52007DC0767


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Protezzjoni konsolari effikaċi f'pajjiżi terzi: il-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea - Pjan ta’ Azzjoni 2007-2009 {K(2007) 5841 finali} {SEG(2007) 1600} {SEG(2007) 1601}

/* KUMM/2007/0767 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.12.2007

KUMM(2007) 767 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Protezzjoni konsolari effikaċi f'pajjiżi terzi: il-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea Pjan ta’ Azzjoni 2007-2009

{K(2007) 5841 finali}{SEG(2007) 1600}{SEG(2007) 1601}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Protezzjoni konsolari effikaċi f'pajjiżi terzi: il-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea Pjan ta’ Azzjoni 2007-2009

1. DAħLA

Il-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni f’pajjiżi terzi hija waħda mill-għanijiet ta’ politika strateġiċi tal-Kummissjoni fl-2007.

L-Artikolu 20 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (“Artikolu 20 TKE”) jipprevedi li “kull cittadin ta' l-Unjoni għandu, fit-territorju ta' pajjiż terz li fih m'hemmx rappreżentanza ta' l-Istat Membru li tiegħu għandu ċ-ċittadinanza, ikun intitolat għall-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli neċessarji bejniethom u jibdew in-negozjati internazzjonali meħtieġa biex jiżguraw din il-protezzjoni”. Dan id-dritt huwa mnaqqax fl-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni mhuwiex programm eżawrjenti ta' miżuri li l-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi bejn l-2007 u l-2009. Huwa jsegwi konsultazzjoni pubblika mnedija fit-28 ta’ Novembru 2006 bil-pubblikazzjoni ta' Green Paper dwar dawn il-kwistjonijiet.

Is-27 Stat Membru diġà japplikaw standards għolja ta’ protezzjoni u kooperazzjoni bejniethom. Madankollu, jista’ jsir ħafna aktar sabiex l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 20 TKE tiġi ffaċilitata u sabiex tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni possibbli taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni f’pajjiżi terzi. Il-miżuri kollha li jittieħdu f’dan il-qasam, fil-livell nazzjonali u/jew Komunitarju, għandhom ikunu totalment konsistenti ma’ dan l-għan. L-għan ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa li jgħin lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom f’dan il-qasam, sabiex jassistu ċ-ċittadini li jkunu jeħtieġu għajnuna.

2. Il-ħtieġa li tissaħħaħ il-protezzjoni taċ-ċittadini ta’ l-unjoni f’pajjiżi terzi

Attwalment, is-27 Stat Membru kollha huma rappreżentati biss fi tlieta mill-166 pajjiż: ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti ta' l-Amerika[1]. In-nuqqas ta' rappreżentanza ġiet enfasizzata bit-tkabbir ta' l-Unjoni Ewropea. Hemm 18-il pajjiż fejn l-ebda Stat Membru mhu rappreżentat, 17-il pajjiż fejn Stat Membru wieħed biss huwa rappreżentat u 11-il pajjiż fejn hemm ir-rappreżentanza ta’ żewġ Stati Membri. Dawn il-pajjiżi jinkludu għadd ta’ destinazzjonijiet turistiċi popolari maċ-ċittadini ta’ l-Unjoni (pereżempju il-Baħamas, il-Barbados, il-Madagaskar, il-Maldivi u s-Seychelles). Ir-rappreżentanzi diplomatiċi u konsolari ta' l-Istati Membri huma limitati b'mod speċjali fl-Amerika Ċentrali u l-Karibew, fl-Asja Ċentrali u fl-Afrika Ċentrali u tal-Punent. Huwa stmat li 8.7% taċ-ċittadini ta’ l-UE li jivvjaġġaw barra mill-UE jmorru f’pajjiżi terzi fejn l-Istat Membru tagħhom m’għandux rappreżentanza konsolari jew diplomatika. Skond l-għadd ta’ vjaġġi li jsiru kull sena miċ-ċittadini ta’ l-UE lejn pajjiżi terzi, in-numru stmat ta’ ċittadini ta’ l-UE “mhux rappreżentati” li jivvjaġġaw lejn pajjiżi barranin kull sena huwa mill-anqas 7 miljuni. Huwa stmat li madwar 2 miljun espatrijat jgħixu f’pajjiż terz fejn l-Istat Membru tagħhom m’huwiex rappreżentat[2].

X’aktarx li dawn in-numri jiżdiedu. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni qegħdin dejjem aktar jivvjaġġaw u jgħixu f’pajjiżi terzi bħala turisti, ħaddiema, studenti eċċ. L-EUROSTAT[3] stmat li fl-2005 l-għadd ta’ vjaġġi kien ta’madwar 80 miljun. Nofs l-għadd ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni jistennew li jivvjaġġaw lejn pajjiż terz fit-tliet snin li ġejjin[4]. Fl-2006 il-Kunsill ħareġ stima li ċ-ċittadini ta' l-Unjoni jagħmlu madwar 180 miljun vjaġġ kull sena.

Bosta Stati Membri ma jirreġistrawx l-għadd eżatt ta’ talbiet għal għajnuna konsolari. Fuq il-bażi tat-tweġibiet mill-Istati Membri, huwa stmat li fil-vjaġġi tagħhom ’il barra mill-Ewropa, madwar 0.53% taċ-ċittadini ta’ l-UE jeħtieġu għajnuna konsolari, li jammonta għal mill-anqas 425,000 każ fis-sena. Huwa stmat li mill-anqas 37,000 minn dawn il-każi jikkonċernaw ċittadini ta’ l-Unjoni li l-Istat Membru minn fejn joriġinaw mhux rappreżentat fil-pajjiż terz.[5]

L-għadd relattivament baxx ta’ talbiet għal għajnuna konsolari jista’ jkun minħabba l-għarfien limitat taċ-ċittadini dwar l-Arikolu 20 tat-TKE. Il-konsultazzjoni pubblika kkonfermat li bosta ċittadini ta’ l-Unjoni mhumiex konxji mill-Artikolu 20 TKE. Fi stħarriġ ta’ l-Ewrobarometru ppubblikat fl-2006, 23% biss minn dawk intervistati kienu qatt semgħu dwar il-possibbiltajiet mogħtija mill-Artikolu 20 TKE. Fl-istess ħin, il-konsultazzjoni pubblika ħarġet fid-dieher li ċ-ċittadini għandhom stennijiet kbar mill-Ewropa f’dan il-qasam.

L-Istati Membri diġà daħħlu fis-seħħ xi mekkaniżmi ta' koordinazzjoni f'dan il-qasam, kif ħareġ fid-dieher fit-tsunami ta' l-2004 u matul il-kriżi tal-Libanu fl-2006. Madankollu, għad hemm lok għal titjib fil-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-qsim tal-piż bejn l-Istati Membri.[6] Barra minn hekk, il-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari mhix limitata għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi, iżda tinkludi l-għajnuna jum b’jum għal problemi individwali bħal meta jintilfu l-passaporti, serq u inċidenti serji.

Il-qafas ta’ l-"Istat Ewlieni" għandu jissemma f’dan il-kuntest. Din is-sura ġdida ta' kooperazzjoni konsolari hija mfassla biex issaħħaħ il-kooperazzjoni konsolari u ttejjeb il-protezzjoni taċ-ċittadini ta' l’UE fi żminijiet ta’ kriżi f’pajjiżi terzi fejn għadd żgħir ta’ Stati Membri huma rappreżentati. Stat Membru wieħed jew iżjed jinħatru bħala “Stat Ewlieni” fil-pajjiż terz sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni mingħajr rappreżentanza f’isem l-Istati Membri l-oħra. Fil-każ ta’ evakwazzjoni, l-“Istat Ewlieni” huwa responsabbli mill-evakwazzjoni taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għal post anqas perikoluż. Fil-kuntest ta’ l-Artikolu 20 TKE, il-Kummissjoni tqis li l-arranġament ta’ “Stat Ewlieni” bħala pass pożittiv lejn qsim tal-piż aktar effikaċi f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

Ir-regoli Komunitarji f’dan il-qasam huma limitati ħafna, u jikkonsistu f’żewġ Deċiżjonijiet adottati mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri. Id-Deċiżjoni 95/553/KE[7] tintitola liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li mhumiex rappreżentati protezzjoni minn kwalunkwe rappreżentanza diplomatika jew konsolari mill-Istati Membri fuq l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat, eż. fil-każ ta' mewt, inċidenti serji, arrest jew ripatrijazzjoni. Din id-Deċiżjoni mhix eżawrjenti billi ma tkoprix b’mod espliċitu ċirkorstanzi oħra meta ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jista’ jkollhom bżonn l-għajnuna. Id-Deċiżjoni 96/409/PBSK[8] tintitola liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li mhumiex rappreżentati u li tilfu d-dokument ta’ l-ivvjaġġar tagħhom għal dokument ta' vvjaġġar ta' emerġenza maħruġ minn kwalunkwe Stat Membru ieħor rappreżentat fil-post. Barra minn hekk l-Istati Membri fasslu Linji Gwida mhux obbligatorji dwar il-protezzjoni konsolari fi ħdan il-Kunsill.[9] Is-sejħiet għal protezzjoni konsolari mtejba ser kważi ċertament jiżdiedu fil-ġejjieni hekk kif iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea jsiru konxji mid-drittijiet tagħhom taħt l-Artikolu 20 TKE u minħabba ż-żieda fl-ivvjaġġar internazzjonali. Id-diżastri naturali, l-attakki terroristiċi u l-instabbiltà politika huma raġunijiet oħra ta’ tħassib.

Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Riforma ser jipprovdi bażi legali ċara għal-liġi ta’ l-UE f’dan il-qasam. L-għażla tal-kliem modifikata ta' l-Artikolu 20 TKE tippermetti lill-Kunsill li jadotta direttivi "li jistabbilixxu l-miżuri ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni meħtieġa għall-iffaċilitar ta' din il-protezzjoni."

L-għan ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa li jipproponi azzjoni mmirata biex tlaħħam l-Artikolu 20 TKE u biex tindirizza n-nuqqasijiet attwali u li jistgħu jitbassru f'dan il-qasam.

3. Ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika

Fl-2006, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika wiesgħa bil-pubblikazzjoni ta’ Green Paper dwar il-protezzjoni diplomatika u konsolari taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni f’pajjiżi terzi[10] li pproponiet għadd ta’ miżuri possibbli. Ir-risposta għall- Green Paper ħarġet fid-dieher interess sinifikanti dwar din il-kwistjoni[11]. Sar smigħ pubbliku fid-29 ta’ Mejju 2007.

Is-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet Ewropej oħra u parteċipanti individwali argumentaw favur li jintgħamel sforz akbar favur l-Artikolu 20 tat-TKE bħala espressjoni tanġibbli taċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni. Diversi Stati Membri appellaw għall-prudenza filwaqt li fakkru li huma primarjament responsabbli mill-iżgurar tal-protezzjoni taċ-ċittadini tagħhom.

4. Il-ħtieġa għal metodu progressiv u gradwali

It-tisħiħ effikaċi tad-dritt għall-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari mnaqqxa fl-Artikolu 20 TKE huwa sfida kumplessa li ma tistax tinkiseb b’inizjattiva waħda biss, iżda teħtieġ pakkett komprensiv ta’ miżuri bbażati fuq strateġija b’terminu twil. Jagħti l-każ li l-Istati Membri verament għandhom responsabbiltajiet primarji f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni tixtieq tgħinhom fit-twettiq ta' dawk ir-responsabbiltajiet. Għalhekk huwa meħtieġ metodu progressiv u gradwali.

Il-kumplessità legali u teknika ta’ ċerti miżuri jeħtieġu analiżi fil-fond u tħejjija f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri.

- Il-Kummissjoni tipproponi l-Pjan ta’ Azzjoni li ġej għas-snin 2007-2009 inkluża sensiela ta’ miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi.

5. Oqsma identifikati għal azzjoni 2007-2009

5.1. Tagħrif għaċ-ċittadini

Il-konsultazzjoni pubblika kkonfermat li s-sensibilizzazzjoni pubblika f’dan il-qasam hija limitata. F’April 2007 l-Kummissjoni nediet kampanja ta’ tagħrif b’powsters li jfissru l-Artikolu 20 TKE u d-Deċiżjoni 95/553/KE b’mod sempliċi. Il-powsters tqassam fuq talba ta’ aġenziji ta’ l-ivvjaġġar f’diversi Stati Membri. Barra minn hekk, is-Segretarjat tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea qassam fuljett dwar l-“Għajnuna Konsolari Ewropea”.[12] L-Istati Membri qassmu wkoll informazzjoni dwar l-Artikolu 20 TKE fuq il-livell nazzjonali. Minkejja dawn l-isforzi, il-parti l-kbira taċ-ċittadini għadhom mhumiex konxji mill-eżistenza u l-għan ta' l-Artikolu 20 TKE.

5.1.1. L-Istati Membri jiġu rrikmandati jistampaw l-Artikolu 20 TKE fil-passaporti

Bħala l-ewwel miżura, mehmuża ma’ dan il-pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni qed tressaq Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri sabiex jinkludu l-kliem ta’ l-Artikolu 20 TKE fil-passaporti. Din l-idea, li ssemmiet fil- Green Paper , kienet ġiet issuġġerita fir-rapport Barnier[13] u mill-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea fl-2006[14]. Il-proposta ġiet milqugħa b’mod kważi unanimu matul il-konsultazzjoni pubblika bħala mezz effikaċi kif jintlaħqu l-individwi li jivvjaġġaw lejn pajjiżi terzi. Sar ukoll is-suġġeriment li tiġi stampata referenza għal websajt Ewropea li tippermetti liċ-ċittadini jsibu tagħrif aktar dettaljat. Issa l-Kummissjoni qed tagħmel ir-rakkomandazzjoni li l-Istati Membri jistampaw l-Artikolu 20 tat-TKE fil-passaporti li jinħarġu wara l-1 ta’ Lulju 2009. Fir-rigward tal-passaporti li jinħarġu qabel dik id-data, il-Kummissjoni tirrikmanda d-distribuzzjoni ta’ stikers li fuqhom ikun hemm stampat it-test ta' l-Artikolu 20 tat-TKE u dawn jitwaħħlu fuq in-naħa ta’ barra tal-qoxra ta' wara tal-passaporti. Hija responsabbiltà ta’ l-Istat Membru li jiddeċiedi jekk dawn isirux disponibbli u kif ser isiru. Din il-miżura żżid b’mod sinifikanti l-għarfien taċ-ċittadini ta’ l-Artikolu 20 TKE bi spejjeż limitati.

- Il-Kummissjoni tirrikmanda lill-Istati Membri sabiex jistampaw l-Artikolu 20TKE fil-passaporti li jinħarġu wara l-1 ta’ Lulju 2009 u jqassmu stikers biex jitwaħħlu fuq in-naħa ta' barra tal-qoxra ta' wara tal-passaporti li nħarġu qabel dik id-data (mill-2008 'l quddiem)

5.1.2. Tissokta l-kampanja ta’ tagħrif lill-pubbliku ġenerali

Il-Kummissjoni ser tħejji powster dwar il-protezzjoni konsolari biex jitqassam f’postijiet strateġiċi, bħall-ajruporti, postijiet ta’ fruntiera esterna u stazzjonijiet ferrovjarji, fi sħubija ma’ l-Istati Membri.

- Il-Kummissjoni ser tħejji powster dwar il-protezzjoni konsolari biex jitqassam f’postijiet strateġiċi fi sħubija ma’ l-Istati Membri (mill-2007 ’l quddiem)

5.1.3. Tiġi stabbilita websajt ta’ l-UE dwar il-protezzjoni konsolari

Fl-2008 l-Kummissjoni bi ħsiebha toħloq websajt speċjali dwar il-protezzjoni konsolari fuq is-sit "Europa". Din il-websajt ser tintuża għall-ippubblikar ta’ tagħrif prattiku kif imniżżel hawn taħt.

Il-websajt tista’ tintuża wkoll biex tiffaċilita l-aċċess għall-avviżi ta’ pariri għall-ivvjaġġar ta' l-Istati Membri. Tista’ tipprovdi links għall-avviżi dwar il-pariri għall-ivvjaġġar ta' l-Istati Membri u għall-websajt tas-Segretarjat Ġenerali[15].

- Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi websajt fis-sit "Europa" sabiex tippubblika tagħrif dwar il-protezzjoni konsolari (2008)

5.1.4. L-ippubblikar ta’ tagħrif f'rappreżentanzi ta' l-Istati Membri f'pajjiżi terzi

Ħafna nies jistgħu jsibu lista aġġornata ta' l-ambaxxati u l-konsolati ta' l-Istati Membri f'pajjiżi terzi bħala utli. Attwalment dan it-tagħrif, li jinġabar kull sentejn mis-Segretarjat tal-Kunsill,[16] mhux faċilment disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni ser tippubblikah fuq il-websajt proposta.

- Il-Kummissjoni ser titlob lill-Istati Membri biex jagħtuha tagħrif aġġornat dwar ir-rappreżentanzi tagħhom f’pajjżi terzi u tippubblikahom onlajn (mill-2008 ’l quddiem)

5.1.5. Miżuri pubbliċi li jimplimentaw l-Artikolu 20 TKE

Il-Kummissjoni ser tippubblika l-miżuri rilevanti li jimplimentaw l-Artikolu 20 TKE dwar il-websajt proposta. Hija tirrikmanda li tali miżuri jiġu ppubblikati wkoll fil-Ġurnal Uffiċjali.

- Il-Kummissjoni ser tippubblika l-miżuri li jimplimentaw l-Artikolu 20 TKE fuq il-websajt ġejjieni tagħha (mill-2008 ’l quddiem)

5.1.6. Jiġi stabbilit numru tat-telefown ta’ l-UE dwar il-protezzjoni konsolari

Il-Kummissjoni ser tanalizza l-possibbiltà li sa l-2009 tipprovdi tagħrif dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni konsolari fuq it-telefown, eż. id-dettalji ta’ kuntatt tal-konsulati u l-ambaxxati ta’ l-Istati Membri f’pajjiżi terzi.

- Il-Kummissjoni ser tanalizza l-possibbiltà li tipprovdi tagħrif dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni konsolari bit-telefown (mill-2009)

5.2. L-għan tal-protezzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni

Matul il-konsultazzjoni pubblika ħareġ fid-dieher li l-Artikolu 20 TKE huwa soġġett għal interpretazzjonijiet differenti. Xi wħud jikkunsidrawh li jkopri kemm protezzjoni diplomatika kif ukoll konsolari filwaqt li oħrajn jgħidu li l-għan tiegħu huwa għal protezzjoni konsolari. Il-protezzjoni diplomatika tikkonsisiti mill-invokazzjoni tar-responsabbiltà ta’ Stat mingħand Stat ieħor għal dannu kkawżat lil persuna naturali jew legali u li hija ċittadin ta' l-ewwel Stat[17].

Jidher li l-maġġoranza tal-każi fejn iċ-ċittadini ta’ l-UE jeħtieġu għajnuna f’pajjiżi terzi huma marbuta mal-protezzjoni konsolari.[18] Għalhekk, fil-perjodu taż-żmien kopert minn dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni ser tikkonċentra fuq it-titjib tal-protezzjoni konsolari taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni f’pajjiżi terzi. Dan mingħajr preġudizzju għal azzjoni ġejjiena possibbli fil-qasam tal-protezzjoni diplomatika.

5.2.1. Jiġi żgurat li ċ-ċittadini kollha ta’ l-UE jgawdu mill-istess livelli ta’ protezzjoni

Matul il-konsultazzjoni pubblika ħareġ fid-dieher li l-livell ta' protezzjoni konsolari jvarja bejn Stat Membru u ieħor. Id-diskrepanzi jistgħu jnaqqsu mill-effikaċja sħiħa ta’ l-Artikolu 20 TKE. Il-Kummissjoni ser tanalizza l-leġiżlazzjoni u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni konsolari u tivvaluta l-livell u n-natura ta’ dawn id-diskrepanzi.

- F’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni ser tivvaluta l-livell u n-natura tad-diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni u l-prattiċi fil-qasam tal-protezzjoni konsolari (mill-2008 'il quddiem).

5.2.2. Il-protezzjoni lill-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni li huma ċittadini ta’ pajjiż terz

Huwa stmat li madwar 6 miljun ċittadin ta' l-Unjoni huma miżżewġin ma' ċittadini ta’ pajjiżi terzi.[19] In-nuqqas ta’ protezzjoni lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-UE jista’ joħloq diffikultajiet u niket meta ċ-ċittadini u l-familji tagħhom isibu ruħhom fl-inkwiet. Ċerti Stati Membri diġà jipprovdu għall-protezzjoni tal-membri tal-familja taċ-ċittadini li jkunu ċittadini ta' pajjiżi terzi, filwaqt li oħrajn ma jagħmlux dan, jew inkella jipprovdu protezzjoni fuq bażi diskrezzjonali. Sabiex jissaħħaħ id-dritt għall-protezzjoni taċ-ċittadini ta' l-Unjoni, il-Kumissjoni ser teżamina l-possibbiltà li tipprovdi protezzjoni konsolari taħt l-Artikolu 20 TKE lill-membri tal-familja ta' ċittadini ta' l-Unjoni. Din il-protezzjoni tkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-moviment ħieles taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.[20] Diversi mistoqsijiet, bħad-definizzjoni ta’ membri tal-familja u l-kwistjoni taċ-ċittadinanza doppja, jeħtieġu analiżi ulterjuri.

- Il-Kummissjoni ser teżamina l-possibbiltà li tiġi żgurata protezzjoni konsolari għall-membri tal-familja ta’ ċittadini ta' l-Unjoni li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi (2009)

5.2.3. Il-protezzjoni għall-identifikazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-katavru

Fi żmien niket kbir, formalitajiet amministrattivi kumplessi u li jiswew ħafna flus fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni u r-ripatrijazzjoni tal-mejtin jistgħu biss jgħarrqu sitwazzjoni li tkun diġà ħażina. Il-konsultazzjoni pubblika ħarġet fid-dieher ftehim usa’ dwar il-ħtieġa li l-proċeduri amministrattivi għall-identifikazzjoni u ripatrijazzjoni tal-katavru, li spiss ikunu kumplessi u jiswew ħafna flus, jiġu ssimplifikati.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota l-esperjenza ġeneralment pożittva tal-15-il Stat Membru li huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ l-1973 tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar it-trasferiment tal-katavri.[21] Il-Kummissjoni tirrikmanda li t-12-il-Stat Membru l-oħra jaċċedu għal dan l-istrument. Ir-ratifika mill-Istati Membri kollha għandha sseħħ mill-aktar fis possibbli.

Dan jista’ joħloq pjattaforma komuni b’saħħitha għal azzjoni fuq livell multilaterali għall-kunsiderazzjoni dwar kif jistgħu jiġu ssimplifikati l-proċeduri għar-ripatrijazzjoni tal-katavri minn pajjiżi terzi.

- Il-Kummissjoni ser tirrikmanda lill-Istati Membri li għadhom ma aċċedewx għall-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropea ta’ l-1973 sabiex jagħmlu dan (2008)

- Il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-aħjar mod kif jistgħu jiġu ssimplifikati l-proċeduri għar-ripatrijazzjoni tal-katavri minn pajjiżi terzi fuq livell multilaterali (2009)

5.2.4. Tiġi kkunsidrata l-ħtieġa għas-simplifikar tal-proċeduri ta’ avvanzi finanzjarji

Kien hemm reazzjonijiet differenti dwar is-suġġeriment tal- Green Paper biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-avvanzi finanzjarji (l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 95/553/KE). Xi Stati Membri kkunsidraw li l-proċeduri kurrenti jiffunzjonaw sew, filwaqt li oħrajn jippreferu simplifikazzjoni u/jew il-ħolqien ta’ sistema ta’ kumpens.

Il-“Lini Gwida dwar il-Protezzjoni Konsolari" jirrikmandaw li l-Istati Membri jagħtu r-rimborż lill-Istat li jagħti l-għajnuna b'mod prammatiku. F’każi ta’ ripatrijazzjoni, l-Istati Membri huma inkoraġġiti jagħtu rimborżi fuq bażi prorata; l-Istat Membru li jitlob il-ħlas jiġbor lura l-pagament miċ-ċittadini tiegħu. Il-Kummissjoni ser teżamina ulterjorment jekk il-proċeduri kurrenti humiex sodisfaċenti.

Il-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema ta’ kumpens bejn l-Istati Membri ser tiġi analizzata. Tkun tista’ tipprevedi r-rimborż lill-Istati Membri għall-ispejjeż li jkunu saru fl-għoti tal-protezzjoni konsolari lil ċittadini ta' l-UE ta' Stati Membri oħra. Fil-livell amministrattiv, is-sistema għandha tkun sempliċi u effikaċi.

- Il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-proċeduri għal avvanzi finanzjarji (2009)

- Il-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema ta’ kumpens bejn l-Istati Membri ser tiġi analizzata (2009)

5.3. Strutturi u riżorsi

Diversi Stati Membri jagħmlu użu minn arranġamenti ta' kolokazzjoni[22] f'pajjiżi terzi bħala mezz biex inaqqsu l-ispejjeż u jtejbu l-koordinazzjoni. F’Dar es Salaam u Abuja, id-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni jaqsmu l-bini ma’ ċerti Stati Membri. Kull imsieħeb huwa s-sid u jħallas il-parti tal-bini tiegħu filwaqt li l-ispejjeż komuni jinqasmu fuq bażi prorata.

Il-ħolqien ta’ uffiċċji komuni, disponibbli għaċ-ċittadini kollha ta’ l-UE, jikkumpensa għall-preżenza konsolari limitata f’pajjiżi terzi u dawn l-uffiċċji jistgħu jiġu stabbiliti flimkien ma’ delegazzjoni tal-Kummissjoni. L-ispejjeż għandhom jinqasmu prorata bejn l-Istati Membri parteċipanti skond arranġamenti kurrenti. Barra mill-benefiċċji li jistgħu joħorġu mill-kololkazzjoni (anqas spejjeż u kooperazzjoni reċiproka mtejba), l-uffiċċji komuni jkunu jiffunzjonaw fuq il-bażi ta' sistema ċara u trasparenti ta' rappreżentanza reċiproka. Din is-sistema tkun pass 'il quddiem lejn protezzjoni aħjar taċ-ċittadini ta’ l-UE li jkunu jeħtiġuha billi tkun tiffunzjona l-ħin kollu, u mhux biss f’ċirkostanzi straordinarji, bħal f’kunflitti u diżastri naturali. F’dan is-sens, din tkun tikkumplimenta l-“Istat Ewlieni”.

Il-Kummissjoni ser teżamina l-possibbiltà li tistabbilixxi, f’kooperazzjoni ma’ Stati Membri u bħala proġett pilota, uffiċċju komuni f’pajjiż terz fejn hemm għadd żgħir ta’ Stati Membri li huma rappreżentati. L-ewwel, il-Kummissjoni ser teżamina l-funzjonijiet, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-qsim tal-piż tal-proġett pilota. Diġà teżisti sistema ta’ rappreżentanza, partikolarment fil-qasam tal-politika dwar viża komuni fejn inkiseb progress sinifikanti permezz ta’ l-Istruzzjonijiet Konsolari Komuni u t-tnedija ta’ l-ewwel “Ċentru ta’ Applikazzjoni għal Viża Komuni” ta’ l-UE fil-Moldova. Attwalment il-funzjonijiet taċ-Ċentru ta' Applikazzjoni għal Viża Komuni huma ferm differenti minn dawk ta' l-uffiċċji komuni previsti. Madadnkollu, fuq terminu twil, tista’ titbassar l-amalgamazzjoni taż-żewġ kunċetti f’uffiċċji komuni li jwettqu firxa wiesgħa ta’ servizzi konsolari, inkluż it-trattament ta’ applikazzjoni tal-viża.

Wara evalwazzjoni tal-proġett pilota, l-uffiċċji komuni jistgħu jiġu estiżi f’żoni oħra tad-dinja.

- Il-Kummissjoni ser tipproponi li jiġi stabbilit uffiċċju komuni f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri f’kolokazzjoni mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni f’reġjun wieħed bħala proġett pilota li għandu jiġi evalwat (2008)

5.4. L-iskambju ta’ l-aħjar prattiċi u taħriġ

Il-konsultazzjoni pubblika kkonfermat il-ħtieġa ta' diskussjoni tal-problemi komuni, il-promozzjoni ta’ l-aħjar prattiċi u l-iffaċilitar ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-atturi differenti. Fi tmiem l-2007, il-Kummissjoni ser torganizza seminar li ser iservi bħala bażi għal azzjoni ġejjiena f’dan il-qasam.

- Il-Kummissoni ser torganizza seminar sabiex tidentifika l-problemi komuni u l-ħtiġiet f’dan il-qasam (2007) bil-għan li tiffaċilita l-iskambju ta’ l-aħajr prattiċi u t-taħriġ (mill-2008 ’l quddiem)

5.5. Il-kunsens ta’ l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi

Ir-rekwiżit tal-kunsens tal-pajjiżi terzi huwa regola ġenerali tal-liġi internazzjonali. L-Artikolu 20 TKE jipprovdi li l-Istati Membri “għandhom jibdew in-negozjati internazzjonali meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni”. Wieħed jista’ jargumenta li n-notifika unilaterali lill-Istat li jirċievi tista’ tkun biżżejjed skond l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsolari[23]. Madankollu, il-kunsens espliċitu jtejjeb iċ-ċertezza legali filwaqt li jagħti tifsira konkreta liċ-ċittadinanza Ewropea anke fil-konfront ta' pajjiżi terzi.

Skond il-flessibbiltà meħtieġa għall-kunsiderazjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull negozjat u biex tiġi ttrattata din il-kwistjoni fuq il-bażi ta’ każ b’każ, il-Kummissjoni tirrikmanda lill-Istati Membri sabiex fil-ftehimiet bilaterali ġejjiena ma’ pajjiżi terzi jinkludu klawżola ta’ kunsens. Bl-istess mod, il-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi klawżola ta’ kunsens fi ftehimiet “imħallta” fil-ġejjieni konklużi bejn il-Komunità u l-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi.

Fuq terminu twil, il-Kummissjoni ser tikkunsidra wkoll il-possibbiltà li tikseb il-kunsens ta’ pajjiżi terzi li jippermettu lill-Unjoni teżerċita l-protezzjoni li tagħti mid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni. Għalkemm l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja li jiżguraw il-protezzjoni għaċ-ċittadini tagħhom, id-delegazzjonijiet, meta jiġu awtorizzati mill-Kunsill, jistgħu jeżerċitaw il-protezzjonijiet fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt kompetenza Komunitarja b'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Prim' Istanza. [24]

- Il-Kummissjoni tirrikmanda li l-Istati Membri jinnegozjaw klawżola ta’ kunsens fi ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi biex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċittadini tagħhom mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari (2007)

- Il-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi n-negozjar ta’ klawżola ta’ kunsens fi ftehimiet “imħallta” ġejjiena ma’ pajjiżi terzi biex tiġi żgurata l-protezzjoni taċ-ċittadini tagħhom mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsolari (mill-2008 ’l quddiem)

- Il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-protezzjoni li tagħti mid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f’każi li jaqgħu fil-kompetenza Komunitarja (2009)

6. Pjan ta’ Azzjoni 2007-2009

Azzjoni għall-2007:

- L-Istati Membri jiġu rrikmandati jistampaw l-Artikolu 20 TKE fil-passaporti

- Issir kampanja ta’ informazzjoni

- Jiġi organizzat seminar fejn l-Istati Membri jesploraw il-ħtiġiet tagħhom fl-iskambju ta' l-aħjar prattiċi

- Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri sabiex jinnegozjaw “klawżola ta’ kunsens” fi ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi

Azzjoni għall-2008:

- Tiġi stabbilita websajt ta’ l-UE dwar il-protezzjoni konsolari

- L-Istati Membri jiġu rrikmandati jaċċedu għall-Konvenzjoni ta’ l-1973 dwar it-trasferiment tal-katavri

- Issir il-valutazzjoni tal-livell u n-natura tad-diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni u l-prattiċi ta' l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni konsolari

- Segwitu tas-seminar

- Issir proposta biex jiġi stabbilit uffiċċju f’pajjiż terz bħala proġett pilota f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri

- Proposta għan-negozjar ta’ “klawżola ta’ kunsens” fi ftehimiet “imħallta” ma’ pajjiżi terzi

Azzjoni għall-2009:

- Jingħata tagħrif telefoniku dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni konsolari

- Tiġi eżaminata l-possibbiltà li tiġi żgurata protezzjoni konsolari għall-membri tal-familja ta’ ċittadini ta' l-Unjoni li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi

- Jiġi kkunsidrat kif jistgħu jiġu ssimplifikati l-proċeduri għar-ripatrijazzjoni tal-katavri fuq livell multilaterali

- Tiġi kkunsidrata l-ħtieġa għas-simplifikar tal-proċeduri ta’ avvanzi finanzjarji

- Tiġi eżaminata l-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema ta’ kumpens

- Tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-Unjoni teżerċita l-protezzjoni li tagħti mid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f’każi li jaqgħu fil-kompetenza Komunitarja

[1] Id-dokument tal-Kunsill 16838/1/06 tat-23 ta’ Marzu dwar ir-rappreżentanza diplomatika tal-Presidenza f’pajjiżi terzi, mhux ippubblikat.

2 Valutazzjoni ta l-impatt, punti 2.2 u 2.8

3 Database dwar il-popolazzjoni, taqsima dwar it-turiżmu. Id- data tinkludi vaganzi u vjaġġi fuq xogħol ta' akar minn jum wieħed matul l-2005.

4 Ewrobarometru Nru 118 ta’ Lulju 2006.

5 Valutazzjoni ta’ l-Impatt, punt 2.2.

6 Fl-aħħar snin ġew ippreżentati diversi inizjattivi sabiex tittejjeb il-kapaċità ta’ reazzjoni ta' l-Unjoni għal sitwazzjonijiet ta' kriżi. Eżempju wieħed huwa r-rapport imressaq fid-9 ta’ Mejju 2006 minn Michel Barnier: “Għal korp tal-protezzjoni ċivili Ewropew: Europe aid".

7 ĠU L 314, 28.12.1995, p. 73

8 ĠU L 168, 16.07.1996, p. 4.

9 Id-dokument tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, 10109/06 tat-02.06.2006.

10 COM (2006) 712 finali.

11 Ir-risposti għall- Green Paper jinsabu fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/justice_home/news/consulting_public/news_consulting_public_en.htm

12 http://www.travel-voyage.consilium.europa.eu

13 Ara n-nota tal-qiegħ 6.

14 Id-dokument 10551/06 tal-15.06.06.

15 www.travel-voyage.consilium.europa.eu

16 “Rappreżentazzjoni diplomatika f'pajjiżi terzi tal-Presidenza - L-ewwel nofs ta' l-2007" dokument tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, 16838/1/06 tat-23.03.2007.

17 Ara t-test sħiħ ta’ l-abbozz ta’ l-Artikolu 1 tan-NU. Ir-rapport dwar il-Kummissjoni tal-Liġi Internzzjonali 2006 (A/61/10).

[2] Il-protezzjoni konsolari hija l-għoti ta’ appoġġ u għajnuna minn stat lil ċittadini barra minn pajjiżhom, kemm bħala ċittadini tagħhom kif ukoll lil dawk iċ-ċittadini li tkun ftiehmet li tgħin. Tista’ tingħata mill-awtoritajiet konsolari jew diplomatiċi.

19 Valutazzjoni ta’ l-Impatt punt 5.3.

20 Ara eż. id-Direttiva 2004/38/KE, ĠU Nru L 158, 30. 04. 2004, p. 77.

21 Ftehim dwar it-Trasferiment tal-Katavri, Strasburgu 26.10.1973. Sal-lum din il-konvenzjoni ġiet ratifika minn 21 Stat li fosthom hemm 15-il Stat Membru.

[3] Dan huwa l-każ, pereżempju, f’Abula, Ashgabat, Dar es Salaam, Pyongyang, Quito, Reykjavik, Minsk u Chisinau.

[4] Dan l-Artikolu jgħid hekk: “Wara li ssir in-notifika xierqa lill-Istat li jirċievi, uffiċċju konsolari ta' l-Istat li jibgħat jista', sakemm ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni mill-Istat li jirċievi, jeżerċita funzjonijiet konsolari fl-Istat li jirċievi f’isem Stat terz”.

24 Kawża T-572/93.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet