52007DC0756


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew - Is-sitt Rapport dwar it-tħejjijiet prattiċi għat-tkabbir futur taż-żona ta’ l-euro {SEK(2007) 1574}

/* KUMM/2007/0756 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.11.2007

KUMM(2007) 756 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Is-sitt rapport dwar it-tħejjijiet prattiċi għat-tkabbir futur taż-żona ta’ l-euro {SEK(2007) 1574}

1. INTRODUZZJONI

Wara d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 li Ċipru u Malta jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni ta’ l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008[1], fiż-żewġ pajjiżi bħalissa qed jiġu kompletati t-tħejjijiet prattiċi għall-introduzzjoni ta’ l-euro. Dan ir-rapport jindirizza dawn it-tħejjijiet finali, b’mod partikolari l-introduzzjoni tal-flus kontanti ta’ l-euro fl-ekonomija, l-istat tat-tħejjijiet tas-settur privat kif ukoll l-istat ta’ l-opinjoni pubblika dwar l-euro f’Ċipru u f’Malta.

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż jipprovdi aktar dettalji tekniċi dwar it-tħejjijiet fiż-żewġ pajjiżi u fl-Istati Membri l-oħra konċernati.

Ir-rapport isegwi ħames rapporti dwar l-istat tal-tħejjijiet prattiċi għat-tkabbir futur taż-żona ta’ l-euro, li nħarġu bejn Novembru 2004 u Lulju 2007[2] .

2. L-ISTAT TAT-TħEJJIJIET

2.1. Ċipru

2.1.1. Kif se jiġu introdotti l-flus kontanti ta’ l-euro fl-ekonomija Ċiprijotta u kif il-flus kontanti tal-liri Ċiprijotti se jiġu rtirati?

L-introduzzjoni ta’ l-euro f’Ċipru timplika li l-popolazzjoni ta’ madwar 775 000 se jieħdu sehem fil-bidla mill-lira Ċiprijotta għall-euro, kemm jekk bħala individwi jew fi ħdan l-intrapriża jew l-entità pubblika li jaħdmu fiha. Ir-responsabbiltà għall-introduzzjoni ta’ l-euro f’forma fiżika u għall-irtirar tal-lira Ċiprijotta miċ-ċirkolazzjoni tinsab f’idejn il-Bank Ċentrali ta’ Ċipru (CBC).

Il-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro meħtieġa

Sabiex tkun sostitwita l-munita f’ċirkolazzjoni, jiġifieri l-liri Ċiprijotti bi flus kontanti ta’ l-euro, skond l-istimi tas-CBC huma meħtieġa 60.7 miljun karta tal-flus ta’ l-euro (li jiswew €1 190 miljun) u 395 miljun munita ta’ l-euro (li jiswew €100.26 miljun).

Skond id-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew li l-Istati l-ġodda li jidħlu fiż-żona ta’ l-euro jistgħu jisselfu l-volumi meħtieġa f’karti tal-flus ta’ l-euro mill-Eurosistema u jħallsuhom lura wara l-bidla b’karti tal-flus prodotti mill-arranġamenti ta’ forniment li jagħmlu, is-CBC rċieva l-karti tal-flus ta’ l-euro mill-Bank tal-Greċja matul Ottubru.

Il-muniti ta’ l-euro Ċiprijotti kienu prodotti miz-Zekka tal-Finlandja, wara sejħa pubblika għall-offerti. Il-produzzjoni bil-massa bdiet hekk kif il-Kunsill iddeċieda, fil-10 ta’ Lulju 2007, li Ċipru jista’ jadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008. Sa nofs Ottubru, madwar 60% tal-muniti kienu waslu permezz ta’ kontejners ta’ merkanzija mibgħuta bil-baħar, filwaqt li l-40% li fadal mistennija jiġu konsenjati sa tmiem Novembru.

Il- frontloading u s- sub-frontloading

Bil-għan tat-tħejjijiet għal bidla tal-flus kontanti mingħajr problemi, is-CBS qed jimplimenta operazzjoni ta’ frontloading fejn iforni lill-banek kummerċjali b’karti tal-flus u b’muniti ta’ l-euro qabel jum l-€[3]. Il- frontloading beda fit-22 ta’ Ottubru għall-muniti ta’ l-euro u fid-19 ta’ Novembru għall-karti tal-flus ta’ l-euro. Is-CBS jistma li madwar 80% tal-valur tal-karti tal-flus ta’ l-euro li se jiġu introdotti fl-ekonomija Ċiprijotta (jiġifieri, 48.4 miljun karta tal-flus, li jiswew madwar €950 miljun) se jkunu fornuti lis-settur bankarju qabel jum l-€, kif ukoll 64% tal-valur tal-muniti ta’ l-euro (jiġifieri, 251.2 miljun munita, li jiswew madwar €64 miljun). L-operazzjoni ta’ frontloading tinvolvi lill-madwar 900 fergħa bankarja kollha f’Ċipru (b’kull waħda taqdi medja ta’ madwar 860 abitant).

F’pass li jmiss, il-banek kummerċjali jridu jiżguraw li l-intrapriżi involuti f’operazzjonijiet relatati ma’ flus kontanti,u l-bejjiegħa bl-imnut b’mod partikolari, jirċievu l-flus kontanti ta’ l-euro qabel jum l-€ ( sub-frontloading ) u jkunu jistgħu jagħtu bqija f’euro biss mid-data tal-bidla. Dan jikkontribwixxi biex jitnaqqas għall-minimu l-perjodu li matulu l-flus kontanti ta’ l-euro u l-flus kontanti nazzjonali jintużaw parallelament. Id-detallji tas- sub-frontloading ġew stabbiliti fi ftehimiet bejn il-banek u l-klijenti tagħhom, fejn ġew iddefiniti ż-żminijiet tal-konsenji, id-data tad-debitu, il-kopertura assigurattiva meħtieġa u r-rekwiżiti kollaterali. Għalkemm is-CBC u l-banek kummerċjali huma attivi biex jispjegaw il-ħtieġa għas- sub-frontloading lill-intrapriżi kollha li jinnegozjaw bi flus kontanti, l-ewwel ordnijiet għal flus kontanti ta’ l-euro min-naħa tan-negozji kienu ferm inqas mill-aspettattivi. Qed jittieħdu miżuri addizzjonali sabiex l-intrapriżi jingħataw inkoraġġiment, u dawn diġà qed juru riżultati pożittivi. Fil-31 ta’ Diċembru, li se tiġi dikjarata btala speċjali għall-banek, il-banek se jagħmlu sub-frontloading lill-SMEs b’ammonti żgħar ta’ flus kontanti ta’ l-euro. L-isforzi sabiex ikun żgurat livell xieraq ta’ sub-frontloading għandhom jitkomplew.

Bħala parti mill-operazzjoni ta’ sub-frontloading , 40 000 kitt bil-muniti ta’ l-euro ppakkjati minn qabel (kitts biex wieħed jibda) għan-negozji (li jiswew €172 kull wieħed) kif ukoll 250 000 kitts żgħar għall-pubbliku ġenerali (li jiswew €17.09 kull wieħed) se jkunu offruti mit-3 ta’ Diċembru 2007. L-ippakkjar sempliċi tal-kitts intgħażel sabiex ikun żgurat li l-muniti se jintużaw għall-ħlasijiet u ma jinżammux bħala oġġetti ta’ kollezzjoni.

Barra minn hekk, mill-1 ta’ Novembru, uħud mill-banek jiskambjaw il-liri Ċiprijotti f’karti tal-flus ta’ l-euro għall-klijenti tagħhom bir-rata ta’ konverżjoni u mingħajr ħlasijiet tal-kambju, sabiex il-pubblika jista’ jħejji ruħu għall-ħlasijiet bl-euro sa minn jum l-€.

L-introduzzjoni tal-flus kontanti fl-ekonomija mill-1 ta’ Jannar 2008

Il-parti l-kbira tal-karti tal-flus ta’ l-euro se jkunu diretti fiċ-ċirkolazzjoni permezz ta’ l-ATMs. F’Ċipru madwar 550 ATM jitħaddmu minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, kważi kollha fi ħdan il-bini tal-banek li b’hekk ikunu jistgħu jerġgħu jimtlew b’mod immedjat. Uħud mill-banek il-kbar ħabbru li jimplimentaw il-konverżjoni ta’ l-ATMs fil-lejla tal-31 ta’ Diċembru. Mill-inqas 70 % ta’ l-ATMs se jkunu konvertiti biex jagħtu esklussivament flus tal-karti ta’ l-euro mhux aktar tard mis-1.00 a.m. f’jum l-€, filwaqt li t-30% rimanenti se jkunu konvertiti sa nofsinhar fl-istess jum. F’ċirkostanzi normali, l-ATMs kollha flimkien se jaqdu madwar 170 000 tranżazzjoni ta'ġbid ta’ flus b’valur totali ta’ madwar €22 miljun fil-ġimgħa (bejn wieħed u ieħor, data mill-2006).

Matul l-ewwel ġimgħat wara jum l-€, l-ATMs se jagħtu flus tal-karti ta’ €10 u €20 biss, bil-għan li jnaqqsu l-ammont ta’ bqija li l-bejjiegħa bl-imnut jkollhom jagħtu fi tranżazzjonijiet bi flus kontanti.[4] Għall-istess raġuni, il-banek impenjaw irwieħhom li jqassmu biss karti tal-flus ta’ denominazzjonijiet żgħar mill-kawnters tagħhom fl-ewwel perjodu wara jum l-€ (primarjament karti tal-flus ta’ €5, €10 u €20, massimu ta’ €50).

Is-settur tal-bejgħ bl-imnut se jkun il-mezz ewlieni sabiex jiġu introdotti l-muniti ta’ l-euro fl-ekonomija, peress li l-ġbid tal-muniti mill-kawnters tal-banek mhix xi ħaġa daqstant komuni. Sabiex ikun evitat kwalunkwe ‘riċiklaġġ’ tal-flus kontanti nazzjonali, is-settur tal-bejgħ bl-imnut mistenni jagħti bqija bl-euro biss minn jum l-€.

Ir-ritorn tal-flus kontanti nazzjonali

Rigward ir-ritorn tal-flus kontanti nazzjonali, is-CBC intensifika l-kampanja tiegħu biex jinkoraġġixxi liċ-ċittadini jużaw il-flus kontanti nazzjonali merfugħa jew jiddepożitawhom fil-banek f’Ottobru 2007. Is-CBC qed jistma li sa tmiem din is-sena 80.9 miljun karta tal-flus nazzjonali u 472.7 miljun munita nazzjonali se jkunu fiċ-ċirkolazzjoni. Huwa mistenni li l-parti l-kbira ta’ dawn il-karti tal-flus u madwar nofs il-muniti xi darba se jiġu ritornati lis-CBC.

Fl-1 ta’ Jannar 2008, li hija btala għall-banek, numru ta’ fergħat bankarji li jinsabu f’postjiet ċentrali se jkunu miftuħin f’kull distrett sabiex jiffaċilitaw l-iskambju tal-liri Ċiprijotti f’euro.

Il-banek se jiskambjaw il-karti tal-flus u l-muniti tal-lira Ċiprijotta f’euro bla ħlas sat-30 ta’ Ġunju 2008, għal ammonti sa CYP 1 000 għal kull klijenti u għal kull tranżazjoni fil-każ ta’ karti tal-flus, u sa CYP 50 fil-każ tal-muniti. Is-CBC jibqa’ jiskambja l-flus tal-karti nzzjonali sa għaxar snin wara jum l-€, u l-muniti sa sentejn wara din id-data, bla ħlas.

Iċ-ċekkijiet; it-terminali tal-POS

F’Ċipru, fis-sena, jintużaw madwar 25 miljun ċekk. Peress li ċ-ċekkijiet denominati fil-lira Ċiprijotta u li jġibu d-data ta’ wara l-31 ta’ Diċembru 2007 mhux se jkunu validi, il-banek bdew ifornu lill-klijenti tagħhom b’kotba taċ-ċekkijiet f’euro, li diġà qed jintużaw.

Il-madwar 19 000 terminali ta’ punt ta’ bejgħ (POS) li jitħaddmu bil-lira Ċiprijotta se jaqilbu għall-euro fl-1 ta’ Jannar 2008. Dawn il-POS li, pereżempju, jinsabu fir-restoranti u fil-lukandi u li għandhom jibqgħu jaċċettaw ħlasijiet bil-kards matul lejlet l-Ewwel tas-Sena, se jaqilbu immedjatament f’00:01 a.m. f’jum l-€.

Il-protezzjoni ta' l-euro mill-falsifikar

Ġie stabbilit il-qafas meħtieġ għall-protezzjoni ta' l-euro mill-falsifikar[5]. Esperti Ċiprijotti ħadu sehem ukoll f'azzjonijiet ta' taħriġ u fi gruppi ta' ħidma rilevanti tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew u ta' l-Europol.

2.1.2. Kemm huma mħejjijn tajjeb l-intrapriżi għall-bidla?

F’Settembru 2007, f’Ċipru twettaq servej tal-Eurobarometer fost l-intrapriżi f’isem il-Kummissjoni Ewropea b’kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet Ċiprijotti, wara servej simili li twettaq f’Jannar 2007.[6] Ir-riżultati jindikaw li l-intrapriżi Ċiprijotti huma mħejjijin sew għall-bidla u li ma esperjenzaw l-ebda problema sinfikanti matul it-tħejjijiet tagħhom. Sa nofs Settembru 2007, kważi l-intrapriżi kollha (97%) kienu bdew iħejju għall-bidla; il-parti l-kbira minnhom bdew jagħmlu dan minn April 2007 (88%).

Aktar minn 88% ta’ l-intrapriżi kollha li jinnegozjaw bi flus kontanti fir-relazzjonijiet mal-klijenti tagħhom indikaw li jistennew li jkunu fornuti b’karti tal-flus ta’ l-euro qabel jum l-€ mill-banek tagħhom. Erbgħa minn kull ħames intrapriżi (80%) jistennew li s-sistemi ta’ l-IT tagħhom (eż. il-kontabbiltà, il-ħruġ ta’ fatturi, is-sistemi ta’ ħruġ ta’ pagi) jkunu lesti sabiex jaqbilu għall-euro immedjatament fl-1 ta’ Jannar 2008.

Aktar minn 9 minn kull 10 intrapriżi huma konxji li, minn Settembru 2007, il-prezzijiet kellhom jintwerew kemm f’euro kif ukoll fil-lira Ċiprijotta, u l-maġġoranza l-kbira ta’ l-intrapriżi ma esperjenzaw l-ebda diffikultà partikolari biex jissodisfaw dan l-obbligu. Rigward il-politika ta’ l-ipprezzar ta’ l-intrapriżi, ir-riżultati tas-servej ta’ Settembru jindikaw tendenza pożittiva. Meta jaġġustaw il-prezzijiet għall-euro, eż. il-prezzijiet psikoloġiċi bħal CYP 5.99 li minħabba l-applikazzjoni tar-regoli ta’ konverżjoni jirriżultaw f’ammonti ta’ euro mhumiex imqarrba lejn l-eqreb euro, 17% tan-negozji semmew li se jaġġustaw il-prezzijiet tagħhom prinċipalment ’l isfel (3% f’Jannar), filwaqt li 3% biss se jaġġustaw prinċipalment ’il fuq (16% f’Jannar). Barra minn hekk, il-perċentwal ta’ dawk li se japplikaw eżattament ir-regoli ta’ konverżjoni mingħajr aġġustamenti ulterjuri żdied minn 28% f’Jannar għal 51% f’Settembru.

2.1.3. X’miżuri qegħdin jittieħdu sabiex tkun evitata l-perċezzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet fi żmien il-bidla?

Skond l-aktar Eurobarometer reċenti dwar l-opinjoni pubblika fuq l-euro, 74% tal-parteċipanti f’Ċipru xorta għadhom jibżgħu minn żidiet fil-prezzijiet fl-okkażjoni tal-bidla għall-euro.[7] Din hija biss bidla żgħira meta paragunata mas-sitwazzjoni f’April 2007, meta 78% kienu wkoll imħassba dwar dan.[8]

Tul l-aħħar xhur, l-awtoritajiet Ċiprijotti saħħew aktar il-miżuri tagħhom bil-għan li jikkontribwixxu għall-istabbiltà tal-prezzijiet u jtejbu l-kunfidenza tal-konsumaturi fi żmien il-bidla. Il-wiri doppju tal-prezzijiet fil-lira Ċiprijotta u fl-euro sar mandatorju għall-intrapriżi fl-1 ta’ Settembru 2007. L-implimentazzjoni tiegħu qed jiġi mmonitorjat b’attenzjoni minn ħames Osservatorji ta’ l-Euro stabbiliti mal-pajjiż kollu li jibagħtu aktar minn 100 spettur lil kull ħanut tal-bejgħ bl-imnut fuq bażi regolari. L-Osservatorji ta’ l-Euro jikkonsistu minn għaxar membri, inkluż il-kummissarju distrettwali, ir-rappreżentanti tal-gvern, ta’ l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, tat-trejdjunjins, u tas-settur tan-negozju. Mill-bidu, madwar 80% tal-bejjiegħa bl-imnut kollha applikaw korrettament il-wiri doppju skond ir-rekwiżiti legali stabbiliti mil-liġi nazzjonali, filwaqt li l-intrapriżi rimanenti ngħataw għajnuna għal wiri doppju korrett. L-informazzjoni ġenerali dwar il-wiri doppju mandatorju hija pożittiva, u qed jitqies bħala li jagħti kontribuzzjoni għal aktar trasparenza fil-prezzijiet billi jistabbilixxi d-drawwa li l-prezzijiet jintwerew b’mod aktar ġenerali.

Madwar 7 130 intrapriża, inklużi partikolarment il-bejjiegħa bl-imnut u l-banek akbar fid-daqs, issottoskrivew għall-Kodiċi ta’ l-Ipprezzar Ġust imniedi mill-gvern f’Lulju 2007. Dawn jitħallew juru l-logo tal-Kodiċi fil-ħwienet u fil-fergħat tagħhom, sakemm ikunu konformi mal-Kodiċi fejn impenjaw irwieħhom li jwettqu l-bidla b’mod ġust u li ma jfittxux vantaġġ minnha. Il-Ministeru tal-Fiinanzi ppubblika lista ta’ negozji parteċipanti fuq is-sit web ta’ l-euro ta’ Ċipru u fil-ġurnal uffiċjali. Il-Kodiċi huwa validu sa l-10 ta’ Lulju 2008.

Il-Ministeri tal-Finanzi u tal-Kummerċ u l-Industrija, b’kooperazzjoni mas-Servizzi Statistiċi u ma’ l-Assoċjazzjonijiet tal-Konsumaturi Pan-Ċiprijotti, bdew iwettqu monitoraġġ sistematiku tal-prezzijiet minn Settembru 2007. Is-Servizzi Statistiċi speċjalment jimmonitorjaw l-iżviluppi fil-prezzijiet relatati ma’ basket ta’ ċerti prodotti li, skond esperjenza mgħoddija f’pajjiżi oħra, jistgħu jkunu suġġetti għal żidiet fil-prezzijiet mhux iġġustifikati. Bil-għan li l-konsumaturi jiġu informati, darba fix-xahar qed jiġu ppubblikati listi ta’ ħwienet tal-bejgħ bl-imnut li joffru l-iktar prodotti rħas.

Minbarra dan, l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi ta’ Ċipru qed twettaq u tippubblika servejs tas-swieq, fejn tanalizza l-iżviluppi fil-prezzijiet ta’ madwar 80 000 oġġett fi 11 000 ħanut tal-bejgħ bl-imnut. L-ewwel riżultati mill-perjodu ta’ bejn Lulju u Settembru 2007 jindikaw li l-prezzijiet ta’ madwar 80% tal-prodotti baqgħu stabbli jew naqsu, filwaqt li kienu osservati żidiet fil-prezzijiet fi gradi differenti għall-20% rimanenti ta’ l-oġġetti. L-Assoċjazzjoni biħsiebha tippubblika każi ta’ żidiet sinfikanti fil-prezzijiet fil-midja, flimkien mar-raġunijiet għaż-żidiet fil-prezzijiet mogħtija mill-bejjiegħ bl-imnut ikkonċernat.

2.1.4. Kemm huma mħejjijin sew iċ-ċittadini għall-bidla?

Fl-aħħar xhur, Ċipru żjied b’mod sinifikanti l-isforzi komunikattivi tiegħu dwar l-euro. Il-Ministeru tal-Finanzi u s-CBC qed jikkoordinaw mil-qrib man-negozji u ma’ l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi kif ukoll mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-pubbliku ġenerali ġie indirizzat permezz ta’ kampanji fuq il-mass midja, parzjalment iffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea. Il-messaġġi ewlenin jikkonċernaw l-iffissar tar-rata ta’ konverżjoni, il-Kodiċi ta’ l-Ipprezzar Ġust, il-wiri doppju tal-prezzijiet, l-infiq jew id-depożitu tal-flus kontanti nazzjonali merfugħa u t-titjib fil-kuxjenza tal-konsumaturi. Il-kampanji twettqu fil-midja kolha, speċjalment it-televiżjoni (b’madwar 2 500 reklam), ir-radju (madwar 6 500 reklam) u l-istampa (madwar 200 reklam).

Il-materjal promozzjonali li jikkonċerna l-Kodiċi ta’ l-Ipprezzar Ġust u l-wiri doppju tal-prezzijiet (posters, fuljetti, eċċ.) tqassam lin-negozji kollha, ingħataw preżentazzjonijiet fl-iskejjel u lill-ħaddiema soċjali u tnediet kompetizzjoni għall-iskejjel. Is-sit web nazzjonali dwar l-euro kien regolarment aġġorant u l-istampa kienet informat kostantement mill-awtoritajiet. Gruppi fil-mira speċifiċi (l-SMEs, il-persuni vulnerabbli, in-nisa, iż-żgħażagħ) qed jintlaħqu permezz ta’ posters u ta’ fuljetti u ta’ ‘kard li titkellem’ għal dawk neqsin mid-dawl, u bl-għajnuna ta’ l-Osservatorji ta’ l-Euro u ta’ erba’ ‘karozzi tal-linji ta’ l-euro’ li vvjaġġaw madwar il-gżira. Il-linja telefonika bla ħlas irċeviet madwar 500 telefonata fil-ġimgħa.

F’Awissu, l-awtoritajiet Ċiprijotti mmodifikaw l-istrateġija ta’ komunikazzjoni u talbu lill-aġenzija ta’ komunikazzjoni biex tbiddel il-kontenut tal-kampanji fuq il-mass midja sabiex jirrispondu b’mod aktar adegwat għall-ħtiġiet tal-gruppi fil-mira li jibqgħu xettiċi rigward il-benefiċċji ta’ l-euro.

L-aktar servej ta’ l-Eurobarometer reċenti kkonferma li l-appoġġ għall-euro f’Ċipru qed jiżdied għalkemm minn livell baxx: madwar 44% tal-parteċipanti ddikjaraw li huma personalment ferm kuntenti jew pjuttost kuntenti li l-euro se tissostitwixxi l-munita tagħhom (minn 40% f’April 2007 u 32% f’Settembru 2006).

Jidher ġust li wieħed jassumi li l-kampanja ta’ komunikazzjoni li għaddejja bħalissa f’Ċipru hija strumentali biex żdied l-appoġġ għall-euro. Fatturi oħra jikkonfermaw dan: 67% tal-parteċipanti qalu li kienu pjuttost informati sew jew informati ferm sew li hija qabża kbira ’l quddiem mis-47% (April 2007) u mill-39% (Settembru 2006) preċedenti. Bl-istess mod, il-familijarità ma’ wħud mill-fatturi ewlenin ta’ l-euro u ta’ l-EMU tjiebet ulterjorment.

2.1.5. Konklużjoni

Fl-aħħar ftit xhur, Ċipru għamel progress konsiderevoli rigward it-tħejjiet prattiċi għall-bidla u jidher li b’mod ġenerali huwa mħejji sew għall-introduzzjoni ta’ l-euro. Sabiex in-negozji, b’mod partikolari l-bejjiegħa bl-imnut, ikunu jistgħu jagħtu bqija esklussivament f’euro minn jum l-€, il-Bank Ċentrali u l-banek għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jikkonvinċu lin-negozji bil-ħtieġa li jkunu sub-frontloaded . L-attivitajiet komunikattivi dwar l-euro għandhom jissaħħu aktar sabiex jiżdied l-apoġġ għall-euro.

2.2. Malta

2.2.1. Kif se jiġu introdotti l-flus kontanti ta’ l-euro fl-ekonomija Maltija u kif se jiġu rtirati l-flus kontanti tal-liri Maltin?

F’Malta, popolazzjoni ta’ madwar 400 000 se taqleb mil-lira Maltija għall-euro. Skond l-istimi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta (CBM), 41.51 miljun karta tal-flus ta’ l-euro (li jiswew €799 miljun) u 140 miljun munita ta’ l-euro (li jiswew €39.29 miljun) huma meħtieġa sabiex jissostitwixxu l-munita f’liri Maltin f’ċirkolazzjoni.

Is-CBM issellef il-volumi meħtieġa ta’ karti tal-flus ta’ l-euro mill-Banca d'Italia. Il-muniti ta’ l-euro Maltin kienu prodotti mill-Monnaie de Paris u waslu f’Malta bejn nofs Settembru u tmiem Ottubru 2007.

Il- frontloading tal-flus kontanti ta’ l-euro lill-banek kummerċjali beda fil-15 ta’ Settembru. B’kollox madwar 92.5% tal-karti tal-flus li se jiġu introdotti fl-ekonomija Maltija (38.43 miljun karta tal-flus, li jiswew €749 miljun) u madwar 71% tal-muniti ta’ l-euro (99.12 miljun munita, li jiswew €27.81 miljun) se jkunu fornuti lill-107 fergħa bankarja mal-pajjiż kollu qabel jum l-€.

Skond l-istimi tas-CBM, 4.5% tal-karti tal-flus li għandhom jiġu introdotti u 19.5% tal-muniti se jkunu fornuti lin-negozji qabel jum l-€ mill-banek tagħhom skond ftehimiet ta’ sub-frontloading mill-1 ta’ Diċembru 2007. Dawn l-istimi jinkludu 33 000 kitts biex wieħed jibda għan-negozji (li jiswew €131 kull wieħed) u 330 000 kitts żgħar għaċ-ċittadini (li jiswew €11.65) li se jkunu disponibbli fil-banek mil-1 u mill-10 ta’ Diċembru 2007, rispettivament.

Madwar 60% ta’ l-ATMs kollha (154 b’kollox) se jagħtu flus tal-karti ta’ l-euro f’denominazzjonijiet żgħar (prinċipalment €10 u 20) mill-1 ta’ Jannar 2008 f’0:00. Sa nofsinhar ta’ l-istess jum, bejn 85 u 90% ta’ l-ATMs se jagħtu karti tal-flus ta’ l-euro, filwaqt li l-ATMs rimanenti se jkunu konvertiti sa l-16:00. Bejn wieħed u ieħor, l-ATMs kollha jaqdu 306 000 ġbid ta’ flus fil-ġimgħa, b’valur totali medju ta’ €26.55 miljun.

Meta jitqies li Malta għandha ammont partikolarment għoli ta’ flus kontanti fiċ-ċirkolazzjoni, is-CBM nieda kampanja ta’ reklami fuq it-televiżjoni u fl-istampa f’Settembru 2007, biex jinkoraġġixxi lill-pubbliku ħalli jiddepożita l-flus kontanti eċċessivi fil-banek, sabiex jitnaqqas il-volum tal-flus kontanti nazzjonali li jkollhom jiġu skambjati wara jum l-€. Qed jiġi stmat li l-flus kontanti nazzjonali f’ċirkolazzjoni li għandhom jiġu ritornati lis-CBM mill-1 ta’ Jannar 2008 jammontaw għal madwar 37 miljun karta tal-flus u 128 miljun munita.

Mill-1 ta’ Diċembru, il-banek impenjaw irwieħhom li jiskambjaw il-karti tal-flus u l-muniti tal-liri Maltin f’euro, bla ħlas, bir-rata ta’ konverżjoni, skond kemm ikun hemm karti tal-flus ta’ l-euro disponibbli. Dan huwa prinċipalment maħsub sabiex in-negozji ż-żgħar ikunu jistgħu jakkwistaw xi flus tal-karti tal-flus ta’ l-euro qabel il-bidla. Il-pubbliku ġenerali se jiġi mfakkar li l-euro se ssir il-valuta legali biss mill-1 ta’ Jannar 2008. Minn dik id-data sal-31 ta’ Marzu 2008, il-banek kummerċjali se jiskambjaw il-flus kontanti nazzjonali f’euro bla ħlas skond ir-rata ta’ konverżjoni għall-klijenti tagħhom u sa MTL 250 (€582.34) għal dawk li mhumiex klijenti tagħhom. Is-CBM se jkompli jiskambja l-muniti u l-karti tal-flus tal-liri Maltin sa l-1 ta’ Frar 2010 u sa l-1 ta’ Frar 2018, rispettivament.

Il-banek se jkunu miftuħa fil-31 ta’ Diċembru u se jkunu magħluqa fl-1 ta’ Jannar bħas-soltu. Fit-2 u fit-3 ta’ Jannar, se jieħdu ħsieb biss it-tranżazzjonijiet ta’ fuq il-kawnter mal-pubbliku għal depożiti ta’ flus kontanti, skambju ta’ munita barranija u skambji f’euro. Fl-4 u fil-5 ta’ Jannar, is-sigħat bankarji normali se jkunu estiżi sa l-16:00. Matul is-sigħat estiżi se jkunu negozjati biss depożiti ta’ flus kontanti, skambju ta’ munita barranija u skambji f’euro.

F’Malta jintużaw madwar 12-il miljun ċekk fis-sena. Iċ-ċekkijiet maħruġa f’liri Maltin li jġibu d-data ta’ qabel l-1 ta’ Jannar 2008 se jiġu aċċettati għal ħlas għall-perjodu normali ta’ validità ta’ sitt xhur mid-data ta’ meta nħareġ, sakemm ma jkunx indikat perjodu iqsar. Iċ-ċekkijiet relatati ma’ kontijiet denominati b’MTL u maħruġa f’euro qabel l-1 ta’ Jannar 2008 se jkunu onorati mill-banek kummerċjali jekk ikunu preżentati wara dik id-data.

Ġie stabbilit il-qafas meħtieġ għall-protezzjoni ta' l-euro mill-falsifikar[9]. Esperti Maltin ħadu sehem ukoll f'azzjonijiet ta' taħriġ u fi gruppi ta' ħidma rilevanti tal-Kummissjoni, tal-Bank Ċentrali Ewropew u ta' l-Europol.

2.2.2. Kemm huma mħejjijin sew l-intrapriżi għall-bidla?

Fit-tieni nofs ta’ Awissu u kmieni f’Settembru, il-Kumitat Nazzjonali għall-Bidla għall-Euro (NECC), b’kooperazzjoni ma’ l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, wettaq servej dwar l-istat tat-tħejjijiet għall-euro fis-settur tan-negozju Malti.[10] Kważi id-908 intarpriża kollha (li jirrappreżentaw popolazzjoni ta’ 16 500) li pparteċipaw fis-servej (98%) kienu jafu li l-euro se tiġi introdotta fl-1 ta’ Jannar 2008, u maġġoranza ta’ 56% kienu konxji li l-perjodu ta’ ċirkolazzjoni doppja, li matulu jistgħu jibqgħu jaċċettaw ħlasijiet fil-lira Maltija, huwa ta’ xahar. Disgħa minn kull għaxar intrapriżi kienu konxji li l-bqija għandha tingħata esklussivament f’euro minn jum l-€.

Il-maġġoranza ta’ l-intrapriżi (55%) kienu qed jistennew li jirċievu l-flus kontanti ta’ l-euro mill-banek tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar 2008. Fost it-33% li ma kinux qed jippjanaw li jiġu sub-frontloaded , aktar minn terz (37%) jew diġà għandhom flus kontanti ta’ l-euro jew se jiksbuhom mill-ATMs jew mill-banek f’Jannar, filwaqt li kwart (26%) ma jagħmlux tranżazzjonijiet bi flus kontanti.

Rigward is-sistemi ta’ l-IT li jeħtieġ li jiġu modifikati minħabba l-bidla, l-intrapriżi l-aktar li semmew ta’ spiss kienu s-sistemi fil-qasam tal-loġistika, bl-applikazzjonijiet tal-bejgħ u tal-kummerċjalizzazzjoni, u bis-sistemi tal-kontabbiltà u tar-riżorsi umani jsegwuhom. Madwar terz ta’ l-intrapriżi (31%) sa dak iż-żmien kienu diġà aġġornaw is-sistemi ta’ kontabbiltà tagħhom minħabba l-euro. Din il-figura tidher pjuttost baxxa, imma wieħed jeħtieġ li jqis li sehem konsiderevoli ta’ l-intrapriżi Maltin huma negozji żgħar (72% tan-negozji kollha huma persuni impjegati għal rashom bl-ebda impjegat jaħdem magħhom, fejn, ġeneralment, ma jintużawx sistemi ta’ l-IT għall-kontabbiltà).

In-NECC imbarka fuq programm intensiv ta’ taħriġ għan-negozji, fejn 70 assistent ta’ l-euro qed iħarrġu direttament lis-settur ta’ l-SMEs, filwaqt li n-NECC adotta metodu ta’ ‘taħriġ għal min iħarreġ’ sabiex fin-negozji li jkunu akbar fid-daqs il-ħaddiema li jkunu ħadu t-taħriġ ikunu jistgħu jgħadduh lil sħabhom.

2.2.3. Liema miżuri qed jittieħdu sabiex tkun evitata l-perċezzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet fi żmien il-bidla?

Madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni Maltija (65%) għadhom jibżgħu minn żidiet fil-prezzijiet fl-okkażjoni tal-bidla għall-euro, u 76% saħansitra jistennew abbużi fil-prezzijiet. Sabiex ikunu indirizzati dawn il-biżgħat, in-NECC qed ikompli jimplimenta ġabra komprensiva ta’ miżuri.[11] Il-wiri doppju tal-prezzijiet fil-lira Maltija u fl-euro, sar mandatorju fil-11 ta’ Lulju 2007, u se jkompli jkun mandatorju sat-30 ta’ Ġunju 2008. L-inizjattiva FAIR, fejn aktar minn 6 500 negozju (li jirrappreżentaw madwar 80% tal-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut) impenjaw irwieħhom li ma jżidux il-prezzijiet ta’ l-oġġetti u tas-servizzi “ minħabba li għaddejja bidla monetarja”, kienet ikkomplimentata minn Ftehimiet ta’ Stabbiltà tal-Prezzijiet li n-NECC ikkonkluda ma’ numru ta’ importaturi, distributuri u manifatturi f’Awissu u f’Settembru 2007. Skond dawn il-ftehimiet, in-negozji wegħdu li jżommu l-prezzijiet stabbli għal firxa wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi matul ċertu perjodu qabel u wara l-bidla. Il-monitoraġġ tal-prezzijiet li bħalissa qed jimplimentaw l-awtoritajiet Maltin jibqa’ kruċjali sabiex ikunu vvalutati l-iżviluppi fil-prezzijiet u sabiex il-konsumaturi jkunu informati, u għandu jibqa’ għaddej matul l-2008 kollha meta l-inizjattiva FAIR u l-wiri doppju tal-prezzijiet ikunu ntemmu.

2.2.4. Kemm huma mħejjin sew iċ-ċittadini għall-bidla?

In-NECC, li huwa responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija ta’ komunikazzjoni rigward il-bidla f’Malta, nieda, wara pawża qasira matul Awissu 2007, kampanja ta’ l-aħħar fażi intensiva u komprensiva dwar l-‘immedjatezza’ ta’ l-introduzzjoni ta’ l-euro (eż. meta għandhom jiġu depożitati l-liri Maltin, kif jintuża l-konveritur ta’ l-euro). Parti minn din il-kampanja qed tiġi ffinanzjata mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-kampanja fil-mass midja, li qed issir fil-gazzetti, fir-rivisti, fir-radju, fit-televiżjoni, fuq ix-xelters tal-karozzi tal-linja u fuq il-billbords hija appoġġjata minn azzjonijiet speċifiċi lejn gruppi fil-mira magħżula: fil-paroċċi ġie stabbilit ‘ċentru ta’ l-euro’ sabiex iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ l-abitanti tal-post, kien żviluppat kitt għal dawk li qed iħħarġu lill-persuni vulnerabbli u għas-settur tan-negozju u tnediet kompetizzjoni għall-iskejjel sekondarji dwar il-euro. Azzjonijiet oħra jinkludu tliet arloġġi kbar li jimmarkaw kemm għad fadal żmien sal-bidla għall-euro li tqiegħdu f’postijiet strateġiċi f’Malta u “aħbarijiet relatati ma’ l-euro” ta’ 1.5 minuta kuljum, fil-bullettin ta’ filgħaxija ta’ l-aħbarijiet fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni f’Malta. F’Ottubru, Malta, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Bank Ċentrali Ewropew, organizzat konferenza dwar l-EMU u dwar l-euro.

L-aktar servej reċenti ta’ l-Eurobarometer ta’ Settembru 2007 juri riżultati ferm inkoraġġanti għal Malta li jikkonfermaw is-suċċess ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni intensiva u komprensiva mill-awtoritajiet. It-tendenza tibqa’ pożittiva u l-appoġġ għall-euro laħaq livell tajjeb. 56% (meta paragunati ma’ 54% f’April 2007 u 48% f’Settembru 2006) iddikjaraw li personalment huma ferm kuntenti jew pjuttost kuntenti li l-euro se tissostitwixxi l-munita tagħhom li huwa t-tieni l-ogħla valur fil-pajjiżi konċernati. Madankollu, il-livell ta’ appoġġ jibqa’ sostanzjalment aktar baxx mill-Islovenja fl-istess perjodu.

L-impatt tal-kampanja ta’ komunikazzjoni li għaddejja bħalissa f’Malta huwa viżibbli anki f’oqsma oħra. Il-livell tajjeb ta’ informazzjoni dwar awtoperċezzjoni li ġie mkejjel f’April ta’ din is-sena tjieb aktar, għalkemm bi ftit: 74% tal-parteċipanti qalu li jqisu li huma pjuttost informati sew jew informati ferm sew meta paragunati mal-71% preċedenti. 99% tal-parteċipanti jafu li l-euro se tiġi introdotta fl-2008. Il-familjarità ma’ wħud mill-karatteristiċi ewlenin ta’ l-euro u ta’ l-EMU tjiebet bi ftit.

2.2.5. Konklużjoni

Fl-aħħar ftit xhur, Malta rfinat aktar u kkompletat it-tħejjijiet prattiċi tagħha għall-bidla u tidher imħejjija sew għall-introduzzjoni ta’ l-euro. Sabiex in-negozji jkunu jistgħu jagħtu bqija esklussivament fl-euro minn jum l-€, għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex ikun żgurat livell xieraq ta’ sub-frontloading . L-attivitajiet komunikattivi komprensivi rigward l-euro għandhom jitkomplew sabiex jiżdied aktar l-appoġġ għall-euro.

2.3. Stati Membri oħra

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma’ dan ir-rapport jipprovdi stampa ġenerali tat-tħejjijiet prattiċi fl-Istati membri l-oħra li għad iridu jadottaw l-euro.

[1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni minn Ċipru tal-munita unika fl-1 ta’ Jannar 2008, ĠU L 186, 18.7.2007, p. 29; Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 skond l-Artikolu 122(2) tat-Trattat tal-KE dwar l-adozzjoni minn Malta tal-munita unika fl- 1 ta’ Jannar 2008, ĠU L 186, 18.7.2007, p. 32.

[2] COM(2004) 748, 10.11.2004; COM(2005) 545, 04.11.2005; COM(2006) 322, 22.06.2006; COM(2006) 671, 10.11.2006; COM(2007) 434, 16.07.2007.

[3] Jum l-€ huwa l-jum meta l-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro jinħarġu fiċ-ċirkolazzjoni (l-1 ta’ Jannar 2008 għal Ċipru u għal Malta).

[4] Il-ħtiġiet ta’ flus kontanti tal-bejjiegħa bl-imnut fl-ewwel jiem u fl-ewwel ġimgħat wara l-bidla se jkunu ferm ogħla milli f’ċirkostanzi normali, peress li l-flus kontanti nazzjonali li jagħtuhom il-klijenti ma jistgħux jużawhom aktar biex jagħtu l-bqija u peress li l-klijenti se jużaw il-flus kontanti nazzjonali għal finijiet ta’ ħlas aktar mis-soltu sabiex jeħilsu minnhom mingħajr ma jkollhom imorru jiskambjawhom fil-banek. Jekk il-klijenti li jħallsu bl-euro diġà jużaw karti tal-flus ta’ l-euro ta’ denominazzjonijiet żgħar jew iħallsu l-ammont eżatt, il-bejjiegħa bl-imnut se jeħtieġu inqas bqija f’euro.

[5] Ara r-Raba' Rapport, paġna 8:(http://ec.europa.eu/economy_finance/euro/transition/transition_main_en.htm).

[6] Ara l- Flash Eurobarometers 200 u 218. Is-servejs kollha tal-Eurobarometer huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/public_opinion/euro_en.htm.

[7] Il-Flash Eurobarometer 214, Settembru 2007.

[8] Il-Flash Eurobarometer 207.

[9] Ara r-Raba' Rapport, paġna 11.

[10] Ara http://www.euro.gov.mt/page.aspx?ID=590.

[11] Ara l-Ħames rapport, paġna 7:(http://ec.europa.eu/economy_finance/euro/transition/transition_main_en.htm).

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet