52008DC0905


Titolu u referenza

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti

/* KUMM/2008/0905 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.1.2009

KUMM(2008) 905 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti

(preżentata mill-Kummissjoni)

WERREJ

1. Daħla 3

1.1. Firxa tar-Rapport 3

1.2. Ħarsa ġenerali 3

2. Traspożizzjoni 5

3. Applikazzjoni u Żviluppi Regolatorji 5

3.1. Tħaddim tas-Sorveljanza tas-Suq 5

3.2. Tħaddim tar-RAPEX 6

3.3. Traċċabbiltà tal-Prodotti 8

3.4. Miżuri Komunitarji bbażati fuq l-Artikolu 13 tad-Direttiva 9

3.5. Standardizzazzjoni 10

3.6. Sikurezza tas-Servizzi 12

4. Konklużjonijiet 12

4.1. Ġenerali 12

4.2. Traspożizzjoni 13

4.3. Tħaddim tas-Sorveljanza tas-Suq 13

4.4. Tħaddim tar-RAPEX 13

4.5. Traċċabbiltà tal-Prodotti 13

4.6. Miżuri Komunitarji bbażati fuq l-Artikolu 13 tad-Direttiva 14

4.7. Standardizzazzjoni 14

1. DAħLA

Id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (id-“Direttiva”)[1] ġiet adottata fit-3 ta’ Diċembru 2001; daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Jannar 2002 u d-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni tagħha min-naħa tal-Istati Membri kienet il-15 ta’ Jannar 2004. Din ħadet post id-Direttiva dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti oħra li saret fl-1992[2].

1.1. Ambitu tar-Rapport

Dan ir-rapport tfassal skont l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva u jinkludi informazzjoni dwar:

- is-sikurezza tal-prodotti tal-konsumatur, b'mod partikolari dwar it-traċċabbiltà mtejba tal-prodott;

- it-tħaddim tas-sorveljanza tas-suq u r-RAPEX;

- l-istandardizzazzjoni;

- il-miżuri meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tad-Direttiva.

Għalkemm id-Direttiva ma tapplikax għas-sikurezza tas-servizzi, xi wħud mid-dispożizzjonijiet tagħha jiffukaw fuq dan il-qasam biex jiżguraw "il-ksib tal-għanijiet tal-protezzjoni" tad-Direttiva. Dan ir-Rapport għalhekk jippreżenta wkoll l-iżviluppi ewlenin lejn servizzi iktar sikuri fl-Ewropa.

Fl-2007, minbarra sejħiet lura fuq skala kbira ta’ prodotti għall-konsumatur mad-dinja kollha, reviżjoni interna tal-Kummissjoni[3] tal-qafas tas-sikurezza tal-prodotti tal-UE kkonkludiet li s-sistema Komunitarja, inkluża din id-Direttiva, hija kapaċi tipprovdi liċ-ċittadini Ewropej livell għoli ta' protezzjoni kontra prodotti tal-konsumatur li mhumiex sikuri[4], sakemm jiġu applikati sew ir-regoli tas-sistema. Madankollu r-reviżjoni identifikat xi oqsma għal titjib u l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq il-kalamiti fil-ġugarelli[5] kienet segwitu dirett għal din ir-reviżjoni. Barra minn hekk, il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva Ewropea attwali dwar is-sikurezza tal-ġugarelli[6], u l-“Qafas Leġiżlattiv Ġdid”[7] għat-tqegħid fis-suq tal-oġġetti se tgħolli l-livell eżistenti ta’ protezzjoni. Dan ir-rapport jidentifika għan ulterjuri biex tiġi pperfezzjonata s-sistema maħluqa minn din id-Direttiva.

1.2. Ħarsa ġenerali

1.2.1. Għanijiet u Ambitu

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa biex jkun żgurat li l-prodotti sikuri għall-konsumatur biss jitqiegħdu fuq is-suq Komunitarju. Id-Direttiva tapplika għal prodotti tal-konsumatur li mhumiex ikel. Meta l-prodotti jkunu suġġetti għar-rekwiżiti speċifiċi tas-sigurtà imposti permezz ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, din id-Direttiva għandha tapplika biss għall-aspetti u r-riskji jew il-kategoriji tar-riskji mhux koperti b'dawk ir-rekwiżiti speċifiċi[8].

Is-sikurezza tas-servizzi taqa’ barra l-firxa tad-Direttiva, iżda sabiex tassigura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, id-dispożizzjonijiet japplikaw għal prodotti li jiġu fornuti jew huma disponibbli għal konsumaturi fil-kuntest tas-servizz għall-użu minnhom. Is-sikurezza tat-tagħmir użat mill-fornitur tas-servizzi, b’mod partikolari fuq dak it-tagħmir li l-konsumaturi jirkbu jew jivjaġġaw, għandha madankollu tiġi eskluża. Madankollu, prodotti li huma mħaddma b'mod attiv mill-konsumatur fuq il-post ta' fornitur ta’ servizzi, bħal ma huma hairdryers disponibbli għall-ospiti fil-kmamar tal-lukandi jew sun beds fis-solariums, huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva[9].

1.2.2. Obbligi fuq l-Operaturi Ekonomiċi u l-Awtoritajiet tal-Istati Membri

Id-Direttiva tistabbilixxi obbligu ġenerali fuq l-operaturi ekonomiċi biex iqiegħdu biss prodotti tajba fuq is-suq, u biex jipprovdu informazzjoni lill-konsumaturi u l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Din l-informazzjoni għandha tirreferi għat-traċċabbiltà tal-prodotti, u l-applikazzjoni tal-miżuri, bħat-tneħħija tal-prodotti mis-suq jew is-sejħa lura għall-prodotti. [10]

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti li jitqiegħdu fuq is-suq huma sikuri u għandhom jissodisfaw dan l-obbligu permezz ta' konformità ta’ sorveljanza min-naħa tad-distributuri bl-obbligi li d-Direttiva tqiegħed fuqhom.

1.2.3. Qafas Istituzzjonali u ta' Infurzar

Id-Direttiva tipprovdi għas-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Prodotti tal-Konsumatur li mhumiex ikel ("RAPEX"). Din is-sistema tistabbilixxi ċ-ċirkulazzjoni tal-informazzjoni fost l-awtoritajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tal-informazzjoni fuq miżuri meħuda mill-awtoritajiet u l-operaturi ekonomiċi tal-Istati Membri fir-rigward ta’ prodotti li jqiegħdu f’riskju serju s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi. L-informazzjoni dwar ir-riskji li mhumiex serji jistgħu wkoll jiġu ċċirkolati skont is-sistema RAPEX (inqas minn 1 % tan-notifiki kollha). Is-sistema RAPEX tibqa’ miftuħa għall-pajjiżi terzi fuq il-bażi ta’ ftehim speċifiku ffirmat bejn il-Komunità u l-pajjiż applikant. S’issa pajjiż wieħed biss minn barra l-UE (iċ-Ċina) rċeviet aċċess parzjali u indirett għad-dejta tar-RAPEX.

Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva, il-Kummissjoni hija megħjuna fil-ħidmiet tal-implimentazzjoni tagħha minn Kumitat magħmul minn rappreżentanti mill-Istati Membri (il-“Kumitat GPSD”). Barra minn hekk, l-Artikolu 10 tad-Direttiva jistabbilixxi netwerk informali tal-awtoritajiet tal-Istati Membri bil-mira li tissaħħaħ iktar l-kooperazzjoni amministrattiva (in-“Netwerk tas-Sikurezza tal-Konsumatur”).

Minħabba li d-Direttiva tifforma parti mill-Ftehim taż-ŻEE[11], l-istess regoli japplikaw u l-mekkaniżmi huma wkoll fis-seħħ fil-pajjiżi tal-FETA li japplikaw l-Ftehim taż-ŻEE, jiġifieri n-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein.

2. TRASPOżIZZJONI

Il-miżuri tat-traspożizzjoni ġew innotifikati mis-27 Stat Membru kollha[12]. Madankollu, il-metodu tal-implimentazzjoni ma kienx l-istess fl-Istati Membri kollha[13]. Id-diskussjonijiet bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għadhom għaddejjin sabiex jikkjarifikaw ċerti aspetti.

B’mod partikolari, l-aspetti tal- evalwazzjoni tas-sikurezza huma differenti f’xi atti ta’ traspożizzjoni mir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva. Xi Stati Membri ma ttrasponewx il-kriterji kollha elenkati fl-Artikolu 3, filwaqt li xi Stati Membri oħra mmodifikaw kriterji bħal dan jew żviluppaw xi oħrajn tagħhom.

Fir-rigward tat- traċċabbiltà , xi Stati Membri għamluha obbigatorja li jkun hemm indikat fuq il-prodott jew l-ippakkettjar, l-identità u d-dettalji tal-produttur (jew l-importatur), filwaqt li Stati Membri oħra ħallewha mhux obbigatorja. B’konsegwenza, l-obbligi tal-produtturi jistgħu jkunu differenti fil-prattika minn Stat Membru għal ieħor.

F’xi Stati membri, in- notifikazzjoni mill-produtturi tinħtieġ biss fil-każ ta’ riskju magħruf, u mhemmx obbligu għal notifika meta l-produttur "missu jkun jaf" ir-riskju fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli.

Fl-aħħar nett, għalkemm l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu d- dispożizzjonijiet biex jikkonformaw mal-mizuri li l-Kummissjoni tista' tadotta skont l-Artikolu 13 , xi Stati Membri ma stabbilixxewx dispożizzjonijiet nazzjonali mfassla apposta biex jimplimentaw miżuri bħal dawn.

3. APPLIKAZZJONI U ŻVILUPPI REGOLATORJI

3.1. Tħaddim tas-Sorveljanza tas-Suq

Ħafna mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri jaħdmu fuq il-bażi ta' programmi ta' spezzjoni annwali li jqisu l-esperjenzi u s-sejbiet ta’ qabel, prodotti li huma nnotifikati b’mod frekwenti permezz tas-sistema RAPEX u l-ilmenti tal-konsumaturi. Jekk jinħtieġ, l-Istati Membri kollha jkollhom iwettqu kontrolli u testijiet li mhumiex neċessarjament koperti bil-programmar tagħhom, pereżempju f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

3.1.1. Azzjonijiet Konġunti

Bil-għan tal-promozzjoni ta’ netwerk Ewropew tal-awtoritajiet għas-sikurezza tal-prodotti tal-Istati Membri[14], waqt dawn l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni kkofinanzjat diversi sorveljanzi transkonfinali konġunti u azzjonijiet ta’ infurzar bejn dawn l-awtoritajiet[15]. Dawn l-azzjonijiet konġunti koprew inċidenti ta’ fgar li jinvolvu lit-tfal, it-tagħmir ta’ sikurezza tal-plejgrawnds, lajters tas-sigaretti, katini tad-dwal u settijiet ta’ estensjonijiet tal-wajers. Żewġ azzjonijiet indirizzaw il-kooperazzjoni transkonfinali: waħda hija l-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tad-dwana fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku u l-oħra, magħrufa bħala l-proġett "EMARS" għandha l-għan li ttejjeb is-sorveljanza tas-suq permezz tal-aħjar prattiki. Dan l-aħħar proġett involva l-15-il Stat Membru u rriżulta fl-iżvilupp ta’ bażi ta’ għarfien, sistema ta' twissija rapida, u manwal tal-aħjar prattiċi u dokument ta' strateġija fuq il-futur tas-sorveljanza tas-suq[16].

3.1.2. Qafas Leġiżlattiv Ġdid

Fid-9 ta’ Lulju 2008, qafas ġdid leġiżlattiv għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti li jikkonsisti mir-Regolament (KE) Nru 765/2008[17] u d-Deċiżjoni 768/2008/KE[18]ġew adottati.Wieħed minn dawn l-għanjiet ta’ dawn il-miżuri huwa li jistabbilixxi qafas ta’ sorveljanza għal prodotti koperti mill-armonizzazzjoni Komunitarja u t-traċċabbiltà tal-prodotti. Barra minn hekk, ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex iwettqu kontrolli xierqa fuq il-karatteristiċi tal-prodotti fuq skala adegwata fuq is-suq tal-UE u qabel ma' dawk il-prodotti jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa. Il-Kummissjoni attwalment qed tħejji linji gwida biex tikkjarifika r-relazzjoni bejn il-qafas ta' sorveljanza tas-suq skont ir-Regolament u d-Direttiva.

Barra minn hekk, l-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 immodifika l-kliem tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva biex jagħmel dawk id-dispożizzjonijiet iktar stretti għall-Istati Membri u jikkonforma l-kliem tad-Direttiva mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

3.2. Tħaddim tar-RAPEX

3.2.1. Ċirkolazzjoni tat-Twissijiet fuq Prodotti ta’ Periklu

Is-sistema RAPEX hija mfassla biex tiżgura t-tqassim effiċjenti tal-informazzjoni lill-Istati Membri kollha biex titħalla tieħu azzjoni rapida kontra l-prodotti għal konsumatur li huma llokalizzati fuq is-suq li jippreżentaw riskji serji għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi. Sabiex jitrattaw dawn is-sitwazzjonijiet hekk imsejħa “ta’ emerġenza”, dawn il-mekkaniżmi fis-seħħ għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tiġi ċċirkolata immedjatament mal-Istati Membri kollha għal segwitu.

Kull ġimgħa, is-servizzi tal-Kummissjoni jippubblikaw fuq l-Internet informazzjoni relevanti dwar in-notifiki kollha tar-RAPEX [19].

3.2.2. Linji gwida RAPEX

Fl-2004 l-Kummissjoni adottat gwida speċifika ("Il-Linji Gwida RAPEX") biex tiżgura t-tħaddim effiċjenti tar-RAPEX[20]. Il-Linji Gwida RAPEX jiddefinixxu l-firxa tad-dover għan-notifika tal-Istati Membri billi jiddeskrivu l-kriterji li japplikaw għad-definizzjoni ta' "riskju serju", u billi jipprovdu gwida fuq it-tipi ta' miżuri u prodotti li jridu jiġu nnotifikati. Dawn fihom ukoll linji gwida dwar l-evalwazzjoni tar-riskju. Fl-2008, il-Kummissjoni bdiet ir-reviżjoni tal-Linji Gwida RAPEX, li hija meħtieġa fid-dawl tal-iżviluppi diversi li twettqu sa mill-2004.

3.2.3. Xejriet Statistiċi 2004-2008

L-għadd ta’ notifiki vvalidati mill-Kummissjoni tela’ b’mod rapidu fis-snin riċenti. Fl-2007, il-Kummissjoni vvalidat 1 605 notifika, meta mqabbla mal-1051 fl-2006, 847 fl-2005 u 468 fl-2004. L-għadd ta’ miżuri nnotifikati fejn kien hemm riskju serju iktar minn ittripla, minn 388 fl-2004 tela' għal 1 355 fl-2007. Din ix-xejra ’l fuq kompliet fl-2008. Iż-żieda fl-għadd ta’ notifiki tista’ tiġi attribwita għall-infurzar iktar effettiv tas-sikurezza tal-prodott mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, iktar għarfien tar-responsabbiltajiet tagħhom min-naħa tan-negozju, it-tkabbir suċċessiv tal-UE fl-2004 u l-2007, kif ukoll il-miżuri tal-bini tan-netwerk kkordinati mill-Kummissjoni[21]. Barra minn hekk, id-distakk bejn il-pajjiżi bl-ikbar u l-iżgħar għadd ta’ notifiki kull ma tmur qed jidjieq.

Fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti suġġetti għal miżuri korrettivi dovuti għas-serjetà tar-riskji involuti, l-artikoli maħsuba għat-tfal (il-ġugarelli u t-tagħmir tat-tfal) u l-prodotti elettriċi (eż. t-tagħmir domestiku, it-tagħmir tad-dawl) huma l-gruppi ta’ prodotti li għalihom inħareġ l-ikbar għadd ta’ notifiki; kollettivament, dawn il-gruppi ta’ prodotti jammontaw għal aktar minn 50 % tan-notifiki RAPEX.

L-iktar riskji komuni osservati kienu korriment, fgar u xokk elettriku, segwiti minn ħruq, nar, fgar u riskji kimiċi. Riskji fuq medda twila ta' żmien, bħal dawk ġejjin minn esponiment għal ċerti kimiki, huma iktar diffiċli li jiġu lokalizzati u evalwati minħabba li l-effetti perikolużi mhumiex evidenti mill-ewwel[22].

L-għadd ta’ notifiki għall-miżuri korrettivi volontarji meħuda min-negozji żdied matul is-snin: fl-2007, dan laħaq il-50 % tal-għadd totali ta' notifiki ta’ prodotti li jippreżentaw riskju serju

3.2.4. Taħriġ

Il-Kummissjoni organizzat sessjonijiet ta’ taħriġ għall-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mis-sikurezza tal-prodotti, bil-għan li jsaħħu l-kapaċità tagħhom biex jipparteċipaw fin-netwerk tar-RAPEX. Mill-2006 sal-2008, b’kollox kien hemm 22 Stat Membru li bbenefikaw minn dawn is-seminars. Il-Kummissjoni tospita wkoll laqgħat ta’ punti ta’ kuntatt RAPEX fi Brussell. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq mill-Istati Membri kollha qablu dwar il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni aħjar, iż-żieda tal-immaniġġjar tar-riskju u taqsim aħjar tal-għarfien u l-aħjar prattiki[23].

3.2.5. RAPEX-Ċina

Minħabba l-proporzjon għoli ħafna tan-notifiki RAPEX li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti tal-oriġini miċ-Ċina (sa 56 % bejn Jannar u Settembru 2008, 52 % fl-2007, 49 % fl-2006, 49 % fl-2005 u 38 % fl-2004), ir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet taċ-Ċina fuq is-sikurezza tal-prodott intensifikaw. F’Jannar 2006, id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għas-Saħħa u l-Konsumaturi u l-Amministrazzjoni għas-Sorveljanza tal-Kwalità, l-Ispezzjoni u l-Kwarantina tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ("AQSIQ") ffirmaw Memorandum ta’ Ftehim ("MoU"). L-MoU ġie aġġornat f’Novembru 2008 biex jirrifletti l-kooperazzjoni msaħħa.

L-AQSIQ għandu aċċess permezz ta’ sistema IT ddedikata għal notifiki ta’ prodotti perikolużi li joriġinaw miċ-Ċina rreġistrati skont ir-RAPEX ("RAPEX-Ċina"). L-awtoritajiet taċ-Ċina jirrapportaw lill-Kummissjoni fuq bażi ta’ erba’ darbiet fis-sena dwar l-azzjonijiet ta' segwitu fuq il-bażi tad-dejta RAPEX. S’issa l-AQSIQ ippreżenta seba’ rapporti lill-Kummissjoni. Bejn Settembru 2006 u Mejju 2008, l-AQSIQ investigat u fejn kien meħtieġ ħadet miżuri fir-rigward ta’ 599 notifiki RAPEX. F’51 % tal-każijiet, l-investigazzjonijiet irriżultaw fl-adozzjoni ta’ miżuri preventivi jew restrittivi jew permezz tal-AQSIQ jew b’mod volontarju mill-manifattur Ċiniż (jew esportatur). dawn inkludew miżuri korrettivi, projbizzjonijiet ta’ esportazzjoni, sorveljanza msaħħa tal-kumpaniji Ċiniżi kkonċernati u s-sospensjoni jew l-irtirar tal-liċenzji ta’ esportazzjoni. F’49 % tal-każijiet investigati, ma ttieħdet l-ebda miżura, l-iktar minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli dwar il-manifattur jew l-esportatur Ċiniż.

3.3. Traċċabbiltà tal-Prodotti

It-traċċabbiltà isservi biex tidentifika l-operaturi ekonomiċi involuti fil-proċess ta' produzzjoni u distribuzzjoni. Permezz ta’ din l-informazzjoni, il-miżuri korrettivi jistgħu jitqiegħdu fis-seħħ b’mod effettiv. It-twissijiet bi profil għoli dwar l-oġġetti li mhumiex ikel mad-dinja kollha enfasizzaw il-ħtieġa għal proċeduri ta' sejħiet lura effettivi li ma kinux għoljin ħafna għall-operaturi ekonomiċi.

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tinkludi obbligi ġenerali għall-produtturi biex jipprovdu l-konsumaturi bl-informazzjoni meħtieġa biex jintraċċaw l-oriġini ta’ prodott jew biex juru l-identità tal-produttur jew id-dettalji tal-lott tal-produzzjoni fuq il-pakkett tal-prodott. Madankollu, huwa f’idejn l-Istati Membri biex jadottaw miżuri konkreti biex jimplimentaw obbligi bħal dawn. L-għadd ta’ notifiki fejn il-prodott ma kienx traċċabbli naqas meta mqabbel mas-snin ta’ qabel. Madankollu, billi l-prodotti li jippreżentaw riskju serju u li l-pajjiż tal-oriġini tagħhom ma jkunx magħruf jammontaw għal 10 % tan-notifiki[24], xorta waħda għad hemm lok għal titjib.

Wieħed jistenna iktar titjib b'riżultat tad-Deċiżjoni 768/2008/KE adottata riċentement, li tirrikjedi li l-indikazzjoni ta’ kemm l-isem kif ukoll l-indirizz tal-manifattur u, għall-prodotti importati, kemm l-importatur kif ukoll l-esportatur, bħala prinċipju ġenerali għal-leġilazzjoni tal-armonizzazzjoni tal-Komunità.[25]

3.4. Miżuri Komunitarji bbażati fuq l-Artikolu 13 tad-Direttiva

S’issa il-Kummissjoni applikat l-proċedura stipulata fl-Artikolu 13 tad-Direttiva fi tliet okkażjonijiet. L-ewwel nett, intużat biex testendi l-projbizzjoni fuq il-ftalati fil-ġugarelli[26] waqt il-perjodu sal-adozzjoni tal-projbizzjoni permanenti skont id-Direttiva 2005/84/KE[27].

Il-miżura li jmiss ibbażata fuq dan l-Artikolu kienet id-Deċiżjoni tal-11 ta' Mejju 2006[28] li tirrikjedi l-Istati Membri jiżguraw li l-lajters tas-sigaretti li jitqiegħdu fis-suq tal-UE huma reżistenti għat-tfal u li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-lajters li jixbħu oġġetti li huma partikolarment attraenti għat-tfal (l-hekk imsejħa "novelty lighters"). Il-lajters li jissodisfaw ċerti kriterji tekniċi huma esklużi mill-firxa tad-Deċiżjoni. L-Istati Membri kienu meħtieġa jikkonformaw mad-Deċiżjoni sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Marzu 2007. Id-Deċiżjoni ġiet estiża sal-11 ta’ Mejju 2008 bid-Deċiżjoni tat-12 ta' April 2007[29], li pprojbiet ukoll il-provvista lill-konsumaturi ta' lajters li mhumiex reżistenti għat-tfal u novelty lighters sa mill-11 ta’ Marzu 2008. Saret estensjoni ulterjuri, sal-11 ta’ Mejju 2009, u din ġiet adottata fit-18 ta’ April 2008[30]

L-iktar miżura riċenti bbażata fuq l-Artikolu 13 kienet id-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2008[31] li tirrikjedi lill-Istati Membri jiżguraw li l-ġugarelli bil-kalamita li jitqiegħdu jew isiru disponibbli fuq is-suq juru twissija dwar ir-riskji għas-saħħa u s-sikurezza li jippreżentaw. Il-kalamiti fil-ġugarelli saru iktar b’saħħithom, iżda jinqalgħu iktar faċilment, u b’hekk jippreżentaw riskji ta' theddid għall-ħajja jekk jinbelgħu, għax jistgħu iqattgħu l-istonku jew l-intestini. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fil-leġiżlazzjoni attwali u fl-istandard rilevanti ta' sikurezza (it-tnejn qed jiġu rreveduti), il-Kummissjoni adottat din il-miżura temporanja li hija valida sal-21 ta’ April 2009.

L-applikazzjoni ta’ mizuri skont l-Artikolu 13 ta’ din id-Direttiva wriet li n-natura temporanja ta' dawn il-miżuri tagħti raġuni għat-tħassib. Min-naħa waħda l-validità limitata ta’ dawn il-miżuri u t-tiġdid ripetut joħolqu l-inċertezza għall-operaturi ekonomiċi, Min-naħa l-oħra, minħabba li dawn il-miżuri huma temporanji, ma jistgħux jeliminaw il-kawża bażika tal-problema tas-sikurezza kkonċernata.

3.5. Standardizzazzjoni

3.5.1. Proċedura u Atturi Rilevanti

Id-Direttiva tistabbilixxi l-kriterji għall-evalwazzjoni tas-sikurezza tal-prodott, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li tirreferi għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u għall-istandards Ewropej żviluppati mill-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej ("ESOs")[32]. Skont l-Artikolu 3(2), prodott jitqies li jkun sikur meta jikkonforma mal-istandards nazzjonali volontarji li jittrasponu l-istandards Ewropej li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ("ĠUUE").

Skont it-termini tal-Artikolu 4, il-Kummissjoni tadotta, bil-proċedura tal-komitoloġija, Deċiżjonijiet li jispeċifikaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza li għandhom jirriflettu l-istandards tal-futur. Sussegwentement, abbażi tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni għandha toħroġ mandati għall-ESO rilevanti, biex tiżviluppa l-istandards li jissodisfaw r-rekwiżiti speċifiċi tas-sikurezza.

Mindu jitfassal standard u jiġi adottat mill-ESO, il-Kummissjoni għandha tieħu Deċiżjoni – skont il-proċedura tal-komitoloġija – li tikkonferma li l-istandard ikun ġie abbozzat f’konformità mal-proċedura msemmija hawn fuq u tippubblika r-referenza tal-istandard fil-ĠUUE. Din il-pubblikazzjoni tagħti lill-prodotti mmanifatturati skont dak l-istandard (jew l-ekwivalenti tiegħu skont il-verżjonijiet nazzjonali) il-preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit ġenerali tas-sikurezza tad-Direttiva skont l-Artikolu 3(2).

Id-Deċiżjoni inizjali li tiddetermina r-rekwiżiti speċifiċi tas-sikurezza ma toħloqx, proprjament, la preżunzjoni ta' sikurezza għal prodotti li jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija, u lanqas sett ta' obbligi jew drittijiet immedjatment applikabbli għall-partijiet terzi. Madankollu, dawn id-Deċiżjonijiet jistgħu jintużaw bħala għodda addizzjonali biex tevalwa jekk prodott huwiex konformi mar-rekwiżit ġenerali għas-sikurezza skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva.

Fir-rigward tal-interessi rrappreżentati fit-tiswir tal-istandards, l-aċċess u l-parteċipazzjoni effettiva tal-interessi soċjali fil-proċess ta’ standardizzazzjoni tista’ tittellef minn ħafna fatturi bħan-nuqqas ta’ riżorsi, in-nuqqas ta’ għarfien espert u l-koordinazzjoni ineffettiva. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni tagħti appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tal-ambjent, kif ukoll lit-trejdjunjins u l-SMEs. Fir-rigward tar-rappreżentazzjoni tal-konsumatur, il-Kummissjoni tikkontribwixxi finanzjarjament għat-tħaddim ta’ organizzazzjonijiet Ewropej tal-konsumatur li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur fl-iżvilupp tal-istandards tal-prodotti u s-servizzi fil-livell Komunitarju[33].

3.5.2. Deċiżjonijiet dwar ir-Rekwiżiti tas-Sikurezza u l-Mandati

Waqt il-perjodu kopert b’dan ir-rapport, ittieħdu tliet Deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rekwiżiti ta’ sikurezza, u l-mandati ta’ standardizzazzjoni korrispondenti nħarġu skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(1).

Fil-21 ta’ April 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/323/KE dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza li jridu jintlaħqu mill-istandards Ewropej għal oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fuq jew ġewwa l-ilma[34]. Fuq il-bażi ta’ dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ħarġet il-mandat M/372 għal CEN. Qed jiġu żviluppati seba' standards skont dan il-mandat[35].

Fil-25 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/264/KE dwar ir-rekwiżiti tas-sikurezza tan-nar li jridu jintlaħqu mill-istandards Ewropej għas-sigaretti[36]. Fuq il-bażi ta’ dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni bagħtet mandat M/425 għal CEN biex jkun żviluppat standard biex titnaqqas il-propensità għal qbid tas-sigaretti.

Fit-23 ta’ April 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2008/357/KE dwar rekwiżiti speċifiċi ta’ sikurezza tat-tfal[37]. Dan irriżulta fil-mandat M/427 għar-reviżjoni tal-istandard eżistenti EN 13869 dwar ir-reżistenza tat-tfal fir-rigward tal-lajters.

3.5.3. Pubblikazzjoni tar-Referenzi tal-Istandards

Waqt il-perijodu tar-rapportaġġ, il-Kummissjoni adottat tliet deċiżjonijiet dwar il-konformità ta’ ċerti standards bir-rekwiżit ġenerali tas-sikurezza tad-Direttiva[38]. Dawn id-Deċiżjonijiet ġew adottati skont it-tieni u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva. Kull pubblikazzjoni ssostitwiet dik ta’ qabilha tat-tip tagħha; għalhekk il-lista aġġornata ta’ standards irreferenzjata skont id-Direttiva hija dik annessa mal-iktar pubblikazzjoni riċenti fl-2006[39].

3.5.4. Tħejjija tal-Mandati tal-Istandardizzazzjoni tal-Futur

Il-Kummissjoni tippjana li ttejjeb is-sikurezza tal-artikoli dwar il-kura tat-tfal, maħsuba għat-trabi u tfal żgħar ħafna (ġeneralment mit-twelid sa 4-5 snin) li jintużaw mit-tfal waqt l-irqad, t-tmigħ, il-ħasil u t-trasportazzjoni. Ta' kull sena fl-Ewropa jkun hemm ħafna inċidenti, xi uħud fatali, li jinvolvu dawn il-prodotti[40]. Skont id-Direttiva, ġew ippubblikati diversi standards ta’ sikurezza għall-artikoli dwar il-kura tat-tfal. Madankollu, hemm ħafna prodotti li għalihom għad hemm ħafna standards ta’ sikurezza filwaqt li fil-każ ta’ prodotti oħra l-istandards eżistenti ma jkoprux ir-riskji kollha. Studju ikkommissjonat fl-2006 għen l-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni ta’ lista ta’ prodotti li għalihom l-istandardizzazzjoni għandha titqies bħala priorità. L-istudju jinkludi evalwazzjoni ta’ riskji preliminarji u abbozz ta’ rekwiżiti ta’ sikurezza. Id-Deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rekwiżiti ta’ sikurezza għandhom jiġu adottati fl-2009.

Fil-qasam ta' inċidenti u korrimenti ikkawżati minn nirien u fjammi, il-Kummissjoni qed tkompli tiżviluppa l-istrateġija tagħha biex ittejjeb s-sikurezza tal-ambjenti residenzjali. Il-Kummissjoni qed tħares lejn modi biex ittejjeb is-sikurezza tal-uċuħ li jieħdu n-nar u l-materjali li jintużaw fid-djar, bħall-għamara, l-arredamenti, il-ħwejjeġ u s-settijiet tat-televiżjoni. Hemm għadd ta’ standards Ewropej volontarji f'dan il-qasam, iżda d-diskussjonijiet mal-Istati Membri wrew biċ-ċar li s-soluzzjonijiet offruti minn dawn l-istandards ma kinux sodisfaċenti b'mod sħiħ, speċjalment fil-każ tal-użu tar-retardanti tal-fjammi. Pass preliminari għalhekk huwa li jinkiseb għarfien komprensiv tal-kimiċi li jintużaw bħala retardanti tal-fjammi, bil-ħsieb li tinħoloq għażla ta’ kompromess sodisfaċenti bejn is-sikurezza kontra n-nar u l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa li jridu jiġu riflessi fl-istandards tas-sikurezza.

3.6. Sikurezza tas-Servizzi

Fir-rigward tas-sikurezza tas-servizzi tal-konsumatur, il-Kummissjoni tinnota nuqqas ta’ qbil fost l-Istati Membri dwar il-livell xieraq ta’ azzjoni Komunitarja. Fl-istess waqt, l-opinjoni pubblika u l-pressjoni politika min-naħa tal-Parlament Ewropew jissuġġerixxu li tinħtieġ azzjoni, fil-livell Ewropew, li tindirizza r-riskji ġenerali u l-inċidenti, bħas-sikurezza kontra n-nar fil-lukandi.

Il-ħtieġa li tittejjeb is-sistema Ewropea eżistenti għas-sorveljanza tal-inċidenti u l-korrimenti, inklużi dawk marbuta mas-servizzi, ġew rikonoxxuti fl-għadd ta’ proposti tal-Kummissjoni bil-għan li jipprevjenu l-korrimenti u jippromwovu s-sikurezza[41].

Fl-2007, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament ta’ qafas dwar l-istatistiċi Komunitarji dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol[42]. In-nuqqas ta’ dejta komparabbli ma żammietx, madankollu, il-Kummissjoni milli ssegwi inizjattivi ġodda, fejn il-fokus kien is-sensibilizzazzjoni, u t-tħeġġiġ tal-partijiet interessati biex jindirizzaw l-oqsma ta' priorità għal azzjoni Komunitarja, bħas-sikurezza tal-lukandi.

F’rispons għall-mandat tal-Kummissjoni M/371 fil-qasam tas-servizzi, is-CEN wettaq studju sabiex jiddetermina l-fattibiltà tal-programm ta’ standardizzazzjoni ta’ rekwiżiti għall-għoti tas-servizzi, inklużi l-aspetti ta’ sikurezza[43].

4. KONKLUżJONIJIET

4.1. Ġenerali

Id-Direttiva wriet li hija għodda b’saħħitha biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur. Għenet li jinsabu u jitneħħew għadd kbir ta’ prodotti li mhumiex sikuri mis-suq Ewropew. Is-sistema RAPEX, stabbilita bid-Direttiva, ikkumplimentat il-qafas regolatorju eżistenti li japplika għal ċerti prodotti tal-konsumaturi ewlenin – bħal ma huma l-ġugarelli, il-kosmetiċi, it-tagħmir elettriku u d-dwal, it-tagħmir personali protettiv, u vetturi b’sistema ddedikata u rapida ta’ skambju u twissija.

4.2. Traspożizzjoni

Filwaqt li t-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri kollox ma kollox hija adattata, xorta waħda għad hemm ċerti inkonsistenzi. Is-servizzi tal-Kummissjoni qed jikkoperaw mal-Istati Membri biex jaċċertaw jekk hemmx bżonn ta’ miżuri ulterjuri minn ċerti Stati Membri, iżda l-Kummissjoni tirreserva d-dritt li tibda l-proċeduri ta' ksur, fejn huwa meħtieġ. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-osservazzjoni tal-limiti taż-żmien għall-infurżar tal-miżuri skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva.

4.3. Tħaddim tas-Sorveljanza tas-Suq

Iż-żieda kbira fin-notifiki RAPEX matul dawn l-aħħar erba’ snin hija indikazzjoni ċara li s-sorveljanza tas-suq skont id-Direttiva kienet ta’ suċċess. Madankollu, f’suq li kull ma jmur dejjem qed isir iktar globali b'iktar u iktar prodotti ġejjin fl-UE minn pajjiżi terzi, hemm il-ħtieġa ta' iktar koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza fost l-Istati Membri, inkluża l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tad-dwana.

Koordinazzjoni bħal din għandha tibbenefika minn implimentazzjoni tal-aħjar prattiki bi ftehim komuni (bħal dawk li rriżultaw mill-proġett EMARS), skambju aħjar tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri fi ħdan l-għodod tal-IT eżistenti, implimentazzjoni xierqa tal-qafas stabbilit fi ħdan il-Qafas Leġiżlattiv Ġdid u rwol iktar b'saħħtu għall-Kummissjoni f'ambjent konġunt ta' priorità għas-sorveljanza tas-suq.

4.4. Tħaddim tar-RAPEX

Bosta pajjiżi jħarsu lejn id-Direttiva, u s-sistema RAPEX b’mod partikolari, bħala punt ta’ referenza, u diversi organizzazzjonijiet nazzjonali, reġjunali u internazzjonali wrew interess biex jipparteċipaw fis-sistema jew biex jirċievu l-għajnuna biex joħolqu sistemi bħal dawn.

Filwaqt li ż-żieda fl-għadd tan-notifiki qiegħed xi naqra piż fuq is-sistema, madankollu xorta waħda hija indikazzjoni ċara ta’ protezzjoni mtejba tal-konsumatur fil-livell Ewropew. Iż-żieda fil-miżuri rrapportati adottati direttament mill-operaturi ekonomiċi biex irażżnu r-riskji ġejjin minn prodotti għall-konsumatur turi wkoll li n-negozji responsabbli jqisu b’mod serju s-sikurezza tal-prodotti u jirrispettaw l-obbligi li d-Direttiva timponilhom.

4.5. Traċċabbiltà tal-Prodotti

L-identifikazzjoni tal-produttur fuq il-prodott jew il-pakkett tiegħu hija element importanti biex tiżgura t-traċċabbiltà[44]. Madankollu, dan ir-rekwiżit mhuwiex obbligatorju fil-leġiżlazzjonijiet kollha tal-Istati Membri u dan iwassal għal riżultati mhux sodisfaċenti. Jekk l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq ma’ tkunx tista tintraċċa l-manifattur jew l-importatur ta’ prodott li jinstab li huwa perikoluż, ma tkunx f’pożizzjoni li tieħu miżuri effettivi b’mod sħiħ. Ikun jista jinkiseb iktar titjib jekk in-natura obbligatorja ta' dan ir-rekwiżit ta’ identifikazzjoni jiġi kkjarifikat u jekk il-prodotti kollha jkollhom din l-informazzjoni dwar l-operatur ekonomiku responsabbli għas-sikurezza tal-prodott. Dan iwassalha iktar qrib il-konformità tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Qafas Leġiżlattiv li tobbliga li jkun hemm l-isem, l-isem tad-ditta rreġistrat jew it-trejdmark irreġistrata tal-manifattur jew l-importatur kif ukoll l-indirizz tagħhom indikati fuq il-prodott[45].

4.6. Miżuri Komunitarji bbażati fuq l-Artikolu 13 tad-Direttiva

Filwaqt li l-miżuri temporanji tabilħaqq huma meħtieġa f’ċerti ċirkostanzi, id-Direttiva ma fiha l-ebda dispożizzjonijiet speċifiċi li jippermettu b’mod speċifiku projbizzjoni permanenti fuq il-prodotti mhux armonizzati, ladarba dawn ikunu pprovati b’ċertezza li huma ta' periklu[46].

4.7. Standardizzazzjoni

Id-dispożizzjonijiet ta’ standardizzazzjoni għandhom jiġu ssimplifikati biex iħallu għal aktar flessibbiltà. Għandu jkun possibbli li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ sikurezza għal kategorija speċifika ta’ prodotti (eż. oġġetti għall-kura t-tfal, għamara, ilbies) u fuq il-bażi ta’ dawn, jinħarġu mandati “ta’qafas” jew “ta’ twaqqif” għall-ESOs. Dan għandu jikkonforma l-proċedura twila għall-ħruġ tar-rekwiżiti ta’ sikurezza għal kull prodott individwali. Barra minn hekk, it-titjib tekniku teknoloġiku u r-riskji ġodda għandhom jiġu indirizzati b’mod mgħaġġel.

Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tippubblika r-referenza għal standard adottat mill-ESO mingħajr mandat korrispondenti, jekk il-prodott kopert mill-istandard jaqa’ fil-kategoriji identifikati minn qabel ta’ prodotti li għalihom il-Kummissjoni stabbiliet rekwiżiti rilevanti ta’ sikurezza. B’dan il-mod, il-preżunzjoni li tirriżulta ta’ konformità mar-rekwiżit ġenerali ta’ sikurezza għandu jħeġġeġ il-konformità man-negozju u jwassal għal protezzjoni aħjar tal-konsumaturi.[pic][pic][pic]

[1] Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4).

[2] ĠU L 228, 11.8.1992, p. 24.

[3] http://ec.europa.eu/consumers/safety/news/stocktaking_%20execsum_en.pdf

[4] http://ec.europa.eu/consumers/strategy/docs/eurobar_298_summary_en.pdf

[5] Ara t-Taqsima 3.4.

[6] COM(2008) 9 u: http://ec.europa.eu/enterprise/toys/2008_108_directive.htm

[7] Ara t-Taqsima 3.1.2 u: http://ec.europa.eu/enterprise/newapproach/index_en.htm

[8] Għal gwida biex tikkjarifika l-applikazzjoni tad-Direttiva u d-direttivi li jkopru s-sikurezza ta’ prodotti speċifiċi għas-settur ara http://ec.europa.eu/consumers/safety/prod_legis/index_en.htm

[9] Ara l-Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku fuq il-Prodotti tal-Konsumatur (SCCP) fi: http://ec.europa.eu/health/ph_risk/committees/04_sccp/sccp_opinions_en.htm#3

[10] Linji gwida għall-operaturi ekonomiċi, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/905 (ĠU L 381, 28.12.2004, p. 63)

[11] Id-Deċiżjoni 9/2003 (ĠU Nru L 94, 10.4.2003, p. 59)

[12]

[13] Inventarju komparattiv ta’ traspożizzjoni jista’ jinstab fi: http://ec.europa.eu/consumers/safety/prod_legis/index_en.htm

[14] L-Artikolu 10 tad-Direttiva; u għal aspetti ta’ baġit, ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1926/2006 ( ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39 )

[15]

[16]

[17] ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

[18] Ibid. p. 82.

[19] http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/index_en.htm L-importanza ta’ dan il-portal ta’ informazzjoni qed jintwera bil-medja ta’ 35 200 żjara fix-xahar li kellu fl-2007.

[20] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/418/KE (ĠU L 151, 30.4.2004, p. 84)

[21]

[22] Il-Kummissjoni żviluppat evalwazzjoni tat-tagħmir tal-esponiment fuq l-internet biex tittejjeb il-koerenza fl-evalwazzjoni tar-riskju:http://www.jrc.ec.europa.eu/eis%2D chemrisks/) .

[23] Il-Konklużjonijiet tas-Seminar “Il-Prevenzjoni tal-Importazzjonijiet ta’ Prodotti Perikolużi”, April 2008, iffinanzjati mill-Programm tad-Dwana 2013.

[24] Is-sitwazzjoni f’Settembru 2008, sors: Statistiċi RAPEX Jannar – Settembru 2008. http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/stats_reports_en.htm

[25] Id-Deċiżjoni 768/2008/KE, l-Anness I, l-Artikoli R2(6) u R4(3).

[26] Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2004/178/KE (ĠU L 55, 24.2.2004, p. 66), 2004/624/KE (ĠU L 280, 31.8.2004, p. 34) u 2004/781/KE (ĠU L 344, 20.11.2004, p. 35).

[27] Id-Direttiva 2005/84/KE (ĠU L 344/40, 27.12.2005, p.40).

[28] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/502/KE (ĠU L 198, 20.7.2006, p. 41)

[29] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/231/KE (ĠU L 99, 14.4.2007, p. 16).

[30] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/322/KE (ĠU L 109, 30.4.2004, p. 40) Twaqqaf grupp ta’ esperti mid-dwana u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri biex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-attivtajiet ta’ kontroll.

[31] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/329/KE (ĠU L 114, 26.4.2008, p. 90)

[32] Is-CEN (L-Istandizzazzjoni għall-Kumitat Ewropew), is-CENELEC (Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Eletro-tekniċi), u l-ETSI (L-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet). Ara wkoll: http://ec.europa.eu/enterprise/newapproach/standardization/harmstds/stdbody.html

[33] Għal iktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/consumers/tenders/information/grants/support_en.htm

[34] ĠU L 104, 23.4.2005, p. 39

[35] Ara www.cen.eu

[36] ĠU L 83, 26.3.2008, p. 35

[37] ĠU L 120, 7.5.2008, p. 11

[38] Id-Deċiżjoni tat-23 ta’ April 2004, C(2004) 1493 (mhux ippubblikata), id-Deċiżjoni 2005/718/KE (ĠU L 271, 15.10.2005, p. 51 ), u d-Deċiżjoni 2006/514/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 35)

[39] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 171/04, (ĠU C 171, 22.7.2006, p. 23)

[40] Korrimenti ta’ tfal (0-14-il sena), dejta 2002-2004. Ara https://webgate.ec.europa.eu/idb

[41] COM(2006) 328 u 329

[42] COM(2007) 46.

[43] Ara http://www.cen.eu/cenorm/sectors/nbo/value/chesss/index.asp

[44] L-Artikolu 5(1), ir-raba’ subparagrafu, punt (a) tad-Direttiva

[45] Id-Deċiżjoni 768/2008/KE, l-Anness I, l-Artikoli R2(6) u R4(3)

[46] Ara r-Rapport Annwali tar-RAPEX 2007 u r-rapport tal-Eurobarometru Ottubru 2008:

http://ec.europa.eu/consumers/safety/rapex/docs/rapex_annualreport2008_en.pdf

http://ec.europa.eu/consumers/strategy/docs/fl224%20_eurobar_cbs_analrep.pdf

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet