52007DC0242


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Komunikazzjoni dwar aġenda Ewropea għal kultura f’dinja li qed tiġi gglobalizzata {SEG(2007) 570}

/* KUMM/2007/0242 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.5.2007

KUMM(2007) 242 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Komunikazzjoni dwar aġenda Ewropea għal kultura f’dinja li qed tiġi gglobalizzata

{SEG(2007) 570}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Komunikazzjoni dwar aġenda Ewropea għal kultura f’dinja li qed tiġi gglobalizzata

“Il-kultura hi l-ħolm u l-ħidmiet kollha li jimmiraw sabiex titwettaq b’mod sħiħ l-umanità. Il-kultura tesiġi patt paradossali: id-diversità għandha tkun il-prinċipju ta’ unità, filwaqt li t-twiżin tad-differenzi hu neċessarju mhux biex jifred, iżda biex aktar iżid jarrikkixxi l-kultura. L-Ewropa hi kultura jew mhix”. Denis de Rougemont

1. Introduzzjoni

Il-kultura tinstab fil-qalba ta’ l-iżvilupp uman u fiċ-ċiviltà. Il-kultura hi dak li jikkostrinġina nittamaw u noħolmu, billi tistimulalna s-sensi u billi toffrilna modi ġodda ta’ kif inħarsu lejn ir-realtà. Hi dak li tiġbor flimkien lill-ġnus, billi tqanqal id-djalogu u tqajjem il-passjonijiet, b’mod li tgħaqqad aktar milli tifred. Il-kultura għandha titqies bħala sett ta’ karatteristiċi distintivi spiritwali u materjali li jikkaratterizzaw soċjetà u grupp soċjali. Hi tħaddan kemm il-letteratura u l-arti kif ukoll modi ta’ ħajja, sistemi ta’ valuri, tradizzjonijiet u twemmin.

Bħalma Dario Fo stqarr b’mod ġust, “anki qabel ma l-Ewropa ngħaqdet f’livell ekonomiku jew ġiet konċeputa fil-livell ta’ l-interessi ekonomiċi u kummerċjali, kienet il-kultura li ġabret flimkien il-pajjiżi kollha ta’ l-Ewropa. L-arti, il-letteratura, il-mużika huma t-taħlita li tgħaqqad l-Ewropa” . Tassew, l-Ewropej jaqsmu bejniethom wirt kulturali komuni, li hu r-riżultat ta’ sekli ta’ kreattività, influssi migratorji u skambji. Huma jgawdu wkoll u japprezzaw kultura rikka u diversità lingwistika, li hi ta’ spirazzjoni u li spirat ħafna pajjiżi madwar id-dinja.

L-oriġinalità u s-suċċess ta’ l-Unjoni Ewropea jinstabu fil-kapaċità tagħha li tirrispetta l-istorja, il-lingwi u l-kulturi varjati u mxebilka ta’ l-Istati Membri, filwaqt li tistabbilixxi fehmiet u regoli komuni li jiggarantixxu paċi, stabbiltà, prosperità u solidarjetà – u flimkien magħhom, rikkezza kbira ta’ wirt kulturali u kreattività li magħhom kull tkabbir suċċessiv żied aktar u aktar. Permezz ta’ din l-għaqda fid-diversità, ir-rispett għad-diversità kulturali u lingwistika u l-promozzjoni ta’ wirt kulturali komuni jinstab fil-qalba proprja tal-proġett Ewropew. Dan hu indispensabbli aktar minn qatt qabel f’dinja li qed tiġi gglobalizzata.

Fl-Ewropa ta’ llum, l-iskambji kulturali huma ħajjin u dinamiċi daqs qatt qabel. Il-libertà tal-moviment ipprovdut mit-Trattat tal-KE ffaċilitat b’mod vast l-iskambji u d-djalogu lil hinn mill-fruntieri. L-attivitajiet kulturali u d-domanda għall-prodotti kulturali qed jinfirxu, bis-saħħa ta’ l-aċċess bla preċedent offrut minn għodod ġodda ta’ komunikazzjoni. Fl-istess waqt, il-globalizzazzjoni żiedet tesponi kulturi mid-dinja kollha li huma aktar diversi. Dan intensifika l-kurżità u l-kapaċità tagħna biex niskambjaw u biex nibbenefikaw minn kulturi oħra, u kkontribwixxa għad-diversità tas-soċjetajiet tagħna. Madankollu, dan qajjem ukoll mistoqsijiet dwar l-identità Ewropea u dwar l-abbiltà tagħha li tiżgura soċjetajiet interkulturali li jiffavorixxu l-koeżjoni.

Fuq skala dinjija, id-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali saru sfidi prinċipali għal ordni globali bbażati fuq il-paċi, għarfien reċiproku u rispett għall-valuri komuni, bħalma huma l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet umani u l-protezzjoni tal-lingwi. F’dan ir-rigward, id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità ta’ l-espressjonijiet kulturali fit-18 ta’ Marzu 2007 għandu jitqies bħala pass fondamentali, li għalih l-UE kkontribwixxiet b’mod sħiħ.

Ir-rikkezza kulturali u d-diversità Ewropea huma marbutin mill-qrib mar-rwol u l-influwenza tagħha fid-dinja. L-Unjoni Ewropea mhix sempliċement proċess ekonomiku jew poter kummerċjali, hi diġà meqjusa b’mod wiesa’ – u preċiż – bħala proġett soċjali u kulturali bla preċedent li rnexxa. L-UE hi, u għandha taspira li sservi anke aktar, ta’ eżempju ta’ “poter artab” ibbażat fuq normi u valuri bħalma huma d-dinjità umana, is-solidarjetà, it-toleranza, il-libertà ta’ l-espressjoni, ir-rispett għad-diversità u d-djalogu interkulturali, valuri li, sakemm jibqgħu jiġu osservati u promossi, jistgħu jservu ta’ spirazzjoni għad-dinja ta’ għada.

Ir-rikezza kulturali Ewropea bbażata fuq id-diversità tagħha hi wkoll, u b’mod li qed jikber, valur importanti f’dinja immaterjali u bbażata fuq l-għerf. Is-settur kulturali Ewropew diġà jistimula b’mod dinamiku l-attivitajiet ekonomiċi u l-impjiegi fit-territorju kollu ta’ l-UE. L-attivitajiet kulturali jgħinu wkoll fil-promozzjoni ta’ soċjetà inklussiva u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Kif kien rikonoxxut mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007, intraprendituri kreattivi u industrija kulturali dinamika huma sors uniku ta’ innovazzjoni għall-ġejjieni. Dan il-potenzjal għandu jiġi rikonoxxut aktar u jiġi esplojtjat bi sħiħ.

L-iskop ta’ din il-Komunikazzjoni

Qed jikber l-għarfien li l-UE għandha rwol uniku xi twettaq fil-promozzjoni tar-rikkezza u d-diversità kulturali, kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll fuq skala dinjija. Jeżisti wkoll għarfien li l-kultura hi fattur indispensabbli biex jitwettqu l-għanijiet strateġiċi ta’ prosperità, solidarjetà u sigurtà ta’ l-UE, filwaqt li tiġi żgurata preżenza aktar qawwija fix-xena internazzjonali.

Ibbażata fuq konsultazzjonijiet estensivi[1], din il-Komunikazzjoni tesplora r-relazzjonijiet bejn il-kultura u l-Ewropa f’dinja li qed tigglobalizza u tipproponi għanijiet għal aġenda ġdida ta’ l-UE għall-kultura. Din l-aġenda għandha tinqasam bejn il-partijiet interessati kollha (il-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili involuta u l-Parlament Ewropew). Għalhekk il-Kummissjoni qed tfittex ukoll biex tistabbilixxi partenarjati ġodda u metodi għall-kooperazzjoni bejniethom.

2. KONTRIBUZZJONI TA’ L-UE GħAL KULTURA[2]

Hu fatt magħruf li hu ġeneralment diffiċli li wieħed jiddefinixxi x’inhi ’kultura’. Hi tista’ tirreferi għall-arti tal-ġmiel, inkluża varjetà ta’ xogħlijiet ta’ arti, prodotti kulturali u servizzi. “Il-kultura” għandha wkoll tifsira antropoloġika. Hi l-bażi ta’ dinja simbolika ta’ tifsiriet, twemmin, valuri, tradizzjonijiet li jiġu espressi fil-lingwa, l-arti, ir-reliġjon u l-miti. Strettament, hi għandha rwol fondamentali fl-iżvilupp uman u fin-nisġa komplessa ta’ identitajiet u drawwiet ta’ individwi u komunitajiet.

Fil-kuntest ta’ din il-Komunikazzjoni, l-enfasi prinċipali se tkun fuq l-importanza tad-diversi aspetti tal-kultura fl-iżvilupp ta’ strateġiji kemm fi ħdan l-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi.

Il-bażi għall-azzjoni ta’ l-UE fil-qasam tal-kultura jinstab fit-Trattat. L-Artikolu 151 jistqarr li:

“Il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi ta’ l-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tirriżalta l-wirt kulturali komuni." “L-azzjoni tal-Komunità għandha jkollha l-mira li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk jinħtieġ, tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tagħhom ...". “Il-Komunità u l-Istati Membri għandhom jikkultivaw il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kultura, partikolarment il-Kunsill ta’ l-Ewropa”. “Il-Komunità għandha tagħti kas ta’ l-aspetti kulturali fl-azzjonijiet tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra ta’ dan it-Trattat, partikolarment sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.” |

Il-kultura hi u għalhekk se tibqa’ primarjament ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri; f’xi pajjiżi hi tiġi ttrattata b’mod wiesa’ fil-livell reġjonali jew anki lokali. L-Artikolu 151 mhux se jipprovdi, pereżempju, għall-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri. L-azzjoni fil-livell ta’ l-UE għandha tittieħed b’rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, bir-rwol ta’ l-UE jkun li jappoġġa u jikkomplementa, aktar milli jissostitwixxi, l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri, billi jirrispetta d-diversità tagħhom u jħeġġeġ l-iskambji, id-djalogu u l-komprensjoni reċiproka.

2.1. Ir-rwol tal-politiki interni u l-programmi ta’ l-UE

L-UE diġà tikkontribwixxi b’bosta modi għall-promozzjoni ta’ l-attivitajiet kulturali fl-Ewropa permezz tal-programmi u l-politiki tagħha:

- Il-programmi Komunitarji tal-kultura kienu ferm produttivi. Il-Programm Kultura (2007-2013)[3] attwali se jmur aktar lil hinn billi jiffaċilita komprensjoni reċiproka, iħeġġeġ il-kreattività, u jikkontribwixxi għall-arrikkament reċiproku tal-kulturi tagħna. Hu se jgħin eluf ta’ organizzazzjonijiet kulturali biex joħolqu u jimplimentaw proġetti kulturali u artistiċi li jtejbu t-tagħrif u l-propagazzjoni tal-wirt kulturali Ewropew, li jippromwovu skambji kulturali, kreazzjoni artistika u letterarja, u t-traduzzjoni letterarja. Hu se jappoġġa wkoll entitajiet attivi fil-livell Ewropew fil-qasam tal-kultura u jirrikonoxxi t-twettiq prinċipali kulturali Ewropew permezz ta’ premjijiet Ewropej fl-arkitettura, il-wirt kulturali u mużikali kif ukoll permezz ta’ l-Ibliet Kapitali Ewropej tal-Kultura.

- Ħafna programmi oħra jħallu impatt pożittiv kbir fuq il-kultura jew permezz ta’ proġetti kulturali speċifiċi, jew bl-użu tal-lingwi barranin li huma jippromwovu, bir-rabta mill-qrib bejn it-tagħlim u l-kultura jew l-esperjenzi kulturali personali li huma jistimulaw: fost dawn il-programmi hemm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” (2007-2013)[4], li hu wkoll ibbażati fuq l-Artikolu dwar il-kultura tat-Trattat u jippromwovi ċittadinanza Ewropea attiva kif ukoll programmi li jappoġġaw it-tagħlim matul il-ħajja (inklużi Erasmus u Erasmus Mundus), il-multilingwiżmu u l-iskambji taż-żgħażagħ.

- fis-settur taċ-ċinema u ta’ l-adjoviżwali, il-programm MEDIA[5], fis-seħħ mill-1991, jippromwovi l-kompetittività ta’ l-industrija awdjoviżiva Ewropea. Hu ddisinjat ukoll biex jippromwovi djalogu interkulturali, biex iżid l-għarfien reċiproku fost il-kulturi Ewropej u biex jiżviluppa l-potenzjal kulturali. Oltri dan, Rakkomandazzjoni dwar il-wirt ċinematografiku u l-kompetittività ta’ attvitajiet industrijali relatati ġiet adottata fis-16 ta’ Novembru 2005 u ddefinit l-azzjonijiet konkreti fil-qasam tal-wirt ċinematografiku.

- Firxa ta’ programmi oħra Komunitarji ta’ finanzjament jikkostitwixxu kontribuzzjoni important għal kultura. L-appoġġ offrut mill-politika ta’ Koeżjoni jew mill-politika ta’ żvilupp rurali jista’ jkun strumentali fil-promozzjoni, pereżempju r-restawr ta’ wirt kulturali u l-promozzjoni ta’ l-industriji kreattivi bl-għan li tiżdied l-attrazzjoni tar-reġjuni jew li jiġu megħjuna l-professjonisti kulturali fit-taħriġ tagħhom. Dan hu wkoll il-każ ta’ l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni (pereżempju l-Inizjattiva Bibljoteki Diġitali li l-għan tagħha hu li jiġi ffaċilitat l-aċċess online tal-wirt differenti kulturali u xjentifiku Ewropew).

Numru ta’ politiki Komunitarji għandhom ukoll rwol important fid-definizzjoni tal-qafas regolatorju għas-settur kulturali:

Għall-azzjoni Komunitarja skond l-Artikolu 151(4) tat-Trattat, l-isfida hi ta’ spiss li jinstab bilanċ bejn id-diversi għanijiet leġittimi tal-politika pubblika, inkluż il-promozzjoni tad-diversità kulturali.

- Hemm rabta qawwija bejn il-promozzjoni ta’ kultura u kreattività u d-dritt ta’ l-awtur ta’ l-UE u leġiżlazzjoni relatata dwar id-drittijiet. Din il-leġiżlazzjoni tipproteġi d-drittijiet ta’ l-awturi, il-produtturi u l-artisti biex tiżgura li huma jirċievu dħul ta’ flus adegwat għal xogħlijiethom filwaqt li tippermetti propagazzjoni wiesgħa ta’ xogħlijiet protetti jew fonogrammi, biex b’hekk tippromwovi l-aċċess liċ-ċittadini għall-wirt kulturali rikk u divers ta’ l-Ewropa.

- Id-Direttiva “Televiżjoni Mingħajr Fruntieri”, adottata fl-1989, bid-definizzjoni tal-kondizzjonijiet għat-trażmissjonijiet bejn il-funtieri tax-xandiriet televiżivi fi ħdan is-suq intern Ewropew, ħolqot qafas legali għaċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut awdjoviżiv Ewropew fi ħdan l-UE. Din ikkontribwixxiet b’mod sinifikattiv għat-tisħiħ tal-pluraliżmu fil-mezzi tax-xandir u għad-diversità kulturali. F’dan il-kuntest, id-diversità kulturali hi inkoraġġuta wkoll permezz ta’ miżuri ta’ promozzjoni għall-produzzjonijiet Ewropej u indipendenti.

- Fl-għajnuna statali, wara l-introduzzjoni ta’ l-Artikolu 87 (3) (d)[6] fit-Trattat ta’ Maastrickt, bdew jintervjenu konsiderazzjonijiet kulturali. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni l-Kummissjoni approvat fil-passat firxa wiesgħa ta’ miżuri nazzjonali li bbenefikaw minnhom oqsma diversi li jinkudu l-mużewijiet, il-wirt nazzjonali, il-produzzjonijiet teatrali u mużikali, ix-xandir kulturali stampat, u s-settur ċinematografiku u adjoviżiv.

- L-UE pproklamat l-2008 bħala Sena Ewropea għad-Djalogu Interkulturali[7] biex tikkontribwixxi fit-twettiq u l-viżibilità tal-prattiċi tajba u l-proċessi tad-djalogu interkulturali bl-għan li tiġi stabbilita strateġija sostennibbli lil hinn mill-2008. Se tingħata attenzjoni partikulari lid-dimensjoni multilingwa ta’ dan id-djalogu.

- Finalment, abbażi tal-programmi eżistenti ta’ finanzjament Komunitarju, il-Kummissjoni tixtieq tagħmel l-2009 Sena Ewropea ta’ Kreattività u Innovazzjoni permezz ta’ l-edukazzjoni u l-kultura biex tqajjem għarfien pubbliku, tippromowovi dibattitut fi ħdan l-Istati Membri, u tikkontribwixxi għall-inkoraġġiment tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenzi interkulturali.

Fi snin reċenti, l-Istati Membri studjaw forom ġodda ta’ kooperazzjoni flessibbli sabiex jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex iwettqu għanijiet komuni. Il-Kunsill ftiehem dwar pjan ta’ ħidma multi-annwali għall-perjodu 2005-2007[8] u ġew żviluppati forom flessibbli ta’ kooperazzjoni dwar temi speċifiċi, bħall-mobilità tal-kollezzjonijiet tal-mużewijiet. Konferenzi ministerjali regolari kkontribwixxew ukoll fl-iskambju ta’ l-aħjar prattiċi u djalogu dwar il-politiki.

Il-Parlament Ewropew sejjaħ regolarment għall-kooperazzjoni rinforzata fir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu[9]. Barra minn dan, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni enfasizzaw is-sehem tas-soċjetà ċivili organizzata u ta’ l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Dawn l-esperjenzi, flimkien mar-riżultati tal-proċessi wiesgħa ta’ konsultazzjoni meħuda waqt il-preparazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni, wasslet lill-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-mument hu issa adatt biex tiġi żviluppata aġenda kulturali komuni u partenarjati ġodda u metodi għal kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili u l-pajjiżi terzi.

2.2. Ir-relazzjonijet esterni ta’ l-UE

Il-Kultura hi meqjusa bħala parti importanti tal-programmi u l-istrumenti prinċipali ta’ kooperazzjoni ta’ l-UE[10], u fil-ftehimiet bilaterali ta’ l-Unjoni ma’ pajjiżi terzi. Hi wkoll element prinċipali tal-kooperazzjoni żviluppata flimkien mal-Kunsill ta’ l-Ewropa, li ppermettiet kemm l-implimentazzjoni konġunta tal-Jiem tal-Wirt Ewropew kif ukoll azzjonijiet fil-Balkani tal-Punent.

Varjetà wiesgħa ta’ proġetti u programmi kulturali ġew implimentati għal ħafna snin bħala parti mill-assistenza finanzjarja u teknika ta’ l-Unjoni mar-reġjuni kollha li qed jiżiluppaw fid-dinja. Dawn l-azzjonijiet kulturali għandhom l-għan li jippreżervaw u jirrestawraw siti ta’ wirt, il-produzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet artistiċi, il-ħolqien jew ir-restawr ta’ mużewijiet, it-tisħiħ tal-kapaċità lokali ta’ l-operaturi kulturali, l-artisti u l-organizzazzjonijiet ta’ avvenimenti kulturali prinċipali. Il-Kummissjoni għandha wkoll fondi u azzjonijiet biex tappoġġa t-tfaċċar u t-tisħiħ ta’ l-industriji kulturali, b’mod partikulari ċ-ċinema u s-settur awdjoviżiv, f’pajjiżi msieħba, kif ukoll il-promozzjoni ta’ aċċess lokali għal kultura u d-diversità kulturali fil-pajjiżi terzi.

F’dan il-kuntest, l-Unjoni kkonċentrat aktar u aktar fuq il-promozzjoni ta’ l-appoġġ għad-drittijiet umani, inklużi l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet kulturali, id-drittijiet ta’ l-indiġeni kif ukoll d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoritajiet u minn nies soċjalment marġinalizzati.

Id-djalogu interkulturali bħala wieħed mill-istrumenti prinċipali ta’ paċi u ta’ prevenzjoni ta’ konflitti hu ovvjament fost l-għanijiet bażiċi ta’ azzjonijiet ta’ din ix-xorta. Azzjonijiet prijoritarji f’din id-direzzjoni kienu mnedija bl-impetu ta’ grupp konsultattiv imwaqqaf mill-President tal-Kummissjoni, li wassal ukoll fost affarijiet oħra għat-twaqqif, f’Lixandra, tal-Fondazzjoni Ewro-Mediterranja Anna Lindh għad-Djalogu bejn il-Kulturi, u l-ħolqien ta’ dibattitu speċifiku fi ħdan id-djalogi politiċi ma’ bosta pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni bdiet ukoll reċentement it-tisħiħ tad-diplomazija pubblika tagħha, inklużi l-avvenimenti kulturali, li ta’ spiss jinvolvu l-kooperazzjoni ma’ u fost l-istituzzjonijiet kulturali ta’ l-Istati Membri biex jgħaddu messaġġi importanti f’pajjiżi terzi madwar l-Ewropa, l-identità u l-esperjenzi tagħha fil-bini ta’ rabtiet bejn kulturi differenti.

F’livell aktar ġenerali, il-Kummissjoni ppreżentat programmi tematiċi multi-annwali taħt il-perspettivi finanzjarji ta’ 2007-2013 sabiex tiffinanzja minn banda l-interventi Komunitarji fil-livell tal-pajjiżi u r-reġjuni li qed jiżviluppaw, u mill-banda l-oħra fil-livell internazzjonali. Il-programmi tematiċi “Investiment fir-Riżorsi Umani” u “Atturi Mhux Statali u Awtoritajiet Lokali fl-Iżvilupp” huma disponibbli biex jikkomplementaw il-kooperazzjoni ġeografika permezz tad-dokumenti strateġiċi nazzjonali fil-qasam tal-kultura. Servejs reċenti dwar l-opinjoni juru b’mod ċar li, taħt il-pressjoni tal-globalizzazzjoni, maġġoranza kbira taċ-ċittadini Ewropej – immexxija mill-Kapijiet ta’ l-Istati u Gvernijiet f’Ġunju 2006[11] – iridu l-Ewropa tkun aktar preżenti fid-dinja, b’politika esterna li tirrifletti b’mod xieraq il-valuri tagħha. Il-Kultura hi ċertament ċentrali għal dan l-avviċinament ta’ kunsens multilateral.

Id-dħul fis-seħħ mgħaġġel tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta’ l-Espressjonijiet Kulturali turi r-rwol il-ġdid tad-diversità kulturali fil-livell internazzjonali: bħala partijiet, il-Komunità u l-Istati Membri rabtu lilhom infushom li jsaħħu pilastru kulturali ta’ governanza dinjija u ta’ żvilupp sostenibbli, notevolment permezz tat-tkabbir tal-kooperazzjoni internazzjonali.

3. GħANIJIET GħALL-AġENDA EWROPEA TAL-KULTURA

Il-proċess estensiv ta’ konsultazzjoni mwettaq fl-2006 ppermetta lill-Kummissjoni tidentifika kunsens qawwi għall-aġenda ġdida ta’ l-UE għall-kultura, biex b’hekk tibni fuq twettiq anterjuri u tirrinforza attivitajiet li għadhom għaddejjin. Dan se jinbena fuq tliet settijiet ta’ għanijiet interrelatati:

- il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali;

- il-promozzjoni tal-kultura bħala katalizzatur għal kreattività fil-qafas ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi;

- il-promozzjoni tal-kultura bħala element essenzjali fir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Unjoni.

Dawn l-għanijiet għandhom jiggwidaw l-azzjoni ta’ l-UE fil-futur. Kull attur se jiġi mistieden biex jikkontribwixxi, bir-rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà:

- għall-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, dan se jfisser aktar żvilupp tal-politiki tagħhom f’dawn l-oqsma b’referenza għal għanijiet komuni u sforz biex jorjentaw attivitajiet konġunti fost affarijiet oħra permezz ta’ metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni u tkixxif ta’ l-opportunitajiet offruti mill-iffinanzjar ta’ l-UE;

- għall-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-kultura, bħalma huma l-organizzazzjonijiet professjonali, l-istituzzjonijiet kulturali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, in-netwerks Ewropej, il-fondazzjonijiet, eċċ., dan se jfisser kemm impenn mill-viċin fid-djalgu ma’ l-istituzzjonijiet ta’ l-UE u appoġġ għall-iżvilupp ta’ politiki u azzjonijiet ġodda ta’ l-UE, kif ukoll djalogu li jiżviluppa fosthom;

- għall-Kummissjoni, dan se jfisser kemm il-mobbilizzazzjoni tal-politiki interni u esterni tagħha, tal-programmi ta’ finanzjament Komunitarji, kif ukoll rwol imġedded ta’ animazzjoni, skambju ta’ prattika tajba u djalogu mal-firxa kollha ta’ l-atturi;

- għall-atturi kollha, dan se jfisser sens ta’ partenarjat imġedded u adeżjoni ma’ l-azzjoni Komunitarja biex jitwettqu dawn l-għanijiet.

It-taqsima segwenti tispjega kull wieħed minn dawn l-għanijiet wesgħin f’aktar dettall.

3.1. Id-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali

“Hi l-arti li tista’ tibni l-personalità taż-żgħażagħ bl-iskop li jiftħu moħħhom, sabiex jidħol fihom ir-rispett lejn l-oħrajn u x-xewqa għal paċi” . Yehudi Menuhin

It-twarrid tal-kulturi ta’ l-Istati Membri fir-rigward tad-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom hu għan importanti ta’ l-UE assenjat mit-Trattat tal-KE. Sabiex jitressaq fuq quddiemnett il-wirt komuni tagħna b’mod simultanju u sabiex tiġi rikonoxxuta l-kontribuzzjoni tal-kulturi kollha preżenti fis-soċjetajiet tagħna, id-diversità kulturali teħtieġ li tkun sostnuta f’kuntest ta’ ftuħ u skambji bejn id-diversi kulturi. Peress li ngħixu f’soċjetajiet li aktar qed isiru multikulturali, neħtieġu għalhekk li nippromwovu d-djalogu intellettwali u l-kompetenzi interkulturali. Dawn huma wkoll essenzjali fil-kuntest ta’ ekonomija dinjija fir-rigward tat-tkabbir ta’ l-impjegabilità, l-adattazzjoni u l-mobilità ta’ l-artisti u l-ħaddiema fis-settur kulturali kif ukoll il-mobilità tax-xogħlijiet ta’ l-arti. Peress li ċ-ċittadini huma fost il-benefiċjarji prinċipali fl-iżvilupp tad-diversità kulturali, jeħtiġilna niffaċilitaw l-aċċess tagħhom għal kultura u x-xogħlijiet kulturali.

L-għanijiet speċifiċi segwenti għandhom jiġu indirizzati:

- Il-promozzjoni tal-mobilità ta’ l-artisti u l-professjonisti fil-qasam kulturali u ċ-ċirkolazzjoni ta’ l-espressjonijiet artistiċi kollha lil hinn mill-fruntieri nazzjonali:

- il-mobbilizzazzjoni tar-riżorsi publiċi u privati favur il-mobilità ta’ l-artisti u l-ħaddiema fis-settur kulturali fi ħdan l-UE;

- il-promozzjoni tal-mobilità ta’ xogħlijiet artistiċi u ta’ espressjonijiet artistiċi oħra;

- il-miljorament tal-koordinazzjoni Ewropea għall-aspetti li jaffettwaw il-mobilità tal-ħaddiema kulturali fi ħdan l-UE sabiex jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet li jirriżultaw minn mobilità għal żmien qasir jew frekwenti bejn l-Istati Membri.

- Il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-kompetenzi interkulturali u tad-djalogu interkulturali, b’mod partikulari billi jiġu żviluppati ’għarfien u espressjoni kulturali’, ’kompetenzi soċjali u ċiviċi’ u ’komunikazzjoni f’ilsna barranin’, li huma parti mill-kompetenzi prinċipali għat-tagħlim matul il-ħajja identifikati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2006[12].

3.2. Il-kultura bħala katalizzatur għall-kreattività fil-qafas ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi;

“L-intelligenza hi pprogrammata għall-ħolqien tad-differenzi” . Francesco Alberoni

L-industriji kulturali u s-settur kreattiv qed jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għal PGD Ewropew, it-tkabbir u l-impjiegi. Bħala eżempju, studju reċenti indipendenti mwettaq għall-Kummissjoni kkalkula li aktar minn 5 miljun persuna ħadmet fl-2004 għas-settur kulturali, ekwivalenti għal 3.1% tat-total tal-popolazzjoni impjegata fl-UE25. Is-settur kulturali kkontribwixxa madwar 2.6% tal-PGD ta’ l-UE fl-2003, bi tkabbir b’mod sinifikanti ogħla minn dak ta’ l-ekonomija in ġenerali bejn l-1999 u l-2003[13]. Dawn l-industriji u l-kreattività li jiġġeneraw huma valur essenzjali għall-ekonomija u l-kompetittività Ewropea f’kuntest ta’ globalizzazzjoni.

Ir-rwol tal-kultura ta’ appoġġ u ta’ inkoraġġament għal kreattività u l-innovazzjoni għandu jiġi studjat u promoss. Il-kreattività hi l-bażi ta’ l-innovazzjoni soċjali u teknoloġika, u għalhekk fattur importanti ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi fl-UE.

L-għanijiet speċifiċi segwenti għandhom jiġu indirizzati:

- Il-promozzjoni tal-kreattività fl-edukazzjoni bl-involviment tas-settur kulturali li jistrieħ fuq il-potenzal kulturali bħala kontribuzzjoni/għodda konkreta għat-tagħlim matul il-ħajja u l-promozzjoni tal-kultura u l-arti fl-edukazzjoni informali u formali (inkluż it-tagħlim tal-lingwi).

- Il-promozzjoni tat-tisħiħ tal-kapaċità fis-settur kulturali billi jingħata appoġġ lit-taħriġ tas-settur kulturali fil-kompetenzi maniġerjali, fl-intraprenditorija, fl-għarfien tad-dimensjoni Ewropea/ta’ l-attivitajiet tas-suq u billi jiġu żviluppati sorsi innovattivi ta’ finanzjament, inklużi l-għoti ta’ flus, u aċċess imtejjeb għalihom.

- L-iżvilupp ta’ partenarjati kreattivi bejn is-settur kulturali u setturi oħra (ICTs, riċerka, turiżmu, imsieħba soċjali, eċċ) biex jissaħħaħ l-impatt soċjali u ekonomiku ta’ l-investimenti fil-kultura u l-kreattività, b’mod partikulari fir-rigward tal-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi u l-iżvilupp u l-attrazzjoni tar-reġjuni u l-ibliet.

3.3. Il-kultura bħala element indispensabbli fir-relazzjonijiet internazzjonali

“Kull kultura titwieled permezz ta’ taħlit, interazzjoni, konfrontazzjoni. Bil-maqlub, hu l-isolament li joqtol iċ-ċivilizzazzjoni.” Octavio Paz

Bħala partijiet tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità ta’ l-Espressjonijiet Kulturali, il-Komunità u l-Istati Membri affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jiżviluppaw rwol kulturali ġdid aktar pro-attiv għall-Ewropa fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Ewropa u li jintegraw id-dimensjoni kulturali bħala element indispensabbli fit-trattazzjonijiet ta’ l-Ewropa ma’ pajjiżi sħab u reġjuni. Dan għandu jgħin fil-promozzjoni ta’ l-għarfien u l-komprensjoni tal-kulturi ta’ l-Ewropa madwar id-dinja.

Biex titwettaq din l-integrazzjoni hu kruċjali li jiġi żviluppat djalogu attiv interkulturali mal-pajjiżi kollha u mar-reġjuni kollha, għandu jkun ta’ vantaġġ pereżempju l-irbit lingwistiku Ewropew ma’ ħafna pajjiżi. F’dan il-kuntest, hu importanti wkoll li tiġi promossa r-rikkezza tad-diversità kulturali ta’ sħabna, biex jiġu servuti l-identitajiet lokali, jiġi promoss aċċess għal kultura tal-popolazzjonijiet lokali u jiġi żviluppat sors ekonomiku li jista’ jħalli impatt dirett fuq l-iżvilupp soċjo-ekonomiku.

Filwaqt li nżommu dan quddiem għajnejna, l-UE se tadotta avviċinament ta’ “żewġ rotot tewmin”, li jikkonsisti:

- fl-integrazzjoni sistematika tad-dimensjoni kulturali u fid-diversi komponenti tal-kultura fil-politika esterna u ta’ żvilupp, fil-proġetti u l-programmi kollha - bħala mezz ta’ tisħiħ tal-kwalità ta’ l-isforzi diplomatiċi kollha tagħha, u tal-viżibilità u s-sostenibilità ta’ l-attivitajiet kollha ta’ kooperazzjoni ta’ l-UE; u

- fl-appoġġ għal azzjonijiet u avvenimenti kulturali speċifiċi – il-Kultura hi riżorsa fih infisha, u l-aċċess għal kultura għandu jitqies bħala prijorità fl-iżvilupp tal-politiki.

L-għanijiet speċifiċi segwenti għandhom jiġu indirizzati:

- biex jiġi żviluppat aktar id-djalogu politiku mal-pajjiżi u r-reġjuni kollha fil-qasam tal-kultura u jiġu promossi l-iskambji kulturali bejn l-UE u r-reġjuni u l-pajjiżi terzi;

- biex jiġi promoss l-aċċess għas-suq, kemm għas-swieq Ewropej kif ukoll għal swieq oħrajn, għal prodotti u servizzi kulturali minn pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta’ azzjonijiet immirati kif ukoll permezz ta’ ftehimiet li jagħtu trattament preferenzjali jew miżuri ta’ assistenza relatati mal-kummerċ;

- biex jintużaw il-politiki esterni u ta’ żvilupp tagħha ħalli minn banda jiġu pproteġuti u promossi d-diversità kulturali permezz ta’ appoġġ finanzjarju u tekniku għall-preservazzjoni ta’ u l-aċċess għal wirt kulturali u, mill-banda l-oħra, jingħata inkoraġġiment attiv u promozzjoni għall-attivitajiet kultural madwar id-dinja;

- biex jiġi żgurat li l-programmi u l-proġetti ta’ kooperazzjoni kollha tagħha jikkunsidraw, fit-tfassil u fl-implementazzjoni tagħhom, tal-kultura lokali u jikkontribwixxu biex jiżdied l-aċċess tan-nies għall-kultura u għall-mezzi ta’ espressjoni kulturali, inklużi l-kuntatti interpersonali. L-edukazzjoni hi element partikularment importanti, li tinkludi l-promozzjoni ta’ l-integrazzjoni tal-kultura fil-kurrikula ta’ l-edukazzjoni fil-livelli kollha fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

- biex jiġi promoss l-involviment attiv ta’ l-UE fil-ħidma ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-kultura, u fil-proċess ’Alleanza taċ-Ċivilizzazzjonijiet’ tan-Nazzjonijiet Uniti.

4. PARTENRJATI U METODI TA’ ħIDMA ġODDA

Sabiex timplimenta l-aġenda għall-kultura tagħha, l-Ewropa għandha tistrieħ fuq partenarjat solidu bejn l-atturi kollha, li għandu erba’ dimensjonijiet essenzjali.

4.1. It-tkomplija tad-djalogu mas-settur kulturali

Il-Kummissjoni hi impenjata li tkompli djalogu strutturat mas-settur, li għandu jipprovdi qafas għall-iskambju regolari ta’ l-opinjonijiet u ta’ l-aħjar prattiċi, kontribuzzjoni fil-proċess tat-tfassil tal-politiki, segwitu u valutazzjoni.

Għal raġunijiet ta’ leġittmità, is-settur kulturali għandu jkompli jorganizza lilu nnifsu kemm jista’ jkun possibbli sabiex jippermetti l-identifikazzjoni ta’ interlokuturi rappreżentattivi. Il-Kummissjoni tilqa’ l-istrutturar progressiv li diġà qed jitwettaq kemm bit-tfaċċar ta’ xi organizzazzjonijiet rappreżentattivi kif ukoll b’xi strutturi operattivi bħalma hi l-pjattaforma tas-soċjetà ċivili dwar id-djalogu interkulturali.

Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, il-karatteristiċi speċjali tas-settur, notevolment l-eteroġeneità tiegħu (organizzazzjonijiet professjonali, istituzzjonijiet kulturali bi gradi differenti ta’ indipendenza, organizzazzjonijiet mhux governattivi, netwerks Ewropej u mhux, fondazzjonijiet, eċċ), kif ukoll in-nuqqas ta’ komunikazzjoni fil-passat bejn l-industriji kulturali u atturi kulturali oħra, u l-isfidi li dan joħloq fir-rigward ta’ strutturar akbar tas-settur. L-effett ta’ dan kien li jitnaqqas il-vuċi tas-settur kulturali fil-livell Ewropew.

Bl-għan li jiġi żviluppat djalogu aħjar bejn il-Kummissjoni u dawn id-diversi atturi, l-Kummissjoni tipproponi l-miżuri li ġejjin:

- li tistabbilixxi kartografija tas-settur sabiex tidentifika u tifhem aħjar il-firxa sħiħa tal-partijiet interessati tiegħu;

- li tistabbilixxi “Forum Kulturali” biex tikkonsulta l-partijiet interessati u tinkoraġġixxi t-tfaċċar ta’ pjattaforma li tistruttura lilha nfisha jew sett ta’ pjattaformi tal-partijiet interessati;

- li tinkoraġġixxi l-espressjoni ta’ opinjonijiet rappreżentattivi minn artisti u intellettwali individwali fil-livell Ewropew (“ambaxxaturi kulturali”), inklużi l-esplorazzjoni ta’ l-opportunità u l-possibbiltà ta’ forum virtwali on-line Ewropew li jippermetti l-iskambju ta’ l-opinjonijiet, l-espressjoni artistika u li jilħaq liċ-ċittadini;

- li tinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali fis-setturi kulturali sabiex jiżviluppaw aktar id-djalogu awtonomu u soċjali tagħhom skond l-Artikoli 138 u 139 tat-Trattat. Abbażi ta’ dan, jeżistu diġà kumitati settorjali għad-djalogu soċjali għall-arti ta’ l-ispettaklu ħaj u għas-settur awdjoviżiv;

- li twassal dimensjoni kulturali lid-dibattiti pubbliċi Ewropej billi tuża r-rappreżentanzi tal-Kummissjoni. It-tqegħid tal-kultura fiċ-ċentru se jkabbar id-djalogu u jilħaq udjenzi ġodda.

4.2. L-implimentazzjoni ta’ metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni

Kif intqal hawn fuq, l-Istati Membri adottaw pjan ta’ ħidma komuni fil-Kunsill għall-2005-2007. Il-pjan ta’ ħidma għandu bżonn jiġġedded u l-Kummissjoni temmen li l-mument hu adatt għall-Istati Membri li jagħmlu pass ieħor fil-kooperazzjoni tagħhom, billi jużaw il-metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni (OMC) bħala mekkaniżmu biex jagħmlu dan, fi spirtu ta’ partenarjat.

L-OMC joffri qafas adatt għal kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura bejn l-Istati Membri. Dan hu qafas intergovernattiv li ma jorbotx għall-iskambju tal-politiki u għal azzjonijiet miftiehma adatti għal qasam ta’ din ix-xorta, fejn il-kompetenzi jibqgħu fil-parti l-kbira fil-livell ta’ l-Istat Membru. Dan jikkonsisti fi ftehim dwar għanijiet komuni, f’kontroll regolari tal-progressi milħuqa tat-twettiq tagħhom u fi skambju ta’ l-aħjar prattika u data rilevanti sabiex jiġi inkoraġġut it-tagħlim reċiproku.

L-OMC jeżisti fl-oqsma ta’ l-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ. L-OMC f’dawn l-oqsma għen biex jissaħħaħ it-tfassil tal-politiki ta’ l-Istati Membri, peress li l-parteċipazzjoni regolari fil-proċess Ewropew italla’ l-profil ta’ dawn il-politiki għal-livell nazzjonali u toħloq stimulu addizzjonali għalihom. Hu jagħmilha wkoll possibbli għall-Istati Membri li jitgħallmu minn xulxin. U jippermetti lill-atturi f’dawn l-oqsma ta’ politiki li jkollhom vuċi fil-livell Ewropew li ma jistax jingħatalhom b’mod ieħor.

Hu essenzjali, għaldaqstant, li l-aspetti speċjali tas-settur kulturali jiġu kkunsidrati b’mod sħiħ fid-definizzjoni ta’ l-OMC f’dan il-qasam. Fi spirtu ta’ partenarjat ma’ l-Istati Membri, dan jimplika l-adozzjoni ta’ avviċinament flessibbli, li jinvolvi l-iffissar ta’ għanijiet ġenerali b’sistema ħafifa u regolari ta’ rapportar.

Il-Kummissjoni tipproponi abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni, li l-Kunsill tal-Ministri jadotta l-għanijiet issuġġeriti hawn fuq, filwaqt li jiffissa l-prijoritajiet u jiftiehem dwar eżerċizzju ta’ segwitu ta’ kull sentejn. Bħala parti minn dan l-eżerċizzju, il-Kummissjoni se tabbozza kull sentejn rapport konġunt flimkien ma’ rappreżentanti għolja ta’ l-Istati Membri fejn tiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet u t-tendenzi prinċipali u tiddiskuti l-progress fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-għanijiet komuni.

L-Istati Membri se jiġu inkoraġġuti biex jassoċjaw b’mod sħiħ l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati kulturali nazzjonali fil-proċess ta’ segwitu u biex jiddeskrivu fir-rapporti nazzjonali tagħhom kif ġew involuti. Fil-livell ta’ l-UE, il-Kummissjoni se tinvolvi l-partijiet interessati fil-proċess permezz tal-Forum Kulturali msemmi hawn fuq. Fis-sena ta’ qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport, il-Kummissjoni se torganizza laqgħa sabiex tiġbor il-kontribuzzjonijiet mis-soċjetà ċivil.

Il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni għandhom ikunu involuti fil-proċess.

Fit-twettiq ta’ dawn l-għanijiet ta’ relazzjonijiet esterni, il-qafas ta’ ħidma rilevanti estern ta’ l-UE, inklużi l-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin, se jkunu involuti kif adatt. Il-Kummissjoni għandha tfittex, flimkien ma’ l-Istati Membri, li tkabbar il-koordinazzjoni ta’ l-UE fl-attivitajiet li jirrigwardaw il-kooperazzjoni kulturali. Din għandha tinkludi l-identifikazzjoni u l-iskambju ta’ l-aħjar prattiċi. Il-preparazzjoni ta’ Dokumenti Strateġiċi Nazzjonali u Strateġiji Konġunti ta’ Assistenza se tkompli tkun fil-qalba ta’ l-isforzi biex jiżdiedu l-isforzi tal-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni.

4.3. Appoġġ lill-elaborazzjoni tal-politiki bbażati fuq il-fatti

Il-Kummissjoni se jkollha rwol ta’ appoġġ u ta’ koordinazzjoni, fejn adatt, fir-rigward ta’ kull wieħed mill-għanijiet imsemmija hawn fuq u fil-proposti ta’ l-OMC.

Is-segwitu ta’ l-għanijiet imsemmija hawn fuq jimplika t-titjib tal-komprensjoni tal-kontribuzzjoni tas-settur kulturali għall-Aġenda ta’ Liżbona sabiex tiġi ffaċilitata politika bbażata fuq l-evidenza. Dan jinvolvi l-iskambju tad- data u l-istudji ta’ każijiet eżistenti u l-kooperazzjoni dwar il-metodoloġiji tal-valutazzjoni u ta’ l-analiżi ta’ impatt. Madankollu jeħtieġ ukoll li ssir analiżi u, fejn neċessarju, titjib tat-tagħrif statistiku u jiġi żgurat tqabil ta’ l-istatistiċi nazzjonali, ikkoordinat mill-EUROSTAT.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tniedi sensiela ta’ studji u kooperazzjoni bejn is-servizzi biex tappoġġa l-għanijiet proposti u l-elaborazzjoni ta’ politiki bbażati fuq fatti u azzjonijiet. Hi se tinkoraġġixxi t-twaqqif ta’ kuntatti bejn l-atturi involuti fil-valutazzjoni ta’ impatt u l-valutazzjoni tal-politika kulturali fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali.

4.4. L-integrazzjoni tal-kultura fil-politiki rilevanti kollha

L-Artikolu 151(4) tat-Trattat jipprevedi li l-Komunità għandha tagħti kas ta’ l-aspetti kulturali fl-azzjonijiet tagħha taħt dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, partikularment sabiex tirrispetta u tippromwovi d-diversità tal-kulturi tagħha.

Biex twettaq aħjar dan l-impenn, il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ il-koordinazzjoni interna bejn is-servizzi u tapprofondixxi l-analiżi tagħha ta’ l-interazzjoni bejn id-diversità kulturali u l-politiki Komunitarji sabiex toħloq bilanċ xieraq bejn diversi għanijiet leġittimi ta’ politika pubblika, inkluża l-promozzjoni tad-diversità kulturali, meta jittieħdu d-deċiżjonijiet jew isiru proposti ta’ natura regolatorja jew finanzjarja. Pereżempju, il-Kummissjoni reċentement ħolqot grupp ġdid bejn is-servizzi biex jintlaħaq dan l-iskop.

Fir-rigward tad-dimensjoni esterna, qed tingħata attenzjoni partikulari lid-djalogu multikulturali u interkulturali u lid-djalogu bejn ir-reliġjonijiet, li jippromwovi l-komprensjoni bejn l-UE u s-sħab internazzjonali u li jilħqu aktar udjenza akbar fil-pajjiżi sħab. F’dan il-kuntest, l-edukazzjoni u partikularment l-edukazzjoni ta’ drittijiet umani għandhom rwol sinifikanti. Il-programm il-ġdid Erasmus Mundus se jikkontribwixxi għal dan. Il-Kummissjoni tappoġġa d-djalogu u l-attivitajiet relatati mal-kultura fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP), il-programm “Investiment fir-Riżorsi Umani”, fl-istituzzjonijiet bħall-Fondazzjoni Anna Lindh fir-reġjun Ewro-Mediterran, kif ukoll fi ħdan l-Alleanza taċ-Ċivilizzazzjonijiet tan-NU. Flimkien ma’ xi pajjiżi sħab fir-reġjun ta’ l-ENP, fl-Asja u bnadi oħra, programmi ta’ kooperazzjoni kulturali huma stabbiliti (bħalma hu l-Fond Kulturali għall-Indja). Dawn l-attivitajiet huma ta’ natura interdipendenti.

Sabiex jiġu appoġġati b’mod effiċjenti azzjonijiet kulturali speċifiċi fil-pajjiżi ta’ l-AKP, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li jinħoloq Fond Kulturali UE-AKP bħala kontribuzzjoni konġunta Ewropea biex tiġi appoġġata d-distribuzzjoni u f’ċerti każijiet il-produzzjoni tal-prodotti kulturali ta’ l-AKP. Il-Fond se jinkoraġġixxi t-tfaċċar ta’ swieq u industriji lokali, biex b’hekk jiġi ffaċilitat u inkoraġġut l-aċċess tan-nies lokali għall-kultura u għad-diversi mezzi ta’ espressjoni kulturali, u se jkabbar ukoll l-aċċess għall-prodotti kulturali ta’ l-AKP għas-swieq Ewropej permezz ta’ aċċess aħjar għan-netwerks u l-pjattaforom distributtivi fl-UE.

L-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp se jipprovdi bidu sabiex jiġi ffinanzjat dan il-Fond li se jiġi kkomplementat permezz tal-kontribuzzjonijiet ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE.

5. KONKLUżJONI

“Il-Kultura mhux lussu, iżda neċessità” Gao Xingjian

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-mument hu adatt għal aġenda ġdida Ewropea għal kultura, li tikkunsidra r-realtajiet tad-dinja ta’ llum li qed tiġi gglobablizzata.

Din il-Komunikazzjoni tressaq proposti konkreti kemm fir-rigward ta’ sett ta’ għanijiet komuni kif ukoll ta’ metodi ġodda biex tiżdied il-kooperazzjoni kulturali fl-UE.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali huma mistiedna jirreaġixxu għal din il-Komunikazzjoni.

Il-Kunsill hu mitlub jieħu l-passi meħtieġa biex jiddeċiedi dwar sett ta’ għanijiet komuni u dwar proċess adatt ta’ rapportar fi ħdan il-metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni li qed jiġi propost, u l-Kunsill Ewropew biex japprovahom fil-konklużjonijiet tiegħu.[pic][pic][pic]

[1] Ara http://ec.europa.eu/culture/eac/communication/consult_en.html uhttp://ec.europa.eu/development/body/theme/human_social/pol_culture1_en.htm

[2] Għal aktar dettalji, ara d-dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff anness “Inventarju ta’ l-azzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-kultura”.

[3] Id-Deċiżjoni Nru 1855/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 372, 27.12.2006).

[4] Id-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 378, 27.12.2006).

[5] Id-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-15 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 327, 24. 11. 2006).

[6] ’għajnuna biex tiġi promossa l-kultura u l-preservazzjoni tal-patrimonju meta din l-għajnuna ma tolqotx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fil-komunità sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni, tista’ tiġi kkunsidrata li hi kompatibbli mas-suq komuni’.

[7] Id-Deċiżjoni Nru 1983/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 412, 30.12.2006).

[8] Il-konklużjonijiet tal-2616-il laqgħa tal-Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ u Kultura, 15-16 ta’ Novembru 2004.

[9] Ref. Ir-Rapport dwar il-kooperazzjoni kulturali fl-Unjoni Ewropea – Giorgio Ruffolo – A5-0281/2001.

[10] Bħalma huma l-Ftehim ta’ Cotonou ma’ l-Istati Afrikani, tal-Karibew u l-Paċifiku, il-Programm tal-Viċinat u l-Partenarjat ma’ pajjiżi ġirien u r-Russja, u l-istrument ta’ l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni li jikkonċerna l-Asja u l-Amerika Ċentrali u Latina.

[11] Meta l-Kunsill Ewropew approva l-proposta tal-Kummissjoni ’L-Ewropa fid-Dinja – Proposti Prattiċi għal Koerenza, Effettività u Viżibilità Akbar’- KUMM(2006) 278.

[12] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2006/962/KE) (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).

[13] Ara l-istudju dwar l-Ekonomija tal-Kultura fl-Ewropa, imwettaq mill-KEA għall-Kummissjoni Ewropea, 2006 fl-indirizz http://ec.europa.eu/culture/eac/sources_info/studies/studies_en.html..

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet