EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0531

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Is-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-KomunitàVALUTAZZJONI FINALI

/* KUMM/2011/0531 finali */

52011DC0531

/* KUMM/2011/0531 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Is-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-KomunitàVALUTAZZJONI FINALI


KUNTEST POLITIKU

Id-dinja llum hija ferm differenti minn dik li kienet fl-2002 meta kien ġie varat is-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali għal medda ta' għaxar snin (Environmental Action Programme – EAP)[1]. Qed tirkupra minn kriżi finanzjarja u ekonomika profonda li wriet biċ-ċar ir-riskji sistemiċi li jirriżultaw meta kollox jibqa' għaddej bħas-soltu mingħajr ma ssir evalwazzjoni kritika tas-sitwazzjoni. Dan jerġa' juri l-importanza tal-kunċetti tat-tkabbir ekoloġiku u ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livelli baxxi ta' karbonju li jistgħu joffru gwida politika tajba għat-trasformazzjoni ekonomika globali fit-tul.

L-aġenda attwali tal-UE toffri bosta opportunitajiet sabiex il-politika ambjentali tevolvi f'din id-direzzjoni. L-Istrateġija Ewropa 2020[2], bl-importanza li tagħti lill-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, flimkien mal-governanza ekonomika fl-għamla tas-semestru Ewropew, huma oqfsa effettivi sabiex jiġi żgurat li l-għanijiet ambjentali jkunu integrati fl-aġenda soċjoekonomika ġenerali. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni adottat strateġija ambizzjuża ġdida[3] biex sal-2020 twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema fl-UE kif ukoll Komunikazzjoni dwar it-tħejjijiet għall-Konferenza ta' Rio+20[4]. Adottat ukoll, dan l-aħħar, Pjan Direzzjonali lejn ekonomija b'livelli baxxi ta' karbonju sal-2050[5], White Paper dwar it-Trasport[6], u Komunikazzjonijiet dwar l-Enerġija 2020[7] u Pjan dwar l-Effiċjenza Enerġetika 2011[8]. Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li fl-2011 tadotta Pjan Direzzjonali għal Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. L-agenda għall-2012 tinkludi pjan għal politika dwar l-ilma u reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Pjan ta' Azzjoni għal Politika Industrijali Sostenibbli[9]. Il-politika dwar il-kwalità tal-arja għandha tiġi riveduta fl-2013. Il-Kummissjoni ppreżentat proposti dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss u qed tħejji proposti biex tirriforma il-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u l-Politika ta' Koeżjoni.

Dawn l-inizjattivi ġodda kollha se jikkumplimentaw il-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti li ġiet ikkonsolidata tul l-aħħar snin u li tkopri l-oqsma kollha tal-ambjent, bl-eċċezzjoni tal-ħamrija. Ladarba tiġi implimentata din il-leġiżlazzjoni, bl-għajnuna wkoll tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE li għandha tiġi adottata fl-2011, din se tgħin fil-protezzjoni tal-ambjent u tillimita l-konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa.

Il-Programmi ta' Azzjoni Ambjentali ggwidaw l-iżvilupp tal-politika ambjentali tal-UE sa mill-bidu tas-snin sebgħin u s-Sitt EAP għandu jitqies bħala parti minn proċess kontinwu li ilu għaddej għal madwar 40 sena. Is-Sitt EAP kien l-ewwel Programm ta' Azzjoni Ambjentali li ġie adottat mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew permezz tal-proċedura ta' kodeċiżjoni. Kemm ilu fis-seħħ kien hemm żewġ proċessi ta' tkabbir li raw lill-Komunità tikber minn ħmistax-il Stat Membru għal Unjoni ta' sebgħa u għoxrin u li, permezz ta' livell ogħla ta' protezzjoni tal-ambjent, ġie xprunat mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta valutazzjoni finali tal-Programm u tagħti wkoll xi indikazzjonijiet ċari dwar it-tfassil tal-politika ambjentali llum u fil-futur.

SEJBIET ġENERALI

Din il-valutazzjoni finali hija msejsa fuq valutazzjoni esterna, ir-riżultati ta' konsultazzjoni pubblika[10] u r-rapport tal-EEA "L-Ambjent Ewropew – l-Istat u l-Prospetti 2010" (SOER 2010)[11].

Sa mill-bidu tiegħu, għandu jiġi rikonoxxut li s-Sitt EAP kien wieħed minn għadd ta' inizjattivi li xprunaw il-politika ambjentali u mhijiex faċli li jinfirdu minn xulxin il-kontribuzzjonijiet rispettivi ta' dawn l-inizjattivi. Għaldaqstant l-approċċ għal din il-valutazzjoni kien wieħed pragmatiku, li jikkonsisti f'valutazzjoni tas-sorsi differenti msemmija hawn fuq, sabiex jiddentifika l-aktar kisbiet u nuqqasijiet importanti għall-miri u għanijiet differenti ddefiniti fis-Sitt EAP.

Minkejja dawn it-twissijiet, il-konklużjoni ġenerali ta' din il-valutazzjoni finali hija li, kollox ma' kollox, is-Sitt EAP sewa biex jiġi pprovdut qafas prinċipali għall-politika ambjentali. Il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet stabbiliti fil-Programm kienu jew huma fil-proċess li jitlestew.

It-tħejjija tal-programm offriet opportunità lill-partijiet ikkonċernati li jkollhom analiżi komprensiva u fehim aħjar tal-politika ambjentali tal-UE kollha kemm hi. Peress li ġie adottat b'kodeċiżjoni, il-partijiet interessati jqisuh bħallikieku għandu iktar leġittimità minn programmi preċedenti. Dan jgħin sabiex ikun hemm sens usa' ta' sjieda għal proposti sussegwenti ta' politika. Bosta partijiet interessati jqisu s-Sitt EAP bħala punt ta' referenza, mhux biss fuq livell nazzjonali, iżda f'ċerti Stati Membri, saħansitra fuq livelli reġjonali u lokali, u jitqies bħala siewi biex permezz tiegħu tiġi difiża l-politika ambjentali kontra d-domandi ta' politiki li jikkompetu bejniethom, jiġi żgurat finanzjament xieraq u tiġi pprovduta prevedibbiltà għan-negozju fir-rigward ta' ċerti żviluppi futuri ta' politika.

Is-seba' strateġiji tematiċi tas-Sitt EAP[12] – l-arja, il-pestiċidi, il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, ir-riżorsi naturali, il-ħamrija, l-ambjent tal-baħar, l-ambjent urban – ġew żviluppati sabiex isaħħu l-integrazzjoni tal-politika u jtejbu l-bażi ta' għarfien. Minkejja li l-progress ivarja fost l-oqsma koperti mill-istrateġiji tematiċi, f'ċerti każijiet it-tħejjija tagħhom għenet sabiex tinbena r-rieda politika għall-adozzjoni ta' miri u skedi effettivi u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom. Dan inkoraġġixxa approċċ aktar ħolistiku għat-tfassil tal-politika ambjentali u stabbilixxa kunsens fuq kif l-aħjar wieħed għandu jipproċedi fid-dawl tat-tħassib dwar il-kompetenzi jew in-nuqqas ta' dejta soda. L-istrateġiji tal-baħar, tal-ħamrija, dawk urbani u dawk dwar ir-riżorsi huma meqjusa mill-partijiet interessati bħala dawk li taw l-aktar impetu. Uħud minn dawn xprunaw strumenti leġiżlattivi speċifiċi. Dawk dwar l-arja, il-pestiċidi, u l-prevenzjoni u riċiklaġġ tal-iskart iffukaw aktar fuq analiżi tal-miżuri eżistenti sabiex titjieb il-koerenza u jiġu indirizzati defiċjenzi speċifiċi.

Madankollu, l-evidenza dwar il-ħila tas-Sitt EAP li jħeġġeġ l-adozzjoni ta' strumenti ambjentali speċifiċi mhijiex waħda konvinċenti. Parti mill-varjazzjonijiet fil-progress lejn l-għanijiet stabbiliti fis-Sitt EAP tista' tiġi spjegata mid-disinn tal-Programm, speċjalment fid-dawl tal-livelli rispettivi ta' ambizzjoni fl-oqsma tematiċi differenti. Pereżempju, l-għanijiet stipulati għat-tibdil fil-klima sussegwentement tilfu mill-validità tagħhom wara żviluppi politiċi dinamiċi f'dak il-qasam li ma kienux xrpunati mis-Sitt EAP. B'kuntrast ma' dan, il-mira tal-2010 għall-bijodiversità ma' ntlaħqitx hekk kif l-impenn b'saħħtu meħud inizjalment mill-Istati Membri ma ssarrafx f'mezzi adegwati.

Filwaqt li l-intenzjoni tat-Trattat kienet li l-programmi ġenerali ta' azzjoni ambjentali kellhom jiffukaw fuq għanijiet prijoritarji, il-proċess ta' kodeċiżjoni irriżulta f'Sitt EAP b'għadd kbir ta' azzjonijiet, li jvarjaw kemm fl-ambitu kif ukoll fl-effett. Dan, flimkien ma' nuqqas ta' viżjoni fit-tul, ikkomprometta l-ħila tal-Programm li jwassal messaġġ ċar li seta' għen sabiex jżomm il-profil tiegħu b'mod aktar effikaċi matul il-perjodu li kien fis-seħħ. L-istrateġiji tematiċi ġew żviluppati bi spejjeż sinifikanti f'termini ta' ħin u riżorsi umani: l-aħħar strateġija ġiet adottata saħansitra fl-2006. L-implimentazzjoni u l-infurzar mhux adegwati tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE kienu wkoll fattur li xekkel il-progress.

Il-qafas ta' żmien ta' għaxar snin għas-Sitt EAP mhux dejjem kien wieħed xieraq. Dan wera li kien twil biżżejjed biex jiġu koperti t-tfassil u l-adozzjoni tal-politika kif ukoll l-ewwel stadji tal-implimentazzjoni tagħha f'ċerti oqsma (pereżempju dak tal-iskart). F'oqsma oħra (pereżempju dawk tar-riżorsi u l-bijodiversità) wera li kien qasir wisq minħabba l-ħtieġa ta' aktar tagħrif jew minħabba xkiel ieħor. Fl-aħħarnett, filwaqt li s-Sitt EAP influwenza l-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013[13], iż-żmien tal-adozzjoni tiegħu fl-2002 kien tard wisq għall-perjodu 2000-2007[14], mil-lat ta' finanzjament.

OQSMA PRIJORITARJI

Din it-taqsima tipprovdi valutazzjoni aktar dettaljata tal-oqsma prijoritarji tas-Sitt EAP – in-natura u l-bijodiversità, l-ambjent u s-saħħa, ir-riżorsi naturali u l-iskart, it-tibdil fil-klima u l-kwistjonijiet internazzjonali - f'termini tal-kontribuzzjoni tagħhom, il-kisbiet u n-nuqqasijiet tal-politika ambjentali matul il-perjodu konċernat kif ukoll it-tagħlimiet miksuba.

In-natura u l-bijodiversità

Kontribuzzjoni: Fir-rigward tan-natura u l-bijodiversità, is-Sitt EAP instiga l-iżvilupp tal-istrateġiji tematiċi dwar il-protezzjoni tal-ħamrija u l-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent tal-baħar. Dan enfasizza l-ħtieġa li tinbena bażi ta' għarfien aktar b'saħħitha, jitjieb il-finanzjament u jissaħħu l-attivitajiet attwali. Fittex ukoll li jqajjem kuxjenza politika dwar in-natura u l-bijodiversità fuq l-istess livell ta' kwistjonijiet ambjentali oħra, b'mod partikolari, it-tibdil fil-klima, u enfasizza l-ħtieġa li jiżdied ir-rikonoxximent tal-valur ekonomiku tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema fil-proċess tal-politika.

Kisbiet: In-netwerk Natura 2000 tas-siti protetti ġie estiż sabiex ikopri madwar 17 % tal-erja totali tal-art tal-UE, filwaqt li l-Istrateġija Tematika għall-Protezzjoni tal-Ħamrija12 enfasizzat l-importanza tal-ħamrija bħala riżorsa ewlenija u fil-ħarsien tal-bijodiversità. L-Istrateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni tal-Ambjent Marin12 stabbilixxiet is-sisien għall-bijodiversità marina, filwaqt li naqas it-tniġġis tax-xmajjar u l-lagi min-nitrat u l-fosforu. Minbarra dan, il-bini ta' bażi ta' għarfien kien element ewlieni ta' xprunar, perezempju l-inizjattiva TEEB ( The Economics of Ecosystems and Biodiversity )[15] li tat spinta lill-proċess attwali li jiġi stabbilit valur monetarju fuq il-kapital naturali u s-servizzi tal-ekosistema. Ix-xenarju bażi għall-Bijodiversità 2010 tal-UE se jservi ta' parametru ta' referenza u flimkien mas-SEBI 2010 aġġornat ( Streamlining European 2010 Biodiversity Indicators )[16] se jkunu strumentali sabiex jitkejjel il-progress fil-ġejjieni. Fl-aħħarnett, ġiet adottata reċentament strateġija ta' għaxar snin għall-protezzjoni tal-bijodiversità3.

Nuqqasijiet: L-għan ġenerali tas-Sitt EAP li jitwaqqaf it-tnaqqis tal-bijodiversità sal-2010 ma ntlaħaqx u x-xejra ġenerali tal-biċċa l-kbira tal-indikaturi rilevanti għall-bijodiversità kienet waħda negattiva, anke jekk din kienet b'varjazzjonijiet reġjonali sinifikanti, pereżempju, abbandun tal-art, frammentazzjoni tal-ħabitat li tirriżulta mill-iżviluppi fl-infrastrutturi tat-trasport, it-tixrid urban, u prattiki agrikoli mhux xierqa. Proporzjon sostanzjali tal-ilma ħelu Ewropew huwa fir-riskju li ma jiksibx status tajjeb sal-201511. Huwa stmat li bejn 10 u 15 % minn fost l-aktar minn 10,000 speċijiet mhux nattivi għandhom impatti negattivi fuq in-natura u l-bijodiversità. Evalwazzjonijiet bijoġeografiċi dettaljati tal-ispeċijiet u t-tipi ta' ħabitats Ewropej elenkati fid-Direttiva dwar il-Ħabitats tal-UE[17] jindikaw li 17 % biss tat-tipi ta' ħabitats u tal-ispeċijiet għandhom "status ta' konservazzjoni favorevoli"[18]. L-iżvilupp ta' netwerk ta' żoni tal-baħar protetti sar bil-mod hekk kif, sa llum, is-siti ddeżinjati jammontaw għal madwar 6 % tal-ispeċijiet u 10 % tal-ħabitats. Minkejja li l-użu sostenibbli tal-ħamrija ġie enfasizzat bħala prijorità fis-Sitt EAP, il-Kunsill ma kienx kapaċi jwettaq progress fuq din il-kwistjoni, b'mod partikolari, permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija li ġiet proposta[19]. Sa llum, dan illimita l-ħila li jintlaħaq l-għan tas-Sitt EAP dwar il-prattiki ta' mmaniġġjar tal-ħamrija fl-UE.

Tagħlimiet miksuba: Seta' sar aktar progress sabiex tintlaħaq il-mira li jiġi mwaqqaf it-tnaqqis tal-bijodiversità sal-2010 kieku ġiet indirizzata bl-attenzjoni politika u l-impenji finanzjarji meħtieġa, kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri.

L-ambjent u s-saħħa

Kontribuzzjoni: Is-Sitt EAP wassal għal eżerċizzju utli ta' analiżi tal-impenji eżistenti u l-azzjonijiet ippjanati u għal iffukar ikbar fuq ir-rabiet bejn il-fatturi ambjentali u s-saħħa tal-bniedem. Għen ukoll sabiex imexxi 'il quddiem ċerta azzjoni li nkella ma kinitx tkun possibbli li titwettaq, pereżempju, dik fuq l-ambjent urban, jew azzjoni li kienet iddum iktar jew tkun anqas komprensiva mingħajr l-impetu tal-Programm, pereżempju dik fir-rigward tal-pestiċidi. L-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja12 tal-2005 stabbilixxiet qafas metodoloġiku komprensiv u ħolistiku msejjes fuq bażi solida ta' għarfien li se tkompli tipprovdi l-bażi għal politika integrata dwar il-kwalità tal-arja.

Kisbiet: Filwaqt li l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem kienet l-għan ta' bosta politiki ambjentali, pereżempju dawk fuq l-arja, l-ilma u l-kimiki, il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010[20] għen sabiex tiżdied il-kuxjenza u l-informazzjoni dwar ir-rabtiet bejn l-ambjent u s-saħħa. Ġiet adottata leġiżlazzjoni komprensiva fl-oqsma tal-kimiki, il-pestiċidi u l-ilma, għalkemm iż-żminijiet twal ta' implimentazzjoni jfissru li l-impatt tagħha għad trid tieħu ż-żmien tagħha. Il-livelli ta' SO2, NOx u ċomb fl-arja naqsu matul l-aħħar disa' snin. Flimkien ma' dan, twettqu miżuri ġodda li ma kinux fis-Sitt EAP u li jirreflettu t-tibdiliet fil-prijoritajiet ta' politika minħabba r-riskji akbar ta' skarsezza ta' ilma u ta' nirien fil-foresti.

Nuqqasijiet: X'aktarx mhux se tintlaħaq għal kollox il-mira tas-Sitt EAP li, fuq medda ta' ġenerazzjoni waħda, il-kimiki jkunu prodotti u użati biss b'mod li ma jwasslux għal impatt negattiv sinifikanti fuq is-saħħa u l-ambjent. Flimkien ma' dan, id-dejta dwar il-konċentrazzjonijiet tal-kimiki fl-ambjent u fil-bnedmin, u l-effetti ta' esponiment għal taħlit kumpless ta' kimiki, għadha waħda skarsa. L-Istrateġija Tematika għall-Ambjent Urban12 ma tidhirx li kellha impatti sinifikanti fir-rigward tal-għan tas-Sitt EAP li jtejjeb il-kwalità tal-arja tal-ambjent urban. Materja partikulata u l-ożonu jibqgħu kwistjonijiet ta' tħassib, b'mod partikolari, il-konċentrazzjonijiet ta' PM10 f'bosta żoni urbani tal-UE għadhom iwasslu, b'mod sinifikanti, għal imwiet aktar bikrija u diżabbiltà minn mard respiratorju, mard kardjovaskulari u l-kanċer. Huwa stmat li madwar 40 % tal-popolazzjoni tgħix f'żoni urbani b'livelli ta' storbju bil-lejl li jaqbżu l-livelli rrakkomandati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. L-aċċess għal ilma ta' kwalità sodisfaċenti mhuwiex suffiċjenti u jirrappreżenta riskju għas-saħħa f'għadd ta' żoni rurali.

Hemm ukoll għadd ta' lakuni fil-leġiżlazzjoni, mhux biss dawk ambjentali iżda wkoll, pereżempju, dawk fir-rigward tal-arja interna (peress li ċ-ċittadini Ewropej iqattgħu madwar 90 % tal-ħin tagħhom ġewwa) u tal-emissjonijiet mill-apparat domestiku u kummerċjali. Flimkien ma' dan, il-limiti nazzjonali tal-emissjonijiet għad iridu jiġu riveduti u d-depożitu eċċessiv ta' nitroġenu atmosferiku għadha kwistjoni miftuħa madwar l-UE.

Tagħlimiet miksuba: Teħtieġ aktar attenzjoni lill-appoġġ għall-implimentazzjoni, kemm fuq livelli nazzjonali kif ukoll dawk reġjonali. Is-sejbiet u l-informazzjoni mir-riċerka dwar l-impatti tal-kwalità ambjentali fuq is-saħħa għandhom jiġu integrati aħjar fl-għan usa' ta' politika tat-titjib tas-saħħa pubblika. L-ambjent urban jeħtieġ li jkun rifless aħjar fl-iżvilupp tal-politika peress li madwar 75 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f'żoni urbani.

Riżorsi naturali u skart

Kontribuzzjoni: Is-Sitt EAP saħħaħ ir-rabta bejn il-politika dwar l-iskart u l-politika dwar ir-riżorsi u għen sabiex jiġi rrinfurzat l-immaniġġjar tal-iskart u nimxu 'il quddiem lejn politika msejsa fuq konsum u produzzjoni sostenibbli. L-Istrateġija Tematika għall-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali12 ispirat riċerka ulterjuri, wasslet għall-ħolqien ta' fora ġodda[21] u ffurmat in-nukleu tal-ħidma attwali fuq l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. L-Istrateġija Tematika għall-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart12 ipprovdiet qafas strateġiku komuni għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart.

Kisbiet: L-użu tar-riżorsi ma għadux jikber bl-istess rata tat-tkabbir ekonomiku. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u dwar Politika Industrijali Sostenibbli9 jistabbilixxi sensiela integrata ta' miżuri sabiex prodotti mmanifatturati fl-Ewropa jkunu aktar ekoloġiċi, li jinkludu l-ħolqien ta' pjattaforma b'bosta partijiet interessati, jiġifieri l-Forum tan-Negozju, li ġie ddisinjat sabiex iħeġġeġ konsum aktar sostenibbli. Miżuri adottati dan l-aħħar bħad-Direttiva dwar l-Ekodisinn[22], ir-Regolament rivedut dwar l-Ekotikketta u l-inizjattiva dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku huma mfassla b'tali mod li jkollhom impatti pożittivi fuq l-użu tar-riżorsi fil-futur.

Il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart ukoll ġiet mmodernizzata u ssemplifikata b'mod sinifikanti sabiex tindirizza aħjar l-għanijiet prinċipali tas-Sitt EAP. Il-leġiżlazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart saret aktar komprensiva billi inkorporat analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja permezz ta' miri għall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru kif ukoll billi naqqset il-periklu ta' ċertu skart. L-ammont ta' sustanzi potenzjalment ta' ħsara fl-elettronika li titqiegħed fis-suq tal-UE diġà ġew imnaqqsa sostanzjalment bħala riżultat tad-Direttiva dwar ir-Restrizzjonijiet fuq l-Użu Perikoluż ta' Sustanzi[23].

Nuqqasijiet: F'termini assoluti l-użu tar-riżorsi għadu qed jiżdied u dan mhuwiex kompatibbli mal-mira li tiġi rispettata l-kapaċità ta' ġarr tal-ambjent fit-tul. Differenzi sostanzjali fil-produttività tar-riżorsi jippersistu fost l-Istati Membri. Hemm ukoll dipendenza dejjem akbar fuq l-importazzjonijiet li issa jammontaw għal 20 % tar-riżorsi kollha kkunsmati u li l-impatt tagħhom, fil-biċċa l-kbira, għadu mhux magħruf.

B'kuntrast mal-għan tas-Sitt EAP li jitnaqqas il-volum globali ta' skart iġġenerat fl-UE jidher li, fl-aħjar xenarju, il-ġenerazzjoni tal-iskart ġiet sempliċement stabbilizzata u jista' jkun li qiegħda saħansitra tiżdied. Minkejja li d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tqiegħed enfasi akbar fuq il-prevenzjoni tal-iskart milli kien iseħħ qabel, in-nuqqas ta' bażi ta' għarfien soda biżżejjed kif ukoll iċ-ċirkostanzi differenti fuq livell nazzjonali ma ppermettewx li jkun hemm miżuri aktar tanġibbli jew iffissar ta' miri.

Tagħlimiet miksuba: Huwa stmat li l-ikel u x-xorb, it-trasport privat u d-djar jammontaw għal bejn 70 % u 80 % tal-impatt ambjentali tal-UE fuq il-konsum[24]. Minbarra dan, huwa stmat li aktar minn 80 % tal-impatti ambjentali kollha relatati mal-prodotti huma ddeterminati matul il-fażi ta' disinn tal-prodott11. Jeħtieġ aktar ffukar fuq dawn l-oqsma u l-ekodisinn sabiex jiġu indirizzati l-impatti ambjentali tal-attivitajiet u mġiba tal-bnedmin. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tkompli tippreżenta sfida, speċjalment, hekk kif il-kummerċ fl-iskart qed jiżdied.

Tibdil fil-klima

Kontribuzzjoni: Minkejja li s-Sitt EAP għen fil-qasam tat-tibdil fil-klima, l-aktar permezz tal-iffissar tal-prijoritajiet u l-immobilizzar ta' appoġġ istituzzjonali usa', elementi esterni oħra ta' xprunar kienu aktar b'saħħithom, pereżempju, l-iżviluppi internazzjonali, il-kuxjenza pubblika, l-analiżi Stern dwar l-ekonomija tat-tibdil fil-klima u l-ispejjeż tan-nuqqas ta' azzjoni, ir-Raba' Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC li pprovda bażi xjentifika soda għat-tibdil fil-klima, it-tħassib ġeopolitiku fir-rigward tad-dipendenza fuq il-fjuwil fossili, il-prezzijiet tal-enerġija u s-sigurtà tal-enerġija, u l-evidenza dejjem akbar tal-effetti tat-tibdil fil-klima madwar id-dinja u l-ispejjeż assoċjati magħhom, l-aktar minħabba għadd dejjem akbar ta' avvenimenti estremi tat-temp f'bosta partijiet tad-dinja.

Kisbiet: Minkejja li ma ntlaħqux l-ambizzjonijiet fir-rigward tal-azzjoni mill-komunità internazzjonali, l-għanijiet u l-ambizzjonijiet tas-Sitt EAP fir-rigward tal-miri u l-progress fuq livell ta' UE ġew issuperati. Il-Pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija tal-2007 jistabbilixxi l-miri 2020 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, is-sehem tal-enerġija rinovabbli kif ukoll l-effiċjenza enerġetika. L-Iskema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet tal-2005[25] stabbilixxiet prezz fuq il-karbonju, u d-Direttiva dwar in-Nitrati u l-Miżbliet[26] irnexxilha tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. L-adattament irriżulta bħala qasam ġdid tat-tfassil tal-politika. Id-Direttiva dwar il-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju[27] ġiet adottata minkejja li ma kinitx inkluża fis-Sitt EAP. B'mod ġenerali, miri kwantifikabbli vinkolanti, bħall-mira tal-Protokoll ta' Kjoto għat-tnaqqis tal-emissjonijiet bi 8 % sal-2012, ukoll ġew issuperati.

Nuqqasijiet: Miri kwantifikabbli, bħall-mira li l-enerġija rinovabbli tammpnta għal 12 % tal-użu totali tal-enerġija sal-2010[28], kienu iktar ta' aspirazzjoni fin-natura tagħhom u aktar diffiċli biex jinkisbu. Flimkien ma' dan, iż-żiediet fl-emissjonijiet tal-gassijiet fil-qasam tat-trasport għadhom marbuta mill-qrib mat-tkabbir ekonomiku11. Bejn l-1990 u l-200811 żdiedu wkoll l-emissjonijiet mill-idrofluworkabonji iżda xorta għadhom mhumiex regolati fuq livell internazzjonali.

Tagħlimiet miksuba: Is-Sitt EAP ikkontribwixxa lil interess pubbliku akbar fuq din il-kwistjoni. Madankollu, dik li rriżultat bhala l-aktar importanti kienet il-ħila li jsir każ ċar għall-azzjoni msejjes fuq l-ispejjeż u l-benefiċċji, kif ukoll li jkun hemm impenn politiku lejn għanijiet ewlenin ta'politika fil-livell ta' Kapijiet ta' Stat tal-UE.

Kwistjonijiet internazzjonali

Kontribuzzjoni: Is-Sitt EAP tenna l-impenji tal-UE (a) li jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet ambjentali fir-relazzjonijiet esterni kollha tal-UE u (b) lejn id-dimensjoni esterna tal-Istrateġija ta' Żvilupp Sostenibbli tal-UE.

Kisbiet: L-impenji internazzjonali tal-UE fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-ftehim ta' Nagoya tal-2010 dwar il-miri tal-bijodiversità reċentament għenu sabiex tiġi mmexxija 'il quddiem l-azzjoni fuq il-bijodiversità fuq livell internazzjonali, u ċerti Ftehimiet Ambjentali Multilaterali oħra, bħall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel[29] u l-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti kellhom suċċess notevoli[30]. L-UE ppromwoviet ukoll, b’mod attiv, il-koordinazzjoni bejn it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità fuq livell internazzjonali. Il-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli ġew inklużi fil-ftehimiet dwar il-kummerċ ħieles u ppruvat tikseb anqas ostakli għall-kummerċ fl-oġġetti u s-servizzi ambjentali. Fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, l-UE kellha impatt globali b’saħħtu permezz tal-leġiżlazzjoni ambjentali tagħha hekk kif pajjiżi li jesportaw lejn l-UE kellhom jadottaw standards tal-UE għall-prodotti.

Nuqqasijiet: Minkejja l-isforz tal-UE biex issaħħaħ il-kooperazzjoni multilaterali u turi l-impenn tagħha lejn il-konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali, ftit li xejn kien hemm progress lejn governanza ambjentali globali msaħħa. Għalkemm kwistjonijiet ambjentali ta’ tħassib ġew promossi fil-politiki tal-UE dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali, dawn setgħu kienu integrati aħjar fi kwistjonijiet fundamentali bħall-aċċess għas-swieq fil-ftehimiet kummerċjali. L-integrazzjoni tad-dimensjoni ambjentali fl-għajnuna għall-iżvilupp kien wisq dipendenti fuq il-prijorità mogħtija lilha mill-pajjiżi benefiċjarji.

Tagħlimiet miksuba : L-isfidi ambjentali, li huma dejjem aktar globali, jeħtieġu sforz aktar koeżiv u ffukat fi ħdan l-UE sabiex ir-rwol tagħha ikun aktar effikaċi fit-tfassil tal-politika internazzjonali u tkompli tirsisti għal governanza ambjentali globali aħjar. Il-punt tat-tluq għandu jkun viżjoni miftiehma li tistabbilixxi għanijiet ewlenin għall-azzjoni futura tal-EU fl-indirizzar tal-problemi ambjentali globali u reġjonali. Dan għandu jgħin sabiex ir-riżorsi finanzjarji limitati jiġu mmobilizzati bl-aħjar mod. L-impronta ekoloġika esterna dejjem akbar tal-UE[31] għandha titqies flimkien mal-effikaċja tad-dimensjoni ambjentali fil-politiki għall-għajnuna. Tista' titqajjem u għandha titqajjem aktar kuxjenza dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kwistjonijiet ambjentali kif ukoll l-ispejjeż li jirriżultaw minn nuqqas ta' azzjoni. L-UE għandha tippromwovi wkoll “ekonomija ekoloġika” fuq livell globali, billi tintegra aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi bħat-taffija tal-faqar.

L-EFFIKAċJA TAL-APPROċċI U STRUMENTI STRATEġIċI

Flimkien mal-oqsma prijoritarji msemmija hawn fuq, is-Sitt EAP jirreferi għal firxa ta’ approċċi u strumenti ta’ tfassil tal-politika inklużi l-koerenza u l-integrazzjoni, il-finanzi u l-implimentazzjoni kif ukoll l-infurzar. Dawn huma vvalutati hawn taħt.

Kontribuzzjoni: Is-Sitt EAP ikkumplimenta l-Istrateġija ta’ Lisbona[32] u l-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli[33] u ffoka b’mod partikolari fuq l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ambjentali ta’ tħassib fl-oqsma kollha ta’ politika, l-aktar permezz tal-Istrateġiji Tematiċi. Enfasizza il-ħtieġa li jiġu razzjonalizzati l-infiq u l-finanzjament ambjentali fin-netwerk Natura 2000. Sittax fil-mija tal-baġit multiannwali tal-Unjoni għall-2007-2013[34], li jkopri t-tieni nofs tas-Sitt EAP, huwa nominalment allokat lill-appoġġ lil għanijiet ambjentali inkluż il-programm LIFE ddedikat lilhom[35].

Is-Sitt EAP inkoraġġixxa u ppromwova bis-saħħa l-prinċipji u l-istrumenti għal tfassil aħjar tal-politika, b’mod partikolari l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-użu akbar ta’ strumenti msejsa fuq is-suq. Enfasizza wkoll l-importanza ta’ sisien xjentifiċi sodi għat-tfassil tal-politika.

Kisbiet: Is-Sitt EAP immira għall-koerenza matul iċ-ċiklu tal-politika ambjentali tal-UE nnifisha, billi indirizza l-għanijiet, l-istrumenti, l-implimentazzjoni u r-riżultati anke jekk dawn tal-aħħar kienu diffiċli li jiġu mkejla. B’mod partikolari, l-Istrateġiji Tematiċi kkontribwew b’sinifikanti lill-koerenza fi ħdan l-oqsma prijoritarji tal-Programm, billi naqqsu defiċjenzi importanti bħall-ambjenti tal-baħar u dawk urbani, il-ħamrija u r-riżorsi, u billi jindirizzaw lakuni iżgħar u aktar speċifiċi fil-miżuri eżistenti pereżempju tal-arja, il-pestiċidi u l-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart.

Fir-rigward tal-integrazzjoni, is-Sitt EAP għen sabiex jiggwida l-proċess li għaddej bħalissa tal-integrazzjoni ambjentali fir-riformi tal-KAP, il-PKS u l-Politika ta’ Koeżjoni. Ġew indirizzati wkoll l-azzjonijiet tal-forestrija li wasslu għat-tfassil tal-Green Paper dwar il-protezzjoni u l-informazzjoni dwar il-foresti tal-2010.

Sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali l-Kummissjoni wettqet sforzi li jvarjaw bejn enfasi akbar fuq il-prevenzjoni tal-ksur għal aktar attivitajiet strateġiċi ta’ infurzar, bħall-iffukar fuq ksur fundamentali jew sistemiku. Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali tinkoraġġixxi l-forniment ta’ sigurtà finanzjarja biex tirrimedja għal ħsara ambjentali.

Aktar finanzjament sostanzjali kien disponibbli mill-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni[36] għal investimenti differenti fl-ambjent bħal fl-enerġija sostenibbli, il-bijodiversità u l-protezzjoni tan-natura jew l-infrastruttura tal-iskart u l-ilma, kif ukoll finanzjament mill-fondi agrikoli għal prestazzjoni ambjentali aħjar. Is-Sitt u s-Seba’ Programm Kwadru[37] indirizzaw dejjem aktar l-iżvilupp sostenibbli u l-ambjent. Il-Programm LIFE, minkejja d-daqs limitat tiegħu, kellu impatt viżibbli fuq l-appoġġ għall-implimentazzjoni tas-Sitt EAP u wassal sabiex ikun hemm sforzi mmirati fl-appoġġ għall-politika ambjentali. Il-Programm ta’ Assistenza għall-Konformità Ambjentali [Environmental Compliance Assistance Programme (ECAP)] joffri għajnuna speċifika lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Fuq livell internazzjonali, il-Kummissjoni ddedikat fondi mill-istrument ta’ għajnuna għall-iżvilupp[38] għall-perjodu 2007-2013, u mill-programmi ta’ kooperazzjoni ġeografika. Sar ukoll xi progress, anke jekk limitat, fit-tneħħija tas-Sussidji ta' Ħsara Ambjentali matul ir-reviżjonijiet tal-PKS u fis-settur tat-trasport u, aktar reċentament, f’dak tal-faħam.

Settijiet differenti ta’ indikaturi ġew żviluppati matul iż-żmien sabiex isaħħu l-bażi ta’ għarfien. Ir-Rapporti SOER ta’ kull ħames snin mill-EEA pprovdew analiżi essenzjali filwaqt li l-Analiżi Annwali tal-Politika Ambjentali tal-Kummissjoni[39] joffru wkoll informazzjoni regolari. Flimkien ma’ dan, l-implimentazzjoni ta’ INSPIRE[40] u l-iżviluppi ulterjuri tas-Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża se jtejbu s-sistema ta’ informazzjoni ambjentali fis-snin li ġejjin.

Nuqqasijiet: Minkejja li tqajjem fl-aħħar tal-ħames EAP, u minkejja li kien hemm xi progress, jeħtieġ li jsir aktar sabiex titjieb il-koerenza bejn l-aspetti kollha tal-politika tal-UE. L-isfruttament żejjed tal-ambjent tal-baħar u, b’mod partikolari, tas-sajd għadhom problema. It-trasport għadu jimponi piż ambjentali sinifikanti u l-pressjonijiet ambjentali mill-konsum u l-produzzjoni mhux sostenibbli qiegħdin dejjem aktar jikbru.

L-Istati Membri jistgħu xorta jtejbu konsiderevolment ir-rekord ta' implimentazzjoni tagħhom. Is-Sitt EAP ipprovda prevedibbiltà fuq l-inizjattivi li ġejjin sabiex ikunu mħejjija aħjar l-Istati Membri u dawk involuti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, dan jidher li mhux qed iseħħ: proċeduri ta' ksur ambjentali għadhom jammontaw għal madwar wieħed minn kull ħames każijiet miftuħa dwar nuqqas ta' komunikazzjoni, nuqqas ta' konformità jew applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tal-UE. L-implimentazzjoni kienet partikolarment problematika fl-oqsma tal-konservazzjoni tan-natura, tal-iskart u tal-ilma li jammontaw għal madwar żewġ terzi tal-każijiet ta' ksur ambentali tal-UE fl-2010.

Id-dibattitu politiku dwar is-Sitt EAP b’kodeċiżjoni seħħ wara dak dwar il-qafas finanzjarju. Dan kien diġà stabbilixxa linji ġenerali tal-baġit prinċipali għall-ewwel nofs tal-programm sal-2006, li ma kinitx is-sitwazzjoni ideali. Għad irid jiġi vvalutat jekk issarrfux b’mod effettiv l-għajnuna għall-iżvilupp u l-fondi mill-programmi ta’ kooperazzjoni ġeografika fi programmi/proġetti ambjentali fil-pajjiżi benefiċjarji.

Minkejja żviluppi pożittivi reċenti, l-informazzjoni ambjentali, b’mod partikolari, id-dejta uffiċjali u l-istatistika, għadhom mhumiex kompluti u mhux dejjem ikunu disponibbli fil-ħin. Miżuri biex jiġu eliminati gradwalment is-sussidji ta’ ħsara ambjentali għadhom ma laħqux il-livell mixtieq u għadu ma ġiex sfruttat il-potenzjal ta' tassazzjoni orjentata lejn il-promozzjoni aħjar tas-sostenibbilità. Filwaqt li ġew sfruttati strumenti msejsa fuq is-suq f'ċerti setturi, notevolment, permezz tas-sistema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, il-potenzjal sħiħ tagħhom għad irid jiġi sfruttat.

Tagħlimiet miksuba: In-natura dejjem tinbidel tal-isfidi ambjentali teħtieġ koerenza aħjar mill-ifformular tal-politika sat-twettiq, inkluż f’livell tal-Istat Membru, kemm bejn l-oqsma prijoritarji, pereżempju t-tibdil fil-klima u l-politika tal-arja, kif ukoll f’setturi oħra importanti mil-lat ambjentali. Kompromessi impliċiti fl-iżvilupp tal-politika setgħu kienu aktar viżibbli, pereżempju l-effetti tal-produzzjoni tal-bijoenerġija jew l-impatti negattivi tal-idroenerġija rinovabbli fuq bosta korpi tal-ilma.

Implimentazzjoni fqira tal-leġiżlazzjoni ambjentali timmina l-ilħiq tal-għanijiet u l-kredibbiltà tal-politika ambjentali, u ma tgħinx l-iżgurar tal-impenn ta’ setturi oħra lejn prestazzjoni aħjar. L-esperjenza tal-Kummissjoni tindika dgħufijiet fl-istruttura tal-governanza ambjentali madwar l-UE, u nuqqasijiet fid-dispożizzjonijiet relatati mal-informazzjoni fil-leġiżlazzjoni ambjentali u leġiżlazzjoni oħra tal-UE fir-rigward tal-monitoraġġ u l-ispezzjonijiet.

L-immassimizzar tal-effikaċja tal-finanzjament minn programmi li l-għan ewlieni tagħhom mhuwiex il-protezzjoni ambjentali jesiġi skrutinju kostanti. Meta titqies il-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi, il-possibbiltà li jiġi mobilizzat kapital mis-settur privat għandha tiġi indirizzata b’mod adegwat u suffiċjenti fl-ewwel stadji ta’ żvilupp tal-politika ambjentali tal-UE. Minbarra dan, dawk il-politiki b’valur miżjud ċar fil-ħolqien ta’ ekonomija ekoloġija u li jistgħu jitwettqu fuq medda ta’ żmien qasir/medju għandhom jiġu prijoritizzati, pereżempju l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku. Jeħtieġu wkoll passi ulterjuri lejn riforma tas-sussidji ta’ ħsara ambjentali.

Bażi ta’ għarfien aktar estensiva hija meħtieġa flimkien ma' fehim aħjar tal-elementi ta’ xprunari u ostakli għat-titjib u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

Sforzi ta’ appoġġ lill-ekoinnovazzjoni fl-Ewropa għandhom jiġu rrinfurzati sabiex jiġu indirizzati ostakli għal assorbiment mis-suq ta’ riżultati promettenti.

SFIDI GħALL-ġEJJIENI

Il-pillastri ewlenin tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-ambjent, bl-eċċezzjoni ta' dawk dwar il-ħamrija, issa huma fis-seħħ, għalkemm il-potenzjal sħiħ tagħhom li jwasslu għal titjib għad irid jiġi materjalizzat minħabba nuqqasijiet fl- implimentazzjoni.

Matul il-perjodu fis-seħħ tas-Sitt EAP inbidlet l-ordni ekonomika globali. Qed jitfaċċaw atturi ekonomiċi ġodda, u hekk kif tikber il-popolazzjoni globali, id-domanda dejjem akbar għar-riżorsi qed titfa' aktar pressjoni fuq l-ambjent. L-UE espandiet permezz tal-proċessi ta' tkabbir tagħha matul dan il-perjodu u b'hekk qed issir dejjem aktar dipendenti fuq ir-riżorsi importati[41].

Il-politika tradizzjonali dwar l-ambjent għad għandha rwol importanti fil-protezzjoni tal-ambjent. Madankollu, iċ-ċirkostanzi dejjem jinbidlu u n-natura dejjem aktar interkonnessa tal-isfidi ambjentali jimplikaw ħtieġa ta' fessibbiltà u adattament.

L-isfida ewlenija bażika għall-politika ambjentali futura hija li tevolvi minn waħda li tirrimedja d-degradazzjoni għal waħda li tipprevjeniha, u li tintegra aktar l-ambjent fil-politika rilevanti kollha. F'dan il-kuntest, viżjoni aktar fit-tul tista' tipprovdi sens ta' żgurar għad-direzzjoni tal-politika filwaqt li ma tiġix kompromessa l-ħtieġa li jiġu riflessi ċirkostanzi dejjem jinbidlu tul is-snin.

L-Istrateġija Ewropa 2020 tipprevedi trasformazzjoni għal ekonomija ekoloġika, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, kompetittiva u b'livelli baxxi ta' karbonju bħala mudell potenzjalment ġdid għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli. Il-kisba ta' benefiċċji simili għall-produttività tar-riżorsi fid-deċennji futuri, kif diġa seħħ fil-passat għall-produttività tal-ħaddiema, se jnaqqsu d-dipendenza tal-UE fuq il-materja prima u r-riżorsi naturali. L-użu aktar sostenibbli tal-art se jnaqqas il-pressjonijiet fuq l-ekosistemi u s-servizzi pprovduti minnhom. Bl-istess mod, l-iżviluppi u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi, u partikolarment l-ekodisinn, se jgħinu fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi u jwasslu għal tkabbir aktar sostenibbli mill-passat.

Fuq livell internazzjonali , l-UE għandha tippromwovi il-potenzjal tagħha bħala suq ta' madwar 500 miljun persuna b'standards ambjentali stretti u ħiliet u prodotti relatati. B'hekk tista' tippromwovi tkabbir ekoloġiku sostenibbli lil hinn mill-fruntieri tagħha, inkluż fil-benefiċjarji ta' għajnuna mill-UE, filwaqt li tkompli tirsisti għal governanza ambjentali globali aħjar. Dan x'aktarx se jeħtieġ bidla fil-mudelli applikabbli fil-governanza ambjentali internazzjonali favur deċżjonijiet b'bażi xjentika soda. Huma essenzjali l-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali u dawk marbuta mal-livelli baxxi ta' karbonju fil-mudelli kummerċjali f'setturi oħra kif ukoll l-iżgurar tal-koerenza mill-ifformular tal-politika sal-implimentazzjoni tagħha. Għandhom jiġu indirizzati l-ostakli għall-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti, b'mod partikolari, kwistjonijiet ta' governanza fil-livelli kollha fl-Istati Membri, sabiex jiġi protett l-ambjent u jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi fuq is-saħħa pubblika.

Il-pressjonijiet ambjentali huma dejjem aktar globali u sistemiċi fin-natura tagħhom. Minħabba l-interkonnessjonijiet kumplessi, neħtieġu bażi ta' għarfien aktar estensiva sabiex nifhmu aħjar l-elementi ta' xprunar u l-ostakli, niġġustifikaw l-ispiża tal-azzjoni jew tan-nuqqas tagħha, u niżviluppaw indikaturi affidabbli sabiex inkejlu l-progress lejn futur sostenibbli għall-UE.

Għandu jiġi wkoll eżaminat bis-sħiħ il-potenzjal ta' bidla fl-imġiba tal- konsumaturi, kemm bħala individwi kif ukoll bħala gruppi, u, b'mod partikolari, fil-kommunitajiet urbani, sabiex jittaffu l-pressjonijiet fuq l-ambjent[42]. Għandu jitwessa' l-użu ta' strumenti msejsa fuq is-suq biex jiġu mmobilizzati xejriet ta' konsum aktar sostenibbli. Flimkien ma' dan, għandhom ikomplu l-isforzi biex jitneħħew sussidji ta' ħsara ambjentali.

Fil-futur, fid-dawl tal-pressjonijiet fuq il-baġits pubbliċi, it-titjib ambjentali se jiddependi dejjem aktar fuq taħlita ta' finanzjament mis-settur pubbliku u dak privat. L-iffissar ta' għanijiet ambjentali u t-teħid ta' deċiżjoni, fl-istess waqt, dwar il-livell safejn dawn jistgħu jiġu ffinanzjati pubblikament jew privatament jistgħu jipprovdu grad ogħla ta' ċertezza dwar l-ilħiq tagħhom. Dan jimplika li l-ippjanar tal-politika ambjentali għandha tkun allinjata aħjar mal-oqfsa multiannwali ta' finanzjament, peress li dawn jistabbilixxu l-allokazzjonijiet finanzjarji ffinanzjati pubblikament fuq livell ta' UE u jiddeterminaw l-ħtiġijiet ta' kofinanzjament f'oqsma ta' politika oħrajn li fuq l-azzjonijiet tagħhom jiddependu dejjem aktar ir-riżultati ambjentali.

KONKLUżJONIJIET

Ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni juru li, kollox ma' kollox, is-Sitt EAP għen sabiex jipprovdi qafas prinċipali għall-politika ambjentali għal deċennju, li matulu l-leġiżlazzjoni ambjentali ġiet ikkonsolidata u kkompletata b'tali mod li tkopri kważi l-oqsma ambjentali kollha, bl-eċċezzjoni tal-ħamrija. L-adozzjoni permezz tal-kodeċiżjoni tqieset mill-partijiet interessati bħalikieku ngħatat aktar leġittimità u għenet biex toħloq sens usa' ta sjieda għal proposti ta' politika sussegwenti. Iżda turi wkoll nuqqasijiet u limitazzjonijiet: b'mod partikolari, l-inklużjoni ta' kwistjoni fil-EAP mhija l-ebda garanzija li l-Istati Membri huma fil-verità impenjati lejn dawn l-għanijiet.

Għalkemm is-Sitt EAP jinsab fl-aħħar sena tiegħu, il-Kummissjoni se tkompli tirsisti sabiex tikseb politika ambjentali, li issa hija parti integrali mill-Istrateġija Ewropa 2020, għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Orjentazzjonijiet ta' politika ġew adottati fuq il-klima, it-trasport u l-bijodiversità. Oħrajn huma mistennija aktar tard din is-sena fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi kif filwaqt li inizjattivi fl-oqsma tal-ilma, it-tniġġis tal-arja, il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli huma mistennija matul is-sena jew sentejn li ġejjin. F'dan l-isfond, il-Kummissjoni se tqis kif programm ta' azzjoni ġdid jista' jipprovdi bl-aħjar mod valur miżjud fil-kuntest għall-politika ambjentali li qed jevolvi b'mod rapidu.

[1] ĠU L242/1 10.9.2002

[2] COM(2010)2020, 3.3.2010

[3] COM(2011) 363, 20.6.2011

[4] COM(2011)244, 3.5.2011

[5] COM(2011) 112, 8.3.2011

[6] COM(2011) 144, 28.3.2011.

[7] COM (2010) 639

[8] COM(2011) 109, 8.3.2011

[9] COM(2008)397, 16.7.2008

[10] http://ec.europa.eu/environment/newprg/final.htm

[11] http://www.eea.europa.eu/soer/

[12] COM(2005)446 (Tniġġis tal-Arja); COM(2006)372 (Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi); COM(2005)666 (Prevenzjoni u Reċiklaġġ tal-Iskart); COM(2005)670 (Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali); COM(2006)231 (Ħarsien tal-Ħamrija); COM(2005)504 (Ħarsien u Konservazzjoni tal-Ambjent Marin); u COM(2005)718 (Ambjent Urban).

[13] COM (2004) 487

[14] COM (97) 2000

[15] http://www.teebweb.org/

[16] http://biodiversity.europa.eu/topics/sebi-indicators

[17] Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, ĠU L 206 , 22.07.1992

[18] http://www.eea.europa.eu/publications/eu-2010-biodiversity-baseline/

[19] COM (2006) 232

[20] COM (2004) 416

[21] Iċ-Ċentru tad-Dejta ESTAT dwar ir-Riżorsi Naturali u l-Grupp Internazzjonali dwar ir-Riżorsi tal-UNEP

[22] Id-Direttiva 2009/125/KE, ĠU L285/10, 31.10.2009

[23] Id-Direttiva 2002/95/KE, ĠU L37/19, 13.2.2003

[24] http://ec.europa.eu/environment/ipp/pdf/eipro_report.pdf

[25] Id-Direttiva 2004/101/KE li temenda d-Direttiva 2003/87/KE, ĠU L 338, 13.11.2004, p. 18–23

[26] Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, GU L 375, 31/12/1991 u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KEE, ĠU L 182 , 16/07/1999

[27] Id-Direttiva 2009/31/KE, ĠU L140/114, 5.6.2009

[28] Id-Direttiva 2001/77KE ĠU L 283, 27.10.2001

[29] Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat Minn Qabel [Prior Informed Consent (PIC)] għal ċerti kimiċi u pestiċidji perikolużi fil-kummerċ internazzjonali, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, ĠU L 063, 6.3.2003

[30] Konvenzjoni dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (POPs), Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, 14.10.2004

[31] Paragun bejn id-domanda tal-bniedem u l-kapaċita ekoloġika tad-Dinja li tirriġenera, pereżempju l-impronta tal-ilma tkejjel l-ammont totali tal-ilma użat biex jipproduċi l-oġġetti u s-servizzi kkunsmati.

[32] COM (2005) 24

[33] COM (2005) 97

[34] COM (2004) 487

[35] ĠU L 149 9.6.2007

[36] Fil-perjodu ta' pprogrammar 2007-13, madwar terz (EUR 105 biljun) tal-fondi totali tal-Politika ta' Koeżjoni se jkun investit direttament jew indirettament fl-ambjent.

[37] Id-Deċiżjonijiet 1513/2002/KE u 1982/2006/KE

[38] CEC (2007) Strateġija Tematika għall-Ambjent u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali (ENTRP)

[39] COM (2009) 304

[40] ĠU L 108, 25.4.2007

[41] (b'żieda ta' aktar minn 30 % mill-1999 sal-2008, skont is-SOER tal-EEA 2010)

[42] http://ec.europa.eu/consumers/behavioural_economics

Top