Proposta għal REGOLAMENT (UE) Nru …/.. TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni
/* KUMM/2010/0498 finali - COD 2010/0256 */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html |
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |
Brussel 24.9.2010
KUMM(2010) 498 finali
2010/0256 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT (UE) Nru …/.. TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
L-ALLINJAMENT MAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (TFUE)
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi distinzjoni ċara bejn minn naħa, is-setgħat iddelegati lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti mhux leġiżlattivi (atti ddelegati) ta’ applikazzjoni ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv, stabbiliti fl-Artikolu 290, u min-naħa l-oħra, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti ta' implimentazzjoni stipulati fl-Artikolu 291.
Fil-każ tal-atti ddelegati, il-Leġiżlatur jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta miżuri kważi leġiżlattivi. Fil-każ tal-atti ta' implimentazzjoni, il-kuntest huwa differenti ħafna. Fil-fatt, l-Istati Membri huma l-ewwel nett responsabbli mill-implimentazzjoni tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, jekk l-applikazzjoni tal-att leġiżlattiv tkun teħtieġ kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni, hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li timplimentahom.
L-eżerċizzju ta’ allinjament tar-Regolament (KE) nru 247/2006 mar-regoli l-ġodda tat-Trattat huwa bbażat fuq klassifikazzjoni ta’ setgħat iddelegati u setgħat ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament imsemmi (Regolament (KE) nru 793/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 247/2006).
Wara dan l-eżerċizzju, tħejja abbozz ta’ proposta ta’ riformulazzjoni tar-Regolament (KE) nru 247/2006. Dan l-abbozz jagħti s-setgħa lil-Leġiżlatur li jadotta l-elementi essenzjali ta’ arranġamenti speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli tar-reġjuni l-aktar imbiegħda biex jingħelbu d-diffikultajiet maħluqa mid-distanza (imsejħa “arranġamenti POSEI”). Il-linji gwida ġenerali ta’ dawn l-arranġamenti u l-prinċipji ġenerali li fuqhom huma bbażati huma ddeterminati mil-Leġiżlatur. Għaldaqstant, l-għanijiet tal-miżuri introdotti permezz ta’ dawn l-arranġamenti speċifiċi u l-prinċipji ta’ programmazzjoni, ta’ kompatibilità u ta’ konsistenza mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni huma definiti mil-Leġiżlatur. Barra minn hekk, il-Leġiżlatur jipprovdi l-prinċipji għall-istabbiliment ta’ sistema ta’ ċertifikati u tal-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, tnaqqis u esklużjonijiet. Il-Leġiżlatur jipprevedi wkoll l-eżistenza ta’ simbolu grafiku POSEI.
Skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Leġiżlatur jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tikkompleta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali. Att iddegelat tal-Kummissjoni jista’ għalhekk jistabbilixxi l-elementi supplimentari meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-arranġamenti definiti mil-Leġiżlatur. Għalhekk, il-Kummissjoni tadotta, permezz ta’ att iddelegat, il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-operaturi fir-reġistru taċ-ċertifikati u, jekk ikun meħtieġ fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika, hija timponi l-għoti ta’ garanzija għall-ħruġ taċ-ċertifikati (Artikolu 11(2)). Bl-istess mod, il-Leġiżlatur jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta miżuri rigward l-istabbiliment tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-emendi tal-programmi (Artikolu 6(3)), il-kundizzjonijiet tal-ipproċessar (Artikolu 13(6)), il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-ammonti tal-għajnuna (Artikoli 18(4), 23(3) u 29(4)), il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni (Artikolu 26(2)), il-kundizzjonijiet għad-dritt li jintuża s-simbolu grafiku (Artikolu 20(3)), u s-sanzjonijiet (Artikolu 17(2)).
L-Istati Membri, skont l-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-arranġamenti definiti mil-Leġiżlatur. Madankollu jidher meħtieġ li tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi tal-arranġamenti POSEI fl-Istati Membri sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew id-diskriminazzjoni bejn l-operaturi. Għalhekk, il-Leġiżlatur jagħti lill-Kummissjoni setgħat eżekuttivi, skont l-Artikolu 291(2), tat-Trattat, f’dak li jikkonċerna b’mod aktar partikolari l-kundizzjonijiet uniformi li l-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista jidħlu, joħorġu u jiċċirkolaw f’reġjuni l-aktar imbiegħda (Artikoli 11(3), 13(2a)), 13 (2b)), 13(3), 26(1), u 28(2)), il-kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni tal-programmi (Artikoli 6(2), 18(3), 20(4), u 29(3)), kif ukoll qafas ġenerali ta’ kontrolli li l-Istati Membri għandhom japplikaw (Artikoli 7,12(2) u 17(1)).
L-EMENDI SOSTANTIVI
Meta wieħed iqis li mill-adozzjoni tiegħu, fit-30 ta’ Jannar 2006, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 247/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni, kien suġġett għal bosta bidliet, huwa propost li ssir riformulazzjoni tiegħu għal raġunijiet ta’ ċarezza.
Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni Komunitarja u l-implimentazzjoni prattika ta’ dan ir-Regolament li seħħew mill-adozzjoni tiegħu jitolbu li jinbidlu wkoll xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu u li titfassal mill-ġdid l-istruttura tat-test leġiżlattiv sabiex ikun adattat aħjar għar-realtà tal-arranġamenti agrikoli POSEI.
Dan ir-Regolament ġdid jindika b’mod aktar espliċitu l-għanijiet prinċipali tal-arranġamenti li biex dawn jinkisbu għandu jkun hemm il-kontribuzzjoni tal-miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda (Artikolu 2).
L-istruttura l-ġdida tiegħu tenfasizza r-rwol ċentrali tal-Programmi ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi biex jilqgħu għall-Bogħod u l-Insularità (programmi POSEI) li issa huma definiti għal kull reġjun imbiegħed fil-livell l-aktar xieraq u kkoordinati mill-Istati Membri rispettivi. Dawn il-programmi jiffukaw fuq iż-żewġ aspetti fundamentali tal-POSEI, jiġifieri l-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista u l-miżuri speċifiċi għall-produzzjoni lokali (Artikolu 3).
Saru bidliet oħra minuri fit-test tar-Regolament, jiġifieri:
1. Il-proċedura għas-sottomissjoni tal-programmi u tal-emendi tagħhom lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni ġiet iċċarata sabiex tkun aktar konsistenti mal-prattika attwali u mal-ħtieġa li jkun hemm aktar flessibbiltà u effiċjenza fl-adattament tal-programmi mal-ħtiġijiet reali tal-agrikoltura u tal-provvista ta’ prodotti essenzjali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda (Artikolu 6).
2. Fl-Artikolu 10, ġie speċifikat li l-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandhom ikunu mfassla għal kull reġjun skont il-produzzjoni agrikola lokali, li l-iżvilupp tagħha m’għandux ikun limitat minn għajnuniet għall-provvisti kbar wisq għal prodotti li jiġu prodotti wkoll lokalment. Din id-dispożizzjoni hija kkunsidrata meħtieġa sabiex il-kompatibilità bejn iż-żewġ strumenti tal-POSEI tkun mandatorja.
3. Il-possibbiltà li jintbagħtu mill-ġdid prodotti pproċessati lokalment minn prodotti bażiċi li jkunu koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, mingħajr rimbors tal-benefiċċju, limitata għall-prodotti mibgħuta mill-Azores lejn il-Madeira jew viċe versa u mill-Madeira lejn il-Gżejjer Kanarji jew viċe versa, hija estiża wkoll għad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej (Artikolu 13(2e)).
4. Sabiex tkun żgurata ġestjoni baġitarja tajba, l-Istati Membri għandhom jindikaw fil-programmi tagħhom il-lista ta’ għajnuniet li jikkostitwixxu ħlasijiet diretti (Artikolu 18(2d)).
5. Huwa wkoll utli li jiġi indikat il-mod kif huwa definit l-ammont tal-għajnuna għall-miżuri favur il-produzzjonijiet agrikoli lokali, li qabel ma kienx indikat fl-att bażiku (Artikolu 18(2), (e) u (f).
6. Fl-aħħar nett, l-allokazzjoni finanzjarja magħżula għal kull programm nazzjonali hija dik li tikkorrispondi għas-sena finanzjarja 2011 u sussegwenti. Għall-kuntrarju, il-limitu għall-finanzjament tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għall-Franza u l-Portugall żdied b’20% (Artikolu 29(3)), wara l-konklużjonijiet tal-ewwel rapport dwar l-impatt tar-riforma POSEI tal-2006, ippreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2010.
Il-Regolament ma jemendax is-sorsi ta’ finanzjament u lanqas l-intensità tal-appoġġ Komunitarju.
2010/0256 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT (UE) Nru …/.. TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
ta' …
li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(1), u l-Artikolu 43 (2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[1],
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[4],
Billi:
7. Miżuri speċifiċi għall-agrikoltura biex jingħelbu d-diffikultajiet ikkawżati mis-sitwazzjoni eċċezzjonali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 247/2006 tat-30 ta’ Jannar 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni[5]. Dawn il-miżuri huma kkumplimentati permezz ta’ programmi ta’ appoġġ għal kull reġjun, li jirrappreżentaw għodda essenzjali għall-provvista ta’ dawn ir-reġjuni fi prodotti agrikoli. Minħabba emendi ġodda li huma meħtieġa u wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, jeħtieġ li r-Regolament (KE) nru 247/2006 jitħassar u jiġi sostitwit minn test ġdid.
8. Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-għanijiet fundamentali li l-kisba tagħhom tista' sseħħ bil-kontribuzzjoni tal-arranġamenti għar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni.
9. Jeħtieġ li jiġi speċifikat il-kontenut tal-Programmi ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi biex jilqgħu għall-Bogħod u l-Insularità (minn hawn ’il quddiem “il-programmi POSEI”) li, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati fil-livell ġeografiku l-aktar xieraq u ppreżentati lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.
10. Sabiex jinkisbu aħjar l-għanijiet tal-arranġamenti favur ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni, il-programmi POSEI għandhom jinkludu miżuri li jiggarantixxu l-provvista ta’ prodotti agrikoli u l-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-produzzjonijiet agrikoli lokali. Jeħtieġ li jiġi approssimat il-livell tal-programmazzjoni tar-reġjuni kkonċernati u li jkun hemm approċċ sistematiku tal-isħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.
11. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u fi spirtu ta’ flessibbiltà li huma l-bażi tal-approċċ tal-programmazzjoni adottata għall-arranġamenti favur ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, l-awtoritajiet magħżula mill-Istat Membru jistgħu jipproponu emendi fil-programm sabiex jadattawh għar-realtà tar-reġjuni imbiegħda. Fl-istess spirtu, il-proċedura ta’ emenda tal-programmi għandha tkun adattata għal-livell ta’ rilevanza ta’ kull tip ta’ emenda.
12. Biex tiġi ggarantita l-provvista ta’ prodotti agrikoli essenzjali lir-reġjuni l-aktar imbiegħda u bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali kkawżati min-natura remota ta’ dawn ir-reġjuni, huwa xieraq li jiġu stabbiliti arranġamenti speċifiċi ta’ provvista. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ġeografika eċċezzjonali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, meta mqabbla mas-sorsi ta’ provvista ta’ prodotti essenzjali għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar jew bħala addizzjonijiet agrikoli, timponi spejjeż ta’ trasport addizzjonali f’dawn ir-reġjuni. Barra minn hekk, fatturi oġġettivi oħrajn marbuta mad-distanza remota tagħhom, b’mod partikolari l-insularità u n-nuqqas ta’ uċuħ agrikoli, jimponu aktar restrizzjonijiet għall-kumpaniji u l-produtturi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda li jolqtu l-attivitajiet tagħhom b’mod ferm negattiv. Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jkunu rranġati billi jitbaxxa l-prezz ta’ dawn il-prodotti essenzjali.
13. Għaldaqstant, minkejja l-Artikolu 28 tat-Trattat, importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti agrikoli minn pajjiżi terzi għandhom ikunu eżentati mid-dazji applikabbli. Sabiex jiġu kkunsidrati l-oriġini u t-trattament doganali tagħhom kif miftiehma skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni, prodotti li jkunu daħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni skont arranġamenti ta’ proċessar intern jew ta’ ħażniet doganali għandhom ikunu meqjusa bħala proċessar attiv, bl-għan li jingħataw il-benefiċċji għall-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.
14. Sabiex jintlaħaq l-għan li jitbaxxew il-prezzijiet fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u jitnaqqsu l-ispejjeż żejda tad-distanza, filwaqt li tinżamm il-kompetittività tal-prodotti tal-Unjoni, għandha tingħata għajnuna għall-provvista ta’ prodotti tal-Unjoni lir-reġjuni l-aktar imbiegħda. Tali għajnuna għandha tikkunsidra l-ispiża addizzjonali tat-trasport lejn ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-prezzijiet applikati għall-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, u fil-każ ta’ addizzjonijiet agrikoli u prodotti maħsuba għall-ipproċessar, l-ispejjeż addizzjonali minħabba l-insularità u n-nuqqas ta’ uċuħ.
15. Biex ikunu evitati l-ispekulazzjonijiet li jkunu ta' ħsara għall-utenti finali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, jeħtieġ ikun speċifikat li l-prodotti ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli biss jistgħu jgawdu mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.
16. Jeħtieġ li jiġu introdotti regoli għall-funzjonament tal-arranġamenti, l-aktar f’dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ reġistru tal-operaturi u ta’ sistema ta’ ċertifikati mfassla fuq iċ-ċertifikati msemmija fl-Artikoli 130 u 161 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur agrikolu u dispożizzjonijiet speċifiċi f’dak li jirrigwarda ċerti prodotti tas-settur (Regolament Waħdieni dwar l-OKS)[6].
17. Il-ħtiġijiet ta’ monitoraġġ tal-operazzjonijiet li jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista jimponu kontrolli amministrattivi fuq il-prodotti kkonċernati meta dawn jiġu importati jew introdotti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda kif ukoll meta dawn jiġu esportati jew jintbagħtu minnhom. Barra minn hekk, sabiex jintlaħqu l-miri tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, il-vantaġġi ekonomiċi tal-arranġamenti għandhom ikunu jaqblu mal-kostijiet ta’ produzzjoni u għandhom ibaxxu l-prezzijiet sa ma jintlaħaq l-utent aħħari. Għalhekk huma għandhom jingħataw biss bil-kundizzjoni li fil-fatt jibqgħu għaddejjin minn stadju għall-ieħor, u għandhom isiru l-kontrolli adegwati.
18. Peress li l-kwantitajiet koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista huma limitati għall-bżonnijiet ta’ provvista fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, dawk l-arranġamenti ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Il-vantaġġi ekonomiċi tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista lanqas m’għandhom joħolqu devjazzjonijiet tal-kummerċ fil-prodotti kkonċernati. Għaldaqstant l-ispedizzjoni jew l-esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti mir-reġjuni l-aktar imbiegħda għandhom ikunu pprojbiti. Madankollu, spedizzjoni jew esportazzjoni ta’ dawk il-prodotti għandhom ikunu awtorizzati meta l-vantaġġ finanzjarju li jirriżulta mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista jkun rimborsat.
19. Fil-każ tal-prodotti pproċessati, għandu jkun awtorizzat l-iskambju bejn ir-reġjuni l-aktar imbiegħda biex ikun possibbli l-kummerċ bejniethom. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-flussi kummerċjali fi ħdan il-kummerċ reġjonali u l-esportazzjonijiet u l-ispedizzjonijiet tradizzjonali mal-bqija tal-Unjoni jew il-pajjiżi terzi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-esportazzjonijiet ta’ prodotti pproċessati li jikkorrispondu mal-flussi ta’ skambji tradizzjonali. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-perjodu ta’ referenza biex jiġu definiti dawk il-kwantitajiet esportati jew mibgħuta għandu jkun speċifikat.
20. Madankollu, għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiġi permess ir-ristrutturar meħtieġ tas-settur tal-ipproċessar taz-zokkor fl-Azores. Dawn il-miżuri għandhom jikkunsidraw li sabiex is-settur taz-zokkor fl-Azores ikun vijabbli jeħtieġ li jiġi żgurat ċertu livell ta’ produzzjoni u pproċessar. F’dan il-kuntest, jeħtieġ, li, bħala eċċezzjoni, l-Azores għandhom jitħallew jibagħtu lejn il-bqija tal-Unjoni kwantitajiet ta’ zokkor akbar mill-flussi tradizzjonali, u dan għal perjodu limitat ta’ ħames snin u fi kwantitajiet massimi annwali mnaqqsa progressivament. Minħabba li l-kwantitajiet li jistgħu jintbagħtu mill-ġdid se jkun proporzjonali u llimitati għal dak li huwa meħtieġ biss sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-produzzjoni u l-ipproċessar lokali taz-zokkor, din l-ispedizzjoni temporanja ta’ zokkor mill-Azores ma taffetwax b’mod negattiv is-suq intern tal-Unjoni.
21. Fil-każ taz-zokkor li jaqbeż il-kwota għall-forniment tal-Azores, il-Madeira u l-Gżejjer Kanarji, għandhom jibqgħu japplikaw l-arranġamenti għall-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni. Jeħtieġ ukoll li l-Azores jitħallew jibbenefikaw mill-eżenzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni għaz-zokkor tal-kannamieli mhux maħdum, fil-limitu tal-bilanċ previst tiegħu ta’ provvista.
22. S’issa l-Gżejjer Kanarji kienu fornuti, s'issa skont l-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, bi trab tal-ħalib xkumat li fih xaħmijiet veġetali tal-kodiċi NM 1901 90 99 maħsuba għall-ipproċessar industrijali. Il-provvista ta’ dan il-prodott għandha titkompla minħabba li sar element tradizzjonali tad-dieta lokali.
23. Peress li r-ross huwa element bażiku tad-dieta fir-Réunion, li ma tipproduċix biżżejjed minnu sabiex tkopri l-ħtiġijiet lokali, jeħtieġ li r-Réunion tibqa’ tkun eżentata minn kwalunkwe dazju ta’ importazzjoni għal dan il-prodott.
24. Il-politika tal-Unjoni biex tgħin il-produzzjoni lokali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda inkludiet diversi prodotti u miżuri favur il-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-ipproċessar tagħhom. Dawn il-miżuri urew li huma effettivi u żguraw il-kontinwità tal-agrikoltura u l-iżvilupp tagħha. L-Unjoni għandha tkompli tappoġġa dawn il-linji ta’ produzzjoni, li huma fattur ewlieni fil-bilanċ ambjentali, soċjali u ekonomiku tar-reġjuni l-aktar imbiegħda. L-esperjenza uriet li, bħal fil-każ tal-politika dwar l-iżvilupp rurali, sħubija aktar mill-qrib mal-awtoritajiet lokali tista’ tgħin biex jiġu indirizzati b’mod aktar dirett kwistjonijiet partikolari li jolqtu lir-reġjuni kkonċernati. Għalhekk għandu jitkompla l-appoġġ għall-produzzjoni lokali permezz tal-programmi POSEI.
25. Biex jingħata appoġġ lit-tqegħid fis-suq tal-prodotti tar-reġjuni mbiegħda, jeħtieġ li tiġi stabbilita għajnuna maħsuba għat-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti barra r-reġjun ta’ produzzjoni.
26. Jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-elementi minimi li għandhom jingħataw fil-programmi POSEI sabiex ikunu definiti l-miżuri favur il-produzzjonijiet agrikoli lokali, b’mod partikolari d-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, tal-istrateġija proposta, tal-għanijiet u tal-miżuri. Jeħtieġ ukoll li jiġu spjegati l-prinċipji ta’ konsistenza ta’ dawn il-miżuri mal-politiki l-oħrajn tal-Unjoni biex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ kompatibilità u l-koinċidenza tal-għajnuniet.
27. Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tiegħu, il-programm POSEI jista’ jkun fih ukoll miżuri għall-finanzjament tal-istudji, tal-proġetti dimostrattivi, tat-taħriġ u tal-assistenza teknika.
28. Il-bdiewa fir-reġjuni l-aktar imbiegħda għandhom ikunu mħajra biex jipprovdu prodotti ta’ kwalità u għandha tingħata għajnuna għat-tqegħid ta’ dawn il-prodotti fis-suq. Għal dak il-għan, l-użu tas-simbolu grafiku introdott mill-Unjoni jista’ jkun ta’ għajnuna.
29. L-istrutturi ta’ xi rziezet jew kumpaniji ta’ pproċessar u tat-tqegħid fis-suq fir-reġjuni l-aktar imbiegħda għandhom nuqqasijiet serji u jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet speċifiċi. L-Artikoli 26 (2), u 28 (2), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)[7] jipprovdu, għaldaqstant, rati ta’ appoġġ aktar favorevoli għal ċerti tipi ta’ investimenti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda.
30. L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (KE) nru 1698/2005 jeskludi r-reġjuni l-aktar imbiegħda mir-restrizzjoni tal-għoti ta’ appoġġ forestali previst fl-Artikolu 20(b)(ii), ta’ dan ir-Regolament.
31. L-Artikolu 39 (4), u l-Anness I tar-Regolament (KE) nru 1698/2005 jiddeterminaw l-ammonti massimi annwali eliġibbli għall-ħlasijiet agroambjentali. Biex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni ambjentali speċifika ta’ ċerti mergħat sensittivi ħafna fl-Azores u l-preżervazzjoni tal-pajżaġġ u l-karatteristiċi tradizzjonali tal-art agrikola, b’mod partikolari ż-żoni ta’ kultivazzjoni mtarrġa fil-Madeira, għandu jsir possibbli, f’każ ta’ ċerti miżuri speċifiċi, li dawk l-ammonti jiżdiedu sakemm jirduppjaw.
32. Tista’ tingħata deroga mill-politika kostanti tal-Kummissjoni li ma tawtorizzax l-għajnuna operattiva mill-Istat fis-settur tal-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-Trattat sabiex jittaffew ir-restrizzjonijiet partikolari tal-biedja fir-reġjuni l-aktar imbiegħda marbuta mad-distanza, l-insularità u l-pożizzjoni remota tagħhom, iċ-ċokon, l-art muntanjuża u l-klima u d-dipendenza ekonomika fuq numru żgħir ta’ prodotti.
33. Is-sitwazzjoni fitosanitarja ta’ prodotti agrikoli fir-reġjuni l-aktar imbiegħda hija soġġetta għal problemi partikolari assoċjati mal-klima u l-inadegwatezza tal-miżuri ta’ kontroll li s’issa ġew applikati f’dawn ir-reġjuni. Jeħtieġ għalhekk li jiġu implimentati programmi għall-ġlieda kontra l-organiżmi li jagħmlu l-ħsara, inkluż permezz ta’ metodi bijoloġiċi u li tiġi definita l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għat-twettiq ta’ dawn il-programmi.
34. Il-manutenzjoni tal-għelieqi tad-dwieli, li huma l-aktar kultivazzjoni mxerrda fir-reġjuni tal-Madeira u l-Gżejjer Kanarji u waħda importanti ħafna għall-Azores, hi imperattiv ekonomiku u ambjentali. Bħala għajnuna għall-produzzjoni, f’dawn ir-reġjuni m’għandhomx jiġu applikati la l-inċentivi għall-abbandun u lanqas mekkaniżmi tas-suq, previsti mir-Regolament (KE) nru 1234/2007, għajr għad-distillazzjoni f’każ ta’ kriżi fil-każ tal-Gżejjer Kanarji, li għandha tkun tista’ tiġi applikata f’każ ta’ tfixkil mhux tas-soltu fis-suq minħabba problemi ta’ kwalità. Bl-istess mod, diffikultajiet tekniċi u soċjoekonomiċi fixklu l-konverżjoni sħiħa, fil-limiti taż-żmien stipulati, tal-uċuħ tad-dwieli li kienu tħawlu fir-reġjuni tal-Madeira u tal-Azores b’varjetajiet ta’ dwieli ibridi pprojbiti mir-Regolament (KE) nru 1234/2007. L-inbid prodott minn dawn l-għelieqi tad-dwieli hu maħsub biss għall-konsum lokali tradizzjonali.
35. Ir-ristrutturar tas-settur tal-ħalib għadu mhux komplut fl-Azores. Biex tiġi kkunsidrata d-dipendenza qawwija tal-Azores fuq il-produzzjoni tal-ħalib, flimkien ma’ nuqqasijiet oħra marbuta mad-distanza u n-nuqqas ta’ linji ta’ produzzjoni alternattivi li jħallu qligħ, jeħtieġ li jinżammu d-derogi minn xi dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) nru 1234/2007 dwar it-tnaqqis fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib żejda.
36. L-appoġġ għall-produzzjoni tal-ħalib tal-baqar fil-Madeira u fir-Réunion ma kienx biżżejjed biex iżomm bilanċ bejn il-provvista domestika u dik esterna, primarjament minħabba diffikultajiet strutturali serji li jolqtu s-settur u l-kapaċità fqira tiegħu li jadatta għal ambjenti ekonomiċi ġodda. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni għall-produzzjoni ta’ ħalib UHT magħmul minn trab tal-ħalib li joriġina mill-Unjoni għandha tkompli, bl-għan li tkun żgurata kopertura akbar tal-konsum lokali. Sabiex il-konsumatur ikun infurmat b’mod xieraq, għandu jkun obbligatorju li wieħed jindika l-mod kif inkiseb it-trab tal-ħalib UHT fuq it-tikketta tal-bejgħ.
37. Il-ħtieġa li tinżamm produzzjoni lokali permezz tal-inċentivi tiġġustifika l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1234/2007 mhux qiegħed ikun applikat fid-dipartimenti extra-Ewropej (DOM) Franċiżi u fil-Madeira. Għall-Madeira din l-eżenzjoni għandha tkun stabbilita sal-limitu ta’ 4,000 tunnellata.
38. Attivitajiet tradizzjonali ta’ trobbija tal-bhejjem għandhom ikunu appoġġati. Sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ konsum lokali fid-dipartimenti extra-Ewropej Franċiżi u fil-Madeira, l-importazzjonijiet mingħajr dazji minn pajjiżi terzi ta’ frat irġiel intenzjonati għas-simna għandhom ikunu awtorizzati taħt ċerti kundizzjonijiet u sa limitu massimu annwali.
39. Il-possibbiltà miftuħa għall-Portugall skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa[8] biex tippermetti li jiġu ttrasferiti drittijiet għas-sussidju għall-baqar li jreddgħu mill-kontinent għall-Azores għandha tkun imġedda u dan l-istrument għandu jkun adattat b’konformità mal-arranġamenti ta’ appoġġ għar-reġjuni l-aktar imbiegħda.
40. Il-kultivazzjoni tat-tabakk hija ta’ importanza storika għall-arċipelagu tal-Kanarji. F’termini ekonomiċi, din hija industrija ta’ proċessar li tkompli tirrappreżenta waħda mill-attivitajiet industrijali ewlenin fir-reġjun. F’termini soċjali, il-kultivazzjoni tat-tabakk tinvolvi ħafna ħaddiema u ssir minn agrikolturi żgħar. Madankollu, peress li din l-attività ma tħallix biżżejjed qligħ, hija tinsab fil-periklu li tispiċċa. Fil-fatt, bħalissa t-tabakk hu kkultivat biss f’żona żgħira fuq il-gżira ta’ La Palma, għall-manifattura tas-sigarri fuq skala żgħira. Għaldaqstant Spanja għandha tkun awtorizzata tkompli tagħti l-għajnuna flimkien mal-għajnuna tal-Unjoni sabiex din il-ħaxixa tradizzjonali tista’ tibqa’ tinżamm bil-għan li tiġi appoġġata l-attività artiġjanali marbuta magħha. Barra minn hekk, biex tinżamm il-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk, importazzjonijiet fil-Gżejjer Kanarji ta’ tabakk mhux maħdum u tabakk semimanifatturat għandhom jibqgħu jkunu eżenti mid-dazji, sa limitu massimu annwali ta’ 20,000 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ tabakk mhux maħdum imqaxxar.
41. L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament m’għandhiex tipperikola l-livell ta’ appoġġ speċifiku li s’issa bbenefikaw minnu r-reġjuni l-aktar imbiegħda. Għal din ir-raġuni, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-miżuri adegwati, l-Istati Membri għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom ammonti ekwivalenti għall-appoġġ diġà mogħti mill-Unjoni skont ir-Regolament (KE) nru 247/2006.
42. Mill-2006, il-ħtiġijiet fi prodotti essenzjali żdiedu f’ċerti reġjuni l-aktar imbiegħda, b’mod partikolari fl-Azores u fid-DOM, minħabba l-iżvilupp tal-bhejjem u tal-pressjoni demografika. Jeħtieġ għalhekk li tiżdied il-parti tal-baġit li l-Istati Membri jistgħu jużaw għall-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista tar-reġjuni kkonċernati.
43. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat, sabiex tikkompleta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament. Jeħtieġ li jiġu llimitati l-oqsma li fihom tista’ tiġi eżerċitata din is-setgħa kif ukoll il-kundizzjonijiet li għandha tkun soġġetta għalihom id-delegazzjoni.
44. Biex tkun żgurata implimentazzjoni uniformi tal-arranġamenti POSEI fl-Istati Membri u biex tkun evitata d-distorsjoni fil-kompetizzjoni jew diskriminazzjoni bejn l-operaturi, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291(2) tat-Trattat. Jeħtieġ, għalhekk, li l-Kummissjoni tingħata setgħat eżekuttivi taħt din id-dispożizzjoni li jirrigwardaw b’mod partikolari l-kundizzjonijiet uniformi li l-prodotti soġġetti għall-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista jidħlu, joħorġu u jiċċirkolaw fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, il-kundizzjonijiet uniformi tal-implimentazzjoni tal-programmi, kif ukoll il-karatteristiċi minimi tal-kontrolli li l-Istati Membri għandhom japplikaw.
45. [Inċiż rigward il-kontroll tal-miżuri ta' implimentazzjoni. Dawn għandhom jiġu kkompletati wara l-adozzjoni tar-regolament dwar il-modalitajiet ta' kontroll, kif imsemmi fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE, li attwalment qed jiġu diskussi mill-PE u mill-Kunsill],
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
AMBITU
ARTIKOLU 1 Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri speċifiċi dwar l-agrikoltura biex jiġu rimedjati diffikultajiet maħluqa mill-pożizzjoni remota, b’mod partikolari d-distanza, l-insularità, iċ-ċokon, l-art muntanjuża, il-klima diffiċli u d-dipendenza ekonomika fuq numru limitat ta’ prodotti tar-reġjuni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat, minn hawn ’il quddiem “ir-reġjuni l-aktar imbiegħda”.
Artikolu 2 Għanijiet
46. Il-miżuri speċifiċi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet:
a) il-garanzija tal-provvista ta' prodotti essenzjali lir-reġjuni l-aktar imbiegħda għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar bħala addizzjonijiet agrikoli filwaqt li jittaffew l-ispejjeż żejda tad-distanza;
b) il-preżervazzjoni u l-iżvilupp tal-attività agrikola fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti lokali.
47. L-għanijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu implimentati permezz tal-miżuri indikati fil-Kapitoli III, IV u V.
KAPITOLU II
PROGRAMMI POSEI
ARTIKOLU 3 L-istabbiliment tal-programmi POSEI
48. Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu definiti għal kull reġjun imbiegħed permezz ta’ Programmi ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi biex jilqgħu għall-Bogħod u l-Insularità (POSEI), minn hawn ’il quddiem “il-programm POSEI”, li jinkludi:
a) arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, kif previst fil-Kapitolu III, u
b) miżuri speċifiċi favur il-produzzjonijiet agrikoli lokali, kif previsti fil-Kapitolu IV.
49. Il-programm POSEI għandu jkun stabbilit fil-livell ġeografiku meqjus l-aktar xieraq mill-Istat Membru kkonċernat. Dan għandu jitfassal mill-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istat Membru li, wara li jikkonsulta mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kompetenti fuq il-livell territorjali adegwat, għandu jressqu quddiem il-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 6.
50. Programm POSEI wieħed biss għandu jitressaq minn Stat Membru għar-reġjuni l-aktar imbiegħda tiegħu.
Artikolu 4 Kombatibilità u konsistenza
51. Il-miżuri meħuda taħt il-programmi POSEI għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni, u jkunu konsistenti ma’ politika oħra tal-Unjoni u mal-miżuri meħuda skont din il-politika.
52. Għandha tkun żgurata l-konsistenza tal-miżuri meħuda skont il-programmi POSEI mal-miżuri implimentati skont strumenti oħra tal-politika agrikola komuni, u b’mod partikolari fl-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, l-iżvilupp rurali, il-kwalità tal-prodott, il-ħarsien tal-annimali u l-ħarsien tal-ambjent.
B’mod partikolari, l-ebda miżura skont dan ir-Regolament m’għandha tkun iffinanzjata bħala:
a) appoġġ addizzjonali għal sussidju jew skemi ta’ għajnuna taħt organizzazzjoni komuni tas-suq ħlief f’każi eċċezzjonali ġġustifikati minn kriterji oġġettivi;
b) appoġġ għal proġetti ta’ riċerka, miżuri ta’ appoġġ għal proġetti ta’ riċerka u miżuri eliġibbli għall-finanzjament tal-Unjoni skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE[9];
c) appoġġ għall-miżuri skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005.
Artikolu 5 Kontenut tal-programmi
Programm POSEI għandu jinkludi:
a) skeda għall-implimentazzjoni tal-miżuri u tabella finanzjarja ġenerali annwali indikattiva li turi r-riżorsi li għandhom jintużaw;
b) prova tal-kompatibilità u l-konsistenza bejn il-miżuri differenti skont il-programmi u l-kriterji u l-indikaturi kwantitattivi li għandhom jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;
c) il-passi meħuda biex jiġi żgurat li l-programmi huma implimentati b’mod effettiv u adegwat, inklużi l-arranġamenti għall-pubbliċità, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, u sett speċifiku ta’ indikaturi kwantifikati għall-użu fl-evalwazzjoni;
d) il-ħatra ta’ awtoritajiet kompetenti u korpi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm u l-ħatra ta’ awtoritajiet jew ta’ korpi assoċjati u msieħba soċjoekonomiċi fil-livelli adegwati, u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet li jkunu saru.
Artikolu 6 Approvazzjoni u emendi tal-programmi
53. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni abbozz tal-programm POSEI fil-qafas tal-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 29 (2) u (3).
L-abbozz ta’ programm jinkludi abbozz ta’ previżjoni tal-bilanċ tal-provvista li jindika l-prodotti, il-kwantitajiet tagħhom u l-ammont ta’ għajnuna għall-provvista mill-Unjoni, flimkien ma’ abbozz tal-programm ta’ appoġġ għall-produzzjoni lokali.
Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-programm POSEI propost u tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tiegħu permezz ta’ att eżekuttiv.
54. Skont l-evalwazzjoni annwali tal-eżekuzzjoni tal-miżuri inklużi fil-programmi POSEI, l-Istati Membri jistgħu jissottomettu lill-Kummissjoni proposti għall-emenda tagħhom fil-qafas tal-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 29(2) u (3), sabiex jadattawhom aħjar għall-ħtiġijiet tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u għall-istrateġija proposta. Il-Kummissjoni tadotta permezz ta’ att eżekuttiv il-proċeduri uniformi għall-preżentazzjoni tal-proposti ta’ emenda tal-programm.
55. Sabiex jiġu kkunsidrati t-tipi differenti ta’ emendi proposti kif ukoll l-iskadenza li fiha għandhom jiġu applikati, il-Kummissjoni għandha tiddetermina permezz ta’ att iddelegat il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-emendi.
Artikolu 7 Kontrolli u sorveljanza
L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-kontrolli permezz ta’ kontrolli amministrattivi u kontrolli fuq il-post. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi, il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ att eżekuttiv il-karatteristiċi minimi ta’ kontroll li għandhom japplikaw l-Istati Membri.
Permezz tal-istess tip ta’ att, il-Kummissjoni għandha tadotta wkoll il-proċeduri u l-indikaturi fiżiċi u finanzjarji sabiex tassigura sorveljanza effikaċi tal-implimentazzjoni tal-programmi.
KAPITOLU III
ARRANĠAMENTI SPEĊIFIĊI TA’ PROVVISTA
ARTIKOLU 8 Previżjoni tal-bilanċ tal-provvista
56. Qed jiġu stabbil iti arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għall-prodotti agrikoli mniżżla fl-Anness I tat-Trattat, li huma essenzjali, fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, għall-konsum tal-bniedem, għall-manifattura ta’ prodotti oħra jew bħala addizzjonijiet agrikoli.
57. L-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi, fil-livell ġeografiku li hu jqis l-aktar adegwat, il-previżjoni tal-bilanċ tal-provvista b’dikjarazzjoni tal-ammont ta’ ħtiġijiet annwali ta’ kull reġjun imbiegħed ta’ provvista tal-prodotti li jidhru fl-Anness I tat-Trattat.
Il-Previżjoni tal-bilanċ tal-provvista separata tista’ titħejja għall-ħtiġijiet tal-kumpaniji tal-ippakkjar u tal-ipproċessar ta’ prodotti maħsuba għas-suq lokali, għat-tqassim tradizzjonali fil-bqija tal-Unjoni jew għal esportazzjoni lejn pajjiżi terzi bħala parti mill-kummerċ reġjonali fis-sens tal-Artikolu 13 (3), jew bħala parti minn kummerċ tradizzjonali.
Artikolu 9 Funzjonament tal-arranġamenti
58. Fil-limitu tal-kwantitajiet determinati fil-previżjoni tal-bilanċ tal-provvista, m’għandhomx japplikaw dazji għal importazzjonijiet diretti minn pajjiżi terzi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda għall-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, prodotti li jkunu daħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni taħt arranġamenti ta’ pproċessar intern jew ta’ ħażna tad-dwana għandhom ikunu meqjusa bħala importazzjonijiet diretti minn pajjiżi terzi.
59. Biex jiġi żgurat li jkunu sodisfatti l-ħtiġijiet stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 8(2), f’termini ta’ prezz u kwalità, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm is-sehem tal-Unjoni fil-provvisti, għandha tingħata għajnuna għall-provvista fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni ta’ prodotti miżmuma f’imħażen pubbliċi jew disponibbli fis-suq tal-Unjoni.
L-ammont ta’ din l-għajnuna għandu jkun iddeterminat għal kull tip ta’ prodott ikkonċernat billi tkun ikkunsidrata l-ispiża addizzjonali tat-trasport lejn ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-prezzijiet applikati għall-esportazzjonijiet lejn terzi pajjiżi, u fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-ipproċessar jew ta’ addizzjonijiet agrikoli, l-ispejjeż addizzjonali minħabba d-distanza, b’mod partikolari l-insularità u n-nuqqas ta’ uċuħ.
60. M’għandha tingħata l-ebda għajnuna għall-provvista ta’ prodotti li jkunu diġà bbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista f’reġjun imbiegħed ieħor.
61. Il-prodotti ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli biss għandhom jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.
Artikolu 10 Implimentazzjoni
L-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandhom ikunu implimentati b’mod li jikkunsidraw dan li ġej:
a) il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u, fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-ipproċessar u addizzjonijiet agrikoli, il-kundizzjonijiet ta’ kwalità meħtieġa;
b) flussi ta’ kummerċ mal-bqija tal-Unjoni;
c) l-aspett ekonomiku tal-għajnuna proposta;
d) jekk ikun il-każ, il-ħtieġa li ma jkunx hemm tfixkil tal-possibbiltajiet ta’ żvilupp tal-prodotti lokali.
Artikolu 11 Ċertifikati
62. L-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni jew il-benefiċċju tal-għajnuna fil-qafas tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista tingħata jekk ikun ippreżentat ċertifikat.
Iċ-ċertifikati jinħarġu biss lil dawk l-operaturi mniżżla f’reġistru miżmum mill-awtoritajiet kompetenti.
Iċ-ċertifikati mhumiex trasferibbli.
63. Biex ikun garantit l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet tal-operaturi li jieħdu sehem fl-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, il-Kummissjoni għandha tiddetermina permezz ta’ att iddelegat il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-operaturi fir-reġistru u, jekk ikun meħtieġ, timponi l-għoti ta’ garanzija għall-ħruġ taċ-ċertifikati.
64. Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ att eżekuttiv il-miżuri kollha meħtieġa sabiex tassigura l-applikazzjoni uniformi mill-Istati Membri ta’ dan l-Artikolu rigward b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-iskema taċ-ċertifikati, għajr għall-għoti ta’ garanzija għaċ-ċertifikati, u l-impenji tal-operaturi meta jirreġistraw.
Artikolu 12 Riperkussjonijiet tal-benefiċċju
1. Il-benefiċċju tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista li jirriżulta mill-eżenzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew mill-għajnuna għandu jkun soġġett għal riperkussjoni effettiva tal-vantaġġ ekonomiku sal-utent finali li, skont il-każ, jista’ jkun il-konsumatur fil-każ tal-prodotti maħsuba għall-konsum dirett, min jipproċessa jew jippakkja l-aħħar fil-każ tal-prodotti maħsuba għall-industrija tal-ipproċessar jew tal-ippakkjar, jew il-bidwi fil-każ tal-prodotti użati għall-għalf tal-annimali jew bħala addizzjonijiet agrikoli.
2. Sabiex tkun assigurata l-applikazzjoni uniformi ta’ (1), il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ att eżekuttiv id-dettalji prattiċi għall-applikazzjoni tiegħu u b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-kontroll mill-Istati Membri tar-riperkussjoni effettiva tal-vantaġġ sal-utent aħħari.
Artikolu 13 Esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u spedizzjoni lejn il-bqija tal-Unjoni
65. Il-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista jistgħu jkunu esportati lejn pajjiżi terzi jew mibgħuta lejn il-bqija tal-Unjoni biss f’kundizzjonijiet uniformi, stabbiliti mill-Kummissjoni permezz ta’ att eżekuttiv, li jinkludu l-ħlasijiet tad-dazji fuq l-importazzjoni, jew ir-refużjoni tal-għajnuna mogħtija, imsemmija fl-Artikolu 9.
L-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi tal-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista mhijiex soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.
L-ewwel paragrafu ma japplikax għall-flussi ta’ kummerċ bejn id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej (DOM).
66. L-ewwel subparagrafu tal-ewwel paragrafu ma japplikax għall-prodotti pproċessati fir-reġjuni l-aktar imbiegħda minn prodotti li jkunu bbenefikaw minn arranġamenti speċifiċi ta’ provvista li huma:
a) esportati lejn pajjiżi terzi jew mibgħuta lejn il-bqija tal-Unjoni fil-limiti tal-kwantitajiet li jikkorrispondu għall-esportazzjonijiet tradizzjonali u għall-ispedizzjoni tradizzjonali. Dawn il-kwantitajiet għandhom ikunu stabbiliti mill-Kummissjoni permezz ta’ att eżekuttiv abbażi tal-medja tal-ispedizzjonijiet jew tal-esportazzjonijiet matul is-snin 1989, 1990 u 1991;
b) esportati lejn pajjiżi terzi bħala parti mill-flussi reġjonali ta’ kummerċ b’konformità mad-destinazzjonijiet u l-kundizzjonijiet speċifikati mill-Kummissjoni permezz ta’ att eżekuttiv;
c) mibgħuta mill-Azores lejn il-Madeira jew viċe-versa;
d) mibgħuta mill-Madeira lill-Gżejjer Kanarji jew viċe-versa;
e) mibgħuta bejn id-DOM.
Ma għandux jingħata rimbors għall-prodotti esportati msemmija fl-ewwel subparagrafu, punti a) u b).
L-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi tal-prodotti msemmija fl-ewwel subparagrafu, punti a) u b), mhijiex soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.
67. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, b’“kummerċ reġjonali” wieħed għandu jifhem, il-kummerċ li jsir, għal kull DOM, għall-Azores u l-Madeira u għall-Gżejjer Kanarji, lejn pajjiżi terzi determinati mill-Kummissjoni permezz ta’ att eżekuttiv.
68. Il-prodotti kkunsinjati fid-DOM, fl-Azores, fil-Madeira jew fil-Gżejjer Kanarji li jkunu koperti minn arranġamenti speċifiċi ta’ provvista u li jservu għall-provvista ta’ bastimenti u ajruplani huma kkunsidrati bħala kkonsmati lokalment.
69. B’deroga minn (2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), il-kwantitajiet massimi li ġejjin ta’ zokkor (kodiċi NM 1701) jistgħu jintbagħtu kull sena mill-Azores lejn il-bqija tal-Unjoni matul perjodu ta’ ħames snin:
70. fl-2011: 3 000 tunnellata,
71. fl-2012: 2 500 tunnellata,
72. fl-2013: 2 000 tunnellata,
73. fl-2014: 1 500 tunnellata,
74. fl-2015: 1 000 tunnellata.
75. Sabiex tintlaħaq il-mira tal-benefiċċju li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista fil-kummerċ reġjonali u tradizzjonali, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi permezz ta’ att iddelegat il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar li jistgħu jwasslu għal esportazzjoni tradizzjonali jew ta’ kummerċ reġjonali.
Artikolu 14 Zokkor
76. Matul il-perjodu msemmi fl-Artikolu 204 (2) u (3), tar-Regolament (KE) nru 1234/2007, il-produzzjoni barra l-kwota msemmija fl-Artikolu 61 tal-istess Regolament hija eżentata mid-dazji ta’ importazzjoni, fil-limiti tal-previżjonital-bilanċ tal-provvista msemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament:
a) għaz-zokkor introdott biex ikun ikkonsmat fil-Madeira u fil-Gżejjer Kanarji fil-forma ta’ zokkor abjad li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701;
b) għaz-zokkor raffinat u kkonsmat fl-Azores fil-forma ta’ zokkor mhux ipproċessat li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701 12 10 (zokkor mhux maħdum tal-pitravi).
77. Fl-Azores, għall-finijiet tal-ipproċessar, il-kwantitajiet imsemmija f’(1) jistgħu jkunu supplimentati, fil-limiti tal-previżjoni tal-bilanċ tal-provvista, permezz ta’ zokkor mhux ipproċessat li jaqa’ taħt il-kodiċi 1701 11 10 (zokkor mhux maħdum tal-kannamieli).
Meta jiġu determinati l-ħtiġijiet ta’ zokkor mhux ipproċessat fl-Azores għandu jiġi kkunsidrat l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali tal-pitravi taz-zokkor. Il-kwantitajiet koperti mill-arranġamenti ta’ provvista għandhom ikunu determinati sabiex jiġi żgurat li t-total tal-volum taz-zokkor ipproċessat fl-Azores ma jaqbiżx l-10 000 tunnellata kull sena.
Artikolu 15 Trab tal-ħalib xkumat
B’deroga mill-Artikolu 8, il-Gżejjer Kanarji jistgħu jibqgħu jirċievu provvisti ta’ trab tal-ħalib xkumat li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1901 90 99 (trab tal-ħalib xkumat li fih xaħmijiet veġetali) maħsuba għall-ipproċessar industrijali sa 800 tunnellata kull sena. L-għajnuna mogħtija mill-Unjoni għall-provvista ta’ dan il-prodott ma tistax taqbeż il-EUR 210 għal kull tunnellata u għandha tkun inkluża fil-limitu stabbilit fl-Artikolu 29. Dan il-prodott għandu jintuża biss għall-konsum lokali.
Artikolu 16 Importazzjoni ta’ ross f’Réunion
Ma għandhomx jitħallsu dazji fid-dipartiment extra-Ewropew Franċiż ta’ Réunion fuq prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1006 10, 1006 20 u 1006 40 00 importati għall-konsum hemm.
Artikolu 17 Kontrolli u sanzjonijiet
78. Il-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli amministrattivi meta jiġu importati jew introdotti fir-reġjuni l-aktar imbiegħda kif ukoll meta jiġu esportati jew mibgħuta minn dawn.
Biex tkun żgurata applikazzjoni uniformi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ att eżekuttiv il-karatteristiċi minimi tal-kontrolli li l-Istati Membri għandhom japplikaw.
79. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mill-operatur, għajr f’każ ta’ forza maġġuri jew ta’ inċident klimatiku straordinarju, mal-impenji meħuda fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11, il-benefiċċju mogħti lid-detentur taċ-ċertifikat għandu jiġi rkuprat u r-reġistrazzjoni għandha tiġi sospiża skont is-serjetà tal-ksur.
Sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-operaturi li jkollhom sehem fl-arranġamenti mal-obbligi tagħhom, il-Kummissjoni għandha tiddetermina permezz ta’ att iddelegat, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu u t-trattament tat-talbiet ġodda għal ċertifikati mill-operatur.
KAPITOLU IV
MIŻURI FAVUR IL-PRODOTTI AGRIKOLI LOKALI
ARTIKOLU 18 Miżuri
80. Il-programmi POSEI għandhom jinkludu miżuri speċifiċi favur il-prodotti agrikoli lokali skont it-termini tat-Titolu III tat-Tielet Parti tat-Trattat, meħtieġa għall-assigurazzjoni tal-kontinwità u l-iżvilupp tal-prodotti agrikoli lokali f’kull reġjun imbiegħed.
81. Il-parti tal-programm iddedikata għall-miżuri favur il-prodotti agrikoli lokali għandha tinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
a) deskrizzjoni kwantifikata tas-sitwazzjoni attwali tal-produzzjoni agrikola li tqis ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet disponibbli, li turi d-differenzi, in-nuqqasijiet u l-potenzjal għall-iżvilupp, ir-riżorsi finanzjarji użati u r-riżultati ewlenin ta’ operazzjonijiet magħmula qabel;
b) deskrizzjoni tal-istrateġija proposta, il-prijoritajiet magħżula u l-għanijiet ġenerali u operattivi kwantifikati, u valutazzjoni li turi l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali mistenni, inklużi l-effetti fuq l-impjiegi;
c) deskrizzjoni tal-miżuri previsti, u b’mod partikolari l-iskemi ta’ għajnuna għall-implimentazzjoni tagħhom, u, fejn ikun meħtieġ, tagħrif dwar il-ħtiġijiet għal xi studji, proġetti dimostrattivi, taħriġ jew operazzjonijiet ta’ assistenza teknika marbuta mat-tħejjija, l-implimentazzjoni jew l-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati;
d) il-lista tal-għajnuniet li jikkostitwixxu ħlasijiet diretti fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) nru 73/2009;
e) il-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna, il-prodotti u l-volumi kkonċernati;
f) l-ammont ta’ għajnuna stabbilit għal kull miżura jew azzjoni bl-għan li jintlaħaq għan wieħed jew aktar tal-programm.
82. Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ att eżekuttiv il-kundizzjonijiet uniformi tal-ħlasijiet tal-għajnuniet imsemmija fi(2).
83. Il-programm jista’ jinkludi miżuri ta’ appoġġ għall-produzzjoni, l-ipproċessar jew it-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli tar-reġjun l-aktar imbiegħda.
Kull miżura tista’ tinqasam f’azzjonijiet. Għal kull azzjoni l-programm għandu jiddefinixxi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
a) il-benefiċjarji;
b) il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà;
c) l-għajnuna individwali;
d) il-limitu massimu.
Biex jingħata appoġġ lill-bejgħ tal-prodotti barra mir-reġjun ta’ produzzjoni tagħhom, il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ att iddelegat il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-ammont tal-għajnuna mogħtija skont it-tqegħid fis-suq u, jekk ikun il-każ, il-kwantitajiet massimi li jistgħu jaqgħu taħt din l-għajnuna.
Artikolu 19 Kontrolli u ħlas mhux dovut
84. Il-kontrolli tal-miżuri msemmija f’dan il-Kapitolu għandhom isiru permezz ta’ kontrolli amministrattivi u kontrolli fuq il-post.
85. F’każ ta’ ħlas mhux dovut, il-benefiċjarju kkonċernat għandu l-obbligu li jħallas lura l-ammonti inkwistjoni. L-Artikolu 80 tar-Regolament tal-Kummissjoni[10] (KE) nru 1122/2009 għandu japplika mutatis mutandis .
KAPITOLU V
MIŻURI TA’ AKKUMPANJAMENT
ARTIKOLU 20 Simbolu grafiku
86. Għandu jiġi introdott simbolu grafiku bil-għan li jikbru l-għarfien u l-konsum ta’ prodotti agrikoli ta’ kwalità, kemm naturali kif ukoll ipproċessati, speċifiċi għar-reġjuni l-aktar imbiegħda.
87. Il-kundizzjonijiet għall-użu tas-simbolu grafiku previst fil-paragrafu 1 għandu jkun propost mill-organizzazzjonijiet tal-kummerċ ikkonċernati. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom iressqu tali proposti, bl-opinjoni tagħhom, lill-Kummissjoni.
L-użu tas-simbolu għandu jkun sorveljat minn awtorità uffiċjali jew minn korp approvat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
88. Sabiex jikber l-għarfien dwar il-prodotti agrikoli ta’ kwalità tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u jikber il-konsum tagħhom, kemm tal-prodotti naturali kif ukoll ipproċessati, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi permezz ta’ att iddelegat il-kundizzjonijiet sabiex jiġi eżerċitat id-dritt tal-użu tas-simbolu grafiku kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-ikkuppjar u l-użu tiegħu.
89. Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ att eżekuttiv, id-dettalji prattiċi ta’ implimentazzjoni tas-simbolu grafiku kif ukoll il-karatteristiċi minimi tal-kontrolli u ta’ monitoraġġ, li għandhom japplikaw l-Istati Membri.
Artikolu 21 Żvilupp rurali
90. Minkejja l-Artikolu 39(4), tar-Regolament (KE) nru 1698/2005, l-ammonti annwali massimi eliġibbli fl-ambitu tal-għajnuna tal-Unjoni previsti fl-Anness I tal-imsemmi Regolament jistgħu jiżdiedu sad-doppju f’dak li jirrigwarda l-miżura ta’ protezzjoni tal-lagi fl-Azores u l-miżura għall-preżervazzjoni tal-pajżaġġ u tal-karatteristiċi tradizzjonali tal-artijiet agrikoli u l-konservazzjoni tal-ħitan tal-ġebel li jirfdu l-għelieqi mtarrġa fil-Madeira.
91. Deskrizzjoni tal-miżuri ppjanifikati taħt l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għandha tkun inkluża, fejn xieraq, fil-programmi għal dawn ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) nru 1698/2005.
Artikolu 22 Għajnuniet mill-Istat
92. Għall-prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-Trattat, li għalihom japplikaw l-Artikoli 107, 108 u 109 tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza għajnuna operattiva, f’konformità mal-Artikolu 108 tat-Trattat, fis-setturi tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti, bl-għan li jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni l-aktar imbiegħda marbuta mad-distanza, l-insularità u ma’ restrizzjonijiet oħrajn marbuta mal-pożizzjoni remota.
93. L-Istati Membri jistgħu jagħtu finanzjament addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-programmi POSEI. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat u din għandha tapprovahom f’konformità ma’ dan ir-Regolament, bħala parti minn dawn il-programmi. Dawn l-għajnuniet notifikati huma kkunsidrati bħala notifikata fit-termini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.
94. Franza tista’ tagħti għajnuna sa EUR 90 miljun għal kull kampanja fis-settur taz-zokkor tar-reġjuni Franċiżi l-aktar imbiegħda.
Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien tletin jum minn tmiem kull kampanja ta’ tqegħid fis-suq dwar l-ammont tal-għajnuna li fil-fatt tkun tat.
95. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u b’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 180, tar-Regolament (KE) nru 1234/2007 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 1184/2006[11], l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat ma għandhomx japplikaw għall-ħlasijiet li jkunu saru mill-Istati Membri, skont dan ir-Regolament, b’applikazzjoni tal-Kapitolu IV, tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikoli 23 u 27 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 23 Programmi fitosanitarji
96. Franza u l-Portugall għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni programmi għall-kontroll ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti fid-dipartimenti extra-Ewropej Franċiżi u fl-Azores u fil-Madeira rispettivament. Il-programmi għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari l-għanijiet li għandhom jintlaħqu, il-miżuri li għandhom jitwettqu, it-tul ta’ żmien u n-nefqa tagħhom. Il-programmi mressqa skont dan l-Artikolu m’għandhomx jikkonċernaw il-ħarsien tal-banana.
97. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-programmi previsti fl-ewwel paragrafu fuq il-bażi ta’ analiżi teknika tas-sitwazzjonijiet reġjonali.
98. Sabiex timplimenta dawn il-programmi, il-Kummissjoni għandha tiddetermina, permezz ta’ att iddelegat, il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni, kif ukoll l-ammont tal-għajnuna.
Tali kontribuzzjoni tista’ tkopri sa 60 % tan-nefqa eliġibbli fid-dipartimenti extra-Ewropej Franċiżi u sa 75 % tan-nefqa eliġibbli fl-Azores u fil-Madeira. Il-ħlas għandu jsir abbażi ta’ dokumentazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi u Portugiżi. Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiġu organizzati kontrolli minn esperti tal-Kummissjoni li jsiru f’isimha, kif imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE[12].
Artikolu 24 Inbid
99. Il-miżuri msemmija fl-Artikoli 103(v), 103(w), 103(x) u 182(a) tar-Regolament (KE) nru 1234/2007 ma għandhomx japplikaw la għall-Azores u lanqas għall-Madeira.
100. B’deroga mit-tieni subparagrafu tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 120 (a) tar-Regolament (KE) nru 1234/2007, l-għeneb li jkun ġej mill-varjetajiet tad-dwieli msemmija f’(b) tas-subparagrafu msemmi, maħsuda fir-reġjuni tal-Azores u tal-Madeira, jista’ jintuża għall-produzzjoni ta’ inbid li għandu jibqa’ f’dawk ir-reġjuni.
Il-Portugall għandu jipproċedi għall-eliminazzjoni gradwali tal-għelieqi tad-dwieli msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 120 a(2)(b) tar-Regolament (KE) nru 1234/2007, bl-appoġġ, fejn xieraq, previst fl-Artikolu 103(q) ta' dak ir-Regolament.
101. Il-miżuri msemmija fl-Artikoli 103 (v), 103 (w) u 103 (y) tar-Regolament (KE) nru 1234/2007 ma għandhomx japplikaw għall-Gżejjer Kanarji.
Artikolu 25 Ħalib
102. Għall-finijiet tat-tqassim ta' dazju għaż-żejjed skont l-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) nru 1234/2007, huma biss il-produtturi fis-sens tal-Artikolu 65(c), ta’ dak ir-Regolament, stabbiliti u li jipproduċu fl-Azores, li jqiegħdu fis-suq kwantitajiet li jaqbżu l-kwota tagħhom, miżjuda bil-perċentwal imsemmi fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu li se jitqiesu bħala li jkunu kkontribwew għall-produzzjoni żejda.
Id-dazju fuq iż-żejjed għandu jitħallas fuq kwantitajiet li jaqbżu l-kwota miżjuda mill-perċentwal imsemmi fit-tielet subparagrafu, wara allokazzjoni mill-ġdid, fost il-produtturi kollha fis-sens tal-Artikolu 65(c), tar-Regolament (KE) nru 1234/2007, stabbiliti u li jipproduċu fl-Azores, u proporzjonalment mal-kwota disponibbli għal kull produttur, tal-kwantitajiet mhux użati fil-marġni li tirriżulta minn din iż-żieda u li baqgħu ma ntużawx.
Il-perċentwal imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ugwali għall-proporzjon bejn il-kwantitajiet ta’ 23 000 tunnellata għas-snin 2005/2006 u t-total tal-kwantitajiet ta’ referenza disponibbli fuq kull azjenda fil-31 ta’ Marzu 2010. Hu għandu japplika biss għall-kwota disponibbli fuq l-azjenda fil-31 ta’ Marzu 2010.
103. Il-kwanitatijiet ta’ ħalib jew ekwivalenti tal-ħalib imqiegħda fis-suq li jaqbżu l- kwota, iżda li jaqblu mal-perċentwal imsemmi fit-tielet subparagrafu ta' (1), wara l-allokazzjoni mill-ġdid imsemmija fl-istess paragrafu, m’għandhomx jitqiesu waqt li tiġi stabbilita kwalunkwe produzzjoni akbar mill-kwota mill-Portugall kif ikkalkulata b’konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (KE) nru 1234/2007.
104. L-iskema ta’ dazju fuq iż-żejjed applikabbli għall-produtturi tal-ħalib prevista fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma għandhiex tapplika għad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej jew, fil-limitu tal-produzzjoni lokali ta’ 4000 tunnellata ħalib, fil-Madeira.
105. B’deroga mill-Artikolu 114(2) tar-Regolament (KE) nru 1234/2007, il-produzzjoni ta’ ħalib UHT magħmul minn trab tal-ħalib li joriġina mill-Unjoni għandha tkun awtorizzata fil-Madeira u fid-dipartiment Franċiż extra-Ewropew ta’ Réunion, fil-limiti tal-ħtiġijiet ta’ konsum lokali, sakemm din il-miżura tiżgura li l-ħalib prodott lokalment jinġabar u jsib postijiet tal-bejgħ. Dan il-prodott għandu jintuża biss għall-konsum lokali.
Il-mod kif jinkiseb il-ħalib UHT rikostitwit għandu jkun indikat b’mod ċar fuq it-tikketta tal-bejgħ.
Artikolu 26 Trobbija tal-bhejjem
106. Sakemm il-kwantità lokali ta’ annimali tal-frat irġiel żgħar tilħaq livell suffiċjenti biex tiżgura l-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali tal-laħam taċ-ċanga fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u fil-Madeira, għandha tkun miftuħa l-possibbiltà ta’ importazzjoni ta’ annimali tal-frat minn pajjiżi terzi, għas-simna u l-konsum fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u fil-Madeira, mingħajr l-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni tat-tariffa doganali komuni. Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ att eżekuttiv il-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan is-subparagrafu u b’mod partikolari id-dettalji prattiċi ta’ eżenzjoni mid-dazji għall-importazzjoni ta’ annimali tal-frat irġiel żgħar fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u fil-Madeira.
L-Artikolu 12 u l-Artikolu 13(1), għandhom japplikaw għall-annimali li jikkwalifikaw għall-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.
107. Il-kwantità ta’ annimali li jikkwalifikaw għall-eżenzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkun determinata fil-programmi POSEI, meta l-ħtieġa għall-importazzjoni tkun iġġustifikata minħabba l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali. Dawn l-annimali huma maħsuba primarjament għall-produtturi li jżommu annimali għas-simna li minnhom mill-anqas 50 % huma ta’ oriġini lokali.
Sabiex tikkunsidra l-karatteristiċi speċifiċi lokali tas-settur tal-frat u s-settur sussidjarju tiegħu, il-Kummissjoni għandha tiddetermina permezz ta’ att iddelegat, il-kundizzjonijiet li għalihom hija soġġetta l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni.
108. Fejn japplikaw l-Artikolu 52 u l-Artikolu 53(1), tar-Regolament (KE) nru 73/2009, il-Portugall jista’ jnaqqas il-limitu nazzjonali għall-ħlas tad-drittijiet ta’ laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż u tas-sussidju ta’ baqar li jreddgħu. F’tali każ, permezz ta’ att eżekuttiv mill-Kummissjoni, l-ammont korrispondenti għandu jkun trasferit mil-limiti stabbiliti taħt l-Artikolu 52 u l-Artikolu 53 (1) tar-Regolament (KE) nru 73/2009 għar-riżorsi finanzjarji msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 29 (2) ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 27 Għajnuna statali għall-produzzjoni tat-tabakk
Spanja hija awtorizzata tagħti għajnuna għall-produzzjoni tat-tabakk fil-Gżejjer Kanarji. L-għoti ta’ din l-għajnuna m’għandux iwassal għal diskriminazzjoni bejn il-produtturi fil-gżejjer.
L-ammont ta’ għajnuna ma jistax jaqbeż is-somma ta’ EUR 2 980,62 għal kull tunnellata. L-għajnuna addizzjonali għandha titħallas għal massimu ta’ 10 tunnellati kull sena.
Artikolu 28 Eżenzjoni mid-dazju għat-tabakk
1. L-ebda dazju m’għandu jiġi applikat għal importazzjonijiet diretti fil-Gżejjer Kanarji ta’ tabakk mhux maħdum u semimaħdum li jaqa’, rispettivament, taħt:
(a) Kodiċi NM 2401, u
(b) is-subtitoli li ġejjin:
- 2401 10 tabakk mhux maħdum mhux imqaxxar,
- 2401 20 tabakk mhux maħdum, parzjalment imqaxxar jew imqaxxar kollu,
- ex 2401 20 għata ta’ barra għas-sigarri ppreżentati fuq stends, f’rukkelli, maħsuba għall-manifattura tat-tabakk,
- 2401 30 skart tat-tabakk,
- ex 2402 10 sigarri mhux kompluti mingħajr kisja,
- ex 2403 10 biċċiet ta’ tabakk (taħlit finalizzat ta’ tabakk għall-manifattura ta’ sigaretti, sigarri, sigarri ħoxnin miftuħin miż-żewġt itruf u sigarri żgħar),
- ex 2403 91 tabakk omoġenizzat jew rikostitwit, kemm jekk imqiegħed f’forma ta’ folja jew fi strixxi,
- ex 2403 99 tabakk imwessa’.
L-eżenzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tingħata għall-għajnuna taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 11.
Din l-eżenzjoni għandha tapplika għall-prodotti msemmija fl-ewwel subparagrafu, maħsuba għall-ipproċessar fl-arċipelagu tal-Kanarji fi prodotti manifatturati lesti għat-tipjip, sa limitu annwali ta’ importazzjoni ta’ 20 000 tunnellata tal-ekwivalenti ta’ tabakk mhux maħdum imqaxxar.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ att eżekuttiv il-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 u b’mod partikolari id-dettalji prattiċi ta’ eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni għall-Gżejjer Kanarji.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI
ARTIKOLU 29 Allokazzjoni finanzjarja
1. Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, ħlief għall-Artikolu 21, huma intervent maħsub biex jirregola s-swieq agrikoli fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 [13].
2. Għal kull eżerċizzju finanzjarju l-Unjoni għandha tiffinanzja l-miżuri previsti fil-Kapitoli III u IV sa massimu annwali ugwali għal dan li ġej:
Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej: | EUR 278,41 miljun, |
Azores u Madeira: | EUR 106,21 miljun, |
Gżejjer Kanarji: | EUR 268,42 miljun. |
- 3. L-ammonti allokati annwalment għal kull sena finanzjarja għall-finanzjament tal-miżuri previsti fil-Kapitolu III ma jistgħux ikunu akbar mill-ammonti li ġejjin:
Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej: | EUR 24,8 miljun, |
Azores u Madeira: | EUR 21,2 miljun, |
Gżejjer Kanarji: | EUR 72,7 miljun. |
- Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi permezz ta’ att eżekuttiv il-kundizzjonijiet uniformi li permezz tagħhom l-Istati Membri jistgħu jibdlu l-allokazzjoni tar-riżorsi allokati kull sena għad-diversi prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.
4. Sabiex tkun żgurata allokazzjoni raġonevoli u proporzjonata għall-miżuri ta’ finanzjament tal-istudji, proġetti dimostrattivi, tat-taħriġ u tal-miżuri ta’ għajnuna teknika, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi permezz ta’ att iddelegat ammont massimu annwali li jista’ jiġi allokat għal dawn il-miżuri.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
ARTIKOLU 30 Miżuri nazzjonali
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kontrolli u sanzjonijiet amministrattivi, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.
Artikolu 31 Komunikazzjonijiet u rapporti
109. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar ta’ kull sena dwar il-krediti li jkunu saru disponibbli għalihom li jkunu bi ħsiebhom jonfqu matul is-sena ta’ wara għall-implimentazzjoni tal-bilanċ provviżorju tal-provvista u dwar kull miżura favur il-produzzjoni agrikola lokali inkluża fil-programmi POSEI.
110. L-Istati Membri għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju kull sena, rapport dwar l-implimentazzjoni fis-sena preċedenti tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament.
111. Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2015, u wara kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li juri l-impatt tal-azzjonijiet meħuda taħt dan ir-Regolament, inkluż fis-settur tal-banana, flimkien ma’ proposti xierqa, fejn applikabbli.
Artikolu 32 Setgħat tal-Kummissjoni
Meta jingħataw setgħat lill-Kummissjoni, din għandha taġixxi b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 33, fil-każ ta’ atti ddelegati, u b’mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 34, fil-każ ta’ atti ta' implimentazzjoni.
Artikolu 33 Atti ddelegati
112. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti ddelegati msemmija f’dan ir-Regolament għal perjodu mhux determinat.
Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att iddelegat, din għandha tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan fl-istess waqt.
113. Id-delegazzjoni tas-setgħa msemmija f'(1) tista’ tkun revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
L-istituzzjoni li tkun bdiet proċess intern sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex tirrevoka d-delegazzjoni tas-setgħa għandha tinforma lil-leġiżlatur l-ieħor u lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard minn xahar qabel ma tieħu d-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħat iddelegati li jistgħu jiġu revokati kif ukoll kwalunkwe raġuni għal dan.
Id-deċiżjoni ta’ revoka ttemm id-delegazzjoni tas-setgħat speċifikati f’din id-Deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ immedjatament jew f’data ulterjuri speċifikata. Din m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati diġà fis-seħħ. Għandha tkun ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .
114. Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jqajmu oġġezzjonijiet fir-rigward tal-att iddelegat fi żmien xahrejn mid-data ta’ notifika. Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, din l-iskadenza għandha tittawwal b’xahar.
Jekk, wara li tintemm din l-iskadenza la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu ressqu oġġezzjoni fir-rigward ta’ dan l-att iddelegat, jew jekk, qabel din id-data, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li ma jkunux sejrin iqajmu oġġezzjonijiet, l-att delegat jidħol fis-seħħ fid-data prevista fid-dispożizzjonijiet tiegħu.
Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill iqajmu oġġezzjonijiet fir-rigward tal-att iddelegat, dan ma jidħolx fis-seħħ. L-istituzzjoni li tqajjem l-oġġezzjonijiet kontra l-att iddelegat għandha tispjega r-raġunijiet.
Artikolu 34 Atti ta' implimentazzjoni – Kumitat
[Dawn għandhom jkunu kkompletati wara l-adozzjoni tar-regolament dwar il-modalitajiet ta' kontroll hekk kif imniżżla fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE, li qed jiġu diskussi mill-PE u mill-Kunsill]
Artikolu 35 Revoka
Ir-Regolament (KE) nru 247/2006 huwa b’dan revokat.
Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.
Artikolu 36Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-[…] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .
[Dan għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.]
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi […],
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President
ANNESS
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
Regolament (KE) nru 247/2006 | Dan ir-Regolament |
Artikolu 1 | Artikolu 1 |
Artikolu 2 | Artikolu 8 |
Artikolu 3(1) u (2) | Artikolu 9(1) u (2) |
Artikolu 9(3) |
Artikolu 9(4) |
Artikolu 3(3) | Artikolu 10 |
Artikolu 3(4) | Artikolu 12 |
Artikolu 4(1) u (2) | Artikolu 13(1) u (2) |
Artikolu 13(3) |
Artikolu 13(4) |
Artikolu 4(3) | Artikolu 13(5) |
Artikolu 5 | Artikolu 14 |
Artikolu 6 | Artikolu 15 |
Artikolu 7 | Artikolu 16 |
Artikolu 8, l-aħħar sentenza | Artikolu 11 |
Artikolu 9(1) u Artikolu 10 | Artikolu 18(1) |
Artikolu 9(2) u (3) | Artikolu 3 |
Artikolu 11 | Artikolu 4 |
Artikolu 12(a) (b) u (c) | Artikolu 18(2)(a)(b) u (c) |
Artikolu 12(d) (e) (f) u (g) | Artikolu 5 |
Artikolu 13 | Artikolu 7 |
Artikolu 14 | Artikolu 20 |
Artikolu 15 | Artikolu 21 |
Artikolu 16 | Artikolu 22 |
Artikolu 17 | Artikolu 23 |
Artikolu 18 | Artikolu 24 |
Artikolu 19 | Artikolu 25 |
Artikolu 20 | Artikolu 26 |
Artikolu 21 | Artikolu 27 |
Artikolu 22 | Artikolu 28 |
Artikolu 23 | Artikolu 29 |
Artikolu 24 | Artikolu 6 |
Artikolu 27 | Artikolu 30 |
Artikolu 28 | Artikolu 31 |
Artikolu 29 | Artikolu 35 |
Artikolu 33 | Artikolu 36 |
[1] ĠU C, p. .
[2] ĠU C, p. .
[3] ĠU C, p. .
[4] ĠU C, p. .
[5] ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.
[6] ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.
[7] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.
[8] ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16.
[9] ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.
[10] ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.
[11] ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7.
[12] ĠU L 4, 7.1.2000, p. 11.
[13] ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.
| Fuq |