52008DC0421


Titolu u referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Solidarjetà quddiem il-Bidla: Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) fl-2007 - Reviżjoni u Prospetti

/* KUMM/2008/0421 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.7.2008

KUMM(2008) 421 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Solidarjetà quddiem il-Bidla: Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) fl-2007 - Reviżjoni u Prospetti

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Solidarjetà quddiem il-Bidla:Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) fl-2007 [1] - Reviżjoni u Prospetti

L-EGF sena wara

Waħda mit-temi ewlenin ta' l-Aġenda Soċjali Mġedda[2] hija reazzjoni flessibbli u b'kunfidenza għall-bidla li ġġib magħha l-globalizzazzjoni. Parti minn dik ir-reazzjoni tinkludi turija ta' solidarjetà lil dawk affettwati negattivament mill-globalizzazzjoni. Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) kien imfassal bħala mod ta' kif tintwera solidarjetà - biex jiġu megħjuna ħaddiema li tilfu xogħolhom minħabba l-globalizzazzjoni ħalli jsibu xogħol ġdid malajr. Wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fl-20 ta' Diċembru 2006, l-EGF sar operattiv mill-1 ta' Jannar 2007.

Il-Kummissjoni tirrevedi l-EGF wara sena li jkun ilu operattiv u tagħti suġġerimenti għal modi immedjati u għat-tul għal kif titjieb l-eżekuzzjoni tiegħu.

Għajnuna għall-ħaddiema biex jaġġustaw ruħhom għall-bidla

L-EGF irċieva għaxar applikazzjonijiet fl-2007 li kellhom fil-mira 11 339 ħaddiem. Ġew approvati erba' applikazzjonijiet mill-Kummissjoni qabel tmiem l-2007, wara mobilizzazzjoni tal-fondi neċessarji mill-Awtorità Baġitarja ta' l-UE; ħamsa baqgħu jiġu kkunsidrati, u waħda ġiet irtirata (biex terġa' tintbagħat fil-bidu ta' l-2008 wara xi modifiki tekniċi). L-EGF ta għajnuna li tammonta għal € 18.6 miljun jew 3.7 % ta' l-ammont massimu permess skond il-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni soda tal-finanzi[3]. Il-fondi ntużaw għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol għal 5 113-il ħaddiem kkonċernati. Id-dettalji għas-sena 2007 ta' l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li saru, u l-azzjonijiet iffinanzjati, jinsabu fl-anness ma' dan ir-rapport.

L-ammont massimu annwali ta' € 500 miljun fis-sena mhuwiex mira għall-infiq. Minflok, huwa jiddaħħal fir-riserva tal-baġit u jipprovdi l-possibilità ta' finanzjament adegwat, jekk inkun hemm inċidenza għolja ta' ristrutturazzjoni fi kwalunkwe sena partikolari. L-approprjazzjonijiet neċessarji ta' l-impenn għal kull intervent huma mobilizzati permezz ta' trasferiment lil-linja tal-baġit ta' l-EGF, wara ftehim ma' l-Awtorità Baġitarja fuq proposta mill-Kummissjoni.

Madankollu, ftit Stati Membri rrikorrew għall-EGF. Hemm bosta raġunijiet għal dan. Waħda minnhom hija l-klima ekonomika favorevoli fl-2007. Huwa naturali li l-Istati Membri ma applikawx għal għajnuna f'perjodu meta s-swieq tax-xogħol qed jaħdmu sew. Iżda r-rikors limitat għall-EGF jista' jirrifletti wkoll inċertezza fl-Istati Membri dwar l-eliġibilità għal finanzjament. Għalkemm l-EGF jista' jintervjeni immedjatament ladarba l-ħaddiema jitilfu xogħolhom, l-Istati Membri qagħdu lura milli japplikaw għad-dritt ta' finanzjament mill-EGF sa mill-ewwel ġurnata ta' kriżi ta' ħaddiema jitilfu xogħolhom minħabba inċertezza dwar jekk l-applikazzjoni tagħhom tkunx approvata.

Għalhekk, hemm fejn l-eżekuzzjoni ta' l-EGF tista' titjieb.

Titjib tat-tħaddim attwali ta' l-EGF

Jistgħu jittieħdu passi immedjati biex jitjieb it-tħaddim ta' l-EGF:

- Semplifikazzjoni tal-proċeduri: Il-Kummissjoni se tissemplifika l-proċeduri tagħha biex twieġeb malajr u b'mod ċar lill-Istati Membri dwar l-eleġibilità ta' l-applikazzjonijiet tagħhom[4]. Hija se tqassam ukoll tagħrif dettaljat dwar il-każijiet preċedenti, li rnexxew u li le, biex tgħin lill-Istati Membri jivvalutaw il-kriterji użati mill-Istituzzjonijiet ta' l-UE biex jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni se teżamina kif tista' tħaffef l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet u tissemplifika l-proċeduri interni tagħha filwaqt li żżomm kwalità ta' analiżi għolja.

- Promozzjoni ta' skambju ta' esperjenzi u prassi tajba , inklużi l-metodoloġiji ttestjati estensivament permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), u b'mod partikolari l-Inizjattiva Komunitarja EQUAL. Dan jista' jnaqqas d-dewmien fl-Istati Membri waqt li jaħsbu għal miżuri adegwati għal kriżi ta' telfien ta' xogħol fuq skala kbira. Eżempju ta' min isegwih huwa l-approċċ użat mill-Portugall, fejn Deċiżjoni Ministerjali adottat sett ta' miżuri li jistgħu jiġu attwati fi żmien qasir f'każijiet tipiċi ta' EGF.

- Intensifikazzjoni ta' attivitajiet ta' tqajjim ta' kuxjenza sabiex tinkiseb iktar viżibilità tal-Fond.

Inħarsu 'l quddiem - aġġustament tar-Regolament ta' l-EGF

Fid-dawl ta' l-esperjenza u bil-ħsieb tat-tisħiħ ta' l-impatt ta' l-EGF fuq il-ħolqien ta' l-impjiegi, it-taħriġ u l-opportunitajiet għall-ħaddiema ta' l-Ewropa, il-Kummissjoni qiegħda teżamina b'mod attiv modi kif il-Fond jista' jiġi mmodifikat, fil-limiti baġitarji preżenti, biex titjieb l-eżekuzzjoni tiegħu.

Ir-Regolament ta' l-EGF (fl-Artikolu 20 tiegħu) effettivament jistipula li l-Kummissjoni tista' tibgħat proposta, fuq il-bażi ta' l-ewwel rapport annwali, għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jirrevedu r-Regolament.

Kopertura ta' telfien ta' xogħol mhux attribwibbli direttament għal xejriet kummerċjali :

L-EGF jiffoka fuq telfien ta' xogħol ikkawżat minn bidliet strutturali fix-xejriet kummerċjali globali. Il-globalizzazzjoni tista' taħdem ukoll permezz ta' tipi oħrajn ta' bidliet strutturali. Bidliet bħal dawn jinkludu progress maġġuri fil-produzzjoni u t-teknoloġija tal-prodott; bidliet fl-organizzazzjoni tal-produzzjoni (bħall-għoti ta' xogħol barra mill-kumpanija); u aċċess għal materja prima u inputs oħrajn u l-prezz tagħhom. Dan joħroġ partikolarment minn żidiet reċenti fil-prezzijiet taż-żejt u l-impatt tagħhom fuq setturi fejn inputs tal-fjuwil jirrappreżentaw fattur ta' spiża għolja. Bidliet maġġuri u ħesrem jistgħu jwasslu għal telfien ta' xogħol li ma jistax ikun kopert minn Regolament eżistenti. Il-Kummissjoni se teżamina dawn il-muturi ta' globalizzazzjoni biex tara jekk jistgħux jitqiesu bħala li jwasslu għal appoġġ ta' l-EGF.

Espansjoni ta' l-ambitu ta' l-EGF għal avvenimenti ta' telfien ta' xogħol iżgħar :

Ir-rekwiżit ġenerali ta' mill-inqas 1 000 post tax-xogħol mitluf jista' jitnaqqas sabiex l-Istati Membri jingħataw iktar flessibilità biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet, inklużi għall-SMEs u swieq tax-xogħol iżolati[5]. Il-Kummissjoni qiegħda tanalizza l-implikazzjonijiet li tnaqqas dan il-limitu fuq l-għadd ta' nies eleġibbli u fuq il-baġit. Alternattiva possibbli għat-tnaqqis tal-limitu eżistenti tista' tkun l-inklużjoni mhux biss tat-telfien ta' xogħol tal-fornituri u l-produtturi 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni tal-kumpanija ewlenija kkonċernata imma wkoll telfien ta' xogħol ieħor f'kumpaniji oħrajn fiż-żona ġeografika kkonċernata.

Espansjoni tad-dewmien ta' l-għajnuna ta' l-EGF :

Billi mhux il-ħaddiema kollha li jitilfu xogħolhom isibu impjieg matul il-perjodu ta' appoġġ mill-EGF, hemm bżonn ta' appoġġ li jdum iktar. Tista' tiġi kkunsidrata l-estensjonjoni tal-perjodu massimu għall-użu ta' finanzjament ta' l-EGF lil hinn mit-12-il xahar speċifikati fir-regolament attwali. Possibilitajiet oħrajn bħall-użu ta' l-EGF għat-trawwim tal-mobilità tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri qegħdin jiġu eżaminati wkoll. Tista' tiġi kkunsidrata wkoll l-iddedikar ta' ammont limitat ta' fondi għall-analiżi u l-antiċipazzjoni tal-bidliet minħabba l-globalizzazzjoni.

Konklużjoni

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta' l-impatt pożittiv ta' l-EGF fl-ewwel sena ta' ħidma. Il-Kummissjoni se tissemplifika l-proċeduri, tippromwovi l-iskambju ta' prassi tajba u tintensifika t-tqajjim ta' kuxjenza dwar l-EGF. Hija se tivvaluta l-fattibilità ta' modifika tar-Regolament u se tagħmel proposti adatti f'dan ir-rigward qabel ma toħroġ ir-rapport annwali li jmiss.

ANNESS

1. Applikazzjonijiet li waslu fl-2007

Tabella 1: Applikazzjonijiet li waslu fl-2007

Mill-10 applikazzjonijiet għal għajnuna li waslu għand l-EGF fl-2007, erbgħa ġew approvati qabel l-aħħar tas-sena, ħamsa baqgħu jiġu kkunsidrati, u waħda ġiet irtirata (biex terġa' tintbagħat fil-bidu ta' l-2008 wara xi modifiki tekniċi).

L-ebda applikazzjonijiet ma ġew miċħuda fl-2007, la fuq bażi ta' ineliġibilità u lanqas minħabba nuqqas ta' approprjazzjonijiet suffiċjenti.

Id-dettalji għall-applikazzjonijiet kollha huma disponibbli fuq il-websajt ta' l-EGF tal-Kummissjoni, fi:

http://ec.europa.eu/employment_social/egf/applications07_mt.html

Applikazzjonijiet lill-EGF fl-2007 skond l-Istat Membru:

Seba' Stati Membri applikaw għal kontribut mill-EGF, fosthom l-Italja fir-rigward tas-settur tat-tessuti fi tliet reġjuni separati, u Franza fir-rigward ta' żewġ avvenimenti ta' telfien ta' xogħol. L-applikazzjoni minn Spanja ġiet irtirata u sussegwentement reġgħet intbagħtet fl-2008.

Applikazzjonijiet lill-EGF fl-2007 bl-ammont ta' kontribuzzjoni mitluba:

L-ammont ta' għajnuna mitlub huwa fid-diskrezzjoni ta' l-Istat Membru applikant, u jiddependi fost l-oħrajn mis-severità ta' l-avveniment ta' telfien ta' xogħol li l-applikazzjoni tirreferi għalih. Ma hemm l-ebda ammont massimu jew irrakkomandat. L-ammonti mitluba jvarjaw minn € 681 207 fl-applikazzjoni Maltija (EGF/2007/008) għal € 14 660 750 fl-applikazzjoni Taljana fir-rigward tas-settur tat-tessuti fil-Lombardija (EGF/2007/007).

Applikazzjonijiet lill-EGF fl-2007 skond l-għadd ta' ħaddiema fil-mira ta' l-għajnuna:

Għalkemm l-EGF huwa maħsub primarjament biex jgħin f'każijiet ta' telfien ta' xogħol fuq skala kbira, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu applikazzjonijiet fir-rigward ta' swieq tax-xogħol żgħar jew ċirkostanzi eċċezzjonali. Barra minn hekk, Stat Membru jista' jagħżel li jiffoka l-għajnuna biss fuq xi wħud mill-ħaddiema li tilfu xogħolhom, jekk iħoss li dawn jiffaċċjaw diffikultajiet eċċezzjonali biex jibqgħu jaħdmu. Filwaqt li l-parti l-kbira ta' l-applikazzjonijiet (5 minn 9) għandhom fil-mira iktar minn 1 000 ħaddiem, tnejn oħra li jikkonċernaw 'swieq tax-xogħol żgħar' għandhom fil-mira numru iżgħar, u fil-każ taż-żewġ kontribuzzjonijiet mogħtija lil Franza (EGF/2007/001 u EGF/2007/002), l-Istat Membru mmira speċifikatament l-għajnuna lejn parti iżgħar tal-ħaddiema affettwati li min kien jimpjegahom spiċċa falla.

Applikazzjonijiet lill-EGF fl-2007 bl-ammont ta' kontribuzzjoni mitluba għal kull ħaddiem (Euro):

Il-pakkett ta' servizzi individwalizzati li l-Istati Membri jipproponu li joffru huwa fid-diskrezzjoni tagħhom. L-ammont mitlub għal kull ħaddiem milqut jista' għalhekk ivarja skond is-severità ta' l-avveniment ta' telfien ta' xogħol, il-qagħda tas-suq tax-xogħol fir-reġjun milqut, iċ-ċirkostanzi individwali tal-ħaddiema affettwati, jew anki l-istrutturi ġenerali ta' nfiq fl-Istat Membru jew ir-reġjun ikkonċernat. Fil-prattika, l-ammonti proposti għal kull ħaddiem varjaw bil-kbir, minn kemm kemm iktar minn € 1 000 fil-każ ta' Malta (EGF/2007/008) għal aktar minn € 11 000 fil-każ ta' l-applikazzjoni Taljana fir-rigward tas-settur tat-tessuti f'Sardenja. F'termini ġenerali, l-għajnuna proposta għal kull ħaddiem ġeneralment tkun ogħla f'reġjuni jew setturi fejn il-ħaddiema jiffaċċjaw problemi partikolari tas-suq tax-xogħol, jew fejn l-ispejjeż ikunu ogħla mill-medja ta' l-UE.

Applikazzjonijiet lill-EGF fl-2007 skond il-kriterju ta' l-intervent:

L-EGF jippermetti applikazzjonijiet li jirrispettaw waħda mit-tliet kriterji fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Tista' ssir applikazzjoni jekk bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija jwasslu għal tfixkil ekonomiku serju, partikolarment żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet fl-UE, jew tnaqqis rapidu tas-sehem mis-suq ta’ l-UE f’settur partikolari jew delokalizzazzjoni lejn pajjiżi terzi, li jirriżultaw fi:

(a) telf ta' mill-inqas 1 000 post tax-xogħol matul perjodu ta' 4 xhur f'intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jitilfu xogħolhom mal-fornituri tagħhom jew mal-produtturi iktar 'l isfel fil-katina ta' produzzjoni, jew

(b) telf ta' mill-inqas 1 000 post tax-xogħol, matul perjodu ta' 9 xhur, partikolarment f'intrapriżi żgħar jew ta' daqs medju, f'settur NACE 2 f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni maġenb xulxin fil-livell NUTS II.

Tlieta mill-applikazzjonijiet li waslu fl-2007 rreferew għall-kriterji ta' l-Artikolu 2(a). Erbgħa oħrajn irreferew għall-kriterji fl-Artikolu 2(b).

Barra minn hekk, meta jitqies id-daqs żgħir ta' xi swieq tax-xogħol ta' l-UE, jew ċirkostanzi eċċezzjonali mhux definiti oħrajn, tista' ssir kontribuzzjoni mill-EGF.

(c) fi swieq tax-xogħol żgħar jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali, sostanzjati sew mill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), anke jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f'(a) u (b) hawn fuq ma jkunux sodisfatti għal kollox, meta t-telf ta' postijiet tax-xogħol iħalli impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali.

Tnejn mill-applikazzjonijiet li waslu fl-2007 rreferew għall-kriterji ta' l-Artikolu 2(c).

2. Il-kontribuzzjonijiet li ngħataw fl-2007

Wara l-mobilizzazzjoni tal-fondi neċessarji mill-Awtorità Baġitarja, il-Kummissjoni ħadet deċiżjonijiet biex tagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond fl-erba' każijiet li ġejjin:

Tabella 2: Il-kontribuzzjonijiet li ngħataw mill-Kummissjoni fl-2007

EGF/2007/002 | Franza | Fornituri għar-Renault | 1,258,030 | 2007/726/KE tat-23/10/2007 (ĠU L 294, 13/11/2007, p. 21) | C(2007) 6149 ta' l-4/12/2007 |

EGF/2007/003 | Il-Ġermanja | BenQ | 12,766,150 | 2008/30/KE tat-18/12/2007 (ĠU L 6, 10/01/2008, p. 9) | C (2007) 6747 tat-18/12/2007 |

EGF/2007/004 | Il-Finlandja | Perlos | 2,028,538 | 2008/30/KE tat-18/12/2007 (ĠU L 6, 10/01/2008, p. 9) | C(2007) 6742 tat-18/12/2007 |

Total | 18,610,968 |

L-Awtorità Baġitarja ma rrifjutat l-ebda proposta li ressqitilha l-Kummissjoni għal finanzjament mill-EGF, u ma mmodifikat bl-ebda mod il-proposti minn kif intbagħtu mill-Kummissjoni.

3. L-azzjonijiet iffinanzjati

Ir-Regolament ta' l-EGF jillimita l-Fond biex jiffinanzja miżuri ta' Politika tas-Suq tax-Xogħol Attiva (ALMP) li jagħmlu parti minn pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati mfassla biex jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol lill-ħaddiema li jkunu tilfu xogħolhom. Barra minn hekk, l-EGF jista' jiffinanzja attivitajiet ta' Għajnuna Teknika mwettqa minn Stat Membru biex jiffaċilita t-tħejjija, il-ġestjoni, it-tagħrif u l-pubbliċità, u kontroll tal-kontribuzzjoni.

It-tqassim ta' l-ispejjeż stmati ta' l-azzjonijiet proposti fl-erba' interventi mill-EGF mogħtija fl-2007, flimkien ma' l-attivitajiet ta' Għajnuna Teknika ta' sostenn, huwa kif ġej.

Tabella 3: Infiq ta' miżuri speċifiċi ta' Politika tas-Suq tax-Xogħol Attiva (ALMP)

Klassifikazzjoni mill-Eurostat ta' l-Interventi tal-Politika tas-Suq tax-Xogħol (LMP) | Ammont ta' l-EGF (Euro) | % tat- total |

Servizzi ta’ l-LMP |

1 | Għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg |

1.1.2 | Servizzi ta' ġestjoni skond il-każ individwali | 306 623 | 1.6 % |

Miżuri tal-LMP |

2 | Taħriġ (mill-ġdid) għas-suq tax-xogħol |

2.1 | Taħriġ istituzzjonali | 2 715 632 | 14.6 % |

Allokazzjonijiet għat-taħriġ/Allokazzjonijiet għat-tfittix ta' impjieg | 13 476 688 | 72.4 % |

4 | Inċentivi għall-impjiegi |

4.1 | Inċentivi għar-reklutaġġ | 821 050 | 4.4 % |

4.2 | Inċentivi biex jinżammu l-impjiegi | 325 000 | 1.7 % |

7 | Inċentivi biex tibda | 326 475 | 1.8 % |

Għajnuna Teknika (Artikolu 3 tar-R. 1927/2006) | 639 500 | 3.4 % |

Total | 18 610 968 | 100 % |

Miżuri li ma jidhrux hawn fuq ma kinux proposti mill-Istati Membri fl-erba' interventi ta' l-EGF mogħtija fl-2007.

4. Il-profil tal-ħaddiema li jibbenefikaw minn għajnuna ta' l-EGF

Total ta' 5 113-il ħaddiem ibbenefikaw minn għajnuna mill-EGF fl-erba' kontribuzzjonijiet mogħtija fl-2007. Dawn il-ħaddiema huma mxerrda f'għadd ta' reġjuni fi Franza, il-Ġermanja u l-Finlandja.

Table 4: Il-profil tal-ħaddiema li bbenefikaw minn għajnuna ta' l-EGF fl-2007

li minnhom: nisa | 41 | 155 | 797 | 302 | 1 295 |

% | 15 % | 25 % | 24 % | 33 % | 25 % |

li minnhom: mhumiex ċittadini ta’ l-UE | 0 | 5 | 91 | 0 | 96 |

li minnhom, ta' l-età ta': |

15-24 | 2 | 15 | 34 | 91 | 142 |

25-54 | 236 | 553 | 3,149 | 787 | 4,725 |

55-64 | 29 | 60 | 121 | 37 | 247 |

65+ | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 |

li minnhom, għandhom problema ta’ saħħa jew diżabilità fit-tul | 4 | 49 | n/a | 50 | 103 |

5. Kumplimentarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, partikolarment il-FSE

L-EGF jiffinanzja biss Miżuri tas-Suq tax-Xogħol Attivi u, bħall-Fond Soċjali Ewropew (FSE), ma jistax jikkontribwixxi għal miżuri ta' ħarsien soċjali passivi. Madankollu, filwaqt li l-Fondi Strutturali jikkonsistu fi programmi multiannwali b'appoġġ għal miri strateġiċi, fit-tul – partikolarment antiċipazzjoni u ġestjoni ta' bidla u ristritturazzjoni, b'attivitajiet bħal tagħlim tul il-ħajja – l-EGF huwa reazzjoni għal kriżi speċifika, ta' skala kbira. Għalhekk, filwaqt li l-azzjonijiet huma simili għal dawk tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), huwa jipprovdi sostenn individwali ta' darba, limitat fiż-żmien, immirat direttament biex jgħin lill-ħaddiema li tilfu xogħolhom minħabba raġunijiet kummerċjali. L-Istati Membri jistgħu jibdew jimplimentaw azzjonijiet taħt l-EGF immedjatament malli jsiru jafu b'avveniment maġġuri ta' telfien ta' xogħol, għalhekk ma għandhomx għalfejn ibidlu programm ta' Fond Strutturali biex jagħmlu dan.

L-Istati Membri huma mħeġġa, madankollu, biex jużaw il-perjodu ta' implimentazzjoni tal-kontribut ta' l-EGF (12-il xahar mid-data ta' l-applikazzjoni) biex jiġu vvalutati l-bżonnijiet fit-tul ikkawżati mill-avveniment ta' telfien ta' xogħol, u biex jimmodifikaw kwalunkwe programmi tal-FSE neċessarji.

L-applikanti kollha huma meħtieġa, bħala parti mill-proċess ta' applikazzjoni għall-EGF, jiddeskrivu kif biħsiebhom jippromwovu l-kumplimentarjetà ta' l-azzjonijiet ta' l-EGF ma' dawk tal-Fondi Strutturali.

6. Ir-riżultati miksuba

L-2007 kienet l-ewwel sena ta' implimentazzjoni ta' l-EGF. Is-sors ewlieni ta' informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba mill-EGF se jkun ir-rapport finali li jrid jiġi ppreżentat mill-Istat Membru wara tmiem il-perjodu speċifikat għall-użu tal-kontribuzzjoni, li huwa tnax-il xahar wara d-data ta' applikazzjoni. Dan ir-rapport finali jrid jintbagħat mill-Istati Membri mhux iktar tard minn sitt xhur wara tmiem il-perjodu ta' użu tal-kontribuzzjoni. L-ebda wieħed mir-Rapporti Finali fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet mogħtija fl-2007 kienu dovuti fl-2007, u b'hekk il-Kummissjoni għad ma għandha l-ebda tagħrif dettaljat dwar ir-riżultati miksuba.

Tabella 5: L-iskeda ta' rappurtaġġ għall-kontribuzzjonijiet mogħtija fl-2007

2 | 23/3/2007 | Franza | 23/10/2007 | 22/3/2008 | 22/9/2008 |

3 | 27/6/2007 | Il-Ġermanja | 18/12/2007 | 26/6/2008 | 26/12/2008 |

4 | 18/7/2007 | Il-Finlandja | 18/12/2007 | 17/7/2008 | 17/1/2009 |

Il-Kummissjoni se tagħlaq il-kontribuzzjoni finanzjarja mhux iktar tard minn sitt xhur wara li tirċievi t-tagħrif kollu mitlub fir-Rapport Finali.

7. Attivitajiet ta' Għajnuna Teknika li għamlet il-Kummissjoni Ewropea

Informazzjoni u pubbliċità

Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (Artikolu 9) jitfa' responsabbiltà fuq il-Kummissjoni biex:

"twaqqaf sit ta’ l-internet li jkun disponibbli bil-lingwi kollha tal-Komunità, liema sit għandu jipprovdi tagħrif dwar l-EGF, gwida dwar it-tfigħ ta’ l-applikazzjonijiet, u tagħrif aġġornat dwar applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda, filwaqt li jenfasizzaw l-irwol ta’ l-awtorità baġitarja."

Sit ta’ l-internet.

Is-sit ta' l-internet (http://ec.europa.eu/egf) ilu jaħdem minn Marzu 2007, u fih sezzjonijiet dwar mistoqsijiet u tweġibiet bażiċi dwar l-EGF, aħbarijiet, dokumenti ewlenin, applikazzjonijiet, librerija ta' rapporti rilevanti u ħoloq, u dettalji ta' l-awtoritajiet responsabbli ta' l-EGF fl-Istati Membri. Il-websajt kien aġġornat u mtejjeb fuq bażi regolari, b'dokumenti f'lingwi differenti jiżdiedu malli jsiru disponibbli.

Vidjo ta' l-EGF

Fl-2007 l-Kummissjoni ħarġet vidjo dwar l-EGF biex jintuża mill-mezzi tax-xandir u partijiet interessati oħrajn. Il-vidjo ta' disa' minuti jinkludi servizz dwar l-attivitajiet ta' l-EGF fi Franza u l-Finlandja, u tista' tarah fi:

http://ec.europa.eu/avservices/video/video_prod_en.cfm?type=detail&prodid=4097

Fuljett

Fl-2007 l-Kummissjoni ppubblikat fuljett informattiv dwar l-EGF fi 22 lingwa (il-lingwi uffiċjali kollha ħlief l-Irlandiż). Dan il-fuljett huwa disponibbli fi kwantitajiet limitati fuq karta, imma huwa disponibbli liberament ukoll fuq is-sit ta' l-internet ta' l-EGF tal-Kummissjoni fi:

http://ec.europa.eu/employment_social/egf/docs/egf_leaflet_mt.pdf

Attività ta' verifika u kontroll

Ma kien hemm l-ebda attivitajiet ta' verifika u kontroll speċifiċi għall-EGF imwettqa mill-Kummissjoni fl-2007.

Valutazzjoni Ir-Regolament ta' l-EGF ma jipprevedix valutazzjoni ta' l-EGF sal-31 ta’ Diċembru 2011. Il-Kummissjoni diġà ħadet passi biex tiżgura li jinġabar tagħrif xieraq mill-Istati Membri mill-bidu ta' l-EGF.

Laqgħat ma' l-Awtoritajiet Nazzjonali

Fil-bidu ta' l-2007 l-Kummissjoni stabbiliet netwerk ta' punti ta' kuntatt fl-Istati Membri, sabiex tgħin lill-Istati Membri jlestu ruħhom għall-applikazzjonijiet potenzjali kif ukoll l-implimentazzjoni tal-Fond. In-netwerk huwa rreġistrat formalment bħala l-"Grupp ta' Esperti dwar il-Persuni ta' Kuntatt tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni", jew fil-qasir, "il-persuni ta' kuntatt ta' l-EGF" (kodiċi E20100).

Il-Kummissjoni taġġorna regolarment il-membri tal-grupp dwar il-Fond, tistidinhom għal laqgħat ta' skambji ta' esperjenza u tagħrif. Il-membri tal-grupp huma uffiċjali fi ħdan il-ministeri fl-Istati Membri li jew għandhom, jew x'aktarx li jkollhom, responsabbiltà biex japplikaw għal kontribuzzjoni mill-EGF jew jimplimentawha.

Saru żewġ laqgħat tal-grupp fi Brussell matul l-2007, fl-1 ta' Marzu u fid-9 ta' Ottubru.

8. Rapport finanzjarju

Fondi kkontribwiti:

Skond il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006, l-EGF ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 500 miljun (prezzijiet ta' l-2006) li jistgħu joħorġu minn kwalunkwe marġini eżistenti taħt il-massimu ta' nfiq globali tas-sena preċedenti, u/jew minn approprjazzjonijiet ta' impenn ikkanċellati mis-sentejn preċedenti, esklużi dwk relatati ma' l-intestatura 1B tal-qafas finanzjarju. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 12.6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, ta' l-inqas kwart mill-ammont annwali massimu jrid jibqa' disponibbli fl-1 ta' Settembru ta' kull sena sabiex ikopri l-ispejjeż li jinqalgħu sa l-aħħar tas-sena.

Matul l-2007 erbgħa ngħataw kontribuzzjonijiet ta' l-EGF mill-Awtorità Baġitarja (ara t-Tabella 2).

Il-fondi mogħtija mill-Awtorità Baġitarja tirrappreżenta 3.72 % ta' l-ammont annwali massimu. Ma ngħataw l-ebda kontribuzzjonijiet qabel l-1 ta’ Settembru 2007, u għalhekk l-ammont kollu baqa' disponibbli sabiex ikopri l-ispejjeż li jinqalgħu sa l-aħħar tas-sena.

Rimborsi

Ma kien hemm l-ebda rimborsi matul l-2007.

Infiq ta' għajnuna teknika

Ma kien hemm l-ebda nfiq matul l-2007 taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Għajnuna Teknika ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, billi l-linja tal-baġit rilevanti kienet għadha ma nħolqitx.

Irregolaritajiet irrapportati matul l-2007

Ma kien hemm l-ebda irregolaritajiet irrapportati lill-Kummissjoni skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1681/94[6] matul l-2007 fir-rigward ta' l-EGF.

Irregolaritajiet magħluqa matul l-2007

Billi l-2007 kienet l-ewwel sena ta' tħaddim ta' l-EGF, ma kien hemm l-ebda irregolaritajiet minn snin preċedenti x'jingħalqu.

9. Għeluq tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji li saru

L-ebda waħda mill-kontribuzzjonijiet li ngħataw mill-bidu ta' l-EGF ma ngħalqu fl-2007. Ir-Regolament li jirregola l-EGF jistipula perjodu ta' 12-il xahar mid-data ta' l-applikazzjoni għall-Istat Membru biex juża l-kontribuzzjoni, segwit minn massimu ta' sitt xhur li matulhom irid jippreżenta rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja. Huwa biss wara li tirċievi dak ir-rapport li l-Kummissjoni tista' tipproċedi bl-għeluq tal-kontribuzzjoni. L-infiq fuq l-ewwel kontribuzzjoni mogħtija mill-Awtorità Baġitarja, li tirrelata għall-applikazzjoni EGF/2007/001 li saret fid-9 ta’ Marzu 2007 minn Franza, kienet eleġibbli sat-8 ta’ Marzu 2008, u Franza mbagħad għandha sat-8 ta’ Settembru 2008 biex tippreżenta r-rapport finali tagħha.

[1] Rapport mibgħut skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1, ir-Regolament kif ġie korrett fil-ĠU L 48, 22.02.2008, p. 82)

[2] COM(2008) 402 ta' 02.07.2008

[3] Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda (2006/C 139/01). ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1; Il-Ftehim kif emendat mid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2007 li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali (2008/29/EC). ĠU L 6, 10.1.2008, p. 7-8.

[4] Inklużi: id-definizzjoni ta' ħaddiema li tilfu xogħolhom (l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' l-EGF); l-interpretazzjoni li trid tingħata għall-kriterji bħal 'żieda sostanzjali' jew 'tnaqqis rapidu' (Artikolu 2); id-definizzjoni ta' swieq żgħar tax-xogħol u ċirkostanzi eċċezzjonali (Artikolu 2); it-tifsira preċiża ta' l-'użu' ta' kontribut finanzjarju (Artikolu 13.2).

[5] Ir-rapport " l’Europe dans la mondialisation " ippreżentat lill-Ministri Franċiżi għall-Ekonomija, l-Industrija u l-Impjiegi, u għax-Xogħol, ir-Relazzjonijiet Soċjali, il-Familja u s-Solidarjetà, u ppubblikat fil-15 ta’ April 2008, alluda għal possibbiltà bħal din.

[6] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1681/94 tal-11 ta’ Lulju 1994 dwar irregolaritajiet u l-ħlas lura ta’ ammonti mħallsa ħażin in konnessjoni mal-finanzjament tal-politika strutturali u l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni f’dan il-qasam ĠU L 178, 12/7/1994 p. 43

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet