Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - PAK simplifikata għall-Ewropa – Suċċess għal kulħadd
/* KUMM/2009/0128 finali */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |
Brussell, 18.3.2009
KUMM(2009) 128 finali
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
PAK simplifikata għall-Ewropa – suċċess għal kulħadd
WERREJ
1. L-aġenda tal-Kummissjoni għal PAK iktar simplifikata 3
2. Xi ntlaħaq mill-2005 4
3. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni 7
4. Tliet Temi Speċjali 9
5. Prospettiva 11
6. Konklużjoni 13
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
PAK simplifikata għall-Ewropa – suċċess għal kulħadd
L-AġENDA TAL-KUMMISSJONI GħAL PAK IKTAR SIMPLIFIKATA
Mill-bidu tal-mandat tagħha, din il-Kummissjoni stinkat għal Politika Agrikola Komuni (PAK) aktar simplifikata[1]. Lill-bdiewa u l-operaturi ekonomiċi oħrajn fis-settur agrikolu għandu jitnaqqsulhom il-burokrazija u r-rekwiżiti li mhumiex meħtieġa biex jintlaħqu għanijiet politiċi u biex jiżguraw ġestjoni tajba ta’ flus il-poplu li jħallas it-taxxi. Is-simplifikazzjoni tal-PAK hija kruċjali biex l-ekonomija agrikola tagħna ssir aktar kompetittiva, jinżammu l-impjiegi u jinħolqu oħrajn ġodda u biex tikkontribwixxi għal żvilupp sod taż-żoni rurali tagħna. Huwa għalhekk li l-PAK simplifikata hija suċċess għal kulħadd.
Fl-2005, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar is-Simplifikazzjoni u Regolamentazzjoni Aħjar tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Din nediet programm ambizzjuż għal simplifikazzjoni sinifikanti tal-PAK. Il-programm u l-implimentazzjoni tiegħu huma l-qofol proprju tal-istrateġija ġenerali tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar[2] u b’mod partikolari l-Programm Kurrenti ta’ Simplifikazzjoni u l-Programm ta’ Azzjoni għal Tnaqqis fil-Piżijiet Amministrattivi.
Sadanittant għadd sostanzjali ta’ proġetti ta’ simplifikazzjoni relatati mal-PAK tlestew. Huwa issa l-waqt addattat li nieqfu biex nikkunsidraw xi ntlaħaq sa llum. Din il-komunikazzjoni se telabora l-attivitajiet li seħħew sa mill-2005, u tagħti indikazzjonijiet tat-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi li rriżulta għall-bdiewa u l-amministrazzjonijiet[3]. Attenzjoni speċjali se tingħata lill-Pjan ta’ Azzjoni Kurrenti ta’ Simplifikazzjoni, l-OKS unika, l-istudju tal-2007 dwar piżijiet amministrattivi għal bdiewa u r-riżultati tal-proċess tal-Kontroll tas-Saħħa. Biex nikkonkludu, il-komunikazzjoni se tesplora kif jistgħu jitkattru l-azzjonijiet tas-simplifikazzjoni fil-ġejjieni.
XI NTLAħAQ MILL-2005
Fl-2005, il-Kummissjoni Ewropea mpenjat ruħha li tagħmel serje ta’ attivitajiet li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala simplifikazzjoni teknika jew ta’ politika[4].
Simplifikazzjoni teknika
Regoli agrikoli emendati
L-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ atti legali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li skadew issir kontinwament, bħal pereżempju fis-settur tal-ħalib[5]. Meta jiġu adottati atti legali ġodda, dawn jirrevokaw atti eżistenti. Atti oħrajn li baqgħu jeżistu mingħajr ebda skop ġew iddikjarati skaduti permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ skadenza fl-2006[6] u fil-bidu ta’ din is-sena[7]. Dawn ikopru total ta’ kważi 300 att skadut. Aktar tard din is-sena, se tiġi adottata proposta biex tirrevoka għadd ta’ atti tal-Kunsill li skadew.
Ir-Regolament dwar l-OKS Unika
Fit-22 ta’ Ottubru 2007, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1234/2007[8] magħruf ukoll bħala l-OKS unika. Dan ir-regolament jiġbor flimkien l-organizzazzjonijiet settorjali komuni tas-suq kollha u jieħu post 45 Att tal-Kunsill. Aktar dettalji dwar l-OKS unika jingħataw fil-paragrafu 4.1.
L-għajnuniet mill-Istat
Fl-2006 u l-2007, il-Kummissjoni mmodifikat u standardizzat il-politika tagħha dwar l-għajnuna mill-istat fis-settur agrikolu. Minbarra l-linji gwida riveduti tal-għajnuna mill-istat[9] u r-Regolament dwar Eżenzjoni agrikola ta’ Kategorija [traduzzjoni mhux uffiċjali][10], il-Kummissjoni adottat Regolament de minimis ġdid[11] li jżid il-limitu de minimis għal appoġġ li jista’ jingħata minn Stati Membri fis-settur agrikolu. Meta l-miżura tikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fir-regolament de minimis ma tkunx ikkunsidrata bħala għajnuna mill-istat u għalhekk ma jkun hemm bżonn l-ebda notifika. Dawn it-tibdiliet wasslu biex l-għadd ta’ strumenti legali rilevanti minn sitta tnaqqsu għal tlieta.
Spejjeż amministrattivi
Fl-2006, il-Kummissjoni nediet studju biex ikejjel il-piżijiet amministrattivi għall-farms b’konsegwenza tar-riforma tal-PAK tal-2003. Ir-riżultati finali tal-istudju kienu ppublikati f’Novembru 2007. Aktar dettalji dwar dan l-istudju jinstabu fil-paragrafu 4.2.
Qsim tal-aħjar prassi
Ġew stabbiliti diversi pjattaformi, għall-iskop tal-iskambju ta’ ideat dwar simplifikazzjoni u tal-qsim ta’ ideat u esperjenzi. L-ewwel nett, twaqqaf grupp ta’ esperti ta’ esperti nazzjonali tas-simplifikazzjoni. Dan il-grupp jiltaqa’ medja ta’ tliet darbiet fis-sena. Għadd ta’ Stati Membri użaw din il-pjattaforma biex jippreżentaw u jiddiskutu inizjattivi nazzjonali ta’ simplifikazzjoni.
Persuni interessati u rappreżentanti tas-settur agrikola u l-industrija pparteċipaw f’bosta laqgħat tal-grupp konsultattiv dwar is-simplifikazzjoni.
Il-konferenza dwar is-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni li saret f’Ottubru 2006, kif ukoll is-seminar dwar is-simplifikazzjoni organizzat f’Ottubru 2007, offrew pjattaforma wiesgħa għal diskussjoni u skambju ta’ esperjenzi bejn il-partijiet kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-PAK.
Azzjonijiet relatati ma’ politika
Ir-riforma tal-OKS taz-zokkor
Ir-riforma taz-zokkor, adottata formalment fil-bidu tal-2006, wasslet għal simplifikazzjoni tanġibbli tas-sistema. Għaqqdet it-tipi diversi tal-kwota f’sistema waħda ta’ kwota, inkludiet il-baġit għall-għajnuna għaz-zokkor fil-pakkett tal-Iskema ta’ Pagament Uniku u bidlet l-intervent bil-ħżin privat.
L-Iskema ta' Pagament Uniku
Fis-snin bikrin tal-eżistenza tagħha, l-Iskema ta’ Pagament Uniku ġiet adattata f’bosta okkażjonijiet bil-għan li jiġi ssimplifikat il-funzjonament tagħha u jagħmilha iżjed faċli biex tintuża. Dan intlaħaq, pereżempju, permezz tal-inklużjoni ta’ elementi ta’ pajsaġġ (bħal ringieli tas-sġajriet u ħitan) fir-raba’ eliġibbli għal appoġġ dirett u bosta modifikazzjonijiet wara l-adozzjoni tar-rapport dwar il-kundizzjonalità[12].
Is-settur tal-frott u l-ħaxix u s-settur tal-inbid
Riformi fis-settur tal-frott u l-ħaxix kif ukoll fis-settur tal-inbid issimplifikaw ir-regoli. B’mod partikolari, il-fatt li dawn is-setturi issa huma inklużi fl-Iskema ta' Pagament Uniku jirriżulta f'sistema iktar omoġenea ta' appoġġ dirett tad-dħul.
L-integrazjoni tas-settur tal-frott u l-ħaxix fl-Iskema ta’ Pagament Uniku tista’ twassal għal tnaqqis ta’ EUR 2.2 miljun fil-piżijiet amministrattivi tal-farms.
Barra minn hekk, dawn ir-riformi pprovdew iżjed flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ politika permezz tal-użu ta’ pprogrammar, immexxi minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi fis-settur tal-frott u l-ħaxix jew minn Stati Membri fis-settur tal-inbid.
Evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt
Matul is-snin li għaddew, l-istrument ta’ valutazzjoni tal-impatt sar għodda indispensabbli għall-preparazzjoni ta’ riformi importanti fis-settur agrikolu u jinkludi involviment sostanzjali minn persuni interessati fi stadju bikri. L-għodda ta' valutazzjoni tal-impatt tippermetti valutazzjoni ex ante tal-ispejjeż amministrattiv, tidentifika u tivvaluta problemi, tifformola soluzzjonijiet u tqabbel l-impatt ta' dawn is-soluzzjonijiet. Dan jirrendi l-proċess leġiżlattiv aktar trasparenti. Il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt itejjeb ukoll il-kwalità tal-proposta u l-kwalità tad-dibattitu dwar il-proposta.
Mill-2005 ’l hawn, saru 8 valutazzjonijiet tal-impatt għar-riformi sinifikanti kollha tal-PAK, bħal pereżempju għar-riforma tal-inbid u l-frott u l-ħaxix u l-Kontroll tas-Saħħa[13].
Proċessi
Konsultazzjoni ma’ persuni interessati, skrining, Pjan ta’ Azzjoni
Is-suġġerimenti miġbura minn awtoritajiet tal-Istati Membri u persuni interessati li setgħu jiġu kklassifikati bħala simplifikazzjoni teknika ġew inklużi fil-Pjan il-ġdid ta’ Azzjoni kurrenti ta’ Simplifikazzjoni. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jippermetti għall-ippjanar u l-monitoraġġ ta’ attivitajiet ta’ simplifikazzjoni fil-PAK u attwalment jinkludi madwar 50 proġett.
Inġabru iktar minn 200 suġġeriment għas-simplifikazzjoni tal-PAK, mill-2005 sal-lum.
Konferenza
Fit-3 u l-4 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni organizzat konferenza internazzjonali dwar is-simplifikazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni.
Rappreżentanti minn diversi oqsma u interessi, bdiewa, operaturi, industrija tal-ipproċessar, akkademiċi u awtoritajiet tal-Istati Membri, ipparteċipaw u kkontribwew għad-dibattitu dwar is-simplifikazzjoni u wrew li kien hemm rieda politika għas-simplifikazzjoni tal-PAK, proċess li jeħtieġ li kulħadd ikun involut fih biex is-suċċess ikun żgurat.
Proġett konkret li rriżulta mill-konferenza kien jikkonċerna l-użu ta’ ċertifikati tal-esportazzjoni li beda jsir mill-Kummissjoni. Iktar dettalji jingħataw fil-Kapitolu 3.
Taħriġ Intern
Il-prevenzjoni aħjar mill-kura - hekk ukoll fl-atti legali. Diġà sar u se jkompli jsir taħriġ intern dwar l-abbozzar leġiżlattiv, lill-membri tal-istaff involut fl-abbozzar ta’ proposti leġiżlattivi. L-għan tal-kors hu li jiġu żgurati testi ċari u faċli mill-bidu tal-proċess leġiżlattiv.
Sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni
It-teknoloġija tal-informazzjoni hija element importanti fis-simplifikazzjoni u fit-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. F’dan il-kuntest sar progress konsiderevoli. Sistema biex tiffaċilita l-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, l-ISAMM (Sistema ta’ Informazzjoni għall-Ġestjoni u l-Monitoraġġ tas-Suq Agrikolu) waslet fil-fażi finali tal-iżvilupp tagħha. Proġett pilota beda u attwalment qed jitmexxa u l-ewwel modulu tas-sistema għandu jkun operattiv kompletament sas-sajf 2009.
IL-PJAN TA’ AZZJONI TA’ SIMPLIFIKAZZJONI TAL-POLITIKA AGRIKOLA KOMUNI
Matul il-konferenza tal-2006, ġiet ippreżentata l-ewwel verżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni "kurrenti" ta’ Simplifikazzjoni. Stipula 20 proġett għas-simplifikazzjoni teknika tal-PAK. Il-pjan evolva għal madwar 50 proġett sa Jannar 2009[14], li 43 minnhom ġew implimentati. Il-proġetti mibdija fil-pjan ta’ azzjoni kienu bbażati fuq suġġerimenti minn Stati Membri, partijiet interessati, organizzazzjonijiet ta’ bdiewa, proċessuri, kif ukoll fuq ideat ġejjin mis-servizzi tal-Kummissjoni.
Il-proġetti li ġejjin jistħoqqilhom spjegazzjoni f’iktar dettal għaliex huma eżempji tajbin tal-impatt pożittiv li s-simplifikazzjoni jista' jkollha fuq operaturi u/jew bdiewa.
Liċenzji tal-esportazzjoni taċ-ċanga
Fl-2007, il-Kummissjoni adottat miżura speċifika ta’ simplifikazzjoni għas-settur taċ-ċanga u l-vitella. L-esportazzjoni f’dan is-settur, kemm bir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni u mingħajrha, kienet tkun akkumpanjata bl-liċenzja. Filwaqt li jeħtieġ li jibqa' jkun hemm monitoraġġ tal-kummerċ fi prodotti esportati b'rifużjoni, kien jidher li ma kienx għadu meħtieġ monitoraġġ ta’ esportazzjoni ta’ oġġetti fil-kummerċ mingħajr rifużjoni. Il-Kummissjoni, għalhekk neħħiet l-obbligu tal-preżentazzjoni ta’ liċenzja tal-esportazzjoni għal din l-esportazzjoni.
Kemm il-kumpaniji li jesportaw kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali qegħdin jibbenefikaw minn din il-miżura billi tfisser anqas karti u anqas xogħol amministrattiv u ta’ kontroll.
Bħala eżempju, din il-miżura tnaqqas l-ispejjeż tal-esportazzjoni taċ-ċanga b’medja ta’ madwar EUR 16 għal kull tunnellata. Barra minn hekk, tneħħi l-burokrazija u ttejjeb l-ambjent tan-negozju.
It-tikkettar tal-bajd
Fl-2007, il-Kummissjoni Ewropea adottat sett ġdid ta’ regoli dettaljati rigward l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-bajd, u b’mod partikolari dwar it-tikkettar tal-bajd. Dawn ir-regoli joħolqu ambjent legali modern u trasparenti mingħajr ma jċekknu l-ħarsien u l-informazzjoni tal-konsumaturi.
Pereżempju ma għadx hemm l-obbligu li l-bajd li jintuża dirett mill-industrija jiġi ggradat. Ir-regoli l-ġodda jippermettu l-ġbir, il-gradazzjoni, l-immarkat u l-ippakjar tal-bajd fi żmien 10 ijiem mill-bidien, flok milli jinġabru kull tielet ġurnata tax-xogħol. Dan jgħin biex l-industrija torganizza lilha nnifisha aħjar, ħaġa ta’ siwi kbir matul żminijiet ta' aktar taħbit matul is-sena.
Il-flessibbiltà l-ġdida tnaqqas l-ispejjeż għall-produtturi u għas-setturi li jsegwu wara, kif ukoll tikkontrolla l-ispejjeż għall-Istati Membri.
Ir-regola ta’ 10 xhur
L-Artikolu 44(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 jgħid li l-biċċiet ta' art iddikjarati minn bidwi għal pagamenti diretti għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi għal mill-inqas perjodu ta' 10 xhur.
Din id-dispożizzjoni tneħħiet u l-perjodu ta’ 10 xhur inbidel għal data unika, li tista’ tkun determinata mill-Istat Membru. Dan ifisser li l-bdiewa ma għadhomx mitluba jżommu art għad-dispożizzjoni tagħhom għal 10 xhur biex jirċievu l-għajnuna. B’hekk għandhom aktar flessibbiltà fil-ġestjoni tal-farm tagħhom u biex jirrispondu għal żviluppi fis-suq.
It-tneħħija tar-regola ta’ 10 xhur aktarx li twassal għal tnaqqis ta’ madwar EUR 19-il miljun fil-piżijiet amministrattivi tal-farms.
Il-liċenzji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni
F’Ġunju 2008, il-Kummissjoni eliminat il-maġġoranza tal-obbligi ta’ liċenzji fis-settur agrikolu. Il-ħtieġa ta’ liċenzja għall-importazzjoni tnaqqset minn 500 għal 65, filwaqt li għall-esportazzjoni għad baqa’ biss 43 rekwiżit[15]. Barra minn hekk, il-qafas legali għar-rekwiżiti ta' liċenzja li baqa', ġie ssimplifikat u issa jikkonsisti minn regolament uniku (għajr fil-każ ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-kwoti tar-rati tariffarji. Jirregola l-aspetti kollha ta’ liċenzji, jidentifika l-prodotti kollha li jeħtieġu liċenzja u jistabbilixxi r-regoli li għandhom x’jaqsum mal-perjodu ta’ validità tal-liċenzja tagħhom kif ukoll il-livell ta’ siġurtà.
Il-vantaġġi għall-operaturi (importaturi u esportaturi) huma:
- se jiffrankaw fl-ispejjeż amministrattivi ta’ xogħol tal-karti assoċjat mal-importazzjoni u l-esportazzjoni;
- mhux se jibqgħu jġarrbu l-ispejjeż tad-depożitu (u l-irtirar) tal-garanziji tal-liċenzji.
Għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, it-tfaddil huwa ċar, billi jenħtieġ anqas xogħol amministrattiv u kontrolli.
Din il-miżura aktarx li tnaqqas b’madwar EUR 7.4 miljun il-piż globali marbut mal-liċenzji għall-operaturi.
Standards tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ frott u ħaxix
Bħala parti mir-riforma tas-settur tal-frott u l-ħaxix, il-Kummissjoni, minkejja l-oġġezzjoni ta’ għadd mill-Istati Membri, naqqset l-għadd ta' standards speċifiki għal kummerċjalizzazzjoni minn 36 għal 10 (tuffieħ, frott taċ-ċitru, frott tal-kiwi, ħass u indivja, ħawħ u ċiprisk, lanġas, frawli, bżar ħelu, għeneb għall-mejda u tadam), irrazzjonalizzat l-operazzjonijiet ta’ kontroll relatati u stabbiliet standard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni li jkopri bosta mill-frott u l-ħaxix.
Is-26 standard revokati jirrapreżentaw 25 % tal-kummerċ fil-frott u l-ħaxix friski. B’riżultat ta’ din il-miżura, l-operaturi ma għadx ikollhom spejjeż ta’ konformità għajr illi jiżguraw li l-prodotti tagħhom huma ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjali u l-awtoritajiet nazzjonali ma għadx jeħtiġilhom jagħmlu l-kontrolli għal dawn s-26 standard speċifiċi.
Il-kundizzjonalità
Għalkemm l-istudju dwar il-piżijiet amministrattivi fuq il-farms ikkonkluda li l-ispiża amministrattiva tal-kundizzjonalità hija relattivament baxxa, i.e. bejn 0.3 % u 4.3 % tal-piż globali, il-bdiewa xorta għadhom iqisu l-kundizzjonalità bħala xkiel.
Biex tnaqqas din il-perċezzjoni ta’ diffikultà u biex tiffaċilita s-sistema, il-Kummissjoni ppermettiet twissija minn qabel għall-kontrolli fil-post. Barra minn hekk, il-bdiewa ma għadhomx jiffaċċaw tnaqqis tal-pagamenti jekk il-ksur huwa ta' importanza minuri, jew it-tnaqqis ikun inqas mil-limitu de minimis ta’ EUR 100.
Dan it-titjib jippermetti li l-bdiewa jippjanaw aħjar l-attivitajiet tagħhom, jeħtieġ anqas karti biex jitranġa ksur minuri u jneħħi t-theddida ta' penalitajiet għal ksur trivjali ta' regoli. Il-miżura tissimplifika wkoll il-ħidma ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali.
Billi tingħata twissija minn qabel għall-kontrolli fil-post, dan jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ sa EUR 5.7 miljun fil-piżijiet amministrattivi tal-farms.
TLIET TEMI SPEċJALI
It-taqsima li jmiss tiddiskrivi, f’aktar dettal, tliet attivitajiet ta’ simplifikazzjoni tal-PAK ta’ importanza ewlenija. Dawn il-proġetti għandhom x’jaqsmu ma’ simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, piżijiet amministrattivi u simplifikazzjoni ta’ politika u għandhom impatt mas-settur kollu: l-OKS unika, l-istudju dwar il-piż amministrattiv u l-Kontroll tas-Saħħa.
L-OKS Unika
Akkwist importanti fil-kuntest tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-PAK kien l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli fl-2007, magħruf bħala r-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.
Minħabba l-karatteristika teknika tagħha, l-OKS unika ma kenitx tittratta dwar tibdil fil-politika bażika, iżda dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet, u b’hekk ir-regoli tal-PAK setgħu jitħaddmu aktar faċilment, u jkunu iktar simplifikati, iktar aċċessibbli u ta’ inqas piż biex jiġu applikati.
Ir-regolament il-ġdid jiġbor flimkien u jieħu post il-21 organizzazzjoni komuni individwali tas-suq kollha b’regolament wieħed biss, u b’hekk inaqqas l-għadd ta’ artikoli minn madwar 920 għal madwar 230 u jħassar total ta’ 78 att tal-Kunsill[16].
Fuq livell ġenerali, l-adozzjoni tal-OKS unika naqqset b’mod sostanzjali l-għadd ta’ atti li jirregolaw il-PAK li issa hija rregolata prinċipalment b’4 atti legali biss, jiġifieri r-regolamenti dwar il-Pagamenti Diretti, l-OKS unika, l-Iżvilupp Rurali u l-Iffinanzjar tal-PAK.
Fl-aħħar nett, l-OKS unika tiffaċilita aktar is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fil-livell tad-dispożizzjonijiet implimentattivi tal-Kummissjoni.
Studju dwar il-Piżijiet Amministrattivi
Fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni għal tnaqqis fil-Piżijiet Amministrattivi, fl-aħħar tal-2007 ġie ppubblikat[17] studju “għall-valutazzjoni tal-piż amministrattiv fuq l-irziezet li jirriżulta mill-PAK". Dan l-istudju, li sar fid-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, l-Irlanda u l-Italja, jipprovdi valutazzjoni tal-ispejjeż amministrattivi relatati mal-Iskema ta’ Pagament Uniku fl-2006 u jippreżenta prospett għal żviluppi fil-ġejjieni.
L-istudju jidentifika bosta elementi li għandhom impatt fuq il-piżijiet amministrattivi fuq il-farms.
L-ewwel element jikkonċerna it-traspożizzjoni minn Stati Membri tar-Regolament tal-PAK dwar il-pagamenti diretti. Dan għandu x’jaqsam, pereżempju, mal-għażliet li jkunu għamlu fir-rigward tal-mudell tal-Iskema tal-Pagament Uniku (SPS) (storiku, reġjonali, ibridu), kif ukoll ma’ jekk ikunux għażlu li jiddiżakkopjaw kompletament jew li jħallu xi elementi akkoppjati. Fatturi oħrajn huma l-mod kif il-proċedura tal-applikazzjoni tiġi stabbilita u s-sistema ta’ trasferiment ta’ drittijiet.
Skont suġġerimenti li saru fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni għal Tnaqqis fil-Piżijiet Amministrattivi, l-Istati Membri jistgħu, pereżempju, permezz tal-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni fl-Istati Membri kollha jiksbu aktar tnaqqis, sa aktar minn EUR 400 miljun, fil-piż amministrattiv fuq il-farms.
Aspetti oħrajn li għandhom impatt fuq il-livell tal-piż amministrattiv huma l-kultura nazzjonali tan-negozju, pereżempju l-użu ta’ konsulenti esterni, u d-differenzi strutturali, bħad-daqs tal-farm u l-varjazzjoni fil-produzzjoni.
Ir-riżultati tal-istudju jindikaw li l-piż amministrattiv fuq il-farms se jonqos sontanzjalment. Fattur wieħed huwa ż-żmien meħtieġ bix is-sistema tindara u li l-ispejjeż amministrattivi assoċjati mal-bidu tal-Iskema ta’ Pagament Uniku jixxejnu[18]. Raġuni importanti oħra hija t-tibdiliet deċiżi fil-Kontroll tas-Saħħa.
Il-Kontroll tas-Saħħa
Waħda mill-proposti ewlenin li fuqhom hija msejsa l-Kontroll tas-Saħħa tal-Kummissjoni hija s-simplifikazzjoni[19]. Il-Kontroll tas-Saħħa jissimplifika d-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ pagament uniku u jagħmel ir-riforma tal-PAK tal-2003 aktar effiċjenti.
Wieħed mill-elementi ewlenin ta’ simplifikazzjoni fil-Kontroll tas-Saħħa huwa li jkun hemm aktar diżakkoppjament u li jitneħħew bosta skemi, bħall-pagamenti għal uċuħ tar-raba’ tal-enerġija u qamħ durum, kif ukoll għall-iskema tad-disponiment ta’ krema, butir u butir ikkonċentrat. Kif juri l-istudju dwar il-piżijiet amministrattivi[20], skemi akkoppjati ta’ appoġġ jikkawżaw piż amministrattiv addizzjonali għal bdiewa. Għalhekk, iktar diżakkoppjament iwassal awtomatikament għal tnaqqis f’dan il-piż.
Il-Kontroll tas-Saħħa ssimplifika wkoll ir-regoli dwar il-konċessjoni tal-modulazzjoni kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament tar-Riżerva Nazzjonali u d-drittijiet għal pagament li joriġinaw minn dik ir-riżerva.
Barra minn hekk, tneħħew ir-regoli dwar art imserrħa, u ġew ssimplifikati l-kundizzjonijiet applikabbli għat-trasferiment ta’ drittijiet għal pagament.
Aktarx li l-Kontroll tas-Saħħa se jwassal għal tnaqqis ta’ madwar EUR 135 miljun fil-piżijiet amministrattivi għall-farms bħala riżultat tat-tneħħija tal-iskemi speċjali għal uċuħ tar-raba’ tal-enerġija, pagamenti għal uċuħ tar-raba’ skont l-erja, qamħ durum, ġewż u patata tal-lamtu. Barra minn hekk, it-tneħħija ta’ art imserrħa hija stmata li se tnaqqas il-piż amministrattiv għall-farmsb’EUR 146 miljun.
PROSPETTIVA
Il-progress li sar matul dawn l-aħħar snin bla ebda mod mhuwa se jwassal għal waqfien fl-attivitajiet ta’ simplifikazzjoni fis-settur agrikolu. Is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis fil-piż amministrattiv bla bżonn huma ħidmiet permanenti li ma jimxux sew weħidhom. Biex din il-ħidma tibqa’ miexja b’dan ir-ritmu mgħaġġel u biex jinħoloq ambjent li jistabbilixxi kundizzjonijiet adegwati għal aktar simplifikazzjoni tal-PAK, l-elementi u l-proġetti li ġejjin huma skedati għas-snin li ġejjin.
Data komunu ta’ bidu
Il-bidu tal-applikazzjoni ta’ modifikazzjonijiet leġiżlattivi tal-PAK ġeneralment jiffoka fuq dati fissi, bħall-bidu tas-sena tas-suq. Biex il-monitoraġġ eħfef ta’ politika u bidliet fil-politika, kif ukoll l-antiċipazzjoni tagħhom, ikunu ffaċilitati aktar, se terġa tiġi eżaminata l-possibbiltà tal-introduzzjoni ta’ dati komuni tal-bidu[21] ta’ bidliet leġiżlattivi fil-PAK.
Il-kundizzjonalità
Attwalment, ir-regoli tal-kundizzjonalità huma stipulati f’atti legali diversi. Se tkompli l-evalwazzjoni tal-idea tat-tfassil ta’ proposta għal att legali wieħed biss dwar il-kundizzjonalità bl-armonizzazzjoni tar-regoli attwali.
Komunikazzjonijiet
Il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tissimplifika u tarmonizza l-qafas legali għall-komunikazzjoni u l-konservazzjoni ta’ informazzjoni u dokumenti fil-kuntest ta’ qsim ta' ġestjoni tal-PAK. Il-qafas il-ġdid jista' eventwalment japplika għall-komunikazzjonijiet kollha tal-PAK ħlief għal komunikazzjoni ta’ informazzjoni finanzjarja, u permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni, għas-sistemi kollha li jeżistu f’dan il-kuntest. Il-ġestjoni ta’ dawn is-sistemi tista’ tkun f’idejn il-Kummissjoni Ewropea jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-qafas legali l-ġdid jista’ jinkludi dispożizzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni miġbura għall-awtoritajiet kollha konċernati u għall-pubbliku.
“Esperjenza tal-Ħsad”
Mill-2010, se jitwaqqaf programm ta' taħriġ għal uffiċjali mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali li jinvolvi esperjenza fuq il-farm. L-għan ta’ dan il-programm huwa li l-uffiċjali jkomplu jifhmu aħjar l-isfidi li għandu dan is-settur. Dan jista’ jwassal għal politika li taqbel dejjem iżjed mas-sitwazzjoni prattika tal-bdiewa Ewropej. Qed jiġu kkunsidrati d-dettalji eżatti tal-programm.
Politika tal-Kwalità
Il-green paper dwar il-kwalità tal-prodott agrikolu tnediet fil-15 ta’ Ottubru 2008. Din il-green paper tat bidu għal konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-politika tal-kwalità u tindirizza l-kwistjoni ta’ simplifikazzjoni u tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ standards tal-kummerċjalizzazzjoni, skemi ta’ ċertifikazzjoni u sistemi ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi.
Wara l-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni se tippubblika Komunikazzjoni f’Mejju 2009. Xi wħud mill-għażliet inklużi fil-Komunikazzjoni jista' jkollhom impatt importanti f'termini ta' simplifikazzjoni u tnaqqis ta' piżijiet amministrattivi.
Tkomplija tal-Pjan ta’ Azzjoni
Il-Pjan ta’ Azzjoni kurrenti se jkompli biż-żieda u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ġodda. Wieħed minn dawn il-proġetti ġodda jikkonċerna s-settur tal-ħops.
Bħalissa, l-produtturi tal-hops huma obbligati jirreġistraw kuntratti ta’ produzzjoni. Din ir-reġistrazzjoni tippermetti l-ksib ta' informazzjoni essenzjali dwar is-suq u l-ħolqien ta' ċertu livell ta' trasparenza fis-suq. Fl-istess waqt tirrapreżenta attività ta’ piż għal produtturi u amministrazzjonijiet. Bil-għan li jitnaqqsu dawn il-piżijiet amministrattivi, se ssir evalwazzjoni ta' alternattivi għal ġbir ta’ dejta dwar is-suq fis-settur tal-ħops. Se jsiru proposti adegwati, skont ir-riżultat tal-evalwazzjoni.
Reviżjoni regolari
Il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltà li tagħmel reviżjoni aktar regolari tal-leġiżlazzjoni, li biha tkun tista’ tirrevedi atti li jkunu ilhom ċertu żmien. Dan jista’ jinvolvi l-analiżi ta’ jekk dispożizzjonijiet eżistenti għandhomx jibqgħu, u jekk iva, f’liema format. Bħala riżultat ta’ dan, l-att legali l-ġdid għandu jkun aġġornat u konformi mal-aħħar prinċipji ta’ abbozzar legali.
Lingwaġġ u aċċessibbiltà ta’ testi legali
Il-lingwaġġ użat fl-atti legali jista’ jillimita l-aċċessibbiltà tagħhom għall-utenti ordinarji. Billi tivvaluta l-lingwaġġ tagħha u permezz tal-possibbiltà li tipprovdi taħriġ fil-ħiliet tal-kitba, l-atti legali l-Kummissjoni se tkompli tagħmilhom eħfef biex jinqraw.
Jitkompla t-tqassim tal-aħjar prassi
Il-Kummissjoni se tkompli torganizza laqgħat mal-Istati Membri u l-persuni interessati biex tiddiskuti u tkompli tiżviluppa attivitajiet dwar is-simplifikazzjoni tal-PAK. Huwa wkoll f’dan il-kuntest li jistgħu jiġu elaborati possibbiltajiet għal aktar simplifikazzjoni tal-kundizzjonalità.
KONKLUżJONI
Ir-riżultati tal-proċess ta’ simplifikazzjoni juru li l-isforzi tal-Kummissjoni fil-mixja tagħha lejn PAK aktar simplifikata kellhom suċċess sinifikanti. L-isssuktar attiv tagħhom fil-ġejjieni huwa sinjal ċar tal-impenn tal-Kummissjoni biex titkompla s-simplifikazzjoni. Abbażi tal-ewwel riżultati tal-eżerċizzju tal-kejl[22], wieħed jista’ realment jistenna li l-għan ta’ tnaqqis ta’ 25 % tal-piżijiet amministrattivi jintlaħaq fl-2012. Dan għandu jimpressjona wisq aktar minħabba li l-PAK teżisti f’ambjent politiku dinamiku b’bosta interessi politiċi u finanzjarji li ta’ sikwit ikunu diverġenti, fi sfond ta’ firxa wiesgħa ta’ kulturi u strutturi tal-biedja. Barra minn hekk, billi l-PAK tikkonċerna l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji, hija inevitabbilment suġġetta għal regoli iebsa ta’ ġestjoni u kontroll biex tipproteġi l-integrità tal-baġit tal-UE, jiġifieri l-flus tal-poplu li jħallas it-taxxi.
Is-simplifikazzjoni tal-PAK toħloq kundizzjonijiet ta’ negozju li fihom il-bdiewa u l-operaturi ekonomiċi oħrajn għandhom anqas piżijiet ta’ spejjeż amministrattivi u ta’ konformità, u li jirrendu l-komunità tal-bdiewa Ewropej aktar kompetittiva. Għalhekk il-bdiewa qegħdin f’pożizzjoni aħjar biex jiffaċċjaw l-isfidi tagħhom u jissodisfaw it-talbiet tal-klijienti tagħhom. B’mod ġenerali dan huwa għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha fl-UE.
Madankollu, il-bdiewa u l-operaturi ekonomiċi fl-agrikoltura jqisu l-kumplessità tal-ambjent tan-negozju tagħhom mhux biss abbażi tar-regoli tal-PAK, iżda wkoll fl-isfond tal-parametri legali kollha li huma suġġetti għalihom. Il-Kummissjoni għalhekk tqis is-simplifkazzjoni u t-tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi bla bżonn bħala għanijiet komprensivi li jeħtieġ li jiġu segwiti fl-oqsma kollha ta’ politika rilevanti għas-settur agrikolu u fil-livelli kollha inkluż fl-Istati Membri u r-reġjuni. Għall-ġejjieni, l-atturi kollha fil-proċess għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dan l-aspett.
[1] COM (2005) 509, 19.10.2005.
[2] It-Tielet Reviżjoni Strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea COM(2009) 15, 28.1.2009.
[3] B’mod ġenerali, is-sors taċ-ċifri użati f’din il-komunikazzjoni huma r-riżultati preliminari tal-kejl li sar kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet li ġew ippreżentati fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni għal Tnaqqis fil-Piżijiet Amministrattivi. Skont il-mudell standard tal-ispejjeż, użat f’dak l-eżerċizzju, il-piż amministrattiv huwa stabbilit abbażi tal-ispiża tal-konformità ma’ obbligi ta’ informazzjoni li jirriżultaw mill-leġiżlazzjoni tal-UE, kif ukoll tat-traspożizzjoni nazzjonali relatata jew tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.
[4] simplifikazzjoni teknika (jiġifieri f’qafas ta’ politika kostanti) timplika reviżjoni tal-qafas legali, il-proċeduri amministrattivi u l-mekkaniżmi tat-tmexxija biex jintlaħqu standardizzazzjoni u effikaċja tan-nefqa ikbar u biex jintlaħqu l-għanijiet politiċi eżistenti b’mod aktar effikaċi, mingħajr ma jinbidlu l-politiki bażiċi; ‘simplifikazzjoni ta’ politika’ tnaqqas il-komplessità permezz ta’ titjib fl-istrumenti politiċi tal-appoġġ agrikolu u l-iżvilupp rurali. Tista' tiġi spjegata bħala 'żvilupp ta’ politika b'implikazzjonijiet ta’ simplifikazzjoni’.
[5] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1081/2008 (ĠU L 296, 5.11.2008, p. 4).
[6] ĠU C 148, 24.6.2006.
[7] ĠU C 30, 6.2.2009.
[8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).
[9] ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.
[10] Ir-Regolament (KE) Nru 1857/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna mill-Istat lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 (ĠU L 358, 16.12.2006, p. 3).
[11] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuniet de minimis fis-settur tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, 21.12.2007, p. 35).
[12] COM (2007) 147, 29.3.2007.
[13] Għal aktar tagħrif dwar il-valutazzjoni tal-impatt: http://ec.europa.eu/governance/impact/index_en.htm.
[14] Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/agriculture/index_en.htm.
[15] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 514/2008 tad-9 ta' Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 376/2008 li li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u taċ-ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għall-prodotti agrikoli (ĠU L 150, 10.6.2008, p. 7).
[16] Wara l-inklużjoni tad-dispożizzjonijiet għall-frott u l-ħaxix, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 361/2008 (ĠU L 121, 7.5.2008, p. 1) .
[17] http://ec.europa.eu/agriculture/analysis/external/burden/index_en.htm.
[18] Il-ħtieġa ta’biss ftit żmien biex tindara s-sistema u l-għibien tal-ispejjeż tal-bidu se jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-farms b’aktar minn EUR 900 miljun, .
[19] COM (2008) 306, 20.5. 2008.
[20] Irreferi għall-paragrafu 4.2.
[21] Irreferi wkoll għal COM (2009) 15.
[22] Stimi disponibbli jissuġerixxu li l-piż fil-qasam ta’ pagamenti diretti se jitnaqqas b’tal-anqas EUR 1 400 miljun.
| Fuq |