KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-tneħħija tal-inċertezzi marbuta mad-drittijiet patrimonjali tal-koppji internazzjonali
/* KUMM/2011/0125 finali */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |
Brussel 16.3.2011
KUMM(2011) 125 finali
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
It-tneħħija tal-inċertezzi marbuta mad-drittijiet patrimonjali tal-koppji internazzjonali
{KUMM(2011) 126 finali}{KUMM(2011) 127 finali}{SEG(2011) 327 finali}{SEG(2011) 328 finali}
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
It-tneħħija tal-inċertezzi marbuta mad-drittijiet patrimonjali tal-koppji internazzjonali
1. Introduzzjoni
Il-ħolqien ta' spazju ġuridiku Ewropew għandu bħala għan ewlieni li joffri liċ-ċittadini Ewropej sigurtà ġuridika u aċċess eħfef għall-ġustizzja f'sitwazzjonijiet transkonfinali li jkunu jinsabu fihom. Għal dan l-għan, ġew adottati diversi strumenti mill-Unjoni Ewropea.
Madankollu, kif indika r-Rapport 2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, ippreżentat mill-Kummissjoni fis-27 ta' Ottubru 2010[1], għad hemm ħafna ostakli li jfixklu l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u speċjalment id-dritt għall-moviment liberu. Fost l-ostakli identifikati mill-Kummissjoni, hemm l-inċertezzi rigward id-drittijiet patrimonjali tal-koppji internazzjonali magħmula minn, fost oħrajn, ċittadini ta' Stati Membri differenti jew li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex dak ta' oriġini tagħhom.
Minn madwar 122 miljun żwieġ fl-Unjoni, xi 16-il miljun (13 %) jippreżentaw tali dimensjoni transkonfinali. Fl-2007, mit-2,4 miljuni ta’ żwiġijiet iċċelebrati fl-Unjoni, 300 000 jaqgħu f’din il-kategorija; dan huwa wkoll il-każ għall-140 000 divorzju (13 %) mill-1 040 000 li seħħu fl-UE f'din l-istess sena. Barra minn hekk, 8 500 sħubija reġistrata internazzjonali ġew xolti minħabba separazzjoni u 1 266 intemmu minħabba l-mewt ta' wieħed mis-sħab.
Minħabba d-diverġenzi li jeżistu bejn is-sistemi ġuridiċi nazzjonali differenti, il-koppji internazzjonali ħafna drabi jkollhom jiffaċċjaw konsegwenzi imprevisti u xi kultant negattivi fil-ġestjoni tal-beni tagħhom.
Meta unjoni tiġi xolta minħabba divorzju, separazzjoni jew mewt ta' wieħed mill-membri ta' koppja, il-koppja jew is-superstiti jiffaċċjaw diversi diffikultajiet, marbuta, speċjalment, mal-kondiviżjoni tal-beni miksuba matul il-ħajja komuni, kif juri l-eżempju li ġej:
Koppja Ġriega-Ungeriża tiżżewweġ il-Greċja fejn tqatta' tliet snin ta' ħajja komuni. Wara dan il-perjodu, il-koppja tiddeċiedi li tmur tgħix l-Ungerija. Wara sentejn l-Ungerija, iż-żwieġ jiġi xolt. Skont il-liġi Griega, ix-xoljiment tar-reġim matrimonjali huwa soġġett għal-liġi Griega f'applikazzjoni tar-regola tal-kunflitt tal-liġijiet (il-fattur ta' konnessjoni huwa r-residenza abitwali komuni tal-konjuġi fil-mument taż-żwieġ ). Iżda skont ir-regola tal-kunflitt tal-liġijiet Ungeriża, hija l-liġi Ungeriża li għandha tirregola x-xoljiment taż-żwieġ (il-fattur ta' konnessjoni huwa r-residenza abitwali komuni tal-konjuġi fil-mument tad-divorzju ).
Kif għandha tiġi determinata l-qorti li għandha ġuriżdizzjoni? Il-koppja għexet il-Greċja, iżda wkoll l-Ungerija. Għandhom jiġu invokati l-qrati Griegi jew il-qrati Ungeriżi għax-xoljiment tar-reġim matrimonjali?
F'dan l-eżempju, jekk il-konjuġi Ungeriż iqis li l-liġi Ungeriża tista' tkun iktar favorevoli lejh għaliex se tipproteġi aħjar l-interessi tiegħu, hu jista' jipprova jġib il-każ malajr kemm jista' jkun quddiem imħallef Ungeriż. B’hekk tinħoloq “l-urġenza li l-każ jinġieb quddiem qorti”. Għalhekk, skont ir-regoli fis-seħħ bħalissa, il-konjuġi l-aħjar infurmat jista' jibda proċedura u jpoġġi l-konjuġi l-ieħor f'pożizzjoni ta' żvantaġġ.
Bħalissa, ir-regoli applikabbli fir-rigward tar-relazzjonijiet matrimonjali tal-koppji internazzjonali ma jippermettux li din is-sitwazzjoni tiġi evitata u ma joffrux is-sigurtà ġuridika meħtieġa għall-ġestjoni u l-kondiviżjoni tal-beni tal-koppji.
2. Qafas legali
L-Unjoni qiegħda fil-proċess li tiżviluppa politika li għandha l-għan li tiffaċilita l-ħajja taċ-ċittadini, speċjalment il-koppji internazzjonali, li jinsabu f'sitwazzjonijiet transkonfinali.
Għalhekk ġew adottati strumenti differenti fir-rigward tad-dritt internazzjonali privat fil-qasam tal-liġi tal-familja, b'mod partikolari, ir-Regolament "Brussell IIa" tas-27 ta' Novembru 2003[2] u r-Regolament "Ruma III", adottat fl-20 ta' Diċembru 2010[3].
Meta koppja internazzjonali tiddeċiedi li tiddivorzja jew li tissepara, ir-regoli tar-Regolament "Brussell IIa" jippermettu lill-konjuġi li jkunu jafu liema qorti se jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi dwar id-divorzju tagħhom u kif din id-deċiżjoni dwar ix-xoljiment tal-unjoni tagħhom tista' tiċċirkola minn Stat Membru għall-ieħor, u tkun rikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun ingħatat
Ir-Regolament "Ruma III" għandu l-għan li jissupplimenta dawn ir-regoli billi jagħti lill-konjuġi l-possibbiltà li jagħżlu l-liġi li se tkun applikabbli għall-proċedura tagħhom ta' divorzju. Dan ir-regolament huwa r-riżultat ta' kooperazzjoni msaħħa[4] fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju, li kienet l-ewwel kooperazzjoni msaħħa.
Dawn l-istrumenti joffru sigurtà ġuridika, prevedibbiltà u flessibbiltà ikbar lill-konjuġi fil-qafas tal-proċedimenti tad-divorzju u tas-separazzjoni legali. Huma jippermettu li jiddeterminaw il-liġi applikabbli u l-qorti kompetenti abbażi ta' kriterji oġġettivi.
Iżda l-ebda dispożizzjoni ta' dawn l-istrumenti ma tirregola l-kwistjonijiet tad-dritt internazzjonali privat marbut mar-relazzjonijiet patrimonjali tal-koppji internazzjonali.
Dan japplika wkoll għall-proposta ta' regolament dwar is-suċċessjoni, li bħalissa qiegħda tiġi negozjata[5]. Din il-proposta għandha l-għan li tippermetti liċ-ċittadini li jirrisjedu fl-Unjoni Ewropea li jorganizzaw minn qabel is-suċċessjoni tagħhom u li jiżguraw b'mod effettiv id-drittijiet tal-werrieta u tal-persuni l-oħra li għandhom rabta mal-mejjet, kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni. Madankollu, l-aspetti relatati mal-kwistjonijiet patrimonjali taż-żwieġ u tas-sħubija reġistrata mhumiex koperti minn din il-proposta.
3. Aspetti patrimonjali: għaliex għandna naġixxu issa
Riċentement, fil-Programm ta' Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura li sservi u tipproteġi ċ-ċittadini -[6], il-Kunsill Ewropew talab biex jiġi estiż ir-rikonoxximent reċiproku, għal oqsma essenzjali għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini. Il-kwistjonijiet marbuta mar-reġimi matrimonjali u mal-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni tal-koppji hija b'mod ċar wieħed minn dawn l-oqsma[7].
Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew[8] appoġġja inizjattiva tal-Kummissjoni dwar ir-reġimi matrimonjali, billi enfasizza li, fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-prijoritajiet għandhom ikunu li jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet espressi miċ-ċittadini permezz ta' simplifikazzjoni tal-mekkaniżmi ġudizzjarji u l-implimentazzjoni ta' proċeduri iktar sempliċi, iktar trasparenti u iktar aċċessibbli.
F'Lulju 2006, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar ir-regolament tal-kunflitti tal-liġijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali[9], inklużi l-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku. Din ippermettiet it-tnedija ta' konsultazzjoni pubblika wiesgħa u mir-riżultati tagħha ġiet ikkonfermata l-ħtieġa ta' strumenti Ewropej, kemm rigward ir-reġimi matrimonjali kif ukoll l-effetti patrimonjali tas-sħubiji reġistrati.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li, sabiex twieġeb bis-sħiħ għall-aspettattivi taċ-ċittadini, hemm bżonn li tissupplimenta l-qafas legali eżistenti, billi żżid dispożizzjonijiet relatati mar-relazzjonijiet patrimonjali. Għal din ir-raġuni, skont l-impenn meħud fir-Rapport 2010 dwar iċ-ċittadinanza, il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta proposti li għandhom l-għan li jagħtu tweġibiet Ewropej ċari lill-mistoqsijiet li jiltaqgħu magħhom il-koppji internazzjonali f'dawn l-oqsma.
4. Approċċ tal-liġi internazzjonali privata għaċ-ċittadini
Il-ġestjoni tal-beni tal-konjuġi matul il-ħajja komuni, inkluż waqt ix-xoljiment tal-unjoni, hija regolata mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.
Id-dritt sostantiv tar-reġimi matrimonjali jvarja minn Stat Membru għall-ieħor, anke jekk il-maġġoranza tal-Istati Membri jagħmlu distinzjoni bejn, minn naħa, ir-reġim matrimonjali legali, u min-naħa l-oħra, ir-reġim konvenzjonali. Ir-reġim legali huwa dak li se jkun applikat meta l-konjuġi ma jagħmlux għażla favur dispożizzjonijiet oħra. Ir-reġim matrimonjali konvenzjonali huwa meta l-konjuġi jagħmlu għażla.
Il-beni proprjetà ta’ jew akkwistati mill-konjuġi se jitqiesu proprjetà tagħhom it-tnejn skont ir-regoli tar-reġim matrimonjali li se jkun applikat. Fis-sistema tal-komunjoni tal-akkwisti, parti mill-beni jew il-beni kollha proprjetà ta’ jew akkwistati minn konjuġi wieħed isiru proprjetà komuni u għalhekk jappartjenu liż-żewġ konjuġi, filwaqt li, fis-sistema tas-separazzjoni tal-patrimonji, il-beni jappartjenu rispettivament lil wieħed mill-konjuġi jew lill-ieħor. Dawn il-prinċipji ġenerali huma implimentati b'mod differenti mil-liġijiet tal-Istati Membri.
Is-sħubija reġistrata tikkonċerna r-rabta tal-ħajja ta' żewġ persuni li jgħixu f'koppja jew li huma rreġistraw l-unjoni tagħhom ma' awtorità pubblika tal-Istat ta' residenza tagħhom. Din hija istituzzjoni riċenti, li llum hija introdotta fil-leġiżlazzjoni ta' erbatax-il Stat Membru[10]. L-istess bħaż-żwieġ, is-sħubija reġistrata tipproduċi effetti fuq il-patrimonju tas-sħab, li huma regolati mil-liġi nazzjonali. Id-diverġenzi tal-liġi nazzjonali huma iktar evidenti minn dawk invokati fir-rigward tar-reġimi matrimonjali.
L-istess bħad-dritt sostantiv, ir-regoli nazzjonali tad-dritt internazzjonali privat applikabbli għal-liġijiet tal-proprjetà tal-koppji internazzjonali jvarjaw ferm minn Stat Membru għall-ieħor. Din is-sitwazzjoni ma toffrix is-sigurtà ġuridika sodisfaċenti lill-koppji li ddeċidew li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu.
Minħabba dawn id-diverġenzi, jistgħu jiġu previsti tliet approċċi fuq livell Ewropew biex jagħtu liċ-ċittadini s-sigurtà ġuridika kollha meħtieġa:
- l-ewwel soluzzjoni, li diġà tintuża fil-prattika, hija li tħalli f'idejn l-Istati Membri biex jiżviluppaw is-soluzzjonijiet fil-qafas tal-ftehimiet bilaterali. Il-ftehim Franko-Ġermaniż ta' Frar 2010[11] huwa eżempju ta' tali approċċ. Iżda, anke jekk ikunu miftuħa għall-adeżjoni ta' Stati Membri oħra (bħal ma huwa l-ftehim Franko-Ġermaniż), ftehimiet bħal dawn ma jistgħux jittrattaw il-problemi prattiċi li jinqalgħu, u b'hekk lanqas jipprovdu tweġiba Ewropea kompluta;
- approċċ ieħor kien jikkonsisti fl-armonizzazzjoni tad-dritt sostantiv li jirregola l-effetti patrimonjali taż-żwieġ u s-sħubiji reġistrati. Dan l-approċċ huwa madankollu eskluż mit-Trattati li ma jagħtux kompetenzi lill-Unjoni f'dawn l-oqsma, lanqas dwar il-forom ta' unjoni li huma l-oriġini ta' dawn ir-relazzjonijiet patrimonjali, jiġifieri ż-żwieġ u s-sħubija reġistrata;
- It-tielet approċċ, li huwa possibbli skont it-Trattati, jikkonsisti fl-adozzjoni fuq livell Ewropew tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat fil-qasam tal-effetti patrimonjali taż-żwieġ u s-sħubija reġistrata.
Għal din ir-raġuni, kif imħabbar fil-pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-programm ta' Stokkolma tal-20 ta' April 2010[12] – il-Kummissjoni qed tipproponi dawn l-inizjattivi li ġejjin:
- Proposta ta' Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tar-reġimi matrimonjali;
- Proposta ta’ Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-effetti patrimonjali tas-sħubiji reġistrati;
Minkejja li ż-żewġ proposti huma simili ħafna rigward l-istruttura u l-kontenut tagħhom, il-Kummissjoni tqis li se jkun iktar faċli tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull tip ta' unjoni, b'żewġ strumenti leġiżlattivi distinti, pjuttost milli strument wieħed li jkopri żewġ tipi ta' unjoni. Fil-fatt, iż-żwieġ u s-sħubija reġistrata huma istituzzjonijiet ġuridiċi differenti fl-UE. Iż-żwieġ huwa istituzzjoni ġuridika li ilha stabbilita għal ħafna żmien, u li teżisti fis-27 Stat Membru, filwaqt li s-sħubija reġistrata hija istituzzjoni ġuridika iktar riċenti li tinsab biss f'erbatax-il Stat Membru, kif intqal iktar qabel. Għalhekk, ċerti soluzzjonijiet ġuridiċi proposti għaż-żewġ istituzzjonijiet se jkunu inevitabbilment differenti.
Barra minn hekk, u skont l-Istati Membri differenti, peress li ż-żwieġ u s-sħubija reġistrata jistgħu jkunu miftuħa kemm għall-koppji ta' sess opppost kif ukoll għall-koppji tal-istess sess, iż-żewġ proposti huma newtrali fir-rigward tas-sess[13]. Peress li għandha l-għan komuni li tagħti tweġiba ġuridika ċara lill-problemi li jiltaqgħu magħhom il-koppji internazzjonali f'dan il-qasam, bil-preżentazzjoni ta' żewġ strumenti differenti, ir-regoli li għandhom jiġu applikati għal kull istituzzjoni, se jkunu iktar ċari u se jkunu jistgħu jinftiehmu iktar faċilment miċ-ċittadini u mill-professjonijiet ikkonċernati.
B'kunsiderazzjoni tar-rabtiet stretti bejniethom, iż-żewġ proposti ġew adottati fl-istess żmien u bħala pakkett sabiex jenfassizzaw id-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tiffaċilita l-ħajja ta' kuljum tal-koppji internazzjonali, indipendentement mill-fatt li dawn ikunu ntrabtu fi żwieġ jew sħubija reġistrata. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill biex isegwi dan l-approċċ globali.
Iż-żewġ proposti huma newtrali fuq il-pjan fiskali u mhuma se jintroduċu l-ebda bidla fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri dwar it-tassazzjoni.
5. Ir-rispett tad-drittijiet fundamentali
Skont l-istrateġija tal-Unjoni għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni[14] vverifikat li ż-żewġ proposti jirrispettaw id-drittijiet imsemmija f'din il-Karta.
Huma ma jaffettwawx id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u d-dritt li wieħed jiżżewweġ u li jrabbi familja skont il-liġijiet nazzjonali previsti rispettivament fl-Artikoli 7 u 9 tal-Karta.
Id-dritt tal-proprjetà, imsemmi fl-Artikolu 17 tal-Karta, huwa msaħħaħ. Il-prevedibbiltà fir-rigward tal-liġi applikabbli għall-beni kollha tal-koppja fil-fatt se tippermetti lill-konjuġi u s-sħab li jeżerċitaw b'mod iktar effettiv id-dritt tagħhom tal-proprjetà.
Il-Kummissjoni vverifikat ukoll li tqies l-Artikolu 21 li jipprevjeni kwalunkwe diskriminazzjoni, u għal dan il-għan, żgurat li ż-żewġ testi proposti jkunu newtri fir-rigward tas-sess. Għalhekk hi ma tagħmilx distinzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali.
Fl-aħħar, id-dispożizzjonijiet proposti jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja fl-Unjoni għaċ-ċittadini u, b'mod partikolari, għall-koppji miżżewġin u għal dawk impenjati fi sħubija reġistrata. Huma jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali li tigarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt ta’ aċċess għal qorti imparzjali. Billi jipprovdu kriterji oġġettivi għad-determinazzjoni tal-qorti kompetenti se jiġu evitati l-proċeduri paralleli, kif ukoll l-appelli mressqin malajr quddiem il-qrati mill-parti l-iktar attiva
6. Kontenut tal-proposti
Il-proposti tal-Kummissjoni għandhom l-għan li jwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
- liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni biex tipproċedi għax-xoljiment tar-reġim matrimonjali jew tal-effetti patrimonjali tas-sħubija?
- liema liġi hija applikata għal dan ix-xoljiment?
- id-deċiżjoni tal-qorti jew ta' awtorità kompetenti oħra ta' Stat Membru hija faċilment rikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru ieħor?
6.1. Determinazzjoni tal-qorti li għandha ġuriżdizzjoni: iċ-ċentralizzazzjoni tal-proċeduri u l-koerenza mal-acquis eżistenti
Il-proposti tar-regolament jiddeterminaw il-qorti li se jkollha l-ġuriżdizzjoni biex ixxolji reġim matrimonjali jew l-effetti patrimonjali ta' sħubija reġistrata. Il-Kummissjoni tipproponi li dawn il-proċeduri differenti jinġiebu quddiem qorti waħda: il-proċedura ta' divorzju, ta' separazzjoni u l-proċedura li għandha l-għan li xxolji r-reġim matrimonjali.
Barra minn hekk, qed jitfittex li jkun hemm koerenza mar-regoli Ewropej tal-ġuriżdizzjoni tal-qrati li huma diġà fis-seħħ jew mal-proposti fi strumenti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni.
Fil-każ ta' proċedura ta' divorzju jew ta' separazzjoni legali, il-qrati li għandhom il-ġuriżdizzjoni biex jagħtu sentenza għal din il-proċedura skont ir-Regolament Brussell IIa msemmi qabel, se jkollhom il-ġuriżdizzjoni tagħhom estiża għax-xoljiment tar-reġim matrimonjali, ikkawżat mid-divorzju jew mis-separazzjoni.
Bl-istess mod, fil-każ ta' mewt ta' wieħed mill-konjuġi jew wieħed mis-sħab, il-qorti li għandha l-ġuriżduzzjoni għas-suċċessjoni[15] se jkollha l-ġuriżdizzjoni estiża għall-kwistjonijiet marbuta mar-reġimi matrimonjali u l-effetti patrimonjali tas-sħab.
Dan ir-ragruppament quddiem qorti waħda se jirriżulta f’iffrankar ekonomiku importanti li huwa stmat għal madwar EUR 2 000 sa 3 000 għal kull proċedura. Dan se jevita li ċ-ċittadini jkollhom jinvokaw diversi ġuriżdizzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni kkonċernata, pereżempju x-xoljiment tas-suċċessjoni jew il-kondiviżjoni tal-beni f'każ ta' xoljiment ta' sħubija reġistrata wara mewt.
6.2. Determinazzjoni tal-liġi applikabbli: possibbiltà ta' għażla mogħtija lill-konjuġi.
Qed jiġi propost approċċ differenti għaż-żwieġ u għas-sħubija reġistrata, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta' kull istituzzjoni.
Qed tingħata l-possibbiltà li l-konjuġi jgħażlu l-liġi applikabbli . Madankollu, din hija għażla limitata, biex jiġi evitat li l-konjuġi jagħżlu liġi li magħha ż-żwieġ tagħhom m'għandu l-ebda rabta. Il-liġi magħżula tista' tkun dik tar-residenza abitwali komuni jew dik taċ-ċittadinanza. Jekk ma tkunx saret l-għażla tal-liġi applikabbli, il-proposta tipprevedi lista ta' fatturi ta' konnessjoni oġġettivi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli.
Dawn is-soluzzjonijiet se jippermettu li tiġi kkunsidrata l-mobilità taċ-ċittadini u li tiġi rispettata r-rieda tal-konjuġi filwaqt li toffri sigurtà ġuridika lil kull wieħed mill-konjuġi. F'każ ta' bidla fir-residenza abitwali minnStat Membru għal Stat Membru ieħor, il-konjuġi jistgħu, pereżempju, ibiddlu mingħajr diffikultà l-liġi applikabbli għar-reġim matrimonjali tagħhom. Dan l-approċċ huwa wkoll dak adottat fir-Regolament riċenti Ruma III imsemmi iktar ‘il fuq dwar il-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali.
Tali awtonomija mhijiex proposta fil-każ ta’ sħab reġistrati. Il-liġi applikabbli għall-effetti patrimonjali tas-sħab hija definita b'mod preċiż mill-proposta. Din hija l-liġi tal-Istat ta' reġistrazzjoni tas-sħubija. Minħabba l-fatt li s-sħubija reġistrata mhijiex rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni u li hemm diversità kbira bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li introduċu din l-istituzzjoni fis-sistema ġuridika tagħhom, il-proposta tirreferi għal-liġi tar-reġistrazzjoni.
Għalhekk din ir-regola se jkollha l-vantaġġ li tintroduċi trasparenza ħafna ikbar fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli meta koppja hija impenjata fi sħubija reġistrata u fil-previżjoni tal-effetti patrimonjali possibbli f'każ ta' proċedura ta' separazzjoni.
B'mod ġenerali, il-Kummissjoni se tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni dwar il-leġiżlazzjonijiet u l-proċeduri nazzjonali dwar ir-reġimi matrimonjali kif ukoll l-effetti patrimonjali tas-sħubiji reġistrati permezz ta' miżuri xierqa, speċjalment, fuq is-sit internet tan-netwerk ġudizzjarju f'materji ċivili u kummerjċali. L-istess se jsir għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-partijiet terzi.
6.3. Rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet: ċirkolazzjoni u eżekuzzjoni rapida tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni.
Id-dispożizzjonijiet proposti dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti huma simili għal dawk ippreżentati fil-proposta ta' regolament dwar is-suċċessjonijiet[16]. Dawn huma allinjati ma' dawk eżistenti fl-oqsma ċivili u kummerċjali[17].
Huma għandhom l-għan li jiżguraw iċ-ċirkolazzjoni libera tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-Unjoni u l-eżekuzzjoni effettiva tagħhom, filwaqt li bħalissa kull Stat Membri japplika r-regoli nazzjonali proprji tiegħu għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija f'dan ir-rigward.
Il-proposti huma l-ewwel miżuri proposti fuq livell tal-Unjoni fil-qasam tar-rapporti patrimonjali tal-koppji internazzjonali. Huma jkopru qasam rilevanti għal-liġi tal-familja. Skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri li jikkonċernaw l-aspetti tal-liġi tal-familja jkunu jeħtieġu unanimità fil-Kunsill. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li jkun xieraq li żżomm kontroll tad-deċiżjonijiet f'dan ir-rigward fl-Istat Membru fejn ikunu ntalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni. B'konsegwenza, id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru se jiġu rikonoxxuti abbażi ta' proċedura ta' exequatur quddiem il-ġuriżdizzjoni ta' Stat Membru fejn ġiet mitluba l-eżekuzzjoni. Din hija proċedura li fi ftit kliem tikkonsisti f'verifika formali tad-dokumenti pprovduti mill-applikant, kif isir bħalissa fl-oqsma ċivili u kummerċjali.
Dawn id-dispożizzjonijiet ġodda huma progress konsiderevoli b'paragun mas-sitwazzjoni ta’ llum fejn kull Stat Membru japplika r-regoli proprji tiegħu ta' proċedura u r-raġunijiet proprji tiegħu ta' rifjut ta' eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet barranin, u dan ifixkel ħafna l-moviment tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f'dan il-qasam.
Fi stadju ulterjuri, fid-dawl tal-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri proposti u d-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Brussell IIa imsemmi qabel, il-Kummissjoni se teżamina jekk tistax tkun prevista proċedura iktar sempliċi u iktar awtomatika.
7. Konklużjonijiet
Iż-żewġ regolamenti proposti mill-Kummissjoni għandhom l-għan li jissimplifikaw il-ħajja taċ-ċittadini f'mumenti li ħafna drabi jkunu diffiċli għall-eżistenza tagħhom. Huwa jwieġbu wkoll għall-impenji li l-Kummissjoni ħadet fir-rapport dwar iċ-ċittadinanza Ewropea.
Huma se joffru sigurtà ġuridika ikbar lill-koppji internazzjonali, kemm jekk ikunu miżżewġin kif ukoll impenjati fi sħubija reġistrata. Wara xoljiment ta' unjoni, huma se jippermettu li tiġi determinata l-liġi applikabbli għall-kondiviżjoni tal-beni u l-ġuriżdizzjoni kompetenti. Iċ-ċirkolazzjoni libera tad-deċiżjonijiet se tkun ukoll żgurata minn rikonoxximent awtomatiku tagħhom fl-Unjoni kollha u l-eżekuzzjoni se tkun soġġetta għal proċedura uniformi ssimplifikata.
Iż-żewġ proposti, ikkunsidrati mal-acquis fis-seħħ u li qegħdin jiġu negozjati, jissupplimentaw ukoll il-qafas ġuridiku attwali u jiżguraw il-koerenza meħtieġa fil-qasam ta' kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u, b'mod partikolari, fid-dritt tal-familja. L-istess bħall-miżuri l-oħra meħuda f'dan il-qasam, huma ma jaffettwawx id-dritt sostantiv tal-Istati Membri relatat mar-reġimi matrimonjali u l-effetti patrimonjali tas-sħab reġistrati. F'konformità mat-Trattati, id-dritt sostantiv jibqa' qasam ta' kompetenza nazzjonali.
[1] Rapport 2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni: it-tneħħija tal-ostakli għall-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni, COM(2010)603 finali.
[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003).
[3] Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal- 20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (ĠU L 343, 29.12.2010 p. 10).
[4] 14-il Stat Membru qegħdin jipparteċipaw f’din il-kooperazzjoni msaħħa: Il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Spanja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugal, ir-Rumanija, u s-Slovenja.
[5] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni - COM(2009) 154.
[6] ĠU C 115, 4.05.2010.
[7] Dawn il-kwistjonijiet ilhom li tqajjmu sa mill-1998 fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Vjenna (JO C 19, 23.1.1999), kif ukoll sentejn wara, fil-Programm ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-materji ċivili u kummerċjali (ĠU C 12, 15.1.2001).
[8] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini – Programm ta' Stokkolma u Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Novembru 2010 dwar l-aspetti tal-liġi ċivili, il-liġi kummerċjali, il-liġi tal-familja u d-dritt internazzjonali privat tal-pjan ta' azzjoni li jimplimenta l-programm ta' Stokkolma.
[9] COM(2006) 400 - Green Paper dwar il-kunflitt tal-liġijiet f'materji matrimonjali, inkluża b’mod partikolari l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku{SEC(2006) 952}
[10] Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Finlandja, Franza, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju Unit, is-Slovenja u l-Isvezja.
[11] Ftehim bilaterali bejn il-Ġermanja u Franza li jistabbilixxi reġim matrimonjali fakultattiv b'kondiviżjoni tal-proprjetà miksuba, iffirmat fi Frar 2010.
[12] COM (2010) 171 finali.
[13] Pereżempju, żwieġ bejn persuni tal-istess sess awtorizzat skont il-liġi Portugiża se jkun ikkunsidrat bl-istess mod bħal żwieġ bejn persuni tas-sess oppost skont il-proposta dwar ir-reġimi matrimonjali. Filwaqt li sħubija reġistrata fi Franza tista' tkun bejn persuni tas-sess oppost jew inkella persuni tal-istess sess, iż-żewġ tipi ta' sħubija se jkunu kkunsidrati li huma koperti mill-proposta dwar l-effetti patrimonjali tas-sħubiji reġistrati.
[14] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2010) 573, 19.10.2010.
[15] Skont l-istrument futur li qiegħed jiġi negozjat.
[16] Proposta ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni - COM(2009) 154.
[17] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, (ĠU Nru L 12, 16.01.2001, p.1). Ġiet adottata proposta ta' riformulazzjoni tar-Regolament Brussell I fl-14 ta' Diċembru 2010 - COM(2010) 748.
| Fuq |