52009DC0694


Titolu u referenza

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel — 2010 {SEG(2009)1706}

/* KUMM/2009/0694 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 18.12.2009

KUMM(2009)694 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel — 2010

{SEG(2009)1706}

WERREJ

1. Daħla 3

2. Żviluppi ewlenin 3

2.1. Lakuni bejn is-sessi 3

2.2. Żviluppi politiki u leġiżlattivi 6

3. Sfidi u orjentazzjonijiet strateġiċi 7

3.1. Tisħiħ tas-sinerġija bejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impjieg għall-istimolu tal-irkupru u t-tkabbir sostenibbli 8

3.2. Appoġġ tar-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol ul-ħajja privata u tal-familja kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel 9

3.3. Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi 9

3.4. Prevenzjoni u oppożizzjoni tal-vjolenza konnessa mas-sess tal-persuna 10

3.5. Trasformazzjoni tal-impenn għall-ugwaljanza bejn is-sessi f'azzjoni u f'riżultati 10

4. Konklużjonijiet 11

DAħLA

Kull sena l-Kummissjoni Ewropea tirrapporta lill-Kunsill tal-Ewropa tar-Rebbiegħa dwar l-iżviluppi li saru fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istati Membri tal-UE u tippreżenta l-isfidi u l-prijoritajiet tal-ġejjieni. L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa dritt fundamentali u prinċipju komuni tal-Unjoni Ewropea. L-UE għamlet kontribut kbir għall-avvanz tan-nisa u t-titjib tal-ħajjiet tan-nisa u l-irġirl permezz ta' corpus sostanzjali ta' leġiżlazzjoni tat-trattament ugwali u l-integrazzjoni espliċita tad-dimensjoni tas-sessi fil-politiki u l-istrumenti tal-UE. Teżisti xejra pożittiva fid-direzzjoni ta' soċjetà u ta' suq tax-xogħol aktar ugwali mil-lat tas-sessi, iżda l-inugwaljanzi bejn is-sessi għadhom hemm, fil-biċċa l-kbira bi żvantaġġ għan-nisa. Il-kriżi ekonomika attwali qajmet tħassib li l-kisbiet fl-ugwaljanza bejn is-sessi qegħdin mhedda u li l-effetti tar-riċessjoni se jitfgħu pressjoni ikbar fuq in-nisa. It-tnaqqis fir-rittmu ekonomiku jista' jintuża bħala raġuni biex jiġu llimitati jew jinqatgħu l-miżuri dwar l-ugwaljanza, u l-analiżi tar-reazzjonijiet nazzjonali għall-kriżi tikkonferma dan ir-riskju. Minkejja dan, dawn iż-żminijiet ta' kriżi joffru opportunità unika għall-bidla, fid-dawl li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija obbligatorja għat-tkabbir sostenibbli, l-impjieg, il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali. Dawk li jfasslu l-politika għandhom l-opportunità li jimplimentaw il-politiki li jagħmlu s-suq tax-xogħol u s-soċjetà aktar ugwali mil-lat tas-sessi fil-ġejjieni.

Minkejja li l-kuntest ekonomiku u soċjali nbidel, il-kriżi ma biddletx l-isfidi fundamentali, bħalma huma t-tħaddim aħjar tas-swieq tax-xogħol, is-sostenibilità u l-adegwatezza tal-protezzjoni soċjali, it-tixjiħ tal-popolazzjoni. Il-politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi huma parti mir-reazzjoni għal dawn l-isfidi iżda l-kriżi ssaħħaħ mill-ġdid il-ħtieġa għal dawn il-politiki li juru l-effettività tagħhom mil-lat ta' spejjeż.

Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea għandha ġġedded l-impenn tagħha għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi billi tadotta strateġija tal-ugwaljanza bejn is-sessi biex issegwi l-Pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. L-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi għandha tiġi aġġornata wkoll u huwa importanti li l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi kkonsolidata fl-istrateġija tal-UE tal-2020. Is-sena 2010 hija wkoll is-Sena Ewropea ddedikata biex tiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali, li għandha tenfasizza l-ħtieġa għal miżuri effettivi biex jiġu inklużi gruppi vulnerabbli. Hija taħbat ukoll il-15-il anniversarju tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing meta għandu jiġi vvalutat il-progress fi ħdan l-oqsma differenti għal azzjoni. Dan jiżvela l-possibilità li tinħoloq sinerġija aktar b'saħħitha bejn l-istrateġiji differenti li għandha tiġi riveduta fl-2010.

ŻVILUPPI EWLENIN

Lakuni bejn is-sessi

Il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi persistenti bejn is-sessi fl-isferi kollha tas-soċjetà hija sfida li tifrex fuq medda itwal ta' żmien, minħabba li tinvolvi bidliet strutturali u bidliet tal-imġiba u definizzjoni mill-ġdid tar-rwoli tan-nisa u l-irġiel. Il-progress huwa kajman, u l-lakuni bejn is-sessi jippersistu fir-rigward tar-rati tal-impjieg, il-pagi, is-sigħat ta' ħidma, il-karigi ta' responsabilità, is-sehem li jingħata fil-kustodja u l-faċendi tal-unitajiet domestiċi, u r-riskju tal-faqar.

Il- parteċipazzjoni dejjem tikber tan-nisa fis-suq tax-xogħol huwa żvilupp pożittiv, li jirrapreżenta kontribut importanti għat-tkabbir ekonomiku fl-UE, li tgħodd għal kwart tat-tkabbir ekonomiku annwali mill-1995 'l hawn[1]. Ir-rata tal-qgħad tan-nisa żdiedet b'7,1 punti perċentwali matul dawn l-aħħar għaxar snin u laħqet id-59,1 % fl-2008, li huwa qrib il-mira ta' Liżbona (60 % fl-2010), għalkemm din ir-rata tvarja bejn Stat Membru u ieħor, minn taħt l-40 % sa 'l fuq minn 70 %. Il-lakuna medja tar-rati tal-impjieg bejn in-nisa u l-irġiel naqset għal 13,7 punti perċentwali fl-2008 minn 18,2 punti fl-1998.

Minkejja dan, il- kriżi eknomika interrompiet din ix-xejra pożittiva, u kellha riperkussjonijiet serji fuq is-suq tax-xogħol u ċ-ċifri tal-qgħad. Bejn Mejju 2008 u Settembru 2009, ir-rata tal-qgħad fil-livell tal-UE telgħet b'mod aktar rapidu għall-irġiel (minn 6,4 % għal 9,3 %) milli għan-nisa (7,4 % għal 9 %). L-industriji dominati mill-irġiel tal-industrija u l-kostruzzjoni ntlaqtgħu bil-kbir. Minkejja dan, f'dawn l-aħħar xhur ir-rati tal-qgħad tan-nisa u l-irġiel qed jiżdiedu bl-istess pass, li probabbli jirrifletti estensjoni tal-kriżi lejn setturi oħra, li huma aktar imħallta mil-lat ta' sessi milli dawk li ntlaqtu fil-bidu. Barra dan, fi tnax-il Stat Membru, il-qgħad għadu ogħla fost in-nisa. Fl-aħħar nett, minħabba li l-impjiegi tan-nisa huma kkonċentrati fis-settur pubbliku, jista' jkun li jintlaqtu b'mod sproporzjonat mit-telf tal-impjiegi minħabba t-tnaqqis fil-baġit.

L-esperjenza mill-kriżijiet ta' qabel turi li l-impjieg għall-irġiel ġeneralment jirkupra aktar malajr milli għan-nisa[2]. Għal persuni li jsiru qiegħda, ir-riskju li ma jerġgħux jiġu impjegati huwa ogħla għan-nisa. Il-konċentrazzjoni fuq l-evoluzzjoni tar-rati tal-qgħad matul ir-reċessjoni hija importanti iżda tista' taħbi xejriet oħra inqas viżibbli, inkluża s-sovrarappreżentanza tan-nisa fost persuni inattivi (in-nisa jirrappreżentaw aktar minn żewġ terzi tat-63 miljun persuna bejn 25-64 sena li huma inattivi fl-UE) jew fost persuni qiegħda li jaħdmu part-time (persuni li jaħdu part-time li jixtiequ jaħdmu aktar sigħat) li mhumiex neċessarjament reġistrati bħala qiegħda.

In-nisa huma aktar probabbli li jkollhom pożizzjoni żvantaġġata fis-suq tax-xogħol pereżempju minħabba inċidenza ogħla ta' kuntratti prekarji, xogħol part-time mhux għax iridu u qabża persistenti ta' żvantaġġ fil-pagi (17,6 % bħala medja fl-UE fl-2007), b'riperkussjonijiet fuq il-qligħ tagħhom ta' għomorhom, il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet, li jirriżultaw f'rati ogħla ta' riskju ta' faqar, speċjalment meta jirtiraw. Fl-2007, ir-rata ta' riskju ta' faqar kienet ogħla għan-nisa (17 %) milli għall-irġiel (15 %) u din il-lakuna kienet partikolarment għolja għall-persuni aktar avvanzati fl-età (22 % għan-nisa meta mqabbel ma' 17 % għall-irġiel) u l-familji b'ġenitur wieħed (34 %). Il-qagħda ta' dawk li jiffaċċjaw żvantaġġi numerużi hija partikolarment diffiċli. Fl-aħħar nett, l-unitajiet domestiċi se jkunu affettwati b'mod aktar gravi minn nuqqas fl-introjtu (minħabba telf tal-impjiegi) f'dawk il-pajjiżi fejn għadu prevalenti l-mudell tar-raġel bħala s-sors ewlieni tal-introjtu, li jenfasizza l-ħtieġa ta' appoġġ ulterjuri għall-mudell ta' introjtu tal-koppja.

Lil hinn mill-kriżi ekonomika attwali u l-effetti tagħha fuq in-nisa u l-irġiel, jeħtieġ li jitqiesu l-isfidi li jifirxu fuq medda itwal ta' żmien li jaffettwaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol. Minkejja li l-livell tal-edukazzjoni fost in-nisa żdied b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin, u n-nisa llum jaqbżu lill-irġiel bħala ggradwati mill-università (59 % ta' dawk li ggradwaw fis-suġġetti kollha fl-2006 fl-UE), in-nisa għadhom jinsabu f'konċentrazzjoni f'setturi tradizzjonalment perċepiti bħala feminili u spiss inqas imħallsin (servizzi tas-saħħa u l-kustodja, l-edukazzjoni, eċċ.) u jokkupaw inqas karigi ta' responsabilità fl-isferi kollha tas-soċjetà. In-nuqqas ta' aċċess għas-servizzi tal-kustodja għal persuni dipendenti (it-tfal, il-persuni b'diżabilità, l-anzjani), ta' skemi adegwati ta' leave u ta' arranġamenti flessibbli ta' ħidma għaż-żewġ ġenituri spiss ixekklu n-nisa milli jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol jew milli jaħdmu full-time. Fl-2008, 31,1 % tan-nisa kienu jaħdmu part-time meta mqabbel ma 7,9 % tal-irġiel. Jekk tittieħed inkunsiderazzjoni r-rata ta' impjieg fl-ekwivalenti ta' full-time, il-qabża bejn is-sessi tidher li tnaqqset biss bi ftit mill-2003 'l hawn u saħansitra kibret f'disa' Stati Membri.

Nisa bit-tfal jaħdmu inqas (-11,5 punti perċentwali fir-rata tal-impjieg) min-nisa bla tfal, filwaqt li l-irġiel bit-tfal jaħdmu iktar minn irġiel bla tfal (+6,8 punti). L-influwenza qawwija tal-istat ta' ġenitur fuq il-parteċipazzjoni fl-impjieg marbuta mar-rwoli tradizzjonali tas-sessi u n-nuqqas ta' faċilitajiet tal-kustodja tat-tfal f'bosta Stati Membri. Minkejja żieda fil-forniment tal-kustodja tat-tfal matul dawn l-aħħar snin, f'konformità mal-miri Ewropej[3], ir-rati tal-kopertura jibqgħu aktar baxxi minn dawn il-miri f'bosta pajjiżi, speċjalment għal tfal taħt it-3 snin. Il-kustodja ta' dipendenti oħra wkoll għandha influwenza qawwija fuq il-possibilità tan-nisa u l-irġiel li jibqgħu fis-suq tax-xogħol, sfida li qed issir agħar minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Fl-2005, 'il fuq minn 20 miljun Ewropew ta' età bejn il-15 u l-64 sena (12,8 miljun mara u 7,6 miljun raġel) kellhom responsabilitajiet ta' kustodja għal persuni adulti dipendenti. Din ir-responsabilità ta' kustodja għandha rwol fir-rata baxxa ta' impjieg tan-nisa ta' età bejn il-55 u l-64 sena (36,8 % fl-2008, 18,2 punti inqas mir-rata tal-irġiel). In-nuqqas tal-miżuri adegwati ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja jista' wkoll jinfluwenza d-deċiżjoni tan-nisa u l-irġiel biex ma jkollhomx tfal jew biex ikollhom inqas tfal, li huwa problematiku fir-rigward tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-provvista futura tas-suq tax-xogħol, u konsegwentament it-tkabbir ekonomiku. F'pajjiżi b'kundizzjonijiet favorevoli għall-kustodja tat-tfal, il-leave għall-ġenituri u l-arranġamenti flessibbli ta' ħidma, kemm ir-rati tal-impjieg tan-nisa kif ukoll ir-rati ta' twelid huma ogħla.

Filwaqt li kien hemm żieda fl-għadd ta' nisa involuti fit- teħid tad-deċiżjonijiet jew li nħatru f'karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-UE matul dawn l-aħħar snin, is-setgħa għadha deċiżivament f'idejn l-irġiel fl-isferi politiċi u ekonomiċi. Fl-UE, bħala medja, membru wieħed biss minn kull erbgħa ta' parlamenti nazzjonali u ta' ministri superjuri fil-gvernijiet nazzjonali huwa mara, minkejja li l-qagħda tvarja minn Stat Membru għall-ieħor. Sar ftit progress wara l-elezzjonijiet tal-2009 għall-Parlament Ewropew, fejn il-proporzjon tan-nisa telgħet minn 31 % għal 35 %. Fis-settur ekonomiku, iċ-ċifri huma inqas pożittivi u, pereżempju, in-nisa jirrappreżentaw biss membru wieħed minn kull 10 fil-kumpaniji attendibbli Ewropej u 3 % fost il-kapijiet tal-bords.

Żviluppi politiki u leġiżlattivi

Is-sena 2009 kienet immarkata mill-impatt tal-kriżi globali ekonomika u finanzjarja fuq l-ekonomija reali u s-swieq tax-xogħol. Fl-aħħar tal-2008, l-UE adottat pjan Ewropew ta' rilanċ[4] inklużi miżuri biex iżommu n-nisa u l-irġiel fl-impjieg. F'Mejju 2009, Samit tal-Impjiegi ddiskuta l-impatt tal-kriżi u r-reazzjonijiet adattati ta' politika. Il-Kummissjoni pproponiet 'Impenn komuni għall-impjiegi'[5] li kien immirat biex jillimita l-impatt soċjali tal-kriżi, u li għaraf il-ħtieġa li jsaħħaħ mill-ġdid l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-reazzjonijiet għall-kriżi. Analiżi riċenti ta' reazzjonijiet nazzjonali għall-kriżi tikkonferma r-riskju ta' relegazzjoni tal-istatus tal-politiki tal-ugwaljanza jew ta' tnaqqis tal-baġits allokati għal dawn il-politiki[6]. Uħud mill-miżuri tal-ugwaljanza tħassru jew ġew posposti u tnaqqis futur possibbli fil-baġits pubbliċi jista' jkollu effett negattiv fuq l-impjieg tan-nisa u l-promozzjoni tal-ugwaljanza. Minkejja dan, ġiet reġistrata prassi tajba f'uħud mill-Istati Membri li niedu programmi ta' appoġġ lis-settur tal-kustodja[7].

Il-Kumitat Konsultattiv dwar opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel adotta opinjoni dwar il-perspettiva tas-sessi tar-reazzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja[8], inklużi rakkomandazzjonijiet dwar l-integrazzjoni tas-sessi tal-miżuri ta' rilanċ u l-istrateġija tal-UE tal-2020.

Taħt il-Presidenza Żvediża, il-Kunsill adotta konklużjonijiet[9] dwar il-kontribut qawwi li jistgħu jġibu l-politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi għat-tkabbir sostenibbli, l-impjieg u l-inklużjoni soċjali u l-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni bejn is-sessi fl-istrateġija tal-UE tal-2020. Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet[10] dwar l-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Beijing għall-Azzjoni abbażi ta' rapport imħejji mill-Presidenza tal-UE.

Il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar il-proposta għal direttiva li timplimenta l-ftehim rivedut ta' qafas dwar leave għall-ġenituri konkluż mill-imsieħba soċjali Ewropej[11]. Din għandha żżid it-tul tal-leave għall-ġenituri, u tagħmel parti minnu mhux trasferibbli biex tħeġġeġ il-missirijiet li japprofittaw mil-leave għall-ġenituri u toffri dritt għal talba għal arranġamenti flessibbli ta' ħidma għal perjodu fiss ta' żmien meta persuna tidħol lura wara l-leave għall-ġenituri. Il-Kunsill laħaq ukoll qbil politiku fid-dawl tal-pożizzjoni komuni, dwar ir-reviżjoni proposta tad-direttiva dwar trattament ugwali ta' persuni li jaħdmu għal rashom u l-miżżewġin tagħhom li jgħinuhom[12], test konġunt għad irid jinqabel mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li l-proposta għal reviżjoni tad-direttiva dwar il-leave għall-ommijiet[13] qed tiġi diskussa mil-leġiżlaturi tal-UE Il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/73/KE[14] dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol. Qed isir progress fl-implimentazzjoni tad-direttiva iżda għadhom jinħtieġu sforzi f'għadd ta' Stati Membri biex jiksbu t-traspożizzjoni korretta.

Il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi[15]. Is-sena 2009 kienet ukoll l-ewwel sena ta' implimentazzjoni 'Il-Linjigwidi tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom', li jagħtu gwida dwar strateġiji li l-Istati Membri u l-UE jridu jimplimentaw fl-azzjoni esterna tagħhom biex jipprevjenu l-vjolenza, jipproteġu l-vittmi u jressqu l-qorti lil min iwettaq vjolenza bħal din.

SFIDI U ORJENTAZZJONIJIET STRATEġIċI

L-ugwaljanza bejn is-sessi mhijiex biss kwistjoni ta' diversità u ta' ġustizzja soċjali, hija wkoll obbligatorja biex jintlaħqu l-għanijiet ta' tkabbir sostenibbli, impjieg, kompetittività u koeżjoni soċjali. L-investiment fil-politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi jirriżulta f'benefiċċju mil-lat ta' rati ogħla ta' impjieg tan-nisa, il-kontribut tan-nisa għall-PGD, l-introjti mit-taxxa u rati ta' fertilità sostenibbli[16]. Huwa importanti li l-ugwaljanza bejn is-sessi tkompli tkun l-element tal-qalba tal-istrateġija tal-UE tal-2020, minħabba li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel uriet li hija soluzzjoni sostenibbli għal sfidi antiki u dawk ġodda. Għalhekk il-politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom jitqiesu bħala investiment li jifrex fuq medda twila ta' żmien u mhux bħala spiża li tifrex fuq medda qasira ta' żmien.

Ir-reazzjonijiet politiċi mogħtija għar-riċessjoni jirrappreżentaw opportunità kif ukoll theddida potenzjali għall-impjieg tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Hemm riskju li r-riċessjoni attwali se tittardja l-avvanzi, jew saħansitra ddawwar lura l-progress, b'konsegwenzi li jifirxu fuq medda itwal ta' żmien fuq is-sostenibilità tal-ekonomija u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali, u d-demografija.

Politiki effiċjenti ta' ugwaljanza bejn is-sessi jridu jitqiesu bħala parti mis-soluzzjoni għall-ħruġ mill-kriżi, l-appoġġ tal-irkupru u l-bini ta' ekonomija aktar b'saħħitha għall-futur. Il-bażi ta' rkupru sostenibbli u għal finanzi pubbliċi sani hija riformi strutturali mmirati li jiżguraw il-parteċipazzjoni miżjuda tal-forza tal-ħaddiema[17]. L-investiment fl-impjieg u l-indipendenza ekonomika tan-nisa u fil-miżuri ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel wera li jirriżulta f'benefiċċju mil-lat ta' żvilupp ekonomiku u soċjali[18].

Tisħiħ tas-sinerġija bejn l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impjieg għall-istimolu tal-irkupru u t-tkabbir sostenibbli

It-tneħħija tal-inugwaljanzi persistenti bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta' politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi tista' tidher bħala fattur biex iħeġġeġ it-tkabbir u mhux bħala spiża għas-soċjetà. L-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol tista' tippermetti l-Istati Membri biex igawdu mill-potenzjal sħiħ tal-forniment tal-ħaddiema, notevolment fid-dawl tal-iskarsezzi futuri tal-ħiliet. Hija se tikkontribwixxu wkoll għas-suċċess bejn ir-riformi tal-politika fil-politiki ta' impjieg, inklużi l-istrateġiji tal-flessigurtà.

- Sforzi biex jiġu eliminati l-inugwaljanzi bejn is-sessi fl-impjieg għandhom jiġu ssuktati u intensifikati bħala parti mill-istrateġija l-ġdida għat-tkabbir u l-impjieg li għandha tiġi adottata fl-2010, biex jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-lakuni mil-lat ta' impjieg, paga, u teħid ta' deċiżjonijiet, għall-provvista ta' impjiegi aħjar, kif ukoll it-tnaqqis ta' segregazzjoni tas-suq tal-ħaddiema u r-riskju tal-faqar.

- It-tnaqqis tad-differenza fil-paga bejn is-sessi u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tagħha[19] għandhom jibqgħu prijorità. Azzjoni f'dan il-qasam għandha tinvolvi l-partijiet kollha kkonċernati u tgħaqqad flimkien l-istrumenti kollha, inkluża l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti, il-valutazzjoni effettiva tas-sistemi tal-paga, it-tqajjim tal-kuxjenza u l-ġlieda kontra l-isterjotipi u r-reviżjoni tal-klassifiki tal-impjiegi.

- Sistemi tat-taxxa u l-benefiċċji għandhom jipprovdu inċentivi finanzjarji għan-nisa u l-irġiel biex jibdew jaħdmu, jibqgħu jew jidħlu lura x-xogħol. Fejn jinħtieġu, dawn is-sistemi għandhom jiġu riformati biex ineħħu d-diżinċentivi finanzjarji għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' persuni sekondarji mil-lat ta' introjtu u persuni li huma l-kustodi ewlenin u biex jiżguraw indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u l-irġiel, ukoll fir-rigward tal-introjtu tad-drittijiet tal-pensjoni, filwaqt li jibqgħu jipproteġu lil dawk li għandhom xejriet atipiċi ta' karriera.

- Biex jiġu limitati riperkussjonijiet negattivi tal-kriżi ekonomika dwar il-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, dawk li jfasslu l-politika jridu jibnu r-reazzjonijiet tagħhom ta' politika fuq analiżi li tkun konxja mis-sessi tas-suq tax-xogħol kif ukoll fuq stimi u valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt. L-investimenti fl-infrastruttura soċjali jistgħu jkunu fattur produttiv u jittrasformaw ekonomiji li qed jirkupraw.

Appoġġ tar-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol ul-ħajja privata u tal-familja kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel

Bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel jiddependi fuq l-organizzazzjoni moderna tax-xogħol, id-disponibilità ta' servizzi ta' kustodja ta' kwalità bi prezz raġjonevoli, u kondiviżjoni aktar ugwali tar-responsabilitajiet tal-familja u tal-kompiti domestiċi. Il-possibilità li ssir rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-familja għandha impatt dirett fuq l-impjieg u l-karigi tan-nisa fis-suq tax-xogħol, l-introjti u l-indipendenza ekonomika tagħhom tul għomorhom. Sfida ewlenija hija l-konċentrazzjoni fuq politiki u inċentivi biex iħeġġu u jippermettu lill-irġiel li jerfgħu aktar responsabilitajiet ta' kustodja u ta' familja. Il-politiki jeħtieġu wkoll jieħdu inkunsiderazzjoni l-għadd jiżdied ta' unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed, fil-biċċa l-kbira tagħhom nisa.

- Għandhom jitkomplew u jiġu intensifikati l-isforzi biex jiġu żviluppati servizzi ta' kustodja ta' kwalità, bi prezz raġjonevoli u aċċessibbli, skont il-miri Ewropej, għat-tfal u dipendenti oħra. Il-potenzjal tal-Fondi Strutturali u l-EAFRD[20] għall-finanzjament tas-servizzi ta' kwalità għandu jintuża bis-sħiħ.

- Il-ftehim tal-imsieħba soċjali Ewropej dwar il-leave għall-ġenituri[21] juri progress f'dan il-qasam. L-irġiel għandhom jitħeġġu biex jaqsmu r-rwoli ta' ġenitur b'mod ugwali man-nisa, u fuq il-post tax-xogħol għandha tingħaraf b'mod aqwa l-ħtieġa kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel li jibbilanċjaw ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.

- It-tnaqqis fir-rittmu ekonomiku ma għandux jintuża bħala raġuni biex il-progress fir-rigward tal-politiki ta' rikonċiljazzjoni jinżammlu r-riedni u biex jitnaqqsu l-baġits allokati għas-servizzi ta' kustodja u ta' arranġamenti tal-leave, li jaffettwaw b'mod partikolari l-aċċess min-nisa għas-suq tax-xogħol.

- Il-proposti li jirrevdu ż-żewġ direttivi[22] dwar leave għall-ommijiet u d-drittijiet tan-nisa li jaħdmu għal rashom jeħtieġ li jiġu adottati malajr mil-leġiżlaturi tal-UE.

Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi

In-nisa jinsabu f'riskju ikbar ta' faqar mill-irġiel, parzjalment minħabba introjti iktar baxxi, prevalenza ogħla f'kundizzjonijiet ta' impjiegi inqas apprezzati u prekarji, u responsabilitajiet mhux imħallsa ta' kustodja. Il-faqar jeffettwa speċjalment lin-nisa f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, bħalma huma ommijiet waħidhom, nisa anzjani waħidhom, nisa b'diżabilitajiet kif ukoll nisa immigranti u bi sfond etniku ta' minorità. In-nisa Roma jinsabu f'riskju partikolari ta' emarġinazzjoni u esklużjoni.

- L-impjieg ta' kwalità full-time huwa l-aqwa salvagwardja kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Biex tiġi żgurata b'mod effettiv rabta stabbli mas-suq tax-xogħol, huwa kritiku li jitfasslu u jiġu implimentati politiki, inkluż aċċess għas-servizzi ta' faċilitazzjoni, li jirreaġixxu għall-ħtiġijiet rispettivi tan-nisa u l-irġiel.

- B'mod partikolari fi żminijiet ta' riċessjoni meta l-foqra jkunu f'riskju li jegħrqu iżjed fil-faqar, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' dawk il-gruppi li jiffaċċjaw żvantaġġi varji, u biex tiġi żgurata l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà.

- Fil-kuntest tas-Sena Ewropea 2010, iddedikata għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, importanti li jiġu indirizzati l-isfidi tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'attivitajiet ippjanati.

Prevenzjoni u oppożizzjoni tal-vjolenza konnessa mas-sess tal-persuna

In-nisa huma l-vittmi ewlenin tal-vjolenza konnessa mas-sess tal-persuna. Madwar l-UE kollha, huwa stmat li mill-inqas żewġ nisa minn kull għaxra esperjenzaw vjolenza fiżika mill-inqas darba fil-ħajjiet adulti tagħhom, u madwar waħda minn kull għaxra sofriet vjolenza ta' sess sfurzat[23]. Il-maġġoranza ta' dawn l-atti vjolenti jitwettqu minn irġiel li jkunu fl-ambjent soċjali immedjat tagħhom, spiss mill-imsieħba jew l-ex imsieħba tagħhom. Minbarra s-sofferenza umana li tikkawża, vjolenza bħal din għandha wkoll konsegwenzi soċjali u finanzjarji serji, bi spejjeż għolja għas-settur tas-saħħa, is-servizzi soċjali, il-pulizija u l-ġudikatura u għas-suq tax-xogħol.

- Għandhom jiġu intensifikati l-isforzi għall-iżvilupp ta' metodi preventivi għall-ġlieda kontra l-vjolenza konnessa mas-sess tal-persuna, inkluż it-traffikar tal-bnedmin għal esplojtazzjoni sesswali u ta' xogħol[24]. Prevenzjoni tal-vjolenza konnessa mas-sess tal-persuna fil-forom kollha tagħha hija essenzjali u tirrikjedi edukazzjoni, taħriġ u kuxjenza, inkluża kooperazzjoni bejn is-servizzi soċjali, il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, il-pulizija u l-ġudikatura.

- Tinħtieġ azzjoni, inkluż leġiżlazzjoni, biex jitneħħew l-attitudnijiet u l-prassi konvenzjonali jew tradizzjonali ta' ħsara, inklużi l-mutilazzjoni tal-ġenitali tan-nisa, żwieġ bikri jew sfurzat, u reati tal-unur.

- Filwaqt li d-dejta hija limitata, is-sejbiet juru li l-vjolenza konnessa mas-sess tal-persuna tiżdied fi zminijiet ta' kriżijiet ekonomiċi, bl-istress u t-telf tal-impjieg bħala l-fatturi prinċipali[25]. L-indirizzar tal-vjolenza u l-investiment fin-nisa jeħtieġ li jingħataw prijorità biex vjolenza miżjuda ma tkunx konsegwenza moħbija tal-kriżi.

Trasformazzjoni tal-impenn għall-ugwaljanza bejn is-sessi f'azzjoni u f'riżultati

L-ugwaljanza bejn is-sessi tista' tinkiseb biss jekk ikun hemm impenn qawwi u ċar fl-ogħla livell politiku, kemm jekk huma istituzzjonijiet Ewropej, il-gvernijiet inkella l-imsieħba soċjali. Il-progress jirrikjedi li l-impenn jissarraf f'azzjoni permezz ta' mekkaniżmi u strutturi effiċjenti għall-implimentazzjoni. Huwa importanti li l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir affari viżibbli u ċentrali fil-politika u l-ippjanar, u li l-integrazzjoni fin-norma tal-ugwaljanza bejn is-sessi ssir għodda aktar effettiva fit-tfassil tal-politika.

- Impenn qawwi biex isir progress ulterjuri fid-direzzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi jeħtieġ li jinżamm kemm fil-livelli tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istat Membru, permezz ta' strateġija ta' segwitu għall-Pjan ta' Rotta Ewropew għall-ugwaljanza bjen in-nisa u l-irġiel[26], il-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi[27] adottat mill-Kunsill Ewropew, u l-Qafas għall-azzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi miftiehem mill-imsieħba soċjali Ewropej[28].

- Taħriġ u bini tal-kapaċitajiet imtejbin huma meħtieġa biex jikkonvinċu u jippermettu lil dawk involuti fit-tfassil tal-politika biex jinkludu perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma rispettivi tagħhom ta' kompetenza u biex jivvalutaw l-impatt speċifiku tal-politiki fuq in-nisa u l-irġiel. Dan jirrikjedi wkoll l-iżvilupp tal-istatistika tas-sessi, indikaturi, għodda u manwali, inkluż l-iskambju tal-aqwa prassi.

- Kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel jeħtieġ li jħaddnu u jagħmlu l-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi parti minnhom infushom u jkunu konvinti mill-benefiċċji għas-soċjetà bħala entità sħiħa ta' politiki effiċjenti tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Importanti wkoll sinerġija aqwa bejn il-politiki u l-istrumenti għall-progress ulterjuri.

KONKLUżJONIJIET

Fid-dawl tal-kontribut li tista' tagħmel l-ugwaljanza bejn is-sessi għat-tkabbir sostenibbli, l-impjieg, il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali, il-Kummissjoni tqis li d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tissaħħaħ fil-partijiet kollha tal-istrateġija sussegwenti ta' Liżbona.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew biex jinċita lill-Istati Membri biex jirreaġixxu mingħajr dewmien għall-isfidi deskritti fil-qosor f'dan ir-rapport, partikolarment f'dan li ġej:

- tisħiħ tad-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-partijiet kollha tal-istrateġija tal-UE tal-2020, inkluż użu aktar effiċjenti tal-integrazzjoni fin-norma tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u azzjonijiet u miri speċifiċi għall-ugwaljanza bejn is-sessi fi ħdan l-Istrateġija Ewropea tal-Impjieg;

- tnaqqis tal-qabża fil-pagi skont is-sess tal-persuna permezz ta' strateġiji speċifiċi li jgħaqqdu l-istrumenti kollha disponibbli, inklużi miri meta dawn ikunu xierqa;

- żgurar li d-diversità fil-bordijiet tal-kumpaniji kkwotati trawwem ambjent ibbilanċjat u orjentat fuq medda twila ta' żmien għat-teħid ta' deċiżjonijiet u li n-nisa jitħeġġu biex jidħlu għall-sifida li jsiru membri minn bord f'kumpaniji kkwotati;

- titjib tal-miżuri ta' rikonċiljazzjoni kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, inkluż tipi tal-leave relatati mal-familja, servizzi ta' kustodja, arranġamenti flessibbli tax-xogħol, u tħeġġiġ tal-kondiviżjoni ugwali tar-responsabilitajiet privati u dawk tal-familja, biex jiġi ffaċilitat l-impjieg full-time kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

- sforzi intensifikati għall-prevenzjoni u l-oppożizzjoni tal-vjolenza konnessa mas-sess tal-persuna;

- żgurar li l-politiki jagħtu attenzjoni partikolari lin-nisa f'pożizzjonijiet partikolarment vulnerabbli — pereżempju, nisa f'impjiegi prekarji, ħaddiema nisa aktar avvanzati fl-età, minoritajiet migranti/etniċi u n-nisa Roma;

- żgurar li l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi integrata fin-norma fir-reazzjonijiet għar-riċessjoni fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt differenzjat tal-kriżi fuq in-nisa u l-irġiel;

- tiġdid tal-impenn li ntrabtu għalih l-Istati Membri fil-Patt Ewropew tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi u tisħiħ mill-ġdid tal-kollaborazzjoni bi sħab u tas-sinerġija bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

[1] OECD (2008) Is-sessi u l-iżvilupp sostenibbli. Massimazzjoni tar-rwol ekonomiku, soċjali u ambjentali tan-nisa.

[2] Smith, M. (2009) ‘Analysis Note: Gender equality and recession’ (Nota tal-Analiżi: L-ugwaljanza bejn is-sessi u r-riċessjoni), EGGE.

[3] Fl-2002, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri biex 'ineħħu d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol u jagħmlu minn kollox, waqt li jieħdu inkunsiderazzjoni t-talba għall-faċilitajiet ta' kustodja tat-tfal u f'konformità max-xejriet nazzjonali tal-forniment ta' kustodja tat-tfal, li jipprovdu kustodja tat-tfal sal-2010 għal tal-anqas 90 % tat-tfal bejn it-3 snin u l-età obbligatorja tal-iskola u tal-anqas għal 33 % tat-tfal taħt it-3 snin'.

[4] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/ec/104692.pdf.

[5] COM(2009) 257 finali.

[6] Smith M. and Villa P. (2009) Gender equality, employment policies and the crisis in EU Member States, EGGE. (L-ugwaljanza bejn is-sessi, il-politiki tal-impjieg u l-kriżi fl-Istati Membri tal-UE)

[7] Idem.

[8] http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=2878&langId=en.

[9] Dokument tal-Kunsill 15488/09.

[10] Dokument tal-Kunsill 15992/09.

[11] COM (2009) 410.

[12] COM (2008) 636.

[13] COM(2008) 600/4

[14] COM (2009) 409.

[15] COM(2009) 136 finali.

[16] Smith, M. and Bettio, F. (2008) ‘Analysis Note: The economic case for gender equality’, EGGE.

[17] Dokument tal-Kunsill 16214/09.

[18] Löfgren, A. (2009).

[19] COM (2007) 424.

[20] Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

[21] COM (2009) 410.

[22] COM(2008) 636 u COM(2008) 637.

[23] Il-Kunsill tal-Ewropa (2006) Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa.

[24] Il-Kummissjoni ressqet proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi (COM(2009) 136).

[25] Lubrani, O. (2009) ‘The world economic and financial crisis: What will it mean for gender equality’, (Il-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija: X'se tfisser għall-ugwaljanza bejn is-sessi) UNIFEM.

[26] COM(2006) 92.

[27] http://www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/ec/89013.pdf.

[28] http://www.etuc.org/r/704.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet