52009DC0180


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE (Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2009)

/* KUMM/2009/0180 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 29.4.2009

KUMM(2009) 180 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE(Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2009)

1. Introduzzjoni

Għall-ewwel darba fl-istorja, il-maġġoranza assoluta taċ-ċittadini Ewropej tista' tgħix ħajja attiva, f'saħħitha u parteċipattiva sew fl-anzjanità. Fl-istess ħin, is-soċjetajiet li qed jixjieħu jġibu magħhom opportunitajiet ġodda għal ditti innovattivi permezz tad-domanda għal prodotti u servizzi ġodda jew adattati. Madankollu, l-kombinazzjoni tat-tixjiħ u tar-rati baxxi tat-twelid iġġib magħha wkoll sfidi ekonomiċi, baġitarji u soċjali ewlenin. L-Ewropa bdiet tħejji ruħha għal dawn l-isfidi, u sar progress ta' inkoraġġiment f'xi wħud mill-Istati Membri, notevolment permezz ta' riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet u ta' bilanċ aħjar bejn il-ħajja professjonali u dik familjari. Madankollu, mingħajr aktar bidliet istituzzjonali u ta' politika, ix-xejriet demografiċi mistennija jbiddlu s-soċjetajiet tagħna b' mod konsiderevoli, waqt li jħallu l-effett tagħhom fuq is-solidarjetà interġenerazzjonali u joħolqu domandi ġodda fuq il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Xejriet bħal dawn għandu jkollhom impatt sinifikanti fuq it-tkabbir potenzjali u jwasslu għal pressjonijiet qawwijin biex iżidu l-infiq pubbliku, mhux biss fin-nefqa fl-ambitu tal-pensjonijiet u tas-saħħa, iżda wkoll fl-infrastruttura, id-djar, u l-edukazzjoni.

Kunsilli Ewropej suċċessivi rrikonoxxew il-ħtieġa li jittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq il-mudelli soċjali Ewropej. L-isfida tal-linja politika hija wiesgħa, li tkopri d-dibattitu għaddej bħalissa dwar il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' għajnuna u l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol bħala segwitu għas-Samit ta' Hampton Court ta' Ottubru 2005, l-Istratreġija Mġedda ta' Liżbona, l-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE u l-"Politika integrata dwar il-klima u l-enerġija", il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni dwar il-pensjonijiet, il-kura għas-saħħa u l-kura fit-tul, u strateġija għaż-żgħażagħ [1]u l-iżgurar tal-progress lejn finanzi pubbliċi sostenibbli fil-kuntest tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

Huwa proprju f'dan il-qafas li l-Kunsill tal-ECOFIN avża lill-Kumitat tal-Politika Ekonomika u stieden lill-Kummissjoni biex taġġorna l-proġettazzjonijiet baġitarji fit-tul sa tmiem l-2009. It-tbassir konġunt[2] li japplika metodoloġiji ġodda, mtejba, jikkonferma fil-wisgħa t-tbassir tal-2006. Huma jipprovdu element ewlieni għall-analiżi tal-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u jagħmlu parti integrali mis-sorveljanza baġitarja multilaterali tal-UE. Huwa għandhom ikunu utli wkoll għal dawk li jfasslu l-politika fit-tħejjija ta' riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa.

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta t-tbassir ekonomiku u baġitarju tal-aħħar fit-tul u l-ewwel attentat tal-fehmiet tal-Kummissjoni dwar l-abbiltà tal-Ewropa biex tittratta l-isfida tat-tixjiħ fid-dawl tad-dejta l-ġdida u l-iżviluppi ekonomiċi attwali.

Analiżi ta' dan l-aħħar tikkonferma li teżisti l-possibbiltà ta' opportunità – perjodu ta' madwar 10 snin li matulu l-forza tax-xogħol għandhom ikomplu jiżdiedu- għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali meħtieġa mis-soċjetajiet li qed jixjieħu[3]. Il-ħila tal-UE li tlaħħaq mal-ħtiġijiet futuri ta' popolazzjoni li qed tixjieħ tiddgħajjef jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni.

Il-kriżi ekonomika tista tirrendi l-isfidi maħluqa mit-tixjiħ iżjed akuti. Għalhekk it-tħaddim ta' rispons politiku għall-kriżi, mmirat u kkoordinat tajjeb, kif imsemmi fil-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku[4] (PERE) adottat mill-Kummissjoni fis-26 ta' Novembru2008, għandu jinħataf bħala opportunità għal sforzi konġunti biex tintrebaħ ir-riċessjoni permezz ta' appoġġ tal-attività ekonomika fuq żmien qasir u permezz ta' riformi mmirati len it-tisħiħ ta' investimenti f'ekonomija u soċjetà aktar sostenibbli u billi l-infiq relatat mal-età jitpoġġa fuq mogħdija sostenibbli[5]. L-investiment fit-titjib tat-taħriġ u l-kapital uman għandhom jgħinu fl-indirizzar tal-impatt tal-kriżi fuq żmien qasir u jikkontribwixxu għat-tħejjija ta' soċjetà li qed tixjieħ.

2. L-isfidi fit-tul tat-tixjiħ demografiku

L-impatt ekonomiku tat-tixjiħ

It-tbassir fit-tul mhuwiex previżjoni, iżda jitħejja fuq bażi ta' 'politika li tibqa' kif inhi', u għalhekk jipprovdi tagħrif importanti dwar l-effetti jekk ma titteħidx azzjoni. L-aħħar tbassir li tressaq fir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2009 huwa msejjes fuq it-tbassir demografiku l-ġdid tal-Eurostat irrilaxxat f'April 2008. L-iżviluppi demografiċi jvarjaw b'mod sinifikanti minn pajjjiż għall-ieħor, iżda l-popolazzjoni ġenerali fl-UE issa hija mbassra li se tibqa l-istess fl-2060 kif inhi llum, grazzi għal rimbalz ħafif fir-rata tal-fertilità f'xi Stati Membri u flussi ta' immigrazzjoni aktar dinamiċi, waqt li fl-2006 kienet imbassra li se tonqos maż-żmien. Madankollu, t-tbassir demografiku l-ġdid ma jvarjax b'mod sostanzjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-istruttura tal-popolazzjoni u dan jikkonferma li r-rati ta' twelid baxxi, is-snin ta' ħajja li qed jiżdiedu u l-influss kontinwu tal-migranti qed jiġu mistennija li jirriżultaw f'popolazzjoni totali tal-UE kważi bla bidla, iżda ħafna ixjeħ, sal-2060[6], li jfisser li l-proporzjon se jinbidel għal żewġ persuni biss minn erbgħa persuni f'età tax-xogħol (bejn il-15 u l-64) għal kull persuna 'l fuq mill-65. L-akbar tnaqqis huwa mistenni li sseħħ matul il-perjodu bejn l-2015-35 meta l-koorti tal-baby boom ikunu waslu biex jirtiraw.

Ir-rata tas-sehem fis-suq tax-xogħol tal-UE bħala entità waħda mistennija li tiżdied minn 70½ % fl-2007 għal 74 % fl-2060, li l-parti l-kbira minnha għandha timmaterjalizza qabel l-2020. Id-distakk bejn ir-rati tas-sehem tal-irġiel u dak tan-nisa huwa mistenni li jonqos gradwalment, b'mod speċjali fil-pajjiżi fejn huwa attwalment kbir. Ġeneralment, ir-rati tal-impjiegi mistennija jiżdiedu minn 65½ % fl-2007 għal madwar 70 % fl-2060. Ir-rata ta' impjiegi ta' ħaddiema mdaħħla fiż-żmien hija mistennija li żżid minħabba fir-riformi mmirati lejn il-ħajja tax-xogħol imtawwla f'bosta Stati Membri. Ġeneralment, madankollu, l-impjieg fl-UE huwa mbassar li se jonqos b'madwar 19-il miljun ruħ sas-sena 2060. Iż-żieda fir-rati tas-sehem fil-forza tax-xogħol f'bosta pajjiżi u l-livelli netti tal-immigrazzjonijiet li qed jiżdiedu f'xi wħud għandhom biss jimmoderaw il-waqgħa fl-impjieg minħabba fit-tnaqqis tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol bejn l-2020 u l-2060.

Minħabba f'nuqqas fil-provvista tax-xogħol, il-produttività se jkollha tkun is-sors tat-tkabbir ekonomiku fil-ġejjieni. Suppożizzjoni prudenti hija dik li t-tkabbir tal-produttività tal-Istati Membri għandu jikkonverġi għal medja storika fit-tul fl-UE ta' 1¾ %, qrib ta' dik irreġistrata ferm fit-tul fl-Istati Uniti. Minħabba dan, ir-rata ta' tkabbir potenzjali annwali tal-PGD għandha mnejn tonqos b'mod sinifikanti. Popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos għandha ttawwal it-tkabbir u d-dħul għal kull ras. Minħabba d-differenzi fix-xejriet demografiċi, ir-rati ta' tkabbir għandhom mnejn ivarjaw sostanzjalment minn pajjiż għal ieħor.

L-impatt baġitarju tat-tixjiħ

b'konsegwenza tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, l-ħtieġa għall-provvista pubblika ta' trasferimenti u servizzi relatati mal-età għandha tiżdied. L-impatt fiskali tat-tixjiħ huwa għalhekk imbassar li jkun sostanzjali fl-Istati Membri kważi kollha, waqt li jkun diġà qed jidher matul id-deċennju li ġej. B'mod ġenerali, abbażi tal-linji politiċi attwali, l-infiq pubbliku relatat mal-età qed jitbassar li se jiżdied b'medja ta' madwar 4¾ punti perċentwali tal-PGD sal-2060 fl-UE u b'aktar minn 5 punti perċentwali fiż-żona euro – speċjalment minħabba l-infiq fil-pensjonijiet, fil-kura għas-saħħa u fil-kura fit-tul. Għall-UE25, iż-żieda mbassra hija kemxejn ogħla meta mqabbla mat-tbassir ta' qabel fir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2006, b'madwar nofs punt perċentwal tal-PGD fuq il-perjodu kollu ta' tbassir. Meta mqabbel mar-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2006, l-akbar reviżjonijiet 'l isfel fl-impatt baġitarju tat-tixjiħ seħħew fil-Portugall, fl-Ungerija u fir-Repubblika Ċeka (li jirriflettu notevolment fuq l-impatt tar-riformi tal-pensjonijiet), waqt li ġew rappurtati reviżjonijiet kbar 'il fuq fil-Greċja, fil-Lussemburgu, f'Malta, fl-Estonja, fl-Awstrija, fil-Polonja u fil-Litwanja (li jirriflettu qabel kollox bidliet imbassra revisti fl-infiq għall-pensjonijiet ġejjin minn impatt negattiv fir-riforma u tekniki mtejba ta' mmodellar).

Globalment, jeżistu differenzi li ta' min jinnotahom fl-impatt tat-tixjiħ madwar l-Istati Membri.

- Iż-żieda fl-infiq pubbliku x'aktarx li tkun sinifikanti ħafna (seba' punti perċentwali tal-PGD jew iżjed) f'disa' Stati Membri tal-UE (il-Lussemburgu, il-Greċja, s-Slovenja, Ċipru, Malta, l-Olanda, ir-Rumanija, Spanja, u l-Irlanda), għalkemm għal xi pajjiżi ż-żieda kbira għandha tkun minn livell pjuttost baxx.

- Għal grupp ieħor ta' pajjiżi – il-Belġju, l-Finlandja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, is-Slovakkja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Ungerija - l-infiq tax-tixjiħ huwa aktar limitat, iżda xorta għoli ħafna (minn erbgħa sa seba' punti perċentwali tal-PGD).

- Fl-aħħar, iż-żieda hija aktar moderata, erba' punti perċentwali jew inqas tal-PGD, fil-Bulgarija, fl-Iżvezja, fil-Portugall, fl-Awstrija, fi Franza, fid-Danimarka, fl-Italja, fil-Latvja, fl-Estonja u fil-Polonja. Bosta minn dawn il-pajjiżi implimentaw riformi sostanzjali fil-pensjonijiet, ħafna każijiet ukoll jinvolvu bidla parzjali għal skemi ta' pensjonijiet privati (il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, il-Polonja u l-Iżvezja).

Ix-xejriet demografiċi għandhom mnejn jgħollu l-infiq pubbliku tal-pensjonijiet b'mod sinifikanti ħafna fl-Istati Membri kollha. Madankollu, r-riformi fil-pensjonijiet li japplikaw f'għadd ta' Stati Membri qed iġibu riżultati pożittivi fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Kważi l-Istati Membri kollha ssikkaw ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà għall-kisba ta' pensjoni pubblika , notevolment billi għollew l-età tal-irtirar u rrestrinġew l-aċċess għal skemi ta' rtirar bikri. Riformi bħal dawn tipikament introdotti fuq perjodu twil, għandhom iwasslu għal rati ta' parteċipazzjoni ogħla ta' ħaddiema mdaħħla fiż-żmien, li jista' wkoll jirriżulta minn rabta aktar soda bejn il-benefiċċji tal-pensjonijiet u l-kontribuzzjonijiet għall-pensjonijiet u għalhekk inċentiv akbar biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Filwaqt li r-rati ta' impjieg ta' ħaddiema mdaħħla fiż-żmien kienet qed togħla f'dawn l-aħħar snin, għad baqa' ħafna wisgħa għal aktar progress. Madwar 50 % tal-persuni biss fl-UE jibqgħu fl-impjieg sal-età ta' 60.

Ir-riformi qed iwasslu wkoll għal sehem gradwalment iżgħar ta' benefiċċji pubbliċi tal-pensjonijiet fil-provvista ġenerali tal-pensjonijiet . Dan qed jiġri permezz ta' ħafna mekkaniżmi, inklużi l-bidliet fl-indiċjar tal-benefiċċji li, f'xi pajjiżi, jikkawżaw li l-benefiċċji jogħlew aktar bil-mod milli s-salarji. Analiżi ta' dan l-aħħar tissuġġerixxi li d-dħul tal-pensjonanti futuri relattivi se jonqos sostanzjalment f'għadd ta' Stati Membri[7]. L-evalwazzjoni tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi għandha tqis ir-riskju ta' pensjonijiet inadegwati li jirriżultaw fi pressjoni mhux prevista għal żidiet ad hoc fil-pensjonijiet jew f'domanda ogħla għal benefiċċji oħra, li jenfasizzaw il-ħtieġa li l-kwistjonijiet ta' adegwatezza u sostenibbiltà tal-pensjonijiet jiġu ttrattati b'mod konġunt[8]. Hemm eżempji ta' Stati Membri fejn l-adegwatezza futura tal-pensjonijiet dan l-aħħar tjiebet mingħajr ma poġġiet is-sostenibbiltà finanzjarja fil-periklu (eż. fl-Estonja).

Flimkien mar-riforma ta' sistemi pubbliċi ta' pensjonijiet, ħafna pajjiżi introduċew, u qed jippjanaw li jespandu, skemi tal-pensjoniijet supplementari . Xi wħud anki ressqu parti mill-kontribuzzjoni tal-iskemi pubbliċi għal skemi ffinanzjati b'mod mandatorju u ġestiti privatament (il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Iżvezja). Attwalment, dawn l-iskemi ffinanzjati għadhom qed jissawwru, iżda s-sehem tagħhom fil-pakkett ġenerali tal-pensjonijiet se jkun sinifikanti fid-deċennji li ġejjin. Bosta pajjiżi (eż. l-Iżvezja, id-Danimarka, l-Olanda, ir-Renju Unit, l-Irlanda) diġà qed jistrieħu fil-biċċa l-kbira fuq pensjonijiet privati tax-xogħol, li minnhom xi wħud qed jippjanaw li jkomplu jagħtu aktar spinta lir-rwol tagħhom.

Is-sistemi tal- kura għas-saħħa fl-UE huma mistennija jiffaċċjaw sfidi sostanzjali fil-ġejjieni. L-infiq pubbliku fuq il-kura għas-saħħa huwa mistenni jikber b'1½ punti perċentwali tal-PGD fil-UE sal-2060. Għixien f'saħħa aħjar jista' jikkontribwixxi f'li jillimita l-infiq fil-ġejjieni. L-infiq fil-kura għas-saħħa huwa relatat sew ukoll mat-tkabbir tad-dħul u mal-progress teknoloġiku. Metodi żviluppati riċentement għal dijanjożi u trattamenti minn kmieni jikkontribwixxu bis-sħiħ għat-tkabbir fl-infiq, iżda parti mill-progress mediku jista' x'aktarx jiffranka l-ispejjeż fit-tul. Investment f'teknoloġiji tal-ħarsien u tas-saħħa joffri strumenti għall-popolazzjoni biex jibqgħu b'saħħithom u produttivi għal aktar żmien. L-iżvilupp ta' kuri għal patoloġiji inqas magħrufa jipprovdi wkoll opportunitajiet ta' xogħol u tkabbir. L-immaniġġjar effettiv tat-teknoloġija huwa għalhekk deteriminati bil-kbir fl-infiq tal-ġejjieni.

Popolazzjoni li qed tixjieħ se tkun teħtieġ ikoll żieda fi-nefqa pubblika għal kura fuq medda twila ta' żmien . Ibbażat fuq il-politiki attwali, l-infiq pubbliku għal kura fuq medda twila ta' żmien huwa pproġettat li jiżdied b'1¼ % tal-PGD sal-2060 minħabba li dawk li huma ħafna anzjani, ('il fuq minn 80 sena) se tkun il-klassi ta' età li se tiżdied l-aktar fil-popolazzjoni fil-ġejjieni. Għal darb'oħra, il-fatturi demografiċi mhux se jkunu weħidhom li jwasslu għal dan. Bħalissa, il-kura għall-anzjani fraġli qed tiġi provduta, fil-biċċa l-kbira tagħha, fuq bażi informali mill-qraba. Bidliet fl-istrutturi tal-familji, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol u żieda fil-mobilità ġeografika, jistgħu jnaqqsu d-disponibbiltà tal-kura informali. Għal pajjiżi li s-sistemi tal-kura formali tagħhom huma inqas żviluppati, iż-żieda proġettata fl-infiq pubbliku għal kura fuq medda twila ta' żmien tista' tissottovaluta l-pressjoni futura fuq il-finanzi pubbliċi, minħabba l-possibbiltà ta' ħtieġa akbar għal provvediment ta' kura formali.

Fir-rigward tal-infiq pubbliku fl- edukazzjoni, minkejja l-għadd tat-tfal li se jonqos fid-deċennji li ġejjin, l-għanijiet attwali fil-politika tal-ekukazzjoni u l-miri fl-UE, kif ukoll titjib sostanzjali fil-kwalità tal-edukazzjoni, għandhom mnejn jirrikjedu infiq ogħla fl-edukazzjoni fil-ġejjieni. L-investiment fil-kapital uman ta' żgħażagħ u fil-forza tax-xogħol tal-adulti se jkun kruċjali għat-tkabbir tal-produttività fil-futur. Għalhekk, il-ftit tnaqqis fil-proporzjon tal-infiq pubbliku għall-edukazzjoni tul il-perjodu ta' tbassir fil-previżjonijiet, li jirriżulta biss minn bidliet fil-kompożizzjoni demografiku (inqas tfal fil-futur) jista' ma jimmaterjalizzax.

3. Tħejjija għat-Tixjiħ fi żmenijiet ta' riċessjjoni ekonomika

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali wasslet għal tnaqqis drastiku u rapid mhux tas-soltu fl-attività ekonomika u għal riċessjoni globali. L-impjiegi qed jintlaqtu sew mill-waqgħa serja attwali, ir-rati tal-qgħad qed jiżdiedu b'mod rapidu, u l-UE qed tiffaċċja r-riskju ta' tnaqqis fit-tkabbir potenzjali tagħha, li diġà jinsab f'riskju minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ.

Il-kriżi finanzjarja u l-waqgħa serja ekonomika qed iwasslu għal ħsara rapida fil-progress tajjeb li sar mill-Istati Membri f'dawn l-aħħar snin lejn baġits tal-gvern ibbilanċjati u dejn imnaqqas, billi l-gvernijiet ikollhom jintervjenu biex jistabbilizzaw is-sistema finanzjarja u jappoġġjaw l-irkupru. Il-qagħda fuq medda qasira ta' żmien għall-finanzi pubbliċi għalhekk marret għall-agħar u l-progress li nkiseb fil-konsolidazzjoni fiskali f'dawn l-aħħar snin mar lura.

Barra minn hekk, il-kriżi żżid mal-impatt ekonomiku tat-tixjiħ demografiku fuq il-provvista tal-pensjonijiet, għalkemm il-konsegwenzi se jiddependu b'mod kritiku mill-profondità u mit-tul tal-waqgħa. Għas-sistemi pubbliċi tal-pensjonijiet "ħallas b'allokazzjonijiet", it-tnaqqis tal-ekonomija reali qed iġġib pressjonijiet fiskali addizzjonali fuq il-finanzjament u l-kontribuzzjonijiet. Fir-rigward tal-iskemi ffinanzjati, il-kriżi esponiet il-vulnerabbiltajiet tagħhom għat-tnaqqis fis-swieq finanzjarji. Rigward l-iskemi b'benefiċċju definit, l-iżbilanċ li qed jiżdied minħabba l-waqgħat fil-valur tal-assi qed ikollu impatt fuq il-membri tal-fondi permezz ta' aġġustamenti lir-regoli tal-indiċjar jew lir-rati tal-kontribuzzjonijiet u permezz tal-għeluq ta' skemi bħal dawn għal membri ġodda. Għal persuni li qed jinvestu f'fondi ta' pensjonijiet ta' kontribuzzjoni definita, l-impatt tal-kriżi jiddependi b'mod kritiku mill-allokazzjoni tal-assi tal-fond u mill-età tal-membru. Il-ħaddiema aktar anzjani b'espożizzjonijiet ta' ekwità għolja huma l-aktar milquta billi huma jinsabu l-eqreb għall-irtirar u l-valur tal-assi tagħhom waqa'.

Dan jenfasizza l-ħtieġa li min ifassal il-politika, kif ukoll ir-regolaturi u s-sorveljaturi jippromwovu amministrazzjoni prudenti tat-tfaddil għall-irtirar. Se tkun meħtieġa diskussjoni profonda u miftuħa b'attenzjoni ta' sorveljanza dwar is-sistemi tal-pensjonijiet fl-Ewropa u b'mod partikolari reviżjoni kritika tar-rwol, tat-tfassil u tal-prestazzjoni relattivi fil-qasam privat.

F'dan l-istadju attwali, ikkaratterizzat minn attività ekonomika baxxa ħafna u prospetti inċerti għall-aħħar, il-ħila tal-Ewropa biex toħroġ minn din il-waqgħa u tindirizza l-isfidi tat-tixjiħ tagħha tinsab kruċjalment fl-artikolazzjoni bejn l-azzjonijiet meħuda biex jappoġġjaw l-irkupru u r-riformi strutturali fuq medda itwal ta' żmien. It-tweġibiet politiċi mmirati u kkoordinati tajjeb, kif jisħaq il-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku, huma mfassla biex jippromwovu investiment "għaqli", li jrawwem il-ħiliet xierqa għall-promozzjoni ta' effiċjenza fl-enerġija, teknoloġiji nodfa, u infrastruttura u inter-konnessjoni li jappoġġjaw l-effiċjenza u l-innovazzjoni, li fl-aħħar mill-aħħar itejbu l-potenzjal tat-tkabbir fl-Ewropa.

Għalhekk jidher ċar li l-ewwel prijorità għandha tkun l-implimentazzjoni tal-PERE biex ikun żgurat li l-kriżi finanzjarja u r-reċessjoni ma jpoġġux lill-UE b'mod permanenti fuq livell aktar baxx ta' tkabbir fir-rigward tal-impjiegi u l-produttività tax-xogħol, dan għandu wkoll jaffettwa l-ħila tagħha li tlaħħaq mal-konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

Ladarba l-kriżi tgħaddi, l-prospetti fit-tul ikunu jiddependu wkoll mill-grad ta' determinazzjoni għal ritorn rapidu lejn finanzi pubbliċi sodi, kif rakkomandat mill-PERE, u mis-segwiment tar-riformi meħtieġa mill-bidla demografika li issa se jkollha aktar importanza biex tibni l-fiduċja bħala parti mill-istrateġija tal-ħruġ mill-kriżi. Daqstant importanti, l-aġenda ta' riforma strutturali mmirata lejn it-trattament tal-isfida demografika jeħtieġ li tissaħħaħ. Dan ifisser iż-żieda tar-rati ta’ impjiegi b'nod sostanzjali u, b’mod partikulari, li jkunu megħjuna u inkuraġġiti l-baby boomers li qed jixjieħu biex dawn jibqgħu fis-suq tax-xogħol minflok jirtiraw kmieni, kif ġenerazzjonijiet preċedenti kellhom tendenza li jagħmlu. L-aħjar ċans li l-Ewropa għandha biex tassigura li t-tixjiħ ma jkunx meħud bħala theddida, iżda bħala kisba storika, jinsab f’li ma jinħeliex il-potenzjal ta’ dawn il-ġenerazzjonijiet tal-baby-boom.

L-istrateġija fuq tliet binarji biex tlaħħaq mal-isfidi ekonomiċi u baġitarji li qed joħolqu l-popolazzjonijiet li qed jixjieħu li kienet deċiża mill-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma fl-2001, jiġifieri: (i) it-tnaqqis tad-dejn b'pass mgħaġġel; (ii) iż-żieda fir-rati ta' impjiegi u l-produttività; u (iii) ir-riforma tal-pensjoni, il-kura tas-saħħa u s-sistemi ta' kura fuq medda twila ta' żmien u l-ħames miri politiċi identifikati f'Ottubru 2006 fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-futur demografiku tal-Ewropa jibqgħu strateġija ta' politika valida fit-tul[9].

Dawn il-miri kienu biex:

- ikun promoss it-tiġdid demografiku fl-Ewropa bil-ħolqien ta' kundizzjonijiet aħjar għall-familji;

- ikun promoss ix-xogħol fl-Ewropa b’aktar impjiegi u ħajja tax-xogħol itwal ta’ kwalità aħjar;

- issir Ewropa aktar produttiva u dinamika

- ikunu milqugħa u integrati l-immigranti fl-Ewropa;

- ikunu assigurati finanzi pubbliċi sostenibbli fl-Ewropa, b’hekk ikunu garantiti sigurtà soċjali u ekwità adegwati bejn il-ġenerazzjonijiet.

- Il-ħolqien ta' kundizzjonijiet aħjar għall-familji u t-tiġdid demografiku

It-tiġdid demografiku jirrikjedi azzjoni għall-iżvilupp ta' klima soċjetali ġenerali li jilqa' l-ħtiġijiet tal-familji, bidla lejn soċjetà li tilqa' lit-tfal u li toħloq kundizzjonijiet li jippermettu bilanċ aħjar bejn il-ħajja u x-xogħol. F'pajjiżi fejn huwa diffiċli li ssir rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, ir-rati ta' xogħol fost in-nisa għandhom xejra li jkunu baxxi, billi ħafna drabi l-ommijiet jispiċċaw ma jibqgħux fis-suq tax-xogħol, u r-rati tat-twelid ikunu baxxi minħabba li bosta nies iħossu li ma jistgħux jaffordjaw li jkollhom it-tfal. Politiki li jippromwovu r-rikonċiljazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi, li jkollhom b'mod partikulari kundizzjonijiet aħjar għal-liv tal-ġenituri u inċentivi għall-misserijiet biex jieħdu liv bħal dan, u żieda fil-provvediment ta' kura ta' kwalità għolja għat-tfal, għandhom jibqgħu prijorità. Jista' jitqies ukoll it-tnaqqis tat-taxxi fuq it-tieni impjegat fil-familja, billi nstab li dan jirrispondi aktar għat-tnaqqis ta' taxxa fir-rigward tas-sehem fis-suq tax-xogħol. Politiki bħal dawn jipproduċu benefiċċji fuq medda twila ta' żmien billi jassiguraw li n-nisa b'mod partikulari jistgħu jibqgħu f'konnessjoni mas-suq tax-xogħol.

Iżda, bosta Stati Membri xorta għadhom lura mill-miri biex jassiguraw aċċess għal kura fomali tat-tfal kif stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta' Barċellona u jonqsu milli jagħtu benefiċċji għall-edukazzjoni fit-tfulija bikrija għall-iżvilupp futur tat-tfal u biex jissaħħu l-opportunitajiet ta' dawk li ġejjin minn sfond żvantaġġjat. Investiment f'kura ta' kwalità għolja għat-tfal u l-impjegabbiltà tal-ġenituri li jieqfu mill-karriera għal xi żmien jirrappreżenta investimenti b'riżultati b'potenzjal kbir. Dan jipprovdi wkoll inċentiv għall-iżvilupp ta' servizzi ġodda u għalhekk il-ħolqien ta' impjiegi ġodda.

- Aktar impjiegi u ħajja tax-xogħol itwal

Inżidu s-sehem u l-impjegabbiltà. L-isfida tat-tixjiħ għall-finanzi pubbliċi tiġi mill-ħtieġa li jkun appoġġjat l-għadd li qed jiżdied ta' persuni aktar anzjani f'popolazzjoni tax-xogħol li qed tonqos.. Hemm ħafna lok għal titjib. Ftit inqas minn żewġ terzi (65.4 % fl-2007) tal-popoloazzjoni li għandha l-età tax-xogħol huma fir-realtà qed jaħdmu, diversi punti perċentwali inqas mill-mira (70 %) stabbilita fl-Istrateġija ta' Liżbona għas-sena 2010. Kien hemm progress konsiderevoli biex jiżdied is-sehem fis-suq tax-xogħol speċjalment fost ħaddiema aktar anzjani u n-nisa. Iżda, ir-riċessjoni attwali tista' b'mod partikulari tolqot liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema aktar anzjani. Il-prijorità tal-politika għandha tkun biex tassigura li ż-żgħażagħ li jonqsu milli jidħlu fis-suq tax-xogħol ma jispiċċawx jibdew ħajja dipendenti fuq benefiċċju permamenti u li ħaddiema aktar anzjani li jispiċċaw bla xogħol ikunu jistgħu jmorru lura għax-xogħol ladarba l-qagħda tas-suq tax-xogħol titjieb.

F'dawn l-aħħar snin saru riformi fit-taxxa u fis-sistemi ta' benefiċċji , fil-parti l-kbira mmirati lejn it-titjib tal-utilizzazzjoni tax-xogħol. Parti ċentrali minn minn ħafna strateġija ta' riformi riċenti kienet it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-benefiċċji billi x-xogħol jingħata x-xejra ta' għażla ekonomikament attraenti u sodisfaċenti meta mqabbel mal-assistenza u billi l-benefiċjarji jitħeġġu biex ifittxu x-xogħol b'mod attiv. It-tnaqqis tad-diżinċentivi għax-xogħol u għall-kiri ta' ħaddiema, speċjalment għal dawk b'ħiliet baxxi, maqbuda fis-sistemi ta' taxxi u ta' benefiċċji u rabta akbar ma' politiki ta' attivazzjoni mmirati huma kollha fatturi li kkontribwixxew għat-titjib strutturali fit-tħaddim tas-swieq tax-xogħol. Iżda minkejja dan it-titjib, fid-dawl tat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-bida teknoloġika rapida, jeħtieġ aktar progress biex ikompli jżid u jżomm livelli għolja tar-rati tal-impjiegi u tal-parteċipazzjoni, speċjalment qalb in-nisa u l-ħaddiema aktar anzjani, u jnaqqas il-qgħad strutturali.

Inżidu r-rati tal-impjiegi tal-ħaddiema aktar anzjani. Ir-riformi fl-iskemi tad-diżabbiltà u ta' rtirar bikri u ż-żieda fl-età effettiva tal-irtirar jibqgħu prijorità biex iżidu l-provvista tax-xogħol ta' persuni aktar anzjani u biex jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli quddiem l-iżviluppi demografiċi b'effett negattiv. Dan jgħin ukoll biex jiżgura li l-imġiba fir-rigward tal-irtirar qed tqis kif xieraq iż-żieda futura fis-snin ta' ħajja. Il-ġenerazzjoni tal-baby boom (li issa laħqu l-età ta' 50 u l-bidu tas-60) tirrappreżenta qasam ewlieni tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa. Biex wieħed jinkoraġġihom jibqgħu attivi jeħtieġ li jitneħħew l-ostakoli tal-impjiegi, bħall-età obbligatorja tal-irtirar, kif ukoll l-introduzzjoni ta' mekkaniżmi flessibbli tal-irtirar li jippermettulhom jagħżlu meta jirtiraw u jiksbu intitolamenti addizzjonali tal-pensjoni. L-opportunitajiet għall-impjieg part-time jistgħu jkunu ta' ġid għall-kisba ta' salarji xierqa għal persuni mdaħħla fiż-żmien u biex iżidu l-forza tax-xogħol.

Lil hinn mill-inċentivi li jinsabu fis-sistemi ta' pensjonijiet, taxxi u benefiċċji[10], l-istrateġiji ta' riforma jridu jinkludu attitudnijiet mibdula lejn ħaddiema aktar anzjani u l-iżvilupp tal-ħiliet u l-impjegabbità tagħhom permezz ta' tagħlim effettiv tul il-ħajja. Jeħtieġ li jiġu stipulati kundizzjonijiet tax-xogħol adattati, inklużi aktar ħin ta’ xogħol flessibbli u arranġamenti ta’ organizzazzjoni tax-xogħol, flimkien ma’ opportunitajiet ta’ impjiegi għal forza ta’ xogħol li qed tavvanza fl-età. Miżuri bħal dawn għadhom għinu f'li jżidu r-rata tal-impjiegi u fil-kwalità ta' ħajja ta' persuni mdaħħla fiż-żmien.

Popolazzjoni anzjana aktar b’saħħitha Popolazzjoni f'qagħda ta' saħħa aħjar tkun tista' taħdem għal perjodu ta' żmien itwal waqt li tixjiħ, waqt li tippermetti produttività u sehem fix-xogħol ogħla, u tkun teħtieġ anqas kura għas-saħħa, li fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta f'inqas pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi. Iż-żieda fis-snin ta' ħajja għandha tkun fattur kruċjali fil-kisba tal-għan tal-Istrateġija ta' Liżbona li tħajjar aktar nies għall-impjiegi u żżommhom fis-suq tax-xogħol. Fl-istess ħin, is-soċjetajiet li qed jixjieħu joħolqu opportunità għall-ħolqien rapidu ta' impjiegi fis-servizzi tas-saħħa u soċjali u jkunu jeħtieġu miżuri ta' attivazzjoni u ta' taħriġ.

- Ewropa aktar produttivà u dinamika

Fi żmien 10 snin minn issa, il-produttività tax-xogħol, li tiddependi ħafna minn livelli għolja ta' edukazzjoni milħuqa, għandha ssir fil-ġejjieni l-fattur determinanti ewlieni tat-tkabbir ekonomiku. Madankollu, 13 % tan-nisa u 17 % tal-irġiel bejn it-18 u l-24 qed jaslu biss sa kwalifika ta' livell sekondarju edukattiv baxx jew inqas, huma magħrufa bħala żgħażagħ li jħallu l-iskola minn kmieni. Dan jirrappreżenta titjib modest meta mqabbel mal-bidu ta' dan id-deċennju, iżda jibqa' wisq il-bogħod mill-mira stabbilita għall-2010, li tniżżel dan il-proporzjon l-aktar b'10 %. Livell għoli miksub fl-edukazzjoni huwa assoċjat ma' sehem akbar fil-forza tax-xogħol u huwa prekundizzjoni għat-tagħlim tul il-ħajja li jwassal biex il-ħaddiema aktar anzjani jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Aktar tkabbir fil-produttività jiddependi wkoll mill-progress teknoloġiku, li min-naħa tiegħu jiddependi kemm mill-universitajiet li jipproduċu gradwati li kapaċi jimpenjaw ruħhom fir-riċerka kif ukoll mill-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp. Dan jiddependi wkoll mill-adozzjoni rapida ta' teknoloġiji ġodda minn ditti u ta' linji politiċi għat-titjib tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa u tas-sistemi ta' innovazzjoni.

Is-soċjetajiet li fihom in-nies jgħixu aktar joffru opportunitajiet għall-iżvilupp ta' prodotti u servizzi ġodda. Il-possibbiltajiet ta' tkabbir f'dawn is-swieq futuri huma kbar u, billi ħajja itwal mhijiex fenomenu ristrett għall-Ewropa biss, is-soluzzjonijiet, il-prodotti u s-servizzi żviluppati jisgħu jiġu esportati lejn pajjiżi terzi, waqt li jinfetħu swieq ġodda hemmhekk.[11] Flimkien ma' dan, ir-riċerka u l-iżvilupp jeħtieġu jkunu mmirati lejn l-iżvilupp ta' trattament mediku li jagħti kas l-ispejjeż lejn strateġiji ta' ħarsien. Dan għandu jkun ikkombinat ma' inċentivi aktar qawwija għal użu razzjonali ta' riżorsi li jista' jnaqqas l-infiq b'mod sinifikanti.

Il-kompożizzjoni demografika Ewropea li qed tinbidel tista' wkoll tippreżenta opportunità għall-iżvilupp ta' prodotti u servizzi mmirati lejn il-ħtiġijiet ta' persuni mdaħħla fiż-żmien. Jistgħu jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda biex jippermettu lil persuni aktar anzjani jibqgħu awtonomi u jgħixu aktar snin fi djarhom stess, biex jinbidel it-twassil tal-kura, fost oħrajn il-personalizzazzjoni ta' servizzi bħala rispons għal ħtiġijiet u l-preferenzi uniċi tal-pazjenti.[12] L-investimenti fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-iżvilupp għandhom potenzjalment iwasslu għal qligħ kbir fil-ġejjieni li ma għandux jonqos matul il-kriżi. L-investiment fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tat-trasport, li jista' jgħin biex iżomm id-domanda matul il-kriżi, se jkun meħtieġ ukoll biex jiffaċilita l-aċċess għal kulħadd, waqt li jsaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri b'inqas mobbiltà.

- Ilqugħ u integrazzjoni ta’ immigranti

L-immigrazzjoni minn pajjiżi terzi ta spinta lit-tkabbir f'bosta Stati Membri. Anki jekk il-kriżi se xxejjen l-opportunitajiet tax-xogħol u twassal għal nuqqas ta' xogħol u ħiliet fil-medda qasira ta' żmien, politika ta' immigrazzjoni legali organizzata tajjeb ikollha r-rwol li tpatti għan-nuqqas ta' xogħol fuq perspettiva aktar fit-tul. Madankollu, l-integrazzjoni tibqa' sfida ewlenija u teħtieġ ukoll trattament ma' kwistjonijiet ta' koeżjoni soċjali. Il-migranti u d-dixxendenti tagħhom ta' sikwit ikollhom livelli aktar baxxi fl-edukazzjoni miksuba jew jiffaċċjaw diffikultajiet f'li jużaw il-ħiliet tagħhom bis-sħiħ. Għalhekk x'aktarx li dawn jinsabu bla xogħol u huma aktar esposti għar-riskju tal-faqar. Għalkemm is-swieq tax-xogħol Ewropej jinsabu taħt strapazz minħabba fil-kriżi, , jista' jagħti l-każ li jekk il-kundizzjonijiet soċjali jmorru għall-agħar fil-pajjiżi tal-oriġini tagħhom, l-influss ta' migranti kontinwu fl-UE għandu mnejn jissokta, bil-konsegwenza li se jkun aktar diffiċli għalihom li jsibu impjieg. F'dan il-kuntest, l-integrazzjoni tal-migranti u d-dixxendenti tagħhom tista' ssir sfida akbar li jkollha tiġi indirizzata wkoll f'livell tal-UE.[13]

- L-iżgurar ta' finanzi pubbliċi sostenibbli

Skont l-aħħar tbassir, iż-żieda fl-infiq pubbliku x'aktarx se jkun sinifikanti ħafna għal bosta Stati Membri (għalkemm f'xi każijiet dan se jkun livell pjuttost baxx ta' infiq pubbliku). Għal dawk l-Istati Membri li fihom l-impatt tal-finanzi pubbliċi huwa l-ogħla, se jkun jeħtieġ li jitwettqu riformi ta' sistemi soċjali, notevolment fil-qasam tal-pensjonijiet iżda wkoll fi programmi oħra, b'mod speċjali fil-kura tas-saħħa, biex titrażżan ix-xejra ta' nfiq fit-tul.

Hemm ambitu konsiderevoli biex is-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul isiru iktar effiċjenti. Valur aħjar għall-flus fil-kura tas-saħħa u tnaqqis fl-inugwaljanzi fis-saħħa jistgħu jinkisbu bit-tisħiħ tal-kura primarja, bil-prevenzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa u permezz ta' koordinazzjoni aħjar u użu razzjonali tar-riżorsi. Iżda, f'xi pajjiżi, is-settur tas-saħħa jibqa' b'nuqqas ta' riżorsi.[14]

Ir-reċessjoni għalhekk, m'għandhiex twassal għal tfixkil fir-riformi tal-pensjonijiet, fis-sistemi tal-kura għas-saħħa u tal-kura fit-tul jew għal tnaqqis fl-investiment essenzjali fl-edukazzjoni u r-riċerka. Id-deċiżjonijiet dwar ir-riformi illum huma aktar urġenti minn qatt qabel. Dawn il-miżuri huma kruċjali għas-saħħa ekonomika futura tal-Ewropa.

4. it-trattament tal-isfidi

Jeħtieġ li tittieħed azzjoni f'għadd ta' oqsma politiċi. Il-koordinazzjoni f'livell Ewropew tista' tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika, tiżviluppa s-sinerġiji u tnaqqas ir-riperkussjonijiet negattivi. Barra minn hekk, id-dimensjoni tal-finanzjament pubbliku qed tiġi indirizzata permezz tal-qafas imsejjes fuq ir-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. L-isfidi tat-tixjiħ għandhom jiġu ttrattati permezz ta' bini fuq l-oqfsa politiċi li ddaħħlu matul dawn l-aħħar snin, b’mod partikulari l-Istrateġija Lokali, li tipprovdi l-qafas globali għal azzjoni:

Il-kontribut tal-Kummissjoni Ewropea biex tittratta l-isfidi għandu jkun magħmul minn dan li ġej:

- L-approfondiment u t-twessigħ tas-sorveljanza lil hinn mill-politika fiskali biex ikun hemm integrazzjoni aħjar fir-riforma strutturali fil-koordinazzjoni tal-politika ġenerali .[15] F'dan l-istadju attwali, dan jinkludi s-sorveljanza u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru fil-kuntest tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ittejjeb il-kwalità tal-finanzi pubbliċi. Ir-riformi fi programmi li jirrigwardaw in-nefqa soċjali li joffru aktar protezzjoni fuq id-dħul waqt li jsaħħu l-inċentivi għax-xogħol – l-istrateġija tal-fessigurtà – għandhom ukoll jgħinu bis-sħiħ fit-titjib tas-sostenibbiltà u l-kwalità tal-finanzi pubbliċi waqt li jiżguraw li l-baġits jappoġġjaw l-istabbiltà makroekonomika.

- Fl-oqsma tal- pensjonijet, tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-infiq soċjali, u se tkompli tissorvelja l-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u baġitarji ta' popolazzjoni li qed tixjieħ fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Liżbona u l-qafas fiskali tal-UE skont il-Patt ta' Stabbiltà u ta' Tkabbir u l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK) dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali. Fil-qasam ta' pensjonijiet finanzjati, il-Kummissjoni bi ħsiebħa taħdem mal-Kunsill u mal-Istati Membri biex tidentifika l-lezzjonijiet għat-tfassil ta' skemi, oqfsa regolatorji rigward il-ħarsien kontra l-falliment, u benefiċċjarji mmirati biex tkun żgurata provvista xierqa u sotenibbli ta' pensjonijiet privati fl-Istati Membri. Biex tkun limitata ż-żieda mistennija fin-nefqa pubblika, għandhom ikunu żviluppati miżuri politiċi li jistgħu jew inaqqsu d-diżabbiltà, jillimitaw il-ħtieġa għal kura formali fost iċ-ċittadini anzjani b'diżabbiltà, jiffavorixxu l-provvediment ta' kura formali fid-dar milli f'istituzzjonijiet jew, b'mod iktar ġenerali, itejbu l-effettività fin-nefqa tal-provvediment ta' kura fuq medda twila ta' żmien, pereżempju bl-introduzzjoni tal-eHealth u t-telecare.

- Fl-oqsma tas- servizzi finanzjarji u t-tassazzjoni , il-Kummissjoni għandha tintroduċi mingħajr dewmien miżuri mfassla fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill Ewropew[16]. Ir-restawr tat-tħaddim xieraq tas-swieq finanzjarji huwa kruċjali mhux biss biex jiżgura li dawn iwettqu r-rwol tagħhom b'mod effettiv biex jappoġġjaw it-tkabbir u l-impjiegi, iżda biex iħares l-assi finanzjarji tal-lum u ta' għada, inklużi l-iskemi supplementari tal-pensjonijiet u l-assigurazzjoni supplementari tas-saħħa.

- Fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tar-riċerka u l-iżvilupp , il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex ittejjeb l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet għall-ħiliet fil-ġejjieni u t-tqabbil ta' ħiliet f'livell tal-UE u l-evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-edukazzjoni ogħla. Għandha tippromwovi l-iżvilupp ta' sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ effiċjenti u xierqa, bl-għan li tittejjeb il-produttività fil-kuntest tat-tiġdid tal-Istrateġija ta' Liżbona.

Bħala konklużjoni, il-gvernijiet li qegħdin attwalment jitqabdu ma' kriżi ekonomika u finanzjarja severa se jkomplu jaffaċċjaw tranżizzjoni demografika għalja. Is-suċċess fir-rigward tat-trattament tal-isfida demografika fl-Ewropa tkompli tiddependi minn ekonomija dinamika li qed tiżviluppa, bi produttività li qed tikber u bi swieq li qed jaħdmu b'mod effiċjenti. Il-mixja 'l quddiem f'din il-qagħda ekonomika attwali diffiċli għalhekk tikkonsisti qabel kollox f'li jittieħdu l-passi meħtieġa biex ikun żgurat irkupru rapidu mir-reċessjoni kif spjegat fil-PERE u f'li tiġi implimentata strateġija kredibbli ta' ħruġ meta jibda' l-irkupru. Flimkien ma' dan, huwa kruċjali għall-Istati Membri li jinvestu f'li jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tagħhom fit-tul, kif spjegat fl-Istrateġija ta' Liżbona, biex jittrattaw il-konsegwenzi tal-bidla demografika.

Għalhekk, jeħtieġ bis-sħiħ li jiddaħħlu fis-seħħ il-linji politiċi kollha meħtieġa biex ikun żgurat li l-UE tirkupra mill-kriżi finanzjarja u ekonomika b'potenzjal sod għat-tkabbir u b'ħila biex tagħmel użu sħiħ mir-riżorsi umani tagħha. Biex dan iseħħ, huwa essenzjali li tiġi implimentata strateġija komprensiva ta' ħruġ imsejsa fuq riformi strutturali. Notevolment, dan ikun jinvolvi li tittawwal il-ħajja professjonali u li jiżdied is-sehem taż-żgħażagħ, tan-nisa u tal-ħaddiema aktar anzjani, kif ukoll li jinbidlu s-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji biex ix-xogħol ikun finanzjarjament aktar attraenti permezz tal-prinċipju tal-flessigurtà, ir-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet u aktar effiċjenza fis-sistemi tas-saħħa u tal-kura tas-saħħa fit-tul, flimkien mal-investiment meħtieġ għal-edukazzjoni u r-riċerka, kif ukoll għall-kura tat-tfal. L-integrazzjoni effettiva tal-migranti u tad-dixxendenti tagħhom hija wkoll importanti f'dan il-kuntest, kif huwa wkoll l-iżvilupp ta' politika ta' immigrazzjoni legali amministrata kif xieraq biex tissodisfa l-ħtiġijiet futuri tad-dinja tax-xogħol. Fl-istadju attwali, enfasi qawwija fuq dawn il-linji politiċi għandha tgħin lill-Ewropa kemm biex tqum aktar b'saħħitha wara r-reċessjoni attwali kif ukoll biex tindirizza l-isfidi ta' soċjetà li qed tixjieħ.

B’li tkun segwita b’mod vigoruż l-aġenda tar-riforma, b’li jsir investiment b’mod massiv fil-kwalità tar-riżorsi umani u b’li jitneħħew l-ostakoli għall-użu sħiħ tal-forza tax-xogħol tagħha, l-UE tista’ toħroġ iktar b’saħħitha mill-kriżi ekonomika attwali. Dan għandu għalhekk ikun jidher bħala żmien għal innovazzjoni soċjali ispirat mill-esperjenzi ta’ suċċess u proċessi tar-riforma li diġà huma evidenti madwar l-Istati Membri. Il-ħtieġa qawwija għar-riforma m'hijiex biss waħda ekonomika. Hija waħda li għandha tippromwovi s-saħħa, l-edukazzjoni u kwalità tajba ta' ħajja għall-ġenerazzjonijiet attwali u tal-ġejjieni. Waħda li għandha tippermetti lill-Ewropa tħares 'il quddiem bil-fiduċja.

- L-Anness ta' statistika

Tabella 1: Żvilupp fis-suq tax-xogħol fuq perjodu fit-tul

[pic]

Sors: 'Ir-Rapport tat-Tixjiħ 2009: it-tbassir baġitarju u ekonomiċu għas-27 Stat Membru tal-UE (2008-2060)', Ekonomija Ewropea, (disponibbli)

Graff 1: Tbassir tar-rati ta' tkabbir potenzjali (medja tar-rati ta' tkabbir annwali), aggregati tal-UE

[pic]

Sors: 'Ir-Rapport tat-Tixjiħ 2009: it-tbassir baġitarju u ekonomiku għas-27 Stat Membru tal-UE (2008-2060)', Ekonomija Ewropea, (disponibbli)

Tabella 2 – Infiq tal-gvern relatat mal-età, 2007-2060, bidla f'punti perċentwali tal-PGD

[pic]

Sors: 'Ir-Rapport tat-Tixjiħ 2009: it-tbassir baġitarju u ekonomiku għas-27 Stat Membru tal-UE (2008-2060)', Ekonomija Ewropea, (disponibbli)

Graff 2 – L-Ispiża għat-Tixjiħ fl-2009 u l-2006 mqabbla, p.p. tal-PGD, 2007-50

[pic]

Sors: 'Ir-Rapport tat-Tixjiħ 2009: it-tbassir baġitarju u ekonomiku għas-27 Stat Membru tal-UE (2008-2060)', Ekonomija Ewropea, (disponibbli)

[1] COM(2009) 200 finali

[2] Ara r-'Rapport dwar it-Tixjiħ 2009: it-tbassir baġitarju u ekonomiċi għas-27 Stat Membru tal-UE (2008-2060)', Ekonomija Ewropea, disponibbli u r-'Rapport Demografiku 2008: It-Twettiq tal-Ħtiġijiet Soċjali f'Soċjetà li qed Tixjieħ (SEC (2008) 2911).

[3] COM(2006) 571 finali.

[4] COM(2008) 800 finali.

[5] Ara r- 'Rapport ta' Sostenibbiltà 2006' , l-Ekonomija Ewropea, Nru 4, 2006.

[6] Ara r-'Rapport dwar it-Tixjiħ 2009: it-tbassir baġitarju u ekonomiċi għas-27 Stat Membru tal-UE (2008-2060)', Ekonomija Ewropea, disponibbli u r-'Rapport Demografiku 2008: It-Twettiq tal-Ħtiġijiet Soċjali f'Soċjetà li qed Tixjieħ (SEC (2008) 2911).

[7] COM(2009) 58 finali.

[8] COM(2006) 574 finali.

[9] COM(2006) 571 finali.

[10] Ara COM(2007) 733 finali u 'l-Impjiegi fl-Ewropa 2007'.

[11] Inizjattivi reġjonali, bħan-Netwerk Fiddiena tal-Ekonomija tar-Reġjuni Ewropej (bi 11-il reġjun Ewropew) diġà jaħdmu flimkien biex jippromwovu l-iżvilupp u l-kummerċalizzazzjoni ta' prodotti u servizzi innovattivi mmirati lejn konsumaturi anzjani. Ara l-paġna web Sen@er http://www.silvereconomy-europe.org/network/about_en.htm

[12] COM (2007) 332 finali u COM(2007) 329 finali.

[13] Il-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni li nħoloq dan l-aħħar kif ukoll il-websajt assoċjata dedikata (http://www.integration.eu) għandhom iservu ta' għodda siewja f'dan ir-rigward.

[14] COM(2009) 58 finali.

[15] COM (2008) 238 finali.

[16] COM(2009) 114 finali.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet