjoni fis-suq tal-innovazzjoni, fost l-oħrajn permezz ta' akkwisti, stipular ta' standards u finanzjar ta' self u ekwità[20]. Għadd ta' miżuri ta' simplifikazzjoni tal-Programm ta' Qafas attwali (FP7) diġà ġew introdotti kmieni fl-2011 u Orizzont 2020 ser iġib simplifikazzjonijiet wisq aktar wisgħin.

B’mod parallel, il-finanzjament eżistenti għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE diġà qiegħed jiġi ffukat fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. Il-Kummissjoni qed tipprova approċċi ġodda bl-Orizzont 2020 f'moħħha, sabiex tinkiseb esperjenza u tiffaċilita preżentazzjoni u implimentazzjoni mingħajr xkiel. Dan ikun il-każ, per eżempju, għal strument ġdid immirat lejn l-SMEs[21] li jimla l-laguna fil-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni b'riskju għoli u fl-ewwel fażijiet tagħhom, jistimola l-innovazzjonijiet ta' impatt u jżid l-esplojtazzjoni tar-riżultati tar-R&Ż. Taħt il-Marie Curie Industry-Academia Partnerships and Pathways, immirati espliċitament lejn il-ħolqien ta’ pontijiet bejn id-dinja akkademika u l-intrapriżi, 50 % tan-negozji li qed jipparteċipaw fil-proġetti huma SMEs. Eżempju ieħor huwa l-appoġġ għall-akkwist prekummerċjali u l-akkwist pubbliku ta' prodotti u servizzi innovattivi. L-2012 u l-2013 għalhekk se jaraw esperimentazzjoni sinifikanti u rfinar ta' attivitajiet.

Flimkien ma’ dan, il-Politika ta' Koeżjoni ta' wara l-2013 se jkollha fokus akbar fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-pakkett leġiżlattiv relatat tal-Kummissjoni ġie adottata fis-6 ta’ Ottubru 2011. Fost il-karatteristiċi ewlenin tal-proposti hemm kundizzjonalità ikbar fl-użu tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE. Partikolarment, l-appoġġ se jkun kondizzjonali fuq l-eżistenza ta' strateġija nazzjonali jew reġjonali għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti li tikkonforma mal-karatteristiċi ta' sistemi ta’ riċerka u innovazzjoni nazzjonali jew reġjonali bi prestazzjoni tajba[22]. Barra minn hekk, ir-reġjuni għandhom jallokaw sehem minimu mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għat-tliet prijoritajiet ta' investiment li jikkonċernaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs u ekonomija b’użu baxx ta' karbonju. Bħala regola ġenerali, l-ammont minimu totali allokat għal dawn it-tliet prijoritajiet fil-livell nazzjonali għandu jkun mill-inqas 80 % fir-reġjuni aktar żviluppati u r/reġjuni ta’ tranżizzjoni u mill-inqas 50 % fir/reġjuni anqas żviluppati[23].

Ħidma bi sħab biex jiġu indirizzati sfidi soċjatali

Biex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-isforzi u l-pass kajman tal-bidla, l-Unjoni tal-Innovazzjoni ħabbret Sħubijiet Ewropej tal-Innovazzjoni (EIPs)[24], li jimmobilizzaw atturi miċ-ċiklu tal-Innovazjoni u mis-setturi kollha lejn għan kumplessiv biex jitħaffu soluzzjonijiet innovattivi għal sfidi soċjetali.

L-2011 rat il-kunċett jiġi ttestjat b’Sħubija tal-Innovazzjoni Ewropea pilota dwar “Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu” (‘Active and Healthy Aging’ - AHA). Is-Sħubija timmira li żżid bi tnejn l-għadd medju ta' snin ta' ħajja b'saħħitha fl-UE sal-2020, billi tikseb rebħa tripla għall-Ewropa:

- ittejjeb l-istat tas-saħħa u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, b'konċentrazzjoni speċjali fuq in-nies ta' età akbar;

- issostni s-sostenibbiltà u l-effiċjenza fit-tul taż-żmien tas-sistemi tas-saħħa u l-kura soċjali; u

- ittejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-UE permezz ta' ambjent kummerċjali aħjar li jipprovdi s-sisien għat-tkabbir u l-espansjoni ta' swieq ġodda.

Kemm il-Kunsill[25] u l-Parlament[26] laqgħu tajjeb l-għanijiet tal-EIPs u sostnew it-tnedija ta' proġett pilota biex jiġi ttestjat il-kunċett u jiġi vvalutat kif jista' jiġi implimentat bl-aħjar mod. L-ewwel valutazzjoni tal-governanza u l-proċessi tal-AHA[27] issuġġeriet li l-proġett pilota kellu suċċess kbir fil-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati fil-fażi preparatorja. Iċċarat ukoll kif EIP jista’ jsaħħaħ il-koerenza tal-prijoritajiet tagħna għar-riċerka u l-innovazzjoni, u kif jista' jiffoka, jirrazzjonalizza u jissimplifika l-azzjonijiet tagħna, filwaqt li jissuġġerixxi miżuri biex jimtlew il-laguni u titħaffef l-implimentazzjoni tal-innovazzjonijiet. Għamlitha ċara li l-EIPs ma jiħdux preċedenza fuq inizjattivi jew strumenti eżistenti oħra jew jissostitwixxuhom, u lanqas mhuma sostitut għal mekkaniżmi tat-teħid tad-deċiżjonijiet istituzzjonali eżistenti.

L-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku ('Strategic Implementation Plan' - SIP) tal-AHA tnieda f'Novembru 2011. Il-Pjan jispjega sett ta' oqsma prijoritarji li jinkludu azzjonijiet ewlenin għal implimentazzjoni immedjata. EIPs oħra qegħdin jiġu ppreparati: “Materja Prima ”, għal provvisti sikuri u sostenibbli, “Sostenibbiltà u Produttività Agrikoli”, biex titrawwem agrikoltura kompetittiva u sostenibbli, “Effikaċja tal-Ilma”, biex ikunu żgurati l-bżonnijiet taċ-ċittadini Ewropej, l-industrija u l-agrikoltura fir-rigward ta' din ir-riżorsa vitali u “Bliet Intelliġenti” għall-indirizzar tal-isfidi ewlenin tal-enerġija.

Massimizzazzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali

Sabiex ikun żgurat li r-reġjuni kollha jkunu involuti u sabiex tiġi evitata “qasma fl-innovazzjoni”, l-Unjoni tal-Innovazzjoni tipproponi li tagħmel użu aħjar mill-Fondi Strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni u biex twettaq attivitajiet pilota għall-innovazzjoni fis-setturi soċjali u pubbliku filwaqt li tinnormalizza l-innovazzjoni soċjali fil-programmi ta’finanzjament tal-UE[28].

F’Ġunju 2011, il-Kummissjoni nediet “Pjattaforma tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti”[29] li tiġbor flimkien għarfien espert mill-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka, l-awtoritajiet reġjonali, in-negozji u s-servizzi tal-Kummissjoni[30], sabiex jiġu ffaċilitati l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti mill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali. Għandhom jissaħħu l-interazzjonijiet bejn Orizzont 2020 u l-Fondi tal-Politika ta' Koeżjoni, fosthom permezz ta' miżuri kumplimentari skont Orizzont 2020 immirati biex titwessa' l-parteċipazzjoni, is-sostenn għan-netwerking, it-tagħlim u l-pariri politiċi.

F'Marzu 2011, il-Kummissjoni nediet Inizjattiva Ewropa tal-Innovazzjoni Soċjali[31] bl-għan li ssostni lill-innovaturi soċjali fil-ħolqien ta' prodotti u servizzi ġodda u fl-iżvilupp ta' metodi ġodda tax-xogħol li joħolqu valur soċjali u jħallu impatt fuq l-organizzazzjonijiet u l-klijenti. L-inizjattiva tgħin ukoll fil-lokalizzazzjoni ta' finanzjament u għarfien biex tiżdied l-innovazzjoni soċjali mill-ideat għall-proġetti u anke għal negozji ġodda. L-innovazzjoni soċjali hija wkoll waħda mill-għodod li tapplika fil-Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva tan-Negozju Soċjali, adottata mill-Kummissjoni fil-25 ta' Ottubru 2011[32]. Din l-inizjattiva tistabbilixxi 11-il azzjoni biex isostnu t-tkabbir tal-intraprenditorija u n-negozju soċjali fl-Ewropa, bħal fil-finanzjament, l-adattament ta' oqfsa legali, l-ittikkettar (u għalhekk is-sensibilizzazzjoni u l-viżibbiltà) u l-akkwist pubbliku. L-UE diġà qed tiffinanzja attivitajiet sostanzjali ta' riċerka dwar l-innovazzjoni soċjali permezz tal-FP7 u l-innovazzjoni soċjali ser ikollha rwol importanti fl-indirizzar tal-isfidi soċjetali fil-mira ta' Orizzont 2020.

Biex jiġi żviluppat fehim aħjar tal-innovazzjoni fis-settur pubbliku, il-Kummissjoni qed tipprepara l-ewwel Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni tas-Settur Pubbliku Ewropew li se tkun disponibbli fl-2012. Is-settur pubbliku għandu jħaddan l-innovazzjoni u jmexxi bl-eżempju. Il-gvernijiet iridu jkunu proattivi biex jixprunaw l-innovazzjoni u jkollhom spirtu intraprenditorjali ħalli jipprovdu aktar servizzi u infrastrutturi li jkunu ta’ livell ogħla, liċ-ċittadini u n-negozji, filwaqt li jżidu l-effiċjenza tan-nefqa. Biex tintlaħaq din l-ambizzjoni, is-settur pubbliku għandu jiċċaqlaq milli jkun sempliċi patrun tar-R&Ż u jibda jsarraf il-poter tal-akkwist li għandu f'żieda fid-domanda għall-innovazzjonijiet. Hemm rikkezza u varjetà ta' ideat Ewropej kif ukoll ta’ eżempji tajba fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni.

Il-konsultazzjoni mas-sħab soċjali għall-eżaminazzjoni ta' kif l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien tista' tinxtered lejn il-livelli okkupazzjonali kollha u fis-setturi kollha fejn għadha ma waslitx[33].

TISħIħ TAL-BAżI TAL-GħARFIEN TAL-EWROPA U T-TNAQQIS TAL-FRAMMENTAZZJONI

Insibu l-aqwa talent għall-Ewropa

Biex tkun żgurata provvista suffiċjenti ta' ħaddiema bi kwalifiki għolja, l-Unjoni tal-Innovazzjoni għandha toffri karrieri aktar attraenti lir-riċerkaturi u tneħħi l-ostakoli għall-mobbiltà tagħhom fis-setturi u l-pajjiżi. Id-domanda fl-Ewropa għal nies bi kwalifi għolja hija mbassra li se tiżdied bi kważi 16-il miljun fil-perjodu sal-2020[34].

Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma l-punt tal-tluq. F’Settembru 2011[35], il-Kummissjoni ppreżentat strateġija ta' riforma għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja, inkluż billi jiżdied l-għadd ta' gradwati; titjib tal-kwalità tat-tagħlim u adattament tal-kurrikula u tal-implimentazzjoni tal-programmi edukattivi għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu fl-ekonomija ġenerali; taħriġ ta' aktar riċerkaturi; u titjib tar-rabtiet bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni.

Ir-riċerkaturi huma fil-qalba tal-ekonomija b’bażi intensiva fuq l-għarfien. Huwa stmat li l-UE teħtieġ madwar miljun impjieg ġdid fir-riċerka biex tintlaħaq il-mira ta’ intensità ta' 3 % fir-R&Ż, l-aktar fis-settur privat. L-Istati Membri kienu msejħa sabiex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali biex iħarrġu biżżejjed riċerkaturi biex jilħqu l-miri nazzjonali tagħhom fir-R&Ż u biex jippromwovu kundizzjonijiet tal-impjieg attraenti[36]. Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi u tagħti l-ewwel valutazzjoni tal-progress fir-rebbiegħa 2012.

Biex tipprova tagħmel lill-UE aktar attraenti għat-talent minn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni se tipprepara rapport ta’ monitoraġġ fl-2012 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Viża Xjentifika[37]. Studju reċenti jindika żieda sostanzjali fl-għadd ta' permessi maħruġa taħt din id-Direttiva: minn 239 fl-2007 għal 3713 fl-2010. Madankollu, l-adozzjoni ġenerali għadha relattivament baxxa u kkonċentrata f’sitt Stati Membri.

Sabiex tgħin l-istudenti u r-riċerkaturi jagħmlu għażliet infurmati dwar l-istudju jew ix-xogħol, u tippermetti lill-istituzzjonijiet jidentifikaw u jiżviluppaw strateġiji effettivi għall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-Kummissjoni se tniedi inizjattiva fl-2012 biex timplimenta klassifikazzjoni multidimensjonali tal-universitajiet skont l-utenti[38] u għodda trasparenti tal-informazzjoni, bl-ewwel riżultati mistennija fl-2013.

Bl-għan li tlaqqa' flimkien in-negozji u l-akkademiċi biex jindirizzaw il-vojt fil-ħiliet tal-innovazzjoni, il-Kummissjoni nediet fl-2011 il-Proġett Pilota għall-Alleanzi tal-Għarfien[39]. Minn 94 proposta rċevuti, it-tliet proġetti li ntgħażlu jimmiraw li jfasslu kurrikuli u korsijiet ġodda, jiżviluppaw metodi innovattivi għat-twassil tal-edukazzjoni u l-għarfien, u se jgħinu lill-universitajiet jimmodernizzaw billi jimxu lejn sħubijiet interdixxiplinari, intraprenditorijali u kummerċjali aktar b'saħħithom. Dawn il-proġetti pilota se jipprovdu informazzjoni siewja dwar il-programm ta' wara l-2013 “Erasmus Għal Kulħadd”.

Tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka

Il-ksib ta' Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) li tiffunzjona tajjeb, li fiha r-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija jiċċirkolaw liberament hija tal-akbar importanza[40]. Kooperazzjoni u koordinazzjoni insuffiċjenti flimkien ma' diversi fallimenti sistemaċi jwasslu għal sottoprestazzjoni sinifikanti fis-sistema tar-riċerka Ewropea kumplessiva. Apparti milli żżid il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, iż-ŻER se tagħti spinta lill-kompetizzjoni u b'hekk tippermetti l-eċċellenza.

Bil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta' Frar 2011, l-Istati Membru huma impenjati b'mod ċar li jlestu ż-ŻER sal-2014. Qiegħda titwettaq konsultazzjoni tal-partijiet interessati sabiex fl-2012 jiġi propost Qafas taż-ŻER u b'sostenn għal miżuri biex jitneħħew l-ostakli għall-mobbiltà u kooperazzjoni transkonfinali[41]. L-għan ġenerali tal-Qafas taż-ŻER huwa li jtejjeb il-koerenza u l-kompatibilità tal-politiki, il-programmi u l-attivitajiet tar-riċerka ta' kull Stat Membru u tal-UE.

Is-suġġetti li għandhom jitqiesu fl-iżvilupp tal-Qafas jinkludu l-kwalità tat-taħriġ fil-livell ta' dottorat, il-mobbiltà tar-riċerkaturi, l-operat transkonfinali tal-organizzazzjonjiet tar-riċerka, it-tixrid, l-użu u t-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka, l-infrastrutturi tar-riċerka u l-konsistenza tal-istrateġiji u l-azzjonijiet ta' kooperazzjoni internazzjonali[42].

Diversi inizjattivi u strumenti tal-UE bdew jintużaw bil-għan li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li huma kruċjali għat-titjib tal-karrieri u l-mobbiltà tar-riċerkaturi.

13. Biex jiġi żgurat li aktar kandidati għad-dottorat jiġu mħarrġa aħjar u mgħammra bil-ħiliet biex jaħdmu aktar faċilment f'pajjiżi, setturi u dixxiplini tal-impjiegi differenti, il-Kummissjoni pproponiet Prinċipji għal Taħriġ Innovattiv fil-Livell ta' Dottorat fl-Ewropa[43]. Dawn il-prinċipji jipprovdu qafas ta’ referenza bbażati fuq l-aħjar prassi eżistenti[44]. Joffru gwida għall-finanzjament ta’ taħriġ għar-riċerkaturi Ewropej u nazzjonali filwaqt li fl-istess ħin tinżamm il-flessibilità u l-awtonomija tal-istituzzjonijiet u l-kandidati għad-dottorat. Biex ittejjeb il-kwalità ta’ taħriġ dottorali fl-Ewropa, il-Kummissjoni nediet taħt l-Azzjonijiet Marie Curie żewġ inizjattivi għad-dottorat ġodda li jindirizzaw direttament kurrikula fi programmi ta' dottorat: il-Programmi Ewropej tad-Dottorati Industrijali u d-Dottorati Innovattivi

14. Biex l-istrutturi tal-karrieri jsiru aktar komparabbli bejn is-setturi tal-impjiegi u l-pajjiżi u tkun iffaċilitata l-mobbiltà bejn id-dinja akkademika, l-industrija u oqsma oħra tal-impjieg, il-Kummissjoni qed tippromwovi Qafas Ewropew għall-Karrieri fir-Riċerka. Dan il-qafas jipprovdi punt ta’ referenza għar-riċerkaturi u għall-impjegaturi billi jindika l-kompetenzi meħtieġa tar-riċerkaturi f’erba’ stadji differenti tal-karriera[45]. Biex jixxerrdu l-aħjar prattiki fit-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi, il-mekkaniżmu Marie Curie ta’ kofinanzjament s'issa sostna 81 programm fuq livelli reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. L-ewwel riżultati juru adozzjoni ta’ standards ta’ kwalità għolja għall-karrieri tar-riċerkaturi u l-kundizzjonijiet tal-impjieg.

15. Biex issaħħaħ l-attrazzjoni tal-professjoni ta' riċerka u biex tiffaċilita l-mobbiltà, il-Kummissjoni qed tipprovdi gwida lill-universitajiet u impjegaturi oħra li jixtiequ jistabbilixxu fond Ewropew għal pensjonijiet supplimentari għar-riċerkaturi. Fond bħal dan isaħħaħ il-mobbiltà tal-impjiegi billi jagħmilha iktar faċli għar-riċerkaturi li jieħdu l-assi tal-pensjoni supplimentari tagħhom magħhom meta jibdew xogħol ġdid f'pajjiż ieħor. Impjegaturi interessati għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu konsorzji fl-2012, filwaqt li l-fondi mistennija li jibdew jaħdmu fl-2013.

16. Bħala l-ewwel pass biex jiġi żgurat li l-proċeduri ta' reklutaġġ għar-riċerkaturi jkunu aktar miftuħa u trasparenti, is-servizzi tal-Kummissjoni żviluppaw strateġija komuni[46], f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, biex tagħti spinta lill-pubblikazzjoni tal-postijiet tax-xogħol battala għar-riċerkaturi fil-portal tal-impjiegi EURAXESS[47]. L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-pożizzjonijiet ta' riċerka li huma ffinanzjati pubblikament ikunu reklamati b'mod miftuħ onlajn u li l-istituzzjonijiet japplikaw proċeduri ta’reklutaġġ miftuħa.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni rivoluzzjonarji jirrikjedu wkoll infrastutturi ta' klassi mondjali. L-Unjoni tal-Innovazzjoni għandha mira li sal-2015 tlesti jew tniedi l-kostruzzjoni ta' 60 % tal-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka ta' prijorità identifikati mill-Forum tal-Istrateġija Ewropea għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI)[48]. Mit-48 proġett prijoritarju, 10 huma fil-fażi tal-implimentazzjoni u 16 oħra resqin lejn il-fażi tal-implimentazzjoni, jiġifieri ser tintlaħaq mira ta' 54 % sa tmiem l-2012.

Il-Programm Qafas ta’Riċerka isostni l-fażi ta' tħejjija tal-proġetti kollha tal-ESFRI u wkoll sa punt aktar limitat il-fażi tal-implimentazzjoni tagħhom. Il-Fondi Strutturali qegħdin jiġu mobilizzati biex titlesta l-fażi tal-kostruzzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka ta' prijorità. Pereżempju, EUR 236 miljun mill-Fondi Strutturali qegħdin jintużaw biex jinbnew faċilitajiet Beamlines tas-Sors tad-Dawl Estrem (Extreme Light Source - ELI), fir-Repubblika Ċeka. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tagħti pariri lir-Rumanija u l-Ungerija dwar kif jimmobilizzaw il-Fondi Strutturali għal partijiet oħra tal-ELI f’dawn iż-żewġ pajjiżi.

L-infrastrutturi ESFRI tar-riċerka huma eżempju eċċellenti ta' kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien u jippuljaw ir-riżorsi fuq proġetti ta' interess Ewropew komuni.

Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tgħin lill-Istati Membri fl-użu tal-Konsorzju għall-Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (European Research Infrastructure Consortium - ERIC) bħala qafas legali biex jitwaqqfu infrastrutturi tar-riċerka pan-Ewropej. L-ewwel status ERIC kien mogħti f'Marzu 2011 għall-Istħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa (Survey of Health, Ageing and Retirement in Europe - SHARE), faċilità li se twassal għal fehim aħjar tal-impatt tat-tixjiħ fuq is-soċjetajiet Ewropej.

Promozzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija bħala mudell tal-governanza tal-innovazzjoni fl-Ewropa

Għall-integrazzjoni aħjar taċ-ċiklu tal-innovazzjoni, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jiġbor flimkien l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla, l-organizzazzjonijiet ta' riċerka u n-negozji f'tipi ġodda ta' sħubiji — Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni (Knowledge and Innovation Communities - KICs) — li joperaw fl-oqsma tal-enerġija sostenibbli ( InnoEnergy - KIC ), l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima ( Climate - KIC ) u s-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni tal-futur (EIT ICT Labs).

L-ewwel riżultati diġà huma viżibbli f’termini ta’ ħolqien ta’ negozju (ħames start-ups minn Jannar 2011) u l-ewwel kors tal-Masters sostnut mill-EIT organizzat mill-InnoEnergy KIC u li fih 155 student. Sa tmiem l-2011, il-Kummissjoni se tadotta Aġenda għall-Innovazzjoni Strateġika tal-EIT[49]. Se tiffoka fuq il-konsolidazzjoni tat-tliet KICs eżistenti u gradwalment twaqqaf oħrajn ġodda, li se jindirizzaw sfidi soċjetali ewlenin skont l-għanijiet ta' Orizzont 2020.

TWASSIL TA' IDEAT TAJBIN SAS-SUQ

L-intrapriżi huma fil-qalba tal-innovazzjoni billi jsibu opportunitajiet tas-suq u jiżviluppaw ideat għal soluzzjonijiet innovattivi sabiex jaħtfu dawn l-opportunitajiet. Madankollu, l-intraprendituri tal-Ewropa jaffaċċjaw diversi ostakli u kundizzjonijiet ħżiena ta' qafas sabiex iwasslu l-ideat sas-suq. L-Unjoni tal-Innovazzjoni hija mmirata biex sistematikament tneħħi dawn l-ostakli u toħloq suq uniku għall-innovazzjoni.

L-Ewropa teħtieġ taħlita politika ta' domanda u provvista ibbilanċjata aħjar[50] bl-issettjar ta' standards aktar malajr u mmodernizzat, privattivi aktar affordabbli, aktar akkwist pubbliku ta’ prodotti u servizzi innovattivi, aċċess aħjar għall-kapital u suq tal-għarfien Ewropew ġenwin.

Dawk kienu l-prijoritajiet għal azzjoni tal-Kummissjoni fl-2011 u qed isir progress sinifikanti biex jinkisbu, bi proposti dwar il-protezzjoni tal-privattivi unitarja u l-istipular tal-istandards adottati mill-Kummissjoni. Żewġ impenji f'dan il-qasam waqgħu lura: l-iskrinjar tal-qafas regolatorju f’oqsma ewlenin, l-ewwel fosthom dawk marbuta mal-ekoinnovazzjoni, u pjan ta' azzjoni għall-ekoinnovazzjoni[51]li ser jiġi ppreżentat f'Diċembru 2011.

Titjib fl-aċċess għall-finanzi

Is-sejbien ta' investituri xierqa jirrappreżenta, speċjalment għaż-żgħażagħ u l-kumpaniji mmotivati mill-għarfien, pass kruċjali lejn l-espansjoni strateġika tal-attivitajiet tan-negozju. L-investituri sikwit jinkludu awtoritajiet pubbliċi li jnaqqsu r-riskji relatati mal-innovazzjoni permezz ta' skemi ta' għajnuna jew kapitalisti privati li jinvestu b'riskju li jipprovdu lill-kumpaniji li jkunu għadhom qed jibdew b'injezzjoni ta' flus bi skambju ma' ekwità.

Meħuda bħala sehem tal-PDG, l-investiment kapitali ta' riskju fl-Istati Uniti huwa erba' darbiet ogħla milli hu fl-UE. Barra minn hekk, l-investiment Ewropew jista' jinfirex iżżejjed għax il-fondi kapitali ta' riskju Ewropej jinvestu f’darbtejn aktar kumpaniji mill-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Uniti tal-Amerika[52]. Il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta, sa tmiem is-sena, inizjattiva għal reġim tal-kapital ta' riskju Ewropew ġdid li se jippermetti lill-fondi kapitali ta' riskju biex jiġbru l-kapital fis-27 Stat Membru kollha abbażi ta’ reġistrazzjoni waħda[53]. Il-Kummissjoni ser taħdem ukoll biex telimina kwalunkwe żvantaġġ fit-trattament tat-taxxa għall-investiment ta' kapital ta' riskju transkonfinali u biex tnaqqas il-piż amministrattiv. Dan ser ikun parti mill-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal Titjib fl-Aċċess għall-Finanzi għall-SMEs.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħatret il-President tal-British Business Angels Association bħala l-figura ewlenija biex jippresiedi grupp ta’ esperti. Il-grupp ta' esperti għandu l-kompitu li jifformula rakkomandazzjonijiet dwar kif jittejjeb it-tqabbil transkonfinali ta' kumpaniji innovattivi ma' investituri adatti[54]. Is-sejbiet tagħhom se jiġu ppreżentati matul l-2012.

Il-Faċilità Finanzjarja tal-Qsim tar-Riskju (RSFF)[55] attwali u l-istrumenti finanzjarji taħt il-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013) ġibdu żieda sinifikanti fl-iffinanzjar privat u ser jiġu estiżi f’Orizzont 2020 u l-programm tal-Kompetittività tan-Negozju u l-SMEs fl-2014-2020[56].

F'konformità mal-għan globali tal-Kummissjoni ta' għajnuna mill-Istat “inqas u aħjar", l-għajnuna mill-Istat qed tonqos b'mod relattiv mal-PDG filwaqt li l-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni qed tkompli dejjem tiżdied, u issa tirrappreżenta kważi wieħed minn għaxra tal-infiq pubbliku f'dan il-qasam. F’Awwissu, il-Kummissjoni għamlet rendikont tal-funzjonament tal-Qafas li jikkontrolla l-għajnuna mill-Istat f’dan il-qasam[57]. Il-pass li jmiss huwa konsultazzjoni wiesgħa biex tgħin fit-tħejjija tar-reviżjoni tal-Qafas attwali fl-2013.

Protezzjoni u titjib tal-valur tal-proprjetà intellettwali u spinta lill-kreattività

Minħabba l-ispiża u l-kumplessità tal-privattivi fl-Ewropa, waħda mill-miri tal-Unjoni tal-Innovazzjoni hija li l-ewwel privattivi tal-UE għandhom jingħataw fl-2014[58] u l-isfruttament tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPR) fi prodotti u servizzi innovattivi għandu jiġi promoss[59]. Fi sforz lejn approċċ strateġiku u bbilanċjat lejn il-politiki li jaffettwaw l-assi tal-proprjetà intellettwali, f’Mejju 2011 il-Kummissjoni adottat pjan iddettaljat biex jinħoloq suq uniku għall-proprjetà intellettwali[60].

Wara n-nuqqas tal-Istati Membri biex jilħqu ftehim dwar privattiva tal-UE, f'Marzu 2011, il-Kummissjoni pproduċiet proposta ta' pakkett leġiżlattiv għall-protezzjoni tal-privattivi unitarja f’żona territorjali iżgħar[61]. Dan tħejja bi tweġiba għal talba minn grupp ta' 25 Stat Membru li kienu għażlu li jaħdmu flimkien permezz ta’ kooperazzjoni mtejba sabiex jingħelbu diversi deċennji ta' impass politiku dwar il-ħolqien ta’ privattiva unika. Il-pakkett leġiżlattiv propost se jibbenefika lill-kumpaniji Ewropej kollha billi jnaqqas l-ispejjeż tal-privattivi fl-Ewropa sa 80 %. Filwaqt li l-ispejjeż (inkluża t-traduzzjoni) għal protezzjoni tal-privattivi li tkopri t-totalità tal-Unjoni Ewropea bħalissa jistgħu jammontaw għal EUR 32000, dawn ser jonqsu, wara perjodu ta' tranżizzjoni, għal EUR 680 għal privattiva Ewropea b'effett unitarju f'25 Stat Membru. Il-ftehim politiku għandu jintlaħaq sa nofs l-2012.

Biex tiffaċilita l-feġġ ta' suq tal-għarfien Ewropew ġenwin għall-privattivi u l-liċenzji[62], il-Kummissjoni investigat sett ta' alternattivi għal strument ta' valorizzazzjoni tal-IPR fil-livell tal-UE, b'reazzjoni għall-istedina mill-Kunsill Ewropew. Matul l-2011 grupp ta' esperti u studju indirizzaw il-kwantifikazzjoni tal-privattivi sottosfruttati fl-Ewropa, il-potenzjal tagħhom għall-innovazzjoni u l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' sett ta' inizjattivi potenzjali, fosthom il-ħolqien ta' suq finanzjarju għall-IPR. Il-konklużjonijiet ta' dan ix-xogħol ser jiġu ppubblikati sal-aħħar tas-sena[63]. Abbażi ta' dawn, il-Kummissjoni qed tippjana li tidħol f'dibattitu mal-Istati Membri fl-2012 biex toħroġ b'aktar azzjonijiet.

L-Unjoni tal-Innovazzjoni tħares lejn il-kunċett tal-innovazzjoni b'mod wiesgħa u tinkludi mudelli tan-negozju ġodda, id-disinn u l-kreattività u l-innovazzjoni tas-servizz. Dan jeħtieġ politiki ġodda u għodod li jimmiraw speċifikatament lejn li jikkapitalizzaw fuq il-potenzjal kreattiv tal-Ewropa. F'Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ser tistabbilixxi l-Allejanza Ewropea tal-Industriji Kreattivi[64], inizjattiva politika transsettorjali li se tintensifika d-djalogu bejn dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u reġjonali, tittestja għodod ġodda u tingrana aktar sostenn u ta’ livell aħjar, għall-industriji kreattivi u industriji oħra li jibbenefikaw mill-industriji kreattivi.

Fl-aħħarnett, hemm domanda dejjem tikber għal prodotti li jispikkaw f'kemm huma faċli fl-użu għall-utent u atraentit. Il-Kummissjoni waqqfet Bord tat-Tmexxija tad-Disinn Ewropew[65] li se jagħmel proposti biex jissaħħaħ ir-rwol tad-disinn fil-politiki Ewropej għall-innovazzjoni[66].

Pass aktar mgħaġġel u mmodernizzar tal-istipular tal-istandards

Standards uniformi Ewropej u internazzjonali, adottati malajr, huma importanti biex irawwmu l-innovazzjoni fi swieq li joperaw b’pass mgħaġġel. F’Ġunju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta' standardizzazzjoni[67] li jimmira li jimmodernizza l-leġiżlazzjoni u l/politika Ewropea tal-istandardizzazzjoni fid-dawl tal-isfidi tal-preżent u tal-futur.

Il-proċessi tal-istipular tal-istandards se jiġu aċċellerati b'50 % sabiex jirrispondu aħjar għall-bżonnijiet li jakkumpanjaw l-avvanzi teknoloġiċi rapidi. Il-Kummissjoni u korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropej attwalment qegħdin jiddiskutu l-indikaturi tal-prestazzjoni biex tintlaħaq il-mira sal-2020. Il-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni ser jiġu antiċipati aħjar permezz tal-istipular ta' prijoritajiet fi programm ta' ħidma annwali u permezz ta' studji ta' tbassir. Barra minn hekk, il-pakkett se jinkludi wkoll mod ħafif u veloċi biex jiġu rikonoxxuti standards tal-ICT stabbiliti globalment, li huwa dejjem aktar importanti, pereżempju, għax-xerreja pubbliċi Ewropej. Sal-2013, il-Kummissjoni ser tniedi reviżjoni indipendenti tas-sistema Ewropea tal-istandardizzazzjoni. Il-Kummissjoni ser tkompli wkoll taħdem fuq integrazzjoni aħjar tal-istandardizzazzjoni fil-Programm ta' Qafas tar-riċerka[68].

Użu tal-poter tal-akkwist pubbliku favur l-innovazzjoni

Bi stima ta’ 19.4 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea fl-2009[69], l-akkwist pubbliku għandu potenzjal enormi biex jiġbed l-innovazzjonijiet tal-UE lejn is-suq, isostni l-konsumaturi ewlenin u jkollu effetti ta' katalizzazzjoni, u b'hekk jipprovdi lill-kumpaniji innovattivi b'vantaġġ biex jidħlu fis-swieq globali. Madankollu, dan il-potenzjal huwa fil-biċċa l-kbira sottoutilizzat fl-Unjoni Ewropea. Skont evalwazzjoni riċenti[70], 22 % biss tal-awtoritajiet kontraenti mistħarrġa indikaw li huma jinkludu l-innovazzjoni fl-istrateġija u l-proċeduri tal-akkwist tagħhom.

Il-proposta tal-Kummissjoni li l-Istati Membri u r-Reġjuni jwarrbu baġits apposta għall-akkwist pubbliku ta’ prodotti u servizzi innovattivi ma ntlaqgħatx mill-Kunsill, minkejja li l-mira proposta, EUR 10 biljun fis-sena[71], tirrappreżenta sehem modest ta' 0.44 % mit-total tal-akkwist pubbliku fl-Ewropa. Madankollu, ittieħdu xi azzjonijiet. Spanja, pereżempju, introduċiet kwota ta' 3 % għal akkwist pubbliku ta’ prodotti u servizzi innovattivi fil-liġi tagħha tal-akkwist pubbliku tat-8 ta Lulju 2011.

Biex tipprova tirrispondi b’mod aktar effettiv għal dawn l-isfidi, f' Diċembru 2011 il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti tagħha għal reviżjoni tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku tal-UE li għandhom jiffaċilitaw l-akkwist ta' prodotti u servizzi innovattivi u akkwist konġunt transkonfinali.

B’mod parallel, il-Kummissjoni nidiet ukoll proġetti pilota għal kooperazzjoni transnazzjonali dwar l-akkwisti għal prodotti u servizzi innovattivi. Dawn il-proġetti flimkien ma' studju dwar il-fattibbiltà ser iwittu t-triq għal żieda u irfinar futuri tas-sostenn fil-livell tal-UE, speċjalment tal-Orizzont 2020, li se jgħin lill-Istati Membri jippuljaw ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħhom sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tad-domanda pubblika għal soluzzjonijiet innovattivi.

AKTAR SAħħA ESTERNA GħALL-POLITIKI TAGħNA

Il-kompetizzjoni fid-dinja tal-lum hija aktar u aktar dwar l-għarfien u l-innovazzjoni. Il-kompetituri tal-Ewropa ħadu passi strateġiċi f’din id-direzzjoni u l-innovazzjoni tingħata prijorità għolja fil-listi nazzjonali tagħhom[72].

Waħda mill-ambizzjonijiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni hija li l-UE u l-Istati Membri tagħha jittrattaw il-koperazzjoni xjentifika ma' pajjiżi terzi bħala kwistjoni ta' interess komuni u jiżviluppaw strateġiji konġunti[73].

Skont dawn l-impenji l-UE u l-Istati Membri żviluppaw, fil-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Internazzjonali fl-Oqsma tax-Xjenza u t-Teknoloġija (FSKI), tliet inizjattivi pilota (mal-Indja, iċ-Ċina u l-Istati Uniti).

Inizjattiva konġunta tal-UE/l-Istati Membri timmira li tgħolli l-attrattività tal-Ewropa bħala destinazzjoni għar-riċerka, partikolarment meta mqabbla mal-Istati Uniti. L-attrazzjoni lejn l-Ewropa tal-aqwa talent mill-Istati Uniti, billi tiġi offruta l-eċċellenza u permezz tal-kapitalizzazzjoni fuq iċ-ċentri avvanzati Ewropej tat-teknoloġija, għandha tirrimedja l-mobbiltà transatlantika.

Mal-Indja qed titħejja Aġenda Strateġika tar-Riċerka u l-Innovazzjoni sabiex tiġi sfruttatata l-kooperazzjoni bilaterali eżistenti fix-xjenza u t-teknoloġija. Element ċentrali huwa maħsub biex jinbnew rabtiet qawwija bejn ċentri ta’ eċċellenza Ewropej u Indjani ħalli jiġu żviluppati soluzzjonijiet vijabbli u innovattivi għal sfidi soċjetali f'oqsma bħall-ilma, il-bijomassa, l-enerġija jew is-saħħa.

Fir-rigward taċ-Ċina bħalissa qed jiġu identifikati prijoritajiet komuni għall-UE u l-Istati Membri għal kooperazzjoni multilaterali aktar ikkoordinata maċ-Ċina u biex tittejjeb l-interoperabilità tal-programmi bilaterali, skemi ta' finanzjament u regoli (inklużi kwistjonijiet tal-IPR).

Dawn l-inizjattivi pilota, mibnija fuq sħubija strateġika ġdida tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, ser itejbu l-mod li bih aħna nikkooperaw strateġikament ma' pajjiżi sħab ewlenin u ser jingranaw b'mod estern il-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropej.

KONKLUżJONIJIET U L-PASSI LI JMISS

Fl-2011 ir-riċerka u l-innovazzjoni kienu suġġetti prominenti f'bosta diskussjonijiet mal-partijiet interessati istituzzjonali. Inbdew azzjonijiet konkreti u l-proposti huma, jew dalwaqt ikunu, fuq il-mejda. Il-proposta Orizzont 2020 tħaddan l-Unjoni tal-Innovazzjoni u ser tkun għodda ewlenija fl-implementazzjoni tal-impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoi.

Minn 34 impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, tnejn ma ntlaqgħux: fil-livell nazzjonali, baġits tal-akkwist iddedikati għal prodotti u servizzi innovattivi u, fil-livell tal-UE, il-konsultazzjoni mas-sħab soċjali biex l-ekonomija tal-għarfien tinġieb fil-livelli kollha tax-xogħol. Żewġ azzjonijiet huma ttardjati: skrinjar regolatorju u pjan ta' azzjoni għall-ekoinnovazzjoni. Il-Kummissjoni se tintensifika l-isforzi tagħha biex tniedi l-attivitajiet ittradjati fil-pront u tistieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jinbuttaw id-domanda għal soluzzjonijiet innovattivi permezz tal-akkwist pubbliku.

L-Unjoni tal-Innovazzjoni hija mibnija fuq tliet dinamiki differenti. L-ewwelnett, riforma leġiżlattiva dinamika, li tinvolvi t-twaqqif ta' qafas Ewropew ġdid għar-riċerka u l-innovazzjoni. Sar sforz impressjonanti fil-livell tal-UE biex ir-riformi li jippermettu l-innovazzjoni jitpoġġew fuq quddiem. Ibbażata fuq konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni ser tkun ressqet is-sitt proposti leġiżlattivi kollha mħabbra fl-Unjoni tal-Innovazzjoni[74]. Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri huma mistiedna biex jittrattaw b’mod riżolut mal-proposti leġiżlattivi preżenti u li ġejjin u li jimmiraw biex jixprunaw l-innovazzjoni.

It-tieninett, il-mobilizzazzjoni ta' atturi dinamiċi fil-livell tal-UE, l-ittestjar u l-implimentazzjoni ta' strumenti ġodda u kunċetti tal-innovazzjoni. Dawn huma kumplimentari għad-dinamiki leġiżlattivi u jiffokaw fuq forom ġodda ta' innovazzjoni (bħall-innovazzjoni soċjali) jew fuq modi ġodda ta’ kif naћdmu flimkien (bħal Sħubiji tal-Innovazzjoni Ewropej). Dawn huma modi biex inkunu minn ta' quddiem nett fl-innovazzjoni u jagħmluha possibbli li jimmonitorjaw kif qed tevolvi l-innovazzjoni. Mill-ġdid, l-2011 rat ħafna proġetti pilota u studji tal-fattibbiltà u azzjonijiet ulterjuri ser ikomplu fl-2012.

Fl-aħħarnett, is-suċċess tal-Unjoni tal-Innovazzjoni jiddependi fuq kemm jirnexxilha timmobilizza azzjonijiet fil-livell nazzjonali u reġjonali. Ir-reviżjoni tal-programmi nazzjonali ta' riforma toffri punt ta’ tluq tajjeb għal dinamika tal-innovazzjoni b'saħħitha, iżda se tagħti l-frott biss jekk il-miżuri jiġu implimentati b'mod konsistenti. L-Istati Membri tal-UE huma mistiedna jagħmlu aktar biex jipprijoritizzaw l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni u biex jibdlu f'azzjonijiet l-impenji politiċi meħuda fl-2011, speċjalment fit-twettiq tar-riformi mmirati biex tissaħħaħ l-effikaċja tas-sistemi ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tagħhom u jitjieb l-użu tal-Fondi Strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni[75].

Għall-2012, il-Kummissjoni se tkompli twassal l-Unjoni ta' innovazzjoni, notevolment billi tippreżenta iż-żewġ inizjattivi li jifdal tal-Unjoni ta' innovazzjoni skedati għall-2012, jiġifieri l-proposta għall-Qafas taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-indikatur ewlieni l-ġdid[76]. Se tippreżenta wkoll evalwazzjoni esterna mill-Bord Konsultattiv tar-Riċerka u l-Innovazzjoni Ewropea li għadu kif twaqqaf.

Flimkien mal-miżuri politiċi tal-innovazzjoni li qed jitwettqu, il-Kummissjoni se tirrevedi l-approċċi attwali għall-innovazzjoni f’politiki oħra tal-UE u tipproponi strateġiji biex l-innovazzjoni tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE.

Anness: Progress fl-2011 fl-impenji għall-Unjoni tal-Innovazzjoni

Aktar informazzjoni dwar kull impenn tinsab fuq: http://i3s.ec.europa.eu/home.html

Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni | Skadenza | Progress |

1 | Jiġu stabbiliti strateġiji nazzjonali biex jitħarrġu biżżejjed riċerkaturi | 2011 | Skont il-pjan |

2 | Tiġi ttestjata l-fattibbiltà tal-klassifikazzjoni indipendenti tal-universitijiet | 2011 | Skont il-pjan |

Tinħoloq “Alleanzi tal-Għarfien" bejn id-dinja kummerċjali u dik akkademika |

3 | Jiġi propost qafas integrat għall-ħiliet-e | 2011 | Skont il-pjan |

4 | Jiġi propost qafas tal-ŻER u miżuri ta’sostenn | 2012 | Skont il-pjan |

5 | Jiġu mibnija tal-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka prijoritarji | 2015 – 60% | Skont il-pjan |

6 | Jiġu ssimplifikat u ffukati l-programmi futuri ta’riċerka u innovazzjoni tal-UE fi ħdan l-Unjoni tal-Innovazzjoni | 2011 | Skont il-pjan |

7 | Jiġi żgurat involviment akbar tal-SMEs fil-programmi tar-R&I futuri tal-UE | Skont il-pjan |

8 | Tiġi msaħħa l-bażi xjentifika tat-tfassil tal-politika permezz taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka; Jitwaqqaf Forum dwar l-Attivitajiet li jħarsu lejn il-Ġejjieni | Skont il-pjan |

9 | Tiġi stabbilita aġenda strateġika għall-EIT | Nofs l-2011 | Skont il-pjan |

10 | Jiddaħħlu fis-seħħ strumenti finanzjarji fil-livell tal-UE biex jattiraw finanzjament privat | 2014 | Skont il-pjan |

11 | Jiġi żgurat tħaddim transkonfinali ta' fondi ta' kapital ta' riskju | 2012 | Skont il-pjan |

12 | Jissaħħaħ it-tqabbil transkonfinali ta’ kumpaniji innovattivi mal-investituri | Skont il-pjan |

13 | Reviżjoni tal-Qafas tal-Għajnuna mill-Istat għall-R&Ż&I | 2011 | Skont il-pjan |

14 | Titwaqqaf il-Privattiva tal-UE | 2014 | Skont il-pjan |

15 | Skrinjar tal-qafas regolatorju f'oqsma ewlenin | Jibda fl-2011 | Ittardjat |

16 | Jitħaffef u jiġi mmodernizzat l-istipular tal-istandards | Kmieni fl-2011 | Skont il-pjan |

17 | Jitwarrbu baġits nazzjonali għall-akkwist dedikat għall-innovazzjoni | Jibda fl-2011 | Mhux aċċettat |

Jiġi stabbilit fil-livell tal-UE mekkaniżmu ta' appoġġ u li jiffaċilita l-akkwist konġunt | Skont il-pjan |

18 | Jiġi ppreżent pjan ta' azzjoni għall-ekoinnovazzjoni | Kmieni fl-2011 | Ittardjat |

19 | Jitwaqqaf Bord ta' Tmexxija għad-Disinn Ewropew | 2011 | Skont il-pjan |

Tiġi stabbilita Alleanza Ewropea tal-Industriji Kreattivi | Skont il-pjan |

20 | Jiġi promoss aċċess miftuħ; sostenn għas-servizzi ta' informazzjoni għar-riċerka intelliġenti | Skont il-pjan |

21 | Jiġu ffaċilitati r-riċerka kollaborattiva u t-trasferiment tal-għarfien | Skont il-pjan |

22 | Jiġi żviluppat suq tal-għarfien Ewropew għall-privattivi u l-liċenzjar | 2011 | Skont il-pjan |

23 | Salvagwardja kontra l-użu tal-IPRs għall-għanijiet li jmorru kontra l-kompetizzjoni | Skont il-pjan |

24/ 25 | Użu aħjar tal-Fondi Strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni | Jibda fl-2010 Pjattaforma sal-2012 | Skont il-pjan |

26 | Jitnieda proġett pilota tal-Innovazzjoni Soċjali; tiġi promossa l-innovazzjoni soċjali fil-Fond Soċjali Ewropew | Skont il-pjan |

27 | Jingħata sostenn għal programm ta’ riċerka dwar l-innovazzjoni fis-settur pubbliku u soċjali | Jibda fl-2011 | Skont il-pjan |

Tintuża bi prova Tabella tal-Valutazzjoni tal-Innovazzjoni fis-Settur Pubbliku Ewropew |

28 | Jiġu kkonsultati s-sħab soċjali dwar l-interazzjoni bejn l-ekonomija tal-għarfien u s-suq tax-xogħol | Mhux aċċettat |

29 | Jiġu ppreżentati proposti għal Sħubiji tal-Innovazzjoni Ewropea u jitwettqu proġetit pilota | 2011 | Skont il-pjan |

30 | Jiddaħħlu fis-seħħ politiki integrati biex jattiraw talent globali | 2012 | Skont il-pjan |

31 | Jiġu proposti prijoritajiet u approċċi komuni tal-UE/l-Istati Membri għall-kooperazzjoni xjentifika ma' pajjiżi terzi | 2012 | Skont il-pjan |

32 | Jiġu ppreżentati u implimentati infrastrutturi globali tar-riċerka | 2012 | Skont il-pjan |

33 | Awtovalutazzjoni tas-sistemi ta' riċerka u innovazzjoni nazzjonali u identifikazzjoni tal-isfidi u r-riformi; | Skont il-pjan |

34 | Jiġi żviluppat indikatur ewlieni tal-innovazzjoni | Skont il-pjan |

Jiġi mmonitorjat il-progress permezz tat-Tabella tal-Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni |

[1] "Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni" - SEC(2010) 1161.

[2] It-tielet settur jirreferi għal firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet li jinsabu bejn is-suq u l-istat.

[3] It-Tabella tal-Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2010, www.proinno-europe.eu u r-rapport dwar il-Kompetittività tal-Unjoni tal-Innovazzjoni 2011 http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm?section=competitiveness-report&year=2011; Barra dan analiżi tal-prestazzjoni tal-kompetittività mqassma skont il-livell tal-Istat Membru wriet li ħafna minnhom għandhom iżidu l-isforzi tagħhom fl-innovazzjoni: SEC(2011) 1187.

[4] Ir-riżoluzzjoni tal-PE 2010/2245 INI, 27.4.2011.

[5] Il-konklużjonijiet tal-4.2.2011.

[6] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kompetittività, 26.11.2010.

[7] eż. konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-finanzjament fil-futur tal-UE għar-ir-riċerka u l-innovazzjojni, dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, dwar il-modernizzazzjoni tal-politika tal-akkwist pubbliku, u oħrajn.

[8] Komunikazzjoni: ' L-Att dwar is-Suq Uniku. Tnax-il Xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja ', COM (2011) 206 finali.

[9] José Manuel Barroso, l-Istat tal-Unjoni, 28 ta' Settembru 2011.

[10] Konsolidazzjoni fiskali 'intelliġenti' tfisser il-ħarsien u t-tisħiħ tal-investimenti fis-sorsi tat-tkabbir ekonomiku futuri, b'enfasi fuq r-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni bħala nfiq li jgħin it-tkabbir.

[11] L-interpolazzjoni linerai tindika korrelazzjoni bejn il-varjabbli fil-Grafiki. Il-koeffiċjenti tal-korrelazzjonijiet statistikament sinifikanti huma: 0.66 għar-R&Ż-PDG u 0.39 għall-ambjent Kummerċjali. Id-daqs tal-bużżieqa jirrifletti d-daqs tal-ekonomija (bħala sehem mill-PDG tal-UE). Id-dejta tal-Eurostat ittieħdet mis-‘Science and technology Indicators’. Il-kundizzjonijiet ta' qafas huma mkejla skont il-klassifikazzjoni pprovduta mir-rapport tal-Bank Dinji 'Doing Business Report'. Qed jintuża investiment medju ta' 5 snin bħala approssimazzjoni tal-investiment passat fid-dawl tal-istabbiltà relattiva tar-R&Ż imkejla bħala proporzjon (tal-PDG). Il-grafiki 1 u 2 jipprovdu evidenza bbażata fuq korrelazzjoni filwaqt li kwalunkwe valutazzjoni robusta ta' kawżalità tkun teħtieġ analiżi ekonometrika fil-fond abbażi ta' għadd ta' fatturi ekonomiċi u istituzzjonali addizzjonali (bħal pereżempju l-effett ‘catching-up’).

[12] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 33.

[13] Komunikazzjoni: “Konklużjoni tal-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika”, COM (2011) 400 finali.

[14] Għal aktar informazzjoni dwar ix-xejriet tal-politiki tal-innovazzjoni min-naħa tad-domanda fl-Ewropa, ara r-rapport ippubblikat riċentament: http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/_getdocument.cfm?doc_id=7011

[15] Il-kwestjonarju tal-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (KŻER) 2011 dwar l-investimenti fir-R&Ż u miżuri politiċi mill-Istati Membri tal-UE u l-Istati Assoċjati.

[16] L-Awstrija, l-Estonja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, ir-Renju Unit.

[17] Il-Greċja, l-Italja, il-Portugall, Spanja.

[18] COM(2011) 500 u SEC(2011) 867 u 868 tad-29.6.2011.

[19] Impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nri 6 u 7.

[20] Notevolment l-Impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nri 6 u 7, iżda wkoll 10, 16, 17, 20, 27.

[21] Il-Kunsill Ewropew ta' Frar 2011 stieden lill-Kummissjoni biex tesplora l-vijabilità ta' skema simili għall-SBIR (Riċerka għall-Innovazzjoni tan-Negozji Żgħar).

[22] Il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippreskrivi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni [Traduzzjoni mhux uffiċjali], COM (2011) 615.

[23] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-FEŻR u l-Investiment għall-għan tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi [Traduzzjoni mhux uffiċjali], COM (2011) 614.

[24] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 29.

[25] Il-Kunsill Ewropew tal-4.2.2011; Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kompetittività fis-26.10.2010 u d-9.3.2011.

[26] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11.11.2010 u r-rapport tal-11.5.2011.

[27] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, “Is-Sħubija Pilota għall-Innovazzjoni Ewropea dwar it-Tixjiħ Attiv u f'Saħħtu (‘Active and Healthy Ageing’ - AHA). L-ewwel esperjenzi tal-governanza u l-proċessi”, SEC (2011) 1028.

[28] Impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nri 24, 25, 26 u 27.

[29] http://ipts.jrc.ec.europa.eu/activities/research-and-innovation/s3platform.cfm

[30] Eżempji jinkludu l-Monitor tal-Innovazzjoni Reġjonali (http://www.rim-europa.eu/) u l-Osservatorju Ewropew tal-Clusters (http://www.clusterobservatory.eu/index.html).

[31] www.socialinnovationeurope.eu

[32] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva tan-Negozju Soċjali, SEC (2011) 1278.

[33] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 28.

[34] Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni dwar l-iżviluppi reċenti fis-sistemi edukattivi għolja Ewropew, SEC (2011) 1063, p. 30.

[35] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja tal-Ewropa, COM (2011) 567.

[36] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 1.

[37] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 30.

[38] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 2.

[39] Idem.

[40] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 4.

[41] http://ec.europa.eu/research/era/consultation/era_consultation_en.htm

[42] Ara d-dokument li jakkumpanja l-konsultazzjoni pubblika dwar il-qafas taż-ŻER http://ec.europa.eu/research/consultations/era/consultation_era.pdf

[43] Ara: COM (2011) 567.

[44] Dawn jirriflettu l-Prinċipji ta' Salzburg tal-UEK, il-prassi tajba fl-Istati Membri u l-Azzjonijiet Marie Curie.

[45] R1) Riċerkatur tal-Ewwel Stadju, R2) Riċerkatur Rikonoxxut, R3) Riċerkatur Stabbilit u R4) Riċerkatur Ewlieni.

[46] L-Istrateġija tal-impjiegi kienet approvata mill-Grupp tat-Tmexxija taż-ŻER dwar ir-Riżorsi Umani u l-Mobilità f'Novembru 2010.

[47] http://ec.europa.eu/euraxess/index.cfm/jobs/index

[48] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 5.

[49] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 9.

[50] Ara wkoll l-Inizjattiva tas-Suq Mexxej http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/policy/lead-market-initiative/final-eval_en.htm

[51] Impenji tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 15 u 18.

[52] KELLY R. (2011): ‘The performance and prospects of European Venture capital, European Investment Fund’; Dokument ta' Ħidma 2011/9, EIF Riċerka u Analiżi tas-Suq

[53] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 11.

[54] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 12.

[55] L-RSFF ġiet stabbilita f’nofs l-2007 bħala strument tal-finanzjament tad-dejn ġdid taħt l-FP7.

[56] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 10.

[57] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 13; Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, “Reviżjoni ta’nofs it-term tal-Qafas R&Ż&I ”, 10.8.2011

http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/rdi_mid_term_review_en.pdf

[58] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 14.

[59] Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011, fejn stieden lill-Kummissjoni tesplora l-possibilitajiet biex tiżviluppa strument tal-IPR sabiex itejjeb il-valur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

[60] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, “ Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali ”, COM(2011) 287 finali.

[61] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jimplimenta koperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’protezzjoni unitarja tal-privattivi u proposta għal Regolament tal-Kunsill rigward l-arranġamenti għat-traduzzjoni applikabbli, COM (2011) 215 u 216 finali.

[62] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 22.

[63] Ir-rapporti mistennija mill-grupp ta' esperti u ta’studju fi http://ec.europa.eu/enterprise/index_mt.htm

[64] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 19.

[65] Ara Membri:: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/innovation/policy/design-creativity/edii_en.htm

[66] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 19.

[67] Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar viżjoni strateġika għal standards Ewropej u proposta għal Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, COM (2011) 311 u 315 finali.

[68] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 16.

[69] Il-Kummissjoni Ewropea (2010): Indikaturi tal-akkwist pubbliku 2009.http://ec.europa.eu/internal_market/publicprocurement/docs/indicators2009_en.pdf

[70] Rapport ta' evalwazzjoni, SEC (2011) 853, Ġunju 2011.

[71] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 17.

[72] Stati Uniti: http://www.compete.org/about-us/initiatives/ http://www.nsf.gov/about/performance/strategic_plan.jsp

Ċina: http://www.most.gov.cn/eng/index.htm

Indja http://www.dst.gov.in/whats_new/press-release10/pib_10-3-2010.htm

[73] Impenn tal-Unjoni tal-Innovazzjoni Nru 31.

[74] Orizzont 2020, politika ġdida ta’ Koeżjoni, ir-riforma tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, reġim ġdida għal kapital riskjuż, il-pakkett tal-istandardizzazzjoni u proposti leġiżlattivi għal protezzjoni tal-privattivi unitarja.

[75] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4.2.2011

[76] Sehem tad-ditti innovattivi bi tkabbir b’pass mgħaġġel fl-ekonomija; ir-riżultati tal-ewwel ġbir tad-dejta qegħdin bħalissa jiġu diskussi mal-Istati Membri. Eżerċizzju ieħor ta' ġbir ta' dejta ser isegwi fl-2012.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet