52010XC1216(02)


Titolu u referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida tal-aqwa prattiki tal-UE għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

 ĠU C 341, 16.12.2010, p. 5–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html   html           html html   html html   html html html html  
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida tal-aqwa prattiki tal-UE għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2010/C 341/04

1. DAĦLA

Matul dawn l-aħħar snin kien hemm żieda sostanzjali fl-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarja għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel. Inventarju ppreparat għall-Kummissjoni fl-2010 [1] jelenka aktar minn 440 skema differenti, li l-maġġoranza tagħhom ġew stabbiliti matul dawn l-aħħar għaxar snin.

Skemi ta’ ċertifikazzjoni għal prodotti agrikoli u għal oġġetti tal-ikel jipprovdu assigurazzjoni (permezz ta’ mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni) li ċerti karatteristiċi jew attributi tal-prodott, jew il-metodu jew is-sistema ta’ produzzjoni tiegħu, stabbiliti fi speċifikazzjoni, ġew osservati. Dawn ikopru firxa wiesgħa ta’ inizjattivi differenti li jiffunzjonaw fi stadji differenti tal-katina tal-provvista tal-ikel (qabel ma jidħlu jew wara li joħorġu mir-razzett; ikopru l-katina tal-provvista tal-ikel kollha jew parti minnha; jaffettwaw is-setturi kollha jew segment wieħed biss tas-suq, eċċ.). Huma jistgħu joperaw fil-livell ta’ negozju għal negozju (B2B) (meta s-supermarket jew in-negozju tal-ipproċessar ikun ir-riċevitur finali intenzjonat tal-informazzjoni) jew f'livell ta’ negozju għal konsumatur (B2C). Dawn jistgħu jużaw logos, għalkemm ħafna, speċjalment l-iskemi B2B, ma jagħmlux hekk.

Waqt li l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni skont id-definizzjoni tagħhom jużaw ċertifikazzjoni ta’ parti terza, hemm skemi oħrajn fis-suq li joperaw abbażi ta’ tikketta jew logo (spiss irreġistrat bħala trejdmark) mingħajr ma jinvolvu xi mekkaniżmu ta’ ċertifikazzjoni. Il-konformità ma’ dawn l-iskemi ssir permezz ta’ awtodikjarazzjoni jew permezz ta’ għażla mis-sid tal-iskema. B’mod konformi mad-definizzjonijiet pprovduti fit-taqsima 2, dawn l-iskemi sejra ssir referenza għalihom bħala "skemi ta’ awtodikjarazzjoni". L-użu taċ-ċertifikazzjoni jkun xieraq l-aktar meta l-ftehimiet magħmula jkunu kumplessi, stabbiliti fi speċifikazzjonijiet dettaljati u jiġu kkontrollati perjodikament. L-awtodikjarazzjoni hija aktar xierqa għal pretensjonijiet pjuttost iktar diretti (kwistjoni waħda).

L-iżvilupp tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni huwa xprunat prinċipalment minn fatturi bħad-domanda tas-soċjetà għal ċerti karatteristiċi [2] tal-prodott jew għall-proċess tal-produzzjoni tiegħu fuq naħa waħda (l-aktar għall-iskemi B2C), u x-xewqa tal-operaturi li jiżguraw li l-fornituri tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati, fuq in-naħa l-oħra (l-aktar għall-iskemi B2B). Fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel [3] ipoġġi r-responsabbiltà primarja biex ikun żgurat li l-ikel u l-għalf jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel u biex ikun ivverifikat li tali rekwiżiti huma ssodisfati, f’idejn l-operatur tan-negozju tal-ikel u l-għalf. B’mod partikolari, l-operaturi l-kbar fil-katina tal-provvista tal-ikel ta’ spiss jiddependu fuq l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni sabiex jissodisfaw lilhom infushom li prodott jissodisfa r-rekwiżiti u biex jipproteġu r-reputazzjoni u r-responsabbiltà tagħhom fil-każ ta’ inċident relatat mas-sikurezza tal-ikel.

Huwa evidenti li ċertifikazzjoni privata mhijiex meħtieġa biex turi konformità mar-rekwiżiti legali. Kwalunkwe skema ta’ ċertifikazzjoni privata għas-settur agrikolu u tal-ikel trid tibqa’ volontarja. Meta l-operaturi jużaw ċertifikazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti bażiċi sabiex iħaffu t-transazzjonijiet ma’ atturi oħra matul il-katina tal-ikel, għandu jkun ċar li din il-prattika ma tistax tintuża biex issir differenzazzjoni bejn il-prodotti fis-suq.

L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jġibu benefiċċji:

- lil atturi intermedjarji fil-katina tal-provvista tal-ikel, billi jiżguraw l-istandards u b'hekk jipproteġu r-responsabbiltà u r-reputazzjoni fir-rigward tal-prodott u l-indikazzjonijiet ta’ fuq it-tikketta;

- lill-produtturi, billi jżidu l-aċċess għas-suq, is-sehem fis-suq u l-marġini tal-prodott għal prodotti ċċertifikati u, potenzjalment anki billi jżidu l-effiċjenza u jnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet; u

- lill-konsumaturi, billi jipprovdu informazzjoni kredibbli u affidabbli rigward l-attributi tal-prodott u l-proċess.

Xi partijiet interessati argumentaw li l-iskemi ta' ċertifikazzjoni jista’ jkollhom dawn l-iżvantaġġi:

- theddid għas-suq uniku [4];

- mistoqsijiet rigward it-trasparenza tar-rekwiżiti tal-iskemi u rigward il-kredibbiltà tal-indikazzjonijiet, b’mod partikolari għal skemi li jiċċertifikaw konformità mar-rekwiżiti tal-linja bażi;

- potenzjal għall-ingann tal-konsumaturi;

- spejjeż u piżijiet fuq il-bdiewa, b’mod partikolari meta jkollhom jissieħbu f’diversi skemi biex jissodisfaw it-talbiet mingħand ix-xerrejja tagħhom;

- ir-riskju ta’ rifjut mis-suq tal-produtturi li ma jipparteċipawx fl-iskemi ta’ ċertifikazzjoni ewlenin; u

- impatt fuq il-kummerċ internazzjonali, speċjalment mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw [5].

Il-Kummissjoni nnotat li l-kwistjoni tal-konfużjoni tal-konsumatur minħabba skemi differenti b’objettivi simili qiegħda tiġi indirizzata minn inizjattivi privati [6] li għandhom l-għan li joħolqu "kodiċi ta’ prattika tajba" għall-organizzazzjonijiet privati li jistabbilixxu l-istandards prinċipalment fil-qasam soċjali u ambjentali. Barra minn hekk, ċerti komponenti ta’ skemi eżistenti diġà wettqu passi biex jallinjaw ir-rekwiżiti ma’ skemi simili għalihom u xi skemi ta’ ċertifikazzjoni eżistenti (prinċipalment fil-livell B2B) feġġew minn proċess ta’ armonizzazzjoni ta’ diversi standards individwali.

1.1. Tipi ta' skemi

Hemm diversità kbira ta’ skemi fir-rigward tal-ambitu, l-objettivi, l-istruttura u l-metodi operattivi tagħhom. Kif imsemmi qabel, distinzjoni importanti bejn l-iskemi hija jekk jiddependux jew le fuq proċedura ta’ ċertifikazzjoni ta’ parti terza, u b’hekk jitqassmu fi skemi ta’ awtodikjarazzjoni fuq naħa waħda u skemi ta’ ċertifikazzjoni fuq in-naħa l-oħra. Hemm distinzjoni oħra bejn l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni fuq il-bażi ta’ jekk joperawx fil-livell ta’ negozju għal negozju (B2B) jew jekk jimmirawx li jipprovdu informazzjoni mill-katina tan-negozju għall-konsumatur (B2C).

Kriterju ta’ klassifikazzjoni importanti ieħor jappartjeni għal jekk l-iskema tevalwax il-prodotti u l-proċessi (prinċipalment B2C), jew is-sistemi ta’ ġestjoni (prinċipalment B2B). Fir-rigward tar-rekwiżiti speċifikati, l-iskemi jistgħu jiċċertifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti minn awtoritajiet governattivi (il-linja bażi), jew jistgħu jżidu kriterji li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali ('il fuq mil-linja bażi). Mhux dejjem faċli li ssir distinzjoni bejn it-tnejn: fuq naħa waħda, l-iskemi ta’ spiss jikkombinaw il-kriterji tal-linja bażi f’xi oqsma ma’ rekwiżiti ogħla f’oqsma oħra; fuq in-naħa l-oħra, ċerti rekwiżiti tal-linja bażi, b’mod partikolari fil-qasam ambjentali u tal-biedja jirrikjedu li l-operaturi jużaw prattika tajba u l-aqwa prattika, u jagħmlu ġudizzji tal-valur rigward l-attenzjoni xierqa, sabiex l-azzjonijiet konkreti li jridu jittieħdu jistgħu jkunu differenti bejn l-atturi u bejn l-Istati Membri. Tabilħaqq, ir-rekwiżiti tekniċi ta’ xi skemi ta’ ċertifikazzjoni jintużaw mill-operaturi biex jinterpretaw u jagħmlu aktar konkreti dawn l-obbligi ġenerali.

It-tabella li ġejja turi din il-klassifikazzjoni:

Klassifikazzjoni tal-iskemi

It-tip ta’ ċertifikazzjoni | Awtodikjarazzjoni | Ċertifikazzjoni (ċertifikazzjoni minn parti terza) |

Udjenza: | B2C | B2C | B2B |

Oġġetti tar-rekwiżiti speċifikati: | Prodotti u proċessi | Prinċipalment prodotti (inklużi s-servizzi) u proċessi | Prinċipalment sistemi ta’ ġestjoni |

Il-kontenut tar-rekwiżiti: | Ġeneralment ’il fuq mil-linja bażi | Ġeneralment ’il fuq mil-linja bażi | Il-linja bażi u ’l fuq mil-linja bażi |

Il-linji gwida se jiffokaw fuq l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni kif spjegat fin-naħa tal-lemin tat-tabella ta’ hawn fuq.

1.2. Għan tal-linji gwida

Fil-Komunikazzjoni tagħha rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli [7], il-Kummissjoni ddikjarat li fid-dawl tal-iżviluppi u l-inizjattivi fis-settur privat, f’dan l-istadju azzjoni leġiżlattiva ma kinitx iġġustifikata biex ikunu indirizzati l-iżvantaġġi potenzjali fl-iskemi ta’ ċertifikazzjoni [8]. Minflok dan, fuq il-bażi tal-kummenti mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni żviluppat linji gwida għal skemi ta’ ċertifikazzjoni għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel f’konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv dwar il-Kwalità [9].

Dawn il-linji gwida huma mfassla biex jiddeskrivu l-qafas legali eżistenti u jgħinu fit-titjib tat-trasparenza, il-kredibbiltà u l-effikaċja tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji u biex jiżguraw li ma jkunux f’kunflitt mar-rekwiżiti regolatorji. Huma jenfasizzaw l-aħjar prattika fit-tħaddim ta’ tali skemi, u b’hekk joffru gwida dwar kif:

- tkun evitata l-konfużjoni tal-konsumaturi u tiżdied it-trasparenza u ċ-ċarezza tar-rekwiżiti tal-iskemi;

- jitnaqqas il-piż amministrattiv u finanzjarju fuq il-bdiewa u l-produtturi, inklużi dawk fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; u

- tkun żgurata l-konformità mar-regoli tas-suq intern u l-prinċipji taċ-ċertifikazzjoni tal-UE.

Il-linji gwida huma primarjament indirizzati għall-iżviluppaturi u għall-operaturi tal-iskemi.

L-użu tal-linji gwida huwa volontarju. Il-konformità ma’ dawn il-linji gwida ma tfissirx li l-Kummissjoni tkun approvat ir-rekwiżiti stabbiliti minn dawn l-iskemi. Il-linji gwida preżenti la għandhom status legali fl-UE u lanqas ma għandhom l-intenzjoni li jbiddlu r-rekwiżiti taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE.

Finalment, dawn il-linji gwida ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala interpretazzjoni legali tal-leġiżlazzjoni tal-UE minħabba li dawn l-interpretazzjonijiet huma fil-kompetenza esklussiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2. AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

2.1. Ambitu

Il-linji gwida huma applikabbli għal skemi ta' ċertifikazzjoni volontarji li jkopru:

- prodotti agrikoli, kemm dawk intenzjonati għall-konsum mill-bniedem kif ukoll dawk li mhumiex (inkluż l-għalf);

- oġġetti tal-ikel koperti bl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002; u

- proċessi u sistemi ta’ ġestjoni relatati mal-produzzjoni u mal-ipproċessar tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel.

Il-linji gwida ma japplikawx għall-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi.

2.2. Definizzjonijiet tat-termini [10]

1. Rekwiżit speċifikat : ħtieġa jew aspettattiva li hija ddikjarata.

2. Valutazzjoni tal-konformità : turija li rekwiżiti speċifikati relatati ma’ prodott, proċess, sistema, persuna jew korp huma ssodisfati.

3. Analiżi : verifika tal-adattabbiltà, l-adegwatezza u l-effikaċja tal-attivitajiet tal-għażla u tad-determinazzjoni, u r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, fir-rigward tat-twettiq ta’ rekwiżiti speċifikati.

4. Ċertifikazzjoni : il-ħruġ ta’ dikjarazzjoni, ibbażata fuq deċiżjoni li ssegwi analiżi li turi li twettqu r-rekwiżiti speċifikati.

5. Dikjarazzjoni : ċertifikazzjoni mill-ewwel parti. Għall-iskopijiet ta’ dawn il-linji gwida, it-terminu "skemi ta’ awtodikjarazzjoni" huwa użat għal skemi kollettivi u indikazzjonijiet tat-tikketti li mhumiex iċċertifikati, u li jiddependu fuq l-awtodikjarazzjoni tal-produttur.

6. Ċertifikazzjoni : ċertifikazzjoni minn parti terza relatata ma’ prodotti, proċessi, sistemi jew persuni.

7. Akkreditazzjoni : ċertifikazzjoni minn parti terza relatata ma’ korp li twassal wirja formali tal-kompetenza tiegħu biex iwettaq kompiti speċifiċi. Fl-UE [11], akkreditazzjoni għandha tfisser ċertifikazzjoni minn korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali illi korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti bi standards armonizzati u, fejn applikabbli, kwalunkwe rekwiżit addizzjonali, inklużi dawk stabbiliti fl-iskema settorjali rilevanti, biex iwettqu attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità.

8. Spezzjoni : eżami tad-disinn ta’ prodott, prodott, proċess jew installazzjoni u d-determinazzjoni tal-konformità tagħhom ma’ rekwiżiti speċifiċi jew, abbażi ta’ ġudizzju professjonali, ma’ rekwiżiti ġenerali.

9. Verifika : proċess sistematiku, indipendenti, iddokumentat għall-ksib ta’ rekords, dikjarazzjonijiet tal-fatti jew informazzjoni rilevanti oħra u l-valutazzjoni tagħhom b’mod oġġettiv biex ikun stabbilit kemm huma ssodisfati r-rekwiżiti speċifikati.

3. DISPOŻIZZJONIJIET LEGALI EŻISTENTI FIL-LIVELL TAL-UE

3.1. Regoli relatati mat-tħaddim tal-iskemi

Skemi ta’ ċertifikazzjoni li joperaw fl-UE huma soġġetti għad-dipożizzjonijiet bażiċi tal-UE li ġejjin:

- Regoli dwar is-suq intern. Il-fornituri ta’ servizz ta’ ċertifikazzjoni jistgħu jibbenefikaw mil-libertà tal-istabbiliment u mil-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi kif stabbilit fl-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewopea (TFUE) u fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar is-Servizzi [12]. Ma għandhomx jiffaċċjaw restrizzjonijiet mhux iġġustifikati meta jiġu stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Bl-istess mod, ma għandhomx jiffaċċjaw restrizzjonijiet mhux iġġustifikati meta jipprovdu s-servizzi b’mod transkonfinali. L-iskemi ta’ ċerifikazzjoni lanqas għandhom jirriżultaw f’ostakli defacto għall-kummerċ fl-oġġetti fis-suq intern.

- Regoli dwar l-involviment tal-istat fl-iskemi. Skemi ta’ ċertifikazzjoni appoġġati minn korpi pubbliċi, bħalma huma l-awtoritajiet reġjonali jew nazzjonali, ma jistgħux iwasslu għal restrizzjonijiet ibbażati fuq l-oriġini nazzjonali tal-produtturi jew b’xi mod ieħor ixekklu s-suq uniku. Kwalunkwe appoġġ għal skemi ta’ ċertifikazzjoni mogħti minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE, għandu jkun konformi mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

- Regoli dwar il-kompetizzjoni. L-iskemi ta’ ċertifikazzjoni ma jistgħux iwasslu għal imġiba antikompetittiva, inkluż b’mod partikolari fuq bażi mhux eżawrjenti:

- ftehimiet orizzontali jew vertikali li jillimitaw il-kompetizzjoni;

- għeluq ta’ intrapriżi li jikkompetu magħhom minn intrapriża waħda jew aktar b’saħħa sinifikanti fis-suq (pereżempju l-ostakolar tal-aċċess tax-xerrejja li huma kompetituri għalihom għall-fornimenti u/jew l-aċċess ta’ fornituri li huma kompetituri għalihom għall-kanali ta’ distribuzzjoni);

- l-ostakolar tal-aċċess għall-iskema ta’ ċertifikazzjoni minn operaturi tas-suq li jikkonformaw mal-prerekwiżiti applikabbli.

- l-ostakolar tal-partijiet għall-iskema jew partijiet terzi oħrajn milli jiżviluppaw, jipproduċu u jikkummerċjalizzaw prodotti alternattivi li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-iskema

- Informazzjoni għall-konsumatur u r-rekwiżiti tat-tikkettar [13]. It-tikkettar, ir-riklamar u l-preżentazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel ma għandhomx ikunu tali li jistgħu jingannaw lix-xerrej sa livell materjali, b’mod partikolari:

- rigward il-karatteristiċi tal-oġġetti tal-ikel u, b’mod partikolari, rigward in-natura, l-identità, il-karatteristiċi, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-durabbiltà, l-oriġini jew il-provenjenza tagħhom, il-metodu tal-manifattura jew il-produzzjoni;

- billi jattribwixxu effetti jew karatteristiċi lill-oġġetti tal-ikel li dawn ma jippossedux;

- billi jissuġġerixxu li l-oġġetti tal-ikel għandhom karatteristiċi speċjali meta fil-fatt l-oġġetti tal-ikel simili kollha jkollhom tali karatteristiċi.

L-iskemi li jiċċertifikaw il-konformità mar-rekwiżiti legali biss ma jistgħux jissuġġerixxu b’xi mod li l-prodotti ċċertifikati għandhom karatteristiċi speċjali li huma differenti minn dawk ta’ prodotti simili. L-effett tal-iskemi ma għandux jiġi skreditat jew jiskredita prodotti oħrajn fis-suq, u lanqas il-kredibbiltà tal-kontrolli uffiċjali.

Barra minn hekk, it-tikkettar, ir-riklamar u l-preżentazzjoni tal-ikel ma għandhomx ikunu b'tali mod li jiżgwidaw lill-konsumaturi skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti [14].

- L-UE tqis l-obbligi internazzjonali tagħha, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ, meta tintroduċi proċedura ta’ valutazzjoni rigward il-konformità f’leġiżlazzjoni partikolari.

3.2. Regoli relatati mal-kontenut tal-iskemi

Barra minn hekk, teżisti leġiżlazzjoni speċifika dwar ħafna suġġetti koperti bir-rekwiżiti tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni (pereżempju rekwiżiti regolatorji għas-sikurezza tal-ikel u l-iġjene [15]; il-biedja organika; il-benesseri tal-annimali; il-ħarsien ambjentali; l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għal prodotti speċifiċi).

Fl-oqsma fejn jeżistu standards jew leġiżlazzjoni rilevanti, l-indikazzjonijiet għandhom iqisu u jkunu konsistenti ma’ tali standards jew leġiżlazzjoni u għandhom jagħmlu referenza għalihom fl-ispeċifikazzjonijiet (pereżempju jekk skema tkun qed tagħmel indikazzjonijiet ta’ biedja organika, din għandha tkun ibbażata fuq ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 [16]; skemi li jagħmlu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu konformi mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 [17], u għandhom jgħaddu mill-valutazzjoni xjentifika meħtieġa mill-EFSA).

B'mod partikolari. fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel u l-iġjene:

- L-iskemi ma jistgħux jippreġudikaw jew jimmiraw li jissostitwixxu l-istandards u/jew rekwiżiti uffiċjali eżistenti, u lanqas m’għandhom jippruvaw jissostitwixxu l-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti għall-iskopijiet ta’ verifika uffiċjali tal-konformità mal-istandards u r-rekwiżiti uffiċjali obbligatorji.

- Prodott ikkummerċjalizzat taħt skemi li stabbilixxew standards ta' sikurezza u iġjene lil hinn mir-rekwiżiti legali ma jistgħux jiġi reklamati jew promossi b'tali mod li jiskreditaw jew għandhom it-tendenza li jiskreditaw is-sikurezza ta' prodotti oħrajn fis-suq jew il-kredibbiltà tal-kontrolli uffiċjali.

3.3. Regoli li jirregolaw il-valutazzjoni tal-konformità, iċ-ċertifikazzjoni u l-akkreditazzjoni

Ir-regoli dwar l-organizzazzjoni u t-tħaddim tal-akkreditazzjoni tal-korpi li jwettqu attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità fil-qasam irregolat ġew stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Waqt li dan ir-Regolament ma fihx rekwiżit biex il-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità jiġu akkreditati, tali rekwiżit huwa parti minn xi leġiżlazzjoni oħra tal-UE [18].

Barra minn hekk, ir-regoli rikonoxxuti fuq livell internazzjonali għat-tħaddim ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodott/proċess jew sistema huma stabbiliti fil-Gwida 65 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandards (ISO) (EN 45011) jew ISO 17021, rispettivament. Waqt li skemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodott/proċess jew sistema huma inizjattivi volontarji, sabiex jagħtu ċertifikati ta’ prodott/proċess jew sistema taħt akkreditazzjoni, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni jridu jkunu akkreditati taħt EN 45011/ISO 65 jew ISO 17021.

Madankollu, dan ta’ hawn fuq huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti applikabbli kollha tal-liġi dwar l-ikel tal-UE, inklużi l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002:

"Il-liġi dwar l-ikel għandha ssegwi wieħed jew aktar mill-għanijiet ġenerali ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u s-saħħa u l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur, inklużi prattiki ġusti fin-negozju tal-ikel, waqt li jingħata kont ta', fejn japplika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-benesseri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-ambjent".

Fi ħdan dan il-qafas, ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 [19] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali jinkludi ċerti regoli għad-delegazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kompiti ta’ kontroll uffiċjali lil partijiet terzi indipendenti (inklużi l-obbligi rigward l-akkreditazzjoni u r-rappurtar).

Il-garanziji mogħtija mill-attivitajiet ta’ kontroll uffiċjali huma l-linja bażi, li ’l fuq minnha jistgħu joperaw skemi ta’ ċertifikazzjoni speċifiċi fuq bażi volontarja, waqt li wieħed iżomm f'moħħu li kwalunkwe ksur jaqa’ taħt il-liġi tal-ikel. Il-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tal-linja bażi permezz tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni ma teżentax lill-awtoritajiet ta’ kontroll uffiċjali mir-responsabbiltà tagħhom.

4. RAKKOMANDAZZJONIJIET RIGWARD IL-PARTEĊIPAZZJONI FL-ISKEMA U L-IŻVLUPP TAL-ISKEMA

1. L-iskemi għandhom ikunu miftuħin bi kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji għall-parteċipanti kollha li huma lesti u li huma kapaċi jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet.

2. L-iskemi għandu jkollhom struttura superviżorja li tippermetti l-kontribuzzjoni tal-partijiet interessati kollha kkonċernati fil-katina tal-ikel (il-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tagħhom [20], il-bejjiegħa agrikoli u agro-alimentari, l-industrija tal-ikel, il-bejjiegħa bl-ingrossa, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi, kif jixraq) fl-iżvilupp tal-iskema u fit-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod rappreżentattiv u bbilanċjat. Il-mekkaniżmi għall-parteċipazzjoni mill-partijiet interessati u l-organizzazzjonijiet involuti għandhom ikunu ddokumentati u disponibbli pubblikament.

3. Il-maniġers tal-iskemi li joperaw f’pajjiżi u f’reġjuni differenti għandhom iħaffu l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kkonċernati kollha minn dawn ir-reġjuni fl-iżvilupp tal-iskemi.

4. Ir-rekwiżiti tal-iskemi għandhom ikunu żviluppati minn kumitati tekniċi ta’ esperti u sottomessi lil grupp usa’ ta’ partijiet interessati għat-tidħil.

5. Il-maniġers tal-iskemi għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kkonċernati fl-iżvilupp tal-kriterji u l-listi ta' kontroll tal-ispezzjonijiet, kif ukoll fit-tfassil u d-determinazzjoni tal-limiti għas-sanzjonijiet.

6. Il-maniġers tal-iskemi għandhom jadottaw approċċ ta’ żvilupp kontinwu fejn jeżistu mekkaniżmi ta’ rispons biex ir-regoli u r-rekwiżiti jiġu riveduti regolarment b’mod parteċipattiv. B’mod partikolari, il-parteċipanti fl-iskemi għandhom ikunu involuti fl-iżvilupp tal-ġejjieni tal-iskema.

7. It-tibdiliet fir-rekwiżiti tal-iskemi għandhom isiru biss meta jkunu ġġustifikati, sabiex ikunu evitati spejjeż ta’ addattament mingħajr ħtieġa għall-parteċipanti tal-iskemi. Il-parteċipanti tal-iskemi jridu jingħataw avviż xieraq rigward kwalunkwe bidla fir-rekwiżiti tal-iskemi.

8. L-iskemi għandhom jinkludu informazzjoni ta’ kuntatt rigward id-dokumentazzjoni kollha assoċjata mal-iskemi (inkluż fuq websajt) u jistabbilixxu proċess għall-wasla u t-tweġiba ta’ kummenti dwar l-iskemi.

5. RAKKOMANDAZZJONIJIET RIGWARD IR-REKWIŻITI TAL-ISKEMI U L-INDIKAZZJONIJIET KORRISPONDENTI

5.1. Iċ-ċarezza u t-trasparenza tar-rekwiżiti tal-iskemi u l-indikazzjonijiet magħmula

1. L-iskemi għandhom jiddikjaraw b’mod ċar l-objettivi soċjali, ambjentali, ekonomiċi u/jew legali.

2. L-indikazzjonijiet u r-rekwiżiti għandhom ikunu marbuta b’mod ċar mal-objettivi tal-iskemi.

3. L-ambitu tal-iskemi fir-rigward tal-prodotti u/jew il-proċessi għandu jkun iddefinit b’mod ċar.

4. L-ispeċifikazzjonijiet tal-iskemi [21], inkluż sommarju pubbliku, għandhom ikunu disponibbli b’mod liberu (pereżempju fuq websajt).

5. L-iskemi li joperaw f’pajjiżi differenti għandhom jipprovdu traduzzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet jekk issir talba ġġustifikata kif jixraq minn parteċipanti potenzjali jew minn korpi ta’ ċertifikazzjoni.

6. L-ispeċifikazzjonijiet tal-iskemi għandhom ikunu ċari, iddettaljati biżżejjed u jinftiehmu mingħajr diffikultà.

7. L-iskemi li jużaw logos jew tikketti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar fejn il-konsumaturi jistgħu jsibu aktar dettalji rigward l-iskema, pereżempju l-indirizz ta’ websajt, fuq l-imballaġġ tal-prodott jew fil-punt tal-bejgħ.

8. L-iskemi għandhom jiddikjaraw b’mod ċar (pereżempju fuq il-websajt tagħhom) li huma jitolbu ċertifikazzjoni minn korp indipendenti u jipprovdu d-dettalji tal-kuntatt ta’ korpi ta’ ċertifikazzjoni li jipprovdu dan is-servizz.

5.2. Il-bażi tal-evidenza tal-indikazzjonijiet u r-rekwiżiti tal-iskemi

1. L-indikazzjonijiet kollha għandhom ikunu bbażati fuq evidenza oġġettiva u verifikabbli u dokumentazzjoni xjentifikament soda. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli liberament, pereżempju fuq websajt [22].

2. L-iskemi li joperaw f’pajjiżi u f’reġjuni differenti għandhom jaddattaw ir-rekwiżiti tagħhom f’konformità mal-kundizzjonijiet agroekoloġiċi, soċjoekonomiċi u ġurdiċi u l-prattiċi agrikoli lokali rilevanti, waqt li jiżguraw riżultati konsistenti f’kuntesti differenti.

3. L-iskemi għandhom jindikaw b’mod ċar (pereżempju fuq websajt) jekk, meta u sa liema punt l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom imorrux lil hinn mir-rekwiżiti legali rilevanti, inklużi fl-oqsma tar-rappurtar u l-ispezzjonijiet, jekk ikunu applikabbli.

6. RAKKOMANDAZZJONIJIET RIGWARD IĊ-ĊERTIFIKAZZJONI U L-ISPEZZJONIJIET

6.1. L-imparzjalità u l-indipendenza taċ-ċertifikazzjoni

1. Iċ-ċertifikazzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti tal-iskema għandha ssir minn entità indipendenti akkreditata:

- minn korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali maħtur minn Stat Membru skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008, f'konformità ma' standards u gwidi Ewropej jew Internazzjonali rilevanti li jistabbilixxu rekwiżiti ġenerali għall-korpijiet li joperaw sistemi ta' ċertifikazzjoni tal-prodotti jew

- minn firmatarju ta' korp ta’ akkreditazzjoni għall-arranġament ta’ rikonoxximent multilaterali (MLA) għaċ-ċertifikazzjoni ta’ prodott tal-Forum ta’ Akkreditazzjoni Internazzjonali (IAF).

2. L-iskemi għandhom ikunu miftuħin għal ċertifikazzjoni minn kwalunkwe korp ta’ ċertifikazzjoni kkwalifikat u akkreditat, mingħajr l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet ġeografiċi.

6.2. L-ispezzjonijiet

Bħala prinċipju ġenerali, l-ispezzjonijiet għandhom ikunu effettivi, ċari, trasparenti, ibbażati fuq proċeduri ddokumentati u għandhom jirrelataw ma’ kriterji verifikabbli li jkunu l-bażi għall-indikazzjonijiet magħmula mill-iskema ta’ ċertifikazzjoni. Riżultati ta’ spezzjonijiet mhux sodisfaċenti għandhom iwasslu għal azzjoni xierqa.

1. Għandhom jitwettqu spezzjonijiet regolari tal-parteċipanti tal-iskemi. Għandu jkun hemm proċeduri ċari u ddokumentati għall-ispezzjonijiet, li jinkludu l-frekwenza, it-teħid ta’ kampjuni u testijiet tal-laboratorju/analitiċi f’parametri relatati mal-ambitu tal-iskema taċ-ċertifikazzjoni.

2. Il-frekwenza tal-ispezzjonijiet għandha tqis ir-riżultati ta’ spezzjonijiet preċedenti, ir-riskji inerenti tal-prodott jew il-proċess jew is-sistema ta’ ġestjoni, kif ukoll l-eżistenza ta’ verifiki interni f’organizzazzjonijiet kollettivi ta’ produtturi li jistgħu jikkumplimentaw l-ispezzjonijet ta’ parti terza. Il-frekwenza minima tal-ispezzjonijiet għandha tkun iddeterminata mis-superviżur tal-iskema għall-parteċipanti kollha tal-iskema.

3. Għandu jkun hemm evalwazzjoni sistematika tar-riżultati tal-ispezzjonijiet.

4. Spezzjonijiet għall-għarrieda u spezzjonijiet b’avviż ta’ ftit ħin għandhom jintużaw bħala regola ġenerali (pereżempju fi żmien 48 siegħa).

5. L-ispezzjonijiet u l-verifiki għandhom ikunu bbażati fuq linji gwida, listi ta’ kontroll u pjanijiet disponibbli pubblikament. Il-kriterji tal-ispezzjonijiet għandhom ikunu marbuta mill-qrib mar-rekwiżiti tal-iskema u mal-indikazzjonijiet korrispondenti.

6. Għandu jkun hemm proċeduri ċari u ddokumentati għat-trattament ta’ nuqqas ta’ konformità li huma implimentati b’mod effettiv. Għandhom ikunu ddefiniti l-kriterji ta' tkeċċija li jistgħu jwasslu għal:

- nuqqas ta’ ħruġ jew l-irtirar taċ-ċertifikat,

- irtirar tas-sħubija, jew

- rappurtar lill-korp ta’ infurzar uffiċjali rilevanti.

Dawn il-kriterji ta' tkeċċija għandhom jinkludu mill-inqas in-nuqqas ta’ twettiq tar-rekwiżiti bażiċi ġuridiċi fil-qasam kopert miċ-ċertifikazzjoni. Il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità b’implikazzjonijiet negattivi għall-protezzjoni tas-saħħa għandhom jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet rilevanti skont ir-rekwiżiti regolatorji.

7. L-ispezzjonijiet għandhom jiffukaw fuq l-analiżi ta’ kriterji verifikabbli li huma l-bażi tal-indikazzjonijiet magħmula mill-iskemi ta’ ċertifikazzjoni.

6.3. L-ispejjeż

1. Il-maniġers tal-iskemi għandhom jagħmlu l-ħlas tas-sħubija disponibbli għall-pubbliku (jekk ikun hemm) u għandhom jirrikjedu lill-korpi ta’ ċertifikazzjoni tagħhom li jippubblikaw l-ispejjeż assoċjati maċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjonijiet għal tipi differenti ta’ parteċipanti tal-iskemi.

2. Id-diskrepanzi potenzjali fil-ħlas imposti fuq parteċipanti differenti tal-iskemi għandhom ikunu ġġustifikati u proporzjonati. M’għandhomx iservu biex jiskoraġġixxu ċerti gruppi ta’ parteċipanti potenzjali, pereżempju minn pajjiżi oħra, milli jissieħbu fl-iskema kkonċernata.

3. Kwalunkwe tnaqqis fl-ispejjeż li jirriżulta minn rikonoxximent u punti ta’ referenza reċiproċi għandu jgħaddi għand l-operaturi soġġetti għall-ispezzjonijiet u l-verifiki.

6.4. Il-kwalifiki tal-awdituri/spetturi

Bħala prinċipju ġenerali, l-awdituri/spetturi għandhom ikunu imparzjali, ikkwalifikati u kompetenti.

L-awdituri li jwettqu l-verifiki taċ-ċertifikazzjoni għandu jkollhom l-għarfien rilevanti fis-settur speċifiku u għandhom jaħdmu ma’ korpi ta’ ċertifikazzjoni li huma akkreditati skont l-istandards u l-gwidi Ewropej jew internazzjonali rilevanti għall-iskemi ta’ ċertifikazzjoni u għall-iskemi ta' ċertifikazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni. Il-ħiliet ta’ awditur meħtieġa għandhom jiġu deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-iskemi.

6.5. Id-dispożizzjonijiet għall-produtturi ta’ skala żgħira

L-iskemi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw u jippromwovu l-parteċipazzjoni ta’ produtturi fuq skala żgħira (speċjalment mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, jekk ikun rilevanti) fl-iskemi.

7. RAKKOMANDAZZJONIJIET RIGWARD IR-RIKONOXXIMENT REĊIPROKU U PUNTI TA’ REFERENZA/KOINĊIDENZI MA’ SKEMI OĦRA

1. Meta skemi jkunu qed jidħlu f’settur ġdid u/jew jespandu fl-ambitu tagħhom, għandha tkun iġġustifikata l-ħtieġa għall-iskema. Fejn ikun possibbli, il-maniġers tal-iskemi għandhom jagħmlu referenza espliċita (pereżempju fil-websajt tagħhom) għal skemi rilevanti oħrajn li joperaw fl-istess settur, qasam politiku u reġjun ġeografiku u jidentifikaw fejn l-approċċi jikkonverġu u fejn jaqblu. Huma għandhom ifittxu b’mod attiv il-possibilitajiet ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ partijiet jew tat-totalità tar-rekwiżiti tal-iskemi.

2. Fl-oqsma fejn l-iskemi ġew identifikati li jikkoinċidu parzjalment jew totalment mar-rekwiżiti ta’ skemi oħrajn, l-iskemi għandhom jinkludu r-rikonoxximent jew l-aċċettazzjoni parzjali jew totali tal-ispezzjonijiet u l-verifiki li diġà twettqu taħt dawk l-iskemi (bl-għan li l-istess rekwiżiti ma jiġux ivverifikati mill-ġdid).

3. Jekk l-aċċettazzjoni reċiproka ma tistax tinkiseb, il-maniġers tal-iskemi għandhom jippromwovu verifiki kkombinati bbażati fuq listi ta' kontroll ta’ verifika kkombinati (jiġifieri lista ta' kontroll unika kkombinata u verifika unika kkombinata għal żewġ skemi differenti jew aktar).

4. Il-maniġers tal-iskemi li jikkoinċidu fir-rekwiżiti tagħhom għandhom, sa fejn ikun prattikament u legalment possibbli, jarmonizzaw ukoll il-protokolli tal-verifiki u r-rekwiżiti tad-dokumentazzjoni tagħhom.

[1] Studju mwettaq minn Areté għad-DĠ AGRI; ara http://ec.europa.eu/agriculture/quality/index_en.htm

[2] Pereżempju: il-benesseri tal-annimali; is-sostennibbiltà ambjentali; il-kummerċ ġust.

[3] ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

[4] Fil-Komunikazzjoni "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar" (COM(2009) 591), il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tirrevedi l-istandards ambjentali u l-iskemi tat-tikkettar tal-oriġini magħżula li jistgħu jxekklu l-kummerċ transkonfinali.

[5] Il-kwistjoni tal-istandards privati ġiet diskussa fil-Kumitat SPS tad-WTO.

[6] Pereżempju l-Alleanza ISEAL ((http://www.isealalliance.org).

[7] COM(2009) 234.

[8] Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt li eżaminat għażliet differenti biex isir progress (ara "Skemi ta’ ċertifikazzjoni għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel"; http://ec.europa.eu/agriculture/quality/policy/com2009_234/ia_annex_d_en.pdf).

[9] Grupp Konsultattiv dwar "Il-Kwalità tal-Produzzjoni Agrikola", stabbilit taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/391/KE; (ĠU L 120, 24.4.2004, p. 50).

[10] Abbażi ta’ EN ISO/IEC 17000 "Valutazzjoni tal-konformità – Vokabularju u prinċipji ġenerali".

[11] L-Artikolu 2(10) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti; (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

[12] Id-Direttiva 2006/123/KE tat- 12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern; ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

[13] L-Artikolu 2(1) (a) tad-Direttiva 2000/13/KE fuq l-approssimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel; ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29.

[14] Id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern; ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22 u gwida għall-implimentazzjoni tagħha: SEC(2009) 1666.

[15] Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tad- 29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel; Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tad- 29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali u r-Regolament (KE) Nru 854/2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman; (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

[16] ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

[17] ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

[18] Pereżempju l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel jirrikjedi li "Il-korpi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodott imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jikkonformaw ma’ u, mill- 1 ta’ Mejju 2010 jkunu akkreditati f’konformità mal-istandard Ewropew EN 45011 jew ISO/IEC Gwida 65 (Rekwiżiti ġenerali għall-korpi li joperaw sistemi ta’ ċertifikazzjoni ta’ prodott)".

[19] ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

[20] Eżempju l-koperattivi.

[21] Jistgħu jkunu meħtieġa eċċezzjonijiet meta l-ispeċifikazzjonijiet tal-iskemi jkunu bbażati fuq standards li mhumiex disponibbli liberament (pereżempju l-istandards ISO u EN).

[22] Għandha ssir eċċezzjoni għal informazzjoni kunfidenzjali u/jew proprjetarja, li għandha tkun indikata b’mod ċar.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet