52011DC0573


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali

/* KUMM/2011/0573 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Lejn Politika Kriminali tal-UE: L-iżgurar ta' implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE permezz tal-liġi kriminali

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tippreżenta qafas għall-iżvilupp ulterjuri ta' Politika Kriminali tal-UE taħt it-Trattat ta' Lisbona. Issa l-UE għandha bażi legala espliċita għall-adozzjoni ta' direttivi dwar il-liġi kriminali biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE li ġew suġġetti għal miżuri ta' armonizzazzjoni. Politika kriminali tal-UE għandha jkollha bħala l-għan ġenerali t-trawwim tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-fatt li jgħixu f'Ewropa ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, li l-liġi tal-UE li tħares l-interessi tagħhom hija implimentata u infurzata bis-sħiħ u li fl-istess ħin l-UE se taġixxi fir-rispett sħiħ tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u l-prinċipji bażiċi l-oħra tat-Trattat.

Tħassib għaċ-ċittadini tal-UE

Iċ-ċittadini tal-UE jikkunsidraw il-kriminalità bħala problema importanti li qed tiffaċċja l-Unjoni. Meta jiġu mitluba jidentifikaw il-kwistjonijiet li fuqhom għandhom jiffukaw l-attenzjoni tagħhom l-istituzzjonijiet Ewropej fis-snin li ġejjin biex isaħħu l-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini jikklassifikaw il-ġlieda kontra l-kriminalità fost l-ewwel erba' oqsma ta' azzjoni.[1] L-UE ilha tieħu miżuri fil-qasam tal-liġi kriminali għal aktar minn għaxar snin biex tiġġieled aħjar kontra kriminalità li qed issir dejjem aktar internazzjonali u dejjem aktar sofistikata. Dawn il-miżuri kisbu grad ta' approssimazzjoni tad-definizzjonijiet u l-livelli tas-sanzjonijiet għal ċerti reati partikolarment serji, bħat-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, u t-traffikar tad-droga, u l-frodi li taffettwa lill-interessi finanzjarji tal-UE.[2] Minħabba nuqqas ta' bażi legali espliċita f'dan ir-rigward qabel it-Trattat ta' Lisbona[3], ittieħdu biss ftit li xejn miżuri għall-iskop tat-tisħiħ tal-infurzar tal-politiki tal-UE.[4] Din il-Komunikazzjoni se tiffoka fuq dan l-aspett tal-liġi kriminali tal-UE.

Il-valur miżjud ta' liġi kriminali tal-UE

Il-liġi kriminali huwa qasam tal-politika sensittiv fejn id-differenzi fost is-sistemi nazzjonali jibqgħu sostanzjali, pereżempju rigward it-tipi u l-livelli ta' sanzjonijiet kif ukoll il-klassifikazzjoni ta' ċerta mġiba bħala reat amministrattiv jew kriminali. Madankollu, l-UE tista’ tindirizza lakuni u nuqqasijiet kull fejn l-azzjoni tal-UE twassal għal valur miżjud. Fid-dawl tad-dimensjoni transkonfinali ta' ħafna reati, l-adozzjoni ta’ miżuri tal-liġi kriminali tal-UE tista' tgħin biex tiżgura li l-kriminali la jistgħu jinħbew wara l-fruntieri u lanqas jabbużaw mid-differenzi bejn is-sistemi legali nazzjonali għal skopijiet kriminali.

Tisħiħ ta' fiduċja reċiproka

Regoli minimi komuni f'ċerti oqsma tal-kriminalità huma essenzjali biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-ġudikaturi nazzjonali. Dan il-livell għoli ta' fiduċja huwa indispensabbli għal kooperazzjoni bla diffikultajiet fost il-ġudikaturi fi Stati Membri differenti. Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ġudizzjarji, li huwa l-bażi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali[5], jista' jaħdem b'mod effettiv fuq din il-bażi.

L-iżgurar ta' infurzar effettiv

Il-liġi kriminali jista' jkollha wkoll rwol importanti biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-politiki jiddependu fuq l-implimentazzjoni effettiva mill-Istati Membri. L-Unjoni waħedha ma tistax tiżgura li r-regoli tagħha, li jvarjaw mill-ħarsien ambjentali u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd għas-sikurezza fit-toroq, ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji, il-protezzjoni tad-dejta u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, ikollhom l-effett mixtieq għaċ-ċittadin.

L-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li l-politiki tal-Unjoni jiġu implimentati u normalment jistgħu jiddeċiedu huma stess dwar il-mezzi ta' infurzar. F'dan ir-rigward, il-kontrolli u l-ispezzjonijiet għandhom rwol importanti. F'każijiet fejn dawn l-għażliet ta' infurzar fl-Istati Membri ma jagħtux ir-riżultat mixtieq u l-livelli ta’ infurzar jibqgħu irregolari, l-Unjoni nnifisha tista' tistabbilixxi regoli komuni biex tiżgura l-implimentazzjoni, inkluż, jekk neċessarju, ir-rekwiżit ta' sanzjonijiet kriminali għal ksur tal-liġi tal-UE.

Koerenza u konsistenza

Filwaqt li miżuri tal-liġi kriminali tal-UE jistgħu jkollhom rwol importanti bħala komplement għas-sistemi tal-liġi kriminali nazzjonali, huwa ċar li l-liġi kriminali tirrifletti l-valuri bażiċi, id-drawwiet u l-għażliet ta’ kwalunkwe soċjetà partikolari. It-Trattat ta' Lisbona jaċċetta din id-diversità.[6] Għal din ir-raġuni, huwa partikolarment importanti li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-liġi kriminali tkun konsistenti u koerenti, sabiex ikollha valur miżjud reali.[7]

Qafas legali ġdid

Il-qafas legali taħt it-Trattat ta' Lisbona jipprovdi opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali tal-UE. Il-qafas legali jippermetti b'mod partikolari lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati

Membri jaħdmu flimkien fuq bażi ċara lejn liġi kriminali tal-UE koerenti u konsistenti li fl-istess ħin tipproteġi effettivament id-drittijiet tal-persuni suspettati u akkużati u l-vittmi u tippromwovi l-kwalità tal-ġustizzja. Qabel it-Trattat ta’ Lisbona, il-qafas legali applikabbli għall-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-liġi kriminali[8] kellu għadd ta’ nuqqasijiet. Dawn kienu jinkludu l-aktar il-ħtieġa għal approvazzjoni unanima tal-Istati Membri kollha, il-konsultazzjoni biss tal-Parlament Ewropew u n-nuqqas ta' proċedimenti ta' ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta mill-Istati Membri.

L-arranġament legali l-ġdid jagħti rwol sostanzjali lill-Parlament Ewropew permezz tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni u kontroll ġudizzjarju sħiħ lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill jista’ jadotta proposta jekk maġġoranza kkwalifikata tal-Istati Membri jappoġġawha. Barra minn hekk, it-Trattat ta' Lisbona jsaħħaħ sostanzjalment ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali. Dawn jistgħu jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-abbozzi tal-leġiżlazzjoni u għandhom sehem importanti fil-monitoraġġ tar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Fil-qasam tal-liġi kriminali, dan ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali huwa iktar b'saħħtu milli hu fil-kuntest ta' politiki oħra tal-UE.[9]

Miżuri tal-liġi kriminali jinkludu regoli intrusivi, li jistgħu jirriżultaw fiċ-ċaħda tal-libertà. Huwa minħabba dan li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – li saret legalment vinkolanti permezz tat-Trattat ta’ Lisbona[10] – tipprovdi limiti importanti għall-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam. Il-Karta, li hija l-boxxla tal-politiki kollha tal-UE, tipprovdi nukleu ta' regoli bażiċi vinkolanti li jipproteġu liċ-ċittadini.  

Fil-każ ta' leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali sostantiva jew il-proċedura kriminali, l-Istati Membru jistgħu jużaw l-hekk imsejjaħ "brejk ta' emerġenza", jekk jikkunsidraw li l-leġiżlazzjoni proposta tolqot aspetti fundamentali tas-sistema tal-liġi kriminali nazzjonali tagħhom: f 'dan il-każ il-proposta tiġi riferita lill-Kunsill Ewropew.

Id-Danimarka mhijiex qed tipparteċipa f'miżuri li qed jiġu adottati dwar il-liġi kriminali sostantiva, filwaqt li r-Renju Unit u l-Irlanda jipparteċipaw biss fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' strumenti speċifiċi wara deċiżjoni li jipparteċipaw ("opt-in").[11]

Għaliex l-UE għandha taġixxi – il-valur miżjud ta' leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali tal-UE

It-Trattat ta' Lisbona jagħti l-UE kompetenza kemm fil-qasam tal-proċedura kriminali kif ukoll tal-liġi kriminali sostantiva. Filwaqt li mhuwiex ir-rwol tal-UE li tissostitwixxi l-kodiċijiet kriminali nazzjonali, il-leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali tal-UE tista', madankollu, iżżid, fil-limiti tal-kompetenza tal-UE, valur importanti għas-sistemi tal-liġi kriminali nazzjonali eżistenti.

· Il-liġi kriminali tal-UE trawwem il-fiduċja taċ-ċittadini fl-użu tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu u x-xiri ta' oġġetti jew servizzi minn fornituri minn Stati Membri oħra permezz ta' ġlieda aktar effettiva kontra l-kriminalità u l-adozzjoni ta' standards minimi għad-drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali kif ukoll għall-vittmi tal-kriminalità.

· Illum, ħafna reati serji, inklużi vjolazzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni armonizzata tal-UE, huma transkonfinali. Għalhekk hemm l-inċentiv u l-possibbiltà għall-kriminali li jagħżlu l-Istat Membru bis-sistema ta' sanzjonar l-aktar klementi f’ċerti oqsma tal-kriminalità sakemm ma jkun hemm grad ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li jipprevjeni l-eżistenza ta' dan it-tip ta' "rifuġji".

· Regoli komuni jsaħħu l-fiduċja reċiproka fost il-ġudikaturi u l-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. Dan jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ġudizzjarji minħabba li l-awtoritajiet nazzjonali jħossuhom aktar komdi jirrikonoxxu deċiżjonijiet meħuda fi Stat Membru ieħor jekk id-definizzjonijiet tar-reati kriminali sottostanti jkunu kompatibbli u jkun hemm approssimazzjoni minima tal-livell tas-sanzjoni. Regoli komuni jiffaċilitaw ukoll il-kooperazzjoni fir-rigward tal-użu ta’ miżuri investigattivi speċjali f’każijiet transkonfinali.

· Il-liġi kriminali tal-UE tgħin biex tipprevjeni u tissanzjona reati serji kontra l-liġi tal-UE f'oqsma importanti ta' politika, bħall-ħarsien tal-ambjent jew l-impjieg illegali.

1. Kamp ta' applikazzjoni għal-liġi kriminali tal-UE

L-UE tista' tadotta taħt l-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) direttivi b'regoli minimi dwar il-liġi kriminali tal-UE għal reati differenti.

L-ewwel nett, jistgħu jiġu adottati miżuri taħt l-Artikolu 83(1) TFUE fil-każ ta' lista ta' għaxar reati elenkati espliċitament (l-hekk imsejħa “Euro crimes”) li jirreferu għat-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu tad-droga, it-traffikar illeċitu tal-armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' ħlas, il-kriminalità tal-informatika u l-kriminalità organizzata.[12] Dawn huma reati li jistħoqqilhom, skont it-Trattat innifsu u mill-istess definizzjoni tagħhom, approċċ tal-UE minħabba n-natura partikolarment serja tagħhom u d-dimensjoni transkonfinali tagħhom. Il-parti l-kbira tat-tipi ta' reati huma diġà koperti mil-leġiżlazzjoni ta' qabel Lisbona, li kienet jew li hija fil-proċess li tiġi aġġornata. "Euro crimes" addizzjonali jistgħu biss ikunu definiti mill-Kunsill li jaġixxi unanimament, bil-kunsens tal-Parlament Ewropew.

It-tieni nett, l-Artikolu 83(2) TFUE jippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, biex “[j]ekk l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri f'materji kriminali tkun indispensabbli sabiex tiġi assigurata l-implimentazzjoni effiċjenti ta' politika tal-Unjoni f'qasam li kien suġġett għall-miżuri ta' armonizzazzjoni, [jadottaw] direttivi li jistabbilixxu r-regoli minimi fir-rigward tad-definizzjoni ta' reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam ikkonċernat". Din il-klawżola ma telenkax reati speċifiċi, iżda tagħmel is-sodisfazzjoni ta' ċerti kriterji legali prekundizzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri tal-liġi kriminali fil-livell tal-UE. Għalhekk huwa notevolment fir-rigward tal-Artikolu 83(2) TFUE li politika kriminali tal-UE hija partikolarment meħtieġa; u fejn din il-Komunikazzjoni hija maħsuba biex tipprovdi gwida speċifika. L-aktar importanti, huwa f’dan il-qasam li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġu jagħmlu għażliet ta' politika jekk jużawx jew ma jużawx il-liġi kriminali (minflok miżuri oħra, bħal sanzjonijiet amministrattivi) bħala għodda ta' infurzar; u biex jiddeterminaw liema politiki tal-UE jeħtieġu l-użu tal-liġi kriminali bħala għodda addizzjonali ta’ infurzar.

Eżempju: Ir-regoli tal-UE dwar l-imġiba tas-suq finanzjarju huma każ ċar fejn il-liġi kriminali tista' tkun għodda supplimentari utli biex jiġi żgurat infurzar effettiv. Kif uriet il-kriżi finanzjarja, ir-regoli tas-suq finanzjarju mhumiex dejjem rispettati u applikati biżżejjed. Dan jista' jimmina serjament il-fiduċja fis-settur finanzjarju. Konverġenza akbar bejn is-sistemi legali fl-Istati Membri, inkluż fil-liġi kriminali, tista' tgħin biex jiġi evitat ir-riskju tal-funzjonament ħażin tas-swieq finanzjarji u tgħin l-iżvilupp ta' kundizzjonijiet ekwi fi ħdan is-suq intern.[13]

Minbarra dan, l-Artikolu 325(4) tat-Trattat jipprovdi għall-possibbiltà speċifika li jittieħdu miżuri fil-qasam tal-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, qasam li fih diġà teżisti xi leġiżlazzjoni pre-Lisbona.[14] Dan huwa qasam ta' importanza kbira għall-kontribwenti tat-taxxa tal-UE, li qed jiffinanzjaw il-baġit tal-UE u li leġittimament jistennew miżuri effettivi kontra attivitajiet illegali mmirati lejn il-finanzi pubbliċi tal-UE, eż. fil-kuntest tal-fondi agrikoli u reġjonali tal-UE jew l-għajnuna għall-iżvilupp.[15]

2. Liema prinċipji għandhom jiggwidaw il-leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali tal-UE?

Bl-istess mod bħal fil-liġi nazzjonali, il-leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali tal-UE għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa. Il-liġi kriminali, kemm nazzjonali kif ukoll Ewropea, tikkonsisti f'regoli b’impatt sinifikanti fuq l-individwi. Għal din ir-raġuni, u minħabba li l-liġi kriminali għandha dejjem tibqa' miżura tal-aħħar rikors, il-leġiżlazzjoni ġdida għandha teħtieġ ir-rispett ta' prinċipji legali fundamentali.

2.1. Prinċipji ġenerali li għandhom jiġu rispettati

Ir-rekwiżit ġenerali tas-sussidjarjetà għal-leġiżlazzjoni tal-UE għandu jingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-liġi kriminali. Dan ifisser li l-UE tista’ tilleġiżla biss jekk l-għan ma jistax jintlaħaq b'mod aktar effettiv minn miżuri fil-livell nazzjonali jew il-livell reġjonali u lokali iżda li, pjuttost minħabba li l-iskala jew l-effetti tal-miżura proposta, dan jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Barra minn hekk, id-drittijiet fundamentali, hekk kif garantiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iridu jiġu rispettati fi kwalunkwe qasam tal-politika tal-Unjoni. Miżuri tal-liġi kriminali huma sensittivi għad-drittijiet fundamentali. Dawn inevitabbilment jinterferixxu mad-drittijiet individwali, kemm dawk tal-persuna suspettata, kif ukoll dawk tal-vittma jew tax-xhieda. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn jistgħu jirriżultaw f'ċaħda tal-libertà u għalhekk jeħtieġu attenzjoni partikolari mil-leġiżlatur.

2.2. Approċċ f’żewġ fażijiet fil-leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali

Il-leġiżlatur tal-UE għandu jimxi fuq żewġ fażijiet beta jieħu deċiżjoni dwar miżuri tal-liġi kriminali bl-għan li jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE li huma s-suġġett ta' miżuri ta' armonizzazzjoni.

2.2.1. Fażi 1: Id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu adottati miżuri tal-liġi kriminali jew le

· In-Neċessità u l-Proporzjonalità - il-liġi kriminali bħala mezz tal-aħħar rikors (“ ultima ratio”)

Investigazzjonijiet u sanzjonijiet kriminali jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq id-drittijiet taċ-ċittadini u jinkludu effett ta' stigmatizzazzjoni. Għalhekk, il-liġi kriminali għandha dejjem tibqa' miżura tal-aħħar rikors. Dan huwa rifless fil-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità (kif inkorporat fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea[16] u, speċifikament fil-każ tal-pieni kriminali, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE[17]). Għal miżuri tal-liġi kriminali li jappoġġjaw l-infurzar tal-politiki tal-UE[18], it-Trattat jesiġi espliċitament test dwar jekk miżuri tal-liġi kriminali humiex “essenzjali” biex jintlaħaq l-għan ta' l-implimentazzjoni effiċjenti ta' politika.

Għalhekk, il-leġiżlatur irid janalizza jekk miżuri minbarra miżuri tal-liġi kriminali, eż. reġimi ta' sanzjoni ta’ natura amministrattiva jew ċivili, jistgħux jiżguraw suffiċjentement l-implimentazzjoni tal-politika u jekk il-liġi kriminali tistax tindirizza l-problemi b'mod aktar effikaċi. Dan se jeħtieġ analiżi bir-reqqa fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt qabel kwalunkwe proposta leġiżlattiva, inkluż pereżempju u skont l-ispeċifiċitajiet tal-qasam tal-politika kkonċernat, valutazzjoni ta’ jekk is-sistemi tas-sanzjonijiet tal-Istati Membri jiksbux ir-riżultat mixtieq u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-awtoritajiet nazzjonali li jimplimentaw il-liġi tal-UE fil-prattika.

2.2.2. Fażi 2: Prinċipji li jiggwidaw id-deċiżjoni dwar liema tip ta’ miżuri tal-liġi kriminali għandhom jiġu adottati

Jekk il-Fażi 1 turi l-ħtieġa għal-liġi kriminali, id-domanda li jmiss hija liema miżuri konkreti għandhom jittieħdu.

· Regoli minimi

Il-leġiżlazzjoni tal-UE rigward id-definizzjoni ta' reati u sanzjonijiet kriminali hija limitata għal "regoli minimi" taħt l-Artikolu 83 tat-Trattat. Din il-limitazzjoni teskludi armonizzazzjoni sħiħa. Fl-istess ħin, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeħtieġ li biex tiġi meqjusa bħala kriminali, il-kondotta għandha tkun definita b'mod ċar.

Madankollu, Direttiva tal-UE dwar il-liġi kriminali m'għandha l-ebda effett dirett fuq ċittadin; l-ewwel trid tiġi implimentata fil-liġi nazzjonali. Għalhekk, ir-rekwiżiti għal ċertezza legali mhumiex l-istess bħalma huma fil-leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali nazzjonali. Il-fattur importanti hija ċ-ċarezza għal-leġislatur nazzjonali dwar ir-riżultati li għandhom jinkisbu fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Fir-rigward ta' sanzjonijiet, "regoli minimi" jistgħu jkunu rekwiżiti ta' ċerti tipi (eż. multi, priġunerija, skwalifika) jew livelli ta' sanzjonijiet jew id-definizzjoni ta' liema ċirkostanzi għandhom ikunu kkunsidrati bħala ċirkostanzi aggravanti jew mitiganti li tapplika għall-UE kollha. F'kull każ, l-istrument tal-UE jista' biss jistabbilixxi liema sanzjonijiet għandhom ikunu “mill-inqas” disponibbli għall-imħallfin f’kull Stat Membru.

· Neċessità u proporzjonalità

Il-kondizzjoni tan-"neċessità" stipulata hawn fuq tapplika wkoll fil-livell tad-deċiżjoni dwar liema miżuri tal-liġi kriminali għandhom jiġu inklużi fi strument leġiżlattiv partikolari. It-"test tan-neċessità" isir aktar importanti aktar mar-regoli previsti jkunu dettaljati fir-rigward tat-tip u l-livell tas-sanzjonijiet li għandhom jinħtieġu mill-Istati Membri. Ir-rekwiżit espliċitu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali[19] li jgħid li "is-severità tal-piena m'għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat" japplika.

· Evidenza fattwali ċara

Biex tiġi stabbilita n-neċessità għal regoli minimi dwar il-liġi kriminali, l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jkunu kapaċi jistrieħu fuq evidenza fattwali ċara dwar in-natura jew l-effetti tar-reat inkwistjoni u dwar is-sitwazzjoni legali diverġenti fl-Istati Membri kollha li tista’ tipperikola l-infurzar effettiv ta' politika tal-UE suġġetta għall-armonizzazzjoni. Għalhekk l-UE jeħtieġ li jkollha għad-disposizzjoni tagħha dejta statistika mill-awtoritajiet nazzjonali li jippermettulha tivvaluta s-sitwazzjoni fattwali. Bħala parti mill-azzjoni ta' segwitu tagħha, il-Kummissjoni se tiżviluppa pjanijiet biex tiġbor aktar dejta u evidenza statistika biex tindirizza l-oqsma koperti mill-Artikolu 325(4) u l-Artikolu 83(2).

· It-tfassil tas-sanzjonijiet għar-reat

L-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali, notevolment sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-politiki tal-UE teħtieġ ukoll kunsiderazzjoni bir-reqqa ta', pereżempju, dawn il-kwistjonijiet li ġejjin:

– jekk għandhomx jiġu inklużi tipi ta’ sanzjonijiet għajr minn priġunerija u multi biex jiġi żgurat livell massimu ta’ effettività, proporzjonalità u dissważività, kif ukoll il-ħtieġa għal miżuri addizzjonali, bħall-konfiska; kif ukoll

– jekk għandhiex tiġi imposta responsabbiltà kriminali jew mhux kriminali fuq persuni legali, b'mod partikolari fir-rigward tal-oqsma ta' kriminalità fejn l-entitajiet legali għandhom rwol partikolarment importanti bħala awturi.

X'inhu l-kontenut possibbli tar-regoli minimi tal-UE dwar il-liġi kriminali?

Id-definizzjoni tar-reati, jiġifieri d-deskrizzjoni ta' kondotta li hija meqjusa bħala kriminali, dejjem tkopri l-kondotta tal-awtur prinċipali iżda tkopri wkoll, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, kondotta anċillari bħall-istigazzjoni, l-għajnuna u l-kompliċità. F’xi każijiet, it-tentattiv biex jitwettaq ir-reat huwa kopert ukoll.

L-istrumenti kollha tal-liġi kriminali tal-UE jinkludu fid-definizzjoni tagħhom il-kondotta intenzjonali, iżda f’xi każijiet ukoll kondotta negliġenti serja. Xi strumenti jkomplu jiddefinixxu dawk li għandhom jitqiesu bħala ċirkostanzi "aggravanti" jew "mitiganti" għad-determinazzjoni tas-sanzjoni f’każ partikolari.

Ġeneralment, il-leġiżlazzjoni tal-UE tkopri reati mwettqa minn persuni naturali kif ukoll minn persuni legali bħal kumpaniji jew assoċjazzjonijiet. Dawn tal-aħħar jistgħu jkunu importanti f'ħafna oqsma, eż. fir-responsabbiltà għal tixridiet taż-żejt. Madankollu, fil-leġiżlazzjoni eżistenti, l-Istati Membri dejjem tħallew l-għażla dwar it-tip ta' responsabbiltà li l-persuni legali jkollhom fir-rigward ta' reati kriminali, minħabba li l-kunċett tar-responsabbiltà kriminali ta' persuni legali ma jeżistix fis-sistemi legali nazzjonali kollha.

Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tal-UE tista' tkopri regoli dwar il-ġurisdizzjoni, kif ukoll aspetti oħra li huma kkunsidrati bħala parti mid-definizzjoni bħala elementi neċessarji għall-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjoni legali.

Fir-rigward tas-sanzjonijiet, il-liġi kriminali tal-UE tista' tobbliga lill-Istati Membri japplikaw sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal kondotta speċifika. L-effettività teżiġi li s-sanzjoni tkun adattata biex jintlaħaq l-għan mixtieq, jiġifieri l-osservanza tar-regoli; il-proporzjonalità teħtieġ li s-sanzjoni tkun proporzjonata għall-gravità tal-kondotta u l-effetti tagħha u ma tistax teċċedi dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan; u d-dissważività teħtieġ li s-sanzjonijiet jikkostitwixxu deterrent adegwat għal awturi potenzjali futuri.

Xi kultant, il-liġi kriminali tal-UE tiddetermina aktar speċifikament, liema tipi u/jew livelli ta’ sanzjonijiet għandhom ikunu applikabbli. Dispożizzjonijiet dwar il-konfiska jistgħu jiġu inklużi wkoll. Mhuwiex l-għan ewlieni ta' approssimazzjoni fl-UE kollha li jiżdiedu l-livelli ta' sanzjoni applikabbli rispettivi fl-Istati Membri iżda pjuttost li jitnaqqas il-grad ta' varjazzjoni bejn is-sistemi nazzjonali u li jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta' sanzjonijiet "effettivi, proporzjonati u dissważivi" jkunu tabilħaqq sodisfatti fl-Istati Membri kollha.

3. Liema huma l-oqsma ta' politika tal-UE fejn il-liġi kriminali tal-UE tista' tkun meħtieġa?

Miżuri tal-liġi kriminali jistgħu jitqiesu bħala element li jiżgura l-infurzar effettiv tal-politiki tal-UE, kif rikonoxxut mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-politiki tal-UE jkopru varjetà wiesgħa ta’ suġġetti, fejn ġew żviluppati regoli komuni matul l-aħħar deċennji għall-benessri taċ-ċittadini. Dawn l-oqsma ta' politika jvarjaw mill-unjoni doganali u r-regoli tas-suq intern għall-ħarsien tal-ambjent.

F'dawn l-oqsma kollha ta' politika, l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li l-ksur tal-liġi tal-UE jiġi sanzjonat b’pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri jistgħu ġeneralment jagħżlu n-natura tas-sanzjoni li m'għandhiex għalfejn tkun kriminali iżda tista' tkun ukoll amministrattiva.

Fejn id-diskrezzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE ma twassalx għall-infurzar effettiv mixtieq, jista' jkun meħtieġ li jiġi rregolat, permezz ta' regoli minimi fil-livell tal-UE, liema sanzjonijiet l-Istati Membri jridu jipprevedu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. L-approssimazzjoni tal-livelli tas-sanzjonijiet se tista' tkun ikkunsidrata, b'mod partikolari, jekk analiżi tal-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet attwali ta' natura amministrattiva jew kriminali turi differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri u jekk dawk id-differenzi jwasslu għal applikazzjoni inkonsistenti tar-regoli tal-UE.

Jekk l-azzjoni tal-UE tkun meħtieġa, jeħtieġ li l-leġiżlatur tal-UE jiddeċiedi jekk humiex meħtieġa sanzjonijiet kriminali jew jekk sanzjonijiet amministrattivi komuni humiex biżżejjed. Dan se jiddependi fuq evalwazzjoni każ b'każ tal-problemi speċifiċi ta' infurzar f’qasam ta' politika skont il-prinċipji gwida msemmija hawn fuq.

Hemm għadd ta’ oqsma tal-politika li ġew armonizzati u fejn ġie stabbilit li huma meħtieġa miżuri tal-liġi kriminali fil-livell tal-UE. Dan jikkonċerna notevolement miżuri kontra prattiċi li jikkawżaw ħsara serja u kontra profitti illegali f’xi setturi ekonomiċi sabiex jiġu protetti l-attivitajiet ta' negozji leġittimi u salvagwardjati l-interessi tal-kontribwenti tat-taxxa:

· is-settur finanzjarju, eż. dwar manipulazzjoni tas-suq jew informazzjoni privileġġjata;[20]

· il-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi żgurat li flus il-kontribwenti tat-taxxa jkollhom l-istess livell ta' protezzjoni madwar l-Unjoni. F'Komunikazzjoni riċenti, il-Kummissjoni stabbiliet firxa ta’ għodod li għandhom jiġu kkunsidrati biex tissaħħaħ din il-protezzjoni,[21] inkluż proċedura kriminali, definizzjonijiet komuni ta’ reati u regoli dwar il-ġurisdizzjoni.

· il-ħarsien tal-euro mill-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali sabiex tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fis-sigurtà tal-mezzi tal-ħlas.

Il-Kummissjoni se tkompli tirrifletti fuq modi kif il-liġi kriminali tista' tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku billi tgħin biex tiġi indirizzata l-ekonomija illegali u l-kriminalità finanzjarja.

F'oqsma armonizzati oħra ta' politika, ir-rwol potenzjali tal-liġi kriminali bħala għodda neċessarja biex jiġi żgurat infurzar effettiv jista' wkoll jiġi esplorat aktar. Eżempji indikattivi jistgħu jkunu:

· it-trasport bit-triq, dwar, eż, ksur serju ta' regoli soċjali, tekniċi, tas-sigurtà u tas-suq għat-trasporti professjonali tal-UE;[22]

· il-protezzjoni tad-dejta, għal każijiet ta’ ksur serju ta’ regoli eżistenti tal-UE;[23]

· ir-regoli doganali li jikkonċernaw l-approssimazzjoni ta' reati u pieni doganali;[24]

· il-ħarsien ambjentali, jekk il-leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali eżistenti f’dan il-qasam[25] teħtieġ tisħiħ ulterjuri fil-ġejjieni sabiex tiġi pprevenuta u sanzjonata ħsara ambjentali;

· il-politika tas-sajd, li fiha l-UE adottat kampanja ta' "tolleranza żero" kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat.

· politiki tas-suq intern kontra prattiċi illegali bħall-iffalsifikar u l-korruzzjoni jew kunflitti ta' interess mhux dikjarati fil-kuntest ta' sejħiet pubbliċi għall-offerti.

Dawn huma oqsma li se jeħtieġu aktar valutazzjoni dwar jekk u f’liema oqsma regoli minimi dwar id-definizjoni ta' reati u sanzjonijiet kriminali jistgħu jkunu essenzjali sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Din l-analiżi għandha tqis dan li ġej:

Is-serjetà u n-natura tal-ksur tal-liġi għandhom jiġu kkunsidrati. Għal ċerti atti illegali meqjusa bħala partikolarment gravi, sanzjoni amministrattiva tista' ma tkunx rispons qawwi biżżejjed. Fuq l-istess linja, sanzjonijiet tal-liġi kriminali jistgħu jintgħażlu meta jkun meqjus importanti li tiġi enfasizzata diżapprovazzjoni qawwija sabiex tiġi żgurata deterrenza. Id-dħul ta' kundanni fil-kondotta jista' jkollhom natura deterrenti partikolari. Fl-istess ħin, proċedimenti kriminali ta' spiss jipprovdu għal protezzjoni akbar tad-drittijiet tal-akkużat, li jirriflettu s-serjetà tal-akkuża. L-effiċjenza tas-sistema ta' sanzjoni għandha tiġi kkunsidrata, kif ukoll sa fejn u r-raġunijiet għaliex is-sanzjonijiet eżistenti ma jilħqux il-livell ta’ infurzar mixtieq. It-tip ta' sanzjoni li huwa meqjus l-aktar xieraq biex jintlaħaq l-għan globali ta' effettività, proporzjonalità u dissważività għandhu jintgħażel. Sanzjoni amministrattiva ta' spiss tista' tiġi deċiża u eżegwita mingħajr dewmien, u proċeduri twal u li jeżiġu ħafna riżorsi jistgħu b'hekk jiġu evitati. Sanzjonijiet amministrattivi jistgħu għal din ir-raġuni jiġu kkunsidrati għal oqsma li fihom, pereżempju, ir-reat mhuwiex partikolarment serju jew li jitwettaq f'okkażjonijiet numerużi kif ukoll f'oqsma fejn is-sanzjonijiet u l-proċeduri amministrattivi huma adattati u effettivi għal raġunijiet oħra (eż. evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi). F’ħafna każijiet, il-liġi amministrattiva tipprevedi wkoll firxa usa' ta' sanzjonijiet possibbli, minn multi u sospensjoni tal-liċenzji għall-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi, li jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjoni speċifika. F’ħafna każijiet, is-sanzjonijiet amministrattivi jistgħu għalhekk ikunu suffiċjenti jew anke aktar effettivi mis-sanzjonijiet kriminali.

4. Konklużjoni

Għalkemm il-qafas legali l-ġdid introdott mit-Trattat ta' Lisbona ma jimmodifikax b'mod radikali l-kamp ta' applikazzjoni possibbli tal-liġi kriminali tal-UE, huwa jsaħħaħ konsiderevolment il-possibbiltà li jsir progress bl-iżvilupp ta' Politika Kriminali koerenti tal-UE li hija bbażata fuq konsiderazzjonijiet kemm ta' infurzar effettiv kif ukoll ta' protezzjoni soda tad-drittijiet fundamentali. Din il-komunikazzjoni hija l-ewwel pass fl-isforzi tal-Kummissjoni biex twaqqaf Politika Kriminali tal-UE koerenti u konsistenti billi tistabbilixxi l-mod kif l-UE għandha tuża l-liġi kriminali biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE. Jeħtieġ li t-tfassil ta' din il-politika ikun iffukat fuq il-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-UE u r-rekwiżiti ta' żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja tal-UE, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ is-sussidjarjetà u l-fatt li l-użu l-liġi kriminali għandu dejjem ikun l-aħħar soluzzjoni.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tfassal, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament u mal-Kunsill, formulazzjoni standard. Dan għandu jkun ta' gwida għal-leġiżlatur tal-UE fit-tfassil ta' dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali li jistabbilixxu regoli minimi dwar ir-reati u s-sanzjonijiet. Dan għandu jikkontribwixxi biex tiġi żgurata konsistenza, tiżdied iċ-ċertezza legali u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni għandha wkoll twaqqaf grupp ta' esperti biex jgħin lill-Kummissjoni fil-ġbir tal-evidenza fattwali u fit-tnedija ta' aktar diskussjonijiet dwar kwistjonijiet legali importanti bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-sistemi tal-liġi kriminali nazzjonali tal-Istati Membri. Dan jinkludi pereżempju:

-           ir-relazzjoni bejn is-sistemi ta’ sanzjoni kriminali u mhux kriminali; kif ukoll

-           l-interpretazzjoni ta' kunċetti tal-liġi kriminali użati regolarment fil-leġiżlazzjoni tal-UE, bħall-kunċett ta’ “sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi", "każijiet minuri" jew "għajnuna u kompliċità".

Abbażi ta' evalwazzjoni bir-reqqa tal-miżuri tal-liġi kriminali tal-UE eżistenti u ta' konsultazzjoni kontinwa mal-Istati Membri u l-esperti indipendenti, il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-politika kriminali tal-UE matul is-snin li ġejjin.

Il-viżjoni tagħna għal Politika Kriminali tal-UE koerenti u konsistenti sal-2020:

- Il-liġi kriminali tal-UE tista' tkun għodda importanti u aħjar fil-ġlieda kontra l-kriminalità bħala reazzjoni għat-tħassib taċ-ċittadini u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-UE. .

- Fl-oqsma ta' politika tal-UE fejn hemm nuqqas identifikat ta' infurzar, il-Kummissjoni se tevalwa l-ħtieġa għal miżuri tal-liġi kriminali ġodda bbażati fuq evalwazzjoni tal-prattika tal-infurzar u fir-rispett sħiħ tal-prinċipji fundamentali tat-Trattat bħas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-protezzjoni tal-funzjonament tas-swieq finanzjarji, il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE, il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, ksur serju tar-regoli tat-trasport bit-triq, ksur serju tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, ir-reati doganali, il-ħarsien ambjentali, il-politika tas-sajd u l-politiki tas-suq intern għall-ġlieda kontra l-prattiċi illegali bħall-iffalsifikar u l-korruzzjoni jew kontra l-kunflitti tal-interess mhux dikjarati fil-kuntest ta' sejħiet għall-offerti pubbliċi.

- Għandu jkun hemm fehim komuni dwar il-prinċipji gwida sottostanti tal-leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali tal-UE, bħall-interpretazzjoni tal-kunċetti legali bażiċi użati fil-liġi kriminali tal-UE; u kif is-sanzjonijiet tal-liġi kriminali jistgħu jipprovdu l-aktar valur miżjud fil-livell tal-UE.

- Il-miżuri tal-liġi kriminali għandhom jiġu ankrati fis-sod fi standards għall-UE kollha għad-drittijiet proċedurali u d-drittijiet tal-vittmi skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

[1]               Ara l-Eurobarometer 75, Rebbiegħa 2011. L-ewwel erba’oqsma fejn l-azzjoni tal-UE għandha tiffoka huma: il-politika ekonomika u monetarja, il-politika tal-immigrazzjoni, il-politika tas-saħħa u l-ġlieda kontra l-kriminalità.

[2]               Id-Deċiżjoni Kwadru dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2002/475/ĠAI), ĠU L 164/3 22.6.2002; Id-Deċiżjoni Kwadru li tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar l-elementi kostitwenti ta' atti kriminali u ta' pieni fil-qasam tat-traffikar illeċitu ta' drogi (2004/757/ĠAI) tal-11.11.2004; Id-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI, ĠU L 101/1 15.4.2011; Il-Konvenzjoni dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU L 316/49 27.11.1995.

[3]               Ara, madankollu, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawżi C-176/03 u C-440/05.

[4]               Ara d-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, ĠU L 328/28 6.12.2008; Id-Direttiva 2009/123/KE li temenda d-Direttiva 2005/35/KE dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ penali għal ksur, ĠU L 280/52 27.10.2009; u d-Direttiva 2009/52 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali, , ĠUJ L 168/24 30.6.2009; Id- Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2000 dwar li tiżdied il-protezzjoni permezz ta' pieni kriminali u sanzjonijiet oħra kontra l-iffalsifikar in konnessjoni mad-dħul tal-euro, ĠU L 140/1 14.6.2000.

[5]               Ara l-Artikolu 82(1) TFUE.

[6]               Ara l-Artikolu 67(1) TFUE: "L-Unjoni għandha tikkonsisti fi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri".

[7]               Dwar il-ħtieġa għal aktar koerenza fl-iżvilupp tal-liġi kriminali tal-UE ara, bħala eżempju, il-Manifest dwar il-Politika Kriminali tal-UE tal-2009 (http://www.crimpol.eu), li tfassal minn grupp akkademiku magħmuk minn 14-il professur tal-Liġi Kriminali minn għaxar Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.

[8]               Taħt it-Trattat KE preċedenti, filwaqt li l-istrument normali għal-leġiżlazzjoni dwar il-liġi kriminali kienu d-Deċiżjonijiet Qafas taħt l-hekk imsejjaħ "tielet pilastru", xi direttivi b’miżuri tal-liġi kriminali ġew adottati: sabiex jiżguraw l-infurzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-ambjent, kontra t-tniġġis ikkawżat mill-vapuri u l-impjieg illegali (Direttivi 2008/99, 2009/123 u 2009/52), ibbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (C-176/03). L-approssimazzjoni ta’ tipi u livelli ta' sanzjonijiet kienet possibbli biss fid-Deċiżjonijiet Qafas (C-440/5).

[9]               Ara il-Protokoll Nru 1 dwar "ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea" u Nru 2 dwar "l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità", b'mod partikolari l-Artikolu 7(2).

[10]             Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea – COM (2010) 573 tad-19 10. 2010.

[11]             Ara l-Protokolli Nru 21 u 22.

[12]             Ara d-Deċiżjonijiet Qafas u d-Direttiva msemmija hawn fuq, fin-nota ta' qiegħ il-paġna 3. Bosta minn dawn id-Deċiżjonijiet Qafas se jiġu evalwati mill-ġdid fid-dawl tat-Trattat ta’ Lisbona fis-snin li ġejjin, inkluża d-Deċiżjoni Qafas 2000/383, kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas 2001/888, fl-2012.

[13]             Ara l-" Komunikazzjoni dwar ir-rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji", COM (2010) 716, it-8 12 2010.

[14]             Ara il-Konvenzjoni tal-1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-Protokolli tagħha, u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18.12.1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, dwar sanzjonijiet amministrattivi, ĠU L 312/1 23.12.1995.

[15]             Ara l-"Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi – Politika integrata għall-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti", COM (2011) 293, is-26 5 2011.

[16]             L-Artikolu 5(4) TUE.

[17]             L-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

[18]             L-Artikolu 83(2) TFUE.

[19]             L-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

[20]             Ara l-" Komunikazzjoni dwar ir-rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji", COM (2010) 716 finali tat-8 12 2010, p.14.

[21]             Ara l-" Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz tal-liġi kriminali u l-investigazzjonijiet amministrattivi – politika integrata għall-ħarsien tal-flus tal-kontribwenti", COM (2011) 293, tas-26 5 2011, p. 10.

[22]             Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC (2011) 391 tat-28.3.2011, li jakkumpanja l-White Paper 'Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti', COM (2011) 144 tat-28 3 2011, paragrafu 176.

[23]             Ara l-Komunikazzjoni "Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea", COM (2010) 609 tal-4 11 2010, p. 9.

[24]             Ara l-Komunikazzjoni "Il-kisba ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa - Pjan ta' Azzjoni li Jimplimenta l-Programm ta' Stokkolma", COM (2010) 171 tal-20 4 2010, p. 22.

[25]             Ara d-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, ĠU L 328/28 tas-6.12.2008; u d-Direttiva 2009/123/KE dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ penali għal ksur (ĠU L 280/52, 27.10.2009).

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet