52010DC0450


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Id-Disa' Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/552/KEE, kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE u d-Direttiva 2007/65/KE għall-perjodu 2007-2008 (Promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u indipendenti)

/* KUMM/2010/0450 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 23.9.2010

KUMM(2010) 450 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Id-Disa' Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/552/KEE, kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE u d-Direttiva 2007/65/KE għall-perjodu 2007-2008(Promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u indipendenti)

SEG(2010) 995

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Id-Disa' Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/552/KEE, kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE u d-Direttiva 2007/65/KE għall-perjodu 2007-2008(Promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u indipendenti)

DAĦLA

Din il-Komunikazzjoni tfasslet skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti b'liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet tax-xandir bit-televiżjoni[1] ('id-Direttiva dwar Televiżjoni mingħajr Fruntieri'), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 1997[2] u bid-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11.12.2007 (‘id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva’)[3], (minn hawn 'il quddiem imsejħa 'id-Direttiva')[4]. B'din il-Komunikazzjoni, għad-disa' darba mill-adozzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 għall-perjodu 2007-2008. Il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq id-dikjarazzjonijiet statistiċi tal-Istati Membri dwar l-ilħiq tal-proporzjonijiet imsemmija f'dawn l-Artikoli minn kull wieħed mill-programmi televiżivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, u tippreżenta l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet, filwaqt li tinkludi l-konklużjonijiet prinċipali li għandhom joħorġu mir-rapporti tal-Istati Membri.

L-għan ta' dan ir-rappurtar ta' kull sentejn huwa doppju. L-ewwel nett, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, il-Komunikazzjoni ġġib id-dikjarazzjonijiet statistiċi tal-Istati Membri għall-għarfien tal-Istati Membri l-oħra, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni. It-tieni nett, għandha l-għan tivverifika jekk il-miżuri adottati mill-Istati Membri bl-għan li jippromwovu xogħlijiet Ewropej u indipendenti ġewx applikati kif xieraq.

Biex isir dan ir-rappurtar, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri kollha lista ddefinita minn qabel ta' kanali li ħarġet mill-bażi ta' dejta tal-MAVISE[5] tal-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew. L-iskop kien li tintuża bażi uniformi, għal aktar konsistenza u komparabilità fid-dejta statistika li jipprovdu l-Istati Membri. Skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-kanali lokali tneħħew mil-lista minħabba li huma esklużi mill-ambitu tal-Artikoli 4 u 5 (skont l-Artikolu 9) kif ukoll il-kanali li jxandru b'lingwa differenti minn dawk tal-Istati Membri tal-UE (il-Premessa 29 tad-Direttiva 97/36/KE) u l-kanali li jxandru b'mod esklussiv għal pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-UE u li ma jistgħux jinqabdu fl-UE (l-Artikolu 2 (6)). Kif diġà kien il-każ fir-rapport preċedenti, il-kanali kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru speċifiku kellhom jitqiesu indipendentament mill-kwota ta' udjenza tagħhom. Aktar dettalji jistgħu jinstabu fid-dokumenti ta' sfond inklużi fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja din il-Komunikazzjoni.

Għall-ewwel darba, il-Bulgarija u r-Rumanija, li daħlu fl-UE fl-1 ta' Jannar 2007 u taw dejta statistika b'mod volontarju għall-perjodu 2005-2006, wettqu l-obbligu tagħhom li jirrapportaw dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 matul il-perjodu 2007-2008. Għaldaqstant, din hija l-ewwel darba li din il-Komunikazzjoni tinkludi r-rapporti obbligatorji tas-27 Stat Membru kollha tal-UE.

L-OPINJONI TAL-KUMMISSJONI DWAR L-APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLI 4 U 5

Rimarki ġenerali

L-Artikoli 4 u 5 fil-kuntest tax-xena awdjoviżiva Ewropea

Matul il-perjodu li qed jiġi analizzat, ix-xena awdjoviżiva Ewropea għaddiet mill-istess xejra pożittiva li kienet ġiet irreġistrata fil-perjodu 2005-2006. L-għadd ta' xandara u kanali qiegħed jiżdied kull sena, b'mod partikolari minħabba li bdiet tintuża t-teknoloġija diġitali li tiffavorixxi l-ħolqien ta' pjattaformi ġodda u ta' għadd kbir ta' kanali "tematiċi" speċjalizzati. Dan il-fenomenu wassal għal aktar frammentazzjoni tal-kwota tal-udjenza; xi ħaġa li kienet diġà ġiet enfasizzata fit-Tmien Komunikazzjoni[6]. Skont id-dejta mogħtija mill-Osservatorju Awdjoviżiv Ewropew, l-għadd tal-kanali fl-UE-27 żdied minn 5 151 kanal fl-2006 għal 6 067 kanal fl-2008, li hija żieda ta' 17.8 %. L-għadd ta' kanali b'kopertura nazzjonali żdied minn 1 967 fl-2006 għal 2 702 fl-2008, li hija żieda ta' 37.36 %.

Matul l-istess perjodu, iż-żieda rreġistrata fl-għadd totali ta' kanali koperti[7] mir-rapporti tal-Istati Membri kienet ogħla miż-żieda rreġistrata fis-suq: l-għadd żdied minn 1 107 kanal fl-2006 (UE-27[8]) għal 1 590 fl-2007 u 1 679 fl-2008. Għalhekk, iċ-ċifra għas-sena 2008 tirrappreżenta żieda ta' 51.6 % fuq is-sena 2006.

Din id-differenza bejn ir-rata ta' żieda rreġistrata fis-suq u r-rata ta' żieda fl-għadd ta' kanali koperti tista' tiġi attribwita għall-użu ta' lista ddefinita minn qabel ta' kanali, li tikkostitwixxi bażi ta' kalkolu aktar komprensiva minn dik użata fil-perjodi ta' referenza preċedenti.

Il-metodi ta' implimentazzjoni u monitoraġġ mill-Istati Membri

Il-metodoloġija li tintuża għall-monitoraġġ mhijiex armonizzata u tvarja b'mod sostanzjali bejn Stat Membru u ieħor. Kif ġara fil-każ ta' rapporti preċedenti, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, ix-xandara jipprovdu dejta lill-awtoritajiet kompetenti. F'xi wħud minnhom, id-dejta li tinġabar tiġi analizzata mill-awtoritajiet nazzjonali jew minn kumpaniji privati ta' riċerka. F'każ minnhom, id-dejta tiġi mill-monitoraġġ tal-programmazzjoni ta' kuljum li jsir mill-bażi tad-dejta tal-awtorità kompetenti. Il-metodi jistgħu jvarjaw ukoll skont it-tip tax-xandara kkonċernati (xandara pubbliċi jew kummerċjali). Il-monitoraġġ jitwettaq jew abbażi ta' teħid ta' kampjuni jew abbażi tal-ħin totali ta' xandir. F'wieħed mill-pajjiżi[9], il-ġbir tad-dejta statistika ġie ristrett għal kanali li jxandru permezz ta' mezzi terrestri, minħabba li l-leġiżlazzjoni ma tippermettix lill-awtoritajiet nazzjonali jitolbu għal dejta minn kategoriji ta' kanali oħra.

Ta' min jinnota li fl-2008, waħda mill-awtoritajiet nazzjonali (fil-Portugall) tejbed il-mod li bih twettaq il-monitoraġġ billi abbandunat it-teħid ta' kampjuni u bdiet tqis il-ħin totali ta' xandir li jsir matul is-sena sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tal-kanali.

L-użu ta' lista ddefinita minn qabel fit-tfassil ta' dan ir-rappurtar wassal għall-ħtieġa ta' kjarifikazzjonijiet kważi fl-Istati Membri kollha, wara li l-awtoritajiet nazzjonali neħħew għadd ta' kanali mil-lista. Ġie indikat it-trattament li għandu jingħata lill-kategoriji ta' kanali differenti, skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva[10]. F'żewġ każijiet speċifiċi[11], il-Kummissjoni saħqet b'mod uffiċċjali li l-obbligu ta' rappurtar skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva japplika għal "kull wieħed mill-programmi tat-televiżjoni" li jaqa' taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri kkonċernati, għajr f'dawk il-każijiet imsemmija b'mod espliċitu fl-Artikolu 4(1)[12].

Globalment, l-għadd ta' rapporti nazzjonali li jiġbru d-dejta għall-kanali koperti kollha naqas bi ftit: 12-il rapport minn 25[13] jipprovdu dejta statistika dwar xogħlijiet Ewropej għall-kanali koperti kollha fl-2007 u 11 fl-2008[14], imqabbel mal-14-il rapport minn 25 fil-perjodu ta' referenza preċedenti. Aktar sinifikanti hija ż-żieda fl-għadd ta' kanali li ma ngħatatx dejta dwarhom minn dawk l-Istati Membri li naqqsu milli jipprovdu d-dejta kollha. Skont it-Tmien Komunikazzjoni, id-dejta dwar xogħlijiet Ewropej ma ngħatatx għal 13-il kanal mir-Repubblika Ċeka fl-2005 u għal 10 kanali mill-Italja fl-2006. Matul il-perjodu ta' referenza, ma ngħatatx dejta dwar xogħlijiet Ewropej għal 97 kanal mill-Italja fl-2007 (83 fl-2008), 47 mill-Ġermanja fl-2007 u l-2008, u 34 minn Franza fl-2007 (35 fl-2008). Din ix-xejra tista' tkun dovuta għaliex fis-suq feġġ għadd kbir ta' kanali żgħar li għamel il-ġbir tad-dejta aktar diffiċli, iżda jista jkun ukoll minħabba l-użu ta' lista ddefinita minn qabel ta' kanali.

Elementi oħra li jwasslu għal diverġenza jistgħu jiġu osservati fl-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva fl-Istati Membri. Kif diġà ġie enfasizzat fit-Tmien Komunikazzjoni, il-proporzjon minimu ta' xogħlijiet indipendenti meħtieġa skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva jista' jirrelata jew għall-ħin ta' xandir tal-kanali jew għall-baġit tagħhom għall-programmar[15]. Il-bażi li tintuża għall-kalkolu tista' tkun differenti wkoll, skont it-tip ta' kanal[16]. Barra minn hekk, għadd ta' Stati Membri stabbilixxew regoli aktar dettaljati u aktar stretti (jew għax-xandara kollha, inkella għax-xandara tas-servizz pubbliku biss), u b'hekk eżerċitaw il-possibbiltà stabbilita b'mod espliċitu fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva.

Il-marġni ta' flessibbiltà awtorizzat mid-Direttiva għall-implimentazzjoni tagħha jagħmilha diffiċli li wieħed ikejjel id-dejta nazzjonali b'mod totalment komparabbli. Madankollu, abbażi tal-konklużjonijiet ippreżentati f'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tista' tiġbed konklużjonijiet affidabbli mir-rapporti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 fil-livell tal-UE.

L-għodod ta' analiżi u ta' valutazzjoni

Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5 skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Sabiex jgħin lill-Istati Membri fit-twettiq tal-obbligi ta' monitoraġġ u rappurtar tagħhom, ġie mfassal dokument li fih linji gwida[17]. Dan id-dokument jiddefinixxi għadd ta' termini u jiċċara ċerti kunċetti. Barra min hekk, ġew definiti għadd ta' indikaturi[18] biex jipprovdu għodda ta' analiżi oġġettiva għall-valutazzjoni tad-dejta statistika pprovduta mill-Istati Membri.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 4

Din is-sezzjoni tipprovdi analiżi tal-konformità mal-obbligu li l-maġġoranza tax-xandir ikun ta' xogħlijiet Ewropej, fejn huwa prattiku u b'mezzi xierqa, kif stipulat fl-Artikolu 4 tad-Direttiva.

Fl-UE, il-ħin medju ta' xandir iddedikat għal xogħlijiet Ewropej mill-kanali rapportati kollha fl-Istati Membri tal-UE-27 kien ekwivalenti għal 62.64 % fl-2007 u 63.21 % fl-2008, li jirrappreżenta żieda ta' 0.57 punti perċentwali matul il-perjodu ta' referenza[19]. Filwaqt li fl-aħħar perjodu ta' rappurtar ġiet irreġistrata xejra pożittiva, fl-2008 l-proporzjon tal-ħin ta' xandir ddedikat għal xogħlijiet Ewropej reġa' naqas għal-livell li kien fl-2005, b'medja ta' 63.21 %. L-evoluzzjoni f'nofs il-perjodu (2004[20]-2008) tippreżenta xejra relattivament stabbli, bi tnaqqis ċkejken ta' 0.12 punti perċentwali bejn il-medja miksuba fl-2004 (63.52 %) u dik miksuba fl-2008 (63.40 %).

Meta jiġu meqjusa t-tliet gruppi differenti ta' Stati Membri[21], il-konklużjonijiet huma dawn: il-medji globali kif rapportati mill-15-il Stat Membru jirrappreżentaw xejra pożittiva matul il-perjodu ta' 4 snin (64.19 % fl-2008 mqabbel ma' 63.10 % fl-2005, li jirrappreżenta żieda ta' 1.09 punti perċentwali), filwaqt li l-medji rreġistrati mill-UE-10 kienu jippreżentaw tnaqqis ta' 2.04 punti perċentwali għall-istess perjodu (62.11 % fl-2008 mqabbel ma' 64.15 % fl-2005). Iż-żewġ Stati Membri li ngħaqdu mal-UE fl-2007 (il-Bulgarija u r-Rumanija) rreġistraw żieda fil-medja ta' xogħlijiet Ewropej meta mqabbel mal-perjodu preċedenti: 61.40 % fl-2008 kif imqabbel ma' 59.40 % fl-2005 (2 punti perċentwali). Meta jitqies li dawn il-pajjiżi m'ilhomx li daħlu fl-UE, il-prestazzjoni tagħhom hija ta' min ifaħħarha u tikkonferma li l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fil-qasam tad-Direttiva seħħet mingħajr problemi fir-rigward tal-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej. Għaldaqstant, matul il-perjodu 2005-2008, iċ-ċifri globali baqgħu relattivament stabbli, u ferm ogħla mil-limitu ta' 50 % meħtieġ skont l-Artikolu 4.

Fuq skala tal-Istati Membri, is-sehem medju tal-ħin ta' xandir ddedikat għal xogħlijiet Ewropej matul il-perjodu ta' referenza varja bejn 27.90 % (Ċipru) u 85.00 % (il-Polonja) fl-2007 u bejn 30.00 % (Ċipru) u 83.11 % (il-Polonja) fl-2008. F'termini ta' żieda fis-sehem medju tal-ħin ta' xandir matul l-istess perjodu, ix-xejra reġistrata kienet posiżittiva f'14-il Stat Membru, negattiva fi 11 u stabbli fi tnejn. Għal terminu medju, meta r-riżultati tal-2008 jiġu mqabbla ma' dawk tal-2005, 16-il Stat Membru juru żieda, għalkemm fil-biċċa l-kbira tal-każijiet din iż-żieda hija pjuttost modesta (5 % jew inqas, fi 11-il Stat Membru). Min-naħa l-oħra, 11-il Stat Membru rreġistraw tnaqqis (ta' inqas minn 10 %, fi 8 Stati Membri). Ix-xejriet fil-ħin medju ta' xandir iddedikat għal xogħlijiet Ewropej matul il-perjodu ta' 4 snin (2005-2008) jidhru fi grafiki li ġew elaborati għal kull Stat Membru[22].

Ir-rati ta' konformità għall-kanali koperti kollha fil-livell tal-Istati Membri kienu jvarjaw bejn 12.5 % (Ċipru) u 100 % (Estonja) kemm fl-2007 kif ukoll fl-2008. Fil-perjodu ta' referenza, ir-rati ta' konformità żdiedu fi 12-il Stat Membru, baqgħu l-istess f'disgħa u naqsu f'sitta. Ta' min jinnota li r-rati ta' konformità mhux biss jirriflettu l-progress li għamlu jew ma għamlux il-kanali, fir-rigward tal-proporzjonijiet korrespondenti għax-xogħlijiet Ewropej stipulati fl-Artikolu 4, iżda jixhdu wkoll il-livell ta' dejta kkomunikata/mhux ikkomunikata[23].

Tliet Stati Membri[24] sabuha diffiċli biex jilħqu l-proporzjon meħtieġ ta' xogħlijiet Ewropej tul il-perjodu ta' referenza kollu, għalkemm fit-tliet każijiet l-agħar riżultati ġew irreġistrati fl-2007 segwiti bi ftit titjib fl-2008, li f'żewġ każijiet kien żgħir ħafna. Tnejn[25] minnhom diġà ma kienx irnexxilhom jilħqu l-proporzjon meħtieġ ta' xogħlijiet Ewropej f'waħda mis-sentejn tal-perjodu ta' referenza preċedenti. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati biex jappoġġaw l-isforzi li l-kanali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jagħmlu biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom u biex jiksbu titjib kostanti fis-snin li ġejjin.

Dawn ir-riżultati juru li l-prestazzjoni globali baqgħet relattivament stabbli matul il-perjodu ta' referenza, kif imqabbel ma' dak preċedenti; dan juri applikazzjoni ġeneralment korretta tal-Artikolu 4 fl-UE kollha. Huwa minnu li fil-perjodu 2007-2008 ġiet osservata xejra negattiva fil-pajjiżi tal-UE-10, li tista' tiġi spjegata, sa ċertu punt, bl-għadd kbir ta' kanali speċjalizzat maħluqa reċentament, li għandhom rata' ta' udjenza baxxa, u li forsi jeħtieġu perjodu ta' adattament qabel ma jilħqu l-proporzjon meħtieġ ta' xogħlijiet Ewropej. Madankollu, l-Istati Membri huma mistiedna jimmonitorjaw il-progress miksub mill-kanali kollha li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u biex iħeġġuhom kollha ħalli jiksbu l-proporzjon ta' xogħlijiet Ewropej stipulat fl-Artikolu 4.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 5

It-tieni parti ta' din il-Komunikazzjoni tippreżenta r-riżultati miksuba fil-livell Ewropew fir-rigward tal-proporzjon ta' xogħlijiet Ewropej minn produtturi indipendenti (produzzjonijiet indipendenti), stipulat fl-Artikolu 5 tad-Direttiva.

Fl-UE, il-proporzjon medju ddedikat għal produzzjonijiet indipendenti mxandra mill-kanali rapportati kollha fl-Istati Membri kollha ekwivalenti għal 35.26 % fl-2007 u 34.90 % fl-2008, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 0.36 punti perċentwali matul il-perjodu ta' referenza. Dan it-tnaqqis ċkejken ġie wara xejra pożittiva li kienet ilha tiġi rreġistrata mill-2003. Għall-perjodu ta' erba' snin bejn l-2005 u l-2008[26], il-medji miksuba fl-2008 jirrappreżentaw tnaqqis ta' 0.83 punti perċentwali meta mqabbla ma' dawk miksuba fl-2005. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom iħeġġu lix-xandara li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex iżidu l-ħin ta' xandir tagħhom iddedikat għal produzzjonijiet indipendenti sabiex jilħqu, mill-inqas, il-livell miksub fil-perjodu ta' referenza preċedenti.

Fil-perjodu 2007-2008, 13-il Stat Membru rreġistraw żviluppi pożittivi u 14-il Stat Membru rreġistraw żviluppi negattivi. Matul il-perjodu ta' referenza, l-Istati Membri kollha kisbu l-livell minimu ta' 10 % stabbilit għal produzzjonijiet indipendenti. Fil-perjodu ta' referenza preċedenti[27], wieħed mill-Istati Membri ma rnexxilux jikseb dan il-livell minimu. Fil-perjodu ta' 4 snin ta' bejn l-2005 u l-2008, tmien Stati Membri rreġistraw żidiet li jvarjaw bejn 1.40 punti perċentwali (Renju Unit) għal 32.20 punti perċentwali (Ċipru). B'kollox, f'19-il Stat Membru ġie osservat tnaqqis meta mqabbel mal-2005, li kien ivarja bejn -0.20 punti perċentwali (Portugall) u -16.80 punti perċentwali (Svezja). Meta mqabbel maċ-ċifri tal-2005, il-proprzjon ta' produzzjonijiet indipendenti rreġistrat fl-2008 jirrappreżenta tnaqqis ta' 4.36 punti perċentwali għall-UE-15, żieda ta' 4.56 punti perċentwali għall-UE-10 u tnaqqis ta' 1.35 punti perċentwali għall-aktar żewġ Stati Membri reċenti. Il-medja rreġistrata mill-UE-10 fl-2008 (35.10 %) mhix 'il bogħod wisq mil-livell miksub mill-UE-15 fl-istess sena (36.02 %).

Il-medja ta' konformità tal-kanali fl-Istati Membri kollha tal-UE kienet 70.39 % fl-2007 u 72.35 % fl-2008. Fil-perjodu ta' erba' snin bejn l-2005 u l-2008, ir-rata ta' konformità għall-UE-25[28] naqset b' 1.06 punti perċentwali Meta mqabbel mar-riżultati tal-2004, it-tnaqqis kien ta' 7.06 punti perċentwali. Dan it-tnaqqis fiċ-ċifri jista' jiġi attribwit, parzjalment, għal żieda fl-għadd ta' kanali koperti fil-perjodu ta' referenza u għall-ammont ta' dejta mhux ikkomunikata dwar xandir ta' produzzjonijiet indipendenti[29].

Ir-rata medja ta' konformità f'kull Stat Membru tvarja bejn 35.13 % (Bulgarija) u 100 % f'erba' Stati Membri (Estonja, Litwanja, Lussemburgu u Malta) fl-2007 u bejn 35.12 % (Italja) u 100 % fi tliet Stati Membri (Estonja, Litwanja u Malta) fl-2008. Matul il-perjodu ta' referenza, ir-rata medja ta' konformità żdiedet f'10 Stati Membri, baqgħet l-istess fi tmien Stati Membri u naqset f'disgħa Stati Membri. L-UE-10, b'rata medja ta' konformità ta' 78.67 % fl-2007 u 83.30 % fl-2008, kellha rata ogħla minn dik tal-UE-15 li kienet 68.92 % u 69.24 % fl-2007 u fl-2008 rispettivament; dan jikkonferma li l-Artikolu 5 ġie implimentat sew fl-Istati Membri tal-UE-10.

Il-medja tal-kwota fl-UE ddedikata għal xogħlijiet Ewropej reċenti minn produtturi indipendenti (xogħlijiet reċenti[30]) kienet ta' 62.99 % (fl-2007) u 63.88 % (fl-2008) tax-xogħlijiet Ewropej kollha li saru minn produtturi indipendenti, li tirrappreżenta żieda żgħira (0.89 punti perċentwali) matul il-perjodu ta' referenza. Madankollu, meta mqabbla mal-medja miksuba fl-2005[31] (68.75 %), il-medja għall-2008 tirrappreżenta tnaqqis ta' 4.87 punti perċentwali. F'nofs il-perjodu, iċ-ċifri jindikaw xejra negattiva kostanti, fejn il-medja ta' 64.88 % miksuba fl-2008 fil-pajjiżi tal-UE-25[32] tirrappreżenta tnaqqis ta' 4.21 punti perċentwali meta mqabbla mal-medja tal-2004 (69.09 %). Din ix-xejra negattiva għandha tiġi mqabbla maż-żieda ta' 4.97 punti perċentwali fil-perjodu ta' bejn l-2001 u l-2006 li ġiet irrapportata fit-Tmien Komunikazzjoni. Meta jitqies il-perjodu 2005-2008, il-medja ta' xogħlijiet reċenti rreġistrata mill-grupp tal-UE-10 fl-2008 (65.39 %) kienet tirrappreżenta tnaqqis ta' 6.90 punti perċentwali meta mqabbla maċ-ċifra tal-2005 (72.29 %). Il-grupp tal-UE-15 kiseb medja aktar baxxa minn dik tal-grupp tal-UE-10, kemm fl-2008 (64.53 %) kif ukoll fl-2005 (66.23 %), iżda t-tnaqqis irreġistrat bejn l-2005 u l-2008 (-1.69 punti perċentwali) kien ukoll inqas milli fil-każ tal-UE-10. Għalhekk, filwaqt li r-riżultati miksuba mill-UE-10 jerġgħu jikkonfermaw li l-Artikolu 5 ġie implimentat sew f'dawn il-pajjiżi, għandhom isiru sforzi biex tiġi indirizzata x-xejra negattiva perċettibbli; u l-istess ħaġa tgħodd għall-UE-15.

L-aktar żewġ Stati Membri reċenti rreġistraw prestazzjoni tajba ħafna (medja ta' 56.7 % fl-2007 u ta' 51.35 % fl-2008) fil-perjodu li qed jiġi analizzat, li jikkonferma li l-integrazzjoni tagħhom fil-qasam tal-Artikolu 5 seħħet mingħajr problemi.

Ir-riżultati juru li r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 qegħdin jiġu ssodisfati faċilment fil-livell tal-UE f'termini tax-xandir ta' produzzjonijiet indipendenti, inkluż propozjon adegwat ta' xogħlijiet reċenti, minkejja li fir-rigward tal-livell miksub fl-2005 ġiet osservata xejra ta' tnaqqis. Għaldaqstant, l-Istati Membri qed jiġu mitluba jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 mix-xandara li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u biex iħeġġu żvilupp pożittiv fl-iskedar tal-produzzjonijiet indipendenti u xogħlijiet reċenti Ewropej.

KONKLUŻJONI

Skont id-dejta statistika pprovduta mill-Istati Membri, l-iskedar ta' xogħlijiet Ewropej fil-livell tal-UE rreġistra żieda żgħira ħafna matul il-perjodu ta' referenza attwali. Matul il-perjodu 2005-2008, l-iżvilupp kien stabbli, iżda bejn l-2005 u l-2007 ġew irreġistrati xi ftit varjazzjonijiet (xejra pożittiva segwita bi tnaqqis fl-2007). Madankollu, fl-2008 l-iskedar ta' xogħlijiet Ewropej reġa' ġie għall-istess livell tal-2005 (63.2 % għall-UE-27). Dan jixhed stabbiltà f'livell relattivament għoli, ferm superjuri għall-proporzjon stipulat fl-Artikolu 4. Barra minn hekk, dan ir-riżultat għandu jiġi interpretat fil-kuntest ta' żieda kostanti tal-għadd ta' kanali fis-suq, bil-ħolqien ta' kanali żgħar u speċjalizzati li jistgħu isibuha diffiċli biex jilħqu l-proporzjon meħtieġ ta' xogħlijiet Ewropej minn meta jibdew jaħdmu. Dan l-aspett kien diġà ġie enfasizzat fit-Tmien Komunikazzjoni u għandu jitqies waqt il-valutazzjoni tal-prestazzjoni globali fir-rigward tal-iskedar ta' xogħlijiet Ewropej fl-UE matul il-perjodu ta' referenza attwali.

Minkejja li s-sitwazzjoni ġenerali hija sodisfaċenti, xorta għad fadal lok għall-progress. L-ewwel nett, it-tliet Stati Membri li ma rnexxilhomx jilħqu l-proporzjon meħtieġ ta' xogħlijiet Ewropej fl-2007 u l-2008 għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom u jsaħħu ż-żieda (f'każ minnhom, żgħira ħafna) li diġà rreġistraw fl-2008. Peress li tnejn minn dawn l-Istati Membri jappartienu għall-UE-10, żieda fil-medja tax-xogħlijiet Ewropej tagħhom għandha tħalli impatt pożittiv fuq ix-xejra negattiva rreġistrata mill-UE-10 bejn l-2005 u l-2008, li għandha tiġi indirizzata wkoll.

Fl-aħħar nett, ta' min jinnota l-livell għoli ta' skedar ta' xogħlijiet Ewropej miksub mill-aktar żewġ Stati Membri reċenti fil-perjodu ta' referenza u ż-żieda li dawn irreġistraw matul il-perjodu 2005-2008.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva, l-iżvilupp globali osservat matul il-perjodu ta' referenza jindika xejra ftit negattiva fil-każ ta' xogħlijiet indipendenti. Skont id-dikjarazzjonijiet statistiċi pprovduti mill-Istati Membri, ġie rreġistrat tnaqqis kemm fil-perjodu ta' referenza attwali kif ukoll fil-perjodu 2005-2008. Għalkemm dan it-tnaqqis mhux sinifikanti (-0.83 punti perċentwali bejn l-2005 u l-2008), xorta jbiddel ix-xejra pożittiva rreġistrata fil-perjodu preċedenti. F'dak li jirrigwarda l-produzzjonijiet indipendenti, ta' min jinnota li l-UE-10 rnexxilhom itejbu l-prestazzjoni tagħhom.

Jidher li kien hemm xejra pjuttost aktar negattiva fir-rigward ta' xogħlijiet reċenti minn produtturi indipendenti matul il-perjodu 2005-2008. L-Istati Membri huma mistiedna jħeġġu l-kanali li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom biex iżidu l-isforzi tagħhom biex iżidu l-iskedar tal-produzzjonijiet indipendenti u x-xogħlijiet reċenti.

Madankollu, ir-riżultati miksuba matul il-perjodu ta' referenza jixhdu li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 saret b'mod sodisfaċenti, u li l-livell miksub huwa ferm superjuri għall-proporzjonijiet meħtieġa minn din id-dispożizzjoni.

Kif diġà ġie ddikkjarat fit-Tmien Komunikazzjoni, ir-riżultati tal-analiżi tar-rapporti ppreżentati mill-Istati Membri[33] juru li fil-perjodu 2007-2008 ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva ntlaħqu faċilment, kif jidher mill-Grafika ta' hawn taħt.

L-iżvilupp tal-indikaturi ewlenin bejn l-2005 u l-2008 (UE-27)

[pic]

[1] ĠU L 298, 17.10.1989.

[2] ĠU L 202, 30.07.1997.

[3] ĠU L 332, 18.12.2007.

[4] Dawn it-tliet Direttivi ġew ikkodifikati bħala d-Direttiva 2010/13/UE wara li ntemm il-perjodu ta' traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/65/KE. Il-kodifikazzjoni kienet tinvolvi r-rinumerazzjoni tal-Artikoli. L-Artikoli 16 u 17 il-ġodda ssostitwixxew l-Artikoli 4 u 5 ta' qabel, iżda s-sustanza tagħhom ma nbidlitx.

[5] http://mavise.obs.coe.int/.

[6] http://ec.europa.eu/avpolicy/reg/tvwf/implementation/promotion/index_en.htm.

[7] Għad-definizzjoni ta' kanali "koperti", ara l-Indikatur 1 fl-Anness 1 — Dokument ta' Ħidma tal-Persunal: mill-għadd totali ta' kanali identifikati jitnaqqsu l-għadd ta' kanali mhux operattivi u l-għadd ta' kanali eżenti (minħabba n-natura tal-programmi tagħhom) jew kanali esklużi (minħabba eċċezzjonijiet legali).

[8] Għall-fini ta' komparabilità, id-dejta li kkomunikaw il-Bulgarija u r-Rumanija b'mod volontarju għas-snin 2005 u 2006 tqieset fil-kalkolu tal-għadd totali ta' kanali f'dawk is-sentejn.

[9] Ara l-Anness 3, p.120 (Ċipru). Is-sitwazzjoni leġiżlattiva għandha tinbidel fix-xhur li ġejjin.

[10] Ara http://ec.europa.eu/avpolicy/docs/reg/tvwf/eu_works/controle45_en.pdf.

Mill-ambitu tal-Artikoli 4 u 5, huma esklużi biss il-kanali lokali (subreġjonali), flimkien mal-kanali li jxandru b'lingwa differenti minn dawk tal-Istati Membri tal-UE u dawk li jxandru 'l barra mill-UE u li ma jistgħux jinqabdu fl-UE.

[11] Il-Kummissjoni bagħtet ittri lill-Ġermanja u lill-Portugall dwar il-ħtieġa li l-Artikoli 4 u 5 jiġu applikati għall-kanali reġjonali u l-kanali taċ-ċinema rispettivament, peress li l-awtoritajiet nazzjonali kienu qisuhom bħala eżenti. Wara li rċivew l-ittra tal-Kummissjoni, il-Portugall diġà ressaq dejta dwar il-kanali taċ-ċinema għall-2008 filwaqt li l-Ġermanja kkommettiet ruħha biex tiġbor dejta statistika mill-kanali reġjonali għall-perjodu ta' rappurtar li jmiss.

[12] Mill-obbligu li japplikaw l-Artikoli 4 u 5 huma eżentati biss dawk il-kanali li jxandru aħbarijiet, avvenimenti sportivi, logħob, reklamar, telebejgħ u servizzi tat-teletext.

[13] F'dan il-każ, l-UE-25 tqieset għall-perjodu 2007-2008, biex id-dejta tkun tista' tiġi mqabbla mad-dejta tal-perjodu ta' referenza preċedenti. Fi kwalunkwe każ, iċ-ċifri tal-UE-27 għall-perjodu 2007-2008 huma l-istess.

[14] Dan huwa l-każ tal-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Awstrija, il-Polonja, il-Finlandja u r-Renju Unit. Ir-Renju Unit pprovda dejta għat-396 kanal koperti kollha fl-2007, u fl-2008 għamel l-istess għajr għal tnejn minnhom.

[15] Fil-perjodu ta' referenza preċedenti, Franza u l-Italja diġà ħabbru li kienu għażlu t-tieni possibbiltà. Ara t-Tmien Komunikazzjoni.

[16] Dan huwa l-każ tal-kanali diġitali terrestri fi Franza. Il-perċentwali jiġi kkalkulat abbażi tad-dħul tas-sena preċedenti, li huwa bażi ta' kalkolu ogħla minn dak stabbilit mid-Direttiva. Fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja it-Tmien Komunikazzjoni, il-Kummissjoni kienet diġà stiednet lil Franza biex tressaq id-dejta tagħha b'mod li juri ċar li l-kanali Franċiżi jżommu konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva.

[17] Ara n-nota 10 ta' qiegħ il-paġna hawn fuq.

[18] Ara l-Anness 1, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

[19] Iċ-ċifri li ngħataw fil-livell tal-UE huma l-medja matematika tal-medji nazzjonali kollha kkalkulati abbażi tad-dejta statistika mgħotija mill-Istati Membri. Dawn ma ngħatawx piż differenzjat, peress li xi wħud mill-parametri meħtieġa biex jingħata piż differenzjat korrett mhumiex disponibbli għall-kanali kollha.

[20] L-2004 hija l-ewwel sena li d-dejta (UE-25) tagħha tista' titqabbel ma' dik tal-perjodu 2007-2008. Għall-fini ta' komparabilità, il-medja li ngħatat għall-2008 hija kkalkulata għall-UE-25 (mingħajr il-Bulgarija u r-Rumanija).

[21] L-UE-15 (l-Istati Membri oriġinali), l-UE-10 (l-Istati Membri li ngħaqdu mal-UE fl-2004) u l-aktar żewġ Stati Membri reċenti (il-Bulgarija u r-Rumanija) li ngħaqdu mal-UE fl-2007.

[22] Ara l-grafiki li jidhru fil-punt 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal: L-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5: Analiżi dettaljata.

[23] Ara l-Anness 1— Indikatur 3 — Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

[24] Ċipru (27.9 % ħin ta' xandir iddedikat għal xogħlijiet Ewropej fl-2007, 30 % fl-2008), l-Isvezja (45.1 % ħin ta' xandir iddedikat għal xogħlijiet Ewropej fl-2007, 45.5 % fl-2008) u s-Slovenja (34.1 % ħin ta' xandir iddedikat għal xogħlijiet Ewropej fl-2007, 44.6 % fl-2008).

[25] Is-Slovenja fl-2005 u l-Isvezja fl-2006.

[26] Għall-fini ta' komparabiltà, il-medji meqjusa għall-2005 u l-2006 jinkludu d-dejta li kkomunikaw il-Bulgarija u r-Rumanija b'mod volontarju, li ngħaqdu mal-UE fil-1.1.2007.

[27] Ċipru rreġistra medji ta' produzzjonijiet indipendenti ta' 9.7 % fl-2005 u 6.5 % fl-2006, filwaqt li għall-perjodu ta' referenza l-medji kienu 39.6 % fl-2007 u 41.9 % fl-2008

[28] Il-bażi tal-UE-25 ġiet magħżula biex ikun jista' jsir tqabbil mal-perjodu 2004-2008.

[29] Għall-fini ta' dan l-indikatur, il-kanali li ma tkunx ġiet ikkomunikata dejta dwarhom jitqiesu bħala kanali li mhumiex konformi— ara l-Anness 1: Indikaturi tal-prestazzjoni — Indikatur 5.

[30] jiġifieri xogħlijiet imxandra fi żmien ħames snin mill-produzzjoni tagħhom.

[31] Għall-fini ta' komparabilità, iċ-ċifri ġew ikkalkulati abbażi tal-UE-27

[32] Il-bażi tal-UE-25 ġiet magħżula biex ikun jista' jsir tqabbil maċ-ċifri tal-2004.

[33] Ara l-punt 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal: L-applikazzjoni tal-Artikoli 4 u 5: analiżi dettaljata.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet