COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS An Agenda for new skills and jobs: A European contribution towards full employment
/* COM/2010/0682 final */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |
Strasburgu 23.11.2010
COM(2010) 682 finali
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi:Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi:Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta' impjiegi
Introduzzjoni
L-Unjoni Ewropea qablet fuq mira ta' 75 % fir-rigward tar-rata tal-impjiegi għan-nisa u l-irġiel għall-grupp tal-etajiet ta' bejn l-20 u l-64 sena sal-2020: impenn ambizzjuż lejn is-sostenibbiltà tal-mudell soċjali, tas-sistemi ta' għajnuna soċjali, tat-tkabbir ekonomiku u tal-finanzi pubbliċi tal-Ewropa.
Mhux se jkun kompitu faċli li timtela l-lakuna biex tintlaħaq din il-mira. Il-kriżi baxxiet ir-rata tal-impjiegi għal 69 %, u żiedet ir-rata tal-qgħad sa 10 %; bis-suppożizzjoni li s-suq tax-xogħol ikun laħaq qagħda stabbli bejn l-2010 u l-2011, il-kisba tar-rata tal-impjiegi ta' 75 % sal-2020 se tirrikjedi tkabbir medju fl-impjiegi ta' ftit iktar minn 1 % kull sena. Minħabba r-rati ta' fertilità li qed jonqsu, il-popolazzjoni tal-UE fl-età tax-xogħol (bejn il-15 u l-64 sena) fadlilha biss sal-2012 biex tibda tonqos; anki minkejja l-flussi kontinwi ta' immigranti. Forza tax-xogħol ta' ħila hija vantaġġ importanti għall-iżvilupp ta' ekonomija kompetittiva, sostenibbli u innovattiva skont il-miri ta' Ewropa 2020. Fi żminijiet ta' restrizzjonijiet baġitarji u pressjonijiet kompetittivi globali bla preċedent, il-politiki tal-UE dwar l-impjieg u l-ħiliet li jgħinu fit-tiswir tat-tranżizzjoni lejn ekonomija favur l-ambjent, intelliġenti u innovattiva għandhom ikunu kwistjoni ta' prijorità.
L-UE tista' tilqa' dawn l-isfidi u tgħolli r-rati tal-impjiegi sostanzjalment, partikolarment għan-nisa u l-ħaddiema iktar żgħażagħ u dawk ikbar fl-età, iżda biss b'azzjoni determinata li tiffoka fuq erba' prijoritajiet prinċipali :
- L-ewwel, funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol . Ir-rati ta' qgħad strutturali li dejjem jibqgħu għoljin jirrappreżentaw telf inaċċettabbli ta' kapital uman: huma jiskoraġġixxu lill-ħaddiema u jwasslu għal tluq minn kmieni mis-suq tax-xogħol u għall-esklużjoni soċjali. Il-politiki tal-flessigurtà huma l-aħjar strument għall-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol: hemm bżonn li dawn jiġu riveduti u adattati għall-kuntest ta' wara l-kriżi, biex jitħaffef il-pass tar-riforma, titnaqqas is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, tiġi appoġġjata l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tranżizzjonijiet jagħtu r-riżultati.
- It-tieni nett, forza tax-xogħol b'iktar ħiliet, kapaċi li tikkontribwixxi u taġġusta għall-bidla teknoloġika b'modi ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol . Din hija sfida konsiderevoli, minħabba l-ħtiġijiet għal ħiliet li qed jinbidlu b'mod mgħaġġel, u n-nuqqas ta' tlaqqigħ persistenti tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol tal-UE. L-investiment fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-antiċipazzjoni tal-ħiliet meħtieġa, it-tlaqqigħ u s-servizzi ta' konsulenza huma fundamentali biex tiżdied il-produttività, il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u fl-aħħar nett l-impjiegi. L-UE ħadet l-impenn li ttejjeb il-livelli tal-edukazzjoni billi tnaqqas l-ammont ta' persuni li ma jispiċċawx l-edukazzjoni tagħhom għal 10 % jew inqas, u billi żżid it-tkomplija tal-edukazzjoni terzjarja jew l-ekwivalenti għaliha għal tal-inqas 40 % fl-2020. Il-potenzjal tal-mobbiltà fl-UE stess u tal-flussi fl-Unjoni ta' migranti minn pajjiżi terzi, mhux qed jiġi sfruttat u mmirat biżżejjed lejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, minkejja l-kontribut sostanzjali tal-migranti għall-impjiegi u t-tkabbir.
- It-tielet nett, kwalità aħjar tal-impjiegi u tal-kondizzjonijiet tax-xogħol . Ma jistax ikun hemm kompromess bejn il-kwalità u l-kwantità ta' impjiegi: livelli għolja ta' kwalità fl-impjieg fl-UE huma assoċjati ma' produttività għolja daqstant ieħor tax-xogħol u ta' parteċipazzjoni fix-xogħol. Il-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-saħħa fiżika u mentali tal-ħaddiema għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-karrieri tax-xogħol tal-lum, li huma kkaratterizzati minn iktar tranżizzjonijiet bejn xogħlijiet iktar intensi u li jirrikjedu ħafna sforzi u minn forom ġodda ta' organizzazzjoni tax-xogħol.
- Ir-raba' nett, politiki iktar sodi biex jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi u d-domanada għax-xogħol. Mhuwiex biżżejjed li jiġi żgurat li n-nies jibqgħu attivi u jiksbu l-ħiliet adattati biex isibu xogħol: l-irkupru għandu jkun imsejjes fuq tkabbir li joħloq l-impjiegi. Għandhom jinħolqu l-kondizzjonijiet adattati għall-ħolqien ta' iktar impjiegi, inklużi f'kumpaniji li joperaw ħiliet avvanzati u mudelli tan-negozju ffukati fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Tnaqqis selettiv ta' spejjeż tax-xogħol mhux relatati mal-pagi, jew sussidji tal-impjiegi mmirati tajjeb, jistgħu jservu ta' inċentiv għall-impjegatur biex jirrekluta lil dawk li jkun ilhom qiegħda għal tul ta' żmien u ħaddiema oħra li jkunu qed jitbiegħdu mis-suq tax-xogħol. Il-politiki għall-esplojtazzjoni ta' sorsi prinċipali ta' ħolqien tal-impjiegi u għall-promozzjoni tal-intraprenditorjat u l-impjieg indipendenti, huma essenzjali wkoll biex jiżdiedu r-rati tal-impjiegi.
Ir-responsabbiltà u l-istrumenti prinċipali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma f'idejn l-Istati Membri, skont it-Trattat u l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, il-mira għar-rata tal-impjiegi tal-UE għan-nisa u l-irġiel ta' 75 % sal-2020 se tintlaħaq biss permezz tatt-laqqigħ flimkien tal-isforzi u l-istrumenti kollha. Din l-inizjattiva prinċipali "Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi" tistabbilixxi, fi 13-il azzjoni prinċipali b'miżuri akkumpanjanti u preparatorji, il-kontribut possibbli tal-UE f'dan l-isforz konġunt bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020. Fil-qafas tal-proċess tat-tkabbir tal-UE u fil-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-Kummissjoni ser tiżgura wkoll li l-pajjiżi rilevanti jibdew jaħdmu biex jilħqu l-għanijiet ta' din l-Aġenda.
IL-PRIJORITAJIET TAL-AĠENDA
1. LEJN MOMENTUM ġDID GħALL-FLESSIGURTÀ: IT-TNAQQIS TAS-SEGMENTAZZJONI U L-APPOġġ GħAT-TRANżIZZJONIJIET
It-tagħlim miksub: il-politiki tal-flessigurtà għenu biex tittaffa l-kriżi, iżda l-gruppi vulnerabbli ntlaqtu l-agħar minnha
F'Diċembru 2007, il-Kunsill adotta l-Prinċipji Komuni tal-UE tal-Flessigurtà u l-erba' komponenti tagħha, bħala mezz ta' mmodernizzar tas-swieq tax-xogħol u ta' promozzjoni tax-xogħol permezz ta' forom ġodda ta' flessibbiltà u sigurtà[1]. Sabiex jiżdiedu l-adattabbiltà, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali, l-Istati Membri ġew imħeġġa jiżviluppaw l-arranġamenti tagħhom tal-flessigurtà u biex ifasslu strateġiji biex jirriformaw is-swieq tax-xogħol tagħhom flimkien mal-imsieħba soċjali. Minn dakinhar, il-kriżi serviet ta' siegħa tal-prova għall-istrateġiji nazzjonali ta' riforma u għall-flessigurtà; il-lezzjonijiet tal-aħħar sentejn huma kemm inkoraġġanti u kemm ta' sfida[2].
Min-naħa l-waħda, l-evidenza turi li l-politiki tal-flessigurtà għenu biex tittaffa l-kriżi. Ħafna mill-Istati Membri introduċew arranġamenti temporanji ġodda tax-xogħol għal żmien qasir sponsorjati mill-pubbliku, jew żiedu l-livell, il-kopertura u t-tul tagħhom u għamlu l-użu tagħhom iktar maniġġabbli. Permezz taż-żieda fil-flessibbiltà interna, l-Istati Membri kkontrobilanċjaw it-tnaqqis fit-tkabbir tal-impjiegi bejn l-2008 u l-2009 b'medja ta' 0,7 punti perċentwali fuq bażi annwali. Huma għenu lill-kumpaniji jevitaw it-telf ta' kapital uman speċifiku għad-ditti u l-ispejjeż tat-tfittxija mill-ġdid għall-ħaddiema, u kkontribwixxew biex inaqqsu t-tbatija tal-ħaddiema.
Bl-istess mod, diversi Stati Membri ssudaw is-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad (jiġifieri l-livell tal-benefiċċji, it-tul tagħhom u l-kopertura tagħhom għal gruppi ġodda). Il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol żdiedu, inklużi inċentivi għall-ftuħ ta' negozji, programmi ta' taħriġ u ta' esperjenza ta' xogħol. Is-Servizzi Pubbliċi tax-Xogħol taw għajnuna iktar immirata għat-tfittxija ta' xogħol għal gruppi partikolari bħaż-żgħażagħ, l-immigranti, il-ħaddiema b'kuntratti qosra ta' xogħol, dawk li sfaw qiegħda reċentement, jew dawk li mhux qed jirċievu benefiċċji. F'ċerti pajjiżi, is-servizzi tal-impjiegi għollew l-għadd tal-persunal tagħhom b'10 % jew iktar biex ilaħħqu maż-żieda fl-għadd ta' persuni li qed ifittxu xogħol.
Min-naħa l-oħra, il-kriżi enfasizzat il-bżonn urġenti li jitfittex li jitwettqu riformi fis-suq tax-xogħol, mingħajr ma jitnaqqas l-ambitu għall-kunsens u l-fiduċja bejn l-imsieħba soċjali — prerekwiżit prinċipali għas-suċċess tal-politiki ta' flessigurtà. Il-politiki għat-tnaqqis tas-segmentazzjoni mhumiex biżżejjed: il-ħaddiema żgħażagħ, dawk temporanji u l-migranti kienu fost dawk li ntlaqtu l-agħar mir-reċessjoni. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (sa 25 sena) għoliet b'5,8 punti perċentwali minn Marzu tal-2008 għal iktar minn 20 %, filwaqt li r-rata għall-adulti (bejn il-25 u l-64 sena) żdiedet biss bin-nofs ta' dan u attwalment hija ta' 8,3 % Fl-agħar żminijiet tar-reċessjoni, it-telf tal-impjiegi fost il-ħaddiema b'xogħol temporanju kien kważi erba' darbiet iktar milli fost dawk b'xogħol permanenti. Il-qgħad żdied ukoll f'salt fost il-popolazzjoni tal-migranti.
Il-kriżi wriet ukoll kemm tassew huwa diffiċli li timplimenta politiki tassew integrati. Pereżempju, l-arranġamenti ta' xogħol għal żmien qasir ħafna drabi ma jiġux ikkumplimentati minn biżżejjed opportunitajiet ta' taħriġ għall-ħaddiema. Anki fl-Istati Membri li joffru inċentivi addizzjonali għat-taħriġ, ma kienx hemm biżżejjed benefiċjarji potenzjali li offrew li jitħarrġu mill-ġdid.
Momentum ġdid: it-tisħiħ tal-komponenti u l-implimentazzjoni tal-flessigurtà
Il-Prinċipji Komuni tal-UE għall-flessigurtà huma bbilanċjati tajjeb u komprensivi; dawn jibqgħu validi llum il-ġurnata. Madankollu, l-erba' komponenti tal-flessigurtà (arranġamenti kuntrattwali flessibbli u affidabbli, politiki attivi tas-suq tax-xogħol, tagħlim tul il-ħajja, u sistemi moderni ta' sigurtà soċjali) hemm bżonn li jittejbu biex jiżguraw li, fil-kuntest ta' wara l-kriżi, il-pajjiżi jiffukaw fuq l-iktar riformi kosteffiċjenti filwaqt li jipprovdu livelli adegwati ta' flessibbiltà u sigurtà.
L-arranġamenti nazzjonali ta' flessigurtà tal-Istati Membri jistgħu jissaħħu u jiġu adattati għall-kuntest soċjoekonomiku l-ġdid, permezz ta' bilanċ ġdid fl-erba' komponenti tal-flessigurtà u bejniethom, u fis-sekwenza taż-żmien tal-politiki differenti. L-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol ukoll hemm bżonn li jissaħħu, biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jibbenefikaw minn tranżizzjonijiet bejn l-impjiegi, l-okkupazzjonijiet, is-setturi u l-istatus tax-xogħol. Huwa essenzjali li t-tranżizzjonijiet jagħtu r-riżultati biex jipprovdu lill-ħaddiema bis-sigurtà meħtieġa biex jaċċettaw u jadattaw adegwatement għall-mobbiltà. Fl-aħħar nett, hemm bżonn li l-implimentazzjoni u t-tmexxija jtejbu l-koordinazzjoni tal-politiki u l-involviment tal-imsieħba soċjali u partijiet interessati rilevanti oħra.
1.1. Prijoritajiet għat-tisħiħ tal-erba' komponenti tal-flessigurtà
Sabiex isaħħaħ ir-riforma u l-immodernizzar tas-suq tax-xogħol, u billi ssejjes fuq il-Prinċipji Komuni tal-UE, il-Kummissjoni tipproponi l-prijoritajiet politiċi prinċipali li ġejjin biex issaħħaħ l-erba' komponenti tal-flessigurtà, fi sħubija mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali:
Arranġamenti kuntrattwali flessibbli u affidabbli:
- Fokus fuq it-tnaqqis tas-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol . Jistgħu jiġu esplorati diversi mogħdijiet skont il-kuntest nazzjonali bħal pereżempju d-deċentralizzazzjoni tan-negozjar kollettiv jew ir-reviżjoni ta' arranġamenti kuntrattwali eżistenti. Filwaqt li f'ċerti każijiet tista' tinħtieġ varjetà kuntrattwali ikbar biex tissodisfa l-ispeċifiċitajiet territorjali u settorjali, fi swieq tax-xogħol fejn teżisti ħafna segmentazzjoni, mezz possibbli għad-diskussjoni jista' jkun l-użu ta' arranġamenti kuntrattwali mingħajr żmien definit , b'perjodu twil biżżejjed ta' prova u b'żieda gradwali tad-drittijiet għall-protezzjoni, tal-aċċess għat-taħriġ, tat-tagħlim tul il-ħajja u l-konsulenza dwar il-karriera għall-impjegati kollha. Dan il-kuntratt ser jimmira li jnaqqas id-differenzi eżistenti bejn dawk li għandhom kuntratti temporanji u dawk b'kuntratti permanenti;
- L-għoti ta' iktar importanza lill-flessibbiltà interna fi żminijiet ta' tnaqqis ekonomiku . Filwaqt li kemm il-flessibbiltà interna u kemm dik esterna huma importanti fiċ-ċiklu tan-negozju, il-flessibbiltà interna tista' tgħin lill-impjegaturi biex jadattaw l-ammont ta' xogħol li jsir għat-tnaqqis fid-domanda filwaqt li jippreservaw ix-xogħlijiet li huma vijabbli fuq medda itwal ta' żmien. L-impjegaturi jistgħu għalhekk iżommu l-ħiliet ta' ħaddiema speċifiċi għad-ditta li ser jiksbu valur għoli meta l-irkupru jibda tassew jinħass. Il-forom ta' flessibbiltà interna jinkludu l-aġġustament tal-organizzazzjoni tax-xogħol jew il-ħin tax-xogħol (pereżempju arranġamenti ta' xogħol għal żmien qasir). Il-flessibbiltà tippermetti wkoll lill-irġiel u lin-nisa jsibu kompromess bejn ix-xogħol u impenji ta' kura biex partikolarment isaħħu l-kontribut tan-nisa fl-ekonomija formali u t-tkabbir, permezz ta' xogħol bi ħlas barra mid-dar. Minkejja l-importanza tal-flessibbiltà interna, il-flessibbiltà esterna tibqa' essenzjali fil-każ ta' aġġustament strutturali neċessarju biex tkun tista' ssir ir-riallokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi.
Tagħlim tul il-ħajja komprensiv:
- It-titjib tal-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, biex in-nies jingħataw għajnuna biex jiċċaqalqu lejn setturi b'valur miżjud għoli u f'xogħlijiet li qed jespandu bħal dawk li jirriżultaw mill-politiki dwar it-"tkabbir sostenibbli", il-politika u l-leġiżlazzjoni dwar l-opportunitajiet indaqs, u l-impjiegi fis-settur tas-saħħa. Mezzi iktar flessibbli ta' tagħlim jistgħu jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet bejn l-istadji tax-xogħol u dawk tat-tagħlim, inkluż permezz tal-modularizzazzjoni tal-programmi ta' tagħlim. Dawn il-mezzi għandhom jippermettu wkoll il-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali u għandhom ikunu bbażati fuq ir-riżultati mit-tagħlim, kif ukoll fuq l-integrazzjoni tas-sistemi ta' gwida fir-rigward tat-tagħlim u l-karriera.
- L-adozzjoni ta' approċċi mmirati lejn dawk il-ħaddiema li huma iktar vulnerabbli , partikolarment ħaddiema bi ftit ħiliet, qiegħda, ħaddiema żgħażagħ u dawk ikbar fl-età, persuni b'diżabbiltà, persuni b'kondizzjonijiet mentali, jew gruppi fil-minoranza bħall-migranti u r-Roma: Is-Servizzi Pubbliċi tax-Xogħol (PES) għandhom jagħtu gwida fir-rigward tal-karriera u taħriġ immirat tajjeb u adattat u programmi ta' esperjenza ta' xogħol. Għandha tingħata wkoll prijorità speċifika lil i) l-aġġornament tal-ħiliet ta' ħaddiema ikbar fl-età li huma partikolarment vulnerabbli għar-ristrutturar ekonomiku, ii) it-taħriġ mill-ġdid ta' ġenituri li jerġgħu jibdew jaħdmu wara perjodu ta' kura ta' membri tal-familja dipendenti u iii) it-taħriġ mill-ġdid ta' ħaddiema manwali bil-għan li dawn jagħmlu tranżizzjoni lejn impjiegi fis-settur ambjentali.
- It-titjib tal-involviment tal-partijiet interessati u d-djalogu soċjali dwar l-implimentazzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja. Sħubijiet fil-livelli reġjonali u lokali bejn is-servizzi pubbliċi, il-persuni li jedukaw u jħarrġu u impjegaturi, jistgħu jidentifikaw effettivament il-ħtiġijiet tat-taħriġ, itejbu r-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jiffaċilitaw l-aċċess tal-individwi għal edukazzjoni u taħriġ għoli. Id-djalogu tal-imsieħba soċjali dwar arranġamenti effettivi tal-qsim tal-ispejjeż, l-għoti ta' tagħlim fil-post tax-xogħol, u l-promozzjoni ta' kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u n-negozji huwa partikolarment importanti.
- It-twaqqif ta' inċentivi effettivi u arranġamenti ta' qsim tal-ispejjeż, biex jittejjeb l-investiment pubbliku u privat fit-taħriġ kontinwu tal-forza tax-xogħol, u tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-tagħlim tul il-ħajja. Il-miżuri jistgħu jinkludu: skemi ta' benefiċċji fuq it-taxxa, programmi ta' kupuni edukattivi mmirati lejn gruppi speċifiċi, u kontijiet tat-tagħlim jew skemi oħra li bihom il-ħaddiema jistgħu jakkumulaw kemm il-ħin u kemm finanzjament. Filwaqt li dawn il-miżuri għandhom jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna statali, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw mill-possibilitajiet offruti mir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (KE) Nru 800/2008.
Politiki Attivi tas-Suq tax-Xogħol (ALMP)
- L-adattament tat-taħlita ta' ALMPs u tal-andament istituzzjonali tagħhom biex jitnaqqas ir-riskju tal-qgħad fit-tul . L-Istati Membri għamlu progress sinifikanti f'dan il-komponent tal-Flessigurtà: parzjalment minħabba l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, l-ALMPs huma ħafna aħjar u iktar sodi milli kienu deċennju ilu. Madankollu, għad hemm lok għal titjib f'bosta aspetti. konsulenza individwali dwar l-impjiegi, għajnuna għat-tfittix ta' impjieg, miżuri biex jittejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà. Il-kosteffiċjenza tal-ALMPs u l-kondizzjonalità tal-benefiċċji tal-qgħad bil-parteċipazzjoni fl-ALMPs ukoll huma żewġ oqsma li jeħtieġu iktar attenzjoni. Dawn il-miżuri dwar il-provvista tal-ħaddiema jistgħu ma jkunux biżżejjed jekk il-pass tal-ħolqien tal-impjieg isir iktar kajman: għalhekk dawn għandhom jiġu kkumplimentati b'miżuri dwar id-domanda tax-xogħol, bħal pereżempju sussidji kosteffiċjenti mmirati għall-proċess tat-tfittix tal-ħaddiema. Biex jitnaqqas il-piż fuq il-finanzi pubbliċi, dawn is-sussidji għandhom jiffukaw fuq il-ħolqien net tal-impjiegi u l-ħaddiema li diffiċli li jsibu posthom fid-dinja tax-xogħol, bħal dawk bi ftit ħiliet u ftit esperjenza.
Sistemi Moderni tas-Sigurtà Soċjali:
- Ir-riforma tas-sistemi tal-benefiċċji soċjali biex il-livell u l-kopertura tagħhom ikunu jistgħu jiġu aġġustati b'mod iktar faċli tul iċ-ċiklu tan-negozju (jiġifieri iktar riżorsi fi żminijiet diffiċli u inqas fi żminijiet tajbin). Dan ser itejjeb ir-rwol tal-benefiċċji bħala stabbilizzaturi awtomatiċi, permezz tal-promozzjoni tal-assigurazzjoni tad-dħul u l-ħtiġijiet ta' stabbilizzazzjoni fuq l-inċentivi għat-tfittix ta' impjieg fi żminijiet ta' tnaqqis, u bil-maqlub fi żminijiet ta' tkabbir. Hekk kif is-swieq tax-xogħol jirkupraw, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jwaqqfu l-estensjonijiet temporanji tal-benefiċċji u t-tul tal-assigurazzjoni tal-qgħad introdotti waqt ir-reċessjoni, biex jiġu evitati effetti negattivi fuq l-inċentivi għal impjieg mill-ġdid. Ir-reviżjoni tal-benefiċċji ta' dawk li huma bla xogħol u ta' dawk li għandhom xogħol biex jittejbu l-inċentivi finanzjarji biex wieħed jibda jaħdem, għandha tkun ikkumbinata ma' miżuri għall-promozzjoni ta' involviment fit-taħriġ u skemi oħra ta' attivazzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-benefiċċji jibqgħu jtaffu l-faqar għal dawk li jibqgħu bla xogħol.
- It-titjib tal-kopertura tal-benefiċċji għal dawk li jinsabu fl-ikbar riskju mill-qgħad, bħal pereżempju ħaddiema għal żmien fiss, żgħażagħ fl-ewwel impjiegi tagħhom u dawk b'impjieg indipendenti. Dan jista' jintlaħaq, fejn ikun neċessarju, permezz tal-estensjoni tal-kopertura tas-sistemi tal-benefiċċji tal-qgħad, u t-tisħiħ ta' drittijiet oħra tas-sigurtà soċjali (il-liv tal-ġenituri u drittijiet oħra ta' rikonċilajzzjoni, il-liv tal-mard, il-benefiċċji tad-diżabbiltà, eċċ.); il-livell ta' benefiċċji tal-għad għandu jkun proporzjonat mal-istorja tax-xogħol ta' kull individu.
- Ir-reviżjoni tas-sistema tal-pensjoni biex jiġu żgurati pensjonijiet adegwati u sostenibbli għal dawk b'perjodi neqsin fil-kontribuzzjonijiet ta' tfaddil tal-pensjoni, minħabba perjodi ta' qgħad, mard jew kura ta' dipendenti, jew minħabba kuntratti ta' żmien qasir. Ir-riformi tal-pensjoni għandhom ikunu parallelli ma' politiki li jappoġġjaw it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol ta' persuni ikbar fl-età, partikolarment minn perjodi ta' qgħad lura għax-xogħol.
1.2. Prijoritajiet għat-titjib tal-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-governanza tal-flessigurtà
L-imsieħba soċjali Ewropej appoġġjaw l-adozzjoni tal-Prinċipji Komuni tal-flessigurtà u enfasizzaw l-importanza ta' approċċ li jikkumbina l-flessigurtà interna u dik esterna. Filwaqt li f'ħafna pajjiżi l-imsieħba soċjali qed iwettqu l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-approċċi nazzjonali tal-flessigurtà, il-konsultazzjoni u d-djalogu għandhom jissaħħu: il-politiki tal-flessigurtà jistgħu jirnexxu biss jekk l-imsieħba soċjali jieħdu responsabbiltà sħiħa tar-riformi tas-suq tax-xogħol.
Kif tħabbar fl-"Att dwar is-Suq Uniku"[3] u l-Inzijattiva Prinċipali "Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni"[4], il-Kummissjoni qed terġa' tikkonsulta lill-imsieħba soċjali biex tiżviluppa qafas tal-UE għar-ristrutturar bil-għan li tiġi mħeġġa bidla minn azzjonijiet totalment reattivi għal strateġiji li jantiċipaw iktar u jiġi żgurat l-applikazzjoni sħiħa tiegħu. L-istrateġiji ta' antiċipazzjoni jippermettu li jitqiesu l-ħtiġijiet li jirriżultaw mit-tranżizzjoni għal ekonomija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u minn setturi b'kapaċitajiet ta' eċċessi strutturali. Dawn jistgħu jgħinu wkoll fl-evitar tal-kunflitt soċjali permezz ta' maniġment innegozjat tal-operazzjonijiet ta' ristrutturar, pereżempju bl-iżvilupp ta' taħriġ okkupazzjonali u konverżjonijiet ekonomiċi mill-ġdid.
Lezzjoni kruċjali li nkisbet tul l-aħħar sentejn hija l-importanza tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Is-servizzi tal-impjieg u partikolarment is-Servizzi Pubbliċi tax-Xogħol (PES) jistgħu jaġixxu bħala aġenziji ta' tranżizzjoni billi jtejbu l-prestazzjoni tas-servizz tagħhom. Filwaqt li attwalment ir-rwol prinċipali tagħhom huwa li jindirazzaw il-ħtiġijiet tal-persuni qiegħda, is-servizzi tax-xogħol jista' jkollhom rwol iktar komprensiv bħala fornituri ta' servizzi tul il-ħajja, billi jagħtu servizzi fil-valutazzjoni tal-ħiliet, fil-kumpilazzjoni tal-profili, fl-għoti tat-taħriġ, fl-għoti ta' gwida individwali dwar il-karriera u l-konsulenza tal-klijenti (kemm ħaddiema u kemm impjegaturi), it-tqabbil tal-persuni ma' profili tal-impjiegi, u offerti ta' servizzi lil impjegaturi, kif ukoll kunsiderazzjoni tal-isfidi ta' dawk li jinsabu l-iktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Is-servizzi tal-impjiegi għandhom jippromwovu wkoll sħubijiet bejn u fost is-servizzi (servizzi tal-impjiegi pubbliċi, privati u tas-settur terz) u dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-NGOs u l-istituzzjonijiet tal-għajnuna soċjali.
Fl-aħħar nett, it-twettiq ta' politiki sodi tal-Flessigurtà jeħtieġ monitoraġġ sistematiku u effiċjenti tal-progress tal-Istati Membri. Mill-adozzjoni tal-Prinċipji Komuni, il-Kumitat tax-Xogħol (l-EMCO) żviluppa qafas analitiku, inkluż sett wiesa' ta' indikaturi. Il-Kummissjoni ser tibni fuq dan il-qafas u tipprovdi monitoraġġ u valutazzjoni regolari tal-politiki tal-flessigurtà madwar l-UE.
Il-flessigurtà – Azzjonijiet Ewlenin 1 sa 3 :
1. Momentum ġdid għall-flessigurtà għandu jkun ir-riżultat ta' approċċ komuni mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali. Filwaqt li komplew jibnu fuq il-Prinċipji Komuni tal-UE tal-Flessigurtà, il-prijoritajiet proposti f'din l-inizjattiva Prinċipali stabbilixxew it-termini ta' dibattitu komprensiv dwar it-tisħiħ tal-erba' komponenti tal-flessigurtà ( perezempju dwar arranġamenti kuntrattwali mhux determinati jew ir-riforma tas-sistemi tal-benefiċċji). Jista' jkun hemm dibattitu dwar dawn il-prijoritajiet fil-bidu tal-2011 waqt Konferenza tal-Partijiet Interessati dwar il-Flessigurtà organizzata mill-Kummissjoni mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-imsieħba soċjali. Il-qbil unanimu dwar il-flessigurtà bħala kontribut ewlieni lejn il-mira għall-impjiegi ta' Ewropa 2020 għandu jiġi kkonsolidat f'Komunikazzjoni dwar momentum ġdid għall-Flessigurtà fl-ewwel nofs tal-2012.
2. L-importanza kruċjali tal-kisba ta' ħiliet u kompetenzi tul il-ħajja tax-xogħol tirrikjedi strateġiji komprensivi għat- Tagħlim tul il-Ħajja u partikolarment approċċ ġdid lejn it-tagħlim tal-adulti bbażat fuq prinċipji komuni bħar-responsabbiltà u s-sħubija kondiviżi, mekkaniżmi effettivi ta' finanzjament, mezzi flessibbli, u edukazzjoni inizjali ta' kwalità u taħriġ kontinwu mmirat. Filwaqt li ssejjes fuq il-progress li nkiseb fil-proċess ta' Kopenħagen, il-Kummissjoni ser tippreżenta fl-2011: Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-kompetenzi; ktejjeb politiku Ewropew li jistabbilixxi l-qafas għall-implimentazzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja ; u pjan ta' azzjoni mġedded għat-tagħlim fost l-adulti .
3. Biex ittejjeb il-parteċipazzjoni u r-responsabbiltà tal-imsieħba soċjali tal-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tipproponi li mill-2011 tibda torganizza Forum Soċjali Tripartitiku. Il-Forum ser jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-Aġenda u l-politiki tal-flessigurtà b'mod partikolari, qabel is-Sammit Soċjali Tripartitiku li jsir qabel il-Kunsill tar-rebbiegħa fis-Semestru Ewropew.
Miżuri ta' akkumpanjament u dawk preparatorji:
Biex tikkumplimenta dawn l-Azzjonijiet Ewlenin, biex issaħħaħ il-mekkaniżmu ta' governanza u implimentazzjoni u tappoġġja lill-Istati Membri, il-Kummissjoni ser:
- Tintroduċi, mill-2011, metodoloġija komprensiva biex timmonitorja l-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-flessigurtà, skont ix-xogħol li jkun qed isir fil-Kumitat għax-Xogħol.
- Tistabbilixxi, sal-aħħar tal-2011, sħubija bejn is-servizzi tal-impjiegi mis-setturi pubbliċi u privati u dak terz biex tinkoraġġixxi djalogu strateġiku fil-livell tal-UE biex it-tranżizzjonijiet jagħtu l-frott. Is-sħubija ser tipprovdi wkoll finanzjament fuq skala żgħira għal proġetti tal-aqwa prattika; għodda ġdida fuq l-internet ser ixxerred il-prattiki tajba li jkunu ġew ivvalutati u ttestjati.
- Fl-2011, ser tniedi konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali Ewropej dwar qafas Ewropew għar-ristrutturar .
2. IL-FORNIMENT TAL-PERSUNI BIL-ħILIET ġUSTI BIEX ISIBU IMPJIEG
It-tlaqqigħ tal-provvista tal-ħiliet mad-domanda tas-suq tax-xogħol jibqa' ta' sfida
Fl-2008, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda", segwita minn żewġ konklużjonijiet tal-Kunsill u Rapport tal-esperti indipendenti, stabbilixxiet l-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet bħala prijorità prinċipali għall-UE[5]. F'Mejju 2009, l-Istati Membri qablu dwar "Qafas Strateġiku għal kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ" biex jiġu indirizzati t-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet fost iċ-ċittadini ta' kull età.
Il-kriżi enfasizzat l-importanza tal-isfida: hija ħaffet il-pass tar-ristrutturar ekonomiku, filwaqt li ħafna ħaddiema f'setturi li wrew tnaqqis spiċċaw bla xogħol minħabba nuqqas ta' ħiliet mitluba mis-setturi li qed jespandu. Issa l-ewwel sinjali ta' rkupru ekonomiku jimxu id f'id ma' diffikultajiet fir-reklutaġġ ta' impjegati ta' ħila.
Il-prospetti fit-tul ukoll jenfasizzaw l-importanza tal-ħiliet. L-impjiegi okkupati minn persuni b'ħafna kwalifiki huwa mistennija li jiżdiedu b'16-il miljun bejn issa u l-2020 fl-UE, filwaqt li dawk okkupati minn ħaddiema bi ftit ħiliet se jonqsu b'madwar 12-il miljun. Hemm wisq nies li ma għandhomx il-kompetenzi meħtieġa biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol; huwa seba' darbiet inqas probabbli li adulti b'kisbiet akkademiċi baxxi jkomplu l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom meta mqabbla ma' dawk b'livelli għoljin ta' kisbiet, u bħala riżultat ta' dan jaffaċċjaw diffikultà dejjem ikbar biex jadattaw għal ħiliet li qed jitfaċċaw reċentement u li qed jevolvu.
Defiċit serju fir-rigward ta' professjonisti kwalifikati, f'ħiliet maniġerjali u tekniċi speċifiċi għall-impjieg qed jostakola l-miri tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli. Dan huwa l-każ ukoll għal nuqqasijiet f'oqsma kritiċi għall-innovazzjoni, partikolarment ix-Xjenza, t-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika. Fis-settur tal-karozzi u t-tarznar, pereżempju, id-domanda għal vetturi ibridi u għal investimenti f'pajjiżi barranin fl-enerġija sostenibbli diġà tirrikjedi ħafna ħiliet barra minn dawk li l-ħaddiema f'dawn is-setturi diġà għandhom. Tabilħaqq, jeħtieġ li jsiru investimenti sinifikanti fil-ħiliet ambjentali biex jiġi żgurat li l-Ewropa tirrealizza l-ambizzjoni tagħha li jkollha tliet miljun ħaddiem fis-settur ambjentali sal-2020. Sal-2015, ser ikun hemm nuqqas ta' prattikanti fl-ICT ta' bejn 384 000 u 700 000 impjieg, li ser jipperikola lis-settur innifsu iżda anki lit-tixrid tal-ICT fis-setturi kollha tal-ekonomija. Barra minn hekk, iktar minn 30 % tal-Ewropej rarament jużaw l-internet jew ma użawh qatt u dan jostakola sinifikattivament l-opportunitajiet tax-xogħol tagħhom peress li ħafna mix-xogħlijiet jirrikjedu ħiliet elettroniċi[6]. Sal-2020, huwa stmat li se jkun hemm nuqqas ta' madwar miljun professjonist fis-settur tas-saħħa - u sa żewġ miljuni jekk il-professjonisti anċillari fil-kura tas-saħħa jitqiesu, jiġifieri, 15 % tal-kura meħtieġa fl-UE. Hemm bżonn ta' miljun riċerkatur addizzjonali biex jiġu rrelaizzati l-ambizzjonijiet tagħna li nistabbilixxu Unjoni tal-Innovazzjoni.
In-nuqqas ta' tlaqqigħ bejn il-ħtiġijiet tal-ħiliet u l-provvista għandu wkoll komponent ġeografiku: nuqqasijiet ta' ħiliet u ostakoli f'oqsma li jesperjenzaw tkabbir mgħaġġel jeżistu flimkien ma' oqsma li jesperjenzaw livelli għolja ta' qgħad persistenti. Madankollu, il-mobbiltà tibqa' baxxa ħafna fl-UE: fl-2009, 2,4 % biss tal-popolazzjoni tal-UE kienu ċittadini ta' Stat Membru ieħor. Il-migrazzjoni ekonomika wkoll qed tikseb importanza strateġika fit-trattament tan-nuqqas ta' ħiliet. L-għadd ta' ċittadini li mhumiex mill-UE kien ta' kważi 20 miljun, jew 4,0 % tal-popolazzjoni kollha tal-UE-27; mingħajr il-migrazzjoni net, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol ser tiċkien bi 12 % fl-2030 u bi 33 % fl-2060 meta mqabbla mal-2009. Madankollu, ħaddiema migranti li jkollhom ħafna ħiliet ħafna drabi jagħmlu xogħlijiet li ma tantx jirrikjedu ħiliet u li huma ta' kwalità baxxa, u dan jenfasizza l-ħtieġa għal maniġment aħjar tal-potenzjal u l-ħiliet ta' dawn il-ħaddiema migranti.
It-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni li tantiċipa u tlaqqa' l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet
L-impatt tal-kriżi u l-livell persistenti ta' qgħad żiedu l-bżonn li nifhmu aħjar liema setturi ser jesperjenzaw nuqqas ta' ħiliet fil-futur fl-UE. L-għerf miksub mill-2008 permezz ta' azzjonijiet differenti għandu jinġabar flimkien f'reviżjoni sistematika tal-ħtiġijiet tal-ħiliet tal-UE. L-azzjonijiet tal-Istati Membri biex jgħollu l-livelli tal-ħiliet għandhom ikunu kkumplimentati minn azzjoni mill-UE, b'enfasi kbira fuq il-mobbiltà ġeografika bħala mekkaniżmu ta' aġġustament biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet ta' qgħad reġjonali, u jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tas-suq. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tappoġġja l-ħolqien ta' kunsilli settorjali tal-ħiliet fil-livell Ewropew meta jkun hemm inizjattiva min-naħa tal-partijiet interessati bħall-imsieħba soċjali jew l-osservatorji rilevanti. Bl-istess mod, skont il-Programm ta' Stokkolma[7], u partikolarment l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali, il-Kummissjoni ser tieħu azzjoni biex tutilizza b'mod iktar effettiv il-potenzjal tal-migranti li diġà jinsabu fl-UE. Hemm ħames oqsma prinċipali ta' azzjoni:
2.1. L-iżvilupp ta' intelliġenza tas-suq tax-xogħol u sorveljanza tal-ħiliet
Ħafna mill-Istati Membri jiżviluppaw l-intelliġenza tas-suq tax-xogħol tagħhom skont il-ħtiġijiet eżistenti u futuri ta' ħiliet permezz ta' korpi bħal Osservatorji li jlaqqgħu l-atturi tas-suq tax-xogħol u dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ. Din l-analiżi tgħin fit-tiswir tal-istandards tal-kwalifiki u biex tadatta s-sistemi tat-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.
Madankollu, għad hemm ambitu wiesa' biex ikomplu jiġu żviluppati l-għodod eżistenti tas-suq tax-xogħol li jikkunsidraw il-futur fil-livelli ta' Stat Membru, reġjonali, settorjali u tal-UE, u biex ir-riżultati tagħhom jixterdu biex jiġi indirizzat aħjar in-nuqqas ta' ħiliet. Il-Kummissjoni ser tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-korpi fl-Istati Membri involuti fis-sorveljanza tal-ħiliet (l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet u l-adattament tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ), sabiex tippromwovi l-qsim tal-informazzjoni u l-użu aħjar tal-intelliġenza tas-suq tax-xogħol fil-politiki tax-xogħol, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.
2.2. Il-forniment ta' taħlita tajba ta' ħiliet
Iċ-ċittadini tal-UE irrispettivament mill-età, is-sess, l-isfond soċjoekonomiku, l-etniċità jew diżabbiltà, għandu jkollhom l-opportunità li jiksbu u jiżviluppaw it-taħlita ta' għerf, ħiliet u attitudnijiet li għandhom bżonn biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol.
Għal dan il-għan, is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għandhom jipprovdu t-taħlita t-tajba ta' ħiliet, inklużi kompetenzi prinċipali diġitali u trasversali, il-litteriżmu fil-midja, u l-komunikazzjoni b'lingwa barranija. Għandhom jiżguraw ukoll li ż-żgħażagħ li jiggradwaw mill-edukazzjoni sekondarja u terzjarja, ikollhom il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jagħmlu tranżizzjoni minnufih u b'suċċess għad-dinja tax-xogħol. Il-ġlieda kontra t-tluq kmieni mill-iskola u kisbiet edukattivi baxxi f'kompetenzi bażiċi bħal-litteriżmu, il-matematika bażika u x-xjenza, inkluż fost l-adulti, hija element essenzjali għall-inklużjoni, l-impjieg u t-tkabbir. It-taħriġ kontinwu għandu jilħaq il-valur referenzjarju ta' 15 % tal-adulti kollha li jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja[8].
Sar progress tajjeb fl-adattament tal-kurrikuli tal-iskola, fl-introduzzjoni ta' riformi skont il-Qafas Ewropew għall-Kompetenzi Prinċipali, u fl-użu tal-Europass. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jistinkaw iktar biex jirriformaw u jimplimentaw oqfsa għall-kwalifiki nazzjonali bbażati fuq ir-riżultati mit-tagħlim, kif indikat fir-Rakkomandazzjoni dwar il-Qafas tal-Kwalifiki. B'mod simili, il-proċess ta' Kopenħagen għandu jkompli jtejjeb il-faxxinu tal-edukazzjoni u t-taħriġ voakzzjonali inizjali.
Minħabba r-rwol trasversali tal-kompetenzi diġitali fl-ekonomija, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa hija katalista essenzjali li tista' tipprovdi l-kompetenzi diġitali adattati għall-ħaddiema u għal dawk li jkunu qed ifittxu xogħol, bi sforzi mmirati lejn il-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali bażiku għal dawk bl-inqas kompetenzi bħal dawk iktar avvanzati fl-età, persuni b'livelli edukattivi iktar baxxi jew impjegati mal-SMEs iżda anki lejn il-promozzjoni ta' kompetenzi speċjalizzati u avvanzati fl-ICT għal dawk li jkollhom profili speċifiċi fl-ICT bħall-prattikanti tal-ICT.
2.3. It-tlaqqigħ tal-ħiliet tan-nies u l-opportunitajiet tax-xogħol, u l-kapitalizzazzjoni fuq ix-xogħlijiet potenzjali tal-Ewropa
Filwaqt li taħlita tajba ta' ħiliet hija importanti, l-evitar ta' utilizzazzjoni baxxa tat-talenti u l-potenzjal tan-nies huwa daqstant ieħor importanti. Dan jirrikjedi kooperazzjoni aħjar bejn id-dinjiet tax-xogħol, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u iktar trasparenza fis-suq tax-xogħol, lil hinn mill-approċċi tradizzjonali li jkejlu l-ħiliet biss permezz ta' kwalifiki formali.
It-tranżizzjoni lejn approċċi bbażati fuq il-kompetenzi u l-ħiliet, diġà qed twassal għal bidla sinifikanti fis-sistemi tal-edukazzjoni, fis-swieq tax-xogħol, u l-interazzjoni tagħhom. Dan kollu mbagħad għandu implikazzjonijiet importanti għax-xogħol tas-servizzi tal-impjieg fil-qasam tal-valutazzjoni tal-ħiliet, tal-proċessi ta' kumpilazzjoni ta' profili, tat-twassil tat-taħriġ, tal-kooperazzjoni ma' dawk li jipprovdu t-taħriġ, tal-gwida fil-karrieri u tal-konsulenza għall-klijenti (inkluż impjegaturi). Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tax-xogħol u ċ-ċentri ta' gwida fil-qasam edukattiv għandha tissaħħaħ, biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jagħtu pariri rilevanti direttament għas-suq tax-xogħol.
Il-konsulenza, l-inċentivi u l-għajnuna lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, huma essenzjali wkoll biex dawn jingħataw għajnuna biex jiżviluppaw u jutilizzaw bl-aħajr mod il-kompetenzi fuq il-post tax-xogħol. L-impjegaturi għandhom jitħeġġu biex jinvestu b'mod konġunt u jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, partikolarment fl-edukazzjoni għolja u dik vokazzjonali u fit-taħriġ; dawn is-sħubijiet jistgħu jiżviluppaw u jaġġornaw il-profili tal-ħiliet, il-kurrikuli multidixxiplinari u l-kwalifiki, u jiffaċilitaw id-disponibbiltà ta' tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, minn apprendistati għal dottorati (PhDs) industrijali. Dawn is-sħubijiet strutturati jistgħu joffru mezzi effiċjenti u sistemiċi ta' żvilupp ta' din l-interazzjoni.
Sabiex ma jkunx hemm nuqqas ta' ħiliet għax-xogħlijiet fil-futur u biex is-sistemi edukattivi tagħna jkunu kapaċi jadattaw iktar għall-bżonnijiet futuri tal-ekonomija tagħna (pereżempju, ekonomija favur l-ambjent), jeħtieġ li jiġu promossi speċjalizzazzjonijiet akkademiċi ġodda biex tintlaħaq kwantità kritika li tagħti spinta lill-kompetittività tal-Ewropa.
2.4. It-titjib tal-mobbiltà ġeografika madwar l-UE
Ħafna fatturi li mhumiex regolatorji jaffettwaw il-mobbiltà interreġjonali u transnazzjonali: l-akkomodazzjoni, il-lingwa, l-opportunitajiet ta' xogħol għall-konjuġi, il-mekkaniżmi ta' ritorn, "ostakoli" storiċi u r-rikonoxximent ta' esperjenza ta' mobbiltà, partikolarment fl-SMEs. L-isforzi reċenti biex tittejjeb il-mobbiltà ġeografika ffukaw fuq it-tneħħija ta' ostakoli legali u amministrattivi (pereżempju fil-qasam tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-portabbiltà tad-drittijiet supplimentari tal-pensjoni). Hemm bżonn li llum il-ġurnata iċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar dwar dawn il-bidliet biex jilqgħu b'kunfidenza ċaqliq transkonfinali fil-karriera; għandha ssir iktar enfasi fuq iż-żieda fit-trasparenza tal-postijiet vakanti tax-xogħol madwar l-UE. Fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali l-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-Istati Membri se teżamina wkoll is-sitwazzjoni ta' kategoriji professjonali b'livelli għolja ta' mobbiltà, partikolarment ir-riċerkaturi involuti f'attività ta' riċerka rimunerata, biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà ġeografika u intersettorjali tagħhom sabiex sal-2014 titlesta ż-Żona Ewropea ta' Riċerka.
Għad hemm każijiet fejn xi professjonisti jkollhom jgħaddu minn proċeduri twal u li jieħdu l-ħin qabel ma l-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti. Bħalissa, il-Kummissjoni qed twettaq valutazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, biex tidentifika soluzzjonijiet possibbli bħal pereżempju karta professjonali u tissimplifika s-sitwazzjoni eżistenti.
2.5. L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-migrazzjoni
Biex jiġi mmassimizzat il-kontribut potenzjali tal-migrazzjoni għal livell massimu ta' impjiegi, il-migranti li diġà jgħixu legalment fl-UE għandhom jiġu integrati aħjar, partikolarment permezz tat-tneħħija tal-ostakoli għall-impjieg, bħad-diskriminazzjoni jew in-nuqqas ta' rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, li jpoġġu lill-migranti f'riskju ta' qgħad u ta' esklużjoni soċjali. Għandha tiġi indirizzata wkoll il-prestazzjoni iktar baxxa ta' ċittadini minn pajjiżi terzi meta mqabbla mal-popolazzjoni indiġena fis-sistemi edukattivi tal-Istati Membri.
Monitoraġġ u antiċipazzjoni aħjar tal-bżonnijiet fir-rigward tal-ħiliet, kif ukoll titjib fir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, anki dawk li jinkisbu barra mill-UE, jistgħu jnaqqsu sostanzjalment "il-ħela tal-kapaċitajiet" ta' migranti b'livelli edukattivi għolja li jkollhom xogħlijiet li jirrikjedu ftit ħiliet u li jkunu ta' kwalità baxxa. Filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipju ta' preferenza Komunitarja u d-dritt li l-Istati Membri jiddeterminaw il-volumi ta' ammissjonijiet ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi, l-elenku tal-profili tal-ħiliet ta' ċittadini minn pajjiżi terzi li diġà jgħixu fl-UE, ser ikun strumentali fid-determinazzjoni ta' kif il-qafas legali li qed jitwessa' tal-UE u skemi nazzjonali ta' ammissjoni għall-ħaddiema migranti jista' jgħin fit-tnaqqis fin-nuqqas ta' ħiliet. Politika tal-ammissjoni li hija flessibbli u mmotivata mid-domanda tista' tagħti kontribut importanti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet futuri tax-xogħol. It-tlaqqigħ tal-ħiliet jista' jittejjeb ukoll permezz ta' kooperazzjoni mtejba ma' pajjiżi terzi fl-oqsma tar-rikonoxximent tal-ħiliet, tal-qsim tal-informazzjoni dwar il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, u permezz ta' ħidma ma' persuni li jirreklutaw u aġenziji tax-xogħol.
It-titjib u t-tlaqqigħ tal-ħiliet – Azzjonijiet Ewlenin 4 sa 8:
Il-Kummissjoni ser:
- 4. Tibda tipproduċi Panorama ta' ħiliet tal-UE mill-2012, biex ittejjeb it-trasparenza għal dawk li jkunu qed ifittxu xogħol, għall-ħaddiema, għall-kumpaniji u/jew għall-istituzzjonijiet pubbliċi. Il-Panorama ser tkun disponibbli fuq l-internet u ser tinkludi previżjonijiet aġġornati tal-provvista tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol sal-2020. Ser tipprovdi: i) informazzjoni aġġornata dwar l-iktar 25 xogħol li esperjenzaw tkabbir fl-UE, u dwar l-iktar ħames xogħlijiet li hemm domanda għalihom f'kull Stat Membru; ii) analiżi tal-bżonnijiet fir-rigward tal-ħiliet skont il-Monitoraġġ tal-Postijiet Vakanti fl-Ewropa; iii) analiżi ta' nuqqas ta' tlaqqigħ bejn il-ħiliet u l-użu tal-ħiliet fuq il-post tax-xogħol, permezz ta' stħarriġ li fih jipparteċipaw l-impjegaturi, studenti u persuni gradwati; iv) analiżi ta' antiċipazzjoni fil-livell settorjali, ibbażata fuq il-ħidma tal-Kunsilli Settorjali Ewropej dwar il-Ħiliet u x-Xogħol; u v) il-projezzjonijiet tas-CEDEFOP[9] u tal-Istati Membri. Fejn ikun rilevanti l-Panorama se tirraporta dwar il-ħtiġijiet tal-ħiliet f'oqsma ta' importanza partikolari bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika.
- 5. Tlesti, sal-2012, il-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u x-Xogħlijiet (ESCO) bil-lingwi Ewropej kollha, bħala punt komuni bejn id-dinjiet tax-xogħol, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.
- 6. Tikkunsidra, fl-2012, il-possibbiltà li tippreżenta proposti biex jgħinu fir-riforma tas-sistemi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, abbażi tal-valutazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali.
- 7. Tniedi, fl-2011, Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni Ġdida għal ċittadini minn pajjiżi terzi, biex tipprovdi strutturi u għodod imtejbin biex jiffaċilitaw l-iskambju tal-għerf, u l-viżibbiltà tal-prijoritajiet ta' integrazzjoni tal-Istati Membri fl-oqsma politiċi rilevanti kollha.
- 8. Tikkunsidra, fl-2012, il-possibbiltà li tippreżenta proposti biex jgħinu fit-titjib tal-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti fl-UE fir-rigward tal-prinċipju tal-moviment ħieles tal-ħaddiema.
Miżuri ta' akkumpanjament u dawk preparatorji:
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, ser tagħmel ukoll dan li ġej:
- Sal-2011, tipproponi valur ta' referenza ġdid fir-rigward ta' edukazzjoni għall-impjegabbiltà biex tistimula punt fokali ġdid fuq it-tħejjija taż-żgħażagħ għat-tranżizzjoni lejn is-suq tax-xogħol, tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tnaqqis ta' persuni li ma jispiċċawx l-edukazzjoni tagħhom, u twaqqaf Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar it-titjib tal-litteriżmu fost iż-żgħażagħ u l-adulti.
- Sal-aħħar tal-2010, ser tniedi kampanja ta' għarfien dwar kif iċ-ċittadini jistgħu jibbenefikaw minn regoli ta' koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-UE biex jiċċaqilqu fl-Ewropa, mingħajr ma jitilfu d-drittijiet tagħhom.
- Fil-qafas tar- Reviżjoni tal-Prestazzjoni tal-SMEs, ser tivvaluta l-bżonnijiet futuri għal ħiliet fil-mikrointrapriżi u dawk tas-snajja' għal kampjun rappreżentattiv ta' Stati Membri tal-UE, biex il-bżonnijiet ta' dawn l-intrapriżi jkunu iktar prevalenti f'inizjattivi politiċi eżistenti tal-UE.
- Mill-2011, ser tibda tappoġġja kompetenzi għal żvilupp sostenibbli, u ser tippromwovi l-iżvilupp tal-ħiliet, f'setturi koperti mill- Pjan Direzzjonali lejn Ewropa li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti u mill-Pjan ta' Azzjoni Ekoinnovattiv il-ġdid .
- Mill-2011, ser tibda tappoġġja "alleanzi ta' għerf", jiġifieri proġetti li jqarrbu lejn xulxin in-negozju u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni/tat-taħriġ biex jiżviluppaw kurrikuli ġodda li jindirizzaw in-nuqqas ta' ħiliet innovattivi u t-tlaqqigħ tal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. Id-Dottorati industrijali tal-UE fil-qafas tal-azzjonijiet tal-programm Marie Curie u tal-esperjenzi ta' xogħol ma' kumpaniji bħala parti mill-programm Erasmus, ser jiġu żviluppati wkoll.
- Fl-2011, ser tipproponi Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-validazzjoni ta' kompetenzi miksuba b'modi differenti mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali, inkluż b'mod partikolari Passaport Ewropew tal-Ħiliet biex l-individwi jingħataw għajnuna jirreġistraw u jippreżentaw il-ħiliet li jkunu kisbu tul il-ħajja.
- Fl-2011, ser tippreżenta analiżi tal-kontribut tal-politiki tal-migrazzjoni għas-suq tax-xogħol u għat-tlaqqigħ tal-ħiliet, skont il-programm ta' Stokkolma. Ser jiġi stabbilit netwerk ta' politiki għat-titjib tal-edukazzjoni tal-migranti biex tiġi indirizzata l-qabża fil-kisba edukattiva li teżisti bejn l-istudenti migranti u l-popolazzjoni indiġena fl-iskejjel.
- Sal-2012, ser tirriforma s-Servizz Ewropew tax-Xogħol, il-EURES, u l-bażi legali tiegħu, biex tiżviluppa l-kapaċità tiegħu ta' tlaqqigħ u ta' assenjazzjoni f'xogħol biex dan ikun ta' għajnuna għall-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u biex tespandih biex tappoġġja l-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek.
- Sal-2012, ser tipproponi approċċ mifrux mal-UE kollha u strumenti bħala appoġġ għall-Istati Membri fl- integrazzjoni tal- kompetenzi tal-ICT u l-litteriżmu diġitali (ħiliet elettroniċi) f'politiki prinċipali għat-tagħlim tul il-ħajja .
- Sal-2012, ser tippreżenta Komunikazzjoni dwar il-politika Ewropea għall-multilingwiżmu, fejn tipproponi prijoritajiet fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u valur ta' referenza Ewropew għal-lingwi, ibbażat fuq ir-riżultati tal-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kompetenza fil-Lingwa biex b'hekk tilħaq il-mira ta' Barċellona tal-"ilsien nattiv +2".
- Sal-2012, ser tiżviluppa f'kooperazzjoni mal-Istati Membri pjan ta' azzjoni biex tindirizza n-nuqqas fid-disponibbiltà ta' ħaddiema fil-qasam tas-saħħa . Il-pjan ta' azzjoni ser ikun akkumpanjat minn Azzjoni Konġunta skont il-Programm tas-Saħħa dwar il-previżjoni tal-bżonnijiet tal-forza tax-xogħol u l-ippjanar tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa.
- Sal-2012, ser tidentifika u tippromwovi ċentri Ewropej ta' eċċellenza fi ħdan speċjalizzazzjonijiet akkademiċi ġodda għall-impjiegi ta' għada. Il-Kummissjoni ser tanalizza l-aħjar mod ta' appoġġ għall-mobbiltà tal-istudenti (Ewropej u internazzjonali) lejn dawn iċ-ċentri ta' eċċellenza.
3. IT-TITJIB TAL-KWALITÀ TAX-XOGħOL U TAL-KONDIZZJONIJIET TAX-XOGħOL
Riżultati mħallta dwar il-kwalità tal-impjiegi madwar l-UE tul l-aħħar deċennju
Il-kwalità għolja tax-xogħol timxi id f'id ma' parteċipazzjoni għolja fix-xogħol. Dan għaliex l-ambjent tax-xogħol għandu rwol kruċjali fit-titjib tal-potenzjal tal-forza tax-xogħol u huwa fattur prinċipali fil-kompetittività. Sabiex ikunu innovattivi u jagħtu riżultati minnufih u b'mod effiċjenti, l-eżistenza u t-tkabbir tal-kumpaniji tal-UE jiddependu fuq forza tax-xogħol impenjata, li taħdem u tirnexxi f'ambjent tax-xogħol ta' kwalità għolja, b'kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u sani.
Tul l-aħħar deċennju, kien hemm aħbarijiet kemm tajbin u kemm ħżiena dwar il-kwalità tax-xogħol madwar l-Ewropa. B'mod ġenerali s-sodisfazzjon bix-xogħol żdied; l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol, inklużi inċidenti fatali, naqsu għalkemm għal tal-inqas minoranza ta' persuni, ix-xogħol sar iktar intens u stressanti. Min-naħa l-oħra, il-persentaġġ ta' ħaddiema f'xogħol temporanju involontarju u f'xogħol part-time żdied minn 53,7 % u 18 % rispettivament fl-2001, għal 60,3 % u 25,6 % fl-2009. Kien hemm it-tendenza li l-pagi jikbru inqas mill-produttività f'ħafna mill-Istati Membri, u l-faqar fost dawk li jaħdmu huwa persistenti: in-numru ta' persuni li għandhom xogħol u li qed jgħixu f'livell iktar baxx mill-valur ta' limitu għall-faqar baqa' stabbli b'persentaġġ ta' madwar 8 % mill-2005. F'ħafna pajjiżi, ix-xogħol mhux iddikjarat jibqa' jħalli partijiet importanti tal-forza tax-xogħol bla protezzjoni u vulnerabbli.
Minħabba l-kriżi, iktar xogħlijiet ġew esposti għal pressjonijiet mill-kompetizzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jiggravaw. F'ħafna każijiet, forom ġodda ta' xogħol u numru ikbar ta' tranżizzjonijiet bejn ix-xogħlijiet ma kinux akkumpanjati minn kondizzjonijiet tax-xogħol adegwati, u b'hekk żdiedu l-istress psikoloġiku u l-kundizzjonijiet psikosoċjali. Dan għandu impatti soċjali u ekonomiċi u jista' jdgħajjef il-kapaċità tal-Ewropa li tikkompeti: ambjenti tax-xogħol li mhumiex sikuri u sani jagħtu lok għal iktar talbiet għal benefiċċji tad-diżabbiltà u waqfien iktar kmieni mill-ħajja attiva.
Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-promozzjoni ta' strumenti nonvinkolanti
It-titjib tal-kwalità tax-xogħlijiet ser jeħtieġ tweġiba politika integrata fil-livell tal-UE kif ukoll azzjoni mill-Istati Membri. L-Unjoni għandha acquis leġiżlattiv sod biex jikkumplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri fit-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, fl-iżgurar ta' standards minimi madwar l-UE dwar il-kondizzjoni tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-informazzjoni, il-konsultazzjoni, id-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema, l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni, bażi soda għal kompetizzjoni iktar ġusta, livelli għolja ta' produttività, u għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità. L- acquis , madankollu, għandu jiġi adattat: biex tiġi ċċarata l-implimentazzjoni jew l-interpretazzjoni tar-regoli, u dawn isiru iktar faċli biex jiġu interpretati u applikati miċ-ċittadini u n-negozji; biex tiġi affaċċjata l-emerġenza ta' riskji ġodda għas-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol; u titneħħa l-burokrazija. B'mod iktar ġenerali, l- acquis leġiżlattiv għandu jimxi id f'id ma' modi u teknoloġiji tax-xogħol ġodda, biex b'hekk ikun qed jgħin u mhux ixekkel l-adattament tal-post tax-xogħol.
Il-leġiżlazzjoni f'livell tal-UE mhux dejjem tkun biżżejjed. Strumenti nonvinkolanti bħal analiżi komparattiva, koordinazzjoni tal-politika, skambju tal-prattiki tajba, twaqqif ta' valuri ta' limitu, implimentazzjoni ta' gwidi, oqfsa ta' azzjoni, kodiċi ta' kondotta u rakkomandazzjonijiet jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti fit-tiswir tal-kunsens u l-ħolqien tal-inċentivi adattati għal azzjoni fil-livell nazzjonali jew ta' kumpanija. Għandhom għalhekk jiġu implimentati inizjattivi oħra, biex jiffurmaw bażi għal qafas legali iktar intelliġenti, jikkonsolidaw approċċ strateġiku fit-tul biex jitjieb il-mod kif l-awtoritajiet nazzjonali u l-imsieħba soċjali jimplimentaw il-leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali, u biex jiġu riveduti l-kunċett u l-indikaturi tal-kwalità tax-xogħol.
3.1. Qafas legali tal-UE iktar intelliġenti għall-impjiegi u s-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol
Il-Kummissjoni ser twettaq valutazzjoni mifruxa, li ssir pass b'pass tal-‘ acquis ’ leġiżlattiv eżistenti. Ix-xogħol diġà beda bil-valutazzjoni ta' żewġ biċċiet leġiżlazzjoni sinifikanti — dwar il-ħinijiet tax-xogħol u l-assenjazzjoni tal-ħaddiema; dan se jitwessa' għal elementi oħra relatati max-xogħol u s-saħħa u s-sigurtà. Din il-valutazzjoni komprensiva mhix se xxekkel it-tħejjija ta' proposti leġiżlattivi ġodda, jekk jinħass bżonn ċar għal azzjoni immedjata, u jekk dispożizzjonijiet ġodda jkunu ġġustifikati minn valutazzjoni kompleta tal-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom.
Barra minn hekk, hemm bżonn ta' valutazzjoni bir-reqqa ta' għadd ta' dispożizzjonijiet legali li jista' jidher li huma ineffettivi jew diffiċli biex jiġu infurzati, bħar-regoli li japplikaw għall-protezzjoni tal-benefiċjari ta' pensjonijiet tax-xogħol supplimentari fil-każ li l-impjegatur ifalli. Il-Kummissjoni se tipproponi li tinkludi, wara valutazzjoni xierqa, lill-baħħara u lis-sajjieda fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-impjiegi. Fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-prijoritajiet se jinkludu r-reviżjoni tad-direttivi li jirrigwardaw il-protezzjoni ta' ħaddiema esposti għal kampijiet elettromanjetiċi, għall-karċinoġeni u l-mutaġeni, u għall-prevenzjoni ta' kondizzjonijiet muskoskeletali. Ir-riskji minħabba l-esponiment għal dħaħen ambjentali tat-tabakk se jirrikjedu attenzjoni speċjali. Barra minn hekk r-riskji assoċjati man-nanomaterjali u l-kawżi tal-okkorrenza li qed tiżdied ta' mard mentali fuq il-post tax-xogħol se jiġu investigati.
3.2. Approċċ strateġiku bbażat fuq strumenti nonvinkolanti
Il-Kummissjoni jista' jkollha rwol u timmobilizza r-riżorsi mill-Istati Membri, l-imsieħba soċjali u l-aġenziji tal-UE. Permezz tad-djalogu soċjali Ewropew, l-imsieħba soċjali settorjali u dawk ta' bejn l-industriji wkoll żviluppaw korp importanti ta' strumenti nonvinkolanti, inklużi ftehimiet awtonomi; dawn jikkontribwixxu għat-titjib tal-istandards tax-xogħol u għandhom impatt dirett u konkret fuq il-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' miljuni ta' ħaddiema fl-UE. Filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja u tiffaċilita din l-attività u, fejn ikun iġġustifikat, tivvaluta l-impatt ta' tali ftehimiet.
Il-lezzjonijiet miksuba mill-Istrateġija tal-UE dwar is-Saħħa u s-Siġurtà fuq il-Post tax-Xogħol ta' bejn l-2007 u l-2012 għandhom jippreżentaw opportunità biex jiġi mniedi dibattitu dwar it-tiġdid ta' dik l-Istrateġija, kif ukoll l-estensjoni possibbli tagħha għal oqsma politiċi oħra.
Ix-xogħol mhux iddikjarat, inkluża l-klassifikazzjoni skorreta minn impjegaturi tal-impjegati bħala kuntratturi indipendenti, qed ikompli jiżdied u kull ma jmur qed jikseb dimensjoni transkonfinali iktar b'saħħitha: jeħtieġ li jsiru iktar sforzi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE bejn l-ispettorati tax-xogħol u korpi oħra li x-xogħol tagħhom hu li jikkontrollaw l-applikazzjoni tal-liġi dwar ix-xogħol.
Jinħtieġu wkoll sforzi biex jiġu riveduti d-definizzjoni u l-indiktauri komuni tal-UE tal-kwalità tax-xogħol, u biex dawn isiru iktar operattivi għall-valutazzjoni u t-twaqqif ta' valuri ta' referenza għall-politiki tal-Istati Membri f'dan il-qasam. B'mod partikolari, l-approċċ lejn il-kwalità tal-impjiegi għandu jiġi eżaminat mill-ġdid fid-dawl tal-iżviluppi politiċi reċenti bħall-flessigurtà u 'tranżizzjonijiet li jagħtu riżultati', u l-iżvilupp ta' modi ġodda ta' xogħol.
Il-kwalità tax-xogħol u l-kondizzjonijiet tax-xogħol – Azzjonijiet Ewlenin 9 sa 12:
Il-Kummissjoni se:
- 9. Tirrevedi, fl-2011, id-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol, u tippreżenta proposta leġiżlattiva li tkun immirata lejn it-titjib tal-implimentazzjoni tad-direttiva dwar l-assenjazzjoni tal-ħaddiema . Fejn ikun xieraq, il-Kummissjoni ser tniedi azzjoni biex temenda, tiċċara, jew tissimplifika l-leġiżlazzjoni eżistenti relatata max-xogħol, jekk din tkun iġġustifikata permezz ta' stima tal-impatt, u wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali tal-UE.
- 10. Twettaq, fl-2011, il-valutazzjoni finali tal-Istrateġija tal-UE ta' bejn l-2007 u l-2012 dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, u abbażi tagħha, fl-2012, tipproponi Strateġija ta' segwitu għall-perjodu ta' bejn l-2013 u l-2020 .
- 11. Tirrevedi, fl-2012, l-effettività tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema, kif ukoll id-direttivi tal-UE dwar ix-xogħol part-time u l-kuntratti għal żmien fiss u l-impatt tagħhom fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u fuq il-pagi ndaqs; ħidma mal-imsieħba soċjali u r-rispett lejn l-awtonomija tad-djalogu soċjali.
- 12. Twettaq, sal-2014, reviżjoni komprensiva tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fi sħubija mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali Ewropej, fil-qafas tal-Kumitat ta' Konsulenza dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
Miżuri ta' akkumpanjament u dawk preparatorji:
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, ser tagħmel ukoll dan li ġej:
- Ser teżamina, fl-2011, il-fattibbiltà ta' inizjattiva għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-ispettorati tax-xogħol u korpi oħra ta' infurzar, bil-għan li jiġi prevenut u kkontrollat ix-xogħol mhux iddikjarat.
- Ser tirrevedi u tagħmel iktar effiċjenti, fl-2011, il-kunċett politiku tal-kwalità tax-xogħol, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali.
- Ser teżamina, fl-2012, l-impatt tad-direttivi rilevanti għax-xogħol u li ma jikkawżawx diskriminazzjoni, jiġifieri 2000/78/KE[10] u 2000/43/KE[11].
4. APPOġġ GħALL-ħOLQIEN TAL-IMPJIEGI
Il-kriżi ekonomika kellha impatt drammatiku fuq il-ħolqien tal-impjiegi, iżda xi ostakoli għad-domanda tax-xogħol huma strutturali
Mhuwiex biżżejjed li wieħed jiżgura li n-nies jibqgħu attivi u jiksbu l-ħiliet adattati biex isibu xogħol: l-irkupru għandu jkun ibbażat fuq il-ħolqien tal-impjiegi, li l-ewwel u qabel kollox jiddependi mit-tkabbir ekonomiku. U tabilħaqq, mill-2008 'l hawn it-tnaqqis ekonomiku kellu impatt kbir fuq il-ħolqien tal-impjiegi: wassal biex reġġa' lura ħafna mill-progress stabbli fit-tkabbir fl-impjiegi fl-UE u t-tnaqqis fil-qgħad esperjenzati tul id-deċennju preċedenti. It-tkabbir ekonomiku fl-UE reġa' beda jirpilja fit-tieni nofs tal-2009, wara ħames perjodi ta' erba' xhur ta' tnaqqis konsekuttiv; is-swieq tax-xogħol tal-UE bdew juru sinjali ta' stabbilizzazzjoni, u kien hemm żieda fir-rati tal-postijiet vakanti fix-xhur reċenti.
Filwaqt li dawn l-iżviluppi pożittivi għandhom jiġu nnutati, mhux il-bidliet kollha esperjenzati tul l-aħħar sentejn kienu r-riżultat tal-klima ekonomika: il-ħolqien tal-impjiegi jiddependi wkoll mill-politiki tas-suq tax-xogħol implimentati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. L-istimulazzjoni tat-tkabbir jista' ma jkunx biżżejjed biex jinħolqu iktar impjiegi u impjiegi aħjar: l-ambjent tan-negozju jeħtieġ li jkun wieħed li jinkoraġġixxi t-tkabbir fl-impjiegi.
Il-politiki mfassla biex jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi għandhom iqisu l-kontribut importanti tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għal proporzjon kbir tal-attività ekonomika u professjonali tal-Ewropa. Iktar minn 99 % tan-negozji fl-UE huma SMEs, li jipprovdu żewġ terzi tal-impjiegi kollha fis-settur privat, fatt li jenfasizza l-importanza li tingħata l-attenzjoni xierqa għall-ħtiġijiet tal-SMEs fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni rilevanti għall-impjiegi. Madankollu ftit wisq mill-SMEs innovattivi tagħna jespandu f'kumpaniji ikbar li jħaddmu numru ikbar ta' nies; hemm ukoll inqas ditti li għadhom jibdew, li huma innovattivi u li jiffukaw fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fl-UE milli fl-Istati Uniti. Nuqqasijiet importanti fl-innovazzjoni u l-ħiliet elettroniċi jwaqqfu lill-SMEs milli jadottaw mudelli tan-negojzu innovattivi u intelliġenti u teknoloġiji ġodda. Dawk b'impjieg indipendenti jammontaw għal 15 % tal-forza tax-xogħol tal-UE, u anke f'perjodi ta' prosperità ekonomika l-għadd tagħhom ma żdiedx sostanzjalment: il-proporzjon ta' ħaddiema indipendenti mill-forza tax-xogħol totali tal-UE waqa' b'punt perċentwali bejn l-2000 u l-2008.
Nagħtu imbuttatura lill-ħolqien tal-impjiegi biex niżguraw li dawk kollha li jixtiequ jaħdmu jsibu xogħol
It-tkabbir ekonomiku jibqa' l-għodda prinċipali għall-ħolqien tal-impjiegi. L-Inizjattivi Prinċipali ta' Ewropa 2020 ‘Unjoni tal-Innovazzjoni’[12] u 'Politika tal-Industrija għall-Era tal-Globalizzazzjoni'[13] jistabbilixxu pakkett importanti ta' azzjonijiet għal approċċ strateġiku ġdid lejn l-innovazzjoni u bażi industrijali kompetittiva; dawn għandhom jikkontribwixxu għal żieda fit-tkabbir ekonomiku, filwaqt li jsejsuh fuq l-għerf u attivitajiet b'valur miżjud għoli u jgħinu biex jiġu identifikati l-opportunitajiet ta' investiment u ta' ħolqien tal-impjiegi. L-"Att dwar is-Suq Uniku"[14] jipproponi wkoll pakkett ta' proposti biex jiġi esplojtat il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku u jittejbu t-tkabbir u l-impjiegi. Bl-istess mod, l-Inizjattiva Prinċipali “Żgħażagħ Mobbli”[15] diġà tat idea ta' qafas speċifiku għall-impjiegi fost iż-żgħażagħ.
Barra minn dawn l-inizjattivi, madankollu, għandu jkun hemm il-kondizzjonijiet tajba biex jinħolqu iktar impjiegi, partikolarment fiż-żewġ truf tal-ispettru tal-ħiliet. Filwaqt li tagħraf li l-UE baqagħlha fejn timxi 'l quddiem sostanzjalment fil-mod kif tapplika l-innovazzjoni fis-sistemi ta' produzzjoni, il-Kummissjoni ser tipproponi modi kif tiffaċilita l-ħolqien tal-impjiegi f'kumpaniji li jaħdmu b'ħiliet avvanzati u mudelli tan-negozju ffukati fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Ser tikkunsidra wkoll inċentivi għall-impjegaturi, biex dawn jirreklutaw lil persuni li ilhom qiegħda u ħaddiema oħra li qed jitbiegħdu mis-suq tax-xogħol. Biex tikkumplimenta l-isforzi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ser tiffoka b'mod speċjali wkoll fuq l-intraprenditorija u l-impjieg indipendenti bħala mezzi essenzjali għaż-żieda fir-rati tax-xogħol. L-inizjattivi kollha se jirrispettaw il-prinċipju "aħseb l-ewwel fiż-żgħir" biex jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs.
4.1. It-tisħiħ tal-kundizzjonijiet ta' qafas għall-ħolqien tal-impjiegi
L-istimi tal-Kummissjoni jindikaw li tnaqqis ta' 25 % tal-piż amministrattiv jista', tul iż-żmien, jirriżulta f'żieda fil-PGD ta' 1,4 %. Sabiex it-tkabbir ekonomiku jiġi kkumbinat mal-ħolqien tal-impjiegi, l-ostakoli amministrattivi biex wieħed jiftaħ negozju u jħaddem in-nies għandhom jitneħħew. Dan huwa partikolarment importanti għal kumpaniji li joperaw f'setturi li qed jesperjenzaw tibdil mgħaġġel u b'mudelli ffukati fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, fejn id-domanda għal għadd ta' ħiliet tista' tkun sinifikanti. Tabilħaqq, il-kisba tal-mira li jintefaq 3 % tal-PGD tal-UE fuq ir-riċerka u l-iżvilupp sal-2020 ser tistimola l-ħolqien ta' 3,7 miljun impjieg sal-2020[16]. F'dan ir-rigward, għandhom isiru iktar investimenti biex l-għadd ta' gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) jiżdied biex b'hekk jinħolqu l-kundizzjonijiet adattati biex jiġu implimentati teknoloġiji prinċipali permettenti, essenzjali għall-istrateġiji tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-innovazzjoni tal-industrija u s-servizzi.
L-istimolazzjoni tar-reklutaġġ permezz ta' tnaqqis tal-ispejjeż mhux relatati mal-pagi (pereżempju, permezz ta' tranżizzjoni mit-taxxi tax-xogħol għall-konsum tal-enerġija jew it-tniġġis) hija ta' importanza kruċjali fi żminijiet fejn hawn livelli għolja ta' qgħad, peress li l-ispiża biex jinżammu s-sistemi tal-assigurazzjoni tal-qgħad probabbilment ser jegħlbu it-tnaqqis tad-dħul għas-sistema tas-sigurtà soċjali. Dan huwa partikolarment importanti għal dawk li jesperjenzaw diffikultajiet partikolari biex isibu xogħol ġdid wara reċessjoni, bħal dawk li għandhom biss ftit ħiliet jew dawk li ilhom qiegħda. L-inċentivi biex ikun hemm tranżizzjoni fl-impjiegi mill-ekonomija informali għal dik regolari huma essenzjali wkoll; eżempju tajjeb li jispjega dan huwa l-iżvilupp ta' xogħol regolari f'attivitajiet domestiċi, ta' għajnuna soċjali u attivitajiet oħra mhux bi profitt, li joffru daħla importanti għas-suq tax-xogħol għal dawk li għalihom huwa partikolarment inaċċessibbli.
4.2. Il-promozzjoni tal-intraprenditorija, l-impjieg indipendenti u l-innovazzjoni
L-intrapriżi, il-kooperattivi, is-soċjetajiet ta' għajnuna reċiproka kif ukoll il-mikrointrapriżi tal-ekonomija soċjali, jistgħu joffru sors ta' soluzzjonijiet innovattivi biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet soċjali fi proċess parteċipattiv, li jipprovdi opportunitajiet speċifiċi ta' xogħol għal dawk li l-iktar li jsibuha diffiċli biex jiksbu aċċess għas-suq tax-xogħol. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-Att dwar is-Suq Uniku ”[17] diġà ħabbret għadd ta' inizjattivi u azzjonijiet li huma mmirati lejn l-iżvilupp tas-settur tal-ekonomija soċjali u n-negozji soċjali, bħall-Inizjattiva tan-Negozji Soċjali jew il-konsultazzjoni pubblika dwar l-implimentazzjoni tar-regolament dwar l-Istatut Kooperattiv Ewropew. L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) ser irawwem il-ħolqien tan-negozji u l-iżvilupp permezz ta' riċerka mmotivata mill-innovazzjoni, partikolarment permezz ta' enfasi qawwija fuq l-intraprenditorija.
L-intraprenditorija għandha ssir mezz iktar mifrux ta' ħolqien ta' impjiegi, kif ukoll ta' ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. L-enfasi għandha ssir fuq it-taħriġ biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-edukazzjoni jipprovdu l-bażi għall-istimolazzjoni tal-viżibbiltà ta' intraprendituri ġodda, u li dawk li jixtiequ jibdew u jmexxu SME jiksbu l-ħiliet adattati biex jagħmlu dan. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw l-intraprenditorija fil-kurrikuli fl-iskejjel biex jiġbru kwantità kritika ta' għalliema tal-intraprenditorjat, u biex jippromwovu l-universitajiet transkonfinali u kollaborazjonijiet bejn ċentri ta' riċerka fil-qasam tal-innovazzjoni u l-intraprenditorjat.
L-appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi – Azzjoni Ewlenija 13 :
13. Fl-2011, il-Kummissjoni ser tipproponi prinċipji ta' gwida biex tippromwovi kondizzjonijiet li jippermettu l-ħolqien tal-impjiegi. Dawn ser jinkludu modi biex: i) jiġu indirizzati l-ostakoli amministrattivi u legali għat-tfittxija u t-tkeċċija tal-ħaddiema, għall-ħolqien ta' negozji ġodda u għall-impjieg indipendenti; ii) biex jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol li mhux relatati mal-pagi; iii) ikun hemm tranżizzjoni minn xogħol informali jew mhux iddikjarat għal xogħol regolari.
Miżuri ta' akkumpanjament u dawk preparatorji:
Il-Kummissjoni, permezz tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, se:
- Tniedi proposta, sal-aħħar tal-2010, biex testendi u tittrasforma l-Azzjoni Preparatorja Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ (EYE) għal programm permanenti .
- Tappoġġja programmi speċifiċi ta' taħriġ għall-għalliema kif ukoll l-iskambju tal-aqwa prattika biex jiġi żviluppat it-taħriġ tal-għalliema fl-intraprenditorjat, u jitnieda ktejjeb politiku dwar l-edukazzjoni fl-intraprenditorjat biex jittejbu t-tixrid, l-impatt u l-kwalità tal-edukazzjoni fl-intraptrenditorjat fl-Ewropa.
***
SERVIZZI FINANZJARJI TAL-UE BIEX JIPPROMWOVU L-ĦILIET ĠODDA U -IMPJIEGI
FID-DAWL TAR-RESTRIZZJONIJIET FISKALI EżISTENTI FUQ IL-BAġITS NAZZJONALI, L-ISTATI MEMBRI U L-KUMMISSJONI JEħTIEġ LI JIFFUKAW FUQ L-UTILIZZAZZJONI AħJAR TAL-FONDI TAL-UE. IL-POLITIKA TA' KOEżJONI DIġÀ TIKKONTRIBWIXXI GħALL-IżVILUPP TA' ħILIET ġODDA U GħALL-ħOLQIEN TAL-IMPJIEGI, INKLUż FIL-QASAM LI QED JESPANDI TAL-EKONOMIJA AMBJENTALI. JISTA' JSIR IKTAR BIEX JIġI SFRUTTAT GħALKOLLOX IL-POTENZJAL TAL-ISTRUMENTI FINANZJARJI U R-REGOLAMENTI TAL-UE LI JAPPOġġJAW IR-RIFORMI FL-OQSMA TAL-IMPJIEG, L-EDUKAZZJONI U T-TAħRIġ: DAN IFISSER IL-FOND SOċJALI EWROPEW (FSE) FL-EWWEL POST, IżDA ANKI L-FOND EWROPEW GħALL-IżVILUPP REġJONALI (FEŻR), IL-FOND GħALL-IżVILUPP RURALI (EARDF), IL-PROGRAMM TA' TAGħLIM TUL IL-ĦAJJA U L-PROGRESS.
B'mod partikolari, skont il-proposti stabbiliti fir-Reviżjoni tal-Baġit[18] u fil-Ħames Rapport ta' Koeżjoni[19], l-impatt tal-istrumenti tal-politika ta' Koeżjoni, inkluż l-FSE, għandu jittejjeb billi jkun hemm konċentrazzjoni fuq erba' prijoritajiet: 1) il-konċentrazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għal għadd inqas ta' prijoritajiet; 2) it-tisħiħ tal-kondizzjonalità u l-inċentivi biex jistmulaw lill-Istati Membri jagħmlu r-riformi istituzzjonali mħabbra fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma; 3) l-iffokar fuq ir-riżultati, permezz ta' sett ta' miri u indikaturi ċari u li jistgħu jitkejlu li jkunu ġew stabbiliti mill-Kummissjoni u l-Istati Membri. u 4) it-twaqqif ta' kuntratti ta' investiment fl-iżvilupp u s-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.
Filwaqt li r-reviżjoni sostanzjali tal-istrumenti finanzjarji ser tkun parti mid-diskussjonijiet li jakkumpanjaw it-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, dawn l-erba' prijoritajiet prinċipali għandhom iservu ta' gwida għat-tisħiħ, minn issa, tal-kontribut tal-fondi tal-UE u tal-baġit tal-UE fl-Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi.
L-Istati Membri huma mistiedna jimmiraw l-interventi tal-FSE u ta' fondi oħra tal-UE lejn riformi strutturali ewlenin, lejn it-trawwim tal-kondizzjonalità strutturali, u b'hekk jikkontribwixxu għal azzjonijiet u miżuri ewlenin proposti f'din l-Aġenda, u għall-għanijiet u l-miri nazzjonali ta' Ewropa 2020. B'mod partikolari:
1. Fir-rigward tal-Flessigurtà: Il-programmi tal-FSE jistgħu jappoġġjaw it-tfassil ta' politiki aħjar bħal pereżempju miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u t-tagħlim tul il-ħajja, għodod u istituzzjonijiet inklużi servizzi pubbliċi tax-xogħol. L-imsieħba soċjali jistgħu jingħataw l-appoġġ ukoll mill-FSE permezz ta' sħubijiet għar-riforma fl-impjiegi. L-appoġġ tal-FSE biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva jista' jifforma bażi għal approċċi integrati ta' flessigurtà; is- 7 Programm ta' Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għat-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza.
2. Fir-rigward tal-aġġornament u t-tlaqqigħ tal-ħiliet: L-FSE jista' jinvesti fil-previżjoni u l-iżvilupp ta' kwalifiki u kompetenzi, u jappoġġja r-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex tissaħħaħ ir-rilevanza tagħhom fis-suq tax-xogħol. L-iskambju ta' esperjenzi u n-networking bejn l-edukazzjoni għolja u ċ-ċentri ta' riċerka u negozju biex jiġu indirizzati bżonnijiet ta' ħiliet ġodda, jistgħu jiġu ffinanzjati wkoll. L-impjiegi relatati mat-tħaddir tal-ekonomija, u mas-settur tas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali jistgħu jibbenefikaw ukoll minn appoġġ imtejjeb mill-FSE u fondi oħra tal-UE, kif ukoll il-kompetenzi fl-ICT fid-dawl tal-importanza tal-ICT fl-ekonomija u s-soċjetà tal-lum. Il-FEŻR jappoġġja l-investimenti fl-infrastruttura tal-edukazzjoni. L-aħħar nett, l-FSE u fondi Strutturali oħra jistgħu jaġixxu flimkien ma' strumenti oħra, bħall- Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi biex iżid il-parteċipazzjoni tal-migranti fix-xogħol u jiġġieled id-diskriminazzjoni, u l- Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja .
3. Fir-rigward tal-kwalità tax-xogħol u tal-kondizzjonijiet tax-xogħol L-FSE jista' jikkofinanzja t-tfassil u t-tixrid ta' forom ta' organizzazzjoni tax-xogħol innovattivi u iktar produttivi, inklużi saħħa u sigurtà aħjar fuq il-post tax-xogħol. Sabiex jiġu eliminati d-disugwaljanzi bejn is-sessi, l-FSE jista' jappoġġja miżuri li jippermettu t-tlaqqigħ tal-ħajja tax-xogħol u dik privata, il-viżibbiltà tas-sessi, u azzjonijiet għall-indirizzar tas-segregazzjoni abbażi tas-sess fis-suq tax-xogħol.
4. Fir-rigward tal-ħolqien tal-impjiegi: L-FSE u fondi oħra tal-UE jistgħu jappoġġjaw il-promozzjoni tal-intraprenditorjat, il-ftuħ tan-negozji u l-impjiegi indipendenti. L-inġinerija finanzjarja tista' tipprovdi l-ħolqa li jonqos bejn is-swieq finanzjarji u l-intraprendituri fuq skala żgħira. L-FSE, l-Azzjoni Konġunta ffinanzjata mill-FEŻR bħala Appoġġ għall-istituzzjonijiet tal-Mikrofinanzjament fl-Ewropa ( JASMINE ) u l- Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress, li nħolqot reċentement, jistgħu jgħinu lill-individwi jsibu impjieg u jiġġieldu l-esklużjoni soċjali billi jiftħu negozju jew jagħmlu impjieg indipendenti. Dawn il-miżuri jikkumplimentaw investimenti oħra tal-FSE għal dawk l-iktar vulnerabbli.
L-aħħar nett, l-FSE u fondi oħra tal-UE jistgħu jipprovdu wkoll appoġġ immirat u speċifiku lil gruppi speċifiċi fl-oqsma kollha ta' prijorità tal-Aġenda; eżempju ta' dan huwa l-appoġġ kollu mogħti f'ċerti Stati Membri lir- Roma, f'oqsma bħall-konsulenza, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-għoti ta' gwida għal dawk li jaħdmu f'impjieg indipendenti.
KONKLUŻJONI
It-13-il azzjoni u l-miżuri ta' akkumpanjament u dawk preparatorji proposti f'din l-"Aġenda għall-ħiliet u għall-impjiegi ġodda", jirrikjedu taħlita ta' strumenti politiċi tal-UE, inklużi leġiżlazzjoni, koordinazzjoni politika, djalogu soċjali, fondi u sħubijiet strateġiċi. L-Aġenda hija kkumplimentata minn inizjattivi oħra tal-UE mmirati li jindirizzaw it-tħassib ta' gruppi speċifiċi, bħall-Inizjattiva Prinċipali ta' Ewropa 2020 "Żgħażagħ Mobbli"[20],u l-"Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ta' bejn l-2010 u l-2015"[21]. Iktar importanti minn hekk, ħafna mill-oqsma politiċi ta' din l-Aġenda, bħall-ħolqien tal-impjiegi, jiddependu fuq – u huma biss parti minn – l-approċċ integrat tal-istrateġija Ewropa 2020.
It-twettiq u l-parteċipazzjoni huma essenzjali biex din l-Aġenda tirnexxi. L-imsieħba soċjali, b'mod partikolari, għandhom sehem ewlieni fl-implimentazzjoni tal-flessigurtà u aspetti oħra ta' din l-inizjattiva prinċipali. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu analizzati fil-livell tal-UE kull sena f'Forum Soċjali Tripartitiku. Il-kooperazzjoni fil-livelli lokali u reġjonali — bejn l-imsieħba soċjali, is-Servizzi Pubbliċi tax-Xogħol, is-servizzi soċjali, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni/tat-taħriġ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili — ser tkun importanti biex jintlaħqu dawk li jsibuha diffiċli biex isibu post sikur fis-suq tax-xogħol.
Il-fondi tal-UE, partikolarment il-Fond Soċjali Ewropew, jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti fl-Aġenda tal-UE u jaġixxu ta' katalisti u jagħtu spinta bħala appoġġ għall-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni ser tippromwovi wkoll id-dimensjoni internazzjonali ta' din l-Aġenda. Il-kriżi wasslet għall-emerġenza ta' kunsens globali biex l-għanijiet ekonomiċi u finanzjarji jeżistu flimkien ma' dawk tal-impjieg u soċjali b'mod ugwali. Issa li qed jibdew jinħassu l-effetti tal-irkupru, il-Kummissjoni ser tinkoraġġixxi l-ġbir tar-riżorsi internazzjonalment, f'oqfsa multilaterali (l-ILO, il-G20, l-OECD, u n-NU), fi strutturi ta' kooperazzjoni bilaterali ma' msieħba strateġiċi (notevolment l-Istati Uniti, il-Kanada, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun, l-Afrika t'Isfel, ir-Russja u l-Brażil), u fi ħdan oqfsa politiċi reġjonali (l-ASEM u l-UE-Amerika Latina).
Il-Kummissjoni ser tirrevedi l-prijoritajiet tal-Aġenda fl-2014, u tadattahom għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali. Sa dak iż-żmien ser tirraporta dwar il-progress fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir fi ħdan l-istrateġija Ewropa 2020.
[1] Il-konklużjoni tal-Kunsill "Lejn prinċipji komuni tal-flessigurtà" tal-5/6 ta' Diċembru 2007 (doc.16201/07).
[2] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-"Flessigurtà fi żminijiet ta' kriżi" tat-8 ta' Lulju 2009 (doc.10388/09)
[3] COM(2010) 608, 27.10.2010.
[4] COM (2010) 614, 28.10.2010.
[5] COM(2008) 868, 16.12.2008. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9.3.2009 u tas-7.6.2010. "Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Azzjoni Issa" Rapport tal-Grupp ta' Esperti, Frar 2010
[6] Ara d-definizzjoni f'COM (2007) 496, 7.9.2007
[7] COM(2010) 171, 20.4.2010.
[8] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-"Qafas Strateġiku għal Kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ET(2020)" (doc. 9845/09)
[9] Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali
[10] Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol
[11] Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità
[12] COM(2010) 546, 6.10.2010.
[13] COM (2010) 614, 28.10.2010.
[14] COM(2010) 608, 27.10.2010.
[15] COM(2010) 477, 15.9.2010.
[16] COM(2010) 546, 6.10.2010.
[17] COM(2010) 608, 27.10.2010.
[18] COM(2010) 700, 19.10.2010.
[19] COM(2010) 642, 9.11.2010.
[20] COM(2010) 477, 15.9.2010.
[21] COM(2010) 491, 21.9.2010.
| Fuq |