52009DC0324


Titolu u referenza

White paper - Il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE : it-Triq 'il Quddiem

/* KUMM/2009/0324 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 3.7.2009

COM(2009) 324 finali

WHITE PAPER

Il-Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE - It-Triq 'il Quddiem

WHITE PAPER

Il - Modernizzazzjoni tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE – It-Triq 'il Quddiem

1. KISBA TA' POLITIKA MODERNA DWAR L-ISTANDARDIZZAZZJONI TAL-ICT

It-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) hija protagonista ewlenija tal-kompetittività u tirrappreżenta wieħed mis-setturi industrijali ewlenin tas-seklu 21. Fl-2007 l-industrija Ewropea tal-ICT kellha fatturat ta' EUR 670 bn u kienet responsabbli għal aktar minn 5 % tal-impjiegi kollha fl-UE. L-ICT Ewropea teħtieġ kundizzjonijiet ta' qafas b'saħħtu biex tikkontribwixxi għat-tkabbir u għall-aġenda tal-impjiegi u f'dan il-kuntest l-istandardizzazzjoni għandha rwol importanti. Barra dan, peress li l-għodda tal-ICT huma użati fis-setturi ekonomiċi kollha, politika Ewropea effettiva tal-istandardizzazzjoni tal-ICT tista' tħeġġeġ adozzjoni aktar mgħaġġla ta' teknoloġiji u applikazzjonijiet ġodda u b'hekk tkun qed tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea globali.

L-istandardizzazzjoni hija kooperazzjoni volontarja fost l-industrija, il-konsumaturi, l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati l-oħra għall-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet tekniċi. L-industrija tuża standards biex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq – biex tappoġġja l-kompetittività tiegħu, biex tassigura l-aċċċettazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi jew biex iżżid l-interoperabilità. L-awtoritajiet pubbliċi jirreferu għall-istandards fil-leġiżlazzjoni, f'politiki u fi proċeduri ta' akkwist sabiex jiksbu l-għanijiet tas-soċjetà għal sikurezza, interoperabilità, aċċessibiltà, prestazzjoni ambjentali, eċċ. Filwaqt li l-industrija tista' tuża kwalunkwe standards, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom preferenza qawwija għal, jew anki obligazzjoni biex jużaw, standards li jirriżultaw minn proċessi miftuħa, trasparenti u inklussivi. Madankollu, permezz ta' referenzar u użu standard, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jgħinu jgħaġġlu l-kompetittività tal-industrija u jiffaċilitaw il-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

L-implimentazzjoni tal-politika attwali tal-istandardizzazzjoni tal-UE [1], hija bbażata fuq ix-xogħol tal-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni (ESOs) u l-kooperazzjoni tagħhom mal-organizzazzjonijiet internazzjonali għall-istandardizzazzjoni. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tistieden lill-ESOs biex jikkommettu ruħhom għal inizjattivi speċifiċi tal-istandardizzazzjoni u tawtorizza lill-UE u lill-Istati Membri biex jirreferu għall-istandards Ewropej stabbiliti minn dawk l-organizzazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki. Barra minn dan, il-bażi legali attwali dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT irrikonoxxiet ċerti speċifiċitajiet tal-ICT bħall-bżonn għal interoperabilità u tippermetti għal aktar flessibiltà f'każ ta' referenzar tal-istandards tal-ICT fi proċeduri tal-akkwist pubbliku[2].

L-isfond tal-istandardizzazzjoni tal-ICT inbidel drammatikament f'dawn l-aħħar għaxar snin. Flimkien mal-organizzazzjonijiet tradizzjonali li jistabbilixxu l-istandards, il-fora u l-konsorzji speċjalizzati u l-aktar dawk globali saru aktar attivi u diversi minnhom żviluppaw f'entitajiet ta' żvilupp tal-istandards tal-ICT li huma ta' eżempju għad-dinja bħal dawk responsabbli mill-istandards li jkopru l-internet u l-world wide web. Dan l-iżvilupp mhux rifless fil-politika tal-istandardizzazzjoni tal-UE. Fil-preżent m'għandhiex issir referenza għall-istandards tal-fora u tal-konsorzji, anki jekk dawn jistgħu jkunu ta' benefiċċju fil-kisba tal-iskopijiet ta' politika pubblika. Mingħajr azzjoni deċisiva l-UE tirriskja li ssir irrelevanti fit-tfassil tal-istandard tal-ICT li se jsir kważi kullimkien 'il barra mill-Ewropa, u irrispettivament għal ħtiġijiet Ewropej.

L-Istati Membri jaqblu fil-parti l-kbira mal-istess analiżi u l-Kunsill enfasizza l-bżonn biex isir aktar progress fl-applikazzjoni tal-istandardizzazzjoni f'oqsma bħall-ICT, filwaqt li enfasizza li s-sistemà Ewropea tal-istandardizzazzjoni attwali għandha tadatta għall-bżonnijiet tas-swieq, speċjalment, f'servizzi u prodotti ta' teknoloġija għolja[3].

Huwa tassew importanti li l-politika tal-EU dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT tiġi modernizzata u li jiġi użat b'mod sħiħ il-potenzjali tat-tfassil tal-istandard. Jekk ma jsirx dan l-UE se tonqos milli jkollha kontroll fuq is-soċjetà tal-informazzjoni, mhix se tikseb numru ta' skopijiet ta' politika Ewropea importanti li jeħtieġu interoperabilità bħal saħħa elettronika, aċċessibilità, sikurezza, negozju elettroniku, gvern elettroniku, trasport, eċċ, u se tiffaċċja ostakoli biex tkun il-forza fl-iżvilupp u l-promozzjoni tal-istandards internazzjonali għall-protezzjoni ta' dejta personali kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar il-programm ta' Stokkolma[4].

B'mod aktar ġenerali, l-iskopijiet ta' politika li ġejjin jeħtieġu jiġu indirizzati:

- Żieda fl-innovazzjoni u l-kompetittività billi l-politika għall-istandardizzazzjoni tal-ICT tkun adattata għall-iżviluppi fis-suq u fil-politika;

- L-industrija inkluż SMEs tkun ipprovduta, bi standards tal-ICT ta' kwalità għolja fil-waqt biex b'hekk tassigura kompetittività fis-suq globali filwaqt li tissodisfa l-aspettativi tas-soċjetà;

- Titjib fil-qagħda tal-istandardizzazzjoni Ewropea tal-ICT f'livell globali;

- Assigurazzjoni tal-benefiċċji għall-konsumatur billi tiġi ffaċilitata kompetizzjoni fis-swieq tal-ICT kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk internazzjonali;

- Tisħiħ tas-suq intern billi jiġu stabbiliti kriterji u proċessi komuni għar-referenzar tal-istandards tal-ICT fil-leġiżlazzjoni Ewropea, politiki u proċeduri ta' akkwist pubbliku;

- Żieda fil-kwalità, koerenza u konsistenza tal-istandards tal-ICT;

- Jiġi pprovdut appoġġ attiv għall-implimentazzjoni tal-istandards tal-ICT.

Sabiex iġġedded il-politika Ewropea għall-istandardizzazzjoni tal-ICT, il-Kummissjoni nediet reviżjoni bi studju biex tanalizza l-politika tal-UE dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT attwali u biex tħeġġeġ rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp futur tagħha. Ir-rapport tal-istudju kien ippubblikat f'Lulju 2007[5] u konsultazzjoni permezz tal-internet segwiet. Il-kummenti riċevuti ġew ippubblikati fil-websajt tal-Europa[6] u nżammet konferenza li kienet miftuħa għal kulħadd fi Frar 2008[7] biex teżamina r-rakkomandazzjonijiet tal-istudju u dawk il-kummenti.

Bħala riżultat ta' dan, ġie deċiż li tiġi preżentata White Paper biex taċċerta l-grad ta' kunsens fuq il-proposti possibbli għall-għażliet politiċi u miżuri speċifiċi li jkunu ta' għajnuna għall-politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT biex jirreaġixxu aħjar għall-bżonnijiet tal-industrija u tas-soċjetà.

Filwaqt li l-politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT għandha tkompli tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta' standardizzazzjoni volontarja u ggwidata mill-ħtiġijiet tas-suq, newtralità teknoloġika u bilanċ ta' interess, dawn li ġejjin huma l-aktar oqsma prominenti għal titjib fis-sistema attwali:

- Stabbiliment ta' politika dwar l-istandards tal-ICT li takkomoda d-dinamiċi globali u r-rekwiżiti tas-settur tal-ICT u li tirrifletti l-bżonnijiet varji tal-oqsma tal-infrastruttura u tal-applikazzjoni;

- Jingħata lok għal metodu aktar integrat fl-istandardizzazzjoni tal-ICT u fl-użu tal-istandards u tal-ispeċifikazzjonijiet tal-ICT;

- Tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija u tal-kompetizzjoni ġusta billi titħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-istandards u tal-ispeċifikazzjonijiet;

- Tissaħħaħ il-kollaborazzjoni u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-istandards tal-ICT, kemm madwar l-Ewropa kollha u anki globalment.

2. Aspetti Ewlenin tal-modernizzazzjoni tal-istandardizzazzjoni tal-ICT fl-UE

2.1. Attributi tal-istandards tal-ICT assoċjati mal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE

Sabiex tiffaċilita l-użu tal-istandards li huma l-aktar disponibbli fl-appoġġ tal-leġiżlazzjoni u l-politiki Ewropej jeħtieġ li jiġu stipulati rekwiżiti, f'forma ta' lista ta' attributi, għal tali standards u l-proċessi ta' standardizzazzjoni assoċjati magħhom. Dawn l-attributi jassiguraw li l-objettivi tal-politika pubblika u l-ħtiġijiet tas-soċjetà jitħarsu. Madankollu l-lista tal-attributi tista' teħtieġ aktar kjarifikazzjoni, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-politiki tal-IPR sabiex jakkomodaw metodi ta' żvilupp ta' software emerġenti bħall-mudell ta' sors miftuħ.

Qed jiġi propost li tintuża l-kriterja żviluppata fi ħdan il-WTO għall-organizzazzjonijiet għall-istandardizzazzjoni internazzjonali bħala l-bażi għal-lista tal-attributi. Ir-rabta mill-viċin bejn il-kriterji tad-WTO u l-attributi li jsaħħu l-politika Ewropea tal-istandardizzazzjoni tal-ICT se jappoġġjaw lill-kummerċ ħieles fi prodotti li jkunu konformi, servizzi u applikazzjonijiet u kriterji simili għandhom jiġu applikati mill-imsieħba tagħna fil-kummerċ fil-metodi tal-istandardizzazzjoni tagħhom.

Qed jiġi ssuġġerit li l-attributi li ġejjin, li diġa' huma osservati mill-ESOs kif ukoll xi ftit fora u konsorzji, għandhom dejjem jitħarsu fil-proċessi ta' standardizzazzjoni:

1. Nuqqas ta' Ħabi : Il-proċess tal-iżvilupp tal-istandardizzazzjoni jiġri fi ħdan organizzazzjoni li ma tagħmilx qligħ abbażi tal-mod b'nuqqas ta' ħabi ta' kif jittieħdu d-deċiżjonijiet li hu aċċessibbli għall-imsieħba interessati kollha. Il-proċess miftuħ ta' standardizzazzjoni qed jitmexxa mill-kategoriji relevanti ta' partijiet interessati u jirrifletti r-rekwiżiti tal-utent.

2. Kunsens: Il-proċess ta' standardizzazzjoni huwa kollaborattiv u bbażat fuq il-kunsens. Il-proċess ma jiffavorixxiex xi parti interessata partikolari.

3. Bilanċ : Il-proċess ta' standardizzazzjoni huwa aċċessibbli fi kwalunkwe stadju tal-żvilupp u tat-teħid ta' deċiżjoni għall-partijiet interessati rilevanti. Il-parteċipazzjoni tal-kategoriji kollha ta' partijiet interessati tintalab bil-għan li jinkiseb bilanċ.

4. Trasparenza : Il-proċess ta' standardizzazzjoni huwa aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha u l-informazzjoni kollha li tikkonċerna diskussjonijiet tekniċi u teħid ta' deċiżjoni hija arkivjata u identifikata. Informazzjoni dwar attivitajiet ta' standardizzazzjoni (ġodda) titħabbar b'mod globali permezz ta' mezzi xierqa u aċċessibbli. Qed tingħata konsiderazzjoni u tweġiba għall-kummenti mill-partijiet interessati.

Barra minn dan l-attributi li ġejjin għandhom ikunu riflessi fl-istandards innifishom:

5. Manutenzjoni: Qed tingħata garanzija li fuq perjodu twil se jiġu pprovduti sostenn u manutenzjoni kontinwi tal-istandards ippubblikati, inkluż adattament mgħaġġel għal żviluppi ġodda li jaċċertaw in-neċessità, l-effiċjenza u l-interoperabilità tagħhom.

6. Disponibilità : L-istandards li jirriżultaw huma disponibbli pubblikament għall-implimentazzjoni u għall-użu f'termini raġonevoli (inkluż għal ħlas raġonevoli jew mingħajr ħlas).

7. Drittijiet ta' proprjetà intellettwali : L-IP essenzjali għall-implimentazzjoni tal-istandards hija liċenzjata lill-applikanti fuq bażi (ġusta) raġonevoli u mhux diskriminatorja ((F)RAND)[8] , li tinkludi, għad-diskrezzjoni ta' min ikollu l-IPR, il-liċenzjar ta' IP essenzjali mingħajr kumpens.

8. Rilevanza : L-istandard huwa effettiv u rilevanti. L-istandards għandhom bżonn jirreaġixxu għall-ħtiġijiet tas-suq u għar-rekwiżiti regolatorji, speċjalmenti meta dawk ir-rekwiżiti jkunu espressi f'mandati ta' standardizzazzjoni.

9. Newtralità u stabbiltà: Kull meta jkun possibbli l-istandards għandhom ikunu diretti lejn il-prestazzjoni aktar milli bbażati fuq id-disinn jew karatteristiċi deskrittivi. M'għandhomx ifixklu lis-suq (globali) u għandhom iżommu l-kapaċità għall-implimentaturi biex jiżviluppaw kompetizzjoni u innovazzjoni bbażati fuqhom. B'żieda ma' dan, u sabiex jassiguraw it-titjib tal-istabbiltà tagħhom, l-istandards għandhom ikunu bbażati fuq żviluppi xjentifiċi avvanzati u teknoloġiċi.

10. Kwalità: Il-kwalità u l-livell ta' dettall huma biżżejjed biex jippermettu l-iżvilupp ta' varjetà ta' implimentazzjonijiet ta' prodotti u servizzi interoperabbli li qegħdin jikkompetu magħhom.. Interfaces standardizzati m'humiex moħbija jew ikkontrollati minn xi ħadd għajr minn organizzazzjonijiet li jfasslu l-istandard.

11. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li dawn l-attributi jkunu integrati fil-politika dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT fil-futur.

2.2. L-użu tal-istandards tal-ICT fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku

Ir-referenzar tal-istandards fil-proċeduri ta' akkwist pubbliku jista' jkun mezz importanti ta' kif titħeġġeġ l-innovazzjoni filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu pprovduti bl-għodda meħtieġa biex jissodisfaw ix-xogħlijiethom, speċjalment fi swieq ewlenin[9] bħal saħħa elettronika.

Proċeduri tal-akkwist pubbliku jridu jkunu konformi mad-Direttiva 2004/18/KE[10] li tagħmel differenza bejn standards formali u speċifikazzjonijiet tekniċi oħra, għal-liema deskrizzjoni ta' rekwiżiti funzjonali tintalab addizzjonalment. Barra minn dan, biex l-offerti jkunu jistgħu jirriflettu diversità teknika qed jintalab li jsir użu tal-ispeċifikazzjonijiet newtrali ta' teknoloġija. Meta l-awtoritajiet pubbliċi jirreferu għall-istandards tekniċi fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom, għandhom jispeċifikaw ukoll jekk jippermettux lil dawk li jitfgħu l-offerti jikkonfermaw li l-offerta tagħhom tissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet anke jekk ma tikkonformax mal-istandard tekniku msemmi.

Madankollu, meta jiġu akkwistati servizzi u prodotti tal-ICT, jistgħu jkunu preżenti rekwiżiti addizzjonali. Awtoritajiet pubbliċi għandhom bżonn ikunu kapaċi jiddefinixxu l-istrateġiji u l-arkitetturi tal-ICT tagħhom, inkluż l-interoperabilità bejn organizzazzjonijiet, u jakkwistaw sistemi/servizzi tal-ICT u prodotti jew komponenti tagħhom, li jissodisfaw ir-rekwiżiti.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE, li jistabbilixxi l-politika attwali tal-istandardizzazzjoni tal-EU fil-qasam tal-ICT, jirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet tal-qasam tal-ICT u għandu l-għan li jipprovdi gwida għal proċeduri ta' akkwist pubbliku tas-sistemi tal-ICT. Jenfasizza l-importanza tal-interoperabilità u jinkoraġġixxi referenza għall-istandards funzjonali biex jinkiseb dak l-objettiv. Jinkludi wkoll dispożizzjoni li f'każijiet ġustifikati tista' tingħata deroga minn din ir-regola. Madankollu, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE huwa skadut peress li jiffoka fuq prodotti u mhux fuq il-kunċett ta' servizzi u applikazzjonijiet kif użati illum. B'konsegwenza ta' dan, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE jeħtieġ jiġi aġġornat biex jipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi bi standards u speċifikazzjonijiet li jissodisfaw il-bżonnijiet tal-lum fir-rigward tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku tas-servizzi u tal-applikazzjonijiet tal-ICT.

L-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet li jkopru l-interfaces bejn l-organizzazzjonijiet jew bejn is-sistemi u s-servizzi tal-ICT se jkollhom bżonn, bħala objettiv ewlieni, jissodisfaw il-ħtiġijiet kummerċjali speċifiċi tal-awtoritajiet pubbliċi u b'hekk jimplimentaw l-istrateġiji u l-arkitetturi tal-ICT tagħhom. Meta xieraq, u hawn wieħed għandu jiftakar li tinħtieġ il-flessibilità biex tissodisfa dawk il-ħtiġijiet, tali interfaces għandhom jiġu ddefiniti permezz tat-teknoloġija tar-referenzar, jiġifieri standards jew speċifikazzjonijiet newtrali tal-prodott u tal-bejjiegħ li jistgħu jkunu implimentati minn fornituri differenti. Dan jassigura kompetizzjoni effettiva bejn l-appaltaturi u għaldaqstant prezzijiet irħas, u jagħmilha aktar probabbli wkoll li s-sistemi tal-ICT li jirriżultaw jkunu interoperabbli ma' sistemi li diġa' jeżistu u oħrajn li jistgħu jeżistu fil-futur użati minn entitajiet oħra pubbliċi jew minn persuni u kumpaniji privati.

12. Il-Kummissjoni tissuġġerrixxi l-aġġornament tad-dispożizzjonijiet tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE biex b'hekk l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jiksbu b'mod aktar faċli s-servizzi tal-ICT, applikazzjonijiet u prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi tagħhom u b'mod partikolari livell xieraq ta' interoperabilità.

13. Il-Kummissjoni tissuġġerrixxi li jiġi kkjarifikat li meta jkunu definiti fil-kuntest tal-istrateġiji tal-ICT, tal-arkitetturi u tal-oqfsa tal-interoperabilità, l-implimentazzjoni tal-interfaces standardizzati tista' tintalab bħala rekwiżitu fi proċeduri tal-akkwist pubbliku, sakemm il-prinċipji ta' b'nuqqas ta' ħabi, imparzjalità, oġġettività u tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni u d-direttivi tal-akkwist pubbliku jkunu applikati.

2.3. Trawwim ta' sinerġija bejn riċerka fl-ICT, l-innovazzjoni u l-istandardizzazzjoni

Ħafna proġetti ICT R&D iwasslu għal riżultati ta' riċerki li huma rilevanti ħafna. Madankollu, ta' sikwit ma jkunux tradotti biżżejjed f'applikazzjonijiet konkreti li jistgħu jkunu kummerċjalizzati fi stadju aktar tard. L-istandards huma mod importanti ta' kif tista' tkun promossa t-traduzzjoni ta' riżultati ta' riċerka f'applikazzjonijiet prattiċi.

Inizjattivi biex jistabbilixxu rabta aħjar bejn l-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-ICT R&D jidhru li jkunu l-aktar effettivi meta jsiru fil-livell tal-fażi ta' ppjanar ta' riċerka aktar milli sempliċiment fil-fażi ta' twettiq tal-proġett speċifiku ta' riċerka. L-għarfien tal-istandardizzazzjoni għaldaqstant jeħtieġ li jkun ikkunsidrat kmieni fiċ-ċiklu tal-ħajja tar-riċerka u għandu jkun parti integrali ta' aġendi strateġiċi ta' riċerka żviluppati mill-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs).

14. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-partijiet interessati fl-istandardizzazzjoni u fir-riċerka, b'mod partikolari l-ETPs, ikunu kkonsultati regolarment biex b'hekk ikun żgurat li inizjattivi Ewropej rilevanti dwar riċerka jikkontribwixxu b'mod l-aktar effettiv għall-attivitajiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT.

15. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li dawk li jagħmlu l-istandards fejn neċessarju jadattaw il-proċeduri tagħhom biex jiżguraw li kontribuzzjonijiet minn organizzazzjonijiet ta' riċerka, konsorzji u proġetti jiffaċilitaw il-produzzjoni fil-ħin tal-istandards tal-ICT.

16. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Istati Membri jikkunsidraw metodu simili għal kwalunkwe inizjattivi tal-ICT R&D f'livell nazzjonali.

2.4. Drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-istandards tal-ICT

L-interoperabilità tal-ICT u speċjalment l-interoperabilità ta' software, saret kritika f'dinja li kull ma jmur aktar qed issir interkonnessa. B'riżultat ta' dan l-IPR għandha rwol importanti fl-istandardizzazzjoni sabiex tirrispetta drittijiet ta' proprjetà li jkopru soluzzjonijiet teknoloġiċi meħtieġa għall-interoperabilità[11].

B'mod ġenerali, il-politika Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni tippermetti li teknoloġiji proprjetarji, protetti minn IPR, ikunu inkorporati fl-istandards. Ir-regoli tal-UE dwar kompetizzjoni jipprovdu, madankollu, li t-tfassil tal-istandard m'għandux iwassal għal restrizzjoni ta' kompetizzjoni, u għandu jkun ibbażat fuq proċeduri mhux diskriminatorji, miftuħa u trasparenti[12].Standards li huma disponibbli bla kundizzjoni u li jistgħu jiġu implimentati mill-partijiet interessati kollha jippermettu kompetizzjoni effettiva.

F'organizazzjonijiet li jiżviluppaw l-istandards jistgħu jinsabu diversi politiki differenti tal-IPR adattati għal ċirkostanzi individwali. B'mod partikolari, l-istandardizzazzjoni tas-software li jagħti sostenn għal rekwiżiti ta' interoperabilità jidher li qed isegwi l-metodu tiegħu nnifsu. Dawn id-differenzi fihom infushom ma jimponu l-ebda problema, sakemm l-IPR rilevanti għall-istandard jitqiesu xierqa fil-proċess u l-politiki jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni. Politiki li jistabbilixxu l-istandard għandhom ikunu wkoll stabbli, imbassra, trasparenti u effettivi. Għandhom jippermettu l-kompetizzjoni u jiffaċilitaw l-innovazzjoni tal-prodott. Nuqqas ta' ħabi, u aċċess faċli għal proċessi ta' standardizzazzjoni kif ukoll id-disponibbiltà tal-istandards għall-partijiet interessata kollha huma prerekwiżiti importanti għall-implimentazzjoni ta' politiki effettivi tal-IPR.

Partijiet interessata fis-sotto-settur tal-komunikazzjoni tal-ICT jidhru li huma ġeneralment kuntenti bil-metodu tal-(F)RAND għal liċenzjar tal-IP essenzjali fl-istandards. Madankollu anki hemmhekk, il-kumplessità li dejjem tiżdied ta' servizzi u applikazzjonijiet innovattivi tista' tagħti lok għal numru kbir ta' privattivi essenzjali li jirriżultaw f'sitwazzjoni kumplessa u f'piż ta' IPR kumulattiv fl-istandards.

Minkejja li l-prinċipji ta' (F)RAND jistgħu jkunu mezz biex jipprovdu bilanċ ġust bejn id-drittijiet tad-detenturi tal-liċenzja u tal-liċenzjaturi, numru ta' partijiet interessati jħossu li għad hemm lok għal titjib biex titnaqqas il-kumplessità u titjieb il-previdibilità tal-proċess ta' liċenzjar. Dikjarazzjoni ex-ante tat-termini ta' liċenzjar l-aktar ristrettivi, li possibilment tinkludu r-rati (massimi) tad-dritt tas-sid qabel l-adozzjoni ta' standard, tista' tkun mezz ta' kif titjieb l-effettività ta' liċenzjar ta' (F)RAND peress li din tista' tippermetti kompetitività kemm fit-teknoloġija kif ukoll fil-prezz.

Maġġoranza tal-partjiet interessata tal-IT min-naħa l-oħra, speċjalment fl-industrija tas-software u fost l-utenti tagħha, huma tal-opinjoni li livell aktar sodisfaċenti ta' interoperabilità jista jinkiseb bl-użu ta' politiki ta' IPR li jistgħu jitqiesu li huma differenti minn metodu ta' (F)RAND. Diversi fora u konsorzji li jkopru l-istandardizzazzjoni tas-software għaldaqstant adottaw metodi differenti mill-IPR. Xi wħud, pereżempju, jeħtieġu li l-IPR fl-istandards ikun is-suġġett ta' liċensjar mingħajr dritt tas-sid.

Finalment, ħafna partijiet interessati tal-SME kif ukoll organizzazzjonijiet ta' konsumaturi jappoġġjaw metodu mingħajr dritt tas-sid, ta' sikwit deskritt bħala RF fuq (F)RAND, speċjalment għall-istandards li se jkunu referenzjati fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki.

Filwaqt li hu ċar li ħafna aspetti tat-trattament tal-IPR huma koperti minn oqsma oħra tal-politika hemm ċerti aspetti tal-istandardizzazzjoni tal-ICT bl-iffokar tagħha fuq standards funzjonali u interoperabilità, li jwasslu għat-trattament tal-IPR biex jiġi kkunsidrat speċjalment importanti u delikat f'dan il-qasam. Għandu jkun hemm flessibilità madankollu, biex tippermetti għal kompetizzjoni mingħajr xkiel bejn mudelli differenti ta' negozju, inkluż il-mudell dejjem aktar popolari tas-sors miftuħ, liema użu u implimentazzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet differenti ħafna mid-drittijiet tas-sid li niltaqgħu magħhom taħt (F)RAND.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li organizzazzjonijiet li qed jiżviluppaw l-istandards tal-ICT għandhom skont il-liġi tal-kompetizzjoni u b'rispett lejn l-IPR tas-sid: jimplimentaw politiki tal-IPR ċari, trasparenti u bbilanċjati li ma jiddiskriminawx u li jagħtu lok għal kompetizzjoni bejn mudelli differenti ta' negozju, jassiguraw l-effettività tal-proċeduri għal żvelar tal-IPR, jikkunsidraw dikjarazzjoni tat-termini ta' liċenzjar l-aktar restrittivi, li possibilment jinkludu r-rati (massimi) ta' drittijiet tas-sid qabel l-adozzjoni ta' standard bħala rotta potenzjali biex tipprovdi aktar previdibilità u trasparenza. |

17. 2.5. Integrazzjoni ta' fora u konsorzji fil-proċess ta' standardizzazzjoni tal-ICT

Bħalissa il-politika tal-istandardizzazzjoni Ewropea tillimita r-referenzar tal-istandards fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki tal-UE għal standards stabbiliti mill-ESOs. Madankollu l-ESOs jinħtieġu biex jagħmlu xogħlijiet u jadottaw metodi ta' xogħol li jistgħu jagħmluha diffiċli biex ikun hemm risposta effiċjenti għat-talbiet ta' standards fil-ħin li kull ma jmur jiżdiedu fil-qasam tal-ICT li qed jevolvi b'pass mgħaġġel. L-istudju u l-proċess ta' konsultazzjoni sussegwenti wrew li l-industrija għandha tendenza li tpoġġi n-nies b'ħiliet għolja f'kompetenzi tekniċi, li huma pjuttost rari, meħtieġa għall-istandardizzazzjoni f'ħafna oqsma kumplessi tal-ICT fil-fora u l-konsorzji li jistgħu jirreaġixxu aktar malajr għad-domandi tas-suq fuq kwistjonijiet bħal interoperabilità.

Flora u konsorzji pproduċew ħafna standards tal-ICT rilevanti, primarjament f'oqsma fejn l-għarfien tekniku ċarament qiegħed fil-fora u konsorzji speċifiċi u mhux fl-ESOs. Dan hu l-każ mal-istandards li jkopru protokolli tal-internet stabbiliti mill-IETF u linji ta' gwida dwar aċċessibilità fuq il-web prodotti mill-W3C. L-approvazzjoni tas-suq tal-istandards imsemmija mhix qiegħda tiġi kkontestata. In-numru tal-istandards stabbiliti mill-fora u l-konsorzji tal-industrija b'aċċess dirett għar-riżorsi tekniċi meħtieġa qiegħda dejjem tikber u dawn huma ta' sikwit implimentati fi prodotti u servizzi innovattivi. Il-politika Ewropea għandha tibni fuq u tibbenefika mill-potenzjal ipprovdut mill-fora u l-konsorzji.

Huwa mistenni li kooperazzjoni aħjar mal-fora u mal-konsorzji tal-ICT u speċjalment aktar koordinazzjoni bejniethom u l-organizzazzjonijiet formali tal-istandardizzazzjoni tnaqqas ir-riskju ta' frammentazzjoni, duplikazzjoni u standards konfliġġenti fil-qasam tal-ICT. Użu bil-mod u soluzzjonijiet frammentati jippreżentaw raġunijiet speċjali għal tħassib f'servizzi ta' interess soċjetali maġġuri bħal gvern elettroniku, tagħlim elettroniku u saħħa elettronika. L-isforzi ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni se jżidu l-interoperabilitià u għaldaqstant iżidu l-użu tas-suq ta' soluzzjonijiet innovattivi.

Sforzi biex isir aktar użu mix-xogħol tal-fora u l-konsorzji għandhom iqisu l-fatt li l-assoċjazzjoni tal-istandards mal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE għandha dimensjoni ta' politika pubblika minbarra l-karattru purament volontarju tal-istandards innifishom. Dan jispjega l-importanza tal-lista tal-attributi deskritta hawn fuq fil-każ ta' referenzar leġiżlattiv.

Meta wieħed iqis din ir-realtà, u l-kooperazzjoni aktar mill-viċin bejn entitajiet li jiżviluppaw l-istandard formali u dawk mhux formali, ir-referenzar dirett tal-istandards tal-fora u tal-konsorzji f'oqsma fejn ċarament m'hemmx riskju li l-ambitu tax-xogħol tal-ESOs ikun irduppjat jew li l-organizzazzjonijiet formali internazzjonali jkunu l-aktar mod effettiv għall-UE biex timla l-vojt speċifiku tal-istandardizzazzjoni.

Ir-rikonoxximent tal-istandards żviluppati mill-fora u mill-konsorzji bħal IETF, W3C u OASIS b'mod ġenerali jiffaċilita l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT ma' imsieħba kummerċjali ewlenin bħall-Istati Uniti u tali kooperazzjoni tkun tista' tiġi ddeterminata fil-qafas tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku.

Filwaqt li affermaw mill-ġdid kemm huma xierqa l-istandards armonizzati f'oqsma koperti fil-preżent mill-metodu l-ġdid, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikollhom il-possibilità, sakemm il-kundizzjonijiet adatti jkunu ssodisfatti, li jkollhom deroga mir-regola ġenerali tar-referenzar tal-istandards formali tal-ESO. Għal dak il-għan il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi proċedura adatta biex tippermetti ir-referenzar ta' standards tal-fora u tal-konsorzji speċifiċi fil-leġiżlazzjoni u f'politiki.

18. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li r-referenzar tal-istandards tal-fora u tal-konsorzji speċifiċi jkun permess f'leġiżlazzjoni u f'politiki tal-UE rilevanti soġġetti għal valutazzjoni pożittiva tal-istandard u l-proċessi ta' forum jew konsorzju fir-rigward tal-lista tal-attributi kif deskritt f'Kapitolu 2.1.

19. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tippromwovi kooperazzjoni aħjar bejn il-fora u l-konsorzji u l-ESOs abbażi ta' proċess li jista' jwassal għal standards maħruġa mill-ESOs.

2.6. Titjib fid-djalogu u fis-sħubija mal-partijiet interessati

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE ibassar Kumitat, grupp tal-Uffiċjali Anzjani inkarigat mill-istandardizzazzjoni fil-qasam tat-Teknoloġija tal-Informatika (SOGITS), biex jassisti lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tad-Deċiżjoni. Il-kompożizzjoni tiegħu hu limitat għall-Istati Membri, għalkemm rappreżentati tal-ESOs għandhom status ta' osservant u SOGITS għandu l-possibilità li jistidien esperti biex jiddiskutu kwistjonijiet speċifiċi. Madankollu, l-aspetti aktar wiesgħa tal-politika tal-istandardizzazzjoni tal-ICT, inkluż l-istabbiliment ta' prijorità, l-użu ta' xogħol ta' standardizzazzjoni minn sorsi oħra kif ukoll koerenza bejn il-politika tal-istandardizzazzjoni tal-ICT u politiki oħra li jużaw standards tal-ICT, huma fil-maġġoranza barra mill-ambitu ta' SOGITS. Għaldaqstant, SOGITS kellu biss suċċess limitat fil-passat.

Il-Kummissjoni temmen li pjattaforma li tirrappreżenta l-partijiet interessati kkonċernati kollha għandha tieħu post is-SOGITIS. Tali pjattaforma għandha tassigura politika tal-istandardizzazzjoni tal-ICT li hi aktar koerenti, trasparenti u konsistenti li b'hekk tiffaċilita l-iżvilupp tal-istandards ta' kwalità għolja tal-ICT. Għandha tipprovdi wkoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bi twissija ta' għarfien fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw il-politika tal-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-implimentazzjoni tagħha, billi:

- tipprovdi parir fuq il-programm ta' xogħol annwali dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT tal-Kummissjoni u l-prijoritajiet tiegħu

- tidentifika b'mod bikri l-bżonnijiet tal-istandardizzazzjoni tal-ICT li jappoġġjaw oqfsa ġodda legali u politiki tal-UE

- tiddiskuti mandati possibbli ta' ESOs u organizzazzjonijiet oħra involuti fl-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet ta' ICT

- tissorvelja u tirrevedi kwistjonijiet ta' standardizzazzjoni ta' ICT li jappoġġjaw ta' oqfsa ġodda legali u politiki tal-UE matul l-eżekuzzjoni tagħhom

- teżamina l-applikazzjoni tal-lista tal-attributi fir-rigward ta' proċessi u standards tal-fora u tal-konsorzji

- tidentifika l-fora u l-konsorzji rilevanti u tiddefinixxi r-rwol tagħhom biex ittejjeb l-integrazzjoni tax-xogħol tagħhom fl-istandardizzazzjoni Ewropea tal-ICT

- tiġbor informazzjoni li tikkonċerna l-programmi ta' xogħol ta' organizzazzjonijiet li jipparteċipaw u possibilment, attivitajiet nazzjonali relatati mal-istandardizzazzjoni tal-ICT.

Dan id-djalogu għandu jippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiddiskutu kwistjonijiet fi ħdan ir-responsabilitajiet speċifiċi tagħhom filwaqt li jippermetti wkoll diskussjoni maċ-ċirklu usa ta' partijiet interessati minn organizzazzjonijiet ta' standards, inkluż il-fora u l-konsorzji, l-industrija, SMEs, konsumaturi, eċċ.

Barra minn hekk, il-pjattaforma tal-partijiet interessati għandha tkun ikkumplimentata minn bini ta' struttura fuq il-bord tal-istandards tal-ICT fil-preżent (ICTSB) biex tikkoordina l-attivitajiet ta' standardizzazzjoni tal-ESOs u l-fora u l-konsorzji b'rispons għall-orjentazzjonijiet ta' politika tagħha. Ix-xogħol ewlieni tal-ICTSB se jkun li jissorvelja u jikkoordina l-attivitajiet ta' żvilupp tal-istandards fost l-organizzazzjonijiet relevanti li jistabbilixxu l-istandard bħala rispons għall-linji ta' gwida ta' politika stabbilita mill-pjattaforma tal-partijiet interessati.

20. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi l-istabbiliment ta' pjattaforma ta' politika dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT li tkun permanenti, magħmula minn bosta partijiet interessati (bi sħubija aktar wiesgħa mill-Kumitat tal-Istat Membru SOGITS li kien stabbilit fil-passat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE) biex tagħti parir lill-Kummissjoni fuq kwistjonijiet kollha relatati mal-politika Ewropea tal-istandardizzazzjoni tal-ICT u mal-implimentazzjoni effettiva tagħha.

21. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-ESOs u organizzazzjonijiet oħra li jiżviluppaw l-istandard tal-ICT għandhom ikunu mistiedna biex jirrevedu l-funzjoni u l-kompożizzjoni tal-ICTSB fil-preżent biex jagħmluh aktar effiċjenti.

3. PASSI LI JMISS

Meta qed tippubblika l-White Paper, il-Kummissjoni qegħda tistieden kummenti mill-partijiet interessati kollha, speċjalment fuq is-suġġeriment magħmula għal aktar azzjonijiet. Kif indikat fil-kapitoli t'hawn fuq, dawn is-suġġeriment jiffokaw fuq miżuri li possibilment m'humiex leġiżlattivi u fuq miżuri li jistgħu jkunu implimentati bl-aġġornament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95.

B'mod parallel, riċentament għadha kif tnediet reviżjoni wiesgħa tas-sistema Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni. Il-Kummissjoni qabdet Bord ta' Esperti indipendenti biex jippreparaw rakkomandazzjonijiet strateġiċi għar-reviżjoni tas-sistema Ewropea dwar l-istandardizzazzjoni kollha sal-aħħar tal-2009. Il-proposti fir-rigward tal-politika tal-istandardizzazzjoni tal-ICT imsemmija f'din il-White Paper se jitqiesu fix-xogħol tal-Bord ta' Esperti.

Fid-dawl tal-eżitu tar-reviżjoni li għadha għaddejja fuq il-politika ġenerali u wara l-konsultazzjoni pubblika li saret minn din il-White Paper, il-Kummissjoni qed tbassar li fl-2010 tippreżenta, kwalunkwe proposti ta' natura politika u leġislattiva neċessarji.

Il-Kummissjoni tistieden kummenti fuq din il-White Paper, u speċjalment fuq is-suġġerimenti mniżżla fil-kaxxa. Dawn jistgħu jintbagħtu, sal-15 ta' Settembru 2009, permezz tal-'Your Voice in Europe' http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/index_en.htm#open ,

jew permezz tal-posta elettronika lil: ENTR-ICT-STANDARDISATION@ec.europa.eu

jew bil-posta lil"

Modernising ICT Standardisation Policy in the EU: the Way Forward (ENTR/D/4)

European Commission – BREY 6/60

B-1049 Brussels.

Sakemm m'intix twieġeb bħala individwu, jekk jogħġbok indika l-isem u n-natura tal-organizzazzjoni li tirrappreżenta. Kumpaniji li jwieġbu għandhom b'żieda ma' dan jipprovdu dettalji tad-daqs tagħhom f'termini ta' dħul u numru ta' impjegati kif ukoll jindikaw jekk humiex provdituri primarjament tal-prodott tal-ICT, jew provdituri tas-servizz tal-ICT jew utenti tal-prodott jew tas-servizz.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija se jippubblika s-sottomissjoni tiegħek fuq is-Sit Web Dinji ( http://ec.europa.eu/enterprise/ict/policy/standards/ict_index_en.htm ) . Jekk jogħġbok aqra l-istqarrija dwar il-privatezza mehmuża mal-konsultazzjoni għal informazzjoni dwar kif id-dejta personali u l-kontribut tiegħek se jiġu trattati. Organizzazzjonijiet professjonali huma mistiedna jirreġistraw fir-Reġistru tal-Kummissjoni għar-Rappreżentanti ta' Interess (http://ec.europa.eu/transparency/regrin/) stabbilit fil-qafas tal-Inizjattiva Ewropea ta’ Trasparenza bl-għan li jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-pubbliku in ġenerali b'informazzjoni dwar l-objettivi, il-finanzjament u l-istrutturi tar-rappreżentanti ta' interess.

[1] ĠU L 204, 21.7.1998 p. 37. Id-Direttiva 98/34/KE ikkonsolidat emendi fid-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta' Marzu 1983, u kompliet tiġi emendata mid-Direttiva 98/48/KE biex tkopri s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni

[2] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KE, ĠU L 36, 7.2.1987, p. 31.

[3] http://www.eu2006.fi/news_and_documents/conclusions/vko50/en_GB/1165932111543/_files/76410530393686600/default/92107.pdf

[4] Komunikazzjoni: Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja biex taqdi liċ-ċittadin COM(2009) 262

[5] http://ec.europa.eu/enterprise/ict/policy/standards/piper/full_report.pdf

[6] http://ec.europa.eu/enterprise/ict/policy/standards/piper_en.htm

[7] http://ec.europa.eu/enterprise/ict/policy/standards/cf2008_en.htm

[8] Il-prinċipju ta' FRAND hu li l-partijiet jaqblu li jagħti liċenzja lill-proprjetà intellettwali tagħhom preżenti fl-istandards rispettivi fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji għal kulmin jixtieq jimplimenta l-istandard. Il-ftehim tal-liċenzja attwali hu magħmul bejn is-sidien rispettivi tal-IP u dawk li jixtiequ jimplimentaw l-istandard

[9] Komunikazzjoni, Inizjattiva tas-suq ewlieni għall-Ewropa – COM(2007) 860.

[10] ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114

[11] Ara l-Komunikazzjoni dwar id-Drittijiet ta' Proprjetà Industrijali - COM(2008) 465 tas-16.7.2008.

[12] Ara l-Linji ta' Gwida dwar l-applikabilità tal-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE għal ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali - ĠU C 3, 6.1.2001 p. 1. Kull entità li tfassal l-istandard trid tikkonforma ma' dawn il-Linji ta' Gwida. Din il-White Paper ma tippreġudikax l-applikazzjoni tar-regoli ta' kompetizzjoni u l-Linji ta' Gwida Orizzontali.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet