52010DC0245


Titolu u referenza

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI Aġenda Diġitali għall-Ewropa

/* KUMM/2010/0245 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf   pdf pdf   pdf                                  
doc   doc doc   doc                                  

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 19.5.2010

KUMM(2010)245 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Aġenda Diġitali għall-Ewropa

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Aġenda Diġitali għall-Ewropa

WERREJ

1. Daħla 1

2. l-oqsma t'azzjoni tal-Aġenda Diġitali 1

2.1. Suq uniku diġitali vivaċi 1

2.2. Interoperabbiltà u standards 1

2.3. Fiduċja u sigurtà 1

2.4. Aċċess veloċi u ultraveloċi għall-internet 1

2.5. Riċerka u innovazzjoni 1

2.6. Titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-inklużjoni diġitali 1

2.7. Benefiċċji li joħorġu mill-ICT għas-soċjetà tal-UE 1

2.8. Aspetti internazzjonali tal-Aġenda Diġitali 1

3. Implimentazzjoni u gvernanza 1

1. Daħla

L-għan kumplessiv tal-Aġenda Diġitali huwa li jintraddu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn suq uniku diġitali msejjes fuq internet veloċi u ultraveloċi u applikazzjonijiet interoperabbli.

Il-kriżi ġabet fix-xejn snin ta' progress ekonomiku u soċjali u esponiet dgħufijiet strutturali fl-ekonomija tal-Ewropa. L-għan primarju tal-Ewropa llum huwa li l-Ewropa titreġġa' lura fit-triq it-tajba. Sabiex tikseb ġejjieni sostenibbli, trid diġà tibda tħares lil hinn mill-qasir żmien. Għandna tliet għażliet aħna u nħabbtu wiċċna mat-tixjieħ demografiku u l-kompetizzjoni globali: naħdmu aktar, naħdmu aktar fit-tul jew naħdmu b'mod aktar intelliġenti. X'aktarx se jkollna nagħmlu t-tlieta li huma, imma t-tielet alternattiva hija l-unika mod li biha nistgħu niggarantixxu livelli tal-għixien ogħla għall-Ewropej. Sabiex dan jintlaħaq, l-Aġenda Diġitali tagħmel proposti għal azzjonijiet li jridu jittieħdu b'urġenza sabiex l-Ewropa titqiegħed fi triqitha lejn tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklussiv. Il-proposti tagħha sejrin iwittu t-triq għat-trasformazzjonijiet għaż-żmien aktar fit-tul li se jġibu magħhom l-ekonomija u s-soċjetà li qegħdin isiru dejjem aktar diġitali.

Il-Kummissjoni Ewropea f'Marzu 2010 nediet l-Istrateġija Ewropa 2020[1] sabiex toħroġ mill-kriżi u tħejji l-ekonomija tal-UE għall-isfidi tad-deċennju li jmiss. L-Istrateġija Ewropa 2020 għandha viżjoni għall-ksib ta' livelli għolja ta' impjiegi, eknomija b'użu baxx ta' karbonju, produttività u koeżjoni soċjali. Din il-viżjoni se tiġi implimentata bis-saħħa ta' azzjonijiet konkreti fuq il-livelli nazzjonali u tal-UE. Din il-ġlieda għat-tkabbir u l-impjiegi teħtieġ li tiġi adottata fl-ogħla livell politiku u mobilitazzjoni mill-atturi kollha madwar l-Ewropa.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa hija waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, li għandha l-għan li tiddefinixxi r-rwol kruċjali li se jkollu l-użu tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) jekk l-Ewropa trid tirnexxi fl-ilħiq tal-ambizzjonijiet tagħha għall-2020[2].

L-għan ta' din l-Aġenda huwa li jitfassal pjan sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal ekonomiku u soċjali tal-ICT, partikolarment l-internet li huwa mezz vitali għall-attività ekonomika u soċjali: għan-negozju, biex naħdmu, nilagħbu, nikkomunikaw u nesprimu lilna nfusna liberament. It-twettiq b'suċċess ta' din l-Aġenda se jixpruna l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u t-titjib fil-ħajja ta' kuljum sew għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji. Użu aktar imxerred u effettiv tat-teknoloġiji diġitali sejjer għalhekk jippermetti 'l-Ewropa tindirizza l-isfidi ewlenin tagħha, u ser jipprovdi lill-Ewropej bi kwalità tal-ħajja aħjar permezz ta', pereżempju, kura tas-saħħa aħjar, trasport aktar sikur u effiċjenti, ambjent aktar nadif, opportunitajiet ġodda fil-midja u aċċess eħfef għas-servizzi pubbliċi u l-kontenut kulturali.

Is-settur tal-ICT huwa direttament responsabbli għal 5% mill-PDG Ewropew, b'valur tas-suq ta' €660 biljun fis-sena, iżda jikkontribwixxi bil-wisq aktar għat-tkabbir kumplessiv fil-produttività (20% direttament mis-settur tal-ICT u 30% mill-investimenti fl-ICT). Dan huwa dovut għal-livelli għoljin ta' dinamiżmu u innovazzjoni li hemm inerenti fis-settur, u r-rwol faċilitattiv li għandu s-settur biex ibiddel il-mod ta' kif is-setturi l-oħra jagħmlu n-negozju. Fl-istess ħin, l-impatt soċjali tal-ICT sar wieħed sinifikanti – pereżempju, l-istil tal-ħajja nbidel meta wieħed josserva l-fatt li hemm aktar minn 250 miljun utent tal-internet kuljum fl-Ewropa u li virtwalment l-Ewropej kollha għandhom mowbajl.

L-iżvilupp ta' netwerks ta' veloċità kbira qed ikollu llum l-istess impatt rivoluzzjonarju li kellu seklu ilu l-iżvilupp tan-netwerks tal-elettriku u tat-trasport. Bl-iżviluppi li għaddejjin bħalissa fl-elettronika għall-konsumatur, il-fruntieri bejn il-mezzi diġitali qed jisfumaw. Is-servizzi qed jikkonverġu u mexjin lil hinn mid-dinja fiżika għal dik diġitali, u qed isiru universalment aċċessibbli fuq kull mezz, ikunx smartphone , tablet , kompjuter personali, radju diġitali jew televixin b'definizzjoni għolja. Qed jitbassar li sal-2020 il-kontenut u l-applikazzjonijiet diġitali kważi kollha se jkunu pprovduti online.

Il-potenzjal kbir tal-ICT jista' jinħareġ bis-saħħa ta' ċiklu virtwuż ta' attività li jkun jiffunzjona sew. Il-kontenut u s-servizzi attraenti jridu jkunu disponibbli f'ambjent tal-internet interoperabbli u mingħajr fruntieri. Dan iqanqal it-talba għal veloċitajiet u kapaċità akbar, li mbagħad toħloq l-opportunità għal investimenti f'netwerks aktar veloċi. It-twaqqif u l-użu ta' netwerks aktar veloċi mbagħad jiftaħ it-triq għal servizzi innovattivi li jisfruttaw dawn il-veloċitajiet ogħla. Il-proċess muri fiċ-ċirku ta' barra tal- Grafika 1 (taħt).

Grafika 1: Iċ-ċiklu virtwuż tal-ekonomija diġitali

[pic]

Dan il-fluss ta' attività jaf ikun wieħed li jsaħħaħ lilu nnifsu. Jeħtieġ ambjent tan-negozju li jrawwem l-investimenti u l-imprenditorjat. Iżda filwaqt li hija ċara s-setgħa transformattiva tal-ICT, wieħed għandu wkoll jikkonfronta sfidi serji sabiex ikun jista' jrażżan din l-istess setgħa. Anki jekk għal bosta ċittadini Ewropej qed jinbet stil ta' ħajja diġitali, imsejjes fuq teknoloġija li tiddikjara lilha nnifisha bħala "dinjija: u mingħajr fruntieri, xorta waħda ma jistgħux jaċċettaw li suq uniku mfassal qabel l-internet għadu, fid-dimensjoni online, jippreżenta wisq nuqqasijiet. Bħala ċittadini, konsumaturi jew ħaddiema, in-nies ma jistgħux igawdu għal kollox mit-teknoloġiji diġitali minħabba x-xkiel assoċjat mal-privatezza u s-sikurezza, l-aċċess insuffiċjenti għall-internet, in-nuqqas ta' ħiliet relevanti jew in-nuqqas ta' aċċessibbiltà minn kulħadd. L-Ewropej jiffrustraw irwieħhom meta l-ICT ma jżommux mal-wegħda ta' servizzi pubbliċi aħjar. Jitħassbu dwar il-fatt li, filwaqt li l-internet qed jagħti spinta lill-kompetizzjoni għall-investimenti, l-impjiegi u l-influwenza ekonomika fuq livell globali, l-Ewropa mhix qed tgħammar lilha nnifisha kif xieraq biex tkun tista' tgawdi minn dan is-settur ta' tkabbir fl-ekonomija tal-għarfien.

Il-Kummissjoni identifikat l-aktar seba' ostakli sinifikanti skont il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati u r-riflessjonijiet tad-Dikjarazzjoni ta' Granada u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew. Dawn huma elenkati fiċ-ċirku ta' ġewwa tal- Grafika 1 , u huma deskritti fil-qosor hawn taħt. Weħidhom jew flimkien, dawn l-ostakli jimminaw gravament l-isforzi għall-isfruttament tal-ICT, u dan jagħmel ċar il-ħtieġa ta' reazzjoni politika komprensiva u unita fuq il-livell Ewropew. Dan juri li l-Ewropa qed taqa' lura wara s-sħab industrijali tagħha. Illum fl-Istati Uniti titniżżel erba' darbiet aktar mużika milli fl-UE minħabba swieq frammentati u nuqqas ta' offerti legali; 30% tal-Ewropej għadhom qatt ma użaw l-internet; l-Ewropa għandha biss penentrazzjoni ta' 1% tan-netwerks ta' veloċità għolja bbażati fuq il-fibra, filwaqt li l-Ġappun għandu 12% u l-Korea t'Isfel 15%; u n-nefqa tal-UE fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fl-ICT hija biss 40% tal-livell tal-Istati Uniti.

- Swieq diġitali frammentati

L-Ewropa tixbah mappa kollha rqajja' meta niġu għas-swieq nazzjonali online. Problemi li hemm soluzzjoni għalihom qegħdin iżommu lill-Ewropej milli jgawdu mill-benefiċċji ta' suq uniku diġitali. Il-kontenut kummerċjali u kulturali għandu bżonn jgħaddi minn fruntiera għall-oħra, u dan għandu jinkiseb bis-saħħa tal-eliminazzjoni tal-ostakli regolatorji u l-faċilitazzjoni tal-ħlasijiet u l-fatturazzjoni elettroniċi, ir-riżoluzzjoni tat-tilwimiet, u l-fiduċja min-naħa tal-klijenti. Jista' jsir u għandu jsir aktar taħt il-qafas regolatorju kurrenti sabiex jintiseġ suq uniku fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet.

- Nuqqas ta' interoperabbilità

L-Ewropa għadha ma bdietx taħsad l-aħjar benefiċċji mill-interoperabbiltà . Id-dgħufijiet fl-iffissar tal-istandards, l-akkwist pubbliku u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi jxekklu s-servizzi u l-mezzi diġitali użati mill-Ewropej milli jaħdmu tajjeb daqskemm suppost. L-Aġenda Diġitali tista' tirranka biss jekk il-partijiet u l-applikazzjonijiet differenti tagħha jkunu interoperabbli u bbażati fuq pjattaformi u standards miftuħa.

- Iċ-ċiberkriminalità dejjem tikber u r-riskju tan-nuqqas ta' fiduċja fin-netwerks

L-Ewropej mhumiex se jidħlu għal attivitajiet online aktar sofistikati jekk ma jħossux li huma jew uliedhom jistgħu jiddeppendu għal kollox fuq in-netwerks tagħhom. L-Ewropa trid għalhekk tindirizza ż-żieda f'forom ġodda ta' kriminalità – "iċ-ċiberkriminalità" – li jvarjaw mill-abbuż tat-tfal għas-serq tal-identità u l-attakki elettroniċi, u tiżviluppa mekkaniżmi ta' reazzjoni. Fl-istess ħin, it-tkattir tal-bażijiet tad-dejta u teknoloġiji ġodda li jippermettu l-kontroll remot tal-individwi jqajmu sfidi ġodda għall-ħarsien tad-drittijiet funadmentali tal-Ewropej għad-dejta personali u l-privatezza. L-internet issa sar infrastruttura tal-informazzjoni tant kruċjali, sew għall-individwi sew għall-ekonomija Ewropea, li s-sistemi u n-netwerks tal-IT tagħna jridu jsiru reżiljenti u sikuri biex jilqgħu għal kull xorta ta' theddid ġdid.

- Nuqqas ta' investiment fin-netwerks

Irid isir aktar biex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-użu tal- broadband għal kulħadd, b'veloċitajiet dejjem akbar, permezz ta' teknoloġiji kemm fissi kif ukoll bla fili, u sabiex jiġi ffaċilitat l-investiment fin-netwerks miftuħa, kompetittivi u veloċi ħafna tal-internet li se jkunu l-arterji ta' ekonomija tal-ġejjieni. L-azzjoni tagħna trid tkun iffukata fuq l-għoti tal-inċentivi t-tajbin sabiex jiġi stimolat l-investiment privat, flimkien ma' investimenti pubbliċi mmirati bil-galbu, mingħajr monopolizzazzjoni mill-ġdid tan-netwerks tagħna, kif ukoll fuq it-titjib tal-allokazzjoni tal-ispettru.

- Sforzi insuffiċjenti fir-riċerka u l-innovazzjoni

L-Ewropa għadha tinvesti inqas milli jmissha, tifframmenta l-isforzi tagħha, tuża mill-inqas il-kreattività tal-SMEs u tonqos milli tikkonverti l-iżvantaġġ intellettwali tar-riċerka fil-vantaġġ kompetittiv tal-innovazzjonijiet imsejsa fuq is-suq. Jeħtieġ nibnu fuq it-talent tar-riċerkaturi tagħna sabiex inwasslu ekosistema ta' innovazzjoni fejn il-kumpaniji tal-ICT ta' kull daqs ibbażati fl-Ewropa jkunu jistgħu jiżviluppaw prodotti ta' klassi dinjija li jiġġeneraw domanda. Irridu għalhekk nindirizzaw il-karattru subottimali tal-isforzi kurrenti fir-riċerka u l-innovazzjoni billi nqanqlu aktar investiment privat, koordinazzjoni u tgħaqqid aħjar tar-riżorsi, aċċess 'eħfef u aktar veloċi' mill-SMEs diġitali għall-fondi ta' riċerka tal-unjoni, infrastrutturi ta' riċerka u konġunti, u l-iżvilupp ta' standards u pjattformi miftuħa għal applikazzjonijiet u servizzi ġodda.

- Nuqqas ta' litteriżmu u ħiliet diġitali

L-Ewropa qed tbati minn skarsezza dejjem tikber ta' ħiliet professjonali f'ICT u minn nuqqas fil-litteriżmu diġitali. Dawn in-nuqqasijiet qed jeskludu bosta ċittadini mis-soċjetà u l-ekonomija diġitali u qed iżommu lura l-effett multiplikatur kbir li jwassal l-użu tal-ICT għat-tkabbir fil-produttività. Dan jeħtieġ reazzjoni koordinata, bl-Istati Membri u partijiet involuti oħrajn li jkunu fil-qalba tagħha.

- Opportunitajiet mitlufa fl-indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà

L-isfruttament tal-potenzjal sħiħ tal-ICT jista' jgħin lill-Ewropa tindirizza ħafna aħjar xi wħud mill-aktar isfidi soċjali akuti tagħha: it-tibdil fil-klima u pressjonijiet oħra fuq l-ambjent tagħna, popolazzjoni qed tixjieħ u kura tas-saħħa tqum dejjem aktar, l-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u l-integrazzjoni tan-nies b'diżabilità, id-diġitizzazzjoni tal-wirt kulturali u d-disponibbiltà tiegħu għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, eċċ.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tinkwadra l-azzjonijiet tagħha madwar il-ħtieġa li jiġu affrontati sistematiakment dawn is-seba' oqsma problematiċi, li bħala inzjattiva orizzontali tkopri t-tliet dimensjonijiet tat-tkabbir stipulati f'Ewropa 2020. Dawn l-oqsma problematiċi huma żviluppati f'aktar dettall fit-taqsimiet individwali, li juri l-bżonn urġenti għall-azzjonijiet identifikati bħala sett ta' aġendi pożittivi biex iqawwu l-prestazzjoni soċjali u ekonomika tal-Ewropa. Il-Kummissjoni se żżomm viġilanti għall-feġġ ta' ostakli oħra u ser tirreaġixxi kif ikun meħtieġ.

L-Aġenda Diġitali se teħtieġ livell sostnut ta' impenn fuq il-livelli sew tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri (inkluż fuq livell reġjonali). Ma tistax tirnexxi mingħajr kontribut kbir minn partijiet involuti oħra, fosthom "nattivi diġitali" żgħażagħ li għandhom ħafna x'jgħallmuna. Din l-Aġenda hija ritratt tal-problemi u l-opportunitajiet attwali u prevedibbli, u se tevolvi fid-dawl tal-esperjenza u tal-bidlet rapidi fit-teknoloġija u s-soċjetà.

2. L-OQSMA T'AZZJONI TAL-AġENDA DIġITALI

2.1. Suq uniku diġitali vivaċi

Wasal iż-żmien għal suq uniku ġdid li jrodd il-benefiċċji tal-era diġitali.

L-internet m'għandux fruntieri, imma s-swieq online, sew globalment kif ukoll fl-UE, għadhom mifruda minn diversi ostakli li jaffettwaw mhux biss l-aċċess għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni pan-Ewropej iżda anki għal dawk li suppost ikunu servizzi u kontenut tal-internet globali. Din hija ħaġa insostenibbli. L-ewwel nett, il-ħolqien ta' kontenut u servizzi online attraenti u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tagħhom fl-UE u minn fruntiera għall-oħra tal-Unjoni Madankollu, il-frammentazzjoni persistenti qiegħda toħnoq il-kompetittività tal-Ewropa fl-ekonomija diġitali. Mhix sorpriża, għalhekk, li l-UE qed taqa' lura fi swieq bħal m'huma s-servizzi tal-midja, sew f'termini ta' dak li jistgħu jaċċessaw il-konsumaturi, sew f'termini ta' mudelli ta' negozju li jistgħu joħolqu l-impjiegi fl-Ewropa. Bosta min-negozji riċenti li rnexxew fil-qasam tal-internet (bħal Google, eBay, Amazon u Facebook) joriġinaw lil hinn mill-Ewropa[3]. It-tieni, minkejja l-ġabra ta' leġiżlazzjoni ewlenija tas-suq uniku, rigward il-Kummerċ-e, il-Fatturazzjoni-e u l-Firem-e, it-tranżazzjonijiet fl-ambjent diġitali għadhom kumplessi wisq, b'implimentazzjoni inkonsistenti tar-regoli madwar l-Istati Membri. It-tielet, il-konsumaturi u n-negozji għadhom iħabbtu wiċċhom ma' inċertezza konsiderevoli dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom meta jagħmlu n-negozju online. Ir-raba', l-Ewropa għadha 'l bogħod milli jkollha suq uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni. Jeħtieġ għalhekk li s-suq uniku jiġi aġġornat b'mod fundamentali sabiex jinġieb fl-era tal-internet.

Dawn il-problemi jeħtieġ jiġu affrontati bis-saħħa ta' azzjonijiet estensivi fl-oqsma deskritti taħt:

2.1.1. Il-ftuħ tal-aċċess għall-kontenut

Il-konsumaturi jistennew, bir-raġun, li jkunu jistgħu jaċċessaw il-kontenut online b'mod effettiv mill-inqas daqs kif wieħed jista' fid-dinja offline L-Ewropa nieqsa minn suq unifikat fis-settur tal-kontenut. Nagħtu kas, biex jitwaqqaf servizz pan-Ewropew, ħanut online tal-mużika jkollu jinnegozja ma' bosta soċjetajiet tal-ġestjoni tas-drittijiet ibbażati f'27 pajjiż. Il-konsumaturi jistgħu jixtru s-CDs minn kull ħanut imma sikwit ma jistgħux jixtru l-mużika minn pjattaformi online madwar l-UE għaliex id-drittijiet huma lliċenzjati fuq bażi nazzjonali. Dan jikkuntrasta mal-mogħdijiet relattivament sempliċi li jieħdu n-negozju u d-distribuzzjoni f'reġjuni oħra, partikolarment fl-Istati Uniti, u jirrifletti swieq frammentati oħrajn bħal dawk fl-Ażja ( Grafika 2 ).

Sabiex tinżamm il-fiduċja tad-detenturi ta-drittijiet u tal-utenti u sabiex jiġi ffaċilitat il-liċenzjar transkonfinali, il-ġovernanza u t-trasparenza tal-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi trid titjieb u tadatta għall-progress teknoloġiku. Soluzzjonijiet eħfef, aktar uniformi u teknoloġikament newtrali għal- liċenzjar transkonfinali u pan-Ewropew fis-settur awdjoviżiv sejrin jistimolaw il-kreattività u jgħinu lil-produtturi tal-kontenut u x-xandara, għall-benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej. Dawn is-soluzzjonijiet għandhom jippreżervaw il-libertà kuntrattwali tad-detenturi tad-drittijiet. Id-detenturi tad-drittijiet ma jkunux obbligati jilliċenzjaw għat-territorji Ewropej kollha, imma jkunu ħielsa li jirrestrinġu l-liċenzji tagħhom għal ċertu territorji u jistipulaw kuntrattwalment il-livell tal-miżata tal-liċenzja.

Jekk ikun meħtieġ, jiġu eżaminati miżuri addizzjonali li jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-forom differenti kolha ta' kontenut online. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma teskludix jew tippreferi f'dan l-istadju xi alternattiva jew strument partikolari. Dawn il-kwistjonijiet ġew ukoll indirizzati mill-Professur Monti fir-rapport tiegħu "A new strategy for the Single Market", ippreżentat lill-President tal-Kummissjoni Ewropea fid-9 ta' Mejju 2010, li l-Kummissjoni se twettaq azzjoni ta' segwitu għalih b'Komunikazzjoni qabel is-sajf tal-2010.[4]

Id-distribuzzjoni diġitali tal-kontenut kulturali, ġurnalistiku u kreattiv, billi hija irħas u aktar veloċi, tgħin lill-awturi u l-fornituri tal-kontenut jilħqu udjenzi ġodda u akbar. L-Ewropa teħtieġ tmexxi aktar bil-ħolqien, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni (fuq il-pjattaformi kollha) tal-kontenut diġitali. L-Ewropa, pereżempju, għandha pubblikaturi b'saħħithom iżda jinħtieġu pjattaformi online aktar kompetittivi. Dan jeħtieġ mudelli ta' negozju innovattivi, li minnhom wieħed ikun jista' jaċċessa l-kontenut u jħallas għalih b'diversi modi, tant li jintlaħaq bilanċ ġust bejn l-introjtu tad-detenturi tad-drittijiet u l-aċċess tal-pubbliku ġenerali għall-kontenut u l-għarfien. Il-leġiżlazzjoni taf ma tkunx meħtieġa biex tippermetti lil mudelli ġodda ta' negozju jirnexxu, jekk il-partijiet interessati kollha jikkoperaw fuq bażi kuntrattwali. Id-disponibbiltà ta' offerta legali online wiesgħa u attraenti tkun ukoll reazzjoni effettiva għall-piraterija.

Grafika 2: It-tniżżil tal-mużika – Il-livell tal-Istati Uniti erba' darbiet dak tal-UE

[pic]

Sors : Sommarju għall-Iskrin

L-awtoritajiet pubbliċi jridu jagħtu sehemhom fil-promozzjoni tas-swieq għall-kontenut online. L-isfidi tal-konverġenza għandhom jiġu indirizzati fl-istħarriġ kollu tal-ordni pubbliku, inklużi kwistjonijiet dwar taxxa. Bħal eżempju, il-gvernijiet jistgħu jistimolaw lis-swieq tal-kontenut billi jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar is-settur pubbliku skont termini trasparenti, effettivi u nondiskriminatorji. Din hija għajn importnati ta' tkabbir potenzjali ta' servizzi online innovattivi. L-użu mill-ġdid ta' dawn ir-riżorsi ta' informazzjoni ġei parzjalment armonizzat[5], iżda l-korpi pubbliċi addizzjonalment jridu jiġu obbligati jiftħu r-riżorsi tad-dejta għall-applikazzjonijiet u s-servizzi transkonfinali[6].

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni sejra: Azzjoni Ewlenija 1: Tħaffef ir-rilaxx, il-ġestjoni u l-liċenzjar transkonfinali tad-dritt tal-awtur billi Ittejjeb il-governanza, it-trasparenza u l-liċenzjar pan-Ewropew għall-ġestjoni tad-drittijiet (online) billi tipproponi Direttiva kwadru dwar il-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi sal-2010; Toħloq qafas ġuridiku li jiffaċilita d-diġitizzazzjoni u t-tixrid tax-xogħlijiet kulturali fl-Ewropa billi tipproponi Direttiva dwar ix-xogħlijiet orfni sal-2010, sabiex jitmexxa djalogu bejn il-partijiet interessati bil-għan li jittejbu l-miżuri dwar xogħlijiet barra mill-istampa, ikkumplimentati minn bażijiet tad-dejta b'informazzjoni dwar id-drittijiet; Sal-2012, tiġi eżaminata d-Direttiva dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku, partikolarment l-ambitu u l-prinċipju tagħha dwar iż-żamma ta' tariffi għall-aċċess u l-użu. Azzjonijiet oħra: Wara djalogu estensiv mal-partijiet interessati, rapport sal-2012 dwar il-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali li hinn mill-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi li jippermettu liċ-ċittadini tal-UE, il-fornituri tas-servizzi tal-kontenut online u d-detenturi tad-drittijiet li jgawdu mill-potenzjal sħiħ tas-suq diġitali intern, inklużi miżuri għall-promozzjoni tal-liċenzji transkonfinali u pan-Ewropej, mingħajr l-esklużjoni jew il-preferenza f'dan l-istadju ta' kwalunkwe alternattiva legali possibbli. Bi tħejjija għal dan, sal-2010 tinħareġ Green paper li tindirizza l-opportunitajiet u l-isfidi tad-distribuzzjoni online tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej u kontenut kreattiv ieħor; Abbażi tal-eżaminar tad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u wara djalogu estensiv mal-partijiet interessati, rapport sal-2012 dwar il-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali għat-tisħiħ tal-ħarsien minn ksur persistenti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-ambjent online, konsistenti mal-garanziji pprovduti fil-Qafas tat-Telekomunikazzjonijiet u d-drittijiet fundamentali tal-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza. |

- 2.1.2. Tranżazzjonijiet online u transkonfinali bla kumplikazzjonijiet

Il-konsumaturi Ewropej għadhom mhumiex qed igawdu mill-benefiċċji tal-prezz u tal-għażla li missu joffri s-suq uniku, minħabba li t-tranżazzjonijiet online għadhom ikkumplikati wisq. Il-frammentazzjoni tillimita wkoll it-talba għat-tranżazzjonijiet Kummerċ-e transkonfinali. Inqas minn waħda minn kull għaxar tranżazzjoni tal-Kummerċ-e hija transkonfinali, u l-Ewropej sikwit isibuha aktar faċli li jwettqu tranżazzjoni transkonfinali ma' negozju mill-Istati Uniti milli ma' wieħed minn pajjiż Ewropew ieħor. Daqs 92% tal-individwi li jordnaw oġġetii jew servizzi minn fuq l-internet jagħmlu dan minn bejjigħa nazzjonali aktar milli transkonfinalment. Daqs 60% tax-xiri transkonfinali bl-internet ma jirnexxix minħabba raġunijiet tekniċi bħar-rifjut ta' karti tal-kreditu domestiċi. Dan jikxef l-urġenza li jiġu affrontati l-ostkali regolatorji li qed iżommu n-negozji Ewropej mill-kummerċ transkonfinali. Il-Kummissjoni identifikat dawn l-ostakli fil-Komunikazzjoni dwar in-Negozju Transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsumatur fl-UE[7].

L-Ewropa għandha munita komuni iżda s-suq għall- ħlasijiet elettroniċi u l-Fatturazzjoni-e għadu fframmentat tul il-fruntieri nazzjonali. Huwa biss f'suq integrat tal-ħlasijiet illi jkun possibbli għall-impriżi u l-konsumaturi jiddependu fuq metodi tal-ħlas li jkunu sikuri u effiċjenti[8]. Huwa għal din ir-raġuni li trid titlesta mingħajr dewmien iż- Żona Unika tal-Pagamenti bl-Euro (SEPA) . Is-SEPA se tipprovdi wkoll pjattaforma tat-tluq għal servizzi b'valur miżjud marbuta mal-pagamenti, bħall-iżvilupp ta' qafas Ewropew għall-Fatturazzjoni-e.

Id-Direttiva dwar il-flus-e[9] għandha tiġi implimentata malajr sabiex twitti t-triq għal min dieħel ġdid fis-suq sabiex toffri soluzzjonijiet innovattivi għall-flus-e – bħal kartieri mobbli – mingħajr telf ta' protezzjoni għall-fondi tal-konsumatur. Dan is-suq jaf jiswa daqs €10 biljun sal-2012.

It-teknoloġiji tal-identità elettronika (eID) u s-servizzi ta' awtentikazzjoni huma essenzjali għat-tranżazzjonijiet fuq l-internet fis-setturi sew pubbliċi kif ukollprivati. Illum l-aktar mod ta' awtentikazzjoni komuni huwa l-użu tal-passwords. Għal bosta applikazzjonijiet dan jista' jkun biżżejjed, iżda hemm dejjem aktar bżonn ta' soluzzjonijiet aktar sikuri[10]. Billi se jkun hemm bosta soluzzjonijiet, l-industrija, appoġġat minn azzjonijiet ta' politika - partikolarment servizzi ta' Gvern-e - għandha tiżgura l-interoperabilità msejsa fuq l-istandards u l-pjattaformi tal-iżvilupp miftuħa.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni sejra: Azzjoni Ewlenija 2: Tiżgura t-tlestija taż-Żona Unika tal-Pagamenti bl-Euro (SEPA), eventwalment permezz ta' miżuri ġuridiċi vinkolanti li jiffissaw data tat-tmiem għall-migrazzjoni qabel l-2010 u l-faċilitazzjoni ta' qafas Ewropew interoperabbli tal-fattureazzjoni-e bis-saħħa ta' Komunikazzjoni dwar il-fatturazzjoni-e u billi jitwaqqaf forum għal bosta partijiet interessati; Azzjoni Ewlenija 3: Fl-2011 tipproponi reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Firma-e bil-għan li tipprovdi qafas ġuridiku għar-rikonoxximent u l-interoperabilità transkonfinali ta' sistemi sikuri ta' Awtentikazzjoni-e. Azzjonijiet oħra: Tevalwa sa tmiem l-2010 l-impatt tad-Direttiva dwar il-Kummerċ-e fuq is-swieq online u tagħmel proposti konkreti. L-Istati Membri għandhom: Jimplimentaw malajr u koerentement id-Direttivi ewlenin li jappoġġaw is-suq diġitali uniku, inkluż id-Direttiva dwar is-Servizzi, id-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Mhux Ġusti u l-Qafas dwar it-Telekomunikazzjonijiet; Tittrasponi sal-2013 id-Direttiva dwar il-VAT[11] li tiżgura trattament indaqs għall-fatturazzjoni-e b'fatturi fuq karta. |

- 2.1.3. It-tiswir tal-fiduċja diġitali

Illum, skont il-liġi tal-UE, iċ-ċittadini fl-UE jgawdu minn sensiela ta' drittijiet li huma rilevanti għall-ambjent diġitali, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-protezzjoni tad-dejta personali u tal-privatezza, ir-rekwiżiti għat-trasparenza u servizzi universali ta' telefown u internet funzjonali, u kwalità minima tas-servizz.

Dawn id-drittijiet madankollu huma mifruxa fuq liġijiet varji u mhux dejjem faċli jinftiehmu. L-utenti għandhom ikunu jistgħu jsibu spjegazzjonijiet faċli u kodifikati tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, imfissra b'mod trasparenti u li jinftiehem, eż. permezz ta' pjattaformi online, li jibnu fuq il-prototip tal-gwida eYou[12].

Sadanittant, nuqqas ta' fiduċja fl-ambjent online qiegħed ixekkel serjament l-iżvilupp tal-ekonomija online tal-Ewropa. Fost in-nies li ma ordnawx online fl-2009, ir-raġunijiet ewlenin kienu: tħassib dwar is-sikurezza tal-ħlasijiet, tħassib dwar il-privatezza, u tħassib dwar il-fiduċja ( Grafika 3, taħt). L-istħarriġ ġenerali li għaddej tal-qafas regolatorju tal-protezzjoni tad-dejta għandu l-għan jimmodernizza l-istrumenti ġuridiċi rilevanti kollha sabiex jilqa' għall-isfidi tal-globalizzazzjoni u jħoloq modi teknoloġikament newtrali għat-tkabbir tal-fiduċja bis-saħħa tat-tisħiħ tad-drittijiet taċ-ċittadini.

Grafika 3: Raġunijiet għan-nuqqas ta' xiri online (% ta' individwi li ma ordnawx online fl-2009)

[pic]

Sors : Stħarriġ Komunitarju Eurostat dwar l-Użu tal-ICT fid-Djar u minn Individwi, 2009.

Il-konsumaturi ma jixtrux online jekk ma jħossux li drittijiethom huma ċari u mħarsa. Minkejja li d-Direttiva dwar il-Kummerċ-e timponi rekwiżiti ta' trasparenza u informazzjoni fuq il-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u tistabbilixxi rekwiżiti minimi tal-informazzjoni fuq il-komunikazzjonijiet kummerċjali[13], il-monitoraġġ mill-qrib huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-informazzjoni jiġu osservati.

Id-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali[14] u d-Direttiva dwar it-Tqegħid Remot fis-Suq tas-Servizzi Finanzjarji (tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji)[15] sejra ssolvi s-sitwazzjoni sa ċert punt. Id-Direttiva proposta dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur[16] jeħtieġ tiġi adottata maljar, sabiex issawwar il-fiduċja għall-konsumaturi u l-kummerċjanti fix-xiri online transkonfinali. Iżda l-Kummissjoni se tinvestiga wkoll kif tista' ttejjeb id-drittijiet tal-konsumaturi li jixtru prodotti diġitali. It-tranżazzjonijiet online transkonfinali jistgħu anki jsiru eħfef billi tikber il-koerenza tad-dritt Ewropew dwar il-kuntratti, ibbażat fuq livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur. Il-Kummissjoni sejra wkoll tniedi strateġija madwar l-UE sabiex ittejjeb is-sistemi tar-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwimiet u ser tipproponi għodda online għal madwar l-UE ta' tiftix ta' rimedju għall-Kummerċ-e, u sejra ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja online. Minbarra dan, il-komparabbiltà tal-prezzijiet għall-konsumatur, pereżempju permezz ta' ffissar ta' liveli, ittestjar ta' prodotti jew siti ta' tqabbil tal-prezzijiet, tista' tittejjeb sabiex tixpruna l-kompetizzjoni u ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur.

Hemm ambitu għall-bini tal-fiduċja bis-saħħa tal-ħolqien ta' marki ta' fiduċja tal-UE għas-siti elettroniċi tal-bejgħ bl-imnut. Il-Kummissjoni qed taħseb biex tmexxi b'din l-idea, b'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni sejra: Azzjoni Ewlenija 4 Tistħarreġ il-qafas regolatorju tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta bil-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-individwi u d-drittijiet tagħhom, sa tmiem l-2010; Azzjonijiet oħra: Tipproponi sal-2012 strument fakultattiv tal-liġi kuntrattwali li jikkumplimenta d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-liġi kuntrattwali, partikolarment fir-rigward tal-ambjent online. Tesplora sal-2011, permezz ta' Green paper, inizjattivi dwar ir-Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwimiet għall-konsumaturi fl-UE bil-għan li jsiru proposti għal sistema madwar l-UE ta' Riżoluzzjoni Online tat-Tilwimiet għat-tranżazzjonijiet tal-Kummerċ-e sal-2012; Tesplora proposti fil-qasam tar-rimedju kollettiv, skont konsultazzjoni mal-partijiet interessati; Toħroġ Kodiċi tal-UE tad-Drittijiet Online sal-2012 li jagħti fil-qosor id-drittijiet tal-utenti diġitali fl-UE b'mod ċar u aċċessibbli, flimkien ma' lista annwali ta' ksur tad-dritt tal-protezzjoni tal-konsumatur online u miżuri xierqa ta' infurzar, b'koordinazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Aġenziji tal-Protezzjoni tal-Konsumatur; Toħloq pjattaforma tal-partijiet involuti sal-2012 għall-marki ta' fiduċja online tal-UE, partikolarment għal siti elettroniċi tal-bejgħ bl-imnut. |

- 2.1.4. It-tisħiħ tas-suq uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet

Illum, is-swieq tat-telekomunikazzjonijiet tal-Ewropa huma maqsuma fuq bażi ta' Stati Membri, bi skemi purament nazzjonali, aktar milli Ewropej, ta' numerar, liċenzjar u assenjar ta' spettru. Dawn l-istrutturi nazzjonali qegħdin iħabbtu wiċċhom dejjem aktar mal-isfida tal-kompetizzjoni globali u tal-internet.

L-ewwel prijorità tal-Kummissjoni se tkun l-implimentazzjoni rapida u konsistenti tal-qafas regolatorju emendat , flimkien ma' koordinazzjoni akbar tal-użu tal-ispettru u, fejn meħtieġ, l-armonizzazzjoni tal-faxex tal-ispettru, sabiex jinħolqu ekonomiji tal-kobor fit-tagħmir u fis-swieq tas-servizzi. Billi s-suq uniku jitlob li kwistjonijiet regolatorji simili jingħataw trattament simili, il-Kummissjoni sejra tipprijoritzza l-għoti ta' gwida dwar kunċetti regolatorji ewlenin taħt ir-regoli tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, partikolarment metodoloġiji tal-ikkostjar u n-nondiskriminazzjoni, u se tħares ukoll lejn soluzzjonijiet sostenibbli għall-2012 għar-roaming bil-leħen u bid-data.

Il-Kummissjoni sejra wkoll tħaddem l-għarfien tal-Korp li għadu kemm inħoloq tar-Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi sabiex taffronta l-ostakli li jżommu lin-negozji u liċ-ċittadini Ewropej milli jużaw bl-aħjar u bl-isħeħ mod possibbli servizzi transkonfinali tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Pereżempju, l-armonizzazzjoni mtejba tas-sistemi nazzjonali tan-numerar abbażi tal-qafas kurrenti tista' tgħin lill-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut Ewropej billi tiffaċilta servizzi biex il-konsumaturi jistaqsi dwar il-bejgħa u warajha fuq numru uniku għall-Ewropa kollha, filwaqt li t-tħaddim aħjar ta' numri soċjalment utli (eż. in-numri 116 użati għall-hotlines għat-tfal neqsin) igawdi minnu ċ-ċittadin. Bl-istess mod, il-komparabbiltà mtejba (eż. permezz ta' ffissar ta' livelli) tal-prezzijiet tal-utent u l-konsumatur se jixprunaw il-kompetizzjoni u jsaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni se tivvaluta, abbażi ta', fost l-oħrajn, il-kontribut prattiku mill-partijiet, x'jiswa soċjoekonomikament li ma jkunx hemm l-Ewropa fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet , toħroġ il-benefiċċji ta' suq integrat aħjar, u tipproponi passi xierqa sabiex jitnaqqs dan il-piż soċjo-ekonomiku.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni sejra: Tipproponi miżuri għal aktar armonizzazzjoni fin-numerazzjoni tar-riżorsi għall-forniment ta' servizzi ta' negozju madwar l-Ewropa, sal-2011. Fuq il-bażi ta' Programm ta' Politika għall-Ispettru Ewropew tar-Radju[17], il-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet tekniċi u regolatorji li japplikaw għall-użu tal-ispettru u, fejn meħtieġ, l-armonizzazzjoni tal-faxex tal-ispettru sabiex jinħolqu ekonomija fil-kobor fis-swieq tat-tagħmir u sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw l-istess tagħmir u jużaw l-istess servizzi madwar l-UE; Sal-2011, titmexxa investigazzjoni dwar kemm jiswa n-nuqqas tal-Ewropa fis-swieq tat-telekomunikazzjoni sabiex jittieħdu miżuri ulterjuri biex jissaħħu l-benefiċċji tas-suq uniku. |

- 2.2. Interoperabbiltà u standards

Neħtieġu interoperabilità effettiva bejn il-prodotti u s-servizzi tal-IT sabiex nibnu soċjetà verament diġitali

L-internet huwa l-aħjar eżempju tas-setgħa tal- interoperabilità teknika. L-arkittettura miftuħa tiegħu taħt mezzi u applikazzjonijiet interoperabbli lil biljuni madwar id-dinja. Iżda biex jittieħdu l-benefiċċji sħaħ tat-tħaddim tal-ICT, trid tittejjeb l-interoperabilità bejn il-mezzi, l-applikazzjonijiet, ir-repożitorji tad-dejta, is-servizzi u n-netwerks.

2.2.1. It-titjib tal-iffissar tal-istandards tal-ICT

Il-qafas tal-Ewropa għall-iffissar tal-istandards irid ilaħħaq mas-swieq veloċi tat-teknoloġija għaliex l-istandards huma essenzjali għall-interoperabilità Il-Kummissjoni se tkompli r-reviżjoni tal-politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni bis-segwiti għall-White Paper "Il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE"[18] u l-konsultazzjoni pubblika relatata. Għan importanti huwa li jiġi permess l-użu tagħhom fil-leġiżlazzjoni u l-akkwist pubbliku. Dan fid-dawl taż-żieda fl-istandards ICT u l-importanza dejjem tikber tagħhom kif żviluppati minn ċertu fora u konsorzji globali.

Barra minn hekk, il-gwida dwar regoli trasparenti ta' żvelar ex-ante għad- drittijiet essenzjali tal-proprjetà intellettwali u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar fil-kuntest tal-iffissar tal-istandards, li għandhom jiġu pprovduti partikolarment fir-riforma li jmiss tal-politika tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni kif ukoll f'regoli aġġornati tal-antitrust dwar ftehimiet orizzontali ta' kooperazzjoni, tkun tista' tikkontribwixxi għal talbiet aktar baxxi għar- royalties għall-użu tal-istandards u għalhekk għal spejjeż aktar baxxi ta' dħul fis-suq.

2.2.2. Il-promozzjoni ta' użu aħjar tal-istandards

L-awtoritajiet pubbliċi jridu jagħmlu l-aħjar użu mill-firxa sħiħ ta' standards rilevanti meta jakkwistaw hardware, software u servizzi tal-IT, pereżempju billi jagħżlu standards li jistgħu jiġu implimentati mill-fornituri interessati kollha, biex b'hekk ikun hemm aktar kompetizzjoni u riskju inqas ta' saturazzjoni tas-suq.

2.2.3. It-titjib tal-interoperabilità permezz tal-koordinazzjoni

Azzjoni ewlenija għall-promozzjoni tal-interoperabilità bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi se tkun l-adozzjoni tal-Kummissjoni għal Strateġija Ewropea ambizzjuża għall-Interoperabilità u l- Qafas Ewropew tal-Interoperabilità li għandu jitfassal taħt il-programm (Soluzzjonijiet ta’ Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej [19]).

Billi mhux it-teknoloġiji pervażivi kollha huma msejsa fuq standards, hemm riskju li f'dawn l-oqsma jintilfu l-benefiċċji tal-interoperabilità. Il-Kummissjoni se teżamina l-fattibbiltà ta' miżuri li jistgħu jwasslu protagonisti sinifikanti tas-suq jilliċenjzaw l-informazzjoni dwar l-interoperabilità filwaqt li fl-istess ħin jippromwovu l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni sejra: Azzjoni Ewlenija 5: Bħala parti mill-istħarriġ tal-politika tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni, jiġu proposti miżuri legali dwar l-interoperabilità sal-2010 sabiex jiġu rriformati r-regoli dwar l-implimentazzjoni tal-istandards ICT fl-Ewropa sabiex ikun permess l-użu ta' ċertu standards ta' fora u konsorzji ICT. Azzjonijiet oħra: Il-promozzjoni ta' regoli xierqa għad-drittijiet essenzjali tal-proprjetà intellettwali u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar fl-iffissar tal-istandards, inkluż għall-iżvelar ex-ante, partikolarment bis-saħħa ta' linji gwida sal-2011; Il-ħruġ ta' Komunikazzjoni fl-2011 sabiex tingħata gwida dwar ir-rabta bejn l-istandardizzazzjoni u l-akkwist pubbliku fl-ICT sabiex tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi jużaw standards għall-promozzjoni tal-effiċjenza u jnaqqsu s-saturazzjoni tas-suq. Il-promozzjoni tal-interoperabilità permezz tal-adozzjoni fl-2010 ta' Strateġija Ewropea għall-Interoperabilità u l-Qafas Ewropew tal-Interoperabilità L-istħarriġ tal-fattibbiltà ta' miżuri li jistgħu jwasslu li jistgħu jwasslu protagonisti sinifikanti tas-suq jilliċenjzaw l-informazzjoni dwar l-interoperabilità, u rapport dwar dan sal-2012. L-Istati Membri għandhom: Japplikaw il-Qafas Ewropew tal-Interoperabilità fuq livell nazzjonali sal-2013; L-implimentazzjoni tal-impenji dwar l-interoperabilità u l-istandards fid-Dikjarazzjonijiet ta' Malmö u Granada Declarations sal-2013. |

- 2.3. Fiduċja u sigurtà

L-Ewropej mhumiex se jħaddnu teknoloġija li ma jafdawx – l-era diġitali mhi la "big brother" u lanqas "ġungla cibernetika".

L-utenti jridu jkunu sikuri meta jaqbdu online. L-istess bħal fid-dinja fiżika, iċ-ċiberkriminalità ma tistax tiġi ttollerata. Barra minn hekk, xi wħud mis-servizzi online l-aktar innovattivi u avvanzati – bħal Banek-e jew is-Saħħa-e – sempliċement ma kinux jeżistu li kieku t-teknoloġi ġodda ma kinux affidabbli għal kollox. S'issa, l-internet irnexxielu juri lilu nnifsu bħala sikur, reżiljenti u stabbli, iżda n-netwerks tal-IT u terminals tal-utenti aħħarin għadhom vulnerabbli għal firxa kbira ta' theddidiet li qed jevolvu: f'dawn l-aħħar snin, l-ispam żdied sal punt li beda jimblokka t-traffiku tal-posta elettronika fuq l-internet – bosta stimi jissuġġerixxu bejn 80% u 98% tal-emails ċirkolanti kollha[20] – u dan jifrex sensiela sħiħa ta' vajrusis u software malizzjuż. Hemm it-theddia dejjem tikber tas-serq tal-identità u l-frodi online. L-attakki qegħdin dejjem isiru aktar sofistikati (trojans, botnets, eċċ) u sikwit ikunu mmotivati minn għanijiet finanzjarji. Jistgħu jkunu wkoll politikament motivati kif muri miċ-ċiberattakki riċenti li laqtu l-Estonja, il-Litwanja u l-Ġeorġja.

L-indirizzar ta' dawn it-theddidiet u t-tisħiħ tas-sikurezza fis-soċjetà diġitali huma responsabbiltà ta' kulħadd – sew tal-individwi kif ukoll tal-korpi privati u pubbliċi, kemm id-dar kif ukoll globalment. Bħala eżempju, sabiex jiġi affrontat l-isfruttament sesswali u l-pornografija tat-tfal, ikunu jistgħu jiġu implimentati pjattaformi ta' twissija f'waqtha fuq il-livelli nazzjonali u tal-UE, flimkien ma' miżuri biex jitneħħa l-kontenut ta' ħsara u ma jitħalliex jintwera. Huma essenzjali wkoll attivitajiet edukattivi u kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza: l-UE u l-Istati Membri jistgħu jżidu l-isforzi tagħhom, pereżempju bis-saħħa tal-Programm għal Internet Aktar Sikur (Safer Internet Programme), l-għoti ta' informazzjoni u edukazzjoni lit-tfal u l-familji dwar is-sikurezza online, kif ukoll l-analiżi tal-impatt fuq it-tfal li jużaw it-teknoloġiji diġitali. L-industriji għandhom ukoll ikunu mħeġġa jiżviluppaw aktar u jimplimentaw skemi awtoregolatorji, partikolarment fir-rigward tal-ħarsien tal-minuri li jużaw s-servizzi tagħhom.

Id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta huma drittijiet fundamentali fl-UE li għandhom jiġu infurzati effettivament -anki online – bl-użu tal-usa' firxa ta' mezzi: mill-applikazzjoni wiesgħa tal-prinċipju tal-"Privatezza b'Disinn" [21] fit-teknoloġiji ICT rilevanti, għal azzjonijiet disswassivi fejn meħtieġa. Il-qafas rivedut tal-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi jiċċara r-responsabbiltajiet tal-operaturi tan-netwerks u l-fornituri tas-servizzi, inkluż l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw ksur tas-sikurezza tad-dejta personali. L-istħarriġ li tnieda dan l-aħħar tal-qafas ġenerali tal-protezzjoni tad-dejta se jinkludi estensjoni possibbli tal-obbligu li jiġi nnotifikat il-ksur tas-sikurezza tad-dejta. L-implimentazzjoni tal-projbizzjoni tal-ispam se tissaħħaħ bl-użu tan-netwerk tal-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC).

Implimentazzjoni effettiva u rapida tal-pjan ta' azzjoni tal-UE għall-protezzjoni tal-infrastruttura informatika kritika[22] u l-Programm ta' Stokkolma[23] se tagħti bidu għal firxa wiesgħa ta' miżuri fil-qasam tas-sikurezza ta' netwerks u tal-informazzjoni u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. Pereżempju, biex ikun hemm reazzjoni f'kundizzjonijiet ta' ħin reali, għandu jiġi stabbilit fl-Ewropa, inkluż għall-istituzzjonijiet Ewropej, netwerk usa' u jiffunzjona sew ta' Skwadri tal-Kompjuter ta' Reazzjoni għall-Emerġenza (CERTs). Il-kooperazzjoni bejn is-CERTs u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi hija essenzjali u għandha tiġi promossa sistema ta' punti ta' kuntatt sabiex tipprevjeni ċ-ċiberkriminalità u twieġeb għall-emerġenzi, bħaċ-ċiberattakki. L-Ewropa għandha wkoll bżonn ta' strateġija dwar l-immaniġġjar tal-identità, partikolarment għal servizzi sikuri u effettivi tal-Gvern-e[24].

Fl-aħħarnett, il-kooperazzjoni bejn l-atturi rilevanti trid tiġi organizzata fuq livell globali sabiex ikunu jistgħu jiġu miġġielda u mtaffija effettivament it-theddidiet għas-sikurezza. Dan jista' jiġi inkluż bħala parti mid-diskussjonijiet dwar il-Governanza tal-Internet. Fuq livell aktar operattiv, għandhom jitwettqu azzjonijiet immirati ta' sikurezza tal-informazzjoni kkoordinati internazzjonalment, u għandha tittieħed azzjoni konġunta sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità tal-informatika, bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA).

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni sejra: Azzjoni Ewlenija 6: Tippreżenta fl-2010 miżuri li jimmiraw għal Politika msaħħa u tal-livell għoli dwar is-Sikurezza tan-Netwerks u tal-Informazzjoni, inkluż inizjattivi leġiżlattivi bħal Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) modernizzata, u miżuri li jippermettu reazzjonijiet aktar rapidi fil-każ ta' ċiberattakki, inkluż CERT għall-istituzzjonijiet tal-UE. Azzjoni Ewlenija 7: Tippreżenta miżuri, inklużi inizjattivi leġiżlatti, biex jiġu miġġielda ċ-ċiberattakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni sal-2010, u regoli relatati dwar il-ġurisdizzjoni fi-ċiberspazju fuċ livelli Ewropew u internazzjonali sal-2013; Azzjonijiet oħra: Twaqqaf pjattaforma Ewropea kontra ċ-ċiberkriminalità sal-2012; Tistħarreġ il-fattibbiltà sal-2011 li jinħoloq ċentru Ewropew kontra ċ-ċiberkriminalità; Taħdem mal-partijiet interessati globali, partikolarment biex tissaħħaħ il-ġestjoni globali tar-riskju fl-isferi diġitali u fiżiċi u t-tmexxija ta' azzjonijiet immirati kkoordinati internazzjonalment kontra l-kriminalità informatika u l-attakki fuq is-sikurezza; Tappoġġa eżerċizzji ta' tħejjija madwar l-UE fir-rigward taċ-ċibersikurezza, mill-2010; Bħala parti mill-proċess ta' modernizzazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta personali,[25] metodu għal aktar koerenza u ċertezza ġuridika, tesplora l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet ta' notifika dwar il-ksur tas-sikurezza; Tipprovdi gwida sal-2011 għall-implimentazzjoni tal-Qafas ġdid dwar it-Telekomunikazzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-dejta personali tal-individwu. L-appoġġ għall-punti ta' rappurtar ta' kontenut illegali online (hotlines) u kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza dwar is-sikurezza online għat-tfal fuq livell nazzjonali, u tisħiħ ta' kooperazzjoni pan-Ewropea u l-qsim tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam; Trawwem djalogu bejn bosta partijiet interessati u l-awtoregolamentazzjoni tal-fornituri Ewropej u globali tas-servizzi (eż. pjattaformi ta' netwerkjar soċjali, fornituri ta' komunikazzjonijiet mobbli), speċjlament fir-rigward tal-użu tas-servizzi tagħhom mill-minuri. L-Istati Membri għandhom: Iwaqqfu sal-2012 netwerk li jiffunzjona sew ta' CERTs fuq livell nazzjonali li jkopri l-Ewropa kollha; F'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, iwettqu simulazzjoni ta' attakk fuq skala kbira u jittestjaw strateġiji ta' mitigazzjoni sal-2010; Jimplimentaw bis-sħiħ hotlines għar-rappurtar ta' kontenut online offensiv jew ta' ħsara u kampanji ta' tqajjim ta' kuxjenza dwar is-sikurezza online għat-tfal, u joffru tagħlim tas-sikurezza online fl-iskejjel, u jħeġġu lill-fornituri tas-servizzi online biex jimplimemtaw miżuri awtoregolatorji fir-rigward tas-sikurezza online għat-tfal, sal-2013; Jimplimentaw jew jadattaw pjattaformi nazzjonali ta' twissija lill-pjattaforma taċ-ċiberkriminalità tal-Europol, sal-2012, b'bidu mill-2010. |

- 2.4. Aċċess veloċi u ultraveloċi għall-internet

Neħtieġu Internet veloċi ħafna biex l-ekonomija tikber bil-qawwa u biex noħolqu l-impjieġi u l-ġdid, u biex niżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw il-kontenut u s-servizzi li jixtiequ.

L-ekonomija tal-ġejjieni se tkun ekonomija tal-għarfien ibbażata fuq in-netwerks bl-internet fiċ-ċentru tagħha. L-Ewropa teħtieġ aċċess għall-internet veloċi u ultraveloċi li jkun disponibbli b'mod wiesa' u bi prezzijiet kompetittivi. L-Istrateġija Ewropa 2020 saħqet dwar l-importanza tal-mobilitazzjoni tal-broadband sabiex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali u l-kompetittività fl-UE. Reġgħet stqarret l-għan li sal-2013 jinġieb il-broadband bażiku għall-Ewropej kollha, u tfittex li tiżgura li, sal-2020, (i) l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal veloċitajiet ferm ogħla tal-internet ta' aktar minn 30 Mbps u (ii) 50% jew aktar tad-djar Ewropej jabbonaw għal konnessjonijiet tal-internet ta' 'l fuq minn 100 Mbps.

Sabiex jintlaħqu dawn il-miri ambizzjużi, jeħtieġ tiġi żviluppata politika komprensiva, imsejsa fuq taħlita ta' tekonoloġiji, li tiffoka fuq żewġ għanijiet paralleli: minn naħa, li tiġi ġġarantita kopertura universali bil-broadband (tagħqida ta' fiss u bla fili) b'veloċitajiet tal-internet li jiżdiedu gradwalment għal 30 Mbps u aktar, u biż-żmien jitrawmu l-implimentazzjoni u l-użu ta' netwerks tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA) f'parti kbira tat-territorju tal-UE, li jippermettu konnessjonijiet tal-internet ultraveloċi ta' 'l fuq minn 100 Mbps.

2.4.1. Il-garanzija ta' koperatura universali bil-broadband b'veloċitajiet dejjem akbar

Mingħajr intervent pubbliku qawwi, hemm ir-riskju ta' eżitu subottimali, b'netwerks tal-broadband veloċi kkonċentrati fi ftit żoni b'densità għolja u bi spejjż tad-dħul sinifikanti u prezzijiet għoljin. Il-benefiċċji sussegwenti maħluqa minn dawn in-netwerks għall-ekonomija u s-soċjetà jiġġustifikaw politiki pubbliċi li jiggarantixxu kopertura broadband universali b'veloċitajiet dejjem akbar.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni biħsiebha tadotta Komunikazzjoni li tfassal qafas komuni li fih il-politiki nazzjonali u tal-UE għandhom jiġu żviluppati sabiex jilħqu l-miri ta' Ewropa 2020. Dawn il-politiki għandhom partikolarment ibaxxu l-kosti tal-mobilitazzjoni tal-broadband fit-territorju kollu tal-UE, u dan jiżgura l-ippjanar u l-koordinazzjoni xierqa u tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jassiguraw, pereżempju: li xogħlijiet pubbliċi u privati tal-inġinerija ċivili jipprovdu sistematikament għal netwerks tal-broadband u konnessjonijiet inkorporati fil-bini; ir-rilaxx tad-dritta għall-passaġġ; u l-immappjar tal-infrastruttura passiva disponnibbli xierqa għall-kablaġġ.

Il-broadband bla fili (terrestri u satellitari) jista' jkollu rwol kruċjali fl-iżgurar tal-kopertura taż-żoni kollha, inklużi reġjuni remori u rurali. Il-problema ċentrali illum għall-iżvilupp ta' netwerks tal-broadband bla fili hija l-aċċess għall-ispettru tar-radju. L-utenti tal-internet mobbli ġa jesperjenzaw il-konġestjoni fin-newterks minħabba użu insuffiċjenti tal-ispettru tar-radju. Minbarra l-frustrazzjoni għall-utenti, hemm il-fatt li tinħonoq l-innovazzjoni fis-swieq għat-teknoloġiji ġodda, li teffettwa € 250 biljun tal-attività kull sena[26]. Politika Ewropea dwar l-ispettru li tħares 'il quddiem għandha, filwaqt li takkomoda x-xandir, tippromowovi ġestjoni effiċjenti tal-ispettru, billi jingħata mandat għall-użu ta' ċerti ferekwenzi tad-dividen diġitali għall-broadband bla fili sa data fiss fil-ġejjieni, permezz tal-iżgurar ta' flessibbiltà addizzjonali (jiġi permess ukoll il-kummerċ fl-ispettru), u bis-saħħa tal-appoġġ għall-kompetizzjoni u l-innovazzjoni.

Minbarra dan, l-istrumenti ta' finanzjament nazzjonali, tal-UE u tal-BEI għandhom jintużaw għal investimenti fil-broadband immirati sew f'oqsma fejn ix-xenarju tan-negozju jkun dgħajjef, u għalhekk l-intervent iffukat biss jista' jagħmel l-investiment sostenibbli.

2.4.2. It-trawwim ta' netwerks NGA

Illum fl-Ewropa, l-aċċess għall-internet huma bbażat l-aktar fuq l-ewwel ġenerazzjoni tal-broadband, li jfisser internet aċessat minn netwerks antiki tal-kejbils tat-telefown tar-ram u kejbils tat-TV. Madankollu, iċ-ċittadini u n-negozji madwar id-dinja qegħdin dejjem jeżiġu netwerks NGA aktar veloċi. F'dan ir-rigward, l-Ewropa għadha lura fil-konfront tal-kontropartijiet internazzjonali tagħha. Indikatur sinifikanti huwa l-livell tal-penetrazzjoni tal-fibra għad-dar, li huwa baxx ħafna fl-Ewropa u ferm aktar baxx mill-livell ta' ċerti nazzjonijiet fuq qudiem tal-G20 (ara l- Grafika 4).

Grafika 4: Penetrazzjoni tal-Fibra għad-Dar (FTTH) f'Lulju 2009

[pic]

Sors : Point Topic

Sabiex trawwem l-iżvilupp tal-NGA u tħeġġeġ l-investiment kummerċjali f'netwerks miftuħa u kompetittivi l-Kummissjoni ser tadotta Rakkomandazzjoni dwar l-NGA ibbażata fuq tliet prinċipji li (i) ir-riskju tal-investiment għandu jitqies kif xieraq meta tistabbilixxi l-prezzijiet kostorjentati tal-aċċess, (ii) l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimponu l-aktar rimedji xierqa tal-aċċess f'kull każ u li jippermettu pass raġonevoli ta' investiment għal operaturi alternattivi, filwaqt li jqisu l-livell ta' kompetizzjoni fi kwalunkwe qasam partikolari u (iii) għandhom jiġu promossi mekkaniżmi ta' koinvestiment u kondiviżjoni tar-riskji.

2.4.3. Internet miftuħ u newtrali

Il-Kummissjoni ser timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ġodda dwar il-kwalità miftuħa u newtrali tal-internet, li jħarsu d-drittijiet tal-utenti li jkollhom aċċess għall-informazzjoni online kif ukoll li jiddistribwuha, u li jiżguraw it-trasparenza dwar l-immaniġġjar tat-traffiku[27]. Qabel is-sajf tal-2010 il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni pubblika bħala parti mill-impenn usa' tagħha li, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, tirrapporta sal-aħħar tas-sena dwar jekk hiex meħtieġa aktar gwida sabiex jintlaħqu l-miri bażiċi tal-libertà tal-espressjoni, it-trasparenza, il-ħtieġa ta' investiment f'netwerks effikaċi u miftuħa, il-kompetizzjoni ġusta u l-ftuħ għal mudelli innovattivi tan-negozju.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni sejra: Azzjoni Ewlenija 8: Fl-2010 tadotta Komunikazzjoni dwar il-Broadband li tistipula qafas komuni għall-azzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri biex jintlaħqu l-miri għall-broadband tal-Ewropa 2020, fosthom: Li sal-2014 jissaħħaħ u jiġi razzjonalizzat f'dan il-qafas il-finanzjament għall-broadband b'veloċità għolja permezz tal-istrumenti tal-UE (eż. il-FEŻR, l-ERDP, il-FAEŻR, it-TEN, is-CIP) u jiġi esplorat kif jista' jinġibed kapital għall-investimenti fil-broadband permezz ta' tisħiħ tal-kreditu (sostnuta mill-fondi tal-BEI u tal-UE); Li fl-2010 jiġi propost Programm għall-Politika Ewropea dwar l-Ispettru għal deċiżjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u li joħloq politika tal-ispettru kkoordinata u strateġika fil-livell tal-UE sabiex tiżdied l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-ispettru tar-radju u jiġu mmassimizzati l-benefiċċji għall-konsumaturi u l-industrija; Li fl-2010 tinħareġ Rakkomandazzjoni biex tħeġġeġ l-investiment fin-netwerks b'Aċċess tal-Ġenerazzjoni li Jmiss permezz ta' miżuri regolatorji ċari u effikaċi. L-Istati Membri għandhom: Sal-2012 jiżviluppaw u joperaw pjanijiet nazzjonali għall-broadband li jilħqu l-miri tal-kopertura u l-veloċità u l-użu ddefiniti fl-Ewropa 2020, billi jużaw finanzjament pubbliku f'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat[28], u l-Kummissjoni, bħala parti mill-governanza tal-Agenda Diġitali, se tirrapporta kull sena dwar il-progress; Jieħdu miżuri, fosthom dispożizzjonijiet ġuridiċi, biex jiffaċilitaw l-investiment fil-broadband, pereżempju billi jiżguraw li x-xogħlijiet tal-inġenerija ċivili jinvolvu lill-investituri potenzjali, jikkjarifikaw id-drittijiet tal-użu, l-immappjar tal-infrastruttura passiva disponibbli u adatta għall-kejbils u t-titjib tas-sistema tal-wajers fil-bini; Jużaw bis-sħiħ il-Fondi Strutturali u tal-Iżvilupp Rurali li diġà huma mwarrba għall-investiment fl-infrastrutturi u s-servizzi tal-ICT; Jimplimentaw il-Programm għall-Politika Ewropea dwar l-Ispettru, sabiex jiżguraw l-allokazzjoni kkoordinata tal-ispettru meħtieġ sabiex sal-2020 tintlaħaq il-mira ta' 100% koperta bl-internet ta' 30mbs, kif ukoll jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni dwar l-NGA. |

- 2.5. Riċerka u innovazzjoni

L-Ewropa trid tinvesti aktar fir-R&Ż u tiżgura li aħjar ideat tagħha jidħlu fis-suq.

L-Ewropa għadha mhix tinvesti biżżejjed fir-riċerka u l-iżvilupp b'rabta mal-ICT. Meta mqabbla ma' sħab ewlenin kummerċjali bħalma huma l-Istati Uniti, ir-R&Ż tal-ICT fl-Ewropa mhuwiex biss proporzjon ħafna iżgħar tat-total li jintefaq fir-R&Ż (17% meta mqabbel ma' 29%, iżda fl-termini assoluti jirrappreżenta xi 40% tan-nefqa Amerikana (il- Grafika 5 - EUR 37 biljun, kontra EUR 88 biljun fl-2007).

Grafika 5: Infiq totali fir-R&Ż tal-ICT f'biljuni ta' Euro (2007)

[pic]

Sors : L-Eurostat u l-IPTS-JRC

Fid-dawl li l-ICT tirrapreżenta sehem sinifikanti mit-total tal-valur miżjud fil-pilastri tal-industrija Ewropea bħal karozzi (25%), l-apparat tal-konsumatur (41%) jew is-saħħa u l-mediċina (33%), in-nuqqas ta' investiment fir-R&Ż tal-ICT huwa ta' theddida għas-setturi Ewropej tal-manifattur u s-servizzi sħaħ.

Id-differenza fl-investiment hija relatata ma' tliet problemi prinċipali:

- Sforż pubbliku fl-R&Ż dgħajjef u mxerred; eż. is-settur pubbliku tal-UE jonfoq anqas minn EUR 5.5 biljuni fis-sena fir-R&Ż tal-ICT, ħafna anqas mill-ekonomiji kompetitturi.

- Il-framentazzjoni tas-suq u t-tixrid tal-mezzi finanzjarji għall-innovaturi huma fatturi li jillimitaw it-tkabbir u l-iżvilupp ta' negozju innovattiv fl-ICT u speċjalment tal-SMEs.

- L-Ewropa ddum biex tibda tuża l-innovazzjonijiet ibbażati fuq l-ICT, speċjalment fl-oqsma b'interess pubbliku. Filwaqt li l-isfidi soċjali huma motivaturi ewlenin tal-innovazzjoni, l-Ewropa ftit li xejn takkwista l-innovazzjoni u R&Ż sabiex ittejjeb il-kwalità u l-prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi tagħha.

2.5.1. Żieda fl-isforzi u fl-effiċjenza

Fl-2010 il-Kummissjoni se tippreżenta strateġija komprenżiva għar-riċerka u l-innovazzjoni li hija l-inizjattiva ewlenija "Unjoni tal-Innovazzjoni" biex timplimneta l-Ewropa 2020[29]. L-Ewropa għandha tibni fuq l-istrateġija Ewropea għal rwol ta' tmexxija fl-ICT[30], l-Ewropa trid iżżid, tiffoka u tiġbor l-investimenti tagħha sabiex iżżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha f'dan il-qasam u tkompli tinvesti f'riċerka ta' riskju għoli, fosthom riċerka fundamentali multidixxiplinari.

L-Ewropa għandha tibni wkoll il-vantaġġ innovattiv tagħha f'oqsma ewlenin permezz ta' infrastrutturi-e msaħħa[31] u permezz tal-iżvilupp immirat ta' raggruppamenti f'oqsam ewlenin. Għandha tiżviluppa strateġija għall-UE kollha għall-"cloud computing" speċjalment għall-gvern u xjenza[32].

2.5.2. Immotivar tal-innovazzjoni fl-ICT billi jiġi sfruttat is-suq uniku

In-nefqa tas-settur pubbliku Ewropew għandha tintuża biex tixpruna l-innovazzjoni filwaqt li żżid l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi. L-awtoritajiet pubbliċi Ewropej iridu jingħaqdu sabiex jallinjaw ir-regolamentazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni, l-akkwist pubbliku u l-istandardizzazzjoni favur l-innovazzjoni. Huma meħtieġa sħubijiet pubbliċi u privati u fora tal-partijiet interessati ħalli jfasslu pjanijiet ġenerali konġunti għat-teknoloġija, mir-riċerka sal-kummerċjalizzazzjoni, mit-trawwim tal-innovazzjoni sal-ħtieġa soċjali. It-trasferiment tal-għarfien għandu jiġi ġestit b'mod effikaċi[33] u sostnut minn strumenti finanzjarji xierqa[34] u r-riċerka ffinanzjata b'fondi pubbliċi għandha tixxerred ma' kullimkien billi d-dejta u l-istudji xjentifiċi jiġu ppubblikati fl-Open Access[35].

2.5.3. Inizjattivi għall-innovazzjoni miftuħa ggwidati mill-industrija

L-ICT tixpruna il-ħolqien tal-valur u t-tkabbir fl-ekonomija. Dan ifisser li l-industrija tinsab fi bżonn dejjem ikbar għal soluzzjonijiet miftuħa u interoperabbli ħalli tisfrutta l-ICT fis-setturi kollha. L-inizjattivi ggwidati mill-industrija li jimmiraw lejn standards u pjattaformi miftuħa għal prodotti u servizzi ġodda ser ikunu sostnuti fil-programmi ffinanzjati mill-UE. Il-Kummissjoni ser issaħħaħ l-attivitajiet li jiġbru flimkien lill-partijiet interessati madwar aġendi komuni għar-riċerka f'oqsma bħalma hi l-Internet tal-Futur li tinkludi l-Internet tal-Oġġetti u fit-teknoloġiji ewlenin fl-ICT li jiftħu l-possibbiltajiet.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni sejra: Azzjoni ewlenija 9: Timmobilizza aktar investiment privat permezz tal-użu strateġiku tal-akkwist pubbliku prekummerċjali[36] u s-sħubijiet pubbliċiprivati[37], billi tuża fondi strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni u billi żżomm il-pass taż-żieda ta' 20% fis-sena fil-baġit għall-R&Ż tal-ICT stabbilit fl-FP7; Azzjonijiet oħra: Issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-ġabra tar-riżorsi mal-Istati Membri u l-industrija[38], u tiffoka aktar fuq is-sħubijiet xprunati mid-domanda u l-utenti bħala sostenn mill-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-ICT; Mill-2011 tidba tipproponi miżuri għal aċċess 'ħafif u veloċi' għall-fondi tal-UE għar-riċerka fl-ICT u b'hekk tagħmilhom aktar attraenti speċjalment għall-SMEs u r-riċerkaturi żgħażagħ fid-dawl ta' implimentazzjoni usa' fir-reviżjoni tal-Qafas tal-UE għall-RTD[39]; Tiżgura sostenn finanzjarju suffiċjenti għall-infrastrutturi tar-riċerka tal-ICT u r-raggrupamenti tal-innovazzjoni, tiżviluppa aktar Infrastrutturi-e u tistabbilixxi strateġija tal-UE għall-'cloud computing' speċjalment għall-gvern u x-xjenza; Taħdem mal-partijiet interessati biex tiżviluppa ġenerazzjoni ġdida ta' applikazzjonijiet u servizzi bbażati fl-internet, fosthom għall-kontenut u s-servizzi multilingwali, billi sostni l-istandards u l-pjattaformi miftuħa permezz tal-programmi ffinanzjati mill-UE. L-Istati Membri għandhom: Sal-2020, jirduppjaw in-nefqa pubblika annwali fir-riċerka u l-iżvilupp tal-ICT minn EUR 5.5 biljuni għal EUR 11-il biljun (li jinkludu l-programmi tal-UE), b'modi li jimmobilizzaw żieda ekwivalenti fin-nefqa privata minn EUR 35 biljun għal EUR 70 biljun; Jidħlu għal proġetti fuq skala kbira biex jittestjaw u jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi u interoperabbli f'oqsma ta' interess pubbliku li huma ffinanzjati mis-CIP. |

- 2.6. Titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-inklużjoni diġitali

L-era diġitali għandha tfisser l-għoti tas-setgħa u l-emanċipazzjoni; l-ambjent u l-ħiliet ta' dak li jkun ma għandhomx ikunu ta' ostaklu biex wieħed ikollu aċċess għal dan il-potenzjal.

Hekk kif aktar attivitajiet ta' kuljum qed jitwettqu online, minn applikazzjoni għal impjieg sal-ħlas tat-taxxi jew ir-riżervazzjoni ta' biljetti, l-użu tal-internet sar parti integrali mill-ħajja ta' kuljum ta' ħafna Ewropej. Madankollu, 150 miljun Ewropew - xi 30% - għadhom qatt ma użaw l-internet. Ta' spiss jgħidu li ma għandhomx għalfejn jew li jiswa wisq. Dan il-grupp huwa magħmul l-aktar min-nies ta' bejn 65 u 74 sena, nies bi dħul baxx, dawk qiegħda u dawk inqas edukati.

F'ħafna każijiet id-differenza fl-użu tiġi minħabba li l-utent ikollu nuqqas ta' ħiliet bħalma hu l-litteriżmu diġitali u medjatiku, mhux biss b'rabta mal-impjegabbiltà iżda wkoll mat-tagħlim, il-kreattività, il-parteċipazzjoni u l-kunfidenza u l-ġudizzju fl-użu tal-midja diġitali. L-aċċessibbiltà u l-faċiltà tal-użu huma wkoll problema għall-Ewropej b'diżabbiltà. Ir-rebħa fuq din il-qasma diġitali tista' tgħin lil dawk li jinsabu fi gruppi soċjalment żvantaġġjati biex jipparteċipaw b'mod aktar ugwali fis-soċjetà diġitali (fosthom servizzi li jinteressawhom direttament bħat-Tagħlim-e, il-Gvern-e, is-Saħħa-e) u biex jindirizzaw l-iżvantaġġ tagħhom permezz ta' impjegabbiltà akbar. Il-kompetenza diġitali hija għalhekk waħda mit-tmien kompetenzi ewlenin li huma fundamentali għall-individwi f'soċjetà bbażata fuq l-għarfien[40]. Hija wkoll element importanti biex kulħadd jifhem kif juża l-internet b'mod sikur.

Barra minn dan, l-ICT ma tistax tkun b'mod effikaċi settur tat-tkabbir Ewropew u mutur tal-kompetittività u ż-żieda fil-prodottività fl-ekonomija Ewropea mingħajr ħaddiema ta' ħila. L-ekonomija tal-UE hija ostakolata b'nuqqas ta' ħaddiema b'ħiliet fl-ICT: L-Ewropa tista' qed tbati minn nuqqas ta' ħiliet biex jitmlew sa 700 000 impjieg fl-IT sal-2015[41].

2.6.1. Litteriżmu u ħiliet diġitali

Huwa essenzjali li ċ-ċittadini Ewropej jiġu edukati biex jużaw l-ICT u l-midja diġitali u partikolarment li ż-żgħar jiġi attirati lejn l-edukazzjoni tal-ICT. L-ammont ta' ħaddiema fl-ICT u b'ħiliet fin-negozju-e, jiġifieri l-ħiliet diġitali meħtieġa għall-innovazzjoni u tkabbir, jeħtieġlu jikber u jittejjeb. Barra minn dan, fid-dawl li hemm li 30 miljun mara li għandhom bejn 15-24[42] sena, huwa neċessarju li titjieb l-attrazzjoni tas-settur tal-ICT għall-użu professjonali u partikolarment għall-produzzjoni u d-diżin tat-teknoloġija. Iċ-ċittadini kollha għandhom jiġu mgħarrfa bil-potenzjal tal-ICT għal kull tip ta' professjoni. Dan isejjaħ għal sħubijiet bejn diversi partijiet interessati, aktar tagħlim, rikonnoxximent tal-kompetenzi diġitali fl-edukazzjoni formali u s-sistemi tat-taħriġ, kif ukoll sensibilizzazzjoni u taħriġ effikaċi fl-ICT u ċertifikazzjoni barra mis-sistemi edukattivi formali, fosthom l-użu tal-għodod online u l-midja diġitali għat-tagħlim ta' ħiliet ġodda u l-iżvilupp professjonali kontinwu[43]. Abbażi tal-esperjenza miksuba mill-ewwel "Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet-e" (1-5 ta' Marzu 2010)[44], mill-2010 'l hemm il-Kummissjoni ser issostni attivitajiet nazzjonali u Ewropej ta' sensibilizzazzjoni bil-ħsieb li tippromwovi l-edukazzjoni, il-karrieri u l-impjiegi fl-ICT maż-żgħażagħ kif ukoll trawwem il-litteriżmu diġitali fost iċ-ċittadini u t-taħriġ fl-ICT għall-ħaddiema u l-adozzjoni tal-aħjar prattiki.

2.6.2. Servizzi diġitali inklussivi

Il-benefiċċji tas-soċejtà diġitali għandhom ikunu disponibbli għal kulħadd. Fid-dawl tal-konsultazzjoni pubblika riċenti tagħha[45], il-Kummissjoni ser teżamina kif l-aħjar tissodisfa d-domanda għal servizzi bażiċi tat-telekomunikazzjoni fis-swieq kompetittivi tal-lum, xi rwol jista' jkollhom is-servizzi universali fl-ilħiq tal-mira tal-broadband għal kulħadd, u kif għandhom jiġu ffinanzjati s-servizzi universali. Jekk jidher li jkun meħtieġ li tagħmel hekk, il-Kummissjoni ser tressaq proposti fir-rigward tad-Direttiva dwar is-Servizzi Universali[46] sal-aħħar tal-2010.

Huma meħtieġa wkoll azzjonijiet koordinati biex ikun żgurat li l-kontenut elettroniku ġdid ikun disponibbli bis-sħiħ għall-persuni b'diżabbiltà. Partikolarment, il-websajts pubbliċi u s-servizzi online fl-UE u li huma importanti biex wieħed jieħu sehem sħiħ fil-ħajja pubblika għandhom jinġiebu konformi mal-istandards internazzjonali tal-aċċessibbiltà tal-internet[47]. Barra minn dan, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà fiha obbligi marbuta mal-aċċessibbiltà[48].

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni sejra: Azzjoni Ewlenija 10: Tipproponi li l-litteriżmu u l-kompetenzi diġitali jkunu prijorità fir-regolament tal-Fond Soċjali Ewropew (2014-2020); Azzjoni Ewlenija 11: Sal-2012 tiżviluppa għodod għall-identifikazzjoni u r-rikonoxximent tal-kompetenzi tal-ħaddiema u l-utenti tal-ICT, marbuta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki[49] u mal-EUROPASS[50] u tiżviluppa Qafas Ewropew għall-Professjonaliżmu fl-ICT ħalli jiżdiedu l-kompetenzi u l-mobbiltà tal-ħaddiema tal-ICT madwar l-Ewropa; Azzjonijiet oħra: Tagħmel il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali prijorità fl-inizjattiva ewlenija "Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda" li ser titnieda fl-2010[51], fosthom it-tnidija ta' kunsill settorjali b'diversi partijiet interessati għall-ħiliet u l-impjiegi fl-ICT ħalli jiġu indirizzati l-aspetti tad-domanda u l-provvista; Tippromwovi parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol tal-ICT minn nisa żgħażagħ u nisa li jirritornaw fid-dinja tax-xogħol permezz ta' sostenn għar-riżorsi ta' taħriġ ibbażat fuq l-internet, tagħlim-e bbażat fuq il-logħob u netwerking soċjali; Fl-2011 tiżviluppa għodda online għall-edukazzjoni tal-konsumaturi dwar it-teknoloġiji tal-midja ġdida (eż. id-drittijiet tal-konsumatur fuq l-internet, il-Kummerċ-e, il-protezzjoni tad-dejta, il-litteriżmu medjatiku, in-netwerks soċjali eċċ.). Din l-għodda ser tipprovdi informazzjoni ppreparata apposta u materjal edukattiv għall-konsumaturi, l-għalliema u persuni oħra li għandhom effett multiplu fis-27 Stat Membru; Sal-2013 tipproponi indikaturi għall-UE kollha tal-kompetenzi diġitali u l-litteriżmu medjatiku; Tivvaluta b'mod sistematiku l-aċċessibbiltà fir-reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni li twettqu skont l-Aġenda Diġitali, eż. il-Kummerċ-e, l-Identità-e u l-Firma-e, abbażi tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà; Abbażi ta' analiżi tal-alternattivi u sal-2011 tagħmel proposti li jiżguraw li l-websajts tas-settur pubbliku (u l-websejts li jipprovdu servizzi bażiċi liċ-ċittadini) ikunu aċċessibbli bis-sħiħ sal-2015; Tiffaċilita, sal-2012, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti, Memorandum ta' Qbil dwar l-Aċċess Diġitali għall-persuni b'diżabbiltà f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU. L-Istati Membri għandhom: Jimplimentaw sal-2011 politiki fuq perjodu twil ta' żmien għall-ħiliet-e u l-litteriżmu diġitali u jippromwovu inċentivi rilevanti għall-SMEs u l-gruppi żvantaġġjati; Jimplimentaw sal-2011 id-dispożizzjonijiet dwar id-diżabbiltà li hemm fil-Qafas tat-Telekomunikazzjonijiet u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva; Jissimplifikaw il-politiki nazzjonali tat-Tagħlim-e għall-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ, fosthom fil-kurrikula, il-valutazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u t-trejners. |

- 2.7. Benefiċċji li joħorġu mill-ICT għas-soċjetà tal-UE

Użu intelliġenti tat-teknoloġija u l-esplojtazzjoni tal-informazzjoni ser jgħinuna nindirizzaw l-isfidi li qed taffronta s-soċjetà bħat-tibdil fil-klima u l-populazzjoni li qed issir dejjem aktar anzjana.

Wieħed irid iħares lejn is-soċjetà diġitali bħala soċjetà b'riżultati aħjar għal kulħadd. L-użu tal-ICT qiegħed isir fattur kritiku sabiex jitlaħqu l-għanijiet politiċi bħas-sostenn ta' soċjetà li qed issir dejjem aktar anzjana, it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, titjieb l-effiċjenza fit-trasport u l-mobbiltà, tingħata s-setgħa lill-pazjenti u tkun żgurata l-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà.

2.7.1. L-ICT għall-ambjent

L-UE impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha b'mill-inqas 20% sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u li ttejjeb l-effiċjenza fl-enerġija b'20%. Is-settur tal-ICT għandu rwol ewlieni x'jilgħab f'din l-isfida:

- L-ICT joffri potenzjal għal bidla strutturali lejn prodotti u servizzi li jużaw anqas riżorsi, għall-iffrankar tal-enerġija fil-bini u n-netwerks tal-elettriku, kif ukoll għal sistemi intelliġenti tat-trasport li jkunu aktar effiċjenti u jikkunsmaw anqas enerġija;

- Is-settur tal-ICT għandu jkun xempju billi jirrapporta dwar il-prestazzjoni ambjentali tiegħu stess billi jadotta qafas komuni għall-kejl bħala bażi biex jistabbilixxi miri għat-tnaqqis fl-użu tal-enerġija u l-emissjonijiet ta' gassijiet serra fil-proċessi kollha involuti fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni, l-użu u r-rimi tal-prodotti tal-ICT u l-forniment tas-servizzi tal-ICT[52].

Il-kooperazzjoni bejn l-industrija tal-ICT, setturi oħra u l-awtoritajiet pubbliċi hija essenzjali sabiex jitħaffef l-iżvilupp u t-tixrid fuq skala kbira ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT għall-grids u l-miters intelliġenti, bini b'użu ta' enerġija qrib iż-żero u s-sistemi intelliġenti tat-trasport. Huwa essenzjali li tingħata s-setgħa lill-individwi u l-organizzazzjonijiet permezz tal-informazzjoni li ser tgħinhom inaqqsu l-marka tal-karbonju tagħhom infushom[53]. Is-settur tal-ICT għandu jipprovdi għodod ta' mudellar, analiżi, monitoraġġ u viżwilizzazzjoni għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-bini, il-vetturi, il-kumpaniji, il-bliet u-reġjuni. Il-grids intelliġenti huma essenzjali biex nersqu lejn ekonomija b'użu baxx ta' karbonju. Dawn ser jippermettu kontroll attiv tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni permezz ta' pjattaformi avvanzati tal-ICT, l-infrastuttura, l-komunikazzjoni u l-kontroll. Sabiex il-grids differenti jaħdmu flimkien b'mod effiċjenti u sikur, ser ikunu meħtieġa interfaċċji tat-trażmissjoni-distribuzzjoni miftuħa.

Pereżempju, kważi 20% tal-konsum tal-elettriku madwar id-dinja kollha jintuża għad-dawl. Madwar 70% tal-konsum tal-elettriku jista' jiġi ffrankat billi jiġu kkombinati teknoloġiji avvanzati magħrufa bħala Solid State Lighting (SSL) ma' sistemi intelliġenti tal-ġestjon tad-dawl. Id-dawl SSL huwa bbażat fuq teknoloġiji żviluppati mill-industrija tas-semikondutturi u f'liema industrija l-Ewropa għandha pożizzjoni b'saħħitha. Sabiex jintlaħaq tnaqqis tal-emissjonijiet, hija meħtieġa taħlita ta' sensibbilizzazzjoni, taħriġ u kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni sejra: Azzjoni Ewlenija 12: Tivvaluta sal-2011 jekk is-settur tal-ICT issodisfax l-iskeda ta' żmien biex jadotta metodoloġiji komuni għall-kejl biex jirrapporta dwar il-prestazzjoni tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tiegħu stess u tipproponi miżuri legali jekk ikun xieraq; Azzjonijiet oħra: Issostni sħubijiet bejn is-settur tal-ICT u setturi ewlenin li jemettu gassijiet serra (eż. il-bini u l-kostruzzjoni, it-trasport u l-loġistika, id-distribuzzjoni tal-enerġija) ħalli jtejbu l-effiċejnza tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra ta' dawn is-setturi sal-2013; Tivvaluta sal-2011 il-kontribuzzjoni potenzjali tal-grids intelliġenti lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-forniment tal-enerġija fl-Ewropa u tiddefinixxi sett ta' funzjonalitajiet minimi ħalli tippromwovi l-interoperabbiltà tal-Grids Intelliġenti fil-livell Ewropew sal-aħħar tal-2011; Tippubblika fl-2011 Green Paper dwar is-Solid State Lighting (SSL) biex tesplora l-ostakli u tressaq suġġerimenti politiċi; serja wkoll fl-istess ħin issostni proġetti ta' dimostrazzjoni li jużaw is-CIP. L-Istati Membri għandhom: Jaqblu sal-aħħar tal-2011 dwar funzjonalitajiet komuni addizzjonali għall-miters intelliġenti; Sal-2012 jinkludu speċifikazzjonijiet tal-kostijiet totali tal-ħajja sħiħa tal-prodott (minflok il-kostijiet tax-xiri inizzjali) fl-akkwisti pubbliċi kollha ta' stallazzjonijiet tad-dawl. |

- 2.7.2. Kura tas-saħħa sostenibbli u sostenn ibbażat fuq l-ICT għal għejxien dinjituż u indipendenti [54]

L-użu ta' teknoloġji tas-Saħħa-e fl-Ewropa jista' jtejjeb il-kwalità tal-kura, inaqqas il-kostijiet tal-mediċina u jrawwem għixien indipendenti, anki f'postijiet remoti. Kundizzjoni essenzjali għas-suċċess hija li dawn it-teknoloġiji jinkorporaw id-dritt tal-individwi li jkollhom aċċessibbli online l-informazzjoni personali tas-saħħa tagħhom maħżuna f'sistema tal-kura tas-saħħa. Sabiex jintuża l-potenzjal kollu ta' servizzi ġodda tas-Saħħa-e, l-UE jeħtiġilha tneħħi l-ostakli legali u organizzazzjonali, partikolarment dawk tal-interoperabbiltà pan-Ewropea, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

L-Inizjattiva tas-Suq tas-Saħħa-e li Jiggwida[55] ser jippromwovi l-istandardizzazzjoni, l-ittestjar tal-interoperabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni tar-reġistri u t-tagħmir elettroniċi tas-saħħa. Servizzi ġodda tat-telemediċina bħalma huma l-konsultazzjonijiet mediċi online, kura tal-emerġenza aħjar u tagħmir portabbli li jippermetti l-monitoraġġ tal-kundizzjoni tas-saħħa ta' nies li jbatu minn mard u diżabbiltajiet kroniċi għandhom il-potenzjal li joffru l-libertà tal-moviment li l-pazjenti qatt qabel ma gawdew.

It-teknoloġiji tal- Għixien Mgħejun Kontestwalment (Ambient Assisted Living, AAL ) ipoġġu l-ICT f'post fejn jista' jilħaqhom kulħadd. Il- Programm tal-UE Koġunt mal-Istati Membri ddedikat lill-AAL u riċerka avvanzata relatata, kif ukoll applikazzjonijiet bħalma huma t-telecare u l-għajnuna online għas-servizzi soċjali ser jissaħħu: ħalli jkopri ċ-ċertifikazzjoni tal-persuni li jipprovdu l-kura (jiġifieri, ħalli jkunu jistgħu jipprovdu interfaċċja għas-servizzi tal-informazzjoni għal nies li li kieku jkollhom diffikultà biex jużaw l-internet); u jistabbilixxu modi ġodda biex ipoġġu l-ICT għas-servizz tal-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà. Dan il-programm ser jiżgura li s-soċjetà diġitali tippermetti ħajja aktar indipendenti u dinjituża lil dawk li huma debboli jew ibatu minn kundizzjonijiet kroniċi u għall-persuni b'diżabbiltà. L-AAL ser tippromwovi l-innovazzjoni u l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet tal-ICT f'oqsma ewlenin bħalma hija l-prevenzjoni tal-waqgħat (li jiġru lil aktar minn terz ta' dawk li għandhom aktar minn 65 sena) u għajnuna għal dawk li jbatu bid-demenżja (li tolqot lil aktar minn 7 miljun ruħ fl-UE), b'mira li sal-2015 jirdoppjaw l-arranġamenti tal-għejxien indipendenti għall-anzjani.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni ser taħdem mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u mal-partijiet interessati kollha biex: Azzjoni Ewlenija 13: Twettaq azzjonijiet pilota ħalli tipprovdi lill-Ewropea b'aċċess online sikur għad-dejta medika tagħhom sal-2015 u biex sal-2020 jkun hemm użu wiesa' tas-servizzi tat-telemediċina; Azzjoni Ewlenija 14: Tipproponi rakkomandazzjoni li tiddefinixxi sett komuni minimu ta' dejta tal-pazjenti għall-interoperabbiltà tar-reġistri tal-pazjenti li sal-2011 għandhom ikunu aċċessibbli jew skambjati elettronikament fl-Istat Membri[56]; Azzjonijiet oħra: Trewwem, sal-2015, standards[57] GħALL-UE KOLLHA, ITTESTJAR TAL-INTEROPERABBILTÀ U ċERTIFIKAZZJONI TAS-SISTEMA TAS-SAħħA-E PERMEZZ TA' DJALOGU MAL-PARTI INTERESSATI; Issaħħaħ il-Programm Konġunt Għixien Mgħejun Kontestwalment (Ambient Assisted Living AAL) ħalli tippermetti lill-persuni ixjaħ u lill-persuni b'diżabbiltà biex jgħixu indipendentament u jkunu attivi fis-soċjetà. |

- 2.7.3. Promozzjoni tad-diversità kulturali u l-kontenut kreattiv

Il-Konvenzjoni tal-2005 tal-UNESCO dwar id-diversità kulturali (irratifikata fil-livell tal-UE fl-2006) tipprovdi għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali madwar id-dinja u tapplika bl-istess mod għall-ambjenti diġitali ġodda. Fil-fatt il-midja diġitali ġdida tista' tippermetti distribuzzjoni usa' ta' kontenut kulturali u kreattiv, minħabba li r-ripproduzzjoni hija irħas u aktar veloċi u toħloq aktar opportunitajiet għall-awturi u l-fornituri tal-kontenut biex jilħqu udjenzi ġodda u akbar - anki dinija. L-internet huwa wkoll xprun ta' aktar pluraliżmu fil-midja u jagħti kemm aċċess għal firxa usa' ta' sorsi u opinjonijiet kif ukoll iservi ta' mezz għal individwi - li kieku jkunu mċaħħda mill-opportunità - li jesprimu lilhom infushom b'mod sħiħ u miftuħ.

Fl-Ewropa, iċ-ċinema diġitali qed jaqbad aktar bil-mod milli previst minħabba kwistjonijiet tekniċi (standards) u ekonomiċi (mudell ta' negozju). Xi tipi ta' ċinema jinsabu fil-periklu li jagħlqu minħabba l-ispejjeż għolja tat-tagħmir diġitali. Għalhekk, hija meħtieġa għajnuna għad-diġitalizzazzjoni taċ-ċinemas ħalli titħares id-diversità kulturali.

Anki l-frammentazzjoni u l-kumplessità fis-sistemi attwali tal-liċenzjar tostakola d-diġitalizzazzjoni ta' parti kbira tal-wirt kulturali riċenti tal-Ewropa. L-approvazzjoni tad-drittijiet trid titjieb, u l- Europeana - il-librerija diġitali pubblika tal-UE għandha tissaħħaħ. Huma meħtieġa aktar finanzi pubbliċi sabiex tiġi ffinanzjata d-diġitalizzazzjoni fuq skala kbira, flimkien ma' inizjattivi ma' sħab privati sakemm dawn jippermettu aċċessibbiltà ġenerali online tal-wirt kulturali komuni Ewropew[58]. Il-wirt kulturali Ewropew għandu wkoll isir aktar aċċessibbli għall-Ewropej kollha billi jiġu żviluppati aktar it-teknoloġiji moderni tat-traduzzjoni u bl-użu tagħhom.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva tirregola l-koordinazzjoni fl-UE tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-midja awdjoviżiva kollha; kemm ix-xandir televiżiv tradizzjonali u kemm is-servizzi b'talba. Tinkludi dispożizzjonijiet għall-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej kemm fis-servizzi li jixbħu t-televixin u kemm is-servizzi b'talba.

AZZJONIJIET Il-Kummissjoni sejra: Azzjoni ewlenija 15: Sal-2012 tipproponi mudell sostennibbli għall-iffinanzjar tal-librerija diġitali pubblika tal-UE Europeana u d-diġitalizzazzjoni tal-kontent. Azzjonijiet oħra: Sal-2012 tipproponi miżuri skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni fuq il-Green Paper tagħha dwar "It-tħeġġiġ tal-potenzjal ta' industriji kulturali u kreattivi"; Sal-2011 toħroġ Rakkomandazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni taċ-ċinema Ewropea; Tiżgura l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva fir-rigward tad-diversità kulturali, fejn xieraq permezz ta' koregolarizzazzjoni u awtoregolarizzazzjoni u titlob informazzjoni mingħand l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tagħhom sal-aħħar tal-2011. |

- 2.7.4. Gvern-e

Is-servizzi tal-Gvern-e joffru mod kosteffikaċi kemm biex jitjiebu s-servizzi għaċ-ċittadini u n-negozji kollha kif ukoll lejn gvern partiċipattiv miftuħ u trasparenti. Is-servizzi tal-Gvern-e jistgħu jnaqqsu l-kostijiet u jiffrankaw il-ħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, liċ-ċittadini u lin-neguzji. Jistgħu wkoll jgħinu biex jittaffew ir-riskji tat-tibdil fil-klima, il-perikli naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem billi jinkludu l-kondiviżjoni tad-dejta ambjentali u l-informazzjoni relatata mal-ambjent. Illum, minkejja livell għoli ta' disponnibbiltà ta' servizzi tal-Gvern-e fl-Ewropa xorta għadhom jeżistu differenzi fost l-Istati Membri u l-użu tas-servizzi tal-Gvern-e miċ-ċittadini għandu baxx. Fl-2009, 38% biss miċ-ċittadini tal-UE użaw l-internet biex jaċċessaw is-servizzi tal-Gvern-e, meta mqabbla ma' 72% tan-negozji. L-użu ġenerali tal-internet jiżdied jekk jitjiebu l-firxa, il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi online.

Il-gvernijiet Ewropej huma impenjati li sal-2015 jagħmlu s-servizzi tal-Gvern-e, li jpoġġu l-utent fiċ-ċentru, ikunu personalizzati u bi pjattaformi multipli, realtà mifruxa[59]. Għal dak il-għan il-gvernijiet għandhom jieħdu passi biex jevitaw rekwiżiti tekniċi inutli, pereżempju applikazzjonijiet li jaħdmu biss f'ambjenti tekniċi speċifiċi jew ma' tagħmir speċifiku. Il-Kummissjoni ser tmexxi bl-eżempju billi timplimenta Gvern-e intelliġenti. Dawn is-servizzi ser isostnu proċessi amministrattivi ssimplifikati, jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jissimplifikaw l-interazzjoni mal-Kummissjoni, b'hekk jagħtu s-setgħa lill-utenti u jtejbu l-effiċjenza, effikaċja u t-trasparenza tal-Kummissjoni.

Il-biċċa kbira tas-servizzi pubbliċi online ma jaħdmux fuq livell transkonfinali bi ħsara għall-mobbiltà tan-negozji u ċ-ċittadini. L-awtoritajiet pubbliċi s'issa ffukaw fuq il-ħtiġijiet nazzjonali u ma qisux biżżejjed id-dimenżjoni tas-suq uniku tal-Gvern-e. Madankollu diversi inizjattivi tas-suq uniku u strumenti legali (bħad-Direttiva dwar is-Servizzi jew il-Pjan ta' Azzjoni tal-Akkwist-e) jistrieħu fuq il-possibbiltà li n-negozji jinteraġixxu u jinnegozjaw mal-amministrazzjonijiet pubbliċi b'mezzi elettroniċi u fuq livell transkonfinali[60].

Għalhekk l-Ewropa għandha bżonn kooperazzjoni amministrattiva aħjar biex tiżviluppa u tuża servizzi pubbliċi online u transkonfinali. Din tinkludi l-implimentazzjoni bla intoppi tal-Akkwist-e kif ukoll servizzi prattiċi tal-identifikazzjoni-e u l-awtentikazzjoni-e (fosthom rikonoxximent reċiproku tal-livelli tas-sigurtà għall-awtentikazzjoni)[61].

Is-servizzi Ambjent-e , bħala kategorija ta' servizzi tal-Gvern-e, għadhom jew mhumiex żviluppati biżżejjed, jew huma frammentati skont il-fruntieri nazzjonali. Il-liġi Komunitarja f'dan il-qasam għandha tiġi eżaminata u mmodernizzata. It-tieni nett, soluzzjonijiet innovattivi bħalma huma n-netwerks avvanzati tas-sensuri, jistgħu jgħinu biex jintela' fejn hija nieqsa d-dejta meħtieġa.

Azzjonijiet Il-Kummissjoni sejra: Azzjoni Ewlenija 16: Tipproponi sal-2012 Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament biex tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni-e u tal-awtentikazzjoni-e madwar l-UE kollha abbażi ta' 'servizzi ta' awtentikazzjoni' online li għandhom ikunu offruti fl-Istati Membri kollha (li jistgħu jużaw l-aktar dokumenti offiċjali u adattati taċ-ċittadini - maħruġa mis-settur pubbliku jew privat); Azzjonijiet oħra: Issostni servizzi transkonfinali u bla intoppi tal-Gvern-e fis-suq uniku permezz tal-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-Programm tas-Soluzzjonijiet Interoperabbli għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (ISA); Analiżi sal-2011 tal-aċċess Pubbliku għad-Direttiva dwar l-Informazzjoni Ambjentali[62]; Taħdem mal-Istati Membri u l-partijiet interessati biex timplimenta servizzi transkonfinali tal-Ambjent-e, speċjalment in-netwerks avvanzati tas-sensuri; Tiddefinixxi sal-2011 passi konkreti f'White Paper dwar kif tinterkonnetja l-kapaċità tal-akkwist-e fis-suq uniku kollu; Fir-rigward tal-Gvern-e miftuħ u trasparenti, tmexxi bl-eżempju, billi fl-2010 toħloq u timplimenta pjan ta' azzjoni ambizzjuż għall-Kummissjoni-e 2011-2015, bi proċedura tal-akkwist totalment elettronika. L-Istati Membri għandhom: Jagħmlu s-servizzi tal-Gvern-e interoperabbli bis-sħiħ u jegħlbu l-ostakli organizzazzjonali, tekniċi jew semantiċi u konformi mal-IPv6; Jiżguraw li l-Punti ta' kuntatt Uniku jkunu ċentri veri u proprji tal-Gvern-e lil hinn mir-rekwiżiti u l-oqsma koperti mid-Direttiva tas-Servizzi; Sal-2011 jaqblu dwar lista komuni ta' servizzi pubbliċi transkonfinali ewlenin li tikkorrispondi ma' ħtiġijiet iddefiniti sew -li tippermetti li intraprendituri jistabbilixxu u jmexxu negozju fi kwalunkwe post fl-Ewropa indipendentament mill-post tal-oriġini tagħhom, u li tippermetti liċ-ċittadini jistudjaw, jaħdmu, joqogħdu u jirtiraw fi kwalunkwe post fl-Unjoni Ewropea. Dawn is-servizzi ewlenin għandhom ikunu disponibbli online sal-2015. |

- 2.7.5 Sistemi Intelliġenti tat-Trasport għal trasport effikaċi u mobbiltà aħjar

Is-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (ITS) jagħmlu t-trasport aktar effiċjenti, veloċi, eħfef u affidabbli. L-attenzjoni hija fuq soluzzjonijiet intelliġenti biex jiġi integrati l-flussi tal-passiġġieri u l-merkanzija fil-modi tat-trasport u jiġi pprovduti soluzzjonijiet sostennibbli għall-punti ewlieni ta’ konġestjoni infrastutturali li jaffetwaw it-toroq, il-ferroviji, l-ajru, il-baħar u l-mogħdijiet tal-ilma.

Għat-trasport bit-triq, u l-interfaċċji tiegħu mal-modi l-oħra, il-Pjan ta' Azzjoni tal-ITS u d-Direttiva assoċjata miegħu jsostnu l-użu tal-informazzjoni f'ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar u sistemi tal-immaniġġjar dinamiku tat-traffiku biex tittaffa l-konġestjoni u titħeġġeġ l-mobbiltà ambjentali, filwaqt li jitjiebu s-sigurezza u s-sigurtà. Is-Soluzzjonijiet tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għas-Sema Uniku Ewropew (SESAR) ser jintegraw is-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u s-sistemi ta' sostenn. Is-Servizzi tal-Informazzjoni dwar ix-Xmajjar (RIS) u s-servizzi Marittimi-e jippermettu trasport fuq ix-xmajjar u bil-baħar aħjar, iktar sikur u aktar effiċjenti. Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju qed timmira lejn sistema tal-kontroll tal-veloċità awtomatika madwar l-Ewropa kollha, filwaqt li applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-merkanzija bil-ferrovija[63] u għas-servizzi tal-passiġġieri ser isostnu s-servizzi transkonfinali, jipprovdu lill-passiġġieri b'għodod biex jippjanaw il-vjaġġ (inklużi l-konnessjonijiet ma' ferroviji u modi oħra, għajnuna biex jirriżervaw, iħalsu u jittraċċaw il-bagalji ) kif ukoll b'aġġornamenti f'ħin reali.

Azzjonijiet Il-Kummissjoni sejra: Tkabbar l-użu tal-ITS, partikolarment fit-trasport bit-triq u dak urban billi tapplika d-Direttiva propsota b'sostenn għall-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni bla telf ta' żmien; Sal-2010, tadotta l-istrateġija għall-użu tas-Soluzzjonijiet tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru għas-Sema Uniku Ewropew (SESAR); Tipproponi sal-2011 Direttiva għall-użu tas-servizzi Marittimi-e; Tipproponi sal-2011 Direttiva li tistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-ferrovija tal-passiġieri. L-Istati Membri għandhom: Jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) billi jvaraw pjan, partikolarment fir-rigward tal-linji li għandhom jibdew jużaw it-tagħmir sal-2015. |

- 2.8. Aspetti internazzjonali tal-Aġenda Diġitali

L-Aġenda Diġitali Ewropea għandha l-għan li tagħmel lill-Ewropa mutur ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fix-xena globali. Is-seba' pilastri tal-Aġenda Diġitali kollha għandhom dimesjonijiet internazzjnali. B'mod partikolari s-Suq Uniku Diġitali jeħtieġ lat estern minħabba li progress f'ħafna kwistjonijiet politiċi jista' jsir biss fuq livell internazzjonali. Interoperabbiltà u standards rikonnoxxuti fuq skala dinija jistgħu jippromwovu aktar innovazzjoni rapida billi jnaqqsu r-riskji u l-kostijiet ta' teknoloġiji ġodda. It-theddid elettroniku għas-sigurtà li qed jiżdied ukoll jeħtieġlu li jiġi indirizzat f'kuntest internazzjonali. Barra minn dan, is-soluzzjonijiet regolatorji Ewropej li huma bbażati fuq opportunitajiet indaqs, gvern trasparenti u governanza u swieq li huma miftuħa għall-kompetizzjoni qed jipprovdu inspirazzjoni f'postijiet oħra madwar id-dinja. Fl-aħħar nett, huwa wkoll importanti li l-progress Ewropew fl-Agenda Diġitali jiġi mkejjel mal-aqwa prestazzjoni internazzjonali.

Għalhekk dimensjoni internazzjonali tal-Aġenda Diġitali sabiex iseħħu l-azzjonijiet t'hawn fuq hija kruċjali, partikolarment fid-dawl tal-importanza strateġika tal-internet. L-Ewropa trid tkompli tieħu rwol ewlieni, f'konformità mal-Aġenda ta' Tuneż, fil-promozzjoni ta' governanza ta' internet miftuħ u inklużiv kemm jista' jkun. Illum u wisq aktar fil-futur, l-internet ser iħaddan firxa wiesgħa ta' apparat u applikazzjonijiet mifruxa mal-aspetti kollha tal-ħajja - irrilevanti mill-ġeografika. Huwa strument formidabbli tal-libertà tal-kelma mad-dinja kollha.

Sabiex trawwem l-innovazzjoni anki internazzjonalment il-Kummissjoni ser taħdem biex jinkisbu kundizzjonijiet ta' kummerċ estern favorevoli kemm għall-oġġetti kif ukoll għas-servizzi diġitali, eż. tiżviluppa sħubija aktar b'saħħitha biex twassal għal aċċess tas-suq u opportunitajiet ta' investiment, tnaqqas l-ostakli tariffarji u mhux fil-livell dinji, ittejjeb il-protezzjoni tal-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (DPI) u tevita t-tagħwiġ tas-suq.

Il-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) tal-1997 ta riżultati tanġibbli fil-promozzjoni tal-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni fl-Ewropa u madwar id-dinja. Madankollu l-ITA issa għandu bżonn jiġi aġġornat ħalli jqis l-iżviluppi l-ġodda, speċjalment il-konverġenza tat-teknoloġija mal-prodotti.

Barra minn dan ser ikun hemm bżonn li l-progress teknoloġiku fil-qasam tas-servizzi diġitali u tal-proprjetà intelletwali jiġi rifless aktar fil-ftehimiet internazzjonali dwar il-kummerċ.

Azzjonijiet Il-Kummissjoni sejra: Tippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni tal-governanza tal-internet u l-kooperazzjoni globali ħalli tinżamm l-istabbiltà tal-internet, abbażi tal-mudell b'diversi partijiet interessati; Issostni l-kontinwazzjoni tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet lil hinn mill-2010; Taħdem ma' pajjiżi terzi ħalli ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-kummerċ internazzjonali għall-prodotti u s-servizzi diġitali, fosthom b'rabta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; Tfittex mandat biex taġġorna l-ftehimiet internazzjonali skont il-progress teknoloġiku jew, fejn xieraq, tipproponi strumenti ġodda. |

- 3. Implimentazzjoni u gvernanza

L-aktar sfida iebsa hija li tiġi żgurata l-adozzjoni u l-implementazzjoni bla telf ta' żmien ta' dawn il-miżuri neċessarji ħalli jintlaħqu l-miri tagħna. Jeħtiġilna nikkondividu l-istess determinazzjoni u viżjoni komuni ħalli nwettqu din il-bidla għall-Ewropa.

Is-suċċess tal-Aġenda Diġitali jiddependi fuq l-eżekuzzjoni metikoluża tas-sett komprenżiv ta' azzjonijiet tagħha skont l-istruttura ta' governanza Ewropa 2020. Kif turi l- Grafika 6 'Iċ-Ċiklu Ewropew tal-Governanza tal-Aġenda Diġitali' , il-Kummissjoni sejra għalhekk:

1. Tistabbilixxi mekkaniżmu ta' koordinazzjoni interna - fejn fil-qalba tiegħu ser ikun hemm Grupp tal-Kummissjoni biex jiżgura koordinazzjoni politika effikaċi bejn l-oqsma politiċi differenti, b'referenza partikolari għas-sett ta' inizjattivi leġiżlattivi proposti skont l-Aġenda Diġitali (l-Anness 1).

Grafika 5: Ċiklu Ewropew tal-Governanza tal-Aġenda Diġitali

[pic]

2. Tikkoopera mill-qrib mal-Istati Membri, il-Parlament Ewropew u l-partijiet interessati kollha, partikolarment billi:

- Tistabbilixxi 'Grupp ta' Livell Għoli' biex jaħdem mal-Istati Membri;

- Izżomm djalogu regolari mar-rappreżentanti tal-Parlamenti Ewropej;

- Toħloq pjattaformi b'orjentazzjoni lejn l-azzjoni fuq is-seba' oqsma ta' azzjoni b'firxa wiesgħa ta' partijiet interessati.

3. Tkejjel il-progress fl-Aġenda Diġitali billi tippubblika f'Mejju ta' kull sena tabella bir-riżultati li tinkludi[64]:

- L-iżviluppi soċjoekonomiċi abbażi tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, magħżula abbażi tar-rilevanza tagħhom għall-kwistjonijiet politiċi ewlenin (Anness 2)[65];

- Aġġornament tal-progress tas-sett sħiħ ta' azzjonijiet politiċi identifikati fl-Aġenda Diġitali.

4. Torganizza dibattitu wiesa' mal-partijiet interessati dwar il-progress kif imkejjel fit-tabelli tar-riżultati diġitali fil-forma ta' Assemblea Diġitali annwali f'Ġunju, li tlaqqa' flimkien lill-Istati Membri, l-Istituzzjonijiet tal-UE, ir-rappreżentanti taċ-ċittadini u l-industrija ħalli jivvalutaw il-progress u l-isfidi emerġenti. L-ewwel Assemblea ser titlaqqa' fl-ewwel nofs tal-2011.

5. Il-Kummissjoni ser tirrapporta dwar ir-riżultati ta' dawn l-attivitajiet f'Rapport Annwali dwar il-Progress lill-Kunsill Ewropew skont l-istruttura ta' governanza Ewropa 2020.

Anness 1: Tabella tal-azzjonijiet leġiżlattivi

Azzjonijiet/proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni | Data ppjanata ta' twettiq |

Suq uniku diġitali vivaċi |

Azzjoni Ewlenija 1: Tipproponi Direttiva ta' qafas dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet kollettivi, billi tistabbilixxi liċenzjar pan-Ewropew għall-immaniġġjar tad-drittijiet (online) | 2010 |

Azzjoni Ewlenija 1: Tipproponi Direttiva dwar ix-xogħlijiet orfni biex tiffaċilita d-diġitalizzazzjoni u tixrid ta' xogħlijiet kulturali fl-Ewropa | 2010 |

Azzjoni Ewlenija 4: Teżamina l-qafas regolatorju tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta, ħalli żżid il-konfidenza tal-individwi u ssaħħaħ id-drittijiet tagħhom | 2010 |

Tagħmel proposti ta' aġġornament għad-Direttiva dwar il-Kummerċ-e għas-swieq online | 2010 |

Azzjoni Ewlenija 2: Tipproponi miżuri biex il-migrazzjoni lejn iż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) tkun mandatorja sa data futura u stipulata | 2010 |

Azzjoni Ewlenija 3: Teżamina d-Direttiva dwar il-Firem-e biex tiżgura r-rikonoxximent transkonfinali u l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-Awtentikazzjoni-e | 2011 |

Tipproponi strument ta' liġi kuntrattwali li jikkumplimenta lid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur. | 2011 |

Tipproponi miżuri għal aktar armonizzazzjoni fin-numerazzjoni tar-riżorsi għall-forniment ta' servizzi ta' negozju madwar l-Ewropa | 2011 |

Rapport dwar l-eżami tad-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali | 2012 |

Rapport dwar il-ħtieġa għall-miżuri addizzjonali meħtieġa għall-promozzjoni tal-liċenzji transkonfinali u pan-Ewropej | 2012 |

Azzjoni Ewlenija 1: Eżami tad-Direttiva dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku, partikolarment l-ambitu u l-prinċipji tagħha dwar l-imposti fuq l-aċċess u l-użu | 2012 |

Tipproponi sistema madwar l-UE kollha ta' Soluzzjoni Online tat-Tilwim għat-transazzjonijiet tal-Kummerċ-e | 2012 |

Interoperabbiltà u standards |

Azzjoni Ewlenija 5: Tagħmel proposti biex jiġu riformulati r-regoli tal-implimentazzjoni tal-istandards tal-ICT fl-Ewropa ħalli jkunu jistgħu jintużaw l-istandards ta' ċerti fora u konsorzji tal-ICT. | 2010 |

Toħroġ linji gwida dwar id-drittijiet essenzjali tal-proprjetà intelletwali u l-kundizzjonijiet tal-liċenzjar f'xenarju standard, inkluża d-divulgazzjoni ex-ante | 2011 |

Rapport dwar il-fattibbiltà tal-miżuri li jistgħu jwasslu atturi sinifikanti tas-suq biex jilliċenzjaw informazzjoni dwar l-interoperabbiltà | 2012 |

Fiduċja u sigurtà |

Azzjoni Ewlenija 6: Tipproponi Regolament biex tiġi mmodernizzata l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA) u tagħmel proposti biex tiġi stabbilita skwadra ta' rispons f'emerġenza relatata mal-kompjuters (CERT) għall-istituzzjonjiet tal-UE | 2010 |

Azzjoni Ewlenija 4: Bħala parti mill-modernizzazzjoni tal-qafas regolatorju tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta personali, tesplora l-estenżjoni tad-dispożizzjonijiet dwar in-notifikazzjoni tal-ksur tas-sigurtà | 2010 |

Azzjoni Ewlenija 7: Tipproponi miżuri legali biex tiġġieled l-attakki elettroniċi | 2010 |

Azzjoni Ewlenija 7: Tipproponi regoli dwar il-ġuriżdizzjoni taċ-ċiberspazju fil-livelli Ewropej u internazzjonali | 2013 |

Aċċess veloċi u ultraveloċi għall-internet |

Azzjoni Ewlenija 8: Tipproponi deċiżjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar Programm Ewropew għall-Politika tal-Ispettru għall-maniġġar aktar effikaċi tal-ispettru tar-radju. | 2010 |

Azzjoni Ewlenija 8: Toħroġ Rakkomandazzjoni biex tħeġġeġ l-investiment f'netwerks NGA kompetittivi | 2010 |

Titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-inklużjoni diġitali |

Tagħmel proposti biex tiżguraw li l-websajts tas-settur pubbliku (u l-websejts li jipprovdu servizzi bażiċi liċ-ċittadini) ikunu aċċessibbli bis-sħiħ sal-2015 | 2011 |

Azzjoni Ewlenija 10: Tipproponi li l-litteriżmu u l-kompetenzi diġitali jkunu prijorità fir-regolament tal-Fond Soċjali Ewropew (2014-2020) | 2013 |

Benefiċċji li joħorġu mill-ICT għas-soċjetà tal-UE |

Tipproponi sett ta' funzjonalitajiet minimi għall-promozzjoni tal-interoperabbiltà tal-Grids Intelliġenti fil-livell Ewropew | 2010 |

Tippropni, jekk ikun meħtieġ, metodoloġiji komuni għall-kejl tal-prestazzjoni tal-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tal-ICT | 2011 |

Toħroġ Rakkomandazzjoni dwar id-diġitalizzazzjoni taċ-ċinema Ewropew | 2011 |

Teżamina l-Aċċess Pubbliku għad-Direttiva dwar l-Informazzjoni Ambjentali | 2011 |

Tipproponi Direttiva għall-użu tas-servizzi Marittimi-e; | 2011 |

Tipproponi Direttiva li tistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-applikazzjonijiet telematiċi għas-servizzi tal-ferrovija tal-passiġieri. | 2011 |

Azzjoni Ewlenija 14: Toħroġ rakkomandazzjoni li tiddefinixxi sett komuni minimu ta' dejta tal-pazjenti għall-interoperabbiltà tar-reġistri tal-pazjenti li għandhom ikunu aċċessibbli jew skambjati elettronikament fl-Istat Membri | 2012 |

Azzjoni Ewlenija 16: Tipproponi Deċiżjoni tal-Kunsill u l-Parlament li teżiġi lill-Istati Membri biex jiżguraw ir-rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni-e u l-awtentikazzjoni-e madwar l-Ewropa abbażi ta' 'servizzi ta' awtentikazzjoni' online | 2012 |

Anness 2: Miri Ewlenin għall-Prestazzjoni

Dawn l-indikaturi huma prinċipalment meħuda mill-qafas tal-Benchmarking għall-2011-2015[66] approvat mill-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2009.

1. Miri għall-broadband:

- Broadband bażiku għal kulħadd sal-2013: kopertura b'broadband bażiku għal 100% taċ-ċittadini tal-UE. (Punt ta' tluq: Il-kopertura totali b'DSL (bħala perċentwali tal-populazzjoni totali tal-UE) kienet ta' 93% f'Diċembru 2008.)

- Broadband veloċi sal-2020: kopertura b'broadband ta' 30Mbps jew aktar għal 100% taċ-ċittadini tal-UE. (Punt ta' tluq: 23% tal-abbonamenti broadband kienu minn tal-anqas ta' 10 Mbps f'Jannar 2010.)

- Broadband ultraveloċi sal-2020: 50% tad-djar Ewropej għandu jkollhom abbonament b'aktar minn 100 Mbps. (L-ebda punt ta' tluq)

2. Suq diġitali uniku:

- Il-promozzjoni tal-Kummerċ-e: 50 % tal-populazzjoni għandha tkun qed tixtri minn fuq l-internet sal-2015. (Punt ta' tluq: Fl-2009, 37% tan-nies b'età bejn 16-74 sena ordnaw prodotti jew servizzi għall-użu privat matul it-12-il xahar ta' qabel.)

- Kummerċ-e transkonfinali: 20% tal-populazzjoni għandha tkun qed tagħmel xiri transkonfinali minn fuq l-internet sal-2015. (Punt ta' tluq: Fl-2009, 8% tan-nies b'età bejn 16-74 sena ordnaw prodotti jew servizzi mingħand bejjiegħa minn pajjiż oħra tal-UE matul it-12-il xahar ta' qabel.)

- Kummerċ-e għan-negozju: 33% tal-SMEs għandhom ikunu qed jixtru/ibiegħu minn fuq l-internet sal-2015. (Punt ta' tluq: Matul l-2008, 24% u 12% tal-intrapriżi rispettivament kienu qed jixtru/ibigħu elettronikament, b'ammont li kien daqs 1% tal-fatturat/xiri totali jew aktar.

- Suq uniku għas-servizzi tat-telekomunikazzjonjiet: id-differenza bejn l-imposti tar-roaming u dawk nazzjonali għandha tispiċċa kważi għal kollox sal-2015. (Punt ta' tluq: Fl-2009, il-prezz medju tar-roaming kien ta' 38 ċenteżmu l-minuta (għal telefonata magħmula) u l-prezz medju tat-telefonati kollha fl-UE kien ta' 13-il ċenteżmu l-minuta (roaminginkluż).

3. Inklużjoni diġitali:

- Jiżdiedu l-utenti regolari tal-internet minn 60% għal 75% sal-2015 u minn 41% għal 60% għal dawk żvantaġjati. (Ċifri tal-punt tat-tluq huma tal-2009).

- Jitnaqqas bin-nofs il-proporzjon tal-polulazzjoni li qatt ma uża l-internet sal-2015 (għal 15%). (Punt ta' tluq: Fl-2009, 30% ta' dawk b'età bejn 16-74 sena kienu għadhom qatt ma użaw l-internet.

4. Servizzi pubbliċi:

- Gvern-e sal-2015: 50% taċ-ċittadini jkun qed jużaw il-Gvern-e, b'aktar min-nofshom jirritornaw il-formoli mimlijin. (Punt ta' tluq: Fl-2009, 38% ta' dawk b'età bejn 16-74 kienu użaw servizzi tal-Gvern-e matul it-12-il xahar ta' qabel, u 47% minnhom użaw is-servizzi tal-Gvern-e biex jibagħtu formoli mimlijin.)

- Servizzi pubbliċi transkonfinali: sal-2015 disponibbiltà online tas-servizzi pubbliċi transkonfinali ewlenin kollha li jkunu jinsabu fil-lista miftehema mill-Istati Membri sal-2011. (L-ebda punt ta' tluq)

5. Riċerka u innovazzjoni:

- Żieda fl-R&Ż tal-ICT: Irduppjar tal-investiment pubbliku għal EUR 11-il biljun. (Punt ta' tluq: l-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-governanza tal-ICT jew l-infiq fuq ir-R&Ż (ICT GBAORD) kienu ta' EUR 5.7 biljuni nominali fl-2007.)

6. Ekonomija b'livell baxx ta' karbonju:

- Promozzjoni ta' dawl b'użu baxx ta' enerġija: Sal-2020 tnaqqis totali ta' mill-anqas 20% mill-enerġija użata għad-dawl. (L-ebda punt ta' tluq.)

-

[1] EWROPA 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM (2010)2020.

[2] L-Aġenda Diġitali hija mibnija fuq konsultazzjonijiet wiesgħa, b'mod partikolari mill-kontributi tar -Rapport dwar il-Kompetittività Diġitali tal-Ewropa 2009 - (COM 2009)390; il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni tal-2009 dwar il-prijoritajiet futuri tal-ICT; il-Konklużjonijiet tal-Kunsill TTE ta' Diċembru 2009, il-konsultazzjoni u l-istrateġija Ewropa 2020, u l- ICT Industry Partnership Contribution to the Spanish Presidency Digital Europe Strategy:, ir-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew fuq 2015.eu u d-Dikjarazzjoni maqbula fil-laqgħa Ministerjali informali fi Granada f'April 2010 Dawn kollha jinsabu fuq:http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/index_en.htm.

[3] Waħda biss mid-disa' kumpaniji tal-applikazzjonijiet ICT preżenti fil-Financial Times Global 500 list hija Ewropea; erba' biss mill-aktar 54 sit elettroniku miżjura madwar l-Ewropa huma ta' oriġini Ewropea.

[4] Ara http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/news/press-releases/pdf/20100510_1_en.pdf, kapitlu 2.3

[5] Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku

[6] Din ir-reviżjoni għandha tqies ukoll ir-Rakkomandazzjoni riċenti tal-

[7] In-Negozju transkonfinali san-Negozju Elettroniku tal-Konsum [Konsumatur] fl-UE, - COM (2009) 557 .

[8] Il-ħlas-e u l-fatturazzjoni-e huma prerekwiżiti għall-Ġustizzja-e bħal proċeduri dwar talbiet żgħar jew il-ħlas online ta' spejjeż proċedurali.

[9] Direttiva 2009/110/KE dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali [prudenti] tal-kummerċ ta' istituzzjonijiet ta' flus elettronici

[10] Li huwa għala l-Kummissjoni pproponet Strateġija Ewropea dwar l-Immaniġġjar tal-Identità skont il-Programm ta' Stokkolma - COM(2010) 171.

[11] Temenda d-Direttiva 2006/112/KE, kif proposta mill-Kummissjoni fl-2009.

[12] http://www.ec.europa.eu/eyouguide.

[13] Direttiva 2000/31/EC. Barra minn hekk, jista' jkun meħtieġ li jiġu aġġornati skont il-progress tekniku dispożizzjonijiet bħar-responsabbiltà limitata tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

[14] Direttiva 2005/29/KE

[15] Direttiva 2002/65/KE

[16] Ara .

[17] Ara l-Azzjoni Ewlenija 8.

[18] Il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE - It-Triq 'il Quddiem-COM(2009) 324.

[19] Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej (ISA) (ĠU L 260, 3.10.2009, p. 20). L-ISA jieħu post il-programm IADBC (Twassil interoperabbli ta' servizzi ta' Gvern-e pan-Ewropej lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (ĠU L 181, 18.5.2004, p. 25).

[20] Ara pereżempju l-European Network and Information Society Agency spam survey 2009 (Jannar 2010).

[21] Il-prinċipju jfisser li l-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta huma inkorporati tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu kemm hu tat-teknoloġiji, mill-istadju tad-disinn bikri sal-implimentazzjoni, l-użu u l-iżmaltiment aħħari.

[22] .

[23] COM(2010) 171.

[24] Strateġija bħal din ġiet proposta taħt il-Programm ta' Stokkolma.

[25] Ara l-Azzjoni Ewlenija 4.

[26] Cf. Conditions and options in introducing secondary trading of radio spectrum in the European Community , Kummissjoni Ewropea 2004.

[27] L-Artikolu 8(4)(g) tad-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni ghan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettronici; L-Artikoli 20(1)(b) u 21(3)(c) u (d) tad-Direttiva dwar is-Servizz Universali.

[28] Linji gwida Komunitarji għall-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mat-tusigħ rapidu tan-netwerks tal-faxx wiesa’ (ĠU C 235, 30.9.2009, p. 4).

[29] Cf. The 2009 Report on R&D in ICT in the European Union.

[30] Strateġija għar-R&Du l-Innovazzjoni fil-qasam tal-ICT fl-Ewropa: Ngħollu l-mira COM(2009) 116.

[31] In-netwerk ta' kapaċità għolja tal-komunikazzjoni elettronika GÉANT u l-Infrastruttura tal-Grid Ewropea EGI.

[32] L-istrateġija għandha tqis l-aspetti ekonomiċi, legali u istituzzjonali.

[33] Ara r-Rakkomandazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-proprjetà intelletwali fl-attivitajiet tat-trasferiment tal-għarfien u l-Kodiċi ta' mġiba tal-universitajiet u organizzazzjonijiet ta' riċerka pubbliċi oħra -C(2008) 1329.

[34] Jiġġifieri garanziji ta' investiment mill-Fond Ewropew tal-Investiment u strumenti oħra tal-BEI.

[35] Għal dan il-għan il-Kummissjoni ser testendi kif xieraq ir-rekwiżiti attwali tal-pubblikazzjoni Open Access kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008)4408 (aktar informazzjoni dwar dan il-proġett pilota tinsab f'http://ec.europa.eu/research/science-society/index.cfm?fuseaction=public.topic&id=1680).

[36] Fl-2011-13 il-Kummissjoni ser tikkofinanzja ħames azzjonijiet ġodda fuq l-akkwist prekummerċjali li jinvolvi Stati Membri.

[37] Eż. fl-2011-13, il-Kummissjoni ser tappoġġja sitt sħubijiet pubbliċiprivati mill-ICT fl-FP7 għal finanzjament totali ta' EUR 1 biljun u b'mobbilizzazzjoni ta' xi EUR 2 biljuni fi nfiq privat.

[38] Ser ikunu proposti azzjonijiet ġodda għall-2011-12 f'oqsma bħalma huma s-Saħħa-e u d-dawl intelliġenti, liema proposti ser jibnu fuq l-esperjenza mill-programm AAL ikkoordinat b'mod konġunt u s-sejħiet marbuta mal-fotonika tal-ERANET+ .

[39] Pass importanti hija l-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni s-"Semplifikazzjoni tal-Implimentazzjoni tal-Programm Qafas tar-Riċerka", COM(2010)187.

[40] Cf. Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja

[41] eSkills Monitor study. Monitoring eskills supply and demand in Europe, il-Kummissjoni Ewropea 2009, are http://www.eskills-monitor.eu/. Skont ix-xenarji ekonomiċi, in-nuqqas ta' Ħiliet-e jista' jkun ta' bejn 384,000 and 700,000 impjieg.

[42] Dejta Eurostat 2008.

[43] Ser isiru aktar proposti f'dan ir-rigward mill-inzjattiva ewlenija Ewropa 2020 "Unjoni tal-Innovazz".

[44] Ara: http://eskills-week.ec.europa.eu.

[45] See http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/library/public_consult/index_en.htm.

[46] Id-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

[47] Speċjalment il-Web Content Accessibility Guidelines (WCAG) 2.0

[48] Cf. http://www.un.org/disabilities/convention/conventionfull.shtml.

[49] Cf. Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja.

[50] Cf. Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass).

[51] Cf. Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - COM(2008) - Ħiliet fl-Elettronika għas-seklu 21 COM(2007) 496 - u l-inzjattiva ewlenija li ġejja Ewropa 2020.

[52] Il-Komunikazzjoni COM(2009) 111 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-mobilitazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija b'użu effiċjenti tal-enerġija u b’livell baxx ta' karbonju

[53] F'termini ta' sfidi soċjali, l-istħarriġ tal-opinjoni tal-Eurobarometer madwar is-27 pajjiż tal-UE wara li għall-biċċa l-kbira taċ-ċittadini, ambjent san huwa importanti għall-kwalità tal-ħajja tagħhom daqs kemm hu l-istat tal-ekonomija. Maġġuranza ta' 64% tqis il-protezzjoni tal-ambjent għandha tingħata prijorità fuq il-kompetittività tal-ekonomija. Madankollu, 42% taċ-ċittadini jħossu li mhumiex infurmati biżżejjed - speċjalment dwar l-impatti tat-tniġġis fuq is-saħħa. Fl-istess ħin, 63% jaqblu li l-politiki mmirati lejn il-protezzjoni tal-ambjent iservu ta' motivazzjoni għall-innovazzjoni.

[54] Dawn l-azzjonijiet ser jikkontribwixxu għal Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni, prevista fl-Ewropa 2020.

[55] Cf.COM(2007) 860 u SEC(2009)1198.

[56] F'konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta.

[57] Bil-Mandat 403(CEN).

[58] Il-Kummissjoni tablet lil "comité des sages" biex jagħmel rakkomandazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet sal-aħħar tal-2010, ara d-dikjarazzjoni għall-istampa IP/10/456.

[59] Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri fuq Pjan ta' Azzjoni biex timplimenta l-impenji fl-2009. eGovernment Declaration Malmö.

[60] Is-servizzi pubbliċi onlajn tal-futur ser jiddependu fuq l-immanġġjar effikaċi u interoperabbli tal-identità u fuq oqfsa tal-awtentifikazzjoni u għodod kif deskritt hawn fuq.

[61] L-iżvilupp ta' ambjent tad-dwana kompletament elettroniku fl-UE sal-2013 ser jipprovdi kwalità għolja ta' servizzi tal-Gvern-e għall-kummerċjanti, sistemi nazzjonali tal-IT interoperabbli u mmaniġġjar mal-komunità kollha tal-proċeduri tad-dwana.

[62] Id-Direttiva 2003/4/KE dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali

[63] ĠU L 13, 18.1.2006, p.1

[64] Dawn it-tabelli tar-riżultati ser jistabbilixxu s-sisien għal qafas ta evalwazzjoni tal-Aġenda Diġitali.

[65] L-indikaturi huma prinċipalment meħuda mill-qafas tal-Benchmarking għall-2011-2015 approvat mill-Istati Membri tal-UE f'Novembru 2009. Dan huwa qafas kunċettwali għall-ġbir tal-istatistika dawr is-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll lista ta' indikaturi ewlenin għall-kejl.

[66] Għal aktar informazzjoni ara Benchmarking framework 2011-2015; Dan il-qafas kunċettwali għall-ġbir tal-istatistika dawr is-soċjetà tal-informazzjoni kif ukoll lista ta' indikaturi ewlenin għall-kejl.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet