52009DC0442


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel

/* KUMM/2009/0442 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.9.2009

KUMM(2009) 442 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Il-progress miksub 3

2.1. It-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas 3

2.2. Ngħinu biex it-teħid ta' prodotti u servizzi innovattivi fis-suq jiżdied u jsir aktar malajr 4

2.3. It-twaqqif ta' sinerġiji 4

2.4. Iż-żieda tal-appoġġ finanzjarju għar-riċerka u l-innovazzjoni 4

3. Lezzjonijiet li ta' min jitgħallem u sfidi li ta' min jikkontrolla 5

4. Konklużjoni 6

Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel

1. INTRODUZZJONI

'L-innovazzjoni hija l-kapaċità li wieħed jieħu l-ideat ġodda u jittrasformahom f'riżultati kummerċjali permezz ta' proċessi, prodotti jew servizzi ġodda b'tali mod li dawn ikunu aqwa u aktar effiċjenti minn dawk tal-kompetituri' [1] .

L-innovazzjoni ma tistax tkun organizzata b'digriet. Din tiġi min-nies, u n-nies biss – ix-xjentisti, ir-riċerkaturi, l-intraprendituri u l-impjegati tagħhom, l-investituri, il-kunsumaturi u l-awtoritajiet pubbliċi – jistgħu jagħmlu l-Ewropa aktar innovattiva. Iżda dawn ma joperawx fl-ispazju. Dawn jaġixxu b'attitudni u f'qafas li jew ma jinkoraġġihomx jew jinċitahom jesploraw territorji ġodda.

L-innovazzjoni hija prekondizzjoni għall-ħolqien ta' ekonomija msejsa fuq l-għarfien u fuq l-użu ekonomiku tal-karbonju. Li nitgħallmu niggwidaw din it-trasformazzjoni, u li niksbu miri soċjali usa’ b’mod sostenibbli fost id-diffikultajiet tat-tibdil demografiku, l-isfida tat-tibdil tal-klima, ir-riżorsi skarsi u t-theddid ġdid lis-sigurtà huwa kruċjali biex nibqgħu kompetittivi f’dinja globalizzata.

L-innovazzjoni tippermetti li l-industriji Ewropej ikunu fost dawk ewlenin fil-katina globali tal-valur, filwaqt li tpoġġi lill-Ewropa fuq quddiem fl-użu ta’ prodotti u teknoloġiji li jużaw l-enerġija u r-riżorsi b’mod effiċjenti u tarmana bil-mezzi meħtieġa għal azzjoni globali. Barra minn dan, huwa biss f'ambjent li jappoġġja l-innovazzjoni li l-isforzi tal-R&D jistgħu jagħtu riżultati ta’ rebħ reali.

Huwa għalhekk li s-Sħubija l-ġdida ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi poġġiet l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fuq quddiem u sejħet għall-azzjoni deċiżiva u aktar koerenti mingħand il-Komunità u mingħand l-Istati Membri. Fuq din il-bażi, tnediet politika Ewropea ambizzjuża dwar l-innovazzjoni u u sar ftehim dwar l-Att għan-Negozji ż-Żgħar (SBA - Small Business Act)[2]. Bis-saħħa ta' dan l-approċċ ta' sħubija, illum jista' jkun irrappurtat il-progress. Kważi l-Istati Membri kollha tejbu l-prestazzjoni tagħhom fir-rigward tal-innovazzjoni. Il-qabża fl-innovazzjoni bejn l-UE u l-kompetituri ewlenin tagħha, l-Istati Uniti u l-Ġappun, ċkienet.

Hekk kif ħerġin kompetituri ġodda u qegħdin jikbru l-isfidi, l-UE trid mhux biss issostni din it-tendenza pożittiva, iżda ttejjibha. Filwaqt li minħabba l-kriżi ekonomika hemm ir-riskju li r-riżorsi disponibbli jonqsu, mir-riċessjonijiet ta’ qabel, bħall-każ tal-Finlandja, nafu li nistgħu nqiegħdu bħala prijoritajiet ir-riċerka u l-innovazzjoni u dan il-pass jista’ jkun ta’ importanza kbira fl-akkwist tal-irkupru ekonomiku.

L-għan ta' din il-komunikazzjoni huwa li tidentifika n-nuqqasijiet li fadal u li tipproponi orjentazzjonijiet politiċi kif dawn jistgħu jkunu indirizzati.

2. IL-PROGRESS MIKSUB

2.1. It-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ qafas

Immexxija mis-Sħubija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi, mill-2005 l-UE ħadmet biex ittejjeb il-kundizzjonijiet ta' qafas għall-innovazzjoni. L-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom ġew inkoraġġuti u megħjuna (partikolarment permezz tal-politika tal-koeżjoni) biex itejbu l-poloitiki tagħhom tal-innovazzjoni billi jimplimentaw strateġiji għall-innovazzjoni nazzjonali u reġjonali u billi jiżviluppaw mezzi ta' evalwazzjoni.

Fuq livell Komunitarju, l-aċċess għas-suq uniku sar aktar faċli, id-disponibilità ta' inputs li huma effettivi fl-infiq tjiebet, trawmu l-politiki favur il-kompetizzjoni, u l-kundizzjonijiet għall-intraprenditorija u għat-tkabbir ta' impriżi ġodda ssaħħu. Il-Kummissjoni sejħet għall-politiki integrati ta’ flessigurtà li jimmodernizzaw is-swieq tax-xogħol u stiednet lill-Istati Membri jpoġġu l-edukazzjoni u l-ħiliet fuq quddiem tal-aġenda tagħhom. Bl- SBA , l-UE u l-Istati Membri ħadu impenn li jibdlu l-UE f'post fejn l-intraprendituri u l-IŻM jistgħu jimirħu. Barra minn dan, ġew stabbiliti sħubijiet ma' setturi industrijali prinċipali, li jiddefinixxu u jaqblu dwar il-kundizzjonijiet ta' qafas fuq medda twila ta' żmien għal bażi industrijali Ewropea kompetittiva.

It-tneħħija tal-ostakoli għat-tħaddim tajjeb tas- suq intern għall-prodotti u l-implimentazzjoni tad- Direttiva tas-Servizzi mill-Istati Membri , se jneħħu firxa sħiħa ta' ostakoli amministrattivi u legali għall-kummerċ. Bħala konsegwenza ta' dan, l-IŻM innovattivi se jkollhom aċċess aktar faċli għas-swieq u l-amministrazzjonijiet pubbliċi se jkunu mmodernizzati.

Sadattant, madwar l-UE huwa fatt magħruf u aċċettat li l-eċċellenza fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fit-taħriġ hija kundizzjoni li trid teżisti minn qabel għall-innovazzjoni. It-tagħlim matul il-ħajja sar prijorità politika, u r-riformi fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri huma mmirati biex iżidu l-investiment fil-kapital uman, jiffaċilitaw l-innovazzjoni u jippromwovu kultura aktar intraprenditorjali. L-azzjonijiet implimentati skont l-Istrateġija għall-Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda se jgħinu biex jiżguraw qbil aħjar bejn il-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq, biex il-bżonnijiet għall-ħiliet tal-individwi u tal-kumpaniji jkunu stmati u antiċipati aħjar u biex iġibu ’l quddiem titjib ġenerali fil-ħiliet tal-ħaddiema Ewropej. Il-Qafas Strateġiku aġġornat għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET 2020) jistipula aġenda politika komprensiva bħala appoġġ għar-riformi tal-Istati Membri fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE 'e-skills' tħeġġeġ it-titjib tal-ħiliet diġitali tal-ħaddiema Ewropej[3].

L-immodernizzar tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat ipprovda lill-Istati Membri b'politika pubblika effettiva għall-appoġġ tal-R&D u l-innovazzjoni. L-Istati Membri issa qegħdin f'pożizzjoni li jagħtu numru ta' tipi differenti ta' għajnuna mill-istat għall-innovazzjoni mingħajr ma jinnotifikaw il-miżuri individwali lill-Kummisjoni u b'piż amministrattiv baxx. Mill-immodernizzar tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat fl-2006, inħolqu strumenti ta' għajnuna ġodda fl-Istati Membri, inkluż 30 skema għall-kumpaniji ġodda u innovattivi. Il-Linjigwida Komunitarji għall-Għajnuna mill-Istat għall-Ħarsien Ambjentali, li ġew riveduti fl-2008, jistipulaw għall-possibbiltà ta’ għajnuna aktar intensiva għall-ekoinnovazzjoni[4]. Fis-snin riċenti, kien hemm ukoll tendenza fl-Istati Membri li s-sussidji u l-għotjiet relatati mal-R&D jkunu kkumplimentati bi skemi ta' inċentivi fiskali, liema fattur kellu impatt pożittiv fuq l-investimenti fl-R&D mill-privat. Il-Kummissjoni ffaċilitat it-tixrid ta' prassi tajba permezz ta' netwerk ta' esperti nazzjonali[5].

Fl-aħħar nett, l-aspetti mhux teknoloġiċi tal-proċess ta’ innovazzjoni, bħalma huma id-disinn u r-reklamar, dejjem tiżdied l-importanza tagħhom għat-tqegħid ta’ iżjed prodotti u servizzi innovattivi fis-suq. Minn dan l-aspett, l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni) naqqas il-prezz għall-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark Ewropea darbtejn fl-aħħar ħames snin. Ir-rata l-ġdida (40 % anqas minn dak li wieħed kien ikollu jħallas qabel) naqqset il-prezz biex wieħed jikseb protezzjoni permezz ta' trademark madwar l-UE kollha, għall-anqas livell fl-istorja. Il-medja taż-żmien meħtieġ biex jintemm il-proċess ta' reġistrazzjoni ġie ukoll imnaqqas b'50 %[6].

2.2. Ngħinu biex it-teħid ta' prodotti u servizzi innovattivi fis-suq jiżdied u jsir aktar malajr

L-UE rrikonoxxiet u użat ir-regolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni bħala għodod bis-setgħa li jipprovdu l-inċentivi xierqa u jistimulaw is-swieq għal prodotti u servizzi innovattivi.

Ir- regoli l-ġodda dwar l-emissjonijiet tal-karozzi jimmiraw li jistimulaw innovazzjoni sostanzjali fl-industrija Ewropea tal-karozzi u għandhom jirriżultaw f'karozzi aktar nodfa u għal but kulħadd - innovazzjonijiet li għandhom jgħinu lil din l-industrija biex tibqa' kompetittiva fuq livell globali. Id- Direttiva (ETS) dwar l-Iskema tal-Iskambju ta' Kwoti ta' Emissjonijiet (ETS - Emission Trading Scheme) se tistimola l-innovazzjoni fil-produzzjoni tal-enerġija rinovabbli u tinkoraġġixxi l-kostruzzjoni ta' power stations li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent, inklużi t-teknoloġiji ġodda għaż-żamma u l-ħżin tal-karbonju ( CCS - carbon capture and storage). Il- Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija jgħin biex jitħaffef l-iżvilupp ta’ teknoloġiji għall-użu ta’ inqas karbonju li huma ta’ ħtieġa kbira fil-kisba tal-għanijiet “20-20-20” sal-2020. Id-leġiżlazzjoni REACH u dik dwar il- kożmetiċi jipprovdu inċentivi kbar għall-innovazzjoni f'sustanzi alternattivi. Il- Pjan ta' Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli [7] jipproponi qafas legali armonizzat u integrat biex jinkoraġġixxu l-mixja tal-innovazzjoni lejn prodotti li jużaw l-enerġija b’mod iżjed effiċjenti u li jagħmlu mill-inqas ħsara lill-ambjent. Fejn l-industrija tonqos milli twaqqaf miri ambizzjużi, id-Direttiva tal-EkoDisinn riveduta tipprovdi bażi legali għall-promozzjoni tal-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jirrispettaw aktar l-ambjent mill-aspett tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif ukoll f’dak tar-riżorsi. Dan jinkludi l-użu ta' inċentivi xierqa, xiri pubbliku u tikkettjar tal-prodotti li jiżguraw li d-domanda ssostni din il-politika.

Il- politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni [8] evolviet biex tappoġġja l-innovazzjoni, b'impenn akbar lejn proċess ta' twaqqif ta' standards li huwa ggwidat mis-suq miftuħ, u dan jinkludi proċess ta' approvazzjoni kollaborattiv ibbażat fuq il-kunsens immirat lejn l-iżvilupp ta' standards domestiċi u internazzjonali, u għall-użu volontarju ta' standards, l-inklużjoni ta' għarfien ġdid fl-istandards u aċċess aħjar għall-proċessi ta' twaqqif ta' standards, l-aktar għall-IŻM. Pereżempju, l-IŻM issa jiffurmaw 27 % tal-membri tal-ETSI u għandhom il-vantaġġ ta' tariffi mnaqqsa.

Barra minn hekk, id- domanda tista’ timbotta l-innovazzjoni ’l quddiem billi tistimola lill-innovaturi li jissodisfaw ħtiġijiet ġodda u avvanzati. F’dan il-kuntest, ir-regoli preżenti tal-UE dwar ix-xiri pubbliku biex isostnu l-innovazzjoni għandhom potenzjal kbir li jista’ jiġi eżaminat iżjed fil-fond[9].

Fl-aħħar nett, l-Inizjattiva tas-Suq Prinċipali (LMI - Lead Market Initiative), imnedija fl-2008, identifikat is-swieq għal prodotti u servizzi innovattivi fejn l-innovazzjoni hija bżonnjuża u possibbli u fejn l-użu aktar iffukat tal-istrumenti msemmija hawn fuq, li jiffavorixxu t-tqegħid imħaffef fis-suq ta' prodotti ġodda, jista' jagħmel differenza reali (prodotti bio, eHealth, kostruzzjoni sostenibbli, tessili ta' protezzjoni, riċiklaġġ u enerġija rinnovabbli).

2.3. It-twaqqif ta' sinerġiji

L-iżvilupp taż- Żona Ewropea ta' Riċerka (ERA - European Research Area) mill-2000 'l hawn wassal għal diversi inizjattivi li jinkoraġġixxu sistema ta' riċerka u innovazzjoni aktar koerenti fl-Ewropa. Inizjattivi politiki riċenti għandhom l-għan li joħolqu suq intern tal-għarfien billi jappoġġaw il-mobilità tar-riċerkaturi, l-aċċess, iċ-ċirkolazzjoni, it-trasferiment u l-użu tal-għarfien u t-teknoloġiji (‛il-ħames libertà’). Biex, partikolarment, tegħleb il-problema ta’ nuqqas relattiv ta’ użu tar-riżultati tar-riċerka fl-Ewropa, il-Kummissjoni pproponiet linjigwida volontarji biex jittejbu l-kollaborazzjoni fir-riċerka u t-trasferiment tal-għarfien bejn ir-riċerka pubblika u l-industrija[10]. Iż-żieda fil-livelli ta' koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tipprovdi qafas aktar effettiv għall-qsim tar-riżorsi għal infrastrutturi ġodda fir-riċerka u għal programmi tar-riċerka strateġiċi konġunti li jiffokaw fuq l-isfidi ewlenin tas-soċjetà, u ħarsien aħjar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, flimkien ma' qafas strateġiku Ewropew ġdid għall-kooperazzjoni internazzjonali fix-xjenza u fit-teknoloġija[11].

Il-kollaborazzjoni fir-riċerka u fl-innovazzjoni ssaħħet. Fis-snin riċenti, twaqqfu sħubijiet pubbliċi-privati[12] f'diversi oqsma permezz ta' strumenti u bażijiet legali differenti. Ħames Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTI - Joint Technology Initiatives) ġew imwaqqfa, kull waħda bħala entità legali indipendenti b'allokazzjonijiet ta' baġit sostanzjali mis-Seba' Programm ta' Qafas[13]. Apparti dan, skont il-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku qed ikunu mnedija sħubijiet pubbliċi-privati għal karozzi li jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent, bini li juża l-enerġija b'mod aktar effiċjenti u ‘fabbriki tal-futur’.

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT - European Institute of Innovation and Technology) inħoloq biex jistimula u jipproduċi innovazzjoni ta' klassi dinjija billi jġib flimkien l-edukazzjoni ogħla, ir-riċerka u l-kummerċ f’għan għan komuni. Se jiġu mwaqqfa komunitajiet tal-għarfien u l-innovazzjoni dalwaqt biex jindirizzaw l-isfidi prinċipali tas-soċjetà bħall-mitigazzjoni u l-adattament għall-bdil fil-klima, l-enerġija sostenibbli u l-futur tas-soċjetà tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni għenet biex isaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn atturi differenti tal-innovazzjoni u appoġġjat it-tagħlim reċiproku mill-politika bejn dawk li jfasslu l-politika u l-korpi pubbliċi ta' appoġġ għall-innovazzjoni fuq livelli differenti. B'mod partikolari, twaqqaf qafas ta' politika tal-UE biex iżid il-livell ta' eċċellenza tar- raggruppamenti [14] fl-Istati Membri tal-UE u biex ikun hemm promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn ir-raggruppamenti bħala mod kif titjieb il-kapaċità innovattiva u biex tissaħħaħ il-pożizzjoni fis-swieq dinjija.

2.4. Iż-żieda tal-appoġġ finanzjarju għar-riċerka u l-innovazzjoni

Il-politiki u l-programmi Ewropej tar-riċerka ġew imsaħħin biex isostnu b’mod aħjar l-innovazzjoni. Is-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka , bil-baġit tiegħu ta' EUR 54 biljun għall-perjodu 2007-2013, miżjud b'mod sostanzjali , jappoġġja r-riċerka li hi kummerċjalment rilevanti, b'mod partikolari permezz ta' Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti u l-parteċipazzjoni f'inizjattivi konġunti ta' riċerka mwaqqfa mill-Istati Membri. L-attivitajiet ta' skambju tal-għarfien u tal-appoġġ għall-mobilità, il-kooperazzjoni u l-infrastrutturi internazzjonali għandhom ukoll rilevanza qawwija għall-innovazzjoni. Il-Kummissjoni qed tiffaċilita wkoll il-koordinazzjoni tar-riċerka fis-settur privat permezz tal-Pjattaformi Ewropej għat-Teknoloġija. Żdiedet ir-riċerka tal-UE f'oqsma prinċipali bħall-ICT, is-saħħa, is-sigurtà, u x-xjenzi tal-ispazju u tal-baħar. Filwaqt li t-titjib tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-IŻM fil-programmi tar-riċerka huwa ħidma dejjiema, il-Programm ta' Qafas jipprovdi skemi speċifiċi għall-IŻM, kemm skemi ta' riċerka intensiva kif ukoll dawk ta' kapaċità aktar limitata fir-riċerka. Twaqqfet Faċilità ġdida ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji (FFKR) flimkien mal-BEI (Bank Ewropew tal-Investiment) biex jingħata s-self lill-entitajiet pubbliċi u privati għall-proġetti R&D (Riċerka u Żvilupp) ta' riskju ogħli.

Il-Politika ta’ Koeżjoni qiegħda toffri sors ta' finanzjament tal-innovazzjoni li huwa stabbli u strateġikament immirat, u dan żdied bil-qawwa sa 25 % tal-baġit ġenerali fil-perjodu ta’ bejn l-2007 u l-2013 meta kkomparat mal-11 % ta’ bejn l-2000 u l-2006. Madwar EUR 86 biljun f'aktar minn 380 mill-455 programm operattiv tal-Fondi Strutturali għall-iżvilupp reġjonali ġew irriservati għall-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Skont il- politika tal-iżvilupp rurali tal-UE jingħataw xi EUR 337 miljun għas-sostenn tal-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-setturi tal-agrikoltura, tal-ikel u tal-forestrija, b’fondi addizzjonali mill-programm Leader. Se jkunu mqawwa aktar l-investimenti fl-infrastruttura tal-frekwenza wiesgħa u se jkunu msostnija proġetti oħra innovattivi fiż-żoni rurali wara l-Verifika tas-Saħħa tal-Politika Agrikola Komuni u bħala parti mill-Pakkett ta’ Rkupru tal-UE.

Fil- Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) , l-UE għandha programm speċifiku ddedikat għall-IŻM u l-innovazzjoni barra l-Programm ta' Qafas għar-Riċerka b'baġit annwali medju ta' EUR 225 miljun għall-perjodu 2007-2013. Saret allokazzjoni ta' ammont speċifiku għat-teħid ta' teknoloġiji ambjentali, b'mod partikolari permezz ta' koinvestiment f'fondi kapitali ta' riskju li jipprovdu ekwità għall-impriżi li jinvestu fl-ekoinnovazzjoni. Dawn l-istrumenti ta' kapital spekulattiv jgħinu lill-IŻM biex ikollhom aċċess għall-iffinanzjar tal-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni għenet ukoll lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex ikomplu jibnu fuq is-sinerġiji fost l-istrumenti ewlenin tal-UE għall-provvediment tal-fondi għall-innovazzjoni - l-FP7 (is-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku), is-CIP (Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni) u l-Politika ta’ Koeżjoni[15].

3. LEZZJONIJIET LI TA' MIN JITGħALLEM U SFIDI LI TA' MIN JIKKONTROLLA

It-Tabella tal-Innovazzjoni[16] turi biċ-ċar li l-Ewropa diġà hija kontinent bi wħud mill-aktar pajjiżi u reġjuni innovattivi madwar id-dinja. Meta wieħed janalizza x'għandhom komuni dawn il-pajjiżi u reġjuni, wieħed isib ugwaljanzi sorprendenti. Dawn spiss qed jonfqu aktar min-norma għall-edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja, għandhom l-akbar proporzjon ta' nfiq fl-R&D fil-PGD u għandhom strumenti li jappoġġjaw it-teħid ta' teknoloġiji u prodotti ġodda fis-settur pubbliku u dak privat. L-esperjenza turi wkoll li dawn il-pajjiżi huma ppreparati aħjar biex jagħmlu użu mill-iskambju ta' prassi tajba u biex jitgħallmu mill-oħrajn. L-istess jgħodd għall-kumpaniji: mhuwiex neċessarjament l-infiq assolut fl-R&D li għandu x'jaqsam; hija l-klima ta’ innovazzjoni fi ħdan intrapriża li tagħmel differenza fil-kompetittività.[17] L-isfida tal-lum hija li nirreplikaw dawn is-suċċessi fl-UE kollha.

Fil-fatt, minkejja l-isforzi kemm fuq livell tal-UE u dak tal-Istati Membri, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija għadhom mhumiex rikonoxxuti biżejjed bħala valuri kullimkien fl-UE, filwaqt li l-fallimenti li dawn kultant jimplikaw qed ikomplu jintużaw bħala malafama. It-teknoloġiji ġodda huma spiss milqugħa b'xettiċiżmu, u d-dibattitu pubbliku għandu t-tendenza jnaqqas l-importanza vera tal-għarfien u l-evidenza xjentifiċi u spiss jibqa' ffukat fuq tħassib u theddid potenzjali għas-saħħa pubblika u l-ambjent.

Fl-istess ħin, l-Ewropej huma dejjem aktar kuxjenzjużi mill-bżonn li l-isfidi globali l-ġodda jkunu affaċċjati, bħas-sigurtà, il-bdil fil-klima u l-bżonn għal aktar ġustizzja soċjali fuq skala globali. Dan huwa vantaġġ, jekk akkumpanjat minn ftehim aħjar tal-bżonn li wieħed jivvinta, jinnova u juża teknoloġiji ġodda bien jindirizza dawn l-isfidi. F'dan il-kuntest, huwa inevitabbli li l-bidla demografika fl-Unjoni Ewropea se jkollha effetti qawwija fuq il-karatterisitiċi politiċi, kulturali, soċjali u ekonomiċi tas-soċjetajiet tagħna. Popolazzjoni li qiegħda tixjieħ, filwaqt li tqajjem bidla fid-domanda, tista' wkoll tħares lejn il-kunċett tal-innovazzjoni minn perspettiva differenti, forsi b’aktar eżitazzjoni. Se jkun importanti ħafna li din il-kwistjoni tkun indirizzata fi stadju aktar bikri u li jkun żgurat li l-atitudni tas-soċjetà tibqa' favorevoli lejn l-innovazzjoni. Jekk dan ma jiġrix, minkejja d-diversi riżorsi umani u l-għarfien li għandha, l-UE qed tirriskja li tkun imwarrba mill-kompetituri tagħha u li ma tilħaqx il-livell ta' eċċellenza li hemm bżonn biex wieħed jiżgura livelli ta' għixien għoljin. Biex dan ikun evitat, l-innovazzjoni trid tkun aċċettata u rikonoxxuta bħala l-mod kif il-miri politiċi strateġiċi tal-UE jistgħu jkunu miksuba.

Il-muturi prinċipali tal-inovazzjoni huma l-intraprendituri. Dan jissuġġerixxi l-ħtieġa tal-inkoraġġiment ta' qafas politiku u regolatorju li jippromwovi l-industriji globalment kompetittivi fl-UE u li jippremja l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni kemm tal-prodotti kif ukoll tal-proċessi, inklużi forom innovattivi tal-organizzazzjoni tax-xogħol. L-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest. Filwaqt li l-leġiżlazzjoni moderna, l-awtoregolamentazzjoni u r-responsabbiltà soċjali korporattiva huma fuq quddiem f'dawn l-isforzi, jibqa' importanti li wieħed jeżamina mill-qrib ir-regolamenti ġodda u li jiżgura li dawn ma joħolqux xi żidiet mhux neċessarji fil-piżijiet fuq l-industrija jew li ma jaġixxux kontra l-innovazzjoni, u li dawn jippromwovu b’mod wiesa' s-swieq globali miftuħa u ġusti.

Ir-rwol li jistgħu jieħdu l-awtoritajiet pubbliċi fl-innovazzjoni għandu jiġi rikonoxxut u żviluppat. Il-monitoraġġ tal-politiki innovattivi tal-Istati Membri[18] juri biċ-ċar tendenzi ta’ twessigħ fl-ambitu tal-istrateġiji għall-innovazzjoni u xaqlib lejn miżuri b’għanijiet soċjali usa’. Minkejja dawn l-isforzi, jidher li l-potenzjal għall-użu tal-kapaċità tal-akkwist pubbliku bħala mutur tal-innovazzjoni mhuwiex qed jintuża bis-sħiħ. Minħabba l-limitazzjonijiet prevedibbli fil-baġit, il-fatt li s-servizzi pubbliċi jista' jkollhom jagħtu l-istess livell ta' servizzi jew livelli aħjar b'anqas riżorsi jrid isir mutur b'saħħtu tal-innovazzjoni. Teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari fl-ICT, jistgħu jgħinu wkoll biex titjieb il-kwalità, l-effiċjenza u r-reazzjoni tal-provvista tas-servizzi pubbliċi.

L-innovazzjoni teħtieġ ukoll investituri li huma lesti li jieħdu r-riskji u li jħarsu iżjed ’il quddiem mill-profitti ta’ malajr.

Fl-aħħar nett, il-kompetittività tal-industriji Ewropej u l-kapaċitajiet tagħhom għall-innovazzjoni jiddependu b’mod partikolari fuq l-għarfien u l-aċċess għat-teknoloġiji ewlenin li jiftħu l-possibbiltajiet, u huma assoċjati ma' intensità għolja ta’ Riċerka u Żvilupp, ma’ ċikli ta' innovazzjoni rapida, ma’ spiża kapitali għolja, u ma’ impjegati ta’ ħiliet żviluppati. L-ambitu, id-daqs u l-livell tal-kumplessita relatata mal-iżvilupp u l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji jitolbu l-kunsens dwarhom fost l-atturi kollha, barra minn kooperazzjoni iżjed qawwija u approċċ strateġiku, mhux biss fuq livell Ewropew iżda wkoll min-naħa tal-Istati Membri u r-Reġjuni, biex b’hekk jiġu kkoltivati sħubiji iżjed b’saħħithom bejn il-komunitajiet tar-riċerka u l-industrija[19].

It-tneħħija tal-limitazzjonijiet kritiċi fil-kundizzjonijiet ta' qafas għall-intraprendituri

Minkejja t-titjib[20], is-sistema tal-innovazzjoni tal-UE għad għandha n-nuqqasijiet li jinfluwenzaw ħażin ’il-qligħ tas-suq u l-inċentivi għall-investiment privat fl-innovazzjoni li, bħala konsegwenza ta’ dan għadu iżjed baxx minn dak tal-kompetituri ewlenin tagħna: is-suq waħdieni jeħtieġ li jitkompla f’numru ta’ oqsma, il-qafas legali għall-ħarsien tal-proprjetà intellettwali għadu mhux lest, is-suq tal-kapital spekulattiv huwa maqsum u l-livell ta’ finanzjament ta' sehem ikkontribwit mill-azzjonisti qiegħed baxx, il-proċess ta’ standardizzazzjoni għadu mhuwiex issinkronizzat biżżejjed mar-riżultati tar-riċerka u mal-ħtiġijiet tas-suq, il-ħolqa tal-għarfien bejn l-intrapriża, l-edukazzjoni u r-riċerka fadlilha tiġi msaħħa, u l-UE għad għandha nuqqas ta’ infrastruttura ta’ ħtieġa ewlenijia li tiffaċilita l-innovazzjoni. Minkejja l-progress li nkiseb diġà, l-isforzi biex tiżdied il-kapaċità tas-sistemi edukattivi tal-UE biex jikkontribwixxu lejn soċjetà innovattiva u żvelta msejsa fuq l-għarfien iridu jkomplu.

Qafas legali adegwat għall-ħarsien xieraq tal-għarfien huwa kundizzjoni li trid teżisti għal soċjetà innovattiva. Fil-qasam tad- Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali , fost l-oħrajn fin-nuqqas ta' brevett Komunitarju, l-UE għadha mhix qed tipprovdi kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp u t-tixrid tal-innovazzjoni fl-Ewropa. Is-sistema Ewropea tal-brevetti tiswa l-flus, hija frammentata u hija ta' diżinċentiv għall-innovazzjoni meta mqabbla mal-Istati Uniti jew mal-Ġappun[21]. Id-differenza fl-ispiża tal-ibbrevettar meta mqabbla ma' dawn il-pajjiżi hija sinifikanti u mhijiex qed titnaqqas. Iż-żmien biex tinbidel din is-sitwazzjoni ilu li sar.

L-isforzi tal-Kummissjoni dwar politika dwar il-copyright kienu mmirati biex jiżviluppaw aktar is-suq transkonfinali emerġenti tal-UE għat-tixrid tal-għarfien. L-iżvilupp ta' prodotti, servizzi u mudelli kummerċjali diġitali ġodda, li joperaw f'suq miftuħ, jeħtieġu qafas legali ta' appoġġ u prevedibbli.

Jeħtieġ li nirrikonoxxu aktar il-piż tas-servizzi bħala karatteristika tal-pajjiżi moderni industrijalizzati, u wkoll il-potenzjal tagħhom għall-innovazzjoni għall-ekonomija u s-soċjetà ġenerali. Biex l-innovazzjoni tas-servizzi ssir aktar popolari, hemm bżonn ta' żieda fil-livell ta' kunfidenza fis-servizzi ġodda u tibdil fl-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni skont il-bżonnijiet speċifiċi ta' dawn is-servizzi. L-innovazzjoni teħtieġ ukoll it-tlestija ta’ infrastrutturi essenzjali (bħan-netwerks tal-frekwenza wiesgħa u tal-elettriku) u l-esplorazzjoni tal-potenzjal tagħhom b’servizzi u użi ġodda. Ta' min jinnota, li hemm bżonn ta' sforzi ulterjuri għall-promozzjoni ta' e-skills u l-użu tal-ICT għal ekonomija sostenibbli u biex l-isfidi dwar il-futur tal-internet ikunu indirizzati, bħas-'software bħala servizz' u 'cloud computing'

Minkejja l-isforzi sinifikanti[22], il-progress lejn titjib tal-kompetittività internazzjonali u l-prestazzjoni tas-settur Ewropew tal-kapital spekulattiv – fornitur prinċipali ta' ffinanzjar għall-innovazzjoni – kien żgħir. Id-defiċjenzi strutturali tas-suq finanzjarju Ewropej fl-istadji bikrija jippersistu, inkluż l-assenza ta' investituri privati, il-frammentazzjoni tas-suq u l-qligħ baxx. Ir-riċessjoni ekonomika qed tagħmel il-ġbir ta' finanzi u l-ambjent ta' ħruġ aktar diffiċli.

It-titjib tal-kontroll tas-sistema tal-UE tal-innovazzjoni

Filwaqt li l-Komunità ħadet numru ta' inizjattivi, is-sinerġiji li hemm bżonn bejn il-politiki u l-istrumenti fuq livelli differenti għadhom ma nħolqux madwar l-Unjoni Ewropea. Il-bidu relattivament kawtel tal-Inizjattiva tas-Suq Prinċipali mnedija riċentement huwa eżempju ta' dan.

Il-koordinazzjoni tal-politiki bħala appoġġ għall-innovazzjoni fuq livell reġjonali, nazzjonali u dak tal-UE għandha bżonn titjieb b'mod sinifikanti u hemm bżonn ta' sistema ta' kontroll aħjar, ibbażata fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà, iżda li tikkapitalizza iżjed fuq il-valur miżjud ta' twaqqif ta' għanijiet komuni, il-qbil dwar azzjonijiet komuni u l-iskambju tal-aħjar prassi fost l-Istati Membri. Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u b'mod partikolari l-iskambju tal-aħjar prassi mal-Istati Uniti tal-Amerika għandhom ikunu mtejba b'mod sostanzjali.

Il-livell ta' ffinanzjar bħala appoġġ ċentralizzat għall-innovazzjoni fuq il-livell tal-UE baqa' limitat kemm fir-rigward tal-baġit tal-UE u anke meta mqabbel ma' ħafna baġits nazzjonali, u jirrappreżenta proporzjon iżgħar mill-5 % tan-nefqa fir-riċerka pubblika tal-Programm ta' Qafas għar-Riċerka. Anki t-total tas-EUR 67 miljun li huma disponibbli fl-2009 biex jistimulaw it-teħid fis-suq tal-ekoinnovazzjoni biex jieħdu ħsieb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u t-tibdil fil-klima jidher li huma ftit meta wieħed iqis l-importanza ta’ dawn l-isfidi. Min-naħa l-oħra, iż-żieda fis-seħem tal-investiment li ġiet allokata għall-innovazzjoni skont il-Politika tal-Koeżjoni għandha rwol importanti fit-tkabbir tal-kapaċità għar-riċerka u l-innovazzjoni fir-reġjuni ta' “konverġenza”.

Min-naħa l-oħra, madankollu, ma hemm l-ebda nuqqas ta' programmi ta' appoġġ għall-innovazzjoni fl-UE f'termini ta' numri. Il-problema hija n-nuqqas ta' massa kritika u koerenza. Illum, l-appoġġ għall-innovazzjoni jinvolvi seba' servizzi differenti tal-Kummissjoni, diversi aġenziji, u 20 kumitat b'rappreżentanti mill-Istati Membri. Konsultazzjoni pubblika riċenti dwar l-effettività tal-appoġġ pubbliku għall-innovazzjoni tissuġġerixxi li hemm differenza bejn dak li l-kumpaniji jistennew u dak li l-iskemi ta' appoġġ għall-innovazzjoni jagħtu jew il-mod kif jagħtuh. Il-maġġoranza l-kbira tal-kumpaniji jsejħu għal proċeduri li jistgħu jkunu implimentati aktar malajr, u 75 % tal-kumpaniji mistħarrġa jistennew simplifikazzjoni tar-regoli ta' parteċipazzjoni fi proġetti tal-UE. Fil-fatt, il-kumplessità tal-programmi ta' ffinanzjar Komunitarju żżid mal-ħafna skemi eżistenti fuq livell nazzjonali u reġjonali u tagħmel l-aċċess għall-iffinanzjar rilevanti aktar diffiċli. Dan jeħtieġ strutturi ċari u simplifikazzjoni sostanzjali tar-regoli ta' parteċipazzjoni għall-iffinanzjar kollu tal-innovazzjoni, irrispettivament mill-oriġini. Dan isaħħaħ is-sistema ġenerali tal-innovazzjoni u jippermetti użu aktar effiċjenti tal-fondi u l-istrumenti, u jiżgura parteċipazzjoni aħjar tal-IŻM.

4. KONKLUżJONI

L-analiżi tal-progress miksub fis-snin riċenti turi li l-UE bir-raġun identifikat l-innovazzjoni bħala l-forza ewlenija li tmexxina għar-risq fil-ġejjieni. B'danakollu, biex l-UE issir post ta' innovazzjoni ħajja teħtieġ l-attenzjoni kontinwa u użu aħjar tal-potenzjal tas-sħubija bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha permezz ta' ħidmiet iżjed iffokati u aktar ikkoordinati fil-livelli kollha.

Għalhekk, imsejjes fuq analiżi ta’ dak li s’issa nkiseb u fuq dak li għallmitna l-esperjenza, kif deher f’din il-Komunikazzjoni, u kif talabha tagħmel il-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni bi ħsiebha li, qabel ir-Rebbiegħa tal-2010 tistudja l-possibbiltà li tipproponi Att tal-Innovazzjoni Ewropew ġdid lill-Istati Membri li jkun fih il-kundizzjonijiet kollha għall-iżvilupp sostenibbli u jagħmel parti integrali u kruċjali tal-aġenda Ewropea futura għar-riforma.

[1] 'Noħolqu Qafas Innovattiv Ġdid', Science Progress, Richard Nedis & Ethan Byler, April 2009.

[2] COM(2005) 488 ikkonfermata mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28-29.11.2005 (http://ue.eu.int/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/intm/87210.pdf) u COM(2006) 502 ikkonfermata mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-04.12.2006 http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/intm/91989.pdf

[3] COM(2009)116 li tipproponi strateġija mġedda għall-innovazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) tal-ICT

[4] ĠU 2008/K 82/01

[5] Ara COM(2006) 728 finali.

[6] Fl-2008, l-OHIM rċieva aktar minn 87 000 applikazzjoni għal trademarks Komunitarji.

[7] COM (2008) 0397 finali.

[8] COM(2008) 133.

[9] http://www.proinno-europe.eu/doc/procurement_manuscript.pdf

[10] COM(2007) 182 finali – It-titjib tat-trasferiment tal-għarfien bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-industrija mal-Ewropa kollha: nilqgħu l-innovazzjoni fuq firxa wiegħsa – L-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ Liżbona

[11] Ara COM(2008) 588 finali.

[12] Ara COM(2009) yyy, dwar Il-mobilizzazzjoni tal-investiment pubbliku u privat bil-għan tal-irkupru, l-iżvilupp ta’ Sħubija bejn l-oqsma Pubbliċi u Privati.

[13] Mediċini Innovattivi (IMI) b'kontribuzzjoni Komunitarja ta' EUR 1 biljun; Sistemi Kompjuterizzati installati bħala parti minn xi ħaġa oħra (ARTEMIS) – EUR 420 miljun; Ajronawtika (Clean Sky) – EUR 800 miljun; Nanoelettronika (ENIAC) – EUR 450 miljun; u Fuel Cells & Hydrogen (FCH) – EUR 470 miljun.

[14] Ara COM(2008) 652 finali.

[15] COM(2007)474 tas-16 ta’ Awwissu 2007 – “Reġjuni Ewropej Kompetittivi permezz tar-Riċerka u l-Innovazzjoni – kontribut lejn it-tkabbir u ż-żieda u t-titjib tax-xogħol”.

[16] http://www.proinno-europe.eu/EIS2008/website/docs/EIS_2008_Final_report.pdf

[17] Ara ‘L-Innovazzjoni Globali 1000’, Booz Allen Hamilton, 2005.

[18] INNO - Ir-Rapport ta' Progress dwar it-Tendenza tal-Politika għall-Innovazzjoni Ewropea tal-2008.

[19] Il-Kummissjoni bi ħsiebha tippreżenta komunikazzjoni speċifika fl-2009 dwar l-orjentazzjonijiet politiċi futuri għat-teknoloġiji li jiftħu l-possibbiltajiet.

[20] Ara t-Tabella ta' Valutazzjoni Ewropea għall-Innovazzjoni tal-2008 fuq http://www.proinno-europe.eu/EIS2008/website/docs/EIS_2008_Final_report.pdf

[21] Ara B. Van Pottelsberghe, 2006 fuq http://www.solvay.edu/EN/Research/Bernheim/documents/wp06002.pdf

[22] Ara COM(2007) 853.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet