52011DC0149


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Protezzjoni konsulari taċ-ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi: Il-qagħda attwali u l-ġejjieni

/* KUMM(2011) 149 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 23.3.2011

KUMM(2011) 149 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Protezzjoni konsulari taċ-ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi:Il-qagħda attwali u l-ġejjieni

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Protezzjoni konsulari taċ-ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi:Il-qagħda attwali u l-ġejjieni

Ċittadin tal-UE li jkun jivvjaġġa lejn jew ikun qed jgħix f'pajjiż terz fejn l-Istat Membru tiegħu ma jkunx rappreżentat għandu dritt, skont it-Trattati tal-UE, għal protezzjoni mill- awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru bl-istess kundizzjonijiet bħall-persuni bin-nazzjonalità ta' dak l-Istat.

Id-dritt li tikseb protezzjoni konsulari[1] minn Stat Membru bl-istess kundizzjonijiet bħall-persuni bin-nazzjonalità ta' dak l-Istat Membru huwa wieħed mid-drittijiet speċifiċi li t-Trattat jagħti liċ-ċittadini tal-UE u jżid dimensjoni esterna għall-kunċett taċ- ċittadinanza tal-Unjoni . Huwa jsaħħaħ l-idea ta’ solidarjetà Ewropea u l-identità tal-Unjoni f’pajjiżi terzi.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tivvaluta l-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni konsulari effettiva f’pajjiżi terzi kif imħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni tal-2007-2009[2] u biex tippreżenta x'hemm għall-ġejjieni abbażi tal-esperjenza miksuba u l-qafas istituzzjonali mġedded.

Din il-Komunikazzjoni taqdi l-obbligu tal-Kummissjoni skont it-Trattat li tirraporta kull tliet snin dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-protezzjoni konsulari, kif imħabbra mill-Kummissjoni fir-Rapport tagħha skont l-Artikolu 25 tat-TFUE dwar il-progress lejn Ċittadinanza Ewropea effettiva 2007-2010[3].

Il-Komunikazzjoni tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Azzjoni 8 tar-“ Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 – Inżarmaw l-ostakoli għad-drittitjiet taċ-ċittadini tal-UE ”[4], inizjattiva strateġika tal-Kummissjoni, li tiffoka fuq l-ostakoli li ċ-ċittadini għadhom jiffaċċaw, notevolment meta jaqsmu l-konfini, u tippreżentalhom rimedji..

Il-Kommunikazzjoni hija l-ewwel risposta għall-Kunsill Ewropew, li fit-2 ta’ Diċembru 2009, fil-Programm ta’ Stokkolma, stieden lill-Kummissjoni “tqis miżuri adatti li jistabbilixxu l-kordinazzjoni u l-koperazzjoni meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari f'konformità mal-Artikolu 23 tat-TFUE”[5].

1. FEJN NINSABU LLUM

Il-bżonn taċ-ċittadini tal-UE għall-protezzjoni konsulari huwa mistenni jiżdid fis-snin li ġejjin. Skont l-istatistika tal-Eurostat[6] in-numru ta’ vjaġġi li ċ-ċittadini tal-UE jagħmlu lejn pajjiżi terzi żdied minn iktar minn 80 miljun fl-2005 għal iktar minn 90 miljun vjaġġ fl-2008 u l-attività mistennija tiżdid aktar[7]. Iktar minn 30 miljun ċittadin tal-UE huma stmati li jgħixu permanentament f’pajjiż terz, iżda l-Istati Membri kollha huma rappreżentati fl-Istati Uniti, iċ-Ċina u r-Russja biss. Kriżijiet maġġuri riċenti affettwaw numru konsiderevoli ta’ ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi (pereżempju l-Libja, l-Eġittu u il-Baħrejn wara l-irvellijiet demokratiċi tar-rebbiegħa 2011; il-Ġappun wara t-terremot ta’ Marzu 2011; Ħaiti wara t-terremot ta’ Jannar 2010; is-sħaba tal-irmied vulkaniku tal-Islanda fir-rebbiegħa 2010)[8] u wrew il-bżonn għall-protezzjoni konsulari hi x’inhi in-nazzjonalità taċ-ċittadin tal-UE. Iktar minn 100 000 ċittadin tal-UE kienu preżenti f'dawn il-pajjiżi terzi meta seħħet il-kriżi. Fiċ-ċirkostanzi attwali jidher partikolarment relevanti li tissaħħaħ ulterjorment l-effettività tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jkunu assistiti f’pajjiżi terzi skont il-bżonnijiet differenti tagħhom (pereżempju sostenn prattiku, saħħa jew trasport). Bil-baġits pubbliċi taħt pressjoni, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom bżonn li jrawmu koperazzjoni biex jottimizzaw l-effettività tal-użu tar-riżorsi.

[pic]

Minkejja li l-protezzjoni konsulari pprovduta mill-Istati Membri tvarja, il-maġġorità taċ-ċittadini tal-UE[9] (62%) jistennew l-istess tip ta’ għajnuna hi ta' liema Stat Membru hi l-ambaxxata li jduru fuqha. Terz taċ-ċittadini tal-UE (28%) jistennew almenu standard minimu ta’ għajnuna pprovduta minn kwalunkwe Stat Membru.

1.1. Il-qafas legali ġdid

It-Trattat ta’ Lisbona jikkunsidra il- bżonn akbar għal dimensjoni Ewropea għall-protezzjoni konsulari ; Huwa jirrinforza u jikkjarifika l-kapċità tal-Unjoni li tieħu azzjoni. Id-dritt ta’ ċittadini tal-UE mhux rappreżentati li jgawdu protezzjoni mill-awtoritajiet konsulari u diplomatiċi ta’ Stat Membru ieħor bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk bin-nazzjonalità ta’ dak l-Istat huwa minqux fl-Artikoli 20(2)(c) u 23 tat-TFUE u l-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Skont it-test ta' dawn it-tliet dispożizzjonijiet, iċ-ċittadini tal-UE "għandhom igawdu d-drittijiet […] għal-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat”. Dan jagħti dritt ċar individwali liċ-ċittadini[10] ta’ Stat Membru li jkunu trattati b’mod ugwali mill-awtoritajiet konsulari ta’ Stat Membru ieħor fit-territorju ta’ pajjiż terz fejn l-Istat Membru tagħhom mhux rappreżentat. L-istatus bħala ċittadin tal-Unjoni huwa mmirat li jkun l-istatus fundamentali tal-persuni bin-nazzjonalità tal-Istati Membri[11] u l-liġi tal-Unjoni tagħti drittijiet individwali inter alia biex tiggarantixxi l-effett sħiħ tal-intitolamenti legali taċ-ċittadini.

Id-dritt għal protezzjoni mill-awtoritajiet konsulari u diplomatiċi kif dispost fl-Artikolu 23 tat-TFUE huwa soġġett għar-reviżjoni ġudizzjarja . Id-dispożizzjonijiet tal-Parti Tnejn tat-TFUE huma taħt reviżjoni sħiħa tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Il-Qrati nazzjonali jridu japplikaw l-Artikolu 23 tat-TFUE bħal kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-liġi tal-Unjoni; id-dritt għal reviżjoni ġudizzjarja huwa prinċipju ġenerali tal-liġi li jorbot l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet meta jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni[12] li huwa kodifikat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Ċittadini tal-UE mhux rappreżentati għandhom id-dritt li t-talba tagħhom għal protezzjoni konsulari tkun debitament ikkunsidrata; deċiżjoni ta’ rifjut hija soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja u skont il-każistika stabbilita fuq ir-responsabbiltà tal-Istat tista' timponi responsabbiltà għad-dannu kawżat.

Skont ir-reġim legali preċedenti l-Istati Membri kellhom jistabbilixxu r-regoli neċessarji bejniethom.[13] Żewġ deċiżjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kienu adottati (id-Deċiżjoni 95/553/KE dwar il-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE[14] mhux rappreżentati u d-Deċiżjoni 96/409/PESK rigward id-Dokumenti Proviżorji tal-Ivvjaġġar [15]. It-Trattat ta’ Lisbona jabbanduna l-loġika preċedenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet intergovernattivi sui generis. L-Artikolu 23(2) tat-TFUE jawtorizza lill-Kummissjoni[16] bid- dritt-li tieħu inizjattiva leġiżlattiva . i.e. tipproponi direttivi li jistabbilixxu l-miżuri ta’ koperazzjoni u kordinazzjoni neċessarji biex jiffaċilitaw tali protezzjoni . Wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata[17].

It-Trattat ta' Lisbona jipprovdi wkoll għall-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)[18] li kien varat fl-1 ta’ Jannar 2011. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE[19] fl-Artikolu 5(10) tipprovdi li d-Delegazzjonijiet tal-Unjoni għandhom, fuq talba tal-Istati Membri, jappoġġawhom fir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħhom u fir-rwol tagħhom li jipprovdu protezzjoni liċ-ċittadini tal-UE f'pajiżi terzi fuq bażi ta' riżorsi newtrali.

1.2. Il-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE llum

Illum, iċ-ċittadini mhumiex suffiċjentement konxji tad-dritt tagħhom skont it-Trattat għal trattament ugwali fir-rigward tal-protezzjoni konsulari. In-numru ta’ każijiet fejn ċittadini tal-UE talbu protezzjoni konsulari minn Stat Membru ieħor huwa baxx u mhux l-Istati Membri kollha jiġbru d-dejta u l-istatistika relevanti. Fil-15 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet konsultazzjoni pubblika fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, inkluża il-protezzjoni konsulari. Il-kwistjonijiet imqajma kienu diskussi waqt konferenza dwar iċ-Ċittadinanza fl-1 u t-2 ta' Lulju 2010 li laqqgħet flimkien il-partijiet involuti relevanti. Rappreżentanti mis-soċjetà ċivili u d-dinja akkademika argumentaw li taħt il-qafas istituzzjonali l-ġdid il-Kummissjoni għandha żżid l-isforzi tagħha biex tagħmel l-Artikolu 23 tat-TFUE iktar effettiv. Il-Parlament Ewropew repettittivament ukoll sejjaħ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-implimentazzjoni prattika tal-protezzjoni konsulari[20].

Biex tiżdied ulterjorment l-effettività, il-Kummissjoni tikkunsidra li jeħtieġ isiru sforzi akbar biex:

- titqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-UE dwar id-dritt li jmorru għand ambaxxati/konsulati ta’ Stati Membri oħra, kif jikkuntattjaw dawn il-faċilitajiet u liema tip ta’ għajnuna tista’ tkun offruta;

- titqajjem kuxejnza dwar id-dimensjoni tal-UE tal-protezzjoni konsulari fost l-uffiċjali konsulari nazzjonali;

- titjieb iċ-ċertezza legali rigward l-ambitu, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri relatati mal-protezzjoni konsulari;

- titjib il-kondiviżjoni tal-piżijiet u l-użu tar-riżorsi, anke fi żminijiet ta' kriżi.

Il-politiki Ewropej iridu jimmiraw għar-riżultati għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE. It-Trattat ta’ Lisbona jipprovdi opportunitajiet ġodda biex itejjeb ulterjorment il-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati. Il-Kummissjoni ser taħdem mill-qrib f’partenarjat mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Istati Membri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u partijiet involuti oħrajn dwar l-azzjonijiet proposti fit-tielet parti tal-Komunikazzjoni.

2. RENDIKONT – PJAN TA’ AZZJONI 2007-2009 U LIL HINN MINNHOM

Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għall-2007-2009, il-Kummissjoni ipproponiet sett ta’ miżuri biex isaħħu l-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari li jistgħu jkunu maqsumin fit tliet kategoriji: 1) miżuri ta’ informazzjoni, 2) tissaħħaħ u tiġi kkjarifikata l-protezzjoni, 3) jiżdiedu l-isforzi konġunti f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi u fir-rigward ta’ riżorsi komuni.

2.1. Miżuri ta’ informazzjonu

2.1.1. Ninfurmaw liċ-ċittadini tal-UE

Biex tinforma liċ-ċittadini tal-UE l-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni fil-5 ta’ Diċembru 2007 li tistieden lill-Istati Membri biex jirriproduċu l-kliem tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 20 tat-TKE (li jikkorrispondi għall-Artikolu 23 tat-TFUE) fil-passaporti nazzjonali maħruġa wara l-1 ta' Lulju 2009. Ħafna mill-Istati Membri irreagġixxew pożittivament u ddeċidew li jinkludu l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20 tat-TKE jew verżjoni parafrażata tagħha fil-passaporti l-ġodda tagħhom[21]. Xi Stati Membri mhux se jagħmlu dan jew għadhom ma ddeċidewx fuq il-kwistjoni[22].

Il-Kummissjoni ulterjorment varat kampanja ta’ informazzjoni . F’Marzu 2008 intbagħtu kartelluni li jispjegaw id-dispożizzjoni tat-Trattat dwar il-protezzjoni konsulari fi kliem faċli għall-utent lil 35 ajruport ewlieni fl-Istati Membri kollha b’koperazzjoni mall-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti (ACI). F’Ġunju 2008, il-materjal ta' informazzjoni intbagħat lil iktar minn 10 000 aġenzija tal-ivjaġġar fi 15-il Stat Membru b'koperazzjoni mal-assoċjazzjoni Ewropea tal-aġenziji tal-ivjaġġar u l-operaturi turistiċi (ECTAA).

2.1.2. Seminars għall-uffiċjali konsulari

Bħala segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, il-Kummissjoni flimkien mal-Presidenzi tal-UE organizzat bosta seminars biex ikunu diskussi l-problemi komuni u tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni. Dawn is-seminars bdew taħt il-Presidenza Portugiża f’ Lisbona f’Novembru 2007. Rigward iċ-ċittadini tal-UE, mhux rappreżentati, fil komuni kien li l-koperazzjoni fuq il-post hija prinċipalment ibbażata fuq arranġamenti ad hoc u kuntatti informali. Is-seminars li segwew saru f’ Ljubljana (Ġunju 2008), Strasburgu (Ottubru 2008), Praga (April 2009) u Brussell (Settembru 2010). Is-seminars f’Ljubjana u Praga u dak fi Brussell iffukaw fuq il-protezzjoni konsulari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, waqt li dak fi Strasburgu kien dwar ir-rwol tal-Konsolati tal-Istati Membri fl-UE. Is-seminars urew l-ambitu għall-iktar koperazzjoni, inkluż permezz ta’ taħriġ xieraq u rimbors finanzjarju f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

2.2. L-Identifikazzjoni tal-ambitu tal-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE

2.2.1. Analiżi komparattiva tar-regoli u l-prattiki

Il-limitu tal-protezzjoni konsulari jvarja bejn l-Istati Membri u d-diskrepanzi jistgħu jagħmlu l-koperazzjoni u l-kordinazzjoni mill-awtoritajiet konsulari u diplomatiċi aktar diffiċli. Il-Kummissjoni għamlet analiżi kumparattiva tal-estent u n-natura tad-diskrepanzi[23]. Regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni konsulari juru diverġenzi sinifikanti (pereżempju fir-rigward tal-livell tat-tariffi) iżda wkoll ħafna fatturi komuni u bosta prattiki tajbin (pereżempju it-tressiq ta’ vittmi ta' kriminalità vjolenti lejn organizzazzjoni ta' sostenn). Prattiki komuni jinkludu s-sitwazzjonijiet ta’ kuljum li fihom il-konsulati tal-Istati Membri kollha u l-missjonijiet jipprovdu assistenza (pereżempju mewt, aċċident jew mard serju, arrest jew detenzjoni) u l-assistenza mogħtija f’dawn il-każijiet (pereżempju f’każ ta’ aċċident jew mard serju l-Istati Membri kollha jinfurmaw lill-familji taċ-ċittadini tal-UE, jipprovdu informazzjoni dwar kura medika disponibbli, etc.). Oqsma fejn jistgħu jkunu kondiviżi l-aħjar prattiki (pereżempju assistenza f’każijiet li jinvolvu mard mentali) kienu identifikati.

2.2.2. Ambitu u proċeduri imsaħħa

Il-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE li għandhom nazzjonalità ta’ pajjiż terz huma spiss esklużi mill-assistenza konsulari. Meta jkunu assisti, il-kategoriji ta’ membri tal-familja inklużi jidher li jvarjaw kif ukoll iċ-ċirkostanzi li fihom jinagħtaw assistenza. Id-deċiżjonijiet jidher li jittieħdu skont il-każ mingħajr kriterji ċari, għalkemm fi żmien ta' kriżi r-regoli dwar il-familjari għadhom it-tendenza li jkunu applikati b'mod iktar komprensiv.

Ċittadini tal-UE fil-periklu jistgħu jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet fejn ikunu mċaħħda mill-mezzi finanzjarji neċessarji (pereżempju. wara li jkunu vittmi ta' kriminalità). Il-Kummissjoni eżaminat il-proċeduri tal- avvanzi finanzjarji . L-Istati Membri jipprovdu avvanzi finanzjarji liċ-ċittadini fl-inkwiet f'ċirkostanzi limitati biss u skont kundizzjonijiet stretti. Rigward il-forma tar-rimbors inkluż bħala anness għall-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 95/553/KE mhux komunament użat. Dwar l- identifikazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-mejjet , il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1973 dwar it-trasferiment tal-katavri[24] hija attwallment ratifikata minn 16-il Stat Membru. Il-konvenzjoni tissilmplifika il-formalitajiet rikjesti mit-trasferiment internazzjonali tal-katavri permezz ta' "laissez-passer" internazzjonali. F'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jaderixxu mal-Konvenzjoni. Madanakollu, ma kienx hemm progress sinifikanti fir-ratifikazzjoni, li hija prekundizzjoni biex jingħata bidu għal negozjati multilaterali f'dan il-qasam.

Skont il-liġi internazzjonali, il-protezzjoni konsulari ta' ċittadin minn Stat ieħor tirrikjedi il- kunsens tal-Istat riċevitur . Huwa argumentat li skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari[25] notifika unilaterali lill-pajjiż terz hi biżżejjed, li madanakollu tkun teħtieġ li s-27 Stat Membru jinnotifikaw unilateralment lill-pajjiż terz. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tinkoraġġixxi lill-Istati Mebri jinkludu klawsola ta' kunsens fi ftehimiet bilaterali futuri ma’ pajjiżi terzi, i.e. klawsola li tiddisponi għall-qbil ta' Stat terz li l-awtoritajiet konsulari u diplomatiċi ta' Stat Membru rappreżentat jistgħu jipprovdu protezzjoni lill-persuni b'nazzjonalità ta' Stati Membri mhux rappreżentati bl-istess kundizzjonijiet bħall tal-persuni bin-nazzjonalità tiegħu stess. Il-Kummissjoni - f'kunsiderazzjoni dovuta għall-ispeċifiċità ta' kull negozjazzjoni – ipproponiet li tinkludi klawsola ta' kunsens fi ftehimiet imħallta ma’ ċerti pajjiżi terzi. In-negozjati għadhom għaddejjin.

2.3. Sforzi konġunti – f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u fuq il-post

2.3.1. Protezzjoni konsulari fi żminijiet ta' kriżi

Waqt kriżijiet riċenti, il-Kummissjoni appoġġat l-assistenza tal-Istati Membri liċ-ċittadini tal-UE b’numru ta’ modi. Fuq il-post, id-delagazzjonijiet tal-UE pprovdew sostenn f'każijiet speċifiċi. It-Trattat jipprovdi li l-missjonijiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri u d-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-protezzjoni konsulari kif referut fit-Trattat[26]. Id-Delegazzjonijiet tal-UE jappoġġaw l-Istati Membri meta mitluba jagħmlu dan partikolarment fl-avveniment ta’ kriżi. Twaqqfet linja baġitarja żgħira apposta għad-Delegazzjonijiet tal-UE biex jassistu, jekk mitluba, b'sostenn loġistiku. Dan seħħ waqt il-kriżi ta' Gaża f'Jannar tal-2009 meta kważi 100 persuna kienu evakwati f'karozzi tal-linja korazzati grazzi għas-sostenn tad-Delegazzjoni tal-UE.

Sa minn Novembru tal-2007, il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE (il-Mekkaniżmu) jista' jintuża biex isostni assistenza konsulari liċ-ċittadini tal-UE f'pajjiżi terzi fir-rigward ta' attivitajiet ta' protezzjoni ċivili, jekk mitlub mill-awtoritajiet konsulari tal-Istati Membri[27]. Meta l-Mekkaniżmu jkun attivat, Iċ-Ċentru ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni (ĊMI) tal-Kummissjoni Ewropea li huwa iċ-ċentru tal-Mekkaniżmu jagħti aċċess għal netwerk wiesa’ ta’ riżorsi ta’ protezzjoni ċivili disponibbli mill-31 pajjiż parteċipant (l-Istati Membri, il-pajjiżi taż-ŻEE u l-Kroazja), li jippermettu għall-ġabra u l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi (pereżempju mezzi ta’ trasport, assistenza medika u evakwazzjoni, kenn temporanju, eċċ.) u għall-iskambju ta’ informazzjoni. Wara l-kriżi tal-attak terroristiku f'Mumbai f'Novembru tal-2008 ajruplan Medevac Svediż , kofinanzjat mill-Kummissjoni miċ-ĊMI, evakwa sitt Ewropej midruba. Riċentament, il-Mekkaniżmu reġa kien attivat fil-kuntest tal-kriżi Libjana biex jappoġġa l-awtoritajiet konsulari fl-evakwazzjoni rapida taċ-ċittadini tal-UE. Iċ-ĊMI kkontribwixxa għall-operazzjonijiet għaddejjin tal-Istati Membri billi ffaċilita l-organizzazzjoni tat-trasport, identifika mezzi tat-trasport addizzjonali għar-raġunijiet ta’ evakwazzjoni, u kkofinanzja l-kostijiet ta' ċerti assi tal-Istati Membri. Pereżempju, l-Ungerija għamlet inġenju tal-ajru disponibbli, li kien ikkofinanzjat permezz taċ-ĊMI, biex tevakwa 29 Rumen, 27 Ungeriż, 20 Bulgaru, 8 Ġermaniżi, 6 Ċeki u 6 persuni oħra bin-nazzjonalità tal-UE, u le, minn Tripli. Kollaborazzjoni mill-qrib mal-militar żgurat li ċ-ĊMI serva ta' fus ta’ informazzjoni bejn il-fornituri tat-trasport u l-awtoritajiet konsulari.

Matul kriżijiet riċenti (pereżempju l-Libja, l-Eġittu, Ħaiti, is-sħaba tal-irmied vulkaniku tal-Islanda) l-assistenza konsulari kienet ikkordinata permezz ta' telekonferenzi u faċilitajiet tas-sit web sikur għall-kondiviżjoni ta ’ informazzjoni (“Consular On-Line) ipprovduti miċ-Ċentru Konġunt għas-Sitwazzjonijiet tal-UE. Tali kordinazzjoni kienet utli u strumentali fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali fuq il-post, prinċipalment dwar il-preżenza taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-kapaċitajiet disponibbli tal-Istati Membri. Azzjonijiet ulterjuri biex isaħħu l-koperazzjoni u s-solidarjetà bejn il-konsulati f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, bħal f’każijiet fejn il-mobbiltà internazzjonali u fl-UE taċ-ċittadini tal-UE hija serjament affettwata, huma is-suġġet ta’ diskussjonijiet fil-fora relevanti (affarijiet konsulari, protezzjoni ċivili, trasport, etc.) Huwa importanti jkun żgurat li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkunu evakwati fil-ħin, mhux biss dawk li r-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi tagħhom ikunu preżenti fil-pajjiż terz ikkonċernat. Il-kriżi attwali fil-Libja, fejn l-Istati Membri evakwaw ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra kienet eżempju tajjeb tas-solidarjetà Ewropea u l-valur miżjud li l-istrumenti tal-Unjoni jistgħu jġibu magħhom. L-ebda ċittadin tal-UE ma għandu jitħalla l-art.

2.3.2. Proġett pilota ta’ uffiċċji komuni

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-2007-2009 issuġġerixxa t-twaqqif ta' uffiċċju komuni f'koperazzjoni mal-Istati Membri bħala proġett pilota. Uffiċċji komuni, jiġifieri arranġamenti ta’ kolokazzjoni, tal-Istati Membri u d-delegazzjoni tal-UE f'pajjiż terz partikolari jistgħu potenzjalment, jiffrankaw il-kostijiet, itejbu l-koperazzjoni reċiproka tal-persunal tal-konsulati nazzjonali u jpattu għal preżenza konsulari limitata. Għandhom ikunu aċċessibbli għaċ-ċittadini tal-UE kollha. Iċ-ċentru komuni għall-applikazzjoni għall-viża fir-Repubblika tal-Moldova, minkejja li jwettaq kompiti differenti, huwa l-ewwel pass f'din id-direzzjoni.

3. IT-TRIQ ’IL QUDDIEM:

Il-Kunsill Ewropew meta endorsja l-Programm ta' Stokkolma stieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra miżuri xierqa li jistabbilixxu l-kordinazzjoni u l-koperazzjoni neċessarji biex jiffaċilitaw il-protezzjoni konsulari[28].

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tikkunsidra azzjonijiet fil-qasam tal-protezzzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE li se tkun ibbażata fuq tliet pilastri .

- żieda fit-tqajjim tal-kuxjenza permezz ta' miżuri ta' informazzjoni mmirati ;

- proposti taħt il-qafas legali ġdid tat-Trattat ta’ Lisbona ;

- kondiviżjoni mtejba tal-piżijiet u użu ottimizzat tar-riżorsi , inkluż f'sitwazzjonijiet ta' kriżi.

Fit-tħejjija ta’ dawn il-proposti, il-Kummissjoni se tikkonsulta mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, waqt li tqis bis-sħiħ il-prinċipju tan-newtralità tar-riżorsi fir-rigward tar-rwol tad-Delegazzjonijiet tal-UE.

3.1. Żieda fit-tqajjim tal-kuxjenza permezz ta' miżuri ta' informazzjoni mmirati

3.1.1. Tqajjim tal-kuxjenza taċ-ċittadini tal-UE

Fil-Programm ta' Stokkolma l-Kunsill Ewropew innota li l-protezzjoni konsulari mhix ippubbliċizzata sew u li huwa meħtieġ iktar sforz biex jiżgura l-applikazzjoni sħiħa tagħha[29]. Il-Kummissjoni qiegħda għalhekk tvara sit web dedikat [30] dwar il-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini . L-għan tas-sit web hu li jagħmel liċ-ċittadini aktar konxji ta' dan id-dritt u jtejjeb l-aċċess għall-informazzjoni billi joħloq punt ta' dħul waħdieni. Is-sit web se jinforma liċ-ċittadini tal-UE dwar l-indirizzi tal-missjonijiet konsulari u diplomatiċi f’pajjiżi li mhumiex fl-UE li jistgħu jduru fuqhom għall-protezzjoni. Hija se tipprovdi wkoll aċċess għal servizz ta’ konsulenza dwar l-ivvjaġġar tal-Istati Membri kollha. Is-sit web se jiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini għal "Europe Direct" bħala linja telefonika waħdanija biex tinforma dwar il-protezzjoni konsulari[31].

Il-Komunikazzjoni dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jiksbu protezzjoni konsulari minn Stat Membru bl-istess kundizzjonijiet ta’ persuni bin-nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru huwa responsabbiltà konġunta tal-Kummissjoni u l-Istati Membri. Iċ-ċittadini għandhom ikunu infurmati b'dak li jistgħu u ma jistgħux jistennew, pereżempju li l-Istati Membri ġeneralment ma jipprovdux intervent f'disputi legali. Is-siti web tal-Ministeri tal-Affarijiet Barranin għandhom jipprovdu informazzjoni dwar dan id-dritt u ħolqa mas-sit web tal-Kummissjoni. L-Istati Membri jistgħu jinfurmaw liċ-ċittadini tagħhom dwar dan id-dritt meta joħorġu l-passaporti. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill qrib f’partenarjat mal- Istati Membri dwar it-tqajjim ta' kuxjenza, tibda b'seminar iddedikat għalhekk organizzat f'Ġunju tal-2011 flimkien mal-Presidenza Ungeriża. Il-Kummissjoni tikkopera ma assoċjazzjonijiet tal-ivjaġġar u espatrijazzjoni u NGOs (għax ħafna vjaġġaturi u residenti f'pajjiżi terzi qegħdin hemm għal raġunijiet ta' xogħol). Il-Kummissjoni se tesplora wkoll mal-pubblikaturi l-possibbiltà li tagħti informazzjoni dwar protezzjoni konsulari kif ukoll dwar id-drittijiet tal-passiġġieri permezz ta’ gwidi tal-ivvjaġġar u l-internet.

Fuq il-post f'pajjiżi terzi, l-konsolati u l-ambaxxati tal-Istati Membri u d-delagazzjonijiet tal-UE jistgħu wkoll iqassmu informazzjoni (e.ż. jipprovdu informazzjoni fuq is-siti web lokali tal-konsolati u l-ambaxxati jew fil-bini tagħhom, jikkuntattjaw multiplikaturi lokali bħall-klabbs tal-vjaġġaturi, lukandi ewlenin jew assoċjazzjonijiet lokali tal-espatrijazzjoni). Jistgħu jżidu l-kuxjenza u l-għarfien dwar l-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi li jistgħu sussegwentement jgħaddu l-informazzjoni lill-l-awtoritajiet lokali tagħhom (pereżempju għases tal-pulizija)

Meta tipprovdi informazzjoni dwar id-dritt għall-protezzjoni konsulari permezz tal-azzjonijiet li jqajmu kuxjenza, il-Kummsissjoni se tqis il-varjetà fil-liġijiet konsulari tal-Istati Membri u l-livelli ta’ protezzjoni konsulari.

3.1.2. Tqajjim tal-kuxjenza tal-uffiċjali konsulari

L-Uffiċjali konsulari għadhom biss parzjalment konxji tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-protezzjoni konsulari. Il-Kummissjoni ser trawwem iktar taħriġ immirat. Bħala l-ewwel pass, is-servizzi tal-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, qedin joħorġu kit ta' taħriġ għall-persunal nazzjonali konsulari li jiffoka fuq "l-għarfien bażiku meħtieġ" li għandu jintuża mill-Istati Membri fit-taħriġ preparatorju għall-persunal mibgħut barra. Il-Kummissjoni tappoġġa l-bżonn għal taħriġ tal-qis biex ikun offrut mill-Istati Membri u l-UE, kif maqbul mill-Kunsill fit-22 ta' Diċembru 2010. Dan it-taħriġ fuq livell Ewropew jista’ jieħu l-bixra ta' sessjonijiet ta' ħidma prattika u jkun kost-effiċjenti (pereżempju billi jintużaw faċilitajiet eżistenti ta' taħriġ). Il-parteċipanti għandhom jinkludu persunal konsulari b'responsabbiltajiet ta' taħriġ biex jgħinu jimmultiplikaw l-għarfien miksub ("inħarrġu lill-ħarrieġ"). L- aħjar prattiki nazzjonali identifikati għandhom ikunu diskussi iktar u promossi. Addizzjonalment, jingħata għarfien lill-persunal konsulari dwar jr-rwol ta' sostenn li jista’ jkollhom il-protezzjoni ċivili u l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili matul kriżijiet. L-ewwel sessjoni ta’ skambju ta’ ideat dwar taħriġ tal-UE kemm għall-esperti konsulari kif ukoll għal dawk tal-protezzjoni ċivili li jittrattaw protezzjoni konsulari waqt kriżijiet, flimkien mal-protezzjoni ċivili saret fl-14 ta' Frar 2011. Bħala t-tieni pass u abbażi tal-esperjenza miksuba, il-Kummissjoni ser tikkunsidra t-trawwim ta' moduli kontiwi ta' taħriġ.

3.2. Ċertezza imsaħħa skont it-Trattat ta’ Lisbona

Id-Deċiżjoni 95/553/KE tar-Rapreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill kienet adottata fl-1995 u daħlet fis-seħħ fl-2002. F'konformità mal-Artikolu 7, L-Istati Membri kellhom jirreveduha ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

Il-liġijiet konsulari tal-Istati Membri jvarjaw. Skont l-Istat Membru li fuqu jdur ċittadin tal-UE, il-livell ta' protezzjoni jista' jvarja. Dawn id-diskrepanzi jistgħu jkunu ta’ tfixkil għall- koperazzjoni u l-kordinazzjoni mill-awtoritajiet konsulari u diplomatiċi. Iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà għaċ-ċittadini tal-UE barra minn pajjiżhom għandhom ikunu ta’ importanza ewlenija. L-ambitu u l-kundizzjonijiet tal-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati għandhom ikunu kkjarifikati u l-proċedura ta’ kordinazzjoni bejn l-awtoritajiet konsulari u diplomatiċi għandhom ikunu ssimplifikati.

Is-sistema kurrenti ta' avvanzi finanzjarji tinvolvi koperazzjoni estensiva. Stat Membru li qed jassisti jrid jitlob awtorizzazzjoni mill-Istat Membru ta' oriġini taċ-ċittadin, li imbagħad huwa jirrimborsa l-Istat Membru li jassisti iżda jista' jitlob rimbors miċ-ċittadin tiegħu/ tagħha. L-Istati Membri jagħtu avvanzi finanzjarji l-aktar għal ammonti żgħar (e.ż. għal titjira lura d-dar jew lukanda) u biss meta ma jkunx hemm triq oħra. F’Unjoni bbażata fuq solidarjetà reċiproka, il-koperazzjoni tista’ tkun faċilitata.

Il-Kummissjoni se teżamina kif tista' iżżid il-koperazzjoni f'xi oqsma għall- aħjar prattiki , bħal assistenza f'każijiet li jinvolvu mard mentali, minorenni mhux akkumpanjati, żwiġijiet sfurzati, matul perjodi ta' kwarantina u fir-rigward tal-legalizzazzjoni ta' dokumenti.

F’dan l-isfond, il-Kummissjjoni bi ħsiebha tressaq proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi l-miżuri ta’ kordinazzjoni u koperazzjoni neċessarji biex jiffaċilitaw il-protezzjoni konsulari u jindirizzaw il-kwistjoni tal-kumpens finanzjarju tal-protezzjoni konsulari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi fi żmien 12-il xahar [32]. F’dan il-kuntest il-Kummissjoi se tikkunsidra wkoll id-dispożizzjoni tal-assistenza konsulari lill-membri tal-familja ta' ċittadini tal-UE bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi .

L-awtoritajiet konsulari u diplomatiċi joħorġu Dokumenti Proviżorji tal-Ivvjaġġar (ETDs) liċ-ċittadini mhux rappreżentati tal-UE li l-passaport jew dokument tal-ivvjaġġar tagħhom jintilef, jinsteraq, ikun distrutt jew temporanjament mhux disponibbli, f'konformità mad-Deċiżjoni 96/409/PESK. Xi Stati Membri jkunu jridu jtejbu l-karatteristiċi ta' sigurtà fid-Dokumenti Proviżorji għall-Ivvjaġġar u xi pajjiżi terzi isibuha problematika li jaċċettaw l-ETDs attwali mingħajr karatteristiċi biometriċi. Ser tingħata kunsiderazzjoni għal aġġornament possibbli tal-format tal-ETD. Dan għandu jkun akkumpanjat minn analiżi bir-reqqa tal-kost-benefiċċju.

Biex ittejjeb is-sigurtà legali l-Kummissjoni ser tkompli tippromwovi l-inklużjoni ta' klawsoli ta' kunsens (ara l-punt 2.2.2 iktar 'il fuq) fi ftehimiet imħallta jew bilaterali u ulterjorment tikkunsidra l-inklużjoni ta’ klawsola dwar sostanza, pereżempju .rigward l-aċċess għad-detenuti. Il-Kummissjoni se tibda wkoll diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar kif iżżid ulterjorment is-sigurtà legali u l-viżibbiltà tal-Artikolu 23 tat-TFUE vis-à-vis pajjiżi terzi.

3.3. Kondiviżjoni mtejba tal-piżijiet u użu ottimizzat tar-riżorsi

3.3.1. F'sitwazzjonijiet ta' Krizi

Il-kriżijiet riċenti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Ġappun urew ir-riskji li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jkunu esposti għalihom[33]. Ċittadini tal-UE mhux rappreżentati huma intitolati għall-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru bl-istess kundizzjonijiet ta' dawk li għandhom in-nazzjonalità tagħhom. Dan l-obbligu jinkludi sitwazzjonijiet ta' kriżi. B'iktar ċittadini tal-UE mistennija jivvjaġġaw barra mill-pajjiż fis-snin li ġejjin, il-bżonn għall-protezzjoni jaf jikber u jpoġġi piż konsiderevoli fuq l-Istati Membri li jassistu. Il-Kummissjoni qed tiffinalizza studju li jħares lejn kumpens għall-protezzjoni konsulari fi żminijiet ta' kriżi, notevolment fir-rigward ta' miżuri ta' evakwazzjoni ta’ ċittadini tal-UE mhux rappreżentati. Wieħed mir-riżultati tal-istudju hu li r-regoli eżistenti dwar ir-rimbors ħafna drabi mhumiex applikati fil-prattika. Matul l-operazzjonijiet ta’ evakwazzjoni, l-Istati Membri għandhom it-tendenza li joffru faċilitajiet ta’ evakwazzjoni, bħal postijiet disponibbli f’ajruplani, lil ċittadini mhux rappreżentati[34]. Bix tiżgura assistenza ugwali taċ-ċittadini mhux rappreżentati u tinkuraġġixxi lill-Istati Membri biex jassumu rwol iktar proattiv matul il-kriżijiet fejn ikunu involuti persuni bin-nazzjonalità tagħhom, il-Kummissjoni qed teżamina kif tiffaċilita u tissimplifika ulterjorment il-proċeduri ta' rimbors u tinkoraġġixxi sinerġiji b'għodod eżistenti ta' appoġġ finanzjarju.

Kondiviżjoni u kordinazzjoni tal-piżijiet imtejba jistgħu wkoll iseħħu billi tkun ikkunsidrata l-fattibiltà u l-valur miżjud tat-twaqqif ta' timijiet tal- UE ta' persunal konsulari nazzjonali , f’kordinazzjoni mas-SEAE u l-Kummissjoni kif meħtieġ, li jassiti f'sitwazzjonijiet ta' kriżi. Din il-possibbiltà għandha tkun eżaminata waqt li tingħata ħarsa lejn l-għodod eżistenti biex tkun evitata kwalunkwe possibbiltà ta' duplikazzjoni ma’ strutturi eżistenti. Kull kriżi hi differenti. Madanakollu, l-antiċipazzjoni ta’ xenarji ta’ kriżi permezz ta’ ppjanar ta’ kontinġenza sostnut fuq il-post u fil-kapitali fost is-27 Stat Membru li jinkludi ċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati tidher li hi kruċjali għall-ġestjoni effettiva ta' kriżi. L-Istati Membri qed iwaqqfu kapaċitajiet biex jillokalizzaw u jinfurmaw lill-persunal konsulari u biex jipprovdu twissijja bikrija għaċ-ċittadini tal-UE f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (pereżempju permess ta' test jew messaġġi elettroniċi). Il-Kummissjoni qiegħda attwalment tiffinanzja riċerka f’dan il-qasam. Dawn l-għodod jistgħu sostanzjalment iżidu is-siġurtà taċ-ċittadini tal-UE barra mill-pajjiż iżda jridu jirrispettaw b'mod sħiħ id-dritt tagħhom għall-privatezza u l-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta.

Użu aħjar tal-assi ta’ protezzjoni ċivili u tal-istrumenti tal-UE disponibbli, bħall-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE, se jikkontribwixxi wkoll għall-ottimizzazzjoni tar-riżorsi u assistenza mtejba għaċ-ċittadini tal-UE matul kriżijiet. Iktar azzjoni tal-UE dwar ir-Reazzjoni tal-UE għad-Diżastri hija indirizzata fil-Komunikazzjoni "'Lejn reazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha fir-rigward ta' diżastri: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja”[35].

3.3.2. Fuq il-post

L-Artikolu 35 tat-TUE jipprovdi li l-missjonijiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri u d- Delegazzjonijiet tal-UE għandhom jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-protezzjoni konsulari kif referut fit-TFUE .

Fil-passat id-delgazzjonijiet tal-UE diġà pprovdew assistenza loġistika biex jappoġġaw assistenza konsulari[36]. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)[37] fl-Artikolu 5(10) tipprovdi li d-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom, fuq talba mill-Istati Membri, jappoġġawhom fir-relazzjonijiet diplomatiċi tagħhom u fir-rwol tagħhom li jipprovdu protezzjoni liċ-ċittadini tal-UE f'pajjiżi terzi fuq bażi ta' riżorsi newtrali. L-Artikolu 13(2) jipprovdi li r-Rappreżentant Għoli għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-funzjonament tas-SEAE sa tmiem l-2011. Fost punti oħra dan ir-rapport għandu wkoll ikopri l-protezzjoni konsulari. Id-Delegazzjonijiet tal-UE jistgħu jassistu ulterjorment billi jinformaw liċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati dwar il-protezzjoni mill-missjonijiet konsulari u diplomatiċi tal-Istati Membri.

4. KONKLUżJONIJIET

L-evalwazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2007-2009 dwar il-protezzjoni konsulari wriet li hemm skop għal iktar kordinazzjoni u koperazzjoni dwar il-protezzjoni konsulari, jiġifieri għall-benefiċċju ta’ dawk iċ-ċittadini li jiffaċċaw diffikultajiet barra minn pajjiżhom u ma jistgħux iduru fuq l-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari tagħhom stess. Iċ-ċittadini għandhom ikunu jafu dwar id-dritt tagħhom. Il-Kumissjoni se żżid l-għarfien taċ-ċittadini u l-partijiet involuti permezz ta’ miżuri ta’ komunikazzjoni mmirati indirizzati speċifikament lill-benfiċjarji potenzjali. Iċ-ċittadini għandhom ikunu megħjuna malajr fi żminijiet ta' kriżi.

Il-Kummissjjoni se tressaq proposti legali li jistabbilixxu l-miżuri ta’ kordinazzjoni u koperazzjoni neċessarji biex jiffaċilitaw il-protezzjoni konsulari taċ-ċittadini tal-UE mhux rappreżentati u jindirizzaw il-kwistjoni tal-kumpens finanzjarju tal-protezzjoni konsulari f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi fi żmien 12-il xahar[38]. Il-Kummissjoni se tibda diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, l-Istati Membri, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mal-partijiet l-oħra kollha involuti dwar l-azzjonijiet proposti. Skont l-Artikolu 25 tat-TFUE, il-Kummissjoni ser tirrapporta fuq il-progress miksub fl-2013 fil-qafas tar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE li jmiss. Id-dritt ta' ċittadini tal-UE mhux rappreżentati li jduru fuq l-ambaxxata jew konsulat ta’ Stat Membru ieħor b'kundizzjonijiet ugwali bħall-persuni bin-nazzjonalità ta' dak l-Istat huwa espressjoni ta' Unjoni bbażata fuq responsabbiltà reċiproka u solidarjetà. Bit-Trattat ta’ Lisbona fis-seħħ u fid-dawl tal-Programm ta’ Stokkolma adottat mill-Kunsill Ewropew[39], l-Unjoni għandha mandat biex tkompli ddawwar dan id-dritt fi prattikka.

[1] Il-protezzjoni konsulari hija l-għoti ta’ appoġġ u għajnuna lil ċittadini barra minn pajjiżhom, kemm lill-persuni bin-nazzjoanlità ta' dak l-Istat tagħhom kif ukoll lil dawk li lilhom l-Istat ikun ikun qabel li jagħti għajnuna.

[2] COM(2007) 767 finali.

[3] COM(2010) 602 finali.

[4] COM(2010) 603 finali.

[5] ĠU 2010/C 115/01 - Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, Dokument tal-Kunsill 17024/09 tat-2 ta’ Diċembru 2009, p.11.

[6] Bażi tad-dejta dwar il-popolazzjoni, taqsima dwar it-turiżmu; id-dejta tinkludi vaganzi u vjaġġi fuq xogħol ta' akar minn jum wieħed.

[7] L-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tistenna tkabbir ulterjuri sinifikanti għall-perjodu bejn l-2010 u l-2020.

[8] Il-Libja (fejn 8 Stati Membri huma rappreżentati): madwar 6 000 ċittadin tal-UE preżenti fil-bidu tal-kriżi; fid-9 ta’ Marzu 2011 1 300 ċittadin tal-UE kienu għadhom preżenti minn dakinhar, l-Istati Membri qed ifittxu possibiltajiet ta’ evakwazzjoni għal mill-inqas 52 ċittadin tal-UE. L-Eġittu (fejn 22 Stat Membru huma rappreżentati): mill-inqas 100 000 ċittadin tal-UE (il-biċċa l-kbira tagħhom turisti fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar); Il-Baħrejn (fejn 4 Stati Membri huma rappreżentati): hemm mill-inqas 8 800 ċittadin tal-UE. Il-Ġappun (fejn l-Istati Membri kollha, għajr Malta u Ċipru, huma rappreżentati): madawar 37 000 ċittadin tal-UE. Ħaiti (wara t-terremot ta’ Jannar 2010): madawar 2 700 ċittadin tal-UE. Is-sħaba tal-irmied vulkaniku tal-Islanda (ir-rebbiegħa 2010) Iktar minn 100 000 titjira kienu kkanċellati. Iċ-ċifri huma estimi bbażati fuq is-sorsi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

[9] Eurobarometer ta’ Marzu 2010

[10] Ara l-każijiet Lütticke, 57/65 u Van Gend & Loos, 26/62. L-Artikolu 23(2) tat-TFUE ma għandux jippreskrivi li l-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli neċessarji bejniethom. L-Artikolu 23(1)(2) tat-TFUE sempliċiment jippermetti lill-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet interni neċessarji.

[11] Każ Grzelczyk, C-184/99.

[12] Il-każ Oleificio Borelli, C-97/91.

[13] L-Artikolu 20 tat-TKE.

[14] ĠU L 314, 28.12.1995, p. 73.

[15] ĠU L 168, 16.7.1996, p. 4.

[16] L-Artikolu 17(2) tat-TUE

[17] L-Artikolu 16(3) tat-TUE

[18] L-Artikolu 27 tat-TUE.

[19] ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30 (id-Dokument tal-Kunsill 2010/427/UE).

[20] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – Il-Programm ta’ Stokkolma (http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P7-TA-2009-0090&format=XML&language=MT).

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2007 dwar il-Green Paper: Il-protezzjoni diplomatika u konsulari taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-pajjiżi terzi (http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P6-TA-2007-0592+0+DOC+XML+V0//MT). F’din ir-Riżoluzzjoni, il-Parlament, fost affarijiet oħra, “jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha, mingħajr ebda telf ta' żmien, tipproponi lill-Kunsill - lil hinn mill-kundizzjoni li tirrapporta darba kull tliet snin dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, skont l-Artikolu 22 tat-Trattat KE - li jiġu adottati kunċetti komuni u linji gwida vinkolanti li jippermettu li jinħolqu standards komuni fil-qasam tal-protezzjoni konsulari; Isejjaħ lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni tagħha, b’mod partikolari billi tistabbilixxi numru tat-telefown ta’ emerġenza Ewropew li jkun uniku li jkun jidher fil-passaport taċ-ċttadini tal-Unjoni flimkien mal-Artikolu 20 tat-Trattat KE u li jippermetti lil kwalunkwe ċittadin Ewropew ikun konness ma' ċentru tal-informazzjoni li jipprovdilu informazzjoni komprensiva fil-każ ta' sitwazzjoni kritika li tibda tmexxi l-proċess ta' protezzjoni konsulari b'mod partikulari lista aġġornata tal-ambaxxati u l-konsulati li huwa intitolat li jikkuntattja; dan in-numru jista’ jkun amministrat b’mod ċentrali fi Brussell; jitlob lill-Kummissjoni biex, ladarba t-Trattat ta' Lisbona ġie rratifikat, tippreżenta proposta għall-emendi għad-Deċiżjoni 95/553/KE lill-Parlament Ewropew sabiex b'mod partikolari tinkludi: il-protezzjoni diplomatika, l-identifikazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-fdalijiet tal-mejtin, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-għoti bil-quddiem ta' flus”.

[21] BE,BG,DE,EL,ES,FR,IT,CY,LV,LT,LU,MT,NL,AT,HU,PL,RO,SI,SE,UK.

[22] CZ,DK,EE,IE,PT,SK,FI.

[23] Studju kumparattiv dwar il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiċi tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni konsulari.

[24] Ftehim dwar it-Trasferiment tal-Katavri, Strassburgu 26.10.1973.

[25] “Wara li ssir i-notifika xierqa lill-Istat li jirċievi, uffiċċju konsulari tal-Istat li jibgħat jista', sakemm ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni mill-Istat li jirċievi, jeżerċita funzjonijiet konsulari fl-Istat li jirċievi f’isem Stat terz”.

[26] Dawn l-operazzjonijiet huma bbażati fuq l-Artikoli 20(2)(c) u 23 tat-TFUE, li jikkonċernaw il-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE li mhumiex rappreżentati f’pajjiżi terzi mill-Istat Membru tagħhom, u fuq l-Artikolu 35 tat-TUE, li jipprovdi rwol għad-Delegazzjonijiet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 20(2)(c) tat-TFUE, f’koperazzjoni mal-missjonijiet tal-Istati Membri.

[27] L-Artikolu 2(10) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/EC tat-8 ta' Novembru 2007

[28] ĠU 2010/C 115/01 - Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, Dokument tal-Kunsill 17024/09 tat-2 ta’ Diċembru 2009, p.11.

[29] Idem.

[30] http://ec.europa.eu/consularprotection.

[31] In-numru tat-telfon hu 00 800 67 89 10 11 b’xejn minn kwalunkwe post fl-UE, +32-2-299 96 96 minn kwalunkwe post fid-dinja. Dan in-numru tat-telefon se jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet tal-UE. Mhuwiex numru 24/7.

[32] Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2011 (COM (2010) 623 finali)

[33] Ara in nota 8 f’qiegħ il-paġna.

[34] Pereżempju f’Ħaiti 1300 ċittadin tal-UE kienu assistiti li minnhom 250 ma kienux rappreżentati minn awtoritajiet diplomatici jew konsulari f'Ħaiti.

[35] COM(2010) 600 finali.

[36] Ara punt 2.3.1 hawn fuq.

[37] ĠU L 201, 3.8.2010, p.30 (id-Dokument tal-Kunsill 2010/427/UE).

[38] Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2011 (COM (2010) 623 finali)

[39] ĠU 2010/C 115/01 – Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, Dokument tal-Kunsill 17024/09 tat-2 ta’ Diċembru 2009.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet