52006DC0862


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew - Ħames snin ta’ karti tal-flus u muniti ta’ l-euro {SEG(2006) 1786}

/* KUMM/2006/0862 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
  pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
  doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.12.2006

KUMM(2006) 862 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

Ħames snin ta’ karti tal-flus u muniti ta’ l-euro {SEG(2006) 1786}

1. INTRODUZZJONI

L-euro ġie introdott bħala l-munità waħdanija ta’ ħdax-il Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1999, u warajhom tal-Greċja fl-1 ta’ Jannar 2001. Sa ċertu punt, dan l-avveniment ewlieni ma ġiex innutat fil-ħajja ta’ kuljum peress li l-konsumaturi fit-tnax-il Stat Membru kkonċernati baqgħu jużaw il-karti tal-flus u l-muniti nazzjonali fit-transazzjonijiet ta’ pagamenti. Sa tmiem l-2001, l-euro seta’ jintuża biss fil-forma miktuba tiegħu, pereżempju, ċekkijiet u trasferimenti tal-bank f’euro, għalkemm għall-bidu ftit sar użu minn din il-possibbiltà.

Mill-1 ta’ Jannar 2002, iddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni l-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro, u l-euro sar realtà tanġibbli għal iktar minn 300 miljun resident taż-żona ta’ l-euro, li kollettivament kull sena jwettqu madwar 300 biljun transazzjoni ta’ pagamenti għax-xiri, u iktar minn 80 % minnhom jitħallsu fi flus kontanti. Wara bidla bla problemi u organizzata sew, il-bilanċ tal-valur totali tal-karti tal-flus kważi trippla (minn 221 biljun euro f’Jannar 2002 għal 595 biljun euro fi tmiem is-sena 2006), filwaqt illi għall-muniti dan żdied b’mod iktar moderat (minn 13.0 biljun euro fl-1 ta’ Jannar 2002 għal 17.6 biljun euro).[1]

Għaċ-ċittadini fil-pajjiżi jew fir-reġjuni ġirien, b’mod notevoli fejn l-euro huwa użat għat-transazzjonijiet ta’ pagamenti u/jew għal skopijiet ta’ tifdil, kif ukoll f’ħafna destinazzjonijiet turistiċi madwar id-dinja, il-munita waħdanija wkoll saret waħda familjari. L-istimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jindikaw li bejn 10 u 20 % tal-valur totali tal-karti tal-flus ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni attwalment jinsab miżmum barra ż-żona ta’ l-euro.

Il-flus kontanti f’euro ġew aċċettati sew fit-tnax-il pajjiż taż-żona ta’ l-euro meta jitqies il-fatt li l-popolazzjoni mhux biss kellha taġġusta għas-sett il-ġdid ta’ karti tal-flus u muniti ta’ l-euro li kellhom tipikament struttura differenti ta’ denominazzjoni mill-valuta legali ta’ qabel, iżda wkoll għall-iskala l-ġdida ta’ prezzijiet u valuri.

Il-Komunikazzjoni preżenti hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni, li jipprovdi informazzjoni iktar dettaljata dwar il-kwistjonijiet ewlenin li tqajjmu f’din il-Komunikazzjoni.

2. IR-RWOL TA’ L-INFORMAZZJONI JIBQA’ KRUċJALI

Skond informazzjoni misluta minn stħarriġ[2] li ġabret il-Kummissjoni, għad hemm nuqqas ta’ informazzjoni speċifika dwar l-euro f’ċerti oqsma. F’oqsma oħra, għad hemm firxa ta’ xi perċezzjonijiet żbaljati. Dan jitfa’ l-attenzjoni fuq il-ħtieġa għal sforzi mġedda sabiex il-pubbliku ġenerali fl-UE jkun infurmat dwar l-euro.

In-nuqqas ta’ għarfien dwar ċerti benefiċċji ta’ l-euro

Uħud mill-vantaġġi speċifiċi ta’ l-euro huma injorati minn maġġoranza ta’ ċittadini fiż-żona ta’ l-euro. Pereżempju, madwar kwart jew inqas miċ-ċittadini taż-żona ta’ l-euro (23 %) biss huwa konxju mill-fatt li m’hemm l-ebda spejjeż jew ħlasijiet żejda meta wieħed jiġbed il-flus permezz ta’ kard tal-bank f’pajjiż ieħor taż-żona ta’ l-euro jew meta jħallas b’kard tal-bank (27 %) jew meta jwettaq trasferiment (16 %) fi ħdan iż-żona ta’ l-euro.

Il-ħtieġa għall-informazzjoni hija saħansitra ogħla fl-Istati Membri l-ġodda, li kollha se jidħlu fiż-żona ta’ l-euro fil-ġejjieni u fejn il-maġġoranza tan-nies tqis lilha nnifisha bħala infurmata ħażin. Fl-istess ħin, ir-riżultati ta’ l-istħarriġ juru b’mod konsistenti li ċ-ċittadini li huma infurmati ħażin għandhom tendenza jkunu mbeżżgħa u inqas ħerqana dwar l-introduzzjoni futura ta’ l-euro.

Il-perċezzjonijiet żbaljati persistenti

F’oqsma oħra, jippersistu ċerti perċezzjonijiet żbaljati. Pereżempju, maġġoranza kbira (93 %) ta’ dawk li wieġbu fiż-żona ta’ l-euro temmen li l-euro kkontribwixxa fiż-żieda tal-prezzijiet. Din l-opinjoni żbaljata xterdet f’dawk il-pajjiżi li se jidħlu fiż-żona ta’ l-euro fil-ġejjieni hekk kif medja ta’ 45 % ta’ dawk li wieġbu fl-għaxar Stati Membri li ngħaqdu ma’ l-UE dan l-aħħar temmen li l-introduzzjoni futura ta’ l-euro f’pajjiżha se twassal għal inflazzjoni ogħla. Dan imur kontra r-reġistrazzjonijiet tal-BĊE, peress li l-inflazzjoni annwali fiż-żona ta’ l-euro ilha taħt it-2.4 % mill-introduzzjoni ta’ l-euro fl-1999.

Il-wiri doppju ta’ prezzijiet jista’ jkun kontroproduttiv

L-informazzjoni ta’ l-istess stħarriġ turi żvilupp kontinwu, għalkemm pjuttost fit-tul, biex wieħed jibda’ jaħseb f’termini ta’ l-euro. Għal xiri komuni ta’ kuljum, maġġoranza kbira (57 %) tal-popolazzjoni fiż-żona ta’ l-euro tikkalkula f'euro, filwaqt illi wieħed fuq kull ħamsa għadu jgħodd fil-munita nazzjonali ta’ qabel. Għal xiri eċċezzjonali ta’ valur għoli, bħalma hi karozza jew dar, iktar persuni għadhom jikkalkulaw fil-munita nazzjonali preċedenti (40 % bħala medja) meta mqabbla ma’ 29 % biss li jaħsbu f’euro.

Wara ħames snin ta’ adattazzjoni mentali għall-euro, il-Kummissjoni tista’ biss tirrepeti r-rakkomandazzjoni tagħha ta’ qabel[3] li kwalunkwe prattika ta’ wiri doppju tal-prezzijiet li jkun għad fadal fiż-żona ta’ l-euro (minbarra għas-Slovenja) għandha titwaqqaf kemm jista’ jkun malajr. Il-wiri doppju tal-prezzijiet jassisti lill-konsumaturi fl-istadji bikrin tal-bidla, iżda jsir kontroproduttiv f'ċertu stadju peress li jippermetti li l-konsumaturi jibqgħu jikkalkulaw fil-munita nazzjonali, b’hekk idewwem il-bidla mentali għall-iskala l-ġdida ta’ prezzijiet u valuri.

3. IL-KARTI TAL-FLUS U L-MUNITI TA’ L-EURO – PERSPETTIVI FUTURI

3.1. Il-qafas ġenerali

Kemm il-karti tal-flus kif ukoll il-muniti ta’ l-euro huma valuta legali fil-pajjiżi kollha taż-żona ta’ l-euro. Ir-responsabbiltà għall-produzzjoni u l-ħruġ tal-karti tal-flus ta’ l-euro tappartjeni b’mod esklussiv lill-BĊE. It-Trattat tal-KE ppreveda qafas differenti għall-muniti ta’ l-euro peress li huma l-Istati Membri, iktar milli l-BĊE, li huma responsabbli għall-produzzjoni u l-ħruġ tal-muniti ta’ l-euro, u dan il-fatt jispjega għaliex il-muniti ta’ l-euro għandhom fuqhom karatteristiċi nazzjonali. Il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona ta’ l-euro jiċċirkolaw kemm il-karti tal-flus kif ukoll il-muniti ta’ l-euro.

Il-produzzjoni tal-muniti ta’ l-euro tiġi deċiża u organizzata fuq bażi nazzjonali, u taqa’ tipikament taħt ir-responsabbiltà taz-zekka nazzjonali ta’ kull pajjiż, minbarra għall-pajjiżi li m’għandhomx zekka u li jikkummissjonaw il-produzzjoni tal-muniti lil produtturi oħra.

Id-differenzi bejn il-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro jestendu wkoll għad-dħul monetarju li joħroġ mill-ħruġ tal-flus ta’ l-euro (ara 3.5 hawn taħt), li jinġabru mill-Eurosistema fil-każ tal-karti tal-flus ta’ l-euro u mill-Istati Membri fil-każ tal-muniti.

3.2. Il-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro tal-ġejjieni – aġġustamenti futuri u titjib possibbli

Il-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro huma l-prodott ta’ tiftix għal titjib kontinwu, b’mod notevoli, f’termini ta’ kwalità, affidabilità u faċilità fl-użu. L-għadd ta’ karti tal-flus u muniti ta’ l-euro iffalsifikati li ġew misjuba huwa baxx ħafna meta mqabbel ma’ l-għadd fiċ-ċirkolazzjoni, u żgur iktar baxx minn dak tal-karti tal-flus tad-dollaru Amerikan.

Il-karti tal-flus ta’ l-euro

Fejn huma kkonċernati l-karti tal-flus ta’ l-euro, il-BĊE beda jħejji s-serje li jmiss ta’ karti tal-flus ftit wara l-introduzzjoni tal-flus ta’ l-euro f’kontanti fiċ-ċirkolazzjoni, b’mod notevoli sabiex jiżgura, b’mod kontinwu, karatteristiċi avvanzati ta’ sigurtà biex il-karti tal-flus dejjem joffru protezzjoni tajba kontra l-iffalsifikar. Hu mistenni li l-ewwel denominazzjoni tas-serje l-ġdida tal-karti tal-flus se toħroġ lejn tmiem id-deċennju preżenti u warajha se joħorġu denominazzjonijiet oħra f’intervalli partikolari.

Il-muniti ta’ l-euro – l-uċuħ nazzjonali

Sabiex tkun żgurata l-koerenza fis-sistema tal-muniti ta’ l-euro, fl-2003 l-Kunsill iddeċieda li n-naħa nazzjonali standard tal-muniti ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni m’għandhiex tinbidel (‘moratorium’) sa l-aħħar ta’ l-2008[4]. Madankollu, l-Istati Membri ngħataw permess joħorġu żewġ muniti ta’ l-euro kommemorattivi sabiex jiċċelebraw avvenimenti speċifiċi bil-kundizzjoni li japplikaw ċerti restrizzjonijiet fuq il-kwantità u l-frekwenza. Tali muniti kommemorattivi huma muniti fiċ-ċirkolazzjoni regolari biss dawn ikollhom naħa nazzjonali differenti li tiċċelebra avveniment partikolari. L-Istati Membri jistgħu joħorġu wkoll muniti ta’ l-euro għall-kollezzjonisti, pereżempju, f’metalli prezzjużi, imma dawn ikunu valuta legali biss fil-pajjiż fejn ikunu nħarġu u mhumiex maħsuba biex jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni.

Id-deċiżjoni futura tal-Kunsill dwar in-naħat nazzjonali tal-muniti ta’ l-euro fiċ-ċirkolazzjoni, li għandha tittieħed qabel l-iskadenza tal-moratorium fl-aħħar ta’ l-2008, hija waħda importanti ferm li għandha titħejja bl-ikbar attenzjoni. Il-Kummissjoni se tniedi stħarriġ matul l-2007 fost il-popolazzjoni taż-żona ta’ l-euro sabiex tiġbor l-opinjonijiet u l-preferenzi tan-nies rigward dan.

Il-muniti ta’ l-euro – l-uċuħ komuni

L-ogħla ħames denominazzjonijiet li, fuq il-parti komuni tagħhom kellhom xbieha tal-mapep ta’ l-Ewropa li juru l-pajjiżi ta’ l-UE-15 ta’ qabel, ġew emendati. Is-Slovenja se tkun l-ewwel pajjiż li se jintroduċi l-muniti bin-naħa l-komuni l-ġdida mill-1 ta’ Jannar 2007. Attwalment qed titħejja l-bidla għall-produzzjoni tal-muniti l-ġodda fit-tnax-il pajjiż li kienu l-ewwel li ngħaqdu fiż-żona ta’ l-euro. Il-biċċa l-kbira minnhom diġà se jaqilbu għad-disinn il-komuni l-ġdid matul l-2007, bi ftit oħrajn jingħaqdu magħhom sa mhux aktar tard mill-2008.

3.3. Il-produzzjoni u l-ħżin tal-karti tal-flus u l-muniti – effiċjenza imtejba

Il-produzzjoni tal-karti tal-flus ta’ l-euro hija organizzata fuq bażi deċentralizzata permezz ta’ ġbir flimkien ( pooling ) sabiex tiżdied l-effiċjenza billi tintħalaq ekonomija ta’ skala kbira. Dan ifisser li l-BĊE jalloka produzzjoni fuq bażi annwali lill-BĊN taż-żona ta’ l-euro li biha kull denominazzjoni tiġi prodotta minn għadd limitat ta’ stampieri u kull BĊN huwa responsabbli mill-provvista ta’ denominazzjoni waħda jew ta’ ftit denominazzjonijiet biss. Il-kwantitajiet loġistiċi u l-kwantità strateġika komuni tal-karti tal-flus ta’ l-euro, jiġifieri, il-Ħażna Strateġika dwar l-Eurosistema (ESS) għandha tiżgura l-kontinwità fil-provvista tal-karti tal-flus ta’ l-euro. Il-kwantitajiet huma, inter alia , użati għall-provvista tal-kwantità inizjali tal-karti tal-flus ta’ l-euro meħtieġa għall-bidla fl-Istati Membri li se jingħaqdu maż-żona ta’ l-euro bħal fil-każ tas-Slovenja fl-1 Jannar 2007. Barra minn hekk, il-BĊE adotta linji gwida biex tiġi stabbilita proċedura unika ta’ sejħa għall-offerti għall-Eurosistema kollha (bl-Ingliż, SETP) għall-provvista tal-karti tal-flus li se tibda’ sa mhux aktar tard mill-2012.

Il-produzzjoni tal-muniti ta’ l-euro hija ta’ kompetenza nazzjonali. Peress li d-deċiżjonijiet jittieħdu fuq bażi deċentralizzata, xi wħud mill-benefiċċji u t-titjib fl-effiċjenza li joħorġu mill-ġbir flimkien, b’mod notevoli l-koordinazzjoni fil-produzzjoni u/jew fil-ħżin, jintilfu. Pereżempju, il-qafas attwali ma jipprekludix li ċerti pajjiżi jiddeċiedu li jipproduċu muniti żejda filwaqt li pajjiżi oħra għandhom kwantitajiet żejda ta’ l-istess denominazzjoni. Għalhekk jistgħu jiġu eżaminati possibbiltajiet għal titjib, b’mod notevoli rigward l-iżgħar tliet denominazzjonijiet (iċ-ċenteżmu, iż-żewġ u l-ħames ċenteżmi) li kollettivament jirrapreżentaw medja ta’ xi 80% tal-produzzjoni tal-muniti l-ġodda. Jiġġeneraw ftit dħul monetarju u l-ispejjeż tal-produzzjoni u spejjeż relatati (trasport, ippakkjar, eċċ) huma għalja meta mqabbla mal-valur propju tagħhom. Peress li, sa ċertu punt, l-eżistenza tan-naħat nazzjonali differenti tikkostitwixxi impediment għall-iskambju jew it-trasferiment ta’ kwantitajiet ta’ muniti, u possibbilment ukoll għat-titjib fl-effiċjenza tal-produzzjoni bil-massa, xi Stati Membri jistgħu jkunu ppreparati li jipprevedu l-possibbiltà ta’ l-użu ta’ muniti żgħar b’naħa nazzjonali “standard” biex ikopru parti mill-ħtiġijiet tagħhom għall-iżgħar tliet denominazzjonijiet. Iktar possibbiltajiet biex jinħolqu u/jew biex jiġu sfruttati sinerġiji rigward il-produzzjoni u l-ħżin tal-muniti għandhom jiġu kkunsidrati b’mod notevoli f'kooperazzjoni mal-BĊE sabiex jinkisbu benefiċċji minn l-esperjenza tiegħu f’dan il-qasam.

3.4. L-ispejjeż komuni marbuta mas-sistema tal-muniti ta’ l-euro

Ċerti elementi tas-sistema tal-muniti ta’ l-euro jeħtieġu azzjoni komuni u kkoordinata mill-Istati Membri kollha taż-żona ta’ l-euro, b’mod notevoli fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, l-iskambju ta’ l-informazzjoni, eċċ. Għal raġunijiet purament prattiċi, jidher li huwa iktar konvenjenti u effiċjenti li jkunu ffinanzjati attivitajiet komuni bħal dawn minn baġit komuni (kif inhu l-każ għall-attivitajiet simili li għandhom x’jaqsmu mal-karti tal-flus ta’ l-euro li huma ffinanzjati mill-BĊE), iktar milli jkollu jsir ġbir ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali differenti qabel ma jkunu implimentati jew anki previsti miżuri konġunti. Għalhekk għandha tiġi eżaminata l-possibbiltà li tinħoloq linja baġitarja ta’ l-UE speċifika għall-proġetti tal-muniti ta’ l-euro u l-attivitajiet ta’ interess komuni.

3.5. Id-dħul monetarju mill-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro

Il-flus kontanti fiċ-ċirkolazzjoni jikkostitwixxu sors ta’ dħul (ġeneralment imsejjaħ dħul monetarju jew dħul magħmul mill-ħruġ tal-flus ( seigniorage ) għall-awtorità li toħroġhom. Fil-każ tal-karti tal-flus ta’ l-euro, dan id-dħul jinġabar u sussegwentement jitqassam bejn il-banek ċentrali nazzjonali taż-żona ta’ l-euro skond sistema speċifika bbażata fuq il-PGD u l-popolazzjoni ta’ kull pajjiż. Is-sitwazzjoni hija differenti għall-muniti ta’ l-euro peress li d-dħul (li bejn wieħed u ieħor jikkorrispondi mal-valur propju tal-muniti mingħajr l-ispejjeż għall-produzzjoni u għat-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni) jinġabar minn kull pajjiż li joħroġ il-munita. Dan il-metodu għandu jissodisfa bl-istess mod sakemm ma jkun hemm l-ebda ċaqlieq migratorju “nett” tal-muniti ta’ l-euro bejn l-Istati Membri (pereżempju, moviment sistematiku ‘il ġewwa jew ‘il barra minn ċerti pajjiżi), li jirrikjedi li jiġu previsti ċerti aġġustamenti (speċifiċi u ġenerali) għas-sistema attwali.

3.6. Il-qafas għall-protezzjoni ta’ l-euro kontra l-iffalsifikar

L-introduzzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro, li jiċċirkolaw fi tnax-il stat membru u f’għadd ta’ pajjiżi terzi, jeħtieġ sforz miftiehem biex il-valuta tkun protetta kontra l-iffalsifikar, li jmur lil hinn mill-ambitu nazzjonali.

Filwaqt illi l-Istati Membri jibqgħu primarjament responsabbli biex jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-euro, ġiet stabbilita kooperazzjoni tranżnazzjonali biex tappoġġja l-isforzi kontra l-iffalsifikar. Ir-responsabbiltajiet jinqasmu bejn il-Kummissjoni Ewropea/l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), il-BĊE, l-Europol, l-Eurojust u l-Interpol.

Bħala bażi, ġie adottat qafas legali effiċjenti fuq livell Ewropew biex jiżdied il-livell ġenerali ta’ protezzjoni u tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam. Iċ-ċentri nazzjonali ta’ l-analiżi tal-flus foloz (NAC) u l-muniti foloz (CNAC) jaħdmu mill-qrib maċ-Ċentru ta’ l-Analiżi tal-Falsifikazzjonijiet (CAC) tal-BĊE u ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) tal-Kummissjoni/OLAF biex jidentifikaw, janalizzaw u jirtiraw karti tal-flus u muniti ta’ l-euro foloz miċ-ċirkolazzjoni, filwaqt li ntlaħaq ftehim dwar il-miżuri li għandhom jitħejjew u dwar livell xieraq ta’ armonizzazzjoni fis-sanzjonijiet kriminali li għandu jintlaħaq.

[1] Ibbażati fuq il-figuri mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-aħħar figuri jirreferu għal Ottubru 2006.

[2] Ara l- Flash Eurobarometer 193 , 'The euro zone, 5 years after the introduction of the common European currency' (Iż-żona ta’ l-euro, ħames snin mill-introduzzjoni tal-muniti Ewropea komuni), li twettaq f’Settembru 2006 u l- Flash Eurobarometer 191 , 'Introduction of the euro in the new Member States' (L-introduzzjoni ta’ l-euro fl-Istati Membri l-ġodda), li twettaq f’Settembru 2006.

[3] Ara COM(2002) 747 finali tad-19.12.2002: ‘L-introduzzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-euro – sena wara’.

[4] Minbarra fil-każ fejn jinbidel il-Kap ta’ l-Istat li jidher fuq munita.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet