52008DC0420


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Nuqqas ta’ diskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs: Impenn imġedded {SEC(2008) 2172}

/* KUMM/2008/0420 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.7.2008

KUMM(2008) 420 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Nuqqas ta’ diskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs: Impenn imġedded {SEC(2008) 2172}

1. INTRODUZZJONI

L-Unjoni Ewropea hi msejsa fuq il-prinċipji komuni tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Komuni għas-soċjetajiet Ewropej tagħna kollha hu r-rikonoxximent fondamentali li kull individwu għandu l-istess valur u għandu jkollu aċċess ġust għall-opportunitajiet tal-ħajja. Id-diskriminazzjoni timmina dawn il-valuri komuni.

Azzjoni Ewropea biex tiġi żgurata ugwaljanza fost l-individwi għandha tradizzjoni twila. It-Trattat ta’ Amsterdam ta poteri ġodda għal azzjoni Ewropea kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età u orjentazzjoni sesswali. Id-diskriminazzjoni f’affarijiet ta’ xogħol u karigi ġew ipprojbiti għal dawn ir-raġunijiet. F’dak li jikkonċerna l-oriġini razzjali jew etnika u s-sess, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma lilhinn mix-xogħol.

Illum l-Unjoni Ewropea għandha wieħed mill-aktar oqsfa avvanzati dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni fid-dinja. Iżda filwaqt li sar ħafna progress, ħafna Ewropej għadhom iħossu li d-diskriminazzjoni għadha rampanti: 15% qalu li esperjenzawha personalment f’din l-aħħar sena, u 29% qalu li rawha b’għajnejhom[1].

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21”[2], li qed takkumpanja din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed iġġedded l-impenn tagħha biex tiżgura li kulħadd jingħata opportunità indaqs biex iwettaq il-potenzjal tiegħu.

Billi tagħmel użu mill-implimentazzjoni b’suċċess ta’ l-Istrateġija ta’ Qafas ta’ l-2005 kontra d-Diskriminizzazzjoni[3] u s-Sena Ewropea 2007 ta’ Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd, u l-kontribuzzjonijiet li twasslu mill-istituzzjonijiet Ewropej, is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, din il-Komunikazzjoni qed tippreżenta avviċinament komprensiv biex tiżdied l-azzjoni kontra d-diskriminizzazzjoni u biex jiġu promossi l-opportunitajiet indaqs.

B’mod partikolari, din il-Komunikazzjoni hi akkumpanjata bi proposta għal direttiva ġdida li tipprojbixxi d-diskriminizzazzjoni għal raġunijiet ta’ età, diżabbiltà, orjentazzjoni sesswali u reliġjon jew twemmin lilhinn mill-isfera tax-xogħol. Din il-proposta ta’ għeliem tiftaħ it-triq għat-tlestija tal-qafas legali għal azzjoni ma’ l-Ewropa kollha kontra l-forom kollha ta’ diskriminizzazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 13 tat-TKE.

Protezzjoni leġiżlattiva aħjar kontra d-diskriminizzazzjoni għandha tkun akkumpanjata bi strateġija attiva biex jiġu promossi n-nuqqas ta’ diskriminizzazzjoni u l-opportunitajiet indaqs. Għalhekk din il-Komunikazzjoni tipproponi wkoll azzjonijiet biex jingħata impetu ġdid lid-djalogu li jittratta l-politika dwar in-nuqqas ta’ diskriminizzazzjoni u biex isir użu aktar effettiv ta’ l-istrumenti disponibbli, kemm b’enfasi ġenerali u partikolari fuq l-inklużjoni soċjali tar-Roma, minħabba l-problemi ta’ diskriminizzazzjoni partikolari li dawn qed jiffaċċjaw.

2. IT-TISĦIĦ TAL-ĠLIEDA KONTRA D-DISKRIMINAZZJONI

Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni ma tistax tintrebaħ biss permezz tal-leġiżlazzjoni. L-ewwel u qabel kollox tiddependi fuq attitudnijiet u mġiba li jinbidlu. Iżda ma jistax ikun hemm dubju li qafas legali effettiv u rinfurzat kif xieraq li jiddikjara kontra l-liġi d-diskriminazzjoni u jassigura li l-vittmi tagħha jista’ jkollhom l-ewwel għajnuna effettiva huwa pijunier essenzjali għat-twassil ta’ bidla vera. Il-Kummissjoni hi obbligata li tassigura li l-qafas legali eżistenti huwa rispettat, waqt li tipproponi li leġiżlazzjoni ġdida hi meħtieġa biex testendi l-iskop ta’ protezzjoni legali għall-forom kollha tad-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja.

2.1 Implimentazzjoni tal-qafas legali eżistenti

Tlett Direttivi[4] digà ġew adottati biex jagħtu effett għall-Artikolu 13 tat-TKE, li jippermetti azzjoni biex tiddikjara kontra l-liġi u li tiġġieled id-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età u orjentazzjoni sesswali. Dawn id-Direttivi jipprojbixxu d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ età, orjentazzjoni sesswali, diżabbiltà u reliġjon jew twemmin fl-impjieg, fix-xogħol u fit-taħriġ tal-professjoni, waqt li protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ razza u ta’ sess testendi aktar mill-qasam ta’ l-impjieg biex tinkludi protezzjoni soċjali u aċċess għal prodotti u servizzi.

Il-Kummissjoni qedha taħdem b’mod attiv biex tassigura l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttivi. L-istampa totali hi pożittiva. Il-liġi nazzjonali li trasponiet id-Direttivi kellha impatt tanġibbli fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Diversi Stati Membri diġà maru lilhinn mill-ħtiġijiet tal-liġi ta’ l-UE f’termini tal-provvista tal-protezzjoni mid-diskriminazzjoni. Fl-2006[5] u l-2008[6] il-Kummissjoni rrappurtat dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi li jikkonċernaw id-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ oriġini razzjali u etnika u d-diskriminazzjoni fl-impjieg u fix-xogħol. Fejn il-Kummissjoni mhix sodisfatta li l-Istati Membri rrispettaw kif xieraq l-obbligi tagħhom, hi tat bidu għal proċeduri legali għal ksur ta’ liġi. Huma kkonċernati madwar nofs l-Istati Membri. Il-problemi prinċipalment huma relatati man-nuqqas ta’ kopertura tal-persuni u l-oqsma kollha koperti mid-Direttivi, id-definizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni li huma differenti mid-Direttivi u l-inkonsistenzi fid-dispożizzjonijiet biex jiġu megħjuna l-vittmi tad-diskriminizzazzjoni. Il-Kummissjoni bħalissa qed tiċċekkja wkoll jekk l-Istati Membri laħqux l-obbligi tagħhom biex jittrasponu d-Direttiva ta’ l-2004 dwar id-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ sess b’aċċess għal prodotti u servizzi kif xieraq. Hi se tirrapporta fl-2010 dwar l-implimentazzjoni u, kif stipulat fid-Direttiva, tista’ tipproponi emendi fejn meħtieġ.

Iżda t-trasponiment xieraq tar-regoli Ewropej għal liġi nazzjonali hi parti biss mill-istorja. L-Istati Membri għandhom bżonn ukoll jiżguraw li s-sistemi tagħhom għar-riparazzjoni tal- vittmi u l-attivitajiet tagħhom biex iqajmu għarfien huma effettivi fuq il-post[7]. L-individwi għandhom bżonn ukoll ikunu jafu d-drittijiet tagħhom u jkunu kapaċi jużawhom.

L-entitajiet nazzjonali għall-ugwaljanza mwaqqfa taħt id-Direttivi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali u għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ oriġini razzjali jew etnika jew ta’ sess għandhom rwol importanti fl-assistenza lil vittmi tad-diskriminazzjoni billi jipprovdu informazzjoni u appoġġ biex isegwu l-ilmenti tagħhom. Huma jistgħu jagħtu gwida lil fornituri ta’ servizz u persuni oħra interessati dwar kif jintlaħqu l-obbligi tagħhom, u jinkoraġixxu medjazzjoni u riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim. B’riżultat ta’ dan, ilmenti jistgħu jiġu solvuti aktar spiss mingħajr l-ewwel għajnuna mill-qrati. Permezz tal-programm ta’ Progress[8], il-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn, u l-bini tal-kapaċità ta’ entitajiet għall-ugwaljanza permezz tan-netwerk Equinet[9].

Il-Kummissjoni wkoll torganizza skambji regolari ta’ informazzjoni ma’ l-entitajiet għall-ugwaljanza fuq żviluppi legali reċenti u problemi komuni fl-immaniġġjar tad-diskriminazzjoni għal raġuni ta’ sess. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni qed teżamina l-effikaċja tal-penali nazzjonali u limiti ta’ żmien biex itella’ azzjonijiet quddiem il-qrati nazzjonali. Dawn huma żewġ kwistjonijiet fundamentali għall-iskoraġġiment ta’ mġiba diskriminatorja u biex jagħtu rimedji legali effettivi lil vittmi. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll ma’ dawn l-entitajiet fir-reviżjoni ta’ l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni ta’ paga ugwali fl-immaniġġjar tad-differenza persistenti fil-paga għal raġuni ta’ sess.

2.2 Aktar żvilupp tal-qafas legali

Minkejja dawn il-kisbiet, jibqa’ l-fatt li l-qafas legali Ewropew għall-immaniġġjar tad-diskriminazzjoni għad mhux lest. B’mod partikolari, waqt li xi Stati Membri ħadu azzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ età, orjentazzjoni sesswali, diżabbiltà u reliġjon jew twemmin barra l-qasam ta’ l-impjieg, m’hemmx livell minimu uniformi ta’ protezzjoni fl-Unjoni Ewropea għal nies li soffrew din id-diskriminazzjoni.

Madankollu diskriminazzjoni għal din ir-raġuni hi b’mod ċar mhux aċċettabbli kemm barra l-isfera ta’ l-impjieg kif ukoll ġo fiha. Meta niġu għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, ma jistax ikun hemm ġerarkija. Hu għalhekk li l-Kummissjoni ħabbret fil-programm tagħha tax-xogħol u leġiżlattiv ta’ l-2008 li se tipproponi inizjattivi ġodda biex jitlesta l-qafas legali, billi bniet fuq ir-riżultati ta’ proċess ta’ konsultazzjoni pubblika estensiva. Dan l-obbligu jirrispondi wkoll għas-sejħiet tal-Kunsill lill-Kummissjoni għall-eżaminazzjoni ta’ kwalunkwe differenza li tista’ teżisti fil-qafas leġiżlattiv kurrenti kontra d-diskriminazzjoni tal-Komunità, u t-talbiet ripetittivi tal-Parlament Ewropew biex jiġi estiż il-qafas.

Il-proposta għad-Direttiva, li takkompanja din il-Komunikazzjoni, tiftaħ it-triq biex jitlesta l-qafas legali Ewropew kontra d-diskriminazzjoni. Id-Direttiva se tiżgura li fis-27 Stat Membru kollha kull forma ta’ diskriminizzazzjoni, inkluż il-fastidju, għal raġunijiet ta’ età, orjentazzjoni sesswali, diżabbiltà u reliġjon jew twemmin hi pprojbita u li l-vittmi jingħtalhom kumpens effettiv. Meta ġiet adottata, id-Direttiva tlesti l-proċess li jagħti effett lill-Artikolu 13 tat-TKE għar-raġunijiet kollha u twassal għat-tmiem ta’ kwalunkwe perċezzjoni ta’ ġerarkija ta’ protezzjoni.

Dan l-għan ambizzjuż jimplika reazzjoni li tvarja ħafna f’termini ta’ l-iskop iżda realistika u tirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-oqsma kkonċernati. It-tradizzjonijiet nazzjonali u l-avviċinamenti f’oqsma bħal kura tas-saħħa, protezzjoni soċjali u edukazzjoni għandhom tendenza li jkunu aktar diversi mill-oqsma relatati ma’ l-impjieg. Dawn l-oqsma huma kkaratterzzati b’għażliet leġittimi li jappartjienu għas-soċjetà f’oqsma li jaqaw taħt il-kompetenza nazzjonali.

Id-diversità tas-soċjetajiet Ewropej hi waħda mill-ħiliet ta’ l-Ewropa, u din għandha tkun irrispettata skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Kwistjonijiet bħall-organizzazzjoni u l-kontenut ta’ l-edukazzjoni, ir-rikonoxximent ta’ l-istatus taż-żwieġ jew tal-familja, l-adozzjoni, id-drittijiet tar-riproduzzjoni u kwistjonijiet simili oħra huma deċiżi bl-aħjar mod fuq livell nazzjonali. L-abbozz tad-Direttiva għalhekk ma jeħtieġx li kwalukwe Stat Membru jemeda l-liġijiet u l-prattiċi preżenti b’relazzjoni ma’ dawn il-kwistjonijiet. Lanqas ma jaffettwa r-regoli nazzjonali li jirregolaw il-knejjes u l-organizzazzjonijiet reliġjużi oħrajn jew ir-relazzjoni tagħhom ma’ l-istat. Għalhekk, bħala eżempju, tibqa’ għall-Istati Membri waħedhom li jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet bħal jekk għandhomx jippermettu dħul selettiv fl-iskejjel, jekk għandhomx jirrikonoxxu żwiġijiet bejn persuni ta’ l-istess sess, u l-għamla ta’ kwalunkwe relazzjoni bejn ir-reliġjon organizzata u l-istat.

Id-diversi raġunijiet ta’ diskriminizzazzjoni jvarjaw sostantivament, u kull waħda jinħtiġilha li titfasslilha tweġiba. Din mhix kwistjoni tal-ħolqien ta’ ġerarkija bejn id-diversi raġunijiet, iżda li titwassal il-forma ta’ protezzjoni l-aktar xierqa għal kull waħda minnhom.

Dwar l-età, hemm sitwazzjonijiet fejn it-trattament ta’ xi ħadd b’mod differenti minħabba biss l-età tiegħu jista’ jkun iġġustifikat fl-interess pubbliku ġenerali. Eżempji jinkludu r-rekwiżiti ta’ età minima għal aċċess għal edukazzjoni jew għal ċerti prodotti u servizzi, tariffi preferenzjali għal ċerti gruppi ta’ età li jużaw it-trasport pubbliku jew li jżuru l-mużewijiet. Barra dan, fejn min jagħti l-assigurazzjoni u l-banek jużaw l-età bħala fattur attwarjali għall-valutazzjoni tal-profil tar-riskju tal-klijenti, din mhux bilfors tirriżulta f’diskriminazzjoni, għalkemm dan il-fattur għandu jintuża biss fejn rilevanti u meta bbażat fuq evidenza oġġettiva. Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw b’relazzjoni mad-diżabbiltà. Il-Kummissjoni għandha ħsieb li tibda djalogu ma’ fornituri ta’ servizzi finanzjarji, flimkien ma’ partijiet interessati rilevanti oħrajn, sabiex ipartu u jinkoraġixxu l-aħjar prattika.

Id-diżabbiltà teħtieġ ukoll reazzjoni speċifika u skond il-bżonn tagħha. Ħafna Stati Membri diġà għandhom leġiżlazzjoni li tipprovdi protezzjoni lil nies b’diżabbiltajiet, iżda hemm differenzi sinifikanti dwar it-tip ta’ protezzjoni assigurata u l-oqsma koperti. Barra dan, l-adozzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltajiet, li ġiet iffirmata flimkien mal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, issejjaħ għal standards ta’ implimentazzjoni fil-liġi nazzjonali tad-drittijiet li hi tipprovdi.

L-ugwaljanza reali għal persuni b’diżabbiltajiet ma tistax tingħata biss permezz tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni. Minflokk, tiddependi fuq azzjonijiet pożittivi, inkluż ir-reazzjoni għall-bżonnijiet ta’ persuni b’diżabbiltajiet. Nuqqas ta’ aċċessibbilità qed tiġi aktar rikonoxxuta bħala inammissibbli f’soċjetajiet Ewropej. Meta persuni b’diżabbiltà jingħataw il-kapaċità li jikkontribwixxu b’mod attiv dan iħalli benefiċċji ekonomiċi u soċjali veri. Kif kien il-każ għad-Direttiva ta’ l-2000 fil-qasam ta’ l-impjiegi, il-miżuri li jakkomodaw il-ħtiġijiet tagħhom għandhom ikunu raġonevoli – proporzjonati mal-bżonnijiet tal-klijent jew l-utent u f’termini ta’ spejjeż għall-entità jew għan-negozju kkonċernat. Stati Membri se jkomplu jkunu jistgħu jipprovdu edukazzjoni lil persuni b’diżabbiltajiet kemm fil-faċilitajiet konvenzjonali jew speċjalizzati.

Id-Direttiva tal-futur se tiġi applikata f’sitwazzjonijiet diversi ħafna madwar l-Unjoni Ewropea. Hu għalhekk xieraq li jitħalla marġni ta’ flessibilità lill-Istati Membri. Bħal eżempju, regoli li jidhru newtrali li iżda jistgħu fil-prattika jkollhom impatt żvantaġġuż fuq grupp jistgħu jkunu permissibbli jekk ikunu raġonevoli u jsegwu għan ġustifikabbli. Fil-monitoraġġ ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni se tagħti aktar attenzjoni partikolari għall-użu ta’ din il-possibbiltà.

L-abbozz tad-Direttiva japplika għall-provvista tal-prodotti u s-servizzi kollha. Ikun sproporzjonat li tissottometti individwi li qed jaħdmu purament b’mod privat għall-obbligi kollha ta’ l-abbozz tad-Direttiva. Għalhekk il-proposta tibni fuq il-prattika f’diversi Stati Membri u tinkludi dispożizzjonijiet li jillimitaw l-applikazzjoni tagħha għall-provvista kummerċjali ta’ prodotti u servizzi. Individwi privati huma koperti biss sakemm dawn ikunu qed iwettqu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom.

F’termini ta’ kunċetti u mekkaniżmi ewlenin, id-Direttiva proposta tadotta l-istess mudell ta’ suċċess użat fid-Direttivi eżistenti. Għalhekk id-Direttiva tirrifletti l-leġiżlazzjoni kurrenti dwar id-definizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni diretta u mhux diretta, fastidju u struzzjonijiet ta’ diskriminazzjoni. Dispożizzjonijiet dwar ir-rwol ta’ entitajiet għall-ugwaljanza u l-obbligu għall-Istati Membri li jkun hemm riparazzjoni xierqa kontra d-diskriminazzjoni quddiem il-qrati nazzjonali huma l-istess bħal dawk fil-leġiżlazzjoni kurrenti. Dawn il-kunċetti u l-mekkaniżmi għalhekk huma diġà familjari għall-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati fl-Istati Membri, dan għandu jagħmel l-istrument l-ġdid iktar faċli biex jiġi trasferit u applikat. Fl-istess ħin, billi jikkomplementaw id-Direttivi eżistenti, l-avviċinament propost jevita l-ftuħ mill-ġdid tad-diskussjoni u l-ħolqien ta’ inċertezza dwar l-acquis eżistenti. Il-Kummissjoni temmen li din il-proposta toffri mod bilanċjat u realistiku ’l quddiem biex jitlesta l-qafas Ewropew kontra d-diskriminazzjoni u talbet lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex iressqu ’l quddiem diskussjonijiet bħala kwistjoni ta’ prijorità.

3. IT-TISĦIĦ TA’ GĦODDA TA’ POLITIKA GĦAL PROMOZZJONI ATTIVA TA’ OPPORTUNITAJIET INDAQS

L-avvanzament ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ta’ opportunitajiet indaqs għal kull raġuni jorbot fuq bażi leġiżlattiva tajba u fuq firxa ta’ għodda ta’ politika. Dawn jinkludu ż-żieda ta’ l-għarfien, l-integrazzjoni, il-ġbir ta’ data u l-azzjoni pożittiva. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill fuq ix-xogħol segwit tas-Sena Ewropea ta’ l-2007 enfasizzat l-importanza li tingħata kunsiderazzjoni sħiħa u aktar żvilupp lil dawn l-għodod ta’ politika.

3.1 Għodod ta’ politika aktar b’saħħithom

Integrazzjoni b’nuqqas ta’ diskriminazzjoni

Il-prinċipji ta’ l-integrazzjoni għandhom japplikaw għar-raġunijiet kollha koperti mill-Artikolu Nru. 13 tal-KE jekk id-diżugwaljanza u d-diskriminazzjoni li l-gruppi kollha qed isofru għandhom jiġu mnaqqsa. Tnejn mir-raġunijiet huma diġà s-suġġett ta’ politiki speċifiċi ta’ l-UE li jinkludu sett ta’ azzjonijiet għall-integrazzjoni żviluppati sew. L-ewwel, l-istrateġija tad-diżabbiltà ta’ l-UE hi bbażata fuq Pjan ta’ Azzjoni tad-Diżabbiltà għal 2003-10, u b’mod aktar speċifiku l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropea 2008-09[10]. L-implimentazzjoni mill-Komunità u l-Istati Membri tal-Konvenzjoni tan-NU fuq id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltajiet se tipprovdi l-bażi għal kooperazzjoni mill-qrib f’dan il-qasam. It-tieni, il-Gwida għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għal 2006-10[11] tipprovdi qafas għall-azzjoni fil-qasam ta’ l-ugwaljanza tas-sessi. Attenzjoni speċjali se tingħata għall-integrazjoni tal-perspettiva tas-sessi fl-attivitajiet proposti.

Il-Kummissjoni ser tibni fuq dawn il-kisbiet billi tippromwovi l-inkorporazzjoni sistematika ta’ kwistjonijiet dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ta’ opportunità indaqs fuq il-bażijiet kollha ta’ l-Artikolu 13 f’kull politika, b’mod partikolari fil-mekkaniżmi tal-koordinazzjoni eżistenti għall-impjieg, inklużjoni soċjali, edukazzjoni u taħriġ. Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni ser iżżid il-monitoraġġ ta’ l-impatti dwar kwistjonijiet ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ta’ opportunità indaqs tal-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni, u se tinkoraġixxi NGOs b’esperjenza f’oqsma partikolari ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni sabiex jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet.

Se tinsisti li l-Istati Membri jutilizzaw id-diversi għodod ta’ l-integrazzjoni, prattika tajba u metodoloġiji diġà disponibbli fuq livell tal-Komunità u nazzjonali[12]. Opportunitajiet indaqs, kunsiderazzjonijiet u ħtiġijiet għall-aċċessibbiltà b’nuqqas ta’ diskriminazzjoni se jkunu koperti fil-gwida ppjanata fuq il-ksib pubbliku b’responsabbilità soċjali sabiex iżidu l-għarfien fl-Istati Membri dwar kif tippromwovi in-nuqqas ta’ d-diskriminazzjoni u ta’ opportunitajiet indaqs permezz ta’ politika u prattika ta’ akkwist.

Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi l-valuri ta’ nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ta’ opportunitajiet indaqs f’politiki oħrajn, bħad-drittijiet tat-tfal[13] u t-tkabbir, u b’mod aktar ġenerali fir-relazzjonijiet esterni ta’ l-UE, inkluż fuq livell multilaterali. Attenzjoni speċjali se tingħata lid-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoritajiet f’pajjiżi mhux membri.

Kejl tad-diskriminazzjoni u valutazzjoni tal-progress

Data eżatta hi essenzjali għall-valutazzjoni ta’ l-iskala u l-għamla tad-diskriminazzjoni soffruta u għad-disinn, għall-adattament, għall-monitoraġġ u għall-valutazzjoni ta’ politiki. Hemm domanda konsiderevoli għal data dwar ir-raġunijiet kollha ta’ diskriminazzjoni. Data disponibbli tvarja konsiderevolment skond ir-raġuni u skond l-Istat Membru[14], dan jagħmel il-komparabilità tad- data diffiċli jekk mhux impossibbli.

Leġiżlazzjoni dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad- data tistabbilixxi kriterji għall-ġbir u għall-ipproċessar tad- data [15]. B’mod ġenerali, il-pubbliku Ewropew huwa lest li jipprovdi informazzjoni personali b’mod anonimu f’ċensimenti bl-għan li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni[16]. Il-Kummissjoni qed tesplora l-possibbiltajiet ta’: (i) ġbir ta’ statistika regolarment fuq l-iskala u l-impatt tad-diskriminazzjoni flimkien ma’ l-awtoritajiet ta’ l-istatistika ta’ l-Istati Membri taħt il-Programm ta’ l-Istatistika tal-Komunità, b’mod partikolari fuq bażi ta’ oriġini razzjali jew etnika, reliġjon/twemmin u orjentazzjoni sesswali, fejn għad hemm nuqqas ta’ informazzjoni, u (ii) twaqqaf modulu ta’ stħarriġ ta’ l-UE fuq id-diskriminazzjoni. Qed taħdem mill-qrib ukoll ma’ l-Equinet biex tiżviluppa sistema għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar ilmenti mmaniġġjati minn entitajiet għall-ugwaljanza nazzjonali.

Azzjoni pożittiva

Trattament identiku jista’ jirriżulta f’ugwaljanza formali, iżda ma jkunx biżżejjed biex iġib ugwaljanza fil-prattika. Leġiżlazzjoni dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni ta’ l-UE ma timpedixxiex kwalunkwe Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni, jew għall-kumpens għal żvantaġġi konnessi ma’ diskriminazzjoni għal raġunijiet fejn hemm dispożizzjoni ta’ protezzjoni.

Hemm apprezzament li qed jikber malajr tar-rwol li l-azzjoni pożittiva tista’ tagħmel għar-riparazzjoni tan-nuqqas ta’ ugwaljanza sostantiva fis-soċjetajiet[17]. Xi Stati Membri[18] introduċew dispożizzjonijiet li jagħmluha dover għall-awtoritajiet pubbliċi li jippromwovu l-ugwaljanza bħala għan ċentrali ta’ l-attivitajiet kollha tagħhom. Il-Kummissjoni se tuża’ d-djalogu permanenti ma’ l-Istati Membri għall-promozzjoni ta’ l-utilizzazzjoni sħiħa tal-possibbiltajiet għall-azzjoni pożittiva, b’mod partikolari b’aċċess għall-edukazzjoni, l-impjieg, l-akkomodazzjoni fid-djar u l-kura tas-saħħa.

Attivitajiet biex iqajmu għarfien u għat-taħriġ

Informazzjoni fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti hi kundizzjoni bi prova biex isir użu reali minnha minn vittmi potenzjali u għall-għarfien tad-doveri fost min iħaddem, fornituri ta’ servizz u amministrazzjonijiet. Iżda kif kien osservat qabel, l-għarfien tal-leġiżlazzjoni dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni jibqa’ baxx[19]. Jekk aktar progress għandu jkun miksub, l-ikbar bidliet — u dawk l-aktar diffiċli biex jinkisbu — jinvolvu l-ġlieda ta’ l-istereotipi u l-preġudizzju fil-forom kollha tiegħu. Il-kampanja ta’ informazzjoni ta’ l-UE ‘Favur id-Diversità — Kontra id-Diskriminizzazzjoni’ se tkun segwita b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ gruppi tax-xogħol nazzjonali li jiġbru flimkien rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, uffiċjali tal-gvern, imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll aktar appoġġ għall-attivitajiet ta’ taħriġ fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti u timmira lejn partijiet interessati ewlenin, inklużi entitajiet għall-ugwaljanza, aġġudikanti, avukati, NGOs u msieħba soċjali.

Promozzjoni tal-benefiċċji tad-diversità fuq il-post tax-xogħol

B’rikonoxximent li l-leġiżlazzjoni hi aktar effettiva meta timxi flimkien ma’ l-istrateġiji progressivi u innovativi implimentati minn min iħaddem għall-ġestjoni tal-forza tax-xogħol li qed tiżdied fid-diversità, il-Kummissjoni[20] u l-Istati Membri[21] jappoġġaw l-iżvilupp tal-ġestjoni tad-diversità, kemm f’kumpaniji akbar u kif ukoll fl-SMEs[22].

Il-Kunsill talab lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu aktar id-diversità tal-forza tax-xogħol u t-trawwim ta’ l-iżvilupp ta’ għodod kummerċjali adattati, inklużi statuti volontarji[23]. B’risposta, bl-appoġġ ta’ l-organizzazzjonijiet tan-negozju u ta’ min iħaddem, il-Kummissjoni se tinkoraġixxi inizjattivi madwar l-UE. Se tippromwovi wkoll kooperazzjoni bejn in-negozji, il-kulleġġi tal-kummerċ u l-universitajiet dwar il-possibbiltajiet għall-kooperazzjoni aktar mill-qrib fir-riċerka u fit-taħriġ fuq suġġetti relatati mad-diversità. Kif ukoll, se tippromwovi ġestjoni tad-diversità u ta’ diversità mtejba f’amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livell ta’ l-UE u nazzjonali[24].

3.2 Żvilupp tad-djalogu dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ta’ opportunitajiet indaqs

Fl-2007 is-Sena Ewropea ta’ l-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd fetħet toroq ġodda għall-promozzjoni tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u għall-opportunitajiet indaqs billi involviet l-atturi kollha fi djalogu tul oqsma differenti fuq livell ta’ l-UE u nazzjonali. L-Istati Membri u s-soċjetà ċivili għarfu l-valur li jpoġġu dan id-djalogu fuq bażi aktar permanenti. Dawn l-iskambji se jkunu abbażi ta’ samits dwar l-ugwaljanza annwali, li jiġbru flimkien partijiet interessati fuq l-ogħla livell biex jikkalkulaw x’sar u jagħtu impetus u direzzjoni.

Il-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti tal-gvern dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni[25] għall-eżaminazzjoni ta’ l-impatt ta’ miżuri kontra d-diskriminazzjoni nazzjonali u fuq livell ta’ l-UE, għat-tisħiħ ta’ prattika tajba permezz ta’ tagħlim minn persuni ta’ l-istess livell u għall-iżvilupp ta’ punti ta’ referenza għall-valutazzjoni ta’ l-effikaċja ta’ politiki dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Bħal eżempju, il-Kummissjoni għandha ħsieb li taħdem ma’ dan il-grupp biex isegwi l-iskoperti ta’ l-istudju komparattiv fuq l-omofobija u d-diskriminazzjoni għal raġuni ta’ orjentazzjoni sesswali fl-UE magħmul mill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali. Il-grupp se jiltaqa regolarment mas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-Equinet. Il-Komunità tista’ tuża l-programm ta’ Progress għall-appoġġ ta’ l-identifikazzjoni ta’ prattika ta’ innovazzjoni permezz ta’ dan il-proċess. Il-Kummissjoni se tirraporta lis-sammits dwar l-ugwaljanza fir-riżultati ta’ dan ix-xogħol.

Il-Kummissjoni għandha ħsieb li tuża’ dawn il-mekkaniżmi ġodda tal-gvern biex tindirizza l-kwistjoni tal-multidiskriminizzajoni mibnija fuq prattika stabbilita f’ċerti Stati Membri li jipprovdu proċedura legali waħda għall-vittmi ta’ diskriminazzjoni ta’ din ix-xorta biex jissottomettu lmenti u għat-trattament ta’ evidenza li d-diskriminazzjoni saret fuq aktar minn bażi waħda bħala fattur ta’ aggravament. Il-Kummissjoni se tqajjem għarfien ta’ multidiskriminizzazzjoni permezz ta’ l-iffinanzjar ta’ attivitajiet u l-ipprovdar ta’ fondi għal netwerks iżgħar ta’ NGOs li jirrapreżentaw gruppi ta’ intersezzjoni.

3.3 Applikazzjoni ta’ għodod aħjar biex javvanzaw l-inklużjoni soċjali tar-Roma

Waqt li tkabbar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni permezz ta’ għodod kemm leġiżlattiv kif ukoll ta’ politiki se jibbenefikaw il-gruppi kollha tal-partijiet interessati potenzjali, jibqa’ importanti l-indirizz ta’ l-interessi partikolari ta’ gruppi speċifiċi. Is-sitwazzjoni tar-Roma hi ta’ preokkupazzjoni partikolari billi attwalment għadha kkaraterizzata b’diskriminazzjoni persistenti individwali u istituzzjonali u esklużjoni soċjali kbira ħafna. Il-marġinalizzazzjoni ta’ miljuni ta’ persuni mhix aċċettabbli fuq kollox mil-lat ta’ l-ugwaljanza u tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tal-bniedem. Din ma tistax tiġi wkoll difiża mil-lat tal-koeżjoni soċjali. Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, il-qgħad ġenerali u l-faqar ta’ grupp kbir ta’ persuni ta’ din ix-xorta mhux għajr ħela f’termini ekonomiċi. L-indirizzar ta’ din il-problema urġenti hi responsabbiltà konġunta ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni kkundannat b’mod ripetittiv il-manifestazzjonijiet kollha kontra ż-żingari bħala forma speċifika ta’ razziżmu li mhux kompatibbli mal-prinċipji ta’ l-UE. L-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar id-diskriminazzjoni ta’ l-UE fl-Istati Membri hi l-punt bażiku ta’ tluq għall-inklużjoni tar-Roma. Il-Kummissjoni se tibqa’ viġilanti f’dan il-qasam u se żżid il-ħidma tagħha ma’ entitajiet għall-ugwaljanza nazzjonali għat-titjib tal-kapaċità tagħhom fl-immaniġġjar ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni kontra r-Roma. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti appoġġ fil-bini tal-kapaċità fost is-soċjetà ċivili tar-Roma u għall-promozzjoni ta’ l-involviment tagħhom fuq il-livelli kollha ta’ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika.

Is-sitwazzjoni ta’ Roma ġiet irrikonoxxuta mill-Kunsill Ewropew, li talab lill-Kummissjoni f’Diċembru 2007 “ biex teżamina politiki u strumenti eżistenti u biex tirraporta lill-Kunsill dwar il-progress miksub. ” Id-Dokument ta’ Ħidma ta’ l-Istaff li jakkumpanja jwieġeb għal din it-talba. Hi turi li hemm qafas b’saħħtu ta’ għodda leġiżlattivi, finanzjarji u ta’ koordinazzjoni tal-politika disponibbli u li dawn qed jintużaw iżjed, imma li jista’ jsir aktar biex dawn jaħdmu b’mod aktar effettiv.

L-impatt abbażi ta’ dawn l-għodod jiddependi madankollu fuq l-obbligu ta’ l-Istati Membri u l-kapaċità ta’ l-atturi kollha involuti li jagħmlu użu minnhom b’mod sħiħ. Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2008 staqsa l-Kunsill biex jittratta din il-kwistjoni b’urġenza. Il-Kummissjoni se tuża’ il-mezzi kollha disponibbli għall-appoġġ ta’ dan il-proċess billi tħares ’il quddiem lejn obbligu ċar mill-Kunsill Ewropew fit-tmiem tal-Presidenza Franċiża.

Sabiex jiġi appoġġat u promoss impenn konġunt mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u tas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni se torganizza Samit ta’ l-UE dwar ir-Roma għall-partijiet interessati kollha fl-Settembru 2008 fil-kuntest tas-Sena Ewropea għad-Djalogu Inter-Kulturali; il-konklużjonijiet tas-Samit se jiġu ppreżentati lill-Presidenza Franċiża għal aktar kunsiderazzjoni fil-Kunsill tal-Ministri qabel il-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2008. Barra minn hekk, filwaqt li se tkompli tibni fuq ir-riċerka estensiva li diġà saret, il-Kummissjoni se tagħmel studju komprensiv tal-politiki eżistenti u tal-mekkaniżmi istituzzjonali u l-konnessjonijiet tagħhom ma’ programmi u proġetti li jimmiraw persuni Roma bl-għan li jiddentifikaw prattiċi trasferibbli ta’ suċċess biex jagħmlu użu aħjar ta’ l-istrumenti tal-Komunità u nazzjonali.

4. KONKLUżJONI

Il-Kummissjoni hi obbligata bis-sħiħ li tiġġieled il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni taħt l-Artikolu 13 tal-KE u se tkompli tagħmel monitoraġġ tat-traspożizzjoni tad-Direttivi eżistenti b’attenzjoni. Sabiex jitlesta l-qafas legali ta’ l-UE, qed tippreżenta proposta għal direttiva li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ età, diżabbiltà, orjentazzjoni sesswali, reliġjon jew twemmin barra l-isfera ta’ l-impjieg. Il-Kummissjoni titlob lill-Kunsill u lill-Parlament biex iressqu ’l quddiem diskussjonijiet fuq il-proposta bħala kwistjoni ta’ prijorità.

Protezzjoni legali b’suċċess tad-drittijiet individwali trid timxi flimkien ma’ promozzjoni attiva dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u ta’ opportunitajiet indaqs. Il-Kummissjoni hi obbligata li tikseb aktar progress fil-livell ta’ l-UE u nazzjonali f’oqsma ewlenin, bħaż-żieda ta’ l-għarfien, l-integrazzjoni b’nuqqas ta’ diskriminazzjoni, azzjoni pożittiva u ġbir ta’ data . Governanza aktar robusta ta’ politika dwar in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni għandha tiffaċilita l-iskambju ta’ prattika tajba, tagħlim minn persuni ta’ l-istess livell u punti ta’ referenza bejn l-Istati Membri u tinkoraġixxi l-iżvilupp ta’ avviċinamenti ġodda pereżempju biex tiġi indirizzata l-multidiskriminizzazzjoni.

Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali, se tagħmel monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-inizjattivi mwaqqfa f’din il-Komunikazzjoni. Se tevalwa l-progress u l-impatt ta’ attivitajiet speċifiċi.[pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] Is-Servej Speċjali ta’ Eurobarometer 296 (2008).

[2] COM(2008) 412 finali.

[3] COM(2005) 224 finali.

[4] Id-Direttivi tal-Kunsill 2000/43/KE ta’ 29 ta’ Ġunju 2000 għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22), 2000/78/KE ta’ 27 ta’ Novembru 2000 għat-twaqqif ta’ qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16) u 2004/113/KE ta’ 13 ta’ Diċembru 2004 għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn irġiel u nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

[5] COM(2006) 643 finali.

[6] COM(2008) 225 finali.

[7] Servej ta’ Eurobarometer wera li 33 % ta’ l-Ewropej biss jafu d-drittijiet tagħhom, kieku kellhom ikunu vittmi ta’ diskriminazzjoni http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/public/pubst_en.htm

[8] Id-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006, ĠU L 315, 15.11.2006, p. 1.

[9] In-Netwerk Ewropew għall-Entitajiet ta’ l-Ugwaljanza http://www.equineteurope.org

[10] COM(2007) 738 finali.

[11] COM(2006) 92 finali.

[12] Integrazzjoni b’nuqqas ta’ diskriminizzazzjoni: strumenti, każijiet ta’ studji u l-mod ’il quddiem , il-Kumissjoni Ewropea, April 2007

[13] Il-Komunikazzjoni Lejn Strateġija ta’ l-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (COM(2006) 367 finali).

[14] Ara r-Rapport ta’ Studju tal-Qafas Kunċettwali, Kummissjoni Ewropea, Jannar 2008:

http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/pdf/pubst/stud/measprog08_en.pdf.

[15] Ara Tikjil tad-diskriminizzazzjoni: Ġabra tad- data u l-liġi dwar l-ugwaljanza ta’ l-UE, Netwerk Ewropew ta’ esperti legali fil-qasam tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, Frar 2007:

http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/pdf/legnet/07measdis_en.pdf.

[16] 75 % ta’ l-Ewropej huma lesti li jiddikjaraw l-isfond tar-razza tagħhom, 74 % ir-reliġjon tagħhom u 65 % l-orjentazzjoni sesswali tagħhom: ara l-edizzjoni Speċjali ta’ Eurobarometer 263, Jannar 2007.

[17] Lilhinn minn Ugwaljanza Formali: Azzjoni pożittiva skond id-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE , Kummissjoni Ewropea, Ottubru 2007: http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/pdf/legnet/bfe07_en.pdf.

[18] Ir-Renju Unit u l-Finlandja.

[19] Edizzjoni Speċjali ta’ l-Eurobarometer 263 / TNS Opinjoni u Soċjali

[20] Il-Każ tan-Negozju għad-Diversità – Prattiċi tajba fil-post tax-xogħol, il-Kummissjoni Ewropea, 2005: http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/pdf/events/busicase_en.pdf.

[21] Franza, il-Belġju (Brussell-ir-Reġjun Kapitali) u l-Ġermanja.

[22] Id-diversità applikata: 8 passi għal negozji żgħar u medji, il-Kummissjoni Ewropea, 2007: http://ec.europa.eu/employment_social/fundamental_rights/pdf/pubst/broch/8steps07_en.pdf.

[23] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2007/C 308/01 tal-5 ta’ Diċembru 2007.

[24] Pereżempju, billi jitnieda studju ddettaljat dwar il-prattiċi ta’ entitajiet pubbliċi li jħaddmu fil-ġlieda kontra d-diskriminizzazzjoni u fil-promozzoni tad-diversità.

[25] C(2008)3261.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet