52008DC0868


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa {SEG(2008) 3058}

/* KUMM/2008/0868 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 10.12.2008

KUMM(2008) 868 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa

{SE G(2008) 3058}

KONTENUT

1. Ħiliet ġodda: il-muftieħ għal aktar impjiegi u aħjar 3

1.1. Tqabbil tal-isfida tal-ħiliet 3

1.2. Titjib fil-ħiliet f'kull livell u l-promozzjoni tal-kapaċità għall-impjieg 3

1.3. Tlaqqigħ tal-ħiliet mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol 4

1.4. Titjib tal-kapaċità tal-Unjoni għall-evalwazzjoni tal-ħiliet, antiċipazzjoni u tlaqqigħ 5

2. L-ewwel valutazzjoni tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol sal-2020 6

2.1. Xejriet għat-tul taż-żmien fil- ħolqien tal-impjieg u provvista tax-xogħol 6

2.1.1. Suq tax-xogħol dejjem jikber, dejjem iktar iddominat mis-settur tas-servizzi 6

2.1.2. Riskju ta' nuqqas ta' xogħol u bżonn ta' rati iktar għolja ta' impjieg 7

2.2. Xejriet fil-ħiliet meħtieġa u professjonijiet 7

2.2.1. Ħtiġijiet ta' ħiliet għoljin fl-professjonijiet kollha 7

2.2.2. Ħolqien sinifikattiv ta' impjiegi b'ħiliet għolja, u riskju tal-polarizzazzjoni tas-suq tax-xogħol 8

3. Antiċipazzjoni u tqabbil Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda 12

3.1. Indirizzar tan-nuqqas tat-tlaqqigħ 12

3.2. Tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni għat-tbassir u antiċipazzjoni 13

3.3. Approfondiment tal-kooperazzjoni internazzjonali 14

3.4. Immobilizzar tal-istrumenti tal-Komunità 15

1. Ħiliet ġodda: il-muftieħ għal aktar impjiegi u aħjar

1.1. Tlaqqigħ tal-isfida tal-ħiliet

Is-severità tal-kriżi finanzjarja żżid grad eċċezzjonali ta' imprevidibbiltà dwar il-futur fi żmien qasir tal-ekonomija dinjija – għad li sabiex l-Ewropa titqiegħed mill-ġdid fit-triq tal-irkupru hu meħtieġ li jittejbu l-kapital uman u l-opportunitajiet tal-impjieg permezz tal-aġġornar tal-ħiliet. Imma l-aġġornar tal-ħiliet mhux biżżejjed: li jiġi żgurat qbil aħjar bejn il-provvista tal-ħiliet u domanda tas-suq tax-xogħol hu daqshekk iehor neċessarju.

Bħala parti mill-Pjan Ewropew biex l-Ekonomija Tirkupra propost mill-Kummissjoni [1] biex jgħin lill-Ewropa ttaffi l-kriżi immedjata u tipprepara għat-titjib ekonomiku, il-Kummissjoni nidiet inizjattiva Ewropeja importanti ta' appoġġ għall-impjieg. Din l-inizjattiva għandha l-għan li ġġib l' quddiem l-impjieg u tintegra mill-ġdid fis-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri ta' attivazzjoni, taħriġ mill-ġdid u aġġornar tal-ħiliet lill-ħaddiema li spiċċaw qegħdha.

L-aġġornar tal-ħiliet hu ta' importanza kritika għall-irkupru tal-Ewropa fuq żmien qasir u għat-tkabbir u l-produttività fuq żmien twil, għall-impjiegi tagħha u l-kapaċità tagħha li tadatta ruħha għal bidliet, għal ekwità, ugwaljanza bejn is-sessi u koeżjoni soċjali.

Madwar l-Ewropa, il-bidla għal ekonomija b’karbonju baxx u l-importanza dejjem tikber tal-ekonomija tal-għerf, b'mod partikolari t-tixrid tal-ICTs u nanoteknoloġiji joffru potenzjal kbir għall-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli. Il-globalizzazzjoni, il-popolazzjoni dejjem tikber fl-età, l-urbaniżmu u l-evoluzzjoni tal-istrutturi soċjali jħaffu wkoll il-pass tal-bidla fis-suq tax-xogħol u l-bżonnijiet tal-ħiliet. L-iżvilupp ta' ħiliet ġodda u kompetenzi biex jġu sfruttati kompletament il-potenzjal għall-irkupru hu prijorità u sfida għall-UE u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, għal min jagħti servizz ta' edukazzjoni u taħriġ, kumpaniji, ħaddiema u studenti.

Is-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri u r-reġjuni huma sinifikament differenti f'dak li jikkonċerna l-profil tal-ħiliet tal-popolazzjonijiet tagħhom jew id-distribuzzjoni tas-settur tal-impjieg. It-titjib tal-monitoraġġ, ivvalutar u antiċipazzjoni kif ukoll it-tqabbil tal-ħiliet huwa kruċjali biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi fuq l-impjieg u l-prospetti tal-forza tax-xogħol tal-UE għal impjiegi fuq żmien twil.

1.2. Titjib fil-ħiliet f'kull livell u l-promozzjoni tal-kapaċità għall-impjieg

L-aġġornar tal-ħiliet huwa kruċjali għall-ekwità, ladarba dawk b'ħiliet baxxi huma iktar vulnerabbli fis-suq tax-xogħol u jistgħu jkunu huma l-ewwel li jintlaqtu mill-kriżi. L-aġġornar tal-ħiliet mhuwiex biss il-lussu għal dawk li għandhom kwalifiki għolja f'impjiegi tat-teknoloġija avvanzata: hu neċessarju għal kulħadd. Adulti b'kwalifiki baxxi huma seba' darbiet anqas probabbli li jipparteċipaw f'tagħlim li jtul għall-ħajja kollha minn dawk li għandhom edukazzjoni għolja; ftit wisq qiegħed isir biex jiżdiedu u jiġu addattati l-ħiliet ta' forza ta' xogħol li qed tixjieħ. L-edukazzjoni, it-taħriġ u l-politika tax-xogħol tal-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq iż-żieda u l-addattament tal-ħiliet u jipprovdu opportunitajiet aħjar ta' tagħlim f'kull livell, biex jiżviluppaw forza ta' xogħol ta' ħila għolja u li tirrispondi għall-bżonnijiet tal-ekonomija. Bl-istess mod, in-negozji għandhom interess akut li jinvestu fil-kapital uman u li jġibu 'l quddiem il-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħhom. Barra minn hekk, l-ugwaljanza bejn is-sessi hija fattur ewlieni fir-risposta għall-bżonnijiet tal-ħiliet.

It-titjib tal-ekwità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni tal-UE u tas-sistema ta' taħriġ hu essenzjali biex tiġi evitata l-ħela tar-riżorsi umani u finanzjarji tagħha, tiżdied il-kapaċità tal-impjieg u titnaqqas l-inugwaljanzi[2]. Filwaqt li l-aġġornar tal-ħiliet jimplika spejjeż immedjati u għandu jiġi ikkonsidrat f'kuntest ta' sostenibbiltà finanzjarja, rendimenti privati, fiskali u soċjali fi żmien medju u fit-tul għandhom ikunu ta' importanza iktar mill-ispejjeż tal-bidu. Forza ta' xogħol kwalifikata ma tikkontribwixix biss għall-produttività: l-investiment f'sistemi ta' tagħlim mfasslin tajjeb u li jtulu għall-ħajja kollha jista' jagħmel tajjeb għall-ispiża ekonomika tal-iskarsezza ta' ħiliet u nuqqasijiet. Filwaqt li t-tnaqqis ekonomiku jpoġġi pressjoni dejjem tikber fuq l-ispiża pubblika u privata, issa mhux iż-żmien għat-tnaqqis tal-investiment fuq il-miżuri tal-edukazzjoni, ħiliet jew impjieg attiv.

L-edukazzjoni u s-sistemi ta' taħriġ għandhom jiġġeneraw ħiliet ġodda, biex jirrispondu għan-natura tal-impjiegi ġodda li huma mistennija li jinħolqu, kif ukoll iġibu għall-aħjar l-adattabilità u l-kapaċità għall-impjiegi tal-adulti diġà fil-forza tax-xogħol. Li tipprovdi edukazzjoni ta' kwalità għolja lit-tfal sa minn età żgħira u edukazzjoni bażika lil kulħadd, li ttejjeb l-edukazzjoni milħuqa u li jkun evitat it-tluq mill-iskola qabel iż-żmien huma kruċjali biex in-nies ikunu mħejjija b'kompetenzi ewlenin, inklużi ħiliet bażiċi u tagħlim li huma l-kundizzjonijiet għal iktar aġġornament tal-ħiliet[3].

1.3. Tlaqqigħ tal-ħiliet mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol

Biex jiġi kkonfrontat in-nuqqas ta' impjieg għandu jinġieb 'il quddiem it-tlaqqigħ tal-ħiliet. It-tlaqqigħ ħażin tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol kienet preokkupazzjoni dejjem tikber ta' ħafna mill-Istati Membri. Minħabba informazzjoni mhux perfetta u riġiditajiet strutturali, is-suq ma jipprovdix b'mod effiċjenti ħaddiema u negozji b'livell tajjeb ta' ħiliet fl-oqsma t-tajba, u dan jagħmel ħsara lill-kompetittività b'mod partikolari tal-intrapriżi ż-żagħar. Il-kompożizzjoni tal-ħiliet li ħierġa mill-universitajiet tal-UE u s-sistemi tat-taħriġ ma tappoġġax kompletament ekonomija mmexxija realment mill-innovazzjoni. L-għażliet edukattivi u professjonali tal-irġiel u n-nisa żgħażagħ għadhom ikunu influwenzati mill-mogħdijiet tradizzjonali tas-sessi. It-tnaqqis tal-iżbilanċi bejn is-sessi fis-setturi u l-impjiegi jista' jindirizza parzjalment in-nuqqas ta' ħiliet fil-futur , per eżempju fl-impjiegi tekniċi u ta' tmexxija.[4].

It-tneħħija tal-ostakoli, anke l-ostakoli amministrattivi, għall-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-UE, kif ukoll iktar informazzjoni trasparenti fuq ix-xejriet tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta' mobilità professjonali, settorjali u geografika u jippermettu tqabbil aħjar bejn il-ħiliet tal-popli u l-opportunitajiet tal-impjiegi. Perjodi ta' mobilità matul l-edukazzjoni u t-taħriġ (per eżempju permezz tal-programmi Erasmus u Leonardo) jgħinu lin-nies ikunu iktar miftuħa għall-mobilita' fil-ħajja tax-xogħol tagħhom iktar tard. Tfittxija iktar effettiva u effiċjenti għall-impjieg titlob koordinazzjoni aħjar bejn oqsma ta' politika differenti u istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari is-Servizzi ta' Xogħol Pubbliku u s-sistemi tas-sigurtà soċjali.

Il-Kummissjoni u l-Patt Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Ażil jinsistu li l-impjieg u l-mobilità geografika tal-ħaddiema mill-pajjiżi terzi tista' tgħin fit-tnaqqis tad-differenzi fil-ħiliet, u tiżgura li l-ħiliet tagħhom jistgħu jiġu wżati fuq l-aħjar livell.[5]. Is-suċċess tal-integrazzjoni tal-immigranti u d-dixxendenti tagħhom hu l-muftieħ għall-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-UE.

1.4. Titjib tal-kapaċità tal-Unjoni għall-evalwazzjoni tal-ħiliet, antiċipazzjoni u tlaqqigħ

Li ġġib 'il quddiem il-monitoraġġ u l-antiċipazzjoni tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet meħtieġa hu neċessarju biex tgħin lin-nies jirritornaw għas-suq tax-xogħol, tiffaċilita it-tlaqqigħ mal-postijiet battala tax-xogħol eżistenti u torjenta l-iżvilupp tal-ħiliet biex iġġib 'il quddiem prospetti ta' xogħol għal tul ta' żmien. Titjib sostanzjali fl-Istati Membri u l-kapaċità tal-Unjoni li tbassar, tantiċipa u tlaqqa' l-ħiliet futuri u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol hi l-pre-kondizzjoni għat-tfassil ta' politiki ta' impjieg effiċjenti, edukazzjoni u politiki ta' taħriġ u għażliet individwali ta' karriera. Kapaċità miġjuba hekk 'il quddiem jista' jkollha sehem ewlieni fis-suċċess ta' politiki integrali tal-flessigurtà fi ħdan l-Istrateġija tat-Tkabbir u tal-Impjieg, kif enfasizzat mill-Missjoni għall-Flessigurtà tal-UE[6].

Il-Kunsill Ewropew stqarr b'enfasi f'Marzu 2008 li waħda mill-erba' oqsma ta' prijorità tal-Istrateġija ta' Lisbona hija li tinvesti fin-nies u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol, u stieden lill-Kummissjoni "biex tippreżenta valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġiet tal-ħiliet futuri fl-Ewropa sal-2020, b'kont meħud tal-impatti tal-bidla teknoloġika u l-popolazzjonijiet li qed jixjieħu u biex tipproponi passi biex ikunu antiċipati bżonnijiet futuri".

Bħala reazzjoni għal mandat tal-Kunsill Ewropew, kapitlu 2 ta' din il-Komunikazzjoni jippreżenta l-ewwel valutazzjoni tar-rekwiżiti tal-ħiliet tal-futur sal-2020 . Imma din l-analiżi ma' tistax tkun eżerċizju ta' darba. Għandha tkun segwita minn sforz sostenibbli u strateġiku hekk kif setturi ġodda jżidu l-potenzjal tagħhom li jkunu l-kawża ta' tkabbir u ta' ħolqien ta' impjieg, valutazzjonijiet għandhom ikunu aġġornati b'mod regolari biex jintegraw dawn l-iżviluppi ġodda.

Għal dan l-għan, il-kapitolu 3 jissuġġerixxi modi li jġibu 'il quddiem gradwalment il-kapaċitajiet, u jistabbilixxi l-valutazzjoni tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fil-qafas tal-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Impjiegi tal-UE. Flimkien ma' din l-inizjattiva, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ biex issostni lill-Istati Membri fit-tkabbir tal-livelli tal-ħiliet permezz ta' tagħlim li jtul għall-ħajja kollha.

2. L-ewwel valutazzjoni tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol sal-2020

Il-kriżi finanzjarja tat-tieni nofs tal-2008 turi l-limitazzjonijiet ta' kull eżerċizzju ta' tbassir. Ħafna mill-ħiliet u mill-impjiegi li jkunu jidhru komuni għaċ-ċittadini Ewropej fl-2020 – per eżempju bħala konsegwenza tal-bidliet fl-użu ta' teknoloġiji "nodfa" – anqas biss jistgħu jiġu mmaġinati llum. Imma filwaqt li t-tbassir ma jistax jipprovdi stampa eżatta tal-futur, jista' jipprovdi indikazzjoni tax-xejriet ġenerali, u jagħmel enfasi fuq ir-reazzjonijiet tal-politika[7].

Tlett konklużjonijiet ċentrali joħorġu mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni: l-ewwel, fiż-żmien medju u fiż-żmien twil hemm potenzjal kbir għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa – kemm għall-impjiegi ġodda u dawk ta' sostituzzjoni. It-tieni, il-ħiliet, kompetenzi u kwalifiki rikjesti jiżdiedu b'mod sinifikanti, u fit-tipi u l-livelli kollha ta’ professjoni. It-tielet, hemm il-bżonn li jiġi żgurat tlaqqigħ li jtul għall-medda ta' żmien bejn il-provvista tal-ħiliet u d-domanda tas-suq tax-xogħol.

Din l-ewwel valutazzjoni hija fil-biċċa l-kbira tagħha bbażata fuq tbassir elaborat tal-ħiliet meħtieġa fil-futur magħmul f'Ġunju 2008 miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Professjonali (Cedefop)[8] Iktar dettalji, metodoloġija u deskrizzjoni tat-tbassir tal-Istati Membri jista' jinstab fid-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff mehmuż ma' din il-Komunikazzjoni.

2.1. Xejriet għat-tul taż-żmien fil- ħolqien tal-impjieg u provvista tax-xogħol

2.1.1. Suq tax-xogħol dejjem jikber, dejjem iktar iddominat mis-settur tas-servizzi

L-analiżi taċ-Cedefop tissuġġerixxi li jista' jkun hemm bejn wieħed u ieħor 100 miljun possibbiltà ta' impjiegi fl-UE 25[9] fil-perjodu bejn l-2006 u 2020. Flimkien mal-ħolqien ta' 19.6 miljun impjieg addizzjonali, jistgħu jkunu disponibbli 80.4 miljun impjieg sostituttiv ieħor hekk kif il-ħaddiema jirtiraw jew iħallu s-suq tax-xogħol.

Il-bidla bil-mod imma soda fis-settur tad-distribuzzjoni tal-impjiegi tal-UE, mill-agrikoltura u industriji tradizzjonali ta' manifattura għal servizzi, x'aktarx se tkompli minkejja t-tnaqqis tal-attività ekonomika li seħħet dan l-aħħar. Fl-2002, kważi tlett kwarti mill-impjiegi jkunu fis-servizzi.

Il-ħolqien tal-impjiegi fis-servizzi x'aktarx ikun sostanzjali sal-2020, b'mod speċjali fis-servizzi tan-negozju. Is-settur primarju jista' jitlef 2.9 miljun impjieg waqt li l-kostruzzjoni għandha jkollha x-xejra li tkun stabbli. Il-manifattura tagħmel l-esperjenza ta' telf nett ta' 800,000 impjieg minkejja ż-żieda fl-inġinerija; madankollu, minħabba l-impatt ta' domanda qawwija ta' sostituzzjoni, xorta jibqa' jkun hemm opportunitajiet importanti ta’ xogħol fil-manifattura, li allura xorta jibqa' settur kruċjali għall-ekonomiji tal-UE.

B'perspettiva ta' żmien iktar qasir, tista' tiġi provduta stampa iktar dettaljata ta' xejriet fis-servizzi. Sal-2015 l-aħjar prospetti għall-ħolqien tal-impjiegi huma mistennija fis-servizzi tan-negozju (bħal IT, assigurazzjoni jew konsultazzjoni), kura tas-saħħa u ħidma soċjali, distribuzzjoni, servizzi personali, lukandi u servizzi tal-ikel, u sa ċertu punt għalkemm b’mod anqas l-edukazzjoni (Figura 1). Il-prospetti għas-servizzi tan-negozju u setturi oħra għandhom mnejn ikollhom il-bżonn li jiġu rranġati fid-dawl tal-kriżi finanzjarja.

It-transizzjoni lejn ekonomija b’konsum baxx tal-karbonju ikollha wkoll impatt importanti fuq l-impjieg, speċjalment fl-enerġija, ilma u trattament tal-iskart, kostruzzjoni, trasport, industrija, agrikoltura u forestrija. Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, is-suq globali għas-servizzi u prodotti ekoloġiċi għandu jirdoppja u fl-2020 jilħaq l-2740 blijun dollaru [10].

2.1.2. Riskju ta' nuqqas ta' xogħol u bżonn ta' rati iktar għolja ta' impjieg

Xejriet demografiċi jkollhom impatt ewlieni fuq il-provvista tax-xogħol, għalkemm għal diversi snin dan ikun parzjalment ikkumpensat minn żieda fir-rati ta' attività[11]. L-Eurostat tikkalkula li l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-UE (15-64 sena) ser tilħaq il-qofol tagħha fl-2012 u imbagħad tibda nieżla hekk kif il-koorti tal-"baby-boom" jonqsu. Hekk kif ir-rata ta' parteċipazzjoni tan-nisa u tal-ħaddiema anzjani ser tkompli tiżdied, il-forza effettiva tax-xogħol għandha tkompli tikber bil-mod sal-2020; imbagħad l-"effett tal-età" jaqbeż iż-żieda fir-rati ta' parteċipazzjoni, u jirriżulta f'nuqqas zgħir imma kontinwu tal-provvista totali tax-xogħol tal-UE; dan ser jaffettwa lill-Istati Membri b'modi differenti.

Flussi migratorji jistgħu jikkumpensaw għal ftit in-nuqqas fir-rati tat-twelid, imma ma jsolvux id-defiċit demografiku - jekk xejn minħabba li għat-tul taż-żmien il-popolazzjonijiet immigranti għandhom it-tendenza li jakkwistaw ix-xejriet demografiċi tal-pajjiż tagħhom ta' residenza. Nuqqasijiet ta' tqabbil tas-suq tax-xogħol kwalitattiv tal-UE x'aktarx se jkomplu jiħżienu minn skarsezzi kwantitattivi: it-tlaqqigħ tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol ikun meħtieġ għal użu effettiv tal-kapital uman.

2.2. Xejriet fil-ħiliet meħtieġa u professjonijiet

2.2.1. Ħtiġijiet ta' ħiliet għoljin fil-professjonijiet kollha

Diversi fatturi kollaterali għandhom jistimulaw ħtieġa għal ħiliet aħjar u adattati: globalizzazzjoni u żieda fil-kummerċ internazzjonali; it-transizzjoni lejn ekonomija b’konsum baxx tal-karbonju; l-aplikazzjoni tat-teknoloġiji, b'mod partikolari ICT; u bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol li fihom infushom huma konsegwenza in parti ta' bidla teknoloġika u aġġornar tal-ħiliet[12].

L-għaxar snin li ġejjin ser jaraw domanda dejjem tiżdied għal forza ta' xogħol bi kwalifiki għoljin u adattata u iktar impjiegi li jiddependu fuq il-ħiliet. Ix-xejra ġenerali dejjem tielgħa fid-domanda tal-ħiliet tista' tiġi murija billi tingħata ħarsa lejn il-livelli meħtieġa tal-edukazzjoni milħuqa, għalkemm dawn huma approssimament varjabbli għall-livelli tal-ħila.

Fl-UE 25, bejn l-2006 u l-2020, il-proporzjon tal-impjiegi li jirrikjedu livelli għoljin ta' edukazzjoni milħuqa għandhom jitilgħu minn 25.1% għal 31.3% tat-total; impjiegi li jirrikjedu kwalifiki medji ser jiżdiedu bi ftit ukoll, minn 48.3% għal 50.1%. Dan għandu jammonta rispettivament għal 38.8 u 52.4 miljun ta' opportunitajiet ta' impjiegi ta' livell għoli u medju. Fl-istess waqt, is-sehem tal-impjiegi li jirrikjedu livelli baxxi ta' edukazzjoni milħuqa ser jinżlu minn 26.2% għal 18.5%, minkejja l-10 miljun opportunità ta' impjieg (Figura 2).

Ħafna mill-impjiegi fil-professjonijiet ta' ħila mhux manwali jkunu jeħtieġu ħaddiema b'kwalifiki għolja; ħaddiema b'edukazzjoni medja milħuqa ser ikomplu jimlew l-pożizzjonijiet ta' ħila. Ladarba r-rati tal-edukazzjoni b'mod ġenerali qed jiżdiedu b'rata iktar magħġġla mill-bidliet tas-suq tax-xogħol, il-ħaddiema b'edukazzjoni baxxa milħuqa għad iżommu biss nofs l-impjiegi elementari (Figura 3).

Fis-settur tas-servizz, hemm tendenza ċara lejn it-tqabbil tal-portafol tal-ħiliet meħtieġa fil-livelli kollha pożizzjonali, marbuta mal-ħidmiet "mhux ta' rutina". Pereżempju, professjonisti tal-ICT għandhom jiżviluppaw ħiliet fit-tqegħid fis-suq u amministrazzjoni. Ħaddiema fis-servizzi għandhom jiżviluppaw ħiliet orjentati lejn il-konsumatur u litteriżmu diġitali. F'ħafna setturi ta' għerf intensiv, ħiliet amministrattivi u għerf xjentifiku huma t-tnejn meħtieġa. Fil-kura soċjali u edukazzjoni, hu meħtieġ iktar aġġornar tal-ħiliet biex il-kwalità tas-servizzi tiġi 'l quddiem.

Dan jirrifletti domanda dejjem tikber minn dawk li jħadmu għal kompetenzi ewlenin trażversali, bħal soluzzjoni ta' problemi u ħiliet analitiċi, eżerċitar ta’ mmaniġġar personali u ħiliet fil-komunikazzjoni, ħiliet lingwistiċi, u b'mod aktar ġenerali, "ħiliet mhux ta' rutina".

2.2.2. Ħolqien sinifikattiv ta' impjiegi b'ħiliet għolja, u riskju tal-polarizzazzjoni tas-suq tax-xogħol

Il-projezzjonijiet tal-ħolqien nett tal-impjiegi juru espansjoni polarizzata tal-impjiegi fost il-professjonijiet, b'enfasi qawwija favur impjiegi ta' ħila għolja. Sal-2020, fl-UE25 17.7 miljun impjieg addizzjonali jistgħu jinħolqu fi 'professjonijiet mhux manwali ta' ħila għolja bħal amministrattivi, kummerċjali, loġistiċi u managers tal-bejgħ, amministraturi tas-sistemi tal-IT, professjonisti tat-tagħlim u tekniċi. Fl-istess waqt, il-previżjonijiet jagħmlu enfasi dwar prospettivi baxxi u anke ħżiena ta' ħolqien ta' impjiegi għal xi xogħolijiet ta' ħila, imma wkoll ħolqien nett konsiderevoli ta' impjiegi elementari (5 miljuni), speċjalment fis-settur tas-servizz – per eżempju staff ta' sigurtà, ajjutanti domestiċi, kaxxiera jew ħaddiema fis-settur tat-tindif. (Figura 4).

Teknoloġiji ġodda u żviluppi fl-organizzazzjoni tax-xogħol donnhom jirriżultaw fi tkabbir importanti tal-impjiegi fit-trufijiet tal-firxa tal-impjiegi (speċjalment fil-livell għoli). Teknoloġiji ġodda ma jistgħux jieħdu post il-ħidmiet tipiċi "mhux ta' rutina" tal-professjonijiet ta' ħila għolja (per eżempju ħdmiet konoxxittivi u ta' komunikazzjoni), jew impjiegi ta' ħiliet baxxi, speċjalment fis-settur tas-servizzi (per eżempju l-kura jew is-sewqan ta' vettura). Madanakollu, ħidmiet ta' rutina ta' ħila medja u xogħol repettitiv jistgħu jiġu sostitwiti mill-awtomazzjoni u l-kompjuterizzazzjoni, jew esternati.

Polarizzazzjoni bħal din hi perċettibbli f'xi Stati Membri. Madankollu, mhix fenomenu ċar, u t-tendenza tal-polarizzazzjoni fil-ħolqien tal-impjiegi netti għandha tkun prinċipalment ibbilanċjata b'domanda għolja ta' sostituzzjoni għall-ħaddiema b'ħiliet medji, għalkemm id-domanda ta' sostituzzjoni se tenfasizza wkoll it-tendenza 'l fuq dwar id-domanda tal-ħiliet.

Bidliet bħal dawn fid-domanda tas-suq tax-xogħol iqajmu preokkupazzjonijiet dwar id-differenzi tal-pagi bejn l-impjiegi. Ix-xejra fid-dħul mill-ishma tax-xogħol fl-UE sa mill-1980 kienet dejjem 'il fuq b'mod ċar għal dawk b'ħiliet għoljin, imma l-isfel għal dawk b'ħiliet baxxi, waqt li l-livelli tal-pagi għal dawk b'ħiliet baxxi u medji kellhom it-tendenza li joqorbu lejn xulxin[13].

Impjiegi fis-settur tas-servizzi "b'ħiliet baxxi" qed jinkludu dejjem aktar ħidmiet mhux ta' rutina; madanakollu xorta ftit għad hemm għarfien finanzjarju għall-kompetenzi ġodda u ħiliet neċessarji għal dawn l-impjiegi fl-istruttura tal-pagi. Dan huwa wkoll impatt fuq l-inugwaljanza bejn is-sessi, ladarba in-nisa, speċjalment in-nisa migranti, iħaddnu b'mod sproporzjonat impjiegi fis-settur tas-servizzi[14].

Figura 1. Xejriet fil-livelli tal-impjiegi fis-settur tas-servizzi sal-2015, UE -25

[pic]

Sors: Cedefop, 2008

Figura 2. Struttura tal-passat u tal-futur tal-impjiegi skont l-edukazzjoni milħuqa, UE -25

[pic]

Sors: Cedefop, 2008

Figura 3. Projezzjoni tal-livelli tal-impjieg fl-2020, skont kategoriji ġenerali tal-impjiegi u livell tal-edukazzjoni milħuqa, UE -25

[pic]Sors: Cedefop, 2008

Figura 4. Possibiltà ta' impjieg bejn l-2006 u l-2020 minn kategoriji wiesgħin ta' impjiegi, UE -25

[pic]

Sors: Cedefop, 2008

3. Antiċipazzjoni u Tlaqqigħ Aġenda għal Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda

Biex ikunu ffaċċjati aħjar l-isfidi deskritti, hu kruċjali li tinġieb 'il quddiem informazzjoni aktar komprensiva dwar il-ħiliet futuri tal-Unjoni u r-rekwiżiti għall-impjiegi u li tagħmel iktar faċli t-tqabbil u l-antiċipazzjoni. Din tqiegħed fiċ-ċentru tal-istrateġija tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi il-bżonn tal-aġġornar tal-ħiliet tal-popolazzjoni tal-UE u tassigura tlaqqigħ aħjar mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, biex tindirizza l-impjieg immedjat u l-impatti soċjali tal-kriżi u tikkontribwixxi għall-kompetittività u l-ekwità tal-Unjoni għat-tul taż-żmien. Imfassla fuq baġits eżistenti u programmi tal-UE, hija organizzata taħt erba' linji ta' azzjoni.

3.1. Indirizzar tan-nuqqas tat-tlaqqigħ

L-awtoritajiet pubbliċi fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, in-negozju, sħab soċjali, dawk li jipprovdu t-taħriġ u persuni individwali igawdu minn tagħrif fuq bażi regolari dwar il-bidliet għal żmien qasir fis-suq tax-xogħol tal-UE, l-offerti ta' impjieg disponibbli madwar l-UE, u l-projezzjonijiet tar-rekwiżiti tal-ħiliet. Biex iġġib 'il quddiem il-mobilità professjonali u ġeografika, il-Kummissjoni se:

- Tistabilixxi sa mill-2009 "Osservatur għas-Suq tax-Xogħol Ewropew" b'informazzjoni perjodika aġġornata fuq xejriet ta' żmien qasir dwar is-suq tax-xogħol Ewropew. L-Osservatur jiġbor, janalizza u jqassam l-informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala u dawk reġistrati li qed ifittxu impjieg permezz ta' netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg u, biż-żmien, minn sorsi aktar wiesgħa bħal setturi, kumpaniji u aġenziji ta' reklutaġġ;

- Tiżviluppa sa mill-2009 dizzjunarju standard multilingwistiku tal-pożizzjonijiet u ħiliet, biex tkabbar il-kwalità u t-trasparenza tal-informazzjoni fuq l-postijiet tax-xogħol battala biex iġġib 'il quddiem it-tlaqqigħ bejn dawk li jfittxu l-impjieg u l-postijiet ta' xogħol battala;

- Toħloq fl-2009 servizz online Laqqa' u Fassal faċli biex jintuża u trasparenti għaċ-ċittadini, li jipprovdi informazzjoni kwalitattiva dwar il-professjonijiet, il-ħiliet, it-tagħlim u l-opportunitajiet ta' taħriġ madwar l-UE. Bħala parti mill-EURES, u f'għaqda mal-portali PLOTEUS u EURAXESS[15], dan ser jipprovdi pjan ġeografiku ċar tal-offerti tal-impjiegi fl-UE li jaqblu ma' profil tal-utent, rispons dwar għaliex l-impjiegi u l-kapaċitajiet ma jaqblux, u informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' tagħlim.

3.2. Tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni għat-tbassir u antiċipazzjoni

Ħafna mill-Istati Membri diġa qegħdin jiżviluppaw l-għodda tat-tbassir u antiċipazzjoni[16]. Madanakollu, dawn l-inizjattivi ivarjaw b'mod sinifikanti fil-għan u metodoloġija u jeħtieġu li jinġiebu flimkien fi sforz organizzat. Ir-riżorsi u l-esperjenza taċ-Cedefop u l-Fondazzjoni Ewropea għal Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għandhom jiġu sfruttati għal dan il-għan. Il-Kummissjoni se:

- Tistabilixxi valutazzjoni regolari u sistematika tal-provvista u d-domanda għat-tul ta' żmien fis-swieq tax-xogħol tal-UE sal-2020, mqassma skont setturi, impjiegi, livelli ta' kwalifika u pajjiżi. Projezzjonijiet aġġornati jkunu ppublikati kull sentejn, li jibdew fl-2010, flimkien ma' twissijiet ad hoc sa minn kmieni ta' żbilanċi potenzjali fis-suq tax-xogħol;

- Iżżid il-kapaċitajiet tal-UE fit-tagħlim metodoloġiku, analitiku u reċiproku għall-antiċipazzjoni tal-ħiliet u l-impjiegi. Sa mill-2009, il-Kummissjoni ser tikkonċentra l-isforzi tal-PROGRESS u programmi ta’ Tagħlim li jtul għall-Ħajja kollha biex tiżviluppa metodi ġodda tal-kejl tal-kompetenzi;

- Iżżid il-kapaċità tal-UE biex tivvaluta l-effetti fuq l-impjiegi ta' tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju.

In-negozji għandhom sehem ewlieni x'iwettqu fil-valutazzjoni tal-bżonnijiet tal-ħiliet, u għandhom ikunu involuti b'mod attiv f'din l-inizjattiva. Il-Kummissjoni se:

- Iġġib il-quddiem djalogu bejn in-negozju u l-edukazzjoni u dawk li jipprovdu t-taħriġ, għat-twaqqif ta' sħubija biex tindirizza l-bżonnijiet tal-ħiliet fuq perjodu medju; u tipprovdi intwizzjoni fuq l-aspettattivi tal-impjegati fir-rigward tal-istudenti u gradwati, permezz ta' studji prospettivi ta' kwalità bħal "Konverġenza tal-Istrutturi tal-Edukazzjoni fl-Ewropa";

- Tkabbar l-għarfien, il-konoxxenza u l-involviment tan-negozji fit-tbassir tal-ħiliet meħtieġa, permezz ta' għodda ta' stħarriġ għal min iħaddem u studji kwalitattivi fuq il-ħiliet meħtieġa tan-negozju, b'mod partikolari l-SMEs;

- Tgħin lill-pjattaformi ta' kumpaniji, lil dawk li jipprovdu t-taħriġ u l-ispeċjalisti fir-reklutaġġ biex ifasslu flimkien korsijiet speċifiċi ta' taħriġ u jorganizzaw ta' kull sena avveniment : "Sħubija għall-ħiliet u l-impjieg", biex jirrikonoxxu s-sħubija l-iktar innovattiva tat-tlaqqigħ tal-provvista u d-domanda tal-ħiliet.

Il-livell tas-settur hu ta' relevanza speċjali meta nħarsu lejn l-adattament għall-bidla. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, sħab soċjali u l-aġenziji tal-UE Eurofound u Cedefop, diġa żviluppaw prospettiva metodoloġika previżta bejn is-setturi għall-antiċipazzjoni tal-bżonnijiet tal-ħiliet tas-setturi, li tagħti xenarji għall-evoluzzjoni tas-setturi u l-impatt fuq il-professjoni u l-impjieg. Il-Kummissjoni ser:

- Tipprovdi analiżi tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol tas-setturi ewlenin. Ser ikunu disponibbli f'nofs l-2009 riżultati komprensivi għas-16–il settur li jkopru 75% mit-total tas-settur privat tal-impjiegi tal-UE, li jipprovdu stampa kompleta tad-domanda għax-xogħol u l-implikazzjonijiet tagħhha għar-ristruturazzjoni;

- Tiddiskuti mal-partijiet interessati, b'mod partikolari s-settur eżistenti tal-kumitati tad-djalogu soċjali, il-possibiltà tat-twaqqif ta' "kunsilli settorjali fuq l-impjieg u l-ħiliet" fuq livell tal-UE, biex tiġbor informazzjoni disponibbli fl-Istati Membri u r-reġjuni u tipprovdi gwida mfassla mill-partijiet interessati u mis-sistemi tal-edukazzjoni u taħriġ.

Sabiex titfassal fuq l-esperjenza tal-Istati Membri, sħab kummerċjali u soċjali, dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, akkademiċi u istituzzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni ser tistabbilixxi grupp żgħir ta' esperti biex isostnu l-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda. Tul iż-żmien ta' sena waħda, il-grupp ser jipprovdi kompetenza u pariri dwar l-analiżi, il-metodoloġiji komuni u r-reazzjonijiet tal-politika.

3.3. Approfondiment tal-kooperazzjoni internazzjonali

L-UE u ekonomiji oħra huma affetwati mit-tendenzi globali u sfidi, li min-naħa tagħhom għandhom impatt dirett fuq is-swieq tax-xogħol tal-UE; djalogu ta' politika u skambju ta' esperjenzi mal-imsieħba globali tagħna jistgħu jikkontribwixxu biex jagħtu forma lil dawn l-isfidi tal-llum u ta' għada. Flimkien mal-kooperazzjoni kontinwa mas-46 pajjiż membru tal-proċess ta' Bologna għal riforma tal-edukazzjoni ogħla, il-Kummissjoni ser tintensifika l-kooperazzjoni tal-pajjiżi terzi u istituzzjonijiet internazzjonali. B'mod partikolari, hija se:

- Tipparteċipa b'mod attiv fil-programm ġdid tal-OECD "Programm għall-Valutazzjoni tal-Kompetenzi tal-Adulti (PIAAC), flimkien mal-Programmi li għaddejjin bħalissa PISA u AHELO dwar ir-riżultati tal-istudenti u l-edukazzjoni għolja. Il-Kummissjoni ser tikkoopera wkoll mal-OECD fl-iżvilupp ta' studji kwalitattivi dwar l-evoluzzjoni tad-domanda tal-ħiliet u l-indikaturi tan-nuqqas ta' tlaqqigħ;

- Tikkopera mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), b'mod partikolari bil-għan li tiżviluppa pjattaforma ta' qsim tal-għarfien u biex tivvaluta l-impatt globali tal-politika tal-bidla fil-klima dwar il-ħiliet u l-impjiegi;

- Tkabbar id-djalogi bilaterali ta' bħalissa mal-pajjjiżi terzi, b'mod partikolari maċ-Ċina, l-Indja, l-USA u l-Kanada, li jwasslu għal riċerka konġunta u kooperazzjoni dwar it-tbassir u l-metodoloġija;

- Tiżviluppa mal-pajjiżi ġirien u fi ħdan l-Isħubija tal-Lvant id-djalogu tal-politika u fi ħdan l-Unjoni għall-Mediterran appoġġjati mill-Fundazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, partikolarment biex tiżviluppa s-settur tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ (VET) u oqfsa ta’ kwalifiki nazzjonali.

3.4. Immobilizzar tal-istrumenti tal-Komunità

Il-preparazzjoni għall-irkupru permezz tal-aġġornar radikali tal-kapaċitajiet jirnexxi biss permezz ta' sforz komuni tal-partijiet kollha interessati fl-Istati Membri, bil-kontribuzzjoni tal-politiki Komunitarji, strumenti finanzjarji u proċessi:

- L-Istrateġija tat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi u l-programmi Reċiproċi ta' Tagħlim fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni jipprovvdu qafas ġenerali ta' politika għall-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda. Il-Pjan tal-Irkupru tal-Kummissjoni jissottolinja li enfasi b'saħħitha fuq il-politiki ta' flessigurtà, b'attenzjoni speċjali fuq miżuri ta' attivazzjoni, taħriġ mill-ġdid u aġġornar tal-ħiliet, hija essenzjali biex iġġib 'il quddiem kapaċità tal-impjieg u integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol;

- Il-qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ jista' jistimula sħubija innovattiva bejn dawk li jipprovdu l-edukazzjpni u t-taħriġ u l-atturi soċjali u ekonomiċi, biex jġibu 'l quddiem sistemi iktar flessibbli u mmexxijin mid-domanda. L-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għandu jżid it-trasparenza tal-kwalifiki u jagħmel eħfef l-aċċess għal iktar tagħlim. Il-proċess ta' Kopenħagen dwar il-kooperazzjoini fil-VET ser jinkludi prijorità ġdida biex iġġib 'il quddiem ir-rabtiet mas-suq tax-xogħol;

- Il-"Il-Ħames Libertà" – il-moviment ħieles tat-tagħlim – mitlub mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008, ser jagħti l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp tal-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda Ser jinkoraġġixxi l-mobilità ta' ħaddiema b’għarfien mal-fruntieri u s-setturi u b'hekk igħin fil-tqabbil bejn id-domanda u l-provvista fil-livell ta' kapaċità għolja;

- L-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda hija kollha kemm hi skont l-għanijiet tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Diversi Stati Membri diġa identifikaw bħala prijorità fl-ipprogrammar tagħhom tal-ESF 2007-2013 l-iżvilupp tal-politiki u servizzi biex jindirizzaw bżonnijiet ta' kapaċitajiet u nuqqasijiet ta' qbil fis-suq tax-xogħol, inklużi azzjonijiet bil-għan ta' bilanċ aħjar bejn is-sessi u gwida dwar għażliet edukattivi. Il-Kummissjoni ser tipprovdi politika ta' gwida għall-Istati Membri dwar l-aħjar użu tal-fondi ESF;

- Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jista' wkoll jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' ħiliet u antiċipazzjoni, billi jġib 'il quddiem tbassir teknoloġiku, innovazzjoni, riċerka u żvilupp u infrastruttura komunikattiva u pemezz ta’ kooperazzjoni trans-konfinali bejn l-organizzazzjonijiet ta' edukazzjoni u taħriġ;

- Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEIR) jinvesti fl-innovazzjoni, teknoloġiji ġodda, riċerka u żvilupp, u jappoġġja l-aġġornar tal-ħiliet tal-bdiewa, speċjalisti forestali u dawk li jipproċessaw l-ikel kif ukoll lill-popolazzjoni rurali iktar wiesgħa permezz ta' taħriġ, informazzjoni u diffużjoni ta' azzjonijiet ta' għarfien.

- Il-proposta tal-Kummissjoni biex temenda r-Regolament tal-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAĠ) ser tippermetti attivitajiet ta' aġġornar għat-tisħiħ tal-ħiliet;

- Il-Fond Ewropew għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jista' wkoll jikkontribwixxi – jikkumplimenta lill-FSE – fl-aġġornar u l-addattament tal-ħiliet tal-immigranti, b'mod partikolari billi jappoġġja miżuri ta' qabel il-vjaġġ (eż. taħriġ vokazzjonali u lingwistiku) fil-pajjiż minn fejn ikunu ġejjin, u korsijiet lingwistiċi fl-Istati Membri ta' residenza;

Id-djalogu soċjali Ewropew huwa strument ewlieni għall-mobilitazzjoni tal-isħab soċjali biex jinvestiu fil-ħiliet it-tajba permezz ta' edukazzjoni u tagħlim li jtul għall-ħajja kollha. Il-Kummissjoni ser tistieden imsieħba soċjali biex jiżviluppaw inizjattivi konġunti biex jġibu 'l quddiem it-tbassir u l-aġġornar tal-ħiliet, u biex jakkumpanjaw ristrutturazzjoni għal żmien qasir.

***

L-aġġornar tal-ħiliet huwa ta' importanza kritika għall-futur tal-Ewropa; hekk ukoll, speċjalment illum, huwa tlaqqigħ aħjar bejn il-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. L-inizjattiva Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda tagħmel enfasi fuq il-bżonn ta' edukazzjoni iktar effettiva u politiki ta' taħriġ u modernizzar tas-swieq tax-xogħol permezz ta' politiki ta' flessigurtà. Hija tipproponi sforz kollettiv lejn valutazzjoni komprensiva ta' ħiliet futuri u bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, fi sħab mal-Istati Membri, kumpaniji u partijiet oħra interessati. L-inizjattiva għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-istrateġija għat-Tkabbir Eekonomiku u l-Impjiegi, biex ttaffi l-impatt tal-kriżi ta' bħalissa fir-rigward ta' impjiegi u ħiliet, u tkabbar il-kompetittività għat-tul taż-żmien u l-ekwità. Fi sħab mal-Istati Membri, il-Kummissjoni ser tivvaluta l-effettività tal-miżuri fuq bażi kontinwa, u dan tibda tagħmlu fir-rapport tal-ewwel sentejn fl-2010.

[1] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM (2008)

[2] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Effiċjenza u Ekwità fis-Sistemi tal-Edukazzjoni u Taħriġ", COM (2006) 481, 8.09.2006

[3] "Qafas Ewropew ta’ Referenza dwar il-Kompetenzi Ewlenin għal Tagħlim tul il-Ħajja", Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/962/KE tat-18.12.2006.

[4] Ir-Rapport tal-Kummissjoni fuq l-ekwità bejn l-irġiel u n-nisa 2009, għandu jiġi ppublikat. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà" COM (2007) 498 finali, 4.09.2007.

[5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa" COM (2008)359 final, 17.06.2008

[6] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn Prinċipji Komuni tal-Flessigurtà", COM(2007) 359, 27.06.2007. Rapport dwar il-Missjoni għall-Flessigurtà lill-Kunsill, Diċ. 2008.

[7] Dwar ir-restrizzjonijiet u l-metodoloġija tat-tbassir, ara d-Dokument ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni (SWD).

[8] Cedefop, Ħiliet futuri mehtiega fl-Ewropa. Attenzjoni speċjali għall-2020Lussemburgu , 2008

[9] Din il-valutazzjoni preliminari ma tinkludix lill-Bulgarija u r-Romanija. Huma se jiġu inklużi fl-ewwel aġġornament tal-projezzjonijiet.

[10] ILO, Impjiegi ħodor : fatti u figuri, 2008

[11] Ara l-ewwel Rapport Demografiku tal-Kummissjoni, SEC (2007) 638, 11.05.2007.

[12] SWD paġna 18

[13] SWD paġna 30

[14] SWD paġna 31

[15] EURES, il-portal tas-Servizzi tax-Xogħol Ewropej, (http://eures.europa.eu) fil-preżent jinkludi 1.2 miljun offerti tax-xogħol, fuq 300,000 CV u 17,700 impjegat reġistrat. Jipprovdi anke informazzjoni meħtieġa għall-mobilità professjonali fl-Ewropa. PLOTEUS, il-Portal dwar l-Opportunitajiet ta’ Tagħlim maż-Żona Ewropea, (http://ec.europa.eu/ploteus/) jirċievi fuq 800,000 viżta kull sena. EURAXESS, il-websajt tar-Riċerkaturi f'Mmoviment, tinkludi Portal ta' Impjiegi (http://ec.europa.eu/euraxess/jobs) iddedikat lil dawk li jħaddmu u l-impjegati b'profil ta' riċerka; Din tippublika 5000 offerta għax-xogħol ta' kull sena.

[16] Għal għarfien kumplessiv tal-inizjattivi nazzjonali, ara SWD, kapitlu 3.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet