52007DC0279


Titolu u referenza

White paper dwar - Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità {SEG(2007) 706} {SEG(2007) 707}

/* KUMM/2007/0279 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.5.2007

KUMM(2007) 279 finali

WHITE PAPER DWAR

Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità

{SEG(2007) 706}{SEG(2007) 707}

WHITE PAPER DWAR

Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità

1. DAħLA

L-għan ta' din il- White Paper huwa li jiġi stabbilit approċċ integrat ta' l-UE li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tan-nuqqas ta' saħħa minħabba nutriment ħażin, piż żejjed u obeżità. Il- Paper tkompli tibni fuq l-inizjattivi reċenti mwettqa mill-Kummissjoni b'mod partikolari l-Pjattaforma ta' l-UE għal Azzjoni dwar id-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa[1] u l- Green Paper " Il-promozzjoni ta' dieta sana u l-attività fiżika: dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-piż żejjed, l-obeżità u l-mard kroniku" [2].

F'dawn l-aħħar tletin sena l-livelli ta' obeżità u piż żejjed[3] fil-popolazzjoni ta' l-UE għolew b'mod drammatiku, partikolarment fost it-tfal, fejn il-prevalenza stmata ta' piż żejjed kienet ta' 30% fl-2006. Dan huwa sinjal ta' tendenza ta' dieta ħażina li sejra għall-agħar u livelli baxxi ta' attività fiżika fost il-popolazzjoni kollha ta' l-UE u li wieħed jistenna li tgħolli l-livelli ta' għadd ta' kondizzjonijiet kroniċi fil-ġejjieni, bħal pereżempju mard kardjovaskolari, pressjoni għolja, id-dijabete tat-tip 2, puplesija, ċerti tipi ta' kankru, mard muskolu-skeletali kif ukoll firxa ta' kondizzjonijiet ta' nuqqas ta' saħħa mentali. Fuq medda twila ta' żmien, dan se jwassal għal impatt negattiv fuq it-tul ta' ħajja mistenni fl-UE u nuqqas fil-kwalità ta' ħajja għal bosta nies.

Kien hemm sejħiet ripetuti mill-Kunsill[4] biex il-Kummissjoni tiżviluppa azzjonijiet fil-qasam tan-nutriment u l-attività fiżika, inklużi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-obeżità, il-promozzjoni tas-saħħa tal-qalb u d-dijabete.

Il-konsultazzjoni dwar il- Green Paper kellha kunsens wiesa' ħafna dwar il-fehma li l-Komunità għandha tikkontribwixxi billi taħdem b'medda ta' partijiet interessati differenti fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali[5]. Dawk li wieġbu enfażizzaw il-ħtieġa għal konsistenza u l-koerenza fil-politika tal-Komunità u l-importanza ta' approċċ f'ħafna oqsma. Enfażizzaw is-siwi li l-UE tikkoordina l-azzjonijiet, bħal pereżempju l-ġbir u t-tixrid tal-prassi tajba, kif ukoll il-ħtieġa li l-UE tiżviluppa pjan ta' azzjoni u messaġġ qawwi lill-partijiet interessati. Wara l- Green Paper kien hemm riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew " Il-Promozzjoni ta' dieta sana u l-attività fiżika: dimensjoni Ewropea għall-prevenzjoni tal-piż żejjed, l-obeżità u l-mard kroniku" li saħħet dawn il-messaġġi.

Kull azzjoni pubblika f'dan il-qasam, inklużi dawk li jistgħu jittieħdu fuq livell tal-Komunità, għandha tqis tliet fatturi: L-ewwel nett, l-individwu fl-aħħar mill-aħħar huwa responsabbli mit-tfassil ta' ħajtu, u ta' wliedu, filwaqt li tingħaraf l-importanza u l-influwenza ta' l-ambjent fuq għemilu. It-tieni, konsumatur infurmat jista' jagħmel deċiżjonijiet razzjonali. Fl-aħħar nett, reazzjoni mill-aqwa f'dan il-qasam tinkiseb billi jinġiebu 'l quddiem kemm il-komplimentarjetà kif ukoll l-integrazzjoni ta' l-oqsma differenti u rilevanti ta' politika (approċċ mimdud), u tal-livelli differenti ta' azzjoni (approċċ wieqaf).

F'bosta oqsma l-livelli ewlenin għal azzjoni huma jew nazzjonali jew reġjonali. L-azzjoni pubblika ta' l-UE f'dawn l-oqsma se timmira jew lejn li tikkomplementa u ttejjeb l-azzjonijiet meħuda f'livelli oħra ta' deċiżjoni kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali jew lejn li tindirizza kwistjonijiet li per se huma parti mill-politika tal-Komunità. Tabilħaqq, bosta azzjonijiet huma marbuta direttament mat-tħaddim tas-suq intern (bħal pereżempju r-rekwiżiti ta' ttikkettjar, awtorizzazzjonijiet ta' stqarrijiet ta' saħħa u proċeduri ta' kontroll fuq l-ikel) filwaqt li oħrajn jiffurmaw parti minn oqfsa aktar speċifiċi bħal pereżempju il-Politika Agrikola Komuni (permezz tas-CMO għall-frott u l-ħaxix), l-inizjattivi tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni, il-politika reġjonali (fondi strutturali) u fl-aħħar nett iżda mhux l-anqas il-politika awdjo-viżiva u tal-midja. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa wkoll kritiku fil-ġbir flimkien ta' inizjattivi interessanti lokali jew nazzjonali u fit-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' skambju ta' l-aħjar prassi pan-Ewropej.

Barra minn hekk, minħabba n-natura globali li dejjem tiżdied tal-biċċa 'l kbira tas-setturi ta' l-industrija fl-oqsma ta' l-ikel u n-nutriment, u sabiex ma jkunx hemm żieda addizzjonali fil-piż amministrattiv li jkun ġej minn regoli nazzjonali differenti u x'aktarx diverġenti kif ukoll sabiex jingħata stimolu lill-kompetittività f'qasam ġdid innovattiv ibbażat fuq ir-riċerka, sett wieħed ta' azzjonijiet ikkoordinati fil-livell ta' l-UE jitqies bħala preferibbli, mill-operaturi ekonomiċi kkonċernati, minflok bosta azzjonijiet individwali fil-livell ta' l-Istati Membri.

2. PRINċIPJI GħALL-AZZJONI

Is-soluzzjoni ta' din il-kwistjoni importanti ta' saħħa pubblika tinvolvi l-integrazzjoni ta' l-istrateġiji politiċi fil-kategoriji kollha; mill-ikel u l-konsumatur, għall-isport, l-edukazzjoni u t-trasport. L-obeżità għandha prevalenza ogħla fost nies li jinsabu fi gruppi soċjo-ekonomiċi aktar baxxi u dan juri l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari lid-dimensjoni soċjali tal-kwistjoni. Hemm erba' aspetti fondamentali fl-azzjonijiet deskritti f'dan id-dokument.

Dawn l-azzjonijiet iridu jitwettqu fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjoni, minn dak lokali għal dak tal-Komunità. F'dak li għandu x'jaqsam ma' l-azzjoni tal-Komunità, l-azzjonijiet għandhom jiġu proposti jew permezz ta' l-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji politiċi u attivitajiet kollha rilevanti tal-Komunità jew għandhom jikkomplimentaw strateġiji politiċi nazzjonali meta dan jinstab xieraq, kif previst fl-Artikolu 152 tat-Trattat KE.

L-ewwel nett, l-azzjonijiet għandu jkollhom il-mira li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tar-riskji marbuta mas-saħħa. B'dan il-mod, l-azzjonijiet imfassla fl-istrateġija għandhom jikkontribwixxu biex jitnaqqsu r-riskji kollha marbuta ma' dieta ħażina u attività fiżika limitata inkluża dik, iżda mhux biss dik, marbuta mal-piż żejjed.

It-tieni, l-azzjonijiet deskritti huma ntiżi biex jaħdmu ma' l-oqsma kollha ta' politika tal-gvern u f'livelli differenti bl-użu ta' medda ta' strumenti nklużi l-leġiżlazzjoni, in-netwerking, l-approċċi pubbliċi-privati, u biex jinvolvu s-settur privat u s-soċjetà ċivili.

It-tielet, f'isem l-effiċjenza, l-istrateġija teħtieġ azzjoni minn firxa wiesgħa ta' aġenti privati, bħal pereżempju l-industrija ta' l-ikel u s-soċjetà ċivili, u aġenti fuq livell lokali, bħall-iskejjel u organizzazzjonijiet tal-komunità.

Fl-aħħar nett, u x'aktarx l-aktar importanti, il-monitoraġġ se jkun essenzjali tul is-snin li ġejjin. L-għadd ta' attivitajiet intiżi għal dieta u attività fiżika aħjar huma diġa estensivi u qed jikbru minn sena għal sena. Ta' sikwit isir ftit monitoraġġ jew ftit li xejn, bir-riżultat li l-evalwazzjoni ta' dak li qed jaħdem sew jew jekk l-azzjonijiet jeħtiġux li jiġu rfinuti jew mibdula mill-fond hija limitata.

3. APPROċċ BI SħUBIJA

Il-Kummissjoni tqis li l-iżvilupp ta' sħubiji effettivi jrid ikun is-sies tar-reazzjoni ta' l-Ewropa biex jiġu solvuti l-problemi ta' nutriment, piż żejjed u obeżità u l-problemi l-oħra marbuta mas-saħħa.

L-iżvilupp ta' sħubiji għal azzjoni fuq livell Ewropew

Il-pjattaforma ta' l-UE għal Azzjoni dwar Dieta, Attività Fiżika u Saħħa bdiet topera f'Marzu 2005 biex "tipprovdi forum komuni għal dawk kollha interessati fuq livell Ewropew"[6].

Il-forum għandu l-għan li jwaqqaf azzjonijiet volontarji biex tkun miġġielda l-obeżità b' kumplimentarjetà u appoġġ għal approċċi oħra. Fost il-membri hemm għaqdiet li jirrappreżentaw l-industrija, għaqdiet għar-riċerka u s-soċjetà ċivili fl-oqsma tas-saħħa pubblika u tal-konsumaturi. Fi ħdan l-oqsma ta' ħidma tagħhom, il-Membri hadu l-impenn li jieħdu passi li jistgħu jnaqqsu l-obeżità. F'Marzu 2007, il-Pjattaforma ppubblikat l-aħħar rapport tagħha ta' monitoraġġ dwar dak li kisbet sa dakinhar[7].

Il-Kummissjoni beħsiebha twettaq u tiżviluppa l-attivitajiet tal-Pjattaforma bħala għodda ewlenija fl-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija. F'temp ta' sentejn il-Membri niedu aktar minn 200 inizjattiva dwar dieta u attività fiżika fl-UE. Barra minn hekk, sar progress lejn l-għan miftiehem ta' sistema ċara u ta' min jorbot fuqha ta' monitoraġġ ta' l-impenji u approċċ miftiehem biex jiġu żviluppati l-għeruq lokali għall-azzjonijiet (il-parteċipazzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u tal-komunità).

It-tisħiħ tan-netwerks lokali għal azzjoni

Riżultati konkreti jistgħu jinkisbu biss permezz ta' sħubija sħiħa u bil-kontribut tal-partijiet interessati tal-post. Bħala parti minn dan, u sabiex jiġi żviluppat approċċ komuni, u biex l-għan ikun ta' kullħadd, se jkun importanti li jiġi żviluppat qafas ta' azzjoni, u fora xierqa li jistgħu jorbtu l-aġenti fil-livelli kollha. Il-Pjattaforma ta' l-UE hija mudell li jista' jiġi imitat bħala wieħed xieraq fuq livell lokali.

Bħala prinċipju ġenerali, il-Kummissjoni temmen li fora bħal dawn għandhom ikunu kkaratterizzati minn involviment wiesa' mill-partijiet interessati u b'rwol ta' koordinazzjoni mill-gvern biex jiġi żgurat li l-azzjonijiet jaqgħu fi ħdan qafas ta' saħħa pubblika. Il-Kummissjoni fasslet aktar pjanijiet dwar dan is-suġġett f'dokument ta' sfond, "L-idea ta' sħubija, ġeneralizzata"[8].

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-involviment tas-settur tal-mezzi tax-xandir sabiex jiżviluppaw messaġġi u kampanji komuni.

Il-Pjattaforma rnexxilha trawwem l-azzjoni mill-partijiet interessati minn firxa ta' setturi; għaldaqstant, sabiex il-kollegament mal-gvernijiet jitjieb u bħala skambju effettiv ta' prassi, il-Kummissjoni se twaqqaf Grupp ta' Livell Għoli li jiffoka fuq kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-nutriment u l-attività fiżika. L-objettiv tal-Grupp ikun li jiżgura li l-iskambju ta' ideat ta' politika u prassi bejn l-Istati Membri jseħħ billi kullħadd iżomm quddiem għajnejh l-istrateġiji kollha tal-gvernijiet. Il-kollegament mal-Pjattaforma ta' l-UE jwassal għal komunikazzjoni rapida bejn is-setturi filwaqt li jinkoraġġixxi skambju u twettiq ta' approċċi ta' sħubija pubblika-privata. In-netwerk preżenti dwar in-Nutriment u l-Attività Fiżika jkattar ir-rwol tiegħu ta' appoġġ u jiffaċilita l-ħidma tal-Grupp.

4. IL-KOERENZA TAL-POLITIKA FUQ LIVELL TAL-KOMUNITÀ

Din il- White Paper tiffoka fuq azzjonijiet li jistgħu jittieħdu fuq livell ta' l-UE biex isir titjib fil-kwistjonijiet marbuta mas-saħħa u n-nutriment. Għaldaqstant, hija tiffoka fuq azzjonijiet li jew jinsabu fi ħdan il-kompetenza tal-Komunità, bħal pereżempju l-leġiżlazzjoni jew l-iffinanzjar ta' programmi rilevanti, jew li għalihom hemm valur miżjud minn xi dimensjoni Ewropea, bħal pereżempju fil-faċilitazzjoni ta' djalogu mal-partijiet interessati ta' l-industrija ta' l-ikel globali, jew fl-iżvilupp ta' indikaturi ta' tqabbil għall-monitoraġġ fl-Istati Membri kollha.

Konsumaturi infurmati aħjar

L-għarfien, il-preferenzi u l-għemil ta' individwu, pereżempju fejn għandu x'jaqsam l-istil ta' ħajja u dak li jiekol, jieħdu l-għamla tagħhom skond l-ambjent ta' madwaru. Dan jikkonċerna, minn naħa, l-aċċess għal tagħrif ċar, konsistenti u msejjes fuq l-evidenza meta jiġi għal deċiżjoni dwar liema ikel jixtri u, min-naħa l-oħra, ambjent ta' tagħrif usa' li jieħu l-għamla minn fatturi kulturali, bħar-reklamar u mezzi oħra.

Il-Kummissjoni qed taħdem biex tiżviluppa ż-żewġ oqsma. L-ittikkettjar dwar in-nutriment huwa mod wieħed kif it-tagħrif jista' jgħaddi għand il-konsumatur u jintuża bħala għajnuna fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar is-saħħa f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri ta' l-ikel u x-xorb. Il-Kummissjoni bħalissa qiegħda twettaq reviżjoni tal-leġilazzjoni dwar it-tikketti dwar in-nutriment bil-ħsieb li tipproponi lill-Parlament u lill-Kunsill li dan jissaħħaħ bħala kanal ta' tagħrif lill-konsumaturi. Wara konsultazzjoni dwar it-tikketti fir-rebbiegħa ta' l-2006[9], il-Kummissjoni qiegħda tirrevedi l-għażliet għall-ittikkettjar dwar in-nutriment. Fost l-affarijiet li qed jiġu kkunsidrati nsibu jekk għandux jiġi introdott l-ittikkettjar obligatorju u n-numru ta’ nutrienti li jridu jiġu inklużi fuq it-tiketta, u r-regolament dwar l-ittekkettjar fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett (jiġifieri ttikkettjar jew twaħħil ta’ tabelli ssemplifikati).

Aspett ieħor huwa r-regolamentazzjoni dwar id-dikjarazzjonijiet li l-produtturi jagħmlu dwar il-prodotti tagħhom. Ir-Regolament Nru 1924/2006, dwar id-dikjarazzjonijiet dwar in-nutriment u s-saħħa li jsiru dwar l-ikel, daħal fis-seħħ f’Jannar 2007. Wieħed mill-objettivi ewlenin huwa li jiġi żgurat li l-istqarrijiet dwar in-nutriment u s-saħħa dwar l-ikel ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika ta’ min javdaha, biex il-kunsumaturi ma jkunux imqarrqa minn dikjarazzjonijiet mhux eżatti jew mhux ċari.

Ir-reklami u l-kummerċjalizzazzjoni huma setturi qawwija li għandhom l-għan li jinfluwenzaw il-konsumatur. Hemm evidenza li r-reklami u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ l-ikel jinfluwenzaw id-dieta, u b’mod partikolari fit-tfal. Bejn Ottubru ta’ l-2005 u Marzu ta’ l-2006 il-Kummissjoni mexxiet Konferenza dwar ir-Rreklamar biex issir taf dwar l-approċċi awto-regolatorji u l-mod kif il-liġi u l-awtoregolamentazzjoni jistgħu jinteraġixxu u jikkomplementaw lil xulxin. Għaldaqstant, tfassal mudell ta’ l-aqwa prassi (jew standards ta’ governanza) għall-awtoregolamentazzjoni fir-rapport tal-Konferenza[10]. Dawn l-istandards għandhom japplikaw għall-qasam speċifiku tar-reklamar ta’ ikel għat-tfal. B’dan il-mod, l-isforzi volontarji għandhom jikkomplementaw l-approċċi preżenti u differenti li ttieħdu mill-Istati Membri, bħall-kodiċi PAOS ta’ Spanja u l-inizjattiva reċenti ta’ l- Office of Communication fir-Renju Unit. F’dan il-kuntest it-talba tal-Parlament Ewropew dwar l-introduzzjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta għar-reklamar ta’ ikel li fih ħafna xaħam jew zokkor intiż għat-tfal li saret matul taħdita dwar modifika fid-Direttiva "Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi" (SMAV)[11] jeħtieġ li tkun enfażizzata. Id-Direttiva l-ġdida SMAV tipprevedi li dawk li jipprovdu s-servizz tal-midja għandhom jiġu mħeġġa mill-Istati Membri, u mill-Kummissjoni, biex jiżviluppaw kodiċi ta' kondotta fir-rigward tal-komunikazzjoni kummerċjali dwar l-ikel u x-xorb intiżi għat-tfal. Il-preferenza tal-Kummissjoni, f’dan l-istadju, hija li jinżamm l-approċċ volontarju preżenti fuq livell ta’ l-UE minħabba l-fatt li potenzjalment tista’ ssir azzjoni malajr u b’mod effettiv sabiex ir-rati ta’ obeżità u piż żejjed jonqsu. Il-Kummissjoni se tevalwa dan l-approċċ u l-miżuri varji meħuda mill-industrija fl-2010 u tiddeċiedi jekk hemmx ħtieġa ta’ approċċi oħra.

F'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti, il-Kummissjoni se tiżviluppa u tappoġġja kampanji speċifiċi ta' informazzjoni u edukazzjoni biex tqajjem għarfien dwar il-problemi ta' saħħa marbuta man-nutriment ħażin, il-piż żejjed u l-obeżità. Dawn il-kampanji se jkun indirizzati b'mod partikolari lill-gruppi vulnerabbli, bħat-tfal.

L-għażla sana għandha tkun hemm ukoll

Għażla sana tfisser li tiżgura l-eżistenza ta’ għażliet sani għall-konsumatur. Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) għandha rwol importanti fil-produzzjoni u l-provvista ta’ l-ikel fl-Ewropa. Minħabba f’hekk, bl-iżgurar tad-disponibilità ta' l-ikel li jieklu l-Ewropej, jista' jkollha wkoll rwol biex tgħin tfassal id-dieta Ewropea u tikkumbatti l-obeżità u l-piż żejjed. Fi ħdan il-PAK, il-Kummissjoni għandha l-impenn li ġġib 'il quddiem l-objettivi ta’ saħħa pubblika, u l-aktar eżempju reċenti ta’ dan hija r-riforma ta’ l-Organizzazzjoni tas-Suq Komuni (OSK) għall-frott u l-ħaxix li l-għan tagħha huwa li jiġi promoss il-konsum fi ħdan ambjenti speċifiċi, bħal pereżempju l-iskejjel.

Pereżempju, bħala parti mir-riforma ta’ l-OSK għall-frott u l-ħaxix, il-Kummissjoni se ġġib 'il quddiem il-konsum ta’ frott u ħaxix fit-tfal fil-proposti tagħha biex il-produzzjoni żejda titqassam f’istituzzjonijiet edukattivi u ċentri ta’ vakanza għat-tfal. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li żżid il-ko-finanzjament ta’ l-UE għal 60% għall-proġetti ta’ promozzjoni intiżi għall-konsumaturi li għadhom żgħar (tfal taħt it-18-il sena). Organizzazzjonijiet produtturi se jiffukaw fuq il-konsumaturi ta’ età żgħira f’kampanji kurrenti ta’ promozzjoni ffinanzjati mill-UE. Fl-istess kuntest aspett ieħor importanti li għandu jitqies huwa kif tiżgura li l-frott u l-ħaxix jiqba’ bi prezz baxx jew jorħos sabiex jitħeġġeġ il-konsum tiegħu speċjalment fost iż-żgħażagħ. Skema tal-frott għall-iskejjel ikkofinanzjata mill-Unjoni Ewropea tkun pass kbir 'il quddiem fid-direzzjoni ġusta. Skema ta' dan it-tip għandha tkun intiża għat-tfal bejn l-4 u it-12-il sena u se tkun parti mir-riforma tas-CMO għall-frott u l-ħaxix.

Hemm interess li dejjem qiegħed jikber fil-kompożizzjoni ta’ l-ikel mmanifatturat u r-rwol li r-riformulazzjoni jista’ jkollha biex id-dieta tkun aktar sana. L-industrija ħadet diġa passi importanti iżda dawn mhux dejjem kienu uniformi fil-medda tal-prodotti u ma’ l-Istati Membri. Xi Stati Membri qiegħdin iħeġġu r-riformulazzjoni ta’ l-ikel, pereżempju f’dak li huwa livelli ta’ xaħam, xaħmijiet saturati u trans xaħmijiet, melħ u zokkor. Skond stħarriġ tas-CIAA[12] fl-2006 li twettaq fl-UE, waħda minn kull tliet kumpaniji stqarret li rriformulat ta’ l-inqas 50% tal-prodotti tagħha fl-2005 u l-2006. Din ir-riformulazzjoni seħħet f’varjetà kbira ta’ prodotti ta’ l-ikel, fosthom ċereali ta’ l-ewwel kolazzjon, minerali għax-xorb, gallettini, prodotti tad-dulċiera, prodotti tal-ħalib, zlazi, sopop, kondimenti, żjut, snacks , u prodotti ta’ l-ikel b’ħafna zokkor.

Il-Kummissjoni tipproponi li tibda studju fl-2008 biex titkixxef dwar il-potenzjal għar-riformulazzjoni tal-prodotti ta’ l-ikel sabiex jitnaqqsu l-livelli ta’ dawn in-nutrijenti minħabba r-rwol li għandhom fl-iżvilupp ta’ mard kroniku. Dan se jinkludi valutazzjoni ta’ l-azzjonijiet meħuda s’issa permezz ta’ miżuri kemm regolatorji kif ukoll volontarji, sabiex tipprovdi linja ta’ bażi għal stima tal-progress fil-ġejjieni.

Il-Kummissjoni biħsiebha tiffaċilita, f’kuntest ta’ sħubija, it-tnedija tal-kampanji ta’ riformulazzjoni tal-melħ ibbażati fuq l-evidenza ċara ta’ l-effikaċja tagħhom, kif ukoll kampanji ntiżi biex jitjieb il-kontenut nutrijenti ta’ l-ikel immanifatturat fl-UE b’mod aktar ġenerali.

Ħeġġa għall-attività fiżika

L-attività fiżika tinkludi firxa ta’ attivitajiet bħall-isports organizzat sa "l-ivvjaġġar mid-dar għax-xogħol attiv”[13] jew attivitajiet fil-beraħ. Il-Kummissjoni temmen li l-Istati Membri jridu jieħdu passi pro-attivi biex jikkumbattu t-tnaqqis fil-livelli ta’ attività fiżika f’dawn l-aħħar għexiren ta’ snin li huwa r-riżultat ta’ għadd ta’ fatturi.

L-isforz ta’ dak li jkun li jsib modi biex iżid l-attività fiżika fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum għandu jitħeġġeġ bl-iżvilupp ta’ ambjent fiżiku u soċjali li jwassal għal attività bħal din.

Il-Kummissjoni Ewropea tagħti appoġġ ukoll għal azzjonijiet sostenibbli ta’ transport urban permezz tal-politika ta’ koeżjoni, CIVITAS u l-programm Ewropa Enerġija-Intelliġenti, li dieħel f’fażi ġdida fl-2007. Proġetti ta' mixi u l-użu tar-rota jitqiesu parti ewlenija ta' dan u l-applikazzjonijiet mill-awtoritajiet lokali huma mħeġġa. Il-Kummissjoni hija ħerqana li tiżgura li l-għotjiet preżenti għall-infrastruttura pubblika jiġu sfruttati fis-sħiħ għal skopijiet ta' stil ta' ħajja sana, bħal pereżempju l-ivvjaġġar mid-dar għax-xogħol attiv, u matul l-2007 se tippubblika "gwida urbana" biex l-awtoritajiet lokali jżidu l-għarfien dwar dawn l-opportunitajiet ta' finanzjament fis-setturi kollha.

Il-Kummissjoni Ewropea se tippubblika Green Paper dwar it-trasport urban fl-2007 u warajha se jkun hemm Pjan ta' Azzjoni fl-2008. Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tippubblika gwida dwar pjanijiet ta' trasport urban sostenibbli.

Il-Kummissjoni se tressaq ukoll White Paper dwar l-Isport intiża biex tagħmel proposti li jżidu r-rati ta' parteċipazzjoni fl-isport fl-UE u biex testendi l-moviment ta' l-isport biex jinkludi l-attività fiżika b'mod aktar ġenerali.

Gruppi ta' prijorità u ambjenti

L-evidenza turi li l-obeżità qed tiżdid b'mod drammatiku fost it-tfal Ewropej, u li taffettwa b'mod sproporzjonat dawk li jinsabu fi gruppi soċjo-ekonomiċi baxxi. Żewġ objettivi tal-politika ta' koeżjoni 2007-2013 ta' l-UE huma l-promozzjoni tal-kontribuzzjoni ta' l-ibliet għat-tkabbir u l-postijiet tax-xogħol u ż-żamma ta' forza tax-xogħol sana[14]. Għal programmi b'attenzjoni fuq żoni urbani, il-miżuri li għandhom l-għan li jkattru l-ispazji pubbliċi jistgħu jinkludu l-infrastruttura f'żoni soċjo-ekonomikament żvantaġġjati, u għalhekk jipprovdu postijiet attraenti għall-attività fiżika. Fl-istess waqt, il-prijoritajiet tal-programmi għal forza tax-xogħol li tkun f'saħħitha għandhom jgħinu biex "tonqos il-firda" f'dak li huwa infrastruttura u r-riskji għas-saħħa. L-azzjonijiet biex l-attività fiżika tiġi mħeġġa jistgħu jkollhom rwol vitali fil-prijoritajiet ta' programmi bħal dawn.

It-tfulija hija perjodu importanti biex tnaqqax preferenza favur drawwiet sani, u sabiex wieħed jitgħallem il-ħiliet meħtieġa biex iżomm stil ta' ħajja sana[15]. L-iskejjel għandhom rwol kruċjali f'dan ir-rigward. Din hija wkoll żona fejn diġa hemm evidenza soda dwar l-effikaċja ta' l-intervent: l-istudji juru li l-azzjonijiet li jiffukaw fuq il-lokal, li jkollhom medda wiesgħa u li jimmiraw lejn tfal bejn 0-12-il sena huma effettivi biex ibiddlu d-drawwiet fuq medda twila ta' żmien. Ix-xogħol għandu jiffoka fuq l-edukazzjoni dwar in-nutriment, u l-attività fiżika. L-edukazzjoni dwar is-saħħa u l-edukazzjoni fiżika huma fost it-temi ta' prijorità fil-Programm ta' Tagħlim tul il-Ħajja (2007-2013), u aktar b'mod speċifiku fis-subprogramm Comenius għall-edukazzjoni fl-iskejjel. Se jkun hemm għaliex wieħed iwettaq proġetti kemm ta' nutriment kif ukoll ta' attività fiżika b'enfasi fuq l-isport u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-iskejjel, l-istituzzjonijiet li jħarrġu l-għalliema, l-awtoritajiet lokali u nazzjonali u l-għaqdiet sportivi.

Fl-2007 il-Kummissjoni se tiffinanzja studju li jħares lejn l-obeżità u l-istat soċjo-ekonomiku bil-ħsieb li jitqiesu l-interventi l-aktar effettivi sabiex tinstab soluzzjoni għal dawk li jinsabu fil-gruppi soċjo-ekonomiċi l-aktar baxxi.

L-iżvilupp tal-bażi ta' evidenza f'appoġġ għat-tfassil ta' politika

Il-Kummissjoni biħsiebha tibni fuq is-sisien sodi stabbiliti minn oqfsa ta' riċerka preċedenti fil-qasam tan-nutriment, l-obeżità u l-mard ewlieni kkawżat minn stili ta' ħajja mhux sana bħall-kankru, id-dijabete u mard tan-nifs. Il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li ssir taf aktar dwar x'jiddetermina l-għażliet fl-ikel, u se tistabbilixxi, taħt is-Seba' Programm ta' Qafas, linji ewlenin ta' riċerka fid-drawwiet tal-konsumatur; l-impatt fuq is-saħħa ta' l-ikel u n-nutriment; stimoli biex tieqaf l-obeżità fi gruppi speċifiċi bħat-tfal iż-żgħar, tfal imfarfrin u adolexxenti, u li jwasslu lejn interventi effettivi ta' dieta. Il-programm se jindirizza wkoll id-determinanti tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa bħala parti mit-tema "L-ottimizzazzjoni tat-twassil tal-kura tas-saħħa liċ-ċittadini Ewropej".

Mill-2006 l-hawn l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-Ikel (AESI) għandha r-rwol ġdid li tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar in-Nutriment u d-Dikjarazzjonijiet dwar is-Saħħa. Il-mandat il-ġdid jinkludi pariri dwar profili ta' nutriment għal ikel li fuqu jkollu dikjarazzjonijiet ta' saħħa u l-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjoni xjentifika ta' dawn id-dikjarazzjonijiet. Eżempju ieħor tal-kontribut ta' l-AESI fil-qasam marbut man-nutriment huwa l-aġġornament tar-referenza ta' l-assorbiment ta' enerġija u nutriment tal-popolazzjoni Ewropea.

L-iżvilupp ta' sistemi ta' monitoraġġ

Hemm ftit armonizzazzjoni dwar kif tinġabar id- data nazzjonali dwar l-indikaturi ta' l-obeżità u l-piż żejjed u mhux faċli tagħmel tqabbil madwar l-UE. Barra minn hekk, hemm ftit data f'oqsma importanti bħall-konsum ta' l-ikel.

Il-Kummissjoni identifikat il-ħtieġa li ssaħħaħ il-monitoraġġ fuq tliet livelli ewlenin. L-ewwel nett, fuq il-livell makro biex tiżgura data konsistenti u paragunabbli dwar indikaturi tal-progress ġenerali – fi ħdan il-kuntest ta' l-Indikaturi tas-Saħħa tal-Komunità Ewropea (ISKE) – marbuta mad-dieta u l-attività fiżika bħal pereżempju l-prevalenza ta' l-obeżità. It-tieni, biex tidentifika sistematikament liema azzjonijiet qegħdin iseħħu fl-Istati Membri sabiex dawn jistgħu jkunu ssorveljati u evalwati għall-impatt. U t-tielet, fir-rigward ta' proġetti u programmi individwali minħabba r-rwol tagħhom ta' elementi ewlenin għal reazzjoni effettiva min-naħa tas-soċjetà.

B'appoġġ tal-monitoraġġ fuq il-livell makro, il-Kummissjoni Ewropea żviluppat Stħarriġ Intervista dwar is-Saħħa Ewropea (SISE) li se tibda topera fl-2007 u permezz tas-Sistema Ewropea ta' l-Istatistika (SES) tistabbilixxi approċċ armonizzat fil-ġbir regolari ta' statistika dwar il-piż u t-tul, l-attività fiżika u l-frekwenza ta' konsum ta' frott u ħxejjex li jitniżżlu mill-intervistat innifsu. Sa l-2010, il-Kummissjoni biħsiebha tistabbilixxi Stħarriġ Eżami dwar is-Saħħa Ewropea (SESE) biex tikseb tagħrif oġġettiv dwar firxa ta' miżuri ta' nutriment fosthom il-BMI, il-kolesterol u l-pressjoni għolja fuq grupp ta' nies magħżul b'mod każwali. L-EUROSTAT qiegħed ukoll jibni l-ewwel sett ta' indikaturi dwar il-konsum ta' l-ikel sabiex jissorvelja mudelli u tendenzi ta' nutriment. L-enfasi ta' dawn l-attivitajiet fi ħdan l-SES hija fuq l-iżvilupp ta' data ta' kwalità u indikaturi fuq l-istat tas-saħħa (inkluża l-obeżità) kif ukoll fuq l-istil ta' ħajja (inklużi n-nutriment u l-attività fiżika).

L-għanijiet ewlenin huma li tiġi ddeterminata l-firxa ta' strateġiji u azzjonijiet stabbiliti fi ħdan l-Istati Membri, kif ukoll it-tisħiħ tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' l-impatt tagħhom. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti l-appoġġ tagħha għall-ħidma ta' monitoraġġ permezz tal-proġetti taħt il-Programm ta' Saħħa Pubblika, li jgħinu l-azzjonijiet ta' netwerking u skambju ta' tagħrif fil-qasam tal-prassi tajba fin-nutriment u l-attività fiżika, u l-prevenzjoni ta' l-obeżità.

5. IL-LIVELL TA' L-ISTATI MEMBRI

Il-Kummissjoni waqqfet medda komprensiva ta' azzjonijiet fi ħdan il-kompetenza tagħha biex jitmexxew mas-setturi ta' politika. Kif diġa ntqal, iżda, bosta azzjonijiet min-naħa ta' l-Istati Membri jridu jkollhom attenzjoni primarja u huma essenzjali biex ikunu indirizzati in-nutriment, il-piż żejjed u kwistjonijiet marbuta ma' l-obeżità. Il-medda komprensiva ta' azzjonijiet tal-Kummissjoni fi ħdan il-kompetenza tagħha, li jridu jitwettqu mas-setturi kollha ta' strateġija politika, taqdi l-iskop ta' sostenn jew tkomplija ta' l-azzjonijiet mill-Istati Membri. Id-differenza fid-dieta tul l-Istati Membri, u d-differenza fl-approċċi ta' strateġija politika, hija importanti. Barra minn hekk huwa essenzjali li l-azzjoni jibqgħu jiġu żviluppati fil-livelli reġjonali u lokali peress li dawn huma eqreb lejn iċ-ċittadini ta' l-UE. L-interventi f'dawn il-livelli huma ta' ħajja u mewt għal approċċi maqtugħa tal-qis u oħrajn ġenerali li jkunu ġew ivvalidati għal kuntesti speċifiċi lokali. Dawn l-azzjonijiet jeħtieġu wkoll li jkunu sorveljati, evalwati u diskussi. Il-Kummissjoni se tiġbor u flimkien mal-Grupp ta' Livell Għoli tevalwa dawn l-azzjonijiet nazzjonali u reġjonali u tagħmel din l-informazzjoni aċċessibbli mill-web-site tagħha[16]. Il-Kummissjoni biħsiebha tuża il-Grupp ta' Livell Għoli li diġa ssemma biex iġġib 'il quddiem it-tixrid ta' l-aħjar prassi kif ukoll tipprovdi kull appoġġ li jista' jitqies xieraq fuq il-livell tal-Komunità.

L-Istati Membri għandhom ukoll rwol attiv fl-iżvilupp ta' sħubiji għal azzjonijiet lokali li jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-inizjattivi volontarji bħal pereżempju l-iżvilupp ta' reklamar responsabbli.

6. DAK LI JISTGħU JAGħMLU L-AġENTI PRIVATI

L-aġenti privati għandhom rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' l-għażla sana għall-konsumaturi u biex jgħinuhom jagħmlu deċiżjonijiet ta' stil ta' ħajja sana: l-azzjonijiet tagħhom f'dan il-qasam jistgħu jikkomplimentaw il-politika tal-gvern u l-inizjattivi leġiżlattivi fil-livell nazzjonali u Ewropew. Fejn l-aġenti privati jaħdmu fi Stati Membri differenti, kif inhu l-każ ta' l-industriji l-kbar, qasam aktar wiesa' ta' azzjoni jkun li jiżviluppaw approċċ komuni u konsistenti mal-konsumaturi fl-UE kollha.

L-għażla sana ssir disponibbli u għall-but ta' kulħadd: L-industrija ta' l-ikel (mill-produtturi sal-bejjiegħa bl-imnut) tista' twettaq titjib li jidher f'oqsma bħal pereżempju r-riformulazzjoni ta' l-ikel f'dak li huwa melħ, xaħmijiet, b'mod partikolari xaħmijiet saturati u xaħmijiet trans, u zokkor għall-konsumaturi ma' l-UE u jikkunsidraw modi kif iġibu 'l quddiem l-aċċettazzjoni tal-konsumatur tal-prodotti fformulati mill-ġdid. Hemm ukoll evidenza li l-prassi tajba ta' dawk li jbiegħu bl-imnut fl-Istati Membri u l-promozzjoni ta' prodotti sani bħall-frott u l-ħaxix bi prezzijiet baxxi fuq bażi regolari wasslu għal impatt pożittiv fuq id-dieta.

Il-konsumatur jibqa' infurmat: Il-bejjiegħa bl-imnut u l-kumpaniji ta' l-ikel jistgħu jikkontribwixxu b'mod sħiħ fl-inizjattivi volontarji li bħalissa hemm fuq livell nazzjonali.

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex iġġib 'il quddiem regoli aħjar għall-irreklamar u l-kummerċjalizzazzjoni, billi ta' l-inqas tkun konformi mal-kriterji ta' tqabbil ta' l-Alleanza tal-Livelli ta' Reklamar Ewropej (ALRE), fl-Istati Membri kollha. F'dan ir-rigward, hemm dispożizzjonijiet ġodda fid-Direttiva SMAV, li jipprevedu li l-Istati Membri se jħeġġu reġimi ko- u awto-regolatorji fuq livell nazzjonali li jkunu aċċettabbli għall-partijiet interessati.

Il-Kummissjoni tilqa' aktar inizjattivi minn kumpaniji ewlenin biex tikseb dan l-objettiv.

L-awtoregolamentazzjoni tajba sserraħ fuq sistemi stabbiliti ta' monitoraġġ ta' l-iżvilupp ta' kodiċijiet miftehma u l-konformità magħhom. Bħalissa, il-kapaċità li dan jitwettaq tvarja ma' l-UE kollha. Għalhekk hemm il-ħtieġa fi ħdan l-Istati Membri li jissaħħu s-sistemi ta' awto-regolamentazzjoni u li jiġu mmirati lejn il-mudell ta' l-aqwa prassi tal-Kummissjoni. Il-Pjattaforma għandha rwol bħala forum ta' monitoraġġ ta' livell għoli ta' l-approċċ fuq livell nazzjonali u sub-nazzjonali, mill-produtturi ta' l-ikel sal-bejjiegħa bl-imnut u s-settur tal-komunikazzjoni kummerċjali.

It-tħeġġiġ ta' l-attività fiżika : (1) L-għaqdiet sportivi jistgħu jaħdmu flimkien ma' gruppi tas-saħħa pubblika biex jiżviluppaw kampanji ta' reklamar u kummerċjalizzazzjoni ma' l-Ewropa kollha li jġibu 'l quddiem l-attività fiżika b'mod partikolari fost nies fil-mira, bħaż-żgħażagħ, jew dawk li qiegħdin fi gruppi soċjo-ekonomiċi baxxi. Il- White Paper fil-futur qrib dwar l-Isport se tfassal rwol għal netwerks bħal dawn. (2) L-aġenti lokali u reġjonali għandhom jingħaqdu b'mod pro-attiv mal-gvernijiet lokali biex iqisu objettivi ta' saħħa pubblika fid-disinn ta' bini, spazji urbani bħal żoni tal-logħob għat-tfal, u ta' sistemi ta' trasport.

Gruppi ta' prijorità u ambjenti : L-iskejjel jerfgħu responsabbiltà kbira fl-iżgurar li t-tfal mhux biss jifhmu l-importanza ta' nutriment tajjeb u ta' l-eżerċizzju iżda li jkunu jistgħu attwalment jibbenefikaw mit-tnejn. Jistgħu jiġu mgħejjuna f'dan permezz ta' sħubiji xierqa mal-partijiet privati, inkluża l-komunità kummerċjali. L-iskejjel għandhom ikunu ambjenti protetti, u dawn l-isħubiji għandhom jitwettqu b'mod trasparenti u non-kummerċjali.

L-ambjent tan-negozju jista' wkoll jagħti l-appoġġ tiegħu fl-iżvilupp ta' stili ta' ħajja sana fil-post tax-xogħol. Flimkien ma' l-għaqdiet ta' l-impjegati, għandhom jiżviluppaw ukoll proposti/linjigwida għal modi kif il-kumpaniji ta' daqs differenti jistgħu jintroduċu miżuri sempliċi u ta' nfiq biex iġibu 'l quddiem stil ta' ħajja sana għall-impjegati.

L-istituzzjonijiet kliniċi professjonali Ewropej u nazzjonali għandhom jiżviluppaw proposti biex jissaħħaħ it-taħriġ ta' professjonisti tas-saħħa f'dak li għandu x'jaqsam man-nutriment u l-fatturi ta' riskju marbuta ma' l-attività fiżika għal problemi ta' saħħa (bħall-piż żejjed u l-obeżità, il-pressjoni, l-attività fiżika), b'enfażi partikolari fuq l-approċċ preventiv u r-rwol li għandhom il-fatturi ta' stil ta' ħajja.

L-iżvilupp ta' dehra ta' prassi tajba u l-aħjar prassi: L-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari dawk li jaħdmu fl-oqsma tas-saħħa pubblika, iż-żgħażagħ u l-isport, jistgħu jiżviluppaw evidenza ta' l-impatt ta' strateġiji politiċi u azzjonijiet fil-livelli kollha.

7. IL-KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

Il-Kummissjoni se tikkollabora mad-WHO biex tiżviluppa sistema ta' sorveljanza dwar in-nutriment u l-attività fiżika għall-EU27 bħala waħda mill-azzjonijiet ta' segwitu ta' l-Istatut Ewropew dwar l-Azzjoni kontra l-Obeżità adottat f'Istanbul is-sena li għaddiet fis-16 ta' Novembru 2006. Fl-2007, id-WHO biħsiebha tadotta t-tieni Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ikel u n-Nutriment għall-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' dan il-qafas aġġornat dwar is-saħħa pubblika li fih tista' tqieghed azzjonijiet fil-ġejjieni, u għandha impenn qawwi li tieħu sehem f'dan il-proċess.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni bilaterali, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib ma' Pajjiżi li żviluppaw l-istrateġija tagħhom stess sabiex tibbenefika mill-esperjenzi ta' kulħadd kif ilha diġa tagħmel ma' l-Istati Uniti minn Mejju ta' l-2006.

8. KONKLUżJONIJIET U MONITORAġġ

Il-prevalenza ta' l-obeżità se tkun waħda mill-indikaturi ewlenin fil-kejl ta' xi progress miġjub minn din l-istrateġija fl-UE. Huma hu jaqblu ma' l-Istatut tad-WHO, l-Istati Membri ta' l-UE stqarru li "għandu jinkiseb progress li jidher, speċjalment għat-tfal u l-adolexxenti, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fl-4-5 snin li ġejjin u sa mhux aktar tard mill-2015 għandu jkun possibbli li t-tendenza timbidlilha r-rotta".

Il-Kummissjoni se twettaq reviżjoni tal-progress fl-2010 biex teżamina mill-ġdid l-istat ta' l-obeżità, tara' sa fejn l-istrateġiji politiċi tagħha stess humiex konformi ma' l-objettivi ta' din il- Paper u sa fejn l-aġenti madwar l-UE qiegħdin jikkontribwixxu biex jinkisbu dawn l-objettivi. Fejn settur introduċa proposti jew linjigwida għal intervent, ir-reviżjoni fl-2010 se tippermetti li l-progress konkret jidher sewwa. Fil-każ partikolari tal-miżuri awto-regolatorji ta' l-industrija, ir-reviżjoni se jkollha tindika kemm dawn qed jiġu implimentati sewwa u x'effett qed ikollhom.

[1] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/platform/platform_en.htm

[2] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/green_paper/consultation_en.htm

[3] Il-problema tal-piż żejjed u l-obeżità hija espressa b'mod sempliċi bħala teħid eċċessiv ta' enerġija mill-ikel flimkien ma' konsum baxx jew mhux suffiċjenti ta' enerġija li jfisser fdal ta' enerġija , maħżuna taħt forma ta' xaħam fil-ġisem.

[4] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2002 dwar l-Obeżità (ĠU C 11, 17.1.2003, p. 3), tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar Stili ta' Ħajja Sana (ĠU C 22, 27.1.2004, p.1); tat-2 ta' Ġunju 2004 dwar il-Promozzjoni tas-Saħħa tal-Qalb (Stqarrija għall-istampa: 9507/04 (Presse 163); tas-6 ta' Ġunju 2005 dwar l-Obeżità, in-Nutriment u l-Attività Fiżika (Stqarrija għall-istampa: 8980/05 (Presse 117); tal-5 ta' Ġunju 2006 dwar il-Promozzjoni ta' Stili ta' Ħajja Sana u l-Prevenzjoni tad-dijabete tat-tip II (ĠU C 147, 23.6.2006, p.1)

[5] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/green_paper/nutrition_gp_rep_en.pdf

6 Dokument Pjattaforma, Marzu 2005 http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/platform/docs/platform_charter.pdf

7 http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/platform/docs/eu_platform_2mon-framework_en.pdf

[6] http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/nutrition/platform/docs/contacts2007_en.pdf

[7] L-ittikkettjar: il-kompetittività, tagħrif għall-konsumatur u regolamentazzjoni aħjar għall-UE. Dokument Konsultattiv tad-DĠ SANCO. Frar 2006.

[8] http://ec.europa.eu/consumers/overview/report_advertising_en.htm

[9] Magħrufa qabel bħala d-Direttiva "Televiżjoni mingħajr Fruntieri".

[10] Konfederazzjoni ta' l-Industrija ta' l-Ikel u x-Xorb.

[11] L-ivvjaġġar lejn u mill-post tax-xogħol bil-mixi, bir-rota jew xi mod ieħor attiv.

[12] Politika ta' Koeżjoni b'appoġġ għat-tkabbir u l-postijiet tax-xogħol, Linjigwida strateġiċi tal-Komunità 2007-2013, Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 2006.

[13] L-EPODE u "Tiger Kids" huma żewġ eżempji innovattivi ta' proġetti tal-Komunità biex jippromwovu drawwiet sani fost it-tfal. Pereżempju, l-EPODE tlaqqa' ġenituri, għalliema, professjonijisti fis-saħħa u l-komunità lokali tal-kummerċ fl-ibliet ta' Franza. Fost l-azzjonijiet hemm "ġimgħat ta' l-ikel" speċjali li matulhom it-tfal isiru familjari ma' l-ikel san, u l-organizzazzjoni u s-sorveljanza mill-ġenituri ta' "xarabank bil-mixi" lejn l-iskola. Tiger Kids hija mmirata kemm lejn tfal tal-kinder kif ukoll dawk li għandhom l-età għall-iskola f'erba' reġjuni tal-Ġermanja, u tfittex li tistabbilixxi livell ta' kwalità għall-prevenzjoni ta' l-obeżità. Hija tinvolvi l-ġenituri biex tippromwovi n-nutriment u l-attività għat-tfal kemm ġewwa kif ukoll barra l-iskola.

[14] http://ec.europa.eu/dgs/health_consumer/publichealth_en.htm

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet