52010DC0692


Titolu u referenza

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

/* KUMM/2010/0692 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 25.11.2010

KUMM(2010) 692 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi

{SEG(2010) 1434 finali}

WERREJ

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi 1

I. Daħla 3

II. Implimentazzjoni tal-politika ta' promozzjoni 2006-2010 3

II.A Programmi ta' promozzjoni kofinanzjati 3

II.A.1 Tibdil introdott mir-Rapport 2006 3

II.A.2 Aspetti baġitarji: riżorsi u infiq tal-fondi disponibbli 4

II.A.3 Analiżi tal-programmi ta' promozzjoni 5

II.B Attivitajiet promozzjonali ġestiti direttament mid-DĠ AGRI 9

II.B.1 Missjonijiet ta' livell għoli 9

II.B.2 Kampanja promozzjonali għall-ikel organiku u l-biedja organika 9

II.B.3 Nefqa oħra taħt il-ġestjoni diretta 9

III. Evalwazzjoni 9

III.A Awditjar intern tad-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali u rapporti tal-Qorti tal-Awdituri 9

III.B Aspetti pożittivi u negattivi tal-iskema ta' promozzjoni kif rappurtat mill-Qorti tal-Awdituri 9

III.C Evalwazzjoni fuq il-livell ta' pajjiżi/żoni jew setturi ta' produzzjoni 9

III.D Evalwazzjoni fuq il-livell ta' programmi kofinanzjati 9

III.D.1 Elementi ta' valutazzjoni introdotti wara l-2006 9

III.D.2 L-ewwel valutazzjoni tal-impatt tal-programmi 9

III.E. Evalwazzjoni tal-attivitajiet taħt il-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni 9

III.E.1 Missjonijiet ta' livell għoli: evalwazzjoni tal-impatti tagħhom 9

III.E.2 Valutazzjoni tal-kampanja promozzjonali tal-biedja organika 2006-2009 9

IV. Konklużjonijiet ġenerali 9

I. Daħla

L-iskema ta' promozzjoni, stabbilita fil-bidu tas-snin 2000, ila mill-bidu nett tagħha tkun immonitorjata regolarment permezz ta' rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Diġà ġew ippreżentati żewġ rapporti fl-2004 u l-2006. L-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 jirrikjedi li l-Kummissjoni tressaq it-tielet rapport sal-aħħar tal-2010[1].

Dan ir-rapport ikopri l-operat tal-iskema ta' promozzjoni bejn l-2006[2] u l-ewwel nofs tal-2010. Huwa primarjament jittratta t-titjib fl-immaniġġar u l-valutazzjoni tal-impatt kif ukoll l-aspetti ta' simplifikazzjoni (iż-żewġ regolamenti distinti li huma mmirati rispettivament għall-pajjiżi terzi u s-swieq interni li ngħaqdu f'wieħed). Ir-rapport jiffoka fuq id-Deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni adottati mill-aħħar rapport u janalizza d-dejta disponibbli rigward il-promozzjoni ta' prodotti agrikoli.

II. Implimentazzjoni tal-politika ta' promozzjoni 2006-2010

L-iskema ta' promozzjoni tal-UE hija politika orizzontali li tkopri kważi s-setturi agrikoli kollha u tenfasizza l-karatteristiċi ġenerali u l-valur miżjud tal-PAK: kwalità, sikurezza, saħħa, tikkettar, metodi speċifiċi ta' produzzjoni, rispett għall-ambjent, benessri tal-annimali, eċċ. Hija tikkumplimenta inizjattivi nazzjonali li jappoġġjaw jew jistimulaw l-isforzi ta' promozzjoni privati u pubbliċi li jsiru fuq il-livell tal-Istati Membri.

II.A Programmi ta' promozzjoni kofinanzjati

II.A.1 Tibdil introdott mir-Rapport 2006

L-iskema ta' promozzjoni kienet imtejba fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar rapport: il-konsolidazzjoni regolatorja rikjesta saret billi ngħaqdu ż-żewġ regolamenti eżistenti tal-Kunsill f'wieħed (Ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 tal-Kunsill u ż-żewġ regolamenti tal-Kummissjoni f'ieħor (ir-Regolament (KE) Nru 501/2008 tal-Kummissjoni)[3]. L-arranġamenti li permezz tagħhom l-Istati Membri jiddikjaraw l-ispejjeż tagħhom tjiebu wkoll, b'tali mod li jippermettu l-monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni baġitarja. Ir-rakkomandazzjoni dwar l-entità ta' implimentazzjoni inżammet u anke tfasslu u ġew adottati linjigwida ċari u robusti għall-preparazzjoni tal-programmi ta' promozzjoni. Ħafna titjib ieħor inbeda mid-dipartimenti tal-Kummissjoni matul il-perjodu ta' rappurtar, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, kif jidher fil-punt IIIb hawn taħt. Dawn l-adattamenti kollha huma rrappurtati fl-Anness 1 għad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport.

II.A.2 Aspetti baġitarji: riżorsi u infiq tal-fondi disponibbli

Tabella 1: Approprjazzjonijiet baġitarji għall-promozzjoni ta' prodotti agrikoli

f’EUR |

Intestatura tal-baġit | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 | 2010 |

Azzjonijiet ta' promozzjoni: |

05 02 10 01 Ġestjoni Kondiviża | 42 000 000 | 38 000 000 | 45 000 000 | 56 000 000 | 56 000 000 |

Azzjonijiet ta' promozzjoni: |

05 02 10 02 Ġestjoni diretta | 10 000 000 | 7 295 000 | 5 371 000 | 2 119 000 | 1 210 000 |

Promozzjoni Totali | 52 000 000 | 45 295 000 | 50 371 000 | 58 119 000 | 57 210 000 |

Mill-2007 'l quddiem, tista' tkun osservata żieda sinifikanti fl-approprjazzjonijiet allokati mill-awtorità baġitarja għal programmi ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli. L-approprjazzjoni tal-baġit 2009, eċċezzjonalment għolja, ingħatat sabiex tkun ikkunsidrata n-nefqa akkumulata ogħla fuq il-programmi ta' promozzjoni multiannwali approvati fl-2007 u l-2008 ('piż tal-passat' ikbar ladarba f'dawk is-snin kien hemm baġit ogħla tal-programmi aċċettati). L-istess japplika għall-2010. Iż-żieda msemmija iktar 'il fuq tikkuntrasta mal-waqgħa fil-'ġestjoni diretta' tar-riżorsi baġitarji. Ir-raġunijiet ewlenin għal dan it-tnaqqis huwa n-nuqqas ta' kontribut volontarju għall-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (International Olive Council (IOC)[4], it-tmiem tal-programm European Authentic Tastes (EAT – Togħmiet Ewropej Awtentiċi) li jippromwovi t-tikketti ta' kwalità tal-UE fl-Amerika ta' Fuq u ċ-Ċina u t-tmiem tal-kampanja ta' promozzjoni tal-biedja organika.

Tabella 2: Nefqa baġitarja għall-promozzjoni ta' prodotti agrikoli

f’EUR |

Intestatura tal-baġit | 2006 | 2007 | 2008 | 2009 | 2010 |

Azzjonijiet ta' promozzjoni: |

05 02 10 01 Ġestjoni Kondiviża | 34 163 896 | 47 873 132 | 49 431 246 | 46 514 165 | M.A. |

Azzjonijiet ta' promozzjoni: |

05 02 10 02 Ġestjoni diretta | 4 733 973 | 2 723 506 | 3 753 884 | 911 554 | M.A. |

Promozzjoni Totali | 38 897 869 | 50 596 638 | 53 185 130 | 47 425 719 | M.A. |

Rata ta' implimentazzjoni (nefqa bħala % tal-approprjazzjonijiet)[5] | 75 % | 112 % | 106 % | 82 % | M.A. |

Ix-xejra tar-rata tal-implimentazzjoni għandha tkun enfasizzata: ġestjoni soda tas-settur tal-promozzjoni għenet biex jitwaqqaf in-nuqqas ta' konsum li kien wieħed mill-fatturi ewlenin tas-settur sal-2006. Madankollu, is-sena baġitarja 2009 kienet affettwata minn avvenimenti eċċezzjonali u mhux mistennija. tliet programmi ta' promozzjoni li diġà kienu approvati mill-Kummissjoni fl-2008 ma kinux iffirmati u assoċjazzjoni intersettorjali involuta fil-kofinanzjament ta' diversi programmi ta' promozzjoni li kienu għaddejjin kellha twaqqaf l-attivitajiet tagħha fl-2009, minħabba deċiżjoni tal-Qorti Suprema Nazzjonali f'pajjiżha. Dawn l-avvenimenti wasslu għal tnaqqis mhux previst kemm fin-nefqa għal dik is-sena kif ukoll fir-rata ta' implimentazzjoni.

II.A.3 Analiżi tal-programmi ta' promozzjoni

- Programmi ta' promozzjoni aċċettati u rifjutati

Matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport, l-Istati Membri kollha ħadu sehem fl-isforzi ta' promozzjoni, fattur li wera interess ġenerali fl-iskema. B'kollox id-dipartimenti tal-Kummissjoni rċivew 430 proposta għal programm, b'baġit totali ta' EUR 505.6 miljun wara l-ewwel għażla mill-awtoritajiet nazzjonali; 183 minnhom kienu aċċettati għall-kofinanzjar mill-Komunità b'ammont totali ta' EUR 248.6 miljun. Minn dawn, 134 kienu jikkonċernaw is-suq intern u 49 kienu jimmiraw is-swieq ta' pajjiżi terzi.

Tabella 3: Programmi approvati u rifjutati minn Lulju 2006 sa Lulju 2010

[pic]

F'dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien tal-programmi aċċettati, 150 minnhom (82 %), se jdumu 3 snin (ara l-Grafika 1) Kij jidher mill-Grafika 2, 20 % tal-programmi għandhom baġit ta' inqas minn EUR 1 miljun, 25 % bejn EUR 1 miljun u EUR 2 miljuni, 36 % bejn EUR 2 miljuni u EUR 4 miljun u 19 % iktar minn EUR 4 miljun.

[pic] | [pic] |

Kif jidher mit-Tabella 4 ta' hawn taħt, kważi l-prodotti kollha elenkati fl-Anness 1 għar-Regolament (KE) Nru 501/2008 ibbenefikaw minn dawn l-isforzi ta' promozzjoni. Il-prodotti magħmula mill-ħalib kienu l-ikbar benefiċjarji f'termini ta' programmi aċċettati (36), segwiti minn prodotti ta' kwalità (DPO, IĠP, organiċi u reġjuni mbiegħda: 32), frott u ħaxix, friski u pproċessati (30), prodotti tal-laħam, inkluż it-tjur (23), inbejjed u xarbiet alkoliċi (20), żejt taż-żebbuġa (8), eċċ.

Tabella 4

Programmi aċċettati (suq intern u pajjiżi terzi) skont is-settur u l-baġit

Prodotti | Baġit Totali (EUR miljuni) | Kofinanzjar tal-UE (EUR miljuni) | % | Għadd ta' programmi approvati |

Ċanga & laħam tal-majjal (ipproċessat jew le) | 9.3 | 4.6 | 1.86 % | 5 |

Kittien tal-fibra | 3.3 | 1.7 | 0.67 % | 1 |

Frott u ħaxix friski | 89.0 | 44.6 | 17.93 % | 24 |

Għasel u prodotti tal-apikultura | 4.3 | 2.1 | 0.86 % | 8 |

Tikkettar tal-bajd | 1.0 | 0.5 | 0.20 % | 1 |

Ħalib u prodotti tal-ħalib | 116.4 | 56.6 | 22.76 % | 36 |

Prodotti varji | 34.3 | 17.2 | 6.90 % | 14 |

Żejt taż-żebbuġa u żebbuġ tal-ikel | 34.2 | 15.5 | 6.22 % | 8 |

Biedja organika u prodotti organiċi | 35.7 | 17.9 | 7.18 % | 15 |

Ortikultura ornamentali | 14.9 | 7.4 | 2.99 % | 9 |

Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda | 16.1 | 7.5 | 3.03 % | 2 |

DPO, IĠP u STG | 39.4 | 19.7 | 7.93 % | 15 |

Laħam tat-tjur | 13.3 | 6.6 | 2.67 % | 6 |

Frott u ħaxix ipproċessat. | 16.9 | 8.4 | 3.39 % | 6 |

Laħam ta' kwalità | 30.2 | 15.1 | 6.08 % | 11 |

Laħam tat-tjur ta' kwalità | 1.7 | 0.8 | 0.34 % | 1 |

Żjut taż-żrieragħ | 1.3 | 0.6 | 0.26 % | 1 |

Xarbiet alkoħoliċi | 4.2 | 2.1 | 0.84 % | 2 |

Inbejjed | 39.1 | 19.6 | 7.87 % | 18 |

Total | 504.6 | 248.6 | 100.00 % | 183 |

Ir-raġunijiet ewlenin għar-rifjut matul il-perjodu ta' referenza kienu: l-azzjonijiet ma kinux deskritti f'dettall biżżejjed li jagħti lid-dipartimenti tal-Kummissjoni stampa ċara tal-programm; il-baġit ma kienx iddettaljat biżżejjed tant li jippermetti l-valutazzjoni tal-valur għall-flus tal-programm, kif rikjest mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008, Artikolu 7(2); ir-raġunijiet għall-proposta tal-programm ma ngħatawx; l-elementi li jagħtu prova li l-entità ta' implimentazzjoni kienet magħżula sew kienu nieqsa. Fis-snin iktar riċenti, raġuni sinifikanti oħra għar-rifjut kien in-nuqqas ta' objettivi SMART[6], jew ta' metodi li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt tal-programm.

- Programmi ta' pajjiżi terzi

Minkejja l-impenn iddikjarat tal-Kummissjoni li żżid il-promozzjoni f'pajjiżi terzi, matul il-perjodu ta' referenza, dawn il-programmi kienu jammontaw biss għal 27 % tal-programmi proposti kollha (49/183). Huma rċivew 23 % tal-fondi Komunitarji allokati għall-programmi ta' promozzjoni aċċettati (EUR 57.6 miljun/EUR 250.5 miljun).

Is-setturi benefiċjarji ewlenin kienu l-frott u l-ħaxix frisk u pproċessat, l-inbejjed, u l-prodotti ta' kwalità u tal-ħalib. L-Amerika ta' Fuq (21), ir-Russja (20), iċ-Ċina (13) u l-Ġappun (11) kienu s-setturi ta' mira ewlenin f'termini tal-għadd ta' programmi aċċettati.

[pic]

- Programmi promozzjonali tas-suq intern

Mill-2006 sal-2010, l-għadd ta' programmi aċċettati għas-suq intern fil-fluss annwali (minbarra l-programmi tal-kriżi tal-ħalib aċċettati fl-2009) naqas b'mod sinifikanti (ara t-Tabella 3). Dan minħabba li d-dipartimenti tal-Kummissjoni applikaw kriterji iktar stretti matul l-evalwazzjoni ta' selezzjoni tagħhom. Madankollu, kif jidher fit-Tabella 3, kien hemm żieda fil-kontribuzzjoni tal-Komunità speċjalment bejn l-2006 u l-2009, meta żdiedet b'50.1 %, minn EUR 30.4 miljun għal EUR 45.8 miljun. Iċ-ċifri jinkludu programmi li jippromwovu b'mod speċifiku l-laħam tat-tjur (programm wieħed (1)) u l-prodotti tal-ħalib (13-il programm),adottati minn żewġ deċiżjonijiet ad hoc tal-Kummissjoni, sabiex ikunu affaċjati impatti ta' kriżi f'dawk is-setturi. Ix-xejra hija prinċiparjament minħabba l-fatt li programmi kumplessivi li jippromwovu iktar minn prodott wieħed kienu aċċettati, jew li iktar minn organizzazzjoni waħda minn Stat Membru wieħed jew iktar ingħaqdu biex jipproponu programm wieħed.

[pic]Il-benefiċjarji ewlenin f'termini ta' programmi huma mill-IT (17), FR (11), NL (10) u DE (9) F'termini ta' prodotti, il-benefiċjarji ewlenin kienu l-prodotti tal-ħalib (EUR 48.3 miljun), il-frott u l-ħaxix frisk jew ipproċessat (EUR 45 miljun), il-prodotti ta' kwalità inklużi l-prodotti organiċi u b'logos ta' reġjuni mbiegħda (EUR 35.8 miljun).

II.B Attivitajiet promozzjonali ġestiti direttament mid-DĠ AGRI

II.B.1 Missjonijiet ta' livell għoli

Fil-qafas stabbilit mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008, il-missjonijiet ta' livell għoli jew l-avvenimenti promozzjonali kienu organizzati kif ġej mill-2007 sal-2010:

- Missjoni kummerċjali ta' livell għoli għall-Indja (6-10 ta' Marzu 2007)

- Avveniment promozzjonali fiċ-Ċina (14 sas-16 ta' Mejju 2008)

- Avveniment promozzjonali f'Cape Town, l-Afrika t'Isfel (8 – 10 ta' Settembru 2008)

- Missjoni kummerċjali ta' livell għoli għaċ-Ċina (18-22 ta' Mejju 2009)

- Avveniment promozzjonali f'Hong Kong (4-6 ta' Mejju 2009).

Dawn iż-żjarat offrew l-opportunità li titwettaq aġenda mimlija ħafna ta' attivitajiet inklużi seminars, laqgħat mal-istampa, parteċipazzjoni fil-fieri kummerċjali, laqgħat 'business to business' (minn negozju għal negozju) u avvenimenti fi kmamar tal-kummerċ lokali. F'kull każ, kienu appoġġati minn sforzi sistematiċi ta' relazzjonijiet pubbliċi kemm waqt kif ukoll wara l-missjoni. Matul il-perjodu ta' rappurtar, l-approprjazzjoni baġitarja għal missjonijiet ta' livell għoli kien ta' EUR 1 miljun kull sena. Għall-2010 f'Moska qed jiġi ppjanat avveniment promozzjonali ta' livell għoli bħala parti mill-Fiera Dinjija tal-Ikel (14-17 ta' Settembru 2010).

II.B.2 Kampanja promozzjonali għall-ikel organiku u l-biedja organika

Ix-xogħol fuq din il-kampanja beda fl-2006 skont il-qafas stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2826/2000 (iktar tard revokat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008) biex isegwi l-Azzjoni 1 tal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-ikel organiku u l-biedja organika. B'baġit massimu ta' EUR 3 miljuni għal 3 snin u li jkopri lis-27 Stati Membri kollha, il-kampanja kienet maħsuba biex tikkumplimenta attivitajiet promozzjonali nazzjonali. Hija kienet varata fil-25 ta’ Lulju 2008.

II.B.3 Nefqa oħra taħt il-ġestjoni diretta

- Esperti esterni għall-għażla ta' programmi promozzjonali

- Studji ta' evalwazzjoni

Deskrizzjoni ddettaljata tal-attivitajiet kollha taħt il-ġestjoni diretta mid-DĠ AGRI hija moħtija fl-Anness 2 għad-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni li jakkumpnaja dan ir-rapport.

III. Evalwazzjoni

III.A Awditjar intern tad-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali u rapporti tal-Qorti tal-Awdituri

Fl-2009, il-promozzjoni tal-iskema ta' prodotti agrikoli kienet il-fokus ta' żewġ rapporti ta' awditjar wieħed mill-Qorti tal-Awdituri u l-ieħor mill-unità tal-Awditjar Intern tad-DĠ AGRI.

Ir-rapport ta' awditjar intern tad-DĠ AGRI bid-data tat-13 ta' Mejju 2009 fost l-oħrajn innota li 's-sistemi stabiliti .... jikkonformaw mar-regoli u l-proċeduri applikabbli b'mod sodisfaċenti' u li 'mill-2005, kien hemm żieda kostanti fil-kwalità tal-proċedura tal-għażla'.

Fir-rapport Speċjali tagħha Nru 10/09 ippubblikat fit-8 ta' Lulju 2009, il-Qorti tal-Awdituri evalwat l-impatt ta' diversi programmi u sabet li fil-'biċċa l-kbira tal-każijiet, is-sommarji tax-xogħol imwettaq kienu ddettaljati biżżejjed u żguraw li l-flus li ntefqu u l-miżuri mwettqa kienu konsistenti mal-għan tal-promozzjoni'. Barra minn hekk, fir-rigward tal-monitoraġġ tan-nefqa, il-Qorti sabet li l-Kummissjoni kienet ila mis-sentejn ta' qabel tintroduċi jew isaħħaħ il-proċeduri u l-għodod għall-monitoraġġ tal-programmi tal-Istati Membri u l-pretensjonijiet tal-pagamenti.

Madankollu, iż-żewġ rapporti innutaw li l-effikaċja, l-effiċjenza u l-impatt ambjentali jistagħu jitjiebu b'mod ulterjuri. Kien enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni kellha bżonn ittejjeb iktar diversi aspetti tal-iskema promozzjonali.

Il-Qorti tal-Awdituri stiednet ukoll lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-proċedura tal-għażla billi jivverifikaw ir-rilevanza tal-proposti u jżidu s-selettività Ħeġġet ukoll lill-Istati Membri biex jikkomunikaw informazzjoni dwar miżuri promozzjonali nazzjonali u reġjonali eżistenti lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri kienu inkoraġġiti jtejbu l-proċeduri ta' akkwist pubbliku użati għall-għażla tal-entitajiet ta' implimentazzjoni, billi jevitaw b'mod partikolari skadenzi stretti u billi japplikaw proċeduri formali b'mod iktar sistematiku, kif ukoll billi jiżguraw lill-organizzazzjonijiet li jressqu l-proposti biex jikkonformaw mal-kriterji tal-għażla.

III.B Aspetti pożittivi u negattivi tal-iskema ta' promozzjoni kif rappurtat mill-Qorti tal-Awdituri

F'dan ir-rapport, il-Qorti tal-Awdituri tistabbilixxi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin li jenfasizzaw il-punti ta' saħħa u d-dgħufijiet ewlenin tal-iskema ta' promozzjoni kif kienet qed topera għall-inqas fil-perjodu kopert mir-rapport:

- Il-Kummissjoni ila għal xi snin ittejjeb l-arranġamenti ta' ġestjoni u ta' kontrol tan-nefqa konnessa mal-provvediment ta' informazzjoni u l-miżuri ta' promozzjoni għall-prodotti agrikoli. Titjib bħal dan jeħtieġ li jkun ikkonsolidat u mwessa' iktar.

- Is-sistema stabbilita ma tippermettix il-kejl tal-effettività ta' din il-politika. L-impatt tal-politika, għalkemm probabbli huwa wieħed pożittiv, bħalissa huwa diffiċli biex ikun ikkwantifikat. L-għanijiet tal-politika jeħtieġ li jkunu speċifikati u għandhom jiġu stabbiliti indikaturi tal-prestazzjoni li jixirqu, fil-waqt li fl-istess ħin ikun żgurat li l-ambizzjonijiet dikjarati u l-baġits impenjati ikunu konsistenti mod reċiproku.

- Għandha tkun introdotta proċedura formali għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati ewlenin kollha sabiex tgħin tkun stabbilita strateġija kumplessiva u biex tkun żgurata l-kumplimentarjetà mad-diversi miżuri ta' promozzjoni li diġà jeżistu. Wara din ir-rakkomandazzjoni, fit-28 ta' Settembru 2009, twaqqaf Grupp Speċjali mill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Promozzjoni.

- Il-Kummissjoni kienet iktar selettiva fl-approvazzjoni ta' programmi li għandhom ikunu kofinanzjati. Dan it-titjib għandu jitkompla, speċjalment fir-rigward tar-rekwiżit għal informazzjoni dwar l-impatt mistenni tal-programm u l-mod li bih se jkun imkejjel. L-Istati Membri għandhom ukoll ikomplu jżidu s-selettività tagħhom.

- Fir-rigward tal-programmi ta' implimentazzjoni u r-regolarità tan-nefqa, l-isforzi għandhom primarjament ikunu ffukati fuq il-kontrolli li għadhom wisq limitati magħmula fuq is-selezzjoni tal-entitajiet ta' implimentazzjoni li għandhom rwol ewlieni. Il-monitoraġġ sussegwenti tan-nefqa mill-Kummissjoni żdied iżda dgħufijiet sinifikanti tal-kontroll jippersistu f'ċertu Stati Membri. Dawn id-dgħufijiet għandhom ikunu segwiti sabiex ikun żgurat titjib mgħaġġel ta' dawn in-nuqqasijiet.

III.C Evalwazzjoni fuq il-livell ta' pajjiżi/żoni jew setturi ta' produzzjoni

L-evalwazzjonijiet tal-informazzjoni kofinanzjata tal-UE u tal-programmi promozzjonali msemmija taħt il-punt II.B.3 twettqu bejn l-2006 u l-2008 minn konsulenti esterni taħt kuntratti ta' qafas.

Erbgħa minnhom jikkonċernaw is-suq intern:

- Is-suq organiku (Novembru 2006)

- Is-settur tal-inbid (April 2007)

- Frott u ħaxix (Novembru 2007)

- Prodotti tal-ħalib (Settembru 2008).

Erbgħa oħra kienu jikkonċernaw setturi ta' prodotti differenti fl-oqsma/pajjiżi terzi :

- L-Istati Uniti u l-Kanada (Novembru 2006)

- L-Isvizzera u n-Norveġja (Mejju 2007)

- Ir-Russja u l-Ġappun (Novembru 2007)

- L-Indja, iċ-Ċina u x-Xlokk tal-Asja (Diċembru 2008).

Kull evalwazzjoni ffukat fuq il-valutazzjoni tal-koerenza, l-effikaċja, l-effiċjenza, l-impatt u l-kumplimentarjetà ta' informazzjoni kofinanzjata mill-UE u programmi ta' promozzjoni implimentati mill-2002.

Barra minn hekk, kull evalwazzjoni kienet ibbażata fuq kampjun ta' programmi meħud minn Stati Membri differenti tal-UE u f'kull każ kienet tammonta għal iktar min-nofs tal-fondi impenjati għal kull settur. Ittieħdet informazzjoni minn sorsi differenti, b'mod partikolari minn dokumentazzjoni u statistika disponibbli, intervisti u sessjonijiet ta' ħidma mal-partijiet ikkonċernati u stħarriġiet estensivi mit-tim.

Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin għas-suq intern kienu:

- Il-programmi għandhom ikunu bbażati fuq analiżi kemm tas-swieq kumplessivi kif ukoll tas-swieq immirati, b'kunsiderazzjoni għad-daqs tagħhom u inkluża definizzjoni ċara ta' ġerarkija ta' għanijiet kwantifikati għall-informazzjoni proposta u/jew kampanja ta' promozzjoni.

- L-impatt intenzjonat fuq id-domanda għandu jkun determinat, kemm globalment kif ukoll minn grupp ta' konsumaturi, skont karatteristiċi speċifiċi tas-suq u riżorsi disponibbli kif ukoll metodoloġija għall-valutazzjoni tiegħu matul l-implimentazzjoni u wara t-tlestija skont l-iktar linjigwida avvanzati.

- Ir-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu kjarifikati iktar. Il-proċeduri għall-approvazzjoni finali jew ir-rifjut tal-programmi mill-Kummissjoni għandhom ikunu spjegati aħjar kemm lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-organizzazzjonijiet potenzjali li jressqu proposti.

- Il-prattika tas-sejħa għall-offerti (sejħiet għal proposti) fl-interess tal-aħjar proporzjonijiet komparabbli ta' kostijiet vs benefiċċji abbażi ta' standards tas-suq nazzjonali, għandha titkompla

- Evalwazzjonijiet ex-post u għal perjodu ta' żmien medju għandhom ikunu obbligatorji għal programmi u kampanji kbar u l-provvediment għal evalwazzjonijiet għandu jkun inkluż fil-baġits ta' dawn il-programmi.

- Għandhom ikunu provduti iktar inċentivi għal sinerġiji u kumplimentarjetà: bejn programmi kofinanzjati ta' Stati Membri differenti u bejn programmi kofinanzjati bejn l-UE u s-settur privat.

Ir-rakkomandazzjonijiet ewlenin għall-pajjiżi terzi huma:

- L-objettivi kumplessivi tal-miżuri ta' promozzjoni tal-UE għandhom jiffukaw fuq il-fakultà għall-produtturi Ewropej u l-organizzazzjonijiet kummerċjali li jesportaw lejn pajjiżi terzi.

- Il-miżura tal-UE għandha tikkontribwixxi iktar għas-sinerġija bejn il-produtturi u l-programmi.

- Għandhom isiru xi provvedimenti speċifiċi biex ikunu appoġġati produtturi ġodda.

- It-tfassil tal-programm u l-attivitajiet promozzjonali għandhom jikkunsidraw aħjar l-ispeċifiċitajiet tas-swieq emerġenti u/jew imbiegħda.

- Il-qafas ġenerali tal-miżuri tal-UE għandu jitjieb sabiex ikunu solvuti l-ambigwitajiet dwar ir-riferiment għall-oriġini ġeografika u d-ditti.

- Ir-rekwiżiti amministrattivi għandhom ikunu aġġustati għal-limitazzjonijiet tal-programmi.

III.D Evalwazzjoni fuq il-livell ta' programmi kofinanzjati

III.D.1 Elementi ta' valutazzjoni introdotti wara l-2006

Fl-ewwel snin tal-implimentazzjoni ta' din l-iskema, il-programmi promozzjonali kofinanzjati kienu meqjusa bħala li għamlu suċċess sempliċiment jekk ikunu ġew implimentati kif pjanat fil-proposta oriġinali. ma kienet mitluba l-ebda valutazzjoni formali u konsegwentement, ma kinux eliġibbli kosti tal-valutazzjoni (jekk issir xi evalwazzjoni).

Ittieħdu diversi passi biex tkun indirizzata din is-sitwazzjoni:

- Dokument li jistabbilixxi linjigwida għall-programmi ta' evalwazzjoni kien imqassam lill-awtoritajiet nazzjonali f'Ottubru 2007, għall-attenzjoni tal-organizzazzjonijiet li jressqu proposti. Dan id-dokument ikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet kollha kemm tas-settur tal-awditu kif ukoll tal-konsulenti. Iktar tard reġa' ġie abbozzat u l-parti dwar il-provvedimenti ta' valutazzjoni issa hija inkluża fin-'Nota ta' Sjegazzjoni għal programmi ta' promozzjoni parzjalment finanzjati mill-UE mehmuża mal-formola ta' applikazzjoni. It-tieni parti dwar il-valutazzjoni nfisha ġiet mehmuża mal-'Manwal għall-proċeduri għall-analiżi u l-adozzjoni ta' programmi proposti għall-promozzjoni ta' prodotti agrikoli'.

Il-kuntratt mudell għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kien emendat sabiex jippermetti r-riżultati tal-programmi li għandhom ikunu evalwati bl-għajnuna ta' entità esterna. Barra minn hekk, il-baġit allokat għall-evalwazzjoni tal-programm żdied minn 3 għal 5 % (għall-evalwazzjoni finali tiegħu) u kwalunkwe baġit tal-ispejjeż ġenerali li ma ntużax jista' jiżdied ukoll mal-iffinanzjar supplimentari għal din l-evalwazzjoni

III.D.2 L-ewwel valutazzjoni tal-impatt tal-programmi

Mill-2008, valutazzjoni tal-impatt tal-programmi issir meta l-programmi jiġu fi tmiemhom u l-valutazzjoni hija inkluża fir-rapporti finali analizzati mill-amministraturi tal-programm. Il-valutazzjoni tuża indikaturi bħar-rata tal-implimentazzjoni baġitarja jew il-konformità tal-programm implimentat ma' dak propost. Il-miżuri inklużi fil-programmi qed ikunu dejjem iktar ta' suċċess. Sa issa r-rapporti kienu ħafna drabi abbozzati mill-istess organizzazzjonijiet li jressqu proposti. Mill-2010 'il quddiem l-evalwazzjonijiet se jibdew isiru minn entitajiet ta' valutazzjoni indipendenti.

Indikatur tajjeb tal-kwalità tal-għodod ta' promozzjoni żviluppati matul l-implimentazzjoni tal-programmi ta' promozzjoni u tal-impatt pożittiv tagħhom, huwa l-fatt li, wara li ħafna programmi jitlestew, l-organizzazzjoni li tressaq proposta tintroduċi talba biex tkun awtorizzata tipproduċi kwantitajiet addizzjonali ta' dawn l-għodod għal użu ulterjuri bi spejjeż għaliha.

III.E. Evalwazzjoni tal-attivitajiet taħt il-ġestjoni diretta tal-Kummissjoni

III.E.1 Missjonijiet ta' livell għoli: evalwazzjoni tal-impatti tagħhom

Missjoni kummerċjali ta' livell għoli fl-Indja (Marzu 2007)

Il-missjoni qdiet ir-rwol 'pijunier' tagħha billi fetħet il-bibien tas-suq relattivament ġdid Indjan għall-esportaturi Ewropej filwaqt li spjegat il-messaġġ tal-kwalità u d-diversità tal-prodotti Ewropej. Iż-żjara kienet milqugħa tajjeb ħafna mill-midja Indjana (kisba ta' prominenza fuq il-mezzi tax-xandir ta' EUR 1.25 miljun. Id-dimensjoni Ewropea kienet partikolarment innutata. Iż-żjara kellha rwol kruċjali fit-tnaqqis mill-Indja tad-dazji eżorbitanti tal-importazzjoni fuq l-alkoħol.

Kampanja promozzjonali fiċ-Ċina (Mejju 2008)

Il-prominenza fuq il-mezzi tax-xandir iġġenerata mill-missjoni kienet stmata ekwivalenti għal EUR 450 000 b'kopertura ta' 25 000 000 persuna. Diversi eluf ta' viżitaturi żaru l-istand tal-UE, li kien jinsab fiċ-ċentru tal-paviljuni Ewropej l-oħra. 967 viżitatur ħallew il- business cards tagħhom u mtlew 1 127 kwestjonarju.

Avveniment promozzjonali f'Cape Town, l-Afrika t'Isfel (Settembru 2008)

L-avveniment primarjament kien jikkonsisti f'attività tar-relazzjonijiet pubbliċi indirizzata kemm lejn uffiċjali tal-Afrika t'Isfel kif ukoll lejn esportaturi Ewropej biex jintwera l-appoġġ tal-UE għall-isforzi tagħhom biex jaħkmu swieq dinjija ġodda.

Missjoni kummerċjali ta' livell għoli għaċ-Ċina (Mejju 2009)

Żjara tad-delegazzjoni Ewropea intlaqgħet tajjeb ħafna mill-midja u ġġenerat prominenza fuq il-mezzi tax-xandir stmata ekwivalenti għal EUR 1 500 000 għal kopertura ta' 49 600 000 persuna. Diversi eluf ta' viżitaturi żaru l-istand tal-UE, li bħas-sena ta' qabel, kien jinsab fiċ-ċentru tal-paviljuni Ewropej l-oħra.

Avveniment promozzjonali f'Ħong Kong (Mejju 2009).

Kien hemm 50 parteċipant f'dan is-seminar u 200 fil-festival. Madwar 8 000 persuna żaret l-istand. L-avveniment iġġenera 7 artikoli għall-istampa għal valur stmat ta' EUR 6 656 b'ċirkulazzjoni ta' 260 000.

III.E.2 Valutazzjoni tal-kampanja promozzjonali tal-biedja organika 2006-2009

Ir-riżultati tal-kampanja promozzjonali tal-ikel organiku l-biedja organika kienu pożittivi ħafna. B'baġit limitat, speċjalment meta mqabbel ma' xi kampanji nazzjonali jew privati ikbar, għodod tal-kummerċjalizzazzjoni u l-informazzjoni sempliċi u effikaċi kienu offruti lill-għadd ta' gruppi mmirati differenti. Inħolqu u ġew tradotti wkoll iktar minn 150 paġna ta' test li jipprovdi informazzjoni dwar dan is-settur u li jippromwovih lill-diversi gruppi mmirati.

L-evalwazzjoni turi li l-għodod huma aċċettati u użati minn gruppi mmirati, speċjalment f'pajjiżi fejn is-settur huwa inqas żviluppat u hemm inqas inizjattivi fuq livell nazzjonali. Programmi kofinanzjati għall-promozzjoni ta' prodotti organiċi jagħmlu użu minn dan il-materjal ġdid żviluppat matul il-kampanja. Dan jippermetti li dawk il-programmi jitħaddmu b'baġit iżgħar milli kieku kien ikun possibbli, minħabba li ma għandhomx jiffinanzjaw l-iżvilupp ta' materjal promozzjonali ieħor li għalih diġà jeżisti ekwivalenti.

Id-dejta statistika dwar it-traffiku fuq is-sit tal-internet hija wkoll inkoraġġanti ħafna. Is-sit tal-internet diġà huwa l-iktar sit li żaruh persuni mis-subsiti kollha tad-DĠ AGRI fuq Europa, b'medja ta' 70-80 000 żjara kull xahar u 15 000-30 000 tniżżil ta' materjal. Għall-2008, fl-ewwel ħames xhur wara l-varar tal-kampanja, kienu rreġistrati 186 991 żjara lis-sit tal-internet u dan kien meqjus bħala suċċess. Matul l-2009 kollha, is-sit tal-internet irċieva 1 070 000 żjara (din iċ-ċifra tirrappreżenta 63 % taż-żjarat totali lis-sit tal-internet kollu tad-DĠ AGRI). Bi klassifikazzjoni għolja fuq is-siti tat-tiftix, is-sit tal-internet sar punt ta' referenza għal dawk kollha li jfittxu informazzjoni dwar ikel organiku u biedja organika.

IV. Konklużjonijiet ġenerali

Matul il-perjodu 2006-2010 saru diversi emendi għall-iskema tal-UE dwar il-programmi kofinanzjati għall-promozzjoni ta' prodotti agrikoli:

-Simplifikazzjoni: iż-żewġ regolamenti tal-Kunsill ingħaqdu f'wieħed u ż-żewġ regolamenti tal-Kummissjoni ingħaqdu f'wieħed.

Il-proċedura tal-għażla għall-programmi l-ġodda fil-livell tal-Kummissjoni tjiebet permezz tal-adozzjoni tal-linjigwida u l-introduzzjoni tal-metodi kwantitattivi ta' evalwazzjoni (evaluation grid) u l-kostijiet ta' referenza għall-azzjonijiet varji inklużi fil-programmi.

- Sar titjib fil-valutazzjoni tal-impatt ta' programmi matul u fl-aħħar tal-implimentazzjoni tagħhom.

- Ġestjoni soda: il-ġestjoni tal-programmi kienet konsegwentement imtejba. Ir-rata ta' implimentazzjoni (nefqa/approprjazzjonijiet) tas-settur żdiedet b'mod sinifikanti, sa kważi 100%.

- Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, matul il-perjodu ta' rappurtar, l-iskema ta' promozzjoni kienet intużata biex taffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi f'żewġ każijiet: l-influwenza avjarja (2007) u l-kriżi fis-settur tal-ħalib (2008).

Awditjar riċenti mill-Qorti tal-Awdituri u mill-unità tal-awditjar intern tad-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali ikkonfermaw dan it-titjib. Madankollu, għad fadal isir titjib ieħor:

- Il-kwalità tal-programmi mibgħuta lid-dipartimenti tal-Kummissjoni jeħtieġ li tkun imtejba iktar. Il-linji gwida diġà adottati u aġġornati ċertament se jgħinu f'dan ir-rigward.

- L-għażla, il-monitoraġġ u l-awditjar ta' programmi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ukoll jitjiebu b'mod ulterjuri. Għandha tingħata iktar attenzjoni lill-proċeduri ta' sejħiet għall-offerti applikati għall-għażla tal-entitajiet ta' implimentazzjoni. F'dan il-kuntest, kemm l-Artikolu 9(2)(e) kif ukoll l-Artikolu 12(2) jenfasizzaw il-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji li għandhom dawn l-entitajiet sabiex jiżguraw li l-azzjonijiet ta' promozzjoni huma implimentati bl-iktar mod effiċjenti possibbli.

-Il-proċedura stabbilita bħalissa li tapprova l-programmi kofinanzjati hija pjuttost waħda kkumplikata. Il-programmi huma evalwati darbtejn: fuq il-livell tal-Istat Membru u wara fuq il-livell tal-UE. Il-proċedura ta' selezzjoni kollha ddum seba' xhur. Madankollu, kif jidher mit-Tabella 3 f'paġna 6 ta' dan ir-rapport, iktar minn 50 % tal-programmi li jaslu jiġu rifjutati.

L-informazzjoni attwali u l-politika ta' promozzjoni se jkunu riveduti flimkien mad-diskussjoni dwar ir-riforma tal-PAK wara l-2013. L-istrumenti ta' promozzjoni għandhom jipprovdu lill-produtturi tal-UE b'għodda effikaċi filwaqt li fl-istess ħin jippruvaw inaqqsu l-piż amministrattiv.

[1] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tat-17 ta' Diċembru 2007, ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1 .

[2] L-2006 kollha hija koperta minn dan ir-rapport.

[3] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 tal-5 ta' Ġunju 2008, ĠU L 147, 6.6.2008, p. 3 .

[4] Il-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ

[5] L-implimentazzjoni eċċessiva fl-2007 u l-2008 kienet koperta mit-trasferimenti.

[6] SMART: Specific (speċifiċi), Measurable (jitkejlu), Appropriate (jixirqu), Realistic (realistiċi), Time scheduled (skedati biż-żmien).

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet