52010DC0501


Titolu u referenza

REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL First report on the impact of the POSEI reform of 2006 {SEC (2010) 1093}

/* COM/2010/0501 final */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 24.9.2010

KUMM(2010) 501 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-ewwel rapport dwar l-impatt tar-riforma tal-POSEI tal-2006

WERREJ

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-ewwel rapport dwar l-impatt tar-riforma tal-POSEI tal-2006 1

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-ewwel rapport dwar l-impatt tar-riforma tal-POSEI tal-2006 3

1. Introduzzjoni 3

2. Storja u elementi ewlenin tal-iskema 3

3. Bażi legali tar-rapport 6

4. L-impatt tar-riforma tal-2006 6

4.1. Approċċ ta' programmazzjoni u sħubija 6

4.2. Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista 7

4.2.1. Garanzija tal-provvista tal-prodotti essenzjali 7

4.2.2. Kumpens għall-ispejjeż addizzjonali 7

4.2.3. Riperkussjoni tal-benefiċċju lill-utent aħħari 7

4.2.4. Bgħit mill-ġdid tal-prodotti pproċessati u distorsjonijiet tal-kummerċ. 7

4.2.5. Żamma u żvilupp tal-attivitajiet agrikoli 8

4.3. Appoġġ għall-Produzzjoni Lokali 8

4.3.1. Żamma u żvilupp tal-produzzjoni agrikola lokali 8

4.3.2. Produzzjoni ta' kwalità 9

5. Eżekuzzjoni Finanzjarja 9

6. Awditjar tal-implimentazzjoni tal-iskema POSEI wara l-2006 10

7. Żviluppi rilevanti marbutin mal-kummerċ wara r-riforma tal-2006. 10

7.1. Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs – Economic Partnership Agreements) 10

7.2. Ftehimiet tal-WTO u ta' kummerċ bilaterali 11

8. Proposti għal titjib 12

8.1. Emendi proposti għal-leġiżlazzjoni tal-UE 12

8.2. Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri 12

9. Konklużjonijiet 13

SEG(2010) 1093

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-ewwel rapport dwar l-impatt tar-riforma tal-POSEI tal-2006

INTRODUZZJONI

L-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jirrikonoxxi s-sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika tar-reġjuni ultraperiferiċi (ORs - outermost regions) Din is-sitwazzjoni sfat iggravata minħabba għadd ta' fatturi: il-bogħod, l-insularità, iċ-ċokon tad-daqs, it-topografija u l-klima diffiċli, u d-dipendenza ekonomika fuq ftit prodotti. Il-permanenza u t-tgħaqqid ta' dawn il-fatturi jillimitaw serjament l-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni.

Bħalissa, hemm disa' reġjuni li jagħmlu parti minn tliet Stati Membri elenkati taħt l-Artikolu 349 tat-TFUE:

- Għal Franza: il-Gwadelup, il-Gujana Franċiża, Martinique, Réunion, Saint-Barthélemy u Saint-Martin;

- l-arċipelagi Portugiżi tal-Azores u Madeira; u

- l-Gżejjer Kanarji ta' Spanja.

Filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi u l-limitazzjonijiet speċjali ta' dawn ir-reġjuni, għandhom jiġu adottati miżuri speċifiċi. B'mod partikolari dawn jimmiraw li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tat-Trattati għal dawk ir-reġjuni, inklużi l-politiki komuni.

Fir-rigward tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), ir-reġjuni ultraperiferiċi jibbenefikaw minn reġim speċifiku li jappoġġja l-produzzjoni lokali u l-forniment ta' prodotti essenzjali: l-iskema tal-POSEI ( Programmes d'Options Spécifiques à l'Eloignement et l'Insularité) .

STORJA U ELEMENTI EWLENIN TAL-ISKEMA

L-ewwel referenza għall-ħolqien tal-programmi speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi kienet ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew fl-1987 dwar id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej[1]. Din kienet tindika illi "is-sitwazzjoni serja li teżisti f'dawn it-territorji tiġġustifika, u tesiġi li jkun hemm żvilupp ekonomiku u soċjali f'setturi differenti"[traduzzjoni mhux uffiċjali].

Fl-1991 iddaħħlu miżuri speċifiċi għall-agrikulura fir-reġjuni ultraperiferiċi għad-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej (POSEIDOM) [2] u fl-1992 għall-Gżejjer Kanarji (POSEICAN) [3], Azores u Madeira (POSEIMA) [4].

Għal dan il-għan ġew stabbiliti l-istrumenti ewlenin tal-iskema tal-POSEI:

1. L- Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista SA - Specific Supply Arrangements), għandhom l-għan li jtaffu l-ispejjeż għall-forniment ta' prodotti li jintużaw bħala inputs għall-konsum ta' kuljum jew għall-manifattura ta' ċerti oġġetti essenzjali tal-ikel, billi jistipulaw eżenzjoni minn dazji ta' prodotti impurtati direttament minn pajjiżi terzi jew għajnuna għal prodotti li joriġinaw mill-bqija tal-Kominità fil-limiti tal-ħtiġijiet lokali;

2. Il-Miżuri ta' Appoġġ għall-Produzzjoni Lokali (SLP - Support Local Production) għandhom l-għan li jżommu jew jiżviluppaw ċerti prodotti billi jagħtu appoġġ lill-produzzjoni, lill-ipproċessar u u/jew lill-kummerċjalizzazzjoni ta' dawn il-prodotti jew lill-istrutturar tas-setturi konċernati);

3. Miżuri ta’ akkumpanjament:

4. Dispożizzjonijiet speċjali li jadattaw il-PAK għall-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi;

5. Derogi applikabbli għal miżuri strutturali;

6. Simbolu grafiku sabiex jiġi żviluppat għarfien dwar il-prodotti mir-reġjuni ultraperiferiċi;

7. Miżuri veterinarji u dwar is-saħħa tal-pjanti.

Fl-2001, l-iskema tal-POSEI ġiet irriformata[5]. Din ir-riforma emendat l-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista billi stabilixxiet "stima [previżjonijiet] tal-bilanċi tal-provvista – listi ta' prodotti li jibbenefikaw mill-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista – u biddlet il-mod kif tiġi kkalkulata l-għajnuna tal-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista abbażi ta' "spejjeż addizzjonali" marbutin mal-bogħod, l-insularità u ċ-ċokon minflok ir-rifużjonijiet tal-esportazzjoni. Iddaħħlu wkoll miżuri ġodda ta' Appoġġ għall-Produzzjoni Lokali filwaqt li l-miżuri eżistenti ġew immodifikati u l-iskema ġiet adattata għar-Regolament il-ġdid għall-Iżvilipp Rurali[6].

Fl-2006, il-POSEI ġiet irriformata mill-ġdid, l-iktar minħabba l-elementi li ġejjin:

8. Il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2004)343[7], li tadotta strateġija għar-reġjuni ultraperiferiċi bil-għan li l-Fondi tal-UE jiġu artikolati aħjar biex jiffavorixxu r-reġjuni ultraperiferiċi u l-ħolqien ta' strumenti ad hoc ;

9. Ir-riforma tal-PAK tal-2003 (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003[8] dwar skemi ta' appoġġ dirett għall-bdiewa) li kkostitwit orjentazzjoni mill-ġdid tal-PAK u fetħet it-triq għar-riforma tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS), li għaliha tirreferi l-POSEI.

10. Ir-rikonoxximent tal-mod strett li bih jiġu ġestiti l-programmi [COM (2004)687] li ma ppermettix l-adattament rapidu tal-bilanċi tal-provvista u tal-miżuri tal-Appoġġ għall-Produzzjoni Lokali għall-ħtiġijiet tat-territorju u li xekkel kwalnunkwe approċċ ta' parteċipazzjoni.

Għalhekk it-tliet regolamenti ta' qabel ġew mibdula f'test wieħed: ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006[9] li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar il-bogħod [ultraperiferiċi] tal-Unjoni.

Ir-riforma tal-2006 ma emendatx l-għanijiet ewlenin u l-istrumenti tal-iskema. In-novità ewlenija tagħha hija l-adozzjoni ta' approċċ ta' programmazzjoni u t-trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat Membru sabiex ifasslu u jimmodifikaw programmi li huma adattati għall-ħtiġijiet lokali, imexxuhom u jimmonitorjawhom. L-għan ta' din l-innovazzjoni kien li jiddaħħal livell ogħla ta' flessibbiltà fil-ġestjoni tal-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista u tal-Appoġġ għall-Produzzjoni Lokali u li l-proċeduri tal-emendi tagħhom jiġu ssemplifikati.

Wara li ġie adottat, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 ġie modifikat bosta drabi sabiex tittieħed kunsiderazzjoni tar-riformi tal-banana u taz-zokkor tal-2006, il-Kontroll tas-Saħħa, (li jittrasferixxi lill-POSEI l-baġit li jikkorispondi għall-miżuri ta' appoġġ dirett li qabel kienu ġestiti mir-Regolament (KE) Nru 1782/2003) kif ukoll trasferimenti diretti oħrajn fl-2007 u fl-2008[10].

Dawn l-emendi kienu jimplikaw żidiet progressivi fl-allokazzjonijiet tal-POSEI kif jidher fit-tabella li ġejja (l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006):

PT | 77,9 | 86,98 | 87,08 | 87,18 | 106,21 |

ES | 127,3 | 268,4 | 268,4 | 268,4 | 268,42 |

TOTAL |331,8 |617,98 |624,88 |628,58 |653,04 | | Illum, il-programmi POSEI huma ekwivalenti għall-ewwel pilastru tal-PAK għar-reġjuni ultraperiferiċi.

BAżI LEGALI TAR-RAPPORT

L-Artikolu 28(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 jistpula li "Mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2009, u sussegwentement għal [ kull ] ħames snin, il-Kummissjoni għandha tissottometti [ tippreżenta ] rapport ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li juri l-impatt tal-azzjoni meħuda taħt dan ir-Regolament, flimkien ma' proposti adegwati, fejn applikabbli " .

Minħabba li r-riforma tal-POSEI ġiet implimentata iktar tard milli kien mbassar oriġinarjament, (bejn l-aħħar tal-2006 u n-nofs tal-2007), l-ewwel rapport imsemmi hawn fuq qed jitressaq matul l-2010 sabiex ikun hemm ċans li jinġabru iktar elementi għall-evalwazzjoni tal-impatt inizjali ta' din ir-riforma.

B'mod partikolari, dan ir-rapport iqis l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-programmi sas-sena finanzjarja 2009, id-dejta fuq is-swieq rilevanti sal-2009 u l-istudju mwettaq mill-konsulenti Oréade–Brèche għall-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tal-miżuri implimentati skont il-POSEI sa mill-2001 (minn hawn 'il quddiem "l-istudju ta' evalwazzjoni"), ippubblikat fi Frar 2010 fuq: http://ec.europa.eu/agriculture/eval/reports/posei/index_fr.htm

L-IMPATT TAR-RIFORMA TAL-2006

Approċċ ta' programmazzjoni u sħubija

Ir-responsabbiltajiet u l-kompetenzi miżjuda għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għad-definizzjoni tal-programm tagħhom u l-parteċipazzjoni tal-partijiet involuti fit-tfassil tal-miżuri intlaqgħu kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-operaturi.

B'mod partikolari, iż-żieda fil-flessibiltà sabiex ikun hemm adattament gradwali tal-programmi għall-ħtiġijiet attwali lokali permezz tal-modifikazzjonijiet annwali hija meqjusa bħala ħaġa pożittiva ħafna. Fil-fatt, f'kuntest ta' fraġilità minħabba r-riskji klimatiċi u dawk tas-suq speċifiċi għal dawn ir-reġjuni, dan jippermetti li l-miżuri ta' appoġġ jiġu adattati malajr għar-rekwiżiti attwali ta' kull territorju.

L-istudju ta' evalwazzjoni juri li r-riforma tejbet l-effiċjenza amministrattiva (iż-żieda fil-baġit xprunat effett ta' ekonomija ta' skala)

Madankollu, il-livell ogħla tas-sħubija ma ppermettix li jittaffa l-piż ammistrattiv: l-approċċ ta' programmazzjoni jirriżulta diffiċli kemm għall-awtoritajiet nazzjonali/reġjonali kif ukoll għas-servizzi tal-Kummissjoni.

Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista

Garanzija tal-provvista tal-prodotti essenzjali

L-istudju ta' evalwazzjoni juri li l-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista jkopru b'mod tajjeb il-ħtiġijiet għall-prodotti magħżula mill-Istati Membri/Reġjuni Ultraperiferiċi, li għalihom għandhom r-rwol essenzjali li:

11. Jiggarantixxu fornimenti regolari permezz tal-istabbiliment tal-istokkijiet.

12. Tinħoloq kompetizzjoni bi prodotti simili impurtati, li jkollha impatt fuq l-istabbiltà tal-prezzijiet.

13. Jinżammu l-istrutturi tal-produzzjoni lokali billi:

14. Tiġi appoġġata l-profittabbiltà tat-trobbija lokali tal-bhejjem.

15. Tiġi żgurata il-vijabbiltà tal-industrija agroalimentari lokali.

Kumpens għall-ispejjeż addizzjonali

Kull Stat Membru għażel approċċi differenti fir-rigward tad-determinazzjoni ta' spejjeż addizzjonali. L-istudju ta' evalwazzjoni kkonkluda li l-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista jippermettu l-kumpens tagħhom għall-forniment tal-prodotti kollha magħżula.

B'mod partikolari, minħabba l-volatilità tal-ispejjeż tat-trasport, il-baġit tal-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista, li kien limitat għal limiti annwali fissi, ma jistax ikopri l-istess proporzjon ta' spejjeż addizzjonali kull sena.

Riperkussjoni tal-benefiċċju lill-utent aħħari

L-istudju ta' evalwazzjoni żvela li f'ċerti każijiet biss il-vantaġġ kien trażmess b'mod tajjeb. F'każijiet oħrajn dan huwa iktar diffiċli biex jiġi determinat. Ġeneralment, huwa diffiċli li wieħed jivverifika t-trażmissjoni korretta tal-vantaġġ tal-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista lill-utent aħħari, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-prodotti li ġew introdotti f'katina ta' pproċessar. Dawn il-kontrolli jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membri, konċernati, li qed jimplimentaw sistemi ta' monitoraġġ.

Bgħit mill-ġdid tal-prodotti pproċessati u distorsjonijiet tal-kummerċ.

Kif imsemmi fil-premessa Nru 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006, il-kwantitajiet koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta' provvista huma limitati għall-bżonnijiet ta' provvista fir-reġjuni l-aktar il-bogħod [ir-reġjuni ultraperiferiċi], sabiex ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jew jinħolqu devjazzjonijiet tal-kummerċ fil-prodotti konċernati. Il-bgħit jew l-esportazzjoni ta' dawk il-prodotti mir-reġjuni ultraperiferiċi huwa għalhekk projbit. Madankollu, il-bgħit jew l-esportazzjoni ta' dawk il-prodotti huwa awtorizzat meta l-vantaġġ li jirriżulta mill-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista ikun rimborżat jew, fil-każ ta' prodotti pproċessati, sabiex jippermetti kummerċ reġjonali jew flussi ta' kummerċ tradizzjonali kif stipulat fl-Artikolu 4 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

Dawn il-kwantitajiet tradizzjonali ġew iddeterminati abbażi tal-flussi medji tal-kummerċ bejn l-1989 u l-1991, jiġifieri qabel ma nbdiet l-iskema tal-POSEI. Il-Kummissjoni tqis li ma hemmx għalfejn jiġu riveduti dawn il-kwantitajiet tradizzjonali. It-tali reviżjoni tista' tmur kontra l-għan tal-iskema li tillimita l-provvisti għall-ħtiġijiet lokali u tista' tiddermina distorsjonijiet fil-kummerċ. Madankollu, għandu jitħeġġeġ l-kummerċ tal-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista fost ir-reġjuni ultraperiferiċi.

Żamma u żvilupp tal-attivitajiet agrikoli

L-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista għandhom rwol essenzjali fil-preservazzjoni tal-istrutturi tal-produzzjoni lokali billi:

- Jappoġġjaw il-profittabbiltà tat-trobbija lokali tal-bhejjem.

- Jiżguraw il-vijabbiltà tal-industrija agroalimentari lokali.

Bħala konsegwenza, l-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista joħolqu impjiegi addizzjonali lokali fl-agrikoltua u fl-industrija agroalimentari.

Mill-banda l-oħra, il-livell ta' għajnuna determinat għall-forniment ta' uħud mill-prodotti f'ċerti reġjuni ultraperiferiċi (pereżempju laħam u prodotti tal-ħalib fil-Gżejjer Kanarji u f'Madeira) joħolqu kompetizzjoni mal-produzzjoni lokali tal-istess prodotti li minhabba f''hekk ftit li xejn jistgħu jiżviluppaw. It-titjib fid-distribuzzjoni tal-fondi sabiex il-produzzjonijiet lokali jingħataw privileġġ jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri.

Appoġġ għall-Produzzjoni Lokali

Żamma u żvilupp tal-produzzjoni agrikola lokali

L-iskema POSEI, adattata kif inhi għall-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, hija essenzjali sabiex għall-inqas tnaqqas ir-rigress tal-attivitajiet agrikoli. Kif deher mill-istudju ta' evalwazzjoni, din tikkontribwixxi sabiex il-maġġoranza tal-produzzjonijiet jinżammu u saħansitra biex uħud minnhom jiġu żviluppati. Il-profittabbiltà u l-kompetittività ta' għadd ta' setturi appoġġati mill-POSEI żdiedu wkoll bis-saħħa tal-miżuri għall-Iżvilupp Rurali komplementari

Minn mindu twettqet r-riforma tal-POSEI, żdied id-dħul ta' kważi l-produtturi kollha.

Fil-livell globali, il-miżuri tal-POSEI kienu effettivi ħafna fis-setturi tal-esportazzjoni tal- banana fir-regjuni bl-ikbar produzzjoni (il-Gżejjer Kanarji, il-Gwadelup u Martinique), u taz- zokkor (il-Gwadelup, Martinique u Reunion), li jibbenefikaw mill-livell importanti ta' appoġġ iżda li jagħtu wkoll riżultati tajbin f'termini ta' livell ta' żamma ta' produzzjoni u f'termini ta' dħul, kif ġie enfasizzat fl-istudju ta' evalwazzjoni.

Giet irreġistrata iktar produzzjoni tal- laħam u tal- ħalib fis-settur tat-trobbija tal-bhejjem f'Reunion u fl-Azores. Madankollu, is-setturi tal-laħam u tal-ħalib ma għandhomx l-istess riżultati pożittivi fir-reġjuni ultraperiferiċi kollha. Fil-fatt, ma rriżultawx partikolarment effettivi f'Madeira u fil-Gżejjer Kanarji.

Ġew innutati wkoll diffikultajiet fis-settur tal- frott u l-ħxejjex fid-Dipartimenti Franċiżi, fejn l-għajnuniet għandhom penetrazzjoni limitata minħabba li l-produtturi huma obbligati li jkunu assoċjati sabiex jirċievu l-għajnuna (partikolarment fil-Gujana); l- ananas fl-Azores u t- tadam fil-Gżejjer Kanarji huma prodotti oħrajn f'dan is-settur, maħsubin għall-esportazzjoni li wkoll jiltaqgħu ma' diffikultajiet.

Fir-rigward tas-settur tal- banana , ġie rreġistrat progress importanti f'termini ta' żieda fil-profittabbiltà, l-effetti fuq il-produttività, il-kwalità u l-kundizzjoniet ambjentali tal-produzzjoni.

Fir-rigward tas-settur taz- zokkor , fid- Dipartimenti Franċiżi , l-appoġġ jippermetti li jagħmel tajjeb għall-effetti tar-riforma taz-zokkor tal-2006 sabiex jinżamm livell aċċettabbli fil-prezz għall-produtturi, tinżamm il-vijabbiltà tal-industriji tal-ipproċċessar taz-zokkor u b'hekk ikun hemm kundizzjonijiet ġusti għall-kompetizzjoni fis-suq tal-UE. Madankollu, is-settur taz-zokkor qed iħabbat wiċċu ma' diffikultajiet fl- Azores minkejja l-appoġġ mogħti bil-POSEI. F'Mejju 2010 il-leġiżlaturi adottaw proposta leġiżlattiva sabiex itaffu dawn id-diffikultajiet.

Produzzjoni ta' kwalità

L-iskema POSEI, li tikkomplementa l-Programmi għall-Iżvilupp Rurali (RDPs - Rural Development Programs), hija għodda utli li tappoġġa l-produzzjoni lokali ta' kwalità li tkun tista' tikkompeti mal-prodotti impurtati, li issa ma għadhomx l-uniku għażla fis-swieq lokali.

Il-logo li jista' jintuża mill-produtturi tal-esportazzjoni lokali bl-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jikkontribwixxi għat-tikkettar ta' kwalità tal-produzzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-UE.

EżEKUZZJONI FINANZJARJA

Id-dejta dwar l-eżekuzzjoni finanzjara tal-programmi tal-POSEI bejn l-2006 u l-2008 (is-snin finanzjarji 2007-2009) hija rrappurtata fl-Anness I. Din id-dejta turi żieda fl-użu tal-fondi tal-POSEI matul dak il-perjodu.

B'mod partikolari, xi miżuri eżawrew ir-riżorsi finanzjarji allokati fl-aħħar snin. Dan jidher biċ-ċar partikolarment fil-miżuri tad-diversifikazzjoni fis-setturi tat-trobbija tal-bhejjem u tal-ħaxix tad-Dipartimenti Franċiżi Extra-Ewropej, li f'dawn l-aħħar snin għaddew minn perjodu ta' żvilupp mhux mistenni. L-insuffiċjenza tal-fondi wasslet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex japplikaw "stabilizzaturi" (tnaqqis pro-rata tal-għajnuna skont id-defiċit tal-baġit). Dan ġie ssuperat bl-awtorizzazzjoni ta' finanzjament nazzjonali addizzjonali mill-2010 'l quddiem.

Jidher ukoll biċ-ċar li l-baġit annwali tal-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista ntuża kważi kollu fir-reġjuni ultraperiferiċi. L-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista ġew stabbiliti fl-2005/2006 għal kull Stat Membru abbażi tal-eżekuzzjoni storika fl-2001-2003 u huma fissi. F'kull programm, is-sitwazzjoni tista' tittejjeb billi l-baġit disponibbli jerġa jitqassam mill-ġdid fost dawk il-miżuri fejn jeżistu marġnijiet. Barra minn hekk, l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 jippermetti lill-Istati Membri sabiex jagħtu finanzjament addizzjonali għall-miżuri ta' Appoġġ għall-Produzzjoni Lokali.

Madankollu, f'dak li jikkonċerna l-Arranġament Speċifiċi ta' Provvista, il-limiti stabbiliti bl-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 jikkawżaw ċertu nuqqas ta' flessibbiltà. Għalhekk qed issir proposta sabiex jingħata permess li ssir distribuzzjoni mill-ġdid iktar flessibbli tal-fondi bejn l-Appoġġ għal-Produzzjoni Lokali u l-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista fil-limiti tal-baġit allokat (ara § 8.1).

AWDITJAR TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISKEMA POSEI WARA L-2006

Is-servizzi ta' awditjar tal-Kummissjoni wettqu stħarriġ dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet fl-Azores, f'Madeira u f'Reunion fl-2008, fil-Gżejjer Kanarji fl-2008 u fl-2009, f'Martinique u fil-Gwadelup fl-2009.

B'mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet stabbiliti matul dawn eżerċizzji tal-awditjar juru titjib sostanzjali fuq dak innutat għas-snin ta' qabel, minkejja li qed jiġu nnotifkati xi nuqqasijiet, fir-rigward tal-kejl tal-pjantazzjonijiet tal-banana taħt il-programm tal-POSEI għall-Gżejjer Kanarji, li għad iridu jiġu investigati bis-sħiħ fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet.

ŻVILUPPI RILEVANTI MARBUTIN MAL-KUMMERċ WARA R-RIFORMA TAL-2006.

Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs – Economic Partnership Agreements)

Mill-1.1.2008, il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika awtorizzaw aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għas-suq Ewropew għal għadd ta' pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP). Għadd ta' pajjiżi AKP jipproduċu komoditajiet għall-esportazzjoni li jiffurmaw ukoll biċċa sostanzjali mill-esportazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi, bħal pereżempju l-banana, iz-zokkor, ir-ross, il-laħam u frott u ħaxix ieħor. Il-komoditajiet l-iktar rilevanti li jikkonċernaw ir-reġjuni ultraperiferiċi huma z-zokkor u l-banana.

Għall- banana , il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt qabel ir-riforma tal-banana tal-OKS fl-2006. Din il-valutazzjoni qieset il-konsegwenzi probabbli tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika u wasslet għat-trasferiment ta' baġit ogħla mill-OKS għall-iskema POSEI. L-importazzjonijiet tal-banana mill-pajjiżi AKP żdiedu sena wara sena bi kważi 10 % fl-2008 u għal darb'oħra b'4 % fl-2009. Wara tnaqqis konsiderevoli fil-produzzjoni ta' Martinique u fil-Gwadelup minħabba l-Urugan Dean f'Awwissu 2007 (ara l-Anness III), il-produzzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi reġgħet żdiedet, bi 2,7 % fl-2008 u b'7,4 % fl-2009.

Għaz- zokkor , il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika daħħlu importazzjonijiet mingħajr dazju u mingħajr kwoti mill-1.10.2009, soġġetti għal protezzjoni tranżizzjonali sal-2015 għall-pajjiżi AKP li mhumiex ukoll Pajjiżi l-Inqas Żvilippati (LCDs – Least Developed Countries). Dan jista' jwassal għal aktar importazzjonijiet mill-Pajjiżi AKP – mingħajr ma ssir distinzjoni bejn il-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati u dawk li mhumiex. Madankollu, x'aktarx li fuq perjodu ta' żmien qasir, dawn l-importazzjonijiet mhumiex se jilħqu l-livell imbassar ta' 3,5 m tunnellata fir-riforma taz-zokkor tal-2006.. Fil-fatt il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika sa issa ma kellhom l-ebda impatt dirett fuq is-settur taz-zokkor fir-reġjuni ultraperiferiċi.

Ftehimiet tal-WTO u ta' kummerċ bilaterali

L-UE dan l-aħħar ikkonkludiet ftehimiet bilaterali u multilaterali li jbiddlu l-preferenzi fuq it-tariffa tal-importazzjoni għal ċerti komoditajiet. Dawn it-bidliet jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tal-produtturi tar-reġjuni ultraperiferiċi li jikkompetu fis-suq tal-UE. Il-prodotti affettwati x'aktarx jinkludu r-rum, ċerti frott u ħaxix, zokkor tal-kannamieli u prodotti pproċessati li fihom kontenut għoli ta' zokkor miksub kollu kemm hu mill-kannamieli.

Fir-rigward tal- banana , l-UE inizjalat ftehim fil-15 ta' Diċembru 2009 mal-produtturi Latinoamerikani, li huma magħrufin ukoll bħala l-produtturi tan-Nazzjon l-Iktar Vantaġġat. Il-ftehim jinvolvi tnaqqis gradwali fuq it-tariffa tal-importazzjoni tal-UE minn EUR 176/tunnellata għal EUR 114 fuq perjodu ta' bejn seba' u disa' snin. L-UE qablet ukoll dwar tnaqqis addizzjonali fuq id-dazji tal-banana għal EUR 75/tunnellata sal-2020 f'żewġ ftehimiet bilaterali li kkonkludiet fl-ewwel nofs tal-2010, wieħed mal-Kolombja u l-Perù, u l-ieħor mal-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali. L-Ekwador, pajjiż ewlieni ieħor li jesporta l-banana, wera l-interess tiegħu sabiex jidħol fil-ftehim tal-UE mal-Kolombja u l-Perù.

Wara t-tmiem tal-Qafas Speċjali ta' Assistenza (SFA - Special Framework of Assistance) għall-fornituri tradizzjonali tal-banana tal-pajjiżi AKP li operaw bejn l-1999 u l-2008 b'baġit ta' EUR 375 miljun, il-Kummissjoni pproponiet li timmobilizza sa massimu ta' EUR 200 miljun għall-perjodu bejn 2010-2013 għall-benefiċċju tal-għaxar pajjiżi prinċipali tal-AKP li jesportaw il-banana (BAM - Banana Accompanying Measures) sabiex tgħinhom fil-proċess meħtieġ ta' aġġustament.

Għall-produtturi tar-reġjuni ultraperiferiċi, ir-riforma tal-OKS tal-banana fl-2006 kienet diġà ikkunsidrat fil-biċċa l-kbira l-effetti tal-ambjent kummerċjali l-ġdid. Il-valutazzjoni tal-impatt li twettqet qabel ir-riforma eżaminat il-konsegwenzi probabbli tat-tnaqqis fit-tariffi mqabbla ma' dawk li ġew miftiehma dan l-aħħar. Il-valutazzjoni wriet, abbażi tal-fatt li l-POSEI tiżgura li l-produtturi tal-banana jirċievu l-ammont sħiħ li għalih huma eliġibbli, ukoll jekk ma jilħqux eżattament il-livell tal-produzzjoni korrispondenti, li t-tibdiliet fit-tariffi tal-importazzjoni tal-UE, jekk jinżammu f'ċerti limiti, ikollhom impatt limitat fuq il-produzzjoni tal-UE. (ara l-Anness IV).

Sabiex jakkumpanja r-riforma tal-banana, l-ammont ittrasferit lill-POSEI ġie kkalkulat fuq il-medja l-iktar favorevoli tal-għajnuna mħallsa lill-produtturi tal-banana għall-2000-02, b'żieda ta' marġini ta' 8,4 % sabiex tirrifletti ċerta varjabbiltà tas-suq tal-banana f'kuntest ta' iktar liberalizzazzjoni. Fir-realtà, il-baġit tal-banana għola b'rata saħansitra akbar minn hekk – madwar 47 % - meta bbażata fuq l-appoġġ medju mħallas bejn l-2002 u l-2006. Madankollu minħabba l-iżviluppi ta' dan l-aħħar fis-suq, il-Kummissjoni qed tissorvelja mill-qrib l-impatt tal-ftehimiet kummerċjali multilaterali u se tieħu azzjoni xierqa biex fejn meħtieġ ittaffi dan l-impatt.

Għaz- zokkor , it-tnaqqis possibbli fuq id-dazji tal-importazzjoni u/jew l-introduzzjoni ta' Kwoti tar-Rati tat-Tariffi bħala parti mit-taħditiet multilaterali li għaddejjin bħalissa fid-Doha Round jistgħu jwasslu għal provvista żejda u jistgħu jaffettwaw il-prezzijiet interni taz-zokkor fl-UE. Ir-Regolament tal-Kunisll (KE) Nru 1234/2007 jirrikjedi li l-Kummissjoni żżomm il-bilanċ strutturali tas-suq bi prezz li jkun qrib il-prezz ta' referenza. Bosta miżuri tas-suq huma disponibbli, bħal pereżempju l-irtirar jew il-ħżin privat, sabiex tiġi affrontata sitwazzjoni bħal din. Dawn il-miżuri jaffettwaw il-produzzjoni taz-zokkor tal-kwota. Madankollu, ir-reġjuni ultraperiferiċi jipproduċu inqas zokkor mill-kwoti allokati lilhom, u b'hekk għandu jiġi llimitat l-impatt ta' dawn il-miżuri.

PROPOSTI GħAL TITJIB

Emendi proposti għal-leġiżlazzjoni tal-UE

Fil-kuntest tal-iżvilupp tal-iskema fl-aħħar snin u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona dan l-aħħar, huwa propost li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 jiġi riformulat sabiex jiġu aġġornati u ssemplifikati ċerti dispożizzonijiet u sabiex dan ikun allinjat mar-rekwiżiti l-ġodda tat-TFUE.

B'mod partikolari, qed issir proposta ta' emendar fl- Artikolu 4(2) sabiex jinkludi l-possibbiltà ta' kummerċ ħieles għall-prodotti pproċessati tal-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista (ara § 4.2.4) fost id-Dipartimenti Franċiżi Extra Ewropej.

Qed jiġi propost ukoll li l-Artikolu 23(3) jiġi emendat sabiex jiżdiedu l-limiti massimi annwali tal-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista għal Franza u għall-Portugall. – fi ħdan l-allokazzjonijiet finanzjari eżistenti sabiex jitneħħa l-piż minn fuq il-pakketti riżervati għall-Arranġamenti Speċifiċi tal-Provvista u sabiex prodotti addizzjonali jitħallew jidħlu fil-previżjonijiet tal-bilanċi tal-provvista tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-bżonn mingħajr ma jiżdied il-baġit globali (ara§ 5).

Fl-aħħar, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv u sabiex jingħata iktar żmien lill-Istati Membri li jiddeterminaw il-ħtiġijiet attwali u jiffinalizzaw approċċ strateġiku għas-sena ta' wara (ara § 4.1) il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li temenda l-Artikolu 49 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 793/2006. L-emenda se tikkonsisti fil-posponiment tad-data tal-iskadenza mill-1 ta' Awwissu għat-30 ta' Settembru, għat-tressiq tal-modifikazzjonijiet tal-programmi annwali lill-Kummissjoni għas-sena ta' wara. Dawn il-modifikazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati mis-servizzi tal-Kummissjoni u approvati permezz ta' ittra mid-DĠ AGRI sakemm ma jkunux jinvolvu emendi kbar, bħal pereżempju l-introduzzjoni ta' miżura ġdida (kapitlu) fil-programm. F'dan il-każ, il-modifikazzjonijiet għandhom jitressqu sal-1 ta' Awwissu u għandhom jiġu approvati permezz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri

L-Istati Membri qegħdin fil-proċess li jistabbilixxu sistemi ta' kontroll xierqa sabiex jivverifikaw it- trażmissjoni tajba tal-vantaġġ tal-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista lill-utent aħħari (§ 4.2.3). Huma qed jiġu mistiedna li jdaħħluhom fis-seħħ f'qasir żmien u li jirrappurtaw lill-Kummissjoni.

Qed issir rakkomandazzjoni lill-Istati Membri sabiex jaġġustaw il-livell tal- għajnuna tal-Arranġamenti Speċifiċi ta' Provvista għal dawk il- prodotti li huma prodotti lokalment ukoll b'tali mod li tingħata prijorità lill-iżvilupp tal-produzzjoni lokali(§ 4.2.5).

Qed issir rakkomandazzjoni lill-Istati Membri sabiex jeżaminaw fil-fond ir-raġunijiet li jispjegaw is-suċċess limitat tal-miżuri li mhux qed jilħqu l-miri tagħhom (§ 4.3.1) u qed tiġi proposta strateġija mtejba ta' appoġġ fil-programmi tagħhom. Il-flessibbiltà li ngħatat lill-Istati Membri bir-riforma sabiex dawn imexxu l-programm tagħhom tista' tkun effettiva ħafna sabiex jiġu ttrattati sitwazzjonijiet partikolari. Sabiex tingħata għajnuna lis-setturi f'diffikultà, l-Istati Membri jistgħu jallokaw mill-ġdid il-pakkett tal-POSEI fi ħdan il-programm u saħansitra jagħtu għajnuna addizzjonali, bis-saħħa wkoll tad-dispożizzjonijiet li huma iktar flessibbli dwar l-Għajnuna mill-Istat prevista għar-reġjuni ultraperiferiċi (§ 5).

Fil-kuntest ta' dawn l-għażliet strateġiċi, l-Istati Membri għandhom jipprivileġġaw miżuri li jiffavorixxu ż-żamma u l-ħolqien tal- impjieg lokali .

L-Istati Membri qed jiġu mistiedna biex jirrappurtaw regolarment abbażi tal- indikaturi ewlenin li qed jiġu stabbiliti mis-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jippermettu li ssir evalwazzjoni globali tal-progress tal-Iskema POSEI matul iż-żmien.

Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat li d-definizzjoni inizjali tal-programmi POSEI kienet teħtieġ approċċ ta' parteċipazzjoni mill-partijiet involuti kollha: dan għandu japplika wkoll fil-każ tal-modifikazzjonijiet annwali ta' dawn il-programmi. L-emenda prevista tal-Artikolu 49 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 793/2006 li tipposponi d-data tal-iskadenza għat-tressiq tagħhom (§ 8.1) se tippermetti li jkun hemm iktar żmien għall-konsultazzjoni tal-operaturi konċernati.

KONKLUżJONIJIET

Matul l-ewwel snin tal-implimentazzjoni, irriżulta li l-iskema POSEI kienet suċċess f'termini ta' approċċ ta' programmazzjoni (bla dubju iktar flessibbli u iktar qrib il-ħtiġijiet lokali), fir-rigward tal-garanzija tal-forniment tal-prodotti essenzjali billi ttaffi l-ispejjeż addizzjonali għall-konsenja tagħhom, fl-appoġġ tad-dħul tal-bdiewa fir-reġjuni ultraperiferiċi u fl-iżvilupp ta' ċerti setturi agrikoli.

Abbażi tal-analiżi u tas-sitwazzjoni ta' bħalissa, il-Kummissjoni tqis illi l-pakkett finanzjarju allokat għall-POSEI ffaċilita l-ilħuq tal-għanijiet ġenerali tal-iskema.

Ir-rwol tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-iskema POSEI huwa kruċjali. L-Istati Membri għandhom jirriflettu fuq riallokazzjoni iktar immirata tar-riżorsi disponibbli sabiex jappoġġjaw is-setturi emerġenti u l-produzzjonijiet li esperjenzaw iktar diffikultajiet minn setturi oħrajn.

Kemm il-Kummisjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex l-implimentazzjoni tal-iskema ssir bl-aħjar mod possibbli u b'mod partikolari sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-awtosuffiċjenza tal-ikel u d-diversifikazzjoni mis-setturi tal-produzzjoni tal-esportazzjoni tradizzjonali, sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-attività agrikola ukoll fil-każ ta' kriżijiet tas-suq li jkunu fil-mira.

L-impjieg fl-agrikoltura, li għandu jinżamm u jiżdied fejn huwa possibbli, il-kwalità tal-produzzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent huma wkoll miri essenzjali li għandhom jinżammu fil-mira.

[1] Ir-Riżoluzzjoni tal-PE tal-11 ta' Mejju 1987

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3763/91 (ĠU L 356, 24.12.1991, p. 1).

[3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/92 (ĠU L 173, 27.6.1992, p. 13).

[4] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1600/92 (ĠU L 173, 27.6.1992, p. 1).

[5] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1452/2001 (POSEIDOM), 1453/2001 (POSEIMA) u 1454/2001 (POSEICAN) tat-28 ta' Ġunju 2001 ĠU L 198, 21.7.2001, p. 11.

[6] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1257/1999 (ĠU L 160, 26.6.1999, p. 80).

[7] Riveduta u rinfurzata bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2008)642.

[8] ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1.

[9] ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.

[10] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1 (ir-riforma taz-zokkor)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2013/2006 ĠU L 384,29.12.2006, p. 13 (ir-riforma tal-banana)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1276/2007 ĠU L 284, 30.10.2007, p. 11 (limiti baġitarji għall-2007)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 674/2008 - ĠU L 189, 17.7.2008, p. 5 (limiti baġitarji għall-2008)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 - ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16 (Il-Kontroll tas-Saħħa)

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet