52010DC0674


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ċempel 116 000: Il-hotline Ewropew għat-tfal mitlufa

/* KUMM/2010/0674 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussell, 17.11.2010

COM(2010) 674 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ċempel 116 000: Il-hotline Ewropew għat-tfal mitlufa

WERREJ

Introduzzjoni 3

1. Liema huma l-ostakli li jipprevjenu l-implimentazzjoni tal-hotline 116000? 4

1.1. Il-passi li għandhom jittieħdu biex il-hotline 116000 isir operattiv 4

1.2. Liema problemi ġew identifikati? 4

1.2.1. Nuqqas ta' informazzjoni 5

1.2.2. L-ispiża tat-tħaddim tal-hotline 5

1.2.3. L-ispiża tat-telefonata lill-hotline 6

2. L-aħjar prattiki 6

2.1.1. Nuqqas ta' informazzjoni 6

2.1.2. Proċess ta' Attribuzzjoni 7

2.1.3. Spejjeż ta' tħaddim 7

2.1.4. Spejjeż tat-telecom 7

3. Standards minimi komuni li jigarantixxu servizz ta' kwalita għolja 7

Konklużjonijiet 8

INTRODUZZJONI

Kuljum qegħdin jintilfu tfal fl-UE kollha. Iżda l-ġenitur ta' tfal mitlufa lil min għandu jistaqsi għall-għajnuna? Hekk kif iżjed u iżjed Ewropej qegħdin jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw f'pajjiżi oħra tal-UE, dejjem qed isir iktar importanti li l-aċċess għal servizzi essenzjali ma jiddependix fuq "l-għarfien lokali". F'diversi Stati Membri diġà jeżistu hotlines fejn wieħed jista' jċempel biex jirraporta tfal mitlufa, iżda n-numru tat-telefon ivarja minn pajjiż għall-ieħor.

Fil-15 ta' Frar 2007, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni[1] li tirrikjedi lill-Istati Membri jirriservaw il-firxa ta' numri b'sitt ċifri li jibdew bin-numri 116 għal servizzi ta' valur soċjali fl-UE. 116000 kien l-ewwel numru tat-telefon irriservat fl-Istati Membri kollha bħala hotline għar-rappurtar tat-tfal mitlufa. Din kienet waħda mill-ewwel miżuri prattiċi adottota skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal"[2]. Il-kombinament "l-istess numru – l-istess servizz" hu maħsub biex jiżgura li l-istess servizz ikun dejjem assoċjat mal-istess numru fl-Unjoni Ewropea kollha. Il-fatt li jkun hemm l-istess numru tal-hotline se jgħin it-tfal u l-ġenituri li jinsabu f'diffikultà biex isibu għajnuna barra l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom, pereżempju jekk jintilef/tintilef tifel/tifla waqt vaganza tal-familja.

F'Ġunju 2008, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri[3] biex jipprovdu dejta dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-hotline 116000. Ir-riżultati tal-istħarriġ urew li l-Istati Membri ftit li xejn għamlu biex jgħarrfu dwar id-disponibbiltà tan-numru. Dan dewwem l-implimentazzjoni tal-hotline tat-tfal mitlufa fl-UE kollha. Ir-reviżjoni tal-"pakkett tat-telecom" adottata f'Novembru 2009 daħħlet obbligu ġdid[4] għall-Istati Membri li tirrikjedihom li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li l-hotline jiġi attivat. Id-data tal-għeluq għat-traspożizzjoni ta' din id-dispożizzjoni mill-Istati Membri hija l-25 ta' Mejju 2011. L-għan tal-Kummissjoni hu li tiżgura li l-hotline 116000 isir operattiv bis-sħiħ kullimkien fl-UE.

Iktar minn tliet snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/116/KE, is-sitwazzjoni xejn mhija sodisfaċenti. Il-hotline 116000 huwa attwalment operattiv fi 13-il Stat Membru biss. Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit[5].

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni jinqasam fi tnejn: Minn naħa waħda, il-Kummissjoni ġġedded is-sejħa tagħha lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-hotline tat-tfal mitlufa bħala kwistjoni ta' prijorità. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bi ħsiebha tiżgura li l-istess kwalità għolja ta' servizz hija offruta fl-Unjoni kollha.

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni bi ħsiebha tipprovdi appoġġ prattiku lill-Istati Membri li għadhom ma implimentawx il-hotline billi tikxef il-problemi li ġew identifikati s'issa u billi tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki.

Il-Komunikazzjoni hija strutturata fi tliet taqsimiet: l-ewwel taqsima tidentifika l-ostakli li jipprevjenu l-implimentazzjoni tal-hotline f'dawk l-Istati Membri fejn is-servizz għadu mhuwiex operattiv. It-tieni taqsima tidentifika l-aħjar prattiki u s-soluzzjonijiet biex jgħinu l-Istati Membri kkonċernati biex jegħlbu l-ostakli identifikati. It-tielet taqsima tipproponi standards minimi komuni li jigarantixxu kwalità għolja ta' servizz għal hotline.

LIEMA HUMA L-OSTAKLI LI JIPPREVJENU L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-HOTLINE 116000?

Il-passi li għandhom jittieħdu biex il-hotline 116000 isir operattiv

Skont it-termini tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/116/KE ("id-Deċiżjoni"), l-Istati Membri huma meħtieġa li jirriservaw in-numru 116000 għal hotline tat-tfal mitlufa. Ladarba jittieħdu l- passi preparatorji neċessarji, l-Istati Membri huma mbagħad meħtieġa li jgħarrfu li n- numru huwa disponibbli għall-attribuzzjoni, sabiex jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet għad-dritt biex jintuża dan-numru. Id-data tal-għeluq għall-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti kienet il-31 ta' Awwissu 2007. L-Istati Membru kollha lestew dan il-pass.

Imbagħad l-Istati Membri huma meħtieġa li jassenjaw numru lil organizzazzjoni (bħal pereżempju NGO jew operatur tat-telecom). Sal-lum, 14-il Stat Membru[6] biss lesta dan il-pass.

Wara dan l-assenjar, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-hotline huwa operattiv bis-sħiħ.

Liema problemi ġew identifikati?

Il-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet stabbilit mid-Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi jipprovdi l-mezzi għall-Istati Membri biex jirrappurtaw lura lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-hotline.

Fid-29 ta' Ġunju 2010, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Istati Membri u lil iktar minn 30 organizzazzjoni responsabbli għall-proveddiment ta' servizzi ta' valur soċjali permezz tan-numri 116[7]. L-għan tal-kwestjonarju kien li jiġbor l-informazzjoni dwar i) l-ispejjeż (kemm ġenerali kif ukoll l-ispejjeż speċifiċi tat-telekomunikazzjonijiet), ii) finanzjament tas-servizz, iii) numru tat-telefonati ttrattati, iv) aspetti tekniċi u v) kwistjonijiet rilevanti oħra.

Abbażi tal-informazzjoni miġbura, żewġ aspetti ewlenin jidhru li qegħdin idewmu l-implimentazzjoni tal-hotline tat-tfal mitlufa: nuqqas ta’ informazzjoni u spiża.

Nuqqas ta' informazzjoni

In-nuqqas ta' informazzjoni dwar l-eżistenza tan-numru 116000 riservat għall-hotline tat-tfal mitlufa huwa rrappurtat minn diversi fornituri tas-servizz li qed ifixkel jew idewwem il-proċess ta' assenjar. Din is-sejba hija kkonfermata minn studju riċenti kofinanzjat mill-Programm Daphne III imwettaq minn Missing Children Europe[8], u mir-riżultati preliminari tal-istudju "Evalwazzjoni tal-Impatt tal-Istrumenti tal-UE li Jaffettwaw id-Drittijiet tat-Tfal"[9].

Skont dawk li wieġbu, in-nuqqas ta' informazzjoni wassal għal inqas applikazzjonijiet minn fornituri potenzjali tas-servizz minħabba li ma kinux konxji dwar id-disponibbiltà tan-numru. Il-fornituri potenzjali tas-servizz kienu qed ikollhom ukoll diffikultà minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni dwar liema awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu kkuntattjati sabiex japplikaw għall-assenjar, nuqqas ta' informazzjoni dwar liema proċeduri għandhom isegwu u nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

In-nuqqas ta' kuxjenza dwar il-hotlines tat-tfal mitlufa fost il-pubbliku ġenerali ġie identifikat ukoll bħala problema.

L-ispiża tat-tħaddim tal-hotline

Id-diffikultà ewlenija identifikata mill-fornituri tas-servizz hija l-ispiża tat-tħaddim tal-hotline. Huma indikaw li l-finanzjament huwa wieħed mill-fatturi li jfixklu l-introduzzjoni u l-operazzjoni tal-hotlines.

Id-Deċiżjoni tiddeskrivi s-servizz 116000 kif ġej: is-servizz (a) jirċievi telefonati li jirrapportaw tfal mitlufa u jgħaddihom lill-pulizija; (b) joffri servizzi ta' gwida u sostenn lill-persuni responsabbli għat-tfal mitlufa; (c) jappoġġa l-investigazzjoni. Barra minn hekk, kundizzjoni speċifika marbuta mad-dritt tal-użu tal-116000 teħtieġ li s-servizz ikun disponibbli 24/7 man-nazzjon kollu . Dawk li rrispondew indikaw li dan ir-rekwiżit jimplika li jkun hemm persunal imħarreġ u kompetenzi speċifiċi li mhumiex faċilment disponibbli mingħajr ħlas permezz tal-għajnuna tal-volontiera. Dawk li rrispondew indikaw ukoll li s-servizz m'għandux ikun biss disponibbli bil-lingwa tal-Istat Membru kkonċernat (ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor ħafna drabi ma jitkellmux il-lingwa ta' dak l-Istat Membru). L-ispejjeż relatati mat-taħriġ tal-lingwa għall-persunal jistgħu wkoll ikunu sostanzjali.

Il-fornituri tas-servizz mhux dejjem ikunu f'pożizzjoni biex isostnu l-ispejjeż tal-persunal u l-ispejjeż amministrattivi oħra għall-hotlines. F'ċerti każijiet l-ispejjeż tat-telekomunikazzjonijiet jistgħu wkoll ikollhom ikunu mġarrba mill-fornituri tas-servizz (dawn huma stmati li jirrappreżentaw madwar 5% tal-baġit totali[10]).

It-tliet sorsi ewlenin tal-finanzjament disponibbli huma: finanzjament pubbliku, skemi ta' Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) u fondi privati. L-arranġamenti ta' finanzjament ivarjaw bejn l-Istati Membri.

L-ispiża tat-telefonata lill-hotline

Il-maġġoranza tal-fornituri tas-servizz indikaw li l-hotline 116000 jista' ma jkunx neċessarjament disponibbli għall-utenti tar-roaming tal-mowbajl u għall-persuni li jċemplu minn barra (telefonati internazzjonali). Dan ittellef l-iskop tan-numru uniku 116000, peress li, pereżempju, il-ġenituri u t-tfal li jivvjaġġaw mhux se jkunu jistgħu jċemplu l-hotline mill-mowbajls tagħhom.

L-organizzazzjonijiet tal-helpline jew operaturi tat-telecom li qed jisponsorjaw jistgħu ma jkunux lesti (jew kapaċi) jkopru l-ispejjeż ta' dawn it-telefonati. Peress li l-hotline 116000 hu meħtieġ li jkun numru mingħajr ħlas, l-ispiża tat-telefonata huwa normalment imħallas mill-fornitur tas-servizz li jkun qed jirċievi t-telefonati. Dan jista' jkun diffiċli għall-fornituri tas-servizz li għandhom status karitatevoli, minħabba li l-ispejjeż ta' komunikazzjoni marbuta mar-roaming jistgħu jkunu ta' piż sinifikanti fuq ir-riżorsi tagħhom.

It-trattament regolatorju tan-numri mingħajr ħlas ivarja bejn l-Istati Membri u ma jagħtix garanzija li l-aċċess għan-numru jkun fir-realtà mingħajr ħlas għal dawk kollha li jċemplu. Din id-Deċiżjoni ma timponix obbligi fuq l-Istati Membri biex jiżguraw li t-telefonati lill-hotline tat-tfal mitlufa jkunu mingħajr ħlas. Dawn huwa b'kuntrast għall-qafas legali tal-UE applikabbli lin-numru ta' emerġenza 112, li jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-utenti finali jkunu jistgħu jċemplu lis-servizzi ta' emerġenza mingħajr ħlas f'kull tip ta' sitwazzjoni.

Kwistjoni oħra identifikata minn dawk li rrispondew dwar is-sitwazzjoni tal-utenti tal-mowbajls li jgħaddu minn Stat Membru jew jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor, hi marbuta man-nuqqas tal-ftehimiet eżistenti biex ikopru l-ispejjeż tar-roaming.

L-AħJAR PRATTIKI

Skont ir-rispons mill-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet, ir-riżultat tal-kwestjonarju, u s-sejbiet tal-istudju Daphne III mwettaq minn Missing Children Europe, f'diversi Stati Membri jeżistu eżempji ta' prattiki tajbin dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-problemi ewlenin.

Nuqqas ta' informazzjoni

Fil-25 ta' Mejju 2009 Missing Children Europe , bl-appoġġ tal-programm Daphne III, nediet kampanja wiesgħa biex tqajjem il-kuxjenza pubblika dwar il-hotline permezz ta' distribuzzjoni ta' kartelluni, volantini u brazzuletti f'10 Stati Membri.

Fl-2009, Franza nediet kampanja ta' informazzjoni li tinvolvi d-distribuzzjoni ta' iktar minn 50.000 kartellun u azzjonijiet koordinati mal-puliziji u l-ġendarmerija.

Proċess ta' Attribuzzjoni

L-awtoritajiet Ungeriżi organizzaw konferenza mal-operatturi tat-telecom Ungeriżi dwar l-introduzzjoni tal-116000 fis-sistema ta' numerazzjoni Ungeriża. L-Awtorità Regolatorja Nazzjonali Brittanika talbet lill-Gvern tar-Renju Unit biex jgħinhom fis-selezzjoni għall-assenjar tal-hotline lil fornitur tas-servizz.

F'ċerti pajjiżi l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali ħadmu mal-Ministeru tal-Intern biex jiżguraw li jintgħażel l-aħjar fornitur tas-servizz għall-hotline billi tintuża tabella bi kriterji speċifiċi ( Franza ).

Spejjeż ta' tħaddim

Fl- Ungerija l-ispiża totali tas-servizz tal-hotline huwa parzjalment iffinanzjat mill-finanzjament pubbliku, bħala parti mill-programm nazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

Fil- Portugall , l-operatur tas-servizz irnexxielu jikseb finanzjament pubbliku għat-tħaddim sħiħ tas-servizz.

Fil- Belġju l-operatur jirċievi għotja li tiġġedded kull sena min-National Lottery u jaħdem fuq il-bażi ta' sħubija bejn il-pubbliku u l-privat.

Il-fornitur tas-servizz Grieg imexxi s-servizz mingħajr ma jġarrab ebda spiża, peress li l- ispejjeż kollha huma koperti mill-operatur tat-telecom skont il-programm tiegħu ta' responsabbiltà soċjali korporattiva.

Xi Stati Membri (pereżempju l- Belġju u Franza ) ikkonvertew l-hotline f'numru ta' emerġenza, jiġifieri l-linja ta' emerġenza preċedenti tagħhom qalbuha għall-hotline. Bħala linja ta' emerġenza, il-finanzjament pubbliku jkopri l-ispejjeż, u s-servizz hu pprovdut fuq il-bażi ta' sħubija bejn il-pubbliku u l-privat.

Spejjeż tat-telecom

L-operaturi tat-telecom fil- Portugall u fir- Rumanija qablu li jkopru l-ispejjeż tat-telefon. Fil- Polonja l-operaturi kollha tal-mowbajls qablu li ma jżommux flus lill-fornitur tas-servizz għall-ispejjeż tat-telefon. Minħabba f'hekk, is-servizz hu mingħajr ħlas għal dak li jċempel u għall-fornitur tas-servizz.

Fl- Ungerija l-fornitur tas-servizz qabel li jinnegozja "prezz kummerċjali" li kien definit bħala l-prezz minimu li għandu jitħallas minn klijent ta' negozju ta' daqs medju.

STANDARDS MINIMI KOMUNI LI JIGARANTIXXU SERVIZZ TA' KWALITA GħOLJA

Ladarba l-hotline jkun operattiv f'kull Stat Membru, huwa importanti li jitwassal servizz ta' kwalità għolja fl-Unjoni Ewropea kollha, sabiex il-ġenituri u t-tfal jistgħu jiddependu fuq l-istess assistenza, ikunu fejn ikunu. Minkejja li d-Deċiżjoni tenfasizza l-ħtieġa għan-nies li jivvjaġġaw fl-Ewropa biex ikollhom l-istess servizz għad-disponibbiltà tagħhom, hemm evidenza li l-hotlines eżistenti joffru servizzi differenti lil dawk li jċemplu għall-għajnuna wara li jkun intilef/intilfet tifel/tifla.

Apparti r-rekwiżiti miġbura fid-Deċiżjoni (servizz li se jkun disponibbli 24/7 u man-nazzjon kollu) u f'leġiżlazzjonijiet applikabbli rilevanti oħra, bħar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta, jistgħu jiġu definiti numru ta' standards minimi li jigarantixxu kwalità għolja ta' servizz, u l-aħjar prattiki diġà qed isiru konkreti skont l-esperjenza f'diversi Stati Membri:

- Is-servizz għandu jkun disponibbli bil-lingwa tal-Istat Membru u għall-inqas bl-Ingliż.

Pereżempju, fir- Rumanija , is-servizz huwa disponibbli wkoll bil-Franċiż, l-Ingliż u l-Spanjol. Fil- Greċja s-servizz huwa disponibbli wkoll bl-Ingliż.

- Il-membri tal-persunal tal-fornitur tas-servizz għandhom ikunu mħarrġa biex iwettqu l-kompiti li ġew assenjati, inkluż taħriġ speċifiku dwar kif għandhom jitrattaw mat-tfal b'mod li hu adattat għall-età u l-maturità tat-tifel/tifla.

It-taħriġ immirat huwa organizzat għall-operaturi fir- Rumanija , l- Ungerija u Spanja fejn il-persunal normalment ikunu ħaddiema soċjali u psikologi. L-operaturi tal-hotline jirċievu taħriġ dwar regoli proċedurali u dwar kif għandhom iwieġbu għat-telefonati u jitrattaw mal-emozzjonijiet ta' min iċempel bħal pereżempju rabja u paniku.

- Każijiet transnazzjonali jridu jerġgħu jiġu indirizzati lill-awtoritajiet rilevanti.

- Jekk ikun xieraq, irid ikun offrut segwitu wara li jingħalaq il-każ.

Għalkemm din il-prattika għadha mhux formalizzata, il-fornitur tas-servizz Belġjan isegwi każijiet individwali permezz tat-telefon sabiex jerġa' jorjenta t-tifel/tifla u/jew il-familja lejn servizzi jew organizzazzjonijiet oħra li jistgħu jipprovdulhom appoġġ addizzjonali.

- Irid jiġi ffirmat ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-fornitur tas-servizz u l-awtoritajiet nazzjonali ta' infurzar u/jew awtoritajiet ġudizzjarji.

Eżempji ta' ftehimiet bejn il-fornituri tas-servizz u l-awtoritajiet nazzjonali ta' infurzar u/jew l-awtoritajiet ġudizzjarji jeżistu fir- Rumanija , Spanja , Franza , il- Portugall u l- Belġju .

Konklużjonijiet

Il-pakkett tar-riforma tat-telecom jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri ta' implimentazzjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-firxa ta' numerazzjoni "116", b'mod partikolari n-numru tal-hotline 116000 għat-tfal mitlufa. Madankollu, dan għandu jkun mingħajr ħsara għall-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi, li għandhom jibqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, u m’għandu jkollu l-ebda impatt fuqhom.

Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri għall-introduzzjoni rapida u l-funzjonament sħiħ tal-hotlines tat-tfal mitlufa. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja u tivvaluta s-sitwazzjoni permezz tal-ħidma tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet.

Kull sena, il-Kummissjoni se torganizza wkoll laqgħat ta' livell għoli mal-partijiet interessati kollha sakemm il-hotline ikun operattiv f'kull Stat Membru. L-għan ta' dawn il-laqgħat se jkun li jqajjem kuxjenza, sabiex jippermetti l-iskambju tal-aħjar prattiki u biex jidentifika l-għodod prattiċi biex jiġi żgurat li l-hotline tat-tfal mitlufa jsir operattiv u li joffri servizz ta' kwalità għolja fl-Istati Membri kollha. Dawn il-laqgħat se jsiru kull sena fil-25 ta' Mejju jew f'data oħra viċin biex ifakkru l-Jum Internazzjonali tat-Tfal Mitlufa u biex jesprimu solidarjetà mat-tfal mitlufa u l-familji tagħhom.

Il-Kummissjoni hija impenjata biex tagħmel il-hotline tat-tfal mitlufa operattiv bis-sħiħ fl-UE kollha u se tkompli tissorvelja mill-qrib il-progress li jsir f'livell nazzjonali. Jekk ma jkunx sar l-ebda progress ulterjuri fi żmien raġonevoli, il-Kummissjoni se tikkunsidra tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tiżgura li għal kull tifel/tifla u għal kull ġenitur, l-għajnuna tkun biss telefonata 'l bogħod, ikunu fejn ikunu fl-UE.

ANNESS

Stat ta' implimentazzjoni għal 116000 |

Stat Membru | 116000 | 116000 |

Assenjat | Operattiv |

L-Awstrija |

Il-Belġju | X | X |

Il-Bulgarija |

Ċipru |

Ir-Repubblika Ċeka |

Id-Danimarka | X | X |

L-Estonja |

Il-Finlandja |

Franza | X | X |

Il-Ġermanja |

Il-Greċja | X | X |

L-Ungerija | X | X |

L-Irlanda |

L-Italja | X | X |

Il-Latvja |

Il-Litwanja |

Il-Lussemburgu |

Malta | X |

Il-Pajjiżi l-Baxxi | X | X |

Il-Polonja | X | X |

Il-Portugall | X | X |

Ir-Rumanija | X | X |

Is-Slovakkja | X | X |

Is-Slovenja |

Spanja | X | X |

L-Isvezja |

Ir-Renju Unit | X | X[11] |

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/116/KE tal-15 ta' Frar 2007 dwar l-irriservar tal-firxa nazzjonali ta' numri li jibdew b'116 għal numri armonizzati ta' servizzi armonizzati ta' valur soċjali, ĠU L 49, 17.2.2007, p. 30-33, kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/884/KE. Għal iktar informazzjoni ara wkoll http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/current/pan_european/index_en.htm

[2] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2006) 367 finali tal-4 ta' Lulju 2006: "Lejn Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal", disponibbli f''dan is-sit:http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2006:0367:FIN:EN:PDF.

[3] Il-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet ġie mwaqqaf mid-Direttiva 2002/21/KE. Permezz ta' dan il-Kumitat, l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet dwar il-hotline, COCOMM 08-06 u COCOMM 08-18.http://circa.europa.eu/Public/irc/infso/cocom1/library?l=/public_documents_2008

[4] L-Artikolu 27a tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali (Direttiva 2009/136/KE li temenda d-Direttiva 2002/22/KE) jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jippromwovu n-numri speċifiċi fil-firxa ta’ numri li jibdew b’"116"; Huma għandhom jinkoraġġixxu l-provvediment fit-territorju tagħhom tas-servizzi li għalihom huma rriservati tali numri; għandhom jiżguraw li l-utenti finali b’diżabbiltà huma kapaċi jaċċedu għas-servizzi u li ċ-ċittadini jkunu infurmati b'mod xieraq dwar l-eżistenza u l-użu tas-servizzi. L-Istati Membri għandhom, barra minn miżuri ta' applikabbiltà ġenerali lin-numri kollha fil-firxa ta' numri "116", jagħmlu minn kollox biex jiffaċilitaw l-aċċess taċ-ċittadini għal servizz li jopera hotline biex jirrapporta każijiet ta' tfal mitlufa. Il-hotline għandu jkun disponibbli fuq in-numru "116000." ĠU L 337/11, 18.12.2009.

[5] Fir-Renju Unit il-hotline huwa operattiv b'mod parzjali.

[6] Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit.

[7] Il-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet COCOMM10-30, 14 ta' Ottubru 2010. Ir-rapport huwa disponibbli fis-sit: http://circa.europa.eu/Public/irc/infso/cocom1/library?l=/public_documents_2010

[8] L-Istitut tal-Politika Pubblika u tal-Ġestjoni tal-Litwanja qed iwettaq għall-Kummissjoni "Evalwazzjoni tal-Impatt tal-Istrumenti tal-UE li Jaffettwaw id-Drittijiet tat-Tfal bil-Ħsieb li Jivvalutaw il-Livell ta' Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal fl-UE". Ir-Rapport finali se jkunippubblikat fis-sit:http://ec.europa.eu/justice/policies/children/policies_children_intro_en.htm.

[9] Missing Children Europe hija Federazzjoni Ewropea għat-Tfal Mitlufa u Sesswalment Sfruttati. Bħala organizzazzjoni ċentrali, hi tirrappreżenta 24 Organizzazzjoni Governamentali attivi f'16-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u fl-Isvizzera.

[10] Sors: Il-Kumitat tal-Komunikazzjonijiet COCOMM10-30, 14 ta' Ottubru 2010.

[11] Operattiv b'mod parzjali.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet