52007DC0621

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv /* KUMM/2007/0621 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 19.10.2007

KUMM(2007) 621 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv

1. DAħLA

Minħabba li tagħraf ir-rwol importanti li t-turiżmu għandu fl-ekonomija ta’ l-UE, il-Kummissjoni adottat f'Marzu 2006 Politika mġedda tat-Turiżmu[1] bl-għan ewlieni li tikkontribwixxi għat-" titjib tal-kompetittività ta' l-industrija Ewropea tat-turiżmu u l-ħolqien ta' impjiegi aktar numerużi u ta' kwalità aħjar permezz ta' tkabbir sostenibbli ta' turiżmu fl-Ewropa u globalment". Il-Kummissjoni tagħraf ukoll b'mod espliċitu li "t-twaqqif tat-tkabbir u l-impjiegi bħala l-mira immedjata jimxi id f'id mal-promozzjoni ta' għanijiet soċjali u ambjentali" u ħabbret it-tħejjija ta' Aġenda Ewropea 21 għat-Turiżmu li tirfed fuq ir-riżultati tal- ħidma tal-Grupp tas-Sostenibilità tat-Turiżmu (Tourism Sustainability Group[2] - TSG) ippreżentati fir-rapport “ Action for more sustainable European tourism ”[3] ippubblikat fi Frar 2007.

It-Turiżmu huwa fil-fatt wieħed mill-attivitajiet ekonomiċi bl-aktar potenzjal sinifikanti għall-ġenerazzjoni ta' tkabbir u impjieg futuri fl-UE. Fid-definizzjoni stretta tiegħu[4], it-turiżmu attwalment jikkontribwixxi xi 4% għall-PGD ta' l-UE, li jvarja minn madwar 2% f'bosta Stati Membri ġodda għal 12% f'Malta. Il-kontribut indirett tiegħu għall-ħolqien tal-PGD huwa ħafna ogħla - it-turiżmu jiġġenera indirettament aktar minn 10% tal-PGD ta' l-UE u jipprovdi madwar 12% ta' l-impjiegi kollha.

It-turiżmu huwa partikolarment importanti fir-rigward ta' l-offerta ta' opportunitajiet ta' impjieg liż-żgħażagħ, li jirrappreżentaw darbtejn daqs il-bqija ta' l-impjegati fit-turiżmu meta mqabbla mal-bqija ta' l-ekonomija[5]. It-tkabbir fl-impjiegi fis-settur tat-turiżmu kien sinifikament ogħla mill-bqija ta' l-ekonomija fis-snin reċenti, li jagħmel lis-settur kontributur sinifikanti għall-għan ta' Liżbona għall-ħolqien ta' impjiegi aktar numerużi u ta' kwalità aħjar. L-importanza ta' turiżmu fl-ekonomija ta' l-UE hija probabbli li tissokta tikber fis-snin li ġejjin bit-tkabbir annwali mistenni ta' talba tat-turiżmu ftit 'il fuq minn 3%[6] fis-snin li ġejjin.

Li jinstab il-bilanċ adattat bejn l-iżvilupp awtonomu tad-destinazzjonijiet u l-protezzjoni ta' l-ambjent tagħhom minn naħa u l-iżvilupp ta' attività ekonomika kompetittiva min-naħa l-oħra jista' jkun ta' sfida. Minkejja dan il-ħidma tal-Grupp ta' Sostenibilità tat-Turiżmu kkonfermat li t-turiżmu jista' jiżviluppa sinerġiji f'interazzjoni mill-qrib ma' l-ambjent u s-soċjetà aktar minn kwalunkwe attività ekonomika oħra. Dan minħabba li l-iżvilupp ta' destinazzjonijiet tat-turisti huwa marbut mill-qrib ma' l-ambjent naturali tagħhom, il-partikolarità kulturali tagħhom, l-interazzjoni soċjali tagħhom, is-sikurezza u l-benesseri tal-popolazzjonijiet lokali. Dawn il-karatterisitiċi jagħmlu lit-turiżmu il-mutur għall-konservazzjoni u l-iżvilupp tad-destinazzjonijiet - direttament billi jqajmu għarfien u jiġbru introjtu sabiex isostnuhom, u indirettament billi jipprovdu ġustifikazzjoni ekonomika għall-forniment ta' sostenn tali minn oħrajn.

Ix-xejriet u l-prijoritajiet globali jinbidlu - aktar minn qatt qabel l-isfida universali għas-settur tat-turiżmu hija li jibqa' kompetittiv filwaqt li wkoll iħaddan is-sostenibilità u jagħraf li, fuq il-medda twila ta' żmien, il-kompetittività tiddependi fuq is-sostenibilità. B'mod partikolari, il-klima issa hija meqjusa bħala kwistjoni fundamentali li tirrikjedi wkoll l-industrija tat-turiżmu sabiex tnaqqas il-kontribut tagħha għall-emissjonijiet ta' gassijiet li għandhom l-effett serra sabiex tadatta għal bidliet li hemm fix-xejra tat-talba u fit-tipi ta' turiżmu li dawn joffru.

Il-ġejjieni tat-turiżmu Ewropew iserraħ fuq il-kwalità ta' l-esperjenza tat-turist - it-turisti jagħrfu l-postijiet li jieħdu ħsieb l-ambjent, l-impjegati tagħhom u l-komunitajiet lokali u huma aktar inklinati li jagħtuhom l-attenzjoni tagħhom. Billi jintegraw is-sostenibilità fir-rigward ta' l-attivitajiet tagħhom, il-partijiet interessati tat-turiżmu għandhom jipproteġu l-vantaġġi kompetittivi li jagħmlu lill-Ewropa d-destinazzjoni l-aktar attraenti fid-dinja - id-diversità intrinsika tagħha, il-varjetà tagħha ta' pajsaġġi u kulturi. Barra minn dan, l-indirizzar tat-tħassib tas-sostenibilità b'mod li huwa soċjalment responsabbli[7] għandu jgħin l-industrija tat-turiżmu sabiex iġġedded il-prodotti u s-servizzi tagħha u żżid il-kwalità u l-valur tagħha.

Għalhekk l-“ Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv ” ippreżentata f'din il-Komunikazzjoni tilħaq l-impenn li jifrex fuq medda twila ta' żmien li għamlet il-Kummissjoni Ewropea[8] u li kien appoġġjat b'mod ulterjuri mill-istituzzjonijiet l-oħra Ewropej[9]. Hija tibni fuq ir-rapport tal-Grupp tas-Sostenibilità tat-Turiżmu u fuq riżultati oħra ta' l-eżerċizzju sussegwenti ta' konsultazzjoni pubblika[10]. L-aġenda tirrappreżenta kontribut ulterjuri għall-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi[11] u ta' l-Istrateġija mġedda ta' Żvilupp Sostenibbli[12].

2. L-AġENDA GħAL TURIżMU EWROPEW SOSTENIBBLI U KOMPETITTIV

Il-ħolqien tal-bilanċ adattat bejn il-benesseri tat-turisti, il-ħtiġijiet ta' l-ambjent naturali u kulturali u l-iżvilupp u l-kompetittività ta' destinazzjonijiet u negozji jirrikjedi strateġija ta' politika integrata u olistika fejn il-partijiet kollha interessati għandhom l-istess għanijiet komuni.

2.1. L-għanijiet għas-sostenibilità tat-turiżmu Ewropew u l-isfidi li għandhom jiġu konfrontati

Il-qafas attwali ta' l-UE għall-iżvilupp ta' politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali bbażat fuq il-Kollaborazzjoni bi Sħab għat-Tkabbir u l-Impjiegi u dwar l-Istrateġija ta' Żvilupp Sostenibbli jipprovdi sfond xieraq għall-kisba ta' l-għanijiet ta' din l-"aġenda": il-forniment ta' prosperità ekonomika, ekwità u koeżjoni soċjali u protezzjoni ambjentali u kulturali[13].

Dawn l-għanijiet għandhom ukoll jiggwidaw il-partijiet Ewropej interessati fil-politiki u l-azzjonijiet tagħhom li jaffetwaw l-impatt ta' turiżmu dirett lejn l-esteru mill-Ewropa u fl-appoġġ tat-turiżmu bħala għodda għall-iżvilupp sostenibbli tal-pajjiżi li jilqgħuhom.

Waqt li qed jippruvaw jintlaħqu dawn l-għanijiet, iridu jiġu indirizzati ċerti sfidi[14] pertinenti għas-settur tat-turiżmu. Dawn fil-biċċa l-kbira jinkludu konservazzjoni u ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u kulturali, l-imminimizzar ta' l-użu tar-riżorsi u t-tniġġis fid-destinazzjonijiet turistiċi inklużi l-produzzjoni ta' skart, il-ġestjoni tal-bidla fl-interessi tal-benesseri tal-komunità, it-tnaqqis ta' l-istaġjonalità tat-talba, l-indirizzar ta' l-impatt ambjentali tat-trasport marbut mat-turiżmu, li l-esperjenzi ta' turiżmu isiru disponibbli għal kulħadd mingħajr ebda diskriminazzjoni, u t-titjib tal-kwalità ta' l-impjiegi tat-turiżmu – ukoll permezz ta' l-indirizzar tal-kwistjoni ta' impjieg ta' ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali fil-qafas tal-politika ta' migrazzjoni tal-Kummissjoni[15]. Sfida ulterjuri kif ukoll kondizzjoni bażika għal żvilupp ta' suċċess ta' turiżmu hija li jkun żgurat li t-turisti kif ukoll il-komunitajiet lokali fejn ikunu offerti servizzi turistiċi jkollhom sigurtà u sikurezza[16].

Dawn l-isfidi mhumiex fissi fl-ispazju jew fiż-żmien. Il-prijorità li se tingħatalhom, il-mod ta' kif se jiġu konfrontati u l-opportunitajiet emerġenti li jistgħu jinħatfu jistgħu jvarjaw minn post għall-ieħor.

Il-partijiet interessati jridu jissuktaw li jantiċipaw il-bidliet u jżommu ruħhom aġġornati dwarhom. Il-politiki u l-azzjonijiet jeħtieġ li jqisu l-mod kif se jkunu affetwati t-talba u l-provvista mill-isfidi ambjentali - bħalma huma l-bidla fil-klima[17] u l-iskarsezza ta' l-ilma[18] -, l-iżviluppi teknoloġiċi jew kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u soċjali oħra. Għalhekk, aġġornament regolari tas-sett ta' sfidi għandu jsir bil-kollaborazzjoni tal-partijiet kollha interessati.

2.2. Qafas għall-azzjoni

Il-kisba ta' l-għanijiet ta' din l-aġenda u l-konfrontazzjoni ta' l-isfidi msemmija hawn fuq għandhom jirrikjedu azzjoni koerenti li tista' tiġi appoġġjata mill-politiki pubbliċi xierqa: ġestjoni sostenibbli ta' destinazzjonijiet, integrazzjoni ta' tħassib ta' sostenibilità minn negozji u għarfien tas-sostenibilità mit-turisti.

Il-ġestjoni ta' destinazzjoni sostenibbli hija kritika għall-iżvilupp tat-turiżmu, speċjalment permezz ta' l-ippjanar effettiv spazjali u dak ta' l-użu mill-art u l-kontroll ta' l-iżvilupp permezz ta' deċiżjonijiet ta' investiment dwar infrastruttura u servizzi. Fl-iżgurar li l-iżvilupp tat-turiżmu l-ġdid ikun ta' skala u ta' tip li jikkorrispondi mal-ħtiġijiet tal-komunità u l-ambjent lokali, ġestjoni sostenibbli tista' ssaħħaħ mill-ġdid il-prestazzjoni ekonomika u l-ippożizzjonar kompetittiv ta' destinazzjoni fuq medda ta' żmien li tifrex fit-tul. Hija tirrikjedi qafas ta' appoġġ bl-involviment tal-partijiet reġjonali u lokali kollha interessati u struttura effiċjenti li fi ħdanha jiġu ffaċilitati l-kollaborazzjoni bi sħab u t-tmexxija effettiva.

Rekwiżit primarju tan-negozji huwa li jibqgħu kompetittivi. Azzjonijiet li jittieħdu bħala appoġġ ta' dan għandhom jitqiesu bħala parti mill-proċess ta' forniment ta' sostenibilità li hija ppożizzjonata sabiex tirrappreżenta wieħed mill-vantaġġi kompetittivi l-iktar importanti. Sabiex jiżguraw il-kompetittività, il-vijabilità u l-prosperità tagħhom li jifirxu fuq medda twila ta' żmien, in-negozji għandhom b'dan il-għan aktar minn qabel jintegraw bis-sħiħ it-tħassib ta' sostenibilità fit-teħid ta' deċiżjonijiet u prassi u għodod ta' ġestjoni tagħhom. F'dan il-proċess, is-servizzi u l-assoċjazzjonijiet ta' appoġġ tan-negozji għandhom rwol ewlieni x'jieħdu.

Fl-aħħar nett, sabiex jinkiseb progress tanġibbli, il-lat ta' talba kemm tas-suq tar-rikreazzjoni kif ukoll ta' dak tan-negozju għandu juri sinjali aktar b'saħħithom u aktar konsistenti. It-turisti jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex tiġi żviluppata u msaħħa l-kapaċità kritika tagħhom sabiex jagħmlu għażliet li jkunu favur l-iżvilupp sostenibbli. L-għarfien u l-etika tas-sostenibilità jistgħu jiffaċilitaw il-ħolqien ta' perspettivi individwali u prassi turistiċi responsabbli. Il-fehma dejjem tikber ta' sostenibilità tal-konsumaturi tista' bil-maqlub tinfluwenza n-negozji sabiex juru dan it-tħassib u jaġixxu kif xieraq.

2.3. Prinċipji għall-kisba ta' turiżmu kompetittiv u sostenibbli

Sabiex jinkiseb turiżmu kompetittiv u sostenibbli l-Kummissjoni tistieden lill-operaturi kollha sabiex jirrispettaw il-prinċipji li ġejjin[19]:

- Tiġi adottata strateġija olistika u integrata - L-impatti varji kollha tat-turiżmu jridu jitqiesu fl-ippjanar u l-iżvilupp tagħha. Barra minn dan, it-turiżmu għandu jkun imwieżen tajjeb u integrat b'firxa wiesgħa ta' attivitajiet li jaffetwaw is-soċjetà u l-ambjent.

- Pjan li jifrex fuq medda twila ta' żmien - L-iżvilupp sostenibbli jimplika attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri kif ukoll tagħna. L-ippjanar li jifrex fit-tul jirrikjedi l-kapaċità li tissokta l-azzjonijiet matul iż-żmien.

- Il-kisba ta' pass u ritmu xieraq ta' l-iżvilupp - Il-livell, il-pass u l-għamla ta' l-iżvilupp għandhom jirriflettu u jirrispettaw il-karattru, ir-riżorsi u l-ħtiġijiet ta' komunitajiet li qed jospitaw u ta' destinazzjonijiet.

- L-involviment tal-partijiet interessati kollha - Strateġija sostenibbli tirrikjedi parteċipazzjoni mifruxa u impenjata fit-teħid ta' deċiżjonijiet u implimentazzjoni prattika minn dawk kollha implikati fir-riżultat.

- L-użu ta' l-aqwa għarfien disponibbli - Il-politiki u l-azzjonijiet għandhom ikollhom l-informazzjoni mill-aħħar u l-aqwa għarfien disponibbli. It-tagħrif dwar ix-xejriet u l-impatti tat-turiżmu, u l-ħiliet u l-esperjenza, għandu jinqasam b'mod kollettiv madwar l-Ewropa.

- L-imminimizzar u l-ġestjoni tar-riskju (il-prinċipju ta' prekawzjoni) - Fejn hemm dubju dwar ir-riżultati, għandhom isiru valutazzjoni sħiħa u azzjoni preventiva sabiex jiġi evitat id-dannu lill-ambjent jew lis-soċjetà.

- Ir-riflessjoni ta' l-impatti fl-ispejjeż (l-utent u min iniġġes iħallas) - Il-prezzijiet għandhom jirriflettu l-ispejjeż reali li qed iġġarrab is-soċjetà ta' l-azzjonijiet tal-konsum u l-produzzjoni. Dan għandu implikazzjonijiet mhux sempliċiment għat-tniġġis iżda għall-iddebitar għall-użu ta' faċilitajiet li għandhom spejjeż sinifikanti ta' ġestjoni marbuta magħhom.

- Jiġu stipulati u rispettati limiti, fejn xieraq - Il-kapaċità li jiflaħ sit individwali u żoni usa' għandha tkun magħrufa, bi prontezza u b'kapaċità li jiġi limitat fejn u meta jixraq, l-ammont ta' l-iżvilupp ta' turiżmu u l-volumi tal-flussi turistiċi.

- Jitwettaq monitoraġġ kontinwu - Is-sostenibilità mhijiex ħlief il-fehma ta' l-impatti u l-viġilanza tagħhom il-ħin kollu, sabiex it-tibdiliet u t-tijib meħtieġa jistgħu jsiru.

3. NIMXU 'L QUDDIEM FLIMKIEN

Bosta partijiet interessati diġà rrikonoxxew l-importanza ta' l-isfida ta' sostenibilità u qed jaħdmu sabiex itejbu l-prestazzjoni tagħhom. Minkejja l-isforzi, jeħtieġ li jsir aktar progress. Sabiex jinkisbu riżultati aktar sinifikanti, inizjattivi attwali – u futuri – għandhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u jaġixxu flimkien, f'mod aktar viżibbli u ta' sinerġija.

Din l-"Aġenda" timmira li ssaħħaħ proċess volontarju u kontinwu tali. Għandha tixxerred mill-partijiet interessti kollha tat-turiżmu fl-Ewropa: il-livelli differenti ta' gvern - awtoritajiet lokali, organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tad-destinazzjonijiet, reġjuni, Stati Membri - u l-Kummissjoni Ewropea infisha, negozji, turisti u l-korpi[20] l-oħra kollha li jistgħu jistimulaw, jappoġġjaw u jinfluwenzaw it-turiżmu.

Is-settur tat-turiżmu jinvolvi bosta partijiet interessati differenti kemm privati kif ukoll pubbliċi b'kompetenzi deċentralizzati. Huwa għalhekk ta' importanza maġġuri li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u li x-xogħol isir bi strateġija axxendenti ("bottom-up"), li tinvolvi partijiet interessati li għandhom il-kompetenza u s-setgħa li jaġixxu u li volontarjament qed jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' l-Aġenda.

Huwa minħabba f'hekk li l-konċentrazzjoni għandha titqiegħed fuq l-azzjoni konġunta fil-livell ta' destinazzjoni iżda fi ħdan il-kuntest ta' politiki u azzjonijiet nazzjonali u Ewropej ta' sostenn.

3.1. Ir-rwol tal-partijiet interessati

Il-Grupp ta' Sostenibilità tat-Turiżmu ħoloq qafas għall-azzjoni li jassenja responsabilitajiet wiesgħa[21] u rwolijiet speċifiċi[22] għall-gruppi differenti ta' partijiet interessati fl-implimentazzjoni ta' l-aġenda fir-rigward tat-tliet elementi ewlenija msemmija hawn fuq - destinazzjonijiet sostenibbli, negozji sostenibbli, u turisti sostenibbli - u l-isfidi identifikati.

Il-partijiet interessati tat-turiżmu msejħa sabiex jaċċettaw dawn ir-responsabilitajiet rispettivi u huma mistiedna sabiex iħaddnu l-opportunitajiet li toffri l-isfida ta' sostenibilità bħala mutur potenzjali għall-innovazzjoni u t-tkabbir.

Il-partijiet interessati għandhom jaqsmu bejniethom l-għarfien tagħhom billi jikkomunuikaw ir-riżultati pożittivi u negattivi li jiksbu matul it-traġitt tagħhom, sabiex jibnu pont aqwa ta' ħolqien ta' l-għarfien, it-tixrid tiegħu u l-implimentazzjoni ta' prassi sostenibbli u kompetittiva. Għal dan l-għan, huma għandhom jibnu kooperazzjoni strutturata u regolari fil-livelli fejn joperaw fil-biċċa l-kbira - kemm jekk ikun fil-livell ta' destinazzjoni, f'dak reġjonali, f'dak nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali - u jdaħħlu s-sostenibilità fid-diskussjoni f'dawn l-istrutturi ta' kooperazzjoni. Eżempju ta' kooperazzjoni tali huwa d-djalogu soċjali bejn min jimpjega u l-impjegati u l-organizzazzjonijiet rappreżentanti tagħhom.

In-negozji ta' daqs żgħir u l-mikroazjendi għandhom rwol indispensabbli fit-turiżmu Ewropew, iżda d-daqs tagħhom jista' jagħmilhom inqas mgħammra b'mod adattat sabiex jintegraw l-aspetti ta' l-iżvilupp sostenibbli u jikkummerċjalizzawhom bħala parti min-negozju tagħhom. Għalhekk l-intermedjarji relevanti huma msejħa sabiex jikkomunikaw il-messaġġi li jiffurmaw il-qalba ta' din l-Aġenda u sabiex jiffaċilitaw il-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tagħha.

3.2. Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni tagħraf ir-responsabilitajiet tagħha għall-azzjoni u għandha timplimenta inizjattivi fil-livell Ewropew bi strateġija gradwali, filwaqt li tipprovdi l-partijiet interessati tat-turiżmu b'valur miżjud fil-livell Ewropew, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ id-diviżjoni tal-kompetenzi kif stipulati fit-Trattat.

L-Aġenda għandha tiggwida l-attivitajiet futuri tal-Kummissjoni fil-qasam tat-turiżmu u fl-oqsma l-oħra kollha ta' politika li jeżerċitaw impatt fuq it-turiżmu u fuq is-sostenibilità tiegħu. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tistrieħ fuq il-Grupp tas-Sostenibilità tat-Turiżmu.

Il-Kummissjoni għandha tikkoopera b'mod ulterjuri mal-pajjiżi ġirien (L-Ewropa tal-Lvant u r-reġjun tal-Mediterran) u mal-pajjiżi tal-PEV (il-Politika Ewropea tal-Viċinat) fil-qasam tat-turiżmu u għandha b'mod ulterjuri tappoġġja pajjiżi li qed jiżviluppaw b'Introjtu baxx jew b'Introjtu medju permezz ta' investiment barrani dirett ta’ l-Unjoni Ewropea u operat konġunt fil-qasam tat-turiżmu.

3.2.1. L-immobilizzar ta' l-operaturi sabiex jipproduċu u jaqsmu bejniethom l-għarfien

Il-Kummissjoni Ewropea għanda timmira li tikseb viżibilità u rikonoxximent aqwa tal-prassi tajba miċ-ċittadini u s-soċjetà ta' l-UE u fit-tisħiħ ta' l-għarfien u l-fehma ta' prattiċi li jikkollegaw is-sostenibilità u l-kompetittività f'mod ta' rinfurzar reċiproku.

Il-Kummissjoni diġà qiegħda torganizza konferenzi u twettaq studji ta' riċerka sabiex tqajjem għarfien dwar l-isfidi bħalma huma l-iffaċilitar ta' l-ivvjaġġar għaż-żgħażagħ, l-anzjani u l-persuni bi bżonnijiet speċjali permezz ta' inizjattivi ta' turiżmu aċċessibbli u soċjali u dwar il-metodi ta' ħidma li jistgħu jiġu applikati fil-livell lokali u reġjonali (eż. studju fuq l-impatt ta' okkażjonijiet kulturali u sportivi maġġuri fuq l-SMEs li huma orjentati lejn it-turiżmu). B'mod partikolari, il-manwal taż-żona ta' tagħlim tat-turiżmu huwa inizjattiva prattika li tippromwovi l-involviment ta' istituzzjonijiet ibbażati fuq l-għarfien fi ħdan il-qafas ta' strateġija li tibni kunsens immirata lejn it-titjib tal-prestazzjoni ta' l-SMEs u l-potenzjal uman fis-settur tat-turiżmu fil-livell ta' destinazzjoni.

Il-Kummissjoni se tfittex ukoll li tiddirieġi l-attenzjoni ta' dawk l-operaturi li joħolqu l-għarfien (eż. universitajiet, istituzzjonijiet ta' riċerka, osservatorji pubbliċi u privati) lejn l-isfidi għas-sostenibilità tat-turiżmu Ewropew. Hija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni tagħhom u tippromwovi l-provvista ta' edukazzjoni formali u mhux formali tat-turiżmu. Hija għandha tħeġġeġ il-mobilità madwar l-Ewropa kollha permezz ta' appoġġ ta' taħriġ u għotja ta' impjiegi transnazzjonali, ta' skambji u l-iżvilupp ta' metodi, materjali u kontenuti ta' taħriġ, inkluża l-integrazzjoni ta' prinċipji ta' sostenibilità fil-programmi ta' taħriġ.

L-impenn tal-livelli lokali u reġjonali għandu jkun appoġġjat permezz ta' alleanzi bejn it-tipi differenti ta' destinazzjonijiet (eż. rurali, mal-kosta, muntanji, urbani) li ntrabtu b'ġestjoni ta' destinazzjoni sostenibbli stipulata mill-prekursuri u miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati l-oħra kollha. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja t-tisħiħ jew il-ħolqien ta' pjattaformi - billi wkoll tuża teknoloġiji ġodda - fejn it-tagħlimiet li joħorġu mill-prattiċi tajba jew ħżiena jkunu jistgħu jitpartu u fejn il-kollaborazzjoni bejn it-turiżmu u setturi relatati oħra tista' tittejjeb. Il-promozzjoni ta' l-iskambju ta' l-aqwa prassi lejn il-ġestjoni tad-destinazzjoni sostenibbli (eż. l-indirizzar tal-kwistjoni ta' staġjonalità u l-prolongazzjoni ta’ l-istaġun tat-turiżmu) tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-kompetittività tad-destinazzjonijiet tat-turisti. Dawn il-pjattaformi jistgħu jippermettu strateġija aktar speċifika li tirrifletti l-karatteristiċi territorjali u ekonomiċi ta' destinazzjonijiet.

Il-Forum Annwali Ewropew tat-Turiżmu jipprovdi wkoll pjattaforma fejn il-partijiet kollha interessati jistgħu jpartu perspettivi u jsaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom fuq kwistjonijiet relatati mal-kollegamenti bejn is-sostenibilità u l-kompetittività tat-turiżmu Ewropew.

Sabiex isaħħaħ il-kollaborazzjoni ma' Stati Membri u fosthom, ir-rappurtar annwali attwali tagħhom permezz tal-Kumitat Konsultattiv tat-Turiżmu (Tourism Advisory Committee - TAC)[23] għandu jintuża sabiex jiffaċilita l-iskambju u t-tixrid tat-tagħrif ukoll dwar il-mod kif il-politiki u l-azzjonijiet tagħhom jissalvagwardjaw is-sostenibilità tat-turiżmu.

Il-ħtieġa li nkunu nafu aħjar u malajr kif jevolvi t-turiżmu fl-Ewropa tista' tiġi indirizzata parzjalment permezz tal-ġabra u l-forniment ta' data ta' l-istatistika u tal-ġeografija[24] u parzjalment permezz ta' l-attività ta' osservatorji eżistenti jew ġodda. Dan it-tip ta' tagħrif jista' jiffaċilita l-monitoraġġ ta' l-isfidi ta' qofol, speċjalment dawk li huma importanti għall-SMEs li huma marbuta ma' impjieg u staġjonalità.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tistieden Organizzazzjonijiet Internazzjonali (UNWTO, UNEP, UNESCO, eċċ.) sabiex jikkontribwixxu għal dan il-proċess billi jidentifikaw sinerġiji bejn il-qasam tagħhom ta' l-attivitajiet u l-Aġenda Ewropea.

3.2.2. Il-promozzjoni ta' destinazzjonijiet ta' eċċellenza

Il-Kummissjoni għandha tissokta timplimenta l-proġett pilota "Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza" (EDEN). EDEN jippromwovi destinazzjonijiet emerġenti Ewropej u joffri appoġġ lil dawk fejn l-iżvilupp tat-turiżmu qed jissegwa b'tali mod li jiżgura sostenibilità soċjali, kulturali u ambjentali. Kull sena tingħażel tema differenti għall-premju. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-ħolqien ta' netwerks bejn destinazzjonijiet ippremjati, bl-għan li jiffaċilita l-iskambju ta' l-aqwa prattiċi fil-livell Ewropew u jħeġġeġ destinazzjonijiet oħra sabiex jadottaw mudelli sostenibbli simili ta' l-iżvilupp ta' turiżmu.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tirrinforza d-dehra u l-perċezzjoni ta' l-Ewropa bħala destinazzjoni turistika karatterizzata bi kwalità u sostenibilità għolja. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha taħdem mal-European Travel Commission u l-Organizzazzjonijiet Nazzjonali tat-Turiżmu sabiex tfassal strateġija xierqa li għandha tinvolvi wkoll l-użu tal-Portal tad-Destinazzjonijiet Turistiċi Ewropej[25].

3.2.3. L-immobilizzar ta' strumenti finanzjarji ta' l-UE

Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ħtieġa tal-partijiet interessati għal għajnuna finanzjarja bil-ħsieb li titrawwem l-implimentazzjoni ta' l-Aġenda. L-opportunitajiet fil-livell Ewropew huma diġà hemmhekk lesti biex jinħatfu, bħal pereżempju l-possibilità għall-Istati Membri u r-Reġjuni kollha li jiffinanzjaw proġetti turistiċi permezz tal-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp Reġjonali. Prattiċi turistiċi sostenibbli u innovattivi huma diġà enfasizzati bħala kriterji ta' prijorità fl-għanijiet differenti ta' l-istrumenti finanzjarji Ewropej varji - b'mod partikolari l-fondi tal-Politika ta' Koeżjoni (il-Fond Ewropew ta' l-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għas-Sajd, is-7 Programm ta' Qafas tal-KE għar-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-attivitajiet ta' Dimostrazzjoni (fejn il-prijorità tal-qofol dwar il-bidla fil-klima tinkludi l-impatti fuq it-turiżmu) - u fil-programm ‘Leonardo da Vinci’, permezz ta' l-introduzzjoni ta' miżura speċifika għall-apprentisti u ż-żgħażagħ li qegħdin f'taħriġ vokazzjonali u proġett li huwa għaddej bħalissa, li janalizza u jiżviluppa l-kwalifiki f'dan is-settur. Il-'Programm tal-Qafas tal-Kompetizzjoni u Innovazzjoni' (PKI) jappoġġja wkoll il-kompetittività ta' l-intrapriżi ta' l-UE u speċjalment l-SMEs[26]. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita t-tixrid ta' għarfien dwar il-mod kif intużaw u jistgħu jintużaw dawn l-istrumenti finanzjarji attwali ta' l-UE għal dan l-għan mill-partijiet interessati differenti tat-turiżmu.

3.2.4. L-integrazzjoni kompleta tas-sostenibilità u l-kompetittività fil-politiki tal-Kummissjoni

Bosta politiki u azzjonijiet attwali Ewropej jista' jkollhom influwenza qawwija fuq it-turiżmu u s-sostenibilità tiegħu u jistgħu jagħtu kontribut importanti fil-konfrontazzjoni ta' l-isfidi tal-qofol. Politiki ġenerali bħalma huma ambjent, trasport, impjieg jew riċerka jistgħu jħallu impatti differenti fuq territorji varji minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom. Il-Kummissjoni kemm bħalissa kif ukoll fil-futur tqis il-ħtiġijiet ta' dawn it-territorji differenti.

Ir-reazzjoni sostanzjali mill-partijiet interessati għall-proċess ta' konsultazzjoni dwar il-futur tal-Politika Marittima ta' l-UE wriet l-interess u l-appoġġ tagħhom għall-azzjoni fil-livell ta' l-UE lejn turiżmu marittimu u tal-kosta aktar sostenibbli u kompetittiv. Bħala reazzjoni għat-tħassib tagħhom, l-istrateġija integrata tal-Politika Marittima għandha tipprovdi l-bażi għall-elaborazzjoni ta' azzjoni ulterjuri sabiex jissaħħu s-sostenibilità u l-kompetittività f'dan is-settur. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni għandha tiffoka l-attenzjoni tagħha fuq is-settur tat-turiżmu tal-kosta billi tivverifika l-effetti tas-segmenti li qed jikbru b'rata mgħaġġla bħalma huma t-turiżmu tal-cruises, il-valutazzjoni ta' l-interkonnessjonijiet bejn l-industrija tal-cruises, il-faċilitajiet tal-port, marini u industriji oħra marittimi, u ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kompetizzjoni bejn l-użi terrestri u marittimi fl-ambjent tal-kosta.

Żoni tal-muntanji jeħtieġu politiki prospettivi ta' żvilupp rurali li jintegraw kemm ir-rekwiżiti ta' konservazzjoni ta' dan l-ambjent naturali partikolari kif ukoll il-benesseri sostnut taċ-ċittadini tiegħu[27]. Il-Kummissjoni tagħraf il-ħtieġa li tippreserva l-wirt naturali għani ta' ħafna minn dawn l-ispazji vulnerabbli tal-muntanji.

Iż-żoni rurali qed jinvestu fit-turiżmu sabiex jiddiversifikaw l-ekonomiji tagħhom, li huwa meħtieġ għat-tkabbir, l-impjieg u l-iżvilupp sostenibbli. Huma joffru opportunitajiet reali f'termini ta' l-attraenza tagħhom bħala post li fih tgħix u taħdem, u r-rwol tagħhom bħala ġibjun ta' riżorsi naturali u pajsaġġi li huma apprezzati immens. Dan jimplika l-ħtieġa li jiġu żgurati l-koerenza u s-sinerġiji fil-politiki tal-Komunità u li jiġi ppreservat l-ambjent u tiġi salvagwardjata l-kampanja.

It-turiżmu jista' jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni urbani billi jtejjeb il-kompetittività tan-negozji, jilħaq ħtiġijiet soċjali, u jippreserva l-ambjent kulturali u naturali. Jekk id-destinazzjonijiet urbani jridu jkollhom suċċess f'dawn l-oqsma kollha, iridu jadottaw strateġija globali li hija bbażata fuq il-prinċipji ta' żvilupp sostenibbli u hija rikonoxxuta u appoġġjata mill-politiki pubbliċi fil-livelli kollha, inkluż fil-livell Ewropew.

4. KONKLUżJONIJIET

Din il-Komunikazzjoni hija t-tnedija u t-tħaddin uffiċjali ta' Aġenda li tifrex fuq medda medja u twila ta' żmien li fiha l-partijiet kollha interessati għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex isaħħu l-kontribut ta' prattiċi sostenibbli sabiex jiffaċilitaw il-kompetittività ta' l-Ewropa bħala l-aktar destinazzjoni turistika attraenti.

Il-Kummissjoni Ewropea torbot fuq appoġġ politiku għal din l-inizjattiva mill-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-UE u għandha tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-progress li sar fl-2011.

[1] COM(2006) 134 finali tas-17.03.2006

[2] Ara COM(2003) 716 finali u COM(2006) 134 finali għal aktar dettalji dwar il-kompożizzjoni u r-rwol tiegħu.

[3] http://ec.europa.eu/enterprise/services/tourism/tourism_sustainability_group.htm

[4] Fornituri tradizzjonali ta' l-ivvjaġġar u t-turiżmu (lukandi, restoranti, kafetteriji, aġenziji ta' l-ivvjaġġar, kumpaniji tal-kiri tal-karozzi, linji ta' l-ajru eċċ.) li jfornu oġġetti u servizzi direttament lil viżitaturi

[5] Ara "Biex jinġieb 'il quddiem is-sehem sħiħ taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, l-impjieg u s-soċjetà" COM(2007) 498 finali tal-05.09.2007

[6] Il-Kunsill ta' l-Ivvjaġġar u t-Turiżmu Dinji - World Travel and Tourism Council (WTTC) - Rapporti Reġjonali TSA - L-Unjoni Ewropea 2007

[7] Ara wkoll “Opportunity and Responsibility. How to help more small businesses to integrate social and environmental issues into what they do”, Jannar 2007

[8] Dan l-impenn tħabbar għall-ewwel darba f'COM(2001) 665 finali tat-13.11.2001 (il-Miżura 8) u kien ikkonfermat b'mod ulterjuri f'COM(2003) 716 finali tal-21.11.2003 u COM(2006) 134 finali.

[9] Ir-Reżoluzzjoni tal-Kummissjoni tal-21.05.2002 dwar il-ġejjieni tat-Turiżmu Ewropew (2002/C 135/01), il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sostenibilità tat-turiżmu Ewropew (8194/05, 19.04.2005), Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prospetti ġodda u l-isfidi l-ġodda għal Turiżmu Ewropew sostenibbli (2004/2229 INI)

[10] Ara http://ec.europa.eu/enterprise/services/tourism/index_en.htm

[11] COM(2005) 24 finali tat-2.2.2005

[12] L-Istrateġija Mġedda ta' l-Iżvilupp Sostenibbli ta' l-UE kif adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15/16 ta' Ġunju 2006

[13] Dawn l-għanijiet huma elaborati b'mod ulterjuri fir-rapport TSG (p. 3).

[14] Dawn l-isfidi ta' qofol ġew elaborati fir-rapport tat-TSG (p. 8-17) u huma relatati ma' seba' sfidi identifikati fl-Istrateġija ta' l-Iżvilupp Sostenibbli.

[15] Ara wkoll Proposta għal Direttiva li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali, COM(2007)249, p.2; Rapport tal-valutazzjoni ta' l-impatt, SEC(2007)603, p.7.

[16] L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw mill-identifikazzjoni u l-qsim kollettiv ta' l-aqwa prassi fir-rigward tal-protezzjoni tas-siti u l-okkażjonijiet tal-massa relevanti permezz tal-Programm Ewropew għall-Protezzjoni ta' l-Infrastruttura Kritika li għandu jippermetti koordinazzjoni xierqa ta' l-azzjonijiet relevanti.

[17] Ara wkoll il-Green Paper "Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni ta’ l-UE" COM(2007) 354 finali tad-29.6.2007

[18] Ara wkoll "Li tindirizza l-isfida ta' l-iskarsezza ta' l-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea" COM(2007) 414 finali tat-18.7.2007

[19] Rapport tal-Grupp tas-Sostenibilità tat-Turiżmu "Azzjoni għal Turiżmu Ewropew aktar sostenibbli", Frar 2007, p. 3-4

[20] Fost l-oħrajn: stabbilimenti edukattivi u ta' riċerka, Trejdjunjins, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali.

[21] Ir-rapport tat-TSG , p. 27-30

[22] Ir-rapport tat-TSG, It-tabelli 1a u 1b, p. 31-39

[23] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/664/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1986

[24] Pereżempju permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva ta' l-Istatistika tat-Turiżmu u/jew billi l-GMES (Monitoraġġ Globali ta' l-Ambjent u s-Sigurtà) iwettaq servizzi uniformi ġeospazjali ta' tagħrif madwar l-Ewropa kollha.

[25] www.visiteurope.com

[26] Ara wkoll COM(2006) 134 finali, p. 6-7

[27] Il-Protokoll fuq it-Turiżmu għall-Konvenzjoni Alpina huwa eżempju ta' strument tal-qafas li jista' jistimula u jikkoordina l-kontribut tal-partijiet interessati fil-livell reġjonali u lokali.