Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Strateġija Ewropea dwar vetturi ta' enerġija nadifa u effiċjenti
/* KUMM/2010/0186 finali */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |
Brussel 28.4.2010
KUMM(2010)186 finali
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U L-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
Strateġija Ewropea dwar vetturi ta' enerġija nadifa u effiċjenti
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U L-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
Strateġija Ewropea dwar vetturi ta' enerġija nadifa u effiċjenti(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
1. L-Għanijiet tal-istrateġija
L-industrija Ewropea tal-karozzi hija fuq quddiem fid-dinja fl-iżvilupp ta' teknoloġiji għal enerġija nadifa u effiċjenti li għandhom bħala bażi magni li jaħdmu bil-kombustjoni u li huma konsegwenza ta' investiment sostanzjali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' dawn l-aħħar 15-il sena. Hija wkoll industrija Ewropea kruċjali, kompetittiva, innovattiva u li tagħti l-appoġġ tagħha lil medda wiesgħa ta' oqsma marbuta magħha.
Din il-Komunikazzjoni tfassal strateġija għat-tħeġġiġ tal-żvilupp u d-dħul fis-suq ta' vetturi kbar (karozzi tal-linja u trakkijiet)[1] u żgħar (karozzi u vannijiet)[2] li jużaw enerġija nadifa u effiċjenti ("ekoloġiċi") kif ukoll vetturi b'żewġ roti jew tlieta u kwadriċikli[3]. Fil-preżent, it-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kwalità inqas tajba ta' arja (partikuli ta' materja, NOx, HC u CO) u problemi ta' saħħa marbuta magħha, partikolarment fiż-żoni tal-ibliet.
Il-magna li taħdem bil-kombustjoni interna x'aktarx li tibqa' dominanti fil-vetturi tat-triq fil-perspettiva qasira u dik medja. Iżda, it-teknoloġiji ta' karburanti u propulsjoni alternattivi se jsiru dejjem iżjed importanti fil-ġejjieni. Il-vetturi ekoloġiċi għandhom impatt ambjentali baxx ħafna matul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom: jużaw sorsi ta' enerġija baxxa fil-karbonju, għandhom emissjonijiet ta' ħoss u ta' tniġġis tal-arja baxxi ħafna u jistgħu jiġu riċiklati malajr.
Il-vetturi ekoloġiċi, inklużi dawk li jistgħu jużaw l-elettriku, l-idroġenu, il-bijogass u l-bijokarburanti likwidi f'taħlitiet għoljin, x'aktarx li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-prijoritajiet tal-Ewropa 2020[4] għall-iżvilupp ta' ekonomija msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni (tkabbir intelliġenti) u l-promozzjoni ta' ekonomija aktar effiċjenti fir-riżorsi, li tibża' iktar għall-ambjent u li hija aktar kompetittiva (tkabbir sostenibbli). L-istrateġija hija parti vitali mill-inizjattiva ewlenija Ewropa 2020 'Ewropa effiċjenti fir-riżorsi', li tfittex li ġġib 'il quddiem teknoloġiji ġodda biex timmodernizza u tnaqqas il-karbonju mis-settur tat-trasport, biex b'hekk tagħti sehemha għal kompetittività ikbar. Wieħed mill-għanijiet tal-inizjattiva ewlenija huwa li jinġiebu 'l quddiem il-vetturi "ekoloġiċi" bit-tħeġġiġ tar-riċerka, it-twaqqif ta' standards komuni u l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa fis-sostenn ta' 'il-qabża lejn ekonomija ta' riżorsi effiċjenti u karbonju baxx, li hija effiċjenti fil-mod kif tuża r-riżorsi kollha[5]'
Il-flotta globali tal-karozzi mistennija tikber minn 800 miljun sa 1,6 biljuni ta' vetturi[6] sal-2030. Dan l-irduppjar tal-flotta globali tal-karozzi jitlob tibdil fil-fond fit-teknoloġija biex tiġi żgurata l-mobilità sostenibbli fit-tul fid-dawl tal-għan tat-tnaqqis tal-karbonju fit-trasport. L-istrateġija għandha għalhekk tgħin l-industrija Ewropea tmexxi d-dinja fl-użu tat-teknoloġiji ta' propulsjoni alternattiva. Ix-xejra globali lejn trasport sostenibbli turi li l-industrija tal-karozzi Ewropea tista' tibqa' kompetittiva biss jekk tkun fuq quddiem fit-teknoloġiji ekoloġiċi. Dan jitlob qabża progressiva mill-qagħda tal-lum. Approċċ industrijali ġdid imsejjes fuq vetturi li jużaw enerġija nadifa u effiċjenti jagħti spinta lill-kompetittività tal-industrija Ewropea, jipprovdi impjiegi ġodda fl-industrija tal-karozzi u f'oqsma oħra fil-katina tal-provvista tal-prodotti u jgħin fl-istruttur mill-ġdid. Għalhekk din l-inizjattiva tkompli fuq l-inizjattiva Ewropea għall-karozzi ekoloġiċi li tnediet bħala parti mill-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku[7] f'Novembru 2008.
L-iżvilupp ta' standards komuni avanzati għas-sikurezza, il-ksib ta' riżultati ambjentali sodisfaċenti u l-interoperabilità jżommu wkoll it-tħaddim sħiħ tas-suq intern u jiggarantixxu ċertezza fl-ippjanar għall-partijiet kollha interessati.
Barra minn hekk, il-kompetituri globali tal-UE kemm fil-kontinent Amerikan kif ukoll f'dak Ażjatiku qegħdin ukoll jinvestu fir-riċerka fit-teknoloġiji tal-karbonju baxx u qed iniedu programmi bil-mira li jaqilbu għal trasport fuq it-triq b'karbonju baxx. Qegħdin jieħdu passi biex jiżviluppaw malajr l-istandards għal teknoloġiji alternattivi. Biex l-industrija tagħha tibqa' kompetittiva u biex tiżgura l-pożizzjoni tagħha fit-teknoloġiji ekoloġiċi, l-UE trid toħloq il-qafas xieraq għal prodotti avanzati li se jkunu meħtieġa mad-dinja kollha.
L-istrateġija tkompli tibni fuq l-istrateġija attwali tal-2007 biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief[8], u tikkomplementa l-attivitajiet ippjanati u li għaddejjin bħalissa biex jitneħħa l-karbonju mit-trasport u biex jonqsu l-impatti tagħhom fuq l-ambjent. Għalkemm hija limitata għat-trasport fuq it-triq, għall-vetturi tat-triq u f'perspettiva fuq medda medja ta' żmien, hija tappoġġja l-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju bi 80-95% sal-2050. L-iżviluppi teknoloġiċi fit-teknoloġiji ekoloġiċi tal-propulsjoni tal-vetturi jistgħu/għandhom ikollhom applikazzjonijiet fil-modi ta' trasport ta' fuq il-baħar, fl-ajru, vetturi ta' strapazz, u trasport fl-ibliet u dak ferrovjarju ħafif.
2. Il-Pjan ta' azzjoni għall-vetturi ekoloġiċi
Din l-istrateġija għandha l-għan li tipprovdi qafas ta' politika xieraq u teknoloġikament newtrali għal vetturi ta' enerġija nadifa u effiċjenti. Jeħtieġ li fl-istess waqt wieħed jimxi fuq żewġ linji: li jinġiebu 'l quddiem vetturi ta' enerġija nadifa u effiċjenti msejsa fuq magni konvenzjonali ta' kombustjoni interna u li jiġi ffaċilitat l-użu ta' teknoloġiji rivoluzzjonarji f'vetturi ta' karbonju ferm baxx. Qed jitqiesu dawn il-mezzi ta' lokomozzjoni li ġejjin:
- Fost il-karburanti alternattivi biex jinħarqu fil-magni ta' kombustjoni minflok il-petrol jew id-diesel hemm il-karburanti bioloġiċi likwidi u karburanti f'forma ta' gass (inklużi LPG, CNG u l-bijogass). Dawn fihom potenzjal ta' tnaqqis tal-impatt fuq l-ambjent tat-trasport fuq it-triq permezz ta' emissjonijiet tas-CO2 u tniġġis ieħor. Iżda, l-użu ta' karburanti alternattivi għajr għall-karburanti bijoloġiċi jeħtieġ modifikazzjoni tal-magni ta' kombustjoni, sistema apposta ta' ħażna tal-karburant fuq il-vettura u netwerk ta' riforniment li jaqdi lil kulħadd fil-wisa'. Il-bijokarburanti likwidi, bħall-etanol u l-bijodiesel jistgħu jitħalltu mal-karburanti konvenzjonali likwidi u jinħarqu fil-magni attwali ta' kombustjoni sa ċertu proporzjon. Iżda, taħlita aktar rikka teħtieġ modifikazzjoni tas-sistema ta' karburant u tal-magna tal-vettura. Il-karburanti tal-gass jistgħu jinħarqu f'magni ta' kombustjoni modifikati u jinħażnu fuq il-vettura f'tankijiet speċjali għall-karburant. Il-vetturi ta' karburant flessibbli jistgħu jużaw għadd ta' karburanti differenti disponibbli. Biex jinkiseb it-tnaqqis mistenni tal-impatti fuq l-ambjent bi tqabbil mal-petrol jew id-diesel konvenzjonali, jeħtieġ li l-karburanti alternattivi jiġu prodotti b'mod sostenibbli. Il-ħidma biex titjieb aktar il-kwalità tal-petrol u d-diesel konvenzjonali għandha tissokta.
- Il-vetturi tal-elettriku jużaw mutur elettriku li jmexxi l-vettura u jiġu ċċarġjati mill-ġdid mill-elettriku. L-enerġija tinħażen fil-batteriji jew f'sistemi oħra alternattivi ta' ħażna fuq il-vettura. Il-vetturi tal-elettriku jistgħu jibqgħu suq speċjalizzat fil-ġejjieni qrib, iżda l-bejgħ imbagħad mistenni jespandi hekk kif it-teknoloġiji tal-batteriji jsiru aħjar. Għall-vetturi tal-elettriku tal-batterija, ir-riċerka tbassar sehem tas-suq fil-bejgħ tal-karozzi ġodda ta' 1 sa 2% fl-2020 li jitilgħu għal 11 sa 30% fl-2030. Għall-vetturi ibridi ta' pplaggjar sehem ta' 2% huwa mbassar fl-2020, u minn 5 sa 20% sal-2030[9]. Sa fejn wieħed jiflaħ iħallas huwa fattur ewlieni fl-introduzzjoni tal-vetturi tal-elettriku fis-suq ġenerali tal-konsumatur. Il-prezzijiet għall-konsumatur se jkollhom jonqsu b'mod sinifikanti permezz ta' titjib tekonloġiku u ekonomiji ta' skala biex is-sehem tas-suq jikber. It-teknoloġija tal-vetturi tal-elettriku għandha potenzjal sinifikanti biex tindirizza b'mod radikali għadd ta' sfidi li għandha quddiemha l-Unjoni Ewropea, bħat-tisħin globali, id-dipendenza mill-karburanti fossili, it-tniġġis tal-arja lokali u l-ħażna tal-enerġija li tiġġedded fil-batteriji permezz tas-sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti. Il-vetturi tal-elettriku puri jidhru l-aktar promettenti għall-użu fl-ibliet, minħabba l-medda relattivament limitata pprovduta mill-batteriji u l-proporzjon potenzjalment aħjar ta' kost-benefiċċju tal-użu tal-infrastruttura ta' ċċarġjar mill-ġdid, l-ewwel fl-ibliet. L-emissjonijiet ta' tniġġis u tal-ħoss aktar baxxi għandhom ukoll l-ikbar benefiċċji soċjali, inklużi dawk ta' saħħa fiż-żoni tal-ibliet.
- Il-vetturi taċ-ċelluli tal-idroġenu jistgħu wkoll iġibu benefiċċji simili għall-ambjent bħall-vetturi tal-elettriku tal-batterija. Dawn ukoll għandhom muturi tal-elettriku iżda jiġġeneraw l-elettriku fuq il-vettura mill-idroġenu bl-użu ta' ċelluli tal-karburant filwaqt li jipproduċu biss fwar tal-ilma. L-iżvilupp u l-użu ta' vetturi bil-batterija u taċ-ċelluli tal-idroġenu huwa għalhekk reċiprokament complementari billi jużaw ħafna mill-istess komponenti elettriċi ta' lokomozzjoni.
L-istrateġija tkompli tibni fuq miżuri attwali eżistenti u tfassal azzjonijiet fuq medda medja ta' żmien sa dik fit-tul . L-azzjonijiet se jiżguraw li – filwaqt li jitwettqu l-benefiċċji tat-teknoloġiji l-ġodda ta' propulsjoni f'termini ta' għanijiet ambjentali u ta' politika tal-enerġija - tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-progress ta' teknoloġiji ġodda jiġi newtralizzat minn tnaqqis ta' titjib fil-vetturi konvenzjonali jew minn talba dejjem tikber għal vetturi inqas effiċjenti. Hija se tisfrutta s-sinerġiji bejn it-titjib tal-magni ta' kombustjoni interna u d-dħul ta' teknoloġiji ta' karbonju baxx ferm. Hija tagħmel mod li joħorġu u jitqattru teknoloġiji rivoluzzjonarji li flimkien mal-proposti li se jitressqu fil-White Paper li jmiss dwar il-Politika Ewropea tat-Trasport mistennija li jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għal mobilità aktar sostenibbli.
Fil-preżent hemm nuqqas ta' qafas Ewropew għall-mobilità elettrika. Għalhekk, biex tiġi żgurata n-newtralità teknoloġika fil-prattika, it-taqsima 2.7. tikkonċentra fuq azzjonijiet meħtieġa biex jiggarantixxu qafas regolamentari ekwivalenti biex din it-teknoloġija sseħħ.
Jrid jittieħed kont tal-impatti ambjentali, ekonomiċi u soċjali f'ċerti inzjattivi politiċi speċifiċi msemmija fl-istrateġija. L-azzjonijiet fil-livell tal-UE se jikkomplementaw dawk li jittieħdu fil-livell nazzjonali u reġjonali u se jikkonċentraw fuq oqsma fejn hemm valur miżjud Ewropew ċar, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjietà.
2.1. Il-Qafas regolamentari
L-UE fasslet strateġija ambizzjuża biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi tat-triq[10] u diġà sar ħafna progress. Ir-regolament (KE) Nru 443/2009 li jistabbilixxi l-istandards tal-emissjonijiet għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri jeħtieġ li sal-2015 tinkiseb bis-sħiħ medja ta' emissjoni tal-flotta ta' 130g CO2 /km għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri. L-industrija jeħtieġ li tinvesti aktar u aktar f'teknoloġiji ta' tnaqqis ta' emissjoni, inklużi teknoloġiji ta' mmaniġġjar ta' traffiku intelliġenti, u ttejjeb aktar l-effiċjenza tal-magni.
Barra minn hekk proposta tal-Kummissjoni[11] biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi kummerċjali żgħar (vannijiet) qiegħda bħalissa tiġi diskussa mill-Kunsill u l-Parlament. Hija tipproponi emissjoni medja tal-flotta għall-vannijiet kollha ġodda ta' 175 g/km mill-2016 lil hemm.
L-UE naqqset ukoll l-emissjonijiet ta' sustanzi ta' tniġġiż bħall-partikuli ta' materja u NOx bit-twaqqif ta' standards aktar stretti. Limiti Euro 6[12] għall-karozzi u vannijiet u EURO VI għall-vetturi ta' strapazz se japplikaw mill-2014 lil hemm.
Ukoll jekk il-magni ta' kombustjoni bil-petrol u d-diesel se jsiru inqas dominanti fil-perspettiva tal-2020, kull mezz disponibbli jrid jintuża biex jitnaqqas l-impatt negattiv tagħhom fuq l-ambjent.
Il-Kummissjoni se:
- tipproponi Regolament dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-vetturi b'żewġ roti u bi tlieta u għall-kwadriċikli (vetturi tal-kategorija L) fl-2010 li se jistabbilixxi standards ta' emissjoni u jadotta jew jiżviluppa miżuri li jqisu teknoloġiji ġodda.
- tħejji l-miżuri li jimplimentaw ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 sal-2011: regoli fid-dettall dwar il-monitoraġġ u l-irrappurtar ta' dejta; regoli fid-dettall dwar l-applikazzjoni għal deroga minn miri speċifiċi ta' emissjoni ta' CO2 għall-produtturi ta' volumi żgħar u speċjalizzati; regoli fid-dettall dwar il-proċedura għall-approvazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi (eko-innovazzjonijiet); regoli fid-dettall dwar il-metodi għall-ġbir ta' indennizzi ta' emissjonijiet eċċessivi;
- tipproponi regoli fid-dettall dwar il-kummerċjalizzazjoni tal-'bonus ekoloġiku' tal-vetturi biex jiġu evitati stqarrijiet ambjentali qarrieqa;
- tressaq proposta sal-2011 biex jonqsu l-impatti tal-konsum tal-karburanti tas-sistemi mobbli tal-arja kundizzjonata;
- tagħmel inventarju tal-miżuri li joffru benefiċċji ambjentali skont l-'approċċ integrat' malajr kemm jista' jkun u tiddeċiedi dwar miżuri oħrajn, permezz ukoll ta' mezzi regolamentari, biex iġġib 'il quddiem dawn il-miżuri;
- tressaq proposta biex temenda d-Direttiva 70/157/KEE[13] sa tmiem l-2011 biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-ħoss tal-vetturi;
- tiżgura li jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u ta' tniġġis ieħor taħt il-kundizzjonijiet ta' sewqan ta' dinja reali billi tressaq mhux aktar tard mill-2013 ċiklu ta' testijiet rivedut biex jitkejlu l-emissjonijiet, żviluppat permezz tal-UNECE[14], inkluża metodoloġija biex jitqiesu teknoloġiji innovattivi; u tiżviluppa proċedura ta' saħħa sal-2012 biex jitkejlu l-emissjonijiet ta' dinja reali, meqjus l-użu ta' sistemi mobbli ta' kejl ta' emissjonijiet;
- tressaq strateġija li l-għan tagħha huwa l-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ta' strapazz;
- iġġib 'il quddiem miżuri addizzjonali li jistgħu jgħinu biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2 u ta' tniġġis ieħor mit-trasport fuq it-triq — bħall-ekosewqan, Sistemi Intelliġenti ta' Trasport (SIT), inklużi teknoloġiji fuq il-vetturi u l-applikazzjonijiet li ġejjin minn Galileo, miżuri ta' infrastruttura u ġestjoni ta' trasport fl-ibliet;
- tiżgura l-implimentazzjoni tal-kriterji ta' sostenibbiltà tal-Komunità għall-bijokarburanti kif ukoll iġġib 'il quddiem l-iżvilupp ta' karburanti avanzati ta' karbonju baxx u bijokarburanti sostenibbli u teknoloġija tal-magni li hija f'qagħda li tuża dawn il-karburanti.
2.2. L-Appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni fit-teknoloġiji ekoloġiċi
Il-vetturi tal-elettriku u taċ-ċelluli tal-idroġenu u l-komponenti għadhom għoljin, minkejja l-progressi teknoloġiċi ta' dan l-aħħar. Jeħtieġ aktar riċerka u żvilupp teknoloġiku biex jonqsu l-ispejjeż u jsir progress fl-awtonomija u l-faċilità ta' sewqan tal-vetturi tal-elettriku u tal-idroġenu, inkluża r-riċerka dwar is-sistemi ta' kooperazzjoni għall-vetturi bl-użu ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni minn vettura għal vettura u minn vettura għall-infrastruttura. Jridu jiġu mistħarrġa materjali ġodda biex jintużaw fil-batteriji u għall-ħażna tal-idroġenu għall-vetturi b'ċelluli ta' karburant kif ukoll teknoloġiji alternattivi għall-iċċarġjar u l-ħażna tal-enerġija. L-Inizjattiva Ewropea għall-Karozzi Ekoloġiċi qed tiffinanzja r-riċerka u l-wiri fir-rigward tat-trasport elettrifikat, filwaqt li l-Impriża Konġunta għaċ-Ċelluli tal-Karburant u l-Idroġenu tappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-infrastruttura u tal-vetturi taċ-ċelluli tal-idroġenu.
Il-Kummissjoni se:
- tiżgura li r-riċerka Ewropea tkompli żżomm fil-mira tagħha l-karburanti b'karbonju baxx u t-trasport b'enerġija nadifa u effiċjenti, inkluż it-titjib tal-magni konvenzjonali, lokomottivi tal-elettriku inklużi teknoloġiji alternattivi tal-batteriji u teknoloġiji tal-idroġenu b'għotjiet filwaqt li tikkonċentra fuq temi b'valur miżjud ċar fil-livell tal-UE;
- tissemplifika u tarmonizza r-regoli amministrattivi għall-kisba tal-għotjiet għar-riċerka tal-UE;
- tressaq strateġija ta' riċerka fit-tul fl-2011 fil-Pjan Strateġiku tat-Teknoloġija tat-Trasport u fil-Komunikazzjoni dwar is-Sistemi ta' Trasport Ekoloġiku;
- tistħarreġ flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment l-issoktar tal-appoġġ għar-riċerka u proġetti ta' innovazzjoni biex jinġiebu 'l quddiem prodotti tal-karozzi ta' enerġija nadifa u effiċjenti biex jgħinu t-trasformazzjoni tal-industrija.
2.3. Id-dħul fis-suq u t-tagħrif għall-konsumatur
L-"ekoloġizzazzjoni" tal-flotta tal-vetturi Ewropej tista' sseħħ biss jekk il-konsumaturi tabilħaqq jagħżlu li jixtru vetturi b'enerġija nadifa u effiċjenti. Minħabba t-teknoloġija avanzata tagħhom, il-vetturi ekoloġiċi għadhom iżda ferm ogħla minn dawk konvenzjonali. L-involviment tal-konsumaturi u l-inċentivi fuq in-naħa tad-domanda huma għalhekk importanti biex tinkoraġixxi d-dħul fis-suq. Dawn l-inċentivi jridu jiddaħħlu fil-ħin xieraq, irid ikollhom għan, ma jridux ikunu diskriminatorji, u jrid ikolhom limitu ta' żmien u ta' baġit.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, b'mod mhux ikkoordinat, daħħlu skemi ta' tassazzjoni ta' vetturi msejsa fuq l-emissjonijiet tas-CO2, filwaqt li oħrajn adottaw jew qed jikkunsidraw skemi speċifiċi ta' inċentiva, il-biċċa l-kbira tagħhom finanzjarji, biex iħeġġu lill-konsumaturi jagħżlu l-vetturi tal-elettriku. L-iskemi jvarjaw b'mod sinifikanti u ġeneralment jimxu għar-rashom billi t-taxxi attwali fuq il-karburanti ma jqisux l-effiċjenza tas-CO2 meta l-vetturi jidħlu fl-użu. Hemm tħassib li l-benefiċċji jiġu newtralizzati mid-differenzi sinifikanti f'dawn l-inċentivi mal-Stati Membri kollha, li jistgħu jkollhom effetti ta' ħsara fuq it-tħaddim tas-suq intern.
L-ibliet u ż-żoni tal-ibliet huma l-aktar żoni promettenti għall-iżvilupp ta' vetturi ġodda b'awtonomija relattivament limitata. It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' tniġġis huwa l-aktar importanti f'żoni tal-ibliet li huma l-aktar mimlija bin-nies, u t-teknoloġiji ta' enerġija effiċjenti jipprovdu l-ikbar gwadann għall-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-emissjoni tas-CO2 fit-traffiku tal-ibliet li jieqaf u jimxi, kif huwa rikonoxxut mill-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobilità fl-Ibliet[15]. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu għalhekk ikollhom rwol importanti bħala awtoritajiet li jagħtu kuntratti, billi jużaw b'mod intelliġenti r-regoli tal-kuntratti pubbliċi biex jgħaġġlu l-proċess tad-dħul fis-suq. Dan jipprovdi wkoll stimolu importanti għall-innovazzjoni.
Id-direttiva 2009/33/KE[16] dwar il-promozzjoni ta' vetturi tat-triq ta' enerġija nadifa u effiċjenti, li għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u ttejjeb il-kwalità tal-arja (b'mod partikolari fl-ibliet) teħtieġ li l-awtoritajiet pubbliċi jqisu l-impatti tal-enerġija u l-ambjent marbuta mat-tħaddim tal-vetturi matul ħajjithom. Dan jagħti vantaġġ kompetittiv lill-vetturi ekoloġiċi u jipprovdi appoġġ qawwi għad-dħul tagħhom fis-suq wiesa'.
Biex il-konsumaturi jaċċettaw il-vetturi ekoloġiċi bħala alternattivi veri għall-vetturi konvenzjonali jeħtieġ li jkunu infurmati sewwa dwar l-opportunitajiet, il-vantaġġi u l-aspetti prattiċi tal-mobilità ekoloġika, u dan jaqa' fuq l-industrija. Il-konsumaturi għandu jkollhom ukoll l-għodda biex iqabblu dawn it-teknoloġiji mal-vetturi konvenzjonali.
Il-Kummissjoni se:
- tressaq linji gwida dwar inċentivi finanzjarji lill-konsumaturi biex jixtru vetturi ekoloġiċi fl-2010, tħeġġeġ il-koordinazzjoni ta' miżuri fuq in-naħa tad-domanda adottati fl-Istati Membri, tiżgura li kull benefiċċju li jirriżulta għall-industrija jkun bi qbil mar-regoli tal-Għajnuna Statali attwali;
- taħdem fuq reviżjoni tad-direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija, biex toffri inċentivi aħjar fl-użu effiċjenti tal-karburanti konvenzjonali u d-dħul bil-mod il-mod tal-karburanti alternattivi ta' karbonju baxx;
- taġixxi biex tiżgura aktar koordinazzjoni u ttejjeb l-effikaċja ġenerali ta' miżuri meħuda mill-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni tal-vetturi biex iġġib 'il quddiem il-vetturi ekoloġiċi;
- tissorvelja l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/33/KE;
- tniedi proġett ta' riċerka biex tifhem bis-sħiħ dak li l-konsumatur jistenna u kif jiddeċiedi meta jixtri u tittestja għodda ta' informazzjoni differenti u possibbli biex tqabbel karozzi b'enerġija nadifa u effiċjenti ma' vetturi konvenzjonali;
- tressaq proposta biex temenda d-Direttiva 1999/94/KE[17] dwar l-ittikkettjar tal-karozzi;
- tniedi proġett ta' wiri tal-elettromobilità mal-UE kollha fl-2011 fi ħdan l-Inizjattiva Ewropea għall-Karozzi Ekoloġiċi biex tistħarreġ l-aġir tal-konsumatur, il-mudelli ta' użu tiegħu u trawwem għarfien fost l-utenti ta' kull tip ta' teknoloġija elettrika kif ukoll tittestja żviluppi fil-qasam tal-istandardizzazzjoni għall-vetturi elettriċi; inizjattivi ta' dan it-tip fil-ġejjieni jistgħu jkollhom fil-mira b'mod speċifiku dawk iż-żoni tal-ibliet li għandhom livelli ta' eċċedenza sostenuta tal-kwalità tal-arja.
2.4. Il-kwistjonijiet globali
L-industrija tal-UE taħdem fis-swieq dinjija u għandha ħafna alleanzi globali. Biex intejbu l-ambjent tal-kummerċ globali u niżguraw opportunitajiet kummerċjali għall-industrija Ewropea, jeħtieġ li nkunu aktar miftuħin u li jkun hemm kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ugwali fis-swieq ewlenin tal-karozzi. Swieq dinjija miftuħin huma sors importanti ta' żieda tal-produttività, tkabbir u ħolqien ta' impjiegi. Aċċess għas-swieq dinjija jfisser kemm it-tnaqqis ta' tariffi kif ukoll it-tneħħija ta' regolamenti restrittivi tekniċi bla bżonn. Jeħtieġ li wieħed iffittex il-konverġenza regolamentari mal-imsieħba kummerċjali ewlenin kull meta dan huwa possibbli, kif ukoll l-aċċess ambizzjuż għas-suq.
Il-produzzjoni fuq skala kbira ta' vetturi tal-elettriku u taċ-ċelluli tal-idroġenu teħtieġ l-użu ta' materja prima differenti minn dik tal-vetturi konvenzjonali. Xi ftit minn dawn il-materjali huma skarsi u kkonċentrati fi ftit żoni ġeografiċi, bħall-elementi terrestri rari għall-batteriji u l-metalli nobbli għaċ-ċelluli tal-karburanti. Għandu jiġi żgurat aċċess ġust u miftuħ għal dawn il-materjali biex xi skarsezza potenzjali ma xxekkilx il-kompetittività tal-industrija tal-UE.
Il-Kummissjoni se:
- timpenja ruħa f'attivitajiet ta' standardizzazzjoni internazzjonali, djaloġi ta' regolamentazzjoni mal-imsieħba kummerċjali ewlenin, u tipprovdi għajnuna teknika lill-pajjiżi li mhumiex fl-UE bil-ħsieb li ġġib 'il quddiem il-kummerċ u ma tippermettix regoli li jgħawwġu s-suq dwar il-vetturi ekoloġiċi;
- tissokta b'inizjattivi ta' kooperazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni biex iġġib 'il quddiem regolamenti armonizzati fil-livell globali ma' pajjiżi li mhumiex partijiet kontraenti fl-UNECE;
- tagħti l-appoġġ tagħha għall-aċċess għal materjali skarsi permezz tal-inizjattiva dwar il-materja prima[18].
2.5. L-Impjieg
L-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturazzjoni u l-antiċipazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiċi meħtieġa fid-disinn u l-produzzjoni ta' vetturi innovattivi huma essenzjali biex il-produtturi Ewropej tal-vetturi jkollhom ħaddiema b'ħiliet xierqa. Dawn il-ħiliet bħalissa huma rari. L-atturi soċjali dan l-aħħar ħarġu stqarrija fil-qafas tas-Sħubija għall-Karozzi favur it-twaqqif ta' Osservatorju Pan-Ewropew.
Il-Kummissjoni se:
- abbażi tal-istqarrija tas-Sħubija għall-Karozzi, twaqqaf Kunsill Ewropew għall-Ħiliet Settorjali, bil-għan li toħloq netwerk ta' osservatorji nazzjonali tal-Istati Membri;
- jżomm fil-mira tagħha l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew mill-2011 biex tħeġġeġ it-taħriġ mill-ġdid u l-aġġornament tal-ħiliet.
2.6 . Ir-reviżjoni intermedja tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet tas-CO 2
Il-Kummissjoni se:
- tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 443/2009 sal-2013, filwaqt li tqis il-modalitajiet biex jintlaħaq l-għan tal-2020 ta' 95 g/km għall-karozzi tal-passiġġieri u l-prospettiva fit-tul (2030), u tibni fuq l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-għanijiet fil-medda l-qasira;
- tirrevedi l-modalitajiet ta' lħuq tal-għan fit-tul biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi kummerċjali żgħar (vannijiet) sa data li tiġi deċiża mil-leġiżlatur[19].
Wieħed mill-għanijiet tar-reviżjoni intermedja se jkun li l-industrija tal-karozzi jkollha ċertezza fl-ippjanar għal dak li huwa l-għan fit-tul. Kull standard ġdid tas-CO2 għandu jkun imsejjes fuq il-potenzjal sħiħ ta' għażliet teknoloġiċi differenti billi l-għanijiet ambizzjużi ta' emissjoni se jkunu kruċjali fl-innovazzjonijiet tas-sewqan fuq medda twila ta' żmien u se jqis il-kontribut tagħhom fl-ilħuq tal-livell ġenerali ta' tnaqqis tal-gass b'effett ta' serra meħtieġ fil-qasam tat-trasport. Wieħed mill-għanijiet ta' prijorità f'dan il-perjodu se jkun li jiġi żgurat li kull mekkaniżmu ta' appoġġ għall-vetturi ta' emissjonijiet ultra-baxxi ma jdgħajjifx l-inċentiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-flotta ta' vetturi attwali bil-magna ta' kombustjoni konvenzjonali.
2.7. L-azzjonijiet speċifiċi għall-vetturi tal-elettriku
1. It-tqegħid fis-suq
L-approvazzjoni skont it-tip għall-vetturi tat-triq[20] ġiet estiża biex tkopri s-sistemi kollha ta' propulsjoni bl-għan li jitneħħew l-ostakli potenzjali ta' regolamentazzjoni u jiġi żgurat li l-vetturi bi propulsjoni alternattiva huma sikuri daqs dawk konvenzjonali. Għalhekk diġà tfasslu regoli komuni għall-vetturi li jimxu bl-idroġenu, vetturi tal-gass u l-bijokarburanti[21]. Jeħtieġ li jkun hemm rekwiżiti komuni għall-vetturi tal-elettriku wkoll u dan se jiffaċilita ċ-ċertezza legali għall-industrija u jħares il-konsumaturi.
Il-Kummissjoni – permezz ta' ħidma flimkien mal-imsieħba internazzjonali fil-UNECE – se:
- tressaq rekwiżiti ta' sikurezza mill-elettriku għall-approvazzjoni skont it-tip ta' vettura fl-2010;
- tirrevedi rekwiżiti oħra ta' approvazzjoni skont it-tip koperti bid-Direttiva 2007/46/KE sal-2011;
- tirrevedi rekwiżiti dwar is-sikurezza f'ħabta u tqis jekk in-nuqqas ta' ħoss ta' dawn il-vetturi hux potenzjalment perikoluż għall-utenti vulnerabbli tat-triq sal-2012.
2. L-istandardizzazzjoni
L-istandards komuni għandhom jippermettu li l-vetturi kollha tal-elettriku jiġu ċċarġjati u jaqbdu mad-distribuzzjoni elettrika kullimkien fl-UE u saħansitra mat-tipi kollha ta' ċarġers. L-investiment fi stazzjonijiet ta' ċċarġjar imsejsa fuq standards differenti għandu jiġi evitat kemm jista' jkun. Il-problemi ta' kompatibbiltà li minħabba fihom is-sewwieqa ma jkunux jistgħu jiċċerġjaw il-vettura fi kwalunkwe stazzjon jistgħu jheddu l-fiduċja tal-konsumatur fit-teknoloġija tal-vetturi tal-elettriku.
L-iċċerġjar tal-vettura bil-mod mis-sokits attwali tal-elettriku huwa diġà possibbli. Iżda, l-iċċarġjar ta' malajr b'vultaġġ għoli, l-istazzjonijiet ta' ċċarġjar pubbliċi u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-komunikazzjoni bejn il-vettura u d-distribuzzjoni tal-elettriku jeħtieġu plakka u sokit apposta, u dawn jeħtieġ li jkunu standardizzati fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà. L-adozzjoni mingħajr dewmien ta' standard Ewropew issaħħaħ il-kompetittività globali tal-industrija Ewropea billi b'hekk issir pijuniera f'dan il-qasam. L-istandard għandu jqis ix-xogħol li għaddej bħalissa fl-entitajiet ta' standardizzazzjoni internazzjonali.
Il-Kummissjoni se:
- fil-qafas tad-Direttiva 98/34/KE[22], tiddelega lill-entitajiet ta' standardizzazzjoni Ewropej fl-2010 jiżviluppaw sal-2011 wiċċ interattiv standardizzat ta' ċċarġjar li jiżgura l-interoperabilità u l-konnettività bejn il-punt ta' provvista tal-elettriku u ċ-ċarġer tal-vettura tal-elettriku, jindirizzaw ir-riskji ta' sikurezza u l-kompatibilità elettromanjetika u jikkunsidraw l-iċċarġjar intelliġenti (il-possibbiltà għall-utenti li jisfruttaw l-użu tal-elettriku matul is-sigħat meta d-domanda tkun iktar baxxa);
- tidentifika metodu biex timplimenta dan l-istandard, sabiex dan il-wiċċ interoperabbli jiġi adottat mill-operaturi industrijali kollha, inklużi il-produtturi tal-vetturi, il-fornituri tal-elettriku u l-operaturi tan-netwerk ta' distribuzzjoni tal-elettriku;
- tissorvelja bla waqfien l-iżviluppi teknoloġiċi globali u tas-suq biex taġġorna l-istandards Ewropej jekk ikun meħtieġ.
3. L-Infrastruttura
Mad-dħul fis-suq tal-vetturi tal-elettriku, il-konsumaturi jkunu jistgħu jibdew jiċċarġjawhom mill-plakek attwali. Iżda, jeħtieġ li jiġu pprovduti stazzjonijiet ta' ċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku li jilqgħu l-ħtiġijiet tal-konsumaturi ta' ċċarġjar ta' batteriji. Netwerk elettriku ta' ċċarġjar xieraq ikun jeħtieġ investiment sinifikanti u definizzjoni tal-istandards dwar is-sikurezza, l-interoperabilità u l-ħlas. Jeħtieġ li ssir valutazzjoni dwar jekk jeżistux sinerġiji bejn iż-żieda tal-kapaċità għall-vetturi tal-elettriku u tal-idroġenu u r-rabta tagħhom ma' sorsi ta' elettriċità ta' karbonju baxx.
Il-Kummissjoni se:
- tipprovdi rwol ta' tmexxija fil-ħidma mal-Istati Membri fil-livell nazzjonali u reġjonali fit-tisħiħ tal-infrastruttura ta' ċċarġjar u riforniment fl-UE;
- tistħarreġ flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment kif tista' tipprovdi fondi biex tħeġġeġ l-investiment fit-tisħiħ tal-infrastruttura u s-servizzi għall-vetturi ekoloġiċi.
4. L-enerġija, l-iġġenerar u d-distribuzzjoni tal-elettriku
L-impatt tal-vetturi ekoloġiċi b'teknoloġiji alternattivi jeħtieġ li jiġi vvalutat sewwa u mqabbel mal-impatt tal-vetturi konvenzjonali billi jintuża approċċ li jqis iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom. Dan it-tip ta' approċċ jikkunsidra l-impatt tal-emissjonijiet mill-'bir sar-rota'[23], inklużi l-emissjonijiet mill-iġġenerar tal-elettriku kif ukoll l-impatti fuq l-ambjent minħabba l-produzzjoni u r-rimi tal-vettura.
It-tħaddim tat-trasport bl-elettriku mistenni li jġib żieda fit-talba ġenerali tal-elettriku, għalkemm mhux f'daqqa billi d-dħul fis-suq tal-vetturi tal-elettriku se jkun bil-mod il-mod[24]. Iżda, speċjalment jekk il-vetturi jiġu ċċarġjati fl-eqqel tal-ġurnata, it-talba addizzjonali tista' twassal għall–ħtieġa li tiġi installata kapaċità addizzjonali ta' ġġenerar ta' elettriku potenzjalment qawwija fil-karbonju. Ir-riskju jista' jittaffa jekk il-vetturi li jistgħu jiġu ċċarġjati mill-ġdid jiġu integrati bis-sħiħ fin-netwerk elettriku bit-twettiq ta' netwerks intelliġenti, metodi ta' kejl intelliġenti u incentivi xierqa għall-konsumatur kif ukoll b'forom oħra ta' mudelli kummerċjali, bħat-tpartit ta' batteriji. Permezz tal-integrazzjoni sħiħa l-batteriji fil-vetturi tal-elettriku jistgħu jservu wkol bħala kapaċità ta' ħażna sekondarja għall-produzzjoni żejda ta' enerġija li tiġġedded.
Dan ifisser pereżempju li jiġi adattat in-netwerk eżistenti ta' distribuzzjoni tal-elettriku u jiġu żviluppati netwerks intelliġenti u protokolli ta' komunikazzjoni bejn il-vettura u n-netwerk, li l-iċċarġjar ikun jista' jiġi sinkronizzat awtomatikament mal-ħinijiet li mhumiex fl-eqqel tal-ġurnata jew mal-eċċess ta' produzzjoni minn sorsi ta' enerġija intermittenti li tiġġedded, filwaqt li jitqiesu l-impatti fuq it-tariffi.
L-inzjattivi Industrijali tal-Pjan Ewropew għat-Teknoloġija Strateġika tal-Enerġija (SET-Plan) se jkollhom rwol importanti f'dawn l-iżviluppi. B'mod partikolari l-Inizjattiva għan-Netwerk Elettriku tipprevedi l-iżvilupp tat-trasformazzjoni elettrika tat-trasport filwaqt li l-Inizjattiva Ewropea għall-Bijoenerġija Industrijali għandha l-għan li tiżviluppa aktar it-teknoloġiji għall-produzzjoni ta' bijokarburanti avanzati filwaqt li jiġu rispettati l-kriterji ta' sostenibbiltà tad-Direttiva dwar l-Enerġija li Tiġġedded.
Il-Kummissjoni se:
- tiddetermina u tqabbel l-impatt ambjentali u tal-karbonju tal-vetturi (il-magni ta' kombustjoni interna, vetturi tal-elettriku, vetturi tal-gass u tal-idroġenu) skont approċċ li jqis iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom;
- tevalwa jekk il-promozzjoni tal-vetturi tal-elettriku twassalx għall-forniment addizzjonali ta' ġġenerar ta' elettriku b'karbonju baxx permezz tal-promozzjoni ta' sorsi ta' enerġija ta' karbonju baxx biex tiżgura li l-elettriku kkunsmat mill-vetturi tal-elettriku ma jkunx ta' ħsara għall-iġġenerar ta' elettriku ta' karbonju baxx diġà mistenni bis-sodisfazzjon tar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Enerġija li Tiġġedded[25];
- tevalwa l-impatt taż-żieda fil-ħtieġa għall-elettriku b'karbonju baxx fuq is-sistema ta' provvista u fuq id-distribuzzjoni.
5. Ir-riċiklaġġ u l-ġarr ta' batteriji
L-użu intensiv tal-batteriji fil-vetturi tal-elettriku għandu l-implikazzjonijiet ambjentali tiegħu. Bl-istess mod iċ-ċelluli tal-idroġenu se jqajmu kwistjonijiet ġodda bħar-riċiklaġġ tal-katalizzaturi tal-platinu. Rata għolja ta' riċiklaġġ hija wkoll iġġustifikata minħabba l-iskarsezza u l-prezz ta' xi wħud mill-materji primi.
Meta ma jkollhomx aktar użu fil-vetturi minħabba li taqa' l-kapaċità ta' ħażna ta' enerġija tagħhom, il-batteriji jistgħu jintużaw għal għanijiet oħra bħall-ħażna ta' enerġija stazzjonarja fid-djar. Se jitqiesu dispożizzjonijiet u skemi għal dan l-"użu sekondarju".
Il-kwantità ta' batteriji operattivi li tista' tinġarr bħalissa hija limitata bid-Direttiva dwar il-ġarr ta' prodotti perikolużi[26]. Spejjeż ta' trasport li jirriżultaw għoljin għandhom sehem fil-prezz għoli tal-batteriji tal-vetturi.
Il-Kummissjoni se:
- tqis liema tibdil jista' jkun meħtieġ fil-leġiżlazzjoni attwali fir-rigward tar-riċiklar ta' batteriji u ta' vetturi fi tmiem ħajjithom biex tadatta għaċ-ċirkostanzi ġodda tas-suq;
- ġġib 'il quddiem il-programmi ta' riċerka Ewropej dwar ir-riċiklar u l-użu mill-ġdid ta' batteriji;
- teżamina mill-ġdid l-għażliet għat-tibdil tar-regoli dwar it-trasport tal-batteriji wara li tivvaluta bir-reqqa l-ispejjeż u r-riskji potenzjali.
3. Il-governanza
Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi strateġija ta' sostenn għall-ħolqien ta' sistema ta' trasport b'enerġija nadifa u effiċjenti fl-UE li se tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet Ewropa 2020 bit-tisħiħ tal-kapaċità tal-Ewropa li tipproduċu prodotti avanzati u sostenibbli f'qasam ewlieni.
L-azzjoni fl-oqsma identifikati minn din l-istrateġija teħtieġ livell għoli ta' koordinazzjoni bejn l-oqsma rilevanti ta' strateġija politika (l-industrija, it-trasport, l-enerġija, il-kummerċ, l-azzjoni dwar il-klima u l-ambjent, l-impjieg, is-saħħa u l-konsumatur, ir-riċerka) u l-partijiet interessati kollha biex kollox isib postu ħalli l-UE jkollha sistema ta' trasport sostenibbli b'bażi industrijali kompetittiva. L-isfida teħtieġ djalogu kontinwu bejn il-partijiet interessati u dawk li mhux bilfors ikkooperaw qabel — l-industrija tal-karozzi (il-produtturi u l-aġenti tal-vetturi), il-kumpaniji li jipprovdu l-elettriku, il-kumpaniji tal-gass, dawk li jmexxu d-distribuzzjoni, il-produtturi tal-komponenti elettriċi, entitajiet xjentifiċi u dawk ta' standardizzazzjoni, kif ukoll awtoritajiet tal-UE, nazzjonali u reġjonali, muniċipalitajiet u konsumaturi.
Barra minn dan, għadd ta' Stati Membri tal-UE nedew programmi nazzjonali biex iġibu 'l quddiem il-mobilità elettrika. Il-Kummissjoni tagħraf il-merti ta' dawn il-programmi li joħolqu suq bikri u għarfien tal-konsumatur għal din it-teknoloġija. Iżda, jekk dawn l-istrateġiji ma jkunux kkoordinati, is-suq intern tal-UE jista' jinqasam f'ħafna biċċiet u jkun hemm riskju li jitlef il-vantaġġ kompetittiv tiegħu f'din it-teknoloġija.
Il-Kummissjoni se:
- tipproponi li tniedi mill-ġdid il-Grupp ta' Livell Għoli CARS 21 b'mandat rivedut u sehem estiż tal-partijiet interessati biex b'mod partikolari tindirizza l-ostakli għad-dħul fis-suq tat-teknoloġiji alternattivi;
- timplimenta l-istrateġija biex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi tat-triq skont il-Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima (ECCP);
- tikkoordina mill-qrib il-frott tal-ħidma mill-ECCP u l-CARS 21;
- tiżgura l-integrazzjoni ta' din l-istrateġija fil-politika ġenerali tat-trasport tal-UE bil-White Paper li jmiss dwar il-Politika Ewropea tat-Trasport;
- tiżgura l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Istati Membri fl-azzjonijiet ta' din l-istrateġija b'mod partikolari biex issaħħaħ is-suq intern, tevita t-tifrik tal-isforzi, toħloq il-massa kritika suffiċjenti għall-industrija u tissorvelja u tiddiskuti l-iżviluppi nazzjonali.
Il-valur miżjud ta' strateġija tal-UE huwa ċar: hija tgħaqqad flimkien il-ħafna inizjattivi u azzjonijiet u toħloq bażi għall-koordinazzjoni tal-isforzi bejn l-atturi Ewropej, nazzjonali u reġjonali u tara li s-suq intern jibqa' jaħdem sewwa. L-inizjattiva tippromwovi regolamentazzjoni aħjar billi tfassal orjentamenti ta' politika fit-tul u żżid iċ-ċertezza għall-operaturi kummerċjali.
Biex l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija tiġi żgurata hija se tiġi eżaminata mill-ġdid fl-2014 biex jinżamm kont tal-progress, issir valutazzjoni tal-bidla fis-suq u fit-teknoloġiji, u ssir rakkomandazzjoni għal aktar azzjoni.
[1] Vetturi tal-kategoriji M2, M3 u N2, N3 kif iddefinit fid-Direttiva 2007/46/KE.
[2] Vetturi tal-kategoriji M1 u N1 kif iddefinit fid-Direttiva 2007/46/KE.
[3] Vetturi tal-kategorija L kif iddefinit fid-Direttiva 2002/24/KE.
[4] COM (2010) 2020, 3.3.2010.
[5] COM(2010) 2020, 3.3.2010, p. 14.
[6] Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa – Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti tal-Vetturi (UNECE-WP.29): Dokument informali GRPE-58-02.
[7] COM(2008) 800, 26.11.2008.
[8] COM(2007) 19, 7.2.2007.
[9] IHS - Global Insight: Battery Electric and Plug-in Hybrid Vehicles study.
[10] Regolament (KE) Nru 443/2009 (ĠU L140, 5.6.2009, p.1).
[11] COM(2009) 593, 28.10.2009.
[12] Regolament (KE) Nru 715/2007 (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).
[13] ĠU L 42, 23.02.1970, p. 16.
[14] Iżda, f'każ li ma jsirx progress tibqa' mbagħad il-possibbiltà ta' leġiżlazzjoni unilaterali fi ħdan l-UE.
[15] COM(2009) 490, 30.9.2009.
[16] ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5.
[17] ĠU L 12, 18.1.2000, p. 16.
[18] COM(2008) 699, 4.11.2008.
[19] Il-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi l-għan ta' 135g/km sal-2020 ( COM(2009) 593, 28.10.2009).
[20] Regolament bid-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L263, 9.10.2007, p.1).
[21] Regolament (KE) Nru 79/2009 (ĠU L 35, 4.2.2009, p. 32); Regolamenti UNECE 67 u 110; Direttiva 2009/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 88).
[22] ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.
[23] Billi l-impatt mill-'bir sar-rota' (jew 'well-to-wheel' WTW) jfisser it-total tal-impatt tal-produzzjoni tal-karburant (mill-bir sat-tank) u l-impatt tal-użu tal-vettura (mit-tank sar-rota). Id-WTW huwa element importanti tal-impatt taċ-ċiklu tal-ħajja komplet ta' vettura li jinkludi wkoll l-impatt ambjentali tal-produzzjoni u r-rimi tal-vettura.
[24] Iċ-Ċentru għat-Temi Ewropej dwar l-Arja u l-Bidla fil-Klima: Impatti ambjentali u l-impatt fuq is-suq tal-elettriku tad-dħul fuq skala kbira tal-karozzi tal-elettriku fl-Ewropa, p. 97.
[25] Direttiva dwar l-Enerġija li Tiġġedded, id-Direttiva 2009/28/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).
[26] Direttiva 2008/68/KE (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).
| Fuq |