52007DC0803(01)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew - Rapport Strateġiku dwar il-verżjoni mġedda ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi: it-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010) - Jinżamm ir-ritmu tal-bidla /* KUMM/2007/0803 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 11.12.2007

KUMM(2007) 803 finaliPARTI I

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EWROPEW

Rapport Strateġiku dwar il-verżjoni mġedda ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi: it-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010) Jinżamm ir-ritmu tal-bidla

Jinżamm ir-ritmu tal-bidla

BIT-TNEDIJA TA’ L-ISTRATEġIJA TA’ LIżBONA FL-2005 U L-ENFASI ġDIDA FUQ IT-TKABBIR U L-IMPJIEGI, L-EWROPA GħAMLET PROGRESS KBIR. IL-MOD LI BIH L-UNJONI TOPERA NBIDEL B’MOD SINIFIKANTI U PERMANENTI: SħUBIJA MILL-QRIB U DIVIżJONI ċARA TAR-RESPONSABBILTAJIET BEJN L-ISTATI MEMBRI U L-KUMMISSJONI WASSLU GħAL PASS KBIR ’IL QUDDIEM.

Ir-riżultati diġà huma evidenti. Il-prestazzjoni ta’ l-ekonomija hija bil-wisq aħjar minn dik ta' l-2005. Iċ-ċifri tat-tkabbir huma b’saħħithom. F'dawn l-aħħar sentejn inħolqu kważi 6.5 miljuni impjiegi ġodda. 5 miljun impjieg ieħor mistennija li jinħolqu sa l-2009. Moħbija wara dawn iċ-ċifri hemm miljuni ta' Ewropej li nħarġu mill-inwkiet tal-qgħad u li ħajjithom inbidlitilhom għall-aħjar.

Ċertament, parti miż-żjieda attwali hija waħda ċiklika. Iżda r-riformi strutturali implimentati mill-Istati Membri u mill-Unjoni fi ħdan il-qafas ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona f'dawn l-aħħar ftit snin għamlu d-differenza, u huma l-aħjar ħarsien kontra tnaqqis ċikliku.

L-Istrateġija ta’ Liżbona hija l-istrument ta’ l-UE li jimxi id f’id mal-bidla. Għalhekk din l-istrateġija hija parti essenzjali mir-rispons ta' l-Unjoni għall-globalizzazzjoni, li tgħin liċ-ċittadini Ewropej isawru din is-sensiela ġdida ta' sfidi u opportunitajiet.

Ir-riforma tista’ tkun diffiċli. F’ċerti każi tista’ ma tkunx daqstant popolari. Iżda t-triq tar-riforma hija l-unika waħda f’armonija mal-ħtiġijiet tal-lum. Is-suċċess li ksibna s’issa għandu jixprunana għal sforzi ulterjuri fiċ-ċiklu li jmiss ta’ l-Istrateġija.

Dan ifisser li għandu jinżamm ir-ritmu tal-bidla. Għadd kbir wisq ta' Ewropej għadhom mingħajr impjieg. Għad m’għandniex l-aħjar ambjent biex in-negozju jikber. L-Ewropa għadha frammentata b’rabta mat-trawwim ta’ l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp; il-kontribut tas-settur privat għadu insuffiċjenti. It-trasformazzjoni ta’ l-UE f’ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju għadha fi stadju bikri. Meta wieħed jikkunsidra r-riskju ta' tnaqqis globali fir-ritmu tat-tkabbir, huwa essenzjali li titkompla r-riforma u tiżdied il-flessibbiltà ta’ l-ekonomiji tagħna.

L-istrateġija ta’ Liżbona teħtieġ tmexxija soda. Meta l-Ewropa tipprovdi dik it-tmexxija, l-azzjoni ssegwi. L-azzjonijiet prijoritarji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 ħolqu momentum reali. Illum il-ġurnata l-proċedura biex jinfetaħ negozju hija eħfef u irħas f’bosta Stati Membri. Intlaħaq ftehim dwar il-prinċipji komuni tal- flexicurity . Dan joffri bażi soda għal spinta politika ġdida.

Għandna nibnu fuq dan il-momentum u naqblu dwar lista ffokata ta’ azzjonijiet ambizzjużi ġodda. Hawn taħt hawn ftit eżempji ta' x'inhu meħtieġ li nwettqu flimkien:

- jitnaqqas l-għadd ta’ persuni li jitilqu mill-iskola kmieni sabiex jiġi żgurat li, fi żmien il-globalizzazzjoni, ħadd ma jibqa’ lura;

- l-Ewropa tingħata l-“ħames libertà” ġdida, il-moviment ħieles ta’ l-għarfien, li jippermetti lill-Ewropa sabiex taħsad il-benefiċċji tal-potenzjal kreattiv tagħha;

- titwitta t-triq għall-użu ta’ internet b’veolċità għolja sabiex tiġi stimolata l-innovazzjoni u l-Ewropa tibqa’ fuq quddiem f'dan il-perjodu meta l-internet huwa daqstant importanti;

- l-impriżi ta’ daqs żgħir u medju jiġu stimulati permezz ta’ Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa;

- jittejjeb sostanzjalment l-użu effiċjenti ta' l-enerġija fil-bini tagħna, billi nużaw il-baġits enormi ta' akkwisti tagħna sabiex inġibu l-bidla;

- jissaħħaħ it-trijanglu edukazzjoni-riċerka-innovazzjoni, prinċipalment permezz ta’ l-istabbiliment u l-operat ta’ l-Istitut Ewropew ta’ l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTI).

L-Ewropa għandha opportunità unika biex tittrasforma lilha nfisha f’ekonomija kreattiva, moderna, favur l-innovazzjoni, b’livell baxx ta’ karbonju, li tipprovdi ambjent dinamiku għan-negozji, ħaddiema b’kapaċitajiet kbar u bi kwalità edukattiva għolja, imsejsa fuq mudell soċjali b’saħħtu. L-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi tagħmel parti mill-għajnuna sabiex l-Ewropej jirnexxu bi programm ta’ aċċess, opportunità u solidarjetà li jippermettilna nibbenefikaw mill-fatt li nkunu miftuħa għal dinja usa’ u biex insawru l-globalizzazzjoni b’mod li tirrefletti l-valuri Ewropej.

José Manuel Durão Barroso

Brussell, il-11 ta' Diċembru 2007

WERREJ

1. Introduzzjoni 5

2. Ir-riformi strutturali implimentati matul l-ewwel ċiklu ta’ Liżbona (2005-2008) 6

3. It-tisħiħ ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona fiċ-ċiklu ta’ Liżbona li jmiss 7

3.1. L-issuktar tar-riformi fil-livell nazzjonali 7

3.2. It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika 8

3.3. Ir-riformi meħtieġa fil-livell Komunitarju, inkluż il-Porgramm ta’ Liżbona tal-Komunità 9

3.4. It-tiswir ta’ l-aġenda esterna 9

3.5. L-integrazzjoni ta’ l-azzjoni nazzjonali, Komunitarja u internazzjonali f’rispons ta’ politika effikaċi 10

4. Azzjonijiet fl-erba' oqsma prijoritarji 11

4.1. L-investiment fil-persuni u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol 11

4.2. Ir-realizzazzjoni tal-potenzjal għan-negozju, speċjalment ta’ l-SMEs 13

4.3. Investiment fl-għarfien u fl-innovazzjoni 14

4.4. L-Enerġija u l-Bidla fil-Klima 16

5. Segwitu tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2008 17

1. INTRODUZZJONI

Bit-tnedija mill-ġdid ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona fl-2005, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kkommettew irwieħhom għal sħubija ġdida bil-għan li jiġu żgurati tkabbir u impjiegi sostenibbli.

Kważi tliet snin wara, ir-riżultati ta’ din is-sħubija jinsabu ċarament fid-dieher. It-tkabbir ekonomiku żdied minn 1.8% fl-2005 u huwa mistenni jilħaq 2.9% fl-2007 u 2.4% fl-2008. Filwaqt li l-biċċa l-kbira miż-żjieda reċenti kienet waħda ċiklika, ir-riformi strutturali fl-Istati Membri taw il-kontribut tagħhom ukoll. Fl-aħħar sentejn inħolqu kważi 6.5 miljuni impjiegi ġodda. Huwa mistenni li ser jinħolqu kważi 5 miljun impjieg ieħor sa l-2009. Il-qgħad mistenni jinżel taħt is-7%, l-aktar livell baxx min-nofs is-snin tmenin. Ir-rata ta' l-impjieg, li attwalment hija ta' 66%, qorbot iktar lejn il-miri globali ta' Liżbona ta' 70%. Għall-ewwel darba f’għaxar snin, iż-żidiet qawwija fl-impjiegi mxew id f’id ma' tkabbir b'saħħtu fil-produttività. Il-livelli ta' l-għixien fl-Istati Membri li ssieħbu l-aħħar ma’ l-UE qegħdin jogħlew b'mod ċar.

Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha wettqu r-riformi bl-istess ħeġġa. Ir-riformi f’xi oqsma, bħall-ftuħ tas-swieq u l-indirizzar tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, baqgħu lura. Fl-istess ħin, il-kuntest qed isir anqas favorevoli minħabba t-tnaqqis ekonomiku globali, l-inkwiet finanzjarju u l-prezz għoli tal-prodotti.

Fil-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew ta’ Liżbona f’Ottubru 2007, il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern iddiskutew it-tweġiba Ewropea għall-globalizzazzjoni[1]. Huma kkonfermaw ir-rwol ċentrali ta’ l-istrateġija mġedda ta’ Liżbona u appellaw sabiex din tiġi intensifikata matul iċ-ċiklu li jmiss. Barra minn hekk enfasizzaw il-fatt li l-UE għandha tagħmel użu mill-Istrateġija sabiex tgħin fit-tiswir tal-globalizzazzjoni skond il-valuri u l-interessi tagħha. Il-mudell ta’ l-Unjoni ta’ żvilupp, li jgħaqqad il-kompetittività mas-solidarjetà u s-sostenibbiltà, u l-esperjenza twila li għandha b’rabta ma’ l-integrazzjoni ekonomika, jistgħu jkunu assi ewlenija fi żmien il-globalizzazzjoni. Bl-iffirmar tat-Trattat ta’ Liżbona, l-UE se tidħol f’fażi ġdida. Issa li solviet il-kwistjonijiet istituzzjonali ewlenin, l-UE tista’ tindirizza l-kwistjonijiet li l-jolqtu b’mod dirett liċ-ċittadini tagħha fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

L-ewwel parti ta’ din il-Komunikazzjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2008 tistabbilixxi l-proposti tal-Kummissjoni sabiex l-Istrateġija titmexxa ’l quddiem. Filwaqt li tenfasizza l-importanza ta’ l-istabbiltà makroekonomika, tenfasizza l-ħtieġa ta’ l-implimentazzjoni tar-riformi pendenti għat-tisħiħ tal-fatturi fundamentali għal tkabbir ekonomiku qawwi kostanti fil-ġejjieni u ta’ għajnuna sabiex l-UE tirreżisti l-iżviluppi avversi fl-ekonomija globali.

It-tieni parti tikkonsisti f’valutazzjoni tal-progress magħmul minn kull Stat Membru (u ż-żona euro) fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu u minn rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, kif adottati mill-Kunsill[2]. It-tielet parti hija dokument anċillari li fih valutazzjoni dettaljata tal-progress f’kull qasam ta’ politika[3]. Barra minn hekk, il-pakkett ta’ Liżbona jiġbor fih: (1) proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-aġġornament tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u ‘punti li jeħtieġu attenzjoni’; (2) proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-affermazzjoni mill-ġdid tal-Linji Gwida Integrati għat-tkabbir u l-impjiegi; (3) Programm ta’ Liżbona Komunitarju ġdid; u (4) analiżi ta’ l-orjentazzjoni mill-ġdid tal-fondi strutturali għas-sostenn tat-tkabbir u l-impjiegi.

2. Ir-riformi strutturali implimentati matul l-Ewwel Ċiklu ta’ Liżbona (2005-2008)

Għalkemm hemm kunsens wiesa’ dwar x'jeħtieġ isir, ir-ritmu tat-twettiq kien wieħed irregolari. Mill-2005, l-Istati Membri kollha implimentaw riformi sostanzjali iżda għadd minnhom irreaġixxew b’mod aktar qawwi għall-isfida minn oħrajn. Fit-tnax-il xahar li għaddew ħarġu fid-dieher ċerti sinjali ta' "għeja fir-riformi".

Fattur pożittiv huwa li d-defiċits tal-baġit tnaqqsu minn 2.5% tal-PGD fl-2005 għal previżjoni ta’ 1.1% fl-2007, filwaqt li d-dejn pubbliku naqas minn 62.7% fl-2005 għal ftit anqas minn 60% fl-2007. Madankollu, l-opportunità li jintużaw il-kundizzjonijiet ta’ tkabbir relattivament b'saħħithom għat-tnaqqis ta’ l-iżbilanċi strutturali ma nħatfitx bis-sħiħ, speċjalment fiż-żona ta’ l-euro.

F’xi Stati Membri, il-kundizzjonijiet ta’ tkabbir imtejba ġew akkumpanjati minn żjieda gradwali fl-iżbilanċi, kif jixhdu l-iżbilanċi kbar tal-kontijiet kurrenti b'sinjali ta' tisħin żejjed, nuqqas tal-kompetittività, żjidiet fid-dejn domestiku kif ukoll prezzijiet tad-djar li qed jiżdiedu b'mod mgħaġġel.

L-euro kien fattur ta’ stabbiltà. Iffaċilita l-iffunzjonar tas-suq uniku għall-benefiċċju taż-żona ta’ l-euro u l-UE kollha kemm hi. Ir-rata ta’ tkabbir potenzjali stmata tal-PGD fiż-żona ta’ l-euro żdiedet b’0.2 punti perċentwali mill-2005 għal 2.25%, l-aktar minħabba l-effetti tar-riformi strutturali.

It-tkabbir fil-produttività laħaq il-1.5% fl-2006, meta mqabbel ma’ rata ta’ tkabbir annwali ta’ 1.2% bejn l-2000 u l-2005. Madankollu, l-Ewropa għadha ma laħqitx ekonomiji ewlenin oħrajn kemm fl-investiment fit-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) kif ukoll f'termini ta' l-użu tagħhom sabiex tittejjeb il-produttività. Il-ftuħ ta’ l-industriji u s-servizzi tan-netwerks għall-kompetizzjoni sar bil-mod u għad fadal ostakli importanti fir-rigward tad-dħul fis-suq. Ċerti Stati Membri għadhom lura fl-implimentazzjoni tad-direttivi tas-suq intern. Bl-istess mod, l-isforzi biex jitjieb il-qafas tal-proporjetà intellettwali u industrijali u għat-tħaffif ta' l-istandardizzazzjoni għadhom ma tawx riżultati.

L-aġenda dwar regolamentazzjoni aħjar ta’ l-UE qed tiddaħħal gradwalment fis-seħħ, għalkemm bosta Stati Membri jeħtieġu jimplimentaw l-istrumenti neċessarji, inklużi l-istimi ta' l-impatt u l-metodi sabiex jitqiesu u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi.

Illum il-ġurnata il-proċedura biex jinfetaħ negozju saret eħfef u irħas fi kważi l-Istati Membri kollha. Madankollu, b'mod ġenerali, l-Ewropa għad m'għandhiex kultura imprenditorjali dinamika. Ħafna drabi, l-isforzi għal titjib fl-ambjent tan-negozju jsiru b’mod gradwali minflok ikunu parti minn metodu integrat iffokat lejn it-tkabbir ta’ l-SMEs. Filwaqt li l-Istati Membri stabbilixxew miri li jorbtuhom biex iżidu l-investimenti fl-R&D b’mod sinifikanti li jgħinu sabiex l-UE toqrob lejn it-3% tal-mira tal-PGD sa’ l-2010, l-evidenza għada mhix tirrefletti din l-ambizzjoni.

Ir-rata ta’ tkabbir ta' l-impjiegi kienet waħda impressjonanti, għalkemm xi reġjuni u gruppi bbenefikaw anqas. Bosta Stati Membri bdew ir-riforma tas-sistemi tagħhom tal-pensjonijiet u ta’ l-irtirar kmieni. Dan ikkontribwixxa għal żieda kbira u kostanti fir-rata ta’ impjegar ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età, għalkemm il-mira ta' 50% għadha ma ntlaħqitx. Ir-rata ta' impjegar għan-nisa żdiedet b’mod sinifikanti (hija ta' 57.2% u qed toqrob il-mira ta' 60%), għalkemm l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri ulterjuri għall-promozzjoni ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol.

Madwar nofs l-Istati Membri żviluppaw – jew għaddejjin bl-iżvilupp – ta’ politiki fuq il-bażi tal-metodu ‘ flexicurity ’. Madankollu r-rispons għall-politika għadu wieħed frammentat. Qed issir bidla kostanti minn politiki tas-suq passivi għal oħrajn attivi. L-Istati Membri għaddejjin bir-riforma tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, speċjalment permezz ta' tibdil fis-sistemi fiskali u tal-benefiċċji tagħhom, sabiex jinstab bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi. Ġew introdotti kuntratti tax-xogħol aktar flessibbli għal kategoriji partikolari (eż. għal min jidħol fis-suq tax-xogħol għall-ewwel darba) iżda ma ġewx sostnuti biżżejjed minn opportunitajiet għall-kisba ta' ħiliet ġodda li jistgħu jgħinu lill-persuni javvanzaw fis-suq tax-xogħol. Il-ħidma aktar diffiċli tar-riforma tar-regoli li jirregolaw għamliet oħra ta' kuntratti ma tantx ingħataw attenzjoni. B’riżultat ta’ dan, bosta swieq tax-xogħol għadhom segmentati, b’sitwazzjoni fejn min jagħmel parti minn dawn is-swieq huwa mħares sew filwaqt li min mhux jinsab f'sitwazzjoni prekarja bi prospetti inċerti.

Bl-istess mod, it-tagħlim tul il-ħajja għadu ma laħaqx il-livelli meħtieġa, partikolarment fost dawk bi ftit kapaċitajiet, li l-aktar jeħtiġuh. Is-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ għadhom mhumiex jirreaġixxu biżżejjed għall-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol.

L-UE għamlet l-ewwel passi lejn il-bidla tagħha f’soċjetà b’livell baxx ta' karbonju. Inkiseb ċertu progress fl-ilħuq tal-mira globali ta’ l-UE-Kjoto, filwaqt li, fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007, l-UE kkommettiet ruħha li tilħaq miri ambizzjużi fit-tnaqqis tal-gass b’effett serra u għaż-żjieda fis-sehem tagħha ta’ enerġija rinovabbli sa l-2020.

Rendikont dettaljat dwar il-progress fil-livell ta' Stati Membri jinstab fil-Parti II ta' din il-Komunikazzjoni.

3. IT-TISħIħ TA’ L-ISTRATEġIJA TA’ LIżBONA FIċ-ċIKLU TA’ LIżBONA LI JMISS

Għalkemm l-ekonomija hija aktar b’saħħitha mill-2005, l-UE dieħla fiċ-ċiklu l-ġdid ta’ Liżbona bi sfond ta’ tkabbir globali li qed inaqqas ir-ritmu tiegħu u riskji minħabba l-inkwiet finanzjarju u l-prezzijiet taż-żejt u l-prodotti li qed jogħlew. Għalhekk dan huwa ż-żmien għal deċiżjoni li tissaħħaħ l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija sabiex tiżdied il-fiduċja u jiġu kkonsolidati l-fatturi ekonomiċi fundamentali sabiex jintgħelbu x-xejriet ekonomiċi negattivi li jistgħu jitfaċċaw.

3.1. L-issuktar tar-riformi fil-livell nazzjonali

L-isfida ewlenija għall-Istati Membri matul iċ-ċiklu li jmiss hija l-implimentazzjoni tar-riformi pendenti, partikolarment f’dawk l-oqsma deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-‘punti li jeħtieġu attenzjoni’.

Billi t-twettiq u r-riżultati ta' l-implimentazzjoni tar-riformi jieħdu ż-żmien, il-Kummissjoni tipproponi li s-sett kurrenti ta' rakkomandazzjonijiet jinżamm ġeneralment bla mittiefes u li dawn jittejbu fid-dawl tal-progress li sar mill-adozzjoni tagħhom fir-Rebbiegħa ta’ l-2007.

Sabiex jiżdied l-impatt tagħhom fuq it-tkabbir u l-impjiegi, il-ġenerazzjoni l-ġdida tal-programmi ta’ politika ta’ Koeżjoni ta’ l-UE huma meħtieġa "jallokaw” aktar minn 60% minn dawn il-fondi[4] bħala sostenn tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (NRPs). € 347 biljun ser ikunu disponibbli għall-koeżjoni għall-perjodu bejn l-2007 u l-2013. Dan ser jiġi kkompletat minn kofinanzjament pubbliku u privat ta’ madwar €160 biljun. Ammont totali ta’ € 70 biljun ser ikun disponibbli sa l-2013, l-aktar bħala sostenn ta’ l-NRPs. Issa li tlestiet il-fażi ta' programmar, huwa importanti li jiġi żgurat li l-infiq jirrefletti l-impenji allokati u li ma jiġix trasferit sussegwentement għal oqsma anqas prijoritarji.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà huma involuti b’mod attiv fil-verżjoni mġedda ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona permezz tal-programmar u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ koeżjoni allokati. Sforzi ulterjuri huma meħtieġa għat-tisħiħ ta’ involviment usa’ min-naħa tal-partijiet interessati, u għat-tisħiħ ta' l-iskambju ta' esperjenza, ideat u l-aħjar prattika, li diġà huma punti ta’ forza ewlenin ta' din l-istrateġija. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tilqa’ l-interess qawwi tal-Parlament Ewropew, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni partikolarment sabiex isegwu l-intensità ta’ l-involviment tal-partijiet interessati f'din l-istrateġija.

3.2. It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika

L-ekonomiji ta’ l-Istati Membri huma interdipendenti ħafna. Hemm ħafna benefiċċji x'jinkisbu jekk kulħadd jimxi fl-istess direzzjoni u sseħħ il-konformità f'waqtha tar-riformi. It-tmexxija l-ġdida ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, bl-enfasi tagħha fuq is-sħubija bejn il-livell ta’ l-UE u dak ta' l-Istati Membri, uriet kemm hija siewja. Il-linji gwida integrati huma strument importanti għal koordinazzjoni eqreb tal-politika ekonomika taħt l-istrateġija mġedda. Huma joffru qafas ġenerali li fih l-Istat Membri fi stadji differenti ta’ żvilupp u b’sistemi soċjali u oqfsa istituzzjonali differenti jistgħu jwettqu l-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom stess u huma biżżejjed wiesgħa sabiex jippermettu ċerti aġġustamenti fid-dawl ta' bidliet fl-ambitu tal-politika. Hemm kunsens wiesa’ fost l-Istati Membri u l-partijiet interessati li l-linji gwida m’għandhomx jinbidlu u li għandha tinżamm enfasi fir-rigward ta' l-implimentazzjoni[5].

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tipproponi li l-linji gwida kurrenti jiġu affermati mill-ġdid għaċ-ċiklu li jmiss, filwaqt li jiġu aġġornati n-noti ta’ spjegazzjoni li jfiehmu l-kuntest li fih għandhom jiġu implimentati. Dan jinkludi, per eżempju, li ssir enfasi aktar b’saħħitha fuq il-miżuri bil-għan li jsir investiment akbar fil-persuni u fl-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jirrevedu l-NRPs tagħhom sabiex jiżguraw li huma aġġornati maċ-ċiklu l-ġdid u għandhom jissoktaw bl-inklużjoni ta' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati fil-iżvilupp u l-implimentazzjoni tagħhom.

L-esperjenza f’dawn l-aħħar tliet snin uriet li l-koordinazzjoni tar-riformi għandha tissaħħaħ ulterjorment. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jiddiskutu r-reazzjonijiet ta' politika speċifiċi tagħhom għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-'punti li jeħtieġu attenzjoni' bħala parti mill-proċess ta’ sorveljanza multilaterali fil-Kunsill. Għall-istrutturar tad-dibattitu, kull Stat Membru għandu, bħala parti mir-rapport ta’ implimentazzjoni tiegħu, iressaq pjan ta’ azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri li ser jieħu biex isegwi r-rakkomandazzjonijiet u/jew il-punti li jeħtieġu attenzjoni.

Barra minn hekk, l-argument favur il-koordinazzjoni tar-riformi huwa tabilħaqq aktar b’saħħtu fiż-żona ta’ l-euro. Il-proposti għal koordinazzjoni u tmexxija aktar effettiva fiż-żona ta’ l-euro ser jagħmlu parti minn analiżi ta’ l-iffunzjonar ta’ l-EMU fl-għaxar anniversarju tagħha, li ser titressaq mill-Kummissjoni qabel is-Sajf ta’ l-2008.

3.3. Ir-riformi meħtieġa fil-livell Komunitarju, inkluż il-Porgramm ta’ Liżbona tal-Komunità

Il-verżjoni l-ġdida tal-programm ta’ Liżbona tal-Komunità (CLP) hija l-kontribut tal-Komunità għall-Istrateġija mġedda ta' Liżbona. Għandha tiġi kkunsidrata bħala l-kontraparti ta’ l-NRPs, li tistabbilixxi dawk l-azzjonijiet Komunitarji li huma l-aktar ta’ valur miżjud għar-riformi mwettqa mill-Istati Membri, u li jħallu l-akbar impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi. Filwaqt li xi miżuri tas-CLP jeħtieġu biss li jiġu adottati mill-Kummissjoni, bosta minnhom jirrikjedu wkoll l-adozzjoni fuq bażi prijoritarja mill-Kunsill u l-Parlament. Hemm ħtieġa għal spinta politika miftiehma bejn l-istituzzjonijiet kollha ta’ l-UE sabiex jintlaħaq ftehim dwar dawn il-miżuri fiċ-ċiklu li jmiss sabiex it-tkabbir u l-impjiegi jingħataw imbuttatura. Il-verżjoni sħiħa tas-CLP tinsab ippreżentata f’Komunikazzjoni separata.

Fuq il-livell Komunitarju, huwa importanti li jissolvew in-nuqqasijiet li għad hemm fis-suq uniku, partikolarment fis-servizzi, sabiex ikunu jistgħu jinħasdu l-benefiċċji kollha tar-riformi nazzjonali. Dan l-aħħar il-Kummissjoni ppreżentat il-viżjoni tagħha ta' suq uniku għas-seklu 21[6]. Ser tittieħed azzjoni dwar parti mill-miżuri proposti permezz tas-CLP. Għandhom il-għan li jagħtu aktar poteri lill-konsumaturi u lin-negozji ż-żgħar u li jtejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-suq uniku, per eżempju permezz ta' "ċentri tas-suq uniku" fuq il-livell nazzjonali u monitoraġġ regolari ta' l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-prodotti tal-konsumatur. L-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur ser jgħin sabiex il-konsumaturi jkollhom aktar għażla bejn il-produtturi, u b'hekk issir il-promozzjoni tal-kompetittività.

3.4. It-tiswir ta’ l-aġenda esterna

Filwaqt li jeħtieġ li l-UE tħares iċ-ċittadini, l-interessi u l-valuri tagħha, il-protezzjoniżmu ma jistax ikun is-soluzzjoni. Bħala l-kummerċant u l-investitur ewlieni fid-dinja, in-nuqqas ta' xkiel tagħna jwassal għal anqas spejjeż għall-industrija, prezzijiet orħos u għażla usa’ għall-konsumaturi, stimulu kompetittiv għan-negozju u investiment ġdid.

L-istrateġija ta' Liżbona topera fl-ambitu tal-globalizzazzjoni u għalhekk din għandha tiġi inkorporata b'mod aktar effettiv fit-twettiq tagħha. Dan jista’ jsir b’għadd ta' modi differenti:

- l-UE għandha tuża l-istrumenti kollha sabiex tiżgura li tinżamm sitwazzjoni li ma xxekkilx flimkien ma' aktar aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi għall-kumpaniji tagħha.

In-negozjati multilaterali, b’mod partikolari, il-konklużjoni b’ suċċess tan-Negozjati Kummerċjali ta’ Doha, u l-ftehimiet kummerċjali bilaterali li għadhom għaddejjin għandhom jintużaw sabiex jinfetħu opportunitajiet ġodda fis-suq u jitneħħew it-tariffi u xkiel ieħor għall-kummerċ[7]. Għandhom ukoll jintużaw għall-promozzjoni ta’ metodu msejjes fuq regoli li jsostni standards għolja ta' ħarsien soċjali u ambjentali. Mhux hekk biss, il-Kummissjoni se tirrapporta kull sena dwar l-aċċess għas-suq u tidentifika l-pajjiżi u s-setturi fejn għad hemm xkiel sinifikanti. Normalment dan għandu jwassal għal konsultazzjonijiet mal-pajjiżi kkonċernati. Jekk jissuktaw il-problemi, għandu jiġi kkunsidrat l-użu ta’ strumenti kummerċjali Komunitarji u/jew azzjoni fid-WTO. Ser tingħata attenzjoni partikolari għal titjib fl-aċċess tas-swieq ta’ l-akkwisti u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-kompetizzjoni ġusta, kif ukoll għall-aċċess għas-swieq għall-SMEs.

- l-UE għandha ttejjeb id-djalogi strateġiċi tagħha ma' pajjiżi terzi importanti u tiżviluppa soluzzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku, tippromwovi standards ogħla u aktar konverġenza regolatorja:

Grazzi għall-esperjenza tagħha bis-suq uniku, l-UE tista’ tikkontribwixxi għarfien speċifiku (eż. dwar l-integrazzjoni tas-suq, il-ħarsien soċjali, l-impjiegi u d-drittijiet tal-ħaddiema, il-kura tas-saħħa, il-ħarsien ambjentali, ir-regoli tal-kompetizzjoni, id-dwana) li jista’ jkun ta’ ġid għall-isħab ewlenin tagħha, filwaqt li d-diskussjonijiet jistgħu jwasslu wkoll għal soluzzjonijiet fl-oqsma fejn l-UE għandha interessi strateġiċi (eż. l-aċċess għas-suq, l-enerġija, il-bidla fil-klima, il-kontroll tal-migrazzjoni, xogħol deċenti, standards teknoloġiċi u IPR, il-politika ta’ l-SMEs). Għandhom jiġu żviluppati metodi ġodda, li jikkunsudraw l-ispeċifiċitajiet ta’ kull sieħeb, bħall-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku li tnieda dan l-aħħar. Għandha tingħata aktar attenzjoni lill-viċinat ta’ l-Unjoni.

3.5. L-integrazzjoni ta’ l-azzjoni nazzjonali, Komunitarja u internazzjonali f’rispons ta’ politika effettiva

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006 laħaq ftehim dwar erba’ oqsma prijoritarji ta’ l-Istrateġija mġedda (l-għarfien u l-innovazzjoni, l-użu tal-potenzjal tan-negozju, l-investiment fil-persuni u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol, l-enerġija/l-bidla fil-klima). Dawn l-oqsma huma marbuta ma’ xuxin; jekk issir ħidma parallela dwarhom, huma jikkostitwixxu metodu integrat ta’ politika.

F’kull waħda minn dawn l-erba' oqsma, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006 approva wkoll għadd limitat ta’ azzjonijiet speċifiċi u konkreti għat-twettiq tagħhom sa tmiem l-ewwel ċiklu. Ir-rata ta' suċċess fl-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet hija waħda tajba. Per eżempju, illum huwa possibbli li jinfetħu negozji fi żmien ġimgħa permezz ta’ one-stop shop fi kważi l-Istati Membri Intlaħaq ftehim dwar sensiela komuni ta’ prinċipji ta’ flexicurity . It-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi ngħata spinta kbira wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tiġi stabbilita mira ta’ 25%. Dawn l-eżempji juru li l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona tista’ twassal għall-għoti ta’ benefiċċji diretti u tanġibbli lin-negozji u ċ-ċittadini. Dan kollu jikkostitwixxi pjattaforma solida li permezz tagħha l-Kunsill Ewropew jista’ jagħti sponta ulterjuri għall-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija billi jintlaħaq ftehim dwar sensiela limitata ta’ azzjonijiet ulterjuri li jitwettqu sa l-2010.

L-Istrateġija mġedda hija mibnija fuq metodu ta’ sħubija, li jirrikonoxxi li sabiex jiġu indirizzati l-isfidi komuni, kull livell jeħtieġ jagħmel il-parti sħiħa tiegħu. L-oqsma prijoritarji huma mod kif jitlaqqgħu l-livelli differenti kollha. Filwaqt li l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri, huma għandhom isibu posthom fl-NRPs; fejn dawn jieħtieġu azzjoni fuq il-livell Komunitarju, għandha ssir ħidma dwarhom permezz tas-CLP. Barra minn hekk, bosta minnhom jistgħu jitwettqu biss jekk megħjuna minn politika esterna proattiva mfassla biex tgħin lill-UE ssawwar il-globalizzazzjoni u tibbenefika mill-opportunitajiet li toffri.

4. Azzjonijiet fl-erba' oqsma prijoritarji

4.1. L-investiment fil-persuni u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol

Il- 'flexicurity' ssib bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol. L-għan tagħha huwa li tiżgura li ċ-ċittadini kollha jgawdu minn livell għoli ta’ sigurtà jiġifieri li jkunu jistgħu jsibu xogħol tajjeb f'kull stadju differenti tal-ħajja attiva tagħhom. Hija tgħin kemm lill-impjegati kif ukoll lil min jimpjega biex jaħtfu l-opportunitajiet li tagħti l-globalizzazzjoni. Wara l-ftehim li ntlaħaq bejn is-sieħba soċjali, il-Kunsill Ewropew huwa mistieden japprova l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-prinċipji komuni tal- ‘flexicutiry’ [8]. Issa l-Istati Membri għandhom jimplimentawhom, u jfassluhom għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom.

Huwa kruċjali li jissaħħu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u għall-integrazzjoni tal-persuni emarġinati permezz ta’ politiki ta’ inklużjoni attivi. It-tnaqqis tal-faqar jinsab fil-qalba ta’ l-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona permezz ta’ l-enfasi tagħha fuq it-tkabbir u l-impjiegi u l-implimentazzjoni ta' miżuri li jinvestu fil-ħiliet tal-persuni, jipprovdu opportunitajiet indaqs, ħarsien soċjali xieraq u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità. Għandu jingħata sostem lill-ħaddiema b’kapaċitajiet limitati, il-migranti u l-persuni b’diżabbiltà, prinċipalment billi jitrawwem l-iżvilupp tal-kapaċitajiet.

Li jsir aktar investiment fl-edukazzjoni u l-kapaċitajiet tal-persuni matul ħajjithom mhuwiex biss kruċjali għal suċċess Ewropew fi żmien il-globalizzazzjoni, iżda huwa wieħed mill-aktar modi effettivi li jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-inugwaljanza u l-faqar. Sa minn età ċkejkna, it-tfal jiżviluppaw il-ħila li jakkwistaw għarfien li jservihom għal matul il-bqija ta’ ħajjithom. Aktar tard, fl-edukazzjoni primarja u sekondarja tagħhom, il-kapaċitajiet tal-qari huma prerekwiżiti sabiex jagħmlu progress. Madankollu, wieħed minn kull ħames żgħażagħ ta’ 15-il sena fl-Ewropa mhuwiex kapaċi jaqra biżżejjed. Wieħed minn kull sitta miż-żgħażagħ bejn it-18 u l-24 sena joħroġ mill-iskola b’edukazzjoni sekondarja biss. Dan jagħmilha ferm diffiċli biex huma jidħlu u jagħmlu progress fis-suq tax-xogħol. Bosta minnhom jispiċċaw qiegħda għal perjodu twil. L-Ewropa m'għamlet l-ebda progress sostanzjali sabiex jintlħaqu l-miri tagħha f'dan il-qasam. Jenħtieġu sforzi deċiżi sabiex jiżdiedu l-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ u sabiex jintnaqqas b’mod drastiku l-għadd ta’ persuni li jitilqu mill-iskola kmieni. Huwa meħtieġ li jiġu kkonċentrati riżorsi fuq perjodu ta’ snin sabiex issir bidla drastika.

It-tagħlim barra mill-pajjiżi huwa stimulu importanti fl-iżvilupp personali u fil-kapaċitajiet fil-lingwi. Il-programm Erasmus ippermetta lil kważi żewġ miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej jistudjaw f’pajjiżi barranin. Ħafna aktar żgħażagħ għandhom ikollhom iċ-ċans li jibbenefikaw minn din ix-xorta ta’ tagħlim biex, biż-żmien, din issir parti normali mill-edukazzjoni universitarja.

L-iżgurar li l-kwalifiki li jinkisbu fuq il-lant tax-xogħol jiġu rrikonoxxuti madwar l-Ewropa ser iżid ħafna l-inċentivi sabiex il-persuni jkomplu jiksbu ħiliet ġodda matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom. Il-ftehim li ntlaħaq dan l-aħħar dwar il-qafas tal-kwalifiki Ewropew ser jgħin fil-kisba ta' dan, sakemm l-Istati Membri jieħdu azzjoni mill-aktar fis biex jorbtu s-sistemi u l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom miegħu.

L-iżvilupp tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja jappoġġjaw il-politiki ta’ ‘flexicurity’ billi jtejbu l-flessibbiltà, is-sigurtà ta’ l-impjiegi u l-mobbiltà bejn impjieg u ieħor. Għandhom jiġu żviluppati politiki ta’ taħriġ vokazzjonali aktar b’saħħithom u ffokati sabiex jirreaġixxu għall-isfida ta’ impjiegi għal min hu aktar avvanzat fl-età u biex isir kontribut għat-tkabbir tal-produttività u l-faċilità li jinstabu l-impjiegi. Il-Fond Soċjali Ewropew jista’ jagħti kontribut sinifikanti għal sforzi bħal dawn.

Għandhom isiru ħafna aktar sforzi għat-tbassir u l-monitoraġġ tal-ħtiġijiet ġejjiena ta’ kapaċitajiet u, issa li hemm nuqqasijiet urġenti ta' impjiegi u kapaċitajiet f'għadd dejjem jikber ta' setturi, l-Ewropa teħtieġ ittejjeb il-mobbiltà tal-ħaddiema fuq bażi reġjonali u nazzjonali, u għandha tfassal politika ta' immigrazzjoni kkontrollata. Din il-politika għandha titfassal flimkien ma’ miżuri li jtejbu l-integrazzjoni ekonomika u soċjali ta' l-immigranti.

Flimkien mar-reviżjoni tas-suq uniku, il-Kummissjoni fissret il-viżjoni tagħha għal aġenda ta' aċċess, opportunità u solidarjetà u nediet konsultazzjoni pubblika sabiex tikkunsidra fehmiet dwar dawn il-kwistjonijiet kruċjali. Dan għandu jwassal għal Aġenda Soċjali mġedda li għandha tiġi adottata sa nofs l-2008.

Biex isir investiment akbar fil-persuni permezz ta’ metodu ta’ ċiklu ta’ ħajja fl-impjiegi u l-edukazzjoni , għall- immodernizzar tas-swieq tax-xogħol u t-tisħiħ ta’ l- inklużjoni soċjali :

Azzjoni Komunitarja:

- sa nofs l-2008, il-Kummissjoni se tipproponi Aġenda Soċjali mġedda msejsa fuq l-opportunitajiet, l-aċċess u s-solidarjetà, b’kunsiderazzjoni għar-realtajiet soċjali ġodda Ewropew u li prinċipalment tkopri kwistjonijiet bħaż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, il-migrazzjoni u d-demografija;

- il-Kummissjoni ser tagħmel proposti sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ kapaċitajiet billi ttejjeb it-tbassir u l-monitoraġġ tar- rekwiżiti ġejjiena tal-kapaċitajiet fl-Ewropa;

- fl-2008 l-Kummissjoni ser tagħmel proposti għal politika komuni dwar l- immigrazzjoni .

L-Istati Membri għandhom:

- jimplimentaw il-prinċipji komuni miftiehma dwar il- ‘ flexisecurity ’ billi jistabbilixxu programmi nazzjonali fi ħdan l-NRPs tagħhom sa tmiem l-2008;

- iżidu d-disponibilità tal- kura tajba tat-tfal , u jiżguraw li din tkun bi prezzijiet raġjonevoli, skond il-miri nazzjonali u tal-Komunità;

- ifasslu pjanijiet ta’ azzjoni u jistabbilixxu miri għat-tnaqqis sostanzjali tat- tluq kmieni mill-iskola u t-titjib tal- kapaċitajiet tal-qari ;

- jorbtu l-programmi nazzjonali u reġjonali mal- programm Erasmus sabiex jiżdied l-għadd ta’ studenti li jipparteċipaw fi skambji internazzjonali;

- sa l-2010, jfasslu oqfsa ta’ kwalifiki nazzjonali konformi mal-qafas Ewropew.

4.2. Ir-realizzazzjoni tal-potenzjal għan-negozju, speċjalment ta’ l-SMEs

L-ambjent tan-negozju fl-Ewropa mexa ’l quddiem bħala riżultat ta’ l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006 mill-Istati Membri, sabiex jiġu introdotti one-stop shops u jitnaqqas iż-żmien biex jiġi stabbilit negozju għal ġimgħa jew anqas. Issa l-UE teħtieġ li tagħmel passi ulterjuri u tiftiehem dwar metodu ta’ politika integrat li jindirizza x-xkiel fl-istadji kollha ta' l-iżvilupp ta' l-SMEs u li jippermetti sabiex għadd akbar min-negozji ż-żgħar yagħha jiżviluppaw f'kumpaniji akbar li jirnexxielhom jikkompetu fis-suq globali. Dan il-metodu jista’ jinġabar f’Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, li jistipula kemm il-prinċipji kif ukoll il-miżuri konkreti ta' sostenn għall-SMEs matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

Prijorità ċara għall-Unjoni hija li jitneħħew in-nuqqasijiet fis-suq uniku, partikolarment fis-servizzi, sabiex ikunu jistgħu jinħasdu l-benefiċċji kollha tar-riformi nazzjonali. L-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tad-direttiva tas-servizzi mhux biss ser toħloq suq uniku ġenwin għas-servizzi iżda ser toffri opportunità maġġuri għas-simplifikazzjoni tal-proċeduri, it-tneħħija tal-burokrazija, il-faċilitazzjoni ta’ l-aċċess għas-suq u t-tħaffif ta’ l-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet ta’ l- e-government li jkunu kumpatibbli.

L-aġenda regolatorja mtejba ta’ l-Ewropa qed tibda tħalli l-frott u l-piżijiet amministrattivi għandhom jitnaqqsu b’25% fil-livell ta’ l-UE. L-Istati Membri kkommettew irwieħhom għal miri ugwalment ambizzjużi fuq il-livell nazzjonali. Parti importanti tat-titjib ta' l-ambjent tan-negozju għall-SMEs, u għajn ta' innovazzjoni li l-valur tagħha mhux daqstant meqjus, hija l-modernizzazzjoni ta' l-amministrazzjonjiet pubbliċi, prinċipalment fir-rigward ta' l-inklużjoni ta' ICTs kumpatibbli. Bħala parti minn aġenda ta' regolamentazzjoni aħjar, bosta amministrazzjoni diġà qed jirreaġixxu għal stennijiet li kull ma jmur dejjem jiżdiedu; it-trattament tan-negozji u ċ-ċittadini bħala konsumaturi, l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, il-promozzjoni ta’ l-innovazzjoni soċjali u ċertu tibdil organizzattiv sabiex jingħata servizz trasparenti, prevedibbli u mezzi effettivi għall-kumpens. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-iskambju ta’ eżempji tajba.

Ir-realizzazzjoni tal-potenzjal kummerċjali

Azzjoni Komunitarja:

- jiġi adottat Att dwar in-Negozji ż-Żgħar Ewropew li jistipula l- metodu integrat ta' politika għar-realizzazzjoni tal-potenzjal tat-tkabbir f'kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja ta' l- SMEs ;

- jittieħdu passi biex jintlaħqu l-miri biex jitnaqqsu l- piżijiet amministrattivi ta’ l-UE b’25% sa l-2012 u jiġi implimentat programm ta’ simplifikazzjoni ambizzjuż.

- jissaħħaħ is- suq uniku , tiżdied il- kompetizzjoni fis-servizzi u jittieħdu passi ulterjuri għall-integrazzjoni tas-swieq tas-servizzi finanzjarji.

L-azzjoni ta’ l-Istati Membri għandha:

- twettaq sforzi kostanti u konsistenti għall-implimentazzjoni tad- direttiva tas-servizzi sa tmiem l-2009; tlesti l-analiżi u l-valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali qabel tmiem l-2008 u, fl-istess ħin, tistabbilixxi punti ta’ kuntatt u proċeduri elettroniċi u tintroduċi sistema effettiva ta’ kooperazzjoni amministrattiva minn naħa għal oħra tal-fruntieri;

- tistabbilixxi u tħabbar miri nazzjonali għat- tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008;

- tagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet mogħtija mill-implimentazzjoni tad-direttiva tas-servizzi u l-aġenda ta' regolamentazzjoni aħjar sabiex jissokta l -immodernizzar ta’ l-amministrazzjoni pubbliċi .

4.3. Investiment fl-għarfien u fl-innovazzjoni

Wara d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006, l-Istati Membri stabbilixxew miri u ħadu miżuri sabiex jiżdied l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp. Ser jitnedew il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u bosta Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, imsejsa fuq proposti tal-Kummissjoni. L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) huwa mistenni jibda jopera fl-2009. Taħt il-programmi l-ġodda tal-politika tal-koeżjoni, aktar minn € 85 biljun ser ikunu disponibbli għal investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni.

Dawn huma l-ewwel passi fid-direzzjoni t-tajba, iżda għad fadal ħafna xi jsir sabiex jinkisbu l-ambizzjonijiet ta’ l-Ewropa. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri addizzjonali sabiex jilħqu l-miri tagħhom għal investiment fir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) għall-2010. Dawn huma partikolarment urġenti għaliex ir-rata ta' tkabbir fl-investiment ta’ l-UE fl-R&D naqset kemmxejn fl-2006, minħabba li t-tkabbir fl-investiment ma mexiex b’mod parallel mat-tkabbir aktar qawwi tal-PGD.

Kull ma jmur, minħabba l-globalizzazzjoni, l-R&D qegħdin jiġu appaltati dejjem aktar lil partijiet oħra tad-dinja. Fl-Ewropa, l-ispejjeż għall-ħarsien u l-infurzar ta’ l-innovazzjoni għadhom għoljin wisq. Il-liċenzji għad-distribuzzjoni tal-kontenut għadhom ibbażati fuq il-livell nazzjonali. Il-proċeduri biex jiġu stabbiliti standards kumpatibbli għaddejjin b’ritmu batut wisq. Il-ġestjoni ta’ l-ispettru għadha waħda frammentata u b’hekk ixxekkel l-iżvilupp ta’ prodotti ġodda b'teknoloġija għolja u s-servizzi transkonfinali. Għad fadal wisq xkiel, inklużi ostakli legali, li jwaqqfu l-universitajiet, l-istituti ta’ riċerka, il-kumpaniji u r-riċerkaturi milli jaħdmu flimkien. Mhux hekk biss, dawn qed ixekklu waħda mill-forzi tradizzjonali ta' l-Ewropa: il-kreattività u l-oriġinalità tan-nies tagħha.

Sabiex dawn ix-xejriet jitreġġgħu lura, l-Ewropa teħtieġ il-"ħames libertà" - il-libertà ta' l-għarfien - li tikkompleta l-erba' libertajiet tal-moviment tal-prodotti, tas-servizzi, tal-persuni u tal-kapital. Din il-“ħames libertà” għandha tixpruna t-tranżizzjoni ta’ l-UE lejn ekonomija innovattiva u ta’ għarfien kreattiv:

- dimensjoni minnhom hija żona ġenwina ta’ riċerka Ewropea fejn mhux biss il-kundizzjonijiet ta’ qafas huma fis-seħħ għat-tħeġġiġ u l-ippremjar ta’ l-innovazzjoni, iżda fejn il-programmi ta' R&D ta' l-UE u dawk nazzjonali jimxu id f’id. fejn ir-riżorsi jiġu allokati b’mod kompettittiv u bl-għan ta’ l-eċċellenza, fejn l-universitajiet u n-negozji jikkooperaw mingħajr xkiel, fejn il-kwalifiki jiġu totalment rikonoxxuti u l-istudenti, l-akkademiċi, ir-riċerkaturi u l-ħaddiema tas-sengħa jkunu jistgħu jmorru minn pajjiż għal ieħor bil-libertà kollha u jkunu jistgħu jikkooperaw faċilment mal-komunità xjentifika dinjija;

- L-Ewropa għandha tgħaqqad ir-riżorsi tagħha għal ġenerazzjoni ġdida ta’ faċilitajiet ta’ skala kbira għal laboratorji u strumenti ġejjiena li huma indispensabbli biex tibqa’ minn ta’ quddiem fir-riċerka l-aktar avvanzata fl-għexieren ta' snin li ġejjin. Intlaħaq ftehim dwar aġenda komuni li tidentifika il-faċilitajiet ta’ riċerka prijoritarji li jmorru minn lejżers, teleskopji u esplorazzjoni tal-baħar għal databases għar-riċerka dwar il-kanċer. Billi r-riżorsi meħtieġa għat-tnedija tagħhom jaqbżu l-kapaċità ta’ kwalunkwe Stat Membru individwali, huwa meħtieġ li d-deċiżjonijiet nazzjonali dwar kif se jingħaqqdu l-isforzi tagħhom jittieħdu mill-aktar fis;

- it-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, immexxija minn internet b’veloċità għolja, huma fundamentali sabiex tiżdied il-produttività u tiġi stimolata l-innovazzjoni fl-Ewropa. Għadd kbir wisq ta’ negozji żgħar għadhom mhumiex konnessi b'internet ta' veloċità għolja, u dan il-fatt huwa ta' xkiel għall-iżvilupp u l-potenzjal ta' innovazzjoni tagħhom. Flimkien maż-żjieda tal-kompetizzjoni fis-swieq tat-telekomunikazzjoni, il-pjanijiet nazzjonali huma meħtieġa biex jiżguraw li, sa l-2010, 30% tal-popolazzjoni Ewropea tkun tutilizza l-internet b'veloċità għolja.

It-trasformazzjoni tal-“ħames libertà”, il-moviment ħieles ta’ l-għarfien, f’realtà

Azzjoni Komunitarja

- jittejbu l-kundizzjonijiet ta' qafas ewlenin għall-innovazzjoni permezz ta’ ġurisdizzjoni integrata tal-privattivi u privattiv uniku bi prezz raġonevoli; jiġu ssimplifikati r-regoli ta’ l-IPR, li attwalment huma frammentati, partikolarment għall-iffaċilitar taċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut; jitħaffef il-proċess biex jiġu stabbiliti standards ta' kompatibbiltà u ssir il-bidla lejn ġestjoni aktar komuni ta’ l-ispettru; u jittejjeb l-aċċess għall-kapital ta’ riskju;

- jitneħħa x-xkiel fir-rigward tal- mobbiltà transkonfinali tar-riċerkaturi fuq il-bażi ta' "passaport" Ewropew;

- jingħaqdu r-riżorsi ta’ l-R&D ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-użu aktar effettiv tagħhom billi, sa tmiem l-2008 , jintlaħaq ftehim dwar programmi konġunti u t-tnedija ta' sejħiet komuni għall-proġetti sa l-aħħar ta' l-2010;

- issir it-tnedija ta' ġenerazzjoni ġdida ta' faċilitajiet ta' riċerka ta' livell dinji billi, sa tmiem l-2009, billi jitfasslu programmi għat-tnedija ta’ 35 proġett miftiehma b'mod konġunt[9]. Għal dawn l-għanijiet ta’ livell globali, jiġi mniedi djalogu mal-partijiet interessati internazzjonali matul l-2008;

- tittejjeb il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ l- internet b’veloċità għolja permezz ta’ l-adozzjoni ta’ l-analiżi tat-telekomunikazzjonijiet sa Mejju 2009.

L-Istati Membri għandhom:

- jikkoordinaw aħjar l-isforzi sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet qafas għall- innovazzjoni;

- jindikaw kif il- miri nazzjonali ta’ investiment fl-R&D għall-2010 ser jintlaħqu u kif l-istrateġiji ta’ l-R&D tagħhom ser jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ żona Ewropea ta’ riċerka;

- ineħħu x-xkiel għall- mobbiltà tar-riċerkaturi bejn iċ-ċentri ta' riċerka pubbliċi u privati;

sa tmiem l-2008, ifasslu strateġiji nazzjonali li jidentifikaw il- ġenerazzjoni ġdida ta’ faċilitajiet ta’ riċerka ta' livell dinji li sejipparteċipaw fihom;

- bħala parti mill-NRPs tagħhom, jistabbilixxu miri nazzjonali għall-użu ta' l- internet ta' veloċità għolja [10] bil-għan ta' rata ta' penetrazzjonit ta' 30% tal-popolazzjoni ta' l-UE u l-konnessjoni ta' l-iskejjel kollha sa l-2010.

4.4. L-Enerġija u l-Bidla fil-Klima

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 kkommetta ruħu li jittrasforma l-Ewropa f’ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju b’enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva. Huwa laħaq ftehim dwar miri għall-qtugħ ambizzjuż tal-gassijiet b’effett serra, iż-żjieda ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija u ta’ l-użu ta’ l-enerġija li tiġġedded sa l-2020. L-isfida matul iċ-ċiklu li jmiss ser tkun li jiddaħħlu fis-seħħ il-qafas u l-istrumenti li jwasslu għall-ilħuq ta’ dawn il-miri u li jkun hemm ħidma mal-bqija tad-dinja sabiex jintlaħaq ftehim dwar azzjoni daqstant ieħor ambizzjuża fi ħdan in-NU.

L-ekonomija kollha ser ikollha tingrana sabiex twettaq dawn l-għanijiet komprensivi. L-istrumenti bbażati fuq is-suq, bħall-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (ETS), tipprovdi inċentivi lill-atturi ekonomiċi sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom bl-aktar mod ekonomiku. ETS imsaħħa għandha tiġi kkumplementata b’azzjoni li tilħaq il-miri nazzjonali obbligatorji dwar il-gassijiet b’effett serra u l-enerġija li tiġġedded: dan ser jinvolvi taħlita ta’ regolamentazzjoni b’miri speċifiċi, l-użu effettiv ta’ strumenti ekonomiċi, bħas-sussidji, l-inċentivi fiskali jew ta’ l-akkwist, kif ukoll passi biex tiżdied it-trasparenza, bħall-ittikkettjar jew il- green accounting . L-aktar kisbiet bikrija jistgħu jsiru fil-qasam ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija, qasam fejn il-gvernijiet jista' jkollhom rwol ta’ pijunieri. Dawn l-isforzi kollha jeħtieġu li jimxu id f’id ma’ investiment kostanti fir-riċerka u l-iżvilupp u l-inklużjoni ta’ teknoloġiji ġodda, kif imfisser reċentement fil-proposta tal-Kummissjoni għal Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija ta’ l-Enerġija[11].

Suq intern ta’ l-enerġija aktar kompetittiv u integrat ser ikun kontribut ewlieni għall-kisba ta’ enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva għall-Unjoni. Dan jinvolvi investimenti ġodda għat-titjib ta’ l-infrastrutturi u l-interkonnessjonijiet, ġestjoni aħjar ta’ ħażniet, mekkaniżmi ta’ solidarjetà u taħlita aktar diversifikata ta’ l-enerġija. Fl-istess ħin, il-politiki kollha għandhom jiġu adattati għall-impatt tal-bidla fil-klima. Filwaqt li l-bidla fil-klima tista’ tiġi kkontrollata f’livelli aċċettabbli permezz ta’ azzjoni globali deċiżiva, m’hemm l-ebda mod kif tista’ tiġi evitata. Jeħtieġ li l-politiki jikkunsidraw din ir-realtà u jnaqqsu l-impatti soċjali, ambjentali u ekonomiċi, filwaqt li jiżviluppaw il-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda sabiex titjieb il-kompetittività ta’ l-industrija ta’ l-UE.

It-trasformazzjoni ta’ l-Ewropa f’ekonomija b'livell baxx ta’ karbonju u b’użu effiċenti ta' enerġija

Azzjoni Komunitarja

- jiġu adottati proposti leġiżlattivi biex jitlestew is- swieq interni ta’ l-elettriku u l-gass u l -pakkett tal-bidla fil-klima sabiex jiddaħħal fis-seħħ il-qafas għall-kisba tal-miri ta' tnaqqis ta' minn ta' l-anqas 20% fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra u tintlaħaq kwota ta’ 20% ta’ l-enerġija li tiġġedded sa l-2020;

- tiġi promossa politika industrijali għal konsum u produzzjoni aktar sostenibbli , b'enfasi fuq l-enerġiji li jiġġeddu u prodotti b'livelli baxxi ta' karbonju u li jutilizzaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti;

- tiġi riveduta d-direttiva dwar it-taxxa fuq l-enerġija sabiex din tintrabat aktar mill-qrib ma’ l-għanijiet ta’ l-UE dwar l-enerġija u l-ambjent;

- jissaħħu r-rekwiżiti fid-direttiva dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-bini .

L-Istati Membri għandhom:

- jirrevedu l-istrumenti ekonomiċi tagħhom, inklużi t-tassazzjoni, is-sussidji u l-kontijiet, sabiex jiżguraw li huma jikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima b’mod ekonomiku;

- jħeġġu lill-awtoritajiet kontraenti sabiex b’mod sistematiku jinkludu l- effiċjenza enerġetika bħala waħda mill-kriterji għall-akkwist pubbliku;

- jistabbilixxu miri għal tnaqqis fl-użu ta' l-enerġija f'bini tal-gvern;

- itejjbu l- interkonnessjonijiet fin-netwerks ta’ l-enerġija .

5. SEGWITU TAL-KUNSILL EWROPEW TAR-REBBIEGħA TA' L-2008

L-Istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi diġà qed tagħti r-riżultati. Issa l-Ewropa għandha aġenda integrata komuni, sensiela ta' strumenti għal ħidma konġunta dwar l-isfidi komuni kif ukoll monitoraġġ effettiv tal-progress fuq bażi annwali mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

Kollox jinsab lest sabiex il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2008 jniedi ċiklu sussegwenti ambizzjuż , billi:

- jadotta l-azzjonijiet fl-erba’ oqsma prijoritarji kif stabbilit fit-taqsima 4;

- jafferma mill-ġdid il-linji gwida integrati għat-tliet snin li ġejjin;

- japprova l-proposti tal-Kummissjoni dwar rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-‘punti li jeħtieġu attenzjoni’;

- jitlob lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw ir-riformi pendenti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom u jiżgura li jkollhom NRPs aġġornati għaċ-ċiklu li jmiss; jistieden lill-Istati Membri, bħala parti mir-rapporti annwali tagħhom dwar l-implimentazzjoni, sabiex jippreżentaw lill-Kunsill pjanijiet ta’ azzjoni konkreti li jistabbilixxu r-reazzjonijieti speċfiċi ta’ politika u skedi għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u l-‘punti li jeħtieġu attenzjoni’;

- japprova l-programm ta’ Liżbona tal-Komunità;

- jitlob lill-Istati Membri sabiex jaħdmu flimkien mal-parlamenti nazzjonali u reġjonali bil-għan li jorganizzaw dibattiti annwali dwar l-implimentazzjoni ta' l-NRPs u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tagħhom;

- jitlob lill-Istati Membri sabix jiżguraw li l-fondi ta’ koeżjoni jintużaw skond id-dispożizzjonijiet allokati sabiex jinkiseb l-aħjar impatt possibbli fuq it-tkabbir u l-impjiegi;

- iħeġġeġ lill-Koordinaturi Nazzjonali ta’ Liżbona sabiex jissoktaw l-iskambju ta’ esperjenzi dwar ir-riforma, partikolarment fl-erba’ oqsma prijoritarji u dwar it-tisħiħ ta’ l-involviment tal-partijiet interessati;

- jitlob lill-Parlament Ewropew sabiex ikollu rwol attiv matul iċ-ċiklu li jmiss, inkluż permezz ta’ djalogu mal-parlamenti nazzjonali.

[1] “L-Interess Ewropew: Nirnexxu fi Żmien il-Globalizzazzjoni” - KUMM(2007) 581.

[2] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2007/209/KE tas-27 ta’ Marzu 2007 (ĠU L 92, 3.4.2007).

[3] F'dak li jirrigwarda l-parti dwar l-impjiegi, din isservi wkoll ta’ bażi għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi. Tinkludi wkoll taqsira tal-valutazzjoni ta’ nofs it-terminu ta' l-inizjattiva għat-tkabbir.

[4] Il-kategoriji allokati għandhom jikkostitwixxu mill-anqas 60% fir-reġjuni anqas żviluppati eliġibbli taħt il-programmi ta' Konverġenza u 75% fir-reġjuni relattivament aktar prosperużi eliġibbli taħt il-programmi tal-Kompetittività u ta’ l-Impjiegi. Dawn il-limiti japplikaw fuq bażi volontarja għall-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni wara Mejju 2004.

[5] L-evalwazzjoni tal-Pakkett ta' Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, l-Abbozz tar-Rapport Finali, Ottubru 2007, Eureval and Rambøll Management u konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin (13.11.2007).

[6] “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21" - KUMM(2007) 724.

[7] “Ewropa Globali: Il-Kompetizzjoni fid-dinja – kontribut għall-istrateġija ta’ l-UE dwar it-tkabbir u l-impjiegi” - KUMM(2006) 567.

[8] "Lejn prinċipji komuni ta' flexicurity – it-tkattir ta’ impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà” - KUMM(2007) 359.

[9] Il-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi ta’ Riċerka ( European Strategy Forum for Research Infrastructures - ESFRI), Il-Programm Ewropew għall-Infrastrutturi ta’ Riċerka ( European Roadmap for Research Infrastructures ), ir-Rapport ta’ l-2006 + Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21-22.5.2007.

[10] Il-Kummissjoni ser issegwi l-iżvilupp ta’ l-ekonomija ta’ l-internet ta’ l-UE permezz ta’ indiċi ta’ prestazzjoni broadband li mistenni jiġi mniedi fl-2008.

[11] "Lejn Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija ta' l-Enerġija” - KUMM(2006) 847.