52011DC0636


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI LIĠI KOMUNI EWROPEA DWAR IL-BEJGĦ BIEX JIĠU FFAĊILITATI T-TRANŻAZZJONIJIET TRANSKONFINALI FIS-SUQ UNIKU

/* KUMM/2011/0636 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

1. Kuntest

Waħda mill-kisbiet l-iktar sinifikanti tal-Unjoni Ewropea hija s-suq uniku ta' 500 miljun konsumatur. Il-libertajiet fundamentali tiegħu jippermettu lin-negozji u liċ-ċittadini li jiċċaqilqu u jinteraġixxu liberament f'Unjoni mingħajr fruntieri. It-tneħħija kostanti ta' ostakli bejn l-Istati Membri tal-UE ġabet magħha għadd kbir ta' benefiċċji liċ-ċittadini, bħal-libertà li jivjaġġaw, jistudjaw u jaħdmu barra minn pajjiżhom. Iċ-ċittadini bħala konsumaturi gawdew minn għadd ta' benefiċċji ekonomiċi, bħal tariffi tal-ajru u tar-roaming għat-telefonija mobbli irħas u l-possibilità ta' aċċess għal varjetà ikbar ta' prodotti. Il-kummerċjanti setgħu jespandu l-attività tagħhom lil hinn mill-fruntieri ta' pajjiżhom billi jimportaw jew jesportaw il-merkanzija, jipprovdu servizzi jew jistabbilixxu lilhom infushom barra minn pajjiżhom. Għaldaqstant huma jibbenefikaw mill-ekonomiji tal-kobor u minn opportunitajiet akbar ta' negozju li joffri s-suq uniku.

Minkejja dawn is-suċċessi impressjonanti, għad baqa' xi ostakli bejn l-Istati Membri tal-UE. Dawn mhux dejjem jippermettu liċ-ċittadini u lin-negozji jibbenefikaw kompletament mis-suq uniku u b'mod iktar speċifiku, mill-kummerċ transkonfinali. Ħafna minn dawn l-ostakli huma r-riżultat tad-differenzi bejn is-sistemi legali nazzjonali. Fost l-ostakli prinċipali li jxekklu l-kummerċ transkonfinali hemm id-differenzi bejn is-sistemi ta' liġi kuntrattwali tas-27 Stat Membru tal-UE.

It-tranżazzjonijiet ekonomiċi huma kollha msejsa fuq il-kuntratti. Huwa għalhekk li d-differenzi fir-regoli ta' kif jiġi konkluż jew mitmum kuntratt, tal-passi li jittieħdu meta ssir konsenja ta' prodott difettuż jew dwar liema interessi jitħallsu fil-każ ta' pagament li jsir tard, jinħassu kemm fil-ħajja ta' kuljum tal-kummerċjanti kif ukoll f'dik tal-konsumaturi. Fil-każ tal-kummerċjanti dawn id-differenzi joħolqu diffikultajiet u spejjeż addizzjonali, speċjalment meta jkunu jridu jesportaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom lejn bosta Stati Membri oħra tal-UE. Fil-każ tal-konsumaturi, huwa iktar diffiċli li jixtru minn pajjiżi oħra minħabba dawn id-differenzi, sitwazzjoni li tinħass b'mod partikolari fil-kuntest tax-xiri onlajn.

· Id-diffikultajiet għall-kummerċjanti minħabba l-eżistenza ta' liġijiet kuntrattwali differenti

L-eżistenza ta' ostakli marbuta mal-liġi kuntrattwali jista' jkollha impatt negattiv fuq in-negozji li jkunu qed jikkunsidraw il-kummerċ transkonfinali u dawn jistgħu jiddisswaduhom milli jidħlu fi swieq ġodda. Meta kummerċjant jiddeċiedi li jbiegħ xi prodotti lil konsumaturi jew lil negozji fi Stati Membri oħra, huwa jiġi espost għal ambjent legali kumpless ikkaratterizzat mill-varjetà ta' liġijiet kuntrattwali li teżisti fl-UE. Wieħed mill-ewwel passi li għandhom jittieħdu huwa li wieħed isib liema liġi tapplika għall-kuntratt. Jekk tapplika liġi barranija jkun jeħtieġ li l-kummerċjant isir familjari mar-rekwiżiti tagħha, jikseb parir legali u possibilment jadatta l-kuntratt għal-liġi barranija. Fil-każ tal-kummerċ onlajn, jista' jkun li l-kummeċjant ikun irid jadatta l-websajt tiegħu biex tirrifletti r-rekwiżiti obbligatorji li japplikaw fil-pajjiż li għalih tkun iddestinata l-merkanzija. Fost l-ostakli kollha, il-kummerċjanti jikklassifikaw id-diffikultà biex jiskopru d-dispożizzjonijiet ta’ liġi kuntrattwali barranija fl-ewwel post għat-tranżazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi u fit-tielet post għat-tranżazzjonijiet bejn żewġ negozji[1].

Biex jingħelbu dawn l-ostakli jeħtieġ li jiġġarrbu ħafna spejjeż ta' tranżazzjonijiet. Dawn ikollhom l-ikbar impatt fuq l-impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs), b'mod partikolari fuq l-impriżi mikro u żgħar minħabba li l-ispejjeż biex jidħlu f'diversi swieq barranin huma partikolarment għoljin meta mqabbla mal-fatturat tagħhom. L-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għall-esportazzjoni lejn Stat Membru ieħor biss jistgħu jammontaw għal 7% tal-fatturat annwali ta' mikro bejjiegħ bl-imnut. L-ispiża tal-esportazzjoni lejn erba' Stati Membri tista' tlaħħaq sa 26% tal-fatturat annwali tiegħu[2]. Il-kummerċjanti li jiġu dissważi milli jagħmlu tranżazzjonijiet transkonfinali minħabba l-ostakli imposti mil-liġi kuntrattwali jirrinunċjaw għal mill-inqas EUR 26 biljun ta' kummerċ fl-UE kull sena[3].

· Id-diffikultajiet għall-konsumaturi minħabba l-eżistenza ta' liġijiet kuntrattwali differenti

44% tal-konsumaturi jgħidu li jaqtgħu qalbhom jixtru minn pajjiżi oħra tal-UE minħabba l-inċertezzi li jkollhom dwar id-drittijiet tagħhom[4]. Filwaqt li terz tal-konsumaturi jikkunsidraw li jixtru onlajn minn pajjiż ieħor tal-UE jekk ikun hemm regoli Ewropej uniformi[5], huma biss 7% minnhom li fil-fatt jagħmlu dan[6]. L-inċertezzi li jkollhom spiss ikunu marbuta ma' preokkupazzjonijiet dwar x'jistgħu jagħmlu jekk l-affarijiet ma jmorrux sew u tħassib dwar in-natura tad-drittijiet tagħhom jekk jixtru minn pajjiż ieħor. Min-naħa l-oħra, il-konsumaturi li jħossuhom kunfidenti u li huma proattivi fit-tfittxija tagħhom għal prodotti madwar l-UE, b'mod partikolari onlajn, spiss isibu li l-kummerċjant jirrifjuta li jbegħilhom jew li jagħmel il-konsejna f'pajjiżhom. Mill-inqas 3 miljun konsumatur kellhom din l-esperjenza fuq perjodu ta' sena. Fil-prattika, fil-kuntest transkonfinali, it-tentattivi biex wieħed jixtri onlajn iktar ifallu milli jirnexxu[7] u spiss jintemmu b'messaġġ diżappuntanti bħal "Dan il-prodott mhux disponibbli għall-pajjiż ta' residenza tiegħek."

L-ambizzjoni tal-Kummissjoni hija li tneħħi l-ostakli li baqa' għall-kummerċ transkonfinali, tgħin lill-kummerċjanti fit-tranżazzjonijiet tagħhom u tagħmel ix-xiri transkonfinali iktar faċli għall-konsumaturi. Intwera li l-perċentwali tal-kummerċ bilaterali bejn il-pajjiżi li jkollhom sistemi legali msejsa fuq oriġini komuni, bħall-common law jew it-tradizzjoni legali Nordika, ikun 40% ogħla minn dak tal-kummerċ bejn żewġ pajjiżi li ma jkollhomx sistemi legali simili[8]. Filwaqt li żammet dan f'moħħha l-Kummissjoni Ewropea inkludiet strument legali dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea fil-Programm ta' Ħidma tagħha tal-2011[9], li tressaq għall-attenzjoni speċifika tal-Parlament Ewropew f'ittra indirizzata mill-President Jose Manuel Barroso lill-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek[10]. Il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ostakli imposti mid-differenzi fil-liġi kuntrattwali hija rikonoxxuta b'mod speċifiku fl-Istrateġija Ewropa 2020[11] u f'għadd ta' dokumenti oħra strateġiċi għall-UE Dawn jinkludu l-Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma;[12] l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[13] li tipprovdi għal strument fakultattiv ta' liġi kuntrattwali bħala waħda mill-azzjonijiet prinċipali tagħha fil-promozzjoni tal-ekonomija diġitali; ir-Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar[14] li għandha l-għan li tindirizza l-ostakli, inklużi dawk relatati mal-liġi kuntrattwali, li jxekklu l-potenzjal ta' tkabbir tal-SMEs; u l-Att dwar is-Suq Uniku[15] li jmexxi 'l quddiem l-idea ta' strument legali li jiffaċilita t-tranżazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li fetaħ l-ewwel Semestru Ewropew, enfasizza l-potenzjal ta' strument legali dwar liġi kuntrattwali Ewropea għall-istimulazzjoni tat-tkabbir u l-kummerċ fis-suq uniku.[16] Il-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-Ministri tat prijorità lil ħidma ulterjuri fuq liġi kuntrattwali Ewropea fit-tieni nofs tas-sena 2011[17].

1.1. Il-qafas legali attwali

Il-qafas legali attwali fl-UE huwa kkaratterizzat mid-differenzi fil-liġijiet kuntrattwali li hemm bejn l-Istati Membri. Il-leġiżlazzjoni tal-UE fiha għadd ta' regoli komuni li spiss jindirizzaw problemi speċifiċi, imma minn kif jidher fl-Anness I, ħafna mill-oqsma tal-liġi kuntrattwali mhumiex trattati f'dawn ir-regoli armonizzati u, fejn japplikaw, spiss jagħtu flessibilità sostanzjali lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tar-regoli differenti. Fis-suq uniku tal-Ewropa m'hemmx sensiela waħda ta' regoli kuntrattwali uniformi u komprensivi li jistgħu jintużaw min-negozji u mill-konsumaturi fil-kummerċ transkonfinali.

· Ir-regoli f’każ ta’ kunflitt ta’ liġijiet

Sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali fi tranżazzjonijiet transkonfinali, l-UE stabbiliet regoli uniformi f'każ ta' kunflitt ta' liġijiet. Ir-Regolament Ruma I dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali jippermetti lill-partijiet kontraenti li jagħżlu liema liġi tapplika għall-kuntratt tagħhom u li jiddeterminaw liema liġi għandha tapplika fin-nuqqas ta' għażla bħal din[18]. Madankollu, minħabba n-natura tagħhom, ir-regoli f'każ ta' kunflitt ta' liġijiet ma jistgħux ineħħu d-differenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali sostantivi. Huma jwasslu biss għad-determinazzjoni tal-liġi sostantiva nazzjonali li tapplika għal tranżazzjoni transkonfinali fil-każ li jkunu japplikaw potenzjalment għadd ta' liġijiet nazzjonali differenti.

Barra minn hekk, fi tranżazzjonijiet transkonfinali bejn in-negozji u l-konsumaturi, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I jeħtieġ ukoll li l-kummerċjanti li jwasslu l-attività tagħhom fil-pajjiż ta' residenza tal-konsumatur - dan jista' jiġri, pereżempju, bil-ftuħ ta' websajt bil-lingwa ta' dak il-pajjiż, bl-offerta ta' bejgħ bil-munita tal-konsumatur jew bl-użu ta' dominju internazzjonali tal-ogħla livell differenti minn dak użat fil-pajjiż tal-kummerċjant - jikkonformaw mal-livell obbligatorju ta' protezzjoni tal-konsumatur fil-pajjiż ta' residenza tal-konsumatur. Il-kummerċjant jista' japplika l-liġi nazzjonali tal-konsumatur kompletament jew jagħżel liġi oħra, li fil-prattika ġeneralment tkun il-liġi ta' pajjiżu. Madankollu, anki fil-każ imsemmi l-aħħar, il-kummerċjant xorta jrid ikun konformi mad-dispożizzjonijiet obbligatorji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fil-liġi nazzjonali tal-konsumatur, jekk dawn joffru livell ogħla ta' protezzjoni. B'riżultat ta' dan jista' jkun li l-klawżoli u l-kundizzjonijiet standard tal-kummerċjant ikunu jridu jiġu emendati skont ir-rekwiżiti ta' pajjiżi differenti.

· Ir-regoli tal-liġi sostantiva

L-UE ħadet passi importanti biex tnaqqas id-differenzi bejn il-liġijiet sostantivi, b'mod partikolari fir-rigward tal-liġi dwar il-konsumatur, permezz tal-adozzjoni tal-miżuri ta' armonizzazzjoni. Madankollu, dawn il-miżuri ta' armonizzazzjoni ma jkoprux iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' kuntratt u għalhekk ma jneħħux il-ħtieġa li l-kummerċjant iqis is-sistemi ta' liġi kuntrattwali tal-pajjiż tad-destinazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, dawn il-miżuri ta' armonizzazzjoni huma prinċipalment limitati għal tranżazzjonijiet bejn negozji u konsumaturi.

Fil-każ ta' kuntratti bejn negozji u konsumaturi (B2C), il-qafas legali tal-UE wassal għal żieda sinifikanti fil-protezzjoni li tivvantaġġja lill-konsumaturi. Madankollu, minkejja li sar progress fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur li ġiet adottata reċentement fir-rigward tal-allinjament tal-liġijiet nazzjonali, jidher ċar li fil-qasam tal-liġi tal-konsumatur u l-liġi kuntrattwali hemm xi limiti politiċi f'dak li jirrigwarda sa fejn jista' jasal il-metodu ta' 'armonizzazzjoni kompluta'. Dan huwa rifless fil-fatt li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill żammew id-Direttivi relatati ma' klawżoli mhux ġusti fil-kuntratt u mar-rimedji marbuta mal-bejgħ[19], li jippermettu lill-Istati Membri li jibnu fuq id-drittijiet prinċipali armonizzati sa livelli differenti.

Fil-każ ta' kuntratti bejn in-negozji (B2B), il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli sostantivi li adottat l-UE huwa iktar limitat minn dak tal-kuntratti B2C, u jkopri biss ftit kwistjonijiet speċifiċi fil-qasam tal-liġi kuntrattwali. Pereżempju, id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard[20] tarmonizza r-regoli dwar rata ta' imgħax stabbilita f’każ ta' ħlas tard, imma tippermetti li l-Istati Membri japplikaw regoli iktar iebsin. Fuq il-livell internazzjonali, il-Konvenzjoni tan-NU tal-1980 dwar il-Bejgħ Internazzjonali tal-Merkanzija (il-Konvenzjoni ta' Vjenna) introduċiet sensiela ta' regoli b'kamp ta' applikazzjoni iktar wiesa' għat-tranżazzjonijiet B2B. Madankollu, il-Konvenzjoni ta' Vjenna ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri kollha u ma tapplikax fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fil-Portugall u f'Malta. Hija ma tkoprix iċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' kuntratt b'mod komprensiv u (fin-nuqqas ta' ġurisdizzjoni obbligatorja fi ħdan is-sistema tan-NU li tista' titqabbel ma' dik offruta mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea għas-suq uniku tal-UE) ma fiha l-ebda mekkaniżmu li jiżgura l-applikazzjoni tagħha b'mod uniformi peress li l-qrati nazzjonali differenti jistgħu jinterpretawha b'mod differenti. Il-Konvenzjoni ta' Vjenna hija użata minn għadd relattivament żgħir ta' kummerċjanti[21].

1.2. Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea

L-UE ilha għaxar snin taħdem fuq liġi kuntrattwali Ewropea. Bil-Komunikazzjoni tagħha tal-2001 dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea,[22] il-Kummissjoni Ewropea nediet proċess ta' konsultazzjoni pubblika estensiva dwar il-problemi li jinħolqu minħabba d-differenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali tal-Istati Membri. Biex tkompli fuq dan, fl-2003 il-Kummissjoni ħarġet Pjan ta' Azzjoni,[23] fejn ipproponiet li ttejjeb il-kwalità u l-koerenza tal-liġi kuntrattwali Ewropea billi tistabbilixxi Qafas Komuni ta' Referenza li jkun fih prinċipji, terminoloġija u regoli mudell komuni li għandhom jintużaw mil-leġiżlatur tal-Unjoni meta jagħmel jew jemenda l-leġiżlazzjoni.

Sussegwentement il-Kummissjoni ffinanzjat il-ħidma ta' netwerk akkademiku internazzjonali li wettaq ir-riċerka legali preparatorja. Ix-xogħol fuq din ir-riċerka ġie ffinalizzat fl-aħħar tal-2008 u wassal għall-publikazzjoni ta' Abbozz ta' Qafas Komuni ta' Referenza[24] bħala test akkademiku[25]. Parallellament ma' dan, sar ukoll xogħol analitiku mill-Assoċjazzjoni Henri Capitant des Amis de la Culture Juridique Française u s-Société de Legislation Comparée li abbozzaw il-Principes Contractuels Communs[26].

Fl-1 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika (Green Paper), għal perjodu ta' sitt xhur, dwar il-modi differenti li hemm biex il-liġi kuntrattwali fl-UE ssir iktar koerenti. Il-Green Paper ipproponiet medda sħiħa ta' alternattivi differenti ta' politika. Dawn inkludew 'sett ta' strumenti' li jistipulaw definizzjonijiet, prinċipji u regoli mudell koerenti dwar temi relatati mal-liġi kuntrattwali, Regolament li jibdel il-liġijiet kuntrattwali nazzjonali kollha b'liġi waħda Ewropea, jew l-idea ta' strument fakultattiv fl-UE li jkun disponibbli, b'għażla tal-partijiet, bħala alternattiva għal-liġijiet nazzjonali eżistenti. Il-Kummissjoni rċeviet 320 tweġiba[27] għal din il-konsultazzjoni. Għadd ta' partijiet interessati raw il-valur ta' 'sett ta' strumenti', filwaqt li l-Alternattiva 4 (strument fakultattiv ta' liġi kuntrattwali Ewropea) rċeviet appoġġ indipendentement jew flimkien ma' 'sett ta' strumenti', sakemm din tkun tissodisfa ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur u ċarezza u faċilità tal-użu tad-dispożizzjonijiet għall-utent.

Qabel dan, permezz ta' Deċiżjoni tas-26 ta' April 2010,[28] il-Kummissjoni waqqfet grupp ta' esperti fil-liġi kuntrattwali Ewropea, magħmul minn ex imħallfin, persuni li jeżerċitaw il-professjoni legali u akkademiċi mill-Ewropa kollha. Fuq il-bażi tar-riċerka li saret s'issa, il-Grupp kellu l-kompitu li jħejji Studju dwar il-Fattibilità fir-rigward tal-possibilità ta' strument futur ta' liġi kuntrattwali Ewropea li jkopri l-aspetti prinċipali li joħorġu fil-prattika fi tranżazzjonijiet transkonfinali. Sabiex ikun żgurat li jkun hemm interazzjoni mill-qrib bejn ix-xogħol tal-Grupp ta' Esperti u l-ħtiġijiet identifikati mill-konsumaturi, min-negozji (partikolarment l-SMEs) u mill-professjoni legali, il-Kummissjoni waqqfet grupp tal-partijiet interessati prinċipali (imsejjaħ 'Sounding Board') li kkontribwixxa b'mod prattiku fil-Grupp ta' Esperti dwar il-faċilità ta' użu tar-regoli żviluppati għall-Istudju dwar il-Fattibilità. L-Istudju dwar il-Fattibilità ġie ppubblikat fit-3 ta' Mejju 2011 – bħala 'sett ta' strumenti' biex jispiraw ix-xogħol ulterjuri tal-istituzzjonijiet tal-UE – li wassal għal kontribut ta' valur min-naħa tal-partijiet interessati u tal-esperti legali. Mill-120 kontribut li ngħata mill-partijiet interessati, il-biċċa l-kbira tal-kummenti jistgħu jinġabru b'mod ġenerali fi tliet kwistjonijiet prinċipali fir-rigward tal-proposta: kemm hija faċli għall-utent biex jużaha, il-bilanċ bejn l-interessi tan-negozji u l-interessi tal-konsumatur u ċ-ċertezza legali. Il-Kummissjoni laqgħat ħafna mis-suġġerimenti li servew biex il-proposta tittejjeb u tissaħħaħ iktar. Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-partijiet interessati dwar jekk il-kontenut diġitali għandux jiddaħħal fil-proposta – il-biċċa l-kbira ta' dawk li wieġbu, wieġbu fil-pożittiv.

Għal ħafna snin il-Parlament Ewropew appoġġja bis-sħiħ ix-xogħol fuq il-liġi kuntrattwali Ewropea[29]. F'Ġunju 2011, b'risposta għall-Green Paper tal-Kummissjoni, il-Parlament ivvota b'maġġoranza ta' erbgħa membri minn kull ħamsa favur regoli kuntrattwali fakultattivi fl-UE kollha li jkunu jistgħu jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet transkonfinali (l-Alternattiva 4 tal-Green Paper).[30] Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ukoll adotta Opinjoni favur sistema fakultattiva ġdida u avvanzata ta' liġi kuntrattwali[31].

2. Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fakultattiva 2.1. Il-funzjonament tal-Liġi Komuni dwar il-Bejgħ

Wara konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati, u fuq il-bażi ta' valutazzjoni ta' impatt, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Din il-proposta għandha l-għan li tikkontribwixxi għat-titjib tat-tkabbir u tal-kummerċ fis-suq intern fuq il-bażi tal-libertà kuntrattwali u ta' livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur, b'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Il-proposta tintegra s-'sett ta' strumenti' żviluppat mill-Grupp ta' Esperti dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea u mis-'Sounding Board' tal-partijiet interessati, billi tqis il-kontribut li ngħata mill-partijiet interessati u mill-esperti.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tipprevedi sensiela kompluta ta' regoli uniformi dwar il-liġi kuntrattwali li tkopri ċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' kuntratt, li għandha tagħmel parti mil-liġi nazzjonali ta' kull Stat Membru bħala 't-tieni sistema' ta' liġi kuntrattwali. Din it-'tieni sistema' tiffoka bir-reqqa fuq dawk il-kuntratti li huma l-iktar relevanti għall-kummerċ transkonfinali u f'dawk l-oqsma fejn jidher l-iktar ċar li hemm bżonn ta' soluzzjoni għall-ostakli li ġew identifikati. Il-karatteristiċi tagħha huma dawn li ġejjin:

Sistema ta' liġi kuntrattwali komuni għall-Istati Membri kollha: Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tkun it-'tieni sistema' ta' liġi kuntrattwali li tkun identika f'kull Stat Membru. Hija tkun komuni fl-UE kollha.

Sistema fakultattiva: L-għażla tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se tkun fuq bażi volontarja. B'konformità mal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali, kummerċjant għandu l-libertà li jagħżel li joffri kuntratt skont din is-sistema (sistema fakultattiva) jew li jibqa' bil-liġi kuntrattwali nazzjonali eżistenti. M'hemmx obbligu la għan-negozji u lanqas għall-konsumaturi li jikkonkludu kuntratt fuq il-bażi tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

Iffukar fuq il-kuntratti ta' "bejgħ": Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se tintroduċi sensiela ta' regoli awtonomi u kompleti għat-tranżazzjonijiet ta' bejgħ. Din se tkun utli, b'mod partikolari, imma mhux esklussivament għall-fornitura ta' merkanzija onlajn. Tista' tintuża wkoll mill-kummerċjanti li jbiegħu merkanzija u li joffru servizzi relatati magħha b'mod dirett, pereżempju l-istallazzjoni ta' tagħmir tal-kċina. Peress li l-merkanzija hija l-parti l-kbira tal-kummerċ intern tal-UE,[32] jekk jiġu trattati l-ostakli għat-tranżazzjonijiet ta' bejgħ, dan ikollu impatt pożittiv fuq il-kummerċ globali fl-UE. Sabiex titqies l-importanza li dejjem qed tikber tal-ekonomija diġitali u biex ikun żgurat li s-sistema l-ġdida tkun 'ippreparata għall-futur', il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli l-ġodda se jinkludi wkoll il-kuntratti b'kontenut diġitali. Dan ifisser li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tista' tintuża wkoll, pereżempju, biex jinxtraw il-mużika, il-films, is-softwer jew l-applikazzjonijiet li jitniżżlu mill-internet. Dawn il-prodotti jkunu koperti xorta waħda anke jekk ma jkunux maħżuna fuq mezz tanġibbli bħal xi CD jew DVD.

Limitata għal kuntratti transkonfinali: Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jiffoka fuq sitwazzjonijiet transkonfinali fejn jinqalgħu problemi ta' spejjeż addizzjonali marbuta mat-tranżazzjonijiet u ta' kumplessitajiet legali. Għaldaqstant, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ iffukat fuq fejn hemm bżonn u mhix disponibbli biex tissostitwixxi b'mod ġenerali l-liġi kuntrattwali nazzjonali eżistenti. Ħa jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri jekk jagħtux applikazzjoni iktar wiesgħa lil din is-sistema jew le. Għalhekk l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tkun disponibbli anki għal kuntratti nazzjonali – biex b'hekk ikunu jistgħu jitnaqqsu iktar l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għan-negozji li huma attivi fis-suq uniku. L-iffukar fuq il-kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi (B2C) u fuq il-kuntratti bejn in-negozji (B2B) fejn mill-inqas waħda mill-partijiet tkun SME: Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jiffoka fuq aspetti verament problematiċi fit-tranżazzjonijiet transkonfinali, jiġifieri fuq ir-relazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi u r-relazzjonijiet bejn in-negozji meta mill-inqas waħda mill-partijiet tkun SME. Il-kuntratti konklużi bejn individwi privati (C2C) u l-kuntratti bejn il-kummerċjanti fejn l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun SME mhumiex inklużi, peress li bħalissa ma jidhirx li hemm il-bżonn għal azzjoni madwar l-UE kollha fir-rigward ta' dawn it-tipi ta' kuntratti transkonfinali. Permezz tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ l-Istati Membri għandhom l-għażla li jiddeċiedu li jagħmlu l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ disponibbli wkoll għal kuntratti konklużi bejn kummerċjanti meta l-ebda wieħed minnhom ma jkun SME. Fis-snin li ġejjin il-Kummissjoni se tibqa’ tirrevedi l-kwistjoni biex tara jekk ikunx meħtieġ li jkun hemm soluzzjonijiet leġiżlattivi addizzjonali f’dak li jirrigwarda l-kuntratti C2C u B2B.

Sensiela identika ta' regoli għall-protezzjoni tal-konsumatur: Ir-Regolament se jistabbilixxi l-istess livell komuni ta' protezzjoni tal-konsumatur fl-oqsma kollha tal-liġi kuntrattwali. Minħabba l-importanza politika u legali kbira tagħha, din l-armonizzazzjoni se titwettaq fuq il-bażi ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur. Dan se jwassal biex ikun hemm sistema armonizzata, li tiżgura li l-konsumatur ikun protett u fiż-żgur kull darba li tintuża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

Sensiela komprensiva ta' regoli dwar il-liġi kuntrattwali: Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tinkludi regoli li jkopru kwistjonijiet ta' liġi kuntrattwali li huma ta' rilevanza prattika fiċ-ċiklu tal-ħajja ta' kuntratt transkonfinali. Dawn il-kwistjonijiet huma parti mit-taqsimiet li jirrigwardaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet u r-rimedji għal nuqqas ta' twettiq, id-dmirijiet marbuta mal-informazzjoni prekuntrattwali, il-konklużjoni tal-kuntratt (inklużi r-rekwiżiti formali), id-dritt ta' rtirar u l-konsegwenzi tiegħu, l-invalidità b'riżultat ta' żball, frodi jew sfruttament inġust, l-interpretazzjoni, il-kontenut tal-kuntratt u l-effetti tiegħu, il-valutazzjoni u l-konsegwenzi ta' klawżoli tal-kuntratt mhux ġusti, ir-riżarċiment wara li jkun ġie evitat jew mitmum kuntratt kif ukoll il-preskrizzjoni. Hija tistipula l-penali disponibbli fil-każ ta' ksur tal-obbligi u tad-dmirijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, ċerti suġġetti li huma importanti ħafna għal-liġijiet nazzjonali jew li huma inqas relevanti għall-kuntratti transkonfinali – bħar-regoli dwar il-kapaċità legali, l-illegalità/l-immoralità jew ir-rappreżentanza u l-pluralità tad-debituri u l-kredituri – mhux se jkunu indirizzati mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Dawn is-suġġetti se jibqgħu jkunu rregolati mir-regoli tal-liġi nazzjonali li tkun applikabbli skont ir-Regolament Ruma I.

B'dimensjoni internazzjonali: Il-proposta għandha wkoll vokazzjoni internazzjonali peress li, sabiex tkun applikabbli, huwa biżżejjed li parti waħda biss tkun stabbilita fi Stat Membru tal-UE. Il-kummerċjanti jkunu jistgħu jużaw l-istess sensiela ta' klawżoli kuntrattwali meta jittrattaw ma' kummerċjanti oħrajn li ġejjin mill-UE u minn barra l-UE. Il-konsumaturi Ewropej jistgħu jgawdu minn għażla ta' prodotti iktar wiesgħa bil-livell garantit ta' protezzjoni għolja li toffri l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ meta l-kummerċjanti minn pajjiżi terzi jkunu lesti li jbiegħu l-prodotti tagħhom fis-suq intern fuq il-bażi tagħha. Din il-vokazzjoni internazzjonali tippermetti li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tistabbilixxi l-istandard għal tranżazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-kuntratti ta' bejgħ.

2.2. L-effikaċja tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ

Il-metodu tal-Kummissjoni jittratta l-problemi li jiffaċċjaw il-konsumaturi u l-kummerċjanti minħabba d-differenzi fil-liġi kuntrattwali, bl-iktar mod li jirrispetta l-prinċipji ta' proporzjonalità u sussidjarjetà, meta mqabbel mas-soluzzjonijiet l-oħra possibbli li ġew analizzati. Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fakultattiva tkun iktar effettiva minn soluzzjonijiet li jipproponu liġijiet mhux vinkolanti, bħal "sett ta' strumenti" sempliċi (li bħala strument mhux vinkolanti ma jkunx jista' jipprovdi ċertezza legali lill-kummerċjanti jew lill-konsumaturi fit-tranżazzjonijiet tagħhom), peress li din toħloq sensiela waħda u uniformi ta' regoli dwar il-liġi kuntrattwali li tkun disponibbli direttament għan-negozji u għall-konsumaturi. Fl-istess ħin, il-kombinazzjoni tal-karatteristiċi msemmija hawn fuq, b'mod partikolari l-fatt li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tirrappreżenta sensiela ta' regoli fakultattivi imma identiċi li japplikaw biss f'każijiet transkonfinali, tfisser li jistgħu jitnaqqsu l-ostakli għall-kummerċ transkonfinali mingħajr ma jkun hemm interferenza f'metodi u tradizzjonijiet nazzjonali stabbiliti sew. Pereżempju, se tippermetti lill-Istati Membri li jżommu livelli differenti ta' protezzjoni tal-konsumatur fil-liġi kuntrattwali nazzjonali tagħhom diġà eżistenti, skont l-acquis tal-UE. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se tkun żieda fakultattiva mar-regoli eżistenti tal-liġi kuntrattwali mingħajr ma tissostitwixxihom. Għaldaqstant, il-miżura leġiżlattiva se tkopri biss dak li hu meħtieġ biex jinħolqu iktar opportunitajiet għall-kummerċjanti u għall-konsumaturi fis-suq uniku. Barra minn hekk, hemm opportunità ikbar ta' qbil dwar sensiela ta' regoli identiċi msejsa fuq livell għoli ta' protezzjoni bħal dawk inklużi fil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, preċiżament minħabba n-natura volontarja tas-sistema. Negozju jista' jagħżel din is-sistema għaliex ikun jixtieq li jiġi assoċjat mal-livell għoli ta' protezzjoni li tipprovdi, imma mhux obbligat li jagħżilha.

· Il-vantaġġi għan-negozji

Meta kummerċjant jagħżel il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, ir-regoli tagħha jkunu l-uniċi regoli ta' liġi kuntrattwali applikabbli fil-qasam kopert mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-kummerċjant ikun irid iqis sensiela waħda biss ta' regoli - dawk tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Ma jkollux għalfejn jibqa' jqis dispożizzjonijiet nazzjonali obbligatorji oħrajn kif kien ikun irid jagħmel ġeneralment meta jikkonkludi kuntratt ma' konsumatur minn Stat Membru ieħor. Fil-prattika l-bejjiegħa huma dawk li jkunu jridu jieħdu l-inizjattiva biex jagħżlu li jużaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Imbagħad min jixtri jkun jeħtieġ li jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu qabel jintuża dan it-tip ta' kuntratt.

Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se tiżgura li n-negozji jkunu jistgħu jnaqqsu b'mod sostanzjali l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet tagħhom. Fil-prattika, negozju li jfittex li jespandi fi swieq ġodda jkun jeħtieġ li jiffamiljarizza ruħu ma' sistema waħda biss ta' liġi kuntrattwali minbarra dik li jkun diġà familjari magħha. Il-fatt li tintgħażel hi, jirrappreżenta iffrankar, meta mqabbel mas-26 liġi kuntrattwali nazzjonali li li kieku jkollha ssir riċerka dwarhom biex negozju jkun jista' jeżerċita l-attivitajiet kummerċjali tiegħu madwar l-UE kollha. Għaldaqstant il-kummerċjanti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dan l-ambjent legali komuni iktar sempliċi u jkunu jistgħu jespandu fi swieq ġodda b'iktar fiduċja. Meta l-kummerċjanti jbiegħu lil konsumaturi f'pajjiżi oħra jkunu jistgħu jużaw l-adeżjoni tagħhom mal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ bħala marka ta' kwalità.

Fil-każ ta' kuntratti bejn in-negozji (B2B), l-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandu jżid il-valur billi jħaffef in-negozjati dwar il-liġi applikabbli għall-Impriżi Żgħar u Medji (SMEs). Ikun iktar faċli li jintlaħaq ftehim dwar liġi newtrali li tkun aċċessibbli bl-istess mod għaż-żewġ partijiet bil-lingwa tagħhom stess. Ladarba l-kummerċjanti jkunu ffamiljarizzaw ruħhom mal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, huma ma jibqgħux iġarrbu spejjeż kull meta tkun tapplika. Peress li l-problema tal-ispejjeż taffettwa b'mod partikolari lill-SMEs, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ qed timmira lejn dawk il-kuntratti B2B fejn mill-inqas waħda mill-partijiet tkun SME. Sabiex jiġi żgurat li l-SMEs igawdu mill-ogħla benefiċċji, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex, permezz tal-mezzi xierqa, jinformaw lill-kummerċjanti dwar il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u l-benefiċċji tagħha. Barra minn hekk, kull Stat Membru se jkollu l-għażla li jagħmel il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ disponibbli wkoll għall-kuntratti B2B meta l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun SME, u dan meta l-Istat Membru jqis li jkun xieraq.

· Il-vantaġġi għall-konsumaturi

Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ġiet imfassla biex tipprovdi lill-konsumaturi livell għoli ta' protezzjoni, u hija l-istess fl-Istati Membri kollha sabiex tkun tista' titqies bħala marka ta' kwalità li l-konsumaturi jisgħtu jafdaw fiha meta jixtru minn pajjiżi oħra. Wieħed mill-aħjar eżempji ta' dan il-fatt huwa li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se toffri għażla libera ta' rimedji lill-konsumaturi fil-każ li jirċievu prodott difettuż. Għalhekk hi tipprovdi lill-konsumaturi bil-possibilità li jtemmu l-kuntratt minnufih. Bħalissa, għall-biċċa l-kbira tal-konsumaturi madwar l-UE kollha ma teżisti l-ebda għażla libera ta' dan it-tip[33]. Dan il-livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur se jagħti lill-konsumaturi l-fiduċja u l-inċentiv biex jixtru prodotti minn pajjiżi oħra tal-UE.

Fl-interess ta' proċess trasparenti, il-proposta se tiggarantixxi li l-konsumatur ikun dejjem infurmat li l-kuntratt ikun konkluż fuq il-bażi tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, u li jagħti l-kunsens tiegħu fir-rigward. Din l-informazzjoni trid tiġi pprovduta mill-kummerċjant permezz ta' avviż informattiv standard, flimkien ma' spjegazzjoni qasira tad-drittijiet prinċipali protetti. Dan l-avviż jgħin lill-konsumaturi biex jifhmu d-drittijiet prinċipali tagħhom u b'hekk tiġi indirizzata l-inċertezza li taqta' qalb ħafna konsumaturi milli jixtru minn pajjiżi oħra. Peress li l-avviż informattiv se jiġi ppreżentat f'forma ċara u konċiża, kif ukoll ipprovdut fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, hu se jkun ta' għajnuna għall-konsumaturi li ma jaqrawx il-klawżoli u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt minħabba li jkunu twal u kumplessi.

Id-disponibilità ta' iktar offerti transkonfinali se tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi fi swieq li bħalissa qed jiġu evitati mill-kummerċjanti minħabba l-kumplessitajiet ta' liġi kuntrattwali jew, fil-każ tan-negozji, minħabba li d-daqs żgħir tas-suq ma jiġġustifikax l-ispejjeż għoljin tat-tranżazzjonijiet biex jidħlu fis-suq. Dan se jkun ta' benefiċċju għal dawn il-konsumaturi peress li iktar ma jkun hemm kompetizzjoni fis-suq intern iktar ikun hemm għażla kbira ta' prodotti u l-prospettiva ta' prezzijiet irħas.

2.3. Relazzjoni mal-acquis

Il-proposta tirrappreżenta metodu kumplimentari għal dak li jinsab fl-acquis fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur. L-ewwel nett, hija tinkorpora dawk il-miżuri u hija konsistenti magħhom, minkejja li mhix limitata b'livelli minimi ta' protezzjoni li ġew stabbiliti. It-tieni nett, minħabba li hija limitata għal kuntratti transkonfinali, mhix se tissostitwixxi lill-acquis li huwa applikabbli b'mod ġenerali. Għaldaqstant se jkun hemm ħtieġa kontinwa biex jiġu żviluppati standards ta' protezzjoni tal-konsumaturi bl-użu tal-metodu ta' armonizzazzjoni tradizzjonali li ntuża f'dan il-qasam. F'dan ir-rigward, jista' jkun mistenni li biż-żmien iż-żewġ metodi jiżviluppaw flimkien u jispiraw lil xulxin.

Il-proposta hija konformi mal-politiki l-oħra tal-UE. Pereżempju, hija tipprevedi li l-kummerċjanti jikkunsidraw l-użu ta' riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim bħala mod effiċjenti, veloċi u irħis biex jissolva t-tilwim mingħajr il-bżonn li wieħed imur il-qorti. Barra minn hekk, dawk li jixtiequ jagħmlu kawża l-qorti għal somom li ma jaqbżux l-EUR 2000 jkunu jistgħu jużaw il-Proċedura Ewropea għat-Talbiet iż-Żgħar li ġiet stabbilita biex ikun iffaċilitat l-irkupru transkonfinali ta' dejn.

Il-proposta tipprovdi wkoll appoġġ għal inizjattivi futuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ostakli għall-kummerċ fis-suq uniku, kemm jekk permezz ta' Direttivi ta' armonizzazzjoni kif ukoll permezz ta’ miżuri oħra xierqa. Il-proposta fiha xi regoli speċifiċi b'rabta mal-bejgħ fil-każ ta' kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali li fil-futur jistgħu jipprovdu bażi għal politika u miżuri iktar komprensivi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fis-suq diġitali. Sas-sena 2018, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament innifsu se jkunu riveduti billi jitqiesu, fost l-oħrajn, il-ħtieġa li l-kamp ta’ applikazzjoni jiġi estiż iktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-kuntratti B2B, l-iżviluppi fis-suq u l-iżviluppi teknoloġiċi fir-rigward tal-kontenut diġitali u l-iżviluppi futuri fl-acquis tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli teżamina wkoll l-aspetti iktar wesgħin tal-liġi dwar il-konsumatur, bħal jekk ir-regoli marbuta mal-konsumatur għandhomx jiġu aġġornati jew estiżi, pereżempju meta ssir ir-reviżjoni tad-Direttiva Dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali u tad-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieqi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tiriffletti dwar il-prattiki kummerċjali fit-tranżazzjonijiet bejn in-negozji (B2B), billi tinkludi anki l-aspett kuntrattwali tagħhom.

2.4. Miżuri ta' akkumpanjament

Sabiex ikun żgurat li jkun hemm applikazzjoni effettiva u interpretazzjoni uniformi tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, il-proposta qed tipprevedi li fil-futur ikun hemm miżuri ta' appoġġ.

Wara s-suġġerimenti tal-Parlament Ewropew, tan-negozji, tal-persuni li jeżerċitaw il-professjoni legali u tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti kollha biex tgħin fl-iżvilupp ta' 'Mudell ta' kundizzjonijiet kuntrattwali Ewropej' għal oqsma speċjalizzati tal-kummerċ jew għal setturi ta' attività. Kuntratt mudell li jkun fih klawżoli u kundizzjonijiet standard u li jkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea jista' jkun ta' għajnuna għall-kummerċjanti li jkunu jixtiequ jikkonkludu kuntratti transkonfinali fejn tintgħażel il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Fi żmien 3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, il-Kummissjoni se tibda dan il-proċess billi twaqqaf Grupp ta' Esperti li jirrappreżenta b'mod partikolari l-interessi ta' min juża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Il-partijiet interessati jistgħu jikkontribwixxu billi joffru l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa dwar il-prattiki kummerċjali u billi jfasslu klawżoli u kundizzjonijiet standard fis-settur tagħhom filwaqt li japplikaw dak li jkunu tgħallmu mill-esperjenzi diretti tagħhom fl-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

Sabiex ikun żgurat li jsiru interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, il-proposta tipprevedi wkoll li tiġi stabbilita bażi tad-dejta b'aċċess pubbliku tad-deċiżjonijiet Ewropej u nazzjonali li jkollhom impatt fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-istrument. L-Istati Membri se jiġu mitluba jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dawn is-sentenzi mingħajr dewmien.

Sabiex ikun iktar faċli li jkun hemm fehim komuni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, il-Kummissjoni se torganizza sessjonijiet ta' taħriġ għall-persuni li jeżerċitaw il-professjoni legali li jużaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ[34].

3. Konklużjoni

Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tirrappreżenta soluzzjoni konkreta għal problema tanġibbli li għandhom in-negozji u l-konsumaturi: l-ispejjeż u l-inċertezza legali meta jixtru jew ibiegħu minn pajjiż għal ieħor fis-suq intern tal-Ewropa. Hija wkoll metodu innovattiv peress li, skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, iżżomm it-tradizzjonijiet legali u l-kulturi tal-Istati Membri filwaqt li tagħti lill-impriżi l-għażla li jużawha. Il-konsumaturi jibbenefikaw mhux biss minħabba l-fiduċja li tipprovdi permezz tal-livell għoli ta' protezzjoni tagħha, imma anki għax l-użu tagħha se jwassal għal prezzijiet orħos u għal għażla ikbar ta' prodotti. Hija se taqta' l-burokrazija u l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet li jiffaċċjaw il-kummerċjanti u b'hekk tagħti kontribut biex ikun hemm iktar kummerċ u tkabbir transkonfinali fl-ekonomija Ewropea.

Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill u mal-Parlamenti nazzjonali biex tiżgura li jintlaħaq ftehim malajr dwar il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ sal-20 anniversarju tas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll mill-qrib mal-partijiet interessati u b'mod partikolari mal-utenti tal-Liġi Komuni dwar il-Bejgħ (b’mod partikolari mal-SMEs u mal-konsumaturi), kif ukoll ma’ dawk li jaħdmu fil-professjoni legali biex tikseb aċċettazzjoni wiesgħa tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ madwar l-Unjoni Ewropea kollha peress li, minħabba n-natura fakultattiva tagħha, is-suċċess tal-Liġi Komuni dwar il-Bejgħ fl-aħħar mill-aħħar se jkun jiddependi fuq jekk tintgħażilx, u sa liema punt se tintgħażel għal tranżazzjonijiet fis-suq intern.

ANNESS I

Qafas Legali tal-UE fil-qasam tal-proposta dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ

Kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi || Kuntratti bejn in-negozji

Qasam ta' liġi kuntrattwali || Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur || Leġiżlazzjoni oħra rilevanti tal-UE dwar il-konsumatur || Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku || Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku || Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlasijiet tard || Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-bejgħ internazzjonali ta' merkanzija

Informazzjoni u negozjati prekuntrattwali || IVA || IVA || IVA || IVA || LE || LE bi ftit eċċezzjonijiet

Konklużjoni ta’ kuntratt || LE || LE || IVA parzjalment || LE || LE || IVA

Id-drittijiet ta' rtirar || IVA || IVA || LE || LE || LE || LE

Difetti fil-kunsens || LE || LE || LE || LE || LE || LE

Interpretazzjoni || LE || LE (hemm eċċezzjoni waħda) || LE || LE || LE || IVA

Kontenut u effetti || LE || LE || LE || LE || LE || LE bi ftit eċċezzjonijiet

Klawżoli inġusti fil-kuntratti || LE || IVA || LE || LE || IVA parzjalment || LE

Obbligi u rimedji tal-partijiet f'kuntratt ta' bejgħ || LE || IVA || LE || LE || LE || IVA

Kunsinna u trasferiment tar-riskju || IVA || LE || LE || LE || LE || IVA

Obbligi u rimedji tal-partijiet f'kuntratt dwar l-għoti ta' servizz relatat || LE || LE || LE || LE || LE || LE

Danni, ħlasijiet stabbiliti minn qabel għal nuqqas ta' twettiq u imgħax || LE || LE || LE || LE || IVA || IVA

Restituzzjoni || LE || LE || LE || LE || LE || IVA

Preskrizzjoni || LE || LE || LE || LE || LE || LE

[1]               Eurobarometer 321 on European contract law in business-to-consumer transactions (dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea fi tranżazzjonijiet bejn negozji u l-konsumatur), p. 23 u Eurobarometer 320 on European contract law in business-to-business transactions (dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea fi tranżazzjonijiet bejn in-negozji), p. 15. Is-sitwazzjoni fl-Istati Uniti tal-Amerika hija differenti. Minkejja li jeżistu sistemi differenti ta' liġi kuntrattwali fil-50 Stat, kummerċjant stabbilit f'Maryland, pereżempju, jista' jbiegħ il-prodotti tiegħu faċilment lil konsumatur li jgħix fl-Alaska, peress li skont il-liġi tal-Istati Uniti tal-Amerika, f'sitwazzjoni bħal din, jeħtieġ biss li l-kummerċjant iqis ir-regoli dwar il-liġi kuntrattwali li japplikaw f'Maryland mingħajr il-ħtieġa li jaħseb dwar il-liġi kuntrattwali tal-Alaska. Barra minn hekk, il-Kodiċi Kummerċjali Uniformi tal-Istati Uniti ġab miegħu konverġenza qawwija bejn is-sistemi ta' liġi kuntrattwali tal-Istati differenti. Għalhekk, għall-kummerċjanti tal-Istati Uniti, iż-żona ekonomika ta' 50 Stat tista' titqies iktar suq intern f'termini ta' liġi kuntrattwali miż-żona ekonomika tas-27 Stat Membru għall-kummerċjanti tal-UE.

[2]               L-istima hija msejsa fuq it-tweġibiet kummerċjali għall-Istħarriġ tal-Bord tal-SMEs dwar l-Impatti tal-liġi kuntrattwali Ewropea, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/justice/contract/files/report_sme_panel_survey_en.pdf u fuq l-istatistika strutturata dwar in-negozju tal-Eurostat.

[3]               Eurobarometer 320, European contract law in business-to-business transactions (Il-liġi kuntrattwali Ewropea fit-tranżazzjonijiet bejn in-negozji), p. 24 u 25.

[4]               Eurobarometer 299a, Attitudes towards cross-border trade and consumer protection (l-attitudnijiet tal-konsumaturi lejn il-kummerċ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur), p. 10.

[5]               Eurobarometer 299a, p. 14.

[6]               Eurobarometer 299, Consumer attitudes towards cross-border trade and consumer protection (l-attitudnijiet tal-konsumaturi lejn il-kummerċ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur), p. 13.

[7]               SEC(2010)385, It-tielet edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur, p. 9. Minn studju fejn xerrejja anonimi (mystery shoppers) ppruvaw jagħmlu kważi 11 000 tranżazzjoni ta' prova, irriżulta li 61% tat-tentattivi ta' xiri transkonfinali ta' prodotti kienu jfallu. F'50% tal-każijiet il-kummerċjanti rrifjutaw li jipprovdu s-servizz tagħhom fil-pajjiż tal-konsumatur.

[8]               A.Turrini u T. Van Ypersele, Traders, courts and the border effect puzzle, Regional Science and Urban Economics, 40, 2010, p. 82.               

[9]               COM (2010) 623 finali, 31.3.2010, p. 7.

[10]             Ara http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=MEMO/10/393&format=HTML&aged=1&language=MT&guiLanguage=en

[11]             Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Ewropa 2020, Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020 finali, 3.3.2010, p. 21. Ara wkoll l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, l-Anness , ir-rapport dwar il-progress tal-Ewropa 2020 (COM(2011) 11 - A1/2, p. 5.

[12]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa, Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma, COM(2010) 171 finali, 20.4.2010, p. 5 u p. 24.

[13]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Aġenda Diġitali għall-Ewropa, COM(2010) 245 finali, 26.8.2010, p. 13 u p. 37.

[14]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, ir-Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa, COM(2011) 78 finali, 23.2.2011, p. 11 u p. 13.

[15]             Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, l-Att dwar is-Suq Uniku, Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja, Flimkien għal tkabbir ġdid, COM(2011) 206 finali, 13.4.2011, p. 14 u p. 19.

[16]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi, COM(2011)11 finali, 12.1.2010.

[17]             Ara http://pl2011.eu/sites/default/files/users/shared/o_prezydencja/programme_of_the_polish_presidency_of_the_council_of_the_eu.pdf.

[18]             Ir-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 593/2008 tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali, ĠU L 177/6, 4.7.2008.

[19]             Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, ĠU L 171/12 7.7.1999.

[20]             Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (riformulazzjoni), ĠU L 48/1, 23.2.2011.

[21]             Eurobarometer 320 on European contract law in business-to-business transactions (dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea fit-tranżazzjonijiet bejn in-negozji), p.57: 9% biss minn dawk li wieġbu qalu li applikaw b'mod frekwenti l-istrumenti internazzjonali, inklużi l-Konvenzjoni ta' Vjenna u l-Prinċipji UNIDROIT.

[22]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Liġi Kuntrattwali Ewropea, COM(2001) 398, 11.7.2001.

[23]             Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Liġi Kuntrattwali Ewropea iktar Koerenti: Pjan ta' Azzjoni, COM(2003) 68, 12.2.2003.

[24]             Von Bar, C., Clive, E. u Schulte Nölke, H. (eds.), Prinċipji, Definizzjonijiet u Regoli Mudell tal-Liġi Privata Ewropea. Abbozz ta' Qafas Komuni ta' Referenza, Munich, Sellier, 2009.

[25]             Ix-xogħol ta' riċerka ġie ffinanzjat mis-Sitt Progamm Kwadru għar-Riċerka tal-Kummissjoni, imma mhuwiex dokument uffiċjali tal-Kummissjoni.

[26]             Fauvarque-Cosson, B. u Mazeaud, D. (eds.), European Contract Law, Materials for a Common Frame of Reference: Terminology, Guiding Principles, Model Rules, Munich, Sellier, 2008

[27]             It-tweġibiet ingħataw mill-parti l-kbira tal-Istati Membri, minn għadd kbir ta' organizzazzjonijiet kummerċjali, minn għadd ta' organizzazzjonijiet tal-konsumatur, minn ħafna assoċjazzjonijiet ta' persuni li jeżerċitaw il-professjoni legali u minn għadd konsiderevoli ta' akkademiċi.

[28]             ĠU L 105/109, 27.4.2010.

[29]             Ir-Riżoluzzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar azzjoni biex tiġi allinjata l-liġi privata tal-Istati Membri, ĠU C 158, 26.6.1989, p. 400; ir-Riżoluzzjoni tas-6 ta' Mejju 1994 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti setturi fil-liġi privata tal-Istati Membri, ĠU C 205, 25.7.1994, p. 518; ir-Riżoluzzjoni tal-15 ta' Novembru 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġi ċivili u kummerċjali fl-Istati Membri, ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 538; ir-Riżoluzzjoni tat-2 ta' Settembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Liġi Kuntrattwali Ewropea iktar koerenti Pjan ta' Azzjoni, ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 95; ir-Riżoluzzjoni tat-23 ta' Marzu 2006 dwar liġi kuntrattwali Ewropea u r-reviżjoni tal-acquis: prospettivi għall-futur, ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 109-112; ir-Riżoluzzjoni tas-7 ta' Settembru 2006 dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea, ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 247-248; ir-Riżoluzzjoni tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea, ĠU C323E, 18.12.2008, p. 364 -365 u r-Riżoluzzjoni tat-3 ta' Settembru 2008 dwar il-qafas komuni ta' referenza għal-liġi kuntrattwali Ewropea, ĠU C 295E, 4.12.2009, p. 31-32.

[30]             Ir-Riżoluzzjoni ta' Ġunju 2011 dwar l-alternattivi ta' politika biex isir progress lejn liġi kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u għan-negozji, Proċedura 2011/2013 (INI).

[31]             ĠU C 84/1, 17.3.2011.

[32]             Skont il-Eurostat Statistics in Focus 37/2010 u l-Pubblikazzjoni Annwali tal-2009 tal-Eurostat dwar il-Kummerċ Estern u Intern tal-UE, fl-2008 il-volum ta' kummerċ f'merkanzija fl-UE kien erba' darbiet ikbar mill-volum ta' kummerċ fis-servizzi.

[33]             Ma teżistix għażla libera ta' rimedji, kif inklużi fil-liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, fl-Awstrija, fil-Belġju, fil-Bulgarija, f'Ċipru, fir-Repubblika Ċeka, fid-Danimarka, fl-Estonja, fil-Finlandja, fil-Ġermanja, fl-Ungerija, fl-Italja, f'Malta, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovakkja, fi Spanja u fl-Isvezja. Fil-fatt, huma biss ħames Stati Membri li joffru l-istess riżultat bħal dak offrut mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ (Franza, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall) filwaqt li ftit oħrajn adottaw metodu intermedju (l-Irlanda, il-Latvja, is-Slovenja, ir-Renju Unit).

[34]             Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Bini ta’ Fiduċja fil-Ġustizzja madwar l-UE: Dimensjoni Ġdida għat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew, COM (2011) 551 finali.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet