EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010PC0193

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri - It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020 {SEG(2010) 488 finali}

/* KUMM/2010/0193 finali - NLE 2010/0115 */

52010PC0193

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri - It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020 {SEG(2010) 488 finali} /* KUMM/2010/0193 finali - NLE 2010/0115 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 27.4.2010

KUMM(2010) 193 finali

2010/0115 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020

{SEG(2010) 488 finali}

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex tniedi strateġija ġdida għall-impjieg u t-tkabbir, Ewropa 2020[1], ibbażata fuq koordinazzjoni mtejba tal-politiki ekonomiċi, li għandhom jiffokaw fuq oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli. B'dan il-għan, il-Kunsill Ewropew qabel li jistabbilixxi miri ewlenin tal-UE, li huma għanijiet kondiviżi li jmexxu l-azzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Fid-dawl ta' dawn il-miri, l-Istati Membri [stabbilixxew] il-miri nazzjonali tagħhom. Min-naħa tagħha, fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se taħdem biex timplementa l-istrateġija, b'mod partikolari permezz tas-seba' 'inizjattivi prominenti', li tħabbru fil-Komunikazzjoni Ewropa 2020.

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistipula li l-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom u l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjonijiet ta' interess komuni u jikkoordinawhom mal-Kunsill. F'żewġ artikoli distinti, huwa stipulat li l-Kunsill għandu jadotta linji gwida ġenerali ta' politika ekonomika (Artikolu 121) u linji gwida dwar l-impjieg (Artikolu 148), bl-ispeċifikazzjoni li din tal-aħħar għandha tkun konsistenti mal-ewwel waħda. B'din il-bażi legali, il-linji gwida għall-impjieg u l-politiki ekonomiċi huma ppreżentati bħala żewġ strumenti legali separati — li madanakollu huma interkonnessi b'mod intrinsiku:

- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati membri u tal-Unjoni - l-Ewwel Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020;

- Deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għall-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri - it-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Dawn il-linji gwida implimentati mill-istrumenti legali hawn fuq imsemmija flimkien jiffurmaw il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020.

Il-"Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020" jistabbilixxu l-qafas għall-istrateġija Ewropa 2020 u r-riformi fil-livell tal-Istati Membri. Sabiex jiġu żgurati l-koerenza u ċ-ċarezza, il-linji gwida huma limitati fin-numru u jirriflettu l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Il-linji gwida huma integrati biex jiżguraw li politiki nazzjonali u tal-livell tal-UE jikkontribwixxu bi sħiħ sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Segwitu b'mod sinkronizzat għandu jgħin lill-Istati Membri jibbenefikaw mill-effetti kollaterali pożittivi ta' riformi strutturali kkoordinati, b'mod partikolari fi ħdan iż-żona euro.

Abbażi ta' dan, l-Istati Membri għandhom ifasslu Programmi Nazzjonali ta' Riforma li jistabbilixxu fid-dettal l-azzjonijiet li se jieħdu taħt l-istrateġija l-ġdida, b'enfasi partikolari fuq l-isforzi meħtieġa biex jintlaħqu l-miri nazzjonali. Il-Kunsill Ewropew, fuq il-bażi ta' monitoraġġ mill-Kummissjoni u tal-ħidma fil-Kunsill, għandu jevalwa kull sena l-progress ġenerali miksub fl-implimentazzjoni tal-istrateġija kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali. Żviluppi makroekonomiċi, strutturali u ta' kompetittività kif ukoll l-istabbiltà finanzjarja ġenerali se jiġu eżaminati fl-istess ħin.

Il-"Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020" huma dawn:

Linja gwida 1: L-iżgurar tal-kwalità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi

Linja gwida 2: L-indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi

Linja gwida 3: It-tnaqqis tal-iżbilanċi fiż-żona tal-euro

Linja gwida 4: L-aħjar użu mill-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, it-tisħiħ tat-trijanglu tal-għarfien u t-tqanqil tal-potenzjal tal-ekonomija diġitali

Linja gwida 5: It-titjib tal-użu effiċjenti ta' riżorsi u t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra

Linja gwida 6: It-titjib tal-ambjent tan-negozju u tal-konsumatur u l-immodernizzar tal-bażi industrijali

Linja gwida 7: Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u t-tnaqqis tal-qgħad strutturali

Linja gwida 8: L-iżvilupp ta' forza tax-xogħol b'kapaċitajiet li jirreflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-kwalità tal-impjiegi u t-tagħlim tul il-ħajja

Linja gwida 9: It-titjib tal-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja

Linja gwida 10: Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar

2010/0115 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

It-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[4],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi,

Billi:

(1) L-Artikolu 145 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistipula li l-Istati Membri u l-UE għandhom jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b'mod partikolari għall-promozzjoni ta' forza tax-xogħol bil-kapaċitajiet, imħarrġa u li tadatta kif ukoll swieq tax-xogħol li jirreaġixxu għat-tibdil ekonomiku bil-għan li jiksbu l-miri stipulati fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri, wara li jikkunsidraw il-prattiċi nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet ta' ġestjoni u impjieg, għandhom iqisu l-promozzjoni tal-impjieg bħala kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dak ir-rigward fi ħdan il-Kunsill, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 148 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(2) It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula fl-Artikolu 3.3 li l-Unjoni għandha tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u għandha tippromwovi l-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni u jipprovdi għall-inizjattivi tal-Unjoni biex tiżgura koordinazzjoni tal-politiki soċjali tal-Istati Membri. L-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti marbuta mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali.

(3) It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li linji gwida dwar l-impjieg u linji gwida ta' politika ekonomika ġenerali għandhom jiġu adottati mill-Kunsill sabiex imexxu l-politiki tal-Istati Membri.

(4) L-Istrateġija ta' Lisbona, li ġiet imnedija fl-2000, kienet ibbażata fuq rikonoxximent tal-ħtieġa tal-UE li żżid il-produttività u l-kompetittività tagħha, filwaqt li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali, quddiem kompetizzjoni globali, tibdil teknoloġiku u popolazzjoni li qed tixjieħ. L-Istrateġija ta' Lisbona ġiet imnedija mill-ġdid fl-2005, wara reviżjoni ta' nofs it-terminu li wasslet għal enfasi ikbar fuq it-tkabbir, u iktar u aħjar impjiegi.

(5) L-Istrateġija ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjieg għenet biex jinħoloq kunsens dwar id-direzzjoni ġenerali tal-politiki ekonomiċi u tal-impjieg tal-UE. Taħt l-istrateġija, kemm il-linji gwida politiċi ġenerali kif ukoll il-linji gwida dwar l-impjieg ġew adottati mill-Kunsill fl-2005[5] u riveduti fl-2008[6]. L-24 linji gwida kienu l-pedament għall-programmi ta' riforma nazzjonali, li jispjegaw il-prijoritajiet ta' riforma makroekonomiċi, mikroekonomiċi u tas-suq tax-xogħol għall-UE kollha. Madankollu, l-esperjenza turi li l-linji gwida ma stabbilixxewx prijoritajiet ċari biżżejjed u li r-rabtiet bejniethom setgħu kienu iktar b'saħħithom. Dan irriżulta f'limitu tal-impatt tagħhom fuq it-tfassil tal-politika.

(6) Il-kriżi finanzjarja u ekonomika li bdiet fl-2008 rriżultat f'telf sinifikanti ta' impjiegi u produzzjoni potenzjali u wasslet għal deterjorament qawwi fil-finanzi pubbliċi. Il-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku[7] madankollu għen lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kriżi, parzjalment permezz ta' stimolu fiskali kkoordinat, filwaqt li l-euro li pprovdiet ankraġġ għall-istabbiltà makroekonomika. Għalhekk il-kriżi wriet li koordinazzjoni tal-politiki tal-Unjoni tista' tagħti riżultati sinifikanti jekk tiġi msaħħa u ssir iktar effettiva. Il-kriżi enfasizzat ukoll l-interdipendenza tal-ekonomiji tal-Istati Membri u s-swieq tal-impjieg.

(7) Il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi strateġija ġdida għad-deċennju li jmiss, l-Istrateġija Ewropa 2020[8], sabiex tippermetti lill-UE toħroġ iktar b'saħħitha mill-kriżi, u biex tindirizza l-ekonomija tagħha lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Ħames miri ewlnin, elenkati taħt il-linji gwida relevanti, jiffurmaw għanijiet komuni li jmexxu l-azzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jilħqu l-miri nazzjonali u biex jeliminaw ostakli li jfixklu t-tkabbir.

(8) Bħala parti mill-'istrateġiji ta' ħruġ' komprensivi għall-kriżi ekonomika, l-Istati Membri għandhom iwettqu riformi ambizzjużi biex jiżguraw l-istabbiltà makroekonomika u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, itejjbu l-kompetittività, inaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi u jsaħħu l-prestazzjoni tas-suq tal-impjieg. L-irtirar tal-istimolu fiskali għandu jiġi implimentat u kkoordinat fi ħdan il-qafas tal-Patt għall-Istabbiltà u t-Tkabbir.

(9) Fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw riformi mmirati lejn 'tkabbir intelliġenti', jiġifieri tkabbir ibbażat fuq l-għarfien u l-innovazzjoni. Ir-riformi għandhom jimmiraw lejn titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni, billi jiżguraw aċċess għal kulħadd, u bit-tisħiħ tar-riċerka u l-prestazzjoni tan-negozju bil-għan tal-promozzjoni tal-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien fl-UE kollha. Għandhom iħeġġu l-ispirtu intraprenditorjali u jgħinu biex jittraduċu ideat kreattivi f'prodotti innovattivi, servizzi u proċessi li jistgħu joħolqu tkabbir, impjiegi ta' kwalità, koeżjoni territorjali, ekonomika u soċjali, u jindirizzaw b'mod iktar effiċjenti l-isfidi relatati mas-soċjetà Ewropea u globali. L-isfruttar bi sħiħ tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni huwa essenzjali f'dan il-kuntest.

(10) L-Istati Membri għandhom ukoll, permezz tal-programmi ta' riforma tagħhom, jimmiraw lejn 'tkabbir sostenibbli'. Tkabbir sostenibbli jfisser bini ta' ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, sostenibbli u kompetittiva, tqassim ġust tal-ispejjeż u l-benefiċċji u l-isfruttar tal-pożizzjoni ta' tmexxija tal-Ewropa fit-tellieqa għall-iżvilupp ta' proċessi u teknoloġiji ġodda, inkluż teknoloġiji ekoloġiċi. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw ir-riformi neċessarji biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u jużaw ir-riżorsi b'mod effiċjenti. Għandhom itejbu wkoll l-ambjent tan-negozju, jistimolaw il-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi u jimmodernizzaw il-bażi industrijali tagħhom.

(11) Il-programmi ta' riforma tal-Istati Membri għandhom ikunu mmirati wkoll lejn 'tkabbir inklużiv'. It-tkabbir inklużiv ifisser bini ta' koeżjoni soċjali li fiha n-nies jingħataw is-setgħa li jantiċipaw u jamministraw il-bidla, u b'hekk jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà u l-ekonomija. Ir-riformi tal-Istati Membri għalhekk għandhom jiżguraw aċċess u opportunitajiet għal kulħadd fiċ-ċiklu tal-ħajja kollu, biex b'hekk jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, permezz tal-eliminazzjoni tal-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tal-impjieg b'mod speċjali għan-nisa, ħaddiema anżjani, żgħażagħ, persuni b'diżabbiltà u migranti legali. Għandhom jiżguraw ukoll li l-benefiċċji tat-tkabbir ekonomiku jilħqu liċ-ċittadini lir-reġjuni kollha. L-iżgurar ta' funzjonament effettiv tas-swieq tal-impjieg permezz ta' investiment f'tranżizzjonijiet b'suċċess, żvilupp adattat tal-kapaċitajiet, kwalità dejjem tikber tal-impjiet u l-ġlieda kontra s-segmentazzjoni, il-qgħad strutturali u l-inattività filwaqt li jiġu żgurat ħarsien soċjali adegwat u sostenibbli u inklużjoni attiva għat-tnaqqis tal-faqar għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-programmi ta' riforma tal-Istati Membri.

(12) Ir-riformi strutturali tal-UE u tal-Istati Membri jistgħu jikkontribwixxu effettivament għat-tkabbri u l-impjieg jekk isaħħu l-kompetittività tal-UE fl-ekonomija globali, jiftħu opportunitajiet ġodda għall-esportaturi Ewropej u jipprovdu aċċess kompetittiv għall-importazzjonijiet vitali. Għalhekk ir-riformi għandhom iqisu l-implikazzjonijiet tal-kompetittività esterna biex iwasslu għal tkabbir Ewropew u l-parteċipazzjoni f'swieq miftuħa u ekwi fid-dinja kollha.

(13) L-istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun mirfuda b'għadd ta' politiki integrati, li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw bi sħiħ u bl-istess pass, sabiex jinkisbu l-effetti kollaterali pożittivi ta' riformi strutturali kkoordinati.

(14) Filwaqt li dawn il-linji gwida huma indirizzati lejn l-Istati Membri, l-istrateġija Ewropa 2020 għandha tiġi implimentata bi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-assoċjazzjoni mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll imsieħba soċjali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, li għandhom jikkontribwixxu għat-tfassil tal-programmi ta' riforma nazzjonali, għall-implimentazzjoni tagħhom u għall-komunikazzjoni ġenerali dwar l-istrateġija.

(15) L-istrateġija Ewropa 2020 hija mirfuda minn grupp iżgħar ta' linji gwida, li jissostitwixxi l-grupp preċedenti ta' 24 u li jindirizza kwistjonijiet ta' impjieg u politika ekonomika ġenerali b'mod koerenti. Il-linji gwida għall-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri, annessi ma' din id-Deċiżjoni, huma marbutin b'mod intrinsiku mal-linji gwida għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni, annessi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill […] ta' […]. Flimkien, jiffurmaw il-'Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020'.

(16) Dawn il-linji gwida integrati ġodda jirriflettu l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew. Huma jagħtu direzzjoni preċiża lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-programmi ta' riforma nazzjonali tagħhom u fl-implimentazzjoni tar-riformi, jirriflettu l-interdipendenza u huma konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Dawn il-linji gwida għandhom jiffurmaw il-bażi għal kwalunkwe rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li l-Kunsill jista' jindirizza lill-Istati Membri. Għandhom ikunu wkoll il-bażi għall-istabbiliment tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjieg li jintbagħat kull sena mill-Kunsill u l-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew.

(17) Għalkemm dawn iridu jitfasslu kull sena, dawn il-linji gwida għandhom jibqgħu stabbli sal-2014 biex tiġi żgurata attenzjoni fuq l-implimentazzjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għall-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri, kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati. Dawn il-linji gwida għandhom jiffurmaw parti mill-'Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020'.

Artikolu 2

Il-linji gwida fl-Anness għandhom jiġu kkunsidrati fil-politika tal-impjieg tal-Istati Membri, u għandhom isiru rapporti dwarhom fil-programmi ta’ riforma nazzjonali. L-Istati Membri għandhom ifasslu programmi ta' riforma konsistenti mal-miri stabbiliti fil-'Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020'.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

Anness: Linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

Linja gwida 7: Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u tnaqqis fil-qgħad strutturali

L-Istati Membri għandhom jintegraw il-prinċipji ta' flessikurtà approvati mil-Kunsill Ewropew fil-politiki tas-suq tax-xogħol tagħhom u japplikawhom, biex b'hekk jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ tal-Fond Soċjali Ewropew bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u biex jegħlbu s-segmentazzjoni u l-inattività, l-inguwaljanza bejn is-sessi, filwaqt li jnaqqsu l-qgħad strutturali. Miżuri biex jtejbu l-flessibbiltà u s-sigurtà għandhom ikunu kemm bilanċjati kif ukoll ta' tisħiħ reċiproku. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jintroduċu taħlita ta' kuntratti flessibbli u affidabli ta' impjieg, politiki attivi tas-suq tax-xogħol, tagħlim tul il-ħajja effettiv, politiki għall-promozzjoni tal-mobbiltà fix-xogħol, u sistemi ta' sigurtà soċjali adegwati biex jiġu żgurati tranżizzjonijiet professjonali akkumpanjati minn drittijiet u responsabbiltajiet ċari sabiex in-nies qiegħda jfittxu x-xogħol b'mod attiv.

L-Istati Membri għandhom iżidu d-djalogu soċjali u jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol b'miżuri indirizzati lejn l-impjieg temporanju u prekarju, rata baxxa ta' impjieg u xogħol mhux iddikjarat. Il-mobbiltà professjonali għandha tiġi ppremjata. Il-kwalità tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tal-impjieg għandhom ikunu indirizzati permezz tal-ġlieda kontra l-pagi baxxi u billi tiġi żgurata sigurtà soċjali adegwata għal dawk li għandhom kuntratti fissi kif ukoll għal min jaħdem għal rasu. Is-servizzi tal-impjieg għandhom ikun imsaħħa u miftuħin għal kulħadd, inkluż iż-żgħażagħ u dawk li jinsabu mhedda mill-qgħad b'servizzi personalizzati mmirati lejn dawk l-iktar imbegħdin mis-suq tax-xogħol.

Sabiex tiżdied il-kompetittività u jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni, b'mod partikolari għal dawk b'kapaċitajiet baxxi, u skont il-linja gwida ta' politka ekonomika 2, l-Istati Membri għandhom jirrevedu s-sistemi ta' taxxa u benefiċċji u l-kapaċità tas-servizzi pubbliċi li jipprovdu l-appoġġ neċessarju. L-Istati Membri għandhom iżidu l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol permezz ta' politiki li jippromwovu t-tixjieħ attiv, l-ugwaljanza bejn is-sessi, pagi ndaqs u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabbiltà, migranti legali u gruppi vulnerabbli oħra. Politiki ta’ konċiljazzjoni bejn il-ħajja familjari u dik professjonali b'dispożizzjoni ta' kura aċċessibbli u innovazzjoni fl-organizzazzjoni tax-xogħol għandhom ikunu diretti biex iżidu r-rati ta' impjieg, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, ħaddiema ikbar fl-età u nisa, b'mod partikolari biex jinżammu n-nisa b'kapaċitajiet avvanzati fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi. L-Istati Membri għandhom ineħħu wkoll l-ostakli għad-dħul fis-suq tax-xogħol għal min ikun ġdid, jappoġġjaw l-impjieg ta' min jaħdem għal rasu u l-ħolqien tal-impjiegi f'oqsma inkluż l-impjieg ekoloġiku u l-kura u jippromwovu l-innovazzjoni soċjali.

Il-mira ewlenija tal-UE, abbażi ta' liema Stati Membri se jistabbilixxu miri nazzjonali, hija li sal-2020 jintlaħaq 75% tar-rata ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel bejn 20-64 inkluż permezz ta' parteċipazzjoni ikbar taż-żgħażagħ, ħaddiema ikbar fl-età u ħaddiema b'kapaċitajiet baxxi u integrazzjoni mtejba tal-migranti legali.

Linja-gwida 8: L-iżvilupp ta' forza tax-xogħol b'kapaċitajiet li jirreflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-kwalità tal-impjieg u tagħlim tul il-ħajja

L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-produttività u l-impjegabbiltà permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien u kapaċitajiet li jissodisfaw id-domanda attwali u futura tas-suq tax-xogħol. Edukazzjoni inizjali ta' kwalità u taħriġ vokazzjonali attraenti għandhom ikunu kumplimentati b'inċentivi effettivi għat-tagħlim tul il-ħajja, opportunijiet għal bidu mill-ġdid, sabiex jiġi żgurat li kull adult ikun jista' javvanza pass ieħor fil-kwalifi tiegħu, u permezz ta' migrazzjoni mmirata u politiki ta' integrazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw sistemi għall-għarfien ta' kompetenzi akkwistati, jeliminaw l-ostakli għall-mobbiltà okkupazzjonali u ġeografika tal-ħaddiema, jippromwovu l-kisba ta' kompetenzi transversali u l-kreattività, u jiffokaw l-isforzi tagħhom b'mod partikolari fuq appoġġ għal persuni b'kapaċitajiet baxxi u jżidu l-impjegabbiltà ta' ħaddiem ikbar fl-età, filwaqt li jsaħħu t-taħriġ, il-kapaċitajiet u l-esperjenza ta' ħaddiema b'kapaċitajiet avvanzati, inkluż ir-riċerkaturi.

F'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u n-negozji, l-Istati Membri għandhom itejbu l-aċċess għat-taħriġ, isaħħu l-edukazzjoni u l-orjentament professjonali flimkien ma' informazzjoni sistematika dwar opportunitajiet ġodda ta' impjieg disponibbli, il-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali u antiċipazzjoni msaħħa tal-ħtiġijiet ta' kapaċitajiet. Investiment fl-iżvilupp ta' riżorsi umani, avvanz fil-kapaċitajiet u l-parteċipazzjoni fi skemi ta' tagħlim tul il-ħajja għandhom jiġu promossi permezz ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji konġunti minn gvernijiet, individwi u min iħaddem. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali, bil-għan li għatu appoġġ liż-żgħażagħ u b'mod partikolari dawk li m'għandhom impjieg, edukazzjoni jew taħriġ, għandhom iwaqqfu skemi biex jgħinu lil gradwati reċenti jsibu l-ewwel imjieg jew ikomplu l-edukazzjoni tagħhom u opportunitajiet ta' taħriġ, inkluż apprendistat, u jintervjenu malajr meta ż-żgħażagħ jitilfu l-impjieg. Monitoraġġ regolari tal-prestazzjoni ta' avvanz fil-kapaċitajiet u politiki ta' antiċipazzjoni għandu jgħin biex jiġu identifikati oqsma għat-titjib u biex tiżdied ir-reazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-fondi tal-UE għandhom jiġu mmobilizzati mill-Istati Membri sabiex jingħata appoġġ għal dawn l-għanijiet.

Linja-gwida 9: It-titjib fil-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha u ż-żieda fil-parteċipazzjoni dejjem fl-edukazzjoni terzjarja

Sabiex jiġi żgurat aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għal kulħadd u biex jitjiebu r-riżultati edukazzjonali, l-Istati Membri għandhom jinvestu b'mod effiċjenti f'sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ b'mod partikolari biex jgħollu l-livell ta' kapaċitajiet tal-forza tax-xogħol tal-UE, sabiex din tkun tista' tossodisfa l-ħtiġijiet li qed jinbidlu malajr tas-swieq tax-xogħol moderni. L-azzjoni għandha tkopri s-setturi kollha (minn edukazzjoni bikrija fit-tfulija u skejjel għal edukazzjoni għolja, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, kif ukoll taħriġ għall-adulti) filwaqt li jiġi kkunsidrat it-tagħlim f'kuntesti informali u inqas formali. Ir-riformi għandhom ikunu mmirati biex tiġi żgurata l-akkwiżizzjoni tal-kompetenzi ewlenin li jeħtieġ kull individwu biex ikollu suċċess f'ekonomija bbażata fuq l-għarfien, b'mod partikolari fir-rigward tal-impjegabbiltà, tagħlim addizjonali, jew kapaċitajiet tal-ICT. Għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-mobbiltà tat-tagħlim taż-żgħażagħ u l-għalliema ssir ir-regola. L-Istati Membri għandhom itejbu l-ftuħ u r-relevanza tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ, b'mod partikolari bl-implimentazzjoni tal-oqfsa ta' kwalifiki nazzjonali li jippermettu direzzjonoijiet flessibbli ta' tagħlim u bl-iżvilupp ta' sħubiji bejn id-dinjiet tal-edukazzjoni/taħriġ u x-xogħol. Il-professjoni tal-għalliema għandha ssir iktar attraenti. L-edukazzjoni għola għandha ssir iktar miftuħa għal studenti mhux tradizzjonali u parteċipazzjoni f'edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti għandha tiżdied. Bil-għan li jitnaqqas in-numru ta' żgħażagħ li mhumiex impjegati, f'edukazzjoni jew taħriġ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex iwaqqfu l-ħruġ kmieni mill-iskola.

Il-mira ewlenija tal-UE, abbażi ta' liema Stati Membri se jistabbilixxu miri nazzjonali, hija li titnaqqas ir-rata ta' persuni li joħorġu mill-iskola qabel iż-żmien għal 10%, filwaqt li jiżdied is-sehem tal-popolazzjoni bejn 30-34 li tkun temmet l-edukazzjoni terzjarja jew edukazzjoni ekwivalenti għal mill-inqas 40% fl-2020.

Linja-gwida 10: Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar

L-isforzi tal-Istati Membri biex jitnaqqas il-faqar għandhom ikunu mmirati lejn il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u l-ekonomija u l-estensjoni tal-opportunitajiet ta' impjieg, bl-użu sħiħ tal-Fond Soċjali Ewropew. L-isforzi għandhom jiffukaw ukoll fuq l-iżgurar tal-opportunitajiet indaqs, inkluż permezz ta' aċċess għal servizzi aċċessibbli, sostenibbli u ta' kwalità għolja u servizzi pubbliċ (inkluż servizzi onlajn, skont il-linja gwida 4) u b'mod partikolari l-kura tas-saħħa. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu miżuri antidiskriminatorji effettivi. Bl-istess mod, sabiex tingħeleb l-esklużjoni soċjali, tingħata s-setgħa lin-nies u tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, għandhom jissaħħu sistemi ta' ħarsien soċjali, tagħlim tul il-ħajja u politiki ta' inklużjoni attiva biex jinħolqu opportunitajiet f'stadji differenti tal-ħajja tal-persuni u biex jiġu protetti kontra r-riskju tal-esklużjoni. Sistemi ta' sigurtà soċjali u pensjoni għandhom jiġu aġġornati biex jiġi żgurata li jistgħu jintużaw bi sħiħ għall-iżgurar ta' appoġġ ta' dħul adegwat u aċċess għall-kura tas-saħħa — biex b'hekk tiġi pprovduta koeżjoni soċjali — filwaqt li tiġi garantita s-sostenibbiltà finanzjarja. Sistemi ta' benefiċċju għandhom jiffukaw fuq l-iżgurar ta' sigurtà ta' dħul matul tranżizzjonijiet u t-tnaqqis tal-faqar, b'mod partikolari fost il-gruppi li jinsabu fl-ikbar riskju ta' esklużjoni soċjali, bħal familji b'ġenitur wieħed, minoritajiet, persuni b'diżabbiltà, tfal u żgħażagħ, nisa u rġiel anzjani, migranti legali u persuni bla dar. L-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll b'mod attiv l-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni soċjali bl-appoġġ ta' dawk l-iktar vulnerabbli.

Il-mira ewlenija tal-UE, abbażi ta' liema Stati Membri se jistabbilixxu miri nazzjonali, hija li jitnaqqas b'25% in-numru ta' Ewropej li jgħixu taħt il-linji nazzjonali ta' faqar, sabiex iktar minn 20 miljun persuna toħroġ mill-faqar.

[1] COM(2010) 2020, 3.3.2010.

[2] ĠU C , , p.

[3] ĠU C , , p.

[4] ĠU C , , p.

[5] COM(2005)141

[6] COM(2007)803

[7] COM(2009)615, 19.11.2009

[8] COM(2010) 2020, 3.3.2010.

Top