RAPPORT MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib
/* KUMM/2010/0727 finali */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |
Brussel 8.12.2010
KUMM(2010) 727 finali
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib
WERREJ
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib 1
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib 3
Mandat 3
Introduzzjoni 3
1. Evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq għall-ħalib u l-prospetti fuq perjodu ta’ żmien medju 3
1.1. Żviluppi fis-suq s’issa 3
2. Evoluzzjoni f’termini tat-tneħħija gradwali tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib 5
2.1. Produzzjoni tal-ħalib taħt il-kwota 5
2.2. Prezzijiet jonqsu tal-kwoti tal-ħalib 6
2.3. Evoluzzjoni mistennija u analiżi tas-sensittività 7
2.4. Stati Membri li jinsabu fit-triq lejn “impatt tajjeb” 7
3. Rimarki tal-aħħar 7
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI EWROPEA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib
MANDAT
L-Artikolu 184(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) jipprovdi għall-Kummissjoni li tippreżenta rapport qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 u l-31 ta’ Diċembru 2012 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rigward l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq u l-kundizzjonijiet konsegwenti għat-tneħħija gradwali mingħajr xkiel tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib, akkumpanjata minn proposti xierqa jekk ikun hemm bżonn. Dan ir-rapport huwa l-ewwel wieħed miż-żewġ rapporti msemmija hawn fuq.
INTRODUZZJONI
Dan ir-rapport huwa magħmul minn żewġ partijiet: l-ewwel parti tiddeskrivi l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq għall-ħalib tal-baqra mill-2008, is-sena meta ġie deċiż li jsir il-Kontroll tas-Saħħa, sa nofs l-2010 u tiddeskrivi l-prospetti fuq perjodu ta’ żmien medju. It-tieni parti teżamina t-tneħħija gradwali tas-sistema tal-kwoti tal-ħalib.
1. EVOLUZZJONI TAS-SITWAZZJONI TAS-SUQ GħALL-ħALIB U L-PROSPETTI GħAL PERJODU TA’ żMIEN MEDJU
Wara waqgħa sinifikanti fil-prezzijiet u fid-dħul tal-produtturi fl-2008-09 li segwiet l-isplużjoni f’daqqa fil-prezzijiet tal-2007, is-sitwazzjoni tas-suq tal-ħalib irkuprat fit-tieni nofs tal-2009 u tjiebet b’mod kontinwu fl-ewwel nofs tal-2010.
1.1. Żviluppi tas-suq s’issa
Il-kunsinni tal-ħalib tal-baqra baqgħu relattivament stabbli għall-UE-27 tul dawn l-aħħar 3 snin, b’varjazzjonijiet żgħar biss fil-perċentwal minn sena għall-oħra (+ 1% fl-2008, - 0.6% fl-2009, + 0.03% fl-ewwel 7 xhur tal-2010).
L-iżvilupp fil-prezzijiet tal-ħalib huwa muri fl-Anness I. Mill-ogħla prezzijiet eċċezzjonali rreġistrati fl-2007, il-prezzijiet tal-ħalib mill-farm niżlu wara l-waqgħa fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib. Wara rkupru ħafif bejn Lulju u Settembru 2008, il-prezzijiet waqgħu għal livell baxx f’Mejju 2009, ftit ’il fuq mill-medja tal-livelli ta’ sigurtà Il-prezzijiet tal-ħalib għolew minn Mejju 2009 sa Novembru 2009 u stabbilizzaw madwar dak il-livell fl-ewwel kwart tal-2010, kuntrarjament għall-mudell staġjonali li normalment juri xejra ta’ tnaqqis matul ix-xitwa u r-rebbiegħa. Il-prezzijiet tal-ħalib ilhom jogħlew sa mir-rebbiegħa 2010 biex laħqu madwar 31.5 ċ/kg f’Awwissu bħala medja ppeżata għall-UE-27. Għal ħarsa ġenerali lejn il-varjazzjoni sinifikanti fil-prezzijiet bejn l-Istati Membri, jekk jogħġbok irreferi għall-Anness 2 li jqabbel il-prezzijiet tal-ħalib f’Awwissu 2010 ma’ dawk ta’ Awwissu 2009 fid-diversi Stati Membri.
Il-ħażniet ta’ intervent ta’ butir u trab tal-ħalib xkumat (SMP- skimmed milk powder) kienu vojta fl-2008, iżda l-ħażniet privati/tal-industrija ilhom jiżdiedu kemm għall-SMP u l-butir matul l-2007-2008, li jindikaw li waqt li s-swieq kienu qed jikkawżaw l-għoli fil-prezzijiet, kien hemm ammont li qed jiżdied ta’ prodott bl-ingrossa tal-UE li ma sabx ruħu fis-suq. Il-ħażniet ta’ intervent kibru malajr fl-2009 b’riżultat ta’ waqgħa fid-domanda. Id-deterjorament tas-suq fl-2009 ħoloq inċentiv għall-imħaleb biex jitilqu l-prodotti tal-ħalib b’valur miżjud għoli (bħall-ġobon, prodotti friski, jogurts eċċ.) u jmorru għal prodotti ta’ intervent (SMP u butir). B’kollox, fl-2009 inxtraw 76 367 t ta’ butir u 256 982 t ta’ SMP għall-intervent. Ix-xibka tas-sigurtà kienet effettiva biex terġa’ tibbilanċja s-suq billi tirtira mis-suq prodotti li jikkorrispondu għal 1 jew 2% tal-produzzjoni globali tal-ħalib. Bis-saħħa ta' rkupru sinifikanti fil-prezzijiet tal-butir fl-aħħar tal-2009 u fl-2010 s’issa u żviluppi favorevoli fis-suq għall-prodotti tal-ħalib b’mod ġenerali, ma kienx hemm xiri fl-intervent fl-2010 u issa, il-ħażniet ta’ intervent huma kważi vojta għall-butir u qed jitnaqqsu gradwalment għall-SMP grazzi għar-rilaxx skont l-iskema għall-iktar persuni mċaħħda u l-bejgħ skont offerta miftuħa. L-irkupru fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib kien dovut l-aktar għal provvisti mnaqqsa mill-Emisferu tan-Nofsinhar u rkupru aħjar milli mistenni fid-domanda dinjija għall-prodotti tal-ħalib. Kundizzjonijiet tas-suq imtejba wasslu biex l-imħaleb irritornaw għal prodotti tal-ħalib b’valur miżjud għoli.
L-iżviluppi fil-prezzijiet medji tal-UE għall-prodotti ewlenin tal-ħalib ilhom volatili mill-2008 s’issa. Waqt li l-prezzijiet kienu għadhom f’livelli għoljin ħafna fil-bidu tal-2008, dawn waqgħu għal livelli baxxi ħafna fl-ewwel nofs tal-2009 u rkupraw b’mod kontinwu fit-tieni nofs tal-2009 u fl-ewwel tliet kwarti tal-2010.
L-esportazzjonijiet tal-prodotti tal-ħalib tal-UE esperjenzaw tnaqqis fl-2008, b’mod speċjali l-butir u ż-żejt tal-butir, bl-eċċezzjoni kbira ewlenija tkun it-trab tal-ħalib sħiħ (WMP – whole milk powder). It-tendenza twaqqfet fl-2009 bl-introduzzjoni tar-rifużjonijiet għall-esportazzjonijiet biex ikopru parti mid-differenza dejjem tikber bejn is-suq dinji u l-prezzijiet tal-UE. L-esportazzjonijiet tal-UE rkupraw fl-ewwel xhur tal-2010 mingħajr rifużjonijiet għall-esportazzjoni minħabba żieda fid-domanda dinjija.
1.2. Żvilupp tas-suq fuq perjodu ta’ żmien medju
Il-prospetti tas-suq fuq perjodu ta’ żmien medju għall-UE kienu simulati mal-mudell Aglink-Cosimo. Is-suq dinji u l-ambjent tal-politika huwa bbażat fuq l- OECD-FAO Agricultural Outlook 2010-2019 (il-Prospetti Agrikoli tal-OECD-FAO għall-2010-2019), li japplika l-aktar projezzjonijiet makro-ekonomiċi reċenti disponibbli u li jassumi li ma kien hemm l-ebda bidla fil-PAK wara d-deċiżjonijiet tal-Kontroll tas-Saħħa u l-ebda bidla fil-politiki kummerċjali. Uħud mill-aktar xprunijiet importanti tal-projezzjonijiet tas-suq huma l-prospetti mtejba tat-tkabbir fil-PDG, is-suppożizzjoni dwar it-tisħiħ gradwali tal-Ewro meta mqabbel mad-Dollaru Amerikan u l-projezzjonijiet tal-prezzijiet tas-suq dinji tal-OECD-FAO[1] għall-prodotti tal-ħalib. Jekk xi waħda minn dawn il-projezzjonijiet/suppożizzjonijiet ma jimmaterjalizzawx, dan jaffettwa l-projezzjonijiet riżultanti b’mod sinifikanti. Barra dan, aspettattivi akbar fil-volatilità tal-prezzijiet mhumiex inkorporati fil-mudell Aglink-Cosimo.
Skont dan il-mudell u s-suppożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, il-produzzjoni tal-ħalib hija mbassra li tirritorna għat-triq taż-żieda mill-2011 ’il quddiem, xprunata minn orizzont ta’ domanda pjuttost ottimist ibbażat fuq prospetti makroekonomiċi mtejba. Il-produzzjoni tal-ħalib tal-UE-27 fl-2020 tkun taqbeż il-livell tal-2009 b’madwar 3%. Il-kunsinni tal-ħalib ikunu mistennija jiżdiedu b’rata kemmxejn ogħla, bid-differenza tkun dovuta għal konsum fil-farm li qed jonqos gradwalment fl-UE-12. Fil-kuntest tat-tneħħija tal-kwoti, il-produzzjoni tal-ħalib tal-UE-27 hija mbassra li tagħmel reazzjoni modesta ħafna għat-tmiem tar-reġim tal-kwota mal-kunsinni tal-UE (ara l-grafika 2 tal-Anness 3).
Il-prospett jidher favorevoli għall-prodotti tal-ħalib b’valur miżjud ogħla, xprunat minn domanda li qed tikber għall-ġobon u l-prodotti tal-ħalib friski. Il-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib friski (inkluż ħalib għax-xorb, krema, jogurts eċċ.) hija pproġettata li tiżdied b’madwar 8% (mill-2009 sal-2020) u l-produzzjoni tal-ġobon hija mistennija li tikber b’madwar 10%. Il-prospetti għall-esportazzjonijiet tal-ġobon jistgħu jitqiesu bħala favorevoli, minkejja l-assunzjoni ta' tisħiħ gradwali tal-munita Euro, bl-UE żżomm sehem stabbli fl-esportazzjonijiet globali tal-ġobon ’il fuq minn 30%.
Fir-rigward tad-WMP, il-produzzjoni hija mbassra li taqa’ biss marġinalment taħt il-livell tal-2009 u l-esportazzjonijiet tal-UE huma mistennija li jibqgħu stabbli għal perjodu ta’ żmien medju, xprunati minn domanda globali soda. Minkejja dan, is-sehem tas-suq tal-UE tal-esportazzjonijiet globali jaqa’ gradwalment għal 21% sal-2020 (minn 24% fl-2009).
Il-prospett jiddeskrivi stabbilità tas-suq kontinwa għall-butir iżda jiddependi fuq domanda domestika stabbli. Iż-żieda fil-produzzjoni pproġettata għall-2015 (is-sena tal-abolizzjoni tal-kwota) twassal għal żieda fl-esportazzjonijiet tal-UE.
Il-perspettivi tal-esportazzjoni ta’ SMP huma inqas favorevoli meta wieħed iqis l-assunzjoni tat-tisħiħ tal-Euro u l-provvista qawwija minn esportaturi oħrajn. Minkejja l-prospett relattivament favorevoli u l-istabbilità apparenti tas-suq għal SMP, il-prospetti għall-perjodu ta’ żmien aktar viċin jibqgħu sensittivi għall-iżviluppi globali tal-provvista-domanda u għall-ħilatas-suq tal-UE li jassorbi r-rilaxx tal-ħażniet ta’ intervent.
Grafika korrispondenti huma mehmuża fl-Anness 3.
2. EVOLUZZJONI F’TERMINI TAT-TNEħħIJA GRADWALI TAS-SISTEMA TAL-KWOTI TAL-ħALIB
2.1. Produzzjoni tal-ħalib taħt il-kwota
Il-Kunsill iddeċieda li fl-1 ta’ April 2008, iżid il-kwoti tal-ħalib bi 2%. Id-deċiżjonijiet tal-Kontroll tas-Saħħa ta’ Novembru 2008 irriżultaw f’żieda annwali fil-kwoti tal-ħalib b’1% fuq 5 snin konsekuttivi, li jibdew fl-1 ta’ April 2009, flimkien ma’ aġġustament tal-fattur ta’ korrezzjoni tax-xaħam li rriżulta f’żieda de facto ulterjuri ta’ 1% fil-kwoti. Jifdal 3 żidiet annwali ta’ 1% sal-iskadenza tas-sistema tal-kwota fl-1 ta’ April 2015 (bl-eċċezzjoni tal-Italja fejn ġie deċiż li ż-żieda ta’ 5% tiġi frontloaded sa mill-1 ta’ April 2009).
Sena wara sena, il-kwoti tal-ħalib gradwalment qegħdin isiru inqas relevanti, waqt li l-produzzjoni tal-ħalib qiegħda tkun inqas mill-kwota f’numru dejjem jikber ta’ Stati Membri. Waqt li dazju fuq l-eċċess kellu jitħallas minn 6 Stati Membri fis-sena tal-kwota 2008/09, 3 biss huma skedati li jħallsu dazju fuq l-eċċess fis-sena tal-kwota 2009/10. Skont notifiki uffiċjali mill-Istati Membri, is-sena ta’ kwota 2009/10 hija stmata li tkun ingħalqet bil-kunsinni tal-ħalib tal-UE b’bejn wieħed u ieħor 7% taħt il-kwota (ara l-grafika fl-Anness 4).
Il-produzzjoni tal-ħalib fl-UE kibret biss marġinalment fl-2008 minkejja ż-żieda ta’ 2% fil-kwota deċiża għas-sena tal-kwota 2008-09 u l-prezz tal-ħalib relattivament favorevoli mħallas lill-produtturi matul is-sena kalendarja. Ir-riċessjoni ekonomika kellha impatt negattiv fuq id-domanda tal-UE u dik globali għal prodotti tal-ħalib b’valur miżjud, li poġġiet il-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib taħt pressjoni u wasslet għal waqgħa sinifikanti fil-prezzijiet tal-produtturi tal-ħalib fl-2009. Dawn il-prezzijiet baxxi tal-ħalib ikkontribwew għal tnaqqis ħafif fil-produzzjoni tal-ħalib fl-2009 u kmieni fl-2010. Bħala konsegwenza ta’ dan, is-sena tal-kwota 2008-09 spiċċat b’rekord baxx ta’ kunsinni tal-UE meta mqabbla mal-kwota. Dan ir-rekord baxx żdied saħansitra iktar fis-sena tal-kwota 2009-10. Il-produzzjoni tal-ħalib tal-UE irkuprat fil-kors tal-2010, iżda baqgħet ferm taħt il-livell tal-kwota.
Ir-rispons kajman taż-żieda fil-kwota huwa marbut mar-riċessjoni ekonomika, li tat bidu għal domanda iktar baxxa għall-prodotti tal-ħalib, iżda wkoll għal spejjeż ogħla tal-produzzjoni u għal marġni aktar baxxi riżultanti. L-esperjenza miksuba mill-impatt taż-żieda fil-kwota tal-2008/09 tindika li r-rispons tal-produzzjoni tal-ħalib fil-livell aggregat tal-UE baqa’ pjuttost modest, minkejja prezz ferm ogħla mill-medja tal-produtturi għall-ħalib. Figuri l-aktar riċenti sa Lulju 2010 juru rispons ta’ produzzjoni aktar b’saħħtu għall-prezzijiet miżjuda tal-ħalib.
Bil-kwoti tal-ħalib isiru inqas u inqas relevanti, il-provvista tal-ħalib tal-UE tista’ twieġeb aħjar għall-opportunitajiet tas-suq, ir-rispons tal-bdiewa għas-sinjali tal-prezzijiet huwa inqas mgħawweġ u l-gwadanni tal-effiċjenza jistgħu jinkisbu permezz ta’ ristrutturar.
Fi Stati Membri fejn il-kwota tibqa’ tinqabeż, dan probabbilment dovut għall-fatt li ċerti produtturi għandhom marġni biżżejjed fuq l-ispejjeż tagħhom biex jieħdu r-riskju ta’ eċċess fil-kunsini, u jużaw bis-sħiħ il-kapaċità tagħhom, bit-tama li l-oħrajn ma jużawhiex kollha. Iż-żieda fil-produzzjoni, anki jekk tattira prezz iktar baxx, hija kkunsidrata neċessarja minn dawk il-bdiewa biex ikopru l-ispejjeż tal-investiment tagħhom sakemm il-prezzijiet ikopru l-ispejjeż tal-produzzjoni marġinali. Għal xi Stati Membri li s-settur tal-ipproċessar tal-ħalib tagħhom huwa orjentat lejn l-esportazzjoni, din hija wkoll relatata mal-fatt li t-taħlita ta’ prodotti tagħhom tippermettilhom jipproduċu għas-swieq tal-esportazzjoni u jsibu post minn fejn ibigħu l-prodotti tagħhom.
2.2. Prezzijiet jonqsu tal-kwoti tal-ħalib
Wieħed mis-sinjali ewlenin li “impatt tajjeb” qiegħed fit-triq it-tajba, huwa t-tneħħija gradwali tal-“kiri tal-kwoti”. Il-kiri tal-kwoti huwa ddefinit bħala d-differenza bejn il-prezz taħt il-kwota (ogħla mill-prezz tas-suq meta l-kwoti jkunu obbligatorji) u l-ispejjeż marġinali tal-produzzjoni. Indikatur tajjeb tal-kiri tal-kwoti huwa l-prezz tal-kwota. Kif deskritt fid-dettall fl-Anness 5, il-prezz tal-kwota tal-ħalib qiegħed jonqos bil-ħajja tar-reġim tal-kwota li qiegħda tiqsar, u diġà huwa baxx jew viċin iż-żero fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri. Wieħed jista’ jara s-sitwazzjoni minn 3 perspettivi:
1) Stati Membri li l-kunsinni tal-ħalib tagħhom huma ferm taħt il-limiti massimi tal-kwota
Fi Stati Membri li l-kunsinni tal-ħalib tagħhom huma ferm taħt il-limiti massimi tal-kwota, il-prezz tal-kwota diġà huwa baxx ħafna jew saħansitra ugwali għal żero. F’uħud minnhom, ġew adottati arranġamenti amministrattivi nazzjonali biex jiffissaw prezz tal-kwota li jonqos sena wara sena biex jilħaq iż-żero fl-2015.
Diment li l-livelli ta’ produzzjoni jsegwu t-tendenzi reċenti, għal dawk l-Istati Membri fejn il-prezz tal-kwota mhuwiex iffissat b’mod amministrattiv iżda huwa diġà baxx ħafna jew ugwali għal żero, il-prezzijiet tal-kwota mhumiex mistennija jvarjaw wisq mill-livelli attwali. Fi Stati Membri fejn hemm suq għall-kwoti, għad hemm prezz għall-kwoti tal-ħalib minkejja l-fatt li mhu jitħallas l-ebda dazju żejjed. Aktar ma joqrob l-2015, il-kwoti kollha jitilfu l-valur kompletament billi s-sinifikat tagħhom għas-suq jonqos u t-terminu għall-kanċellazzjoni tagħhom jiqsar.
2) Stati Membri li l-kunsinni tal-ħalib tagħhom huma viċin il-limiti massimi tal-kwota
Fi Stati Membri fejn il-kunsinni tal-ħalib tagħhom huma viċin il-limiti massimi tal-kwota, il-prezz tal-kwota huwa influwenzat mill-previżjoni jew mill-istennija tad-dazju fuq l-eċċess. Fil-każ li l-kwota tal-ħalib nazzjonali tintuża inqas milli ippjant, il-prezzijiet tal-kwota jonqsu. Fil-futur, ix-xirjiet tal-kwota huma mbassra li sejrin jonqsu iktar viċin iż-żero, b’varjazzjonijiet dovuti għall-produzzjoni żejda u l-prezzijiet tal-ħalib.
3) Stati Membri li l-kunsinni tal-ħalib tagħhom jaqbżu l-kwota
Fin-numru limitat ta’ Stati Membri li l-kunsinni tal-ħalib tagħhom jaqbżu l-kwota, il-prezzijiet tal-kwota jibqgħu relattivament għoljin u dan l-aħħar għolew. F’dawn l-Istati Membri, il-produtturi jidhru li huma kompetittivi biżżejjed jew li huma obbligati jużaw il-kapaċità tagħhom b’mod sħiħ biex ikomplu jipproduċu, u fl-aħħar mill-aħħar iħallsu dazju fuq l-eċċess. F’dawk l-Istati Membri, ma jistax ikun garantit impatt tajjeb.
2.3. Evoluzzjoni mistennija u analiżi tas-sensittività
L-evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib wara l-abolizzjoni tal-kwota tiddependi fuq diversi fatturi: il-forma tal-PAK wara l-2013 (miżuri tas-suq, pagamenti diretti, żvilupp rurali), l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-obbligi ambjentali, l-alternattivi f’termini ta’ impjiegi u produzzjoni, l-evoluzzjoni fuq is-swieq nazzjonali u internazzjonali tal-ħalib inkluż il-prezzijiet tal-ħalib.
Skont il-mudell ekonometriku użat fid-DĠ AGRI biex jipproduċi prospetti fuq terminu medju u fit-tul, iż-żieda fil-produzzjoni tal-ħalib hija pproġettata li tibqa’ modesta fis-snin li ġejjin, anki wara l-abolizzjoni tar-reġim tal-kwota (ara punt 1.2 hawn fuq). Xi studji nazzjonali jissuġġerixxu żidiet potenzjalment kbar fil-produzzjoni tal-ħalib; madankollu ħafna minnhom ma jikkunsidrawx l-istampa kollha tal-UE-27. Eċċessi strutturali għandhom jiġu evitati grazzi għall-mekkaniżmu tal-prezzijiet. Diversi studji[2] li saru fil-kuntest tal-Kontroll tas-Saħħa juru li numru limitat biss ta’ Stati Membri huma mistennija jużaw b’mod sħiħ il-kwoti tal-ħalib li qegħdin jiżdiedu għal diversi raġunijiet, waqt li ħafna mill-Istati Membri huma mistennija jipproduċu inqas, minħabba t-tnaqqis ġenerali mistenni fil-prezzijiet tal-ħalib.
2.4. Stati Membri li jinsabu fit-triq “għal impatt tajjeb”
Sew l-evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-ħalib fil-konfront tal-kwoti tal-ħalib, sew it-tendenza ’l isfel fil-prezzijiet tal-kwoti juru li “l-impatt tajjeb” miexi fit-triq it-tajba. Fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri, il-kwoti m’humiex iktar relevanti biex jirrestrinġu l-produzzjoni u l-prezz tal-kwota diġà laħaq iż-żero jew waslet biex tilħaq dan il-livell.
Bħala parti mill-Kontroll tas-Saħħa u fil-kuntest tal-abolizzjoni tal-kwota, is-settur tal-ħalib ġie magħdud mal-hekk imsejħa “sfidi ġodda” skont it-tieni pilastru tal-PAK, fejn iż-żieda fil-fondi ta’ modulazzjoni kellha tpoġġi fil-mira tagħha lil dawn l-isfidi l-ġodda. Din qiegħda tipprovdi aktar sostenn lill-bdiewa tal-imħaleb biex jippreparaw għat-tmiem tal-kwoti.
3. RIMARKI TAL-AħħAR
Is-settur tal-ħalib għadda minn perjodu ta’ volatilità kbira fil-prezzijiet mill-2007 sal-2009. Minn dakinhar, is-sitwazzjoni tas-suq tjiebet u l-prospetti huma pożittivi ħafna.
B’mod ġenerali, is-settur tal-ħalib miexi gradwalment lejn aktar orjentazzjoni tas-suq. Il-proċess ġie affettwat mill-kriżi ekonomika fl-2008 u 2009. Il-volatilità, li hija fenomenu standard f’settur orjentat lejn is-suq, saret aktar qawwija u għalhekk ta’ dannu minħabba l-konverġenza ta’ fatturi esoġeni, fosthom il-waqgħa fil-konsum domestiku minħabba n-nuqqas fis-saħħa tax-xiri dovut għall-kriżi ekonomika.
“L-impatt tajjeb” qiegħed fit-triq it-tajba fil-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri. Il-prezzijiet tal-kwota tal-ħalib għandhom valur baxx ħafna, diġà żero f’xi Stati Membri, u qed jonqsu f’ħafna mill-oħrajn bil-ħsieb li jilħqu ż-żero fl-2015. Il-kwoti tal-ħalib m’għadhomx jaħdmu bħala limitu għall-produzzjoni f’ħafna mill-Istati Membri, b’mod speċjali fl-Istati Membri l-ġodda, u l-orjentazzjoni tas-suq diġà hija l-prinċipju ewlieni f’numru minnhom.
Il-konklużjoni hija li taħt dawn iċ-ċirkostanzi m’hemm l-ebda raġuni għala għandhom jiġu riveduti d-deċiżjonijiet tal-Kontroll tas-Saħħa fir-rigward taż-żieda gradwali fil-kwoti u t-tmiem tar-reġim tal-kwota fl-1 ta’ April 2015.
Sabiex twitti iktar it-triq lejn it-tneħħija tal-kwoti fl-2015, il-Kummissjoni tixtieq issemmi pass ieħor għall-kunsiderazzjoni biex jgħin fil-proċess għal impatt tajjeb: biex jiżdied l-għarfien u tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-operaturi fil-katina tal-ħalib biex jagħtu kas aħjar tas-sinjali tas-suq u biex jaddattaw il-provvista għad-domanda, it-trasparenza għandha titjieb, kif osserva l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Ħalib. Barra s-sistemi ta’ informazzjoni diġà fis-seħħ, sejrin jiġu organizzati laqgħat għall-esperti tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-OKS waħdieni flimkien mal-Grupp Konsultattiv dwar il-ħalib biex jiġu segwiti l-iżviluppi tas-suq sabiex jiġu evalwati s-sitwazzjoni u l-prospetti tas-suq.
F’każ ta’ żbilanċ serju, bħala għodda oħra biex jiġi stabbilizzat is-suq u bħala miżura eċċezzjonali jekk miżuri oħra taħt l-OKS waħdieni jkunu jidhru li mhumiex biżżejjed, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra sistema bbażata fuq l-Artikolu 186 tal-OKS waħdieni (“il-klawsola ta’ disturb”) li tippermetti lill-produtturi tal-ħalib, li fuq bażi volontarja, jnaqqsu l-kunsinni tagħhom abbażi ta' kumpens. L-esperjenza miksuba wat il-kriżi tal-ħalib turi li jista’ jkun biżżejjed li jittieħed 1 jew 2% tal-produzzjoni globali tal-ħalib barra mis-suq biex jiġu korretti l-iżbilanċi u jerġa’ jkun hemm stabbiltà, kif imsemmi f’punt 1.1 hawn fuq.[3]
Rapport ieħor sejjer jiġi ppreżentat sa tmiem l-2012.
Annessi: I. Żvilupp tal-prezz tal-ħalib
II. Prezzijiet tal-ħalib mill-farm fid-diversi Stati Membri
III. Prospetti fuq perjodu ta’ żmien medju tas-settur tal-ħalib
IV. Produzzjoni tal-ħalib meta mqabbla mal-kwota
V. Żvilupp tal-prezz tal-kwota tal-ħalib fl-UE.
ANNESS I : 1. Żvilupp tal-prezz tal-ħalib
[pic]
ANNESS II : Prezzijiet tal-ħalib mill-farm fid-diversi Stati Membri
Awwissu 2010 / Awwissu 2009
[pic]
ANNESS III : Prospetti fuq perjodu ta’ żmien medju tas-settur tal-
ħalib
[pic]
Grafika 2. Żvilupp tal-provvista prospettiva tal-ħalib meta mqabbel mal-kwota
[pic]
Grafika 3. Bilanċ tas-suq tal-ġobon
[pic]
Grafika 4. Bilanċ tas-suq tal-butir
[pic]
Grafika 5. Bilanċ tas-suq tal-SMP
[pic]
Grafika 6. Tbassir tal-prezzijiet tas-suq dinji
[pic]
ANNESS IV : Il-produzzjoni tal-ħalib meta mqabbla mal-kwota
[pic]
[pic][pic]
ANNESS V : . Żvilupp tal-prezz tal-kwota tal-ħalib fl-UE
[pic]
[1] Fl-OECD-FAO Agricultural Outlook 2010-2019 (il-Prospetti Agrikoli tal-OECD-FAO għall-2010-2019), il-prezzijiet tas-suq dinji huma bbażati fuq il-kwotazzjonijiet tal-prezzijiet tal-Oċeanja.
[2] Economic analysis of the effects of the expiry of the EU milk quota system (http://ec.europa.eu/agriculture/analysis/external/milk/index_en.htm)
Economic Impact of the Abolition of the Milk Quota Regime – Regional Analysis of the Milk Production in the EU (http://ec.europa.eu/agriculture/analysis/external/milkquota/index_en.htm)
[3] L-evalwazzjoni ta’ tali skema, inkluż l-impatt finanzjarju tagħha, se ssir fil-ħin tal-preżentazzjoni ta’ proposta possibbli.
| Fuq |