EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0206

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-Att dwar is-Suq Uniku Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja "Flimkien għal tkabbir ġdid"

/* KUMM/2011/0206 finali */

52011DC0206




KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Att dwar is-Suq Uniku Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzart tal-fiduċja "Flimkien għal tkabbir ġdid"

WERREJ

1. Introduzzjoni 2

2. It-12-il xprun biex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja 5

2.1. L-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs 5

2.2. Il-mobilità taċ-ċittadini 6

2.3. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali 8

2.4. Il-konsumaturi, atturi fis-suq uniku 9

2.5. Is-servizzi 10

2.6. In-netwerks 11

2.7. Is-suq uniku diġitali 12

2.8. L-intrapreditorjat soċjali 14

2.9. It-tassazzjoni 16

2.10. Il-koeżjoni soċjali 17

2.11. L-ambjent regolatorju tal-intrapriżi 18

2.12. Is-swieq pubbliċi 19

3. Il-kundizzjonijiet għas-suċċess, Governanza rinfurzata tas-suq uniku 20

4. L-istadju li jmiss u konklużjoni 22

1. Introduzzjoni

Fil-qalba tal-proġett Ewropew sa mit-twaqqif tiegħu, is-suq komuni, li sar is-suq intern, ilu jinseġ, għal aktar minn 50 sena, is-solidarjetà bejn in-nisa u l-irġiel tal-Ewropa u fl-istess ħin jiftaħ oqsma ġodda ta’ tkabbir għal aktar minn 21 miljun intrapriża Ewropea. Bħala żona ta’ moviment ħieles għall-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital, is-suq intern ġie arrikkit mill-1993 bil-konsolidazzjoni tal-integrazzjoni ekonomika, il-ħolqien ta’ munita unika u l-iżvilupp ta’ politiki ta’ solidarjetà u ta’ koeżjoni. Illum aktar minn qatt qabel, huwa jipparteċipa fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini , li jibbenifikaw minnha fl-attivitajiet tagħhom, fil-ħajja professjonali tagħhom u fil-ħajja privata jew bħala konsumaturi u jikkostitwixxi l- mutur reali tat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea u tal-iżvilupp tal-intrapriżi.

Madankollu, is- suq intern għandu għadd ta’ defiċenzi , imressqa għall-attenzjoni minn Mario Monti fir-rapport tiegħu dwar “ Strateġija ġdida għas-Suq Uniku ”, kif ukoll mill-Parlament Ewropew fir-rapport ta’ Louis Grech “ Ir-realizzazzjoni tas-suq uniku għall-konsumaturi u ċ-ċittadini ”[1].

Pjan ta’ Azzjoni għar-rilanċ tat-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja

Li jinstabu rimedji għal dawn id-defiċenzi jfisser li tingħata l-possibilità lis-suq uniku li jiżviluppa l-potenzjali sħiħ tiegħu , billi jippermetti liċ-ċittadini li jerġgħu jiksbu l-ispazju komuni tal-ħajja tagħhom u billi joffri lill-inizjattivi tal-atturi pubbliċi u privati aktar possibilitajiet ta' suċċess. Għal dan jeħtieġ li tiġi żviluppata strateġija proattiva u trażversali . Dan jinvolvi li tintemm il-frammentazzjoni tas-suq, jiġu eliminati l-barrieri u l-ostakoli għall-moviment tas-servizzi, għall-innovazzjoni u l-kreattività . Dan jinvolvi r-rinfurzar tal- fiduċja taċ-ċittadini fis-suq intern tagħhom u li l-konsumaturi jiġu offruti l-vantaġġi kollha ta’ suq uniku. Suq integrat aħjar li jaqdi bis-sħiħ ir-rwol tiegħu ta’ pjattaforma li fuqha tinbena l-kompetittività kollettiva tan-nisa u tal-irġiel, tal-intrapriżi, u tat-territorji Ewropej, inklużi t-territorji l-aktar imbiegħda u l-anqas żviluppati[2]. Jeħtieġ azzjoni urġenti . Minkejja r-reazzjoni minnufih tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi u r-riformi li għaddejin sew bħalissa, partikolarment fis-swieq finanzjarji u l-governanza ekonomika, il-kriżi jista’ jkollha effett durabbli fuq it-tkabbir potenzjali u fuq il-qagħad, u taffettwa l-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, u l-futur tagħhom[3]. Bħala tweġiba għal dan l-Unjoni Ewropea adottat strateġija – Ewropa 2020 – li tistabilixxi miri ambizzjużi għal perkors ġdid ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv [4]. Iżda dawn il-miri jistgħu jintlaħqu biss jekk l-Unjoni u l-Istati Membri jipproċedu għal riformi strutturali urġenti . Il-prijorità għandha tingħata lill-miżuri li x’aktarx jiffavorixxu t-tkabbir u l-impjiegi. Fl-istħarriġ annwali tagħha dwar it-tkabbir[5], il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa ta’ rispons globali għall-kriżi li għaliha s-suq uniku huwa mitlub jagħti kontribut deċiżiv billi juża l-potenzjal kollu tiegħu favur it-tkabbir. Dan ir-rwol ġie enfasizzat mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24-25 ta’ Marzu 2011: "[i]s-Suq Uniku għandu rwol ewlieni fit-twassil tat-tkabbir u l-impjiegi u fil-promozzjoni talkompetittività… Għandha ssir enfasi partikolari fuq miżuri li joħolqu tkabbir u impjiegi u li jwasslu għal riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini u n-negozji"[6]. Is-suq uniku joffri l-qafas u l-għodod għall-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi.

Dibattitu pubbliku rikk u stimulanti

Biex twieġeb għal dawn l-isfidi l-Kummissjoni ppreżentat ħamsin proposta biex jiġu diskussi, fil-Komunikazzjoni tagħha "Lejn Att dwar is-Suq Uniku" [7].

Id-dibattitu pubbliku sar fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali. Daħlu aktar minn 800 kontribut bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar l-Att dwar is-Suq Uniku, li jirriflettu l-opinjonijiet tal-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-sħab soċjali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-federazzjonijiet industrijali u professjonali, l-organizzazzjonijiet sindakali, l-intrapriżi, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, il-gruppi ta’ riflessjoni, l-universitarji u bosta ċittadini[8]. Mill-konsultazzjoni ħarġu aspettattivi għoljin tas-soċjetà ċivili, kemm f'termini ta' żvilupp tal-potenzjalitajiet tas-suq uniku sabiex jippromwovu t- tkabbir u l-impjiegi kif ukoll tad- dimensjoni soċjali tas-suq intern u tal-protezzjoni tas-servizzi pubbliċi. Il-prijoritajiet enfasizzati mill-atturi ekonomiċi jikkonfermaw adeżjoni qawwija mal-għan komuni ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna .

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2010[9], il-Kunsill approva d-direzzjoni ġenerali tal-Att dwar is-Suq Uniku, li tikkonsisti f’li s-suq uniku jitqiegħed fuq bażi ekonomika u soċjali soda sabiex tiġi stabilita ekonomija kompetittiva ħafna. Huwa impenja ruħu sabiex ikompli jeżamina l-Att dwar is-Suq Uniku, sabiex jiddefinixxi fl-aqsar żmien possibbli, flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, il-miżuri ta’ prijorità li għandhom jiġu konkretizzati qabel tmiem l-2012. Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta’ April 2011 ibbażati fuq ir-rapporti tal-parlamentari Sandra Kalniete, Cristian Silviu Busoi u Antonio Fernando Correia de Campos[10], ipprovda l-prijoritajiet tiegħu sabiex jiġi żviluppat suq uniku għall-Ewropej, għall-intrapriżi u t-tkabbir, f’qafas ta’ sħubija u ta’ governanza.

It-12-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini

Fuq il-bażi tal-kontributi miġbura matul id-dibattitu pubbliku, tal-opinjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll tal-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni[11] u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[12], il-Kummissjoni identifikat 12-il xprun . Għal kull wieħed minnhom, il-Kummissjoni tipproponi li sat-tmiem tal-2012 l-UE taddotta miżura ewlenija sabiex tistimula t-tkabbir u tirrinforza l-fiduċja taċ-ċittadini.

Fl-2011 il-Kummissjoni se tippreżenta l-proposti leġiżlattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri kruċjali sabiex il-Parlament u l-Kunsill ikunu jistgħu jwieġbu għall-istedina tal-Kunsill Ewropew li jadottaw l-ewwel pakkett ta' miżuri ta' prijorità għar-rilanċ tas-suq uniku għall-aħħar tal-2012 [13].

Din il-prijorità madankollu ma tfissirx li l-Kummissjoni se tirrinunzja milli tkompli x-xogħlijiet fuq azzjonijiet oħrajn identifikati mill-Komunikazzjoni tagħha “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” li jippermettu li s-suq uniku jsir il-pjattaforma għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Jekk ikun hemm urġenza għal azzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi, il- pjan ta’ azzjoni ppreżentat huwa biss l-ewwel pass f’din id-direzzjoni .

Ix-xogħlijiet għandhom jitkomplew u jeħtieġ li diġà jiġi ppreparat il-pass li jmiss. Il-Kummissjoni se tippreżenta miżuri oħrajn, li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet u jagħtu kontribut sinifikanti għall-proġett ta’ rilanċ tas-suq uniku. Fit-tmiem tal-2012, hija se tevalwa l-istat ta’ progress ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni u se tippreżenta l-programm tagħha għall-pass li jmiss. Il-grupp se jipproponi respons politiku koerenti għad-defiċenzi tas-suq intern billi jiġi propost mudell ta' tkabbir sostenibbli, intelliġeni u inklużiv fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020.

Tkabbir sostenibbli

Dawn ir-riformi flimkien għandhom jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli bbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna [14]. Huma għandhom jikkontribwixxu għall-progress soċjali u għall- impjiegi kif ukoll għat- titjib tal-ambjent u għall- ġlieda kontra t-tibdil fil-klima . Għandhom isaħħu d-dimensjoni esterna tas-suq intern . Huma għandhom ukoll jinkludu benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini li jkunu maħsuba għalihom. Dan huwa appoġġ għaċ-ċittadini għall-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea u tal-fiduċja tagħhom.

Tkabbir intelliġenti

Dawn ir-riformi se jissupplimentaw u jirriformaw is-suq uniku, u jadattawh għall-isfidi tas-seklu 21 , b’mod partikolari dik tal- ekonomija diġitali , billi jipprovdu lill-industrija tagħna mezzi sabiex tkun aktar kompetittiva fis-swieq internazzjonali, u jipprovdu lill-Ewropa infrastruttura li se tkun indispensabbli biex tiżgura l-moviment ħieles tal-persuni u tal-merkanzija. Huma għandhom ukoll jippromwovu l-innovazzjoni u l-kreattività li jikkontribwixxu fir- rilanċ ta’ bażi industrijali b’saħħitha fl-Ewropa u fl-iżvilupp ta’ soċjetà tas-servizzi kompetittiva .

Tkabbir inklużiv

Dawn ir-riformi jiffaċilitaw il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u medji li huma s-sinsla tal-ekonomiji nazzjonali u dik Ewropea . It-tkomplija tal-isforzi għal regolamentazzjoni aktar intelliġenti u għat- tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi se tkun parti integrali minn dawn ir-riformi. Huma se jkunu jimmiraw biex isolvu d-diffikultajiet konkreti tal-Ewropej , u sabiex l-integrazzjoni ma ssirx aspejjeż tal-jeddijiet soċjali iżda għall-kuntrarju dawn ir-riformi jikkontribwixxu għal soċjetà aktar solidari.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tkompli tapprofondixxi l-aspett soċjali tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposti leġiżlattivi kollha fil-qasam tas-suq intern. . Tiżgura li l-proposti leġiżlattivi tagħha jinkludu, fejn ġustifikabbli fid-dawl ta' dawn il-valutazzjonijiet, riferenza għall-politiki u l-jeddijiet soċjali. Tqis kif xieraq l-Artikoli 8 u 9 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewroepa. Dawn id-drittijiet fundamentali jiddisponu partikolarment li l-ħaddiema u l-impjegaturi, jew l-organizzazzjonijiet rispettivi tagħhom għandhom, b'konformità mad-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni u prattiki nazzjonali, il-jedd li jirrikorru, fil-każ ta’ kunflitt ta’ interess, għal azzjonijiet kollettivi biex jiddefendu l-interessi tagħhom, inkluż azzjonijiet industrijali[15].

Tkabbir inklużiv ifisser ukoll li tingħata attenzjoni partikolari lill-bżonnijiet ta’ dawk b'diżabilitajiet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-suq uniku, pereżempju, il-passiġġieri b'mobilità mnaqqsa għandhom jivvjaġġaw b'aktar faċilità, dawk bi problemi tal-vista jkollhom aċċess akbar għall-qari.

Strateġija integrata

Il-Kummissjoni diġà impenjat ruħha f'diversi azzjonijiet importanti, permezz tas-seba' inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020. L-inizjattivi adottati, li jolqtu l-oqsma kollha li jikkontribwixxu fl-irkupru tal-ekonomija, bħall-Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika 2011[16] jew ir- Reviżjoni tal-"Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa[17] , jipprovdu b’mod progressiv it-tragwardi ta’ tkabbir ġdid. Is-swieq finanzjarji se jaqdu rwol essenzjali f'dan ir-rigward u r-riformi fil-qasam tar-regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji favur tkabbir sostenibbli[18] se jitkomplew.

2. It-12-il xprun biex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja

2.1. L-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs

Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni bl-għan li tiffaċilita li l-fondi ta’ kapitali ta’ riskju li jkunu stabiliti fi Stat Membru jistgħu jinvestu fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, mingħajr ostakolu jew rekwiżit addizzjonali. L-għan se jkun li l-SMEs li jkunu jridu jirrikorru għall-kapital ta’ riskju jkunu jistgħu japplikaw għal fondi bil-kompetenza meħtieġa għas-settur speċifiku tagħhom, u li jkollhom il-kapaċità li joffru kapital bi prezz attraent[19]i. |

Il-21 miljun SME tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxu vantaġġ kbir għal tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi. Id-diffikultà għall-aċċess għall-finanzjament huwa wieħed mill-ostakoli ewlenin li jimpedixxi lill-SMEs milli jniedu prodotti ġodda, isaħħu l-infrastrutturi tagħhom u jimpjegaw aktar ħaddiema[20]. Din is-sitwazzjoni tikkaratterizza kemm l-SMEs stabiliti sewwa kif ukoll dawk innovattivi u dawk espansivi.

Fl-Ewropa, il-maġġoranza tal-SMEs stabiliti sew irrikorrew għall-kreditu bankarju, li naqas minħabba l-kriżi finanzjarja. Għalhekk il-Kummissjoni, fir-reviżjoni tagħha tal- Att dwar in-Negozji ż-Żgħar , adottat fi Frar, impenjat ruħha sabiex tivvaluta l-impatt fuq l-SMEs tal-proposti kollha ta' regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji (bħar-rekwiżiti kapitali imposti fuq il-banek), u sabiex taġġustahom b'mod xieraq.

Li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs espansivi jikkostitwixxi eżiġenza ta’ importanza primarja għaliex dawn, partikolarment l-SMEs innovattivi, jaqdu rwol kruċjali għall-iżvilupp ta’ ekonomija innovattiva u sostenibbli. Sabiex jiksbu l-fondi neċessarji biex l-innovazzjonijiet jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati dawn l-intrapriżi spiss ifittxu li jkollhom aċċess għas-swieq kapitali lil hinn mill-kreditu bankarju. Is-swieq tal-kapital ta’ riskju jistgħu jipprovdu kapital, iżda għadhom ma żviluppawx biżżejjed fl-Ewropa. Il-fondi ta’ kapital ta’ riskju qed jaffaċċjaw diffikultajiet sinifikanti sabiex jiksbu kapital barra mill-pajjiż u biex joperaw b’mod transfruntier minħabba l-kumplessità tas-sistemi nazzjonali ta’ regolazzjoni, kif ukoll il-barrieri fiskali. Din l-azzjoni kruċjali ser tiġi implimentata bil-koperazzjoni qariba tal-Forum tal-Finanzjament tal-SMEs.

Il-finanzjament tal-SMEs se jkun is-suġġett ta’ programm ta’ azzjoni speċifiku li se jkun jikkonċerna mhux biss l-aċċess għas-sorsi diversi ta’ finanzjament, iżda wkoll direttament l-għodod ta’ finanzjament tal-SMEs u l-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-iżvilupp u għat-tkabbir tal-SMEs.

Id-Direttiva dwar it-Trasparenza, ir-Regolament għall-Applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prospett u d-Direttiva dwar l-Abbuż tas-Suq għandhom jiġu emendati wkoll sabiex l-obbligi applikabbli għall-SMEs elenkati jsiru aktar proporzjonali, filwaqt li jiġi ggarantit l-istess livell ta’ protezzjoni tal-investituri. Barra minn hekk, kundizzjonijiet speċjali u kkalibrati għall-pjattaformi ta’ negozjar maħsuba għall-SMEs għandhom jiġu introdotti fir-reviżjoni tad- Direttiva dwar is-Swieq Finanzjarji (il-MiFID) , sabiex tinħoloq tikketta ta’ kwalità għal dawn is-swieq u jiġi ffaċilitat in-netwerking tagħhom.

2.2. Il-mobilità taċ-ċittadini

Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni aġġornata dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali[21]. L-għan huwa li jkunu ssimplifikati l-proċeduri ta' rikonoxximent reċiproku għall-ħaddiema mobbli, li jiġi mmodernizzat il-qafas leġiżlattiv, li jiġi rieżaminat il-qasam ta' professjonijiet regolati, u li tissaħħaħ il-fiduċja u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri. Il-ħolqien ta’ Tessera Professjonali Ewropea tippermetti b’mod partikolari li tiġi inkoraġġita l-mobilità tal-professjonisti, filwaqt li tikkostitwixxi garanzija ta' fiduċja bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri konċernati u finalment favur il-konsumaturi u l-impjegaturi. |

Il-mobilità u l-kwalifiki tal-ħaddiema jwieġbu għall-bżonn tar-rilanċ tat-tkabbir fl-Ewropa. Aktar mobilità ta’ ħaddiema kwalifikati tippermetti lill-ekonomija Ewropea li tkun aktar kompetittiva. Wisq ostakoli regolamentarji għadhom qed jimpedixxu lill-Ewropej milli jaħdmu fejn jixtiequ fl-Unjoni Ewropea, u għalhekk numru ta' postijiet li jirrikjedu kwalifiki għoljin għadhom ma mtlewx. L-ekonomija tista’ wkoll tibbenefika minn mobilità temporanja ta’ ħaddiema jekk din tkun valorizzata aħjar u ffaċilitata minn qafas aktar ċar. Barra minn hekk, fil-qafas mhux irregolat, se jkun importanti li jitkomplew l-isforzi ta' korrispondenza bejn is-sistemi ta' ċertifikazzjoni nazzjonali, permezz tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, sabiex tkun promossa il-paragunabilità tal-kwalifiki f'każ ta' mobilità.

Is-sitwazzjoni attwali tas-suq tax-xogħol, ikkaratterizzata mill-kriżi ekonomika u popolazzjoni li qed tixjieħ, hija kkaratterizzata minn nuqqas ta’ ħaddiema u minn diffikultajiet għall-impjegaturi biex isibu impjegati bil-ħiliet meħtieġa. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini għandu jkollhom il-possibilità li jibdlu l-impjieg malajr fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tagħhom għandhom ikunu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità, iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu ukoll jistabilixxu u jżommu d-drittijiet tagħhom għal pensjoni supplimentari (portabilità) anki f’każ ta’ bidliet sussegwenti tal-impjieg fi Stat Membru ieħor. L-impenn sħiħ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ser ikun vitali biex jiġi żgurat rispons għall-aspettazzjonijiet għolja taċ-ċittadini sal-2012.

Għal dan il-għan, u fuq il-bażi tal-Green Paper tal-2010[22], il-Kummissjoni se tippubblika White Paper dwar il-pensjonijiet, li fost l-oħrajn se tindirizza l-kwistjoni tal-protezzjoni tal-jeddijiet għall-pensjoni u li se tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex joperaw servizzi ta’ monitoraġġ tal-pensjonijiet li jgħinu liċ-ċittadini jsegwu l-evoluzzjoni tal-jeddijiet għall-pensjoni tagħhom. Wara se jiġu proposti miżuri leġiżlattivi biex jippromwovu l-ħarsien tal-jeddijiet għall-pensjoni, matul is-sena 2012. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tirrevedi wkoll id-Direttiva dwar l-istituzzjonijiet tal-pensjoni professjonali, sabiex tippermetti lill-ħaddiema u lill-impjegatur tagħhom jibbenefikaw aħjar mis-Suq Uniku.

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll sensiela ta’ miżuri favur il-mobilità fl-inizjattiva ewlenija tagħha “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”, fosthom il-ħolqien ta’ “Passaport Ewropew tal-Ħiliet” li se jippermetti lil kulħadd li jispeċifika l-kwalitajiet u l-kompetenzi miksuba matul il-ħajja[23].

Il-mobilità tas-żgħażagħ, b'mod partikolari ta’ dawk li jkunu spiċċaw l-iskola mingħajr kwalifiki, ukoll għandha tkun iffaċilitata. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tipproponi abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-promozzjoni u l- validazzjoni tat-taħriġ barra l-iskola [24].

2.3. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni li tistabilixxi protezzjoni ta’ privattiva unitarja għall-maġġoranza tal-Istati Membri u sistema unifikata li ssolvi l-litigazzjonijiet, bl-għan li jingħataw l-ewwel privattivi li jibbenefikaw minn din il-protezzjoni unitarja fl-2013[25]. |

Il-proprjetà intellettwali hija dritt ta’ proprjetà rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali[26]. Hija daqstant importanti daqs il-materja prima jew il-bażi industrijali: bejn 45 u 75 % tar-riżorsi tal-intrapriżi l-kbar huma marbuta mad-drittijiet tagħhom tal-proprjetà intellettwali[27]. L-industriji li jagħmlu użu intensiv minnhom għandhom rwol strateġiku għat-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji tagħna. Dawn mhux biss joħolqu l-innovazzjoni, iżda jiġġeneraw ukoll aktar valur ekonomiku sinifikanti u joffru impjiegi stabbli u li jirrikjedu kwalifiki ta’ livell għoli. Il-pagi huma bħala medja 60 % ogħla mis-setturi l-oħrajn.

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jħeġġeġ l-investimenti fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi, billi jiġi żgurat redditu ġust fuq l-investiment. Ser jiddaħħal fis-seħħ qafas regolatorju li jipproteġi dawn id-drittijiet b'mod effikaċi u b'rispett għad-drittijiet fundamentali. Dan il-qafas li għandu jiżgura fl-istess waqt it-tixtrid tal-informazzjoni, il-prodotti u s-servizzi, kif ukoll ir-rispett tal-jedd tal-konkorrenza, allura għandu jikkostiwixxi waħda mill-ewwel prijoritajiet tal-UE.

Is-sitwazzjoni attwali, ikkaratterizzata minn numru ta’ privattivi u ta’ sistemi li jsolvu t-tilwim nazzjonali, tiswa ħafna, ineffikaċi u twassal għal inċertezza ġuridika u tagħmel l-implimentazzjoni tal-protezzjoni ta’ privattiva unitarja u ta’ sistema unifikata tas-soluzzjoni tal-litiġji l-prijorità assoluta f'dan il-qasam. Protezzjoni unitarja tnaqqas il-kostijiet bi 80 %.

Bl-istess mod, l-iżvilupp ta’ strument ta’ valwazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiffaċilità l-emerġenza ta’ suq Ewropew reali ta’ privattivi u ta’ liċenzji. Barra minn hekk, huwa mixtieq li l-assi immaterjali li tippossjedi intrapriża fil-forma ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jistgħu jkunu rikonoxxuti bis-sħiħ bħala kollateral għal self.

Barra minn hekk, is-sistemi attwali tal-għoti ta’ liċenzji tad-dritt tal-awtur għall-offerti legali online ukoll għandhom ikunu simplifikati u trasparenti[28]. Fl-era tal-Internet, l-immaniġjar kollettiv għandu jkun jista’ jevolvi lejn mudelli Ewropej li jiffaċilitaw il-liċenzji li jkopru diversi territorji għal numru ta’ servizzi online, filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għal dawk li għandhom id-dritt. Din il-flessibilità ġdida ta’ qafas leġiżlattiv mġedded se tippermetti mudelli kummerċjali ġodda li jwasslu għat-tixrid fuq medda wiesgħa u mmirat ta’ kontenut kreattiv għal konsumaturi aktar mobbli. Barra minn hekk, il-ħolqien ta’ verżjoni diġitali tal-fondi tal-istituzzjonijiet kulturali Ewropej, inklużi xogħlijiet orfni , għandu jiġi ffaċilitat.

Il-promozzjoni tal-offerti legali għandha tiġi ssupplimentata b'leġiżlazzjoni Ewropea li għandha tiġi adottata biex issaħħaħ il- ġlieda kontra l-piraterija u l-falsifikazzjoni , b’mod partikolari billi jissaħħah l-Osservatorju Ewropew tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija, u billi titjieb il-koperazzjoni tal-awtoritajiet[29]. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali mill-awtoritajiet doganali għandha tiġi rinfurzata permezz ta' leġiżlazzjoni reveduta. Il-piraterija u l-falsifikazzjoni jirrappreżentaw kost annwali għall-intrapriżi Ewropej stmat għal EUR 250 biljun[30].

Is-sistema tal-marki kummerċjali fl-Ewropa wkoll għandha tiġi aġġornata sabiex titjieb il-protezzjoni tal-marki kummerċjali u s-sistema Ewropea u s-sistemi nazzjonali jsiru aktar koerenti; dan se jissimplifika l-proċeduri, inaqqas l-kost u jippermetti lis-sistema sabiex tibbenefika bis-sħiħ mit-teknoloġiji l-ġodda li jiffaċilitaw ir-riċerki.

Dawn il-kwistjonijiet se jiġu trattati fil-Komunikazzjoni dwar l-istrateġija dwar il-proprjetà intellettwali, li l-Kummissjoni se taddotta fl-2011.

2.4. Il-konsumaturi, atturi fis-suq uniku

Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni dwar is-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim. L-għan huwa li jiġi żgurat l-istabiliment ta’ mezzi ta’ rikors straġudizzjarji kapaċi li jiggarantixxu soluzzjoni faċli, rapida u rħisa għall-konsumaturi, u li kapaċi tippreserva r-relazzjonijiet tal-intrapriżi mal-klijentela tagħhom. Din l-azzjoni se tinkludi d-dimensjoni tal-kummerċ online. |

Is-suq uniku huwa realtà fil-ħajja ta’ kuljum tal-konsumaturi meta huma jivvjaġġaw, jixtru, iwettqu pagamenti, iżda huma għadhom qed jiltaqgħu wisq ta’ spiss ma’ diversi ostakoli u ma għandhomx fiduċja sħiħa fil-possibilità li jiksbu rimedju f’każ ta’ problema. Għar-rilanċ tas-suq uniku u b’mod partikolari tas-suq uniku diġitali, huwa b’hekk essenzjali li tiġi rrinfurzata l-fiduċja tal-konsumaturi fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tagħhom. Applikazzjoni aħjar tad-dritt jippermetti lill-konsumaturi jevitaw telf sinifikanti – stmat li huwa ta’ 0.16 % tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-Unjoni Ewropea. Aktar fiduċja tal-konsumaturi fil-kummerċ diġitali transfruntier tipproduċi ffrankar addizzjonali, stmat madwar 0.02% tal-PDG tal-Unjoni Ewropea jew EUR 2.50 biljun[31].

Minbarra r-regolament alternattiv tat-tilwim, il-Kummissjoni se tkompli wkoll ix-xogħlijiet tagħha fuq approċċ Ewropew ta’ rimedju kollettiv fuq il-bażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni li nediet.

Sabiex tissaħħah il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq uniku, għandhom jittieħdu azzjonijiet konkreti oħra . Il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jiġu żgurati li l-prodotti li jixtru jkunu affidabbli, irrispettivament mill-post tal-produzzjoni. Għal dan l-għan, jeħtieġ li tiġi riveduta d- Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-prodotti . Bl-istess mod, l-intrapriżi jistennew li l-Istati Membri japplikaw regoli ta’ protezzjoni identiċi fl-UE kollha. Għal dan l-għan, se jitħejja pjan ta’ azzjoni multiannwali dwar is-sorveljanza tas-suq , anke fil-fruntieri esterni, mill-Kummissjoni flimkien mas-servizzi doganali u ta’ sorveljanza tas-suq, u dan se jiġi implimentat mill-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jiksbu informazzjoni affidabbli dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, il-Kummissjoni se tipproponi, fil-qafas ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, inizjattiva dwar l-impatt ekoloġiku tal-prodotti .

Jeħtieġ ukoll li tiġi ggarantita l-applikazzjoni korretta tal- jeddijiet tal-passiġġieri fil-mezzi tat-trasport kollha, inkluż għall-persuni b’mobilità mnaqqsa. Se tiġi ppubblikata Komunikazzjoni, li tiddeskrivi fil-qosor ir-regoli kollha eżistenti fl-Unjoni Ewropea dwar il-jeddijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport: bl-ajru, bit-trejn, bil-bastiment, b'tal-linja jew kowċ. Sabiex il-konsumaturi jiġu protetti b’mod aħjar, il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar il-vjaġġi b'kollox inkluż, b’mod partikolari meta dawn jinxtraw minn fuq l-Internet.

Fl-aħħar nett, ix-xogħlijiet marbuta mal-protezzjoni tal-konsumaturi ta’ prodotti finanzjarji għall-konsumaturi se jkomplu b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza tat-tariffi bankarji u ta’ protezzjoni akbar tal-mutwatarji fis-suq tas-self ipotekarju.

2.5. Is-servizzi

Azzjoni ewlenija: Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea sabiex tiġi estiża għas-servizzi u tagħmel il-proċeduri ta’ standardizzazzjoni aktar effikaċi, effiċjenti u inklużivi[32]. |

L-istandardizzazzjoni tikkostitwixxi għodda essenzjali sabiex tippermetti l-libertà tal-moviment tal-merkanzija filwaqt li tkun żgurata l-interoperabilità tal-prodotti, is-sikurezza u l-kwalità tagħhom. Hija qed tintuża wkoll aktar u aktar fis-settur tas-servizzi, iżda l-aktar fil-livell nazzjonali. Għalhekk dan jista’ jwassal sabiex l-integrazzjoni tas-suq uniku tas-servizzi ssir aktar diffiċli. Sabiex jiġi evitat li jitfaċċaw aktar barrieri u jiġi ffaċilitat il-fluss transfruntier tas-servizzi, l-aktar għas- servizzi għall-intrapriżi bħal-loġistika jew l-immaniġjar tas-servizzi ta’ appoġġ għall-intrapriżi ("facility management"), huwa importanti li tiġi żviluppata l-istandardizzazzjoni tas-servizzi fil-livell Ewropew, filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ il-ħtiġijiet tas-suq. Dan se jkun l-ewwel għan ta’ reviżjoni tas-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea. Għan ieħor importanti se jkun li tiġi stabilita sistema aktar effikaċi, effiċjenti u inklużiva. Għandu jkun possibbli għas-sistema tal-istandardizzazzjoni li tippermetti l-adozzjoni rapida ta’ standards u l-adattament tagħhom għat-teknoloġiji l-ġodda fost l-oħrajn fil-qasam tat-teknoloġiji telematiċi, aktar parteċipazzjoni tal-SMEs u tal-partijiet l-oħra interessati u li tara li l-istandards jibqgħu aċċessibbli għall-uteni interessati kollha.

B’mod aktar ġenerali, funzjonament tajjeb tas-suq uniku tas-servizzi huwa kundizzjoni essenzjali għall-ġenerazzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa. Filwaqt li t-tkabbir tal-ekonomija Ewropea kien ta’ medja ta’ 2.1 % kull sena bejn l-1998 u l-2008, is-settur tas-servizzi kiber b’medja ta’ 2.8 % kull sena. L-impjieg fis-settur żdied bi 2 % fis-sena, meta mqabbel ma’ 1 % għall-ekonomija kollha[33]. Għal dan l-għan, il-prijorità immedjata hija l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva tas-Servizzi mill-Istati Membri kollha, inkluża l-implimentazzjoni tal-punti ta’ kuntatt uniċi. Lil hinn minn din l-implimentazzjoni u b'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se twettaq "testijiet tal-prestazzjoni” bl-għan li teżamina aktar mill-qrib il-funzjonament prattiku tal-qafas regolatorju tal-Unjoni li japplika għal ċerti setturi ta’ tkabbir bħal dawk tas-servizzi għall- intrapriżi , tal- kostruzzjoni u tat- turiżmu . Hija se twettaq evalwazzjonijiet aktar avvanzati tar-riżervi tal-attivitajiet, is-sjieda tal-kapital, il-forma ġuridika u r-rekwiżiti fir-rigward tal-assigurazzjonijiet, billi għad hemm ħafna ostakoli għal integrazzjoni aħjar tas-suq tas-servizzi[34]. Abbażi tar-riżultati ta’ dawn l-inizjattivi varji, il-Kummissjoni tiddeċiedi fl-2012 dwar l-istadji li jmiss. Is-setturi tal-operaturi u tal-konsumaturi għandhom ukoll ikunu soġġetti għal attenzjoni partikolari minħabba l-kontribut tagħhom għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Ser tittieħed inizjattiva għall- ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti bejn l-intrapriżi sabiex jiġu identifikati n-natura u l-iskala tal-problemi b'rabta mal-prattiki kummerċjali inġusti bejn l-operaturi professjonisti tul il-katina kollha tal-provvista, biex jiġu elenkati r-regolamenti fil-livell tal-Istati Membri, biex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tagħhom, u fl-aħħar nett biex jiġu identifikati l-alternattivi differenti possibbli. L-għan ser ikun biex jinġibu fi tmiemhom il-prattiki inġusti li jippreġudikaw il-vijabilità tal-intrapriżi u biex tiġi stimulata l-kompetittività tal-operaturi varji fil-ktajjen tal-provvista fil-kuntest ta’ suq uniku aktar ġust u effikaċi fis-setturi tal-operaturi u tal-konsumaturi, u fl-istess waqt jiġu ssodisfati l-aspettazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-produtturi fir-rigward tal-prezzijiet kompetittivi. Fir-rigward tal-importanza tas- servizzi għall-intrapriżi , il-Kummissjoni se tistabilixxi Grupp ta’ Livell Għoli sabiex jistudja d-defiċenzi tas-suq.

Fl-aħħar nett, u mingħajr ħsara għar-rikonoxximent tal-kwalifiki, ser ikun meħtieġ li jiġi eżaminat kif tiġi żgurata l-kwalità tal-edukazzjoni provduta fil-kuntest tal-moviment liberu tas-servizzi, fid-dawl tal-firxa tal-fenomenu tal-franchising fl-edukazzjoni.

2.6. In-netwerks

Azzjoni ewlenija: Liġijiet dwar l-infrastrutturi enerġetiċi u tat-trasport biex jiġu identifikati u varati l-proġetti strateġiċi ta’ interess Ewropew u biex jiġu żgurati l-interoperabilità u l-intermodalità. |

In-netwerks enerġetiċi, tat-trasport u tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jikkostitwixxu s-sinsla tas-suq uniku. Fil-fatt, infrastruttura li tiffunzjona tajjeb tiffavorixxi l-moviment liberu rapidu u bi prezz raġonevoli tal-persuni, il-merkanzija, id-diversi tipi ta’ enerġija u tad-dejta (bl-allokazzjoni ta’ spettru tar-radju adegwat). Integrazzjoni ekonomika effiċjenti tistrieħ fuq l-integrazzjoni tal-infrastruttura ta’ netwerks li jiffunzjonaw tajjeb.

Politika Ewropea ġdida għall- infrastrutturi enerġetiċi [35] hija indispensabbli sabiex tibdel il-mod li bih jiġu ppjanati u żviluppati n-netwerks fl-UE. Għandhom jinsabu soluzzjonijiet għal konnessjonijiet importanti neqsin, u n-netwerks għandhom isiru aktar intelliġenti sabiex l-enerġija tiġi ttrasportata b’mod aħjar. Leġiżlazzjoni ġdida għandha tiffaċilita l-kostruzzjoni ta’ netwerk unifikat u intelliġenti li jżid is-sikurezza tal-forniment u l-integrazzjoni tas-swieq, iżda wkoll l-effikaċa enerġetika u l-konsum tal-enerġija rinnovabbli. L-aċċellerazzjoni u t-trasparenza tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni huma essenzjali sabiex l-integrazzjoni tan-netwerks enerġetiċi nazzjonali f’netwerk wieħed Ewropew issir b’suċċess. Huwa urġenti li wieħed jaġixxi f’dan il-qasam, minħabba ż-żmien osservat għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ġodda (spiss aktar minn 10 snin).

Fir-rigward tat-trasport, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ l-azzjonijiet promossi mill-White Paper dwar il-politika tat-trasport b'perspettiva sal-2050, partikolarment maħsuba biex jeliminaw l-ostakli għar-realizzazzjoni ta’ suq tassew uniku, jindirizzaw il-modi u s-sistemi kollha nazzjonali, inkluż is-sistemi intelliġenti tat-trasport, u l-iżvilupp ta’ netwerk ta’ kabotaġġ u trasport multimodali moderni. Partikolarment, l-UE mhux dejjem għandha netwerk ta’ infrastrutturi transfruntieri konnessi, interoperabbli u effiċjenti biżżejjed. Ir-reviżjoni tal-linji gwida komuni għall-iżvilupp ta’ netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) fl-2011 għandha tippermetti l-eliminazzjoni tal-ilmiebet prinċipali u jitneħħew il-lakuni li fadal u jiġu interkonnessi l-modalitajiet tat-trasport permezz ta’ identifikazzjoni aħjar ta’ proġetti u insegwiment aħjar tad-deċiżjonijiet. B'dan il-mod, il-linji gwida ġodda jiddefenixxu netwerk bażiku ta’ infrastrutturi strateġiċi Ewropej li jintegraw il-partijiet tal-Punent u l-Lvant tal-Unjoni Ewropea, u b'hekk iwasslu għal netwerk Ewropew tal-mobilità u żona unika Ewropea tat-trasport.

Fl-aħħarnett, l-ispettru tar-radju għandu importanza essenzjali għas-soċjetà diġitali, is-servizzi veloċi bla fili, l-irkupru ekonomiku, it-tkabbir, il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-kompetittività fit-tul tal-UE. B'kunsiderazzjoni tal-importanza tad-disponibilità u l-użu effikaċi tal-ispettru għall-istabiliment ta’ suq intern għall-komunikazzjonijiet elettroniċi u għall-oqsma l-oħra tal-politika tal-UE, il-Parlament u l-Kunsill huma mistiedna li jadottaw malajr il-proposta ta’ deċiżjoni li tistabilixxi programm dwar l-ippjanar strateġiku u l-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju fl-Ewropa.

2.7. Is-suq uniku diġitali

Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni li tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni u tal-awtentifikazzjoni elettronika fl-UE u reviżjoni tad-Direttiva dwar il-firma elettronika, sabiex tippermetti interazzjoni b’mezz elettroniku sigur u mingħajr restrizzjonijiet bejn intrapriżi, ċittadini u amministrazzjonijiet pubbliċi, b’vantaġġ għall-effikaċa tas-servizzi u tas-swieq pubbliċi, tal-prestazzjoni tas-servizzi u tal-kummerċ elettroniku, anke fid-dimensjoni transfruntiera tagħhom. |

Ir-rinfurzar tal-fiduċja fit-tranżazzjonijiet elettroniċi hija kundizzjoni sine qua non tal-iżvilupp ta’ suq intern diġitali li jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minnu ċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet. L-ingredjenti essenzjali għal dan il-għan huma s-servizzi fiduċjarji elettroniċi li jirrispettaw il-protezzjoni tal-privatezza, jiggarantixxu ċ-ċertezza ġuridika, jiżguraw is-sigurtà tat-tranżazzjonijiet, jaħdmu lil hinn mill-fruntieri, ikunu rikonoxxuti mis-setturi tal-attività kollha iżda jkunu sempliċi biex jintużaw, eknonomiċi u taħt il-kontroll strett tal-partijiet fi tranżazzjoni.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tipproponi qafas leġiżlattiv ġdid biex jiżgura l-fiduċja fit-tranżazzjonijiet elettroniċi. Dan il-qafas se jipproponi r- reviżjoni tad-Direttiva dwar il-firma elettronika biex jikkjarifika l-kunċetti, jissimplifika l-użu tal-firma elettronika u jelimina l-barrieri għall-interoperabilità. Il-qafas se jiggarantixxi wkoll ir- rikonoxximent reċiproku ta’ servizzi ta’ identifikazzjoni u ta’ awtentikazzjoni elettroniċi . Dan il-qafas leġiżlattiv se jindirizza wkoll il-funzjonament transfruntier ta’ ċerti servizzi fiduċjarji oħrajn. L-istrumenti proposti għal dan il-qafas se jkunu ġeneriċi mingħajr ma jkunu marbuta ma' settur ta’ attività speċifiku b'mod partikolari fir-rigward tal- identità elettronika . Il-qafas se jkun teknoloġikament newtrali u se jkun miftuħ għall-mezzi tal-komunikazzjoni kollha bħall-Internet jew il-komunikazzjonijiet mobbli.

L-iżvilupp tat-teknoloġija diġitali huwa wieħed mill-ixpruni ewlenin biex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi fl-UE, fl-aspetti differenti tagħha: industrija tat-teknoloġiji telematiċi (li l-valur miżjud tagħha fl-ekonomija Ewropea kien ta’ madwar EUR 600 biljun fl-2007[36]), numru dejjem jikber ta’ Ewropej li jużaw l-Internet regolarment jew anki ta’ kuljum (b’kollox kienu 65 % u 53 % rispettivament fl-2010[37]), suq tal-faxxa wiesgħa (broadband) li, fl-2010[38], kiseb pożizzjoni dominanti fid-dinja, suq għall-informazzjoni tas-settur pubbliku stmat għal EUR 27 biljun[39], biex insemmu xi ftit. L-inizjattiva ewlenija “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”[40] tippreżenta grupp sħiħ ta’ azzjonijiet li finalment għandhom iwasslu għal suq uniku diġitali.

It-trasport tal-vuċi u tad-dejta kull ma jmur jikkostitwixxi servizz essenzjali għaċ-ċittadini Ewropej kollha. Fir-rigward tat-tariffi tar-rowming, il-miżuri regolatorji meħuda mill-Unjoni sa mill-2007 taw kontribut ċar għal tnaqqis fil-kostijiet telefoniċi u għal aktar trasparenza għall-konsumatur. Madankollu, il-prezzijiet għall-konsumaturi tas-servizzi ta’ trażmissjoni tad-dejta waqt ir-rowming għadhom għoljin wisq, u jwasslu sabiex il-maġġoranza tal-individwi u parti sinifikanti tal-intrapriżi ma jużawx dawn is-servizzi barra mill-fruntieri.

L-iżvilupp tas-suq uniku diġitali huwa mxekkel min-nuqqas ta’ fiduċja tal-konsumaturi, li l-kawżi ewlenin tiegħu jikkonċernaw is-sigurtà tal-pagamenti u r-rispett tad-drittijiet tal-konsumaturi fit-tranżazzjonijiet transfruntieri[41], partikolarment f'termini ta’ sikurezza tal-prodotti u tal-iffalzifikar[42]. Dan in-nuqqas ta’ fiduċja u d-diffikultajiet li wieħed jixtri minn fuq l-Internet fi Stati Membri oħra jispjegaw il-fatt li l-kummerċ elettroniku jirrappreżenta anqas minn 5 % mill-bejgħ għall-konsumaturi, u li 9 % tal-Ewropej biss diġà xtraw minn fuq l-Internet fi Stat Membru ieħor[43]. L-isfida hija li suq uniku reali jsir aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha, inklużi l-aktar popli vulnerabbli jew li jgħixu f'territorji iżolati. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tippreżenta pjan ta’ azzjonijiet għall-iżvilupp tal- kummerċ elettroniku . Din il-komunikazzjoni tevalwa l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kummerċ-e u tanalizza l-isfidi li għandhom jingħelbu: il-mikropagamenti, is-sigurtà tal-pagamenti fuq l-Internet, il-protezzjoni tad-dejta personali, il-ġlieda kontra l-falzifikazzjoni, il-kunsinna tal-ordnijiet, ir-responsabilità tal-fornituri tas-servizzi fuq l-Internet, u l-koerenza tad-dritt Ewropew li għandu impatt fuq il-kummerċ elettroniku[44]. Il-Kummissjoni ser tipproponi wkoll miżuri biex tippromwovi l-iżvilupp ta’ spazju integrat għall-kards ta’ pagament kif ukoll għall-forom innovattivi l-oħra ta’ pagament.

Id-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq il-pożizzjoni ġeografika, b’mod partikolari fil-kummerċ online, għandhom jiġu eliminati. Il-Kummissjoni se tippreżenta linji gwida [45] sabiex jiġu eliminati d-diskriminazzjonijiet inġustifikati abbażi tan-nazzjonalità jew il-post ta' residezna, partikolarment fil-kummerċ online.

Fl-aħħar nett, id-Direttiva li tikkonċerna r-riutilizzazzjoni tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI[46]) introduċiet il-kundizzjonijiet bażiċi għar-riutilizzazzjoni tar-rikkezza tad-dejta prodotta mill-amministrazzjonijiet pubbliċi li tista’ tagħti spinta lis-swieq tal-kontenut u tas-servizzi jekk ikunu disponibbli f’kundizzjonijiet trasparenti u nondiskriminatorji[47]. Ir-reviżjoni tagħha se tippermetti li l-informazzjoni mis-settur pubbliku ssir sors importanti ta’ opportunitajiet ta’ tkabbir għal ħafna aktar setturi innovattivi.

2.8. L-intrapreditorjat soċjali

Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni li toħloq qafas Ewropew li jiffaċilita l-iżvilupp tal-fondi ta’ investiment in solidum, li jżidu l-effett tal-inizjattivi nazzjonali billi jiftħu l-opportunitajiet tas-suq uniku għal dawn il-fondi (aċċess għal opportunitajiet ta' investiment u għal investituri stabiliti ġewwa l-Istati Membri kollha). |

Is-suq intern huwa bbażat fuq ‘ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna’, li tirrifletti l-evoluzzjoni lejn tkabbir inklużiv, aktar soċjalment ġust u ekoloġikament sostenibbli. Qed jinfirxu mudelli ekonomiċi ġodda, fejn dawn il-kunsiderazzjonijiet soċjali qegħdin jegħlbu l-loġika ta’ profitt finanzjarju biss. Din it-tendenza għandha tirriżulta fis-suq uniku. Dan jeħtieġ l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni, l-appoġġ tal-esperjenzi li jintroduċu aktar ugwaljanza fl-ekonomija u li jipparteċipaw fil-ġlieda kontra l-esklużjoni. Jeħtieġ li jintuża l-ixprun finanzjarju qawwi li jikkostitwixxi l-industrija Ewropea tal-immaniġjar tal-assi (EUR 7 000 biljun fl-2009) għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-intrapriżi li jkunu għażlu, lil hinn mit-tfittxija leġittima ta’ profitt finanzjarju, li jsegwu wkoll għanijiet ta’ interess ġenerali, ta’ żvilupp soċjali, etiku jew ambjentali. Sabiex jiġi żgurat li r-regoli jkunu ugwali għal kulħadd, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar it-trasparenza tal-informazzjoni soċjali u ambjentali pprovduta mill-intrapriżi fis-setturi kollha.

Biex ikun jista’ jiżviluppa u jirrispondi għall-għanijiet tiegħu, is-settur tal-ekonomija soċjali fis-suq intern għandu jkun jista’ jgawdi minn strutturi organizzazzjonali ġuridiċi partikolari. Is-settur koperattiv , pereżempju, huwa aktar attiv minn qatt qabel[48], iżda għandha ssir evalwazzjoni dwar in-nuqqas ta’ adeżjoni mal- Istatut għal Soċjetà Koperattiva Ewropea. Is-soċjetajiet mutwatarji jaħdmu f'setturi ewlenin għaċ-ċittadini (saħħa, bank, assigurazzjoni, eċċ.), iżda rari joffru s-servizzi tagħhom f'aktar minn Stat Membru wieħed. Minkejja dan, b’25 % tas-suq tal-assigurazzjoni u 70 % tan-numru totali ta’ intrapriżi tas-settur, huma ma jistgħux jiġu injorati fis-suq uniku. Il- fundazzjonijiet jipprovdu kontribut qawwi għall-finanzjament tax-xogħol innovattiv u ta’ interess ġenerali. Madankollu dawn jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jistabilixxu ruħhom fi Stati Membri oħra, jew biex jimmutwalizzaw il-mezzi tagħhom lil hinn mill-fruntieri. Sabiex tegħleb dawn id-diffikultajiet, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta ta’ Regolament li jistabilixxi Statut tal-Fundazzjoni Ewropea.

Barra minn hekk, ċerti intrapriżi inkludew il-ġlieda kontra l-esklużjoni fil-missjoni tagħhom mingħajr ma rrinunċjaw għall-profitt. Spiss intrapriżi żgħar ħafna jaġixxu lokalment, iżda xi wħud għandhom potenzjal veru ta’ tkabbir u ta’ ħolqien ta’ impjiegi[49]. L-istrumenti legali[50] għandhom jippermettu li s-suq uniku jkun il-bażi għall-iżvilupp tagħhom, jew l-orizzont ta’ tkabbir tagħhom minflok ma jagħlquhom fit-territorji nazzjonali biss.

Fil-qafas tal-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali[51], il-Kummissjoni se tappoġġja l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali bħala strument ta’ inklużjoni attiv billi fl-2011 tipproponi “Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali” u billi tiffaċilita l-aċċess għall-programmi finanzjarji tal-UE li jistgħu jintużaw f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni se tadotta wkoll fl-2011 Komunikazzjoni dwar ir-responsabilità soċjali tal-intrapriżi (RSI), kunċett aktar inklużiv min-negozju soċjali, li jinkoraġġixxi lill-intrapriżi kollha sabiex isegwu azzjonijiet b’għanijiet soċjali jew ambjentali fl-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom.

2.9. It-tassazzjoni

Azzjoni ewlenija: Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija sabiex jiġi żgurat trattament koerenti tad-diversi sorsi ta’ enerġija biex jitqies aħjar il-kontenut enerġetiku tal-prodotti kif ukoll il-kontenut f’emissjonijiet ta’ CO2. |

Il-leġiżlazzjoni fiskali tal-UE ma għadhiex adattata għar-realtajiet tas-suq uniku tas-seklu 21, u lanqas għall-isfidi tal-iżvilupp sostenibbli. Din ma tippermettix li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament tal-konsumaturi finali fis-suq intern, u ma tinkoraġixxix biżżejjed l-aktar prattiki ekonomiċi fl-enerġija jew dawk li jagħmlu l-inqas ħsara lill-ambjent. Illum huwa importanti li t-tassazzjoni tkun tippermetti li l-konsumatur jiġi ggwidat lejn użu aħjar tar-riżorsi enerġetiċi, billi jiffavorixxu s-sorsi tal-enerġija nadifa.

Barra minn hekk, l-intrapriżi li jkollhom diversi stabilimenti fl-UE jkollhom jissottomettu diversi dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq l-introjtu u jaħdmu ma’ diversi amministrazzjonijiet fiskali. Il-proġett ta’ bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) jikkostitwixxi azzjoni li fi tmiemha l-Kummissjoni tipproponi l-armonizzazzjoni tal-metodi ta’ kalkolu tal-introjtu taxxabbli, sabiex l-intrapriżi konċernati jkunu soġġetti għall-istess regoli jkun liema jkun l-Istat Membru li jintaxxa[52]. It-twaqqif ta’ punt uniku ta’ kuntat għall-affarijiet fiskali jiffaċilita r-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-amministrazzjoni fiskali u jorganizza l-koperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri. Kull sena, il-BKKTK se tippermetti lill-intrapriżi tal-Unjoni li jiffrankaw EUR 700 miljun, fir-rigward tal-kost ta’ konformità u 1.3 biljun permezz tal-konsolidazzjoni. Barra minn hekk l-intrapriżi li jixtiequ jiżviluppaw lil hinn mill-fruntieri nazzjonali jibbenefikaw minn iffrankar ta' madwar biljun (1) euro. Il-BKKTK kienet ġiet identifikata fl-istrateġija annwali ta’ tkabbir bħala waħda mill-miżuri favorevoli għat-tkabbir li għandha tingħata prijorità biex tiġi adottata sa tmiem l-2012. Fil-qafas tal-involviment sħiħ tal-Parlament u tal-Kunsill se jkun essenzjali sabiex jissodisfa l-aspettazzjoni qawwija tal-intrapriżi fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju tagħhom.

Is-sistema tal- VAT ukoll għandha tiġi rriveduta sabiex tiġi speċifikata s-sistema definittiva applikabbli għall-operazzjonijiet transfruntieri, b'mod partikolari, u l-modalitajiet ta’ ntaxxar tagħhom, bl-għan li jitnaqqsu l-imposti amministrattivi speċifiċi fuq dawn it-tranżazzjonijiet u li l-katina kummerċjali kollha fuq bażi soda, speċjalment għall-SMEs. Il-Kummissjoni fi ħsiebha tidentifika, qabel l-2011, l-elementi ta’ strateġija tal-VAT maħsuba biex iwasslu għal inizjattivi leġiżlattivi. Dawn ikollhom jiġu eżaminati bħala parti mill-pass li jmiss għat-tisħiħ tas-suq uniku wara l-2012.

Il- problemi fiskali transfruntieri jikkostitwixxu ostakolu sinifikanti ffaċċjat miċ- ċittadini . Għandha tinsab soluzzjoni għalihom. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tneħħija ta' ostakoli fiskali transkonfinali [transfruntieri] għaċ-ċittadini tal-UE[53] identifikat l-aktar problemi gravi, partikolarment it-tassazzjoni doppja, id-diskriminazzjoni fiskali kif ukoll l-aċċess diffiċli għall-informazzjoni u għall-amministrazzjonijiet fiskali ta’ Stati Membri oħra. Hi ħabbret miżuri biex jindirizzaw il-problemi speċifiċi. Is-soluzzjonijiet possibli jinkludu partikolarment mekkaniżmu vinkolanti għal-litiġji fi kwisjonijiet ta’ tassazzjoni doppja, il-ħolqien ta’ punti uniċi ta’ aċċess għall-amministrazzjonijiet u t-trattament fiskali tas-suċċessjonijiet transfruntieri.

2.10. Il-koeżjoni soċjali

Azzjoni ewlenija: Leġiżlazzjoni maħsuba sabiex ittejjeb u ssaħħaħ it-transpożizzjoni, l-applikazzjoni u r-rispett fil-prattika tad-direttiva dwar “l-Istazzjonar tal-Ħaddiema”[54], li tinkludi miżuri għall-prevenzjoni u ssanzjonar ta’ kull abbuż u tagħwiġ tar-regoli applikabbli, akkumpanjata minn leġiżlazzjoni bl-għan li tikkjarifika l-eżerċizzju tal-libertajiet tal-istabiliment u tal-forniment tas-servizzi flimkien mad-drittijiet soċjali fundamentali. |

F'ekonomija soċjali tas-suq, suq tas-servizzi Ewropew aktar unifikat jassumi li jiggarantixxi, mingħajr livellar sal-qiegħ, li l-intrapriżi jkunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom aktar faċilment fl-Unjoni Ewropea kollha, b’mod partikolari permezz tal-istazzjonar tal-impjegati tagħhom, filwaqt li jiġu pprovduti aktar impjiegi ta’ kwalità u livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħaddiema u tad-drittijiet soċjali tagħhom.

F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tal-qafas ġuridiku dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema għandu jitjieb, sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, jiġu infurzati l-kontrolli, u sabiex jiġu miġġielda l-abbużi, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu d-drittijiet tal-ħaddiema.

Il-leġiżlazzjoni tas-suq uniku għandha tqis kif xieraq l-Artikoli 8 u 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewroepa, li llum għandha l-istess valur ġuridiku tat-Trattat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ser tipproponi leġiżlazzjoni applikabbli għas-setturi kollha li tikkjarifika l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi flimkien mal-jeddijiet soċjali fundamentali, inkluż id-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva, skont id-dritt u l-prattiki nazzjonali u b'konformità mad-dritt tal-UE[55].

Lil hinn minn dan, kumplessivament il-proġett Ewropew jikkunsidra l-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni bħala preokkupazzjoni ewlenija. Huwa jirrikonoxxi wkoll li l-forzi tas-suq biss ma jwasslux għal respons adegwat għall-ħtiġijiet kollettivi kollha. Is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) jikkostitwixxu element essenzjali tal-mudell soċjali Ewropew, jiġifieri ta’ ekonomija kemm kompetittiva ħafna kif ukoll soċjalment inklużiva.

L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi, b’mod partikolari fl-Artikolu 14 tat-TFUE u fil-protokoll 26 anness mat-trattati, l-importanza tas-SIEĠ għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll ir-rwol essenzjali u s-setgħat diskrezzjonarji wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għall-forniment, l-eżekuzzjoni u l-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali b'mod li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-utenti, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Fil-qasam tas-swieq pubbliċi, il-Kummissjoni għadha kemm wettqet riflessjoni bl-għan li tikkjarifika l-artikolazzjoni tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat ma’ dawk li jorganizzaw is-swieq pubbliċi kif ukoll is-sistema applikabbli għas-servizzi pprovduti internament.

Barra minn hekk, huwa fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, b’konformità mal-Artikolu 106 tat-TFUE, li tara li dawn il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni u ta’ finanzjament tas-SIEĠ ikunu konformi mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat fir-rigward tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, għadha kemm tvarat diskussjoni dwar ir-reviżjoni li jmiss tal-pakkett ta’ miżuri dwar l-għajnuna mill-Istat favur is-SIEĠ (magħruf ukoll bħala “l-Pakkett post-Altmark”)[56]. Ir-riforma futura għandha tkun ibbażata fuq għan doppju ta’ kjarifikazzjoni u ta’ approċċ differenzjat u proporzjonali. Għalhekk il-Kummissjoni fi ħsiebha, fejn neċessarju, tippreċiża diversi kunċetti ewlenin. Min-naħa l-oħra, fi ħsiebha tiżgura li l-grad tal-iskrutinju tal-għajnuna mill-Istat ikun porporzjonat għan-natura tas-servizzi pprovduti u l-iskala tagħhom.

F'Komunikazzjoni li se tiġi adottata sal-aħħar tas-sena 2011, il-Kummissjoni se tippreżenta azzjonijiet bil-għan li tiżgura aħjar li s-SIEĠ, inkluż is-servizzi soċjali ta’ interess Ġenerali (SSIĠ), jibbenifikaw minn qafas li jippermettilhom iwettqu l-missjoni tagħhom.

Il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni għalhekk se teżamina l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu żgurat li, b'konformità mal-Artikolu 14 u l-Protokoll 26, iċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess affordabbli għas-servizzi essenzjali ta’ kuljum li jkunu jeħtieġu sabiex jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika u soċjali, b'kunsiderazzjoni tar-rwol vitali tal-Istati Membri fil-forniment, l-eżekuzzjoni u l-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi. F'dan ir-rispons għandu jiqies il-karattru evoluttiv tal-bżonnijiet tal-Ewropej.

Il-Kummissjoni tinnota li mhux iċ-ċittadini kollha għandhom il-possibilità li jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq uniku. Pereżempju, l-aċċess għas-servizzi bankarji bażiċi, li sar kundizzjoni meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-ħajja ekonomika u soċjali, mhuwiex kompletament iggarantit. Il-Kummissjoni b’hekk se tipproponi inizjattiva dwar l-aċċess għal kont ta’ pagament bażiku, bi prezz raġonevoli, għal kull ċittadin, ikun liema jkun il-post ta’ residenza fl-UE.

2.11. L-ambjent regolatorju tal-intrapriżi

Azzjoni ewlenija: Is-simplifikazzjoni tad-Direttivi dwar l-istandards tal-kontabilità fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar finanzjarju, u tnaqqis tar-restrizzjonijiet amministrattivi, b’mod partikolari dawk li huma ta’ piż fuq l-SMEs. |

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24-25 ta’ Marzu 2011 il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet regolatorji speċjalment dawk ta’ xkiel għall-SMEs, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali, dossier li dwaru l-Kummissjoni se tirrapporta lill-Kunsill Ewropew[57]. In-numru ta’ vantaġġi li jġib miegħu is-suq uniku jiddependi mill-faċilità li biha l-persuni, il-prodotti, is-servizzi u l-kapital ikunu jistgħu jiċċaqalqu liberament minn Stat Membru għall-ieħor. L-għan tal-politiki tas-suq uniku huwa li jitħaffu dawn il-movimenti mhux biss permezz tal-abolizzjoni tal-barrieri, iżda wkoll permezz tal-ħolqien ta’ ambjent regolatorju li jimminimizza l-piż amministrattiv.

Il-proposta għal reviżjoni tad-direttivi tal-kontabilità għandha l-għan ewlieni li tnaqqas il-piż amministrattiv minħabba l-obbligi kontabilistiċi imposti fuq il-mikrointrapriżi u dawk żghar li jkollhom l-għamla ta’ kumpanija pubblika limitata jew kumpanija b’responsabilità limitata. L-iffrankar potenzjali li jirriżulta minn din il-proposta jammonta għal EUR 1.5 biljun fis-sena għal 1.1 miljun intrapriża żgħira, u EUR 5.2 biljuni fis-sena għal 5.9 miljuni mikrointrapriżi. L-iffrankar ġej l-aktar minn tnaqqis tal-obbligi ta’ rapportar finanzjarju għal dawn il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar. Lil hinn minn din is-simplifikazzjoni, ir-reviżjoni tad-direttivi se jkollha wkoll l-għan li ttejjeb iċ-ċarezza u l-kumparabilità fl-UE tal-istati finanzjarji tal-intrapriżi żgħir sa dawk kbar. Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni li teżenta l-mikrointrapriżi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi tal-kontabilità għandha tiġi adottata mill-Kunsill u l-Parlament.

L-introduzzjoni ta’ regoli Ewropej armonizzati tissostitwixxi sett ta’ 27 regola nazzjonali u b’hekk tikkostitwixxi tnaqqis fil-piż regolatorju. Barra minn dan, qed isiru sforzi sabiex jitnaqqas aktar il-piż amministrattiv li ġej mir-regoli Ewropej[58]. Għal dan l-għan, ġiet ippreżentata proposta mill-Kummissjoni sabiex jinħoloq Statut ta' Kumpaniji Privati Ewropej , li għadha għall-kunsiderazzjoni tal-Kunsill tal-UE. Imma għandha tiġi sblukkata mill-Kunsill.

Sabiex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet tal-SMEs, il-Kummissjoni addottat l-“ Att dwar in-Negozji ż-Żgħar ”[59]. Dan jintroduċi l-prinċipju tat-“L-Ewwel Aħseb fiż-Żgħir” fil-politiki Ewropej kollha u jinkludi firxa ta’ miżuri konkreti maħsuba sabiex jirrinfurzaw l-kompetittività tal-SMEs fi ħdan is-suq uniku.

Strument alternattiv tal-liġi tal-kuntratti Ewropea għandu jiġi introdott biex jiffaċilita t-tranżazzjonijiet transfruntiera fis-suq uniku. Għandha titfittex ukoll l-adozzjoni ta’ regolament għall-iffaċilitar tal- irkupru tranfruntier tal-krediti . Dan jissimplifika aktar ir-regoli eżistenti, u jkun ta’ vantaġġ għaċ-ċittadini u l-intrapriżi li jkunu jixtiequ aktar ċertezza ġuridika f'dan il-qasam.

2.12. Is-swieq pubbliċi

Azzjoni ewlenija: Qafas leġiżlattiv tas-swieq pubbliċi rivedut u aġġornat bl-għan li jwassal għal politika bilanċjata li tappoġġja domanda għal prodotti, servizzi u xogħlijiet li jagħmlu l-inqas ħsara lill-ambjent, li jkunu soċjalment responsabbli u innovattivi. Din ir-reviżjoni għandha wkoll toffri proċeduri aktar sempliċi u aktar flessibbli lill-awtoritajiet kontraenti, u tiżgura aċċess aktar faċli għall-intrapriżi, b'mod partikolari għall-SMEs[60]. |

L-awtoritajiet pubbliċi jonfqu madwar 18 % tal-PDG tal-UE f’oġġetti, servizzi u xogħlijiet. Il-ligijiet Ewropej u nazzjonali fetħu s-swieq pubbliċi għal kompetizzjoni ġusta li l-konsegwenza tagħha hija li ċ-ċittadini jiġu offruti kwalità aħjar għal prezz aħjar.

Fir-rigward tan-numru kbir ta’ oġġetti, servizzi u xogħlijiet li huma soġġetti għall-akkwist pubbliku, id-domanda pubblika toffri opportunitajiet sabiex tiżdied id-domanda għal oġġetti, servizzi u xogħlijiet ekoloġiċi, soċjalment responsabbli u innovattivi. Fi kliem ieħor, is-swieq pubbliċi jistgħu jkunu għodda sabiex iħeġġu l-iżvilupp ta' suq intern aktar ekoloġiku, soċjali u innovattiv. Jeħtieġ ukoll li jiġi eżaminat kif il-proċeduri jistgħu jsiru aktar sempliċi u aktar flessibbli sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-akkwist pubbliku. Fl-istess ħin, tali simplifikazzjoni ma għandhiex twassal sabiex jiġi ristrett l-aċċess għas-swieq fuq l-iskala Ewropea. Għall-kuntrarju, l-aċċess għas-swieq għandu saħansitra jsir aktar faċli, b’mod partikolari għall-SMEs u l-kummerċ transfruntier, inkluż għall-akkwisti komuni bejn entitajiet kontraenti differenti. Fil-fatt, il-perċentwal ta’ kuntratti pubbliċi li huma jingħataw lil intrapriżi ta’ Stat Membru ieħor għadu relattivament baxx, speċjalment meta mqabbel mar-rata ta' penetrazzjoni fis-swieq privati.

Il- konċessjonijiet tas-servizzi jirrappreżentaw piż ekonomiku sinifikanti[61] u jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tas-sħubijiet pubbliċi-privati. Qafas leġiżlattiv jippermetti ċertezza ġuridika akbar sabiex tappoġġa dawn is-sħubijiet.

Il-ftuħ tas-swieq pubbliċi għall-kompetizzjoni jġib miegħu benefiċċji kemm globalment kif ukoll fil-livell Ewropew. Sabiex jiġi żgurat li dan il-ftuħ isir fi spirtu ta' reċiproċità u ta' benefiċċji reċiproċi, li joffri lill-intrapriżi Ewropej u barranin opportunitajiet ugwali u jiggarantixxi kompetizzjoni ġusta, għandha tiġi introdotta wkoll leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-aċċess għall-intrapriżi ta' pajjiżi terzi għas-swieq pubbliċi Ewropej, li tippermetti li l-impenji jidħlu fil-qafas Ewropew.

3. Il-kundizzjonijiet għas-suċċess, Governanza rinfurzata tas-suq uniku

Sabiex l-azzjonijiet proposti jipproduċu l-effetti mistennija f’termini ta’ tkabbir u impjiegi, jeħtieġ li l-kundizzjonijiet tal-iżvilupp tagħhom u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom jiġu ssodisfati. Dawn il-kundizzjonijiet huma erbgħa: (1) djalogu aħjar mas-soċjetà ċivili kollha ; (2) sħubija mill-qrib mal-atturi differenti; (3) il-provvista effikaċi tal-informazzjoni għaċ-ċittadini u l-intrapriżi; u (4) kontroll tal-applikazzjoni tar-regoli tas-suq uniku aktar enerġiku.

L-involviment tas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni ta’ kultura tal-evalwazzjoni

Il-konsultazzjoni pubblika uriet b’mod ċar li s-soċjetà ċivili tixtieq tkun involuta aktar mill-qrib fl-iżvilupp tas-suq uniku milli kienet qabel[62]. Sabiex timpenja ruħha f’dan il-qasam, il-Kummissjoni se tippubblika regolarment lista tal-20 aspettattivi ewlenin taċ-ċittadini u l-intrapriżi fir-rigward tas-suq uniku, ibbażati fuq l-esperjenzi konkreti tagħhom. Din il-lista tassew se tkun barometru tal-istat ta' funzjonament tas-suq uniku li se tissottometti lill- Forum tas-Suq Uniku . Dan se jlaqqa’ b’mod regolari l-atturi tas-suq: intrapriżi, sħab soċjali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u rappreżentanti taċ-ċittadini, awtoritajiet pubblilċi f’livelli differenti tal-gvern, u parlamenti. Huwa se jeżamina l-istat tas-suq uniku, b’mod partikolari t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-direttivi, u se jiskambja l-prattiki tajbin. Se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ kultura tal-valutazzjoni tal-politiki u f’dan ir-rigward se jieħu sehem sħiħ fis-segwitu tal-Att dwar is-Suq Uniku li għalih se jikkontribbwixxi sabiex ikejjel l-effetti fil-prattika. Ix-xogħol tal-Ombudsman ser jikkontribwixxi wkoll għal din l-evalwazzjoni. Sabiex issaħħaħ dan l-aspett tal-aħħar, il-Kummissjoni se tuża sett limitat ta’ indikaturi msemmija fl-Anness 2.

Ir-rwol tas- sħab soċjali wkoll għandu jissaħħaħ, billi jingħataw iċ-ċans jippreżentaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet b'rabta mal-koeżjoni ekonomika u soċjali.

Il-ħolqien ta’ sħubijiet u t-tħeġġiġ tal-koperazzjoni

Il-ħtieġa li tissaħħaħ u tiġi estiża s- sħubija bejn l-atturi kollha tas-suq uniku , b’mod partikolari bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni, ġiet enfasizzata mill-awtoritajiet territorjali li esprimew ir-rieda qawwija tagħhom li jkunu partijiet interessati fl-iżvilupp tal-politiki tas-suq uniku. Dan se jsir permezz tal-involviment akbar tagħhom fil-konsultazzjonijiet dwar il-proposti speċifiċi tal-Kummissjoni, u bit-tisħiħ tal-mezzi disponibbli sabiex jiffaċilitaw u jħeġġu l-koperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-livell li fih jittieħdu d-deċiżjonijiet individwali, jiġifieri spiss fil-livell territorjali. Għal dan l-għan, iċ-ċertezza ġuridika tas-sistema elettronika għall-iskambju tal-informazzjoni (IMI) – li diġà tgħaqqad 6,000 amministrazzjoni – ser tiġi rinfurzata . L-użu ta’ din is-sistema għandu jiġi ffavorit bħala għodda ta’ sħubija għall-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq uniku fil-proposti futuri tal-Kummissjoni. Sabiex jiġu ffaċilitati l-iskambji bejn l-amministrazzjonijiet, jeħtieġ jiġu żviluppati l-possibilitajiet teknoloġiċi tat-traduzzjoni awtomatika.

Informazzjoni aħjar għal implimentazzjoni aħjar tar-regoli dwar is-Suq Uniku

Barra minn hekk, is-suq uniku jista’ wkoll jikkontribwixxi għat-tkabbir kieku l-acquis kollu (speċjalment il-liġijiet Ewropej fis-seħħ) kien implimentat mill-Istati Membri kollha u kienu jibbenefikaw bis-sħiħ l-intrapriżi u ċ-ċittadini . Dawn huma l-ewwel li jistgħu jistennew li d-drittijiet tagħhom ikunu rispettati. Sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dan, jeħtieġ li jkunu jafu x'inhuma d-drittijiet tagħhom, li jkunu jistgħu jeżerċitawhom u li jkunu jistgħu jsibu għajnuna meta dawn id-drittijiet ma jiġux irrispettati. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll il-punt ta’ aċċess uniku tagħha (“L-Ewropa Tiegħek”), flimkien mal-Istati Membri, sabiex dan isir il-punt uniku ta' informazzjoni u ta’ għajnuna, fil-livell Ewropew u nazzjonali. Huwa importanti wkoll li jitjiebu l-kundizzjonijiet li fihom ikunu jistgħu jingħataw soluzzjonijiet konkreti malajr u mingħajr ħlas għaċ-ċittadini u l-intrapriżi li d-drittijiet tagħhom ma jkunux kompletament rispettati. Dan sabiex ikun hemm il-fiduċja fis-suq uniku u b’hekk ir-rieda ta’ kull wieħed li jipparteċipa fih. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jsaħħu n-netwerk SOLVIT bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Kundizzjonijiet ekwi u applikati b’mod uniformi

Jekk l-użu tal-mezzi alternattivi għar-riżoluzzjoni għandu jkun sistematiku[63], meta d-diffikultajiet jippersistu u jirriżultaw b’mod partikolari problemi aktar strutturali li joriġinaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni hija responsabbli li tagħmel użu sħiħ tal-proċeduri tal-Artikolu 258 tat-Trattat (TFUE). Waqt il-konsultazzjoni, il-partijiet interessati saħqu dwar l-importanza li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ikunu ugwali għal kulħadd fis-suq uniku, u ħabbru numru ta' sitwazzjonijiet li jfixklu. Il-Kummissjoni b’hekk se tibda politika aktar deċiżiva f’dan il-qasam, u se tappella lill-Istati Membri sabiex itejbu s-sitwazzjoni tat-traspożizzjoni u l-konformità tal-liġi nazzjonali tagħhom permezz ta’ miri stabiliti li għandhom jintlaħqu. Dan l-approċċ diġà ppermetta li jitnaqqas id-defiċit ta’ traspożizzjoni għal 1 %, iżda minn issa ’l quddiem għandhom isiru aktar sforzi. Applikazzjoni tajba u kompleta tar-regoli dwar is-suq uniku mill-Istati Membri kollha teħtieġ li ġej sal-2012, kif mitlub mill-Parlament Ewropew: (i) in-notifika mill-Istati Membri tat-tabelli ta' korrelazzjoni biex isiru pubbliċi ; (ii) l-iffissar tal-miri li jillimitaw id-defiċit ta’ traspożizzjoni u d-defiċit tal-konformità tad-dritt nazzjonali rispettivament sa 0.5 %[64] għad-defiċit ta’ traspożizzjoni u 0.5 % għad-defiċit tal-konformità tad-dritt nazzjonali rispettivament; (iii) l-applikazzjoni aktar effikaċi tal-proċeduri tal-ksur permezz ta’ miri numeriċi b'rabta mal-istadji tal-proċedura.

Fl-aħħarnett, l-istrument ta' evalwazzjoni reċiproka bejn il-pari tista' tiġi proposta mill-Kummissjoni meta d-Direttiva ta' traspożizzjoni tkun tikkonċerna settur ewlieni uniku li fih il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jkunu partikolarment abbondanti.

Regoli fil-livell globali

Is-suċċess tas-suq intern u tal-intrapriżi Ewropej fil-konkorrenza mondjali jiddependi mill-kapaċità tal-Unjoni Ewropea biex tiżgura l-koerenza u l-komplimentarità tal-politiki interni u esterni tagħha. Għal dan il-għan il-Kummissjoni ser tkompli bil-perkors tal-politika tagħha ta’ promozzjoni tal-konverġenza regolatorja u attivament tisħaq l-adozzjoni usa' ta’ standards internazzjonali. Ser tinnegozja ftehimiet kummerċjali b'enfasi partikolari mhux biss fuq l-aċċess għas-swieq, imma wkoll għall-konverġenza regolatorja. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-kandidati għall-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea, li huma mistennija jadottaw l-acquis, kif ukoll għall-pajjiżi fil-viċinat tal-UE u s-sħab strateġiċi tal-Unjoni, sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni ekonomika u jittejjeb l-aċċess reċiproku għas-swieq u l-approssimizzazzjoni regolatorja, partikolarment abbażi ta’ ftehimiet għall-kummerċ ħieles aktar profondi.

4. L-ISTADJU LI JMISS U KONKLUżJONI

L-iffissar ta’ prijoritajiet li għandna nikkonċentraw fuqhom fit-18-il xahar li ġej ma jeżentaniex mit-tfassil minn issa ta’ dak li għandu jkun l-istadju li jmiss wara l-2012. Fil-fatt, is-suq uniku għandu jiġi riorjentat u jingħata d-dinamiżmu sabiex jaqdi l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 li għandha l-perspettiva tal-10 snin li ġejjin. Is-suq uniku għandu jikkontribbwixi għall-għanijiet ta’ sostenibilità u ta’ użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, għall-innovazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni territorjali, kif ukoll għall-istrateġija għall-impjiegi.

Fl-aħħar tal-2012, se jiddaħħal stadju ġdid fl-iżvilupp tas-suq uniku. Ir-riflessjonijiet se jkunu bbażati fuq studju ekonomiku kbir, li r-riżultati tiegħu għandhom jippermettu li jiġu identifikati n-niċeċ fejn jeżisti potenzjal għal tkabbir li mhux qed jiġi sfruttat, u li jekk ikun meħtieġ jiġu introdotti xpruni ġodda għat-tkabbir. Il-Kummissjoni se tikkonsulta wkoll is-soċjetà ċivili u l-atturi kollha tas-suq uniku permezz ta’ strumenti ġodda ta’ governanza.

Iċ-ċittadini u l-intrapriżi jistgħu biss jieħdu vantaġġ sħiħ mis-suq uniku jekk l-Att dwar is-Suq Uniku u l-miżuri prijoritarji tiegħu jkunu suġġetti għal implimentazzjoni ta’ malajr u ambizzjuża . Dan il-programm ta’ azzjoni huwa kontribuzzjoni essenzjali għall-isforzi sabiex tiġi rrinfurzata l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u bħala tali għandu jingħata l-ogħla prijorità. Dan se jirrikjedi l-mobilizzazzjoni tal-Istituzzjonijiet Ewropej kollha, tal-Istati Membri u tal-partijiet konċernati.

Għalhekk, il-Kummissjoni:

- tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-Att dwar is-Suq Uniku ;

- tistieden lill-Kunsill Ewropew sabiex jagħti l-appoġġ tiegħu lit-12-il prijorità stabiliti mill-Att dwar is-Suq Uniku kif ukoll lill-implimentazzjoni tagħhom bħala prijorità;

- tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex fil-proċess leġiżlattiv jagħtu l-ogħla prijorità lill-azzjonijiet ewlenin li jinsabu fl-Att dwar is-Suq Uniku billi jaqblu dwar l-adozzjoni tiegħu mingħajr dewmien sal-aħħar tal-2012;

- se tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku u tal-azzjonijiet ewlenin tiegħu, fil-qafas tas-Semestru Ewropew u bil-ħsieb ta’ valutazzjoni waqt il-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa;

- se taħdem mal-Istati Membri biex tiffaċilita l-implimentazzjoni rapida tal-Att dwar is-Suq Uniku u tal-azzjonijiet ewlenin tiegħu;

- tistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni u l-konformità mar-regoli dwar is-suq uniku ;

- tistieden lill-partijiet interessati kollha, lill-membri tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali, lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll il-partijiet interessati l-oħrajn kollha, sabiex jipparteċipaw attivament f'"jum dwar is-suq uniku”, li matulu jiġu diskussi l-progress miksub u l-isfidi identifikati fil-livell nazzjonali u Ewropew, speċjalment fi ħdan il-Forum tas-Suq Uniku.

Anness 1: Tabella tal-azzjonijiet ewlenin

Azzjoni ewlenija: | Xprun | Proposta mill-Kummissjoni |

1 | Leġiżlazzjoni bl-għan li tiffaċilita li l-fondi ta’ kapitali ta’ riskju li jkunu stabiliti fi Stat Membru jistgħu jinvestu fi kwalunkwe Stat Membru ieħor, mingħajr ostakolu jew rekwiżit addizzjonali | L-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs | Trimestru 4 tal-2011 |

2 | Leġiżlazzjoni aġġornata dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali | Il-mobilità taċ-ċittadini | Trimestru 4 tal-2011 |

3 | Leġiżlazzjoni li tistabilixxi protezzjoni ta’ privattiva unitarja għall-maġġoranza tal-Istati Membri u sistema unifikata li ssolvi t-tilwim, bl-għan li jingħataw l-ewwel privattivi li jibbenefikaw minn din il-protezzjoni unitarja fl-2013 | Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali | Trimestru 2 tal-2011 |

4 | Leġiżlazzjoni dwar is-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim. Din l-azzjoni se tinkludi parti għall-kummerċ fuq l-internet | Il-konsumaturi, atturi fis-suq uniku | Trimestru 4 tal-2011 |

5 | Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-sistema tal-istandardizzazzjoni Ewropea sabiex tiġi estiża għas-servizzi u tagħmel il-proċeduri ta’ standardizzazzjoni aktar effikaċi, effiċjenti u inklużivi | Is-servizzi | Trimestru 2 tal-2011 |

6 | Liġijiet dwar l-infrastrutturi enerġetiċi u tat-trasport biex jiġu identifikati u varati l-proġetti strateġiċi ta’ interess Ewropew u biex jiġu żgurati l-interoperabilità u l-intermodalità | In-netwerks | Trimestru 4 tal-2011 Trimestru 3 tal-2011 |

7 | Leġiżlazzjoni li tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni u l-awtentifikazzjoni elettronika fl-UE u reviżjoni tad-Direttiva dwar il-firma elettronika | Is-suq uniku diġitali | Trimestru 1 tal-2011 |

8 | Leġiżlazzjoni li toħloq qafas Ewropew li jiffaċilita l-iżvilupp tal-fondi ta’ investiment in solidum | L-intrapreditorjat soċjali | Trimestru 4 tal-2011 |

9 | Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija sabiex jiġi żgurat trattament koerenti tad-diversi sorsi enerġetiċi biex jitqies aħjar il-kontenut enerġetiku tal-prodotti kif ukoll il-kontenut f’emissjonijiet ta’ CO2 | It-tassazzjoni | Trimestru 2 tal-2011 |

10 | Leġiżlazzjoni maħsuba sabiex ittejjeb u ssaħħaħ it-transpożizzjoni, l-applikazzjoni u r-rispett fil-prattika tad-direttiva dwar “l-Istazzjonar tal-Ħaddiema”[65], akkumpanjata minn leġiżlazzjoni bl-għan li tikkjarifika l-eżerċizzju tal-libertajiet tal-istabiliment u tal-forniment tas-servizzi flimkien mad-drittijiet soċjali fundamentali. | Il-koeżjoni soċjali | Trimestru 4 tal-2011 |

11 | Is-simplifikazzjoni tad-direttivi dwar l-istandards tal-kontabilità | L-ambjent regolatorju tal-intrapriżi | Trimestru 2 tal-2011 |

12 | Qafas leġiżlattiv tas-swieq pubbliċi rivedut u aġġornat | Is-swieq pubbliċi | Trimestru 4 tal-2011 |

Anness 2: Indikaturi għas-Suq Uniku

- Il-kummerċ fl-UE tal-oġġetti u s-servizzi: fl-2009, il-kummerċ intra-UE tal-oġġetti kien jirrappreżenta 37 % tal-PDG (EUR 4.320 biljuni) u għas-servizzi kien 10.5 % tal-PDG (EUR 1.233 biljun).

- Il-kummerċ elettroniku intra-UE: fl-2010, 9 % taċ-ċittadini Ewropej għamlu xirjiet mingħand fornituri stabiliti fi Stati Membri oħrajn[66].

- L-għadd ta’ talbiet introdotti u mogħtija għall-ksib ta’ privattiva Ewropea: fl-2010 (ċifri provviżorji) – 235,029 talba għal privattiva Ewropea waslu fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi; ngħataw 58,108 privattiva Ewropea[67].

- Il-koperazzjoni transfruntiera tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-UE (IMI): fl-aħħar tal-2010, 5,737 awtoritajiet kompetenti kienu rreġistrati fl-IMI[68].

- Id-defiċit tat-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea tas-suq intern: id-defiċit tat-traspożizzjoni kien ta’ 0.9 % għall-UE kollha fl-aħħar tal-2010[69].

- L-għadd ta’ ċittadini tal-UE li jaħdmu fi Stat Membru ieħor: 5.8 miljun ċittadin fl-2009, ekwivalenti għal 2.5 % tal-popolazzjoni attiva tal-UE[70].

[1] A7-0132/2010.

[2] Il-Kummissjoni inkarigat lil Pedro Solbes biex jikteb rapport dwar is-sitwazzjoni ta’ dawn ir-reġjuni.

[3] It-tkabbir potenzjali fuq perjodu medju huwa stmat għal 1.5 % sal-2020. 9.6 % tal-popolazzjoni attiva hija diżokkupata. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir – l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi” paġni 2 u 3.

[4] COM(2010) 2020.

[5] Komunikazzjoni “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir” COM(2011) 11.

[6] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tal-24-25 ta’ Marzu 2011, EUCO 10/11, il-punt 7.

[7] COM(2010) 608.

[8] Ara fl-Anness ir-Rapport tal-Konsultazzjoni pubblika dwar l-Att dwar is-Suq Uniku.

[9] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Att dwar is-Suq Uniku (17799/10).

[10] Rispettivament "Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku" P7TA-PROV(2011)0144 , "Suq Uniku għall-Ewropej" P7TA-PROV(2011)0145 u "Suq Uniku għall-Impriżi u t-Tkabbir" P7TA-PROV(2011)0146.

[11] CdR 330/2010 - ECOS-V-009.

[12] CESE 525/2011 – INT/548.

[13] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu, EUCO 10/11 tal-25 ta’ Marzu, il-punt 7.

[14] L-Artikolu 3.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

[15] L-Artikolu 28 tal-Karta.

[16] COM(2011) 109.

[17] COM(2011) 78.

[18] Ara l-Komunikazzjoni tat-2 ta’ Ottubru 2010: “Ir-regolazzjoni tas-servizzi finanzjarji għat-tkabbir ekonomiku” (COM(2010) 301 finali) u r-Rapport ta’ progress ippubblikat fi Frar tal-2011 (http://ec.europa.eu/internal_market/finances/docs/110209_progress_report_financial_issues_en.pdf).

[19] Ara wkoll l-inizjattivi ewlenin “Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010)546).

[20] Skont studju tal-Ewrobarometru fl-2009, id-diffikultajiet ta’ aċċess għall-finanzjament huma kkwotati bħala t-tieni l-akbar ostaklu li jfixkel it-tkabbir tal-intrapriżi. http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_271_en.pdf

[21] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi” COM(2010) 682.

[22] “Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri” (COM(2010)365.

[23] Ara COM(2010) 682.

[24] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Żgħażagħ Mobbli” COM(2010)477.

[25] Ara wkoll l-inizjattivi ewlenin “Unjoni tal-Innovazzjoni” – COM(2010)546 – u “Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni” – COM(2010)614.

[26] L-Artikolu 17 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali.

[27] Sors: http://www.wipo.int/sme/en/documents/valuing patents.htm

[28] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” – COM(2010) 245.

[29] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Politika Industrijali Integrata” - COM(2010) 614.

[30] OECD: "Magnitude of counterfeiting and piracy of tangible products - November 2009 update"; http://www.oecd.org

[31] Id-Dokument ta’ Ħidma “Tisħiħ tas-setgħat tal-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea”, adottat fil-11 ta’ April 2011 (SEC (2011) 469) (traduzzjoni uffiċjali għadha mhix disponibbli) u bbażat fuq l-Ewrobarometru 342; u stima tas-servizi tal-Kummissjoni bbażata fuq dejta ppubblikata fl-istudju mmexxi minn YouGovPsychonomics (2009) "Mystery Shopping Evaluation of Cross-Border E-Commerce in the EU".

[32] Ara wkoll l-inizjattivi ewlenin “Unjoni tal-Innovazzjoni” – COM(2010) 546 – u “Politika industrijali integrata għall- era tal-globalizzazzjoni ” – COM(2010) 614 – u “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” – COM(2010) 245.

[33] L-Eurostat.

[34] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – COM(2011) 20 – “Lejn titjib tal-funzjonament tas-suq uniku għas-servizzi”.

[35] Ara wkoll il-Komunikazzjoni "Prioritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara -Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrati" - COM(2010) 677 - il-Konklużjonijiet tas-samit Ewropew tal-4.2.2011, l-inizjattiva ewlenija “ Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza ” - COM(2011)21 - u l-Pjan 2011 għall-Effiċjenza Enerġetika - COM(2011)109.

[36] "Europe's Digital Competitiveness Report" - SEC(2010) 627.

[37] L-Eurostat.

[38] Communications Committee Working Document – "Broadband Access in the EU: situation at 1 July 2010"

[39] Studju "MEPSIR – Measuring European Public Sector Information Resources" (2006), HELM Group of Companies with Zenc, għall-Kummissjoni Ewropea.

[40] COM(2010) 245.

[41] Flash Eurobarometer Nru 299 – Cross-border trade and consumer protection, Settembru 2010, rapport analitiku, p.30.

[42] Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni dwar in-negozju transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum [dwar il-Kummerċ-e transfruntier bejn l-intrapriżi u l-konsumaturi] fl-UE - COM(2009) 557;http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52009DC0557:MT:HTML

[43] 5th Consumer Scoreboard - http://ec.europa.eu/consumers/strategy/docs/5th_edition_scoreboard_en.pdf

[44] L-inizjattiva dwar il-Liġi tal-Kuntratti Ewropea se tkun fost l-azzjonijiet maħsuba sabiex jitnaqqsu l-ostakoli regolatorji għall-kummerċ elettroniku.

[45] Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tas-Servizzi.

[46] 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003.

[47] Bħala eżempju, il-mapep u r-rotot li huma disponibbli fuq l-Internet jew fil-GPS ma kienux ikunu daqshekk żviluppati li kieku d-Direttiva PSI ma ħolqotx il-kundizzjonijiet sabiex l-informazzjoni mis-settur pubbliku tkun disponibbli.

[48] Il-koperattivi waħidhom jirrappreżenaw aktar minn 4.8 miljun impjieg.

[49] In-numru ta’ impjegati minn intrapriżi soċjali u s-settur terzjarju huwa stmat għal madwar 7 miljun, jiġifieri 4% tal-impjiegi salarjati fl-Ewropa.

[50] Ir-regolamentazzjoni tas-swieq pubbliċi, ir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi, b’mod partikolari fil-kummerċ u d-distribuzzjoni ( B to B ), l-aċċess għall-finanzjament (Kreditu bankarju, fondi ta’ investiment dedikati, l-orjentazzjoni tat-tfaddil privat minn inizjattivi bħall-Big Society Bank fir-Renju Unit).

[51] COM(2010) 758.

[52] Huwa stmat għal 67 % t-tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi ta’ natura fiskali fuq l-SMEs li għandu jirriżulta minn bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva.

[53] COM(2010) 769.

[54] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi” - COM(2010) 682.

[55] L-inizjattiva tkun tista' tuża s-soluzzjonijiet fir-Regolament (KE) Nru 2679/98 tas-7 ta’ Diċembru 1998, dwar il-ħidma tas-suq intern b'relazzjoni mal-moviment liberu tal-oġġetti fost l-Istati Membri.

[56] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2011, “Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali”, COM(2011) 146.

[57] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu, EUCO 10/11 tal-25 ta’ Marzu, il-punt 7.

[58] Ara wkoll l-Istrateġija Ewropea għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju - COM(2005) 535.

[59] Ara wkoll “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni” – COM(2010) 614.

[60] Ara wkoll l-inizjattivi ewlenin “Unjoni tal-Innovazzjoni” – COM(2010)546 – u “Politika industrijali integrata għall- era tal-globalizzazzjoni ” – COM(2010)614.

[61] Skont stima konservattiva, mill-inqas EUR 138 biljun bejn l-2000 u l-2006.

[62] Il-konsultazzjoni u d-djalogu mas-soċjetà ċivili kienu s-suġġett ikkunsidrat bħala l-aktar importanti fost il-50 azzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku mill-akbar numru ta’ tweġibiet provduti fuq l-Internet (312 minn 740).

[63] In-netwerk EU Pilot bejn il-Kummissjoni u ċerti Stati Membri huwa mezz effikaċi sabiex jippruvaw isolvu n-nuqqas ta’ ftehim qabel jinbdew proċeduri ta’ ksur. Dan jintuża b’mod sistematiku mill-Kummissjoni li tixtieq testendih għall-Istati Membri kollha.

[64] Fl-2010, id-defiċit medju kien ta’ 0.9 % u kwart tal-Istati Membri diġà laħqu l-0.5 %.

[65] Ara wkoll l-inizjattiva ewlenija “Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi” - COM(2010) 682.

[66] L-Eurostat.

[67] L-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.

[68] Il-Kummissjoni Ewropea.

[69] Il-Kummissjoni Ewropea.

[70] L-Eurostat.

Top