52007DC0100


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp [SEG(2007) 332]

/* KUMM/2007/0100 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.3.2007

KUMM(2007) 100 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp [SEG(2007) 332]

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp

Introduzzjoni

Huwa ferm rikonoxxut li l-Ugwaljanza bejn is-Sessi m'hijiex biss kruċjali fiha nnifisha imma hija dritt fundamentali u kwistjoni ta' ġustizzja soċjali. Barra minn hekk, l-Ugwaljanza bejn is-Sessi hija essenzjali għat-tkabbir u għat-tnaqqis fil-faqar, u hija importanti biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp. Minkejja dan, l-inugwaljanzi bejn is-sessi għad għandhom għeruq profondi wisq fis-sistemi kulturali, soċjali u politika ta' bosta pajjiżi.

Il-KE u l-Istati Membri ta' l-UE huma parteċipanti ewlenin fl-isforz biex jeliminaw id-differenzi bejn is-sessi fil-partijiet tad-dinja li għadhom qed jiżviluppaw. Fil-livell internazzjonali hemm firmatarji għall-Ftehim Internazzjonali u Dikjarazzjonijiet favur l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (1) (għan-noti ta' l-aħħar ara Anness I ). Bl-istess mod, il-politika attwali ta' l-UE għall-iżvilupp tieħu impenn qawwi biex tħaffef il-progress f'dan il-qasam importanti.

Għalhekk, il- Konsensus Ewropew (2) jenfasizza l-importanza ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-kuntest ta' modalitajiet ġodda ta' għajnuna. Filwaqt li l-Ugwaljanza bejn is-Sessi huwa għan komuni u valur komuni għall-UE kollha kemm hi, il-Konsensus jgħaraf l-Ugwaljanza bejn is-Sessi bħala għan fiħ innifsu. Barra minn hekk, id-dokument ta' politika jidentifika l-Ugwaljanza bejn is-Sessi bħala wieħed mill-ħames prinċipji komuni ( 3 ) tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE.

Barra minn hekk, l-UE hija impenjata għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, il-bniet u s-subien fil-Ftehimiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp mar-reġjuni ġeografiċi kollha ( 4 ). B'żieda ma' dan, il-'Pjan ta' Rotta għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel' ( 5 ) jidentifika l-'promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tisħiħ barra mill-UE' bħala wieħed mis-sitt oqsma ta' prijorità ( 6 ).

Biex isir progress lejn Ugwaljanza ikbar bejn is-Sessi, il-parti l-kbira ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea s'issa, adottaw strateġija fuq żewġ binarji. Din tinkludi, fuq naħa waħda, l-integrazzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-politika, fl-istrateġiji u fl-azzjonijiet kollha u, min naħa oħra, il-finanzjament ta' miżuri li jappoġġjaw it-tisħiħ tan-nisa b'mod dirett (7) .

Biex din l-istrateġija tiġi adattata għall-modalitajiet ġodda ta' għajnuna u għar-rekwiżiti tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività ta' l-Għajnuna, il-Kummissjoni, flimkien ma' l-UNIFEM ( 8 ), organizzat Konferenza ewlenija f'Novembru 2005 dwar it-tema "Pussess ta' l-Iżvilupp: Il-Promozzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi f'Modalitajiet Ġodda ta' Għajnuna u Sħubija". Din il-Konferenza rrevediet il-progress li sar fl-eliminazzjoni ta' l-inugwaljanza bejn is-sessi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u evalwat mill-ġdid ir-rwol ta' l-UE fit-tħaffif ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-kuntest ta' kambjamenti fl-arkitettura ta' l-għajnuna ta' l-UE għall-iżvilupp.

Din il-Komunikazzjoni tibni fuq ir-riżultat ta' dik il-Konferenza, il-qafas politiku tal-Konsensus Ewropew, u fuq l-esperjenza prattika li akkwistat s'issa. Il-Komunikazzjoni twieġeb ukoll l-impenji li saru fil-Pjan ta' Rotta għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel billi tifformula strateġija ta' l-UE għall-progress biex jintlaħqu:

- drittijiet indaqs (politiċi, ċivili, ekonomiċi, fl-impjiegi, soċjali u kulturali) għal nisa, irġiel, bniet u subien;

- aċċess indaqs, u kontroll fuq, riżorsi għan-nisa u l-irġiel;

- opportunitajiet indaqs biex tinkiseb influwenza politika u ekonomika għan-nisa u l-irġiel.

Filwaqt li l-'Programm ta' Azzjoni għall-integrazzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Komunità' ta' qabel validu mill-2001 sa l-2006 pprovda l-bażi għall-bini ta' kapaċità fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, id-dokument preżenti jpoġġi l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa f'post prominenti fil-kuntest ta' l-UE u dan bl-intenzjoni li jibgħat sinjal qawwi kemm jista' jkun dwar l-importanza ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-isforzi futuri kollha fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE.

Il-Prinċipji Ġustifikattivi għall-Ugwaljanza bejn is Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa

In-nisa huma fiċ-ċentru ta' l-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli, it-tnaqqis fil-faqar u l-ħarsien ta' l-ambjent. Minkejja dan, l-inugwaljanza bejn is-sessi hija parti mill-esperjenza ta' kuljum ta' parti kbira tan-nisa fid-dinja. Minkejja n-natura kumplessa ta' inugwaljanzi bħal dawn, l-esperjenza wriet li l-oqsma li ġejjin huma partikolarment sinifikanti fil-fehma tar-relazzjoni bejn l-istatus tan-nisa u t-tnaqqis sostenibbli fil-faqar.

Ir-rwol tan-nisa fl-impjieg u attivitajiet ekonomiċi huwa spiss sottovalutat minħabba li l-biċċa l-kbira tan-nisa jaħdmu f'setturi informali , spiss bi produttività u pagi baxxi, kundizzjonijiet ta' xogħol fqar, u bi ftit jew ebda protezzjoni soċjali. Pereżempju fl-Afrika n-nisa huma 52% tal-populazzjoni, jikkontribwixxu 75% tax-xogħol agrikulturali u jipproduċu u jbigħu fis-suq 60 sa 80% ta' l-ikel. Il-forza tax-xogħol tan-nisa fl-Afrika 'l isfel mis-Saħara fl-2005 kienet ta' 73 miljun, li tirrappreżenta 34 fil-mija ta' dawk impjegati fis-settur formali, li jaqalgħu biss 10 fil-mija tad-dħul filwaqt li għandhom 1 fil-mija ta' l-assi ( 9 ).

Għalkemm il-liberalizzazzjoni tal- kummerċ kellu impatt pożittiv fuq il-parti l-kbira ta' l-ekonomiji fuq żmien twil, dan jista' jirriżulta wkoll f'konsegwenzi negattivi fil-qasir żmien għall-gruppi vulnerabbli b'effett partikolari fuq in-nisa fqar ( 10 ). Setturi differenti ta' l-ekonomija jistgħu jkollhom impatt kruċjali fuq l-Ugwaljanza bejn is-Sessi: Pereżempju infrastruttura fqira tista' tippreġudika l-edukazzjoni tal-bniet minħabba trasport mhux sikur jew jekk is-sorsi ta' l-ilma qrib 'iġiegħlu' lill-ġenituri jużaw il-bniet għax-xogħol tad-dar.

It-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa huwa aspett ewlieni ta' l- iggvernar . F'bosta pajjiżi għad hemm tendenza li n-nisa jkunu marġinalizzati bħala dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Il-Leġiżlazzjoni li tiżgura d- drittijiet indaqs ( 11 ) għan-nisa u l-irġiel kollha hija importanti ħafna u għandha wkoll tkun akkumpanjata b'implimentazzjoni sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali tan-nisa kif ukoll biex ittejjeb it-tnaqqis fil-faqar u t-tkabbir ekonomiku. F' sitwazzjonijiet ta' kunflitt in-nisa ghandhom rwol importanti ħafna u għandhom ikunu inklużi bis-sħiħ fl-isforzi ta' bini għall-paċi, b'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1325 ( 12 ).

L-inugwaljanza bejn is-sessi rigward aċċess għall- edukazzjoni tippersisti ( 13 ). 57% tat-tfal ta' l-età li jattendu l-iskola li ma jattendux l-iskola huma bniet ( 14 ), filwaqt li kważi żewġ terzi tan-nies illitterati fid-dinja huma nisa ( 15 ). Il-kapaċità tan-nisa u l-bniet li jsaħħu l-pożizzjoni ekonomika u soċjali tagħhom billi jmorru l-iskola jew billi jipparteċipaw f'attivitajiet produttivi u ċiviċi barra d-dar hija limitata bir-risponsabbiltà tagħhom bl-impenji ta' kuljum fil-qasam tax-xogħol domestiku.

Fil-qasam tas- saħħa hemm tħassib dwar l-aċċess limitat tan-nisa għas-servizzi bażiċi tas-saħħa. Barra minn hekk, il-qasam ewlieni fejn hemm tħassib serju fuq l-Inugwaljanza bejn is-Sessi huwa fl-isfera tas-saħħa u drittijiet sesswali u riproduttivi (SRHR). Mhux biss żieda fl-investiment SRH jappoġġja d-dritt bażiku uman, imma żieda fl-istatus tas-saħħa tan-nisa għandu effett pożittiv fuq l-ekonomija in ġenerali. Bosta mill-gwadanji mudesti fis-saħħa tan-nisa li saru f'dawn l-aħħar deċennji issa huma mhedda bil-pandemija ta' l-HIV/AIDS. B'żieda ma' dan, ir-rata dejjem tikber ta' l-infezzjoni ta' l-HIV fost in-nisa u l-bniet hija kawża ta' tħassib serju ( 16 ).

Il-vjolenza b'karatteristiċi marbuta mas-sess tal-persuna hija vjolazzjoni kemm tad-drittijiet umani tan-nisa kif ukoll ostaklu serju għall-kisba ta' ugwaljanza, żvilupp u paċi. Bosta drabi l-vjolenza sesswali hija assoċjata mal-firxa ta' l-HIV/AIDS. It-Traffikar tan-nisa huwa reat, li għandu l-għeruq fil-faqar mifrux, inugwaljanza, iggvernar dgħajjef, kunflitti armati u nuqqas ta' protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni.

Analiżi iktar dettaljata dwar l-inugwaljanza bejn is-sessi tinsab fl- Anness II .

Progress u Sfidi

L-Unjoni Ewropea ħadet passi importanti fl-appoġġ ta' iktar Ugwaljanza bejn is-Sessi kemm fl-Unjoni kif ukoll barra. L-Ugwaljanza bejn is-Sessi qed issir parti rikonoxxuta tad-djalogu ma' iktar u iktar pajjiżi sħab u qed tkun inkluża fil-konsultazzjonijiet ta' l-UE mas-soċjetà ċivili. Dan il-proċess żied il-livell ta' għarfien fis-sħab ta' żvilupp tagħna rigward l-importanza ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u ssensitizzathom b'mod partikolari għar-relazzjoni bejn iktar ugwaljanza u tnaqqis fil-faqar ( 17 ). Dan il-proċess ikkumplementa l-progress kunsiderevoli fil-livell tal-pajjiż fit-tħaffif tal-kisba ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi permezz ta' proġetti u programmi varji appoġġjati mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri ta' l-UE ( 18 ). Matul l-10 eżerċizzju ta' programmazzjoni EDF, il-KE enfasizzat partikolarment is-sensitizzazzjoni ta' l-istrateġiji tal-pajjiż rigward il-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Sar progress ċar ukoll fil-qasam tal-bini tal-kapaċitajiet kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-Kummissjoni. (19)

Madanakollu, minkejja dan il-progress, għad fadal sfidi sinifikanti. L-ewwelnett, għadna 'l bogħod milli nilħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millenju. B'mod partikolari, id-data ta' għeluq ta' l-ewwel Għan ta' Żvilupp għall-Millenju ta' l-eliminazzjoni tad-disparitajiet bejn is-sessi fl-edukazzjoni primarja u sekondarja sa l-2005 għaddiet u l-għan ma ntlaħaqx. Id-dħul tal-bniet fl-iskejjel sekondarji meta mqabbla mas-subien kien ta' medja ta' 89% fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. In-nisa għad għandhom sehem iżgħar ta' impjieg deċenti mill-irġiel, u waħda minn tliet nisa tbagħti minn vjolenza b'karatterstiċi marbuta mas-sess matul ħajjitha. Barra minn hekk, l-attenzjoni ta' l-Għanjiet tal-Millenju għall-Iżvilupp fl-aspetti tas-saħħa u edukazzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ma jolqtux dimensjonijiet b'diversi aspetti ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ( 20 ).

It-tieni, fil-livell soċjali u kulturali hemm fatturi importanti li jservu biex il-progress jimxi bil-mod fid-direzzjoni tal-kisba ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi. Għalhekk, strutturi soċjali tradizzjonali jistgħu joffru biss inċentivi limitati għat-tibdil tad-distribuzzjoni tas-setgħa bejn l-irġiel u n-nisa, speċjalment għal dawk b'interess qawwi li jżommu l- istatus quo . Dan jista' jispjega xi ftit kif azzjonijiet speċifikament relatati ma' l-ugwaljanza m'humiex dejjem meqjusa bħala prijorità għolja u għaliex, fil-parti l-kbira ta' l-istrateġiji tal-pajjiżi, l-ugwaljanza hija kwistjoni sussidjarja ( 21 ).

Għal darb'oħra, minkejja l-progress konsiderevoli li sar, huwa ċar li l-integrazzjoni effettiva tas-sessi għadha ma ġietx integrata bis-sħiħ fl-istrateġiji tal-pajjiżi jew fil-prattika tal-kooperazzjoni għall-izvilupp ta' l-UE. Fil-każ tal-Kummissjoni Ewropea 'Evalwazzjoni Tematika ta' l-Integrazzjoni ta' l-Ugwaljanza fil-Kooperazzjoni għall-Iżviupp tal-KE mal-Pajjiżi Terzi' (2003) għarfu x-xogħol kostruttiv li sar mill-Kummissjoni imma kkonkludew li għanijiet speċifiċi ta' politika dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet relatati ma' l-ugwaljanza fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-KE kienu dgħajfa. B'żieda ma dan, ir-Rapport ikkonkluda li r-riżorsi finanzjarji speċifikament allokati għall-appoġġ ta' l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet marbuta ma' l-ugwaljanza fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp kienu negliġibbli meta mqabbla mar-riżorsi allokati għal kwistjonijiet orizzontali oħra.L-indikazzjonijiet huma li bosta mir-rakkomandazzjonijiet ta' din l-Evalwazzjoni jibqgħu validi - kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għal xi uħud mill-Istati Membri ta' l-UE. (Ara d-9 rakkomandazzjonijiet ewlenin tar-Rapport fl- Anness IV ). (22)

Wieħed mill-assi ewlenin li għandha l-UE biex tippromwovi l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fir-relazzjonijiet esterni tagħha hija l-esperjenza ta' l-aħjar prassi fl-Unjoni. L-Ugwaljanza bejn is-Sessi hija magħrufa mill-UE bħala dritt fundamentali u kundizzjoni neċessarja għall-kisba ta' l-għanijiet ta' l-UE ta' tkabbir, impjieg sħiħ u koeżjoni soċjali. Bl-istess mod, l-UE investit ħafna fl-Ugwaljanza bejn is-Sessi permezz ta' leġiżlazzjoni (23), integrazzjoni ta' l-ugwaljanza, miżuri speċifiċi għall-avvanz tan-nisa, programmi ta' azzjoni, djalogu soċjali u djalogu mas-soċjetà ċivili.

Għandu jinbena approċċ Ewropew ġenwin ibbażat fuq din l-esperjenza twila, kif ukoll fuq in-natura unika ta' l-Ewropa bħala grupp multikulturali u divers ħafna ta' pajjiżi li - minkejja differenzi sinifikanti fil-kultura u tradizzjonijiet - huma kollha magħqudin biex jagħtu attenzjoni kbira għall-kwistjoni ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Bħala għan Ewropew fundamentali ewlieni, l-UE għandha tappoġġja l-pajjiżi terzi biex jikkonformaw, u jimplimentaw, impenji internazzjonali bħall-Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Beijing.

Strateġija ta' l-UE biex tikseb iktar malajr l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

L-Unjoni Ewropea issa tinsab f'punt deċiżiv rigward l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Il-qafas u l-politika huma fis-seħħ - id-domanda l-iktar importanti hija kif ser tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' l-istrateġiji u l-prassi fi ħdan il-modalitajiet ġodda ta' għajnuna li ġenwinament jagħtu riżultati lin-nisa. Irid jidher ċar li l-miżuri għaż-żieda fl-Ugwaljanza bejn is-Sessi, minbarra ż-żieda fil-koeżjoni soċjali u t-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa, għandhom impatt qawwi fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u t-tnaqqis tal-faqar.

Għanijiet

L-istrateġija l-ġdida ta' l-UE għandha twieġeb żewġ għanijie t: l-ewwel, biex iżżid l-effiċjenza ta' l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza . It-tieni, biex terġa tiffoka azzjonijiet speċifiċi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fil-pajjiżi sħab tagħna. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet strateġiji ta' kooperazzjoni għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa jridu jadattaw għall-arkitettura ġdida ta' għajnuna, primarjament appoġġ mill-baġit.

Integrazzjoni effettiva

Biex l-integrazzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa jsiru iktar effettivi, huma neċessarji tibdil f'tliet oqsma:

1. Azzjoni politika:

2. L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa għandhom ikunu diskussi matul id-djalogu politiku ma' pajjiżi sħab fl-ogħla livell ( 24 );

3. Kooperazzjoni għall-iżvilupp:

4. Ir-rwol ewlieni tan-nisa fit-tkabbir u l-iżvilupp irid jiġi kkunsidrat fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji ta' kooperazzjoni; pereżempju strateġiji ta' sigurtà ta' l-agrikoltura u ta' l-ikel iridu jindirizzaw b'mod ċar ir-restrizzjonijiet differenti li jiffaċċjaw in-nisa rurali, minħabba li f'ċerti pajjiżi li qed jiżviluppaw huma risponsabbli għal sa 80% tal-produzzjoni bażika ta' l-ikel ( 25 );

5. Sħubija effettiva, djalogu u konsultazzjoni jridu jkunu stabbiliti mal-partijiet interessati rilevanti (inklużi l-gvernijiet, ċentri ta' riċerka, universitajiet, is-soċjetà ċivili, organizzazzjonijiet internazzjonali) fil-preparazzjoni ta' l-istrateġiji tal-pajjiż u programmi ta' għajnuna;

6. Mekkaniżmi ta' kontabilità reċiproka li jinkludu l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa jridu jiġu stabbiliti; ir-rwol ta' kontabilità ta' atturi diversi: il-gvern, il-komunitajiet ekonomiċi reġjonali, l-aġenziji għall-iżvilupp, l-istituzzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili, il-parlament u l-midja, għandhom jiġu kkjarifikati;

7. Indikaturi tal-prestazzjoni sensittivi għall-ugwaljanza jridu jiġu żviluppati u wżati;

8. L-appoġġ mill-baġit irid jikkunsidra t-tħassib dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi billi jorbot il-ħruġ ta' fondi ta' porżjonijiet ta' inċentivi għal indikaturi sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi u billi jimxi id f'id ma' kwalità għolja ta' djalogu politiku.

9. Bini tal-kapaċitajiet istituzzjonali:

10. Għodda prattiċi aġġornati jridu jiġu żviluppati fil-fażi ta' l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ( 26 );

11. Aċċess imtejjeb għall-informazzjoni u l-aħjar prassi, u taħriġ dwar ugwaljanza għall-pajjiżi sħab u l-istaff iridu jkunu pprovduti.

Azzjonijiet speċifiċi għat-tisħiħ fil-pożizzjoni tan-nisa

Mill-analiżi f'Sezzjoni 2 t'hawn fuq, jirriżulta li ġew identifikati 41 azzjoni speċifika marbuta ma' l-ugwaljanza fl-oqsma mifruxa li ġejjin:

- L- iggvernar (drittijiet tal-bniedem, it-tisħiħ politiku tan-nisa, l-iżvilupp ta' indikaturi, ir-rwol tan-nisa f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u post-kunflitt);

- Impjieg u attivitajiet ekonomiċi (titjib fil-pożizzjoni tan-nisa fl-oqsma ekonomiċi u soċjali, impjieg, analiżi tal-baġitjar ta' l-ugwaljanza, ġestjoni pubblika finanzjarja);

- Edukazzjoni (tneħħija tal-miżati fl-iskejjel, inċentivi biex il-bniet jintbagħtu l-iskola, titjib fl-ambjent ta' l-iskola, litteriżmu fl-adulti);

- Saħħa (skemi ta' protezzjoni soċjali, saħħa u drittijiet sesswali u riproduttivi);

- Vjolenza b'karatteristiċi marbuta mas-sess tal-persuna (leġiżlazzjoni, protezzjoni tal-vittmi, żieda fl-għarfien permezz tal-midja, edukazzjoni u taħriġ).

Lista indikattiva ta' dawn l-azzjonijiet ta' appoġġ possibbli ġiet imħejja u hija ppreżentata fl- Anness III . Dawn l-attivitajiet huma eżempji biex jgħinu jidentifikaw it-taħlita xierqa ta' programm għal kull pajjiż jew reġjun speċifiku. It-taħlita xierqa ta' attivitajiet tiġi deċiża każ b'każ wara analiżi profonda ta' kull sitwazzjoni individwali.

Il-Prinċipju ta' Pussess u l-Modalitajiet Ġodda ta' Għajnuna

L-iskop tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi huwa l-prinċipju ta' 'pussess' ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp mill-pajjiż li qed jirċevihom. Għal azzjonijiet li jippromwovi l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa intwera li l-'pussess' ma jridx jittieħed biss mill-gvernijiet sħab, iżda wkoll min-nisa benefiċjarji stess. Fil-prattika dan spiss ifisser pussess permezz ta' l-involviment tas-CSOs u s-CBOs ( 27 ). Appoġġ għal dawk is-CSOs favur l-Ugwaljanza bejn is-Sessi huwa partikolarment importanti f'każijiet fejn in-numru tan-nisa attivi fil-gvern lokali jew ċentrali jew fil-parlament huwa limitat. L-UE tfittex, għalhekk, l-appoġġ għall-iżvilupp ta' CSOs fejn ma jeżistux u biex jiżguraw investiment sinifikanti fil-bini tal-kapaċitajiet għal organizzazzjonijiet bħal dawn fejn jeżistu imma jeħtieġu tisħiħ pereżempju fil-oqsma ta': ħiliet ta' lobbying , promozzjoni, analiżi ta' l-ugwaljanza u litteriżmu ekonomiku.

L-UE tfittex biex tiżgura l-indirizzar effiċjenti ta' l-għajnuna għall-iżvilupp ta' politika ta' ugwaljanza tal-pajjiż fuq il-bażi ta' djalogu politiku profond ma' gvernijiet sħab u partijiet involuti non-governattivi ewlenin. Ir-restrizzjonijiet u ħtiġijiet fil-kuntest ta' kull pajjiż speċifiku jkunu analiżżati sabiex jippermettu l-ħolqien ta' pussess lokali ġenwin kemm fil-livell ta' gvern u fil-livell tas-soċjetà ċivili kif ukoll fi ħdan il-komunità donatriċi.

Iċ-ċaqliq fil-mudell irrappreżentat mid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi huwa rifless fil-mekkaniżmi ġodda preferuti għall-għotja ta' l-għajnuna, jiġifieri approċċ ta' għajnuna baġitarja u mifruxa fuq is-setturi, kuntrarju għall-appoġġ għal proġetti individwali u iżolati. L-użu ta' l-għajnuna baġitarja hija dipendenti fuq il-preżenza ta' ċerti kundizzjonijiet, b'mod partikolari li għandhom strateġija ta' żvilupp nazzjonali jew settorjali li qed tiġi implimentata, li għandhom programm ta' riforma makroekonomika fis-seħħ mirfud minn donaturi internazzjonali ewlenin (ġeneralment l-IMF) u li għandhom impenn ippruvat għar-riforma.

L-għajnuna baġitarja tista' tikkontribwixxi għall-kisba ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi billi torbot il-ħruġ ta' fondi ta' porzjonijiet varjabbli għat-titjib fl-indikaturi diżaggregati ta' l-ugwaljanza; bit-tisħiħ tas-sistemi ta' ġestjoni ta' finanzi pubbliċi, u bl-istimular ta' djalogu iktar mifrux fuq il-prijoritajiet politiċi ta' pajjiżi sħab.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp ta' indikaturi kif ukoll il-ġbir ta' data rilevanti li tista' ssegwi t-tibdil fl-Ugwaljanza bejn is-Sessi u li tista' tintrabat mal-ħruġ ta' fondi minn porżjonijiet varjabbli.

L-Ugwaljanza fl-Istrateġiji Nazzjonali

Il-preparazzjoni ta' Dokument Strateġiku ta' Tnaqqis tal-Faqar, Pjan ta' Żvilupp Nazzjonali jew Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż jipprovdi opportunità unika biex tanaliżża l-istatus tan-nisa mqabbel ma' ta' l-irġiel, biex tiddetermina l-ostakli għall-iżvilupp u t-tkabbir u biex tiddefinixxi politiki sensittivi għall-ugwaljanza mifruxa mal-pajjiż. Is-sitwazzjoni ta' l-ugwaljanza f'pajjiż għandha tkun analizzata fis-setturi b'attenzjoni għall-fehma ta' l-implikazzjonijiet tagħha għat-tkabbir u l-faqar. F'dan il-kuntest, il-proċess kontinwu ta' djalogu politiku ta' l-UE mal-pajjiżi sħab jintuża biex ikun żgurat li l-kwistjonijiet ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi huma inklużi fl-analiżi ta' varjabbiltajiet ta' faqar. Dan id-djalogu politiku jkun ikkumplimentat mill-għajnuna ta' l-UE għat-tisħiħ ta' ħiliet ta' ugwaljanza ta' awtoritajiet nazzjonali. Għandha ssir enfażi fuq id-definizzjoni tal-faqar mhux biss bħala nuqqas ta' dħul ekononiku jew riżorsi finanzjarji, imma bħala li tiġbor l-idea ta' inugwaljanza f'aċċess għal, u kontroll fuq, il-benefiċċji materjali u non-materjali fis-soċjetà. Dan jinvolvi l-inklużjoni ta' għadd ta' kwistjonijiet fuq l-aġenda politika bħal pereżempju:

- Li tiġi aċċettata l-idea multidimensjonali iktar wiesgħa ta' faqar lil' hinn mill-faqar relatat mad-dħul ekonomiku inkluż il-faqar fil-ħin u miżuri ta' impatt differenzjali ta' faqar kemm fuq in-nisa kif ukoll fuq l-irġiel, kif ukoll il-promozzjoni ta' teknoloġija li tnaqqas il-faqar fil-ħin;

- Li jintlaħaq fteħim li s-soċjetà ċivili għandha tikkontribwixxi għad-djalogu politiku, formulazzjoni u monitoraġġ ta' l-PRSP kollha minn perspettiva ta' ugwaljanza u ukoll ftehim biex jiġu implimentati miżuri xierqa għall-bini ta' kapaċitajiet;

Ħtieġa għal Indikaturi Sensittivi għall-Ugwaljanza

L-indikaturi huma neċessarji biex jitkejjlu r-riżultati ta' inklużjoni ta' ugwaljanza u azzjonijiet speċifiċi marbutin ma' l-ugwaljanza ( 28 ). Il-parti l-kbira ta' l-indikaturi li jintuża attwalment għandhom tendenza jirriflettu t-tħassib dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fis-setturi soċjali. Hemm ftit indikaturi affidabbli fil-parti l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex ikejjlu tibdil fl-impjieg fost in-nisa, l-ekonomija mhux imħallsa ta' kura, id-drittijiet ċivili, l-inċidenza/prevalenza ta' vjolenza kontra n-nisa, id-dritt ta' wirt/proprjetà u użu ta' l-art, ir-rappreżentanza tan-nisa u l-parteċipazzjoni fit-teħid ta' deċiżjonijiet.

Għalhekk l-UE ser tappoġġja l-iżvilupp u l-użu ta' indikaturi sensittivi għall-ugwaljanza u t-tisħiħ ta' statistiċi bażiċi tagħhom biex isir progress fil-firxa kollha tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza u tisħiħ li jridu jiġu indirizzati ( 29 ). Fl- Anness VII hemm lista indikattiva ta' indikaturi possibbli, dwar l-oqsma ta' l-edukazzjoni, is-saħħa, l-iggvernar/ tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, l-impjieg/attivitajiet ekonomiċi, l-użu tal-ħin u vjolenza kontra n-nisa.

Strateġiji għal Baġits ta' Rispons għall-Ugwaljanza

Iż-żieda fl-użu ta' l-għajnuna baġitarja bħala strument ewlieni ta' għotja ta' għajnuna tqajjem il-kwistjoni ta' kif għandha ssir il-promozzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fi ħdan jew permezz ta' programm bħal dan. Sabiex jintlaħaq dan il-għan huwa ta' importanza assoluta li jkun żgurat li l-baġits tal-pajjiżi jintegraw fihom il-kwistjonijiet ta' ugwaljanza. Dan jeħtieġ:

- Attenzjoni fuq l-għarfien ta' ugwaljanza u integrazzjoni ta' ugwaljanza fil-proċess ta' baġitjar fil-livelli nazzjonali u lokali;

- Prijoritizzazzjoni mill-ġdid ta' l-infiq u l-orjentament ta' programmi fi ħdan setturi biex jinkisbu kemm l-Ugwaljanza bejn is-Sessi kif ukoll l-iżvilupp uman.

- Il-monitoraġġ tad-dħul u l-infiq finanzjarju tal-gvern biex ikun żgurat li d-diskrepanza fl-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel qiegħda fil-fatt tonqos;

Koordinazzjoni u Armonizzazzjoni ma' l-Istati Membri

Koordinazzjoni mmirata biex iżżid bis-sħiħ il-kumplimentarità bejn il-programmi ta' l-Istati Membri ta' l-UE u l-Kummissjoni hija element ewlieni fil-promozzjoni effettiva ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-Kummissjoni għandha tkompli l-prattika li torganizza laqgħat regolari ta' Esperti fl-Ugwaljanza mill-Istati Membri u, flimkien ma' l-Istati Membri, taħdem biex iżżid mhux biss il-koordinazzjoni fl-UE imma wkoll l-armonizzazzjoni ta' attivitajiet dwar il-promozzjoni ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Tingħata prijorità għat-tisħiħ ta' l-esperjenza dwar l-ugwaljanza fill-KE u l-Istati Membri permezz ta' l-identifikazzjoni u l-iskambji ta' l-aħħjar prassi. It-tħejjija ta' Dokument Strateġiku għall-Pajjiż u Strateġiji ta' Assistenza Konġunta jkomplu jkunu l-attenzjoni ta' sforzi msaħħa ta' koordinazzjoni u ta' armonizzazzjoni. Barra minn hekk, id-Delegazzjonijiet tal-KE u l-Ambaxxjati ta' Istati Membri ta' l-UE jkomplu jużaw il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni eżistenti biex jindirizzaw attivitajiet ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi f'dan il-qasam.

Azzjoni ta' l-UE f'Livelli Internazzjonali u Reġjonali

Kooperazzjoni bilaterali mal-pajjiżi sħab dwar il-kwistjoni ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi tkun ikkumplimentati mill-azzjoni ta' l-UE fil-livell internazzjonali. Il-presenza ta' vuċi Ewropea magħquda f'dan il-livell issaħħaħ ir-rwol ta' l-UE bħala attur ewlieni globali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri ta' l-UE jimpenjaw ruħhom biex javvanzaw l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fil-fora internazzjonali rilevanti. Ta' importanza partikolari hija l-promozzjoni ta' l-estensjoni ta' l-iskop ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi mis-saħħa u l-edukazzjoni għal oqsma oħra mhux milquta mill-MDG3.

Il-kooperazzjoni reġjonali u inter-reġjonali tħeġġeġ il-qsim ta' informazzjoni bejn il-membri ta' organizzazzjonijiet reġjonali dwar għodda speċifiċi ta' ugwaljanza, data , dokumentazzjoni analitika u taħriġ. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għalhekk ikomplu jħeġġu l-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam ta' Ugwaljanza bejn is-Sessi kif ukoll jimpenjaw ruħom fin-netwerks internazzjonali u reġjonali eżistenti f'dan il-qasam.

Azzjonijiet Speċifiċi tal-KE għall-Promozzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea fl-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija tinvoli azzjonijiet fuq dawn it-tliet oqsma:

Programmazzjoni fil-Pajjiż

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura li l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa jkunu fl-istrateġiji futuri tal-pajjiż u tar-reġjun ( 30 ). Dan għandu jinvolvi l-azzjonijiet li ġejjin:

- iktar żvilupp ta' għodod interni u linji gwida ta' programmazzjoni;

- il-valutazzjoni sistematika ta' ugwaljanza fl-istrateġiji reġjonali u tal-pajjiż, inklużi r-reviżjonijiet f'nofs terminu u finali ta' dawn l-istrateġiji;

- l-aġġustament ta' strateġiji tal-pajjiżi skond ir-riżultati ta' l-evalwazzjonijiet imsemmija hawn fuq;

- il-bini ta' sħubiji ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti li għandhom esperjenza sinifikanti fl-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza fi proġetti u programmi. (31)

Programmi Tematiċi u Strumenti Finanzjarji Oħra

Minbarra l-programmi nazzjonali jew reġjonali, riżorsi addizzjonali huma disponibbli permezz ta' programmi tematiċi multiannwali pprogrammati mill-Kummissjoni fil-perspettivi finanzjarji 2007-2013. Il-Programm Tematiku "Investiment fin-Nies" ( 32 ) jinkludi pakkett finanzjarju għall-finanzjament ta' azzjonijiet KE fil-qasam tal-promozzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa. Permezz ta' dan il-Programm Tematiku tal-KE l-finanzjament isir disponibbli għall-firxa wiesgħa ta' oqsma ta' intervenzjonijiet li ġejjin:

- attivitajiet ta' politika u promozzjoni li jħeġġu l-implimentazzjoni ta' impenji internazzjonali;

- il-bini ta' kapaċitajiet għall-NGOs u assoċjazzjonijiet iddedikati għall-avvanz ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-drittijiet tan-nisa;

- it-tisħiħ tal-kapaċità statistika tal-gvernijiet.

Il-fondi jkunu allokati permezz ta' sejħiet għall-proposti minn organizzazzjonijiet eliġibbli u permezz ta' ftehimiet diretti ma' sħab magħżula.

L-Ugwaljanza bejn is-Sessi tkun appoġġjata wkoll permezz ta' l-implimentazzjoni tal-programmi tematiċi dwar l-Ambjent (33) u s-Sigurtà fl-Ikel ( 34 ), kif ukoll taħt l-Istrument Ewropew l-ġdid għad-Demokrazija u d-Drittijiet Umani (EIDHR II) ( 35 ) u l-Istrument għall-Istabbiltà ( 36 ).

Il-Monitoraġġ u s-Segwitu

Ir-riżultat prattiku ta' din l-Istrateġija l-ġdida ta' l-UE trid tkun segwita. Bl-istess mod, biex jiġi evalwat il-progress li sar u biex l-Istrateġija tiġi rfinuta u adattata għall-bidliet fil-kuntest internazzjonali, fl-2010 l-Kummissjoni Ewropea ser torganizza it-tieni Konferenza Internazzjonali Ewlenija dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati ewlenin kollha ( 37 ). B'żieda ma' dan, valutazzjoni f'nofs terminu u finali dwar l-implimentazzjoni ta' din l-istrateġija ssir minn evaltwatur estern fl-2010 u fl-aħħar ta' l-10 Ċiklu EDF. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jinkludu analiżi ta' l-ugwaljanza tal-baġit tal-proġetti ffinanzjati mill-KE u l-programmi li jinkludu appoġġ baġitarju ġenerali f'ta' l-inqas tnax-il pajjiż magħżula li jkunu fil-proġett pilota.

Id-Delegazzjonijiet tal-KE, f'kollaborazzjoni fil-qrib ma' l-Ambaxxjati ta' l-Istati Membri, jkomplu jinkludu fir-rapporti annwali tagħhom, evalwazzjoni tal-promozzjoni u l-kisbiet ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-pajjiż sieħeb. Barra minn hekk, is-sezzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tar-'Rapport Annwali dwar il-politika għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-għajnuna esterna tal-Komunità Ewropea' jkompli jippubblika informazzjoni aggregata dwar progress li jkun sar biex tinkiseb l-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Il-KE u l-Istati Membri jeżaminaw il-possibbiltà ta' sistema konġunta ta' l-UE għal rapporti annwali li tista' tinkludi l-monitoraġġ ta' inklużjoni ta' ugwaljanza fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE.

Konklużjoni

L-eradikazzjoni tal-faqar titlob li n-nisa u l-irġiel jingħataw opportunitajiet indaqs fl-oqsma ekonomiċi u soċjali u jingħataw aċċess indaqs għal, u kontroll fuq, ir-riżorsi tas-soċjetà. Madanakollu, jekk irid isir progress sinifikanti fil-kisba ta' iktar Ugwaljanza bejn is-Sessi mill-pajjiżi sħab ta' l-UE li qed jiżviluppaw, l-UE għandha bżonn tindirizza b'mod sistematiku r-restrizzjonijiet fil-kisba ta' dan il-għan li jeżisti kemm fuq in-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw stess kif ukoll preżenti f'xi wħud mill-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp ta' l-UE stess. Dawn il-kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati biss fil-kuntest ta' djalogu politiku msaħħaħ li jinkludi l-kwistjonijiet relatati mas-Sess bħala tema espliċita u li jwitti t-triq għall-UE biex timpenja ruħa attivament ma' dawk is-CSO's u organizzazzjonijiet oħra li jiffurmaw il-kostitwenza għal iktar Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-pajjiż involut.

Fi ħdan il-qafas, l-istrument ewlieni biex tintlaħaq Ugwaljanza ikbar, l-integrazzjoni ta' l-ugwaljanza trid tintuża b'mod iktar effettiv u prattiku jekk irridu li jsir progress lejn l-għan ta' iktar Ugwaljanza bejn is-Sessi. L-istrument sekondarju, ta' azzjonijiet speċifiċi mmirati , għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, irid jintuża sabiex jikkumplimenta l-attivitajiet ta' integrazzjoni u biex jindirriza l-kwistjonijiet strateġiċi ewlenin li għandhom impatt fuq il-benessri u l-opportunitajiet ta' gruppi vulnerabbli partikolari. Għaż-żewġ istrumenti, l-applikazzjoni tagħhom trid tkun sensittiva għal, u tirrifletti, is-sitwazzjoni soċjali u kulturali unika ta' kull wieħed mill-pajjiżi sħab ta' l-UE li qed jiżviluppaw. Biex ikun appoġġjat approċċ ta' dan it-tip, l-attenzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, li, s'issa, kienet fuq is-saħħa u l-edukazzjoni, għandha titwessa u tinfirex biex tinkludi oqsma oħra ta' kooperazzjoni.

Taħlita ta' promozzjoni, appoġġ għall-gruppi tan-nisa u azzjonijiet speċifiċi biex ibiddlu t-tendenzi kulturali, soċjali u politiki u d-distribuzzjoni ta' setgħa politika u ekonomika jimmarkaw it-triq 'l quddiem għall-promozzjoni ta' l-Ugwaljanza bejn is-Sessi. Huwa ċar li din ser tkun sfida importanti. Imma l-UE hija impenjata li tappoġġja l-pajjiżi sħab tagħna biex jegħlbu l-ostakli kollha f'din il-mixja importanti.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet