52011DC0195


Titolu u referenza

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress - 2010

/* KUMM/2011/0195 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf   pdf   pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf
doc doc   doc   doc doc doc doc   doc doc doc   doc doc doc doc doc doc   doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 11.4.2011

KUMM(2011) 195 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress - 2010

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress - 2010

WERREJ

1. Introduzzjoni 4

2. IL-Karatteristiċi Ewlenin tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress 5

3. garanziji skont il-mikrofinanzjament għall-progress 6

3.1. It-twaqqif tal-faċilità ta’ garanziji tal-Mikrofinanzjament għall-Progress 6

3.2. Karatteristiċi ewlenin 6

3.3. Min jibbenefika? 8

4. Stumenti ffinanzjati 10

4.1. It-twaqqif tal-istrumenti tal-fonds commun de placement 10

4.2. Karatteristiċi ewlenin 10

4.3. Min jibbenefika? 11

5. Monitoraġġ u rrappurtar 12

6. Il-komunikazzjoni 13

7. Il-komplementarjetà u l-koordinazzjoni mal-istrumenti l-oħra 13

8. Dehra u konklużjonijiet 14

INTRODUZZJONI

Il-mikrointrapriżi[1] huma l-pedament tal-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u jagħmlu aktar minn 95 % taż-2 miljun intrapriża stabbiliti kull sena. Terz tal-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar huma mwaqqfa minn nies qiegħda.

Kundizzjoni meħtieġa minn qabel ma jinbeda n-negozju hija l-aċċess għall-iffinanzjar. Il-kriżi ekonomika naqqset drastikament is-self mill-banek, għaldaqstant ħarrxet il-problemi strutturali li gruppi żvantaġġati jħabbtu wiċċhom magħhom meta jkunu qed jippruvaw jaċċessaw is-servizzi bankarji.

Il-mikrofinanzjament[2], u b’mod partikolari il-mikrokreditu, jiġifieri self ta’ anqas minn EUR 25 000, joffri soluzzjoni. Qabel il-kriżi, id-domanda potenzjali għall-mikrokreditu fl-UE fuq medda qasira kienet stmata għal aktar minn 700 000 self ġdid b’valur ta’ madwar EUR 6 296 miljun[3]. Ħafna mill-mikrokreditu fl-UE jingħata minn istituzzjonijiet mikrofinanzjarji li mhumiex kummerċjali (NGOs, fondazzjonijiet, korpi governattivi, banek promozzjonali fl-Istati Membri u istituzzjonijiet finanzjarji li mhumiex banek), imma dawn il-fornituri fil-preżent m’għandhomx il-kapaċità jew ir-riżorsi biex ilaħħqu ma’din id-domanda kbira.

Il-Parlament Ewropew irrikonoxxa l-problema u talab lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa mikrokreditu fl-UE bil-ħsieb li jingħata appoġġ għat-tkabbir u għall-impjiegi[4].

B’risposta għall-kriżi[5], fit-2 ta’ Lulju 2009 il-Kummissjoni adottat żewġ proposti leġiżlattivi, waħda biex tiffaċilita l-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress, u l-oħra biex tuża riżorsi mill-programm PROGRESS biex tiffinanzjah. Il-Parlament u l-Kunsill laħqu qbil dwarhom kmieni fl-2010 u mbagħad iffirmaw id-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali[6] ("id-Deċiżjoni”), li daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ April 2010.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-baġit tal-UE tlaħħaq EUR 100 miljun għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2010 sal-31 ta’ Diċembru 2013[7]. Minn dik is-somma, EUR 60 miljun ġejjin mill-programm PROGRESS[8] u EUR 40 miljun mill-marġini tal-baġit. Il-possibilità ta’ awtorità baġitarja li tiddeċiedi “ħlas lura” sa EUR 20 miljun lill-programm PROGRESS permezz tal-abbozz tal-baġit annwali fuq il-perjodu bejn l-2011 u l-2013 kienet parti mill-ftehim.

L-ewwel rapport annwali iqis l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress (il-Mikrofinanzjament għall-Progress). Skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni, huwa bbażat fuq ir-rapporti ta’ implimentazzjoni mressqa mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). Peress li l-Mikrofinanzjament għall-Progress kien stabbilit dan l-aħħar, dan ir-rapport jiffoka fuq il-karatteristiċi ewlenin tal-istrument, id-disinn tal-prodotti u l-ewwel stadji ta’ implimentazzjoni. L-aħħar tliet taqsimiet jiddeskrivu x-xogħol komunikattiv bejn il-Kummissjoni u l-FEI, kif il-Mikrofinanzjament għall-Progress jikkumplimenta strumenti oħra tal-UE u l-ħarsa ġenerali għal aktar żvilupp.

IL-Karatteristiċi Ewlenin tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress

L-għanijiet tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress huma tnejn: minn naħa waħda, din tagħmel il-mikrofinanzjament aktar disponibbli għal persuni li jixtiequ jibdew jew jiżviluppaw mikrointrapriżi, inkluż bi ħsieb ta’ impjieg indipendenti, billi tippermetti lill-fornituri tal-mikrokreditu fl-UE li jżidulhom s-self. Min-naħa l-oħra, dan itejjeb l-aċċess għall-mikrofinanzjament billi jnaqqas ir-riskji mġarrba mill-istituzzjonijiet ta’ mikrofinanzjament. Dan jippermetti lill-fornituri li jilħqu gruppi li normalment ma setgħux jinqdew, pereżempju għaliex ma setgħux ipoġġu garanzija adegwata fuq is-self jew inkella għax li kieku kellhom jirriflettu r-riskju reali, ir-rati ta’ interess ikollhom ikunu għolja ħafna. Il-Mikrofinanzjament għall-Progress huwa maħsub għal medda wiesgħa ta’ benefiċjarji aħħarin:

- Persuni li tilfu l-impjieg tagħhom jew li huma f’riskju li jitilfuh jew li qed isibu diffikultà biex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, individwi li qed jiffaċċjaw it-theddida tal-esklużjoni soċjali u nies vulnerabbli li huma żvantaġġati fejn jidħol aċċess għas-suq tal-kreditu konvenzjonali;

- Il-mikrointrapriżi, speċjalment fl-ekonomija soċjali, li jħaddmu persuni fil-kategoriji msemmija fil-paragrafu ta’ qabel dan[9].

Biex tintlaħaq din il-medda wiesgħa ta’ benefiċjarji aħħarin, għandhom ikunu disponibbli strumenti finanzjarji varji għall-fornituri tal-mikrokreditu. Id-Deċiżjoni[10] għalhekk toffri erba’ tipi ta’ strumenti finanzjarji: garanziji, strumenti ta' qsim ta' riskji, interessi u debitu. Dawn huma disponibbli għal korpi pubbliċi u privati stabbiliti fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali u li finalment iwasslu għal prodott wieħed – il-mikrokreditu – lil persuni u lil mikrointrapriżi fl-Istati Membri.

Biex ikunu żviluppati dawn l-istrumenti, twaqqfu żewġ strutturi separati:

- strument ta’ garanzija;

- strument ta’ investiment strutturat, fil-forma ta’ fonds commun de placement-fonds d’investissement spécialisé (FCP-FIS) skont il-liġi tal-Lussemburgu, li joffri strumenti ffinanzjati (debitu, ekwità u qsim ta’ riskji).

Il-Kummissjoni tikkalkula li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni ta’ EUR 100 miljun se żżid il-mikroself ta’ aktar minn EUR 500 miljun fuq tmien snin grazzi għal:

- Finanzjament addizzjonali minn investituri oħra. Huwa meqjus li l-investiment tal-UE jista’ jattira finanzjament minn terzi persuni. Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) huwa diġà marbut li jqabbel il-kontribuzzjoni tal-UE u jagħmel EUR 100 miljun disponibbli biex jintużaw bħala “strumenti ffinanzjati”. Mingħand investituri oħra hemm stennija ta’ EUR 47 miljun oħra.

- In-natura rotatorja tal-fondi. Il-fondi jistgħu jintużaw aktar minn darba waqt il-Faċilità ta' Mikrofinanzjament għall-Progress. Id-Deċiżjoni tistipula li l-aħħar investiment (mill-ġdid) isir sal-2016.

- Tkabbir iġġenerat mill-prodotti. L-istimi juru li kull euro marbut f’garanziji jista’ jiġġenera tal-anqas sitt euro f’mikrokreditu, waqt li l-istrumenti ffinanzjati huma mistennija li jkollhom effett ta’ tkabbir (leverage effect) ta’ bejn wieħed u tlieta.

It-Taqsimiet 3 u 4 jiddeskrivu t-twaqqif u l-karatteristiċi ewlenin tal-faċilità ta’ garanziji (guarantees window) u tal-istrumenti ffinanzjati rispettivament u min se jgawdi minnhom.

GARANZIJI SKONT IL-MIKROFINANZJAMENT GħALL-

It-twaqqif tal-faċilità ta’ garanziji tal-Mikrofinanzjament għall-Progress

Il-faċilità ta’ garanziji tnediet fl-1 ta’ Lulju 2010 skont Il-Ftehim ta’ Fiduċja u Ġestjoni (FMA) konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Fond Ewropew tal-Investiment. Minn total ta’ EUR 100 miljun disponibbli għall-Mikrofinanzjament għall-Progress, EUR 25 miljun se jkunu allokati għall-faċilità ta’ garanziji.

Karatteristiċi ewlenin

Il-faċilità ta’ garanziji ġiet ifformulata fuq il-mudell ta’ garanzija SMEG[11] tal-Programm tal-Kompetittività u tal-Innovazzjoni[12].

Il-grafika ta’ hawn taħt turi kif jaħdem l-istrument tal-garanziji. L-intermedjarji jistgħu japplikaw għall-garanziji billi jirrispondu għal sejħa miftuħa għall-espressjonijiet ta' interess ippubblikata fil-websajt tal-FEI[13]. Il-FEI jevalwa l-applikazzjonijiet u, wara li jkunu ġew approvati mill-Bord tal-FEI u l-Kummissjoni, jinnegozja il-kuntratti u jiffirmhom flimkien mal-intermedjarji.

Il-FEI joħroġ garanziji diretti lill-fornituri tal-mikrokreditu biex ikopru l-portafoll tal-mikroself, jew kontrogaranziji biex jiggarantixxu istituzzjonijiet li joħorġu garanziji biex ikopru l-portafolli ta’ mikroself tal-istituzzjonijiet ta’ mikrofinanzjament. Fiż-żewġ każijiet, ir-rata massima tal-garanzija hija 75 % tal-mikrokreditu sottostanti jew il-portafoll ta’ garanzija, waqt li l-intermedjarju jibqa’ responsabbli għal mill-anqas 20 %. Il-garanzija maħruġa mill-FEI tkopri l-ewwel telf, imma hemm qbil fuq limitu massimu għal kull portafoll ta’ garanzija, ibbażat fuq it-telf akkumulat mistenni tal-portafoll. L-obbligazzjoni massima tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress hija stipulata għal 20 % ta’ kull portafoll ta’ garanzija.

Il-garanziji għandhom ħajja sa tliet snin. Fil-prinċipju, huma mogħtija bla ħlas, imma l-intermedjarji jridu jħallsu ħlas tal-obligu jekk jonqsu milli jilħqu 90 % tal-volum miftiehem tal-portafoll, jiġifieri jekk joħorġu anqas minn 90 % tal-volum miftiehem tal-mikroself. Dan joffri l-inċentiv meħtieġ biex jintlaħqu l-benefiċjarji aħħarin u jinkiseb il-volum miftiehem tal-portafoll.[pic]

Addizzjonalità

Il-qbil mal-FEI jistipula li fondi mill-Mikrofinanzjament għall-Progress ma jistgħux jieħdu post garanziji ekwivalenti milqugħa mill-intermedjarji skont l-istrumenti finanzjarji tal-UE, dawk nazzjonali jew reġjonali fis-seħħ. Il-kriterji applikati huma l-effett fuq il-firxa ġeografika jew fuq l-ammont totali ta’ finanzjament mogħti lill-benefiċjarji aħħarin jew lil kull tip ta’ benefiċjarju aħħari, partikolarment lill-gruppi f’riskju.

Il-bilanċ ġeografiku

Il-FEI se tipprova tippromwovi distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata għall-Mikrofinanzjament għall-Progress. Il-ftehim jitlob li l-FEI joħroġ garanziji għal intermedjarji ġo mill-anqas 12-il Stat Membru sa tmiem l-2016 u biex jikkonforma ma’ limitu ta’ konċentrazzjoni fuq garanziji għal kull pajjiż[14].

Min jibbenefika?

Applikazzjonijiet minn istituzzjonijiet li jservu bħala benefiċjarji aħħarin koperti mid-Deċiżjoni biss huma eliġibbli. Huma għandhom jippreżentaw:

- jew garanziji għall-portafolli ta’ mikroself;

- jew mikrokreditu, kif definit fid-Deċiżjoni.

Fiż-żewġ każijiet, l-għan għandu jkun l-istabbilizzazzjoni u/jew l-iżvilupp ta’ mikrointrapriżi: il-mikroself mogħti mill-benefiċjarji aħħarin għandu jintuża biex jiffinanzja l-investiment, il-kapital li jitħaddem (working capital), inkluż l-akkwist ta’ liċenzji, u nfiq ieħor tal-bidu għall-mikrointrapriżi.

Din is-sejħa għall-espressjonijiet ta' interess intlaqet b’interess mill-intermedjarji, għalkemm finalment xi ftit minnhom ma applikawx. Il-parti l-kbira kienu istituzzjonijiet ta’ mikrokreditu żgħar ħafna u li joperaw lokalment, li ma kellhomx ir-rekwiżiti minimi fejn jidħlu volumi ta’ ffinanzjar iġġenerati (mill-anqas 100 mikroself fis-sena f’potafolli għall-Mikrofinanzjament għall-Progress). Dan ir-rekwiżit ta’ volum inaqqas ir-riskju għall-intermedjarju billi jiddiversifika l-portafolli u jassigura li jintlaħqu numru akbar ta’ benefiċjarji, imma ma jeskludix fornituri żgħar ta’ mikrokreditu. Fir-Renju Unit, pereżempju, tmien istituzzjonijiet żgħar ta’ mikrofinanzjament ġabru r-riżorsi tagħhom u waqqfu fond konġunt biex jibbenefikaw mill-Faċilità (f’dan il-każ strumenti ffinanzjati).

Sa tmiem l-2010, ġew iffirmati żewġ operazzjonijiet skont il-faċilità ta’ garanziji tal-Mikrofinanzjament għall-Progress, l-ewwel waħda mal-fornitur tal-mikrofinanzjament Belġjan microStart[15] u t-tieni mal-fondazzjoni Olandiża Qredits[16].

MicroStart

MicroStart hija istituzzjoni ta’mikrofinanzjament ġdida Belġjana li ma tagħmilx profitt u li hija mwaqqfa mill-bank BNP Paribas Fortis ma’ ADIE[17], fornitur ta’ mikrokreditu Fraċiż u wieħed mill-akbar fl-Ewropa. Il-Mikrofinanzjament għall-Progress jiggarantixxi lil microStart sa EUR 111 375 għal portafoll ta’ mikroself ta’ EUR 2,7 miljun b’rata ta’ garanzija ta’ 75 % u rata massima ta’ 5,5 %.

MicroStart tagħti mikroself lil mikrointraprendituri li ma għandhomx aċċess għal self konvenzjonali mill-bank, partikolarment lil persuni diżokkupati, benefiċjarji ta’ ħlasijiet ta’ benesseri u migranti, u tagħtihom appoġġ biex iwaqqfu u jiżviluppaw in-negozji tagħhom. Microstart se tikkonċentra l-ewwel operazzjonijiet tagħha fuq diversi żoni foqra fil-Belġju, bħal Saint-Gilles/Sint-Gillis[18], Saint-Josse-ten-Noode/Sint-Joost-ten-Node u Schaerbeek/ Schaarbeek, fejn ir-rata tal-qgħad tvarja minn 27 % sa 32 %. Hemm pjanijiet għall-estensjoni tal-operat tagħha għal Wallonia u Flanders sal-aħħar tal-2012.

Il-garanzija mill-Mikrofinanzjament għall-Progress wittiet it-triq għal BNP Paribas Fortis biex jinvolvi ruħu fit-twaqqif ta’ dan il-fornitur ġdid ta’ mikrokreditu. Dan ifisser li kellu impatt dirett fuq l-iffinanzjar totali mogħti lill-pubbliku destinatarju. B’kuntrast ma’ istituzzjonijiet ta’ mikrofinanzjament eżistenti fil-Belġju, li fil-parti l-kbira jkopru fl-ogħla tarf tas-suq[19], l-oġġettivi ta’ MicroStart huma kkonċentrati fuq it-tarf l-aktar baxx b’self medju ta’ bejn EUR 2 000 u 3 000. B’riżultat ta’ dan, microStart se jestendi l-medda ta’ mikrofinanzjament fil-Belġju, li s’issa kienet iffokata fuq proġetti akbar.

Qredits

Qredits hija fondazzjoni privata li mhijiex għall-profitt li bdiet topera fl-2009. Il-fundaturi tagħha jinkludu istituzzjonijiet kemm privati kif ukoll pubbliċi, bħall-Ministeru Olandiż għall-Affarijiet Soċjali u l-Impjiegi, il-Fond għall-Impjiegi u l-Għejxien u l-banek ABN AMRO, Fortis Bank Nederland, ING Nederland u Rabobank Nederland. Hija tirċievi garanzija ta’ EUR 1 300 500 mill-Mikrofinanzjament għall-Progress għal portafoll ta’ mikroself ta’ EUR 20,4 miljun b’rata ta’ garanzija ta’ 75 % u rata massima ta’ 8,5 %.

Qredits ma toffriex biss finanzjament imma wkoll konsulenza lil intraprendituri stabbiliti u n-negozjanti ġodda li għandhom pjan tan-negozju vijabbli imma ma għandhomx aċċess għal finanzjament kummerċjali. Hija tagħti wkoll mikroself lil benefiċjarji ġodda u klijenti f’riskju jew gruppi vulnerabbli, bħal persuni diżokkupati, nies fuq benefiċċji soċjali, żgħażagħ, anzjani, persuni b’reġistrazzjoni ta’ dejn mhux imħallas[20] u nies weħidhom.

Qabel ma Qredits irċeviet il-garanzija ta’ Mikrofinanzjament għall-Progress, il-mikroself għal negozji li għadhom jibdew kien jammonta għal 34 % biss tal-portafoll tagħha, minħabba li dawn it-tranżazzjonijiet għandhom riskju relattivament għoli. Il-garanzija tippermetti lil Qredits li testendi s-self għal negozju li għadhom jibdew (definiti bħala intraprendituri li l-istorja tan-negozju tagħhom ma taqbiżx it-tliet snin), inklużi gruppi vulnerabbli li joffru riskju akbar. Il-garanzija tippermetti wkoll li Qredits tnaqqas ir-rekwiżiti kollaterali għal ċerti mikrodebituri li nkella ma jkollhomx aċċess għall-iffinanzjar fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Tranżazzjonijiet futuri

Mil-lat ta’ tranżazzjonijiet futuri, il-FEI għadu jirċievi applikazzjonijiet li huma mistennija li jwasslu għal operazzjonijiet fl-2011.

Stumenti ffinanzjati

It-twaqqif tal-istrumenti tal-fonds commun de placement

Negozjati bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-FEI dwar it-twaqqif tal- fonds commun de placement-fonds d’investissement spécialisé (FCP-FIS) kienu konklużi lejn l-aħħar ta’ Ottubru 2010. Il-korp regolatorju tal-Lussemburgu[21] ta l-approvazzjoni finali għat-tnedija tal-FCP fit-22 ta’ Novembru 2010, id-data li fiha bdew joperaw l-istrumenti ffinanzjati. Minn total ta’ EUR 100 miljun disponibbli għall-Mikrofinanzjament għall-Progress għall-perjodu sal-2013, EUR 75 miljun se jkunu allokati għal strumenti ffinanzjati. Il-BEI se jikkontribwixxi EUR 100 miljun u investituri terzi huma mistennija jingħaqdu aktar tard b’investimenti miġbura sa EUR 50 miljun. Minn mindu ġiet adottata d-Deċiżjoni, il-Kummissjoni żiedet EUR 3 miljuni oħra[22].

Karatteristiċi ewlenin

Biex tintlaħaq medda wiesgħa ta’ benefiċjarji aħħarin, qed jiġu offruti varjetà ta’ prodotti skont l-FCP. Intermedjarji potenzjali jistgħu japplikaw għal erba’ tipi ta’ strumenti finanzjarji:

- kreditu preferenzjali [23];

- self subordinat (iffinanzjar subordinat għal kredituri preferenzjali);

- self bi tqassim tar-riskji (kreditu preferenzjali flimkien mal-parteċipazzjoni tar-riskju fil-portafoll tal-mikrokreditu);

- parteċipazzjoni azzjonarja (ekwità diretta jew indiretta f’forma ta’ investimenti f’ishma ordinarji jew preferenzjali).

Għal strumenti ffinanzjati, l-intermedjarji potenzjali huma mħajrin iressqu l-applikazzjonijiet direttament lill-FEI. Dan tal-aħħar jagħżel proposti minn qabel u jwettaq spezzjoni diliġenti. Wara l-approvazzjoni tal-Bord tal-FEI, il-kuntratt ikun innegozjat u ffirmat mill-FEI u mill-intermedjarju.

Il-grafika ta’ hawn taħt turi kif jaħdmu l-“istrumenti ffinanzjati” tal-Faċilità. Il-FCP twaqqaf bħala fond li jiġbor taħtu fondi oħra (umbrella fund), Il- Pjattaforma tal-Mikrofinanzjament tal-UE . Bħalissa, l-uniku sottofond tiegħu huwa l-Fond Ewropew ta’ Mikrofinanzjament għall-Progress, bil-Kummissjoni u l-BEI bħala l-investituri fundaturi u l-FEI bħala l-Kumpanija tal-Ġestjoni. Il-Kummissjoni żżomm l-unitajiet mhux preferenzjali li huma subordinati għall-unitajiet preferenzjali: dan ifisser li l-Kummissjoni ssofri l-ewwel telf nett li jaffettwaw l-assi tas-sottofond, waqt li l-BEI huwa protett bħala d-detentur ta’ unita preferenzjali kontra t-telf imġarrab mill-unitajiet mhux preferenzjali.

Addizzjonalità

Il-ftehim (ir-Regolament tal-Ġestjoni) li jgħaqqad il-FEI bħala Kumpanija tal-Ġestjoni tisħaq li l-ftehimiet operazzjonali konklużi ma’ intermedjarji finanzjarji għandhom iżidu l-aċċess u d-disponibilità għal strumenti ta’ mikrokreditu għal benefiċjarji aħħarin u ma jistgħux jieħdu post ftehimiet ekwivalenti konklużi minn intermedjarji skont strumenti nazzjonali jew reġjonali tal-UE fis-seħħ.

Il-bilanċ ġeografiku

Bil-ħsieb li jkun stabbilit bilanċ ġeografiku madwar l-UE, l-esponiment għall-intermedjarji f’kull Stat Membru ma jistax jaqbeż l-10 % tal-mira tal-impenn aggregat mill-investituri.[pic]

Min jibbenefika?

Bħal fil-każ tal-garanziji, fornituri ta’ mikrokreditu li l-attivitajiet tagħhom huma skont l-oġġettiv tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress[24] biss huma eliġibbli.

Peress li l-“istrumenti ffinanzjati” jibdew joperaw lejn l-aħħar tas-sena, fil-ħin tal-kitba ta’ dan ir-rapport kuntratt wieħed biss għadu ġie ffirmat, dak mal-istituzzjoni ta’ mikrofinanzjament Bulgara Mikrofond [25].

Mikrofond hija istituzzjoni mhux bankarja li bdiet topera fl-1999 bl-appoġġ tas-Soros Economic Development Foundation (SEDF) u finanzjament mill-United Bulgarian Bank u Raiffeisenbank. Mill-2003 lil hawn, għandha l-istatus legali ta’ kumpanija b'responsabbiltà limitata u attirat bosta banek għas-self[26] u lill-SEDF bħala investitur.

Permezz tas-self relattivament żgħir li toffri, b’medja ta’ EUR 3 000, Mikrofond primarjament timmira għal mikrointraprendituri li normalment ma għandhomx aċċess għal sorsi oħra ta’ ffinanzjar[27]. Waqt li fornituri oħra ta’ mikrokreditu jiffukaw fuq iż-żoni urbani madwar Sofia, Mikrofond għandha fergħat madwar il-Bulgarija kollha. Dan jippermettilha tkopri żoni rurali fejn ma hemmx ħafna banek, biex b’hekk timla l-vojt ta’ forniment ta’ kreditu. Il-klijenti ewlenin jinkludu għadd ta' membri mill-komunità Roma tal-Bulgarija.

Il-kreditu preferenzjali ta’ EUR 3 miljun mill-istrumenti ffinanzjati tal-Mikrofinanzjament Progress se jippermetti lil Mikrofond tespandi l-attivitajiet ta’ mikrokreditu tagħha, u biex tiffoka aktar speċifikament fuq il-komunità Roma li hija partikolarment f’riskju ta’ esklużjoni soċjali, faqar u qgħad.

Tranżazzjonijiet futuri

Bosta operazzjonijiet oħra huma fi stadju avvanzat ta’ preparazzjoni. Fit-13 ta’ Diċembru 2010 l-Bord tal-FEI approva investiment indirett ta’ ekwità f’fond ibbażat fir-Renju Unit. Applikazzjoni oħra minn istituzzjoni ta’ mikrofinanzjament Rumena għal kreditu preferenzjali kienet aċċettata mill-bord tal-FEI f’Jannar 2011. S’issa għadha ma ġiet miċħuda l-ebda proposta. Erba’ fornituri oħra ta’ mikrokreditu kkonfermaw l-interess tagħhom fl-istrumenti ffinanzjati, u l-FEI tistenna interess minn tmien intermedjarji potenzjali oħra fl-2011.

It-tbassir għat-tranżazzjonijiet skont l-FCP jissuġġerixxi li l-użu ta’ strumenti ffinanzjati ikun ġeografikament ibbilanċjat: Ibbażat fuq il-viżibilità kurrenti, 48 % tat-tranżazzjonijiet huma mistennija li jkunu ma’ intermedjarji fil-Punent tal-Ewropa u 52 % ma’ intermedjarji fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

Monitoraġġ u rrappurtar

Sabiex ikun żgurat li jintlaħaq l-għan tal-Mikrofinanzjament Progress, jiġifieri li tkun iffaċilitata d-disponibilità u l-aċċess tal-mikrofinanzjament għal nies li ma jistgħux jagħmlu użu minn servizzi bankarji konvenzjonali, huwa importanti għall-Kummissjoni li tanalizza x-xejra tal-assorbiment tal-fondi u l-impatt soċjali u ekonomiku tal-istrument, partikolarment fuq promozzjoni ta’ intraprendenza fost gruppi żvantaġġati.

Il-FEI għalhekk huwa mistenni jressaq rapporti semiannwali dwar in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-mikrokreditu milqugħa u miċħuda fuq livell intermedjarju, in-numru ta’ ftehimiet konklużi ma’ benefiċjarji aħħarin, id-distribuzzjoni ġeografika u settorjali tal-iffinanzjar u n-numru totali u t-tip ta’ benefiċjarji. Il-FEI min-naħa l-oħra teħtieġ intermedjarji finanzjarji biex jagħtu tagħrif perjodiku dwar dawn il-punti.

Kull sena l-FEI hija mitluba tressaq rapport dwar l-impatt soċjali tal-Mikrofinanzjament għall-Progress. L-intermedjarji għalhekk se jkunu involuti fil-ġbir tat-tagħrif dwar il-profil soċjali tal-benefiċjarji aħħarin, partikolarment dwar l-istatus tal-impjieg fil-ħin tal-applikazzjoni, il-kwalifiki edukattivi tagħhom, is-sess u l-età, u jekk humiex parti minn xi grupp speċifiku (pereżempju, dawk b’diżabilità jew minoritajiet). Tagħrif dwar in-numru ta’ impjegati huwa miġbur fil-bidu u fi tmiem il-mikroself biex jitkejjel l-impatt tal-Mikrofinanzjament għall-Progress inkwantu ta’ ħolqien ta’ impjiegi u biex tkun monitorjata s-sostenibilità tal-mikrointrapriżi li ngħataw l-appoġġ.

Il-komunikazzjoni

It-twaqqif tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress qajmet interess bejn kemm intermedjarji finanzjarji kif ukoll individwi privati li xtaqu jwaqqfu jew jiżviluppaw in-negozju tagħhom. Il-Kummissjoni u l-FEI ngħaqdu biex jagħtu tagħrif ċar dwar kif topera l-Faċilità. Il-FEI tagħmel dan permezz tal-websajt u ta’ kuntatti diretti mal-intermedjarji. Il-Kummissjoni tiffoka l-isforzi tagħha tal-komunikazzjoni fuq dawk li jfasslu l-politika, korpi li jmexxu l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-pubbliku ġenerali. Il-konferenza għall-partijiet involuti dwar il-“Mikrofinanzjament fl-Ewropa” li saret fi Brussell bejn id-9 u l-10 ta’ Novembru 2010[28] tat idea aktar ċara tal-kooperazzjoni mill-qrib u l-koordinazzjoni li għalihom id-dipartimenti tal-Kummissjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ mikrofinanzjament huma impenjati bis-sħiħ bil-ħsieb li tinkiseb il-komplimentarjetà bejn strumenti differenti. Id-dipartimenti kollha involuti tal-Kummissjoni u l-grupp tal-BEI kkontribwew għal dan l-avveniment, li mmarka t-tnedija tal-Mikrofinanzjament għall-Progress.

Il-komplementarjetà u l-koordinazzjoni mal-istrumenti l-oħra

It-twaqqif tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress wasslet għall-konsolidazzjoni u t-twittija tal-iffinanzjar u tal-garanziji maħruġa mill-Unjoni Ewropea biex tappoġġja il-mikrofinanzjament fl-UE.

Il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni għall-2007 sal-2013 (CIP), li huwa mmexxi wkoll mill-FEI, huwa strument li ilu mwaqqaf aktar u li joħroġ garanziji. Skont il-Faċilità ta' Garanzija ta’ Mikrokreditu tas-CIP, il-FEI jagħti garanziji għal self lil organizzazzjonijiet ta’ mikrokreditu (intermedjarji finanzjarji) li jagħtu self sa EUR 25 000 lil mikrointrapriżi. Minn Settembru 2010, il-Mikrofinanzjament għall-Progress għandu dritt għall-ewwel sejħa għal ftehim ta’ mikrokreditu. Dan ifisser li dawn jistgħu jiġu konklużi skont is-CIP f’każ li mhix possibbli li ssir tranżazzjoni skont il-Mikrofinanzjament għall-Progress, pereżempju meta ma hemmx baġit għal tal-aħħar, fejn l-intermedjarju jopera fi Stat li mhux membru u għalhekk mhux eliġibbli għal Mikrofinanzjament għall-Progress, fejn l-ammont jaqbeż il-limitu ta’ konċentrazzjoni għal kull Stat Membru jew fejn il-portafoll tal-intermedjarju jiffoka prinċipalment fuq il-kummerċ. Operazzjonijiet skont il-JEREMIE[29] bl-istess mod jikkumplimentaw dawk skont il-Mikrofinanzjament għall-Progress. Skont il-Fondi Strutturali u l-ġestjoni konġunta mal-Istati Membri, il-JEREMIE timmira li ttejjeb l-aċċess għall-iffinanzjar għall-espansjoni tal-SMEs u l-investiment għall-innovazzjoni u biex tiffinanzja t-twaqqif ta’ negozji ġodda, inklużi negozji żgħar ħafna.

Il-bżonn li tipprovdi appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għal fornituri ta’ mikrokreditu mhux bankarji mhuwiex l-għan tal-Mikrofinanzjament Progress, imma tal-JASMINE[30], li l-Kummissjoni u l-grupp tal-BEI waqqfu bħala proġett pilota għal tliet snin (2009-11) biex jagħti assistenza teknika u ffinanzjar lil fornituri ta’ mikrokreditu mhux bankarji stabbiliti fl-UE. Il-Kummissjoni appoġġjat il-komponent ta’ assistenza teknika ta’ JASMINE permezz ta’ fondi (EUR 7 miljuni) li kienu disponibbli mill-Parlament Ewropew għall-Kummissjoni fil-qafas tal-azzjoni preparatorja mitluba mill-Parlament Ewropew (EPPA). Dawn il-fondi jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet ta’ mikrofinanzjament fl-UE u jintużaw mill-Kummissjoni biex jagħtu finanzjament tal-bidu lil fornituri ta’ mikrokreditu mhux bankarji. Barra minn hekk l-ewwel żewġ garanziji milqugħa mill-garanzija tal-Mikrofinanzjament għall-Progress, microStart u Qredits setgħu jibbenefikaw ukoll minn investiment ta’ ekwità ta’ EUR 750 000 u self ta’ EUR 750 000 rispettivament għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet skont l-EPPA. Il-fondi mhux minfuqa tal-EPPA (EUR 3 miljun) ingħataw lill-istrumenti ffinanzjati tal-Mikrofinanzjament għall-Progress għal raġunijiet ta’ effiċjenza.

Il-Mikrofinanzjament għall-Progress jikkumplimenta wkoll lill-FSE, li għalih l-appoġġ għall-intraprenditorija hija waħda mill-prijoritajiet għall-perjodu ta’ programmar 2007-13. Huwa magħruf sew li r-rata ta’ suċċess ta’ negozji li għadhom jibdew tista’ tiżdied permezz ta’ bidu komprensiv u ta’ kwalità għolja u appoġġ għan-negozju mfassal skont il-ħtiġijiet tal-gruppi żvantaġġjati. Sbatax-il (17) Stat Membru qiesu dan bħala prijorità fil-programmi operazzjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni se tkompli tuża l-assistenza teknika tal-FSE biex tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri jtejbu l-kwalità tas-sistemi ta’ appoġġ għal nies li jixtiequ jikkonsolidaw in-negozji tagħhom jew inkella biex jibdew wieħed ġdid. L-għajnuna se tinkludi trasferimenti ta’ prassi tajba biex jintlaħqu aktar il-gruppi fil-mira u t-titjib fit-tmexxija f’diversi setturi u livelli.

Fl-aħħar nett, individwi li jieħdu mikroself jistgħu jingħataw lura rata ta’ interess permezz ta’ għażla offruta mir-Regolament tal-FSE[31]. L-awtoritajiet tat-tmexxija tal-FSE fl-Istati Membri jistgħu jiddisinjaw operazzjonijiet speċifiċi għall-mikrointraprendituri biex ikopru r-rata ta’ interess tas-self kollha jew parti minnha, ħaġa li tnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-mikrointraprendituri u, għalhekk tikkumplimenta l-Mikrofinanzjament għall-Progress. Madankollu, s’issa l-ebda Stat Membru ma indika li biħsiebu jagħmel użu minn din il-possibbiltà b’konnessjoni mal-Mikrofinanzjament għall-Progress.

Dehra u konklużjonijiet

Il-ftehimiet iffirmati u t-tbassir tat-tranżazzjonijiet jissuġġerixxu li l-istrumenti varji offruti huma attraenti għal medda aktar wiesgħa ta’ intermedjarji.

Bejn wieħed u ieħor terz tat-tranżazzjonijiet fi stadju ta’ preparazzjoni huma mistennija li jkunu ma’ banek u żewġ terzi ma’ entitajiet mhux bankarji. Rigward strumenti ffinanzjati, 53 % biss tal-kuntratti, f’termini ta’ volum, x'aktarx li jiġu ffirmati ma' banek żgħar u 47 % ma' istituzzjonijiet ta' mikrofinanzjament mhux bankarji. Dan ifisser li l-ewwel tranżazzjonijiet se jkunu bbilanċjati sew inkwantu ta’ tipi ta’ intermedjarji fil-mira, ħaġa li se tgħin ukoll biex tintlaħaq il-medda wiesgħa ta’ mikrodebituri fil-mira tal-Mikrofinanzjament għall-Progress.

S’issa, it-tranżazzjonijiet imbassra jindikaw interess akbar fi strumenti ffinanzjati milli f’garanziji, li jfisser li l-mod kif ir-riżorsi tal-UE ġew imqassma bejn iż-żewġ taqsimiet tal-Mikrofinanzjament għall-Progress (75 % kontra 25 %) kien korrett. Mill-medda ta’ prodotti offruti bl-FCP, il-kreditu preferenzjali, kif mistenni, kien l-aktar domandat (63 %). Madankollu, l-istrumenti finanzjarji disponibbli kollha, jiġifieri l-kreditu preferenzjali, kreditu subordinat, self bi tqassim ta’ riskji u ekwità diretta jew indiretta, huma inklużi fit-tbassir tat-tranżazzjonijiet, ħaġa li turi li l-medda wiesgħa ta’ prodotti tirrifletti d-domanda attwali fost l-intermedjarji fil-mira u tgħin it-tixrid mal-UE.

Il-Kummissjoni u l-FEI jistennew ukoll assorbiment tal-fondi sodisfaċenti. Fuq il-perjodu 2010-13, EUR 25 miljun se jkunu disponibbli kull sena għal-Mikrofinanzjament Progress.

Fl-2010 EUR 10 miljun intużaw għal garanziji u EUR 18-il miljun[32] għal strumenti ffinanzjati[33]. Kien hemm kontribuzzjoni ta’ EUR 24 miljun oħra mill-BEI li ttella’ l-ammont totali disponibbli għall-FCP għal EUR 42 miljun. Fl-2011 il-Kummissjoni żammet qrib il-EUR 5 miljun għall-garanziji[34] u l-EUR 20 miljun għall-istrumenti ffinanzjati.

Fejn jidħlu garanziji, EUR 8 miljuni oħra huma mistennija li jkunu assorbiti fl-2011, waqt li t-tbassir tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu strumenti ffinanzjati jissuġġerixxu li EUR 44 miljun se jkunu assorbiti sal-aħħar tas-sena.

Ir-rapport annwali li jmiss, ibbażat fuq ir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-2011 maħruġ mill-FEI, u li għandu jitressaq f’Ġunju 2012, se jivvaluta b’aktar dettall l-aċċessibilità tal-iffinanzjar għal setturi individwali u tipi ta’ benefiċjarji, flimkien mad-distribuzzjoni ġeografika u settorjali. Dan se jagħti indikazzjonijiet inizjali tal-impatt u s-sostenibilità tal-Mikrofinanzjament Progress.

[pic][pic][pic]

[1] L-Anness mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-mikrointrapriżi, u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju ( ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36) tiddefinixxi “mikrointrapriża” bħala intrapriża li tħaddem anqas minn 10 persuni u li l-qligħ annwali u/jew il-karta tal-bilanċi annwali tagħhom ma taqbiżx iż-EUR 2 miljun.

[2] Il-“mikrofinanzjament” huwa kunċett wiesa’ li jinkludi il-mikrokreditu, imma wkoll servizzi finanzjarji oħra bħat-tfaddil, il-mikroassigurazzjoni jew it-trasferimenti.

[3] Ara l-Komunikazzjoni “Inizjattiva Ewropea ġdida għall-iżvilupp tal-mikrokreditu b’appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi” (COM(2007) 708 finali/2 tal-20 ta’ Diċembru 2007)

[4] Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2009 li tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni fuq inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp tal-mikrokreditu b’appoġġ għat-tkabbir u għall-impjiegi (2008/2122(INI)).

[5] Ara l-Komunikazzjoni “Impenn Komuni għall-Impjiegi” (COM(2009) 257 tat-3 ta’ Ġunju 2009).

[6] ĠU L 87, 7.4.2010, p. 1.

[7] Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni.

[8] Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress, ĠU L 315, 15.11.2006, p. 1.

[9] L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni.

[10] L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni.

[11] Garanzija tal-SME

[12] Id-Deċizjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013), ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

[13] http://www.eif.org/what_we_do/microfinance/microcredit_guarantees/index.htm.

[14] Sakemm is-somma tal-obbligi tal-baġit jew ammonti oħra disponibbli għall-obbligi mhumiex aktar minn EUR 25 miljun, il-limitu ta’ konċentrazzjoni huwa ta’ EUR 4 miljun għal kull Stat Membru; 'il fuq minn EUR 25 miljun, huwa ta’ EUR 6 miljun jew 16 % tas-somma tal-obbligi tal-baġit jew ammonti oħra disponibbli għall-obbligi (japplika liema minn dawn iż-żewġ ammonti huwa l-anqas).

[15] Il-kuntratt iffirmat fil-15 ta’ Diċembru 2010.

[16] Il-kuntratt iffirmat fis-16 ta’ Diċembru 2010.

[17] Association pour le droit à l’initiative économique.

[18] Il-fergħa ta’ Saint-Gilles/Sint-Gillis se taqdi wkoll partijiet mill-muniċipji ta’ Anderlecht u Brussell.

[19] Il-fornitur ewlieni f’dan il-qasam fil-Belġju huwa Fonds de Participation, li jagħti mikrokreditu medju ta’ EUR 15 000 (2007).

[20] Qredits tikkunsidra l-informazzjoni mgħoddija mill-Uffiċju tal-Kreditu biex tevalwa id-dejn żejjed tal-applikanti.

[21] Commission de Surveillance du Secteur Financier (CSSF).

[22] L-ammont ta' EUR 3 miljuni ġew mill-Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew. Ara t-Taqsima 7.

[23] F’każ li dak li ssellef ifalli, il-kreditu preferenzjali għandu jitħallas qabel ma jitħallsu l-kredituri l-oħra.

[24] L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni.

[25] Il-kuntratt ġie ffirmat fit-18 ta’ Frar 2011.

[26] Deutsche Bank, Dexia Microcredit Fund, Oikocredit, Coop-Est u Alphabank.

[27] L-akbar fornitur ta’ mikrofinanzjament fil-Bulgarija huwa l-ProCredit Bank bi 78,59 % tas-suq tal-mikrokreditu. Huwa jikkonċentra aktar fuq l-SMEs milli fuq mikrointrapriżi u mikrointraprendituri.

[28] Il-paġna web b’links għall-preżentazzjonijiethttp://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=836&langId=en&eventsId=300&furtherEvents=yes.

[29] Riżorsi Konġunti Ewropej għall-Mikrointrapriżi u dawk ta' daqs medju.http://www.eif.europa.eu/what_we_do/jeremie/index.htm.

[30] Azzjoni Konġunta għall-Appoġġ tal-Istituzzjonijiet ta' Mikrofinanzjament fl-Ewropa.http://www.eif.europa.eu/what_we_do/microfinance/JASMINE/index.htm.

[31] Ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999, ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12.

[32] EUR 3 miljuni għall-EPPA.

[33] Għal garanziji EUR 6 miljuni tħallsu fil-kont ta’ Mikrofinanzjament Progress tal-FEI. Għall-istrumenti ffinanzjati, inġibdu EUR 15-il miljun waqt li tmexxew EUR 3 miljuni għas-sena ta’ wara.

[34] L-impenn għall-garanziji jammonta għal EUR 4 750 000. EUR 250 000 inżammu għal miżuri ta' appoġġ.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet