52007DC0087


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tkomplija ta' xogħol fuq il-Programm ta' Ħidma għall-aħjar implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data

/* KUMM/2007/0087 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
doc doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.3.2007

KUMM(2007) 87 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar it-tkomplija ta' xogħol fuq il-Programm ta' Ħidma għall-aħjar implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar it-tkomplija ta' xogħol fuq il-Programm ta' Ħidma għall-aħjar implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

Id-Direttiva 95/46/KE[1] stabbiliet kisba importanti fl-istorja tal-protezzjoni tad- data personali bħala dritt fundamentali, fit-triq imfassal mill-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa 108[2]. Skond l-Artikolu 33 tad-Direttiva, l-Ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha[3] kkonkludiet illi, għalkemm ma kien hemm bżonn ta’ l-ebda tibdil leġislattiv, ix-xogħol kellu jsir u kien hemm skop konsiderevoli għat-titjib fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Ir-rapport kien fih Programm ta' Ħidma għall-aħjar implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data. Din il-Komunikazzjoni teżamina x-xogħol li sar taħt dan il-programm, janaliżża s-sitwazzjoni preżenti, u jfassal il-prospetti għall-futur bħala kundizzjoni għal suċċess f’għadd ta’ oqsma ta’ politika fid-dawl ta’ l-Artikolu 8 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, waqt li tgħarraf id-dritt awtonomu għall-protezzjoni tad- data personali.

Il-Kummissjoni tqis illi d-Direttiva tfassal qafas ġenerali legali li huwa xieraq b’mod sostanzjali u newtrali teknoloġikament. Is-sett armonizzat ta’ regoli li jizguraw livell għoli ta' ħarsien għad-data personali madwar l-UE gab miegħu benefiċċji kunsidrevoli għaċ-ċittadini, in-negozji u l-awtoritajiet. Jipproteġi l-individwi kontra s-sorveljanza ġenerali jew diskriminazzjoni żejda fuq bażi ta’ l-informazzjoni li l-oħrajn jistgħu jkollhom fuqhom. Kondizzjoni għall-iżvilupp ta’ l-e-kummerċ hija l-fiduċja tal-konsumaturi li d-dettalji personali li huma jizvelaw fit-transazzjonijiet tagħhom ma jkunux użati b’mod hażin. In-negozji joperaw u l-amministrazzjonijiet jikkoperaw madwar il-Komunità mingħajr il-biża li l-attivitajiet internazzjonali tagħhom jitħarbtu minħabba li d-data personali li huma għandhom ipartu ma tkunx prottetta fis-sors jew id-destinazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tagħha, taħdem mal-partijiet interessati kollha sabiex tnaqqas aktar id-diverġenzi nazzjonali, kif ukoll tistudja l-bżonn għal leġiżlazzjoni speċifika għas-settur biex tapplika l-prinċipji dwar il-protezzjoni tad- data għat-teknoloġiji ġodda u tissodisfa l-bżonnijiet pubbliċi għas-sigurtà.

1. IL-PASSAT: KISBIET TAĦT IL-PROGRAMM TA' ĦIDMA

Sa mill-pubblikazzjoni ta’ l-ewwel rapport, ix-xogħol twettaq f'dawn l-10 oqsma ta' azzjoni[4]

Azzjoni 1: Diskussjonijiet ma' l-Istati Membri u l-Awtoritajiet dwar il-Protezzjoni tad- Data

Il-Kummissjoni qed tmexxi “djalogu strutturat” ma’ l-Istati Membri fuq traspożizzjoni nazzjonali. Dan jinkludi analiżi dettaljata ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u diskussjonijiet ma’ l-awtoritajiet nazzjonali mmirati sabiex iressqu l-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi b'mod sħiħ mal-ħtiġijiet tad-Direttiva.

Azzjoni 2: L-Assoċjazzjoni tal-pajjiżi kandidati ma’ l-isforzi biex tinkiseb implimentazzjoni aħjar u aktar uniformi tad-Direttiva.

Ir-rappreżentanti ta’dawn l-Istati Membri attendew il-laqgħat tal-kumitat tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri stabbiliti mill-Artikolu 31 tad-Direttiva qabel l-adeżjoni, kif kienu qed jagħmlu mal-Grupp ta' Ħidma Artikolu 29[5] sa mill-2002. Minn dak in-nhar, il-Kummissjoni ilha taħdem mill-qrib ma’ l-Awtoritajiet tagħhom li qegħdin jaddottaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jipprovdu gwida għall-konformità ma' l-acquis sabiex il-proċeduri formali ta' ksur ta' liġi jinżammu mill-anqas.

Azzjoni 3: Issaħħaħ in-notifika ta’ l-atti kollha legali li jittrasponu d-Direttiva u n-notifiki ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva

Id-djalogu strutturat li sar taħt l-Azzjoni 1 ta lill-Kummissjoni stampa aktar ċara u komprensiva ta’ miżuri nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva, inkluża l-leġiżlazzjoni sekondarja u relatata għas-settur. Il-Kummissjoni, f’ittra mibgħuta lill-Istati Membri f’Awissu 2003, ipproponiet kriterji komuni biex titratta b'mod prattiku b'notifiki taħt l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva. Dan irriżulta f’żieda ta’ notifiki minn ċerti Stati Membri. L-iskambju ta’ l-aħjar prattiċi u għarfien bejn l-awtoritajiet nazzjonali ssaħħaħ meta fuq il-websajt tal-Kummissjoni tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku selezzjoni ta’ karti, deċizjonijiet u rakkomandazzjonijiet prinċipali u nazzjonali.

Azzjoni 4: L-Infurzar

Fid-dikjarazzjoni tiegħu dwar l-Infurzar, il-Grupp ta’ Ħidma ftiehem dwar il-prinċpju ta’ azzjonijiet sinkronizzati u nazzjonali ta’ infurzar madwar l-UE kollha, fejn tfasslu kriterji biex jidentifikaw kwistjonijiet għall-investigazzjoni. F’Marzu 2006, l-Awtoritajiet nazzjonali dwar il-Protezzjoni tad- Data nidew investigazzjoni konġunta dwar l-ipproċċessar tad- data personali fis-settur ta’ l-assigurazzjoni privata tas-saħħa.

Azzjoni 5: In-notifika u l-pubblikazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar

Il-Grupp ta’ Ħidma ħareġ rapport dwar din il-kwistjoni, fejn ġibed l-attenzjoni għas-sitwazzjonijiet kurrenti nazzjonali u ressaq rakkomandazzjonijiet li jaqblu mal-Kummissjoni. Dan ġie segwit mill-Vademecum dwar il-Ħtiġijiet ta' Notifika, li nħolqu sabiex jipprovdu perspettiva komprensiva tar-regoli differenti nazzjonali, kif ukoll prattika u gwida għall-kontrolluri tad- data .

Azzjoni 6: Dispożizzjonijiet ta’ informazzjoni aktar armonizzati

Barra mill-analiżi tal-Kummissjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali taħt djalogu strutturat, il-Grupp ta’ Ħidma għarraf il-bżonn għal armonizzazzjoni u fittex strateġija komuni għal soluzzjoni pragmatika. Il-Grupp ipprovda linji gwida għal kontrolluri dwar każijiet rilevanti konkreti, dwar il-kontenut u l-forma ta’ l-informazzjoni, u dwar mudelli għal avviżi ta' privatezza fuq ħafna livelli jew avviż ta’ informazzjoni dwar it-trasferiment ta’ data PNR.

Azzjoni 7: Is-simplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet meħtieġa għal trasferimenti internazzjonali

a) użu aktar estensiv ta’ sejbiet ta’ protezzjoni adekwata b’rispett ta’ pajjiżi terzi taħt l-Artikolu 25(6)

Il-Kummissjoni adottat numru ta’ sejbiet ta' suffiċjenza sa mill-pubblikazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma. Ġie ddikjarat li l-Arġentina, Guernsey jew l-Isle of Man jiggarantixxu livell adekwat ta’ protezzjoni.

Il-Kummissjoni għamlet ukoll reviżjoni tal-ħidma ta’ deċiżjonijiet ta’ adekwatezza li ġew adottati minn qabel. Fl-2004, rapport ta’ servizzi mill-Kummissjoni tressaq dwar il-ħidma taż-Żona ta’ Sikurezza, segwit minn avviż informattiv u formola standard fejn wieħed jista' jressaq ilmenti lill-panel tal-protezzjoni tad- data . Dan ix-xogħol ġie segwit minn Konferenza b'firxa wiesgħa dwar it-Trasferimenti Internazzjonali tad-Data Personali organizzata f’Ottubru 2006 flimkien mal-Grupp ta’ Ħidma u d-Dipartiment tal-Kummerċ ta’ l-Istati Uniti. L-applikazzjoni tas-sejbiet ta' suffiċjenza dwar l-Isvizzera u l-Kanada kienu evalwati wkoll.

b) aktar deċiżjonijiet fuq bażi ta' l-Artikolu 26 (4) sabiex operaturi ekonomiċi jkollhom għażla usa' ta' klawżoli kuntrattwali standard

Il-Kummissjoni addottat deċiżjoni li tgħarraf sett addizjonali ta' klawżoli kuntrattwali li jipprovdu salvagwardji adekwati għat-trasferiment ta' data lill-kontrolluri f'pajjiżi terzi. Dawn il-klawżoli ġew proposti minn grupp ta’ assoċjazzjonijiet ta’ rapprezentanti ta’ negozju, inkluża l-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ. Is-servizzi tal-Kummissjoni ressqu wkoll l-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni dwar il-kważoli kuntrattwali fl-2006.

c) ir-rwol ta’ regoli korporattivi li jorbtu(intra) fil-provvediment ta’ salvagwardji adekwati għat-trasferiment ta’ data personali bejn il-gruppi;

Wara x-xogħol ta’ tħejjija fl-2003 u l-2004, żewġ dokumenti prinċipali ġew adottati mill-Grupp ta’ Ħidma. Wieħed minnhom ifassal proċedura ta’ kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza sabiex jesprimu opinjonijiet komuni dwar salvagwardji adekwati li jirriżultaw mir-“Regoli Korporattivi li Jorbtu”. L-ieħor iwaqqaf mudell ta’ lista ta’ kontroll li għandha tintuża minn kontrolluri tad- data biex japplikaw għall-approvazzjoni ta’ dawk ir-regoli li jipprovdu salvagwardji adekwati.

d) interpretazzjoni aktar uniformi ta’ l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva

Il-Grupp ta’ Ħidma addotta Opinjoni li tistabbilixxi elementi importanti għal gwida dwar l-użu ta’ eżenzjonijiet għall-prinċipju ta’ protezzjoni adekwata f’pajjiżi terzi.

Azzjoni 8: Il-Promozzjoni ta’ Teknoloġiji li Jtejbu l-Privatezza

Fl-2003 u l-2004, ix-xogħol tal-Kummissjoni u l-Grupp ta’ Ħidma sar aktar ċar fil-Komunikazzjoni li ġejja tal-Kummissjoni dwar Teknoloġiji li Jtejbu l-Privatezza (PETs), u jfassal il-politika tal-futur.

Azzjoni 9: Il-promozzjoni ta’ awtoregolazzjoni u l-Kodiċi Ewropew ta’ Kondotta

Il-Grupp ta’ Ħidma approva l-kodiċi ta’ kondotta Ewropea tal-Federazzjoni ta’ Marketing Diretta Ewropea (FEDMA); kisba importanti. Sfortunatament, ma ddaħħlux fil-kodiċi sforzi oħrajn simili li jissodisfaw kriterju ta' kwalità kumparabbli. Sfortunatament ukoll, l-imsieħba soċjali Ewropej ma kkonkludewx ftehim Ewropew dwar il-protezzjoni tad- data personali fil-kuntest ta’ xogħol, minkejja l-progress li kien sar qabel.

Azzjoni 10: Tqajjim ta’ kuxjenza

Sar stħarriġ ta' l-EuroBarometer dwar l-opinjonijiet ta’ ċittadini u kumpaniji Ewropej dwar il-privatezza. Dan juri b’mod ġenerali li n-nies huma kkonċernati minn kwistjonijiet ta’ privatezza, iżda mhumiex konxji bizzejjed fuq ir-regoli u l-mekkaniżmi eżistenti li jistgħu jipproteġu d-drittijiet tagħhom.

2. IL-PREŻENTI: ĦARSA ĠENERALI LEJN L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA

L-implimentazzjoni ttejbet

Id-Direttiva issa ġiet trasposta mill-Istati Membri kollha. B’mod ġenerali, it-traspożizzjoni nazzjonali tkopri d-dispożizzjonijiet kollha prinċipali konformi mad-Direttiva.

L-azzjonijiet li ttieħdu taħt il-Programm ta’ Ħidma kienu pożittivi u taw kontribut sostanzjali għat-titjieb ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva madwar il-Komunità. Permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-Grupp ta’ Ħidma, l-involviment deċisiv ta’ l-awtoritajiet ta’ sorveljanza għall-protezzjoni tad- data nazzjonali kellu rwol prinċipali.

Iżda ċerti pajjiżi għad ma implimentawhiex b’mod xieraq.

Wara x-xogħol li sar fit-tħejjija ta’ l-ewwel rapport tal-Kummissjoni fl-2003, l-analiżi bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad- data nazzjonali taħt id-djalogu strutturat dawwal il-mod li bih id-Direttiva ġiet trasposta madwar il-Komunità. Din ikkjarifikat numru ta’ kwistjonijiet legali u dubji dwar il-koerenza ta’ ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali u prattiki mar-regoli tad-Direttiva.

Id-djalogu strutturat wera wkoll illi ċerti Stati Membri ma nkorporawx għadd ta’ dispożizzjonijiet importanti tad-Direttiva. F’każijiet oħra, it-traspożizzjoni jew il-prattika ma saritx konformi mad-Direttiva jew kienet barra l-marġni ta' manuvrar ta' l-Istati Membri.

Tħassib partikolari huwa dwar ir-rispett għall-kundizzjoni meħtieġa li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad- data jaġġixxu b’indipendenza sħiħa u jingħataw poteri u rizorsi biżżejjed sabiex jeżerċitaw il-ħidmiet tagħhom. Dawn l-awtoritajiet huma elementi prinċipali ta' kostruzzjoni fis-sistema ta’ protezzjoni li nħolqot mill-Kummissjoni, u kwalunkwe nuqqas li jiżgura l-indipendenza u l-poteri tagħhom għandu impatt negattiv wiesa’ fuq l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad- data .

Il-Kummissjoni qed tmexxi analiżi komparattiva tal-każijiet kollha fejn kien hemm suspett ta' traspożizzjoni ħażina jew inkompleta, sabiex tiżgura strateġija koerenti. Ċerti Stati Membri għarrfu l-eżistenza tan-nuqqasijiet leġislattivi tagħhom u impenjaw rwieħhom li jdaħħlu l-korrezzjonijiet meħtieġa, li hija ħaġa li l-Kummissjoni tiffavorixxi b’mod qawwi. Kwistjonijiet oħra problematiċi tqajjmu bħala ilmenti minn ċittadini. F’każijiet fejn jibqa’ jkun hemm ksur ta’ Liġi tal-Komunità, il-Kummissjoni, bħala gwardjana tat-Trattati, għandha tibda proċeduri formali ta' ksur tal-liġi kontra l-Istati Membri kkonċernati, skond l-Artikolu 226 KE. Diġà nbdew numru ta’ proċeduri bħal dawn.

F’ċerti każijiet, jitqajjmu diverġenzi fil-marġni ta’ manuvrar tad-Direttiva

Id-Direttiva għandha numru ta’ dispożizzjonijiet li huma formulati b’mod wiesa’ u, b’mod espliċitu jew impliċitu, iħallu marġni ta’ manuvrar għall-Istati Membri fl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dawk il-limiti, jistgħu jeżistu differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali[6]. Diverġenzi bħal dawn m’humiex ikbar f’dan is-settur meta mqabbla ma’ oqsma oħra ta’ attività ekonomika u huma konsegwenza naturali ta’ marġni bħal din.

Iżda dawk id-diverġenzi ma joħolqux problema serja għas-suq intern

Il-Kummissjoni ordnat studju biex tmexxi “Evalwazzjoni ekonomika tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data (95/46/KE)[7] " sabiex tkejjel l-impatt ekonomiku tad-Direttiva fuq il-kontrolluri tad- data . Waqt li jiġbed l-attenzjoni fuq numru ta’ każijiet partikolari, l-istudju juri illi minkejja ċerti diverġenzi, id-Direttiva ġiet implimentata mingħajr ma l-kumpaniji weħlu spejjeż kbar.

Mingħajr dubju, ikun mixtieq grad akbar ta’ konvergenza sabiex inizjattivi pożittivi bħal simplifikazzjoni, awto-regolazzjoni jew l-użu ta’ regoli korporattivi li jorbtu, jiġu promossi. Madankollu, m’hemm l-ebda evidenza fost l-ilmenti rċevuti mill-Kummissjoni li turi li diverġenzi nazzjonali fi ħdan il-limiti tad-Direttiva jistgħu fil-fatt jostakolaw il-ħidma xierqa tas-suq intern jew jillimita l-moviment ħieles tad- data minħabba nuqqas jew inadekwatezza ta' protezzjoni fil-pajjiż oriġinali jew destinatarju. Lanqas nistgħu ngħidu illi limitazzjonijiet fil-pajjiż fejn huma stabbiliti jgħawġu l-kompetizzjoni bejn operaturi privati. Id-diverġenzi nazzjonali ma jimpedixxux l-intrapriżi milli joperaw jew jistabbilixxu rwieħhom fi Stati Membri differenti. U ma jpoġġux fid-dubbju l-impenn ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

B’hekk id-Direttiva qed tissoddisfa l-għanijiet tagħha: biex tiżgura l-moviment ħieles tad- data personali fis-suq intern waqt illi tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità.

Ir-regoli stess huma sostanzjalment xierqa

Kwistjoni differenti hija jekk is-soluzzjonijiet legali pprovduti mid-Direttiva, barra l-kisba ta’ armonizzazzjoni, humiex xierqa għall-kwistjonijiet li hemm.

Ċerti dispożizzjonijiet diġà ġew ikkritikati. Intqal ukoll illi n-notifika timponi piż, iżda għandha valur konsidrevoli bħala miżura ta’ trasparenza għas-suġġetti tad- data , eżerċizzju li jqajjem kuxjenza għall-kontrolluri tad- data u għodda ta’ sorveljanza għall-awtoritajiet. L-Internet, kif ukoll possibilitajiet ġodda għas-suġġetti tad- data biex jitħalltu u jkollhom aċċess għas-servizzi pprovduti f’pajjiżi terzi, iqajjem kwistjonijiet dwar ir-regoli li jidentifikaw il-liġi nazzjonali applikabbli jew it-trasferiment tad- data għal pajjiżi terzi, kwistjonijiet li għalihom il-ġurisprudenza tat biss tweġiba parzjali[8]. Strumenti ta’ RFID (Identifikazzjoni tal-Frekwenzi Radju) iqajjmu kwistjonijiet fundamentali dwar l-għan tar-regoli dwar il-protezzjoni tad- data u l-kunċett tad- data personali. It-taħlita ta’ data ta’ ħsejjes u ta' xbihat b’rikonoxximent awtomatiku timponi attenzjoni partikolari meta wieħed japplika l-prinċipji tad-Direttiva.

Kien hemm dibattitu simili fil-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar ir-rilevanza fid-dinja ta’ llum dwar il-prinċipji li hemm fil-Konvenzjoni 108. Hemm ftehim ġenerali illi dawk il-prinċipji għandhom jibqgħu validi u jipprovdu soluzzjoni sodisfaċenti.

Naddattaw għal evoluzzjoni fit-teknoloġija

Il-Kummissjoni tqies illi d-Direttiva hija newtrali teknoloġikament u li l-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tagħha huma ġeneralment suffiċjenti, illi r-regoli tagħha jistgħu jkomplu japplikaw b’mod xieraq għal teknoloġiji u sitwazzjonijiet ġodda. Minbarra hekk, jista’ jkun hemm bżonn li dawk ir-regoli ġenerali jinbidlu f'linji gwida partikolari jew dispożizzjonijiet sabiex iqisu s-speċifikazzjonijiet involuti f'dawk it-teknoloġiji.

Għalhekk, id-Direttiva 2002/58/KE jippartikolarizza u jikkumplimenta d-Direttiva 95/46/KE għal dak li hu l-ipproċċessar tad-data personali fis-settur ta’ kommunikazzjoni elettronika, u tiżgura l-moviment ħieles ta’ din id-data u ta’ tagħmir u servizzi ta' komunikazzjoni elettronika fil-Komunità. Bħalissa, din id-Direttiva qed tiġi riveduta bħala parti mir-reviżjoni ġenerali tal-qafas regolatorju għal komunikazzjonjiet elettroniċi.

Il-Grupp ta’ Ħidma investa sforz sinifikanti fuq kwistjonijiet teknoloġiċi, bħal per eżempju komunikazzjonijiet mhux mitluba (‘spam’), filtri ta’ l-email, u l-ipproċċessar tad- data dwar it-traffiku għall-kontijiet jew ta’ data dwar il-lok għall-finijiet ta’ servizzi ta’ valur miżjud. It-teknoloġija RFID kienet is-suġġett ta’ serje ta’ gruppi ta’ ħidma u konsultazzjoni pubblika mis-servizzi tal-Kummissjoni biex jiddiskutu l-kwistjonijiet ta’ privatezza u sigurtà li tqajjmu.

Nikkunsidraw il-kundizzjonijiet meħtieġa imposti minn interessi pubbliċi

L-artikolazzjoni fid-Direttiva bejn il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ l-individwu kif ukoll il-bżonnijiet imposti mill-interessi pubbliċi hija identifikata permezz ta’ żewġ tipi ta’ dispożizzjoni.

Tip wieħed ta’ dispożizzjoni jeskludi numru ta' kwistjonijiet mill-firxa tad-Direttiva, bħal per eżempju l-Artikolu 3 dwar “ is-sigurtà pubblika, id-difiza, is-sigurtà ta ’ l-Istat, (inkluża s-sigurtà ekonomika ta l-Istat meta l-ħidmiet ta l-ipproċċessar għandhom xjaqsmu ma' kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-Istat) kif ukoll l-attivitajiet ta' l-Istat f'oqsma tal-liġi kriminali" . Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara illi l-ipproċċessar għas-salvagwardja tas-sigurtà pubblika u għall-għanijiet ta’ l-infurzar tal-liġi ma jinstabx fl-ambitu tad-Direttiva[9]. Minħabba l-bżonn għal sett armonizzat ta’ regoli ta’ l-UE dwar il-protezzjoni ta’ data , il-Kummissjoni adottat proposta dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċċessata fil-qafas ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’kwistjonijiet kriminali[10] sabiex takkumpanja l-proposta tagħha dwar l-iskambju ta' informazzjoni skond il-prinċipju ta' disponibilità[11]. F’dan il-qasam, l-UE ikkonkludiet Ftehim Internazzjonali ma’ l-Istati Uniti sabiex tindirizza l-użu tad-data PNR ta’ passeġġieri sabiex tiġġieled kontra l-kriminalità[12].

It-tieni tip ta’ dispożizzjoni jistipola illi l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ data taħt ċerti ċirkostanzi, bħal mhu msemmi fl-Artikolu 13, “ f ’ kazijiet fejn tali restrizzjoni tinvolvi miżura meħtieġa sabiex tħares [il-lista ta’ interessi importanti pubbliċi li ġejja]". Dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jqisu, per eżempju, il-bżonn tal-ġlieda kontra l-kriminalità jew sabiex is-saħħa pubblika tkun imħarsa f'emerġenzi. Dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva għandhom possibilità simili għal eċċezzjonijiet limitati. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara illi d- data oriġinarjament miġbura għal “finijiet kummerċjali” tista b’hekk tintuża għal għan differenti ta' interess pubbliku skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Barra minn hekk, il-limiti imposti fuq il-leġislatur nazzjonali huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bnedmin, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija ta' l-akbar importanza. [13]. Dan il-mekkaniżmu, miftuħ għall-apprezzament ta’ l-Istati Membri ta' dak li jista' jikkostitwixxi " miżura meħtieġa " u " interess pubbliku importanti " huwa, minħabba n-natura tiegħu stess, sors prinċipali ta’ diskrepanza fost il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

L-armonizzazzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet saret f'numru limitat ta' setturi, eżempju riċenti huwa d-Direttiva 2006/24/KE dwar ir-retenzjoni tad- data [14], li għaliha l-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi grupp ta’ esperti, sabiex tiddiskuti diffikultajiet bħal mhi l-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali.

Waqt illi tagħti s-sustanza għad-dritt fundamentali

Il-Kummissjoni hija impenjata li tirrispetta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fil-proposti kollha tagħha. Dwar id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali fl-Artikolu 8 tiegħu, id-Direttiva tistabbilixxi livell għoli u sservi bħala punt ta' referenza biex tiżgura l-koerenza b’rispett għal privatezza fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità fl-oqsma differenti.

3. IL-FUTUR: IT-TRIQ ’L QUDDIEM

B’din is-sitwazzjoni fl-isfond, il-Kummissjoni bi ħsiebha ssegwi politika karatterizzata minn dawn l-elementi li ġejjin.

Ir-ratifika tat-trattat tal-Kostituzzjoni tista' tiftaħ perspettivi ġodda

It-Trattat Kostituzzjonali għandu jkollu impatt enormi f’dan il-qasam. Jiġbor fl-Artikolu II-68 id-dritt għall-protezzjoni tad- data personali fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Joħloq ukoll bażi legali speċifika u awtonoma għall-Unjoni sabiex tilleġisla f’din il-kwistjoni fl-Artikolu I-51, u jħejji t-triq għall-adozzjoni ta’ strumenti applikabbli fis-setturi kollha. Id-diviżjoni preżenti f’”pilastri” u l-limitazzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva m’għandhiex tkun kwistjoni aktar. Madankollu, sakemm is-sitwazzjoni dwar il-proċess ta’ ratifika tat-Trattat Kostituzzjonali tiċċara ruħha, il-Kummissjoni saħqet fuq il-ħtieġa ta' proċeduri aktar effiċjenti tal-metodu ‘tal-Komunità’ fil-qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja u talbet l-użu ta’ “klawsoli li jgħaqqdu” li hemm fit-Trattati kurrenti[15]

Id-Direttiva m’għandhiex tiġi emendata

Għal raġunijiet msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tqis illi d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data tikkostitwixxi qafas legali ġenerali li jissodisfa l-objettivi oriġinali tagħha billi tikkostitwixxi garanzija suffiċjenti għall-ħidma tas-Suq Intern waqt illi tiżgura livell għoli ta' protezzjoni. Din tagħti forma lid-dritt fundamentali għal protezzjoni tad- data personali; rispett għar-regoli tagħha għandha tiżgura l-fiduċja ta’ l-individwi dwar il-mezz kif l-informazzjoni tagħhom tintuża, kundizzjoni prinċipali għall-iżvilupp ta’ l-e-ekonomija; tistabilixxi kejl għall-inizjattivi f'għadd ta' oqsma ta' politika; hija newtrali teknoloġikament u tkompli tagħti risposti sħaħ u xierqa għal dawn il-kwistjonijiet.

Għalhekk, il-Kummissjoni ma tipprevedi s-sottomissjoni ta’ l-ebda proposta leġislattiva biex temenda d-Direttiva.

Il-Kummissjoni bi ħsiebha ssegwi l-implimentazzjoni bir-reqqa tad-dispożizzjonijiet tagħha fuq livell nazzjonali u internazzjonali

Xi wħud mid-diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali jirriżultaw minn traspożizzjoni inkoretta jew inkompleta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Fuq bażi ta’ l-informazzjoni miġbura fid-djalogu strutturat ma’ l-Istati Membri, flimkien ma’ dik li nġabret minħabba l-ilmenti minn ċittadini, il-Kummissjoni bi ħsiebha tkompli taħdem ma' l-Istati Membri u, fejn ikun hemm bżonn, tibda proċeduri uffiċjali ta' ksur tal-liġi, sabiex tiżgura ambjent ġust u komuni għall-Istati Membri kollha.

Il-Kummissjoni tħajjar ukoll l-Istati Membri sabiex jizguraw l-implimentazzjoni għaqli ta’ leġislazzjoni nazzjonali adottata skond id-Direttiva. Fl-istess ħin, bi ħsiebha tkompli tgħasses u tagħti kontribut għall-iżviluppi dwar fora internazzjonali, bħal per eżempju l-Kunsill ta' l-Ewropa, l-OECD u l-UNO, biex tiżgura l-koerenza ta' l-impenji ta' l-Istati Membri bl-obbligi tagħhom taħt id-Direttiva.

Għandha tipproduċi komunikazzjoni interpretattiva dwar dispożizzjonijiet partikolari

Il-problemi identifikati fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet partikolari tad-Direttiva li jistgħu jwasslu għal proċeduri formali ta’ ksur tal-liġi jaqblu ma’ interpretazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-tifsira tad-dispożizzjonijiet fid-Direttiva u dwar il-mod korrett li bih għandhom ikunu implimentati, jikkunsidraw il-ġurisprudenza, kif ukoll ix-xogħol ta' interpretazzjoni li għamel il-Grupp ta’ Ħidma.

Ideat bħal dawn għandhom ikunu spjegati b’mod ċar f’komunikazzjoni interpretattiva.

U bi ħsiebha tinkoraġixxi l-atturi kollha biex jagħmlu ħilithom biex inaqqsu d-diverġenzi nazzjonali

Attivitajiet differenti għandhom isiru għal dan l-għan.

– Il-Programm ta’ Ħidma għandu jkompli

Il-miżuri mfassla fl-2003 kienu xierqa dak iż-żmien, u għadhom hekk s’issa, għal implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva.

L-attivitajiet elenkati fil-Programm ta’ Ħidma għandhom ikomplu, u l-involviment tal-partijiet interessati kollha hija bażi konkreta sabiex wieħed jaħdem għall-implimentazzjoni aħjar tal-prinċipji tad-Direttiva.

– Il-Grupp ta’ Ħidma għandu jtejjeb il-kontribut tiegħu biex jarmonizza l-prattika

Il-Grupp ta’ Ħidma, waqt li jgħaqqad flimkien l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tal-protezzjoni tad- data , huwa element prinċipali li jiżgura implimentazzjoni aħjar u aktar koerenti. B’hekk, din l-entità għandha “ teżamina kwalunkwe kwistjoni dwar l-applikazzjoni ta ’ miżuri nazzjonali adottati taħt din id-Direttiva sabiex tikkontribwixxi għall-applikazzjoni uniformi ta miżuri bħal dawn ” . Diġà għamlet xogħol siewi fil-ħidma ta’ l-applikazzjoni uniformi nazzjonali ta’ dispożizzjonijiet prinċipali, bħal m’hu l-moviment ta' data bejn il-fruntieri jew fuq il-kunċett ta' data personali.

Sabiex igawdu l-benefiċċju sħiħ ta’ dan il-mandat, l-awtoritajiet għal Protezzjoni tad- Data għandhom ukoll jirsistu biex jadattaw il-prattika domestika tagħhom mal-linja komuni li jiddeċiedu fil-Grupp ta' Ħidma.

Nilqgħu l-isfidi tat-teknoloġiji l-ġodda

Il-prinċipji li jinstabu fid-Direttiva jibqgħu validi u m’għandhomx ikunu modifikati. Madankollu, l-iżvilupp estensiv ta’ teknoloġiji ġodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni joħloq il-bżonn ta’ gwida speċifika dwar kif dawk il-prinċipji għandhom ikunu applikati fil-prattika. Aktar u aktar, it-teknoloġija sofistikata tgħin l-informazzjoni tiċċirkula b’mod rapidu madwar id-dinja. Madankollu, it-teknoloġija tgħin ukoll għal aħjar protezzjoni ta’ data meta ikun hemm bżonn. It-teknoloġija tiffaċilita itjeb kontroll u tfixxija ta’ data. Id-data rilevanti tista’ tiġi identifikata b’mod aktar mgħaġġel u eħfef. Meta permeess ma jingħatx għat-trażmissjoni tad-data, it-teknoloġija tgħin sabiex din id-data tkun izolata u protetta b’mod aktar rapidu u effettiv minn qabel.

F’dan il-każ, il-Grupp ta’ Ħidma għandu rwol sostanzjali. Għandu jsegwi x-xogħol li sar fit-Task Force tiegħu ta’ l-Internet u jkompli jiżviluppa strateġija komuni fost l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-protezzjoni tad- data sabiex jarmonizza l-implimentazzjoni tal-liġi nazzjonali, b’mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-liġi applikabbli u l-moviment ta' data bejn il-fruntieri.

F’każ fejn teknoloġija partikolari tqajjem il-ħin kollu kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad- data , u l-użu wiesa’ tagħha jew l-indħil potenzjali tiegħu jkun jiġġustifika miżuri aktar iebsin, il-Kummissjoni tista’ tipproponi leġiżlazzjoni speċifika għas-settur fuq livell ta' l-UE sabiex tapplika dawk il-prinċipji għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-teknoloġija kkonċernata. Id-Direttiva 2002/58/KE dwar il-privatezza u l-komunikazzjoniet elettroniċi għamlet użu minn din l-istrateġija.

Ir-reviżjoni dejjem għaddejja ta’ din id-Direttiva, kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar ir-RFID imsemmija hawn fuq, tista’ toffri l-opportunità għal riflessjoni dwar il-bżonn li din id-Direttiva tiġi modifikata, jew għall-adozzjoni ta' regoli speċifiċi biex kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad- data jiġu indirizzati minn teknoloġiji bħal m'huma l-Internet jew ir-RFID.

Nipprovdu rispons koerenti għad-domanda ta’ użu fl-interess pubbliku, speċjalment għas-sigurtà

Jeħtieġ li ngħaqqdu żewġ bżonnijiet fondamentali: biex nitrattaw b’mod effettiv it-theddid għal ħajja ta’ kuljum fl-Ewropa, speċjalment fi kwistjonijiet ta’ sigurtà, u fl-istess ħin biex jipproteġu d-drittjiet fondamentali, inklużi d-drittijiet ta’ ħarsien tad-data. Hemm ammont importanti ta’ data personali miġbura fuq individwi u ħafna attivitajiet fejn traċċi ta’ data personali jitħallew hemm u jitħażnu. Id-data tista’ tintuża għal raġunijiet differenti minn dawk li għalihom ġie miġbur oriġinarjament meta kienet awtorizzata kif suppost. Miżuri bħal dawn għandhom ikunu ġġustifikati u meħtieġa f’soċjetà demokratika għal raġunijiet ta’ interess pubblika, per eżempju għal ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

Fis-sejba tal-bilanċ importanti bejn il-miżuri biex jizguraw is-sigurtà u jipproteġi d-drittijiet fondamentali li mhumiex negozjabbli, il-Kummissjoni tiżgura illi tipproteġi d-data personali kif garantit mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali. L-UE taħdem ma’ msieħba esterni wkoll. Dan huwa essenzjali f’dinja globalizzata. B’mod partikolari, l-UE u l-Istati Uniti għandhom djalogu kontinwu tranżatlantiku sabiex jiddiskutu t-tqassim ta’ informazzjoni u l-ħarsien ta’ data personali għall-għanijet ta’ l-infurzar tal-liġi.

Il-Kummissjoni għandha terġa tqis l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva hekk kif jitlestew il-miżuri mfassla f’din il-Komunikazzjoni.

[1] Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment ħieles ta' tali data , ĠU L 281, tat-23 ta’ Novembru 1995, p. 31, minn issa il-quddiem “id-Direttiva”.

[2] ETS No. 108; minn issa ‘l-quddiem “il-Konvenzjoni 108”

[3] L-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad- Data (95/46/KE), COM(2003) 265 finali tal-15 ta’ Mejju 2003

[4] L-ewwel rapport tal-Kummissjoni, kif ukoll id-dokumenti disponibbli pubblikament adottati taħt il-Programm ta’ Ħidma msemmi hawnhekk jista’ jinstab fuqhttp://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/lawreport/index_en.htm

[5] Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni ta' l-Individwi fejn jidħol l-ipproċessar ta' Data Personali, imwaqqaf bis-saħħa ta' l-Artikolu 29 tad-Direttiva, minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-"Grupp ta' Ħidma"

[6] Premessa (9) tad-Direttiva

[7] http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/studies/economic_evaluation_en.pdf

[8] Każ C-101/01 (“Lindqvist”), ġudizzju tas-6 ta’ Novembru 2003

[9] Każijiet Konġunti C-317/04 u C-318/04 (“PNR”), ġudizzju tat-30 ta’ Mejju 2006

[10] COM(2005) 475 finali ta’ l-4 ta’ Ottubru 2005

[11] COM(2005) 490 finali tat-12 ta’ Ottubru 2005

[12] ĠU L 298, 13.4.2006, p. 29

[13] Każijiet Konġunti C-465/00, C-138/01 u C-139/01 ("Rechnungshof”), ġudizzju ta’ l-20 ta’ Mejju 2003

[14] ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54

[15] COM(2006) 331 finali tat-28 ta’ Ġunju 2006

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet