52006PC0232


Titolu u referenza

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (imressqa mill-Kummissjoni)

/* KUMM/2006/0232 finali - COD 2006/0086 */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
  pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
  doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 22.9.2006

COM(2006) 232 finali

2006/0086 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE

(imressqa mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA |

110 | Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Il-ħamrija essenzjalment hija riżorsa li ma tiġġeddidx u sistema dinamika ħafna li taqdi diversi funzjonijiet u tagħti servizzi li huma essenzjali għall-attivitajiet tal-bniedem u għas-sopravivenza ta' l-ekosistemi. It-tagħrif disponibbli jagħti x'wieħed jifhem li, fl-aħħar għexieren ta' snin, il-proċessi tat-tħarbit tal-ħamrija żdiedu b'mod sinifikanti, u hemm evidenza li turi li sejra sseħħ żieda ulterjuri jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni. Minkejja li l-acquis Komunitarju fih dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ħamrija, ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-Komunità speċifikament dwarha. Din il-proposta għandha l-għan li timla din il-lakuna, u li tistabbilixxi strateġija komuni għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-ħamrija, fuq il-bażi tal-prinċipji ta' l-integrazzjoni ta' din it-tema f'politiki oħra, il-konservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija fil-kuntest ta' l-użu sostenibbli, il-prevenzjoni tat-theddidiet għall-ħamrija u t-trażżin ta' l-effetti tagħhom, kif ukoll ir-restawr ta' ħamrija mħarbta għal livell ta' funzjonalità li jkun talanqas konsistenti ma' l-użu preżenti u dak approvat għall-ġejjieni. |

120 | Il-kuntest ġenerali Il-ħamrija tinsab dejjem aktar taħt pressjoni ambjentali mal-Komunità kollha, pressjoni li toriġina jew inkella tissaħħaħ mill-attivitajiet tal-bniedem, bħalma huma metodi mhux f'lokhom fl-agrikoltura u l-kultivazzjoni tal-foresti, attivitajiet industrijali, it-turiżmu jew l-iżvilupp urban. Dawn l-attivitajiet qegħdin jgħarrqu l-kapaċità tal-ħamrija li tkompli taqdi bis-sħiħ il-varjetà wiesgħa tal-funzjonijiet kruċjali tagħha. Il-ħamrija hija riżorsa ta' interess komuni għall-Komunità, minkejja li, fil-parti l-kbira tagħha, hija proprjetà privata, u n-nuqqas tal-protezzjoni tagħha sejjer inawwar is-sostenibbiltà u l-kompetittività fit-tul ta' l-Ewropa. Barra minn hekk, it-tħarbit tal-ħamrija għandu impatti qawwija fuq oqsma oħra ta' interess komuni għall-Komunità, bħalma huma l-ilma, is-saħħa umana, it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tan-natura u tal-bijodiversità, u s-sikurezza ta' l-ikel. Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tat-22 ta’ Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità jinkludi l-għan tal-protezzjoni tar-riżorsi naturali u l-promozzjoni ta' l-użu sostenibbli tal-ħamrija. Hemmhekk il-Komunità kkommettiet ruħha għall-adozzjoni ta' Strateġija Tematika dwar il-protezzjoni tal-ħamrija biex twaqqaf u treġġa' lura t-tħarbit tal-ħamrija. Fil-Komunikazzjoi tagħha ta' l-2002 "Lejn Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija" (COM(2002) 179), il-Kummissjoni identifikat it-tmien theddidiet ewlenin li qed tiffaċċa l-ħamrija fl-UE. Dawn huma l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, il-kontaminazzjoni, is-salinizzazzjoni, il-kompattazzjoni, it-telfien tal-bijodiversità, l-issiġillar, iż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet u l-għargħar. |

130 | Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Il-ħamrija, sal-lum, qatt ma tqiegħdet taħt politika ta' protezzjoni speċifika fuq il-livell Komunitarju. Xi aspetti tal-protezzjoni tal-ħamrija jinsabu mxerrda 'l hawn u 'l hinn fl-acquis, u għaldaqstant miżuri differenti Komunitarji jistgħu jagħtu kontribut għall-ħarsien tal-ħamrija. Dan jgħodd fil-każ ta' bosta dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni ambjentali Komunitarja eżistenti f'oqsma bħalma huma l-ilma, l-iskart, il-kimika, il-prevenzjoni tat-tniġġis industrijali, il-pestiċidi u l-protezzjoni tan-natura. Effetti pożittivi fuq il-qagħda tal-ħamrija agrikola wkoll mistennija joħorġu mill-introduzzjoni fil-Politika Agrikola Komuni rriformata ta' rekwiżiti ta' kundizzjonalità marbuta ma' aspetti tal-protezzjoni tal-ħamrija fl-agrikoltura, kif ukoll mill-kontribut ta' l-Iżvilupp Rurali. Madankollu, minħabba l-għanijiet u l-ambiti differenti tagħhom, u l-fatt li sikwit ikollhom l-għan li jħarsu media ambjentali oħra, id-dispożizzjonijiet eżistenti, anki meta jkunu implimentati bis-sħiħ, lill-ħamrija jagħtuha protezzjoni frammentata u parzjali, minħabba li la jkopru kull tip ta' ħamrija u lanqas it-theddidiet kollha li din tiffaċċa. Għalhekk, it-tħarbit tal-ħamrija jkompli għaddej. |

140 | Il-konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta' l-Unjoni Il-leġiżlazzjoni proposta, li għandha l-għan li tipproteġi l-ħamrija u tikkonserva l-kapaċità tagħha li taqdi l-funzjonijiet ambjentali, ekonomiċi, soċjali u kulturali, hija għal kollox konformi ma' l-għanijiet ta' l-Artikolu 174 tat-Trattat tal-KE. Tqis id-diversità tal-qagħdiet fir-reġjuni varji tal-Komunità. Tissejjes fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u fuq il-prinċipji li l-azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara ambjentali għandha tissewwa f'ras il-għajn, bi prijorità, u li min iniġġes għandu jħallas. Tibbaża fuq analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż potenzjali ta' l-azzjoni jew tan-nuqqas tagħha, kif ukoll ir-rispett ta' l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Komunità kollha kemm hi, u l-iżvilupp ekwilibrat tar-reġjuni tagħha. |

IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-EVALWAZZJONI TA' L-IMPATT |

Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

211 | il-Metodi ta' konsultazzjoni, is-setturi ewlenija fil-mira u l-profil ġenerali ta' min irrisponda Il-Komunikazzjoni ta' l-2002 kienet is-suġġett ta' konklużjonijiet favorevoli mill-Istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, li għarfu li l-ħamrija għandha rwol ewlieni f'dik li hija s-sostenibbiltà fit-tul fil-Komunità. Minn Frar 2003 'l quddiem, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni miftuħa mal-partijiet interessati, u stabbiliet pjattaforma wiesgħa ħafna ta' aktar minn 400 membru, maqsuma f'ħames Gruppi ta' Ħidma u Forum Konsultattiv, bi rwol ta' tmexxija. F'Ġunju 2004, il-Gruppi ta' Ħidma spiċċaw ir-rapporti komprensivi ħafna tagħhom, li inkludew tagħrif dwar il-qagħda ta' tipi differenti ta' ħamrija fl-Ewropa, il-pressjonijiet u l-forzi li jwasslu għat-tħarbit tal-ħamrija u sett ta' rakkomandazzjonijiet, indirizzati lill-Kummissjoni, għall-iżvilupp ta' politika fuq il-livell Komunitarju dwar il-ħamrija. F'Novembru 2004, il-Presidenza Olandiża tal-Kunsill u l-Kummissjoni flimkien organizzaw konferenza li ġabret flimkien l-Istati Membri u l-parteċipanti fil-proċess tal-konsultazzjoni tal-persuni interessati, li esprimew appoġġ qawwi għal approċċ ta' qafas imsejjes fuq l-azzjoni Komunitarja. Għal tmien ġimgħat, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika permezz ta' l-Internet, dwar elementi possibbli għall-inklużjoni fl-Istrateġija Tematika dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija. Din il-konsultazzjoni ġabret it-tweġibiet ta' 1 206 ċittadini, 377 espert tal-ħamrija u 287 organizzazzjoni minn 25 pajjiż. |

212 | Sommarju tar-risposti, u kif ingħatatilhom il-kunsiderazzjoni Iċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll l-esperti tal-ħamrija u l-organizzazzjonijiet, fil-parti l-kbira esprimew il-fehma li l-prevenzjoni u t-taffija tat-tħarbit tal-ħamrija fl-Ewropa huma importanti jew importanti ħafna, iffavorixxew azzjoni fil-forma ta' qafas adottat fuq il-livell Komunitarju, u miżuri konkreti adottati fuq il-livelli nazzjonali jew lokali. L-evalwazzjoni ta' l-Impatt tagħti rapport komprensiv dwar l-analiżi statistika tat-tweġibiet kollha, bit-turija wkoll tad-distribuzzjoni skond in-nazzjonalità ta' dak li rrispondew, kif ukoll tagħrif dwar kif dawn ir-reazzjonijiet ingħatatilhom il-kunsiderazzjoni. Il-parti l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet mill-Gruppi ta' Ħidma, kif ukoll il-fehmiet espressi fil-konsultazzjoni permezz ta' l-Internet, ġew inkorporati. Ma ġewx approvati is-sejħiet, li spiss saru, għal restrizzjonijiet obbligatorji fuq l-iżvilupp urban u turistiku, minħabba l-Komunità ftit għandha komptenza tirrestrinġi l-użu ta' l-art. |

Il-ġbir u l-użu ta' l-għarfien espert |

221 | L-oqsma ta' l-għarfien espert xjentifiku kkonċernat Ix-xjenza tal-ħamrija, ix-xjenza agronomika, il-kultivazzjoni tal-foresti, l-idroloġija, il-bijoloġija, l-ekoloġija, l-ekonomija, ix-xjenza soċjali, ix-xjenza politika. |

222 | Il-metodoloġija użata Il-proposta tissejjes fuq l-aqwa għarfien xjentifiku u tekniku disponibbli. Dan l-għarfien espert inġabar permezz tal-konsultazzjoni komprensiva ħafna tal-partijiet interessati, u permezz ta' l-għoti ta' kuntratti għal żewġ studji indipendenti għall-evalwazzjoni ta' l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali tat-tħarbit tal-ħamrija, kif ukoll l-impatti ambjentali u soċjoekonomiċi tal-miżuri proposti. Ir-rapporti mfassla mill-Gruppi ta' Ħidma u ppubblikati mil-Kummissjoni, din il-proposta, kif ukoll l-Evalwazzjoni ta' l-Impatt jirriflettu bis-sħiħ ir-riżultati ta' dan il-ġbir ta' l-għarfien espert. |

223 | L-organizzazzjonijiet/esperti ewlenin kkonsultati Il-konsultazzjoni involviet amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali, assoċjazzjonijiet industrijali, organizzazzjonijiet kummerċjali, ambjentali u tal-konsumaturi, istituti xjentifiċi u tar-riċerka, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u servizzi oħra tal-Komunità, unjins, organizzazzjonijiet tal-bdiewa u tas-sidien ta' l-artijiet agrikoli, kif ukoll bosta assoċjazzjonijiet oħra mifruxa ma' l-Ewropa kollha kemm hi u li esprimew interess fil-ħamrija. |

2244 | Sommarju tal-pariri li ngħataw u ġew użati Diġà ssemma li jeżistu riskji potenzjalment serji, b'konsegwenzi irreversibbli. Kulħadd jaqbel dwar l-eżistenza ta' dawn ir-riskji. |

225 | Kien hemm qbil unanimu li l-ħamrija għandha tiġi ggarantita l-istess livell ta' protezzjoni li jingħata lil media ambjentali oħra, bħall-arja jew l-ilma, minħabba li l-funzjonijiet tal-ħamrija huma ta' importanza kruċjali għas-sopravivenza tal-bniedem u ta' l-ekosistemi. Dejjem ġie enfasizzat li, minħabba l-varjabbiltà enormi tat-tipi tal-ħamrija madwar l-Ewropa, bħala bażi għall-politika Komunitarja dwar il-ħamrija ma setax jiġi adottat approċċ wieħed li jkun jgħodd għal kulħadd. Il-kotra ta' l-opinjonjiet kienu favur sistema flessibbli li tippermetti li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-ħamrija u l-użu ta' l-art lokali. Għaldaqstant, kien hemm qbil wiesa' li, fuq il-livell Ewropew, kellu jiġi adottat qafas li jistabbilixxi għanijiet u prinċipji komuni, b'tali mod li l-Istati Membri jitħallew jadottaw miżuri dettaljati fuq il-livell amministrattivi u ġeografiċi adegwati. |

226 | Il-mezzi użati biex il-pariri ta' l-esperti jsiru disponibbli għall-pubbliku Ir-rapporti mfassla mill-Gruppi ta' Ħidma ġew ippubblikati mill-OPOCE u jinkisbu b'xejn minn fuq l-Internet (http://ec.europa.eu/comm/environment/ soil/index.htm). L-istess websajt turi t-tweġibiet li l-esperti u l-organizzazzjonijiet taw għall-kwestjonarju pubbliku. |

230 | L-evalwazzjoni ta' l-impatt Ġew ikkunsidrati l-għażliet li ġejjin, f'ordni mill-anqas sa l-aktar: (1) Li l-Istati Membri jiġu mħajra jieħdu azzjoni taħt strateġija Komunitarja ġenerali li ma torbotx fil-liġi. (2) Strument ġuridiku flessibbli fis-sura ta' Direttiva ta' Qafas dwar il-Ħamrija, b'ambitu ambizzjuż iżda mhux preskrittiva ż-żejjed fil-kontenut tagħha. (3) Proposti leġiżlattivi għat-theddidiet differenti lill-ħamrija, li jistabbilixxu l-miri u l-mezzi fuq il-livell Komunitarju. |

231 | Il-Kummissjoni wettqet Evalwazzjoni ta' l-Impatt, li hija disponibbli fl-indirizz: http:// ec.europa.eu/comm/environment/soil/index.htm. Tagħti, f'aktar dettall, ir-riżultati rigward l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-proposta. |

L-ELEMENTI ġURIDIċI TAL-PROPOSTA |

305 | Sommarju ta' l-azzjoni proposta Id-Direttiva proposta tinkludi: L-istabbiliment ta' qafas komuni għall-protezzjoni tal-ħamrija fuq il-bażijiet tal-prinċipji tal-konservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija, il-prevenzjoni tat-tħarbit tal-ħamrija u t-taffija ta' l-effetti tagħha, ir-ristawr ta' ħamrija mħarbta u l-integrazzjoni f'politiki settorjali oħra. L-eżiġenza li l-impatt ta' xi politiki settorali fuq it-tħarbit tal-ħamrija jiġi identifikat, deskritt u evalwat, bil-għan li l-funzjonijiet tal-ħamrija jiġu protetti. L-esiġenza li l-utenti ta' l-art jieħdu miżuri ta' prekawzjoni meta l-użu li jagħmlu mill-ħamrija jista' jtellfilha l-funzjonijiet b'mod sinifikanti. Approċċ lejn is-siġillar tal-ħamrija biex jiġi żgurat użu aktar razzjonali ta' l-artijiet, f'konformità ma' l-Artikolu 174 tat-Trattat tal-KE, u biex kemm jista' jkun jinżammu l-funzjonijiet tal-ħamrija. L-identifikazzjoni taż-żoni mhedda mill-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, is-salinizzazzjoni, il-kompattazzjoni u ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet, u l-istabbiliment ta' programmi nazzjonali ta' miżuri. Jeħtieġ li jiġi identifikat il-qies taż-żoni mhedda b'dan il-mod. Biex jiġi żgurat approċċ koerenti u komparabbli, l-identifikazzjoni tar-riskji trid issir fuq il-bażi ta' elementi komuni. Dawn l-elementi jinkludu parametri li huma magħrufa bħala l-forzi motriċi għat-theddida partikolari li tkun. Ikollhom jiġu adottati miri għat-tnaqqis tar-riskji, kif ukoll programmi ta' miżuri biex dawk il-miri jintlaħqu. Il-programmi jistgħu jibnu fuq l-istandards u l-miżuri li diġà jkunu ġew identifikati u implimentati fil-kuntesti nazzjonali u Komunitarji. Miżuri biex jillimitaw it-tidħil ta' sustanzi perikolużi fil-ħamrija, biex ma jitħallewx jakkumulaw fiha b'tali mod li jtellfulha l-funzjonijiet tagħha u joħolqu riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. L-istabbiliment ta' inventarju ta' siti kkontaminati, mekkaniżmu għat-tranġar ta' siti orfni, rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija, u l-istabbiliment ta' strateġija nazzjonali għat-tranġar tas-siti kontaminati li jkunu ġew identifikati. L-istabbiliment ta' definizzjoni ta' sit kontaminat u elenku ta' attivitajiet li potenzjalment iniġġsu l-ħamrija. Dawn huma l-bażijiet għall-identifikazzjoni tas-siti li potenzjalment jistgħu jiġu kontaminati, bħala pass preliminari għall-istabbiliment ta' inventarju ta' siti li fil-fatt ikunu ġew kontaminati. Dan ikun jista' jiġi kkompletat mill-obbligu tal-bejjiegħ jew tax-xerrej prospettiv li jipprovdu rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija għal kwalunkwe tranżazzjoni b'artijiet li fihom tkun saret jew qed issir attività potenzjalment kontaminanti. Dispożizzjoni simili, dwar il-prestazzjoni enerġetika ta' bini, diġà teżisti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/91/KE). |

310 | Il-bażi ġuridika Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jirrelataw mal-protezzjoni ambjentali, u konsegwentement il-bażi ġuridika magħżula hija l-Artikolu 175(1) tat-Trattat tal-KE. |

320 | Il-prinċipju tas-sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika safejn il-proposta ma taqax fil-kompetenza esklussiva tal-Komunità. |

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin. |

321 | It-tħarbit tal-ħamrija fi Stat Membru jew reġjun partikolari jista' jkollha effetti lil hinn minn dak it-territorju. Tabilħaqq, meta sseħħ erożjoni massiva f'pajjiż partikolari, is-sedimenti li jitgerbu ma' l-ilmijiet jistgħu jibblukkaw id-digi f'pajjiż ieħor aktar 'l isfel fil-miġra tax-xmara. Bl-istess mod, flussi ta' l-ilma tal-pjan li jiġru minn pajjiż għal ieħor li għandu fruntiera miegħu jistgħu jitniġġsu minn siti kontaminati fuq naħa waħda tal-fruntiera. It-telfien ta' materja organika fil-ħamrija fi Stat Membru wieħed jista' jżomm lill-Komunità milli tilħaq il-miri tal-Protokoll ta' Kjoto. Dan ikun ifisser li l-ispejjeż għar-ristawr tal-kwalità ambjentali jitgħabba bihom Stat Membru differenti minn dak li fih tkun seħħet l-attività ta' tħarbit tal-ħamrija. |

323 | Diverġenzi kbar bejn is-sistemi nazzjonali tal-protezzjoni tal-ħamrija, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-kontaminazzjoni tal-ħamrija, jistgħu jimponu obbligi differenti ħafna fuq l-operturi ekonomiċi, u b'hekk joħolqulhom sitwazzjoni mhux ekwilibrata għall-ispejjeż fissi tagħhom, u distorsjoni fis-suq intern. L-assorbiment ta' kontaminanti fil-ħamrija fl-uċuħ tar-raba' maħsuba għall-ikel jew għall-għalf jista' jkollu impatt fuq il-kwalità ta' prodotti li jinbiegħu u jinxtraw liberament fis-suq intern, u b'hekk jirrappreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem u ta' l-annimali. L-azzjoni f'ras il-għajn fuq il-livell Komunitarju tikkompleta l-kontrolli tal-kwalità li jsiru fuq il-livell nazzjonali bil-għan li tiġi żgurata s-sikurezza alimentari. It-tħarbit tal-ħamrija tista' tħassar is-saħħa taċ-ċittadini Ewropej b'diversi modi, fosthom l-esponiment dirett jew indirett ta' kontaminanti il-ħamrija. Bl-istess mod, iż-żerżiq mill-ġnub ta' l-għoljiet jaf iġib miegħu bosta korrimenti. |

L-azzjoni Komunitarja għandha tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġunijiet li ġejjin. |

324 | It-tħarbit tal-ħamrija jaffettwa oqsma ambjentali oħra li hemm leġiżlazzjoni Komunitarja għall-protezzjoni tagħhom (pereżempju, l-ilma, in-natura, il-bijodiversità, it-tibdil fil-klima). L-azzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-ħamrija sejra timla l-lakuni u tiżgura protezzjoni konsistenti u effiċjenti tal-kwalità ambjentali fir-rigward tal-media kollha. Il-protezzjoni tal-ħamrija tagħti kontribut biex jiġu żgurati fit-tul is-sikurezza alimentari u l-produttività agrikola, li huma l-pedamenti tal-Politika Agrikola Komuni ffinanzjata mill-Komunità. L-eżistenza ta' prinċipji komuni għad-definizzjoni ta' x'jitqies bħala użu sostenibbli tal-ħamrija sejra tippermetti li l-artikolazzjoni ta' l-aġendi tar-riċerka fuq il-livell nazzjonali u Komunitarju, u b'hekk użu aktar effiċjenti tal-fondi għar-riċerka u l-iżvilupp bix jimtlew il-lakuni fl-għarfien. Bil-ksib ta' qafas ambizzjuż u koerenti li se jissarraf f'għarfien u ġestjoni aħjar tal-ħamrija, il-Komunità jista' jkollha rwol minn ta' quddiem fl-arena internazzjonali, fejn hemm għadd ta' pajjiżi li għandhom ħtiġijiet kbar f'dak li huma t-trasferiment ta' l-għarfien prattiku u l-għajnuna teknika. |

325 | Sal-lum, mingħajr l-azzjoni Komunitarja biex tappoġġa l-isforzi, huma biss disgħa l-Istati Membri li għandhom leġiżlazzjoni speċifika dwar il-protezzjoni tal-ħamrija, filwaqt li l-oħrajn iserrħu fuq xi dispożizzjonijiet f'politiki oħra biex jikkonservaw il-ħamrija. Fil-kotra tagħhom, id-dipożizzjonijiet nazzjonali eżistenti jittrattaw il-problema tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija, u, filwaqt li jagħrfu li hemm theddididet oħra, hemm nuqqas ta' enfasi fuq il-konservazzjoni usa' tal-funzjonjiet tal-ħamrija. L-aqwa indikatur biex jintwera kif dan il-għan jista' jintlaħaq aħjar permezz ta' azzjoni komuni Komunitarja huwa l-fatt li l-progress li sar fl-iżgurar ta' użu sostenibbli jvarja enormement bejn l-Istati Membri. |

327 | Il-proposta għandha l-għan li tilħaq prinċipji, miri u azzjonijiet komuni għall-Istati Membri kollha biex tiżgura kundizzjonijiet ugwali u tiżgura li l-Istati Membri kollha jittrattaw it-theddidiet li l-ħamrija qed tiffaċċa fit-territorju nazzjonali tagħhom, u mhux jindirizzaw il-protezzjoni tal-ħamrija b'mod parzjali. |

Il-proposta għaldaqstant tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

Il-prinċipju tal-proporzjonalità Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

331 | L-istrument propost huwa Direttiva li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija u l-konservazzjoni tal-funzjonijiet tagħha. Biex il-proporzjonalità tiġi żgurata, qed jitħalla spazju wiesa' biex l-Istati Membri, fil-livelli ġeografiċi u amministrattivi li l-aktar ikunu f'lokhom, jidentifikaw il-miżuri speċifiċi li l-aktar li jkunu jgħoddu għalihom. Dan huwa ta' importanza kruċjali biex jiġi żgurat li l-ispeċifiċiatjiet lokali rigward il-varjabbiltà tal-ħamrija, l-użi ta' l-art, il-kundizzjonjiet klimatoloġiċi lokali u l-aspetti soċjoekonomiċi jingħatalhom il-qies kollu mistħoqq. |

332 | Il-livell ta' l-intervent għandhom jiddeċiduha l-Istati Membri, b'tali mod li jsir użu aktar effiċjenti tal-kapaċitajiet amministrattivi nazzjonali tagħhom. Se jqumu xi obbligi amministrattivi u finanzjarji addizzjonali, partikolarment għall-Istati Membri li ma ttrattawx il-protezzjoni tal-ħamrija fuq il-livelli nazzjonali u reġjonali. Madankollu, il-benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali tal-miżuri, kif deskritti fl-Evalwazzjoni ta' l-Impatt, jisbqu b'mod sinifikanti l-ispejjeż involuti. |

L-għażla ta' strument |

341 | Strument propost: Direttiva ta' Qafas. |

342 | Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġunijiet li ġejjin. Strument aktar preskrittiv, bħal Regolament, ma jippermettx li l-varjabbiltà tal-ħamrija tingħata l-qies li jistħoqqilha, u ma jippermettix il-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu riflessi l-kundizzjonijiet lokali. Mil-lat l-ieħor, strument li ma jorbotx fil-liġi ma jiżgurax l-użu sostenibbli ta' riżorsa naturali komuni madwar l-Ewropa kollha, u ma jipprevjenix id-distorsjoni tal-kompetizzjoni li joħolqu sistemi nazzjonali diverġenti ħafna. |

EFFETTI FUQ IL-BAġIT |

409 | Il-proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Komunità. |

AKTAR TAGħRIF |

Klawżola ta' eżami/reviżjoni/estinzjoni |

531 | Il-proposta tinkludi klawżola ta' reviżjoni. |

550 | Tabella ta' korrelazzjoni L-Istati Membri huma obbligati jinnotifikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva, kif ukoll tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. |

560 | Iż-Żona Ekonomika Ewropea Din il-proposta tolqot kwistjoni rilevanti għaż-ŻEE, u għalhekk għandha testendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea. |

E-13860 |

1. 2006/0086(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali[2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[4],

Billi:

(1) Il-ħamrija essenzjalment hija riżorsa li ma tiġġeddidx, minħabba li r-rati ta' tħarbit jistgħu jkunu rapidi ħafna, filwaqt li l-proċessi ta' formazzjoni u riġenerazzjoni jseħħu estremament bil-mod. Hija sistema dinamika ħafna li taqdi bosta funzjonijiet u tagħti servizzi li huma essenzjali għall-attivitajiet tal-bniedem u s-sopravivenza ta' l-ekosistemi. Dawn il-funzjonijiet tal-ħamrija huma li tipproduċi l-bijomassa, taħżen, tiffiltra u tittrasforma n-nutrijenti u l-ilma, tospita l-ġabra tal-bijodiversità, isservi bħala pjattaforma għall-parti l-kbira ta' l-attivitajiet tal-bniedem, tipprovdi l-materja prima, taħżen il-karbon u tikkonserva l-wirt ġeoloġiku u arkeoloġiku.

(2) It-tħarbit jew it-titjib tal-ħamrija għandhom impatt kbir fuq oqsma oħra ta' interess Komunitarju, bħall-protezzjoni ta' l-ilmijiet tal-wiċċ u tal-pjan, is-saħħa tal-bniedem, it-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tan-natura u l-bijodiversità, u s-sikurezza alimentari.

(3) Il-ħamrija hija riżorsa naturali li tinsab dejjem iktar taħt pressjoni ambjentali u għandha fiha nnifisha tiġi protetta mit-tħarbit. Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1600/2002/KE tat-22 ta' Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Komunità[5] tinkludi l-għan tal-protezzjoni tar-riżorsi naturali u l-promozzjoni ta' użu sostenibbli tal-ħamrija.

(4) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill "Lejn Strateġija Tematika dwar il-Protezzjoni tal-Ħamrija"[6] tidentifika t-tmien proċessi ewlenin tat-tħarbit li jiffaċċaw il-ħamrija fl-UE. Dawn huma l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, il-kontaminazzjoni, is-salinizzazzjoni, il-kompattazzjoni, it-telfien tal-bijodiversità, l-issiġillar, iż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet u l-għargħar. L-għarfien xjentifiku kurrenti dwar il-bijodiversità tal-ħamrija u l-proċessi fiha huwa limitat wisq biex jippermetti dispożizzjonijiet speċifiċi f'din id-Direttiva bil-għan tal-protezzjoni tagħhom. Il-prevenzjoni u t-taffija ta' l-effetti ta' l-għargħar ġew indirizzati mill-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-evalwazzjoni u l-ġestjoni ta' l-għargħar[7].

(5) Fil-Komunità hemm varjabbiltà kbira bejn it-tipi ta' ħamrija, u hemm differenzi enormi fil-qagħdiet strutturali, fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi, sew fi ħdan profili individwali kif ukoll bejn tipi differenti ta' ħamrija. Dawn il-kundizzjonijiet u ħtiġijiet diversi fil-Komunità għandhom jiġu kkunsidrati, minħabba li jirrikjedu soluzzjonjiet speċifiċi differenti għall-identifikazzjoni ta' żoni ta' riskju, id-definizzjoni ta' miri u t-twettiq ta' miżuri f'lokhom biex jiżguraw il-protezzjoni tal-ħamrija.

(6) Il-leġiżlazzjoni Komunitarja, pereżempju fl-oqsma ta' l-iskart, il-kimika, il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis industrijali, it-tibdil fil-klima, l-ilma, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, tinkludi xi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ħamrija, imma dawn la huma maħsuba biex jipproteġu kull tip ta' ħamrija kontra l-proċessi kollha ta' tħarbit u lanqas ma huma biżżejjed biex jilħqu dan il-għan. Għaldaqstant, hemm il-ħtieġa għal qafas leġiżlattiv koerenti u effikaċi, li jipprovdi prinċipji u miri komuni bil-għan tal-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-ħamrija fil-Komunità.

(7) Il-ħamrija għandha tintuża b'mod sostenibbli li jikkonservalha l-kapaċità tagħha li tagħti servizzi ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali, filwaqt li jmantnilha l-funzjonijiet tagħha sabiex il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni jkunu jistgħu jissodisfaw ħtiġijiethom.

(8) L-għan ta' din id-Direttiva huwa l-iżgurar tal-protezzjoni tal-ħamrija, fuq il-bażi tal-prinċipji tal-konservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija, il-prevenzjoni tat-tħarbit tal-ħamrija u t-taffija ta' l-effetti tiegħu, ir-ristawr ta' ħamrija mħarbta u l-integrazzjoni f'politiki settorjali oħra permezz ta' l-istabbiliment ta' qafas u azzjonjiet komuni.

(9) Qafas komuni huwa meħtieġ biex l-isforzi ta' l-Istati Membri jiġu artikolati, bil-għan tat-titjib tal-protezzjoni tal-ħamrija u l-użu sostenibbli tagħha, il-kontroll ta' l-effetti tat-tħarbit tal-ħamrija fuq pajjiżi oħra, il-protezzjoni ta' l-ekosistemi terrestri u akkwatiċi, u l-evitar tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi.

(10) Ġaladarba l-għanijiet ta' l-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas komuni għall-protezzjoni tal-ħamrija, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri, u għalhekk jista' jintlaħaq aħjar fuq il-livell Komunitarju minħabba l-iskala tal-problema u l-implikazzjonijiet tagħha rigward leġiżlazzjoni oħra tal-Komunità dwar il-protezzjoni tan-natura u l-ilma, is-sikurezza alimentari, it-tibdil fil-klima, l-agrikoltura u oqsma ta' interess komuni, bħalma hija l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-Komunità għaldaqstant tisa' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif jidher fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif jidher f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(11) Minħabba li xi politiki settorjali jistgħu jew jaggravaw jew itaffu l-proċessi tat-tħarbit tal-ħamrija, jeħtieġ li jkun hemm integrazzjoni ulterjuri ta' aspetti tal-protezzjoni tal-ħamrija f'dawn il-politiki. Din id-Direttiva għandha tipprovdi biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw u jevalwaw l-impatt ta' dawn il-politiki fuq il-prevenzjoni tal-proċessi tat-tħarbit tal-ħamrija u l-protezzjoni tal-funzjonjiet tagħha.

(12) B'kuntrast ma' l-arja u l-ilma, fil-Komunità, il-ħamrija fil-parti l-kbira tagħha hija proprjetà privata. Madankollu, hija riżorsa naturali ta' interess komuni, li jeħtieġ li tiġi protetta għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni. Fl-interess pubbliku għalhekk, l-utenti ta' l-art għandu jkollhom l-obbligu jieħdu miżuri ta' prekawzjoni meta jkun previdibbli li l-użu li jagħmlu mill-ħamrija jista' jtellfilha l-funzjonijiet b'mod sinifikanti.

(13) Is-siġillar qed jintensifika ruħu b'mod sinifikanti fil-Komunità, b'konsegwenza tat-tifrix tal-bliet u dejjem aktar domanda għall-art min-naħa ta' setturi differenti ta' l-ekonomija, u dan jinneċessita użu aktar sostenibbli tal-ħamrija. Jeħtieġ li jkun hemm miżuri adegwati biex is-siġillar tal-ħamrija jiġi limitat, pereżempju permezz tar-rijabilitazzjoni ta' siti industrijali żdingati ( brownfield sites ), u b'hekk jitnaqqas it-tnaqqir ta' l-artijiet naturali ( greenfield sites ). Fejn iseħħ is-siġillar, l-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li jkun hemm metodi ta' bini u drenaġġ li jikkonservaw l-ikbar għadd possibbli ta' funzjonijiet tal-ħamrija.

(14) Politika mmirata u effiċjenti għall-protezzjoni tal-ħamrija għandha tissejjes fuq għarfien ta' fejn ikun qed iseħħ it-tħarbit tal-ħamrija. Huwa magħruf li ċerti proċessi ta' tħarbit, bħalma huma l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, il-kompattazzjoni, is-salinizzazzjoni u ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet jiġru f'żoni speċifiċi li huma esposti għar-riskju ta' proċessi bħal dawn. Dan jirrikjedi l-identifikazzjoni ta' żoni ta' riskju ta' dan it-tip.

(15) Biex jiġi żgurat approċċ koerenti u komparabbli fl-Istati Membri differenti, l-identifikazzjoni taż-żoni mhedda mill-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, is-salinizzazzjoni, il-kompattazzjoni u ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet għandha tissejjes fuq metodoloġija komuni li tinkludi elementi li huma magħrufin bħala l-forzi li jmexxu l-proċessi varji ta' tħarbit.

(16) Fiż-żoni ta' riskju identifikati, għandhom jittieħdu miżuri biex jipprevjenu t-tħarbit ulterjuri tal-ħamrija billi jnaqqsu s-sogru li tokkorri, u permezz tar-ristawr tal-ħamrija mħarbta biex jiġu kkonservati l-funzjonijiet tal-ħamrija.

(17) Għandha tittieħed azzjoni, taħt ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, fil-livell li l-aktar ikun f'loku, fuq il-bażi ta' l-istabbiliment ta' miri għat-tnaqqis tar-riskju u programmi ta' miżuri biex dawk il-miri jintlaħqu.

(18) Programmi bħal dawn ta' miżuri għandhom jikkunsidraw ukoll l-impatt soċjali u ekonomiku tal-miżuri previsti; għandhom jiġu riveduti kull tant żmien u jistgħu jibnu fuq obbligi, pjanijiet u programmi li diġà huma stabbiliti skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja jew ftehimiet internazzjonali.

(19) Din id-Direttiva għandha tagħti kontribut biex twaqqaf id-deżertifikazzjoni, li hija konsegwenza ta' proċessi paralleli ta' tħarbit, kif ukoll it-telfien tal-bijodiversità tal-ħamrija, u ttejjeb il-kooperazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika li l-Komunità hija parti fiha, u sejra ttejjeb l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet ambjentali internazzjonali.

(20) F'konformità mal-prinċipju tal-prevenzjoni kif stipulat fl-Artikolu 174 tat-Trattat tal-KE, din id-Direttiva għandha tagħti kontribut għall-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' l-introduzzjoni fil-ħamrija ta' sustanzi perikolużi, biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-ħamrija u jiġu kkonservati l-funzjonijiet tal-ħamrija.

(21) L-industrijalizzazzjoni preċedenti, inkella prattiki ta' ġestjoni ħżiena jew mhux f'lokhom, ħallew warajhom mijiet ta' eluf ta' siti kkontaminati fil-Komunità, li jirrikjedu strateġija komuni għall-ġestjoni tal-kontaminazzjoni storika tal-ħamrija biex l-effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent jiġu prevenuti u mtaffija.

(22) Biex b'suċċess jipprevjenu u jillimitaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent ikkawżati mill-kontaminazzjoni tal-ħamrija, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw is-siti li, skond l-evalwazzjoni tagħhom, jirrappreżentaw riskji serji f'dan ir-rigward. Fid-dawl ta' l-għadd ta' siti li x'aktarx huma kkontaminati, l-identifikazzjoni tagħhom tirrikjedi approċċ sistematiku u pass pass. Jeħtieġ li titfassal skeda biex ikun hemm monitoraġġ tal-progress fl-identifikazzjoni tas-siti kkontaminati.

(23) B'appoġġ għal-identifikazzjoni tas-siti kkontaminati u biex jiġi żgurat approċċ komuni, jeħtieġ li tiġi stabbilita lista ta' attivitajiet li jkollhom potenzjal sinifikanti li jikkawżaw il-kontaminazzjoni tal-ħamrija. Din il-lista komuni ta' attivitajiet li potenzjalment jistgħu jniġġsu l-ħamrija tista' tkun supplimentata b'listi aktar komprensivi adottati fuq il-livell nazzjonali.

(24) L-identifikazzjoni ta' siti kkontaminati għandha tkun riflessa f'inventarju nazzjonali ta' siti kkontaminati, li għandha tiġi aġġornata regolarment u titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku biex in-nies tkun tista' tikkonsultaha. Għandhom jiġu kkunsidrati l-isforzi preċedenti u tal-preżent min-naħa ta' l-Istati Membri biex jidentifikaw is-siti kkontaminati.

(25) Biex jgħin fl-identifikazzjoni rapida ta' siti kkontaminati, il-proprjetarju ta' sit li fih, skond ir-reġistri uffiċjali bħalma huma r-reġistri nazzjonali jew katasti, tkun seħħet jew qed isseħħ attività li tniġġes il-ħamrija, jew ix-xerrej prospettiv għandu, qabel ma jtemm it-tranżazzjoni tax-xiri ta' l-artijiet, jagħti tagħrif rilevanti dwar il-qagħda tal-ħamrija lill-awtorità kompetenti u lill-parti l-oħra fit-tranżazzjoni. L-għoti ta' tagħrif bħal dan kulmeta tkun qed tiġi ppjanata tranżazzjoni fl-artijiet għandu jgħin iħaffef it-tlestija ta' l-inventarju tas-siti kkontaminati. Lix-xerrej prospettiv, dan sejjer jagħmlu konxju tal-qagħda tal-ħamrija u ma jħallihx fil-għama huwa u jagħmel l-għażla.

(26) Fil-kunsiderazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes għandu jħallas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tittieħed l-azzjoni biex jitranġaw is-siti kkontaminati li jkunu ġew identifikati fit-territorju nazzjonali tagħhom.

(27) Għandha tiġi stabbilita Strateġija Nazzjonali għat-Tranġar, partikolarment għall-finijiet tad-definizzjoni ta' miri għat-tranġar u l-ordni prijoritarju li bih għandhom jiitranġaw is-siti.

(28) F'dawk is-siti kkontaminati li min ikun niġġes ma jkunx jista' jinstab, jinżamm responsabbli għat-tniġġis skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew Komunitarja jew inkella ma jkunx jista' jiġi mġiegħel iħallas l-ispejjeż tat-tranġar, magħrufa wkoll bħala siti orfni, ir-responsabbiltà għat-tnaqqis tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent għandha taqa' fuq l-Istati Membri. Għal dawn il-finijiet, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi speċifiċi ta' finanzjament biex jiżguraw għajn dejjiema ta' finanzi għat-tranġar ta' siti bħal dawn.

(29) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/35/KE tal-21 ta' April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali[8] tistabbilixxi li, għas-siti orfni, l-azzjoni ta' rimedju tista' tittieħed min-naħa ta' l-awtorità kompetenti, wara li l-possibbiltajiet l-oħra jkunu eżawsti. Dik id-Direttiva għaldaqstant għandha tiġi emendata sabiex issir konformi ma' l-obbligi ta' tranġar stipulati f'din id-Direttiva.

(30) Ftit hemm kuxjenza pubblika dwar l-importanza tal-protezzjoni tal-ħamrija, u għalhekk jeħtieġ li jiddaħħlu miżuri biex itejbu l-għarfien, l-iskambju tat-tagħrif u ta' l-aħjar prattika.

(31) Is-suċċess ta' din id-Direttiva jserraħ fuq il-kooperazzjoni mill-qrib u l-azzjoni koerenti fuq il-livelli tal-Komunità, ta' l-Istati Membri u dawk lokali, kif ukoll fuq l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-involviment tal-pubbliku, skond l-obbligi tal-Komunità taħt il-Konvenzjoni ta' Aarhus ta' l- UNECE dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali. Għaldaqstant, għat-tħejjija, il-modifika u r-reviżjoni tal-programmi ta' miżuri dwar iż-żoni ta' riskju u l-Istrateġiji Nazzjonali għat-Tranġar, huwa f'loku li jsir provvediment għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/35/KE tas-26 ta' Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta' ċerti pjanijiet u programmi li għandhom x'jaqsmu ma' l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja[9].

(32) Huwa rikonoxxut li, fl-Istati Membri, illum jiġu applikati metodoloġiji differenti għall-evalwazzjoni tar-riskji għas-siti kkontaminati. Sabiex nimxu lejn approċċ komuni li jiżgura kundizzjonijiet newtrali ta' kompetizzjoni u sistema koerenti tal-protezzjoni tal-ħamrija, jeħtieġ li jkun hemm skambju komprensiv ta' tagħrif sew biex jiġi stabbilit kemm tkun f'lokha l-armonizzazzjoni ta' ċerti elementi ta' l-evalwazzjoni tar-riskji, kif ukoll biex jiżviluppaw u jittejbu aktar il-metodoloġiji dwar l-evalwazjzoni tar-riskju ekotossikoloġiku.

(33) Għandu jsir provvediment ukoll biex jippermetti l-adattament rapidu ta' metodi ta' l-identifikazzjoni ta' żoni ta' riskju fl-Istati Membri, inklużi r-reviżjonjiet regolari ta' l-elementi komuni li jkun fihom.

(34) Għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet dwar il-formati ta' l-iskambju tat-tagħrif u l-kriterji tal-kwalità tad- data , u dawn jeħtiġilhom ikunu konsistenti ma' l-istabbiliment ta' kwalunkwe infrastruttura għall-informazzjoni dwar l-ispazji fil-Komunità.

(35) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, għandha l-għan li tippromwovi l-integrazzjoni ta' livell għoli ta' protezzjoni ambjentali fil-politiki tal-Komunità, f'konformità mal-prinċipju ta' l-iżvilupp sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

(36) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[10],

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Kapitolu 1 Dispożizzjonjiet ġenerali

Artikolu 1 Is-suġġett u l-ambitu

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ħamrija u l-konservazzjoni tal-kapaċità tal-ħamrija biex taqdi kwalunkwe funzjoni ambjentali, ekonomika, soċjali u kulturali minn dawn li ġejjin:

(a) il-produzzjoni tal-bijomassa, inkluża dik fl-agrikoltura u fil-kultivazzjoni tal-foresti;

(b) li taħżen, tiffiltra u tittrasforma n-nutrijenti, is-sustanzi u l-ilma;

(c) il-ġabra tal-bijodiversità, bħall-ħabitats, l-ispeċijiet u l-ġeni;

(d) li tipprovdi ambjent fiżiku u kulturali għall-bnedmin u għall-attivitajiet tal-bniedem;

(e) li tkun sors ta' materja prima;

(f) li sservi bħala ħażna tal-karbon;

(g) li taqdi rwol ta' arkivju tal-wirt ġeoloġiku u arkeoloġiku.

Għal dak il-għan, tistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni tal-proċessi tat-tħarbit tal-ħamrija, sew dawk li jokkorru naturalment kif ukoll dawk ikkawżati minn firxa wiesgħa ta' attivitajiet tal-bniedem, li jnawru l-kapaċità tal-ħamrija biex taqdi dawk il-funzjonijiet. Miżuri bħal dawn jinkludu t-taffija ta' l-effetti ta' dawk il-proċessi, u r-ristawr u t-tranġar ta' ħamrija mħarbta għal livell ta' funzjonalità li talanqas ikun konsistenti ma' l-użu tal-preżent u dak approvat għall-ġejjieni.

2. Id-Direttiva għandha tapplika għall-ħamrija li tifforma s-saff tal-wiċċ ta' l-art tad-Dinja, bejn il-blat tal-qiegħ u l-wiċċ, bl-esklużjoni ta' l-ilma tal-pjan kif definit fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE[11].

Artikolu 2Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) l-espressjoni 'siġillar' tfisser l-għata permanenti tal-wiċċ tal-ħamrija permezz ta' materjal impermeabbli;

(2) 'sustanzi perikolużi' tfisser sustanzi jew preparazzjonijiet skond it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KE[12] u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/45/KE[13].

Artikolu 3L-integrazzjoni

Fl-iżvilupp ta' politiki settorjali li x'aktar li jaggravaw jew itaffu l-proċessi tat-tħarbit tal-ħamrija, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw, jiddeskrivu, u jevalwaw l-impatti ta' daw il-politiki fuq dawn il-proċessi, partikolarment fl-oqsma ta' l-ippjanar ta' l-ispazji reġjonali u urbani, it-trasport, l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali, il-kultivazzjoni tal-foresti, l-estrazzjoni tal-materja prima, il-kummerċ u l-industrija, il-politika dwar il-prodotti, it-turiżmu, it-tibdil fil-klima, l-ambjent, in-natura u l-pajsaġġ.

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw dawk ir-riżultati.

Artikolu 4Miżuri ta' prekawzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe utent ta' l-art li l-azzjonijiet tiegħu jaffettwaw il-ħamrija b'mod li raġunevolment ikun previdibbli li b'mod sinifikanti sejjer itellef il-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikolu 1(1) ikollu l-obbligu li jieħu l-prekawzjonijiet biex dawn l-effetti ħżiena jipprevenijom jew jimminimizzahom.

Artikolu 5Is-siġillar

Għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikolu 1(1), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jillimitaw is-siġillar, jew, meta jkun se jseħħ is-siġillar, li jtaffu l-effetti tiegħu, partikolarment bl-użu ta' metodi u prodotti tal-bini li jħallu ż-żamma ta' l-akbar għadd possibbli ta' dawk il-funzjonijiet.

Kapitolu II Il-prevenzjoni tar-riskju, it-taffija u r-ristawr

L-EWWEL SEZZJONI L-IDENTIFIKAZZJONI TAż-żONI F'RISKJU

Artikolu 6 L-identifikazzjoni taż-żoni f'riskju ta' l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, il-kompattazzjoni, is-salinizzazzjoni u ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet

1. Fi żmien ħames snin minn [id-data tat-traspożizzjoni], l-Istati Membri, fil-livell li jkun f'loku, għandhom jidentifikaw iż-żoni fit-territorju nazzjonali tagħhom, minn hawn 'il quddiem "iż-żoni f'riskju", fejn ikun hemm evidenza deċiżiva jew raġunijiet leġittimi għas-suspett li jkun(u) seħħ(ew), jew se jseħħ(u) fil-futur qarib, wieħed jew aktar mill-proċessi li ġejjin tat-tħarbit tal-ħamrija:

(a) erożjoni mill-ilma jew ir-riħ;

(b) it-tnaqqis fil-materja organika kkawżat minn xejra 'l isfel kostanti fil-proporzjon organika fil-ħamrija, bl-esklużjoni ta' residwi mhux imħassra ta' pjanti u annimali, il-prodotti tad-dekompożizzjoni parzjali tagħhom, u l-bijomassa tal-ħamrija;

(c) il-kompattazzjoni permezz ta' żieda fid-densità tal-massa u tnaqqis fil-porożità tal-ħamrija;

(e) is-salinizzazzjoni permezz ta' akkumulazzjoni fil-ħamrija ta' mluħat solubbli;

(f) żerżiq minn ġnub l-għoljiet ikkawżat mill-moviment moderatament rapidu jew rapidu ta' mases ta' ħamrija u ġebel 'l isfel ma' pendil.

Għall-finijiet ta' dik l-identifikazzjoni, fir-rigward ta' kull wieħed minn dawn il-proċessi ta' tħarbit tal-ħamrija, l-Istati Membri għandhom jużaw talanqas l-elementi elenkati fl-Anness I, u għandhom iqisu l-effetti ta' dawk il-proċessi fl-iggravar ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet bl-effett ta' serra u d-deżertifikazzjoni.

2. Iż-żoni f'riskju identifikati skond il-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati u riveduti talanqas darba kull għaxar snin.

Artikolu 7Il-Metodoloġija

L-Istati Membri jistgħu jibbażaw l-identifikazzjoni taż-żoni ta' riskju fuq l-evidenza empirika jew fuq it-tfassil ta' mudelli. Jekk jintużaw il-mudelli, dawn jeħtiġilhom ikunu validati permezz tat-tqabbil tar-riżultati fuq il-bażi ta' data empiriċi li ma jkunux intużaw għall-iżvilupp tal-mudell innifsu.

IT-TIENI SEZZJONI L-ISTABBILIMENT TA' MIRI U PROGRAMMI TA' MIżURI

Artikolu 8 Programmi ta' miżuri kontra l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, il-kompattazzjoni, is-salinizzazzjoni u ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet

1. Għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikoli 1(1), fir-rigward taż-żoni ta' riskju li jkunu ġew identifikati skond l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom, fil-livell li jkun f'loku, ifasslu programm ta' miżuri li jkun jinkludi talanqas miri għat-tnaqqis tar-riskju, il-miżuri xierqa għall-ilħiq ta' dawk il-miri, skeda għall-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri u stima ta' l-allokazzjoni tal-mezzi privati jew pubbliċi għall-finanzjament ta' dawk il-miżuri.

2. Fit-tfassil u r-reviżjoni tal-miżuri skond il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-kunsiderazzjoni mistħoqqa lill-impatti soċjali u ekonomiċi tal-miżuri previsti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri jkunu ta' spiża effikaċi u teknikament fattibbli, u għandhom iwettqu evalwazzjonijiet ta' l-impatt, inkluża l-analiżi ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji, qabel l-introduzzjoni tal-programmi ta' miżuri.

Fil-programmi ta' miżuri tagħhom, l-Istati Membri għandhom jindikaw kif ikunu sejrin jiġu implimentati l-miżuri u kif ikunu sejrin jagħtu kontribut għall-ilħiq tal-miri ambjentali li jkunu ġew stabbiliti.

3. Meta żona tkun mhedda fl-istess ħin minn proċessi differenti tat-tħarbit tal-ħamrija, l-Istati Membri jistgħu jadottaw programm waħdieni li fih għandhom jiġu stabbiliti miri għat-tnaqqis tar-riskju għar-riskji kollha li jkunu ġew identifikati, flimkien mal-miżuri xierqa għall-ilħiq ta' dawk il-miri.

4. Il-programm ta' miżuri għandu jitfassal fi żmien seba' snin minn [id-data tat-traspożizzjoni], u għandhom jiġu applikati mhux aktar tard minn tmien snin wara dik id-data.

Il-programm ta' miżuri għandu jiġi ppubblikat u rivedut talanqas darba kull ħames snin.

Kapitolu III Il-kontaminazzjoni tal-ħamrija

L-EWWEL SEZZJONI IL-PREVENZJONI U L-INVENTARJU

Artikolu 9 Il-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija

Għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija msemmija fl-Artikolu 1(1), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa u proporzjonati biex jillimitaw it-tqegħid ta' sustanzi perikolużi fuq il-ħamrija jew l-introduzzjoni tagħhom fiha, ħlief għal dawk li jiġu ddepożitati mill-arja u dawk ikkawżati minn fenomeni naturali ta' karattru eċċezzjonali, inevitabbli u mhux reżistibbli, sabiex jevitaw l-akkumulazzjoni li ttelleff il-funzjonijiet tal-ħamrija jew twassal għal riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

Artikolu 10Inventarju ta' siti kontaminati

1. L-Istati Membri, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11, għandhom jidentifikaw dawk is-siti fit-territorju nazzjonali tagħhom li jkun fihom il-preżenza, ikkawżata mill-bniedem, ta' sustanzi perikolużi f'livell tali li Stati Membri jqisuh li jirrappreżenta riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, minn hawn 'il quddiem "siti kontaminati".

Dak ir-riskju għandu jiġi evalwat bil-kunsiderazzjoni ta' l-użu kurrenti ta' l-art u dak approvat għall-ġejjieni.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu inventarju nazzjonali ta' siti kontaminati, minn hawn 'il quddiem "l-inventarju". L-inventarju għandu jiġi ppubblikat u rivedut talanqas darba kull ħames snin.

Artikolu 11Il-proċedura ta' l-identifikazzjoni

1. Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità kompetenti biex tkun responsabbli għall-identifikazzjoni tas-siti kontaminati.

2. Fi żmien ħames snin minn [id-data tat-traspożizzjoni], l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu laħqu identifikaw il-lok talanqas ta' dawk is-siti li fihom ikunu qed isseħħu jew ikun seħħew fl-imgħoddi l-attivitajiet li potenzjalment iniġġsu l-ħamrija msemmija fl-Anness II.

Għal dawk il-finijiet, l-attivitajiet imsemmija fil-punt 2 ta' l-Anness II għandhom jitqiesu indipendentement mal-livelli ta' limitu speċifikati fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE[14], ħlief għall-attivitajiet imwettqa minn mikroimpriżi, kif definiti fil-punt 3 ta' l-Artikolu 2 ta' l-Aness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni2003/361/KE[15], u dawk li jirrigwardaw it-trobbija tal-bhejjem.

L-identifikazzjoni għandha tiġi riveduta kull tant żmien.

3. F'konformità ma' l-iskeda li ġejja, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikejlu l-livelli ta' konċentrazzjoni ta' sustanzi perikolużi fis-siti identifikati skond il-paragrafu 2, u fejn il-livelli jkunu tali li jista' jkun hemm raġunijiet sostanzjali għall-fehma li jkunu jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, għandha ssir evalwazzjoni tar-riskju fil-post rigward dawk is-siti.

(a) fi żmien ħames snin minn [id-data tat-traspożizzjoni], għal talanqas 10% tas-siti;

(b) fi żmien 15-il sena minn [id-data tat-traspożizzjoni], għal talanqas 60% tas-siti;

(c) fi żmien 25 sena minn [id-data tat-traspożizzjoni], għall-bqija tas-siti

Artikolu 12Rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija

1. Meta jkun se jinbigħ sit li fih tkun qed isseħħ attività li potenzjalment tniġġes elenkata fl-Anness II, jew li fih, skond ir-reġistri uffiċjali, bħalma huma reġistri nazzjonali, tkun seħħet fl-imgħoddi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proprjetarju tas-sit jew ix-xerrej prospettiv jagħmel disponibbli għall-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 11 kif ukoll għall-parti l-oħra fit-tranżazzjoni rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija.

2. Ir-rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija għandu jinħareġ minn korp awtorizzat jew minn persuna maħtura mill-Istat Membru. Għandu jinkludi d-dettalji li ġejjin:

(a) l-isfond storiku tas-sit, kif ikun disponibbli mir-reġistri uffiċjali;

(b) analiżi kimika li tiddetermina l-livelli ta' konċentrazzjoni tas-sustanzi perikolużi fil-ħamrija, li tillimita ruħha gaħal dawk is-sustanzi li jkunu marbuta ma' l-attività b'potenzjal ta' tniġġis fis-sit;

(c) il-livelli ta' konċentrazzjoni li fihom ikun hemm raġunijiet suffiċjenti għall-fehma li s-sustanzi perikolużi kkonċernati jkunu jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-metodoloġija meħtieġa għad-determinazzjoni tal-livelli ta' konċentrazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(b).

4. L-informazzjoni fir-rapport dwar il-qagħda tal-ħamrija għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta' l-identifikazzjoni tas-siti kontaminati skond l-Artikolu 10(1).

IT-TIENI SEZZJONI IT-TRANġAR

Artikolu 13 It-Tranġar

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-siti kontaminati elenkati fl-inventorji tagħhom jiġu rranġati.

2. It-tranġar għandu jikkonsisti f'azzjonijiet fuq il-ħamrija bil-għan tat-tneħħija, il-kontroll, it-trażżin jew it-tnaqqis ta' kontaminanti b'tali mod li s-sit kontaminat, fil-qies ta' l-użu kurrenti u dak futur approvat tiegħu, ma jibqax jirrappreżenta riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent.

3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi adegwati biex jiffinanzjaw it-tranġar tas-siti li għalihom, suġġett għall-prinċipju li min iniġġes għandu jħallas, ma tkunx tista' tiġi identifikata l-persuna responsabbli għat-tniġġis, jew ma tkunx tista' tinżamm responsabbli skond il-liġi tal-Komunità jew dik nazzjonali, jew ma tkunx tista' ssir responsabbli għal-ispejjeż tat-tranġar.

Artikolu 14Strateġija Nazzjonali għat-Tranġar

1. L-Istati Membri għandhom, fuq il-bażi ta' l-inventarju u fi żmien seba' snin minn [id-data tat-traspożizzjoni], ifasslu Strateġija Nazzjonali għat-Tranġar, li jkunu jinkludu talanqas il-miri tat-tranġar, prijoritizzazzjoni, bl-ewwel dawk is-siti li jirrappreżentaw riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem, kalendarju għall-implimentazzjoni, u l-fondi allokati mill-awtoritajiet responsabbli għad-deċiżjonijiet tal-baġit fl-Istati Membri skond il-proċeduri nazzjonali tagħhom.

Meta jiġu applikati t-trażżin jew l-irkupru naturali, għandha tiġi ssorveljata l-evoluzzjoni tar-riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem.

2. L-Istrateġija Nazzjonali għat-Tranġar għandha tiġi applikata u ppubblikata mhux aktar tard minn tmien snin wara [id-data tat-traspożizzjoni]. Għandha tiġi riveduta talanqas darba kull ħames snin.

Kapitolu IV It-tkattir tal-kuxjenza, ir-rappurtar u l-iskambju ta' l-informazzjoni

Artikolu 15 It-tkattir tal-kuxjenza u l-parteċipazzjoni pubblika

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex ikattru l-kuxjenza dwar l-importanza tal-ħamrija għas-sopravivenza tal-bniedem u ta' l-ekosistemi, u biex jippromwovu t-trasferiment ta' l-għarfien u l-esperjenza għall-użu sostenibbli tal-ħamrija.

2. L-Artikolu 2(1), (2), (3) u (5) tad-Direttiva 2003/35/KE għandha tapplika għall-preparazzjoni, tibdil u reviżjoni tal-programmi ta' miżuri dwar iż-żoni ta' riskju msemmija fl-Artikolu 8 u l-Istrateġiji Nazzjonali għat-Tranġar msemmija fl-Artikolu 14.

Artikolu 16Ir-Rappurtar

1. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu t-tagrħif li ġej għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fi żmien tmien snin minn [id-data tat-traspożizzjoni], u mbagħad kull ħames snin:

(a) sommarju ta' l-inizjattivi meħuda skond l-Artikolu 5;

(b) iż-żoni ta' riskju stabbiliti skond l-Artikolu 6(1);

(c) il-metodoloġija użata għall-identifikazzjoni tar-riskji skond l-Artikolu 7;

(d) il-programmi ta' miżuri adottati skond l-Artikolu 8, kif ukoll evalwazzjoni ta' l-effiċjenza tal-miżuri għat-tnaqis tar-riskji u l-okkorrenza ta' proċessi tat-tħarbit tal-ħamrija;

(e) ir-riżultat ta' l-identifikazzjoni skond l-Artikolu 11(2) u (3) u l-inventarju tas-siti kontaminati stabbilit skond l-Artikolu 10(2);

(f) l-Istrateġija Nazzjonali għat-Tranġar adottat skond l-Artikolu 14;

(g) sommarju ta' l-inizjattivi meħuda skond l-Artikolu 15 f'dak li għandu x'jaqsam mat-tkattir tal-kuxjenza.

2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(b) għandha tkun akkumpanjata minn metadata , u għandha ssir disponibbli bħala data diġitali dokumentata bil-ġeoreferenzi, f'format li jista' jinqara minn sistema informatizzata ġeografika ( GIS ).

Artikolu 17L-iskambju ta' l-informazzjoni

Fi żmien sena minn [id-data tad-dħul fis-seħħ], il-Kummissjoni għandha tistabbilxxi pjattaforma għall-iskambju ta' l-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati dwar l-identifikazzjoni taż-żoni ta' riskju skond l-Artikolu 6 u dwar il-metodoloġiji għall-evalwazzjoni tar-riskji għas-siti kontaminati li jkunu qed jintużaw jew qed jiġu żviluppati.

Kapitolu V Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 18 L-implimentazzjoni u l-adattament għall-progress tekniku

1. Il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3), tadatta l-Anness I għall-progress tekniku u xjentifiku.

2. Fejn, fuq il-bażi ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni msemmi fl-Artikolu 17, tiġi identifikata ħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji għall-evalwazzjoni tar-riskji ta' kontaminazzjoni tal-ħamrija, il-Kumissjoni għandha tadotta kriterji komuni għall-evalwazzjoni tar-riskji ta' kontaminazzjoni skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3).

3. Fi żmien erba' snin minn [id-data tad-dħul fis-seħħ], il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2), id-dispożizzjonijiet meħtieġa dwar il-kwalità tad- data u l- metadata , l-użu tad- data storika, il-metodi, l-aċċess, u l-formati għall-iskambju tad- data għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonjiet ta' l-Artikolu 16.

Artikolu 19Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat, minn hawn 'il quddiem "il-Kumitat".

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, bil-qies tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a, paragrafi 1 sa 4, u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

4. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 20Ir-rapport tal-Kummissjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ewwel rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fi żmien sentejn mill-wasla tal-programmi ta' miżuri u ta' l-Istrateġiji Nazzjonali għat-Tranġar.

Minn dak iż-żmien 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapporti ulterjuri kull ħames snin.

Għandha tressaq ir-rapporti quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

2. Ir-rapporti li dwarhom jipprovdi il-paragrafu 1 għandu jinkludi reviżjoni tal-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, fuq il-bażi ta' l-evalwazzjonijiet magħmulin mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 16.

Article 21 Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [ 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ] u, fejn dan ikun f'loku, tipproponi kwalunkwe emenda meħtieġa.

Article 22 Penalitajiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu implimentati. Il-penali stabbiliti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-data speċifikata fl-Artikolu 24, u jinnotifikawha wkoll bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwa dawn id-dispożizzjonijiet.

Article 23 Emenda għad-Direttiva 2004/35/KE

Fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/35/KE, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3. L-awtorità kompetenti għandha tesiġi l-miżuri ta' tranġar li l-operatur għandu jieħu. Suġġett għall-Artikolu 13(1) tad-Direttiva xx/xx/xx, jekk l-operatur jonqos milli jikkonforma ma' l-obbligi stipulati fil-paragrafi 1 jew 2(b), (c) jew (d) ta' dan l-Artikolu, jew ma jkunx jista' jiġi identifikat, jew ma jkunx obbligat jerfa' l-ispejjeż taħt din id-Direttiva, dawk il-miżuri jistgħu jittieħdu mill-awtorità kompetenti nnifisha."

Artikolu 24 It-traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ]. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkompanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif ikun għandha ssir din ir-referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 25 Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea .

Artikolu 26 Id-Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

ANNESS I

SEZZJONI 1 ELEMENTI KOMUNI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAŻ-ŻONI F'RISKJU TA' EROŻJONI |

Unità tipoloġika tal-ħamrija (STU) (it-tip ta' ħamrija) |

In-nisġa (texture) tal-ħamrija |

Id-densità u l-karatteristiċi idrawliċi tal-ħamrija (livell STU) |

It-topografija, bl-inklużjoni tal-grad u t-tul tal-pendil |

Kopertura ta' l-art |

L-użu ta' l-art (inklużi l-ġestjoni ta' l-artijiet, is-sistemi agrikoli u l-koltivazzjoni tal-foresti) |

Il-klima (inkluża d-distribuzzjoni tax-xita u l-karatteristiċi tar-rjieħ) |

Il-kundizzjonjiet idroloġiċi |

Żona agroekoloġika |

SEZZJONI 2 ELEMENTI KOMUNI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAŻ-ŻONI F'RISKJU TA' TNAQQIS TAL-MATERJA ORGANIKA |

Unità tipoloġika tal-ħamrija (STU) (it-tip ta' ħamrija) |

In-nisġa (texture) tal-ħamrija/il-kontenut ta' tafal |

Karbon organiku fil-ħamrija (it-total u l-konċentrazzjoni tal-ħumus) |

Karbon organiku fil-ħamrija (stokk) |

Il-klima (inkluża d-distribuzzjoni tax-xita u l-karatteristiċi tar-rjieħ) |

It-topografija |

Kopertura ta' l-art |

L-użu ta' l-art (inklużi l-ġestjoni ta' l-artijiet, is-sistemi agrikoli u l-koltivazzjoni tal-foresti) |

SEZZJONI 3 ELEMENTI KOMUNI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAŻ-ŻONI F'RISKJU TA' KOMPATTAZZJONI |

Unità tipoloġika tal-ħamrija (STU) (it-tip ta' ħamrija) |

In-nisġa (texture) tal-ħamrija tal-wiċċ u tal-qiegħ (livell STU) |

Id-densità tal-massa tal-ħamrija tal-wiċċ u tal-qiegħ (livell STU) |

Il-materja organika fil-ħamrija (livell STU) |

Il-klima |

Kopertura ta' l-art |

L-użu ta' l-art (inklużi l-ġestjoni ta' l-artijiet, is-sistemi agrikoli u l-koltivazzjoni tal-foresti) |

It-topografija |

SEZZJONI 4 ELEMENTI KOMUNI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAŻ-ŻONI F'RISKJU TA' SALINIZZAZZJONI |

Unità tipoloġika tal-ħamrija (STU) (it-tip ta' ħamrija) |

In-nisġa (texture) tal-ħamrija |

Il-karatteristiċi idrawliċi tal-ħamrija |

Iż-żoni tas-saqi, il-karatteristiċi kimiċi ta' l-ilma tas-saqi u t-tipi ta' metodi ta' saqi użati |

Tagħrif dwar l-ilma tal-pjan |

Il-klima |

SEZZJONI 5 ELEMENTI KOMUNI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TAŻ-ŻONI F'RISKJU TA' ŻERŻIQ MINN ĠNUB L-GĦOLJIET |

Unità tipoloġika tal-ħamrija (STU) (it-tip ta' ħamrija) |

Okkorrenza/densità taż-żerżiq eżistenti |

Il-blat tal-qiegħa |

It-topografija |

Kopertura ta' l-art |

L-użu ta' l-art (inklużi l-ġestjoni ta' l-artijiet, is-sistemi agrikoli u l-koltivazzjoni tal-foresti) |

Il-klima |

Ir-riskju siżmiku |

ANNESS II Lista ta' attivitajiet b'potenzjal ta' tniġġis tal-ħamrija

1. Stabbilimenti fejn ikunu jew kienu preżenti sustanzi perikolużi fi kwantitajiet daqs jew aktar minn dawk indikati fil-Partijiet 1 u 2, il-kolonna 2, ta' l-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (Seveso) [16].

2. L-attivitajiet elenkati fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE.

3. L-ajruporti.

4. Il-portijiet.

5. Siti li dari kienu militari.

6. Stazzjonijiet tal-petrol u l-mili tal-fjuwil.

7. Dry cleaners .

8. Stallazzjonijiet minerarji mhux koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE, inklużi l-faċilitajiet għall-estrazzjoni mill-iskart kif definiti fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/21/KE[17].

9. Landfills ta' skart kif definiti fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE[18].

10. Stallazzjonijiet tat-trattament ta' l-ilma ta' l-iskart.

11. Pipelines għat-trasport tas-sustanzi perikolużi.

[1] […]

[2] […]

[3] […]

[4] […]

[5] ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

[6] COM(2002) 179.

[7] COM(2006) 15.

[8] ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

[9] ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17.

[10] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[11] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

[12] ĠU L 196, 16.8.1967, p. l.

[13] ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.

[14] ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26.

[15] ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

[16] ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.

[17] ĠU L 102, 14.1.1967, p. 15.

[18] ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet