Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, fir-rigward ta’ l-iskema ta' appoġġ dwar il-qoton {SEK(2007) 1481} {SEK(2007) 1482}
/* KUMM/2007/0701 finali - CNS 2007/0242 */
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |
| doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc | doc |
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |
Brussel 9.11.2007
KUMM(2007) 701 finali
2007/0242 (CNS)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, fir-rigward ta’ l-iskema ta' appoġġ dwar il-qoton
(preżentata mill-Kummissjoni) {SEK(2007) 1481}{SEK(2007) 1482}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1 ) IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA
- Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha
Fis-7 ta' Settembru 2006, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja annullat ir-riforma dwar il-qoton ta' l-2004, filwaqt li kkonkludiet li sar ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalita' minħabba li:
- il-KE ma wettqitx studju ta' l-impatt;
- il-KE ma kkunsidratx il-kosts diretti tax-xogħol fil-proċess ta' evalwazzjoni u ta' deċiżjoni;
- il-KE ma kkunsidratx l-impatt ta' l-iskema l-ġdida fuq l-industrija tal-ħalġ li, minkejja li mhijiex inkluża fil-Protokoll, hija marbuta direttament mal-kummerċ tal-produzzjoni tal-qoton.
Konsegwentement, attenzjoni partikolari ngħatat lil dawn l-elementi matul l-istadji varji ta' l-analiżi ta' impatt li wettqu s-servizzi tal-Kummissjoni.
Din il-proposta tintroduċi skema ġdida tal-qoton li għandha l-għan li tinkoraġġixxi settur tal-qoton kompetittiv, sostenibbli u mmexxi mis-suq, filwaqt li jitħarsu l-impenji tal-Protokoll.
- Il-kuntest ġenerali
Għalkemm is-settur tal-qoton għandu sinifikat limitat għall-UE jollha kemm hi, b'kontribut ta' 0.15 % biss għall-produzzjoni agrikola finali, għandu importanza reġjunali qawwija fiż-żewġ Stati Membri li jipproduċu l-qoton. Madwar 76 % tal-produzzjoni totali ta' l-UE (madwar 1.45 miljun tunnellata ta' qoton mhux proċessat) jitkabbar fil-Greċja. Fl-2005 9.0 % tal-produzzjoni agrikola totali tal-Greċja kien mill-qoton waqt li fi Spanja, il-produttur ewlieni l-ieħor ta' l-UE, il-produzzjoni tal-qoton ikkontribwiet 1.3 %. Ammont żgħir ta' qoton jitkabbar ukoll fil-Bulgarija; il-Portugall ma għadux ikabbar il-qoton.
Fil-Greċja, il-biċċa l-kbira tar-380 000 ettaru użati għat-tkabbir tal-qoton jinstabu fi tliet reġjuni: Thessaly, Macedonia-Thrace u Sterea Ellada. Fi Spanja, il-produzzjoni hija kkonċentrata fl-Andalusia, prinċipalment fil-provinċji ta' Seville u Cordoba. Il-medda totali tal-qoton fi Spanja kienet ta' madwar 65 000 ettaru fl-2007.
Fl-UE, il-biċċa l-kbira ta' l-istabbilimenti li jkabbru l-qoton huma karatterizzati bid-daqs żgħir tagħhom (Greċja 4.5 ettari u Spanja 11-il ettaru) u bl-abbondanza tagħhom (79 700 fil-Greċja u 9 500 fi Spanja). Fil-Greċja, ażjendi tal-qoton għandhom livell ogħla ta' speċjalizzazzjoni; Thessaly hija mogħtija kważi esklussivament għall-produzzjoni tal-qoton.
F'dawn l-aħħar snin, l-impatt ambjentali tal-qoton attira l-attenzjoni. B'dipendenza fuq is-saqi u l-fertilizzanti, il-qoton huwa assoċjat minn ħafna ma' bijodiversità baxxa u tfaqqir tal-ħamrija. Barra minn hekk, l-użu intensiv ta' prodotti fitosanitarji, speċjalment l-insettiċidi, u sustanzi li jwaqqgħu l-weraq biex jassistu l-ħsad, huwa ta' tħassib.
Fl-istadju ta' l-ipproċessar, intrapriżi privati u kooperattivi l-qoton mhux proċessat jibdluh fi stat li jkun jista' jintuża permezz ta' proċess ta' ħalġ, li jissepara l-fibri tal-qoton miż-żrieragħ. Il-kapaċita' tad-29 impjant tal-ħalġ fi Spanja, li kważi nofshom huma kooperattivi, taqbeż sew il-produzzjoni tal-pajjiż. Fil-Greċja l-kapaċita' tal-ħalġ hija iktar ibbilanċjata mal-produzzjoni u proporzjon iżgħar ta' impjanti huma mmexxijin minn kooperattivi (20 minn 73).
Fuq livell internazzjonali, l-UE hija protagonist minuri, li tikkontribwixxi madwar 2 % biss għall-produzzjoni dinjija totali tal-qoton. Il-pajjiżi produtturi ewlenin huma ċ-Ċina (24 %), l-Istati Uniti ta' l-Amerika (20 %) u l-Indja (14 %).
L-UE hija waħda mill-importaturi netti tad-dinja fir-rigward il-qoton. L-esporti tal-qoton fid-dinja huma ddominati mill-Istati Uniti ta' l-Amerika, li bħalissa jesportaw madwar 2.75 miljun tunnellata, jew 36.5 % tal-kummerċ dinji.
L-ikbar konsumaturi tal-qoton huma dawk il-pajjiżi li għandhom industriji stabbiliti tal-manifattura. Iċ-Ċina tuża 32 % tal-qoton fid-dinja, segwita mill-Istati Uniti ta' l-Amerika (14 %) u l-Indja (7 %). Il-konsum fl-UE ta' madwar 0.6 miljun tunnellata ta' qoton maħluġ (2.7 % tat-total dinji) huwa kkonċentrat l-iktar fl-Italja, il-Portugall u l-Ġermanja.
Il-fatt li l-UE hija produttur marġinali tal-qoton jimplika li l-impatt tal-produzzjoni mill-UE fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-suq dinji huwa żgħir ħafna. Dan jissaħħaħ iktar bil-fatt li l-UE ma tużax sussidji ta' esport għal dan is-settur u toffri aċċess bla dazju. Għalkemm politiki ta' pajjiżi oħra żviluppati u li qegħdin jiżviluppaw kellhom effett sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-qoton fid-dinja, il-fattur ewlieni li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-prezz huwa ż-żieda fil-kompetizzjoni minn materjali sintetiċi.
Fl-Ewropa, l-ewwel skema ta' appoġġ tal-qoton twaqqfet ma' l-adeżjoni tal-Greċja fil-KE fl-1980, imbagħad ġiet estiża għal Spanja u l-Portugall fl-1986. Protokoll anness għat-Trattat ta' Adeżjoni jgħid li l-Komunita' għandha tiżgura l-appoġġ tal-produzzjoni tal-qoton fir-reġjuni fejn huwa importanti għall-ekonomija agrikola. Is-sistema ta' appoġġ għandha tippermetti lill-produtturi kkonċernati dħul ġust u tinkludi għajnuna fil-produzzjoni.
L-iskema inizjali kienet ibbażata fuq "ħlas ta' kumpens" mogħti lil proċessuri, li kienu jħallsu prezz minimu lill-bdiewa li pprovdewhom b'qoton mhux maħluġ. L-għajnuna u l-prezz minimu kienu bbażati fuq id-differenza bejn il-prezz intern ta' mira u l-prezz tas-suq dinji. Din l-iskema ħolqot espansjoni kbira tas-settur tal-qoton kollu fl-UE.
F'dawn l-aħħar snin il-PAK għaddiet minn riforma fundamentali, immirata biex tkabbar il-kompetittività, is-sikurezza u l-kwalità ta' l-ikel, l-iżvilupp tal-vitalità ta' żoni rurali, is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tad-diċentralizzazzjoni. Il-prinċipju ewlieni ta' gwida tal-proċess ta' riforma tal-PAK ta' l-2003 huwa li minn appoġġ għall-prezzijiet u l-produzzjoni ngħaddu għal appoġġ diżakkoppjat għad-dħul.
Sabiex il-qoton ikun iktar konformi ma' setturi oħra, f'April 2004 l-Kunsill adotta skema ġdida għall-qoton, ibbażata fuq għajnuna diżakkoppjata għad-dħul u pagament speċifiku għal prodotti tar-raba', li t-tnejn huma mħallsin direttament lill-bdiewa tal-qoton. Dan daħal fis-seħħ f'Jannar 2006.
- Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta
Il-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, jistabbilixxi regoli għall-pagament speċifiku għall-qoton. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-kapitolu ġew annullati mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Settembru 2006 fil-kawża C-310/04. L-effetti ta' l-annullament kienu ġew sospiżi sa l-adozzjoni, fi żmien raġonevoli, ta' regolament ġdid.
- Il-konsistenza mal-politiki u għanijiet oħra ta' l-Unjoni
Mhux applikabbli.
2 ) IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TA' L-IMPATT
- Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati
Metodi ta' konsultazzjoni, is-setturi ewlenin fil-mira u l-profil ġenerali ta' dawk li wieġbu
Għall-assistenza fit-tħejjija ta' din il-proposta u l-valutazzjoni ta' l-impatt tagħha, żewġ studji indipendenti ġew ikkummissjonati biex, rispettivament, janalizzaw l-aspetti soċjo-ekonomiċi tal-qoton u biex jevalwaw l-impatt ambjentali ta' l-iskema. Fil-qafas taż-żewġ studji, ġbir ta' data u l-valutazzjonijiet ta' l-impatt kienu bbażati fuq kwestjonarji ndirizzati lil partijiet interessati, u intervisti mwettqin minn esperti.
Is-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw ukoll laqgħat ta' ħidma u seminars bl-involviment tal-partijiet interessati. Dawn il-konsultazzjonijiet kienu addizzjonali għall-laqgħat regolari mal-professjonisti tas-settur organizzati fil-qafas tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Qoton u tal-Kumitat ta' Tmexxija dwar il-Fibri Naturali. Kienu organizzati wkoll laqgħat mar-rappreżentanti tax-xogħol u NGOs li huma attivi fil-qasam ta' politika ta' żvilupp u protezzjoni ambjentali, kif ukoll akkademiċi b'għarfien speċjalizzat dwar is-settur tal-qoton u l-awtoritajiet fir-reġjuni fejn il-kultivazzjoni tal-qoton għandu rwol importanti.
Saret konsultazzjoni miftuħa fuq l-Internet mit-8 ta’ Mejju 2007 sat-22 ta’ Ġunju 2007. Il-Kummissjoni rċeviet 320 risposta. Ipprovdiet rispons addizzjonali minn pubbliku akbar.
- Il-ġbir u l-użu ta' l-għarfien espert
L-oqsma xjentifiċi/ta’ għarfien espert ikkonċernati
l-ekonomija agrikola u l-istatistika
Il-metodoloġija użata
Studji indipendenti u konsultazzjoni tal-partijiet interessati
L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin li ġew ikkonsultati
Ara fuq
Il-mezzi użati biex il-parir espert isir disponibbli pubblikament
Ir-riżultati tal-konsultazzjoni ser ikunu disponibbli fis-sit:http://ec.europa.eu/agriculture/consultations/cotton/index_en.htm.
- Il-valutazzjoni ta' l-impatt
Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni ta' l-impatt imniżżel fil-Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kumissjoni 2007 disponibbli fis-sit Europa.
3 ) L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA
- Sommarju ta' l-azzjoni proposta
L-iskema l-ġdida tal-qoton għandu jkollha l-għanijiet li ġejjin:
o it-tkomplija ta' attività agrikola bħala komponent ta' l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni li jipproduċu l-qoton;
o il-kompatibbiltà ta' l-għażliet ta' appoġġ għal produtturi tal-qoton mal-prinċipji tal-PAK riformata;
o il-kompatibbiltà ta' l-għażliet ta' appoġġ għal produtturi tal-qoton ma' l-impennji ta' l-UE ma' l-WTO u l-limitazzjoni ta' kwalunkwe impatt negattiv fuq pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;
o l-istabbiltà u l-kontroll tal-baġit ta' l-UE;
o il-kompetittività u l-orjentazzjoni tas-suq tas-settur tal-qoton ta' l-UE;
o It-tnaqqis ta' l-impatt tal-produzzjoni tal-qoton fuq l-ambjent;
o is-simplifikazzjoni tat-tmexxija ta' l-iskema ta' appoġġ għal produtturi tal-qoton.
Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Proposta tirrakkomanda li 65 % tar-riżorsi użati għall-appoġġ tas-settur tal-qoton qabel ir-riforma ta' l-2004 jkomplu jkunu integrati fl-Iskema tal-Ħlas Uniku. Bħal bdiewa oħra li japprofittaw minn appoġġ diżakkoppjat, dawk li jkabbru l-qoton ikollhom ċerta stabbiltà fid-dħul, bil-libertà li jadattaw għal żviluppi tas-suq.
Il-35 % li jibqa' ikomplu jkunu marbutin mal-produzzjoni tal-qoton, bħala ħlas tal-medda. Dawn il-pagamenti akkoppjati huma mfasslin biex jiżguraw il-kontinwazzjoni tat-tkabbir tal-qoton f'livell suffiċjenti biex jissalvagwardja l-industrija tal-ħalġ f'dawk ir-reġjuni fejn is-settur huwa forma ta' attività ekonomika importanti.
Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja qajmet il-kwistjoni, b'mod partikolari, tal-ġustifikazzjoni għar-rata ta' diżakkoppjar li ntgħażlet. Il-kwistjoni hija dwar kif l-iskema tal-qoton tista' tiddaħħal fir-riforma tal-PAK, waqt li fl-istess ħin jitħarsu l-għanijiet tal-Protokoll dwar il-Qoton fl-Atti ta' l-Adeżjoni tal-Greċja u ta' Spanja u l-Portugall.
Analiżi u kwestjonarji kumplementarji mwettqin fil-kuntest tal-Valutazzjoni ta' l-Impatt urew d-diversi strutturi ta' produzzjoni u l-fatturi li jaffettwaw il-proċess tat-teħid ta' deċizjonijiet tal-bdiewa. Strumenti ta' mudellar kwantitattiv ma setgħux jiddeterminaw b'ċertezza r-relazzjoni bejn forniment u pagamenti akkoppjati. Madankolli, hemm kunsens bejn is-simulazzjonijiet li twettqu li, fi żmien mezzan, rata akkoppjata ta' appoġġ ta' madwar 35 % tiffavorixxi t-tkomplija tal-produzzjoni tal-qoton – b'hekk tħares l-Protokoll – waqt li tkun konformi mal-prinċipji tar-riforma tal-PAK.
Fl-2004 l-Kunsill iddeċieda li jistabbilixxi r-rata ta' diżakkoppjar għal 35 % minkejja li l-Kummissjoni kienet ipproponiet 40 %. L-użu mill-ġdid ta' rata ta' akkoppjar ogħla, issa se jinvolvi ħafna xogħol għall-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri, kif ukoll inaqqas il-Ħlas Uniku għall-Azjendi Agrikoli lill-bdiewa tal-qoton.
Mil-lat amministrattiv, kwalunkwe tibdil ta' żieda tar-rata ta' akkoppjar timplika tnaqqis tar-rata ta' diżakkoppjar u, konsegwentement, il-kalkoli mill-ġdid tad-drittijiet għall-ħlas allokati fl-2006 lill-produtturi tal-qoton li huma stabbiliti sew fl-Istati Membri kkonċernati. B'kuntrast ma' dan, iż-żamma tar-rata ta' akkoppjar għal 35 % ma tinvolvi l-ebda piż amministrattiv aktar.
Fil-każ li tiġi stabbilita rata ta' diżakkoppjar ogħla minn 65 %, dan jista' jirriżulta fi tfixkil estensiv fis-settur tal-qoton. Għalhekk, wara li analizzat ix-xenarji possibbli, kif deskritti fil-Valutazzjoni ta' l-Impatt, il-Kummissjoni kkonkludiet li, biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija, il-bilanċ attwali bejn l-appoġġ akkopjat u dak diżakkoppjat għandu jkompli b'xi bidliet minuri oħra fl-iskema.
Huwa propost li l-medda massima għandha tibqa' kif inhi ta' 450 597 ettaru (370 000 ettaru fil-Greċja, 70 000 fi Spanja, 360 ettaru fil-Portugall u 10 237 ettaru fil-Bulgarija). Il-livell ta' pagament tal-medda ma jinbidilx u jitnaqqas proporzjonalment fil-każ ta' talbiet ta' ħlas li jaqbżu l-medda massima ta' Stat Membru.
Sew il-ħlas diżakkoppjat kif ukoll dak speċifiku għall-prodotti tar-raba' ikomplu jkunu soġġetti għal kriterji ta' kundizzjonalità, li jirriżulta f'produzzjoni ta' qoton aktar favur l-ambjent b'mod newtrali f'dak li għandu x'jaqsam mad-dħul.
Il-pagament speċifiku għal prodotti tar-raba' ikun mħallas għal kull ettaru ta' qoton eliġibli, bil-kundizzjoni li l-medda tinżamm talanqas sal-ħsad, bla obbligu ta' kunsinna jew bejgħ tal-qoton. Il-qoton ikollu jissodisfa r-rekwiżiti minimi: "tajjeb u ġust" u ta' kwalita' li tista' titqiegħed fis-suq.
Huwa propost li organizzazzjonijiet interprofessjonali għandhom ikunu appoġġati, sabiex ikun hemm koordinazzjoni aħjar tal-kummerċjalizzazzjoni tal-qoton, biex jinħolqu kuntratti bejn dawk li jkabbru l-qoton u l-proċessuri u biex tiġi promossa l-kwalità.
It-trasferiment finanzjarju għar-ristrutturar tar-reġjuni fejn jikber il-qoton, provdut fl-Artikolu 143d tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (€22 miljun kull sena mis-sena tal-baġit 2007) diġà huwa disponibbli għall- u ġie inkluż fl-analiżi annwali ta' l-appoġġ Komunitarju għall-iżvilupp rurali, mid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2006/410/KE u 2006/636/KE. Għalhekk, fil-perijodu 2007 sa 2013, ammont addizzjonali ta' €154 miljun ser ikun disponibbli bħala appoġġ Komunitarju addizzjonali għal miżuri f'reġjuni li jipproduċu l-qoton. Dan jippermetti lill-Istati Membri biex jassistu iktar, pereżempju, il-proċess ta' ristrutturar ta' ażjendi tat-tkabbir tal-qoton u l-industrija tal-ħalġ. Għal appoġġ għall-promozzjoni ta' qoton mill-UE, il-kreazzjoni ta' "tabella ta' oriġini" hija rakkomandata. Dan kien mitlub espliċitament mill-partijiet interessati matul il-proċess ta' konsultazzjoni.
F'Marzu 2006, il-Kummissjoni impenjat ruħha biex twettaq evalwazzjoni ta' politika ta' l-operazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta' oriġini għal prodotti agrikoli u għal prodotti ta' l-ikel. F'dan il-qafas il-Kummissjoni se tistudja l-possibbiltà li tinkludi l-qoton fl-ambitu tar-Regolament.
Biex tiżviluppa l-perċezzjoni pubblika tal-qoton tal-Komunità u biex tippromwovi l-użu tiegħu, il-Kummissjoni se tanalizza r-riilevanza, l-effikaċja u l-effiċjenza ta' l-inklużjoni ta' ċerti prodotti tal-qoton magħmula u manufatturati kompletament fl-UE fil-lista ta' prodotti eliġibbli għal azzjonijiet ta' tagħrif u promozzjoni.
- Il-bażi ġuridika
L-Artikolu 37(2) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u l-Protokoll Nru 4 dwar il-qoton (anness għall-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1979).
- Il-prinċipju ta'sussidjarjetà
Il-proposta tħalli l-elementi importanti fir-risponsabbiltà ta' l-Istati Membri:
- approvazzjoni ta' żoni għal produzzjoni tal-qoton,
- approvazzjoni ta' varjetajiet,
- approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali,
- distribuzzjoni ta' drittijiet ta' ħlas.
- definizzjoni ta' regoli ambjentali.
- Il-prinċipju ta' proporzjonalità
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju ta' proporzjonalità minħabba li tikkorrispondi ma' l-għanijiet ġenerali tal-politika agrikola komuni u fl-istess ħin tirrispetta l-obbligi imposti mill-Protokoll Nru 4.
- L-għażla ta' l-istrumenti
Strumenti proposti: Regolament tal-Kunsill li jintroduċi skema ġdida ta' appoġġ għal qoton li tissostitwixxi dik annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Settembru 2006 fil-kawżż C-310/04.
4) IMPLIKAZZJONIJIET GħALL-BAġIT
Il-medda bażi nazzjonali u l-ammont ta' għajnuuna għal kull ettaru eliġibbli jibqgħu l-istess bħal fis-sitwazzjoni attwali. Madankollu, bit-tnaqqis ta' ħlas akkoppjat minn €10/ettaru għal €3/ettaru għall-bdiewa li huma membri ta' organizzazzjoni interprofessjonali approvata, l-ammont mogħti lil dawn il-bdiewa jonqos minn €4.4 miljun sa €1.4 miljun, li jkopru kwalunkwe spejjeż addizzjonali ta' tagħrif u promozzjoni.
2007/0242 (CNS)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, fir-rigward ta’ l-iskema ta' appoġġ dwar il-qoton
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 37(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-Greċja, u b'mod partikolari l-paragrafu 6 tal-Protokoll Nru 4 tiegħu dwar il-qoton[1],
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[2],
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[3],
Billi:
(1) Il-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003[4] kif inserit mill-Artikolu 1(20) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 864/2004[5] jistabbilixxi regoli għal ħlas speċifiku għall-qoton.
(2) B'sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fis-7 ta' Settembru 2006 fil-kawża C-310/04[6] il-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 kien annullat għall-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, partikolarment b'referenza għaċ-ċirkostanza li "l-Kunsill, awtur tar-Regolament (KE) Nru 864/2004, ma stabbilixxiex quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-iskema l-ġdida ta' għajnuna għall-qoton stabbilita minn dan ir-Regolament kienet ġiet adottata permezz ta' eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li implika t-teħid in kusiderazzjoni ta' l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti f'dan il-każ, li fosthom hemm l-ispejjeż tas-salarji kollha marbuta mal-kultivazzjoni tal-qoton u l-vijabbiltà ta' l-impriżi tal-ħalġ, li t-teħid in kunsiderazzjoni tagħhom kien neċessarju għall-evalwazzjoni tal-profittabbiltà ta' din il-kultivazzjoni" u li l-Qorti ma setgħetx "tivverifika jekk il-leġiżlatur Komunitarju setax, mingħajr ma jeċċedi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu li huwa għandu fil-qasam, jasal għall-konklużjoni li l-istabbiliment ta' l-ammont ta' l-għajnuna speċifika għall-qoton għal 35 % tat-total ta' l-għajnuna eżistenti fl-iskema ta' għajnuna preċedenti huwa biżżejjed sabiex jiġi garantit l-għan espost fil-ħames premessa tal-prejambolu tar-Regolament Nru 864/2004, li huwa li tiġi assigurata l-profittabbiltà u, għaldaqstant, it-tkomplija ta' din il-kultivazzjoni, għan li jirrifletti dak preskrit fil-paragrafu 2 tal-Protokoll Nru 4". Il-Qorti ordnat ukoll li l-effetti ta' l-annullament jiġu sospiżi sa' l-adozzjoni, fi żmien raġonevoli, ta' regolament ġdid.
(3) Jeħtieġ li skema ġdida għal ħlas speċifiku għall-qoton tiġi adottata konformi mas-sentenza tal-Qorti fil-kawża C-310/04.
(4) L-iskema l-ġdida għandha tilħaq l-għanijiet, stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-Protokoll Nru 4 dwar il-qoton anness għall-Att ta' Adeżjoni tal-Greċja ('Protokoll 4'), għall-appoġġ tal-produzzjoni tal-qoton fir-reġjuni tal-Komunità fejn huwa importanti għall-ekonomija agrikola, biex il-produtturi kkonċernati jkollhom dħul tajjeb, u biex tistabilizza s-suq permezz ta' titjib strutturali fuq livell ta' forniment u kummerċjalizzazzjoni.
(5) L-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti f'din is-sitwazzjoni speċifika tas-settur tal-qoton, inkluż l-elementi meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-profitabbiltà ta' din il-kultivazzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati. Għal dan il-għan, beda proċess ta' evalwazzjoni u konsultazzjoni: twetttqu żewġ studji dwar l-impatt soċjoekonomiku u dak ambjentali fuq is-settur tal-qoton fil-Komunità li jista' jkollha l-iskema ta' appoġġ għall-qoton u għalhekk seminars speċifiċi u konsultazzjoni fuq l-internet ġew organizzati mal-partijiet interessati.
(6) Id-diżakkoppjar ta' appoġġ dirett għall-produttur u l-introduzzjoni ta' l-iskema ta' pagament uniku huma elementi essenzjali fil-proċess tar-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) li timmira lejn politika ta' appoġġ inqas ibbażata fuq prezzijiet u produzzjoni u aktar fuq politika ta' appoġġ għad-dħul tal-bdiewa. Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 introduċa dawk l-elementi għal bosta prodotti agrikoli.
(7) Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riforma tal-PAK, l-appoġġ għall-qoton għandu jkun diżakkoppjat sew u integrat fl-iskema ta' pagament uniku.
(8) Integrazzjoni kompluta fl-iskema ta' pagament uniku ta' l-iskema ta' appoġġ fis-settur tal-qoton aktarx joħloq riskju sinifikanti ta' tħarbit fil-produzzjoni tar-reġjuni fil-Komunità li jipproduċu l-qoton. Parti mill-appoġġ għandu għalhekk ikompli jkun marbut mal-kultivazzjoni tal-qoton permezz ta' pagament speċifiku għal prodotti taż-żoni tar-raba' għal kull ettaru eliġibbli. Dan l-ammont għandu jkun ikkalkulat b'tali mod li jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-paragrafu 2 tal-Protokoll 4 filwaqt li l-iskema tal-qoton tidħol fil-proċess ġenerali tar-riforma u s-simplifikazzjoni tal-PAK. Għal dan il-għan, fid-dawl ta' l-evalwazzjoni mwettqa, huwa ġustifikat li l-għajnuna totali disponibbli għal kull ettaru għal kull Stat Membru huwa fissat għal 35 % tas-sehem nazzjonali ta' l-għajnuna li ngħata indirettament lill-produtturi. It-tali rata tippermetti lis-settur tal-qoton sabiex jersaq lejn vijabbiltà fit-tul, tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni li jipproduċu l-qoton u tiżgura dħul ġust għall-bdiewa.
(9) Il-65 % ta' s-sehem nazzjonali ta' l-għajnuna li jifdal li ngħata indirettament lill-produtturi għandu jkun disponibbli għall-iskema ta' pagament uniku.
(10) Għal raġunijiet ambjentali, għandha tkun stabbilita medda bażi għal kull Stat Membru sabiex jiġu limitati l-meded miżrugħa bil-qoton. Barra minn hekk, il-meded eliġibli għandhom ikunu ristretti għal dawk li huma awtorizzati mill-Istati Membri.
(11) Sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta' l-industrija tal-ħalġ, l-eliġibiltà għall-għajnuna għandha tkun relatata mal-kwalità minima tal-qoton li nħasad.
(12) Sabiex il-produtturi u l-ħallieġa jitħallew itejbu l-kwalità tal-qoton, l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet interprofessjonali, li għandhom ikunu approvati mill-Istati Membri, għandu jiġi inkoraġġit. Il-Komunità għandha tikkontribwixxi indirettament lill-attivitajiet ta' dawk l-organizzazzjonijiet billi żżid l-għajnuna għal dawk il-bdiewa li huma membri ta' l-organizzazzjonijiet.
(13) Sabiex tiġi applikata l-iskema ġdida ta' għajnuna għall-qoton mill-bidu tas-sena kalendarja, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2008.
(14) Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu b'dan ikun emendat kif ġej:
(1) Fit-Titolu IV, il-Kapitolu 10a għandu jinbidel b’dan li ġej:
" KAPITOLU 10A PAGAMENT SPEċIFIKU GħALL-PRODOTTI TAR-RABA' FIR-RIGWARD TAL-QOTON
Artikolu 110a – L-ambitu
Għajnuna għandha tingħata lill-bdiewa li jipproduċu l-qoton, li jaqa' taħt il-kodiċi NM 520 00 taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-Kapitolu.
Artikolu 110b -Eliġibiltà
1. L-għajnuna għandha tingħata għal kull ettaru ta' medda eliġibbli tal-qoton. Sabiex il-medda tkun eliġibbli, għandha tkun f'art agrikola awtorizzata għall-produzzjoni tal-qoton mill-Istat Membru, miżrugħa b'varjetajiet awtorizzati u li jinħasdu f'kundizzjonijiet ta' tkabbir normali.
L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 110a għandha titħallas għal qoton ta' kwalita' kummerċjali tajba u ġusta.
2. Stati Membri għandhom jawtorizzaw l-art u l-varjetajiet kif imsemmi fil-paragrafu 1 skond regoli u kundizzjonijiet dettaljati adottati b'mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).
Artikolu 110c – Żoni u ammonti bażi
1. Il-meded bażi nazzjonali huma hawnhekk stabbiliti kif ġej:
- Il-Bulgarija: 10 237 ettaru,
- Il-Greċja: 370 000 ettaru,
- Spanja: 70 000 ettaru,
- Il-Portugall: 360 ettaru.
2. L-ammont ta' l-għajnuna għal kull ettaru eliġibbli għandu jkun kif ġej:
- Il-Bulgarija: EUR 263,
- Il-Greċja: EUR 594 għal 300 000 ettaru u EUR 342.85 għas-70 000 ettaru li jibqa',
- Spanja: EUR 1 039,
- Il-Portugall: EUR 556.
3. Jekk iż-żona tal-qoton eliġibbli f'Membru Stat partikolari u f'sena partikolari taqbeż iż-żona bażi prevista fil-paragrafu 1, l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 2 għal dak l-Istat Membru titnaqqas b'mod proporzjonali mal-qbiż tal-medda bażi.
Madankollu, għall-Greċja, it-tnaqqis proporzjonali jiġi applikat skond l-ammont ta' għajnuna stabbilit għall-parti tal-medda bażi nazzjonali komposta mis-70 000 ettaru biex ikun konformi ma' l-ammont globali ta' EUR 202.2 miljun.
4. Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).
Artikolu 110d - Organizzazzjonijiet interprofessjonali approvati,
1. Għall-iskop ta' dan il-Kapitolu, "organizzazzjoni professjonali approvata" għandha tfisser entità legali komposta minn bdiewa li jipproduċu l-qoton u ħallieġ wieħed jew iktar, li twettaq attivitajiet bħal:
- l-għajnuna għal koordinazzjoni aħjar tal-mod kif l-qoton jitqiegħed fis-suq, b'mod partikolari permezz ta' studji ta' riċerka u stħarriġ tas-suq,
- it-tħejjija ta' forom standard ta' kuntratt kompatibbli mar-regoli tal-Komunità,
- l-orjentazzjoni tal-produzzjoni lejn prodotti li huma iktar adattati għal bżonnijiet tas-suq u d-domanda tal-konsumatur, partikolarment f'aspetti ta' kwalità u protezzjoni tal-konsumatur,
- aġġornament ta' metodi u mezzi għat-titjib tal-kwalità ta' prodotti,
- l-iżvilupp ta' strateġiji ta' kumerċjalizzazzjoni biex jippromwovu l-qoton permezz ta' skema ta' ċertifikazzjoni tal-kwalità.
2. L-Istat Membru fejn huma stabbiliti l-ħallieġa għandu japprova organizzazzjonijiet interprofessjonali li jissodisfaw il-kriterji li jkunu adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).
Artikolu 110e – Ħlas ta' l-għajnuna
1. Bdiewa għandhom jingħataw l-għanjnuna għal kull ettaru eliġibbli skond l-Artikolu 110c.
2. Bdiewa li huma membri ta' organizzazzjoni interprofessjonali approvata għandhom jingħataw għajnuna, għal kull ettaru eliġibbli fiż-żona bażi prevista fl-Artikolu 110c(1), b'żieda ta' ammont ta' EUR 3."
(2) Fl-Artiklu 156(2), il-punt (g) għandu jinbidel b’dan li ġej:
"(g) It-Titolu IV, il-Kapitolu 10a, għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2008 għall-qoton miżrugħ minn dik id-data."
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2008.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il–President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA |
1. | IL-LINJA TAL-BAĠIT: (nomenklatura 2007) 05 03 01 02 05 03 02 40 | APPROPRJAZZJONIJIET: Baġit 2007 € 2 111 miljun € 261 miljun |
2. | TITOLU: Ir-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, fir-rigward ta’ l-iskema ta' appoġġ dwar il-qoton. |
3. | BAŻI ĠURIDIKA: L-Artikolu 37(2) tat-Trattat |
4. | GĦANIJIET: Wara r-riforma tas-settur tal-qoton mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 864/2004 u s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-7 ta' Settembru 2006 fil-każ C-310/04 li jannulla l-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, din il-proposta għandi l-għan li tintroduċi dispożizzjonijiet ġodda dwar il-ħlas speċifiku għall-qoton. |
5. | IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI | PERIJODU TA’ 12-IL XAHAR (EUR miljun) | IS-SENA FINANZJARJA 2007 (EUR miljun) | IS-SENA FINANZJARJA 2008 (EUR miljun) |
5.0 | NEFQA – IDDEBITATA MILL-BAĠIT TAL-KE (RIFUŻJONIJIET / INTERVENTI) – MILL-AWTORITAJIET NAZZJONALI – OĦRAJN | – | – | 277,1 |
5.1 | DĦUL – RIŻORSI PROPRJI TAL-KE (IMPOSTI / DAZJI DOGANALI) – NAZZJONALI | – | – | – |
2009 | 2010 | 2011 | 2012 | 2013 |
5.0.1 | STIMA TAN-NEFQA | 277,3 | 277,4 | 277,5 | 277,8 | 278,1 |
5.1.1 | PREVIŻJONIJIET TAD-DĦUL | – | – | – | – | – |
2014 | 2015 | 2016 | 2017 ’l quddiem |
5.0.2 | STIMA TAN-NEFQA | 278,3 | 278,6 | 278,9 | 279,1 |
5.1.2 | PREVIŻJONIJIET TAD-DĦUL | – | – | – | – |
5.2 | METODU TA' KALKOLU: Ara l-Anness. |
6.0 | IL-PROĠETT JISTA' JIĠI FFINANZJAT MINN APPROPRIJAZZJONIJIET FIL-KAPITOLU KKONĊERNAT TAL-BAĠIT KURRENTI? | IVA LE |
6.1 | IL-PROĠETT JISTA' JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA' TRASFERIMENT BEJN IL-KAPITOLI TAL-BAĠIT KURRENTI? | IVA LE |
6.2 | JINĦTIEĠ BAĠIT SUPPLIMENTARI? | IVA LE |
6.3 | SE JKUN HEMM BŻONN LI L-APPROPRIJAZZJONIJIET JITNIŻŻLU FIL-BAĠITS TAL-ĠEJJIENI? | IVA LE |
OSSERVAZZJONIJIET: Il-proposta ma tbiddilx il-proporzjon attwali bejn l-għajnuna akkoppjata u dik diżakkoppjata u ma timmofdifikax id-dispożizzjonijiet għall-għajnuna diżakkoppjata. Fejn għandha x'taqsam l-għajnuna akkoppjata, din il-proposta ma tinvolvix spejjeż addizzjonali meta titqabbel ma' l-iskema attwali minħabba li ż-żoni bażi u l-livell ta' għajnuna jibqgħu l-istess. Madankollu, it-tnaqqis fil-ħlas akkoppjat għal bdiewa li huma membri ta' organizzazzjoni interprofessjonali approvata se tirriżulta f'tifdil ta' €3 miljun. |
ANNESS
1 – Pagament speċifiku għall-prodotti tar-raba' rigward il-qoton (il-Greċja, il-Portugall, Spanja) – punt tal-baġit 05 03 02 40 |
Il-Greċja | Spanja | Il-Portugall |
Medda bażi | 300 000 ettaru | 70 000 ettaru | 360 ettaru |
Livell ta' għajnuna | 594 €/ettaru | 1 039 €/ettaru | 556 €/ettaru |
kif ukoll |
Medda bażi | 70 000 ettaru |
Livell ta' għajnuna | 342.85 €/ettaru |
subtotal 1 | 202 199 500 € | 72 730 000 € | 200 160 € |
Żieda fil-livell ta' għajnuna għal produtturi li huma membri ta' organizzazzjoni interprofessjonali approvata |
Medda bażi | 370 000 ettaru | 70 000 ettaru | 360 ettaru |
livell ta' għajnuna | 3 €/ettaru | 3 €/ettaru | 3 €/ettaru |
subtotali 2 | 1 110 000 € | 210 000 € | 1 080 € |
Totali | 203 309 500 € | 72 940 000 € | 201 240 € |
Totali EU 15 għal kull sena tal-baġit | 276 450 740 € |
2 – il-Bulgarija : Inklużjoni fl-SAPS – Punt 05 03 01 02 |
Medda bażi | 10 237 ettaru |
Livell ta' għajnuna | 263 €/ettaru |
Totali | 2 692 331 € |
Sena tal-baġit | Rata tad-dħul gradwali għall-Bulgarija |
2008 | 673 083 € | 25% |
2009 | 807 699 € | 30% |
2010 | 942 316 € | 35% |
2011 | 1 076 932 € | 40% |
2012 | 1 346 166 € | 50% |
2013 | 1 615 399 € | 60% |
2014 | 1 884 632 € | 70% |
2015 | 2 153 865 € | 80% |
2016 | 2 423 098 € | 90% |
2017 ’il quddiem | 2 692 331 € | 100% |
Nefqa totali : 1 + 2 |
Sena tal-baġit | Totali |
2008 | 277 123 823 € |
2009 | 277 258 439 € |
2010 | 277 393 056 € |
2011 | 277 527 672 € |
2012 | 277 796 906 € |
2013 | 278 066 139 € |
2014 | 278 335 372 € |
2015 | 278 604 605 € |
2016 | 278 873 838 € |
2017 ’il quddiem | 279 143 071 € |
[1] ĠU L 291, 19.11.1979, p. 174. Protokoll kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1050/2001 (ĠU L 148, 1.6.2001, p. 1).
[2] ĠU C …, …, p. ….
[3] ĠU C …, …, p. ….
[4] ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 552/2007 (ĠU L 131, 23.5.2007, p. 10).
[5] ĠU L 161, 30.4.2004, p. 48.
[6] 2006 RQE I-7285.
| Fuq |