Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport ta' nofs it-terminu dwar l-istat ta' programm tal-pjan ta' strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010)
/* KUMM/2008/0760 finali */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |
Brussel 26.11.2008
KUMM(2008) 760 finali
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport ta' nofs it-terminu dwar l-istat ta' programm tal-pjan ta' strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010)
1. INTRODUZZJONI
Ħamsin sena ta' politika Komunitarja favur l-ugwaljanza wasslu għall-progress tal-qagħda tan-nisa. Madankollu, l-inugwaljanzi jippersistu f'bosta oqsma u l-iżviluppi, b'mod partikolari fil-kuntest tal-globalizzazzjoni u l-bidliet demografiċi, ħolqu sfidi ġodda li għandhom jingħelbu biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
Huwa xogħol l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, fil-qafas ta' azzjoni miftiehma, li jmexxu 'l quddiem l-ugwaljanza. Il-pjan ta' strateġija adottat f'Marzu 2006[1] ippreżenta l-impenji tal-Kummissjoni favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għall-perjodu 2006-2010. F'Marzu 2006 ukoll, il-Kunsill Ewropew, fil-Patt Ewropew għall-ugwaljanza[2], ħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-kunsiderazzjoni tal-ugwaljanza u jsostnu l-għanijiet tal-pjan ta' strateġija.
F'dan il-pjan ta' strateġija, il-Kummissjoni ħabbret l-azzjonijiet li kien biħsiebha tmexxi fis-sitt oqsma politiċi: indipendenza ekonomika l-istess għan-nisa u l-irġiel, il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja privata u professjonali, rappreżentanza indaqs fit-teħid tad-deċiżjoni, il-qerda ta’ kull forma ta’ vjolenza bbażata fuq is-sess, l-eliminazzjoni tal-isterjotipi sesswali u l-promozzjoni tal-ugwaljanza fil-politiki esterni u ta’ żvilupp. Hi timpenja ruħha wkoll sabiex tiżgura s-segwitu u l-valutazzjoni tal-pjan ta' strateġija. Tfasslu żewġ programmi ta' ħidma[3] mill-adozzjoni tiegħu. Dan ir-rapport ta' nofs it-terminu jiddeskrivi kif, minn Marzu 2006, l-azzjonijiet ikkontribwixxew biex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan ta' strateġija. Valutazzjoni finali tal-pjan ta' strateġija hi prevista fl-2010.
2. TWETTIQ TAL-GħANIJIET TAL-PJAN TA’ STRATEġIJA
2.1. It-twettiq tal-indipendenza ekonomika għan-nisa u l-irġiel
Il-pjan ta' strateġija tenna li l-ugwaljanza ekonomika bejn in-nisa u l-irġiel se tintlaħaq biss jekk ikun hemm sehem akbar tan-nisa fl-impjieg. Ir-rata ta' impjieg tan-nisa fl-Unjoni se tilħaq probabbilment ħafna l-għan ta' 60 % fl-2010. Madankollu, id-diskrepanza bejn in-nisa u l-irġiel tibqa' għolja (15 %). Il-komunikazzjoni " Niġġieldu d-diskrepanza fil-paga "[4] enfasizzat l-impenn tal-Kummissjoni beix tneħħi din id-diskrepanza u ppreżentat linji ta' azzjoni. Din impenjat ruħha b'mod partikolari sabiex tanalizza l-qafas leġiżlattiv biex tiddetermina jekk jeħtieġx li dan jiġi revist biex tissaħħaħ l-effiċjenza. Madankollu, il-leġiżlazzjoni mhix biżżejjed biex tneħħi dak li jibqa' fenomenu kumpless, li jispjega ruħu bl-akbar preżenza tan-nisa fis-setturi ta' attivitajiet l-inqas imħallsa jew fl-impjiegi l-aktar prekarji. Jeħtieġ ukoll li titjieb il-kwalità tal-impjieg tan-nisa, qasam ippreżentat fir-rapport 2008 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel[5].
Saru bosta inizjattivi previsti fil-pjan ta' strateġija biex jikkunsidraw aħjar il-kwistjonijiet ta' ugwaljanza fiċ-ċiklu l-ġdid 2008-2010 tal- istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi . L-analiżi tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata l-politika tal-ugwaljanza fl-istrateġija ta' Liżbona wriet li ngħatat wisq ftit attenzjoni lil din il-politika. F'dan il-kuntest, il-pubblikazzjoni ta' gwida dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki għall-impjiegi[6] ntlaqat tajjeb ħafna mill-Istati Membri.
Sabiex jiżdied is-sehem għall-impjieg, jeħtieġ li jingħata valur akbar bis-sħiħ lill-potenzjal tal-ħidma rrappreżentata min-nisa u jitkabbar l-impenn tal-parteċipanti ekonomiċi kollha. Il-Kummissjoni analizzat id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom in-nisa biex isiru kapijiet ta' impriża u sostniet b'mod partikolarti n-netwerk tan- nisa imprendituri . Dan l-aħħar, il-Kummissjoni adottat regolament li, fil-prinċipju, jestendi l-awtorizzazzjoni tal-għajnuniet Statali b'mod partikolari għall-impriżi l-ġodda maħluqa min-nisa[7]. Il-prattiċi maħsuba jħeġġu ugwaljanza akbar bejn in-nisa u l-irġiel ġew sostnuti wkoll fil-qafas tar-responsabbiltà soċjali tal-impriżi.
Ix-xjuħija tal-popolazzjoni, li hi ta' piż b'mod partikolari għall-vijabbiltà tas-sistemi ta' ħarsien soċjali, teħtieġ modernizzazzjoni li tikkunsidra l-qagħda tan-nisa u tal-irġiel. Huwa f'dan id-dawl li l-Kummissjoni analizzat il-mod kif l-għan tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tħares fil-programmi nazzjonali tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK) fil-qasam tal-ħarsien soċjali[8] u tal-inklużjoni soċjali u li tfasslet gwida biex issaħħaħ il-ħila tal-parteċipanti sabiex iħeġġu l-ugwaljanza ta' dawn il-politiki[9].
Il-bżonnijiet tan-nisa u tal-irġiel fil- qasam tas-saħħa u tal-aċċess għall-bżonnijiet tqiesu fil-kuntest tal-MMK fis-settur tas-saħħa u tal-kuri fit-tul. Ir-rapport konġunt dwar il-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali[10] fakkar id-differenzi bejn is-sessi f'dak li għandu x'jaqsam mat-titjib globali tas-saħħa u l-aċċess għall-kura skont il-gruppi soċjali. L-istrateġija tal-Unjoni rigward is-saħħa (2008-2013)[11] stiednet lill-Kummissjoni sabiex tqis id-dimensjonijiet speċifiċi tas-saħħa tan-nisa u tal-irġiel. Il-programm ta' azzjoni għas-saħħa[12] ħaseb li jtejjeb l-għarfien rigward il-bżonnijiet tan-nisa u tal-irġiel fil-qasam tas-saħħa pubblika u li jsostni inizjattivi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel.
In-nisa aktar jinsabu fir-riskju li jsibu ruħhom f'sitwazzjonijiet ta' faqar milli l-irġiel. Huwa għalhekk li ġew identifikati bħala grupp ta' mira għas-Sena Ewropea tal-Ġlieda Kontra l-Faqar fl-2010. In-nisa jidhru fost il-gruppi l-inqas vantaġġjati u huma ta' spiss suġġetti għal bosta diskriminazzjonijiet. Id-diskussjoni dwar il-ġejjieni tal-politiki tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet[13] issejset fuq l-esperjenzi tas- Sena Ewropea 2007 ta' opportunitajiet indaqs għal kulħadd biex tippreżenta l-bżonn tal-ġlieda kontra kull tip ta' diskriminazzjoni. L-azzjonijiet favur il-komunità Roma wrew ukoll li jeħtieġ li jiġu integrati l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza fl-istrumenti kollha ta' implimentazzjoni.
L-inugwaljanzi jikkonċernaw b'mod partikolari lin-nisa li jagħmlu parti minn minoritajiet etniċi u n-nisa immigranti , li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni ta' migranti fl-Unjoni[14]. Id-definizzjoni tal-istrateġija għall-politika migratorja[15] qieset din is-sitwazzjoni, b'mod partikolari rigward is-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-ħarsien tan-nisa vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Il-Kummissjoni kienet attenta għall-kundizzjoni tan-nisa fis-segwitu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva[16] rigward il-permess għal residenza mogħti liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll xogħlijiet ta' tfassil tad-direttiva qafas[17] rigward id-drittijiet tal-ħaddiema migranti aċċettati fl-UE għal finijiet ta' impjieg b'kwalifiki għolja.
Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tinvolvi l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi kollha. Il- Fondi Ewropej 2007-2013 tal-politika ta' koeżjoni[18],[19],[20] tal-iżvilupp rurali[21] u tas-sajd[22] huma lieva essenzjali għall-politika ta' ugwaljanza f'bosta oqsma. Fil-qafas tan-negozju tal-programmi, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jintegraw l-għanijiet tal-ugwaljanza biex jitħaffef l-aċċess għall-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, jippromwovu s-sehem għat-teħid ta' deċiżjoni u jsaħħu l-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u tal-ħajja privata.
2.2. Titjib tal-konċiljazzjoni tax-xogħol, tal-ħajja privata u tal-familja
Minkejja sehem aktar bilanċjat għall-impjieg, in-nisa jissoktaw ikollhom l-akbar parti tar-responsabbiltajiet tal-familja u tad-dar. It-twettiq tal-għanijiet rigward l-impjiegi jgħaddi mit-tisħiħ tal-politiki rigward il- konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, il-ħajja privata u l-ħajja tal-familja , sabiex jagħtu valur lill-potenzjal tax-xogħol fl-Unjoni. Il-Kummissjoni pproponiet prinċipji komuni ta' "flessigurtà"[23] sabiex jippromwovu s-swieq tax-xogħol aktar mitfuħa, aktar flessibbili u aċċessibbli għal kulħadd, li għandhom aċċess ugwali għall-impjiegi ta' kwalità għan-nisa u għall-irġiel u li joffru l-possibbiltajiet li tikkonċilja l-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja.
Id-diskussjoni dwar l-isfidi demografiċi l-ġodda kienet fuq il-bżonn ta' ugwaljanza akbar bejn in-nisa u l-irġiel u l-modernizzazzjoni tal-politiki tal-familja sabiex titħeġġeġ aħjar is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet[24]. Il-Kummissjoni ħeġġet ukoll il-proċess ta' skambju implimentat mill-Alleanza Ewropea għall-familji[25].
Fl-aħħar, il-Kummissjoni ressqet qafas politiku ġdid sabiex " tirdoppja l-isforzi biex tikkonċilja aħjar il-ħajja professjonali, il-ħajja privata u l-ħajja tal-familja "[26] u tilħaq l-għanijiet tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.
Ġew adottati proposti leġiżlattivi[27] biex, minn naħa, jissaħħu d-dritt tal-ħaddiema nisa għal-lif tal-maternità[28] u, min-naħa l-oħra biex jiżguraw it-trattament ugwali tal-ħaddiema indipendenti u tal-konjuġi li jgħinu fix-xogħol[29]. Il-Kummissjoni osservat il-progress imwettaq mill-Istati Membri għal dak li għandu x'jaqsam mal-għan li titjieb id-disponibbiltà tal-faċilitajiet tal-kura tat-tfal (għal 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età ta' skola u għal 33 % tat-tfal ta' inqas minn tliet snin)[30]. Fir-rapport tagħha[31], osservat li huma biss parti żgħira mill-Istati Membri li jilħqu dan l-għan. Issaħħqu miżuri għall-iżvilupp ta' faċilitajiet għall-kura tat-tfal u ddaħħlu b'mod partikolari fil-politika ta' koeżjoni. Barra minn hekk, l-imsieħba soċjali ġew ikkonsultati fuq il-bżonn tat-titjib tal-leġiżlazzjoni fuq bosta tipi ta' lif, u tnedew negozjati dwar il-lif tal-ġenituri.
2.3. Tħeġġiġ tas-sehem indaqs tan-nisa u l-irġiel u t-teħid ta' deċiżjoni
Is-sehem taċ-ċittadini kollha għall-proċess politiku u deċiżiv hu ħtieġa demokratika u ekonomika, kif ukoll kriterju prijoritarju tal-appartenenza għall-Unjoni. Involviment akbar tan-nisa fil- proċessi demokratiċi hu wieħed mill-prijoritajiet imsemmija fl-Ewropa għaċ-ċittadini[32]. Ittieħdu inizjattivi[33] biex isostnu d-dibattiti dwar il-kwistjonijiet Ewropej u s-sehem taż-żgħażagħ u tan-nisa sabiex jgħaddu l-aspirazzjonijiet tagħhom rigward l-Ewropa.
Fuq il-bażi tat-tagħrif l-aktar riċenti, ir-rapport dwar "in-nisa u l-irġiel fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-2007" wera li, għalkemm sar progress li ma jistax jiċċaħħad, in-nisa qatt ma huma rrappreżentati biżżejjed fl-isferi kollha ta' setgħa fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, kif ukoll fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Kummissjoni sostniet l-azzjoni tal-Istati Membri f'dan il-qasam: hi ġabret, analizzat u xerdet it-tagħrif li jista' jitqabbel u ħeġġet in-netwerks bejn il-partijiet interessati. B'dan il-għan, inħoloq netwerk Ewropew għat-tħeġġiġ tan-nisa fil-karigi ta' teħid ta' deċiżjonijiet politiki u ekonomiċi. In-netwerk għaqqad għall-ewwel darba r-rappreżentanti tan-netwerks Ewropej fil-qasam sabiex jaġixxu f'sinerġija.
Fis-settur pubbliku tar- riċerka , l-Unjoni ffissat l-għan ta' 25 % tan-nisa fil-karigi b'responsabbiltajiet[34]. Dan l-għan twettaq permezz ta' sensiela ta' azzjonijiet. Il-programmi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ[35] għandhom miżuri biex inaqqsu l-iżbilanċ fl-edukazzjoni u l-karrieri xjentifiċi u tekniċi. Is-7 programm-qafas għall-attivitajiet ta' riċerka[36] jintegra l-kunsiderazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. L-iżviluppi tal-karrieri tan-nisa ġew analizzati biex jippromwovu lin-nisa fl-istituzzjonijiet pubbliċi ta' riċerka, b'mod partikolari permezz tax-xogħlijiet ta' esperti fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tar-riċerka[37].
Intweriet il-parti preponderanti tal-irġiel fost il-ħaddiema tas-settur tat- teknoloġiji ġodda tal-komunikazzjoni (TĠK)[38] u ġiet proposta strateġija sabiex tħeġġeġ lin-nisa jkollhom karrieri marbuta mat-TĠK. Il-Kummissjoni kooperat ukoll mal-parteċipanti nazzjonali fil-qafas ta' kampanja maħsuba biex tħeġġeġ lin-nisa żgħażagħ sabiex jagħżlu karrieri xjentifiċi jew ta' inġiniera.
2.4. Qerda tal-vjolenza mabuta mas-sess u l-ittraffikar tal-bnedmin
Il-Kummissjoni hi mħassba ħafna minħabba l-għadd ta' nisa vittmi ta' vjolenza domestika, tal-kobor tal-ittraffikar tal-bnedmin u tal-prostituzzjoni, u tal-persistenza ta' atti kriminali mwettqa taħt il-kopertura ta' tradizzjonijiet u tar-reliġjon.
L-azzjonijiet għall- prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull tip ta' vjolenza , kontra n-nisa b'mod partikolari, se jitwettqu permezz tal-programm Daphne III[39], li jsostni l-isforzi tal-Istati Membri u tal-NGOs għall-vittmi u dawk li jwettqu l-atti ta' vjolenza. L-għadd kbir ta' atti ta' vjolenza fost iż-żgħażagħ wassal lill-Kummissjoni sabiex iżżomm il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa fost il-proġetti tal-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni[40].
Il-pjan ta' azzjoni tal-Unjoni għall-ġlieda kontra t- traffikar tal-bnedmin iħeġġeġ l-użu tal-istrumenti kollha. Tfassal qafas komuni maħsub jiddefinixxi indikaturi u jiġbor tagħrif rigward l-ittraffikar tal-bnedmin[41] sabiex isir magħruf aktar il-kobor tiegħu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjonijiet dwar l-identifikazzjoni u l-għajnuna għall-vittmi tal-ittrafikar u sostniet lill-parteċipanti ewlenin u azzjonijiet bħall-Jum kontra t-traffikar tal-bnedmin.
2.5. It-tneħħija tal-isterjotipi marbuta mas-sess
Il-pjan ta' strateġija, filwaqt li identifika l-ġlieda kontra l-isterjotipi bħala qasam prijoritarju, fakkar li l- isterjotipi femminili u maskili huma l-kawża ta' bosta inugwaljanzi. Dan l-aħħar, il-Kummissjoni reġgħet tennet mill-ġdid li jeħtieġ li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel tiġi integrata fil-politiki taż-żgħożija[42]. Il-programm ta' edukazzjoni skolastiku maħsub għall-kooperazzjoni bejn l-iskejjel daħħal it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel fost l-għanijiet tiegħu.
L-isterjotipi sessisti jinfluwenzaw id-direzzjoni lejn ċerti oqsma ta' edukazzjoni u, bħalma saħqet il-Kummissjoni[43], iwasslu sabiex l-akbar għadd ta' nisa jinsab fil-professjonijiet l-inqas imħallsa. L-għanijiet iffissati mill-Kunsill Ewropew huma maħsuba jżidu b'15 % l-għadd ta' diplomi fil-matematika, xjenza u teknoloġija billi jnaqqsu fl-istess ħin l-iżbilanċ bejn in-nisa u l-irġiel[44]. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u jitnaqqsu l-isterjotipi b'mod ġenerali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel ġiet integrata bħala prijorità speċifika fil-programmi Komunitarji rigward l-edukazzjoni u t-taħriġ[45].
Il-perċezzjonijiet influwenzati mill-isterjotipi dwar il-ħila tan-nisa biex iwettqu ċerti karigi fi ħdan l-impriżi, wasslu lill-Kummissjoni biex tniedi azzjonijiet ta' tqajjim tal-kuxjenza mal-impriżi.
2.6. Tħeġġiġ tal-ugwaljanza bejn is-sessi barra l-UE
Il-pjan ta' strateġija tenna mill-ġdid l-impenn tal-Kummissjoni rigward il-prinċipji ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel magħrufa internazzjonalment fid- Dikjarazzjoni għall-Iżvilupp tal-Millennju u l-Pjattaforma ta' Beijing għall-Azzjoni.
B'mod partikolari, l-istrateġija tal-Unjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil- politika għall-iżvilupp[46] , li se tiġi segwita minn pjan ta' azzjoni, saħħet il-kunsiderazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-relazzjonijiet esterni tal-UE. Il-promozzjoni tal-ugwaljanza fl-istrateġiji skont il-pajjiż imfassla fil-qafas tal- 10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp[47] ġiet sostnuta mit-tfassil ta' linji gwida għall-programmazzjoni u mis-segwitu tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza fil-pjanijiet nazzjonali.
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel issaħħet ukoll fil-qafas tas- sħubija ewro-mediterranja u l-Qafas ta' azzjoni ta' Istanbul wassal għal sensiela ta' impenji u għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi favur id-drittijiet tan-nisa u s-sehem sħiħ tagħhom fl-oqsma ċivili, politiċi, soċjali, ekonomiċi u kulturali.
L- istrument Ewropew il-ġdid għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem[48] jipprevedi li jsostni l-ugwaljanza u d-drittijiet tan-nisa f'bosta oqsma, b'mod partikolari s-sehem tan-nisa għall-politika, il-ġlieda kontra l-vjolenza d-dar u l-mutilazzjonijiet ġenitali.
L-" Inizjattivi għat-twaqqif tal-paċi " u s-Sħubija KE/NU għall-iżvilupp u l-paċi ppermettew li jiġu sostnuti bosta azzjonijiet rigward il-qagħda u r-rwol tan-nisa fil-kunflitti armati u wara l-kunflitt u l-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill ta' sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. B'mod partikolari, l-organizzazzjoni mill-Kummissjoni tal-konferenza internazzjonali "In-nisa fl-istabbilizzazzjoni ta' dinja inċerta" ikkonkretizzat l-appoġġ politiku f'dawn l-oqsma.
Pilastru tal-programm tematiku " Investiment fir-riżorsi umani "[49] hu kkonsagrat għall-ugwaljanza biex jitmexxu, pereżempju, proġetti rigward is-sehem tan-nisa għat-teħid ta' deċiżjonijiet jew l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Programmi ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi sostnew ukoll ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà jew proġetti ta' mobbiltà taż-żgħażagħ[50].
L-UE tenniet il-prinċipji rigward l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-kunsens Ewropew dwar l- għajnuna umanitarja [51] u impenjat ruħha, fil-pjan ta' azzjoni tagħha[52], sabiex tippromwovi s-sehem tan-nisa u l-ħarsien kontra l-vjolenza sesswali u sessista fl-għajnuna urġenti.
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil- politika kummerċjali tal-UE tagħmel parti minn qafas akbar tal-iżvilupp sostenibbli u tħeġġeġ l-applikazzjoni tan-normi fondamentali tax-xogħol fin-negozjati kummerċjali u l-kooperazzjoni mal-ILO dwar id-dimensjoni tax-xogħol diċenti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.
Il- politika ta' tkabbir wasslet lill-pajjiżi kandidati u lill-pajjiżi kandidati potenzjali sabiex jarmonizzaw ruħhom mal-acquis Komunitarju u n-normi Ewropej rigward l-ugwaljanza u biex joħolqu strutturi istituzzjonali u amministrattivi xierqa.
3. TITJIB TAL-GOVERNANZA
L-għanijiet tal-ugwaljanza ma jistgħux jitwettqu mingħajr impenn mill-partijiet interessati kollha. Il-Kummissjoni kollaborat mal-Istati Membri fil-qafas tal-grupp ta' livell għoli ta' rappreżentanti għall-kwistjonijiet ta' ugwaljanza, fil-kuntest tax-xogħlijiet tal-Kunsill (b'mod partikolari tat-"Triji" tal-presidenzi), għall-organizzazzjoni tal-konferenza tal-presidenzi u fi ħdan il-Kumitat konsultattiv. L-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew irrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-qafas ta' azzjoni tagħhom għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa[53]. L-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili ġew iffinanzjati sabiex iżommu djalogu u jsostnu l-azzjoni ta' promozzjoni tagħhom tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
Twettqu bosta attivitajiet sabiex isaħħu l-istrumenti favur l-ugwaljanza. Ġie stabbilit netwerk Komunitarju ta' entitajiet responsabbli mill-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel[54] sabiex jiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-liġi Ewropea f'dan il-qasam. Kull sena, esperti ġuridiċi analizzaw il-progress fuq livell tal-liġi Komunitarja u l-effiċjenza tal- leġiżlazzjoni b'mod partikolari fil-qasam tat-trattament ugwali[55]. Barra minn hekk, jingħataw tagħrif u pariri dwar id-drittijiet rigward l-ugwaljanza liċ-ċittadini.
Il-Kummissjoni għamlet progress biex tintegra aħjar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki u l-programmi kollha tal-Unjoni b'kunsiderazzjoni għall-impatt dwar in-nisa u l-irġiel u billi tesplora l-possibbiltajiet li tintegra l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil- proċess baġitarju .
Il-Kummissjoni assigurat ukoll il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fi ħdan l-amministrazzjoni tagħha stess fil-qafas tar-4 programm ta' azzjoni favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel[56].
B'mod ġenerali, ix-xogħlijiet fuq l- indikaturi ssodisfaw l-impenji internazzjonali tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni kkooperat ma' dawn tal-aħħar biex tiżviluppa indikaturi li għandhom x'jaqsmu mal-qafas tal-Pjattaforma ta' Beijing għall-Azzjoni.
Sabiex tiżdied id-disponibbiltà tat-tagħrif armonizzat fuq livell Ewropew u jikkomplementaw l-indikaturi eżistenti[57], saru xogħlijiet b'mod partikolari fuq l-użu tal-kalendarju, id-diskrepanza fil-pagi u fuq it-tfassil ta' indiċi Ewropew għall-ugwaljanza.
Bosta azzjonijiet tal-pjan ta' strateġija ġew iffinanzjati mill-programm PROGRESS[58] , b'mod partikolari l-azzjonijiet ta' koordinazzjoni u ta' implimentazzjoni trasversali tal-għanijiet ta' ugwaljanza, kif ukoll għat-tisħiħ tal-komunikazzjoni dwar il-politika ta' ugwaljanza.
Fl-aħħar, attwalment twaqqaf Istitut Ewropew għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel[59] .
4. KONKLUżJONIJIET
Il-pjan ta' strateġija jikkostitwixxi qafas politiku ambizzjuż għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni. Hu ppermetta wkoll li jiżgura l-koerenza u l-viżibbiltà tal-azzjonijiet immexxija mill-Kummissjoni u serva wkoll ta' referenza għall-Istati Membri li mexxew xogħlijiethom stess f'rigward tal-għanijiet komuni ddefiniti fil-pjan ta' strateġija, fil-Patt għall-ugwaljanza u fl-impenji internazzjonali tal-pjattaforma ta' Peking.
Twettaq progress importanti u l-għanijiet ta' ugwaljanza ġew ikkunsidrati b'mod ħafna aktar konkret fil-politiki kollha rreġistrati fil-pjan ta' strateġija. L-iżviluppi l-aktar sinifikattivi jidhru marbuta mal-impenji tal-politiki tal-Unjoni filwaqt li l-għanijiet komuni kwantifikati jiggwidaw l-azzjoni Komunitarja.
Is-segwitu tal-pjan ta' strateġija wera li kważi l-azzjonijiet kollha miktuba fil-pjan ta' strateġija avvanzaw. Madankollu, il-progress mhux l-istess u jitfa' dawl fuq il-bżonn li jiġi ssoktat sal-2010. L-akbar diffikultà tal-implimentazzjoni tal-politika ta' ugwaljanza hi li tfiehem sew l-isfidi li toħloq. It-tqajjim tal-għarfien u s-sħubija għall-isfidi soċjali u ekonomiċi tal-għanijiet ta' ugwaljanza għandhom jissaħħu u dan jeħtieġ rieda politika qawwija.
Jeħtieġ, pereżempju, li jiġu sostnuti l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u b'mod partikolari l-politika ta' konċiljazzjoni fiċ-ċiklu 2008-2010 tal-istrateġija ta' Liżbona u l-MMK fil-qasam tal-ħarsien soċjali u tal-inklużjoni soċjali, u li jiġi vvalutat jekk l-impenji favur l-ugwaljanza fil-programmi tal-politika ta' koeżjoni, tal-edukazzjoni u tar-riċerka humiex imħarsa. Għandu jiġi segwit progress importanti rigward l-ugwaljanza fil-politiki esterni. Is-sehem bilanċjat tan-nisa fl-entitajiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi kif ukoll politiċi, għandu jitħeġġeġ fuq livell tal-Unjoni u fl-istrutturi mmexxija mill-Kummissjoni. Il-ħarsien kontra l-isterjotipi sessisti għandu jitjieb, b'mod partikolari permezz tad-djalogu mal-mezzi tax-xandir u maċ-ċittadini. L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel għandu jibda jaħdem mill-aktar fis possibbli. Fl-aħħar, l-isforzi komplementari rigward il-komunikazzjoni għandhom jispjegaw aħjar l-isfidi tal-politika tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Qabel l-elezzjonijiet fil-Parlament Ewropew f'Ġunju 2009, l-attivitajiet ta' komunikazzjoni se jimmiraw b'mod partikolari lin-nisa.
Il-Kummissjoni xtaqet tagħti ħajja ġdida lid-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea b'Aġenda Soċjali mġedda[60], li l-politika ta' ugwaljanza tagħha bejn in-nisa u l-irġiel tagħmel parti integrali minnha. L-Aġenda soċjali mġedda tipprevedi b'mod partikolari li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-politiki u l-attivitajiet tagħha.
Il-politiki dejjem għandhom impatt fuq in-nisa u l-irġiel meta jikkonċernaw iċ-ċittadin, l-ekonomija u s-soċjetà. Madankollu, dawn l-impatti ta' spiss mhumiex biżżejjed ikkunsidrati f'ċerti oqsma koperti mill-politiki Komunitarji. Huwa fl-oqsma fejn, tradizzjonalment, tingħata inqas attenzjoni lill-kwistjonijiet tal-ugwaljanza li wieħed għandu jkun b'mod partikolari viġilanti u jqajjem il-kuxjenza tal-partijiet interessati. Id-deċiżjonijiet politiċi u baġitarji għandhom iqisu l-bżonnijiet tal-irġiel u tan-nisa b'kunsiderazzjoni aktar sistematika tal-effetti tagħhom fuq l-individwi kollha.
Fl-2010, il-Kummissjoni se tivvaluta r-riżultati miksuba u se tħejji strateġija ta' segwitu tal-pjan ta' strateġija. Se tiġi organizzata konferenza fil-ħarifa tal-2009 biex tevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan ta' strateġija, timmobbilizza l-politiki u tqajjem il-kuxjenza tal-parteċipanti għall-isfidi tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
[1] COM(2006) 92 finali.
[2] Il-Kunsill 23/24 ta' Marzu 2006.
[3] SEC(2007) 537 SEC(2008) 338
[4] COM(2007) 424 finali.
[5] COM(2008) 10 finali.
[6] Gwida għall-ugwaljanza bejn is-sessi tal-politiki tal-impjieg, 2007.
[7] Ir-Regolament (KE) Nru 800/2008
[8] COM(2005) 706 finali.
[9] Manual for gender mainstreaming of social inclusion and social protection policies, 2008
[10] COM(2008) 42 finali.
[11] COM(2007) 630 finali.
[12] Id-Deċiżjoni Nru 1786/2002/KE.
[13] COM(2008) 420 finali.
[14] L-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Qagħda tan-Nisa Migranti fl-Unjoni Ewropea” tal-15.12.2007.
[15] COM(2008) 359 finali.
[16] Id-Direttiva 2004/81/KE
[17] COM(2007) 637 finali.
[18] Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 dwar il-Fondi Strutturali (il-Fond tal-Iżvilupp Reġjonali Ewropew u l-Fond Soċjali Ewropew) u l-Fondi ta' koeżjoni.
[19] Ir-Regolament (KE) Nru 1922/2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew.
[20] Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar il-Fond tal-Iżvilupp Reġjonali Ewropew
[21] Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005
[22] Ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006
[23] COM(2007) 359 finali.
[24] COM(2007) 244 finali.
[25] Il-Kunsill 8/9 ta' Marzu 2007.
[26] COM(2008) 635 finali.
[27] COM(2008) 636 u 637.
[28] Id-Direttiva 92/85/KE
[29] Id-Direttiva 86/613/KE
[30] Il-Kunsill 15/16 ta' Marzu 2007.
[31] COM(2008) 638 finali.
[32] Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE.
[33] COM(2005) 494 u COM(2008) 158.
[34] Il-Kunsill tat-18.4.2005.
[35] Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE.
[36] Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE.
[37] Mapping the maze: getting more women to the top in research, 2008
[38] Women in ICT, status and the way ahead, 2008
[39] Id-Deċiżjoni Nru 1720/2007/KE.
[40] Id-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE.
[41] COM(2006) 437 finali.
[42] Investiment fiż-żgħożija: strateġija ta' responsabilizzazzjoni, 2007.
[43] COM(2007) 498 finali.
[44] Il-Kunsill 5/9 ta' Mejju 2003.
[45] Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE.
[46] COM(2007) 100 finali.
[47] Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006
[48] Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006
[49] COM(2006) 18 finali.
[50] Id-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE.
[51] ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1
[52] SEC(2008) 1991.
[53] Framework of actions on gender equality second follow-up report 2007
[54] Id-Direttiva 2002/73/KE
[55] Id-Direttiva 2004/113/KE
[56] SEC(2007) 1506/2
[57] COM(2006) 92.
[58] Id-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE.
[59] Ir-Regolament (KE) Nru 1922/2006
[60] COM(2008) 412 finali.
| Fuq |