52007DC0507


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija għall-ibgħad reġjuni: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni {SEG(2007) 1112}

/* KUMM/2007/0507 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 12.9.2007

KUMM(2007) 507 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija għall-ibgħad reġjuni: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni

{SEG(2007) 1112}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Rapport 4

3. L-isfida bħalissa: Il-ħsad ta’ l-opportunitajiet ta’ l-istrateġija ta’ l-2004 5

3.1. Tnaqqis tad-defiċit ta’ aċċessibbiltà u ta’ l-effetti ta’ l-iżvantaġġi l-oħrajn partikolari għall-ORs 5

3.2. Żieda fil-kompetittività ta' l-ORs 5

3.3. Tisħiħ tal-Pjan ta' azzjoni għall-Viċinat Usa' 7

3.4. Strument ta’ appoġġ għall-kumpens ta’ l-effetti tan-nuqqasijiet 9

4. Perspettivi 10

4.1. L-isfida tal-bidla fil-klima 10

4.2. Il-kwistjoni ta’ l-iżvilupp demografiku u tal-flussi migratorji 11

4.3. L-Agrikultura fl-ibgħad reġjuni 12

4.4. Ir-rwol ta’ l-ORs fil-politika marittima ta’ l-UE 12

5. Konklużjonijiet 13

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija għall-ibgħad reġjuni: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni

INTRODUZZJONI

B’kunsiderazzjoni b’mod partikolari għall-Artikolu 299(2) tat-Trattat KE u ta’ l-adozzjoni taż-żewġ Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni fl-2004[1], l-għarfien tan-natura speċifika ta’ l-ibgħad reġjuni (minn hawn ’il quddiem imsejħa ORs) [2] u l-iżvilupp ta' strateġija Ewropea għalihom saru realtà.

Din l-istrateġija tikkonċerna tliet assi: it-tnaqqis tad-defiċit ta’ aċċessibbiltà u ta’ l-effetti ta’ l-iżvantaġġi l-oħrajn ta’ l-ORs, it-titjib tal-kompetittività tagħhom u t-tisħiħ ta’ l-integrazzjoni reġjonali tagħhom. Hi ssejset fuq sħubija attiva bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-ORs.

Wara tliet snin ta’ implimentazzjoni, l-ewwel rapport jidher pożittiv ħafna. Bosta miżuri li jikkonċernaw il-politiki Komunitarji differenti ġew adottati u l-qagħda ekonomika u soċjali ta’ l-ORs tjiebet.

Il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni approvaw din l-istrateġija u stiednu lill-Kummissjoni sabiex issegwi l-implimentazzjoni tagħha[3]. B’dan il-għan, il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ l-istrateġija ta’ l-2004 b’miżuri ġodda li jistgħu jiġu implimentati fil-medda ta’ żmien qasir.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni biħsiebha tibda dibattitu dwar il-ġejjieni ta’ l-istrateġija fuq tul ta’ żmien itwal. Tabilħaqq, jeħtieġ li din l-istrateġija tiġi aġġornata u mogħnija fir-rigward ta’ l-isfidi maġġuri li għandhom iħabbtu wiċċħom magħhom l-ORs fis-snin li ġejjin. Se tiġi organizzata konsultazzjoni għal dan il-għan. Din se twassal għal Komunikazzjoni li biha l-Kummissjoni se tibda pass ġdid fl-iżvilupp ta’ l-istrateġija tagħha rigward l-ORs.

Din il-Komunikazzjoni:

- tfassal rapport ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija mill-2004 ’l hawn, li d-deskrizzjoni ddettaljata tiegħu tidher fid-dokument ta' ħidma mehmuż ma' din il-Komunikazzjoni[4]

- tipproponi miżuri li jifirxu fuq medda qasira ta' żmien sabiex timplimenta bis-sħiħ l-istrateġija ta’ l-2004

- tiftaħ dibattitu dwar il-kwistjonijiet fil-medda ta’ żmien twil, b’mod partikolari fir-rigward tat-tematiċi ewlenin sensittivi għall-ORs: il-bidla fil-klima, l-iżvilupp demografiku u t-tmexxija tal-flussi migratorji, l-agrikoltura, il-politika marittima ta’ l-UE.

RAPPORT

L-aħħar tliet snin kienu kruċjali għall-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija Ewropea rigward l-ORs. L-istrumenti ewlenin kollha għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ dawn ir-reġjuni ġew definiti mill-ġdid u riveduti. L-eżempji jinkludu:

- il-politika ta’ koeżjoni riveduta li tinkludil-allokazzjoni speċjali finanzjarja li tagħmel tajjeb għall-ħlas ta’ l-ispejjeż żejda marbuta man-nuqqasijiet definiti fl-Artikolu 229(2) tat-Trattat;

- dispożizzjonijiet speċifiċi favur l-ibgħad reġjuni fil-kuntest tar-riforma ta’ l-organizzazzjonijiet tas-suq taz-zokkor u tal-banana;

- trattament preferenzjal ta' l-ibgħad reġjuni rigward il-linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali;

- inizjattiva speċifika fis-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FPRTD) biex jinħeles il-potenzjal tar-riċerka fl-ibgħad reġjuni u biex tittejjeb l-integrazzjoni tagħhom fiż-Żona tar-Riċerka Ewropea.

Il-biċċa l-kbira mill-inizjattivi l-oħra rrakkomandati fil-Komunikazzjonijiet ta’ l-2004 ġew konkretizzati[5].

Tabilħaqq, l-għadd ta’ miżuri Komunitarji meħuda favur l-ORs jirriflettu r-rieda tal-Kummissjoni li tikkunsidra n-natura speċifika ta’ l-ORs waqt l-implimentazjoni tal-politiki ta' l-UE. Barra minn hekk, l-intervent Komunitarju rigward dawn ir-reġjuni jissarraf f’approċċ trasversali u komplementari, b’mod partikolari permezz ta’ sforz ta’ l-għadd tad-dipartimenti tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, it-tnaqqis tad-defiċit ta’ l-aċċessibbiltà, it-tisħiħ tal-kompetittività u ta’ l-inserzjoni reġjonali jibqgħu assi relevanti, li jwieġbu b’mod xieraq għall-prijoritajiet ta’ l-iżvilupp ta’ dawn ir-reġjuni. Fl-aħħar, anke jekk l-istrateġija se tikkontribwixxi għat-titjib tal-qagħda soċjoekonomika ta’ l-ORs[6], il-valutazzjoni tal-politiki Komunitarji favurihom tista’ tittejjeb, b’mod paritkolari biex issaħħaħ il-koerenza ta’ l-azzjoni Komunitarja.

Madankollu, ċerti azzjonijiet maħsuba mill-2004 għadhom f’fażi ta’ żvilupp. Dan huwa wkoll il-każ b’mod partikolari għall-isforzi ta’ l-integrazzjoni ta’ l-ORs fiż-Żona Ewropea tar-riċerka u ta’ l-addattament tas-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (l-SGEIs) għall bżonnijiet tas-swieq lokali. Barra minn hekk, hu importanti li jiġi żgurat li l-possibbiltajiet ġodda maħsuba jtejbu l-koordinazzjoni bejn l-ERDF u l-EDF huma sfruttati bis-sħiħ fir-realtà.Għalhekk, l-istrateġija għandha minn hawn 'il quddiem tidħol f’fażi ta’ maturita li timmira li taħtaf l-opportunitajiet kollha ta’ l-istrateġija ta’ l-2004.

L-isfida bħalissa: Il-ħsad ta’ l-opportunitajiet ta’ l-istrateġija ta’ l-2004

Lil hinn mill-miżuri adottati mill-2004 ’l hawn, il-Kummissjoni tixtieq tiffoka fuq kull assi ta’ l-istrateġija permezz ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet komplementari.

Tnaqqis tad-defiċit ta’ aċċessibbiltà u ta’ l-effetti ta’ l-iżvantaġġi l-oħrajn partikolari għall-ORs

Il-miżuri li ġejjin jistgħu jgħinuna nsaħħu l-implimentazzjoni ta’ dan il-għan:

- l-iżvilupp ta’ l-opportunitajiet offerti mill-implimentazzjoni ta’ l-allokazzjoni speċifika sabiex jitħallsu lura l-ispejjeż żejda fir-rigward tat-trasport u t-teknoloġiji l-ġodda ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

- is-segwitu ta' l-isforz sabiex timtela l-lakuna li teżisti fis-servizzi ta’ frekwenza wiesgħa, b’mod partikolari permezz tal-programmi operattivi ta’ l-ERDF;

- l-iżvilupp ta’ l-opportunitajiet offerti permezz ta’ l-implimentazzjoni tal-programmi TEN-T, TEN-E u MARCO POLO II

- il-valutazzjoni tal-bżonnijiet speċifiċi ta’ l-ORs fl-okkażjoni tar-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programmi POSEI.

Żieda fil-kompetittività ta' l-ORs

Bosta strumenti jistgħu jtejbu l-kompetittivitià ta' l-ORs.

Il-Politika ta' Koeżjoni

Il-kompetittività dgħajfa ta’ l-ORs jixirqilha sforz partikolari fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni. Il-programmi operattivi għall-perjodu 2007-2013 għall-ERDF kif ukoll għall-ESF, l-inizjattiva "Ir-reġjuni, atturi tal-bidla ekonomika"[7], kif ukoll l-għajnuna teknika għall-inizjattiva tal-Kummissjoni[8], għandhom jippermettu li jsaħħu l-kompetittività ta’ l-ORs fil-linja ta' l-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjieg u tal-linji gwida strateġiċi Komunitarji. Jeħtieġ li:

- tiġi definita strateġija ġenwina reġjonali ta’ innovazzjoni tas-sħubija[9], b’mod partikolari minn ċentri ta’ eċċellenza u ta’ kompetittività, u jissaħħu l-infrastrutturi ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ telekomunikazzjonijiet;

- jitħeġġeġ it-tisħiħ tal-kapital uman bl-implimentazzjoni tar-riformi tas-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ u l-iżvilupp tal-potenzjal uman fil-qasam tar-riċerka u ta’ l-innovazzjoni. Għandu jiġi żgurat li t-tip ta’ taħriġ offrut ikun konsistenti ma’ l-azzjonijiet ippjanati fl-oqsma ewlenin magħrufa fl-istrateġija tal-Kummissjoni għall-ibgħa reġjuni, b’mod partikolari fl-oqsma ta' l-agrikultura u l-ambjent, l-enerġija li tiġġedded, it-trasport, it-telekomunikazzjoni u t-turiżmu;

- jissaħħaħ l-użu ta’ l-enerġiji li jiġġeddu (bijomassa kif ukoll l-iskart urban, ġeotermija, enerġija tal-mewġ, enerġija solari u tar-riħ) u jittejjeb ir-rapport enerġetiku ta’ l-ORs sabiex titnaqqas id-dipendenza tagħhom fuq sorsi barranin;

- titqies il-bijodiversità fil-ħolqien tal-proġetti ta’ l-iżvilupp, b’mod partikolari permezz tal-miżuri favur ambjenti u speċi differenti;

- jitħeġġeġ żvilupp ekonomiku sostenibbli billi jiġu promossi miżuri biex iħarsu l-bijodiversità li sikwit tkun għolja ħafna u assi ekonomiku maġġuri fl-ORs. Dan se jikkontribwixxi wkoll għall-għan dikjarat ta’ l-UE għat-twaqqif tat-tnaqqis tal-bijodiversità sa l-2010;

- jiġu appoġġjati l-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-bażi tal-produzzjoni lokali, b’mod partikolari l-implimentazzjoni għall-SMEs tas-sistemi ta’ kwalità u ta’ tmexxija ambjentali (“eko innovazzjoni”), l-addattament tal-kwalifiki tal-ħaddiema u ta’ l-imprendituri, l-iżvilupp ta’ l-ispirtu ta’ impriża u tal-ħolqien ta’ l-impriżi;

- titrawwem il-kompetittività u s-sostenibbiltà ta’ l-industrija tat-turiżmu b’mod partikolari permezz ta' l-appoġġ ta' tmexxija sostenibbli tad-destinazzjonijiet;

- jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ inġinerija finanzjarja u jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament ta’ l-SMEs u l-VSBs f’dawn ir-reġjuni, b’mod partikolari fil-qafas ta’ l-inizjattivi JEREMIE u JESSICA;

- jissaħħaħ ir-rwol ta’ l-ibliet sabiex titħeġġeġ ekonomija lokali flessibbli li tgħaqqad industriji, servizzi, divertiment u turiżmu, permezz tal-programi urbani integrati u l-azzjonijiet urbani fl-ORs, bħal dawk tal-proġett "" - URBACT.

Programmi - qafas

Il-programmi-qafas Komunitarji li ġejjin jistgħu jsaħħu l-kompetittività ta’ l-ekonomija ta’ l-ORs :

- il-kunsiderazzjoni tan-natura speċifika ta' l-ORs fil-programmi speċifiċi tas-7 RTDFP, b'mod partikolari l-programm "Ħiliet", għandu jiġi sfruttat bis-sħiħ u kkompletat b’kunsiderazzjoni għall-potenzjalitajiet ta’ dawn ir-reġjuni f’ċerti tematiċi tal-programm “Kooperazzjoni”, bħall-enerġija, ir-riskji naturali marbuta mal-bidla tal-klima, l-agrikoltura, is-sajd subtropikali u l-akwakoltura;

- il-programm-qafas dwar l-innovazzjoni u l-kompetittività jipproponi opportunitajiet ta’ finanzjament relevanti ħafna għal dawn ir-reġjuni li huma wkoll għandhom jiġu sfruttati (eko-innovazzjoni, użu tat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni, ġeneralizzazzjoni ta’ l-enerġiji renovabbli u titjib ta’ l-effiċjenza enerġetika);

- il-programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja[10] għandu jistimula l-iskambji, il-kooperazzjoni u l-mobbiltà tas-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ fi ħdan il-Komunità[11], filwaqt li jqis l-oqsma prijoritarji għall-ORs.

Servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

B’rigward għall-operat tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali f'dawn ir-reġjuni, il-Kummissjoni se tissokta tikkunsidra l-ispeċifikazzjonijiet reġjonali kif ukoll ta' analiżi dettaljata tas-suq relevanti. Meta l-ispejjeż tal-provvista ta' dawn is-servizzi huma ogħla mill-ispejjeż f’reġjuni oħrajn, il-finanzjament tagħhom għandu jiġu żgurat skond id-dispożizzjonijiet stipulati fir-regoli ta’ għajnuna statali applikabbli, li jippermetti għal kumpens sħiħ ta’ l-ispejjeż kollha bħal dawn. Meta jfasslu l-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-aċċess għas-servizz universali, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw il-partikularitajiet ta’ dawn ir-reġjuni, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-iżolament tas-sistemi, id-distanza u l-frammentazzjoni tat-territorju.

Tisħiħ tal-Pjan ta' azzjoni għall-Viċinat Usa'

It-tisħiħ ta’ l-inserzjoni reġjonali ta’ l-ORs fiż-żoni ġeografiċi qrib tagħhom, hi innovazzjoni ta’ l-istrateġija ta’ l-2004 li żviluppat tassew, iżda li jeħtieġ li tissaħħaħ bl-implikazzjoni tal-parteċipanti pubbliċi u privati lokali, kif ukoll ta' l-Istati Membri kkonċernati. Id-djalogu bejn dawn ir-reġjuni u l-pajjiżi terzi ġirien, b’mod partikolari l-pajjiżi ta’ l-Afrika - tal-Karibew – tal-Paċifiku (ACP), kif ukoll il-pajjiżi u t-territorji barra mill-pajjiż assoċjati ma’ l-UE (OCTs) [12]għandhom iservu ta’ għodda biex imexxu dan il-proċess.

Ċerti miżuri jistgħu minn hawn ’il quddiem jikkontribwixxu għall-iffokar ta’ din l-assi.

Il-kunsiderazzjoni tan-natura speċifika ta’ l-ORs fil-Ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (EPAs)

Sabiex jisfruttaw l-opportunitajiet ta’ kummerċ u jżidu l-iskambji reġjonali bejn il-pajjiżi ta’ l-ACP u l-ORs , il-Kummissjoni qiegħda tipprevedi arranġamenti speċifiċi għall-kunsiderazzjoni fl-EPA tal-linji gwida ta’ l-ORs avżati mill-Istati Membri. Dawn l-arranġamenti se jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet li jkopru n-negozjat ta' l-EPA kif ukoll mar-regoli tad-WTO, u se jqisu l-partikularitajiet ta’ kull reġjun.

Huma jistgħu jikkonċernaw il-miżuri utli kollha li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni mgħaġġla ta’ l-ORs fl-iskambji kummerċjali fuq livell reġjonali kif ukoll il-miżuri meħtieġa biex iqisu l-vulnerabbiltà tas-swieq ta’ l-ORs u ta’ xi produzzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni trid tfakkar ukoll li r-relazzjonijiet kummerċjali ACP-OR mhumiex limitati għall-kummerċ tal-merkanzija u għandhom jippermettu tisħiħ tar-relazzjonijiet ACP-OR fl-oqsma kollha tagħha kif ukoll fl-EPA.

Koordinazzjoni ta’ l-istrumenti finanzjarji

Fuq il-bażi tad-djalogu ma’ l-ACP u l-OCTs fil-qafas tal-programmazzjoni ta’ l-10 EDF, is-sħubiji huma rispettivament mħeġġa sabiex jimplimentaw il-possibbiltajiet konkreti u l-arranġamenti prattiċi ta’ programmazzjoni miftiehma ta’ l-EDF u ta’ l-ERDF u ta’ kofinanzjament parallel, bil-ħsieb li azzjonijiet ta’ kooperazzjoni jitmexxew fuq livell nazzjonali u reġjonali.

Il-Kummissjoni se teżamina l-possibbiltajiet konkreti ta’ koordinazzjoni fost il-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali (ERDF) tal-Gujana Franċiża u l-programm ġeografiku “Brażil” finanzjat mill-istrumenti ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp (DCI)[13].

It-tisħiħ tal-konnessjonijiet marittimi bejn l-ORs u l-pajjiżi terzi ġirien tagħhom

Il-politika komuni tat-trasport dan l-aħħar ikkunsidrat – fl-okkażjoni tal-linji direttriċi dwar it-trasport ta’ l-ajru – il-bżonn li jiġu inklużi l-bżonnijiet ta’ mobbiltà u tat-trasport ta’ l-ORs mal-pajjiżi terzi u l-OCTs sabiex jitnaqqas l-iżolament tagħhom. Dan il-ftuħ għandu jiġi kkompletat minn approċċ simili fil-qasam tat-trasport marittimu, billi jawtorizza l-għajnuniet statali għat-tnedija tas-servizzi tat-trasport bejn dawn ir-reġjuni u l-pajjiżi terzi ġirien.

Is-sehem konġunt ta’ l-ORs u l-pajjiżi terzi fin-netwerks tar-riċerka u l-programmi-qafas Komunitarji

It-tisħiħ tan-netwerk ta’ riċerka redCLARA permezz tal-programm @LIS II[14] u l-inklużjoni potenzjali u progressiva tal-pajjiżi tal-Karibew f’dan in-netwerk, jikkostitwixxu opportunità għall-ORs bħall-Guadeloupe, il-Gujana Franċiża u l-Martinique. Hi se tippermetti li jissaħħu r-rabtiet ta’ dawn ir-reġjuni mal-komunità xjentifika tal-pajjiżi terzi u l-OCTs ġirien, u li jingħaqdu ma’ l-Ewropa kontinentali permezz tal-proġett Alice filwaqt li jgawdu minn konnessjoni b'veloċità għolja bi prezz imnaqqas.

Fil-qafas tan-negozjar tal-Ftehimiet tas-Sħubija Ekonomika, il-Kummissjoni se tistimula l-parteċipazzjoni konġunta u l-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni tal-pajjiżi ACP u ta’ l-ORs fis-7 RTDFP, il-programm-qafas dwar l-innovazzjoni u l-kompetittività u l-programm ta’ azzjoni fil-qafas ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ matul il-ħajja.

Il-programm ta’ sostenn strateġiku rigward l-ICT tal-programm-qafas għall-innovazzjoni u l-kompetittività għandu l-għan iħeġġeġ l-innovazzjoni u l-kompetittività billi jistimula użu akbar u aktar effiċjenti ta' l-ICT miċ-ċittadini, is-setgħat pubbliċi, is-settur privat u b'mod partikolari l-SMEs. L-ORs huma mħeġġa jużaw il-finanzjamenti biex jiżviluppaw jew jispiċċaw l-iniżjattivi nazzjonali, reġjonali jew lokali fil-qasam ta’ l-ICT.

Il-kunsiderazzjoni tal-partikularitajiet ta’ l-ORs fil-politiki migratorji

Ċerti miżuri jistgħu jiġu previsti:

- koordinazzjoni tal-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali ERDF ma’ l-10 EDF, li jidentifika l-migrazzjoni bħala waħda mill-prijoritajiet ta’ kooperazzjoni ACP-UE ġodda tiegħu;

- garanzija ta’ kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet speċifiċi ta’ l-ORs fi ħdan il-programm tematiku “migrazzjoni u refuġju” ta’ l-Istrument ta’ Finanzjament għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp (DCECI)[15], b'mod partikolari għall-kontribuzzjoni tat-tmexxija effettiva tal-flussi migratorji lejn dawn ir-reġjuni, kemm permezz tal-ġlieda kontra l-flussi illegali kif ukoll mit-tħaffif tal-mobbiltà tal-ħaddiema, u biex jitħaffef il-kontribt tal-migranti fl-ORS għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom;

- appoġġ, b’mod partikolari permezz tal-Fondi għall-integrazzjoni[16], tal-miżuri implimentati mill-Istati Membri, biex jgħaddu l-flussi migratorji regolari u l-miżuri ta’ integrazzjoni ta’ l-immigranti; tħaffif ta’ l-għoti ta’ viżi fl-ORs b’mod partikolari għat-tranżitu ta’ l-imprendituri jew tal-persuni li jinsabu f’xi taħriġ;

- appoġġ, permezz tal-Fondi Ewropej fil-ġejjieni biex imorru lura, azzjonijiet maħsuba għall-ripatrijazzjoni, u sa ċertu punt, għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ qagħda irregolari fl-ORs;

- appoġġ permezz tal-Fondi għall-fruntieri esterni u permezz ta’ l-iżvilupp ta’ l-aġenzija FRONTEX, l-użu tat-teknoloġiji ta' sorveljanza moderna, it-taħriġ tal-gwardjani fil-fruntieri jew il-bini ta' infrastrutturi fil-punti ta' qsim tal-fruntiera, sabiex iwieġbu f’waqthom għall-problemi l-aktar urġenti ta’ kontroll u ta’ sorveljanza tal-fruntieri;

- konsolidazzjoni tas-sisien ta’ din it-tematika permezz ta’ studju fuq l-impatt tal-fenomeni migratorji dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ta’ l-ORs. Jeħtieġ li jiġu vvalutati u proposti addatamenti tal-miżuri ġenerali applikabbli fir-reġjuni li l-aktar ikollhom x’jaqsmu ma’ dan il-fenomenu.

Strument ta’ appoġġ għall-kumpens ta’ l-effetti tan-nuqqasijiet

Ir-riforma tal-politiki Komunitarji ewlenin toffri lill-ORs, għall-perjodu 2007-2013, allokazzjonijiet finanzjarji sostanzjali bħala kumpens ta’ l-effetti tal-fatturi magħrufa mit-Trattat li jagħmlu ħsara permanenti lill-iżvilupp ta’ dawn ir-reġjuni, f’approċċ aktar addattat għan-natura speċifika tagħhom.

Għalkemm l-iżvilupp ta’ l-ORs ma jsarrafx biss fl-“ispejjeż żejda”, fost il-mezzi maħsuba jtejbu l-effiċjenza tal-miżuri, jeħtieġ li nsemmu l-linji gwida biex jitkejlu l-effetti kwantifikabbli tan-nuqqasijiet speċifiċi li għandhom jiġu finalizzati. Tabilħaqq, il-ħidmiet għas-sħubija tkomplew biex jiġu definiti l-linji gwida maħsuba li jtejbu, permezz ta’ sistematizzazzjoni aħjar tal-fatturi tan-nuqqasijiet speċifiċi ta’ l-ORs u ta’ l-effetti tagħhom, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatturi. Il-Kummissjoni biħsiebħa tifformalizza r-riżultati li se jieħdu s-sura ta’ linji gwida adottati mill-Kulleġġ. Madankollu, dawn il-linji gwida mhumiex se jkunu l-uniku element ta’ valutazzjoni ta’ l-interventi tal-Komunità peress li l-Istati Membri jistgħu wkoll jippreżentaw lill-Kummissjoni għodda ta’ sostituzzjoni jew komplementari.

L-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida u ta’ l-istrumenti mfassla mill-Istati Membri se tkun suġġetta għad-disponibbiltà tat-tagħrif meħtieġ għall-istima ta’ l-ispejjeż żejda. Il-biċċa l-kbira ta’ dan it-tagħrif hu disponibbli bħalissa iżda xorta jeħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiġbruhom. Għandu jiġi previst perjodu tranżitorju ta’ implimentazzjoni tal-linji gwida u ta’ l-għodod nazzjonali sabiex ikun hemm il-kapaċità statistika meħtieġa

Perspettivi

L-ORs m’għadhomx jagħmlu parti mill-grupp ta' l-ifqar reġjuni ta' l-UE mkabbra, madankollu l-permanenza u l-akkumulazzjoni tal-fatturi li jagħmlu ħsara lill-potenzjal ta’ żvilupp tagħhom għadhom jeżistu. Huwa għalhekk li jeħtieġ li jitkompla l-isforz ta’ addattament tal-politiki Komunitarji u ta’ appoġġ speċifiku kull darba li jkun hemm bżonn, iżda akkumpanjati minn strumenti xierqa, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-valutazzjoni tal-politiki Komunitarji.

Minn issa ’l quddiem, il-Kummissjoni tipproponi li tirrifletti għall-ġejjieni ta’ l-istrateġija Ewropea rigward l-ORs, billi tiftaħ id-dibattitu mal-kollaboraturi li qiegħda bi sħab magħhom[17]. F’dan il-għan, identifikat mill-inqas tliet temi, li jippreżentaw kwistjonijiet maġġuri għall-ORs, għal-lum u fis-snin li ġejjin. Tabilħaqq, dawn it-tematiċi trasversali għat-tliet assi ta’ l-istrateġija ta’ l-2004 u l-prijoritajiet fl-Aġenda Ewropea[18], kisbu importanza sinifikanti għal dawn ir-reġjuni.

L-isfida tal-bidla fil-klima

Il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-addattament għal dawn l-effetti jikkostitwixxu kwistjoni importanti għall-ORs, b’kunsiderazzjoni tal-qagħda ġeografika u d-dgħufija tagħhom. L-effetti tal-bidla fil-klima, b’mod partikolari ż-żieda fil-livell ta' l-ilma, se jkollhom riperkussjonijiet fuq l-agrikultura, it-turiżmu, ir-riżorsi fl-ilma, l-ekosistemi u l-biodiversità ta' dawn ir-reġjuni. Il-fenomeni metereoloġiċi estremi (uragani, ċikluni, nuqqas ta’ xita, għargħar) jirriskjaw li jiżdiedu u li jaffettwaw it-tliet assi ta’ l-istrateġija ta’ l-2004:

- aċċessibbiltà: l-ORs jiddependu b’mod esklussiv mit-trasport ta’ l-ajru għal dak li għandu x’jaqsam mat-trasport tal-persuni. Dan jikkonċerna direttament il-mobbiltà tar-residenti ta’ l-ORs meta mqabbel mal-bqija ta’ l-UE iżda wkoll ma’ dik tat-turisti u tal-parteċipanti ta’ l-iżvilupp soċjoekonomiku tagħhom lejn l-ORs;

- kompetittività: l-ORs għandhom għejun speċifiċi ta’ l-enerġija li tiġġedded. L-Ażores[19] jew il-proġett li għaddej fil-ġżira ta’ El Hierro fil-Kanarji[20] jikkostitwixxu eżempji ta’ użu tar-riżorsi indiġeni li jrażżnu l-emissjonijiet tas-CO2;

- inserzjoni reġjonali: ċerti ORs żviluppaw mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fiż-żona ġeografika tagħhom sabiex jissorveljaw ir-riskji naturali u jrażżnu l-effetti tagħhom.

Il-Kummissjoni tistieden l-imsieħba tagħha sabiex jibdew djalogu dwar il-mistoqsijiet li ġejjin:

Liema miżuri għandhom jiġu adottati sabiex l-għan tat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-aċċessibbiltà, l-ekonomija u ċ-ċittadini ta’ l-ORs? Liema kriterji għandhom jinżammu biex dan it-tħassib jiddaħħal fi stima ta’ l-impatt ex ante ?

Kif nistgħu nisfruttaw bl-aħjar mod l-opportunitajiet il-ġodda li l-ġlieda kontra l-bdil fil-klima toffri lill-ORs minħabba l-vantaġġi naturali tagħhom (enerġija ġeotermali, bijomassa, bijodiversità eċċ) sabiex jitjieb il-bilanċ enerġetiku u tissaħħaħ il-kompetittività tagħhom, b’mod partikolari bl-iżvilupp ta’ l-enerġija li tiġġedded u permezz tar-riċerka?

Kif tagħmel progress lejn awtosuffiċjenza enerġetika bl-isfruttament sa l-aħħar tal-potenzjal tat-tfaddil ta' l-enerġija? Liema setturi għajr dawk tal-bini u tat-trasport huma kkonċernati b’mod ewlieni?

Liema mezzi ġodda jistgħu jiġu żviluppati sabiex jitjiebu s-sistemi ta’ prevenzjoni tar-riskji naturali permezz tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi l-ġodda ġirien u l-OCTs?

Il-kwistjoni ta’ l-iżvilupp demografiku u tal-flussi migratorji

Il-popolazzjonijiet tal-biċċa l-kbira ta’ l-ORs esperjenzaw bidliet sinifikattivi, kemm minħabba l-iżviluppi demografiċi naturali kif ukoll minħabba l-flussi migratorji, li jikkostitwixxu kemm opportunitajiet kif ukoll thedid għat-tkabbir ekonomiku u soċjali tagħhom. Dan il-proċess għandu konsegwenzi fuq l-ippjanar ta' l-u¿u ta' l-art, is-suq tax-xogħol, il-b¿onnijiet ta’ taħriġ u s-servizzi pubbliċi.

Ir-rata ta’ tkabbir demografiku tad-DOM hi l-ogħla fl-UE.

Fil-Ġżejjer Kanarji, iż-żieda fl-għadd ta’ migranti illegali permezz tal-baħar[21] tiżdied bil-problema ta’ immigrazzjoni illegali ta’ dawk taħt l-età li mhumiex akkumpanjati.

L-ORs ma jikkostitwixxux kategorija omoġenja għal dak li għandu x’jaqsam mal-politika migratorja: Huma għandhom statuti ġuridiċi differenti b’rigward għaż-żona Schengen u huma kkonċernati b’mod differenti mill-fenomenu migratorju. Barra minn hekk, il-politika migratorja tissokta taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam ma' l-ammissjoni fejn l-UE tikkoordina u takkumpanja azzjonijiet nazzjonali.

Madankollu, fid-dawl tad-daqs kbir ta’ konsegwenzi tal-flussi migratorji għall-ORs, il-Kummissjoni tixtieq tiddiksuti dwar din it-tema ma’ l-imsieħba tagħha, b’mod partikolari dwar il-mistoqsijiet li ġejjin:

Kif tqis aħjar l-isfidi maġġuri kkaġunati mill-pressjoni demografika għolja kif ukoll il-fenomeni ta’ migrazzjoni lejn il-metropoli li kull ma jmur qegħdin jiżdiedu?

Kif issaħħaħ il-miżuri li jiffavorixxu l-integrazzjoni tal-migranti legali f'dawn it-territorji kemm fuq livell?

Liema miżuri jistgħu jittieħdu biex jiġu ttrattati s-sisien l jikkawża l-immigrazzjoni illegali fl-ORs minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom fi ħdan ambjent reġjonali li għadu mhux żviluppat?

Il-promozzjoni ta’ migrazzjoni legali/ċirkolari hija l-aħjar mod kif ikun hemm rikonċiljazzjoni bejn il-miżuri ta’ kontroll tal-migrazzjoni ma’ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi ta’ oriġini?

L-Agrikultura fl-ibgħad reġjuni

L-Agrikultura hi fattur ewlieni fl-ekonomika ta’ l-ORs, li huma mfixxkla minħabba żvantaġġi ġeografiċi u ta’ klima. Il-produzzjoni agrikoula u l-provvista ta’ l-ikel xorta jibqgħu essenzjali għas-sostenibbiltà ekonomika ta’ dawn ir-reġjuni, li jistgħu jittejbu iżjed bil-politika ta’ żvilupp rurali Ewropew.

L-appoġġ Komunitarju lis-setturi agrikoli varji, b’mod partikolari wara l-inklużjoni ta’ l-appoġġ lis-settur tal-banana fl-2006, issa jista’ jiġi integrat bis-sħiħ fl-iskema POSEI. Din l-integrazzjoni tippermetti approċċ aktar koerenti lill-iżvilupp fil-ġejjieni tas-settur agrikolu f’dawn ir-reġjuni. Se ssir stima ta’ l-impatt ta’ dawn ir-riformi fuq POSEI fl-2009 l-aktar tard.

Ir-rwol ta’ l-ORs fil-politika marittima ta’ l-UE

Il-po¿izzjoni ġeografika speċifika ta’ l-ORs fl-Oċean Atlantiku, fl-Oċean Indjan u l-baħar tal-Karibew tagħti dimensjoni marittima dinjija lill-Ewropa u tagħti lill-ORs rwol importanti fil-politika marittima tal-ġejjieni ta’ l-UE. L-ORs ħadu sehem b’mod attiv għall-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-ġejjieni tal-politika marittima ta’ l-Unjoni Ewropea mnieda f’Ġunju 2006 mill-Kummissjoni [22]u, fil-qafas tal-proġett ta' kooperazzjoni tagħhom RUPMER sostnut mill-programm INTERRED IIIC, ippreżentaw kontribut konġunt għall- Green Paper lejn politika marittima ta’ l-Unjoni. Wara dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, se titwaqqaf politika marittima ġdida ta’ l-UE u pjan ta’ azzjoni, li fih se tiġi kkunsidrata n-natura speċifika ta’ l-ORs.

L-ORs għandhom parti importanti ta’ l-ispazju marittimu ta’ l-UE u jtuha d-dimensjoni dinjija tagħha. L-eżistenza tagħhom hi kkundizjonata mir-relazzjoni tagħhom mal-baħar: varjetà ta’ l-attivitajiet ekonomiċi marittimi, għana inkomparabbli tal-patrimonju naturali tal-baħar tagħhom iżda wkoll vulnerabbiltà għall-bidliet fil-klima u għall-fenomeni estremi fiż-żoni tal-baħar. Id-daqs taż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħhom huwa daqs is-superfiċje tal-Mediterran u tal-Baħar Baltiku flimkien u jippermettilhom jipprovdi servizzi ta’ ekosistema importanti u jagħmlu mill-Istati Membri tagħhom l-ewwel fid-dinja f’termini ta’ spazji marittimi. Dan isaħħaħ ukoll ir-responsabbiltà ta’ l-UE għall-ħarsien tar-riżorsi marittimi.

F’ċerti ORs l-użu sostenibbli tar-riżorsi marittimi tagħhom se jiddependi fuq kooperazzjoni eqreb mal-pajjiżi ġirien tagħhom. Kemm l-istrateġija għall-ORs kif ukoll il-politika marittima ġdida ta’ l-UE għandha tippromwovi l-iżvilupp tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi.Il-proġett NET-BIONE, proġett ta’ bini ta’ kollegamenti tal-politiċi reġjonali ta’ riċerka ta’ l-ORs u ta' l-OCTs fil-qasam tal-bijodiversità tropikali, b'mod partikolari tal-baħar, juri l-kapaċità ta' l-ORs li joħolqu netwerk ta' riċerka f’qasam li hu speċifiku għalihom u li fih potenzjal tal-valorizzazzjoni ta’ l-assi tagħhom.Tabilħaqq, il-kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza u r-riċerka marittima hi ta’ importanza konsiderevoli għall-ORs u se tkun ta’ kontribut għal dawn ir-reġjuni sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi tal-bidla fil-klima u s-sostenibbiltà ta’ l-oċeani tagħhom.

Il-Kummissjoni tistieden lill-imsieħba tagħha sabiex jibdew djalogu dwar il-mistoqsijiet li ġejjin:

Kif tippromwovi għodda ta’ governanza fi ħdan il-baċini marittimi differenti (il-Karibew, ix-Xlokk ta’ l-Oċean Indjan, il-Macaronesia)? Konferenza għal kull baċin li tgħaqqad il-partijiet ikkonċernati bil-ħsieb li jiżviluppaw approċċ koordinat tal-kwistjonijiet ikkonċernati tkun pass fid-direzzjoni t-tajba?

Kif tappoġġja l-ispeċjalizzazzjoni ta’ l-ORs f’ċerti segmenti tar-riċerka u ta’ l-iżvilupp teknoloġiku, bħat-teknoloġiji koħol tiegħu, b’mod partikolari bit-titjib tat-tagħrif u l-komunikazzjoni f’dan il-qasam?

Kif nivvalorizzaw l-attivitajiet ekonomiċi marbuta ma’ l-ambjent marittimu tagħhom, b’mod partikolari s-sajd, l-akwakoltura, it-trasport, it-turiżmu sostenibbli u l-enerġija li tiġġedded?

Kif tappoġġja l-ġlieda kontra s-sajd illegali, tissorvelja l-oċeani, tmexxi r-riskji, issaħħaħ is-sigurtà marittima u tippreserva l-ambjent marittimu?

Kif jistgħu ORs, imsejsa fuq il-potenzjal marittimu tagħhom, jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli Ewropew b’mod ġenerali, permezz tal-politika marittima l-ġdida?

Kif nistgħu niżguraw tmexxija taż-żona tal-kosta sostenibbli fl-Ibgħad Reġjuni?[23]

Konklużjonijiet

Bl-azzjoni tagħha għaż-żamma u l-iżvilupp ta’ l-istrateġija rigward l-ORs, il-Kummissjoni qdiet il-mandat tagħha fl-oqsma kollha ta’ intervent Komunitarji, billi għaqqdet l-appoġġ finanzjarju ma’ l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi. Din l-istrateġija sfruttat ir-riżorsi tagħha fis-sħubija mat-tliet Stati Membri u s-seba’ ORs, kif ukoll fil-linji ta’ gwida ddefiniti mill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra.

Filwaqt li tfassal rapport pożittiv ta’ l-ewwel fażi ta’ implimentazzjoni ta’ l-istrateġija rigward l-ORs, il-Komunikazzjoni tenfasizza l-bżonn li jiġu ffukati l-assi ta’ l-istrateġija ta’ l-2004 bl-implimentazzjoni ta' miżuri komplimentari għall-perjodu 2007-2013. Barra minn hekk, hi toffri s-sisien xierqa biex jaħsbu dwar il-ġejjieni ta’ l-istrateġija rigward l-ORs, fid-dawl b’mod partikolari tat-temi tal-bidla fil-klima, it-tmexxija tal-flussi migratorji, l-agrikoltura u tal-politika marittima ta’ l-UE, li toħloq sfidi serji għall-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ dawn ir-reġjuni.

Din il-Komunikazzjoni se tiftaħ dibattitu ma’ l-Istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri, kif ukoll fost l-ORs, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-atturi soċjoekonomiċi, id-dinja tar-riċerka, l-ambjent akkademiku. Ġie propost li l-fażi ta’ konsultazzjoni tiġi estiża sa Marzu 2008. Tul dan il-perjodu, il-Kummissjoni se torganizza flimkien mar-reġjuni u l-Istati Membri kkonċernati, seminarji u gruppi ta’ ħidma biex jiddiskutu dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:

- B’liema mod l-istrateġija ta’ l-2004 taddatta ruħa għall-isfidi l-ġodda li l-ORs ikollhom jiltaqgħu magħhom ?

- Fid-dawl tad-differenzi demografiċi l-kbar u l-flussi migratorji bejn l-ORs u r-reġjuni/pajjiżi ġirien, liema azzjonijiet huma l-aktar xierqa sabiex dan jiġi ffaċjat?

- Il-bidla fil-klima toħloq sfida partikolari għall-ORs?

- Liema azzjonijiet għandhom jiżviluppaw l-ORs fil-qafas tal-politika marittima Ewropea, sabiex jibbenefikaw minnha u jkunu kapaċi jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli ta' l-Ewropa?

Wara tmiem il-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni se tħejji l-proposta tagħha dwar il-ġejjieni tas-sħubija ma’ l-ibgħad reġjuni. Se tniedi fażi ġdida fl-iżvilupp ta’ l-istrateġija Ewropea għall-ibgħad reġjuni.

[1] KUMM(2004) 343 u KUMM(2004) 543.

[2] L-ORS (l-Ażores, il-Madejra, il-Gżejjer Kanarji, l-erba’ dipartimenti li jinsabu barra minn Franza) għandhom iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet speċifiċi mniżżla fit-Trattat: distanza, insularità, superfiċje żgħira, art u temp diffiċli, dipendenza ekonomika rigward numru żgħir ta’ prodotti.

[3] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2005 dwar sħubija msaħħa għall-ORs - A60246/2005. ĠUKE C 227 E / 110 tal-21.09.2006, p. 110.

[4] SEG(2007) 1112.

[5] Deskrizzjoni eżawrenti tar-rapport ta’ l-istrateġija ta’ l-2004 – atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi – jidhru fid-dokument ta’ ħidma mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni.

[6] Ara l-pġ 20 tad-dokument ta’ ħidma msemmi hawn fuq.

[7] http://ec.europa.eu/regional_policy/cooperation/interregional/ecochange/index_en.cfm

[8] L-Artikolu 45 tar-Regolament 1083/2006.

[9] F’dan il-kuntest, jeħtieġ li jitqiesu l-esperjenzi ta’ l-imgħoddi b'mod partikolari fuq livell ta' l-Istrateġiji ta' innovazzjoni reġjonali u ta' l-Inizjattivi reġjonali dwar is-soċjetà ta' l-informazzjoni (1994-1999) u tal-programmi reġjonali ta’ l-azzjonijiet innovattivi (PRAI, 2000 – 2006) kofinanzjati mill-ERDF. Dawn il-programmi għalhekk ippermettew lill-sitt ORs li jesperjenzaw ideat u approċċi ġodda addattati għas-sitwazzjonijiet rispettivi tagħhom, maħluqa u implimentati fi sħubija mal-parteċipanti reġjonali ewlenin.

[10] Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u tat-tagħlim tul il-ħajja. ĠU L327, ta’ l-24.11.2006, p. 45.

[11] Għal dak li għandu x;jaqsam mas-sehem ta’ l-ORs, l-applikazzjoni tal-ħtiġijiet minimi tal-mobbiltà meħtoeġa għall-aċċess għas-sotto - programmi settorjali, pereżempju Comenius jew Grundvig, hi aktar flessibbli milli għar-reġjuni l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea.

[12] See List of OCTs in Annex II of EC Treaty.

[13] L-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ĠU L378, tas-27.12.2006, p. 41.

[14] Websajt tan-netwerk redCLARA : www.redclara.net.

[15] L-Artikolu 18(3) tar-Regolament DCECI.

[16] Huma biss l-ORs fiż-Żona Schengen (Azores, il-Madejra u l-Gżejjer Kanarji) li jistgħu jibbenefikaw mill-Fondi ta’ l-Aġenzija FRONTEX għat-tmexxija tal-fruntieri esterni, għall-operazzjoni biex imorru lura, għall-integrazzjoni u l-għajnuna teknika.

[17] Mingħajr ħsara għar-riżultat tar-reviżjoni tal-Baġit ta’ l-UE.

[18] Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropea tat-8 u d-9 ta’ Marzu 2007, u Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija politika annwali għall-2008 KUMM(2007) 65.

[19] Fl-Azores, 35% tal-konsum ta’ l-enerġija lokali hi pprovduta mill-enerġiji li jiġġeddu.

[20] Il-proġett “El Hierro jiġġedded” għandu l-għan jikseb awtosuffiċjenza enerġetika tal-ġżira permezz ta’ l-enerġiji li jiġġeddu.

[21] Il-gvern Spanjol iiddikjara 4571 migranti irregolari bil-baħar fl-2005 fil-Kanarji, u 31,245 fl-2006.

[22] Green Paper “Lejn Politika Marittima futura għall-Unjoni viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra” KUMM(2006) 275.

[23] Il-Parlament Ewropew u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill rigward l-implimentazzjoni tat-Tmexxija Integrata taż-Żona tal-Kosta tat-30.05.02, ĠUKE L 148/24; ii) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Rapport tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill: valutazzjoni tat-Tmexxija Integrata taż-Żona tal-Kaorta fl-Ewropea, KUMM(2007) 308, 07.06.07

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet