52009IP0052


Titolu u referenza

Il-Kosovo Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Frar 2009 dwar il-Kosovo u l-irwol tal-UE

 ĠU C 67E , 18.3.2010, p. 126–131 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Il-Kosovo

P6_TA(2009)0052

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta' Frar 2009 dwar il-Kosovo u l-irwol tal-UE

(2010/C 67 E/15)

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata fis- 26 ta' Ġunju 1945,

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal- 10 ta' Ġunju 1999 (S/RES/1244(1999),

- wara li kkunsidra l-prinċipji ta' gwida sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni tal-istatus tal-Kosovo, adottati mill-Grupp ta' Kuntatt fis- 7 ta' Ottubru 2005,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad- 29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tal-Kosovo u l-irwol tal-UE [1],

- wara li kkunsidra l-Ftehima għall-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali ffirmata fid- 19 ta' Diċembru 2006 f'Bukarest,

- wara li kkunsidra r-rapport finali tas- 26 ta' Marzu 2007, tal-Mibgħut Speċjali tan-NU dwar l-istatus ġejjieni tal-Kosovo u dwar il-Proposta ta' Status Komprensiv (CSP) sabiex jiġi Riżolt l-Istatus tal-Kosovo,

- wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal- 4 ta' Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO [2],

- wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/123/PESK tal- 4 ta' Frar 2008 li ħatret Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo [3],

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tat- 18 ta' Frar 2008,

- wara li kkunsidra l-ittri mibgħuta mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-President tas-Serbja u lill-President tal-Kosovo fit- 12 ta' Ġunju 2008, dwar ir-rikonfigurazzjoni tal-Amministrazzjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK),

- wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà, tat- 12 ta' Ġunju 2008, dwar l-Amministrazzjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (S/2008/354),

- wara li kkunsidra l-Konferenza tad-Donaturi tal-Kosovo, li saret fi Brussell fil- 11 ta' Lulju 2008,

- wara li kkunsidra l-arranġament tekniku bejn il-UNMIK u l-EULEX dwar il-passaġġ tal-beni fit- 18 ta' Awwissu 2008,

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 63/3 adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit- 8 ta' Ottubru 2008 (A/RES/63/3), li permezz tagħha ġie deċiż li tintalab opinjoni konsultattiva mingħand il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja rigward il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo hix skont id-dritt internazzjonali,

- wara li kkunsidra l-Istqarrija Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas- 26 ta' Novembru 2008 (S/PRST/2008/44), li permezz tagħha, il-Kunsill tas-Sigurtà approva unanimament ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar il-UNMIK (S/2008/692), u għaldaqstant tawtorizza l-iskjerament tal-missjoni EULEX fit-territorju kollu tal-Kosovo,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fis- 17 ta' Frar 2008 l-Assemblea tal-Kosovo iddikjarat l-indipendenza tal-Kosovo u impenjat ruħha għall-Proposta ta' Status Komprensiv (CSP) tal-Mibgħut Speċjali tal-NU Martti Ahtisaari,

B. billi l-Gvern Serb adotta approċċ kostruttiv u impenja ruħu f'negozjati serji bil-għan li jintlaħaq ftehim; billi, minkejja ċ-ċirkostanzi kuntrarji, il-Gvern Serb żamm pożizzjoni pro-Ewropea,

C. billi s-CSP hi mħaddna fil-Kostituzzjoni tal-Kosovo u liġijiet oħra; billi 25 pajjiż, fuq talba tal-mexxejja tal-Kosovo, iffurmaw il-Grupp ta' Tmexxija Internazzjonali (International Steering Group – ISG), li l-iskop primarju tiegħu hu l-implimentazzjoni sħiħa tas-CSP; billi l-ISP ħatar Rappreżentant Ċivili Internazzjonali (ICR) appoġġjat minn Ufficcju Civili Internazzjonali fil-Kosovo skont is-CSP; billi dan jimplika li l-Kosovo qed jimmaniġġja l-kwistjonijiet tiegħu stess, filwaqt li qed ikun suġġett għal sorveljanza fl-implimentazzjoni ta', inter alia, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi,

D. billi s'issa 54 pajjiż, fosthom 22 mis-27 Stat membru tal-UE, irrikonoxxew l-indipendenza tas-Serbja,

E. billi s-27 Stat Membru tal-UE bagħtu Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (EUSR) fil-Kosovo, Peter Feith, li jservi wkoll bħala l-ICR; billi l-ICR jissorvelja l-implimentazzjoni sħiħa tas-CSP u l-EUSR joffri l-appoġġ u l-pariri tal-UE fil-proċess politiku fil-Kosovo,

F. billi l-istabilità reġjonali tal-Balkani tal-Punent hi prijorità għall-Unjoni Ewropea, li għal din ir-raġuni nidiet il-missjoni EULEX; billi l-EULEX diġa laħqet il-kapaċità operattiva inizjali tagħha fil-Kosovo u għaldaqstant assumiet ir-responsabilitajiet tagħha fil-qasam tal-qrati, il-pulizija, il-faċilitajiet korrettivi u d-dwana, inklużi xi funzjonijiet eżekuttivi, bil-għan li toffri monitoraġġ, tiggwida u tagħti pariri lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Kosovo f'oqsma kollha relatati mal-istat tad-dritt f'sens usa',

G. billi permezz ta' skjerament fit-territorju tal-Kosovo fit-Tramuntana tax-xmara Ibar ukoll, il-EULEX tagħti kontribut għall-għan, miftiehem mill-partijiet kollha, tal-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ħolqien ta' sistema tal-ġustizzja koerenti fil-Kosovo kollu kif ukoll jiġi żgurat aċċess indaqs għall-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha,

L-Irwol Ewropew

1. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iskjerament b'suċċess tal-EULEX fit-territorju kollu tal-Kosovo, inkluża l-parti tat-Tramuntana tax-xmara Ibar, b'konformità mar-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-Istqarrija Presidenzjali sussegwenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tas- 26 ta' Novembru 2008, imsemmija hawn fuq;

2. Jenfasizza l-impenn tal-UE li tikkonforma mad-dritt internazzjonali u li jkollha rwol mexxej għall-iżgurar tal-istabilità fil-Kosovo u fil-Balkani tal-Punent kollha kemm huma; ifakkar ir-rieda tiegħu li jgħin fl-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo billi joffri prospetti ċara għas-sħubija fl-UE, kif għamel għar-reġjun kollu kemm hu;

3. 3Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għadhom ma rrikonoxxewx l-indipendenza tal-Kosovo biex jagħmlu dan;

4. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tad- 29 ta' Marzu 2007, kif hemm referenza għaliha hawn fuq;

5. Jinnota, f'dan ir-rigward, li bħalma ħabbar ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-UNMIK fil-Kosovo, Lamberto Zannier, mid- 9 ta' Diċembru 2008 il-UNMIK m'għadx baqgħalha setgħat fil-qasam tal-pulizija u tad-dwana, u dalwaqt se tgħaddi lill-EULEX is-setgħat kollha li baqgħalha fil-qasam tal-ġustizzja, u b'hekk tiżgura li l-Kosovo jiffunzjona taħt stat ta' dritt waħdieni;

6. Jitlob lill-komunità internazzjonali sabiex turi appoġġ sħiħ lill-EULEX u tiffaċilita l-proċess biex il-EULEX tieħu f'idejha l-ħidmiet relevanti kollha fil-Kosovo fil-qasam tad-dwana, tal-pulizija u tal-qrati, ħidmiet li qabel kienu f'idejn il-UNMIK;

7. Jistenna li l-EULEX tiffunzjona skont il-mandat tagħha tal-UE bil-għan li tippromwovi l-iżvilupp stabbli tal-Kosovo u tiggarantixxi l-istat tad-dritt għall-komunitajiet kollha fil-Kosovo; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-EULEX taqdi l-interessi tal-minoranzi etniċi kollha fil-Kosovo, minħabba li se tindirizza, inter alia, l-ilmenti dwar id-diskriminazzjoni etnika, il-fastidju u l-vjolenza u l-ħafna kwistjonijiet pendenti dwar il-proprjetà;

8. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern Serb qabel mal-iskjerament tal-EULEX, l-aktar waħda importanti mill-missjonijiet PESD (Politika Ewropea ta' Sigurta' u Difiża) s'issa, u r-rieda tiegħu li jikkopera magħha; jinkoraġġixxi s-Serbja biex tkompli turi din l-attitudni kostruttiva, li hi konsistenti mal-aspirazzjonijiet tal-pajjiż li jsir membru fl-UE;

9. Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni adottata skont l-arranġamenti tranżitorji miftehma bejn in-NU u l-Gvern Serb, li jinħatar uffiċjal għoli Serb tal-pulizija fil-Kosovo, li jaħdem fi ħdan is-Servizz tal-Pulizija tal-Kosovo iżda jirrapporta b'mod dirett lill-EULEX, bħala l-ewwel pass fl-isforzi sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni adegwata tal-minoranzi kollha fil-pulizija tal-Kosovo;

10. Iqis li l-arranġamenti tranżitorji negozjati bejn in-NU u l-Gvern Serb jeħtieġ jiġi rivedut fid-dawl tal-iżviluppi fil-post, meta l-EULEX tilħaq il-kapaċità operattiva sħiħa tagħha;

11. Iħeġġeġ lill-EULEX sabiex b'mod urġenti tindirizza l-każijiet ġudizzjarji li qegħdin b'lura b'superviżjoni internazzjonali, filwaqt li tingħata prijorità lil każijiet li jinvolvu vjolenza inter-etnika, delitti tal-gwerra u korruzzjoni f'livell għoli, sabiex jingħata kontribut lit-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

12. Iqis li t-twaqqif ta' programm ta' protezzjoni tax-xhieda li jiffunzjona hu essenzjali għal azzjoni legali effettiva kontra kriminali ta' livell għoli fil-Kosovo, b'mod partikulari fir-rigward tad-delitti tal-gwerra;

13. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom biex jiżguraw azzjoni esterni koerenti mill-Unjoni u l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK imsemmija hawn fuq; għaldaqstant jitlob lill-Kap tal-missjoni EULEX KOSOVO, M. Yves de Kerbamon u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE sabiex jaħdmu id f'id minn jum għall-ieħor; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-familja tal-UE sabiex taġixxi b'mod kollettiv u b'mod koordinat sabiex isiru sforzi akbar biex tkun promossa l-parteċipazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali tal-Kosovo, u jitlob lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE sabiex jiżgura li l-Gvern tal-Kosovo b'mod immedjat jieħu passi tanġibbli f'dan ir-rigward, fosthom permezz ta' miżuri speċifiċi ta' żvilupp ekonomiku għar-reġjun ta' Mitrovica, meta l-istat tad-dritt ikun reġa' ġie stabbilit;

14. Jistieden lill-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta' Sigurta' Komuni biex juri l-appoġġ ċar tiegħu għall-missjoni Ewropea fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) u sabiex iżur il-pajjiż mill-aktar fis possibbli;

15. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti kollha disponibbli tal-Komunità, b'mod partikulari l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni, biex trawwem l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-Kosovo, tiżdied it-trasparenza, l-effiċjenza u d-demokrazija fil-gvern u s-soċjetà tal-Kosovo u biex taħdem lejn il-paċi u l-istabilità fil-Kosovo u fir-reġjun kollu kemm hu; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta studju tal-fattibilità li jeżamina modi ta' kif jista' jissaħħaħ l-iżvilupp soċjo-ekonomiku u politiku tal-Kosovo, u jittama li l-istudju jkun ibbażat fuq djalogu serju mal-awtoritajiet tal-Kosovo u kkumplimentat permezz tal-impenn politiku mġedded tagħhom li jaħdmu lejn ir-riformi meħtieġa;

16. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tati każ urġenti tal-promozzjoni ta' proġetti lokali li jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet varji u tippromwovi aktar il-mobilità tan-nies;

17. Iqis li l-proġetti maħsubin, per eżempju, biex iċ-ċimiterji vandalizzati jiġu restawrati bl-involviment dirett tal-parteċipanti lokali, ikollhom valur simboliku kunsiderevoli għall-komunitajiet fil-Kosovo u jikkontribwixxu għal klima interetnika aħjar; jistieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE sabiex jiżguraw li inizjattivi simili jkunu fuq quddiem fl-aġenda tal-gvern tal-Kosovo;

18. Barra minn dan, huwa tal-fehma, li l-ħolqien ta' Kulleġġ Universitarju Ewropew multietniku, flimkien maċ-ċentri universitarji eżistenti fi Pristina u Mitrovica, u ta' servizzi kulturali, soċjali u ta' kura tas-saħħa li jkunu speċifikament maħsubin biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-komunità Serba fil-Kosovo ċentrali jkun ta' inċentiv kbir lejn il-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-Komunità Serba fil-Kosovo; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, sabiex tieħu azzjoni immedjata bil-għan li twettaq dan il-proġett flimkien mal-Gvern tal-Kosovo;

19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Memebri sabiex jgħinu lill-Gvern tal-Kosovo biex isolvi n-nuqqas serju ta' staff f'oqsma ewlenin tal-amministrazzjoni pubblika, sabiex jgħinu fit-taħriġ tal-uffiċjali tas-servizz ċivil u sabiex jgħinu fit-titjib tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-amministrazzjoni tiffunzjona mingħajr problemi, u sabiex ir-rabtiet bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili jissaħħu;

It-tmexxija tal-Kosovo

20. Jilqa' b'sodisfazzjon is-sitwazzjoni mtejba tas-sigurtà fil-Kosovo; jappoġġa l-isforzi tal-pulizija tal-Kosovo biex tikseb livell ambizzjuż ta' professjonalitàu affidabilità; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa essenzjali ta' forza tal-pulizija li tkun multietnika fiz-zoni kollha tal-Kosovo; jilqa' b'sodisfazzjon għalhekk il-fatt li xi uffiċjali Serbi reġgħu lura fil-forzi tal-pulizija tal-Kosovo u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo sabiex jappoġġaw l-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawk l-ufiċjali tal-pulizija li għad iridu jiġu lura;

21. Jenfasizza l-ħtieġa ta' tmexxija deċentralizzata, kif stipulat fis-CSP; jenfasizza li d-deċentralizzazzjoni mhix biss hija fl-interess tal-komunità Serba, iżda taħdem favur iċ-ċittadini kollha tal-Kosovo, għaliex tagħmel lill-gvern aktar trasparenti u tqarrbu aktar lejn iċ-ċittadini;

22. Itenni l-importanza ta' soċjetà ċivili b'saħħitha li ssaħħaħ il-prinċipji demokratiċi li fuqhom isserraħ it-tmexxija tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-gvern tal-Kosovo biex, f'dan ir-rigward, jappoġġja l-movimenti paċifiċi taċ-ċittadini u l-iżvilupp ta' midja ħielsa mingħajr ebda indħil politiku;

23. Jisħaq dwar il-ħtieġa li d-dispoċizzjonijiet għall-ħarsien tal-minoranzi miġbura fil-Kostituzzjoni tal-Kosovo jiġu implimentati u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-minoranzi hija fundamentalment importanti għall-istabilità tal-Kosovo u tar-reġjun kollu kemm hu;

24. Iħeġġeġ lil-Gvern tal-Kosovo sabiex ikompli jimpenja ruħu biex jippromwovi spirtu ta' paċi, tolleranza u djalogu interkulturali u interreliġjuż fost il-komunitajiet tal-Kosovo, jiġifieri l-Albaniżi, is-Serbi, ir-Roma, l-Ashkali, l-Eġizzjani, il-Gorani, it-Torok u l-Bożnijaċi, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet ġusti biex ir-refuġjati jerġgħu lura lejn il-Kosovo, inkluż permezz ta' investiment f'opportunitajiet ta' impjieg, fl-infrastrutura u fil-forniment ta' servizzi bażiċi fl-oqsma rilevanti, u sabiex jiġi żgurat li l-minoranzi jibbenefikaw mill-miżuri msemmija hawn fuq;

25. Jesprimi tħassib dwar il-kritika min-naħa tas-Segretarju ġenerali tan-NU fir-rapport tiegħu dwar l-UNMIK imsemmi hawn fuq hawn fuq imsemmi dwar il-kriterji tal-għażla tal-benefiċjarji għall-fondi ta' ritorn proposti mill-Ministeru għall-Komunitajiet u r-Ritorn tal-Kosovo; ifakkar lill-Gvern tal-Kosovo li, fid-dawl tat-tnaqqis kbir fin-numru ta' ritorni, il-fondi skarsi disponibbli għandhom jibqgħu jiġu indirizzati esklussivament biex jiffaċilitaw ir-ritorn lejn il-Kosovo ta' persuni imċaqilqin minn arthom;

26. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet internazzjonali u lil dawk lokali sabiex jissetiljaw il-kwistjoni tal-istatus legali tal-persuni Roma, Ashkali u Eġizzjani li m'għandhomx stat u li jgħixu fil-Kosovo, inkluż id-dritt tal-pussess; jistieden lill-awtoritajiet sabiex itejbu s-sitwazzjoni ta' dawn il-komunitajiet billi jiggarantixxu aċċess ugwali għal edukazzjoni integrata ta' kwalità u, fejn ikun possibbli, għal edukazzjoni fil-lingwa materna tagħhom, jagħtu aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-kura tas-saħħa filwaqt li jipprovdu kundizzjonijiet sanitarji u abitabbli xierqa u li jiżguraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali u politika;

27. Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas gravi tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-familji Roma fil-kampijiet tar-refuġjati ta' Osterode u Cesmin Lug; jemmen li dan huwa marbut direttament mal-pożizzjoni ħażina ta' dawn il-kampijiet, li jinsabu fuq iż-żoni tossiċi għall-aħħar li fihom jiġi eliminat l-iskart tal-minjieri taċ-ċomb ta' Trepça; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rappreżentazzjonijiet inizzjali tal-Kummissjoni lill-Gvern tal-Kosovo u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli taħdem biex tikseb b'urġenza iċ-ċaqlieq tal-familji kkonċernati;

28. Jitlob lill-Istati Membri jieħdu approċċ meqjus u sensittiv fil-kwistjoni tar-ripatrijazzjoni furzata tal-membri ta' minoritajiet etniċi, fuq kollox is-Serbi tal-Kosovo u r-Roma tal-Kosovo, li ilhom jgħixu fil-Punent tal-Ewropa għal bosta snin, u biex fl-istess ħin jimplimentaw miżuri biex isaħħu l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-persuni kkonċernati;

29. Jisħaq li r-rispett lejn id-diversità kulturali jinsab fil-qalba tal-proġett Ewropew; jenfasizza li, li wieħed jifhem id-dimensjoni multietnika tal-patrimonju reliġjuż u kulturali hija kundizzjoni meħtieġa għall-paċu u l-istabilità fir-reġjun; għalhekk iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex jaħdmu lejn djalogu tekniku dwar il-ħarsien, il-konservazzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-promozzjoni tal-patrimonju kulturali u reliġjuż u tal-identità kulturali tal-Kosovo;

30. Jinnota li l-Kostituzzjoni tal-Kosovo, tirrikonoxxi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, iżda wkoll il-fatt li n-nisa mhumiex involuti biżżejjed fl-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-Kosovo u li huma żvantaġġjati f'termini ta' opportunitajiet ta' edukazzjoni u ta' impjieg; għalhekk jistieden lill-Gvern tal-Kosovo sabiex iniedi u jimplimenta miżuri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, sabiex jiġu żgurati l-opportunitajiet ugwali għan-nisa, ir-rappreżentazzjoni proporzjonali tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika tal-pajjiż; barra minn hekk jitlob lill-Gvern tal-Kosovo sabiex jieħu miżuri effettivi sabiex jikkumbatti l-vjolenza domestika kontra n-nisa;

31. Jinsisti li l-iskambji akkademiċi għandhom ikunu appoġġjati u promossi permezz ta' programmi bħal Erasmus Mundus sabiex iċ-ċittadini tal-Kosovo jitħeġġu biex jiksbu kwalifiki u esperjenzi fl-UE, bl-aspettativa li l-edukazzjoni wiesgħa tgħinhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż;

32. Iħeġġeġ lill-Kosovo u lis-Serbja sabiex jinvolvu ruħhom fi djalogu kostruttiv dwar l-interess komuni u sabiex jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni reġjonali;

33. Jenfasizza l-ħtieġa li fil-proċess tal-privatizzazzjoni jkun hemm ir-rieda u t-trasparenza, sabiex tiġi evitata kwalunkwe impressjoni ta' nepotismu u korruzzjoni;

34. Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-Kosovo u dwar l-influwenza negattiva li l-pass kajman tar-riformi, il-korruzzjoni rampanti, u l-kriminalità organizzata qed ikollhom fuq l-ekonomija u fuq il-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-Kosovo; jenfasizza l-ħtieġa li l-Gvern tal-Kosovo jagħmel sforz ġenwin sabiex jassigura aktar trasparenza u responsabilità u sabiex isaħħaħ ir-rabtiet bejn il-livell politiku u s-soċjetà ċivili, jistieden lill-Gvern tal-Kosovo sabiex juża l-flus pubbliċi u dawk li ġejjin minn donaturi internazzjonali b'mod trasparenti u responsabbli, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-Kosovo joqrob aktar lejn l-istandards Ewropej fl-oqsma tar-responsabilità tas-settur pubbliku u tat-trasparenza ekonomika; iqis li dan huwa essenzjali għall-ħolqien ta' ambjent li jiġbed l-investiment u l-iżvilupp kummerċjali;

35. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni ekonomika reġjonali sħiħa u l-obbligi tal-konformità ma' u l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim CEFTA

36. Jagħti parir lill-awtoritajiet tal-Kosovo sabiex jinvestu fl-enerġija li tiġġedded u biex ifittxu li joħolqu kooperazzjoni reġjonali f'dan il-qasam;

37. Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta' eneġija fil-Kosovo u jifhem il-ħtieġa li din il-problema tiġi ttrattata; madanakollu jinsab imħasseb dwar il-pjan tal-gvern li jibni impjant uniku kbir li jaħdem bil-linjite f'zona li fiha joqgħodu ħafna nies; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kosovo sabiex iqis l-impatt tal-impjant il-ġdid tal-linjite fuq l-ambjent, is-saħħa pubblika u fuq l-użu ta' riżorsi skarsi bħall-art u l-ilma, u sabiex jikkonforma mal-istandards ambjentali Ewropej u mal-politika Ewropea għall-bidla fil-klima;

38. Jitlob lill-ICR sabiex jissorvelja x-xoljiment tal-Korp għall-ħarsien tal-Kosovo (Kosovo Protection Corps) u l-ħolqien tal-Forza għas-Sigurtà tal-Kosovo (Kosovo Security Force (KSF)) taħt is-superviżjoni diretta tal-KFOR; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kosovo sabiex jipprovdi għal superviżjoni ċivili sħiħa tal-KSF; jemmen li ma tistax issir reviżjoni tal-Ftehima Kumanovo bejn in-NATO u l-Gvern Serb sakemm ma jiġux garantiti stabilità u sigurtà sħaħ u sakemm ir-relazzjoni bejn is-Serbja u l-Kosovo ma tiġix iċċarata;

*

* *

39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tal-Kosovo, lill-Gvern tas-Serbja, lill-Kap tal-Missjoni tal-UNMIK, lill-Kap tal-Missjoni tal-EULEX KOSOVO, lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Treġija u lill-Kumitat tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

[1] ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 207.

[2] ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92.

[3] ĠU L 42, 16.2.2008, p. 88.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet