52006DC0618


Titolu u referenza

Green Paper dwar titjib fl-effiċjenza ta’ l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: is-sekwestru ta’ kontijiet bankarji {SEG(2006) 1341}

/* KUMM/2006/0618 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
  pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
  doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.10.2006

KUMM(2006) 618 finali

GREEN PAPER

DWAR TITJIB FL-EFFIĊJENZA TA’ L-INFURZAR TAS-SENTENZI FL-UNJONI EWROPEA: IS-SEKWESTRU TA’ KONTIJIET BANKARJI

(preżentat mill-Kummissjoni){SEG(2006) 1341}

GREEN PAPER

DWAR TITJIB FL-EFFIĊJENZA TA’ L-INFURZAR TAS-SENTENZI FL-UNJONI EWROPEA: IS-SEKWESTRU TA’ KONTIJIET BANKARJI

l-għan ta' din il-Green Paper hu li titnieda konsultazzjoni wiesgħa fost il-partijiet interessati dwar kif għandu jitjieb l-infurzar ta' talbiet ta' krediti monetarji fl-Ewropa. Il-Green Paper tiddeskrivi l-problemi tas-sitwazzjoni preżenti u tipproponi l-ħolqien ta’ sistema Ewropea għas-sekwestru ta’ kontijiet bankarji bħala soluzzjoni possibbli.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom qabel il- 31 ta’ Marzu 2007 u jibagħtuhom f’dan l-indirizz:

Il-Kummissjoni EwropeaId- Direttorat-Ġenerali għall-Ġustizzja, il-Libertà u s-SigurtàUnità C1 - Ġustizzja ĊiviliB - 1049 BrussellFaks: +32-2/299 64 57E-mail: jls-coop-jud-civil@cec.eu.int

Il-partijiet interessati huma mitluba jsemmu b'mod speċifiku jekk jixtiqux li l-kummenti tagħhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni bi ħsiebha torganizza seduta pubblika dwar is-suġġett tal-Green Paper. Dawk kollha li jkunu bagħtu rispons huma mistiedna jattendu.

1. INTRODUZZJONI

1.1. Dgħufijiet tas-sitwazzjoni preżenti

Il-liġi ta’ l-infurzar ġieli tissejjaħ l-“Għarqub ta’ Akille” taż-Żona Ġudizzjarja fil-qasam Civili. Filwaqt li numru ta’ strumenti Komunitarji jipprovdu għal ġurisdizzjoni tal-qrati, għal proċedura biex is-sentenzi jiġu rikonoxxuti u ddikjarati infurzabbli u għal mekkaniżmi għall-kooperazzjoni tal-qrati fi proċeduri ċivili, l-ebda proposta leġiżlattiva għadha ma ntgħamlet għall-miżuri attwali ta’ l-infurzar. Sallum, l-eżekuzzjoni ta’ ordni tal-qorti wara li tkun ġiet iddikjarata infurzabbli fi Stat Membru ieħor għadha kompletament affari tal-liġi nazzjonali.

Il-frammentazzjoni preżenti tar-regoli nazzjonali dwar l-infurzar ixxekkel il-ġbir tad-djun bejn il-fruntieri b’mod drastiku. Il-kredituri li jfittxu li jinfurzaw ordni fi Stat Membru ieħor jiġu f’konfront ma’ sistemi legali differenti, rekwiżiti proċedurali u xkiel minħabba l-lingwa li jinvolvu spejjeż u dewmien ulterjuri fil-proċeduri ta’ l-infurzar. Fil-prattika, kreditur li jfittex li jirkupra talba monetarja fl-Ewropa ġeneralment jipprova jagħmel dan bil-ksib ta' sekwestru[1] tal-kont(ijiet) banjarju/i tad-debitur tiegħu. Proċeduri bħal dawn jeżistu fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri u, jekk ikunu jaħdmu b’mod effiċjenti, jistgħu jkunu arma qawwija kontra debituri diżubbidjenti stinati jew qarrieqa.

Madankollu, filwaqt li llum id-debituri jistgħu jċaqalqu flushom kważi b’mod istantanju, minn kontijiet magħrufa mill-kredituri tagħhom għal kontijiet oħra fl-istess Stat Membru jew Stat Membru ieħor, il-kredituri ma jistgħux jibblukkaw dawn il-flus bl-istess għaġla. Taħt l-istrumenti Komunitarji eżistenti, mhux possibbli tikseb sekwestru bankarju li jista’ jiġi infurzat fl-Unjoni Ewropea kollha. B’mod partikolari, ir-Regolament 44/2001 (Brussell I)[2] ma jiggarantix li rimedju protettiv bħal mhu sekwestru bankarju miksub ex parte jkun rikonoxxut u infurzat fi Stat Membru ieħor għajr f’dak li jkun ħareġ ir-rimedju[3].

Il-Kummissjoni diġà nnutat id-diffikultajiet fl-irkupru tad-djun minn pajjż għall-ieħor fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ l-1998 'Lejn effiċjenza akbar fil-ksib u l-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea[4]. Minħabba d-diversità fil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri u l-komplessità tas-suġġett, il-Kummissjoni pproponiet li għall-bidu tillimita r-riflessjonijiet tagħha fuq il-problema tal-qbid bankarju[5]. Sentejn wara, il-Programm għar-Rikonoxximent Reċiproku sejjaħ lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-miżuri tas-sekwestri fejn jidħlu l-banek[6]. Fl-2002, il-Kummissjoni ħarġet sejħa għall-offerti għal studju dwar iż-żieda fl-effiċjenza ta’ l-infurzar tad-deċiżjonijiet ġuridiċi fl-Unjoni Ewropea. Ir-rapport ta’ l-istudju janalizza s-sitwazzjoni fil-15-il Stat Membru ta' dak iż-żmien u jipproponi diversi miżuri biex jittejjeb l-infurzar tad-deċiżjonijiet ġuridiċi fl-Unjoni Ewropea, notevolment il-ħolqien ta’ ordni Ewropea għas-sekwestru ta’ kontijiet bankarji, ordni protettiva Ewropea għall-istess għan u għadd ta’ miżuri għat-tkabbir tat-trasparenza ta’ l-assi tad-debitur[7]. Din l-aħħar kwistjoni se tkun ittrattata fi Green Paper li se tiġi ppubblikata fl-2007.

Il-problemi ta’ l-irkupru tad-djun bejn il-fruntieri jistgħu jkunu ta’ periklu billi joħolqu ostaklu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ ordnijiet ta’ ħlasijiet monetarji fl-Unjoni Ewropea u impediment għall-funzjonament xieraq tas-Suq Intern. Ħlasijiet tard u ħlasijiet mhux onorati jipperikolaw l-interessi kemm ta' l-impriżi kif ukoll tal-konsumaturi. Id-differenzi fl-effiċjenza fl-irkupru tad-djun fl-Unjoni Ewropea wkoll jistgħu jkunu ta’ periklu billi joħolqu tfixkil fil-kompetizzjoni fost l-impriżi li joperaw fl-Istati Membri kif ukoll bejn sistemi effiċjenti għall-infurzar ta’ l-ordnijiet tal-ħlasijiet monetarji u dawk fejn dan mhux il-każ. Għaldaqstant jinħtieġ li tiġi kkunsidrata azzjoni dwar dan is-suġġett.

2. SOLUZZJONI POSSIBBLI: SISTEMA EWROPEA GħAS-SEKWESTRU TA' KONTIJIET BANKARJI

Soluzzjoni possibbli tista’ tkun il-ħolqien ta’ ordni Ewropea għas-sekwestru ta’ kontijiet bankarji li tippermetti lill-kreditur jiżgura somma flus dovuta lilu jew mitluba minnu billi ma jħallix li jsiru caqliq jew trasferimenti ta' fondi miżmuma bħala kreditu tad-debitur tiegħu f'wieħed mill-kontijiet bankarji jew aktar fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea.[8] Ordni bħal din ikollha effett protettiv biss, jiġifieri tibblokka l-fondi ta’ debitur f’kont bankarju mingħajr ma dawn jiġu trasferiti lill-kreditur. Il-proċedura tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet ta’ l-għoti ta’ l-ordni inkluż livell xieraq ta’ ħarsien tad-debitur. Ordni għal sekwestru maħruġa f’wieħed mill-Istati Membri tkun rikonoxxuta u infurzabbli fl-Unjoni Ewropea kollha mingħajr il-ħtieġa ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzabilità.

Sistema bħal din tista’ tiġi stabbilita billi tkun imfassla proċedura Ewropea ġdida u awtonoma, li tkun disponibbli flimkien mal-miżuri eżestenti taħt il-liġi nazzjonali, jew billi jiġu armonizzati r-regoli nazzjonali ta’ l-Istati Membri għas-sekwestru ta’ kontijiet bankarji permezz ta’ direttiva. F’dan il-każ ta’ l-aħħar, ikun hemm il-ħtieġa li jsiru dispożizzjonijiet ulterjuri biex ikunu żgurati r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ l-ordni ta’ sekwestru maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea kollha.

Id-deċiżjoni dwar jekk titteħidx inizjattiva leġiżlattiva jew le f’dan il-qasam tiddependi minn valutazzjoni ta’ l-impatt li fiha ssir analiżi tal-kobor tal-problemi fl-irkupru tad-djun bejn il-fruntieri u minn kemm huma effettivi l-alternattivi possibbli għar-regoli Ewropej. Is-suġġerimenti indikati f’din il-Paper ma jippreġudikawx dak li joħroġ mill-valutazzjoni ta’ l-impatt.

Mistoqsija 1: Inti tara ħtieġa ta’ strument Komunitarju għal sekwestru ta’ kontijiet bankarji biex jittejjeb l-irkupru tad-djun fl-UE? Jekk iva, għandha tinħoloq proċedura Ewropea awtonoma jew issir armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri dwar is-sekwestru tal-kontijiet bankarji?

Mistoqsija 2: Inti taqbel li strument Komunitarju għandu jkun limitat għal ordnijiet protettivi li jżommu l-ġbid u t-trasferiment ta’ flus li jidhru bħala kreditu fil-kontijiet bankarji?

3. PROċEDURA GħALL-KSIB TA’ ORDNI TA’ SEKWESTRU

3.1. Ċirkustanzi li fihom kreditur jista’ japplika għal Ordni ta’ Sekwestru

Tqum il-mistoqsija dwar f’liema stadju l-kreditur, fil-proċess ta' l-insegwiment ta' talba monetarja, ikun jista' japplika għal ordni ta' sekwestru taħt is-sistema Ewropea. Potenzjalment hemm erba' mumenti meta l-kreditur jista' japplika għal ordni protettiva bħal din biex jissalvagwardja drittijietu.

- qabel il-bidu ta’ proċeduri legali fuq il-merti tat-talba,

- kontestwalment mal-preżentazzjoni tal-kawża ewlwnija,

- f’kull stadju aktar tard hu u għaddej il-proċediment ġudizzjarju u

- waqt il-perjodu bejn il-ħruġ ta’ ordni f’wieħed mill-Istati Membri u ta' dikjarazzjoni ta' inforzabilità ta' l-ordni fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-kont tad-debitur.

Hemm l-argument li l-kreditur għandu jingħata flessibilità massima billi jitħalla japplika għal ordni ta’ sekwestru f’kull stadju tal-proċedura. Fuq din il-bażi, għandha ssir riflessjoni bir-reqqa dwar il-protezzjoni xierqa li trid tingħata lill-interessi tad-debitur, b’mod partikolari meta tkun qed tiġi kkunsidrata applikazzjoni għal miżuri proviżorji qabel ma’ jibdew il-proċedimenti prinċipali. Ordni ta’ sekwestru fis-sistema Ewropea tkun tikkumplimenta u tikkonforma ma’ l-istrumenti Ewropej eżistenti fil-qasam tal-ġustizzja ċivili.

Mistoqsija 3: L-ordni ta’ sekwestru għandha tkun disponibbli f’kull waħda mill-erba’ ċirkostanzi deskritti hawn fuq fil-paragrafu 3.1 jew f'xi wħud minnhom biss?

3.2. Kondizzjonijiet tal-ħruġ

Ordni ta’ sekwestru tista’ tingħata mill-qorti fi proċeduri sommarji meta l-kreditur jixħet applikazzjoni u juża formola ta’ applikazzjoni li hija disponibbli fil-lingwi Komunitarji kollha. Il-kreditur irid l-ewwel jikkonvinċi lill-qorti li t-tabla tiegħu hija ġustifikabbli fil-mertu kontra d-debitur (" fumus boni iuris "). Dritt infurzabbli – ordni tal-qorti jew strument awtentiku – għandu jkun prova biżżejjed tat-talba. Kreditur li jitlob ordni ta’ sekwestru qabel jikseb dritt infurzabbli jrid jipprovdi xiehda li tappoġġjalu t-talba.

Mbagħad il-kreditur irid juri l-urġenza tal-każ, bħal pereżempju billi juri li jeżisti riskju reali li l-infurzar tat-talba jista’ ma jirnexxix jekk il-miżura ma tingħatax (" periculum in mora "). Il-varjazzjonijiet fis-sistemi legali ta' l-Istati Membri jinħtieġ li jiġu kkunsidrati bir-reqqa fir-rigward tan-natura preċiża ta’ din il-kondizzjoni billi titqies in-neċessità ta’ bbilanċjar xieraq bejn l-interessi tal-kredituri u dawk tad-debituri.

Fl-aħħarnett, il-qorti għandha tkun tista’ tesiġi li l-kreditur jipprovdi sigurtà jew prudenza fir-rigward tal-protezzjoni tad-debitur kontra kull telf jew ħsara kieku l-miżura kellha titwarrab fil-proċeduri prinċipali. Hawnhekk iqumu l-mistoqsijiet dwar jekk l-ammont ta’ sigurtà għandux jitħalla għad-diskrezzjoni tal-qorti jew għal-liġi nazzjonali u wkoll jekk obbligu biex tkun ipprovduta sigurtà jistax ikun stabbilit mingħajr armonizzazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-kreditur għal kwalunkwe telf li d-debitur jista’ jġarrab minn użu ħażin tas-sekwestru jekk fl-aħħar mill-aħħar il-kreditur ma jirnexxilux jistabbilixxi t-talba tiegħu.

Mistoqsija 4: X’piż jaqa’ fuq il-kreditur biex jikkonvinċi lill-qorti li t-talba tiegħu kontra d-debitur hija bizzejjed biex tiġġustifika l-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru?

Mistoqsija 5 : L-urġenza għandha tkun kondizzjoni għall-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru qabel ma jinkiseb titolu infurzabbli? Jekk iva, x’inhi d-definizzjoni ta’ din il-kondizzjoni?

Mistoqsija 6: Il-qorti għandu jkollha diskrezzjoni fl-għoti ta’ Ordni ta’ sekwestru biex tesiġi li l-kreditur jipprovdi depożitu ta’ sigurtà jew garanzija bankarja? Kif għandu jiġi kkalkulat dan l-ammont ta’ depożitu ta’ sigurtà jew garanzija?

3.3. Is-smigħ tad-debitur

F’konformità mal-prattika kurrenti f’uħud mill-Istati Membri, jista’ jiġi argumentat li m’għandu jkun hemm l-ebda smigħ dwar l-applikazzjoni jew in-notifika fil-konfront tad-debitur qabel l-eżekuzzjoni tal-qbid bankarju għaliex inkella dan ikun kontro-produttiv għall-iskop li il-flus ma jitħallewx jiċċaqalqu b’detriment potenzjali għall-kreditur u wkoll biex ikun imħares l-“effett tas-sorpriża” tal-miżura. F’dan il-każ, id-debitur għandu jkun notifikat dwar is-sekwestru fl-istess ħin ta' l-eżekuzzjoni tiegħu u jingħata l-possibbiltà li jikkontesta l-infurzar ta' l-azzjoni.

Mistoqsija 7: Id-debitur għandu jinstema’ jew jiġi notifikat qabel l-għoti ta’ permess għal qbid bankarju?

3.4. Dettalji meħtieġa dwar tagħrif fuq il-kont(ijiet)

Tqum il-mistoqsija dwar it-tip u l-kwantità ta’ tagħrif fuq il-kont(ijiet) tad-debitur li l-kreditur għandu jipprovdi meta japplika għal ordni ta’ sekwestru. Filwaqt li huwa ċar li għandu jiddikjara l-isem preċiż tad-debitur, huwa aktar diffiċli li jiġi determinat il-grad ta’ dettall li huwa meħtieġ dwar il-kont. Partikolarment kontroversjali hija l-kwistjoni dwar jekk il-kreditur għandux jipprovdi n-numru (numri) preċiż(i) tal-kont(ijiet). Billi s-sekwestri bankarji jitħallew isiru f’uħud mill-Istati Membri mingħajr din l-informazzjoni u billi din kultant tkun ostaklu insormontabbli għall-kreditur biex jiskopriha, jista’ jiġi argumentat li n-numru (numri) preċiż(i) tal-kont(ijiet) m’għandux ikun rekwiżit indispensabbli. Madankollu t-tagħrif mogħti mill-kreditur għandu jkun dettaljat biżżejjed biex il-bank ikun jista’ jidentifika lill-klijent tiegħu u biex tkun minimizzata l-inċidenza ta’ qbid bi żball imħabba identitajiet żbaljati. Għandu jitqies jekk, flimkien ma’ l-isem preċiż tad-debitur, ikunx biżżejjed li jintalbu d-dettalji tal-fergħa tal-bank fejn jinsab(u) l-kont(ijiet).

Mistoqsija 8 : X’għandu jkun l-anqas ammont ta’ tagħrif fuq il-kont(ijiet) meħtieġ għall-ħruġ ta' Ordni ta' Sekwestru?

3.5. Kwistjonijiet ġurisdizzjonali

Billi fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri l-qrati li jiddeċiedu l-proċeduri prinċipali għandhom il-kompetenza għall-miżuri protettivi, jista’ jiġi argumentat li qorti li għandha ġuriżdizzjoni fuq il-merti taħt ir-regoli relevanti tal-liġi Komunitarja għandha tkun kompetenti wkoll għal ordni protettiva taħt is-sistema Ewropea.

Barra mill-qorti li għandha l-ġuriżdizzjoni fl-azzjoni ewlenija, l-ordni tas-sekwestru tista' tingħata mill-qrati ta' l-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenut, jekk differenti; u/jew il-qrati ta’ kwalunkwe Stat Membru fejn jinżamm kont bankarju li jkun se jinqabad.

Billi l-għan ta’ l-istrument Ewropew huwa li jirrimedja s-sitwazzjoni preżenti li fiha l-kreditur irid imur fl-Istat Membru fejn jinżamm il-kont, jista’ jkun ġustifikat li l-kreditur jitħalla jagħżel bejn id-diversi fora li ssemmew hawn fuq.

Mistoqsija 9: Inti taqbel li l-qrati li jgawdu ġuriżdizzjoni għall-merti tal-każ taħt liġi Komunitarja relevanti u/jew il-qrati fejn jinżamm il-kont għandhom ikunu kompetenti għall-għoti ta’ ordni ta’ sekwestru? Il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut dejjem għandu jkollha ġuriżdizzjoni għall-ħruġ ta’ sekwestru, anke jekk ma jkollhiex ġuriżdizzjoni taħt ir-Regolament 44/2001?

4. AMMONT U LIMITI TA’ ORDNI TA’ SEKWESTRU FIS-SISTEMA EWROPEA

4.1 . Ammont li għandu jiġi garantit

Il-limitar tas-sekwestru għal ammont speċifiku, aktar milli jkun permess l-ibblukkar tal-bilanċ sħiħ ta’ kreditu favur id-debitur fil-kont(ijiet) maqbud(a) jiskuraġġixxi l-abbuż u jkun proporzjonat. Dan l-ammont għandu jkun ibbażat fuq is-somma mitluba mill-kreditur (inklużi l-ħlasijiet ta' l-imgħax u l-ispejjeż ġudizzjarji dovuti lill-kreditur). Jinħtieġ li jkun ikkunsidrat sa liema limitu għandhom ikunu garantiti l-ammonti ulterjuri, l-aktar il-pagamenti futuri ta' mgħax u l-spejjeż tal-kreditur biex japplika għas-sekwestru u biex jimplimentah (l-ispejjeż ta’ l-avukati, ta' l-uffiċjali ta' l-infurzar u tal-bank (banek).

Mistoqsija 10: Inti taqbel li s-sekwestru għandu jkun limitat għal ammont speċifiku? Jekk iva, kif għandu jiġi determinat dan l-ammont?

4.2. Spejjeż tal-banek

Wieħed jista’ jargumenta li l-eżekuzzjoni ta’ sewkwestru bankarju u s-sorveljar ta’ l-ammonti li jidhru bħala kreditu fil-kont ta’ debitur joħolqu certi spejjeż għall-banek. Wieħed jista’ wkoll jargumenta li l-banek għandhom jesegwixxu s-sekwestri bħala dmir pubbliku u jassorbu l-ispejjeż kollha li jinqalgħu bħala parti mill-ispejjeż operattivi tagħhom. Minn żmien għal żmien il-banek ikunu wkoll kredituri huma stess, jew ikollhom kredituri bħala klijenti tagħhom, u għalhekk għandhom interess fis-suċċess ta’ l-irkupru tat-talbiet. Għaldaqstant tqum il-mistoqsija dwar jekk il-banek għandhomx jitħallsu għal xogħolhom fl-eżekuzzjoni tas-sekwestri u, jekk iva, jekk l-ammont li għalih huma intitolati għandux ikun limitat skond livell nazzjonali jew Ewropew. Irid ukoll jiġi kkunsidrat jekk kreditur għandux jinġiegħel iħallas lill-bank qabel l-eżekuzzjoni tas-sekwestru jew jekk il-bank għandux inaqqas l-ammont pagabbli mill-kont maqbud.

Mistoqsija 11: Inti jidhirlek li l-banek għandhom jitħallsu għall-eżekuzzjoni ta’ Ordni ta’ Sekwestru? Jekk iva, l-ammont li għalih huma intitolati għandu jiġi limitat? Il-kreditur għandu jħallas lill-bank bil-quddiem jew l-ammont dovut għandu jitnaqqas mill-bilanċ ta’ kreditu fil-kont maqbud?

4.3. Sekwestri ta’ kontijiet diversi, konġunti u f’isem persuni nominati

Jekk kreditur ikun irid jibblokka għadd ta’ kontijiet f’daqqa li jkunu qegħdin fi Stat Membru jew f’diversi Stati Membri għaliex l-ammont f’kont wieħed jista’ ma jkunx biżżejjed biex ikopri t-talba, tinqala’ l-mistoqsija jekk u kif l-ammonti sekwestrati f’kull wieħed minn dawn il-kontijiet jistgħu jkunu limitati biex jiġi evitat is-sekwestru tad-doppju jew it-tripplu ta’ l-ammont dovut. Din il-problema hija simili għas-sitwazzjoni li diġà teżisti f’uħud mill-ġurisdizzjonijiet fejn sekwestru notifikat lill-uffiċċju ċentrali ta' bank jissekwestra l-kontijiet kollha fil-fergħat lokali tal-bank. Waħda mill-possibbiltajiet kif tiġi indirizzata l-problema tista’ tkun il-provvediment għat-trasferiment ta’ l-ammont dovut għal kont separat u l-iżblukkar tal-kontijiet maqbuda. Għandha titqies il-kwistjoni dwar kif sistema bħal din tista’ topera ma’ banek differenti u fi Stati Membri differenti.

Iqumu mistoqsijiet ukoll dwar is-sekwestru ta' kontijiet konġunti, pereżempju kontijiet f'isem żewġ miżżewġin, u kontijiet f'isem persuni nominati, jiġifieri li fihom sid il-kont qed iżomm flus f’isem id-debitur.

Mistoqsija 12: Jekk ordni ta’ sekwestru tkun estiża għal diversi kontijiet, kif għandha s-somma li trid tiġi sekwestrata tkun allokata bejn kull wieħed mill-kontijiet?

Mistoqsija 13 : Kif għandu jkun ittrattat is-sekwestru ta’ kontijiet konġunti u dawk f’isem persuni nominati?

4.4. Ammonti eżentati mill-eżekuzzjoni

Biex jitħarsu d-dinjità tad-debitur u l-ħajja familjari tiegħu, ċerti somom iridu jkunu eżentati mill-eżekuzzjoni, partikolarment dik is-somma li d-debitur jitħalla jżomm għall-ħtiġiet alimentari tiegħu u tal-familja. Għandu jitqies għaldaqstant f’liema ħin din is-somma tiġi determinata u kif, jekk hux mill-imħallef li jkun ħareġ is-sekwestru, mill-awtorità ta' l-infurzar li tkun se tesegwixxi s-sekwestru jew mill-bank li fih ikun hemm il-kont. Din il-kwistjoni għandha tiġi ttrattata ex officio jew biss fuq talba tad-debitur? Fl-aħħarnett, kif għandu jiġi definit u kkalkulat dan l-ammont - skond il-liġi ta’ l-Istat Membru mnejn tkun ħarġet l-ordni, skond il-liġi ta' l-Istat Membru fejn ikun jinsab il-kont jew skond sistema Ewropea armonizzata li tkun meħtieġa tispeċifika l-ammonti b'mod xieraq pereżempju permezz ta’ regola ġenerika jew indiċizzata?

Mistoqsija 14: Il-kwistjoni dwar jekk l-ammonti humiex eżentati mill-eżekuzzjoni għandha tkun ittrattata ex officio meta jinħareġ/jiġi eżegwit is-sekwestru jew ir-responsabbiltà għandha taqa’ fuq id-debitur biex joġġezzjona fuq din il-bażi? Kif u minn min għandu jkun ikkalkulat l-ammont eżentat mill-eżekuzzjoni u fuq liema bażi?

5. EFFETTI TA’ ORDNI TA’ SEKWESTRU

5.1 Eżekuzzjoni

Hekk kif ordni ta’ sekwestru tinħareġ minn qorti ta’ Stat Membru, tqum il-mistoqsija dwar kif għandha tiġi eżegwita. Mħabba l-ħtieġa ta' azzjoni ta' malajr u n-natura purament protettiva ta' l-istrument, huwa ssuġġerit li s-sekwestru għandu jidħol fis-seħħ direttament fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi mingħajr il-ħtieġa ta’ proċedura intermedjarja (bħal mhi dikjarazzjoni ta’ infurzabilità) fl-Istat Membru li jkun irċieva t-talba.

Għandhom jitqiesu l-modi tat-trażmissjoni tas-sekwestru mill-qorti li toħorġu għall-bank fejn ikun qiegħed il-kont li jrid jinqabad. Il-proċedura għandha tibbilanċja bejn l-interess tal-kreditur biex titwettaq trażmissjoni ta’ malajr u l-interessi tad-debitur u l-bank biex jiġu minimizzati qabdiet li ma jkunux ġustifikati. It-trażmissjoni tad-dokumenti bejn pajjiż u ieħor hija rregolata mir-Regolament 1348/2000[9] li jipprovdi għat-trażmissjoni diretta ta’ ordni ta’ sekwestru mill-qorti għall-bank permezz tas-servizzi postali. Filwaqt li dan il-metodu diġà jippermetti li jkun hemm servizz relattivament mgħaġġel ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji, il-kwistjoni dwar jekk tistax tintuża komunikazzjoni elettronika biex tkompli tħaffef il-proċess tat-trażmissjoni għandha tingħata aktar konsiderazzjoni. Sabiex jintlaħaq l-għan politiku li l-iffriżar tal-kontijiet ikun aktar effikaċi, huwa ssuġġerit li qbid bankarju għandu jopera b’mod elettroniku fl-istadji kollha tal-proċedura jew fil-parti l-kbira tagħhom, jiġifieri mill-qorti li tikkonċedih sal-bank li fih ikun jinsab il-kont. Jeħtieġ li jiġi valutat liema mekkaniżmi għandhom jinħolqu biex jipprovdu għal grad xieraq ta’ sigurtà fil-proċess tat-trażmissjoni u jekk l-użu ta’ firma elettronika tkunx biżżejjed biex tiċċertifika l-identità u l-kompetenza ta’ l-awtorità tar-rilaxx u biex tiggarantixxi l-eżattezza tad- data trażmessa.

Għandu wkoll jitqies x’limitu ta’ żmien għandu jiġi rrispettat mill-bank għall-eżekuzzjoni tas-sekwestru, jiġifieri jekk il-kont għandux jiġi bblukkat immedjatament malli l-bank jirċievi l-ordni ta’ sekwestru jew għandux jagħmel dan f’perjodu ta’ żmien speċifikat wara li jirċievi l-ordni, u kif għandhom jiġu ttrattati tranżazzjonijiet mibdija qabel ma s-servizz ta’ l-ordni ta’ sekwestru jkun daħal fis-seħħ għall-bank.

Il-banek għandhom jintalbu jinfurmaw lill-awtorità kompetenti ta' l-infurzar dwar jekk is-sekwestru jkunx 'qabad' fondi li jidhru bħala kreditu fil-kont tad-debitur fil-kont(ijiet) sekwestrat(i). Idealment, dan it-tagħrif ukoll ikun trażmess elettronikament. F’dan il-kuntest, irid jiġi kkunsidrat kif livell xieraq ta’ protezzjoni tad- data u segretezza bankarja jistgħu jkunu garantiti matul dan il-proċess.

Mistoqsija 15: Int taqbel li l-proċedura ta’ l-exequatur għandha titneħħa għall-ordni ta' sekwestru?

Mistoqsija 16 : Kif tista’ tiġi trażmessa ordni ta’ sekwestru mill-qorti tar-rilaxx għall-bank fejn ikun jinsab il-kont? X’limitu ta’ żmien għandu jirrispetta l-bank fl-eżekuzzjoni ta’ sekwestru? X’għandu jkun l-effett ta’ ordni ta’ sekwestru fuq operazzjonijiet eżistenti?

Mistoqsija 17: Inti taqbel li hekk kif il-banek jirċievu ordni ta’ sekwestru ikun dmirhom li jinfurmaw lill-awtorità ta’ l-infurzar dwar jekk u sa liema limitu sekwestru jkun qabad b’suċċess il-flus dovuti lill-kreditur mingħand id-debitur?

5.2. Il-protezzjoni tad-debitur

Ladarba ordni ta’ sekwestru tkun daħlet fis-seħħ, id-debitur għandu jiġi infurmat li l-kont tiegħu safa bblukkat u għandu jingħata d-dritt li jikkontesta s-sekwestru jew li jara li l-ammont tiegħu jiġi llimitat. Għandu jitqies min għandu jwassal din l-informazzjoni lid-debitur. Huwa ssuġġerit li d-debitur għandu jkun notifikat formalment mill-qorti jew l-awtorità ta’ l-infurzament li jkunu responsabbli għall-applikar tas-sekwestru. Huwa mistenni li, barra dan, bħala kwistjoni ta’ relazzjonijiet kummerċjali bejn il-banek u l-klijenti tagħhom, il-banek jinfurmaw lid-debitur hekk kif jiġi eżegwit is-sekwestru.

Huwa ċar li d-debitur irid ikollu d-dritt li jikkontesta s-sekwestru, imma għandu jitqies liema awtorità jkollha kompetenza biex tisma’ l-oġġezzjoni tiegħu, jekk hux il-qorti li tkun ħarġet il-qbid bankarju jew il-qorti fil-post fejn ikun jinsab il-kont. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ukoll jekk ir-raġunijiet għall-oġġezzjoni (pereżempju pagament ta’ dejn, preskrizzjoni ta’ talba) għandhomx ikunu armonizzati fuq livell Ewropew sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta’ l-istrument previst. Huwa ssuġġerit li r-raġunijiet permissibbli għal oġġezzjoni jkunu jvarjaw skond jekk is-sekwestru jingħatax fuq il-bażi ta’ dritt infurzabbli eżistenti jew indipendentement minn kwalunkwe dritt bħal dan. Barra minn hekk qed jiġi ssuġġerit ukoll li, meta joħroġ qabel il-bidu ta’ proċeduri ġudizzjarji fl-azzjoni ewlenija, is-sekwestru ma jkunx konfermat jekk il-kreditur ma jressaqx l-azzjoni ewlenija f’perjodu ta’ żmien stipulat (pereżempju fi żmien xahar).

Fl-aħħarnett, tqum il-mistoqsija dwar sa liema limitu l-kreditur għandu jkun responsabbli jekk jinstab li sekwestru jkun mingħajr bażi u jekk ir-responsabbiltà tiegħu għandhiex tkun armonizzata fuq livell Ewropew jew titħalliex għal-liġi nazzjonali.

Mistoqsija 18: Meta u minn min għandu d-debitur ikun notifikat formalment li jkun ħareġ sekwestru u li dan ikun daħal fis-seħħ?

Mistoqsija 19: Is-sekwestru għandu jkun revokabbli jew jaqa’ awtomatikament jekk il-kreditur ma jressaqx l-azzjoni ewlenija f’perjodu ta’ żmien speċifikat?

Mistoqsija 20: Għal liema raġunijiet u sa liema limitu għandu d-debitur ikun intitolat joġġezzjona kontra l-ordni ta’ sekwestru? Liema qorti għandu jkollha l-kompetenza biex tisma’ l-oġġezzjoni tad-debitur kontra s-sekwestru?

Mistoqsija 21: F’każ li s-sekwestru jinstab li jkun mingħajr bażi, ir-responsabbiltà tal-kreditur għandha tiġi armonizzata fuq livell Ewropew u, jekk iva, kif?

5.3. Klassifikar ta’ kredituri konkorrenti

Jekk diversi kredituri jikkompetu għall-ammonti li jidhru bħala kreditu fil-kont bankarju tad-debitur, tqum il-mistoqsija dwar kif għandhom jiġu kklasifikati d-diversi kredituri 'l barra mill-proċeduri ta’ insolvenza. Filwaqt li wħud mill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-ewwel kreditur li jressaq l-ordni protettiva mal-bank, oħrajn japplikaw prinċipju tal-grupp simili għat-tqassim tal-flus f’każ ta’ proċeduri ta’ insolvenza. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat jekk din il-kwistjoni għandhiex tiġi armonizzata fuq livell Ewropew jew titħalliex għal-liġi ta' l-Istat Membru fejn iseħħ l-infurzar. Mistoqsija simili tqum fir-rigward tal-klassifikar ta’ ordni għall-iffrizar fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali jew amministrattivi.

Mistoqsija 22: Għandu jkun hemm regoli Ewropej li jiddeterminaw il-klassifikar tal-kredituri konkorrenti? Jekk iva, liema prinċipju għandu jiġi applikat?

5.4 . “Trasformazzjoni” f’att eżekutorju

Kreditur li jkun ibblokka l-kont tad-debitur tiegħu permezz ta’ ordni ta’ sekwestru jista’ eventwalment jikseb ordni fl-azzjoni ewlenija li hija infurzabbli fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-kont, jew permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ infurzabilità taħt ir-Regulament 44/2001 jew billi jippreżenta ċetifikat maħruġ taħt ir-regoli tal-proċeduri Ewropej il-ġodda għal talbiet żgħar jew li ma jkunux kontestati. Jista’ jkun li dan il-kreditur ikun irid li l-fondi maqbuda jiġu trasferiti għall-kont tiegħu jew li jirċievi l-flus b’mezzi oħra. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat kif sekwestru jista' f'dan il-każ jiġi trasformat f'att eżekutorju li jeżegwixxi t-trasferiment ta' l-ammont maqbud għal għand il-kreditur.

Mistoqsija 23: Kif tista’ ordni ta’ sekwestru tiġi trasformata f’att eżekutorju ladarba l-kreditur ikun kiseb ordni li hija infurzabbli fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-kont?

[1] Nota fuq it-terminoloġija: It-terminu “sekwestru” f’din il-Green Paper ifisser proċedura li taqbad jew tiffriża l-proprjetà mobbli ta’ debitur li tkun f’idejn parti terza u ma tħallix lill-parti terza titlaq din il-proprjeta’ minn taħt idejha.

[2] Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000, ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

[3] Is-sentenza ECJ tal-21.5.1980, C-125/79 ( Denilauer )

[4] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-Kunsill u l-Parlament Ewropew ĠU C 33, 31.1.1998 p. 3.

[5] Ara l-Komunikazzjoni (Fn 1), p. 14s.

[6] Il-Programm ta’ miżuri għall-eżekuzzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1, 5.

[7] L-Istudju Nru JAI/A3/2002/02. Ir-rapport finali jinstab f'http://europa.eu.int/comm/justice_home/doc_centre/civil/studies/doc_civil_studies_en.htm.

[8] Ordni Ewropea tista’ wkoll tintuża fir-rigward ta’ talba ċivili li tirriżulta minn attività qarrieqa jew kriminali.

[9] Ir-Regolament tal-Kunsill 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi ħwejjeġ ċivili u kummerċjali; ĠU L 160, 30.6.2000, p. 37.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet