52009DC0262


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini

/* KUMM/2009/0262 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.6.2009

KUMM(2009) 262 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini

Aktar libertà f'ambjent aktar sikur

1. INTRODUZZJONI

Iċ-ċittadini jridu jgħixu f'Unjoni Ewropea għanja u paċifika li fi ħdanha d-drittijiet tagħhom ikunu rispettati u s-sigurtà tagħhom imħarsa. Iridu jkunu jistgħu jivvjaġġaw liberament u li jagħżlu li jirrisjedu temporanjament jew permanentement f'pajjiż Ewropew ieħor sabiex jistudjaw, jaħdmu, jistabbilixxu familja, joħolqu impriża jew anki jirtiraw hemm. Madankollu, huma jinsabu mħassba meta jaraw li l-kuntest ta' stabbiltà u sigurtà li kien jeżisti fl-Ewropa matul dawn l-aħħar snin jinsab mgħedded minn kriżijiet u fenomeni globali.

Id-diffikultajiet ekonomiċi u politiċi, bħall-isfidi kumplessi tal-ġejjieni, li qed taffaċċja d-dinja u, b'mod partikolari, l-Unjoni Ewropea, jeħtieġu soluzzjonijiet globali u sostenibbli. F'dinja li fiha l-mobbiltà qed tiżviluppa fil-livell planetarju, iċ-ċittadini Ewropej għandhom għaldaqstant id-dritt li jistennew azzjoni Ewropea effettiva u responsabbli f'dawn l-oqsma li jmissuhom tant mill-qrib.

Lejn Ewropa taċ-ċittadini f'żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja

Il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja huma valuri importanti li huma komponenti ewlenin tal-mudell tas-soċjetà Ewropea. Huma waħda mill-ġebliet tax-xewka tal-mudell ta' integrazzjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea diġà stabbilixxiet għaċ-ċittadini tagħha suq uniku, unjoni ekonomika u monetarja u l-kapaċità biex jiġu affaċċjati l-isfidi politiċi u ekonomiċi globali. Hija wettqet ukoll progress kbir fl-istabbiliment ta' żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; issa l-prijorità għandha tkun li ċ-ċittadini jitqiegħdu fil-qalba ta' dan il-proġett.

Sar progress kbir ħafna

It-Trattat ta' Maastricht introduċa, fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, l-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni, li, sa dak iż-żmien, kienu żviluppaw f'kuntest purament intergovernattiv. Minn dak iż-żmien, il-grad ta’ integrazzjoni dwar dawn is-suġġetti bejn l-Istati Membri, kif ukoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Qorti tal-Ġustizzja, dejjem qed jiżdiedu. Il-programmi ta' Tampere u tal-Aja taw impetu politiku importanti għall-konsolidazzjoni ta' dawn il-politiki fundamentali għaċ-ċittadini.

L-eżempji ta' suċċess tal-aħħar għaxar snin huma bosta:

- It-tneħħija tal-kontrolli mal-fruntieri interni taż-żona ta' Schengen illum tippermetti lil aktar minn 400 miljun ċittadin ta' ħamsa u għoxrin pajjiż li jivvjaġġaw mill-peninsula Iberika sal-Istati Baltiċi u mill-Greċja sal-Finlandja mingħajr kontrolli fil-fruntieri. Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni ssir b'mod aktar koerenti, b'mod partikolari, permezz tal-ħolqien u l-istabbiliment operattiv tal-aġenzija Frontex.

- Il-bażijiet ta' politika komuni tal-immigrazzjoni ġew stabbiliti. Huma jinvolvu, b'mod partikolari, l-istabbiliment ta' regoli li jiżguraw aktar ekwità u prevedibbiltà għall-immigrazzjoni legali, aġenda komuni biex tiġi sostnuta l-integrazzjoni fi ħdan is-soċjetajiet Ewropej kif ukoll azzjoni msaħħa kontra l-immigrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin. Ġew stabbiliti wkoll sħubijiet mal-pajjiżi terzi biex il-kwistjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni jiġu amministrati b'mod konġunt.

- Ġew stabbiliti l-pedamenti ta' sistema komuni Ewropea għall-ażil għall-persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, inkluż mill-perspettiva operattiva permezz tal-Uffiċċju ta' Sostenn għall-Ażil. Ġiet żviluppata b'suċċess politika komuni dwar il-viżi, li żżid it-trasparenza u ċ-ċertezza legali għall-persuni kollha kkonċernati.

- Ġie inkoraġġut livell għoli ta' fiduċja fost l-awtoritajiet nazzjonali. Fil-qasam kriminali, l-iskambji tal-informazzjoni ġew partikolarment imtejba. Pereżempju, l-awtoritajiet tal-pulizija jistgħu jiksbu informazzjoni minn Stat Membru ieħor, jekk din tkun disponibbli, mingħajr xkiel kbir.

- Il-mandat ta' arrest Ewropew, li naqqas ukoll b'mod sinifikanti l-isforz meħtieġ għall-estradizzjoni tal-kriminali, naqqas ukoll it-termini proċedurali, minn sena għal bejn 11-il jum u sitt ġimgħat.

- Saru sforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, inkluża l-kriminalità informatika, kif ukoll sforzi biex jiġu protetti l-infrastrutturi kritiċi.

- Sar ukoll progress fil-qasam ċivili u kummerċjali. Iċ-ċittadini tal-UE minn hawn 'il quddiem għandhom għad-dizpożizzjoni tagħhom mezzi aktar sempliċi u rapidi biex jinfurzaw il-krediti tagħhom f'sitwazzjonijiet transkonfinali. Ġew stabbiliti regoli komuni fuq il-liġi applikabbli għar-responsabbiltà ċvili u għall-kuntratti. Ġiet imtejba l-protezzjoni tat-tfal, b'mod partikolari biex ikunu jisgħtu jżommu kuntatti regolari mal-ġenituri tagħhom wara separazzjoni u biex jiġi evitat il-ħtif tat-tfal fl-UE.

Madankollu, il-passi 'l quddiem kienu aktar bil-mod u f'ċerti asspetti irregolari

Il-progress kien komparattivament bil-mod f'ċerti oqsma, b'mod partikolari fil-qasam kriminali u tal-liġi tal-familja. Dan il-pass bil-mod huwa dovut għall-fatt li dawn il-politiki jeħtieġu l-unanimità fil-Kunsill, fatt li ta' spiss wassal għal diskussjonijiet twal li ftit waslu għal konklużjonijiet fejn dawn l-istrumenti setgħu wasslu għal-livell aktar ambizzjuż.

Sfida oħra hi dik li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni. Il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hi limitata, b'mod partikolari fil-qasam kriminali, u l-Kummissjoni ma tistax tressaq proċedimenti ta' ksur. B'hekk ikun hemm dewmien sinifikanti fit-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE fil-livell nazzjonali, fatt li jagħtihom natura kemmxejn 'virtwali'.

Minbarra r-restrizzjonijiet proċedurali u istituzzjonali, għadhom meħtieġa sforzi konsiderevoli. Fil-qasam ċivili u kummerċjali, għad hemm sal-lum proċeduri intermedji, li huma ta' xkiel għall-moviment liberu tad-deċiżjonijiet fl-Ewropa, pereżempju għall-krediti kkontestati. Il-ħarsien taċ-ċittadini u l-impriżi f'każ ta' kunflitt ma' partijiet domiċiljati f'pajjiżi terzi huwa nieqes. Għad hemm xkiel għar-rikonoxximent tad-dokumenti dwar l-istat ċivili taċ-ċittadini barra mill-fruntieri nazzjonali. L-implimentazzjoni mill-Istati Membri kollha tad-Direttiva dwar iċ-ċirkolazzjoni libera tal-persuni għad għandha nuqqasijiet. Fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, għad hemm differenzi dwar il-livell ta' protezzjoni tal-persuni matul proċeduri ġudizzjarji. Garanziji proċedurali minimi fil-qasam penali ma setgħux jiġu adottati matul dan il-perjodu. Barra minn hekk, l-iskambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali dwar persuni kkundannati għadhom mhumiex għal kollox effettivi. Barra minn dan, fil-livell operattiv, l-azzjoni tal-pulizija barra mill-fruntieri nazzjonali tiltaqa' ma' diversi ostakli.

L-isfidi futuri

L-għan huwa li ċ-ċittadin ikollu l-aħjar servizz possibbli. Id-diversità li qed tikber ta' Unjoni magħmula minn 27 Stat Membru jew aktar għandha tkun riflessa fil-mod kif l-oqsma tal-ġustizzja, tal-libertà u tas-sigurtà jiġu amministrati. Id-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fi ħdan l-Unjoni huwa issa disponibbli għal 500 miljun persuna. Konsegwentement, in-numru ta' sitwazzjonijiet personali u kummerċjali b'dimensjoni transnazzjonali qiegħed jikber. Barra minn dan, il-pressjonijiet migratorji, b'mod partikolari fil-fruntiera tan-nofsinhar tal-Unjoni, kibru b'mod ċar.

L-eżempji li ġejjin jirrappreżentaw id-diversi sfidi tal-ġejjieni:

- Aktar minn 8 miljun Ewropew illum jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jgħixu fl-Istat Membru li jagħżlu, tendenza li hija destinata li tiżdied fil-futur. Madankollu, iċ-ċittadini għadhom qed jaffaċċjaw diversi ostakli biex jeżerċitaw dan id-dritt, li huwa espressjoni maġġuri taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

- Il-kwistjonijiet ta' ġustizzja ċivili se jsiru aktar importanti. Bħalissa diġà hemm suċċessjoni minn għaxra fl-Unjoni b'dimensjoni internazzjonali.

- Il-kriminalità informatika m'għandhiex fruntieri u qiegħda tevolvi kontinwament. Fl-2008, ingħaddu 1500 sit tal-internet, kemm kummerċjali u kemm le, b'kontenut ta' natura pedopornografika.

- It-terroriżmu għadu theddida għall-Unjoni. Fl-2007, seħħew kważi 600 attakk terroristiku (li ma rnexxewx, li twaqqfu jew li rnexxew) fi ħdax-il Stat Membru tal-Unjoni.

- Hemm 1636 punt indikat bħala punt ta' dħul fit-territorju tal-Unjoni u fl-2006 ntużaw madwar 900 miljun darba. F'dinja miftuħa li fiha l-mobbiltà tal-persuni qiegħda tiżdied, li tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Unjoni hija sfida maġġuri.

- Fl-2006, ġew reġistrati 18.5 miljun ċittadin ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni, jiġifieri, kważi 3.8% tal-popolazzjoni totali. Il-pressjonijiet migratorji jistgħu jikbru. Dan hu dovut għaż-żieda demografika u l-faqar f'diversi pajjiżi ta' oriġini kif ukoll għat-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea. Bejn l-2008 u l-2060, in-numru ta' persuni ta' età li jaħdmu għandu jonqos bi 15% jiġifieri b'madwar 50 miljun persuna.

- Skont l-istimi, madwar 8 miljun immigrant irregolari jgħix fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, b'bosta minnhom li jaħdmu fl-ekonomija informali. Fost il-kwistjonijiet maġġuri għas-snin li ġejjin hemm li jiġu affaċċjati l-fatturi li jattiraw l-immigrazzjoni klandestina u li l-politiki tal-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari jsiru effettivi.

- Minkejja l-eżistenza ta' sistema komuni tal-ażil, għad trid tinkiseb omoġeneità akbar fl-ipproċessar mill-Istati Membri tal-applikazzjonijiet għall-ażil minħabba li bħalissa r-rati ta' rikonoxximent ivarjaw ħafna. Fl-2007, 25% tad-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza taw status ta' protezzjoni (rifuġjat jew protezzjoni sussidjarja). Din il-medja taħbi differenzi kbar: uħud mill-Istati Membri jagħtu biss din il-protezzjoni f'numru żgħir ħafna ta' każijiet filwaqt li oħrajn għandhom rata ta' rikonoxximent li hija qrib il-50%.

Programm multiannwali ġdid

L-Unjoni għandu jkollha programm multiannwali ġdid li, billi jieħu spunt mill-progressi li saru u jiġbed il-lezzjonijiet mid-dgħufijiet attwali, jagħmel pjanijiet ambizzjużi għall-ġejjieni. Dan il-programm il-ġdid għandu jiddefinixxi prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin, sabiex jenfasizza l-isfidi futuri u jagħmel il-benefiċċji għaċ-ċittadini taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizza aktar tanġibbli għaċ-ċittadini.

Il-bini taż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja jista' biss jitfassal b'dimensjoni esterna b'saħħitha li tkun koerenti mal-politika esterna tal-Unjoni Ewropea u li għandha tikkontribwixxi għat-tixrid tal-valuri tagħna billi jiġu promossi fir-rispett tal-obbligi internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem. L-ebda wieħed mill-għanijiet segwiti fil-kuntest ta' din iż-żona ma jintlaħaq mingħajr l-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti xierqa tal-politika esterna. Min-naħa l-oħra, billi tinvolvi ruħha mal-pajjiżi terzi fil-kuntest ta’ sħubiji u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni, l-Unjoni ssaħħaħ l-effettività tal-politika esterna tagħha.

Il-prijoritajiet politiċi

It-tema ċentrali tal-programm il-ġdid se tkun li "tinbena l-Ewropa taċ-ċittadini". Kull azzjoni futura se tkun iffukata fuq iċ-ċittadin u se jkollha tqis il-prijoritajiet prinċipali li ġejjin:

1. Il-promozzjoni tad-drittjiet taċ-ċittadini – Ewropa tad-drittijiet : iż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għandha qabel kollox tkun żona unika ta' protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li fi ħdanha r-rispett tal-persuna u tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll tad-drittijiet l-oħra stabbilit fil-Karta tad-drittijiet fundamentali jkun valur essenzjali. Dan jinvolvi pereżempju l-ħarsien tal-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet u tal-ambitu privat taċ-ċittadin lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, b'mod partikolari permezz tal-protezzjoni tad-dejta personali tiegħu; li jitqiesu l-bżonnijiet partikolari tal-persuni vulnerabbli; li jiġi żgurat l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet speċifiċi tiegħu, inkluż f'pajjiżi terzi.

2. L-iffaċilitar tal-ħajja taċ-ċittadini – Ewropa tal-ġustizzja: it-twettiq ta' żona Ewropea tal-ġustizzja għandu jiġi approfondit sabiex tiġi ssuperata l-frammentazzjoni attwali. Qabel kollox jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex l-aċċess tal-persuni għall-ġustizzja jiġi ffaċilitat sabiex ikunu jistgħu jinforzaw id-drittijiet tagħhom kullimkien fl-Unjoni Ewropea. Fil-qasam kuntrattwali u kummerċjali, dan se jippermetti li l-atturi ekonomiċi jiġu offerti l-għodda neċessarji biex igawdu bis-sħiħ mill-opportunitajiet tas-suq intern. Jeħtieġ ukoll li tittejjeb il-kooperazzjoni fost il-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja, u biex jintużaw mezzi biex jitneħħa x-xkiel għar-rikonoxximent ta' atti legali fi Stati Membri oħrajn.

3. Il-ħarsien taċ-ċittadini – Ewropa li tipproteġi : għandha tiġi żviluppata strateġija ta' sigurtà interna sabiex titjieb aktar is-sigurtà fi ħdan l-Unjoni u sabiex b'hekk tiġi protetta l-ħajja u l-integrità taċ-ċittadini Ewropej. L-istrateġija ta' azzjoni se tirrigwarda t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali kif ukoll aċċess aktar sikur għat-territorju Ewropew.

4. Il-promozzjoni ta' soċjetà aktar integrata għaċ-ċittadin - Ewropa solidali : l-ikkonsolidar u l-implimentazzjoni vera ta' politika ta' immigrazzjoni u ażil, li tiggarantixxi solidarjetà bejn l-Istati Membri u sħubija mal-pajjiżi terzi, hija prijorità importanti għas-snin li ġejjin. Din għandha toffri status ċar u komuni għall-immigranti legali. Għandhom jiġu żviluppati rabtiet aktar b'saħħithom bejn l-immigrazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol kif ukoll politiki mmirati ta' integrazzjoni u edukazzjoni. L-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti disponibbli biex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni irregolari għandha tittejjeb. Il-koerenza mal-azzjoni esterna tal-Unjoni hija importanti ħafna għall-ġestjoni ta’ dawn il-politiki. L-Unjoni għandha wkoll tikkonferma t-tradizzjoni umanitarja tagħha billi toffri l-protezzjoni tagħha b'mod ġeneruż lil dawk li jkollhom bżonnha.

L-istrumenti

L-implimentazzjoni tal-programm pluriannwali li jmiss tippresupponi, sabiex jirnexxi, ir-rispett ta' metodu . Dan se jkun ibbażat fuq ħames fusijiet prinċipali:

(i) filwaqt li progressivament jiksbu l-maturità tagħhom, il-politiki żviluppati fl-oqsma tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni jappoġġjaw lil xulxin u jsaħħu l-koerenza tagħhom. Għas-snin li ġejjin, huma għandhom jintegraw fil-politiki l-oħra tal-Unjoni b'mod armonjuż .

(ii) Sabiex jitnaqqas id-distakk sinifikanti bejn ir-regoli u l-politiki adottati fil-livell Ewropew u l- implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali , għandha tingħata aktar attenzjoni lil din tal-aħħar. Apparti mit-trażpożizzjoni legali, l-implimentazzjoni għandha ssir flimkien ma' miżuri konkreti ta' appoġġ (eż. it-tisħiħ tan-netwerks professjonali).

(iii) It-titjib fil-kwalità tal-leġiżlazzjoni Ewropea għandu jibqa' prijorità. L-azzjoni tal-Unjoni għandha tiffoka fejn tista' twassal għal reazzjoni xierqa għall-problemi taċ-ċittadin. Għandha ssir riflessjoni fuq l-impatt possibbli tal-proposti dwar iċ-ċittadini u d-drittijiet fundamentali tagħhom, l-ekonomija u l-ambjent hekk kif jitfasslu. Minkejja li hu riċenti, l- acquis huwa mdaqqas u t-tibdiliet istituzzjonali suċċessivi f'dan il-qasam żiedu fil-kumplessità tiegħu. Dan huwa ċertament wieħed mill-għejun tad-diffikultajiet li wieħed jiltaqa' magħhom fl-applikazzjoni.

(iv) Iċ-ċittadini qed jistennew li jaraw riżultati tal-azzjoni tal-Unjoni. It-titjib tal-użu tal-evalwazzjoni tal-istrumenti adottati u tal-aġenziji stabbiliti hija prijorità.

(v) Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-prijoritajiet politiċi jkunu akkumpanjati minn mezzi finanzjarji adegwati li jippermettu l-implimentazzjoni tagħhom u li jkunu intiżi b'mod ċar għall-istess prijoritajiet. L-istrumenti tal-baġit tal-ġejjieni għandhom ikunu jlaħħqu mal-ambizzjoni politika tal-programm multiannwali l-ġdid u jkunu bbażati fuq evalwazzjoni tal-effettività tal-istrumenti attwali.

2. IL-PROMOZZJONI TAD-DRITTJIET TAċ-ċITTADINI: EWROPA TAD-DRITTIJIET

Fiż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, ir-rispett tal-persuna u tad-dinjità tal-bniedem, imsemmi fil-Karta, huwa valur essenzjali. Iċ-ċittadini jistgħu jiċċirkolaw liberament u jgawdu għal kollox id-drittijiet tagħhom f''din iż-żona mingħajr fruntieri interni.

Is-sistema ta' ħarsien tad-drittijiet fundamentali fis-sistema legali tal-Unjoni hija partikolarment żviluppata. L-Unjoni, bħall-Istati Membri, tista', pereżempju, tistrieħ fuq l-għarfien tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. L-adeżjoni tal-Unjoni fil-Konvenzjoni Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem, li hija simbolu politiku importanti, se tikkompleta din is-sistema ta' protezzjoni. Din l-adeżjoni għandha tkun ta' benefiċċju fit-tfittxija għal żvilupp armonjuż tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u l-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem.

L-Unjoni hija żona ta' valuri komuni maqsuma. Dawn il-valuri huma inkompatibbli mar-reati tar-reġimi totalitarji. Il-memorja ta' dawn ir-reati kontra l-umanità trid tinqasam fost kulħadd f'perspettiva ta' rikonċiljazzjoni. F'dan ir-rigward, l-Unjoni għandha jkollha r-rwol ta' faċilitatur filwaqt li tirrispetta l-proċeduri partikolari ta' kull Stat.

Dawn il-valuri huma pedament taċ-ċittadinanza Ewropea u r-rispett tagħhom huwa kriterju essenzjali għal adeżjoni fl-Unjoni. Iċ-ċittadinanza Ewropea tiżdied ma’ u tikkumplementa ċ-ċittadinanza nazzjonali. Hija tagħti drittijiet u obbligi speċifiċi liċ-ċittadini Ewropej, li għandhom jiġu applikati b'mod konkret u effettiv.

2.1. Eżerċizzju sħiħ tad-dritt għall-moviment liberu

Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tippermetti l-mobbiltà taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, iċ-ċittadini jiltaqgħu ma’ ostakli meta jiddeċiedu li jgħixu jew jivvjaġġaw fi Stat Membru ieħor minn dak tagħhom. L-applikazzjoni effettiva tad-direttiva dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini hija prijorità u l-Kummissjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-politika li takkumpanja l-implimentazzjoni tagħha filwaqt li tiżgura traspożizzjoni korretta u applikazzjoni tar-regoli applikabbli mill-Istati Membri. Il-libertà tal-moviment tinvolvi wkoll obbligi min-naħa ta' dawk li jgawdu minnha. Il-Kummissjoni se teżamina kif għandha tgħin lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jiġġieldu b'mod effettiv kontra l-abbużi minn dan il-prinċipju fundamentali tal-Unjoni. Hi se tippubblika linji gwida biex tispjega l-politika tagħha f'dan il-qasam.

Barra minn dan, jeħtieġ li ċ-ċittadini jingħataw għajnuna meta jkunu affaċċjati minn ċerti proċeduri amministrattivi jew legali meta jkun qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu. Għal din ir-raġuni għandha tiġi stabbilita sistema li tippermettilhom iwettqu faċilment u mingħajr spejjeż addizzjonali d-dokumenti prinċipali dwar l-istat ċivili. Din is-sistema għandha tippermetti li jiġu ssuperati l-barrieri lingwistiċi possibbli u biex tiġi żgurata l-forza probatorja ta' dawn id-dokumenti. Fl-aħħar nett ir-rikonoxximent reċiproku tal-effetti marbuta mad-dokumenti dwar l-istat ċivili għandhom ikun is-suġġett ta' riflessjoni approfondita.

2.2. Ngħixu flimkien f'żona li tirrispetta d-diversità u li tipproteġi lill-aktar persuni vulnerabbli

Id-diversità hija l-għana tal-Unjoni, li għandha toffri ambjent sikur fejn id-differenzi huma rispettati u l-aktar vulnerabbli protetti.

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, l-antisemitiżmu, il-ksenofobija u l-omofobija għandha ssir b'determinazzjoni. L-Unjoni se tuża l-istrumenti eżistenti, b'mod partikolari l-programmi finanzjarji. Il-kontroll tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, inkluża d-deċiżjoni ta' qafas fuq ir-razziżmu u l-ksenofobija, irid jiġi msaħħaħ.

Id- drittijiet tat-tfal – jiġifieri l-prinċipju tas-supremazija tal-interessi tagħhom, id-dritt li jgħixu u għall-manteniment u li jiżviluppaw, id-dritt ta' nondiskriminazzjoni u r-rispett għall-opinjoni tagħhom – hekk kif iddikjarati fil-Karta u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal, potenzjalment jirrigwardaw il-politiki kollha tal-Unjoni. Dawn għandhom jitqiesu sistematikament. Għal dan jeħtieġ li jiġu identifikati l-azzjonijiet li jistgħu jingħataw valur miżjud mill-Unjoni. Se tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli, b'mod partikolari fil-kuntest tal-politika tal-immigrazzjoni (minorenni mhux akkumpanjati, vittmi tat-traffikar).

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom sabiex ir- Rom jiġu integrati totalment fis-soċjetà billi jippromwovu l-integrazzjoni tagħhom fis-sistema skolastika u s-suq tax-xogħol u billi jiġġieldu l-vjolenza li jistgħu jkunu s-suġġett tagħha. L-Unjoni se tuża l-fondi strutturali b'mod immirat għal dan il-għan u se tiżgura li t-testi eżistenti jiġu applikati sewwa biex tiġġieled id-diskriminazzjonijiet li jistgħu jkunu vittmi tagħhom. Is-soċjetà ċivili se jkollha rwol partikolari.

B'mod aktar ġenerali, il -persuni l-aktar vulnerabbli, partikolarment in-nisa vittmi tal-vjolenza u l-persuni dipendenti għandhom jingħataw aktar protezzjoni, partikolarment protezzjoni legali. Se jingħata sostenn finanzjarju xieraq b'mod partikolari permezz tal-programm DAPHNE. L-Unjoni se taġixxi wkoll f’dan is-sens fil-politika esterna tagħha.

2.3. Il-protezzjoni tad-dejta ta' natura personali u tal-ħajja privata

L-Unjoni trid tirreaġixxi għall-isfida rrappreżentata mill-iskambju akbar ta' dejta personali billi tirrispetta bis-sħiħ il-protezzjoni tal-ħajja privata. Id-drittijiet għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta' dejta ta' natura personali huma ggarantiti mill-Karta.

Għandha tiġi mwaqqfa sistema kompleta ta’ protezzjoni. L-Unjoni għandha tiżgura azzjoni globali u mġedda ta’ protezzjoni tad-dejta taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni u fil-qafas tar-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi. Għandha wkoll tipprevedi u tirregola ċ-ċirkustanzi li fihom l-awtoritajiet pubbliċi, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet leġittimi tagħhom, ikunu jistgħu, jekk ikun il-każ, jagħmlu l-limitazzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli.

Il-bidliet teknoloġiċi attwali huma rapidi ħafna. Dawn jittrasformaw il-komunikazzjoni bejn il-persuni u l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li jerġgħu jiġu affermati diversi prinċipji: l-iskop, il-proporzjonalità u l-leġittimità tal-ipproċessar, iż-żmien limitat tal-ħażna, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità, ir-rispett tad-drittijiet tal-persuna u l-kontroll minn awtorità indipendenti.

Il-qafas legali attwali jistabbilixxi livell għoli ta' protezzjoni. Fid-dawl tal-bidliet teknoloġiċi rapidi, jista' jirriżulta li jkunu meħtieġa inizjattivi komplementari , kemm leġiżlattivi u kemm le, sabiex tinżamm applikazzjoni effettiva ta' dawn il-prinċipji.

Ir-rispett tal-prinċipji ta' protezzjoni tad-dejta għandu jkun ukoll żgurat bl-iżvilupp ta' teknoloġiji xierqa ġodda , b'riżultat tat-titjib tal-kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati, b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka. Għandha tiġi eżaminata l-introduzzjoni ta' ċertifikazzjoni Ewropea għat-teknoloġiji, il-prodotti u s-servizzi "li jirrispettaw il-ħajja privata".

Fl-aħħar nett, protezzjoni effettiva tippresupponi għarfien tajjeb tad-drittijiet u tar-riskji (b'mod partikolari tal-Internet). Għandhom isiru kampanji ta' informazzjoni u għarfien b'mod partikolari fost l-aktar persuni vulnerabbli.

Mill-perspettiva globali, l-Unjoni għandu jkollha rwol ewlieni fl-iżvilupp u l-promozzjoni ta' standards internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta ta' natura personali u fil-konklużjoni ta' strumenti internazzjonali – bilaterali jew multilaterali – xierqa. Il-ħidmiet li saru mal-Istati Uniti għall-protezzjoni tad-dejta jistgħu jkunu ta' riferiment għal ftehimiet ulterjuri.

2.4. Il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni

Id-dritt li tivvota u li tkun kandidat għall-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat tal-oriġini huwa l-espressjoni politika tal-kunċett taċ-ċittadinanza Ewropea. Minkejja dan, l-eżerċizzju reali ta’ dan id-dritt huwa ftit sodisfaċenti u għandu jiġi ffaċilitat permezz tal-kampanji ta’ komunikazzjoni u informazzjoni li jikkonċernaw id-drittijiet marbutin maċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

Fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej fl-2014, jaqbel li ssir riflessjoni dwar miżuri li jħeġġu ċ-ċittadini: għandu jiġi favorizzat approċċ ambizzjuż għal kampanji elettorali li jiffukaw fuq id-dibatti verament Ewropej. L-iffaċilitar tal-ivvutar taċ-ċittadini u r-reġistrazzjoni fil-listi elettorali kif ukoll il-votazzjoni matul il-ġimgħa tad-9 ta' Mejju se jikkontribwixxu għal dan.

B’mod iktar ġenerali, jaqbel ukoll li jiġi eżaminat kif jistgħu jiġu kkompletati d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini residenti fi Stat Membru ieħor, abbażi ta' rapporti regolari konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat[1], sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Istat Membru fejn huma residenti.

2.5. Benefiċċju ta' protezzjoni fil-pajjiżi terzi

Barra mill-Unjoni Ewropea, is-27 Stat Membru huma rrappreżentati lkoll fi tlieta biss mill-166 pajjiż terz. 8,7% miċ-ċittadini Ewropej, jiġifieri seba' miljun persuna, jivvjaġġaw f'pajjiż li fih l-Istat tagħhom mhumiex rappreżentat.

Kull ċittadin tal-Unjoni li jkun jinsab f'pajjiż terz fejn l-Istat Membru tiegħu ma jkunx rappreżentat għandu dritt għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsolari ta' kull Stat Membru ieħor, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat. Dan id-dritt fundamentali, li jinsab fit-Trattati, għadu madankollu estensivament interpretat ħażin jew mhux applikat. Għaldaqstant jeħtieġ li jsiru kampanji ta' komunikazzjoni apposta dwar dan id-dritt.

Sabiex il-protezzjoni konsulari ssir iktar effettiva, għandu jissaħħaħ il-qafas ta’ koordinazzjoni u ta‘ kooperazzjoni eżistenti: it-tliet sisien essenzjali ta' din ir-riforma ser ikunu li jiġi ċċarat il-kunċett tal-Istat Mexxej fil-każ ta' kriżi, li jiġu stabbiliti kriterji komuni għad-definizzjoni tal-kunċett ta' Stat Membru mhux rappreżentat u li jiġi ddeterminat min se jieħu r-responsabbiltà finanzjarja għar-ripatrijazzjonijiet fuq bażi tal-istrumenti Komunitarji eżistenti. Barra minn dan, se jiġu organizzati eżerċizzji ta' emerġenza fil-każ ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi.

2.6. Tisħiħ tal-Protezzjoni Ċivili

Il-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili għandu jissaħħaħ sabiex jiġu mejgħuna u kkumpletati l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-Protezzjoni Ċivili. Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-analiżi tar-riskji, inkluż l-aspetti reġjonali, għandha tiġi żviluppata biex jiġu definiti l-għanijiet u l-azzjonijiet komuni. Fl-istess ħin, il-kapaċità ta’ rispons tal-Unjoni għandha tissaħħaħ billi jiġu organizzati aħjar il-mekkaniżmi ta’ għajnuna u l-interoperabbiltà tal-mezzi ta’ implimentazzjoni. Il-MIC (iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni u Segwitu) għandu jsir ċentru operazzjonali reali li jkollu l-kapaċità ta’ analiżi u pjanifikar.

3. L-IFFAċILITAR TAL-ħAJJA TAċ-ċITTADINI: EWROPA TAD-DRITT U TAL-ġUSTIZZJA

F’żona mmarkata minn mobbiltà dejjem tiżdied, il-prijorità għandha tiġi żviluppata u tiġi promossa żona ġudizzjarja Ewropea għaċ-ċittadin, billi jiġu megħluba l-ostakli li għad fadal għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom. B’dan il-mod, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwiti minn Stat Membru għal ieħor mingħajr diffikultà. Is-sistemi ġudizzjarji tas-27 Stat Membru għandhom ikunu jistgħu jiffunzjonaw flimkien, b'mod koerenti u effettiv, fir-rispett tat-tradizzjonijiet legali nazzjonali.

Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku huwa l-pedament tal-binja tal-Ewropa tal-ġustizzja. Il-progress legali importanti li sar matul is-snin li għaddew irid jiġi kkonsolidat u implimentat b'determinazzjoni. Madankollu ma jistax jiġi kkonkretizzat mingħar ma tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-atturi tad-dinja ġudizzjarja.

L-iżvilupp tal-Ewropa ġudizzjarja tippresupponi wkoll li l-Ewropa jkollha bażi ta' regoli komuni. Dan huwa b'mod partikolari l-każ fil-ġlieda kontra ċerti tipi ta' kriminalità transkonfinali partikolarment gravi jew sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-Unjoni.

Iż-żona ġudizzjarja Ewropea għandha wkoll tippermetti lill-individwi biex isostnu d-drittijiet tagħhom kullimkien fl-Unjoni billi tiffaċilita l-aċċess għall-ġustizzja. Għandu joffri lill-atturi ekonomiċi l-għodda neċessarji biex igawdu bis-sħiħ mill-opportunitajiet tas-suq uniku, b'mod partikolari fiż-żminijiet ta' kriżi ekonomika.

3.1. It-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku

Fil-qasam ċivili, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji għandhom jiġu eżegwiti direttament u mingħajr xi miżura intermedja oħra. Jeħtieġ għalhekk li l- proċedura tal- exequatur tad-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali, li għadha ta' spiss iżżejjed meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet mogħtija fi Stati Membri oħra, tiġi abolita b'mod ġenerali Għal dan jeħtieġ li l-ewwel nett jiġu armonizzati r-regoli ta' kunflitti tal-liġijiet fl-oqsma indikati.

Barra minn dan, ir-rikonoxximent reċiproku jista’ jiġi estiż għal oqsma li għadhom mhumiex koperti u li huma essenzjali fil-ħajja ta' kuljum, bħalma huma s-suċċessjoni u t-testmenti, is-sistemi li jirregolaw iż-żwieġ u l-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni tal-koppji.

B'mod ġenerali, l-istrumenti adottati għandhom jinġemgħu f'kodiċi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili biex l-implimentazzjoni tagħhom tiġi ffaċilitata.

Fil-qasam kriminali , il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu japplika għall-istadji kollha tal-proċedura. Sar progress kbir fit-titjib tar-rikonoxximent reċiproku tal-pieni mogħtija.

Barra minn dan, ir-rikonoxximent reċiproku għandu jestendi għal tipi oħra ta' deċiżjonijiet , li, skont l-Istati Membri, jistgħu jkunu kemm ta' natura penali kif ukoll ta' natura amministrattiva. B'hekk, ix-xhieda jew il-vittmi ta' reat jistgħu jkunu s-suġġett ta' miżuri ta' protezzjoni partikolari. Dawn għandhom jiġu applikati minn Stat membri għal ieħor. Bl-istess mod, ċerti multi, li n-natura penali jew amministrattiva tagħhom tvarja skont l-Istati Membri, għandhom ikunu jistgħu jiġu eżegwiti fost l-Istati, bl-għan, b'mod partikolari, li tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq u, b'mod aktar ġenerali, li jiġi żgurat ir-rispett tal-politiki tal-Unjoni.

L-Unjoni għandha tindirizza r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' telfien ta' dritt u, għal dan il-għan, tiffavorixxi l-iskambji sistematiċi ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri. It-telfien ta' drittijiet li l-aktar li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà tal-persuni jew tal-ħajja ekonomika għandhom jiġu indirizzati l-ewwel: interdizzjoni mill-eżerċizzju ta' ċerti professjonijiet, l-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan, it-telfien tad-dritt li wieħed ikun amministratur ta' kumpanija jew li jipparteċipa f'sejħiet pubbliċi għall-offerti eċċ. Fil-kuntest attwali ta' kriżi ekonomika, l-Unjoni għandha tgħasses partikolarment biex tevita li imġiba abużiva li tkun ta' preġudizzju għat-tħaddim tajjeb tas-suq tkun tista' sseħħ mingħajr xkiel minn Stat Membru għal ieħor.

3.2. It-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka

Ir-rikonoxximent reċiproku għandu l-konsegwenza li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-livell nazzjonali jkollhom impatt fl-Istati Membri l-oħra, b'mod partikolari fuq is-sistema ġudizzjarja tagħhom. Huma meħtieġa miżuri bl-għan li jsaħħu l-fiduċja reċiproka sabiex dawn l-iżviluppi jkunu jistgħu jitgawdew bis-sħiħ.

Jeħtieġ li l-implimentazzjoni tal-miżuri tkun segwita aħjar , b'mod partikolari fost il-professjonisti. Il-Eurojust u n-netwerks ġudizzjarji Ewropej ċivili u kriminali għandhom jintużaw aktar sabiex titjieb l-applikazzjoni konkreta u effettiva tad-dritt Ewropew mill-prattikanti kollha. Jeħtieġ ukoll li għodda ta' appoġġ jitpoġġew għad-dispożizzjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji billi jintużaw, b'mod partikolari, il-mezzi elettroniċi (għajnuna għat-traduzzjoni, l-istabbiliment ta' żona sikura ta' komunikazzjoni, vidjokonferenzi, eċċ.).

Jekk l-Ewropa tal-ġustizzja tinbena billi tiġi rrispettata d-diversità tas-sistemi nazzjonali, din id-diversità m'għandhiex tkun is-sors ta' nuqqas reċiproku ta' komprensjoni. Huwa għalhekk essenzjali li jiżdiedu l-opportunitajiet ta' skambji fost il-professjonisti tal-ġustizzja. In-netwerk differenti ta' professjonisti għandhom, bl-għajnuna tal-Unjoni, jissaħħu, jiġu kkoordinati u jiġu strutturati aħjar. It-tħaddim tal- Forum tal-Ġustizzja għandu jitjieb.

Huwa kruċjali li l-isforz għat- taħriġ tal-professjonijiet ġudizzjarji kollha, inklużi l-qrati amministrattivi, jiżdied u jsir aktar sistematiku. Minn issa sa tmiem il-programm multiannwali, għandu jkompli l-għan ta’ taħriġ sistematiku Ewropew għall-imħallfin u l-prosekuturi l-ġodda kollha fi stadju tal-kors ta’ taħriġ tagħhom; mill-inqas nofs l-imħallfin u l-prosekuturi tal-Unjoni għandhom ikunu segwew taħriġ Ewropew jew ipparteċipaw fi skambju ma' Stat ieħor. L-Istati Membri huma responsabbli bħala prijorità f'dan il-qasam u l-Unjoni għandha ssostni finanzjarjament l-isforz tagħhom. In-Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) għandu jiġi msaħħaħ u jkun mogħni minn struttura u mezzi tal-livell tal-ambizzjonijiet tiegħu. Barra minn dan, għandhom jiġu żviluppati programmi ta' tagħlim mill-bogħod (e-learning) u appoġġi komuni għat-taħriġ sabiex il-professjonijiet ġudizzjarji jitħarrġu fil-mekkaniżmi Ewropej (relazzjonijiet mal-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu tal-istrumenti ta' rikonoxximent reċiproku u tal-kooperazzjoni ġudizzjarji, dritt komparat, eċċ.). It-taħriġ Ewropew għandu jsir stadju li jkun parti sistematika fit-taħriġ għall-imħallfin u l-prosekuturi ġodda kollha.

Bħal f'oqsma oħra, l-iżvilupp tar-rikonoxximent reċiproku għandu, fil-qasam ġudizzjarju, jseħħ flimkien ma' tisħiħ tal- evalwazzjoni . Din għandha tkun, b'mod partikolari, dwar l-effettività tal-istrumenti legali u l-politiki adottati fil-livell tal-Komunità. Hija għandha wkoll, jekk ikun il-każ, tidentifika x-xkiel għall-funzjonament tajjeb taż-żona ta' ġustizzja Ewropea. L-evalwazzjoni għandha wkoll issir perjodikament filwaqt li tiffaċilita għarfien imtejjeb tas-sistemi nazzjonali sabiex jintużaw prattiċi tajba.

L-Unjoni għandha għaldaqstant tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom billi tiffavorixxi l-iskambji ta' prattiki tajba u l-iżvilupp ta' proġetti innovattivi fil-qasam tal-immodernizzar tal-ġustizzja[2]. Fuq medda qasira ta' żmien, jista' jiġi organizzat programm pilota għal dan il-għan.

Fil-pajjiżi terzi u b’mod partikoli l-pajjiżi ta’ tkabbir, l-Unjoni ġiet mogħnija minn strumenti bħall-ġemellaġġ jew il-valutazzjonijiet bejn il-pari mmirati biex jiġu promossi r-riformi tal-ġustizzja u t-tisħiħ tal-Istat tad-Dritt. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu segwiti.

3.3. L-Iżvilupp ta' bażi ta’ standards komuni

L-iżvilupp ta’ żona ġudizzjarja Ewropea teħtieġ ukoll ċertu livell ta’ approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari tal-Istati Membri.

Fil-qasam kriminali , b’mod partikolari fir-rigward tat-terroriżmu, tal-kriminalità organizzata u tal-attentati fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-azzjoni fil-livell Ewropew biss tista' tagħti riżultati effiċjenti. Għalhekk jaqbel li titkompla l-approssimazzjoni tal-liġi materjali dwar ċerti ksur serji, li huma tipikament transkonfinali li għandhom ikunu s-suġġett ta’ definizzjonijiet u sanzjonijiet komuni. Din l-approssimazzjoni għandha tippermetti l-għarfien reċiproku u, f’ċerti każijiet, is-suppressjoni kważi għal kollox tar-raġunijiet ta’ rifjut tal-għarfien tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri l-oħra.

Barra minn hekk, fir-rispett tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet, l-implimentazzjoni ta' ċerti politiki tal-Unjoni tista’ teżiġi d-definizzjoni ta' ksur u sanzjonijiet komuni biex tiġi żgurata l-effiċjenza, kif kien il-każ fil-qasam tal-ambjent u tat-trasport.

Fil-qasam ċivili, għandhom jiġu stabbiliti fuq il-pjan Ewropew standards minimi li jirrigwardaw ċerti aspetti tal-proċedura ċivili f’rabta mal-ħtiġijiet tal-għarfien reċiproku. Barra minn hekk, dan it-tip ta’ standards għandhom ikunu stabbiliti għall-għarfien ta’ deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri (inklużi dawk dwar id-dritt għall-kustodja). Fl-aħħar nett, il-funzjonament tajjeb taż-żona legali Ewropea kultant jeżiġi li ġuriżdizzjoni nazzjonali tapplika l-liġi ta’ Stat Membru ieħor. l-Unjoni Ewropea għandha tirrifletti dwar kif tista' tevita d-disparità bejn il-prattiki attwali f'dan il-qasam.

3.4. Il-vantaġġi għaċ-ċittadini ta’ żona ġudizzjarja Ewropea

3.4.1. L-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja

Il-faċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja huwa essenzjali biex l-opportunitajiet taż-żona ġudizzjarja Ewropea jiġu sfruttati bi sħiħ, b’mod partikolari fil-proċeduri transkonfinali. F’dan ir-rigward, il-miżuri adottati fir-rigward tal- għajnuna ġudizzjarja għandhom jiġu msaħħa. B’mod parallel, is-sistemi ta’ mezzi alternativi ta’ soluzzjoni ta’ tilwim b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-konsumaturi għandhom jiġu mtejba.

Iċ-ċittadini għandhom jingħataw għajnuna biex jegħlbu l- ostakli lingwistiċi li jistgħu jrendu iktar diffiċli l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja: iktar rikors għall-mekkaniżmi ta' traduzzjoni awtomatika fejn possibbli, riċerka sabiex tiġi mtejba l-kwalità tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fil-ġustizzja, skambju reċiproku tar-riżorsi disponibbli fl-Istati Membri b'mod partikolari permezz tal-interkonnessjoni tal-bażijiet ta’ dejta tal-interpreti u t-tradutturi kif ukoll rikors eventwali għall-interpretazzjoni minn distanza permezz ta' vidjokonferenzi.

L-E-justice (ġustizzja elettronika) hija għalhekk opportunità eċċellenti. Il-portal Ewropew se jkun mezz biex jiġu infurmati aħjar il-persuni dwar id-drittijiet tagħhom u sabiex jingħataw aċċess għal serje ta’ informazzjoni dwar id-diversi sistemi ġudizzjarji. Ir-rikors għall-vidjokonferenzi għandu jiġi sfruttat iktar, pereżempju biex il-vittmi jiffrankaw l-ivjaġġar bla bżonn. Ċerti proċeduri Ewropej (pereżempju l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea jew is-Soluzzjoni ta’ Talbiet Żgħar) jistgħu f'terminu medju jsiru onlajn. F’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, ċerti reġistri nazzjonali se jkunu interkonnessi progressivament (pereżempju r-reġistri ta' insolvabbiltà tal-persuni jew impriżi).

Ċerti formalitajiet ta’ legalizzazzjoni tal-atti u dokumenti huma wkoll ostaklu jew piż eċċessiv. Filwaqt li jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet marbutin mal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda, inkluż l-iżvilupp tal-firem diġitali, l-Unjoni għandha tipprevedi l- waqfien totali ta’ kull formalità ta’ legalizzazzjoni tal-atti awtentiċi bejn l-Istati Membri. Fejn ikun xieraq, ikunu jridu jinħolqu atti awtentiċi Ewropej.

Fl-aħħar nett, l-Unjoni Ewropea se ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ ksur u se toffri appoġġ imsaħħaħ għad-dispożittivi li jippermettu li tingħata għajnuna konkreta, notevolment permezz ta’ netwerks Ewropej.

3.4.2. Appoġġ għall-attività ekonomika

Iż-żona ġudizzjarja Ewropea għandha tappoġġja l-funzjonament tajjeb tal-attività ekonomika fil-qafas tas-suq intern u b’mod partikolari f’perjodu ta’ kriżi.

Ir-rapidità tal-proċeduri kif ukoll l-effiċjenza tat-twettiq tad-deċiżjonijiet ta' ġustizzja għandhom ikunu msaħħa minn miżuri proviżorji u konservatorji (pereżempju bil-ħolqien ta’ proċedura ta’ sekwestru bankarju Ewropew, u billi tissaħħaħ it-trasparenza tal-assi).

Għandhom ukoll jiġu żgurati r-relazzjonijiet kuntrattwali. Id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-liġi tal-kuntratti jistgħu fil-fatt, jipprevjenu l-atturi ekonomiċi milli japprofittaw bi sħiħ mill-opportunitajiet tas-suq uniku.

Mudelli ta' kuntratti bejn persuni privati jew bejn SMEs, li jintużaw fuq bażi volontarja, tradotti f’lingwi differenti u li jintużaw bħala referenza fid-dinja tan-negozju, għandhom jiġu mfassla fuq bażi ta’ elementi li diġà ġew żviluppati.

Minbarra dan, tista’ tiġi prevista sistema Ewropea speċifika, fakultattiva, offerta lill-impriżi (it-28 sistema). Din is-sistema, simili għal dawk li ġew imfassla f’oqsma oħra tas-suq intern, bħal dik tas-soċjetà Ewropea, tal-grupp ta’ interess ekonomiku Ewropew jew tat-Trademark tal-Komunità, tkun favorevoli għall-iżviluppi ta’ skambji intrakomunitarji. Din tintroduċi sistema legali unika li tkun applikabbli direttament.

Ir- regolament tal-liġi tan-negozju tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Jistgħu jiġu previsti bosta tipi ta' azzjonijiet f’dan ir-rigward : l-istabbiliment ta' regoli komuni li jiddeterminaw il-liġi applikabbli fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji, fil-qasam ta' kuntratti ta' assigurazzjoni u trasferimenti ta’ krediti, u l-konverġenza tas-sistemi nazzjonali fil-qasam tal-proċedura ta’ insolvabbiltà tal-banek.

Il-kriżi finanzjarja attwali uriet il-ħtieġa li jiġu rregolati s-swieq finanzjarji u li jiġu pprevenuti l-abbużi. Bħalissa għaddej studju fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-abbużi tas-suq li r-riżultati se jkunu magħrufa dalwaqt. L-Unjoni Ewropea tkun tista’ tipprevedi, meta jkun xieraq, ir-rikors għal-liġi kriminali biex jiġu sanzjonati l-frodi li jistgħu jipperikolaw is-sistema finanzjarja u l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea.

3.5. It-tisħiħ tal-preżenza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam legali

Sabiex jiġi mħeġġeġ il-kummerċ estern u sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tal-persuni, l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa netwerk ta’ ftehimiet bilaterali mas-sħab ekonomiċi ewlenin tagħha fil-qasam tal-għarfien u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali. Għażla waħda tista’ tkun il-ftuħ tal-Konvenzjoni ta’ Lugano l-ġdida (dwar il-kompetenza, l-għarfien, u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ċivili u kummerċjali) għas-sħab ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Ikun possibbli wkoll li ssir ħidma fuq in-notifika tad-dokumenti jew il-kisba ta’ provi.

Fil-qasam kriminali, għandhom jiġu ddeterminati l-prijoritajiet għan-negozjar ta’ ftehimiet ta' għajnuna legali reċiproka u ta' estradizzjoni. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura l-promozzjoni tal-għodod ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali billi tiżviluppa l-iskambji tal-prattiċi tajba u l-esperjenza ma’ pajjiżi terzi.

B’mod iktar ġenerali, l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tagħti l-appoġġ kontinwu tagħha fis-settur tal-ġustizzja fil-pajjiżi sħab sabiex jiġi promoss l-Istat tad-Dritt fid-dinja kollha. L-Unjoni Ewropea se tkompli l-azzjoni tagħha sabiex tabbolixxi l-piena tal-mewt, it-tortura u trattamenti inumani degradanti oħra.

4. EWROPA LI TIPPROTEġI

L-Ewropa toffri qafas indispensabbli għall-protezzjoni tal-poplu Ewropew kontra t-theddid li ma jiefqux mal-fruntieri. L-Unjoni Ewropea għandha toħloq strateġija ta’ sigurtà interna konformi mad-drittijiet fundamentali u li tesprimi viżjoni komuni tal-interessi involuti. Din l-istrateġija għandha twassal għal solidarjetà reali bejn l-Istati Membri. Għandha tippermetti li jiġi kkjarifikat dak li jiddependi mill-awtoritajiet nazzjonali u dak li, bil-kontra, jiġi indirizzat b'mod iktar effiċjenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Għandha tappoġġja fuq mekkaniżmi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jippermettu d-determinazzjoni tal-prijoritajiet operazzjonali. Għandha tiffaċilita l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi meħtieġa fl-oqsma ta' azzjoni koordinati sabiex jiġu pprevenuti u ġestiti t-theddidiet ewlenin li jaffetwaw lill-persuni u l-kollettivitajiet.

Din l-istrateġija se tikkumplementa b’mod utli l-istrateġija ta' sigurtà esterna li għandha l-Unjoni Ewropea, billi ssaħħaħ ir-rabta bejn l-azzjoni interna u dik esterna.

4.1. Mezzi msaħħa

Is-sigurtà fl-Unjoni Ewropea tissupponi strateġija integrata fejn il-professjonisti tas-sigurtà jaqsmu kultura komuni, jimmassimizzaw l-iskambju ta’ informazzjoni u jużaw l-appoġġ ta’ infrastrutturi teknoloġiċi adegwati.

4.1.1. Il-Ħolqien ta’ kultura komuni

Sabiex l-atturi nazzjonali jikkunsidraw bil-mod il-mod iż-żona Ewropea bħala żona naturali tal-azzjoni tagħhom, il-fiduċja reċiproka għandha tiġi msaħħa b’mod kunsiderevoli. Dan jirrekjedi li jiġu multiplikati, għall-professjonisti kollha kkonċernati, l-iskambji ta’ esperjenzi u ta’ prattiċi tajba, notevolment fil-materja ta’ etika, kif ukoll it-taħriġ komuni u l-eżerċizzji komuni. Għandhom jiġu stabbiliti għanijiet ambizzjużi f’din il-materja, pereżempju billi jiġu mħarrġa fil-ħames snin li ġejjin terz tal-pulizija u gwardjani tal-fruntieri Ewropej fil-kwistjonijiet Ewropej.

Programmi ta’ skambju speċifiċi (tat-tip " Erasmus ") għandhom jiġu implimentati. Il-parteċipazzjoni mmirata ta’ pajjiżi terzi, bħall-pajjiżi tat-tkabbir u l-pajjiżi ġirien, tista’ tiġi deċiża fuq bażi ta’ każ b’każ.

4.1.2. Kontroll tal-informazzjoni

Is-sigurtà fl-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq mekkaniżmi ta' prestazzjoni ta' skambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-atturi Ewropej. B’dan il-għan, l-Unjoni għandha tadotta mudell Ewropew ta’ informazzjoni bbażat kemm fuq tisħiħ tal-kapaċità ta’ analiżi strateġika kif ukoll fuq it-titjib tal-ġbir u t-trattament tal-informazzjoni operazzjonali. Dan il-mudell għandu jqis l-oqfsa eżistenti, inklużi dawk tal-qasam doganali, u jippermetti li jiżdiedu l-isfidi marbutin mal-iskambji tal-informazzjoni mal-pajjiżi terzi.

Min-naħa waħda, jaqbel li jiġu definiti:

- il-kriterji tal-ġbir, tal-qsim u tat-trattament tal-informazzjoni miġbura fil-għan ta' sigurtà fir-rispett tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta;

- mekkaniżmu ta’ segwitu li jippermetti l-evalwazzjoni tal-funzjonament tal-iskambji ta’ informazzjoni;

- il-metodi ta’ identifikazzjoni tal-ħtiġijiet futuri;

- il-prinċipji ta’ politika dwar it-trasferimenti internazzjonali tad-dejta għall-ħtiġijiet ta’ sigurtà fir-rispett tal-istandards għoljin tal-protezzjoni tad-dejta.

Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ b’mod konsiderevoli l-kapaċità tagħha ta’ analiżi u sinteżi tal-informazzjoni strateġika li għandha. F'dan ir-rigward, is-sinerġiji bejn il-Europol u Frontex għandhom jitjiebu. In-netwerks ta’ uffiċjali ta’ kollegament, li jinsabu fl-Istati Membri jew pajjiżi terzi, għandhom ukoll ikunu koordinati aħjar u mobilizzati f’din il-perspettiva. Dawn il-miżuri għandhom jippermettu teħid iktar rapidu ta' azzjonijiet fuq il-pjan operazzjonali.

4.1.3. Mobilizzazzjoni tal-għodod tekonoloġiċi meħtieġa

It- teknoloġiji l-ġodda għandhom jakkumpanjaw l-evoluzzjonijiet kontemporanji tal-mobbiltà u jiffavorixxuhom, filwaqt li jiżguraw is-sigurtà u l-libertà tal-persuni.

Għalhekk, huwa neċessarju li jitwaqqfu politiki li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha. Jaqbel li jitjieb il-livell tal-istat ta’ tħejjija tas-sigurtà u tar-reżiljenza tal-infrastrutturi kritiċi, inklużi dawk relatati mat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (TIC) u tas-servizzi.

Fil-qasam tal-iżvilupp tal-Mudell Ewropew ta’ Informazzjoni, l-Unjoni Ewropea għandha tirrifletti dwar arkitettura tas-sistemi ta’ informazzjoni billi tibni fuq l-esperjenzi li diġà nkisbu. Din għandha tiżgura l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet tekniċi li nżammu fil-livell nazzjonali u tas-sistemi Ewropej eżistenti jew li ġejjin, kif ukoll l-iżvilupp koerenti u adattat tagħhom għall-ħtiġijiet identifikati. Barra minn hekk, din l-arkitettura tippermetti ekonomiji ta’ skala hekk kif isir l-iskjerament tas-sistemi kkonċernati. Fl-aħħar nett, għanda tippermetti l-programmazzjoni fil-livell nazzjonali ta' investimenti fil-qafas tal-għanijiet tal-istrateġija ta' sigurtà interna.

L-attività ta’ riċerka u żvilupp fil-qasam tas-sigurtà għandha tidħol fil-fażi mal-prijoritajiet tal-istrateġija ta’ sigurtà interna u tiffoka fuq it-titjib tal-interoperabbiltà, u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u tat-teknoloġiji relevanti, kif ukoll il-validazzjoni tar-riżultati u l-iżvilupp ta’ standards xierqa. L-isforzi ta’ riċerka għandhom isiru parallel mal-ħtiġijiet reali tal-utenti u appoġġjati mill-iżvilupp tas-sħubiji pubbliċi-privati, bħal ma juri l-Bord Ewropew tal-Pariri għar-Riċerka fis-Sigurtà (ESRAB)[3]. Il-mezzi disponibbli għar-riċerka u l-izvilupp teknoloġiku għandhom ikunu użati sabiex jiġu sodisfati bi sħiħ l-aspettativi tal-utenti. Fl-aħħar nett, jista’ jiġi previst il-ħolqien ta’ fond għas-sigurtà interna.

4.2. Politiki effiċjenti

L-istrateġija tas-sigurtà interna għandha tinbena madwar tliet oqsma ta’ azzjoni kumplimentari u li issa huma assoċjati għal dejjem: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-pulizija, ġustizzja kriminali adattata u ġestjoni iktar effiċjenti tal-aċċess għat-territorju.

4.2.1. Tisħiħ tal-effiċjenza tal-kooperazzjoni tal-pulizija Ewropea

Il-ġlieda kontra fenomeni kriminali tipikament transnazzjonali hija l-ewwel għan tal-kooperazzjoni tal-pulizija. Huwa f’dan il-livell li l-Unjoni Ewropea tista’ turi l-valur miżjud tal-intervent tagħha. Il-mudell Ewropew ta’ informazzjoni se jippermetti f’dan ir-rigward il-faċilitar tal-ħidma tas-servizzi operattivi billi jiġu kkjarifikati l-mezzi diversi ta’ skambju tad-dejta eżistenti.

Jaqbel li jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tal- Europol , li għandu jkun sistematikament infurmat dwar il-ħolqien tat-timijiet komuni ta' inkjesti u assoċjat mal-operazzjonijiet transkonfinali ewlenin. Ladarba jiġu kkjarifikati t-tipi ta’ dejta li għandhom jiġu skambjati, ikunu jridu jitwaqqfu l-mekkaniżmi ta’ trasferimenti awtomatiċi tad-dejta għal Europol. Europol għandu wkoll isaħħaħ ir-rabtiet tiegħu mal-Eurojust sabiex jiġi żgurat is-segwitu ġudizzjarju tal-ħidmiet tiegħu. Fl-aħħar nett, il-Europol ikun jista’ jkompli l-missjonijiet ta’ taħriġ tas-CEPOL.

Il-Europol għandu wkoll ikabbar id-dimensjoni internazzjonali tiegħu, billi jsaħħaħ fost oħrajn ir-relazzjonijiet mar-reġjuni u l-Istati ġirien tal-Unjoni. Il-Europol għandu jsaħħaħ ir-rabtiet mal-missjonijiet PESK tal-pulizija u jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-istandards tal-prattiċi tajba ta’ kooperazzjoni tal-pulizija Ewropea f’pajjiżi terzi.

B’mod iktar ġenerali, l-effiċjenza tal-kooperazzjoni tal-pulizija timplika l-iżvilupp tar-relazzjonijiet stretti mal-pajjiżi terzi. L-Unjoni Ewropea għandha tikkonkludi, meta jkun meħtieġ, ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-pulizija. F’dan il-qafas, jaqbel li tingħata attenzjoni għat-tisħiħ tal-kumplimentarità bejn l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea u dik tal-Istati Membri.

Li jitwaqqfu l-kriminali milli japprofitaw minn żona mingħajr fruntiera biex jaħarbu mill-inkjesti u l-prosekuzzjoni huwa għan ieħor importanti. Ir-riċerka tal-effiċjenza operattiva għandha tkun il-kriterju li jiddetermina l-livell ta’ kooperazzjoni sew jekk ikun reġjonali, nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali. Għandhom jiġu żviluppati sinerġiji bejn l-atturi differenti nazzjonali, Ewropej u internazzjonali (Europol, OLAF meta l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea huma kkonċernati, Interpol). L-esperjenzi ta’ kooperazzjoni reġjonali transkonfinali għandhom ikunu msaħħa u mwaqqfa fin-netwerk : l-iżvilupp ta’ mudell ta’ ċentru tal-kooperazzjoni tal-puliziji u tad-dwana li jista’ jintuża meta jseħħu avvenimenti bħal kompetizzjonijiet sportivi (pereżemju l-Logħob Olimpiku 2012, il-Euro 2012), jew laqgħat tal-massa, l-implimentazzjoni ta' esperjenzi ta' evalwazzjoni transkonfinali tar-riskji kriminali.

Fl-aħħar nett, huwa ferm importanti li l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tqabbel id-dejta u ssaħħaħ il-prevenzjoni kemm tal-kriminalità organizzata kif ukoll tad-delinkwenza lokali. Sabiex tevalwa l-impatt tal-azzjoni tagħha, l-Unjoni għandha tadotta għodod ta’ statistika għall-kejl tal-attivitajiet kriminali. Barra minn hekk, jaqbel li tiġi żviluppata strateġija komuni li toffri qafas ta’ intervenzjoni tal-atturi lokali u nazzjonali (kemm is-servizzi ta' repressjoni kif ukoll is-soċjetà ċivili). Dan il-qafas se jiġi bbażat fuq l-iskambji ta' prattiċi tajba u l-elaborazzjoni komuni tal-istandards ta' azzjoni u tal-metodi ta' evalwazzjoni. Għandu jiġu użat aħjar il-potenzjal tan-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN) abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-attivitajiet tiegħu. Hija maħsuba kemm jista’ jkun il-parteċipazzjoni mmirata tal-pajjiżi tat-tkabbir.

4.2.2. Ġustizzja kriminali għas-servizz tal-protezzjoni taċ-ċittadini

Fil-konfront tal-kriminalità transkonfinali, l-azzjoni tal-ġustizzja m’għandhiex tiġi mxekkla minħabba d-differenzi bejn is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri.

L-Unjoni Ewropea għandu jkollha sistema kompleta ta’ kisba tal-provi fil-kwistjonijiet transkonfinali. Dan għandu jinkludi Mandat Ewropew għall-kisba tal-provi li jissostitwixxi l-istrumenti legali eżistenti. Dan l-istrument, li jkun rikonoxxut awtomatikament u applikabbli fl-Unjoni Ewropea kollha, se jiffaċilita kooperazzjoni rapida u effiċjenti bejn l-Istati Membri. Għandu jistabilixxi l-limiti ta’ żmien ta’ eżekuzzjoni u jillimita kemm jista’ jkun ir-raġunijiet ta’ rifjut. Għandhom jiġu eżaminati wkoll:

- qafas legali Ewropew dwar il-prova elettronika;

- sistema ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew li jqis l-opportunitajiet ipprovduti mill-vidjokonferenza.

- prinċipji minimi biex tiġi ffaċilitata l-ammissibbiltà reċiproka tal-provi bejn l-Istati, inkluż fil-qasam tal-provi xjentifiċi.

Filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kambjamenti reċenti tal-qafas legali tiegħu, għandu jitkompla wkoll it-tisħiħ tal-Eurojust , b'mod partikolari fil-qasam tal-investigazzjoni fl-oqsma tal-kriminalità organizzata transkonfinali.

Għandha tkompli l-ħidma fuq is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni bejn ir-rekords kriminali (ECRIS) filwaqt li jiġi evalwat il-funzjonament tal-iskambji. L-interkonnessjoni tar-rekords kriminali għandha tippermetti li jiġu pprevenuti l-ksur (pereżempju fl-aċċess għal ċerti imjiegi, speċjalment jekk ikunu fl-ambitu tat-tfal). Barra minn hekk, l-ECRIS għandha tiġi kkompletata biex tkopri wkoll iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li kellhom kundanna fl-Unjoni.

B’mod parallel, id-drittijiet ta’ difiża għandhom jissaħħu. Progressi huma essenzjali mhux biss biex jiġu ppreservati d-drittijiet individwali, iżda wkoll biex tiġi żgurata l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea. Abbażi ta’ pjan ta’ azzjoni li jipprevedi strateġija bbażata fuq temi, il-ħidmiet fuq il-garanziji minimi komuni jistgħu jinfirxu fuq il-protezzjoni tal-preżunzjoni tal-innoċenza u d-detenzjoni proviżorja (dewmien u reviżjoni tar-raġunijiet għad-detenzjoni).

Fl-aħħar nett, minħabba li l-ħabs huwa wisq spiss post ta' kriminalizzazzjoni u radikalizzazzjoni, għandha ssir riflessjoni dwar programm komunitarju li jippermetti li jiġu ffinanzjati proġetti piloti li jitwettqu fl-Istati Membri fil-qasam ta' alternativa għall-ħabs.

4.2.3. Aċċess iktar sikur fit-territorju

F’dinja dejjem iktar globalizzata, l-Unjoni Ewropea għandha tiffaċilita l-mobbiltà filwaqt li tiżgura s-sigurtà tal-persuni fil-qafas ta’ strateġija integrata tal-kontroll ta’ aċċess għat-territorju .

4.2.3.1. Il-Kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri

L-iżvilupp ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri għandha twassal għal tkomplija fl-aġġornar tal- acquis ta’ Schengen u t-tisħiħ tal- kooperazzjonijiet sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni mtejba tal-għanijiet ta’ kontroll tal-flussi differenti (beni u persuni). Iż-żamma ta’ livell għoli ta' sigurtà interna għandha ssir b'mod parallel mar-rispett assolut tad-drittijiet tal-bniedem u tal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali.

Il- kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri permezz ta’ FRONTEX għandha tkun imtejba. L-aġenzija għandu jkollha rwol ċentrali fid-dispożitiv futur integrat ta’ sorveljanza tal-fruntieri esterni. Il-ħiliet operazzjonali tagħha għandhom jiġu msaħħa’, notevolment permezz tal-uffiċji reġjonali futuri u/jew speċjalizzati: kompetenzi ta’ tmexxija fir-rigward tal-operazzjonijiet konġunti fuq bażi volontarja, l-użu ta’ mezzi proprji, il-fakultà li jiġu mobilizzati iktar faċilment il-persunal meħtieġ għall-operazzjonijiet għandhom ikunu prijorità.

It-tipi ta’ kontrolli (sigurtà, immigrazzjoni, dwani) fil-punti ta’ qsim bejn il-fruntieri għandhom ikunu razzjonalizzati l-iktar b'separazzjoni tat-traffiku privat u kummerċjali fil-punti ta' qsim bejn il-fruntieri. F’ċerti każijiet, din ir-razzjonalizzazzjoni se timplika titjib fl-infrastrutturi eżistenti u r-rikors miżjud għal teknoloġiji ġodda (identifikaturi bijometriċi, eċċ). Kooperazzjoni iktar stretta bejn l-awtoritajiet nazzjonali għandha tippermetti li jiġu simplifikati l-proċeduri li jwasslu għall-qsim iktar faċli fil-fruntieri. Għandha twassal ukoll għal użu mtejjeb tar-riżorsi.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tal-persuni u l-gruppi vulnerabbli. Il-ħtiġijiet fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali kif ukoll l-akkoljenza tal-minuri mhux akkumpanjati għandhom ikunu ta' prijorità f'dan ir-rigward. Il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-FRONTEX u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil għall-akkoljenza ta’ persuni li jiġu interċettati meta jaqsmu l-fruntieri esterni se tkun essenzjali. F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll tikkunsidra l-kjarifikazzjoni tar-regoli internazzjonali fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ kontroll u ta’ sorveljanza marittima filwaqt li jitħarsu l-obbligi fundamentali ta’ salvataġġ fil-baħar.

Se jkompli l-iżvilupp tas- Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) . Sal-2013 għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u FRONTEX sabiex tinqasam id-dejta "ta' sorveljanza" fir-rigward tal-fruntieri tal-Lvant u n-Nofsinhar.

L-Unjoni Ewropea se taħdem biex tiżviluppa u ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri.

4.2.3.2. Sistemi tal-informazzjoni

L- iżviluppi tas-SIS II u tal-VIS[4] se jiġu finalizzati b’tali mod li s-sistemi jkunu operattivi bi sħiħ. Il-ġestjoni tagħhom tista’ tkun iktar stabbli permezz tal-implimentazzjoni ta’ aġenzija ġdida.

Sistema ta’ reġistrazzjoni elettroniku tad-dħul u ħruġ mit-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ta' programmi ta' vjaġġaturi rreġistrati se jiġu stabbiliti. L-iżvilupp tagħhom jista’ jsir minn din l-aġenzija l-ġdida fil-perspettiva ta’ bidu ta' operazzjonijiet mill-2015. L-Unjoni Ewropea se tagħti l-opinjoni tagħha wkoll dwar l-opportunità li tiżviluppa sistema Ewropea ta’ awtorizzazzjoni qabel l-ivjaġġar.

4.2.3.3. Il-politika dwar il-visas

L-Unjoni Ewropea għandha l-ewwel nett timplimenta b’mod effiċjenti l-istrumenti li għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi tal-Visas il-ġdid, kif ukoll l-iskjerament progressiv tal-VIS għandhom iwasslu għal iktar koerenza u effiċjenza. Barra minn hekk, il-politika tal-visas hija għodda importanti tal-politika esterna tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, għandha tkun integrata f'viżjoni iktar wiesgħa filwaqt li tikkunsidra d-diversi prijoritajiet tal-politika interna u esterna.

Programmi reġjonali ta’ kooperazzjoni konsulari għandhom jakkumpanjaw l-implimentazzjoni progressiva tal-VIS. Dawn għandhom jinkludu: taħriġ Ewropew immirat għall-persunal konsulari tal-Istati Membri, programmazzjoni sistematika tal-ħolqien ta’ ċentri komuni ta’ talbiet jew tal-ftehimiet ta’ rappreżentanza bejn l-Istati Membri, kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni fil-pajjiżi kkonċernati u t-twaqqif ta’ djalogu regolari ma’ dawn il-pajjiżi.

Fil-kuntest ta’ din il-programmazzjoni strateġika, jaqbel li tiġi evalwata l-opportunità li tiġi ffavorita l-konklużjoni ta’ ftehimiet ġodda ta’ faċilitazzjoni fil-qasam tal-għoti tal-visas. Id-disponibbiltà ta’ passaporti bijometriċi se jkun prerekwiżit għall-konklużjoni ta’ dawn in-negozjati, li għandhom jikkonċernaw ukoll ir-rijammissjoni tal-persuni li jkunu residenti rregolari.

Abbażi tal-evalwazzjoni sistematika tas-sitwazzjoni tal-pajjiżi terzi kkonċernati, listi pożittivi u negattivi għandhom jiġu riveduti regolarment. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni se jkunu: is-sigurtà tad-dokumenti tal-ivjaġġar, il-kwalità ta’ kontroll fil-fruntieri, il-kontroll tal-politika ta’ ażil u immigrazzjoni, l-effiċjenza fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-koerenza mal-politika esterna tal-UE fil-konfront tal-pajjiż. Għandhom jiġu sfruttati l-possibbiltajiet kollha tad-djalogu politiku f’dan ir-rigward.

Iżda l-Unjoni għandha tmur lil hinn u tipprevedi l-ħolqien ta’ Visa ta’ Schengen Ewropea Komuni . Din il-visa għandha tingħata jekk possibbli minn awtorità konsulari komuni u fuq il-bażi ta’ kriterji li jiggarantixxu ugwaljanza ta’ trattament fit-talbiet kollha. Barra minn hekk l-għoti ta' visa għandha progressivament tkun ibbażata mhux fuq preżunzjoni tar-riskju marbut man-nazzjonalità iżda fuq l-apprezzament tar-riskju individwali. Din l-evoluzzjoni se tkun possibbli permezz tal-introduzzjoni maż-żmien ta' sistemi li jippermettu l-ġbir ta' informazzjoni preliminari dwar il-persuni li jixtiequ jmorru fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

4.3. Għanijiet komuni

L-Unjoni Ewropea tista' tipprovdi aktar valur miżjud fil-ġlieda kontra ċerti riskji li b'mod partikolari jitolbu azzjoni kkoordinata. L-istreteġija dwar is-sigurtà interna għandha tiffoka fuq l-oqsma tagħha.

4.3.1. Il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil-livell internazzjonali

L-Ewropa għandha tfassal il-prijoritajiet tagħha fir-rigward tal-politika kriminali billi tidentifika kontra liema tipi ta' kriminalità biħsiebha timmobilizza b'mod privileġġat l-istrumenti li stabbilixxiet. Dawn l- oqsma ta' azzjoni pilota se jservu ta' "laboratorji ta' ideat u ta' metodi". Il-ġlieda kontra l-fenomeni kriminali se tippresopponi r-razzjonalizzazzjoni tal-iskambji ta' informazzjoni, l-użu sħiħ tal-istrumenti Ewropej ta' investigazzjoni u, fejn ikun xieraq, l-iżvilupp ta' tekniki komuni ta' inkjesta u ta' prevenzjoni. Il-metodi li jiġu ttestjati jkunu jistgħu jiġu applikati ulterjorment għal forom oħra ta' kriminalità partikolarment gravi li toħroġ fid-dieher fil-livell transkonfinali bħat-traffikar tal-armi jew il-piraterija.

It-traffikar tal-bnedmin

It-traffikar tal-bnedmin huwa reat gravi kontra d-drittijiet tal-persuni. Il-ġlieda kontra dan il-fenomenu għandha tagħmel użu mill-mezzi kollha ta' azzjoni, billi tgħaqqad flimkien il-prevenzjoni, it-trażżin u l-protezzjoni tal-vittmi.

Fir-rigward tal-prevenzjoni, il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għandha tissaħħaħ ukoll, kif għandha tissaħħaħ ukoll il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet, is-servizzi, in-netwerks u l-aġenziji kompetenti. Il-pajjiżi terzi għandhom jiġu inkoraġġiti biex jirratifikaw u japplikaw l-istrumenti internazzjonali relevanti.

Is-servizzi konsulari fil-pajjiżi terzi għandhom ikunu mobilizzati biex jiġi evitat il-ħruġ frodulenti ta' viżi. Il-pajjiżi ta' oriġini, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, jistgħu jorganizzaw kampanji ta' informazzjoni għall-vittmi potenzjali, speċjalment għan-nisa u t-tfal.

Il-ġlieda kontra n-netwerks titlob ukoll ħidma ta' intelligence u analiżi strateġika li tkun ġestita f'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu. Il-kontrolli fil-fruntieri wkoll għandhom jiġu msaħħa għall-prevenzjoni tat-traffikar, speċjalment it-traffikar ta' minorenni.

Il-vittmi għandhom jiġu protetti u megħjuna permezz ta' diversi miżuri: it-tneħħija tar-responsabbiltà kriminali, il-leġiżlazzjoni dwar iż-żjajjar, l-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' kumpens, għajnuna għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà tal-oriġini fil-każ ta' ritorn volontarju, anke biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fl-investigazzjonijiet.

L-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornofragija

Fl-Ewropa bejn 10 % u 20 % tat-tfal jinsabu f'riskju li jkunu fil-mira ta' aggressjonijiet sesswali. Il-ħarsien tat-tfal minn tali perikli huwa fattur importanti tal-istrateġija tad-drittijiet tat-tfal. L-Unjoni għandha tistabbilixxi strumenti ta' prevenzjoni. Pereżempju, hija għandha tħeġġeġ l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-persuni b'kundanni għal reati ta' pedofilija fl-Istati Membri biex tipprevjeni li jerġa' jseħħ tali reat.

Il-ġlieda kontra l-pornografija tat-tfal fl-Internet tirrekjedi kooperazzjoni mill-qrib mas-settur privat sabiex jiġu identifikati u jitwaqqaf jew jiġi mblukkat l-aċċess għas-siti b'kontenut pedofoliku, fir-rispett tal-proċeduri xierqa. Il-Europol għandu jkollha rwol ewlieni f'dan ir-rigward billi tiżviluppa pjattaforma ta' indikazzjoni onlajn ta' siti ta' pedofilija, li tiffaċilita l-kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri. Dan il-proċess se jitwettaq għall-azzjonijiet li huma appoġġjati fil-qafas tal-Programm għal Internet aktar sikur bejn l-2009 u l-2013.

Fl-aħħar nett, politika attiva ta' kooperazzjoni internazzjonali hija meħtieġa biex jiddaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' revoka ta' indirizzi IP għall-fornituri ta' aċċess kriminali u għall-iffaċilitar tat-twaqqif rapidu ta' siti li jinsabu lil hinn mill-Ewropa.

Iċ-Ċiberkriminalità

L-ekonomija diġitali hija fattur importanti tal-iżvilupp. L-Unjoni għandha tiffavorixxi dawk il-politiki li jippermettu li jkun żgurat livell ferm għoli ta' sigurtà fin-netwerks.

L-Unjoni għandha tiċċara r-regoli ta' kompetenza legali kif ukoll il-qafas legali aplikabbli għaċ-ċiberspazju biex tiffavorixxi investigazzjonijiet transkonfinali. Għandu jiddaħħal fis-seħħ qafas legali li jippermetti l-ilħuq ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-operaturi tagħhom. Dawn il-ftehimiet se jwasslu għal reazzjonijiet aktar rapidi fil-każ ta' attakk informatiku. Barra minn hekk, l-azzjoni tal-Istati Membri għandha tkun ikkoordinata aħjar permezz ta' netwerk speċjalizzat li jlaqqa' l-entitajiet nazzjonali tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità. F'dan ir-rigward ukoll, il-Europol se jkollha rwol ta' ċentru ta' riżorsi Ewropew permezz tal-ħolqien tal-pjattaforma Ewropea ta' indikazzjoni ta' reati.

Il-kriminalità ekonomika

L-Unjoni għandha tnaqqas l-opportunitajiet li ekonomija globalizzata toffri lill-kriminalità organizzata, partikolarment fl-isfond ta' kriżi li qed tħarrax il-vulnerabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li titgħammar bil-mezzi xierqa biex tirrispondi għal dawn in-nuqqasijiet b'mod effikaċi. Għal dan il-għan, il- kapaċità ta' investigazzjoni u analiżi finanzjarja kriminali għandhom ikunu żviluppati billi jiġu koordinati r-riżorsi, speċjalment fil-qasam tat-taħriġ.

Fir-rigward tal-ħasil tal-flus, l-unitajiet tal-informazzjoni finanzjarja għandhom jikkoordinaw aħjar il-ħidma tagħhom. L-analiżi tagħhom tista' tikkontribwixxi, fil-qafas ta' mudell Ewropew tal-informazzjoni, bażi ta' dejta dwar it-tranżazzjonijiet suspetti pereżempju fi ħdan il-Europol. Barra minn hekk, l-għejun kollha ta' informazzjoni disponibbli għandhom ikunu mobilizzati u koordinati għall-identifikazzjoni tal-operazzjonijiet suspetti ta' tranżitu ta' likwidità.

Il-frodi fiskali u l-korruzzjoni privata għandhom jitrażżnu aħjar. Fis-swieq finanzjarji, l-iskoperta prekoċi tal-imġiba frodulenti ta' abbuż mis-suq (l-abbuż ta' informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-swieq) kif ukoll il-prattiki finanzjarji ħżiena għandhom jissaħħu. Fejn xieraq, għandhom ikunu previsti pieni kriminali, speċjalment għal dawk il-persuni li jkunu implikati moralment.

Il-qafas legali li jawtorizza l-ikkonfiskar u l-qbid huwa stabbilit, ikun jaqbel li mill-aktar fis possibbli jiddaħħal fis-seħħ in-netwerk Ewropew tal-uffiċċji tal-irkupru tal-assi kriminali.

L-Unjoni Ewropea għandha wkoll tistabbilixxi l-għanijiet fir-rigward tat-trasparenza u l- ġlieda kontra l-korruzzjoni . Fuq il-bażi ta' evalwazzjoni perjodika tal-isforzi min-naħa tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, għandha ssir ħidma favur l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar il-prevenzjoni u t-trażżin, speċjalment fil-qafas ta' netwerk kontra l-korruzzjoni u favur l-iżvilupp, abbażi ta' sistemi eżistenti u kriterji komuni, ta' indikaturi[5] li jippermettu li jitkejlu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Se tingħata aktar attenzjoni għall-miżuri kontra l-korruzzjoni f'ċerti oqsma tal-akkwist (swieq pubbliċi, kontroll finanzjarju, eċċ).

Il- falsifikazzjoni hija periklu serju għall-konsumaturi u għall-ekonomiji. Min-naħa waħda, l-Unjoni għandha ttejjeb l-evalwazzjoni tal-fenomenu, il-kunsiderazzjoni tal-fatturi ta' trażżin fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Iffalsifikar u l-Piraterija li ser jiġi stabbilit fil-ġejjieni, u min-naħa l-oħra tinkoraġġixxi, fir-rigward tal-ksur kommess fi iskala kummerċjali, l-armonizzazzjoni ta' pieni kriminali fil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri (fuq il-bażi ta' proposti li diġà tfasslu mill-Kummissjoni).

L-Unjoni Ewropea se tikkontribiwxxi wkoll għat-tisħiħ tal-istrument legali nazzjonali għal ġlieda aktar effettiva kontra l-kriminalità ekonomika, u għas-sostenn tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab f'din il-kwistjoni.

Strateġija kontra d-droga

L- istrateġija kontra d-droga tal-UE (2005-2012) hija favur approċċ globali u bbilanċjat, u hija msejsa fuq it-tnaqqis simultanju tal-provvista u tad-domanda. Din l-istrateġija se tiskadi matul il-programm ta' Stokkolma. Għandha tiġi mġedda abbażi ta' evalwazzjoni fil-fond tal-pjan ta' azzjoni dwar id-droga 2009-2012, imwettqa mill-Kummissjoni bl-għajnuna taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga u l-Europol.

L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tkun iggwidata minn erba' prinċipji:

- it-titjib tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, b'mod partikolari ma' ċerti reġjuni tad-dinja

- Il-promozzjoni u t-tixrid koerenti tal-approċċ ibbilanċjat tal-fenomenu tad-droga fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u fil-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi.

- il-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili speċjalment għat-tisħiħ ta' ċerti inizjattivi bħall-Azzjoni Ewropea dwar id-Droga;

- it-tisħiħ tal-ħidma ta' riċerka u informazzjoni bil-għan li jinkiseb aċċess għal informazzjoni affidabbli.

4.3.2. It-tnaqqis tat-theddida tat-terroriżmu

L-Unjoni Ewropea għandha tiżgura l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti kollha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. F'rabta ma' dan, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżviluppaw mekkaniżmi ta' prevenzjoni li b'mod partikolari jippermettu li r-riskji jiġu individwati mill-ewwel.

F'dan ir-rigward joħorġu fid-dieher tliet oqsma prijoritarji.

Abbażi tal-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-politiki nazzjonali, għandhom jissaħħu l-inizjattivi fil-ġlieda kontra r- radikalizzazzjoni fl-aktar ambjenti vulnerabbli (speċjalment il-faċilitajiet korrettivi jew l-istituzzjonijiet ta' taħriġ). Il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili għandha tkun imsaħħa biex jiġu spjegati l-fatturi kollha wara dan il-fenomenu, u biex ikunu inkoraġġiti l-istrateġiji li jiffavorixxu t-trażżin tat-terroriżmu. Fl-istess ħin, għandu jiġi żviluppat djalogu interkulturali u interreliġjuż sabiex jiffavorixxi l-għarfien u l-komprensjoni bejn id-diversi komunitajiet. It-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-ksenofobija wkoll se jikkontribwixxi għat-trażżin ta' dawn il-fenomeni tar-radikalizzazzjoni.

Għandha tiżdied is-sorveljanza fir-rigward tal -użu tal-internet għal finijiet terroristiċi , speċjalment billi tissaħħaħ il-kapaċità operattiva tal-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll. Jeħtieġ li nitgħammru bil-mezzi tekniċi xierqa u inżidu l-kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati. L-għan aħħari huwa li jitnaqqas it-tixrid ta' propaganda terroristika u l-appoġġ prattiku għal operazzjonijiet kontra t-terroriżmu. Din il-kooperazzjoni għandha wkoll tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' min jagħmel parti minn netwerks terroristiċi.

L-istrumenti tal-ġlieda kontra l- finanzjament tat-terroriżmu għandhom ikunu adattati għad-dgħufijiet potenzjali ġodda tas-sistema finanzjarja u għall-metodi ġodda ta' pagament li jintużaw mit-terroristi. Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jippermetti fuq in-naħa l-waħda, is-sorveljanza xierqa tal-flussi finanzjarji u, fuq in-naħa l-oħra, l-identifikazzjoni effettiva u trasparenti ta' dawk il-persuni jew gruppi li huma suxxettibbli li jiffinanzjaw it-terroriżmu. Għandhom ikunu elaborati rakkomandazzjonijiet dwar l-organizzazzjonijiet tal-karità biex tiżdied it-trasparenza u r-responsabbiltà.

L-Unjoni Ewropea se tiżgura ruħha mill-konformità tal-politiki tagħha mal-istandards internazzjonali u se jkollha rwol attiv fid-diversi fora multilaterali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, partikolarment fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti.

It- trażżin tar-riskju tat-terroriżmu jirrekjedi wkoll azzjonijiet speċifiċi ta' prevenzjoni. Jeħtieġ li flimkien mal-Europol tkun stabbilita metodoloġija msejsa fuq parametri komuni biex tkun tista' ssir valutazzjoni tat-theddida fil-livell Ewropew. Jeħtieġ li jiddaħħal fis-seħħ programm Komunitarju għall- protezzjoni tal-infrastruttura kritika . Lil hinn mis-setturi tat-trasport u tal-enerġija, dan il-programm għandu jinkludi infrastrutturi oħra vitali għall-popolazzjonijiet u għall-attività ekonomika (l-informatika). Il-materjali NRBK (nukleari, radjoloġiċi, bioloġiċi u kimiċi) jistgħu jintużaw għal attakki terroristiċi kbar, u għandhom ikunu elenkati u sottomessi għal miżuri ta' sigurtà u traċċabbiltà. B'mod partikolari dan jirrekjedi kooperazzjoni mas-settur privat u l-ħolqien ta' sistema ta' twissija għat-tranżazzjonijiet dubjużi. Bl-istess mod, għandu jiddaħħal fis-seħħ il-pjan ta' azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l- isplussivi filwaqt li l-informazzjoni dwar is-sikurezza tagħhom tkun żviluppata aħjar. Għandu jiġu żviluppat qafas leġiżlattiv li jkopri t-theddid relatat mal-prekursuri.

5. IL-PROMOZZJONI TA' SOċJETÀ AKTAR INTEGRTA GħAċ-ċITTADIN: EWROPA AKTAR RESPONSABBLI U SOLIDALI FIL-KWISTJONI TAL-IMMIGRAZZJONI U L-AżIL

L-iżgurar ta' ġestjoni aktar effettiva tal-flussi migratorji fis-snin li ġejjin hija waħda mill-akbar sfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea, speċjalment fil-kuntest partikolari ta' popolazzjoni li kull ma' jmur aktar qed tikber l-età. Ir-rwol tal-immigrazzjoni fit-tkabbir tal-popolazzjoni tal-Unjoni huwa wieħed importanti u, fuq perjodu twil ta' żmien, l-immigrazzjoni se tagħti kontribut fundamentali għall-prestazzjoni ekonomika tal-Unjoni Ewropea.

L-iżvilupp ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil ser tkun prijorità ewlenija għas-snin li ġejjin, kif ġie propost bil-Komunikazzjoni ta' Ġunju 2008. Is-solidarjetà għandha tibqa' fiċ-ċentru tal-politika komuni u l-Unjoni Ewropea għandha tagħti aktar sostenn lill-Istati Membri li l-aktar jinsabu esposti għall-pressjoni tal-migrazzjoni. Id-dħul fis-seħħ tal-prinċipji u l-għanijiet tal-Patt dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil se jkun il-bażi tal-azzjoni tal-Unjoni fis-snin li ġejjin. Se jsir dibattitu regolari dwaru fi ħdan il-Kunsill Ewropew.

L-intervent finanzjarju fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni għandu jingħata attenzjoni partikolari: għandha ssir evalwazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk l-istruttura kif ukoll il-punti ewlenin tad-diviżjoni tal-istrumenti interni attwali għadhomx jikkorrispondu għall-ħtiġiet tal-Istati Membri u tal-fenomeni migratorji ġodda.

5.1. Politika dinamika tal-immigrazzjoni

Il-politika tal-immigrazzjoni għandha tkun konformi ma' viżjoni fit-tul li tenfasizza r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali u d-dinjità tal-bniedem. Barra minn hekk hija għandha tkun kapaċi tamministra ż-żieda fil-mobbiltà li ġġib magħha dinja aktar globalizzata filwaqt li tingħata prijorità għall-progress soċjali, ekonomiku u kulturali.

5.1.1. Il-konsolidazzjoni tal-approċċ globali

Il-kwistjonijiet dwar il-migrazzjoni għandhom jagħmlu parti integrali mill-politika esterna tal-Unjoni. Il-ġestjoni kkoordinata tal-flussi migratorji titlob kooperazzjoni reali ma' pajjiżi terzi. L-approċċ globali jikkostitwixxi qafas koerenti u innovattiv li jixraqlu aktar attenzjoni fid-dettall. Għal dan il-għan l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom:

- iwettqu ħidma attiva għall-approfondiment tad- djalogu u s-sħubija ma' pajjiżi, reġjuni u kontinenti terzi f'kooperazzjoni sistematika mal-pajjiżi tal-oriġini, tad-destinazzjoni u tat-tranżitu. F'dan ir-rigward l-Afrika, kif ukoll il-Lvant u x-Xlokk tal-Ewropa se jibqgħu jitqiesu bħala prijoritajiet, fl-istess ħin mingħajr ma jiġu esklużi d-djalogi u kooperazzjoni mill-qrib mal-Amerika Latina, il-Karibew u l-Asja;

- jipprevedu l-konklużjoni ta' ftehimiet speċifiċi ġodda li jkopru t-tliet dimensjonijiet tal-approċċ globali – it-trażżin tal-migrazzjoni irregolari (kif ukoll ir-riammissjoni u l-appoġġ għar-ritorn volontarju u l-integrazzjoni mill-ġdid), issir promozzjoni tal-mobbiltà u l-immigrazzjoni globali, kontribut favur l-iżvilupp, fuq il-mudell ta' sħubiji għall-mobbiltà;

- idaħħlu fis-seħħ sistema effettiva u solidali ta' prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari, ta' ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari u ta' għajnuna lill-migranti li jkollhom bżonn il-protezzjoni tal-ażil. Dan huwa partikolarment meħtieġ fil-Mediterran.

- jużaw l-istrumenti kollha tal-politika ta' migrazzjoni b'mod koerenti , speċjalment il-profili migratorji, il-programmi ta' migrazzjoni ċirkolari, il-pjattaformi ta' kooperazzjoni għat-tisħiħ tar-rwol tas-sħubiji għall-mobbiltà ;

- jamministraw b'mod aktar effettiv il-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin billi tiġi żviluppata l-informazzjoni dwar ir-rotot migratorji, issir promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sorveljanza u tal-kontroll tal-fruntieri; u billi tiġi ffaċilitata r-riammissjoni permezz tal-promozzjoni ta' miżuri ta' sostenn għar-ritorn;

- jiżviluppaw inizjattivi addizzjonali fil-qasam tal- migrazzjoni u l-iżvilupp : il-faċilitazzjoni tat-trasferiment ta' fondi u l-kunsiderazzjoni tat-tnaqqis tat-trasferimenti marbuta mal-kriżi finanzjarja, l-inklużjoni ta' komunitajiet ta' migranti fl-iżvilupp tal-pajjiż jew reġjun tal-oriġini tagħhom, it-tnaqqis tal-brain drain;

- jimmobilizzaw id-diversi strumenti ta' kooperazzjoni tal-Unjoni Ewropea għat- tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet ċentrali, reġjonali u lokali tal-pajjiżi terzi biex jittrattaw il-kwistjonijiet ta' migrazzjoni, kif ukoll biex tittejjeb il-kapaċità tal-pajjiżi terzi li joffru protezzjoni adegwata;

Barra minn hekk l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel rabta bejn il-politika dwar l-immigrazzjoni u politiki oħrajn, bħall-politika soċjali, il-politika ekonomika, u l-politika kummerċjali.

5.1.2. Politika koordinata mal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol

L-immigrazzjoni ekonomika għandha tikkorrispondi aħjar mal-ħtiġiet tax-xogħol fl-Istati Membri. B'mod partikolari dan se jippermetti li l-kompetenzi tal-immigranti jiġu kkunsidrati aħjar kif ukoll jiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom. L-Unjoni għandha titgħammar b' qafas komuni fis-sura ta' sistema ta' ammissjoni flessibbli li twassal għall-adattament għal żieda fil-mobbiltà u għall-ħtieġiet tas-swieq nazzjonali tax-xogħol. Dan il-qafas komuni se jirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri fid-deċiżjoni dwar kemm jiddaħħlu ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjiegi. F’dan il-kuntest jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward ta' żewġ kwistjonijiet: l-importanza tal-mobbiltà intra-Ewropea tal-immigranti u l-konsegwenzi ta' meta jintilef impjieg fuq il-validità taż-żjara.

Sabiex jiġu ffaċilitati l-analiżi u l-komprensjoni tal-fenomeni migratorji, tista' tiġi eżaminata l-possibbiltà li jinħoloq ir-rwol ta' osservatorju[6]. Dan iwassal għat-tixrid u l-esplojtazzjoni sistematika tax-xogħolijiet u tas-sorsi disponibbli kif ukoll id-disponibbiltà ta' dejta paragunabbli dwar il-migrazzjoni. Għandha tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn dan l-istrument u netwerks eżistenti li jittrattaw kwistjonijiet migratorji.

Barra minn hekk, huwa essenzjali li l-kompetenzi tal-immigranti jkunu jikkorrispondu mal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri. Huwa għalhekk li l-organizzazzjoni tal-immigrazzjoni għandha tissejjes fuq evalwazzjoni globali tal-kompetenzi li l-Ewropa se tkun teħtieġ sal-2020 b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika.

Mhuwiex biżżejjed li jiġu ddeterminati l-ħtiġiet. Jeħtieġ li l-offerti u d-domanda jkunu tal-istess proporzjon. F'dan ir-rigward, għandu jiġi previst il-ħolqien ta' pjattaforma Ewropea ta' djalogu. Din il-pjattaforma tippermetti li jiġu identifikat l-aħjar ġestjoni tal-migrazzjoni tax-xogħol u liema adattamenti jkunu meħtieġa fil-qafas legali u dak istituzzjonali. Din tkun tlaqqa' lil min jimpjega, lis-sindakati, lill-aġenziji tal-impjiegi tal-Istati Membri, l-aġenziji tar-reklutaġġ u lill-partijiet pretinenti oħra. Ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki u tal-kompetenzi fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi se jkun element importanti ieħor f'dan il-kuntest.

5.1.3. Politika proattiva, imsejsa fuq status Ewropew għall-immigranti regolari

Biex jittejbu l-effetti pożittivi tal-immigrazzjoni regolari għall-benefiċċju ta' kulħadd - tal-pajjiżi tal-oriġini u tad-destinazzjoni, is-soċjetajiet ospitanti u l-immigranti - huwa meħtieġ approċċ ċar, trasparenti, ekwu u li juri rispett għall-bniedem. Għandu jiġi adottat Kodiċi dwar l-Immigrazzjoni biex l-immigranti regolari jiġu żgurati drittijiet uniformi u komparabbli għal dawk taċ-ċittadini tal-Komunità. Din il-kodifikazzjoni tat-testi leġiżlattivi eżitenti se tinkludi, jekk dan jirriżulta bħala meħtieġ, l-emendi utli għas-simplifikazzjoni u l-ikkompletar tad-dispożizzjonijiet eżistenti u għat-titjib tal-applikazzjoni effettiva tagħhom.

Ir-riunifikazzjoni tal-familji hija waħda mir-raġunijiet ewlenin tal-immigrazzjoni u tirrapreżenta perċentwal kbir tal-immigrazzjoni regolari. L-Unjoni għandha titgħammar b'regoli komuni għall-ġestjoni effettiva tal-fluss ta' migranti li jibbenefikaw mir- riunifikazzjoni tal-familji . B'kunsiderazzjoni għal-livell baxx ta' armonizzazzjoni bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, għandha ssir reviżjoni tad-Direttiva wara konsultazzjoni wiesgħa.

Il-potenzjal ta' arrikkiment, kemm ekonomiku u kif ukoll kulturali, li jimxi id f'id mal-immigrazzjoni ma jistax jinkiseb jekk ma jseħħx titjib tal- integrazzjoni fil-pajjiżi ospitanti. Dan it-titjib iseħħ permezz ta' żieda fl-isforzi li jsiru mhux biss mill-Istat, mill-awtoritajiet reġjonali u dawk lokali, iżda wkoll permezz ta' parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ospitanti u kif ukoll tal-immigranti nfushom. Jista' jiġi żviluppat mekkaniżmu konġunt ta' koordinazzjoni li jappoġġja l-azzjoni tal-Istati Membri, l-ewwel nett permezz ta' qafas ta' referenza komuni dwar:

- l-identifikazzjoni ta' prattiki komuni u moduli Ewropej għall-iffaċilitar tal-proċessi ta' integrazzjoni partikolarment fir-rigward tal-ewwel ġenerazzjoni ta' immigranti li jkunu jinkludu elementi essenzjali bħal taħriġ ta' introduzzjoni u korsijiet tal-lingwa, impenn qawwi mis-soċjetà ospitanti u l-parteċipazzjoni attiva tal-immigranti fl-aspetti kollha tal-ħajja flimkien;

- l-iżvilupp ta' indikaturi komuni ta' evalwazzjoni tal-politiki ta' integrazzjoni;

- viżjoni aktar miftuħa f'rabta ma' politiki oħrajn bħall-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura, l-impjiegi, il-multilingwiżmu u ż-żgħażagħ. Għandu jiġi enfasizzat ir-rwol kruċjali tal-iskejjel speċjalment dawk li joffru mudelli ta' pedagoġija li jippromwovu l-valuri Ewropej;

- konsultazzjoni u parteċipazzjoni aħjar tas-soċjetà ċivili, l-ewwel nett permezz ta' portal u forum Ewropew dwar l-immigrazzjoni.

5.1.4. Kontroll aħjar tal-immigrazzjoni irregolari

Il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-immigrazzjoni irregolari b'rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll tal-attivitajiet kriminali marbuta magħhom huma suppliment essenzjali għall-iżvilupp ta' politika komuni fil-qasam tal-immigrazzjoni regolari. Għandhom isiru aktar sforzi fil-ġlieda kontra n-netwerks ta' immigrazzjoni irregolari.

L-impjegar illegali għandu jiġi miġġieled permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni u trażżin b'mod li jiżgura l-protezzjoni tal-migranti li huma vittmi tiegħu. L-implimentazzjoni tad-direttiva li tipprevedi pieni kontra min jimpjega għandha tkun akkumpanjata u segwita.

Ma jista' jkun hemm l-ebda tolleranza tat- traffikar tal-bnedmin . Għandhom jiġu allokati r-riżorsi umani u finanzjarji xierqa għaż-żieda tal-kontrolli speċjalment fuq il-postijiet tax-xogħol iżda wkoll għas-simplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għoti ta' permessi ta' residenza lill-vittmi.

L-istabbiliment ta' politika ta' tkeċċija u ritorn effettiva għandha titwettaq fir-rispett tal-liġi u tad-dinjità tal-persuni. F'Diċembru tal-2010 se jidħlu fis-seħħ ir-regoli stabbiliti bid-Direttiva dwar ir-ritorn. L-implimentazzjoni tagħha se tiġi segwita b'mod attent partikolarment fir-rigward tal-infurzar effettiv tal-miżuri ta' tkeċċija, id-detenzjoni, l-appelli u t-trattament ta' persuni vulnerabbli. Din għandha ssir flimkien mat-tisħiħ tal-kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri. Fuq perjodu twil ta' żmien, u abbażi ta' evalwazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, għandu jitwettaq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' tkeċċija. Barra minn hekk, dan il-prinċipju se jiddaħħal bis-seħħ b'mod effettiv meta jibdew jiddaħħlu l-projbizzjonijiet ta' dħul fis-SIS.

Il- prijorità tar-ritorn volontarju għandha tkun promossa u msaħħa b'mod attiv, partikolarment fil-qafas tal-istrumenti finanzjarji eżistenti. Madanakollu, ta' spiss jiġri li l-miżuri ta' tkeċċija ma jkunux jistgħu jiġu infurzati minħabba tfixkil legali jew prattiku. Fin-nuqqas ta' regoli ċari, jaqbel li tkun analizzata l-possibbiltà li, fis-segwitu ta' analiżi tal-ħtiġiet u tal-prattiki nazzjonali, jiġu stabbiliti standards komuni dwar ir-responsabbiltà mill- immigranti irregolari li ma jkunux jistgħu jintbagħtu lura. Fir-rigward tar- regolarizzazzjoni , l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri għandu jitjieb. Jistgħu jiġu żviluppati linji gwida għad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Il- minorenni mhux akkumpanjati li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni b'mod irregolari jirrapreżentaw sfida partikolari oħra li għandha tkun is-suġġett ta' analiżi fil-fond. Din l-analiżi se tkun segwita bi pjan ta' azzjoni bil-għan li jsaħħaħ u jikkompleta l-istrumenti leġiżlattivi u finanzjarji applikabbli u li jsaħħaħ is-suriet ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini fost l-oħrajn għall-iffaċilitar tar-ritorn ta' minorenni fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom.

5.2. Ażil: żona komuni u solidali ta' protezzjoni

Fl-2008 tressqu qrib il-240 000 talba għal ażil fl-Unjoni Ewropea. Ċerti Stati Membri huma milquta aktar minn oħrajn, kemm minħabba l-għadd ta' talbiet li ġew irreġistrati magħhom, u kif ukoll minħabba l-perċentwal ta' talbiet fi proporzjon mal-popolazzjoni tagħhom.

L-Unjoni għandha tissokta bil-ħidma li bdiet biex tassew toħloq żona komuni u unika ta' protezzjoni msejsa fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-istandards għoljin ta' protezzjoni u t-titjib ġenerali tal-kwalità tas-sistemi nazzjonali, filwaqt li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-abbuż.

5.2.1. Żona unika ta' protezzjoni

L-Unjoni Ewropea għamlet progress sinifikanti lejn il-ħolqien ta' sistema komuni Ewropea tal-ażil li hija bbażata bis-sħiħ fuq il-Konvenzjoni ta' Ġinevra u fuq l-istrumenti internazzjonali oħrajn li huma applikabbli. F'dawn l-aħħar għaxar snin ġie stabbilit sett ta' regoli komuni. Il-proposti leġiżlattivi tat-tieni fażi ta' armonizzazzjoni għandhom jiġu adottati mill-aktar fis. L-għan huwa li, sa mhux aktar tard mill-2012, jiġu adottati proċedura unika tal-ażil u status uniformi dwar il-protezzjoni internazzjonali.

Fir-rigward tal-pjan operattiv , l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li l-Uffiċċju Ewropej għall-Appoġġ fil-qasam tal-Ażil jkollu l-mezzi meħtieġa għat-twettiq tal-kapaċitajiet tiegħu. Dawk l-uffiċjali kollha responsabbli mill-analiżi tat-talbiet għall-ażil fl-Istati Membri għandhom isegwu moduli ta' taħriġ komuni. Huma se jingħataw ukoll aċċess għal informazzjoni siewja dwar il-pajjiż ta' oriġini. Il-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali għandhom jipparteċipaw f'dan il-proċess. Fl-2013, abbażi ta' evalwazzjoni, il-kompiti tal-Uffiċċju jistgħu jissaħħu b'mod li jitqies il-progress fil-qasam tas-solidarjetà u l-qsim tar-responsabbiltajiet.

Il- kontroll strett u l-applikazzjoni korretta tal- acquis leġiżlattiv għandhom jiggarantixxu l-kredibbiltà ta' din is-sistema kif ukoll il-fiduċja reċiproka tal-Istati Membri fir-rigward tal-governanza tajba tas-sistemi tal-ażil rispettivi tagħhom. Ser ikunu jistgħu jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' evalwazzjoni perjodika biex tiġi ffaċilitata l-konverġenza tas-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri.

L- integrazzjoni ta' persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali għandha tittejjeb ukoll filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet tal-wasla tagħhom fl-Unjoni. F'dan l-isfond, għandhom jinstabu soluzzjonijiet għal dawk li jagħmlu talba għall-ażil li ma jiksbux l-istatus ta' refuġjat jew il-protezzjoni sussidjarja, iżda madanakollu ma jkunux jistgħu jitkeċċew minħabba raġunijiet speċifiċi.

It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrumenti leġiżlattivi tat-tieni fażi kif ukoll il-progress fil-konverġenza tal-prattiki u l-miżuri anċillari se jkunu s-suġġett ta' evalwazzjoni fil-fond. Abbażi ta' dan, qabel l-2014 l-Unjoni Ewropea sejra tifformalizza l- prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet kollha tal-għoti ta' status ta' protezzjoni mill-awtoritajiet responsabbli dwar it-talbiet għall-ażil, biex b'hekk ikun jista' jsir it-trasferiment tal-protezzjoni mingħajr il-ħtieġa tal-adozzjoni ta' mekkaniżmi speċifiċi min-naħa tal-leġiżlatur Ewropew.

5.2.2. Il-qsim tar-responsabbiltajiet u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri

Għandu jiddaħħal fis-seħħ qsim reali tar-responsabbiltajiet għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati. Minkejja li llum l-Unjoni Ewropea għażlet li żżomm il-prinċipji wiesa' tas-sistema ta' Dublin, hija għandha ssib ukoll toroq ġodda.

Għandu jiġi ppjanat mekkaniżmu ta' rilokazzjoni interna bejn l-Istati Membri ta' persuni li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, fuq bażi volontarja u kkoordinata. L-ewwel pass jista' jkun jikkonsisti fl-introduzzjoni ta' programmar sistematiku ta' fondi previsti fil-qafas tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati f'konformità ma' dan l-isforz ta' solidarjetà interna. Dan l-ipprogrammar għandu jikkunsidra kriterji oġġettivi. Il-mekkaniżmu jista' jinkludi sostenn għall-ħolqien ta' pjattaformi permanenti ta' akkoljenza u tranżitu f'ċerti Stati Membri, kif ukoll arranġamenti speċifiċi għall-istabbiliment ta' sħubija mal-UNHCR. B'mod parallel ma' dan l-approċċ, għandha ssir analiżi dwar il-fattibbiltà u l-implikazzjonijiet legali u prattiċi ta' trattament komuni għat-talbiet ta' ażil kemm ġewwa l-Unjoni u kif ukoll lil hinn minnha. Din l-analiżi se ssir b'mod kumplimentari mas-Sistema Komuni Ewropea dwar l-Ażil u fir-rispett tar-regoli internazzjonali relevanti. Abbażi ta' dawn l-istudji u tal-evalwazzjoni tal-mekkaniżmu ta' solidarjetà inizjali, sal-2013 ikun jista' jiġi previst l- istabbiliment ta' sistema ta' solidarjetà . Din is-sistema ser tkun ikkoordinata mill-Uffiċċju ta' Appoġġ.

Jeħtieġ li s- solidarjetà finanzarja intra-Ewropea tiġi eżaminata mill-ġdid. F'dawn l-aħħar 10 snin, din dejjem tħaddmet permezz tal-Fondi Ewropej għar-Refuġjati li akkumpanjaw il-fażijiet ta' armonizzazzjoni suċċessivi. Għandhom jiġu identifikati kriterji ġodda ta' qsim jew oqsma ta' intervent, b'kunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tal-politika komuni.

5.2.3. Solidarjetà ma' pajjiżi terzi

Is- solidarjetà ma' pajjiżi terzi li jħabbtu wiċċhom ma' flussi sinifikanti ta' refuġjati jew li jospitaw għadd kbir ta' refuġjati u persuni spustati hija essenzjali. L-aċċess għall-protezzjoni u r-rispett tal-prinċipju ta' non-refoulement għandhom ikunu żgurati. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea se tappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' pajjiżi terzi biex dawn jiżviluppaw is-sistemi ta' ażil u protezzjoni tagħhom stess.

F'dan l-isfond, jistgħu jiġu kkunsidrati responsabbiltajiet ġodda ta' protezzjoni. Ċerti proċeduri ta' dħul protett u l-għoti ta' viżi umanitarji għandhom ikunu ffaċilitati, flimkien mal-għajnuna tar-rappreżentanzi diplomatiċi, jew ta' kull tip ta' struttura stabbilita fil-pajjiżi terzi, fil-qafas ta' strateġija globali ta' ġestjoni tal-moviment tal-persuni.

F'rabta mat-tisħiħ ulterjuri tad-dimensjoni esterna tal-politika tal-ażil, l-Unjoni se tkun tista' ttejjeb il- programmi ta' protezzjoni reġjonali fi sħubija mal-UNHCR u l-pajjiżi terzi kkonċernati bis-sostenn tal-Uffiċċju ta' Appoġġ u tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-Komunità.

L-Unjoni se ssaħħaħ l-isforzi tagħha fil-qasam tar-rilokazzjoni biex tkun tista' toffri soluzzjonijiet dejjiema lir-refuġjati.

6. KONKLUżJONI:

Il-Kummissjoni tittama li wara dibattitu fil-fond mal-Parlament Ewropew, fl-aħħar tas-sena l-Kunsill Ewropew ikun f'pożizzjoni li jadotta programm ambizzjuż imsejjes fuq din il-Komunikazzjoni. Abbażi ta' dawn l-elementi l-Kummissjoni biħsiebha tipproponi pjan ta' azzjoni li jdaħħal fis-seħħ il-programm ta' Stokkolma biex jiġu ddeterminati b'mod preċiż l-azzjonijiet li għandhom isiru u l-aġenda li trid tiġi segwita fil-perjodu bejn l-2010 u l-2014.

ANNESS : Orjentamenti prijoritarji

Il-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini : Ewropa tad-drittijiet

Drittijiet fundamentali

Għall-ikkompletar tas-sistema tagħha tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, l-Unjoni Ewropea għandha taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Abbażi tar-rapport ippublikat mill-Kummissjoni, l-Unjoni se tiddeċiedi dwar kif tiffaċilita l-qsim it-tifkira tad-delitti ta' reġimi totalitarji.

Moviment ħieles

L-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2004/38 dwar il-moviment ħieles tal-persuni hija essenzjali. Ma' din il-Kummissjoni se tippubblika linji gwida filwaqt li se ssegwi l-applikazzjoni tagħha.

F'dan il-qafas, se tkun stabbilita sistema li permezz tagħha ċ-ċittadini jkunu jistgħu jissottomettu atti ċivili b'mod faċli u mingħajr ħlas. Fuq perjodu twil ta' żmien l-Unjoni għandha twettaq ħidma dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' atti ċivili.

Rispett lejn id-diversità

L-Unjoni għandha tiddefinixxi approċċ komuni li jippermittilha timmobilizza aħjar l-istrumenti finanzjarji u legali eżistenti fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-omofobija.

Protezzjoni ta' persuni vulnerabbli

Għandha tiġi elaborata strateġija Ewropea ambizzjuża dwar id-drittijiet tat-tfal. L-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli, tan-nisa vittmi ta' vjolenza u tal-persuni dipendenti għandha tissaħħaħ.

Protezzjoni tad-dejta

L-Unjoni għandha tistabbilixxi sistema sħiħa dwar il-protezzjoni tad-dejta personali li tkopri l-kompetenzi kollha tal-Unjoni. Għandha ssir analiżi dwar il-ħolqien ta' ċertifikazzjoni Ewropea għat-teknoloġija, il-prodotti u s-servizzi li tirrispetta l-privatezza. Il-protezzjoni tad-dejta titlob kooperazzjoni internazzjonali b'saħħitha. L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għat-tfassil u l-promozzjoni ta' standards internazzjonali f'din il-materja.

Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika

Sal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, l-Unjoni se tintroduċi miżuri innovattivi għaċ-ċittadini biex tinkoraġġihom jipparteċipaw fihom.

Protezzjoni konsulari

Għandu jiġi stabbilit qafas imsaħħaħ ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni konsulari.

L-iffaċilitar ta' ħajjet iċ-ċittadini : Ewropa tal-liġi u tal-ġustizzja

Ir-rikonoxximent reċiproku għadu l-pedament tal-konsultazzjoni fiż-żona ġudizzjarja Ewropea.

Fi kwistjonijiet ċivili l-exequatur tas-sentenzi ċivili u kummerċjali għandu jitneħħa filwaqt li r-rikonoxxenza reċiproka tiġi estiża f'oqsma li mhumiex koperti.

Fi kwistjonijiet penali, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu jibqa' jiġi implimentat fl-istadji kollha tal-proċedura.

Ir-rikonoxximent reċiproku għandu japplika wkoll għal miżuri ta' protezzjoni tal-vittmi u tax-xhieda anke fil-każ fejn jintilfu d-drittijiet.

Bil-għan li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn is-sistemi ġudizzjarji, it-taħriġ tal-professjonisti fil-qasam tal-ġustizzja għandu jissaħħaħ u jkun appoġġjat permezz tal-iżvilupp ta' stumenti komuni. L-iskambji bejn il-professjonisti għandhom jiżdiedu speċjalment permezz ta' forum tal-ġustizzja u ta' attivitajiet tad-diversi netwerks li għandhom jikkoordinaw aħjar l-attivitajiet tagħhom.

L-iżvilupp tar-rikonoxximent reċiproku għandu jkun akkumpanjat minn evalwazzjoni fil-fond tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja. Barra minn hekk l-Unjoni Ewropea għandha tagħti s-sostenn tagħha għall-isforzi tal-Istati Membri għat-titjib tas-sistemi ġudizzjarji.

L-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi sett ta' regoli komuni għall-konverġenza tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-kriminalità partikolarment gravi u tipikament transkonfinali. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea għandha tirrikorri, jekk dan jirriżulta neċessarju, għad-dritt kriminali biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tagħha fir-rispett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.

Fil-qasam tad-dritt ċivili, għandha ssir konverġenza tal-leġiżlazzjonijiet fir-rigward tar-regoli minimi għal ċerti aspetti ta' proċedura ċivili jew għal dak li għandu x'jaqsam mad-dritt tal-kustodja.

L-iffaċilitar tal-aċċess għall-ġustizzja għandu jkun prijorità. L-Unjoni Ewropea għandha twettaq ħidma favur it-tisħiħ tal-istrumenti ta' għajnuna legali eżistenti, timmobilizza l-mezzi elettroniċi (e-justice), u tiffoka b'mod partikolari fuq l-iffaċilitar tal-aċċess taċ-ċittadini għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni ġudizzjarja. Għandha wkoll twettaq ħidma għas-simplifikazzjoni tal-formalitajiet leġiżlattivi ta' atti u dokumenti. L-appoġġ għall-vittmi ta' ksur għandu jittejjeb partikolarment f'rabta ma' kwistjonijiet transkonfinali.

Għandha ssir il-mobilizzazzjoni ta' mezzi legali għall-appoġġ tal-attività ekonomika. Għandu jsir titjib fl-infurzar tas-sentenzi ġudizzjarji speċjalment għall-ħolqien ta' proċedura Ewropea dwar is-sekwestru ta' kontijiet tal-bank. Il-ħidma fir-rigward tal-ħolqien ta' qafas komuni ta' referenza fil-qasam tad-dritt kuntrattwali tista' tintuża wkoll għal proposti leġiżlattivi futuri filwaqt li jistgħu jiġu żviluppati mudelli ta' kuntratti. Għandha tiġi segwita l-armonizzazzjoni dwar il-liġi applikabbli fil-qasam tal-kuntratt ta' assigurazzjoni u tal-liġi tal-kumpaniji. Barra minn hekk, meta tqis li jkun meħtieġ l-Unjoni Ewropea tista' tirrikorri għad-dritt kriminali biex tikkastiga mġiba abużiva fil-qasam finanzjarju.

Ewropa li tipproteġi

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżguraw li jsaħħu t-taħriġ ta' professjonisti tas-sigurtà prinċipalment permezz tat-twaqqif ta' programmi ta' skambju adattati (eż. "Erasmus").

L-Unjoni għandha titgħammar b'mudell Ewropew ta' informazzjoni għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħha ta' analiżi strateġika u ta' kooperazzjoni operattiva.

L-Unjoni Ewropea għandha tfassal arkitettura ta' sistemi ta' informazzjoni li jiżguraw l-interoperabbiltà, koerenza u adattament għall-ħtiġiet.

Il-prijoritajiet tal-istrateġija ta' sigurtà interna għandhom ikunu sostnuti minn attivitajiet ta' riċerka u żvilupp għall-promozzjoni tal-aħjar użu tal-aktar teknoloġiji moderni.

Bħala appoġġ għal dawn l-isforzi, jistgħu jiġu stabbiliti fondi għas-sigurtà interna.

Għandhom ikunu mobilizzati l-istrumenti legali u operattivi kollha biex il-kriminali ma jitħallewx japprofittaw ruħhom miż-żona mingħajr fruntieri. Il-kooperazzjoni operattiva bejn il-pulizija għandha tissaħħaħ billi tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-pulizija lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u permezz tad-dħul fis-seħħ ta' mudell ta' ċentru ta' kooperazzjoni għall-pulizija u d-dwana.

Il-Europol għandu jkollha rwol ċentrali fil-koordinazzjoni, l-iskambju ta' informazzjoni u t-taħriġ ta' professjonisti.

Is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea timponi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari mal-Istati ġirien immedjati.

L-Unjoni Ewropea għandha ddaħħal fis-seħħ qafas sħiħ Ewropew għall-ġbir ta' provi.

Is-sistema ta' rekords kriminali li tinsab fis-seħħ għandha tkun użata bis-sħiħ filwaqt li titlesta kompletament (l-użu aktar wiesa' u l-inklużjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi).

L-Unjoni għandha titgħammar b'qafas legali dwar il-garanziji proċedurali minimi u tippromwovi l-esperjenzi pilota fir-rigward tal-alternattivi għall-priġunerija.

L-Unjoni Ewropea għandha ddaħħal fis-seħħ ġestjoni integrata tal-fruntieri li tippermetti l-fluwidità tad-dħul ta' persuni fl-Unjoni Ewropea, waqt li fl-istess ħin tiżgura s-sigurtà tat-territorju tagħha u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni klandestina. Għandha tiddaħħal fis-seħħ sistema ta' kontroll koerenti mal-punti fejn tinqasam il-fruntiera li tkopri t-tipi kollha ta' kontrolli ("one stop shop"). Ir-rwol ta' koordinazzjoni ta'Frontex għandu jissaħħaħ, filwaqt li l-kapaċitajiet operattivi tiegħu żviluppati b'mod koerenti bejn l-azzjoni tiegħu u dik tal-Uffiċċju Ewropew dwar l-Appoġġ fil-qasam tal-Ażil. Pass wara pass l-Eurosur għandha tiddaħħal fis-seħħ.

Is-sistemi ta' informazzjoni (SIS II, VIS) għandhom ikunu totalment operattivi. Għandha tiġi stabbilita sistema ta' reġistrazzjoni elettronika tad-dħul u l-ħruġ kif ukoll programm ta' vjaġġaturi rreġistrati. Għandha tiġi studjata l-opportunità ta' sistema ta' awtorizzazzjoni qabel ma jsir il-vjaġġ.

L-Unjoni Ewropea għandha ddaħħal fis-seħħ viża ta' Scengen Ewropea. Se jiġu stabbiliti ċentri komuni tal-għoti ta' viżi f'pajjiżi terzi, li huma l-istadju preliminari għal awtorità konsulari komuni. Il-ħidma fuq il-konklużjoni ta' ftehimiet ta' ffaċilitar ma' pajjiżi terzi se ssir b'mod parallel mar-reviżjoni regolari tal-listi ta' pajjiżi li għandhom l-obbligu tal-viża. Progressivament is-sistema ta' viża Ewropea għandha tevolvi f'sistema ta' għoti msejsa fuq il-valutazzjoni tar-riskju individwali u mhux fuq iċ-ċittadinanza.

L-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi politika Ewropea għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, ibbażata fuq l-aħjar użu tal-istrumenti kollha li huma disponibbli. Ser tingħata enfasi prijoritarja fuq ħames tipi ta' reati:

L-Unjoni Ewropea għandha tissokta l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin billi ssir ġlieda aktar effettiva tan-netwerks ta' traffikanti u tittejjeb il-ħidma ta' intelligence u ta' analiżi strateġika, u jiddaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi għall-ġbir tal-provi adattati u t-titjib tal-għajnuna lill-vittmi.

L-Unjoni Ewropea għandha tiġġieled l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija speċjalment billi tippromwovi l-iskambju ta' informazzjoni dwar persuni li ngħataw kundanni. Hija se taħdem ukoll biex tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib mas-settur privat sabiex jiġu identifikati u jitwaqqaf jew jiġi mblukkat l-aċċess għas-siti b'kontenut pedofiliku. L-Unjoni għandha tiċċara r-regoli legali applikabbli għaċ-ċiberkriminalità filwaqt li tistabbilixxi pjattaforma Ewropea għall-iskoperta ta' ksur fil-Europol bil-għan li l-ġlieda kontra dan il-fenomenu tkun aktar effettiva.

L-Unjoni Ewropea għandha tnaqqas l-opportunitajiet li ekonomija globalizzata toffri lill-kriminalità organizzata, partikolarment fl-isfond ta' kriżi li qed tħarrax il-vulnerabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt ssaħħaħ l-azzjoni tagħha fl-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika. Hija għandha ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha ta' investigazzjoni u analiżi ta' reati finanzjarji, tidentifika aħjar l-imġiba abużiva fis-suq, ittejjeb il-qafas operattiv fir-rigward tal-konfiska u l-qbid ta' assi kriminali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u tistabbillixxi strument dissważiv fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni.

L-Unjoni għandha tissokta u tapprofondixxi l-istrateġija kontra d-droga li titlob approċċ globali u bbilanċjat msejjes fuq it-tnaqqis kemm tal-provvista u kif ukoll tad-domanda. Jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni ma' ċerti reġjuni madwar id-dinja, bil-parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili u tittejjeb il-ħidma ta' riċerka f'dan ir-rigward.

L-Unjoni Ewropea għandha tikkontrolla r-riskju ta' atti terroristiċi, permezz ta' ġlieda effettiva kontra r-radikalizzazzjoni, l-użu dejjem jikber tal-Internet mit-terroristi u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

L-Unjoni għandha ssaħħaħ il-Mekkaniżmu ta' Protezzjoni Ċivili biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu konklużi l-azzjonijiet tal-Istati Membri, inkluż fil-qasam tal-analiżi tar-riskju u l-kapaċità ta' reazzjoni.

L-Unjoni għandha ssaħħaħ l-istrumenti ta' kontroll tar-riskju ta' terroriżmu. Dan jista' jsir prinċipalment bl-estensjoni u l-istabbiliment tal-programm ta' protezzjoni tal-infrastruttura kritika, l-istabbiliment ta' strateġija Ewropea bil-għan li tiffaċċja t-theddid minn materjali NRBK) (nukleari, radjloġiċi, bioloġiċi u kimiċi) u l-applikazzjoni tal-pjan ta' azzjoni dwar l-isplussivi.

Il-Promozzjoni ta' soċjetà aktar integrta għaċ-ċittadin: Ewropa aktar responsabbli u solidali fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-ażil

L-Unjoni għandha tippromwovi politika tal-immigrazzjoni dinamika u ekwa.

Hija għanda tuża bis-sħiħ u tapprofondixxi l-approċċ globali li jwassal għal ġestjoni koordinata tal-fluss migratorju fi sħubija mal-pajjiżi terzi. Il-kwistjonijiet dwar il-migrazzjoni jagħmlu parti integrali mill-politika esterna tal-Unjoni.

L-Unjoni għandha tippromwovi l-effett pożittiv tal-migrazzjoni għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta' oriġini.

L-Unjoni għandha titgħammar b'qafas komuni li jistabbilixxi sistema ta' ammissjoni flessibbli tal-migranti, li twassal għall-adattament għal żieda fil-mobbiltà u għall-ħtieġiet tas-swieq nazzjonali tax-xogħol.

Bil-għan li tkattar l-effetti pożittivi tal-immigrazzjoni legali għall-benefiċċju ta' kulħadd, l-Unjoni għandha tistabbilixxi kodiċi dwar l-immigrazzjoni, regoli komuni għall-ġestjoni effettiva tar-riunifikazzjoni tal-familji u tappoġġja lill-Istati Membri fil-qasam tal-integrazzjoni permezz ta' mekkaniżmu konġunt ta' koordinazzjoni.

Il-kontroll aħjar tal-immigrazzjoni irregolari huma fattur essenzjali komplementari għall-iżvilupp ta' politika komuni fil-qasam tal-immigrazzjoni legali. L-Unjoni Ewropea għandha tiġġieled kontra l-impjegar illegali u ssegwi politika effettiva ta' tkeċċija u ritorn, permezz tal-użu sħiħ tal-istrumenti eżistenti. L-Unjoni għandha tippromwovi r-ritorn volontarju u tagħti attenzjoni partikolari għall-minorenni mhux akkumpanjati. L-Unjoni Ewropea għandha ssir żona komuni u solidali ta' protezzjoni, bi proċedura tal-ażil unika u bi status uniformi ta' protezzjoni internazzjonali.

Hija għandha tiżgura l-qsim tar-responsabbiltajiet għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tar-refuġjati inkluż l-istabbiliment ta' mekkaniżmu volontarju ta' ridistribuzzjoni fost l-Istati Membri u trattament komuni għat-talbiet għall-ażil. Għandu jiġi żgurat il-kontroll strett u l-applikazzjoni korretta tal- acquis leġiżlattiv, li jiggarantixxi l-kredibbiltà tas-sistema komuni Ewropea tal-Ażil u l-fiduċja bejn l-Istati Membri. Fuq perjodu itwal ta' żmien, il-prinċipju ta' rikomxximent reċiproku u d-deċiżjonijiet kollha tal-għoti tal-istatus ta' protezzjoni se jiffaċilitaw it-trasferiment tal-protezzjoni.

L-Unjoni Ewropea għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva tiżgura li l-Uffiċċju Ewropej għall-Appoġġ fil-qasam tal-Ażil jkollu l-mezzi meħtieġa għat-twettiq tal-kapaċitajiet tiegħu.

Għandha tiġi segwita politika dwar l-ażil li tkun solidali mal-pajjiżi terzi li qed iħabbtu wiċċhom ma' flussi sinifikanti ta' refuġjati. L-Unjoni Ewropea għandha testendi l-programmi ta' protezzjoni reġjonali u tapprofondixxi l-isforzi tagħha fil-qasam tar-rilokazzjoni.

[1] L-Artikolu 22 TKE.

[2] L-Unjoni għandha tagħmel referenza, b'mod partikolari, għall-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) tal-Kunsill tal-Ewropa.

[3] Il-Bord Ewropew tal-Pariri għar-Riċerka fis-Sigurtà

[4] SIS II: Is-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen II u VIS: Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Visas

[5] Ikun jista' jintuża, pereżempju, il-mudell tas-sistema ta' klassifikar dwar il-perċezzjoni tal-korruzzjoni stabbilit minn Transparency International.

[6] Li ma jkunx aġenzija.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet