52011DC0424


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd

/* KUMM/2011/0424 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 5

2........... Il-kontribut lejn sostenibbiltà fit-tul mad-dinja kollha........................................................ 5

2.1........ Trasformazzjoni tad-djalogi tagħna f’sħubijiet ta' ħidma.................................................... 5

2.2........ Żamma u tisħiħ tal-arkitettura globali għall-governanza tas-sajd........................................ 7

2.3........ Kontribut lejn tħaddim aktar effettiv tal-RFMOs.............................................................. 8

3........... Lejn Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli......................................................................... 10

3.1........ Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd attwali u n-nuqqasijiet tagħhom.................................. 10

3.2........ Promozzjoni aħjar tar-riżorsi ta' konservazzjoni u tas-sostenibbiltà fit-tul......................... 11

3.3........ Rinfurzar tal-governanza ta’ ftehimiet bilaterali tas-sajd................................................... 12

3.4........ Aktar appoġġ effettiv għas-sajd sostenibbli fil-pajjiżi msieħba......................................... 13

4........... Koerenza ma’ politiki oħrajn tal-UE.............................................................................. 14

ANNESS I................................................................................................................................. 16

ANNESS II............................................................................................................................... 17

SOMMARJU EŻEKUTTIV

Skont l-aktar valutazzjoni riċenti magħmula mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura[1] kważi 85 % tal-istokkijiet tal-ħut fid-dinja li għalihom hemm informazzjoni disponibbli huma rrapurtati bħala sfruttati għalkollox jew sfruttati żżejjed. L-UE trid taħdem bis-sħiħ biex treġġa’ lura din is-sitwazzjoni permezz ta’ inizjattivi malajr u ta' kuraġġ.

L-UE hija waħda mill-ftit partijiet ewlenin bi preżenza qawwija fl-oċeani tad-dinja kollha permezz tal-flotot u l-investimenti tagħha, tal-ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi u l-parteċipazzjoni f’Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) ta' rilevanza kbira. L-UE hija wkoll suq ewlieni għall-prodotti tas-sajd f’termini ta’ konsum u importazzjonijiet. L-UE tikkonsma 11 % tar-riżorsi tas-sajd fid-dinja f’termini ta’ volum u timporta 24 % tal-prodotti tas-sajd f’termini ta' valur. Dan ipoġġi responsabbiltà kbira fuq l-UE sabiex timpenja ruħha aktar fil-ħidmiet ta’ konservazzjoni u ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet internazzjonali tal-ħut.

Il-kontribut lejn sostenibbiltà fit-tul mad-dinja kollha

Biex tiżgura l-ġestjoni sostenibbli u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u ttejjeb il-prestazzjoni tal-RFMOs, l-UE għandha tfittex li:

· Tmexxi ’l quddiem l-aġenda globali u multilaterali li tippromwovi s-sajd sostenibbli mad-dinja kollha filwaqt li twassal id-djalogi tagħha għal sħubijiet ta’ ħidma biex tindirizza kwistjonijiet kruċjali bħall-qerda tas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jew it-tnaqqis tal-kapaċità żejda.

· Tkun fuq quddiem fil-proċess tat-tisħiħ tal-prestazzjoni tal-RFMOs biex ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jikkonservaw u jimmaniġġjaw ir-riżorsi ħajjin tal-baħar taħt il-mira tagħhom permezz ta':

– L-għoti ta’ dejta aktar affidabbli u x-xjenza biex isostnu t-teħid ta’ deċiżjonijiet;

– Żieda fil-konformità u fil-kontroll;

– Tnaqqis tal-kapaċità għal livelli proporzjonati mar-riżorsi;

– Tħaddim aktar effettiv tal-RFMOs permezz ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet aħjar;

– Introduzzjoni ta’ tariffi għall-aċċess għall-ibħra miftuħa mill-membri tal-RFMO.

· Tintegra aħjar is-sajd, l-iżvilupp, l-ambjent, il-kummerċ u politiki oħra għal aktar avvanz fl-għanijiet ta' governanza sostenibbli u responsabbli.

Ftehimiet bilaterali tas-sajd

Ftehimiet internazzjonali bejn l-UE u pajjiżi terzi individwali għandhom jibqgħu l-qafas għall-attivitajiet tas-sajd tal-flotta tal-UE fl-ilmijiet ta' pajjiżi terzi. Sabiex tippromwovi l-konservazzjoni fit-tul tar-riżorsi, il-governanza tajba ta' relazzjonijiet bilaterali tas-sajd, u l-iżvilupp sostenibbli fis-settur tas-sajd tal-pajjiżi msieħba, fil-ftehimiet tas-sajd futuri l-UE għandha:

· Tibbaża l-ftehimiet fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u l-informazzjoni dwar l-isforz kumulattiv tas-sajd fl-ilmijiet ikkonċernati;

· Twettaq verifiki xjentifiċi dwar ftehimiet ta’ speċijiet diversi (“imħallta");

· Tqis ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bħala kundizzjoni essenzjali għall-konklużjoni u ż-żamma ta' ftehimiet tas-sajd;

· Timxi lejn kontribuzzjoni akbar tas-sidien tal-vapuri għall-ispiża tad-drittijiet tal-aċċess;

· Tiżgura li l-ftehimiet tas-sajd jappoġġaw governanza aħjar tas-settur tas-sajd fil-pajjiż imsieħeb, b’mod notevoli f’termini ta’ sorveljanza, spezzjoni u kapaċità amministrattiva kif ukoll dik xjentifika;

· Tiżgura ġestjoni finanzjarja soda u effiċjenti tal-fondi ta’ appoġġ settorjali skont il-ftehimiet, u tipprevedi sospensjoni tal-pagamenti jekk ma jinkisbux riżultati.

Xi wħud minn dawn l-elementi għandhom diġà jkunu integrati fi ftehimiet tranżitorji nnegozjati qabel l-adozzjoni tar-riforma tal-PKS. Ladarba r-riforma tidħol fis-seħħ, in-negozjati kollha se jirriflettu orjentazzjonijiet ġodda. Fit-tmiem tal-proċess, se jkun hemm fis-seħħ ġenerazzjoni ġdida ta' Ftehimiet Dwar is-Sajd Sostenibbli (SFAs – Sustainable Fisheries Agreements).

1. Introduzzjoni

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta orjentazzjonijiet ġodda għad-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS)[2] wara r-riforma u hija bbażata fuq għadd kbir ta' konsultazzjonijiet u valutazzjonijiet imwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-riforma. Ir-riforma tal-PKS għandha l-għan li tiżgura l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi ħajjin tal-baħar waqt li taħdem lejn prestazzjoni ekonomika soda, tkabbir inklussiv u koeżjoni mtejba fir-reġjuni kostali. L-orjentazzjonijiet ġodda għad-dimensjoni esterna tal-PKS wara r-riforma jimmiraw lejn il-projezzjoni ta' dawn il-prinċipji fuq livell internazzjonali u li jikkontribwixxu għal governanza aktar responsabbli tas-sajd internazzjonali filwaqt li jwasslu għal sfruttar sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut fuq livell globali billi jinkisbu livelli ta’ mortalità kompatibbli mar-Rendiment Massimu Sostenibbli (MSY[3] – Maximum Sustainable Yield) sal-2015, filwaqt li jnaqqsu l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Fl-aħħar mill-aħħar, dan ifisser futur vijabbli kemm għas-sajjieda Ewropej kif ukoll dawk tal-pajjiżi terzi.

Dawn l-orjentazzjonijiet se joffru wkoll sinerġiji akbar mal-Politika Marittima Integrata (IMP) tal-UE, li se tippermetti lill-UE tieħu approċċ orjentat aktar lejn l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd kif ukoll tindirizza l-kwistjonijiet globali tal-impatt fuq l-istokkijiet internazzjonali tal-ħut, bħat-tibdil fil-klima u t-tniġġis.

2. Kontribut lejn sostenibbiltà fit-tul mad-dinja kollha 2.1. Trasformazzjoni tad-djalogi tagħna f’sħubijiet ta' ħidma

L-UE hija impenjata fi djalogi bilaterali mal-imsieħba internazzjonali ewlenin tagħha, bħall-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada, il-Ġappun, l-Awstralja, in-New Zealand kif ukoll ir-Russja u ċ-Ċina. L-għan ta' dawn it-tipi ta' djalogu huwa l-iżgurar tas-sostenibbiltà tas-sajd globali, il-ħolqien ta’ alleanzi dwar kwistjonijiet ta' governanza tas-sajd u s-soluzzjoni ta’ problemi fuq bażi bilaterali.

Tradizzjonalment hemm relazzjonijiet sodi mal-ġirien tat-Tramuntana tal-UE, b'mod partikolari n-Norveġja, skont l-hekk imsejħa Arranġamenti tat-Tramuntana. Dawn l-arranġamenti jipprovdu għal ġestjoni kondiviża tar-riżorsi fl-ilmijiet tat-Tramunatana tal-Atlantiku, l-Artiku, il-Baltiku u l-Baħar tat-Tramuntana. Iktar riċenti, fl-2009 daħal fis-seħħ ftehim bilaterali bejn l-UE u r-Russja għall-ġestjoni konġunta tal-Baħar Baltiku. Fir-rigward tal-istokkijiet li jpassu ħafna u transżonali (inklużi l-kavalli u l-istokkafixx) fil-Grigal tal-Atlantiku, l-UE tikkoopera mal-istess ġirien tat-Tramuntana fil-forums tal-Istati Kostali. Il-Kummissjoni se tqis l-aqwa strateġiji għat-tisħiħ ta’ din il-kooperazzjoni sabiex tqis l-iżviluppi fi proċessi reġjonali li ser tfittex li timmaniġġja r-riżorsi fuq il-livell tal-baċir tal-baħar.

Fl-istess ħin, ir-relazzjoni tal-UE mal-pajjiżi tal-viċinat għada ggwidata mill-prinċipji tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) li permezz tagħha l-UE toffri relazzjoni privileġġata lill-ġirien tagħha filwaqt li tibni fuq impenn reċiproku lejn valuri komuni (id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, ir-regola tal-liġi, governanza tajba, prinċipji tal-ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli). Il-PEV hija wkoll mod adattat ħafna biex titwassal il-Politika Marittima Integrata tal-UE lill-pajjiżi msieħba ġirien tal-PEV, filwaqt li tinkoraġġixxi l-parteċipanti fil-Baħar Baltiku, il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed biex jibnu u jsaħħu mekkaniżi għal skambju bejn il-pari li għalih l-UE tista' tipprovdi kemm l-inizjattiva kif ukoll appoġġ.

Intemmu s-sajd illegali

Sabiex il-problemi prinċipali tas-sajd illum jiġu indirizzati b’mod effettiv bħall-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irregolat u mhux irrappurtat (IUU) u t-tnaqqis tal-kapaċità żejda, l-UE għandha bżonn li tiżgura l-appoġġ minn partijiet globali oħrajn.

Il-Kummissjoni tipproponi li, sal-aħħar tal-2013, jiġu varati diskussjonijiet ma’ Stati oħra ewlenin tal-importazzjoni tas-sajd, b’mod partikolari l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ġappun[4], biex timplimenta approċċ komuni biex jiġi evitat dħul ta' prodotti IUU f'dawn is-swieq. Inizjattiva bħal din tista’ titwettaq skont ir-Regolament IUU tal-UE[5] u twitti t-triq lejn il-qerda tas-sajd IUU matul l-għaxar snin li ġejjin, speċjalment jekk jingħaqdu partijiet kbar oħrajn. Il-Kummissjoni tkun miftuħa fil-futur qarib biex timplimenta mekkaniżmi konġunti għall-iskambju tal-informazzjoni u l-armonizzazzjoni ta' approċċi lejn il-parteċipanti fl-IUU (Stati tal-bandiera jew flotot) mal-imsieħba tagħha.

AZZJONI · Sħubija ta’ ħidma ma' kontrapartijiet ewlenin bl-għan li jiġi żviluppat approċċ komuni kontra s-sajd IUU.

Kapaċità żejda – kwistjoni globali

Fil-qafas tal-kisba ta’ livelli tal-mortalità mis-sajd li huma kompatibbli ma' MSY sa mhux aktar tard mill-2015, il-Kummissjoni biħsiebha tvara inizjattiva politika ta' livell għoli biex jiġu diskussi modi għal tnaqqis fil-kapaċità fuq livell globali sal-2013. Inizjattiva bħal din għandha tqis l-aspirazzjonijiet tal-Istati li qegħdin jiżviluppaw u għandha tkun konsistenti mar-riforma tal-PKS li se tipproponi ġestjoni bbażata fuq id-drittijiet tas-sajd bħala waħda mill-mekkaniżmi ewlenin biex jinkiseb it-tnaqqis fil-kapaċità.

AZZJONI · L-UE se ssejjaħ konferenza ta' livell għoli li tiddiskuti modi ta’ tnaqqis tal-kapaċità sal-2013 biex twitti t-triq għal proċess immirat lejn l-indirizzar tal-kapaċità żejda fuq il-livell globali.

2.2. Żamma u tisħiħ tal-arkitettura globali għall-governanza tas-sajd

Fuq livell globali, l-UE tipparteċipa fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti, bħala Parti għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Liġi tal-Baħar[6] kif ukoll bħala Parti għall-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut[7] . L-UE hija wkoll Membru attiv tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Alimentazzjoni u l-Agrikoltura (FAO) u tipparteċipa fil-ħidma tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD).

Dawn huma organizzazzjonijiet ewlenin biex javvanzaw id-diskussjonijiet dwar il-protezzjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar. Ladarba kienu ntlaħqu ftehimiet f'dawn il-forums (eż. dwar il-protezzjoni ta’ Ekosistemi tal-Baħar Vulnerabbli fin-NU), dawn l-istrumenti ġew implimentati b’suċċess fuq livell aktar operattiv permezz tal-adozzjoni ta' miżuri konkreti ta' konservazzjoni minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs). Għalhekk, l-involviment tal-UE f'dawn l-ispazji għandhom ikunu ffokati u mtejba, fuq dawn il-linji:

– Tkompli tippromwovi inizjattivi li jikkonċentraw fuq ir-rwol tal-Istati tal-port u tal-Istati tal-bandiera fil-ġlieda kontra l-attivitajiet IUU fil-qafas tal-FAO, bħall-Ftehim tal-Istat tal-Port tal-2009 jew konsultazzjonijiet tekniċi dwar il-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera;

– Tkompli tippromwovi t-tqajjim ta’ kwistjonijiet kbar ta’ tħassib, bħall-kapaċità żejda, il-ħut skartat, il-qbid inċidentali jew l-impatt ta’ ċertu rkaptu tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar, fuq il-livell tan-NU;

– Tippromwovi l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ekwi għal bastimenti li jistadu f'ilmijiet ta’ RFMO jew ta’ pajjiżi terzi, biex tiġi evitata "tellieqa sal-qiegħ" fejn qafas aktar laxk fil-ġestjoni jista’ jiġi abbużat għad-detriment tar-riżorsi. Tali azzjoni tkun implimentata mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja tal-Istati tal-bandiera għal imġiba responsabbli tal-bastimenti tagħhom.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill: · It-tkomplija tat-tressiq ta’ proposti ambizzjużi għar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali annwali tan-NU dwar is-sajd sostenibbli; · It-tisħiħ tal-appoġġ għall-iżvilupp ta' strumenti internazzjonali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut fil-kuntest tal-FAO; · Il-varar ta’ inizjattiva fuq il-livell tan-NU għal Skema ta' Ċertifikazzjoni Globali biex jinqered is-sajd IUU; · Il-promozzjoni tal-ħarsien ta’ standards għolja ta’ sostenibbiltà minn partijiet terzi fl-ilmijiet tal-ibħra miftuħa u ta’ pajjiżi terzi.

2.3. Kontribut lejn tħaddim aktar effettiv tal-RFMOs

L-RFMOs huma forums ewlenin għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut kondiviżi u li jpassu ħafna. Skont l-UNCLOS kif ukoll il-Ftehim dwar l-Istokkijiet tal-Ħut tan-NU, l-UE impenjat ruħha biex tipparteċipa fil-ħidmiet ta’ RFMOs varji, sakemm ikollha interess reali[8] fis-sajd taħt il-ġestjoni ta’ dawn l-Organizzazzjonijiet bħala nazzjon tas-sajd jew Stat tas-suq. Ir-rwol tal-UE f’dawn il-forums kiber b’mod sinifikanti mill-1999, meta ġiet ippubblikata l-aħħar "Komunikazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-Komunità fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tas-Sajd (RFOs)"[9] [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

Madankollu, minkejja l-isforzi tal-RFMOs li jimmaniġġjaw b’mod sostenibbli r-riżorsi taħt il-kompetenza tagħhom, l-istokkijiet tal-ħut baqgħu jonqsu. Skont l-aktar stima riċenti magħmula mill-FAO[10] kważi 85 % tal-istokkijiet tal-ħut fid-dinja li dwarhom hemm informazzjoni disponibbli huma rrapurtati bħala sfruttati b’mod sħiħ jew sfruttati żżejjed. Din it-tendenza ġiet esperjenzata għal bosta għexur ta’ snin u tirrifletti żieda fl-isfruttar tal-istokkijiet tal-ħut, partikolarment minħabba żieda fid-domanda tal-konsumatur għall-prodotti tas-sajd.

Fuq żmien qasir sa medju, l-UE għandha tindirizza l-isforzi tagħha biex issolvi d-diffikultajiet ewlenin li qed ifixklu lill-RFMOs fit-twettiq tal-mandati tagħhom, billi tindirizza l-azzjonijiet skont il-linji ta' politika li ġejjin:

· It-tħaddim tal-RFMOs għandu jittejjeb permezz ta’ analiżi tal-prestazzjoni mwettqa sistematikament, skont ir-riżoluzzjonijiet tan-NU x-xierqa;

· Għandhom ikunu disponibbli aktar dejta xjentifika u pariri affidabbli għall-RFMOs permezz taż-żieda fl-investiment mill-UE fil-ġbir tad-dejta, fir-riċerka applikata, fl-għarfien xjentifiku u fl-attivitajiet xjentifiċi tal-RFMOs filwaqt li tinkoraġġixxi Membri oħrajn tal-RFMOs biex jagħmlu l-istess. L-UE għandha tippromovi wkoll ambitu usa’ ta' pariri xjentifiċi, l-aktar permezz tal-implimentazzjoni ta' approċċi ta’ prekwazjoni u ekosistemiċi u tikkumplimentahom bl-għodda ta' analiżi soċjoekonomika;

· Biex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni attwali ta’ konformità fqira ta’ xi Membri mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tal-RFMOs, l-UE għandha tippromwovi dan li ġej:

– Reviżjoni perjodika tar-rekords ta’ konformità ta' kull Parti individwali fl-RFMOs rispettivi;

– L-identifikazzjoni ta' raġunijiet għan-nuqqas ta' konformità (eż. in-nuqqas tal-kapaċità f’pajjiżi li qed jiżviluppaw) u l-indirizzar tagħhom b’mod xieraq u ffukat;

– L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sanzjonijiet trasparenti u mhux diskriminatorji f' każi ċari ta' nuqqas ta' konformità jew impenn politiku mill-Partijiet. Dan il-proċess jista’ jkun akkumpanjat minn inċentivi li jippremjaw il-partijiet "konformi" u "trasparenti" (l-Istati tal-bandiera jew il-flotot).

· Il-kapaċità żejda hija kwistjoni li għandha tiġi indirizzata kemm fuq livell multilaterali (l-UE tvara inizjattiva flimkien mal-imsieħba prinċipali tagħha) kif ukoll fuq livell ta’ RFMO. L-UE għandha ssostni l-indirizzar tal-kapaċità żejda permezz ta' reviżjoni tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli fuq livelli sostenibbli tal-qabdiet u l-kunsiderazzjoni tal-miżuri li jindirizzaw din il-kapaċità żejda. Tali miżuri jistgħu jinkludu l-iffriżar jew it-tnaqqis tal-kapaċità filwaqt li jitqiesu l-aspirazzjonijiet tal-Istati li qed jiżviluppaw biex jiżviluppaw is-settur tas-sajd tagħhom stess.

· L-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ ġestjoni permezz ta' kunsens hija l-aħjar garanzija għall-ogħla livell ta’ konformità. Madankollu, l-UE għandha ssostni r-riforma tas-sistemi tat-teħid tad-deċiżjoni fl-RFMOs, b’mod partikolari biex tipperfmetti l-votazzjoni, fejn ikun meħtieġ, f’konformità mal-proċedura l-aktar progressiva u effiċjenti adottata riċentement fl-RFMO tal-Konvenzjoni tan-Nofsinhar tal-Paċifiku[11].

· Sabiex tissaħħaħ il-bażi finanzjarja tal-RFMOs u jitħeġġeġ aktar l-użu responsabbli tar-riżorsi mill-flotot, l-UE għandha tippromwovi l-kunċett li operaturi li l-bastimenti tagħhom itajru l-bandiera ta' Membru ta’ RFMO iħallsu tariffa lill-RFMOs għall-aċċess għal sajd fl-ibħra miftuħa. Reġim maħsub tajjeb ta’ ħlas għall-aċċess żviluppat f’konformità sħiħa ma’ UNCLOS iservi bħala fattur addizzjonali lejn il-prevenzjoni tat-"traġedja tar-riżorsi komuni"[12].

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se tipproponi lill-Kunsill: · L-inkoraġġiment ta' reviżjoni tal-prestazzjoni tal-RFMOs, bl-għan li l-Organizzazzjonijiet kollha jlestu l-ewwel reviżjonijiet sa tmiem l-2013 u sussegwentement jagħmluhom f 'intervalli regolari (3 sa 5 snin); · Il-promozzjoni tal-kunċett ta reġim ta’ ħlas għall-aċċess permezz tal-introduzzjoni ta’ tariffi għat-tqegħid tal-bastimenti f’listi tal-bastimenti awtorizzati tal-RFMO f’għadd limitat ta RFMOs; · Il-promozzjoni ta' azzjonijiet deskritti f'dan il-Kapitolu b’mod koerenti u strutturat, biex jippermettu li dawn l-organizzazzjonijiet jipproduċu riżultati effettivi skont il-mandat tagħhom. Dan jiżgura livell regolat u sostenibbli ta' attivitajiet tas-sajd (abbażi tal-MSY) fuq l-istokkijiet taħt il-kompetenza tal-RFMO u l-ħarsien tal-bijodiversità tal-baħar.

3. Lejn Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli 3.1. Ftehimiet ta' Sħubija dwar is-Sajd attwali u n-nuqqasijiet tagħhom

Il-Ftehimiet bilaterali dwar is-sajd bejn l-UE u pajjiżi terzi ilhom għal żmien twil fattur tal-Politika Komuni tas-Sajd. Ir-riforma tal-2002 tal-PKS introduċiet bidliet importanti għall-ftehimiet bilaterali billi poġġiet enfażi fuq l-approċċ tas-sħubija u l-iżvilupp tas-sajd sostenibbli fil-pajjiżi msieħba. Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd (FPAs) attwali għandhom l-għan li jippermettu lill-bastimenti tal-UE li jistadu, f’ambjent regolat u sikur legalment, riżorsi żejda[13] fiż-żoni ekonomiċi esklussivi (ŻEE) ta' għadd ta' pajjiżi terzi[14].

L-FPAs għandhom l-għan li jappoġġaw l-iżvilupp ta' settur tas-sajd sostenibbli fil-pajjiżi msieħba. Permezz ta’ dan, dawn għandhom tendenza li jkollhom impatt ekonomiku u soċjali pożittiv. B’mod partikolari, huma jikkontribwixxu pożittivament biex l-ekonomiji lokali permezz tal-għoti ta' mpjieg lill-baħrin, il-ħatt l-art u l-industriji tal-ipproċessar tal-ħut filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għall-provvista tal-ikel fil-pajjiżi msieħba.

Minkejja t-titjib varju li sar, it-tħaddim tal-FPAs għadu affettwat minn nuqqasijiet sostanzjali, kif ġie enfasizzat dan l-aħħar mill-konsultazzjoni dwar il-Green Paper tal-2009[15]:

· L-għarfien xjentifiku dwar ċerti stokkijiet f’ilmijiet barranin huwa insuffiċjenti biex jiġi stabbilit id-daqs globali tal-istokk żejjed;

· It-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehimiet tas-sajd konklużi minn pajjiżi msieħba ma' pajjiżi oħra (mhux fl-UE) mhumiex normalment magħrufa lill-UE;

· Konsegwentement ħafna drabi huwa impossibbli li ssir valutazzjoni tal-isforz ġenerali tas-sajd immirat lejn l-istokkijiet, u biex jiġi stabbilit is-sehem ta’ stokk żejjed li jista’ tistad għalih il-flotta tal-UE;

· Hemm limiti fuq il-kapaċità ta’ assorbiment ta’ bosta pajjiżi msieħba meta jasal il-waqt biex effettivament jintużaw il-fondi tal-FPA allokati għall-appoġġ tas-settur.

Il-Kummissjoni tqis li l-FPAs attwali għandhom jiġu ttrasformati fi Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli (SFAs) li jiffukaw fuq il-konservazzjoni tar-riżorsi u s-sostenibbiltà ambjentali, governanza mtejba u l-effettività tal-appoġġ settorjali.

3.2. Promozzjoni aħjar tar-riżorsi ta' konservazzjoni u tas-sostenibbiltà fit-tul

L-SFAs għandhom dejjem ikunu bbażati fuq l-aqwa parir disponibbli bl-użu tal-kunċett tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) bħala referenza.

Il-Kummissjoni se tvara verifiki xjentifiċi sabiex tevalwa l-ftehimiet eżistenti għal diversi speċijiet li jikkonsistu f’reviżjonijiet minn pari indipendenti tad-dejta xjentifika disponibbli. Abbażi ta' dawn, u f'konformità mal-approċċ ekosistemiku, se tiddeċiedi jekk hux meħtieġ li jkun hemm iffukar mill-ġdid ta' dawn il-ftehimiet fuq speċijiet fejn il-livell tal-għarfien xjentifiku huwa suffiċjenti u l-isforz totali tas-sajd huwa magħruf[16]. Fejn jidħlu l-ftehimiet dwar it-tonn, id-dejta xjentifika mogħtija mill-RFMOs rilevanti se tintuża b'mod aktar rigoruż. Għandu jkun hemm konformità sħiħa mill-Istati Membri mad-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar tal-qbid. Il-Kummissjoni se tittratta allegazzjonijiet ta' nuqqas ta' konformità malajr u b’mod ġust.

Il-Kummissjoni se tagħmel li tista’ biex l-SFAs jinkludu klawżola ta’ trasparenza, li biha l-isforz kumulattiv tas-sajd f’pajjiż imsieħeb partikolari jkun magħruf lill-UE.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se: · tvara b’mod sistematiku verifiki xjentifiċi biex tivvaluta l-istokkijiet qabel ma tinnegozja protokolli ġodda għal ftehimiet għal diversi speċijiet; · tiżgura l-konformità tal-Istati Membri mar-regoli dwar ir-rappurtar tal-qbid li japplikaw fl-ilmijiet tal-pajjiżi msieħba, inkluż permezz tal-użu sħiħ ta’ strumenti legali eżistenti bħar-Regolament IUU; · issaħħaħ it-trasparenza tal-isforzi tas-sajd globali fl-ilmijiet tal-pajjiżi terzi permezz ta’ klawżoli speċifiċi fi ftehimiet u l-kuntatti bilaterali ma' pajjiżi terzi oħra.

3.3. Rinfurzar tal-governanza ta’ ftehimiet bilaterali tas-sajd

Hemm bżonn li jkun hemm riforma tal-FPAs attwali biex ikun provdut qafas żviluppat b’mod sħiħ ta’ governanza għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-UE f’ilmijiet ta’ pajjiżi terzi. L-implimentazzjoni tal-ftehimiet trid tkun simplifikata, dawn iridu jipprovdu mezzi aħjar ta' reazzjoni għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-kontribuzzjonijiet pubbliċi għall-kostijiet tal-aċċess iridu jonqsu.

L-implimentazzjoni tal-SFAs u l-konformità magħhom iridu jkun aktar faċli. Għal dan il-għan l-SFAs għandhom ikunu bbażati fuq "ftehimiet mudelli", u għandhom jiġu introdotti klawżoli standard. Fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa u mmaniġġjati skont il-ftehimiet, il-proċess amministrattiv għandu jsir aktar faċli. Fl-2012 il-Kummissjoni se tagħmel proposta għar-reviżjoni tar-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd[17].

Għandha tiddaħħal klawżola tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kollha futuri, kif hu diġà l-każ mal-protokolli li ġew inizjalati riċentement, biex b’hekk il-ksur ta' elementi essenzjali u fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ prinċipji demokratiċi jirriżulta, fl-aħħar mill-aħħar, f'sospensjoni tal-protokoll għall-ftehim. Din il-klawżola għandha ssegwi l-eżempju tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Ftehim ta’ Cotonou[18], fejn applikabbli, jew strumenti u ftehimiet internazzjonali oħra rilevanti.

Il-klawżola ta' esklussività fl-FPAs attwali ma tippermettix li bastimenti tal-UE jistadu barra mill-qafas regolatorju tal-ftehim, fejn jeżisti ftehim, u tiggarantixxi li l-bastimenti kollha tal-UE jkunu suġġetti għall-istess regoli. Biex tiġi evitata l-evażjoni tal-klawżola tal-esklussività permezz tal-bdil tal-bandiera, ftehimiet tas-sajd fil-futur għandhom jipprevedu li bastiment tal-UE li jbiddel il-bandiera biex jaħrab l-obbligi tiegħu jew biex jikseb opportunitajiet tas-sajd addizzjonali mhux se jkollu l-permess jistad aktar fiż-ŻEE tal-pajjiż imsieħeb.

L-industrija tas-sajd tal-UE għandha tħallas sehem ġust mill-kosti tal-aċċess għar-riżorsi żejda tal-pajjiżi terzi. Il-kontribut mill-baġit tal-UE għandu jitnaqqas kif xieraq.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se: · tagħmel proposta sal-2012 biex tirrevedi r-Regolament dwar l-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd biex tissimplifika l-ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd; · tfittex li tistabbilixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem bħala kundizzjoni meħtieġa għall-konklużjoni ta’ SFAs għaż-żamma tal-kooperazzjoni dwar is-sajd ma' pajjiżi terzi; · tfittex li tintroduċi dispożizzjonijiet fil-ftehimiet bilaterali għall-prevenzjoni tal-abbuż tal-bdil tal-bandiera; · timmira li żżid il-kontribuzzjoni tas-sidien tal-bastimenti għall-kosti tal-aċċess għall-ilmijiet ta' pajjiżi terzi.

3.4. Aktar appoġġ effettiv għas-sajd sostenibbli fil-pajjiżi msieħba

L-appoġġ finanzjarju tal-UE lill-politika settorjali tal-pajjiżi terzi għandu jirriżulta f’benefiċċji konkreti u li jistgħu jiġu kkwantifikati għall-pajjiżi msieħba inkluż fid-dominju tas-sajd lokali sostenibbli. Għandu jimmira sabiex jappoġġa l-kapaċità amministrattiva u xjentifika tagħhom u jkun indirizzat b’mod notevoli lejn l-attivitajiet ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza, inkluża l-ġlieda kontra s-sajd IUU. It-titjib tal-pariri xjentifiċi u l-bini tal-kapaċità għandhom ikunu prijorità ukoll għall-appoġġ tal-UE lill-pajjiżi msieħba skont l-SFAs.

Fl-istess ħin, l-appoġġ settorjali għandu jsir aktar effettiv, immirat aħjar u vvalutat regolarment. Għandha tiġi mfittxija garanzija ta’ riżultati mill-pajjiżi msieħba u l-kundizzjonalità għandha tissaħħaħ biex ma jsir ebda pagament meta l-kundizzjonalità ma tirnexxix. Il-Kummissjoni se tiżviluppa linji gwida ġenerali għall-monitoraġġ tal-fondi ta’ appoġġ settorjali skont il-ftehimiet tas-sajd kollha li wara jistgħu jiġu adattati għal ftehimiet speċifiċi.

Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tkabbar il-valur miżjud tal-appoġġ settorjali għall-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd tal-pajjiżi msieħba b’kunsiderazzjoni aħjar tal-istrateġiji u l-prijoritajiet ġenerali ddefiniti f'kull wieħed minnhom.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se: · tipproponi d-diżakkoppjar fil-każijiet kollha tal-pagamenti tal-appoġġ settorjali mill-pagamenti tad-drittijiet tal-aċċess għas-sajd u se tiddefinixxi l-appoġġ settorjali fid-dawl tal-ħtiġijiet u tal-kapaċità ta' assorbiment tal-pajjiżi msieħba; · tfittex li tintroduċi kundizzjonalità aktar b’saħħitha għall-parti settorjali, biex il-pagamenti jkunu marbuta mal-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali; · tappoġġa l-isforzi tal-pajjiżi msieħba biex itejbu l-ġbir tad-dejta u l-għoti ta' pariri xjentifiċi preċiżi.

4. Koerenza ma’ politiki oħrajn tal-UE

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija f’din il-Komunikazzjoni, jeħtieġ li l-vuċi tal-UE tkun aktar qawwija f’diversi forums globali permezz ta’ sinerġiji akbar bejn l-azzjonijiet tagħha u l-politiki fil-qasam tal-governanza internazzjonali tas-sajd u l-oqsma tal-iżvilupp, il-kummerċ, l-ambjent, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika barranija u oħrajn. Dan se jsir inter alia fuq dawn il-linji:

– Il-koordinazzjoni tal-politiki tas-sajd u tal-iżvilupp għandha tiżgura li r-rikonoxximent tal-aspirazzjonijiet tal-Istati li qed jiżviluppaw biex jibnu s-settur tas-sajd tagħhom stess huwa marbut mat-tqajjim tal-kuxjenza tad-dmirijiet tagħhom lejn governanza tas-sajd sostenibbli.

– L-insegwiment ta' sinerġiji bejn il-ftehimiet tas-sajd futuri u l-politiki u l-istrumenti ta’ żvilupp, b’mod partikolari il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) u politiki oħra bħalma huma l-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni.

– Fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea, l-UE se tkompli tappoġġa strateġiji u programmi ta' appoġġ relatati mas-sajd, bħas-sikurezza marittima u l-ġlieda kontra l-piraterija, skont l-istrateġiji ġenerali tagħha ta' sħubija u kooperazzjoni.

– L-UE, bħala importatur ewlieni ta' prodotti tas-sajd, diġà twaqqaf lill-prodotti IUU milli jilħqu s-suq tagħha. Il-politika tal-kummerċ tal-UE tista’ wkoll tikkontribwixxi għall-iżgurar ta' sajd sostenibbli madwar id-dinja permezz tal-promozzjoni tal-aderenza ma’ konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali rilevanti rigward il-governanza tas-sajd fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali preferenzjali.

– Il-koerenza tal-għanijiet ambjentali u tas-sajd se tkun żgurata permezz tal-integrazzjoni kontinwa ta' politiki żviluppati minn korpi u konvenzjonijiet internazzjonali ambjentali fid-deċiżjonijiet ta’ konservazzjoni u ġestjoni tal-RFMOs.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni se: · tiżviluppa u timplimenta strateġiji reġjonali bbażati fuq l-oċeani u l-baħar għal sajd sostenibbli, eż. fl-Oċean Paċifiku u dak Indjan kif ukoll fil-Baħar Mediterran. · sa tmiem l-2011, tadotta proposta għal qafas legali, inklużi miżuri marbutin mal-kummerċ, biex tiżgura s-sostenibbiltà tar-riżorsi tas-sajd.

ANNESS I

Organizazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd

ANNESS II

Ftehimiet Bilaterali tas-Sajd

Tip ta' ftehim || pajjiż ImsieħEb || Protokoll fis-seħħ saL- || Kontribuzzjoni finanzjarja annwali tal-UE

Ftehimiet dwar diversi speċijiet ("imħallta") || Il-Groenlandja || 31 ta' Diċembru 2012 || 14 307 244 €

Il-Ginea Bissaw || 15 ta' Ġunju 2011 || 7 500 000 €

Il-Mawritanja || 31 ta' Lulju 2012 || Minn EUR 86 000 000 (fl-ewwel sena) sa EUR 70 000 000 (fir-raba’ sena)

Il-Marokk || 27 ta' Frar 2012 || 36 100 000 €

Ftehimiet dwar it-tonn – Il-Punent tal-Afrikat || Il-Kap Verde || 31 ta' Awwissu 2011 || 385 000 €

Il-Gabon || 2 ta’ Diċembru 2011 || 860 000 €

Il-Côte d'Ivoire || 30 ta' Ġunju 2013 || 595 000 €

São Tomé u Príncipe || Tmiem l-2013 || 682 500 €

Ftehimiet dwar it-Tonn - l-Oċean Indjan || Il-Komoros || 31 ta' Diċembru 2013 || 615 250 €

Il-Madagaskar || 31 ta' Diċembru 2012 || 1 197 000 €

Il-Możambik || 31 ta' Diċembru 2011 || 900 000 €

Is-Seychelles || 17 ta' Jannar 2014 || 5 600 000 €

Ftehimiet dwar it-tonn – il-Paċifiku || Kiribati || 15 ta' Settembru 2012 || 478 400 €

Il-Mikroneżja || 25 ta' Frar 2010 (Protokoll ġdid b’tul ta’ 5 snin fil-proċess ta’ ratifikazzjoni) || 559 000 €

Il-Gżejjer Solomon || 8 ta' Ottubru 2012 || 400 000 €

Ftehimiet inattivi || || ||

Il-Gambja || Ebda Protokoll fis-seħħ ||

Il-Ginea || Ebda Protokoll fis-seħħ ||

Il-Ginea Ekwatorjali || Ebda Protokoll fis-seħħ ||

il-Mawrizju || Ebda Protokoll fis-seħħ ||

Is-Senegal || Ebda Protokoll fis-seħħ ||

[1]               Il-Qagħda tas-Sajd u l-Akkwakultura fid-Dinja fl-2010, FAO, Ruma 2010, p. 35. Aktar minn nofs (53 %) tal-istokkijiet tal-baħar immonitorjati mill-FAO kienu stmati bħala sfruttati bis-sħiħ, 28 % bħala sfruttati żżejjed, 3 % bħala fi stat ta’ eżawriment u 1 % bħala li qed jirkupraw minn tnaqqis komplet 3 % tal-istokkijiet ġew stmati bħala mhux sfruttati biżżejjed u 12 % bħala sfruttat b’mod moderat.

[2]               L-orjentazzjonijiet għad-dimensjoni esterna tal-Politika Marittima Integrata ġiet stipulata fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Niżviluppaw id-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea (COM(2009)0536 finali)

[3]               MSY hija l-akbar rendiment (jew qabda) li jista’jittieħed mill-istokk ta’ speċi matul perjodu indefinit. Il-kunċett tal-MSY huwa fundamentali għall-idea ta’ ħsad sostenibbli u jimmira lejn iż-żamma tad-daqs tal-popolazzjoni fil-punt massimu tar-rata tat-tkabbir billi jsir il-ħsad ta’ individwi li normalment jiġu miżjuda mal-popolazzjoni, u b’hekk il-popolazzjoni tkun tista’ tkompli tkun produttiva b’mod indefinit

[4]               Dawn il-pajjiżi flimkien mal-UE jirrappreżentaw żewġ terzi tas-suq dinji fil-prodotti tas-sajd, ara Il-Qagħda tas-Sajd u l-Akkwakultura fid-Dinja fl-2010 FAO, Ruma 2010

[5]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999.

[6]               UNCLOS, 1982, magħrufa ukoll bħala l-Konvenzjoni tal-Bajja ta’ Montego.

[7]               Il-Ftehim li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-UNCLOS dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ stokkijiet transżonali u stokkijiet ta’ ħut li jpassi ħafna, UNFSA, 1995, magħruf ukoll bħala il-Ftehim ta’ New York.

[8]               "Interess reali" jista’ joħroġ mill-attivitajiet tas-sajd fl-ibħra miftuħa kemm jekk huwa Stat kostali b’ŻEE inkluża f’żona ta’ kompetenza ta’ RFMO, kif ukoll jekk huwa importatur sinifikanti tal-prodotti tas-sajd li jinqabdu fiż-żona taħt il-ġestjoni ta’ RFMO.

[9]               COM(1999) 613 finali, 08.12.1999

[10]             Il-Qagħda tas-Sajd u l-Akkwakultura fid-Dinja fl-2010, FAO, Ruma 2010, p. 35. Aktar minn nofs (53 %) tal-istokkijiet tal-baħar immonitorjati mill-FAO kienu stmati bħala sfruttati għalkollox, 28 % bħala sfruttati żżejjed, 3 % bħala fi stat ta’ eżawriment u 1 % bħala li qed jirkupraw minn tnaqqis komplet, 3 % tal-istokkijiet ġew stmati bħala mhux sfruttati biżżejjed u 12 % bħala sfruttat b’mod moderat. Mill-istokkijiet ta' tonn u stokkijiet li jixbħu t-tonn fejn huwa magħruf l-istat ta’ sfruttar, possibbilment sa 60 % tal-istokkijiet huma sfruttati għalkollox, sa 35 % tal-istokkijiet huma kklassifikati bħala sfruttati żżejjed jew fi stat ta’ eżawriment, bi ftit jidhru li qed jiġu sfruttati inqas milli suppost (prinċipalment il-palamit).

[11]             Il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Riżorsi tas-Sajd f’Ibħra Miftuħa fin-Nofsinhar tal-Oċean Paċifiku, l-Artikoli 16 u 17.

[12]             It-traġedja tar-riżorsi komuni hija dilemma li toħroġ mis-sitwazzjoni li fiha individwi multipli, li jaġixxu indipendentment u li jikkonsultaw l-interess tagħhom stess b'mod razzjonali, fl-aħħar nett se jeżawrixxu risorża limitata kondiviża, anke fejn huwa ċar li dan mhu fl-interess ta' ħadd fuq żmien twil.

[13]             Is-sehem tal-qabda permessa li l-Istat Kostali ma jistax jew ma jixtieqx jisfrutta hu stess; ara l-Artikolu 62(2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar.

[14]             Ara l-Anness 2 għal ħarsa ġenerali attwali tal-UE rigward ftehimiet bilaterali tas-sajd u l-karatteristiċi ewlenin tagħhom. Biex isiru kompletament operattivi, il-ftehimiet bilaterali tas-sajd għandhom ikunu akkumpanjati minn Protokoll li jiddetermina l-ispeċifiċitajiet tal-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja. Ftehimiet mingħajr Protokoll fis-seħħ jew fil-proċess ta’ ratifika huma magħrufa bħala "inattivi”.

[15]             Sinteżi tal-Konsultazzjoni dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd, SEC(2010)428 finali, 16.4.2010.

[16]             L-FPAs attwali jistgħu jinqasmu fi (a) dawk li jkopru esklussivament it-tonn u speċijiet li jpassu ħafna relatati (ftehimiet dwar it-tonn), u (b) dawk li jkopru wkoll speċijiet oħra (magħrufa wkoll bħala ftehimiet imħallta). Minħabba l-kopertura tagħhom minn RFMOs, l-informazzjoni xjentifika dwar l-istokkijiet tat-tonn hija ġeneralment aħjar minn dik dwar speċijiet oħra.

[17]             Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94.

[18]             Il-Ftehim ta' Cotonou huwa l-aktar ftehim komprensiv ta’ sħubija bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-UE. Mill-2000, kien il-qafas għar-relazzjonijiet tal-UE ma' 79 pajjiż mill-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP).

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet