Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar {SEG(2009) 1445} {SEG(2009) 1446} {SEG(2009) 1447} {SEG(2009) 1448} {SEG(2009) 1449} {SEG(2009) 1450}
/* KUMM/2009/0591 finali */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |
Brussel 28.10.2009
KUMM(2009)591 finali
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar
{SEG(2009) 1445}{SEG(2009) 1446}{SEG(2009) 1447}{SEG(2009) 1448}{SEG(2009) 1449}{SEG(2009) 1450}
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI , LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar
INTRODUZZJONI
Matul dawn l-aħħar sentejn, il-prezzijiet fil-katina tal-provvista alimentari varjaw ħafna. Min-nofs l-2007 sa nofs l-2008, il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli għolew f’daqqa, li rriżulta f’żieda fil-prezzijiet tal-ikel għall-konsumatur u f’livelli ta’ inflazzjoni ogħla globalment. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-prezzijiet tal-prodotti niżlu għal livelli komparabbli ma’ jew anki anqas minn dawk li kienu ntlaħqu qabel bdiet iż-żieda fil-prezzijiet. Madankollu, il-prezzijiet tal-ikel għall-konsumatur baqgħu jiżdiedu u ma bdewx jonqsu qabel Mejju 2009 waqt li qajmu tħassib dwar it-tħaddim tal-katina tal-provvista alimentari. Dawn il-bidliet ikkawżaw tbatija konsiderevoli għall-produtturi agrikoli u jimplikaw li l-konsumaturi mhumiex qed jirċievu trattament ġust.
Il-katina tal-provvista alimentari torbot tliet setturi importanti tal-ekonomija Ewropea – l-agrikoltura, l-industrija tal-ipproċessar tal-ikel u s-setturi ta' distribuzzjoni - li flimkien ikopru aktar minn 5 % tal-valur miżjud Ewropew u 7 % tal-impjiegi. Barra minn hekk, il-prestazzjoni tagħha għandha konsegwenzi diretti għaċ-ċittadini Ewropej kollha, billi l-ikel jirrappreżenta 16 % mill-infiq tal-familji fl-Ewropa. It-tħaddim tal-katina tal-provvista alimentari qed tingħata aktar importanza fit-triq lejn l-irkupru mill-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali. Il-prezzijiet għolja tal-ikel għall-konsumatur huma sors ta’ tħassib billi jpoġġu pressjoni fuq id-dħul tal-familji b’mod partikolari bħalissa fi żmien fejn teħtieġ żieda fil-konsum. Dawn huma partikolarment iebsa fuq il-familji l-aktar vulnerabbli li jonfqu proporzjon konsiderevolment akbar mid-dħul tagħhom fuq l-ikel. Fiż-żmien aktar fit-tul, tħaddim aħjar tal-katina tal-provvista alimentari huwa kruċjali għall-konsumaturi u biex jiżgura distribuzzjoni sostenibbli tal-valur miżjud tul il-katina, biex b’hekk jikkontribwixxi għaż-żieda fil-kompetittività globali tagħha. It-titjib huwa meħtieġ b’urġenza biex tiġi evitata eskalazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel għall-konsumaturi hekk kif jibda l-irkupru.
Il-Kummissjoni qiegħda ssegwi l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-ikel bħala parti minn eżerċizzju ta’ monitoraġġ tas-suq imniedi fil-kuntest tar-Reviżjoni tas-Suq Uniku ta’ Novembru 2007[1] maħsuba biex tipprovdi rimedji politiċi għal kawżi identifikati ta' tħaddim ħażin. F’Diċembru 2008, il-Kummissjoni ppubblikat rapport interim dwar “Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa” u fasslet pjan li identifika d-direzzjonijiet ewlenin għall-azzjonijiet politiċi[2]. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta inizjattivi politiċi konkreti tul il-linji tal-pjan u għalhekk tikkonkludi l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ tas-suq għall-katina tal-provvista alimentari[3].
Din il-Komunikazzjoni hi organizzata kif ġej. It-Taqsima 2 tiddeskrivi r-rabta bejn il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u l-bidliet fil-prezzijiet tal-ikel għall-konsumaturi. It-Taqsima 3 tidentifika l-isfidi ewlenin li tiffaċċja l-katina tal-provvista alimentari u tippreżenta għadd ta’ inizjattivi politiċi bl-għan li jegħlbuhom. It-Taqsima 4 tippreżenta l-passi li jmiss li l-Kummissjoni se tieħu biex timplimenta dawn l-inizjattivi u t-Taqsima 5 tikkonkludi.
ŻVILUPPI TA’ DAN L-AħħAR
Tul it-tieni nofs tal-2007 u l-bidu tal-2008, il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli għolew b’mod rapidu[4]. Minħabba f'hekk, il-prezzijiet tal-produtturi tal-ikel u l-prezzijiet tal-ikel tal-konsumaturi bdew jiżdiedu wkoll, għalkemm b'rata inqas mgħaġġla. Dan jista’ jiġi spjegat bil-fatt li l-prodotti agrikoli jagħmlu biss parti żgħira mill-ispejjeż globali tal-produzzjoni tal-ikel[5] u bl-osservazzjoni li, fis-swieq l-aktar kompetittivi, il-proċessuri u d-distributuri tal-ikel assorbew parti miż-żieda fil-prezz.
Mit-tieni kwart tal-2008 'l hawn, il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli qed jaqgħu. Bil-kuntrarju għall-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, il-prezzijiet tal-produtturi tal-ikel baqgħu jiżdiedu sar-raba’ kwart tal-2008, waqt li l-prezzijiet tal-ikel tal-konsumaturi ma niżlux qabel dan l-aħħar. Barra minn hekk, ir-rati ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-ikel tal-produtturi u tal-konsumaturi huma pjuttost baxxi meta mqabbla mal-waqgħa fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli – ara d-Dijagramma 1. Ir-reazzjoni tal-proċessuri u d-distributuri tal-ikel għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli kienet aktar bil-mod kif ukoll iktar dgħajfa mir-reazzjoni tagħhom għaż-żieda tagħhom fl-2007. Din id-diskrepanza għandha konsegwenzi negattivi għall-katina tal-provvista alimentari billi ma tippermettix lill-konsumaturi li jibbenefikaw mill-prezzijiet aktar baxxi u tillimita l-irkupru tal-prezzijiet tal-prodotti akgrikoli billi tnaqqas id-domanda għall-prodotti tal-ikel.
Dijagramma 1: L-iżviluppi riċenti fil-prezzijiet tul il-katina tal-provvista alimentari, UE-27
[pic]
Id-diskrepanzi osservati bejn l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-ikel tal-prodotti u tal-konsumaturi, flimkien mar-rispons asimetriku tal-prezzijiet tal-ikel għaċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-prodotti, jirrelataw parzjalment ma’ dgħufija strutturali fis-sistema, bħall-għadd ta’ intermedjarji li jaħdmu tul l-katina u l-istruttura kompetittiva f’ċerti stadji tal-katina. Barra minn hekk, l-inugwaljanzi mifruxa fis-setgħa tan-negozjar bejn il-partijiet kontraenti jikkontribwixxu għat-tnaqqis kemm tal-veloċità kif ukoll tal-kobor tat-trażmissjoni tal-prezzijiet tul il-katina u joffru spejgazzjoni għall-asimetrija tagħha. Flimkien ma’ dan, it-trażmissjoni kajmana tal-bidliet fil-prezzijiet tittardja l-aġġustamenti meħtieġa u tgħin biex ittawwal l-ineffiċjenzi tas-suq f’kull stadju tal-katina. Ineffiċjenzi bħal dawn jistgħu jkomplu jiggravaw iċ-ċaqliq fil-prezzijiet fis-swieq tal-prodotti agrikoli. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-iżviluppi riċenti tal-prezzijiet għandhom jagħtu sens ta’ urġenza lill-implimentazzjoni ta’ inizjattivi politiċi konkreti tul id-direzzjonijiet identifikati fil-pjan ta’ Diċembru 2008.
NEGħLBU L-ISFIDI EWLENIN LI TIFFAċċJA L-KATINA EWROPEA TAL-PROVVISTA ALIMENTARI
Il-katina tal-provvista alimentari torbot setturi importanti u diversifikati tal-ekonomija Ewropea li huma essenzjali għall-ġid ekonomiku, soċjali u ambjentali kif ukoll għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej. Fuq bosta dimensjonijiet, il-katina sejra tajjeb: hija twassal prodotti tal-ikel ta’ kwalità għolja bi prezzijiet raġonevoli lill-konsumaturi Ewropej, tiżgura s-sikurezza u t-traċċabilità tal-prodotti tal-ikel u għandha għalfejn tkun kburija fir-rigward tal-provvista wiesgħa ta’ prodotti tant kompetittivi, innovattivi u tradizzjonali, kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE. Madankollu, il-kompetittività ġenerali tal-katina u t-tkabbir ekonomiku tagħhom bagħtu l-ekonomija globali tal-UE lura mill-1995 'l hawn[6] ,is-setturi tal-katina tal-provvista alimentari qed jiffaċċjaw aktar kompetizzjoni mill-atturi internazzjonali u l-iżviluppi riċenti fil-prezzijiet tal-ikel urew nuqqas ta' reżistenza tal-prezzijiet agrikoli għall-iskossi.
Il-Kummissjoni qed taħdem mal-partijiet interessati biex ittejjeb l-għarfien tagħha rigward l-isfidi ewlenin iffaċċjati mill-katina u biex tiddefinixxi l-azzjonijiet politiċi rilevanti u konkreti f'konformità mal-pjan ta' Diċembru 2008. Waqt li l-katina tal-provvista alimentari hija waħda eteroġenja ħafna u billi l-isfidi ffaċċjati mill-partijiet interessati jvarjaw bejn is-sotto-setturi u l-Istati Membri, ġew identifikati tliet prijoritajiet trasversali rilevanti għall-katina kollha. (1) il-promozzjoni ta’ relazzjonijiet sostenibbli u msejsa fuq is-suq bejn il-partijiet interessati fil-katina tal-provvista alimentari; (2) iż-żieda fit-trasparenza tul il-katina biex tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni u ttejjeb ir-reżistenza tagħha għaċ-ċaqliq fil-prezzijiet; u (3) it-trawwim tal-integrazzjoni u l-kompetittività fil-katina Ewropea tal-provvista alimentari mal-Istati Membri kollha.
Il-promozzjoni ta’ relazzjonijiet sostenibbli u msejsa fuq is-suq bejn il-partijiet interessati fil-katina tal-provvista alimentari
Il-katina tal-provvista alimentari hija kkaratterizzata mid-diversità ta’ azzjonijiet li hi stess tgħaqqad: il-bdiewa, il-proċessuri tal-ikel, il-kummerċjanti, il-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut Kemm il-kumpaniji l-kbar ħafna kif ukoll l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju huma attivi simultanjament, sew bħala kompetituri, sew fornituri jew inkella klijenti. Dawn ir-relazzjonijiet ta’ spiss huma miżgħuda bid-diffikultajiet li jżommu lura l-potenzjal sħiħ tal-katina. Lezzjoni ewlenija li ħarġet mill-analiżi ta’ din il-kwistjoni li twettqet u li kienet tinvolvi l-partijiet interessati u l-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni Nazzjonali, tikkonċerna l-ħtieġa li ssir distinzjoni ċara bejn it-tħassib dwar prattiki kummerċjali potenzjalment inġusti – relatati mal-iżbilanċi fis-setgħa tan-negozjar tal-partijiet kontraenti – u t-tħassib relatat mal-prattiki li jmorru kontra l-kompetizzjoni.
Is-setgħa tan-negozjar u l-prattiki kummerċjali potenzjalment inġusti
Fil-katina tal-provvista alimentari, l-iżbilanċi sinifikanti fis-setgħa tan-negozjar bejn il-partijiet kontraenti huma relattivament komuni u din il-kwistjoni ġiet indikata bħala tħassib serju mill-partijiet interessati. Din l-asimetrija fis-setgħa tan-negozjar tista’ twassal għal prattiki kummerċjali inġusti, billi atturi akbar u aktar setgħana jfittxu li jimponu arranġamenti kuntrattwali għall-vantaġġ tagħhom jw permezz ta’ prezzijiet aħjar jew permezz ta’ termini u kundizzjonijiet imtejba. Prattiki bħal dawn jistgħu jseħħu f’kull ħolqa mill-katina u jinkludu, pereżempju, arretrati, bidliet unilaterali fil-kuntratti, bidliet ad hoc fit-termini kuntrattwali, ħlasijiet bil-quddiem għall-aċċess għan-negozjati… Fil-katini tal-provvista alimentari mhux ipproċessat, l-irziezet iż-żgħar u l-kooperattivi ta’ sikwit ikollhom x’jaqsmu ma’ xerrejja akbar, kemm produtturi, kif ukoll bejjiegħa bl-ingrossa jew bl-imnut. Fil-katini tal-provvista alimentari pproċessat, fuq naħa waħda l-proċessuri ż-żgħar tal-ikel qed jiffirmaw kuntratti ma' normalment bejjiegħa bl-imnut kbar li huma ta' sikwit l-unika mezz ta' aċċess tagħhom għas-suq. Fuq in-naħa l-oħra, il-produtturi multinazzjonali kbar tal-ikel jistgħu jkollhom ukoll setgħa ta’ negozjar importanti billi joffru prodotti tad-ditta li l-bejjiegħa bl-imnut ma jistgħux jgħaddu mingħajrhom.
Żbilanċi kuntrattwali assoċjati mas-setgħa tan-negozjar inugwali għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività tal-katina tal-provvista alimentari billi atturi iżgħar iżda effiċjenti jistgħu jkunu obbligati joperaw taħt qligħ imnaqqas, waqt li jillimitaw il-ħila u l-inċentivi tagħhom biex jinvestu fi kwalità aħjar tal-prodott u fl-innovazzjoni tal-proċessi ta’ produzzjoni. Aktar għarfien dwar id-drittijiet kuntrattwali u azzjoni aktar qawwija kontra prattiki kuntrattwali inġusti għandhom jikkontribwixxu biex jevitaw dawn l-intoppi fejn l-atturi b’setgħat limitati tan-negozjar għandhom nuqqas ta’ tagħrif dwar id-drittijiet tagħhom. Barra minn hekk, jistgħu joqogħdu lura milli jikkuntestaw klawżoli tal-kuntratti minħabba l-biża' li jitilfu l-kuntratt.
Jeħtieġ għalhekk li wieħed jifhem aħjar, u jeżamina fil-profond, il-prattiki kuntrattwali u r-rabta tagħhom mal-asimetriji fis-setgħa tan-negozjar fi ħdan il-katina tal-provvista alimentari, billi, skont kull sitwazzjoni individwali, jistgħu jwasslu għal riżultati inġusti u ineffiċjenti.
Is-setgħa tas-suq u prattiki li huma potenzjalment kontra l-kompetizzjoni
Il-ħila tal-fornituri u/jew tax-xerrejja biex jeżerċitaw is-setgħa tas-suq tagħhom b’mod li jxekkel il-kompetizzjoni għad-dannu tal-konsumaturi tiddependi l-ewwelnett fuq it-tip ta’ katina ta’ provvista u fuq il-kundizzjonijiet tas-suq lokali. Billi s-swieq tal-ikel huma normalment nazzjonali jew lokali fl-ambitu, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni fuq kwistjonijiet relatati mal-ikel fil-qafas tan-Netwerk Ewropew Għall-Kompetizzjoni (ECN).
B’riżultat ta’ dan, l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni taw prijorità xierqa lill-investigazzjonijiet ta’ każ b’każ, kif ukoll lill-inkjesti usa’ fir-rigward tas-swieq tal-ikel. Dawn l-azzjoniijet, meħuda flimkien, tejbu konsiderevolment l-għarfien tal-funzjonament ta’ dan is-settur kruċjali tal-ekonomija. Barra dan, ċerti investigazzjonijiet wasslu għas-sebja ta' ksur serju, bħall-kartels u każijiet ta’ żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid. Dan il-ksur ġie rrimedjat minnufih permezz ta' ordnijiet biex dan jieqaf u ma jissuktax, akkumpanjat fejn xieraq minn multi sostanzjali.
Skont il-Komunikazzjoni tagħha ta’ Diċembru 2008[7], il-Kummissjoni eżaminat ukoll ir-rilevanza ta’ ċerti prattiki kummerċjali kemm fit-termini tal-probabbiltà tagħhom li jiżdiedu kif ukoll fil-possibbiltà li jqajmu tħassib dwar il-kompetizzjoni fil-katini rilevanti tal-provvista alimentari. Flimkien mal-kartels klassiċi u ż-żamma tal-prezz għall-bejgħ mill-ġdid, l-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni qiesu li hemm prattiki oħra li jimmeritaw attenzjoni speċjali, bħal ftehimiet konġunti ta' kummerċjalizzazzjoni, il-bejgħ abbinat jew f'pakkett, ftehimiet ta' xiri konġunt (alleanzi ta' xiri) u ż-żieda fl-użu ta' tabelli privati. Għal prattiki bħal dawn jeħtieġ bilanċjar bir-reqqa ta’ effetti li jżidu l-effiċjenza u ta’ effetti potenzjalment kontra l-kompetizzjoni Ma jistgħux isiru ġeneralizzazzjonijiet u l-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni Nazzjonali jaqblu li teħtieġ analiżi ta’ każ b’każ imsejsa fuq l-ispeċifiċitajiet tal-kundizzjonijiet tas-suq lokali biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu kompetittiv possibbli.
Sabiex tippromwovi relazzjonijiet sostenibbli u msejsa fuq is-suq bejn il-partijiet interessati tal-katina tal-provvista alimentari, il-Kummissjoni: tqis li teħtieġ azzjoni biex jitneħħew il-prattiki kuntrattwali inġusti bejn l-atturi kummerċjali tul il-katina kollha tal-provvista alimentari. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex ir-relazzjonijiet kuntrattwali jitqiegħdu aktar fis-sod biex il-partijiet kuntrattwali jkunu jistgħu jaħsdu l-frott tal-benefiċċji kollha mis-suq uniku waqt li jżommu l-libertà tagħhom biex jikkuntrattaw. Dan se jfisser: skambju ta’ tagħrif dwar prattiki kuntrattwali, inkluża kjarifika tad-drittijiet kuntrattwali u tal-legalità u l-imparzjalità tal-klawżoli kuntrattwali normalment użati; it-tnedija ta’ kampanji ta’ għarfien li jinfurmaw lill-partijiet interessati dwar id-drittijiet kuntrattwali tagħhom u dwar prattiki potenzjalment illegali jew inġusti; skambju tal-aħjar prattiki dwar in-notifika tal-prattiki kuntrattwali (eż. Ombudsmen, azzjonijiet mill-awtoritajiet responsabbli, azzjonijiet kollettivi); Fil-livell Komunitarju, fuq il-bażi tat-tagħrif miġbur f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se: taħdem flimkien mal-partijiet interessati tal-katina tal-provvista alimenti biex tħejji settijiet ta’ kuntratti standard, li l-użu tagħhom ikun volontarju,waqt li titqies id-diversità tal-katina tal-provvista alimentari; tevalwa prattiki kuntrattwali inġusti fis-Suq Intern u tipproponi kwalunkwe miżuri Komunitarji meħtieġa biex tindirizza prattiki bħal dawn. se taħdem man-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (ECN) għall-iżvilupp ta’ strateġija komuni għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni rilevanti[8] bl-għan li jkun hemm skambju sostenibbli ta’ tagħrif, identifikazzjoni rapida ta’ każijiet problematiċi u allokazzjoni effiċjenti tal-ħidmiet fost il-membri. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tipproponi li toħloq, fejn meħtieġ, timijiet ta’ ħidma konġunta fi ħdan l-ECN dedikati għall-analiżi ta’ prattiki speċifiċi u swieq li jistgħu jkunu kritiċi għat-tħaddim tal-katina tal-provvista alimentari. Din il-kooperazzjoni mtejba għandha tgħin f’li tiddistingwi aħjar il-problemi endemiċi speċifiċi għas-swieq tal-ikel u tikkoordina minnufih azzjonijiet għall-ġejjieni. |
Żieda fit-trasparenza tul il-katina tal-provvista alimentari biex tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni u ttejjeb ir-reżistenza tagħha għaċ-ċaqliq fil-prezzijiet
1. Is-swieq tul il-katina tal-provvista alimentari jsofru minn nuqqas ta’ trasparenza fil-prezz u ta’ tbassir. Fuq quddiem fil-katina, id-derivattivi huma biċċa għodda importanti biex ilaħħqu maċ-ċaqliq osservat fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli Huwa essenzjali li jkun żgurat li d-derivattivi jibqgħu jservu l-għan inizjali tagħhom ta’ kopertura u l-iffissar tal-prezzijiet. Din il-kwistjoni dwar it-trattament tal-“ispekulazzjoni eċċessiva” fuq is-swieq tal-prodotti hija diskussa globalment. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li t-trasparenza u l-kontroll globali jittejbu fl-UE għad-derivattivi tal-prodotti agrigoli – inklużi s-swieq b’bejgħ dirett. B’mod partikolari, tinħtieġ ħarsa ġenerali aħjar lejn l-attività tat-tipi differenti tal-parteċipanti tas-swieq.
Barra minn hekk, il-pjan ippropona l-ħolqien ta’ biċċa għodda li tissorvelja l-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa biex tiżdied it-trasparenza fil-prezzijiet ta’ prodotti fi stadju aħħari fil-katina tas-suq. Illum, il-Kummissjoni qed tippubblika l-ewwel verżjoni ta’ għodda bħal din[9], waqt li tpoġġi flimkien id-dejta miġbura mill-Eurostat u mill-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika. Din hija strutturata fuq żewġ dimensjonijiet:
- L-intraċċar tal-livelli tal-prezzijiet tal-konsumatur ta' prodotti tal-ikel komparabbli fl-Istati Membri għall-evalwazzjoni tat-dispersjoni tal-prezzijiet u l-integrazzjoni tas-suq intern bl-imnut għall-ikel - ara t-Taqsima 3.3.;
- L-intraċċar tal-iżviluppi tal-prezzijiet fl-Istati Membri f’kull stadju tal-katina – il-prodott agrikolu, il-produttur u l-prezzijiet tal-ikel għall-konsumatur – għal għażla ta’ prodotti speċifiċi, bħall-ħalib, il-ġobon jew il-majjal.
L-għodda ta’ monitoraġġ għalhekk tipprovdi tagħrif prezzjuż dwar il-livelli tal-prezzijiet u l-iżviluppi tul il-katina tal-provvista alimentari u turi l-evoluzzjoni tal-prezz għal kull prodott u Stat Membru waqt li tqis id-diversità tal-katina. L-għodda tipprovdi l-viżibilità fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-ikel f’kull pajjiż u għandha tikkontribwixxi biex iżżid il-pressjoni fuq il-partijiet interessati biex iħaffu t-trażmissjoni tal-prezzijiet. L-għodda għandha tiġi żviluppata aktar biex ittejjeb ir-rabta bejn il-konsumatur tal-ikel, il-produttur u l-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u biex iżżid il-kopertura tal-prodotti sorveljati.
Waqt li l-istħarriġiet tal-konsumaturi mwettqa fil-qafas tat-Tieni Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur[10] juru sodisfazzjon ġenerali bis-servizzi offruti mill-bejjiegħa tal-ikel bl-imnut, juru wkoll nuqqas relattiv ta’ sodisfazzjon fir-rigward tal-komparabbiltà tal-prezzijiet tal-ikel bejn id-diversi bejjiegħa bl-imnut. Huwa għalhekk mixtieq li l-għodda għat-tqabbil tal-prezzijiet jiġi żviluppati aktar (bħall-websajts jew l-ismart phones li jistgħu jintużaw fil-ħwienet biex jiskennjaw u jipparagunaw il-prodotti) għall-prodotti tal-ikel, fuq l-eżempju ta’ għadd ta' servizzi ta’ suċċess bħal dawn madwar l-Ewropa. L-iżvilupp u l-użu ta’ websajts bħal dawn jistgħu jibagħtu sinjal qawwi liċ-ċittadini li l-gvernijiet qed jieħdu passi konkreti biex jgħinuhom ifaddlu fix-xirja tagħhom ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa. Dan għandu jikkontribwixxi għaż-żieda fl-intensità tal-kompetizzjoni f'livell ta' bejgħ bl-imnut fis-swieq lokali kif ukoll fl-istadju bikri tal-prodott tul il-katina tal-provvista alimentari. Fl-istess ħin il-Kummissjoni hija konxja mill-ħtieġa li tiżgura li kwalunkwe tagħrif mogħti lill-konsumaturi huwa ta’ kwalità għolja. L-identifikazzjoni tal-fatturi ewlenin ta’ suċċess għal servizzi ta’ tqabbil fil-prezz bħal dawn imsejsa fuq esperjenza eżistenti għandha tkun ta’ għajnuna konsiderevoli għal aktar żvilupp ta’ għodda bħal dawn.
Biex ikun hemm aktar trasparenza fil-katina tal-provvista alimentari, il-Kummissjoni: se tagħmel proposti biex ittejjeb il-kontroll u t-trasparenza globali tas-swieq tad-derivattivi tal-prodotti agrikoli fil-kuntest tal-istrateġija globali dwar id-derivattivi[11] u r-reviżjoni tad-Direttiva għas-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID): it-trasparenza xierqa u r-rekwiżiti ta’ rappurtar għandhom jiġu estiżi għad-derivattivi tal-prodotti agrikoli kollha, inklużi dawk mibjugħa diretti; dawn l-obbligi għandhom ikunu kkomplementati bl-introduzzjoni ta’ obbligi ta’ rappurtar ta’ pożizzjonijiet skont il-kategoriji tal-kummerċjanti li għandhom jiġu definiti f’livell tal-UE. Dan għandu jippermetti lir-regolaturi jkollhom stampa ġenerali tal-pożizzjonijiet meħuda mit-tipi differenti tal-kummerċjanti; il-possibbiltà li r-regolaturi jkunu jistgħu jiffissaw limiti ta’ pożizzjoni biex jiġġieldu l-movimenti sproporzjonati tal-prezzijiet jew il-konċentrazzjonijiet ta' pożizzjonijiet spekulattivi[12] se tiġi evalwata b’attenzjoni, bl-għan li tiżgura t-tħaddim effiċjenti ta’ dawn is-swieq; se tippubblika llum l-ewwel edizzjoni tal-biċċa għodda ta’ Monitoraġġ għall-Prezzijiet Ewropej tal-Ikel u se timpenja ruħha biex teżamina modi kif tista’ tiżviluppaha aktar biex tkopri numru akbar ta’ prodotti u ktajjen tal-ikel, mis-Sajf tal-2010. Dan ikun jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika. Il-Kummissjoni konsegwentement tħeġġeġ lill-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika biex jiġbru d-dejta meħtieġa; tirrakkomanda li l-Istati Membri kollha jkollhom servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel li jkunu aċċessibbli faċilment u aċċessibbli fuq l-internet. Il-Kummissjoni għandha taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura skambju tal-aħjar prassi u esperjenzi f’dan il-qasam. |
It-trawwim tal-integrazzjoni u l-kompetittività fil-katina Ewropea tal-provvista alimentari mal-Istati Membri kollha
L-integrazzjoni tal-katina tal-provvista alimentari
2. Kif diġà aċċennat fil-Komunikazzjoni dwar "Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa", il-katina tal-provvista alimentari hija frammentata ħafna bejn l-Istati Membri tal-UE. It-tagħrif miġbur għall-għodda ta' monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa jikkonferma differenzi importanti bejn il-pajjiżi kemm fir-rigward ta' livelli kif ukoll fl-iżviluppi tal-prezzijiet. Filwaqt li d-dispersjonijiet tal-prezzijiet fl-UE għall-ikel u x-xorb mhux alkoħoliku qed jonqsu globalment, għad hemm differenzi sinifikanti fid-dispersjoni tal-prezzijiet fil-prodotti differenti, kif jidher fid-Dijagramma 2, imsejsa fuq kollezzjoni tal-prezzijiet esperimentali[13]. Id-dispersjoni tal-prezz ta’ wħud mill-prodotti bażiċi bħaz-zokkor jew il-butir hija sinifikament aktar baxxa mill-medja, għal prodotti oħra tal-konsumaturi bħall-ilma minerali, l-bajd jew il-ġelat, il-varjazzjoni fil-prezz hija ogħla mid-dispersjoni medja għall-prodotti tal-ikel analizzati.
Bosta fatturi nazzjonali, bħad-differenzi fid-dħul medju tal-familji, il-preferenzi fl-għażliet, id-differenzi fil-livell tat-taxxa fuq il-valur miżjud jew is-sehem fil-produzzjoni lokali, jispjegaw uħud mid-differenzi osservati fil-livelli tal-prezzijiet madwar il-pajjiżi. Madankollu, fatturi oħra relatati mal-qafas dinamiku u regolatorju tas-suq għandhom rwol importanti wkoll. Il-Kummissjoni hija impenjata fl-armonizzazzjoni tal-istandards għas-sikurezza kontinwa tal-ikel biex tkompli ttejjeb il-kummerċ transkonfinali fil-prodotti tal-ikel. Dan huwa ta’ rilevanza partikolari f’li jiġu evitati problemi li jfiġġu minn emerġenzi possibbli fil-katina tal-ikel li joriġinaw fi Stat Membru jew f’pajjiż terz. Dan l-infurzar kontinwu tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti kif ukoll reviżjoni tad-direttiva tal-ittikkettjar għaddejja bħalissa[14] għandhom ukoll jinkontribwixxu għaż-żieda fl-integrazzjoni tal-katina tal-provvista alimentari. Finalment, il-Kummissjoni ħadet għadd ta’ deċiżjonijiet dan l-aħħar biex twaqqaf l-iżvilupp ta’ skemi tal-ittikkettjar tal-oriġini nazzjonali u reġjonali. Barra minn hekk, hija pproponiet li tiżviluppa qafas ġdid għall-indikazzjonijiet ġeografiċi, li jikkummerċjalizzaw l-iskemi ta’ standards u ċertifikazzjoni fil-politika tagħha dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli[15].
Dijagramma 2: Id-dispersjoni tal-livelli ta’ prezzijiet għal prodotti magħżula madwar l-Istati Membri
[pic]
Il-prattiki kummerċjali bħar-restrizzjonijiet dwar il-provvista territorjali jew it-tfixkil għall-kummerċ parallel jikkostitwixxu ostakolu ewlieni ieħor fl-integrazzjoni tas-swieq tal-UE. Il-partijiet interessati rrappurtaw indikazzjonijiet ta’ dawn il-prattiki li mhumiex konsistenti mal-prinċipji tas-Suq Intern. Każ partikolari jirrelata mal-bejjiegħa bl-imnut minn pajjiż partikolari li ġew “kostretti” jirrikorru għand intermedju lokali fit-trattament tagħhom mal-fornituri multinazzjonali, li għalhekk qajjem l-ostakoli għall-kummerċ transkonfinali. Prattiki bħal dawn x'aktarx ifixklu t-tħaddim tas-Suq Intern u jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv il-konsumaturi permezz ta' prezzijiet ogħla u għażla aktar limitata ta’ prodotti.
Biex tneħħi l-ostakoli u ttemm il-prattiki li jifframmentaw is-Suq Intern, il-Kummissjoni: se tevalwa l-miżuri li jindirizzaw ir-restrizzjonijiet tal-provvista territorjali, safejn dawn joħolqu ineffiċjenzi ekonomiċi u jikkontradixxu l-prinċipji tas-Suq Intern. Il-Kummissjoni se twettaq Stima ta’ Impatt imsejsa fuq studju dettaljat biex tħejji l-azzjoni tagħha sa tmiem l-2010; tħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jadottaw mingħajr dewmien il-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar ir-regoli tal-ittikkettjar; se tirrevedi standards ambjentali magħżula u skemi li jittikkettjaw l-oriġini li għandhom mnejn ifixklu l-kummerċ transkonfinali, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk l-għanijiet tal-linji politiċi ta’ dawn ir-regolamentazzjonijiet jistgħux jintlaħqu b’impatt iżgħar fuq l-integrazzjoni tal-katina tal-provvista alimentari; se taħdem ukoll mal-Istati Membri u mal-industrija lejn aktar armonizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istandards Komunitarji ta’ sikurezza fl-ikel. |
Il-kompetittività tal-katina tal-provvista alimentari
3. Is-settur agrikolu huwa fframmentat ħafna u differenti fir-rigward tad-daqs, it-tip ta’ rziezet u l-prestazzjoni soċjo-ekonomika tal-impriżi agrikoli. Il-kriżi ekonomika attwali qed ikollha impatt sinifikanti ħafna fuq is-settur billi qed titfa’ pressjoni konsiderevoli fuq id-dħul u l-prezzijiet agrikoli, notevolment fis-setturi tal-ħalib u tal-bhejjem. Għalkemm bosta mekkaniżmi inkorporati fil-PAK diġà ġew implementati biex itaffu xi wħud mill-effetti l-aktar negattivi tal-kriżi, din infurzat il-pressjoni lejn aktar ristrutturar fis-settur.
L-industrija agroalimentari hija kontributur sinifikanti għall-impjieg u t-tkabbir b’valur miżjud fost l-industriji ta’ manifattura fl-UE iżda t-tkabbir fil-valur miżjud u fil-produttività tal-ħidma fl-industrija tal-ikel fl-UE jiżboq lil dak fl-Istati Uniti. F’livell dinji, il-Brażil, il-Kanada u l-Awstralja qed inaqqru s-sehem tas-suq tal-prodotti tal-ikel fl-UE. Il-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Kompetittività tal-Industrija Agro-Alimentari[16], li segwa strateġija komprensiva, identifika l-kwistjonijiet ewlenin sottostanti fil-qabża kompetittiva tas-settur u propona sensiela ta’ 30 rakkomandazzjoni konkreta indirizzati lill-atturi politiċi u ekonomiċi[17]. Il-Grupp ta' Livell Għoli approva n-nuqqas ta’ trasparenza fil-mekkanizmi tal-formazzjoni tal-prezzijiet u l-iżbilanċi bejn l-atturi bħala tħassib ewlieni għall-katina tal-provvista alimentari. Barra dan, waqt li jħeġġeġ lill-UE żżomm livell għoli ta’ standards ta’ sikurezza u kwalità fl-ikel, il-grupp identifika l-ħtieġa qawwija ta’ qafas ta’ innovazzjoni mtejjeb, ta’ azzjonijiet immirati lejn il-ħafna Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju fis-settur u tal-prestazzjoni tal-industrija agro-alimentari Ewropea fuq is-swieq dinjija.
Is-settur tal-bejgħ bl-imnut qed jiffaċċja sfida fil-kompetittività wkoll. Anki jekk dan is-settur inbidel b’mod drammatiku f’dawn l-aħħar 10 snin minħabba f'aktar konsolidazzjoni, l-emerġenza ta' ħwienet bi skontijiet kbar u l-introduzzjoni tal-ittikkettjar proprju bi prezz baxx, il-bejjiegħa bl-imnut fl-Ewropa esperjenzaw anqas tkabbir fil-produttività minn, pereżempju, il-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Uniti tal-Amerika matul dawn l-aħħar 10 snin. Fost il-ħafna fatturi li kkontribwixxew għal din id-differenza fil-produttività, li tiddependi wkoll fuq id-dinamiċi differenti tas-suq, l-investimenti fl-informazzjoni u t-teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni u fi proċessi ġodda tal-kummerċ jidhru li kellhom parti importanti. Xi karatteristiċi regolatorji setgħu wkoll fixklu t-tkabbir tal-produttività fis-settur tal-bejgħ bl-imnut tal-UE. Ir-regoli restrittivi ta’ stabbiliment illimitaw il-ftuħ ta’ stabbilimenti ġodda u għalhekk tad-diffużjoni tal-innovazzjoni[18]. B’mod kruċjali, implimentazzjoni ambizzjuża tad-Direttiva tas-Servizzi għandha tkun ta’ kontribut kbir biex tneħħi ostakoli bħal dawn.
Biex trawwem il-kompetittività tal-katina tal-provvista alimentari, il-Kummissjoni se: tippromwovi u tiffaċilita r-restrutturazzjoni u l-konsolidazzjoni tas-settur agrikolu kemm fil-kuntest tal-politika tal-Iżvilupp Rurali, notevolment billi tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' organizzazzjonijiet volontarji tal-produtturi tal-agrikoltura, u fil-kuntest aktar wiesgħa tal-Politika Agrikola Komuni ta’ wara l-2013. Dan għandu l-ewwel jiġi eżaminat għall-qagħda speċifika fis-settur tal-ħalib mill-Grupp ta’ Esperti ta' Livell Għoli għall-Ħalib, stabbilit dan l-aħħar; tieħu azzjoni biex tippreżenta l-proposti tal-Grupp ta’ Livell Għoli bl-għan li titjieb il-kompetittività tas-settur agro-alimentari, notevolment tal-Intrapriżi ż-Żgħar u ta’ Daqs Medju, u biex trawwem l-innovazzjoni u l-esportazzjonijiet fis-settur. |
4. 4. L-implimentazzjoni tal-inizjattivi politiċi
Din il-Komunikazzjoni tippreżenta għadd ta’ proposti għat-trattament tal-isfidi identifikati. Iż-żieda fit-trasparenza tul il-katina tal-provvista alimentari u l-promozzjoni ta' relazzjonijiet sostenibbli u msejsa fuq is-suq bejn il-partijiet interessati għandhom il-potenzjal li jiffaċilitaw l-irkupru Ewropew u għandhom għalhekk jitwettqu bi prijorità qabel tmiem l-2010. L-inizjattivi l-oħra jindirizzaw il-kwistjonijiet strutturali tal-katina, bl-għan li jtejbu l-integrazzjoni u l-kompetittività fit-terminu itwal ta' żmien. Dawn se jkunu kkomplementati bi propożizzjonijiet biex isaħħu l-kompetittività tas-settur tal-bejgħ bl-imnut fl-Ewropa fil-Komunikazzjoni li jmiss dwar l-eżerċizzju ta' Monitoraġġ tas-Suq tal-Bejgħ bl-Imnut.
Il-Kummissjoni se tippubblika rapport sa Novembru 2010 dwar is-segwitu tal-azzjonijiet proposti, fuq il-bażi ta’ diskussjonijiet għaddejjin bħalissa mal-istituzzjonijiet tal-UE u mal-partijiet interessati rilevanti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni qed tippjana li twessa’ l-ambitu u l-mandat tal-Grupp ta’ Livell Għoli eżistenti għall-Kompetittività tal-Industrija Agro-Alimentari, kif ukoll is-sħubija tiegħu.
5. Konklużjoni
Iż-żieda u t-tnaqqis rapidi fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u d-dewmien fl-impatt ta’ dan fuq il-prezzijiet tal-ikel qajjem tħassib fost il-partijiet interessati u dawk li jfasslu l-politika fir-rigward tat-tħaddim tal-katina tal-provvista alimentari. L-eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-suq imwettaq tul dawn l-aħħar sentejn wera li dan it-tħassib huwa ġġustifikat. In-nuqqas ta’ trasparenza fis-suq, l-inugwaljanzi fis-setgħa tan-negozjar u l-prattiki li jmorru kontra l-kompetizzjoni wasslu għal tfixkil fis-suq b'effetti negattivi fuq il-kompetittività tal-katina tal-provvista alimentari b' mod ġenerali. Bl-istess mod, ir-riġiditajiet fil-prezzijiet affettwaw b’mod negattiv il-kapaċità ta’ aġġustament u ta’ innovazzjoni tal-industriji kollha tul il-katina tal-provvista.
Meta wieħed iħares ' il quddiem, ma għandhiex tkun sorpriża jekk il-prezzijiet tal-prodotti agrikoli jiżdiedu għal darb’oħra b’mod rapidu hekk kif id-dinja tkun qed tirkupra mill-kriżi tagħha. Jekk it-tħaddim ħażin tas-swieq identifikat mhux se jiġi indirizzat dalwaqt, hemm ir-riskju li l-prezzijiet tal-ikel għall-konsumaturi jiżdiedu b’mod sproporzjonat, bil-konsegwenza li jwassal għal waqgħa fil-kapaċità tal-akkwist u l-fiduċja tal-konsumatur, u possibbilment jittardja l-irkupru emerġenti tal-ekonomija Ewropea. Huwa għalhekk ta’ importanza kbira ħafna il jkun hemm viġilanza kontinwa għall-identifikazzjoni u t-tneħħija tat-tfixkil fis-suq li kkontribwixxa għall-asimetriji osservati fit-trażmissjoni tal-prezzijiet tul il-katina tal-provvista alimentari.
[1] Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar “L-implimentazzjoni tal-metodoloġija l-ġdida għall-monitoraġġ tas-suq tal-prodotti u tas-setturi” SEC(2007) 1517, mehmuż mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Suq Uniku għas-Seklu 21 fl-Ewropa" – COM(2007) 724.
[2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Il-prezzijiet tal-Ikel fl-Ewropa" – COM(2008) 821 u d-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuża magħha.
[3] L-analiżi teknika li fuqha hija msejsa din il-Komunikazzjoni hija ppubblikata f’sensiela ta’ sitt Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuża.
[4] L-żviluppi fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli huma deskritti fid-dettall fil-Komunikazzjoni 2008 dwar “Il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa”.
[5] Il-prodotti agrigoli mhux proċessati jirrappreżentaw sehem dejjem jonqos fil-prezz tal-konsumaturi tal-prodotti tal-ikel.
[6] Il-tkabbir medju tal-valur miżjud tas-setturi tal-katina tal-provvista alimentari kien 2 % inqas għal kull sena mit-tkabbir medju fl-UE mill-1995 'l hawn.
[7] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Il-Prezzijiet tal-Ikel fl-Ewropa" – COM(2008) 821.
[8] Għandha tinġibed l-attenzjoni li l-impatt fuq ir-relazzjonijiet vertikali bejn l-operaturi fil-katina tal-kompetizzjoni jaqa' taħt l-ambitu ta' regoli eżistenti applikabbli għal ftehimiet vertikali - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta’ Diċembru 1999 u l-Linjigwida tal-Kummissjoni assoċjati dwar Restrizzjonijiet Vertikali, li bħalissa qed issirilhom reviżjoni.
[9] Disponibbli fuq http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/hicp/data/database
[10] It-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur, it-Tieni Edizzjoni, 2009.
[11] Kif spjegat f’COM(2009) 563 dwar “Niżguraw swieq tad-derivattivi sikuri u soda: azzjonijiet politiċi futuri”.
[12] Limiti ta’ pożizzjoniijet spekulattivi huma limiti fl-għadd ta’ kuntratti miftuħa tal-prodotti derivattivi li l-kategoriji speċifiċi tal-kummerċjanti jistgħu jżommu.
[13] Il-ġabra tal-prezzijiet immexxija mill-Eurostat għat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi u l-biċċa għodda li tissorvelja l-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa.
[14] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi – COM(2008) 40.
[15] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli” – COM(2009) 234 finali.
[16] Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/359/KE tat-28 ta' April 2008.
[17] Ir-rapport finali, r-rakkomandazzjonijiet u l-pjan tal-inizjattivi ewlenin huma disponibbli fuq:http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/food/competitiveness/high-level-group/documentation/
[18] Dawn il-kwistjonijiet se jiġu żviluppati aktar fil-Komunikazzjoni li jmiss dwar l-eżerċizzju ta’ Monitoraġġ tas-Suq tal-Bejgħ bl-Imnut.
| Fuq |