RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 1998 dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta’ tweġiba fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni online - NIPPROTEĠU LIT-TFAL FID-DINJA DIĠITALI
/* KUMM/2011/0556 finali */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 1998 dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u d-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta’ tweġiba fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni online - NIPPROTEĠU LIT-TFAL FID-DINJA DIĠITALI
INTRODUZZJONI
L-objettiv tar-Rakkomandazzjonijiet tal-1998 u tal-2006 dwar il-Protezzjoni tal-Minuri[1] kien li l-Istati Membri u l-industrija jsiru konxji mill-isfidi ġodda għall-protezzjoni tal-minuri fil-midja elettronika, b’mod partikolari dawk marbuta mal-użu u l-importanza dejjem tikber tas-servizzi online. Peress li r-regolamentazzjoni mhux dejjem tista' żżomm il-pass ma' dawn l-iżviluppi, ġew imħeġġa jippromwovu u jiżviluppaw kundizzjonijiet xierqa ta' qafas b'mezzi oħra li mhumiex purament legali, pereżempju permezz tal-kooperazzjoni tal-partijiet interessati u awtoregolamentazzjoni jew koregolamentazzjoni[2].
Fl-istess ħin, il-bidliet fl-użu tal-midja mill-konsumaturi u b’mod partikolari mill-minuri kienu drammatiċi u qegħdin dejjem iseħħu b’aktar veloċità. Il-midja qed jintużaw dejjem aktar mill-minuri permezz ta’ mezzi mobbli, inklużi l-logħob vidjo (online), u hemm ammont dejjem akbar ta' servizzi ta' midja fuq talba (‘on-demand’) fuq l-Internet. Is-siti tan-netwerking soċjali, fenomenu ġdid mill-aħħar Rakkomandazzjoni, kisbu importanza kbira, kemm f'termini tal-utenti individwali kif ukoll f'termini soċjetali. X’aktarx li se jkun hemm aktar bidliet li aħna lanqas biss qed naħsbu fihom bħalissa.
Dawn l-iżviluppi ġodda joffru ħafna opportunitajiet għall-minuri, iżda jġibu wkoll xi sfidi fir-rigward tal-protezzjoni tagħhom, meta jitqies li ħafna drabi l-ġenituri jsibuha diffiċli jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward ta' prodotti u servizzi teknoloġiċi ġodda li x'aktarx uliedhom ikunu jafu dwarhom aktar minnhom. Irridu għalhekk nistaqsu jekk il-politiki attwali għadhomx xierqa biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni għall-minuri mal-Ewropa kollha.
Sabiex nivvalutaw aħjar dak li diġà sar u x’passi oħra jistgħu jkunu meħtieġa, ir-rapport preżenti - li jwieġeb għas-sejħa tal-Punt 6 tar-Rakkomandazzjoni tal-2006 - janalizza l-implimentazzjoni u l-effettività tal-miżuri speċifikati fir-Rakkomandazzjonijiet tal-1998 u l-2006 fl-Istati Membri.
Ir-rapport tħejja abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri fi tweġiba għal kwestjonarju. Dan jikkomplimenta diversi azzjonijiet fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[3].
Aktar informazzjoni dettaljata dwar it-tweġibiet u dwar eżempji speċifiċi ta’ miżuri meħuda hija disponibbli fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal .
IS-SEJBIET
Niġġieldu l-kontenut illegali jew ta’ ħsara
Il-fornituri tal-kontent u tas-servizzi qed jagħmlu dejjem aktar sforzi biex jiġġieldu l-kontenut diskriminatorju u kontenut illegali u ta' ħsara ieħor, b'mod partikolari permezz ta' teħid ta' impenji minnhom stess / kodiċijiet ta’ kondotta li jeżistu fl-24 Stat Membru[4]. Fir-rigward tal-kontenut tal-Internet, xi wħud minn dawn l-inizjattivi jipprevedu li l-websajts jkunu jistgħu jissenjalaw il-konformità tagħhom ma' kodiċi ta' kondotta permezz tal-wiri ta' tikketta xierqa.
Barra minn hekk, l-Istati Membri qed jagħmlu sforz biex jiżviluppaw u jiffaċilitaw l-aċċess għal kontenut ta’ kwalità u xieraq għall-minuri , pereżempju permezz ta’ websajts speċifiċi għat-tfal u faċilitajiet tat-tiftix speċifiċi[5].
Filwaqt li hemm konverġenza fl-Istati Membri li hija utli l-promozzjoni ta’ miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni (kodiċijiet ta’ kondotta), hemm tħassib persistenti li l-livelli ta' protezzjoni miksuba f'dan il-qasam ivarjaw b'mod sinifikanti. Fil-mixja ‘l quddiem, il-miżuri eżistenti kontra l-kontenuti illegali u ta’ ħsara għandhom ikunu mmonitorjati b’mod kostanti sabiex tkun żgurata l-effettività tagħhom. Pereżempju, qed jiġu żviluppati u appoġġati punti tar-rappurtar għal dan it-tip ta’ kontenut, ipprovduti mill-fornitur tal-kontenut, u li għandhom jintużaw mit-tfal u l-ġenituri, minn infrastrutturi funzjonanti ta' appoġġ amminstrattiv, iżda dawn l-inizjattivi kollha jbatu minn nuqqas ta’ karatteristiċi u ekonomiji ta’ skala komuni li kieku jirriżultaw fi tkabbir fl-effiċjenza. |
Linji diretti
L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa titlob li, sal-2013, l-Istati Membri jimplimentaw b’mod sħiħ linji telefoniċi diretti għar-rappurtar ta' kontenut offensiv jew ta' ħsara online.
Sadanittant, il-linji diretti huma stabbiliti b’mod wiesa' u użati fl-Istati Membri u n-Norveġja. Il- kofinanzjament tal-linji diretti mill-Programm għal Internet Aktar Sikur tal-Kummissjoni Ewropea jibqa’ mekkaniżmu essenzjali ta' appoġġ.
Xi wħud mill-Istati Membri irreferew ukoll għal-linji diretti tal-Assoċjazzjoni tal-Internet INHOPE [6], li kellha l-bidu tagħha fl-1999 taħt dak li qabel kien il-Pjan ta' Azzjoni għal Internet aktar Sikur tal-KE u li llum hija ffinanzjata mill-Programm għal Internet Aktar Sikur. Tkopri pajjiżi lil hinn mill-Ewropa[7] u għandha l-għan li tkabbar il-kooperazzjoni f’dan il-qasam . Il-linji diretti tal-membri ta’ INHOPE iridu jkunu konformi mal-Kodiċi ta’ Prattika ta’ INHOPE. Linji diretti f’24 Stat Membru huma membri ta’ INHOPE[8].
Għadd ta’ linji diretti huma parti mill-hekk imsejħa “ proċeduri ta’ notifikazzjoni u tneħħija ”[9] li fihom l-ISPs jieħdu l-impenn li jneħħu b'mod immedjat kontenut illegali li jkun ġie rrappurtat minn membri tal-pubbliku permezz ta' linja diretta. 19-il Stat Membru[10] rrappurtaw li l-proċeduri ta’ notifikazzjoni u tneħħija ġew żviluppati u qed jiġu applikati.
Madankollu, hemm differenzi konsiderevoli fil-funzjonament tal-linji diretti u b’mod partikolari fil-proċeduri ta’ notifikazzjoni u tneħħija. Dan jirrigwarda d-deċiżjoni li ċertu kontenut huwa illegali, ir-reviżjoni ta’ deċiżjonijiet bħal dawn, l-ittraċċar tas-sors tiegħu u l-fornitur tal-hosting tal-websajt u b’mod partikolari n-notifikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti[11]. Għalkemm dan ma kienx parti mill-kwestjonarju, il-Bulgarija u s-Slovenja rreferew għall- monitoraġġ tal-linji diretti[12].
L-istabbiliment u n-netwerking mifruxa tal-linji diretti huma inkoraġġanti, iżda mhux biżżejjed. Sabiex jitrawmu kemm l-effiċjenza tagħhom kif ukoll aktar konsistenza bejn l-Istati Membri (pereż. l-aqwa prassi ta’ interazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi), għandu jkun hemm riflessjoni dwar modi kif dawn isiru magħrufa aktar u jsiru aktar aċċessibbli għall-utenti tal-Internet, inklużi t-tfal, u biex tittejjeb il-funzjonalità tagħhom u jiġu żviluppati sinerġiji ma' servizzi relatati oħrajn (pereż. il-Linji ta' Assistenza u ċ-Ċentri ta’ Għarfien, in-numri 116 000/116 111) Barra minn hekk, il-linji diretti għandhom jiġu mmonitorjati aktar mill-qrib. |
Fornituri tas-Servizz tal-Internet (ISPs)
F’termini ġenerali, l-ISPs huma involuti dejjem aktar fil-protezzjoni tal-minuri, minkejja l -obbligi u r-responsabbiltà limitati skont id-Direttiva tal-Kummerċ Elettroniku[13]. Dan japplika għall-obbligi legali tagħhom dwar il-kontenut illegali, iżda b'mod partikolari għall- impenji volontarji konġunti u l-aderenza għall- kodiċijiet ta’ kondotta .
Madankollu, l- assoċjazzjonijiet tal-ISP ġeneralment ma għandhom ebda mandat speċifiku fir-rigward tal-protezzjoni tal-minuri. Għalhekk, l-iffirmar u l-konformità ma’ kodiċijiet ta’ kondotta għall-protezzjoni tal-minuri huma ġeneralment biss fakultattivi għall-membri ta’ assoċjazzjonijiet bħal dawn[14].
Barra minn hekk, tmien Stati Membri biss[15] u n-Norveġja rrappurtaw li l-konsumaturi jew l-awtoritajiet pubbliċi pparteċipaw fl-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta matul il-perjodu taħt reviżjoni; u sitt Stati Membri biss[16] irrappurtaw li hemm sistemi ta’ evalwazzjoni fis-seħħ biex jivvalutaw l-effettività tal-kodiċijiet.
B’mod ġenerali, huma biss 11-il Stat Membru[17] u n-Norveġja li jqisu li s-sistema tal-awtoregolazzjoni u l-kodiċijiet tal-ISPs huma adattati sew għall-ambjent ġdid diġitali.
L-ISPs huma mħeġġa jsiru dejjem aktar attivi fil-protezzjoni tal-minuri. L-applikazzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta għandha tkun usa’ u mmonitorjata mill-qrib. L-assoċjazzjonijiet tal-ISPs huma mħeġġa jinkludu l-protezzjoni tal-minuri fil-mandati tagħhom u għandhom jimpenjaw lill-membri tagħhom skont dan. Barra minn hekk, l-involvment akbar tal-konsumaturi u l-awtoritajiet fl-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta għandu jgħin sabiex jiżgura li l-awtoregolazzjoni verament tirrispondi għad-dinja diġitali li tevolvi b’pass mgħaġġel. |
Siti ta' netwerking soċjali
Is-siti ta' netwerking soċjali joffru opportunitajiet enormi għall-minuri. Għalkemm huma akkwistaw importanza biss relattivament fi żminijiet riċenti, diġà ttrasformaw il-mod kif il-minuri jinteraġixxu u jikkomunikaw ma' xulxin.
Madankollu, is-siti tan-netwerking soċjali jġorru magħhom ukoll potenzjal ta’ riskju konsiderevoli, li jista’ jinġabar fil-qosor mill-kategoriji “kontenut illegali”, “kontenut mhux xieraq skont l-età”, “kontenut mhux xieraq” u “imġiba mhux xierqa”[18]. Mod wieħed promettenti biex nilqgħu għal dawn ir-riskji huma l-linji gwida li jindirizzaw il-fornituri ta’ siti ta’ netwerking soċjali u/jew l-utenti tagħhom.
Kienu biss 10 Stati Membri[19] li rreferew għal linji gwida bħal dawn u saħansitra inqas minn hekk irrappurtaw li hemm sistemi ta’ evalwazzjoni biex tkun valutata l-effettività tagħhom[20]; għalhekk, ir-regoli ta’ liġi mhux vinkolanti bħalissa tbati minn implimentazzjoni pjuttost mhux uniformi. Dan in-nuqqas jista' b'xi mod jagħmlu tajjeb għalih il-" Prinċipji ta' Netwerking Soċjali Iktar Sikur għall-UE "[21] li għalihom hemm sottoskritti 21 netwerk soċjali.
Meta titqies l-espansjoni enormi tas-siti tan-netwerking soċjali, is-sistemi ta' kontroll tal-operaturi jonqsu milli jkopru r-riskji potenzjali b'mod effiċjenti u konsistenti. L-involviment attiv tal-partijiet interessati huwa mħeġġeġ, b’mod partikolari permezz ta’ iktar tkabbir tal-għarfien fir-rigward tar-riskji u l-modi kif jistgħu jitnaqqsu, użu usa’ tal-linji gwida, flimkien ma’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni. Barra minn hekk, fuq in-netwerks soċjali qed jintużaw dejjem aktar punti tar-rappurtar b’infrastruttura funzjonanti b’mod tajjeb ta’ appoġġ amministrattiv sabiex ikunu ta’ assistenza għat-tfal li jkunu soġġetti għall-manipulazzjoni psikoloġika tal-minorenni (‘grooming’), l-ibbulijar online u ċirkostanzi simili, iżda s-soluzzjonijiet qed ikunu żviluppati każ b'każ. Barra dan, l-issettjar ta’ “privatezza awtomatika” għat-tfal li jidħlu f'siti ta' netwerking soċjali mhuwiex użat b’mod wiesa’. |
Kontenut tal-Internet problematiku minn Stati Membri oħra / minn barra l-UE
Ħafna Stati Membri jqisu s-sehem tal-kontenut ta' ħsara li ġej mit-territorju tagħhom stess bħala baxx ħafna, is-sehem ta’ kontenut ta' ħsara minn Stati Membri oħra tal-UE bħala ogħla b’mod sinifikanti u s-sehem ta’ kontenut ta' ħsara minn barra l-UE bħala l-ogħla wieħed[22]. Fir-rigward ta’ titjib possibbli, xi Stati Membri jqisu li jkun aktar faċli li tinkiseb aktar protezzjoni armonizzata fuq il-livell Ewropew, xi ħaġa li tkun milqugħa pożittivament, milli fuq il-livell internazzjonali[23]. Minkejja dan, huwa meqjus utli b'mod ġenerali li l-pajjiżi terzi jkunu mħeġġa jieħdu azzjoni b'mod domestiku, u l-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri u n-Norveġja huma favur il-konklużjoni ta' aktar ftehimiet ma' pajjiżi terzi [24].
Jidher li hemm xewqa għal kooperazzjoni aħjar u protezzjoni armonizzata dwar kontenut problematiku tal-Internet. Għalkemm dan il-kontenut ġej l-aktar minn barra l-UE, xi Stati Membri jqisu li approċċ bħal dan ikun aktar realistiku fuq il-livell Ewropew milli bl-involviment ta' pajjiżi terzi. |
Il-litteriżmu medjatiku u t-tkabbir tal-għarfien
L-Istati Membri kollha huma impenjati fil-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku u t-titjib tal-għarfien
tar-riskji tal-midja online u l-għodda eżistenti ta’ protezzjoni bħala strumenti effettivi ta’ prevenzjoni.
B’mod partikolari, hemm għadd li qed jikber ta' inizjattivi rilevanti fl-Istati Membri f'forma ta' sħubijiet pubbliċi-privati . Skont ir-risposti tal-Istati Membri, il- Programm għal Internet Aktar Sikur tal-Kummissjoni Ewropea u l-proġett Tfal tal-UE Online irriżultaw bħala oqfsa importanti ħafna f'dawn l-oqsma[25].
L-inizjattivi dwar il-litteriżmu medjatiku u t-tkabbir tal-għarfien huma parzjalment integrati fl-edukazzjoni formali u qed isiru xi sforzi biex il-ġenituri u l-għalliema jsiru wkoll aktar sensibbli lejn dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-2009 wriet li għalkemm is-suġġett huwa inkluż fil-kurrikuli nazzjonali fi 23 pajjiż Ewropew, it-twassil attwali ta’ edukazzjoni bħal din huwa frammentat u inkonsistenti[26].
Filwaqt li l-integrazzjoni dejjem ikbar tal-litteriżmu medjatiku u t-tkabbir tal-għarfien fl-edukazzjoni tal-iskola hija pożittiva, il-kopertura universali tat-tfal u l-ġenituri kollha u l-konsistenza fl-iskejjel u l-Istati Membri jibqgħu sfidi sinifikanti. |
Restrizzjonijiet tal-aċċess għall-kontenut
Ir-restrizzjoni tal-aċċess tal-minuri għal kontenut li huwa xieraq għall-età tagħhom teħtieġ żewġ affarijiet: minn naħa waħda, il-klassifikazzjoni skont l-età u klassifikazzjoni tal-kontenut u min-naħa l-oħra l-iżgurar tar-rispett ta' dawn il-gradi u klassifikazzjonijiet. L-ewwel kompitu huwa primarjament responsabbiltà tal-ġenituri, iżda sistemi tekniċi – il-filtrazzjoni, is-sistemi ta' verifikazzjoni tal-età, is-sistemi ta’ kontroll mill-ġenituri, eċċ - jipprovdu appoġġ importanti.
Il-klassifikazzjoni skont l-età u l-klassifikazzjoni tal-kontenut
Is-sistemi tal-klassifikazzjoni skont l-età u tal-klassifikazzjoni tal-kontenut għall-kontenut awdjoviżwali fis-seħħ huma, fil-prinċipju, meqjusa suffiċjenti u effettivi minn 12-il Stat Membru[27], filwaqt li 13-il Stat Membru[28] u n-Norveġja qiesu li għandhom jitjiebu .
16-il Stat Membru[29] u n-Norveġja rrispondew li huma għandhom klassifikazzjonijiet skont l-età u klassifikazzjonijiet differenti għal tipi ta’ midja differenti. Għaxar Stati Membri[30] u n-Norveġja jqisu dan il-fatt bħala problema. Tmien Stati Membri[31] u n-Norveġja rrimarkaw li qed jitqiesu miżuri jew inizjattivi biex jintroduċu konsistenza akbar f’dan il-qasam.
B’kollox, 15-il Stat Membru[32] u n-Norveġja jqisu s-sistemi li japplikaw għall-midja kollha ('cross-media') u/jew pan-Ewropej ta' klassifikazzjoni tal-kontenut tal-midja bħala ta' għajnuna u fattibbli . Dan huwa f’kontradizzjoni ma’ kif jaħsbuha disa’ Stati Membri[33] li jirrimarkaw dwar id-differenzi kulturali.
Dan huwa qasam bi frammentazzjoni mill-aktar estrema – il-konċezzjonijiet dwar x’inhu meħtieġ u utli huma differenti b’mod sinifikanti kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll fihom stess. |
Sistemi tekniċi (filtrazzjoni, sistema ta' verifikazzjoni tal-età, sistemi ta' kontroll mill-ġenituri, klassifikazzjoni)
B’mod ġenerali, jidher li hemm kunsens li l-miżuri tekniċi waħidhom ma jistgħux jipproteġu l-minuri minn kontenut ta' ħsara u jistgħu jkunu biss element wieħed f'ġabra ta' miżuri.
Fir-rigward ta’ miżuri tekniċi mmirati lejn il-prevenzjoni ta’ kontenut potenzjalment ta’ ħsara billi jiżguraw ir-rispett lejn il-gradi u l-klassifikazzjonijiet rilevanti, l-Istati Membri huma maqsuma fl-opinjoni tagħhom dwar l-utilità, kemm huma xierqa (bil-ħsieb tad-dritt tal-informazzjoni u l-użu ħażin possibbli għaċ-ċensura), il-fattibbiltà teknika u l-affidabbiltà [34]. Barra minn hekk, kien hemm enfasi komuni dwar il-bżonn għat-trasparenza fir-rigward tal-inklużjoni ta' ċertu kontenut f'lista sewda u l-possibbiltà li dan jitneħħa.
20 Stat Membru[35] rrappurtaw li saru sforzi mill-industrija jew l-awtoritajiet pubbliċi biex jiżviluppaw sistema ta’ filtrazzjoni u klassifikazzjoni għall-Internet. 24 Stat Membru[36] u n-Norveġja rrappurtaw li l-għodda ta’ kontroll mill-ġenituri huma użati. Huma disponibbli mingħajr ħlas fi 15-il Stat Membru u bi ħlas f'erba' Stati Membri[37].
Barra minn hekk, hemm sforzi dejjem jikbru biex l-abbonati jkunu infurmati dwar sistemi ta’ filtrazzjoni u klassifikazzjoni u softwer ta' verifikazzjoni tal-età , li huwa obbligu - bil-liġi jew f'kodiċijiet ta' kondotta rilevanti għall-ISPs jew l-operaturi mobbli - f'16-il Stat Membru[38].
Filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri ma jarawx lok għat-titjib tas-sistemi tal-klassifikazzjoni skont l-età u tal-klassifikazzjoni, huwa ċar li ma jeżistix konsensus dwar kemm sistemi applikabbli għall-midja kollha u/jew pan-Ewropej ta' klassifikazzjoni għall-kontenut tal-midja huma ta’ għajnuna u fattibbli. Minkejja dan, meta jitqies li n-natura tal-kontenut online qed issir dejjem aktar mingħajr konfini, għandhom jiġu esplorati aktar modi kif sistemi bħal dawn jiġu allinjati aħjar. Qegħdin isiru dejjem aktar disponibbli mezzi li jużaw l-Internet li jkollhom għodda ta’ kontroll mill-ġenituri iżda l-artikolazzjoni bl-użu ta’ kontenut xieraq hija bbażata fuq soluzzjonijiet ta' każ b'każ li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u fihom stess. F’dan l-isfond, jidher tajjeb li jkun hemm riflessjoni dwar sistemi tal-għoti ta’ grad u klassifikazzjoni tal-kontenut li jistgħu jiġu użati b'mod usa' mis-settur tal-ICT (il-manifatturi, il-fornituri tas-siti u tal-kontenut, eċċ) filwaqt li titħalla l-flessibbiltà neċessarja għal interpretazzjonijiet lokali ta' "x'inhu xieraq" u li jkun hemm riflessjoni dwar l-approċċi stabbiliti għar-responsabbiltà tal-persuni varji involuti fl-Internet. |
Servizzi Awdjoviżivi tal-Midja
Fir-rigward ta’ sistemi ta’ koregolazzjoni/awtoregolazzjoni għall-protezzjoni ta’ minuri minn kontenut ta’ ħsara, servizzi awdjoviżivi tal-midja fuq talba (fejn sistemi bħal dawn huma fis-seħħ fi tmien Stati Membri, b'sebgħa għandhom kodiċi ta' kondotta) huma anqas żviluppati mill- programmi tat-televixin fejn sistemi bħal dawn huma fis-seħħ f’14-il Stat Membru, bi 11-il Stat Membru ikollhom kodiċi ta' kondotta fis-seħħ[39].
L-aktar tekniki komuni biex il-ġenituri jingħataw sinjal dwar il-preżenza ta’ kontenut ta’ ħsara u l-bżonn li jirrestrinġu l-aċċess huma indikaturi fuq l-iskrin u/jew avviżi akustiċi immedjatament qabel ma jitwassal il-kontenut potenzjalment ta' ħsara. Dan huwa minnu kemm għax-xandir tat-televixin kif ukoll għas-servizzi awdjoviżivi tal-midja fuq talba.
Il-maġġoranza tal-Istati Membri jqisu sinjali bħal dawn bħala utli, u xi wħud jeħtiġuhom legalment jew l-użu tagħhom huwa stipulat fil-kodiċi ta' kondotta. L- apparat jew is-softwer tekniku tal-filtrazzjoni , inklużi sistemi li jwaqqfu s-siti qabel jidhru ('pre-locking systems') u l-kodiċijiet PIN , huma użati anqas. Il- klassifikazzjonijiet skont l-età u r-restrizzjonijiet tat-trażmissjonijiet skont il-ħin għas-servizzi awdjoviżivi tal-midja fuq talba huma applikati biss f'għadd żgħir ta' Stati Membri[40].
Fir-rigward tal-affidabblità tas-sistemi ta’ tikkettar u avviż, xi Stati Membri enfasizzaw l-importanza tar- responsabbiltà tal-ġenituri u l-fatt li sistemi bħal dawn jaħdmu biss jekk il-ġenituri jiżguraw l-effettività tagħhom billi jikkontrollaw dak li qed jaraw it-tfal tagħhom.
Il-varjetà ta’ azzjonijiet imwettqa f’dan il-qasam tirrifletti d-distinzjonijiet magħmula fid-Direttiva AVMS iżda wkoll id-diffikultà li hemm biex wieħed jasal għal risposti ta’ politika maqbula bejn kulħadd għal din l-isfida. Il-mezzi tekniċi disponibbli b’mod universali li joffru lit-tfal aċċess selettiv għall-kontenut fuq l-Internet, bħall-għodda ta’ kontroll mill-ġenituri marbuta ma’ kontenut ikklassifikat skont l-età u ttikkettat huma varjati ħafna; is-soluzzjonijiet żviluppati għal xandir lineari/tat-TV (pereż. ħinijiet ta' trażmissjoni) ħafna drabi jidhru mhux adattati biżżejjed għall-Internet u għas-servizzi awdjoviżivi tal-midja fuq talba. |
Logħob vidjo
Total ta’ 17-il Stat Membru u n-Norveġja jqisu l-funzjonament tas-sistemi tagħhom tal-klassfikazzjoni skont l-età bħala sodisfaċenti [41]. Bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja, l-Istati Membri jużaw il- PEGI (Sistema pan-Ewropea ta’ Informazzjoni dwar il-Logħob)[42] u PEGI Online [43].
Fir-rigward tal-logħob online, il-PEGI Online hija kkunsidrata bħala soluzzjoni tajba fil-prinċipju, iżda għadd ta’ Stati Membri huma mħassba mill- parteċipazzjoni tal-industrija li għada limitata f’din is-sistema.
Is- sistemi ta’ evalwazzjoni għall-valutazzjoni ta’ effetti favorevoli jew avversi possibbli tal-logħob vidjo fuq l-iżvilupp jew is-saħħa tal-minuri huma fis-seħħ biss f’ħames Stati Membri[44] u n-Norveġja.
Fir-rigward ta’ aktar miżuri possibbli għall-protezzjoni tal-minuri minn logħob online ta' ħsara, dawk imsemmija l-aktar kienu l- litteriżmu medjatiku u t- tkabbir tal-għarfien , b'mod partikolari biex ikunu senjalati aħjar ir-riskji mil-logħob online, u biex ikunu promossi l-għodod ta' protezzjoni. Madankollu, huwa biss fi tmin Stati Membri u fin-Norveġja li miżuri bħal dawn huma integrati fl- edukazzjoni tal-iskola .
Barra minn hekk, it-tweġibiet mogħtija mill-Istati Membri jikkonfermaw il-bżonn ta’ aktar azzjoni fil-bejgħ lill-konsumatur ta’ logħob vidjo fil-ħwienet biex ikun trattat il-bejgħ ta’ logħob vidjo lil “tfal taħt l-età”. Kien hemm miżuri rilevanti ta' tkabbir tal-għarfien f’sitt Stati Membri u n-Norveġja[45] biss u kien biss f'erba' Stati Membri[46] li ġew implimentati l-kodiċijiet ta' kondotta rilevanti mill-bejjiegħa lill-konsumaturi.
Filwaqt li s-sistemi tal-klassifikazzjoni skont l-età (l-aktar il-PEGI) jiffunzjonaw tajjeb fil-maġġoranza tal-Istati Membri, l-isfidi rrappurtati jinkludu l-applikazzjoni limitata tagħhom għal-logħob online u l-bejgħ lil "tfal taħt l-età" ta' logħob fis-suq tal-konsumaturi. Barra minn hekk, aktar miżuri ta’ tkabbir tal-għarfien (pereż. litteriżmu medjatiku fl-iskejjel) ikollhom effetti utli ta' prevenzjoni. |
Id-dritt ta' tweġiba rigward il-midja online
16-il Stat Membru[47] jipprovdu għal dritt ta' tweġiba li jkopri l-gazzetti / perjodiċi online; fi 13-il Stat Membru[48], dan ikopri servizzi tal-aħbarijiet fuq l-Internet. fi 17-il Stat Membru[49], dan ikopri servizzi tat-televixin fuq l-Internet. fi 15-il Stat Membru[50], dan ikopri s-servizzi tar-radju online u f'disa' Stati Membri[51] ikopri servizzi online oħrajn.
L-Istati Membri jivvalutaw il- livell ta’ protezzjoni minn dikjarazzjoni tal-fatti[52] fil-midja online u mill-effettività tas-sistema/i rispettiva/i fis-seħħ b’prattikament l-istess mod bħala suffiċjenti u effettivi u bħala mhux sodisfaċenti.
L-introduzzjoni ta’ dritt ta’ tweġiba li jkopri l-midja online fl-Istati Membri hija inkonsistenti u hija differenti għal kull tip ta' midja online. Barra minn hekk, hemm ambitu għal titjib fl-effettività tas-sistemi fis-seħħ. |
KONKLUżJONIJIET
Bħala riżultat ġenerali pożittiv, l-istħarriġ tal-Istati Membri dwar id-dimensjonijiet varji tar-Rakkomandazzjonijiet tal-1998 u l-2006 juri li l-Istati Membri kollha huma konxji mill-isfidi għall-protezzjoni tal-minuri online u qed jagħmlu dejjem aktar sforz biex jirreaġixxu għalihom. Jidher li l-aqwa mod biex tiġi indirizzata bl-aktar mod flessibbli u reattiv possibbli l-konverġenza bejn il-pjattaformi (TV, PC, smartphones, makkinarji ta' kontroll ċentrali ('consoles'), eċċ.) u l-kontenut awdjoviżiv huwa taħlita ta' politika flimkien ma’ komponent sinifikanti ta' miżuri awtoregolatorji.
Madankollu, il-valutazzjoni dettaljata tar-reazzjonijiet ta’ politika li l-Istati Membri żviluppaw toffri kwadru magħmul minn azzjonjiet differenti ħafna – u f’għadd ta’ każijiet, anke diverġenti – mal-Ewropa kollha. Dan huwa partikolarment veru fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali u ta' ħsara, fl-isforzi biex in-netwerks soċjali jsiru aktar sikuri u fis-simplifikazzjoni tal-iskemi ta’ klassifikazzjoni lill-kontenut.
Xi drabi, il-miżuri regolatorji jew awtoregolatorji huma nieqsa wkoll mill-ambizzjoni u l-konsistenza ma' miżuri simili fis-seħħ fi Stati Membri oħra, jew huma sempliċiment mhux implimentati fil-prattika. It-tagħqid flimkien ta’ miżuri mal-Ewropa kollha jista’ jwassal biss għal frammentazzjoni fis-suq intern u biex jikkonfondu lill-ġenituri u l-għalliema li jippruvaw jidentifikaw x’għandu jsir u ma jsirx biex jipproteġu u jagħtu s-setgħa lit-tfal li jkunu online.
Dan ir-rapport u r-risposti dettaljati miġbura f’dan l-istħarriġ tal-Istati Membri[53] juru li aktar azzjoni fuq il-livell Ewropew tista' tibni fuq l-aqwa prassi tal-Istati Membri u tilħaq ekonomija ta’ skala għas-settur tal-ICT li se tgħin lit-tfal biex jieħdu b'mod sikur il-benefiċċji li qegħdin dejjem jevolvu fid-dinja diġitali.
[1] 1998 : Ir-Rakkomandazzjoni tal-24 ta’ Settembru 1998 dwar l-iżvilupp tal-kompetittività tal-industrija tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni Ewropea permezz tal-promozzjoni ta’ oqfsa nazzjonali mmirati lejn il-kisba ta’ livell paragunabbli u effettiv ta’ protezzjoni ta’ minuri u dinjità tal-bniedem [traduzzjoni mhux uffiċjali](98/560/KE L 270, 07.10.1998, P. 48-55 (http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:31998H0560:MT:NOT).2006: Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-minuri u tad-dinjità tal-bniedem u dwar id-dritt ta' tweġiba fir-rigward tal-kompetittività ta' l-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u tal-informazzjoni online (2006/952/KE L 378, 27.12.2006, P. 72-77 (http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32006H0952:MT:NOT).
[2] Fl-istess ħin għandu jkun żgurat li l-miżuri kollha ta’ awtoregolamentazzjoni jew koregolamentazzjoni huma konformi mal-liġi tal-kompetizzjoni.
[3] COM(2010), 245 finali/2 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Aġenda Diġitali għall-Ewropa (is-26 ta’ Awwissu 2010 – verżjoni rettifikata) (http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm)
[4] Ara l-paġna 7 u nota tal-qiegħ 27 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
[5] Ara l-paġni 7 u 8 u n-noti tal-qiegħ 31 u 32 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
[6] http://www.inhope.org/gns/home.aspx
[7] Linji diretti minn 35 pajjiż mad-dinja kollha huma membri ta’ INHOPE.
[8] Ara n-nota tal-qiegħ 35 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[9] Ara l-paġni 8 u 9 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal. Għall-obbligi u r-responsabbiltà limitati tal-ISPs skont id-Direttiva tal-Kummerċ-E, ara n-nota tal-qiegħ 13 ta' dan ir-Rapport.
[10] Ara n-nota tal-qiegħ 39 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[11] Ara l-paġna 9 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[12] Ara l-paġna 9 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[13] Skont id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku (id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17/07/2000, P. 0001-0016) ( http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32000L0031:mt:NOT ), l-ISPs ma għandhom ebda obbligu ġenerali li jimmonitorjaw l-informazzjoni li jittrażmettu jew jaħżnu, u lanqas obbligu ġenerali biex ifittxu attivament fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attività illegali (l-Artikolu 15 (1)). L-ISPs jibbenefikaw minn responsabbiltà limitata għall-informazzjoni trażmessa (l-Artikolu 12(1)), għall-ħżin awtomatiku, intermedju u temporanju ta’ dik l-informazzjoni (l-Artikolu 13 (1)) u għall-informazzjoni maħżuna fuq talba ta’ reċipjent tas-servizz (l-Artikolu 14 (1)).
[14] Ara n-nota tal-qiegħ 46 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[15] Ara n-nota tal-qiegħ 48 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[16] Ara n-nota tal-qiegħ 49 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[17] Ara n-nota tal-qiegħ 50 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[18] Ara n-nota tal-qiegħ 52 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[19] Ara n-nota tal-qiegħ 58 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[20] Ara l-paġna 12 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[21] http://ec.europa.eu/information_society/activities/social_networking/docs/sn_principles.pdf. (mhux disponibbli bil-Malti)
[22] Ara n-nota tal-qiegħ 60 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[23] Ara l-paġna 13 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[24] Ara l-paġna 13 u n-nota tal-qiegħ 63 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. Fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tixrid online ta’ materjal dwar l-abbuż sesswali tat-tfal, il-Programm għall-Internet Aktar Sikur jiffoka fuq il-kooperazzjoni internazzjonali u Ewropea, b’mod partikolari billi jappoġġja n-netwerk INHOPE tal-linji diretti.
[25] Ara l-paġna 14 fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[26] Ara n-nota tal-qiegħ 65 fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[27] Ara n-nota tal-qiegħ 81 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[28] Ara n-nota tal-qiegħ 82 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[29] Ara n-nota tal-qiegħ 83 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[30] Ara n-nota tal-qiegħ 85 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[31] Ara n-nota tal-qiegħ 86 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[32] Ara n-nota tal-qiegħ 87 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
[33] Ara n-nota tal-qiegħ 88 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[34] Il-Programm Internet Aktar Sikur ikkummissjona studju ta’ punti ta’ referenza dwar l-effettività tas-soluzzjonijiet ta' filtrazzjoni disponibbli fl-Ewropa. L-ewwel riżultati ġew ippubblikati f’Jannar 2011. http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/projects/filter_label/sip_bench2/index_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti)
[35] Ara l-paġna 16 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal
[36] Ara n-nota tal-qiegħ 77 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[37] Ara l-paġna 16 u n-nota tal-qiegħ 78 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
[38] Ara n-nota tal-qiegħ 76 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[39] Ara l-paġni 20-22 u n-noti tal-qiegħ 93, 94, 99, 100 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
[40] Ara l-paġni 20-22 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[41] Ara n-nota tal-qiegħ 107 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[42] http://www.pegi.info/mt/
[43] http://www.pegionline.eu/en/ (mhux disponibbli bil-Malti)
[44] Ara n-nota tal-qiegħ 118 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[45] Ara l-paġni 24, 25 u n-nota tal-qiegħ 119 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.
[46] Ara n-nota tal-qiegħ 120 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[47] Ara n-nota tal-qiegħ 128 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[48] Ara n-nota tal-qiegħ 129 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[49] Ara n-nota tal-qiegħ 130 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[50] Ara n-nota tal-qiegħ 131 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[51] Ara n-nota tal-qiegħ 132 tad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.
[52] Fis-sens tal-Anness 1 għar-Rakkomandazzjoni tal-2006 – Linji Gwida Indikattivi għall-Implimentazzjoni, fuq livell nazzjonali, ta’ miżuri fil-liġi jew il-prattika domestika biex ikun żgurat id-dritt ta’ tweġiba jew rimedji ekwivalenti fir-rikward tal-midja online [Traduzzjoni mhux uffiċjali]
[53] Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni
| Fuq |