52007DC0228


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew U LILL-KUNSILL dwar il-Promozzjoni tal-Protezzjoni tad-Data b'Teknoliġiji li jtejbu l-Privatezza (PETs)

/* KUMM/2007/0228 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.5.2007

KUMM(2007) 228 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-Promozzjoni tal-Protezzjoni tad-Data b'Teknoliġiji li jtejbu l-Privatezza (PETs)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-Promozzjoni tal-Protezzjoni tad- Data b'Teknoliġiji li jtejbu l-Privatezza (PETs) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. INTRODUZZJONI

L-iżvilupp intensiv u sostnut tat-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) qed joffri regolarment servizzi ġodda li jtejbu l-ħajja tan-nies. Il-materja prima għall-interazzjonijiet fis- cyberspace hija fil-biċċa l-kbira d- data personali ta' l-individwi li fiha tiċċirkula meta jixtru oġġetti jew servizzi, jistabbilixxu jew iżommu kuntatt ma' oħrajn jew jikkomunikaw l-idejat tagħhom fil-web dinjija. Ma' dawn il-benefiċċji miġjuba minn dawn l-iżviluppi, jinħolqu wkoll riskji ġodda għall-individwu, bħas-serq ta' l-identità, l-eżerċizzju diskriminatorju ta' profili, is-sorveljanza kontinwa jew frodi.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi fl-Artikolu 8 id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Dan id-dritt fundamentali huwa stipulat f'qafas legali Ewropew dwar il-protezzjoni tad- data personali li tikkonsisti b'mod partikolari fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data 95/46/EC[1] u d-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika 2002/58/EC[2] u kif ukoll ir-Regolament dwar il-Protezzjoni tad- Data (KE) 45/2001[3] rigward l-ipproċessar mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità. Din il-leġiżlazzjoni tistipula diversi dispożizzjonijiet sostantivi li jimponu obligazzjonijiet fuq il-kontrolluri tad- data u jirrikonoxxu d-drittijiet tas-suġġetti tad- data . Tippreskrivi wkoll sanzjonijiet u rimedji xierqa f'każi ta' ksur u tistabbilixxi mekkaniżmi ta' nfurzar sabiex tagħmilhom effettivi.

Madankollu, din is-sistema tista' tkun insuffiċjenti meta d- data personali tiċċirkula madwar id-dinja permezz tan-netwerks ta' l-ICT u l-ipproċessar tagħha jinvolvi diversi ġurisdizzjonijiet, ħafna drabi 'l barra mill-UE. F'dawn is-sitwazzjonijiet ir-regoli preżenti jistgħu jiġu kkunsidrati applikabbli u li jipprovdu reazzjoni legali ċara. Aktar minn hekk, tista' tiġi identifikata awtorità kompetenti sabiex tinforza r-regoli. Madankollu, jista' jkun hemm diversi ostakli prattiċi bħala riżultat ta' diffikultajiet bit-teknoloġija użata li jinvolvu l-ipproċessar tad- data minn atturi differenti f'postijiet differenti u jista' jkun hemm ostakli intrinsiċi għall-infurzar tad-deċiżjonijiet amminstrattivi u ġudizzjarji nazzjonali f'ġurisdizzjoni oħra, speċjalment f'pajjiżi li m'humiex fl-UE.

Filwaqt li strettament il-kontrolluri tad- data għandhom ir-responsabbiltà legali sabiex jaderixxu mar-regoli tal-protezzjoni tad- data , persuni oħra għandhom ukoll livell ta' responsabbiltà għall-protezzjoni tad- data mil-lat tas-soċjetà u etiku. Dawn jinvolvu dawk li jfasslu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u dawk li fil-fatt jiżviluppaw u jimplimentaw l-applikazzjonijiet jew is-sistemi ta' operazzjoni.

L-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data jistipula l-obbligu tal-kontrollur li jimplimenta miżuri tekniċi u ta' organizzazzjoni xierqa u li jiżgura livell xieraq ta' sigurtà għan-natura tad- data u r-riskji fl-ipproċessar tagħha. L-użu tat-teknoloġika sabiex jiġi msaħħaħ it-tħaris tal-leġiżlazzjoni, b'mod partikolari r-regoli tal-protezzjoni tad- data , huwa sa ċertu punt diġa previst fid-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika[4].

Pass aktar 'il quddiem fil-ksib ta' l-għan tal-qafas legali li għandu l-għan li jnaqqas l-ipproċessar ta' data personali u li tintuża data anonima jew psewdonima fejn possibbli, jista' jkun imsaħħaħ b'miżuri msejħa Teknoloġiji li jtejbu l-Privatezza jew PETs – li għandhom jiffaċilitaw l-assigurazzjoni li l-ksur tar-regoli tal-protezzjoni tad- data u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet individwali m'humiex biss ipprojbiti u suġġetti għal sanzjonijiet, iżda huma teknikament aktar diffiċli.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni, li ssegwi l-Ewwel Rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data [5], huwa li tikkunsidra l-benefiċċji tal-PETs, tistipula l-għanijiet tal-Kummissjoni f'dan il-qasam sabiex tippromwovi dawn it-teknoloġiji, u tipprovdi għal azzjonijiet ċari sabiex jintlaħaq dan l-għan bl-appoġġ għall-iżvilupp tal-PETs u l-użu tagħhom mill-kontrolluri tad- data u l-konsumaturi.

2. X’INHUMA L-PETS?

Hemm numru ta' definizzjonijiet tal-PETs użati mill-komunità akkademika u minn proġetti pilota dwar dan is-suġġett. Per eżempju, skond il-proġett PISA ffinanzjat mill-KE, PET tfisser sistema koerenti ta' miżuri ta' l-ICT li tipproteġi l-privatezza billi telimina jew tnaqqas data personali jew billi ma tħallix ipproċessar mhux neċessarju u/jew mhux mixtieq ta' data personali, kollox mingħajr ma tintilef il-funzjonabbiltà tas-sistema ta' informazzjoni. L-użu tal-PETs jista' jgħin sabiex jiġu ddisinjati sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni u servizzi b'mod li jnaqqas l-ġbir u l-użu ta' data personali u jiffaċilita l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad- data . Fl-ewwel rapport tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data l-Kummissjoni tikkunsidra li "... l-użu ta' miżuri teknoloġiċi xierqa huwa element kumplimentari essenzjali għall-mezzi legali u għandu jifforma parti integrali fi kwalunkwe sforzi sabiex jintlaħaq livell suffiċjenti ta' protezzjoni tal-privatezza..." . L-użu ta' PETs għandu jagħmel aktar diffiċli l-ksur ta' ċerti regoli tal-protezzjoni tad- data u/jew jgħin sabiex dawn jiġu skoperti.

Fl-ambitu dinamiku ta' l-ICT, l-effettività ta' PETs differenti sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-privatezza, inklużi aspetti ta' konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad- data , hija varja u tinbidel maż-żmien. It-tipoloġija tagħhom hija wkoll varja. Dawn jistgħu jkunu għodod awtonomi li jeħtieġu azzjoni pożittiva mill-konsumaturi (li għandhom jixtruhom u jinstallawhom fil-PCs tagħhom) jew jiġu inkorporati fl-arkitettura proprja tas-sistemi ta' l-informazzjoni. Hawnhekk jistgħu jiġu msemmija diversi eżempji ta' PETs:

- L-anonimizzazzjoni awtomatika tad- data , wara li jiskadi ċertu perjodu ta' żmien, tappoġġa l-prinċipju li d- data pproċessata għandha tinżam f'forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad- data għal żmien li ma jeċċedix dak meħtieġ għall-għanijiet li għalihom id- data tkun ġiet oriġinalment miġbura.

- L-għodda ta' l- encryption , li jimpedixxu l- hacking meta l-informazzjoni tiġi trażmessa fl-Internet, issaħħu l-obbligu tal-kontrollur tad- data li jieħu l-miżuri xierqa sabiex d- data personali tiġi protetta minn ipproċessar illegali tagħha.

- Il- cookie-cutters , li jwaqqfu l- cookies imqiegħda fil-PC ta' l-utent sabiex dan jeżegwixxi ċerti struzzjonijiet mingħajr ma l-utent ikun jaf bihom, itejbu il-konformità mal-prinċipju li d- data għandha tiġi pproċessata b'mod ġust u skond il-liġi, u li s-suġġett tad- data għandu jiġi informat bl-ipproċessar li jkun qed isir.

- Il-Platform għall-Preferenzi tal-Privatezza (P3P), li tippermetti l-utenti ta' l-internet li janalizzaw il-linji ta' politika tal-privatezza tal-websajts u jqabbluhom mal-preferenzi tagħhom fir-rigward ta' l-informazzjoni li huma jippermettu li tiġi rilaxxata, tgħin sabiex jiġi assigurat li l-kunsens tas-suġġetti tad- data ikun wieħed informat.

3. IL-KUMMISSJONI TAPPOġġA L-PETS

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-PETs għandhom jiġu żviluppati u użati b'mod aktar wiesa', partikolarment fejn id- data personali tkun ipproċessata permezz tan-netwerks ta' l-ICT. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-użu aktar wiesa' tal-PETs għandu jtejjeb il-protezzjoni tal-privatezza u kif ukoll jgħin it-tisħiħ tar-regoli tal-protezzjoni tad- data . L-użu ta' PETs ikun kumplimentari għall-qafas legali u l-mekkaniżmi ta' l-infurzar attwali.

Fil-Komunikazzjoni dwar strateġija għal Soċjetà ta' l-Informazzjoni sigura, COM(2006) 251 tal-31 ta' Mejju 2006, il-Kummissjoni stiednet b'mod partikolari lis-settur privat sabiex " jistimula l-applikazzjoni ta' prodotti, proċessi u servizzi li jtejbu s-sigurtà sabiex jiġi impedit u missielet is-serq ta' l-ID u attakki oħra fuq il-privatezza ". Aktar minn hekk, fil-Pjan ta' Direzzjoni tal-Kummissjoni għal Qafas ta' l-eIDM pan-Ewropew sa l-2010[6] wieħed mill-prinċipji ewlenin li jirregola l-maniġment ta' l-identità elettronika hija li "s-sistema għandha tkun sigura, timplimenta s-salvagwardji meħtieġa sabiex il-privatezza ta' l-utent tkun protetta, u tħalli li l-użu tagħha jikkonforma ma' l-interess u s-sensittivitajiet lokali" .

Fil-fatt l-intervent ta' atturi differenti fl-ipproċessar tad- data u l-eżistenza tal-ġurisdizzjonijiet nazzjonali differenti involuti jistgħu jirrendu diffiċli l-infurzar tal-qafas legali. Min-naħa l-oħra, il-PETs jistgħu jassiguraw il-prevenzjoni ta' ċerti vjolazzjonijiet tar-regoli tal-protezzjoni tad- data , li jġibu invażjonijiet tad-drittijiet fundamentali inkluża l-privatezza, peress li teknoloġikament ikunu aktar diffiċli biex isiru. Il-Kummissjoni hija konxja mill-fatt li t-teknoloġija – għalkemm għandha rwol kruċjali fil-protezzjoni tal-privatezza – m'hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex tassigura l-privatezza. Il-PETs jeħtieġu jiġu applikati skond qafas regolatorju ta' regoli infurzabbli tal-protezzjoni tad- data li jipprovdi numru ta' livelli negozjabbli ta' protezzjoni tal-privatezza għall-individwi kollha. L-użu tal-PETs ma jfissirx li l-operaturi jistgħu jinħallu minn xi wħud mill-obbligi legali tagħhom (eż. l-għotja lill-utenti individwali ta' dritt ta' aċċess għad- data tagħhom).

Interessi pubbliċi importanti jistgħu wkoll jiġu moqdija aħjar. Il-qafas legali tal-protezzjoni tad- data jipprovdi għal restrizzjonjiet għall-prinċipji ġenerali u ndħil fid-drittijiet ta' l-individwi minħabba interessi pubbliċi importanti bħas-sigurtà pubblika, il-ġlieda kontra l-kriminalità jew is-saħħa pubblika. Il-kundizzjonijiet għal dawn ir-restrizzjonijet huma stipulati fl-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data u l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Privatezza Elettronika. Dawn huma sostanzjalment simili għal dawk stipulati mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR), jiġifieri li tali ndħil isir skond il-liġi u huwa proporzjonali u meħtieġ f'soċjetà demokratika għal skop pubbliku leġittimu[7]. L-użu tal-PETs m'għandux iżomm lill-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi jew awtoritajiet kompetenti oħra milli jintervjenu fl-eżerċizzju regolari tal-funzjonijiet tagħhom fl-interess pubbliku importanti, eż. fil-ġlieda kontra l-kriminalità tas- cyber , fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jew fil-prevenzjoni tat-tixrid ta' mard li jittieħed. L-awtoritajiet responsabbli għandhom ikunu f'pożizzjoni li jaċċedu għad- data personali fejn meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet u dan skond il-proċeduri, il-kundizzjonijiet u s-salvagwardji stipulati mil-liġi.

Osservanza aħjar tar-regoli tal-protezzjoni tad- data jkollha wkoll impatt pożittiv fuq il-fiduċja tal-konsumatur, b'mod partikolari fis- cyberspace . Numru ta' servizzi li jippromettu u li għandhom valur miżjud li jiddependu fuq it-trasferimenti ta' data personali fin-Netwerks ta' l-IT, bħall- e-learning , l- e-government , l- e-health , l- e-banking , l- e-commerce jew is-sistemi " intelligent car " għandhom ċertament jibbenefikaw. In-nies jistgħu jkunu żguri li d- data li qed jipprovdu biex jidentifikaw lilhom infushom, biex jirċievu servizzi jew jagħmlu pagamenti għandhom jiġu użati biss għal skopijiet leġittimi u li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-komunità diġitali ma ssirx a skapitu tad-drittijet tagħhom.

4. IX-XOGħOL MAGħMUL U T-TRIQ 'IL QUDDIEM

Biex jintlaħaq l-għan li l-livell tal-protezzjoni tal-privatezza u tad- data fil-Komunità jitjieb permezz ta', fost oħrajn, il-promozzjoni ta' l-iżvilupp u l-użu tal-PETs, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tagħmel l-attivatijiet li ġejjin, bl-involviment ta' firxa wiesgħa ta' atturi, inklużi s-servizzi tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali, l-industrija u l-konsumaturi.

F'dawn id-diskussjonijiet tingħata attenzjoni lis-sitwazzjoni speċifika ta' l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-possibbiltajiet jew l-inċentivi għall-użu minnhom tal-PETs. Il-Kummissjoni għandha wkoll, fost affarijiet oħra, tikkunsidra l-fiduċja u l-għarfien – materji li għandhom importanza partikolari għall-SMEs.

4.1. L-ewwel għan: li tgħin l-iżvilupp tal-PETs

Sabiex ikun hemm użu wiesa' tal-PETs, jeħtieġ li jkun hemm disinjar, żviluppar u manifatturar utlerjuri tagħhom. Filwaqt li dawn l-attivitajiet huma diġa magħmula sa ċertu punt mis-settur pubbliku u privat il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn l-attivitajiet għandhom jiġu mkattra. B'dan l-għan fil-ħsieb, il-ħtieġa għall-PETs u r-rekwiżiti teknoloġiċi tagħhom għandhom jiġu identifikati u l-attivitajiet ta' l-RTD għandhom jiżviluppaw l-għodda.

4.1.1. Azzjoni 1.1.: L-identifikazzjoni tal-ħtieġa u r-rekwiżiti teknoloġiċi tal-PETs

Il-PETs huma dipendenti ħafna fuq l-evoluzzjoni ta' l-ICT. Hekk kif jiġu skoperti l-perikli li jirriżultaw mill-iżviluppi teknoloġiċi, għandhom jiġu identifikati r-rekwiżiti xierqa għal soluzzjoni teknoloġika.

Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi diversi gruppi li għandhom interess sabiex jiltaqgħu u jiddibattu dwar il-PETs. Dawn il-gruppi għandhom jinkludu b'mod partikolari rappreżentanti mis-settur ta' l-ICT, żviluppaturi tal-PETs, awtoritajiet tal-protezzjoni tad- data , korpi ta' l-infurzar tal-liġi, imsieħba fit-teknoloġija inklużi esperti fl-oqsma rilevanti, bħall- eHealth jew is-sigurtà ta' l-informazzjoni, konsumaturi u assoċjazzjonijiet tad-drittijiet ċivili. Dawn għandhom isegwu b'mod regolari l-evoluzzjoni tat-teknoloġija, jidentifikaw il-perikli li din għandha għad-drittijet fundamentali u l-protezzjoni tad- data , u jippreparaw il-punti prinċipali tar-rekwiżiti tekniċi ta' reazzjoni mill-PETs. Din tista' tinkludi l-aġġustament fid-dettal ta' miżuri teknoloġiċi skond ir-riskji differenti u d- data differenti involuta u titqies il-ħtieġa li jiġu salvagwardjati l-interessi pubbliċi, bħas-sigurtà pubblika.

4.1.2. Azzjoni 1.2.: Żvilupp tal-PETs

Hekk kif il-ħtieġa u r-rekwiżiti teknoloġiċi tal-PETs jiġu identifikati, tkun meħtieġa azzjoni konkreta sabiex jitlesta prodott finali tajjeb għall-użu.

Il-Kummissjoni diġà indirizzat il-ħtieġa għall-PETs. Taħt l-awspiċi tas-6 Programm ta' Qafas hija tisponsorja l-proġett PRIME[8] li jittratta materji ta' maniġment ta' l-identità diġitali u tal-privatezza fis-soċjetà ta' l-informazzjoni. Il-proġett OPEN-TC[9] għandu jippermetti protezzjoni tal-privatezza ibbażata fuq informatika miftuħa u affidabbli u l-proġett DISCREET[10] jiżviluppa middleware sabiex il-privatezza tiġi infurzata f'servizzi avvanzati ta' netwerk. Fil-futur, taħt is-7 Programm ta' Qafas, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb tgħin proġetti oħra ta' l-RTD u dimostrazzjonijiet pilota fuq skala kbira sabiex jiżviluppaw u jistimulaw l-użu tal-PETs. L-għan huwa li tiġi pprovduta l-bażi għal servizzi tal-protezzjoni tal-privatezza li jsaħħu l-utent b'rikonċiljazzjoni tad-differenzi legali u tekniċi madwar l-Ewropa permezz ta' soċjetajiet pubbliċi-privati.

Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali u lis-settur privat sabiex jinvestu fl-iżvilupp tal-PETs. Tali investiment huwa importanti sabiex l-industrija Ewropea tkun minn ta' quddiem f'settur li għandu jikber hekk kif l-użu ta' dawn it-teknoloġiji se jkun dejjem aktar meħtieġ mill-istandards teknoloġiċi u mill-konsumaturi li jagħrfu aktar il-ħtieġa li jipproteġu d-drittijiet tagħhom fis- cyberspace .

4.2. It-tieni għan: li tappoġġa l-użu ta' PETs disponibbli mill-kontrolluri tad- data

Il-PETs ikunu biss verament ta' benefiċċju jekk jiġu inkorporati u użati b'mod effettiv mill-apparat tekniku u l-għodda tas- software li jipproċessaw id- data personali. Hija għalhekk importanti ħafna l-parteċipazzjoni ta' l-industrija li timmanifattura dan l-apparat u tal-kontrolluri tad- data li jagħmlu użu minnu fit-twettiq ta' l-attivitajiet ta' l-ipproċessar tad- data .

4.2.1. Azzjoni 2.1.: Il-promozzjoni ta' l-użu tal-PETs mill-industrija

Il-Kummissjoni temmen li dawk kollha involuti fl-ipproċessar ta' data personali għandhom x'jiggwadanjaw minn użu aktar wiesa' tal-PETs. L-industrija ta' l-ICT, bħala l-iżviluppatur u l-fornitur primarju tal-PETs, għandha rwol partikolarment importanti fil-promozzjoni tal-PETs. Il-Kummissjoni tappella lill-kontrolluri tad- data kollha sabiex jinkorporaw u japplikaw il-PETs b'mod aktar wiesa' u intensiv fl-ipproċessar tagħhom. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se torganizza seminars b'atturi prinċipali fl-industrija ta' l-ICT, u b'mod partikulari żviluppaturi tal-PETs, bl-għan li tiġi analizzata l-kontribuzzjoni possibbli tagħhom għall-promozzjoni ta' l-użu tal-PETs minn kontrolluri tad- data .

Il-Kummissjoni għandha wkoll tagħmel studju dwar il-benefiċċji ekonomiċi tal-PETs u tikkomunika r-riżultati sabiex tinkoraġġixxi l-impriżi, partikolarment l-SMEs, sabiex jużawhom.

4.2.2. Azzjoni 2.2.: Assigurazzjoni tal-konformità ma' l-istandards xierqa fil-protezzjoni tad-data personali permezz tal-PETs

Filwaqt li attività ta' promozzjoni wiesgħa teħtieġ l-involviment attiv ta' l-industrija ta' l-ICT, bħala l-produttur tal-PETs, il-konformità ma' l-istandards xierqa teħtieġ azzjoni li tmur lilhinn mir-regolazzjoni tagħha stess jew ir-rieda tajba ta' l-atturi involuti. Il-Kummissjoni se tistħarreġ il-bżonn li tiżviluppa standards dwar l-ipproċessar skond il-liġi tad- data personali bil-PETs permezz ta' evalwazzjonijiet xierqa ta' l-impatt. Fuq il-bażi tar-riżultat ta' dawn l-evalwazzjonijiet, żewġ tipi ta' strumenti jistgħu jiġu kkunsidrati:

- Azzjoni 2.2.a) Standardizzazzjoni

Il-Kummissjoni ser issegwi l-ħtieġa li l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad- data jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni. Il-Kummissjoni ser tagħmel l-almu tagħha sabiex tieħu in kunsiderazzjoni l- input tad-dibattitu dwar il-PETs li jinvolvi diversi partijiet interessati fil-preparazzjoni ta' l-azzjonijiet korrispondenti tal-Kummissjoni u x-xogħol tal-korpi ta' standardizzazzjoni Ewropej. Dan se jkun importanti ħafna, b'mod partikolari, fejn id-dibattitu jidentifika standards xierqa ta' protezzjoni tad- data li jirrekjedu l-inkorporazzjoni u l-użu ta' ċerti PETs.

Il-Kummissjoni tista' tistieden lill-Organizzazzjonijiet Ewropej ta' l-Istandardizzazzjoni (CEN, CENELEC, ETSI) sabiex jevalwaw il-ħtiġijiet speċifiċi Ewropej, u sabiex imbagħad dawn jitressqu fuq il-livell internazzjonali billi jiġu applikati l-ftehimiet attwali bejn l-organizzazzjonijiet ta' l-istandardizzazzjoni Ewropej u dawk internazzjonali. Fejn xieraq, l-ESOs għandhom jistabbilixxu programm ta' xogħol ta' standardizzazzjoni speċifiku li jkopri l-ħtiġijiet Ewropej u b'hekk jiġi kkumplimentat ix-xogħol li qed isir fil-livell internazzjonali.

- Azzjoni 2.2.b) Koordinazzjoni ta' regoli tekniċi nazzjonali dwar miżuri ta' sigurtà għall-ipproċessar tad-data

Leġiżlazzjoni nazzjonali adottata skond id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data [11] tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad- data ċertu influwenza fid-determinazzjoni ta' rekwiżiti tekniċi preċiżi, bħall-provvediment ta' gwida lill-kontrolluri, l-eżaminar ta' sistemi mwaqqfa jew il-ħruġ ta' struzzjonijiet tekniċi. L-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad- data jistgħu jirrekjedu wkoll l-inkorporazzjoni u l-użu ta' ċerti PETs fejn l-ipproċessar ta' data personali involuta jagħmel dan meħtieġ. Il-Kummissjoni tikkunsidra li din hija żona fejn il-koordinazzjoni tal-prattika nazzjonali tista' tikkontribwixxi pożittivament fil-promozzjoni ta' l-użu tal-PETs. B'mod partikolari l-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29[12] jista' jikkontribwixxi fir-rwol tiegħu li jikkunsidra l-applikazzjoni uniformi ta' miżuri nazzjonali adottati taħt id-Direttiva. Il-Kummissjoni għalhekk tappella lill-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 sabiex ikompli bix-xogħol tiegħu fil-qasam billi jinkludi fil-programm tiegħu attività permanenti ta' analiżi tal-ħtiġijiet għall-inkorporazzjoni tal-PETs f'operazzjonijiet ta' l-ipproċessar tad- data bħala mezz effettiv sabiex tiġi assigurata l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad- data . Dan ix-xogħol għandu imbagħad jipprovdi linjigwida għall-awtoritajiet tal-protezzjoni tad- data sabiex dawn jiġu implimentati fil-livell nazzjonali permezz ta' adozzjoni koordinata ta' l-istrumenti xierqa.

4.2.3. Azzjoni 2.3.: Il-promozzjoni ta' l-użu tal-PETs mill-awtoritajiet pubbliċi

Numru konsistenti ta' operazzjonijiet ta' pproċessar li jinvolvu data personali huma konklużi minn awtoritajiet pubbliċi fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll Komunitarju. Il-korpi pubbliċi nfushom huma marbuta li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-protezzjoni tad- data , u jassiguraw il-konformità minn oħrajn, u għalhekk għandhom ikunu eżempju ċar ta' dan.

Fir-rigward ta' awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni tinnota l-proliferazzjoni ta' l-applikazzjonijiet ta' l- eGovernment bħala għodda għat-titjib fl-effettività tas-servizz pubbliku. Kif dikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol ta' l-eGovernment għall-futur ta' l-Ewropa [13], l-użu tal-PETs fl- eGovernment huwa meħtieġ sabiex titnissel il-fiduċja u l-kunfidenza sabiex jiġi assigurat is-suċċess tagħha. Il-Kummissjoni tappella lill-gvernijiet jassiguraw li s-salvagwardji tal-protezzjoni tad- data jiġu implimentati fl-applikazzjonijet ta' l- eGovernment , inkluż permezz ta' l-użu l-aktar wiesa' possibbli tal-PETs fid-disinn u l-implimentazzjoni tagħhom.

Fir-rigward ta' l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità, il-Kummissjoni nfisha għandha tassigura li tikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) 45/2001 b'mod partikolari permezz ta' użu aktar wiesa' ta' PETs fl-implimentazzjoni ta' l-applikazzjonijiet ta' l-ICT li jinvolvu l-ipproċessar tad- data personali. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tappella lill-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-UE sabiex jagħmlu l-istess. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad- Data jista' jikkontribwixxi bil-parir tiegħu lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità fir-rigward ta' l-abbozzar ta' regoli interni relatati ma' l-ipproċessar tad- data personali. Fl-għażla ta' l-applikazzjonijiet ta' l-ICT għall-użu tagħha stess, jew meta tiżviluppa applikazzjonijiet eżistenti, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-possibbiltà li tintroduċi teknoloġiji li jtejbu l-privatezza. L-importanza tal-PETs għandha tiġi riflessa fl-istrateġija ġenerali tar-regolarizzazzjoni ta' l-IT tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ser tkompli wkoll iżżid l-għarfien ta' l-istaff tagħha. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-PETs fl-applikazzjonijiet ta' l-ICT tal-Kummissjoni tiddependi fuq id-disponibbiltà tal-prodotti korrispondenti u jkollha tiġi evalwata fuq bażi ta' każ b'każ, skond iċ-ċiklu ta' l-iżvilupp ta' l-applikazzjoni.

4.3. It-tielet għan: li l-konsumaturi jiġu inkoraġġiti jużaw il-PETs

Il-konsumaturi jibqgħu l-parti l-aktar interessata fl-assigurazzjoni li l-informazzjoni personali tiġi użata kif xieraq, li jiġu ppromulgati kif xieraq ir-regoli tal-protezzjoni tad- data, u li l-PETs ikunu mezz effiċjenti biex jiggarantixxu dan.

Għalhekk il-konsumaturi għandhom ikunu mgħarrfa bis-sħiħ bil-vantaġġi li l-użu tal-PETs jistgħu jġibu sabiex jitnaqqsu r-riskji minn operazzjonijiet li jinvolvu l-ipproċessar tad- data personali tagħhom. Għandhom ukoll jitqiegħdu f'pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jeżerċitaw għażla informata meta jixtru apparat u software ta' l-IT, jew meta jużaw is-servizzi elettroniċi. Dan għandu jirrifletti l-għarfien tagħhom tar-riskji involuti, b'mod partikolari jekk il-PETs joffrux protezzjoni xierqa. Għalhekk għandha tiġi pprovduta lill-utent informazzjoni sempliċi u li tinftiehem dwar għodda teknoloġika possibbli għall-protezzjoni tal-privatezza. Użu akbar tal-PETs u użu akbar ta' servizzi elettroniċi li jinkorporaw il-PETs għandhom min-naħa l-oħra jfissru benefiċċju ekonomiku lill-industriji li jużawhom, u jistgħu jwasslu għal aktar titjib, billi jġiegħlu lil kumpanniji oħra joqogħdu aktar attenti fil-konformità tagħhom mar-regoli tal-protezzjoni tad- data . Sabiex iseħħ dan, jeħtieġ li jittieħdu sensiela ta' passi.

4.3.1. Azzjoni 3.1.: Tkattir ta' l-għarfien tal-konsumaturi

Strateġija konsistenti għandha tiġi adottata sabiex jitkattar l-għarfien tal-konsumaturi dwar ir-riskji involuti fl-ipproċessar tad- data tagħhom u tas-soluzzjonijiet li l-PETs jistgħu jipprovdu, bħala kumplimentari għas-sistemi eżistenti ta' rimedji li jinsabu fil-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad- data . Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb tvara sensiela ta' attivitajiet ta' tkattir ta' l-għarfien madwar l-UE dwar il-PETs.

Ir-responsabbiltà ewlenija għat-twettiq ta' din l-attività taqa' fl-ambitu ta' l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad- data li diġa għandhom esperjenza rilevanti f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni tappellalhom sabiex iżidu l-attivitajiet tagħhom tat-tkattir ta' l-għarfien sabiex jinkludu informazzjoni dwar il-PETs permezz tal-mezzi kollha possibbli li huma disponibbli għalihom. Il-Kummissjoni tinkuraġġixxi wkoll lill-Grupp ta' Ħidma ta' l-Artikolu 29 sabiex jikkoordina prattika nazzjonali fi pjan ta' ħidma koerenti għat-tkattir ta' l-għarfien dwar il-PETs u sabiex iservi ta' punt fejn jistgħu jiltaqgħu sabiex tiġi skambjata l-prattika tajba diġà fis-seħħ fil-livell nazzjonali. B'mod partikolari, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet oħra bħan-Netwerk taċ-Ċentri tal-Konsumatur (ECC-Net), fir-rwol tiegħu bħala netwerk ta' madwar l-UE li javża liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi, jistgħu jissieħbu fl-għan li jedukaw lill-konsumaturi.

4.3.2. Azzjoni 3.2.: Il-faċilitar ta' l-għażla informata tal-konsumaturi: Siġilli tal-privatezza

L-adozzjoni u l-użu tal-PETs jistgħu jiġu inkuraġġiti jekk il-preżenza ta' dawn it-teknoloġiji f'ċertu prodott u l-elementi bażiċi tiegħu jkunu faċilment identifikabbli. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb tinvestiga l-fattibbiltà ta' sistema madwar l-UE ta' siġilli ta' privatezza, li tinkludi wkoll analiżi ta' l-impatt ekonomiku u l-impatt fuq is-soċjetà. L-għan ta' dawn is-siġilli ta' privatezza jkun sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu faċilment jirrikonoxxu ċertu prodott bħala li jassigura jew itejjeb il-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad- data fl-ipproċessar tad- data , b'mod partikolari bl-inkorporazzjoni tal-PETs xierqa.

Sabiex jintlaħaq l-għan tas-siġilli tal-privatezza, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prinċipji li ġejjin għandhom jiġu osservati:

- In-numru ta' sistemi tas-siġill tal-privatezza għandu jinżamm baxx. Fil-fatt, proliferazzjoni ta' siġilli tista' twassal għal aktar konfużjoni għall-konsumatur u taffettwa ħażin il-fiduċja tiegħu fis-siġilli kollha. Għalhekk, għandha ssir evalwazzjoni dwar jekk u sa fejn għandu jkun xieraq li siġill ta' privatezza Ewropew jiġi integrat fi skema aktar ġenerali ta' ċertifikazzjoni ta' sigurtà[14].

- Is-siġilli ta' privatezza għandhom biss jinħarġu għall-konformità ta' ċertu prodott ma' sett ta' standards li jikkorrispondu għar-regoli tal-protezzjoni tad- data . L-istandards għandhom ikunu kemm jista' jkun uniformi madwar l-UE.

- L-awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad- data , għandhom jassumu rwol importanti fis-sistema permezz ta' l-involviment tagħhom fid-definizzjoni ta' l-istandards u l-proċeduri rilevanti u kif ukoll fil-monitoraġġ tat-tħaddim tas-sistema tas-siġill.

B'dan fil-ħsieb, u wara li tittieħed in kunsiderazzjoni l-esperjenza preċedenti dwar il-programmi ta' siġill f'oqsma oħra (eż. l-ambjent, l-agrikoltura, iċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà għal prodotti u servizzi), il-Kummissjoni se tagħmel djalogu mal-partijiet kollha interessati, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad- data , l-assoċjazzjonijiet industrijali u tal-konsumatur u l-korpi ta' standardizzazzjoni.

[1] Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali data (ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31).

[2] Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-ħarsien tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi), ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37.

[3] Ir-Regolament (KE) Nru 45/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id- data (ĠU L 8 tat-12.1.2001, p. 1).

[4] Il-Premessa 46 u l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2002/58/KE

[5] COM (2003) 265(01), 15.5.2003, ara http://eurlex.europa.eu/LexUriServ/site/en/com/2003/com2003_0265en01.pdf

[6] http://ec.europa.eu/information_society/activities/egovernment_research/doc/eidm_roadmap_paper.pdf

[7] Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, sentenza ta' l-20.5.2003, Kawżi konġunti C-465/00, C-138/01 u C-139/01 “Österreichischer Rundfunk u Oħrajn” (“Rechnungshof") ECR [2003] I-04989, paragrafi 71 u 72.

[8] https://www.prime-project.eu/

[9] http://www.opentc.net/

[10] http://www.ist-discreet.org/

[11] eż. Artikolu 17

[12] Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar tad- Data Personali imwaqqaf bl-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE.

[13] COM (2003) 567 finali, 26.9.2003.

[14] Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-31 ta' Mejju 2006 dwar Strateġija għal Soċjetà ta' Informazzjoni sigura “Djalogu, sħubija u responsabbilizzazzjoni” (COM (2006) 251 finali), il-Kummissjoni diġa stiednet lis-settur privat sabiex “jaħdem għal skemi ta' ċertifikazzjoni ta' sigurtà affordabbli għal prodotti, proċessi u servizzi li jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi ta' l-UE (b'mod partikolari fir-rigward tal-privatezza)”.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet