52006DC0571


Titolu u referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Il-ġejjieni demografiku ta’ l-Ewropa, il-bidla ta’ sfida f’opportunità

/* KUMM/2006/0571 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
  pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
  doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.10.2006

KUMM(2006) 571 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Il-ġejjieni demografiku ta’ l-Ewropa, il-bidla ta’ sfida f’opportunità

Werrej

1. Ix-xjuħija demografika fl-Ewropa: tendenzi u perspettivi 3

2. L-impatt tax-xjuħija tal-popolazzjoni 5

2.1. L-impatt fuq is-suq tax-xogħol, il-produttività u t-tkabbir ekonomiku 5

2.2. L-impatt fuq il-ħarsien soċjali u l-finanzi pubbliċi 6

3. Tweġiba kostruttiva għall-isfida demografika 7

3.1. Ewropa li tiffavorixxi t-tiġdid demografiku 7

3.2. Ewropa li tagħti valur lix-xogħol aktar impjiegi u ħajja attiva itwal u ta’ kwalità 8

3.3. Ewropa aktar produttiva u li għandha aktar suċċess 10

3.4. Ewropa organizzata biex tirċievi u tintegra lill-immigranti 11

3.5. Ewropa għall-finanzi pubbliċi vijabbli; garanzija ta’ ħarsien soċjali xieraq u ta’ l-ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet 12

4. Konklużjoni: Il-bidla ta’ sfida f’opportunità 13

5. APPENDIX: Main European Demographic Trends and Data 15

Projections – EU25 15

Projections by country 16

Employment rate of older workers 17

Fertility and female employment rates 18

Net migration rate vs. natural population growth 19

1.IX-XJUħIJA DEMOGRAFIKA FL-EWROPA: TENDENZI U PERSPETTIVI

Ix-xjuħija tal-popolazzjoni, jiġifieri iż-żieda tal-persuni anzjani hi qabel kollox ir-riżultat tal-progress ekonomiku, soċjali u mediċinali konsiderevoli li joffri lill-Ewropej l-opportunità li jgħixu aktar f’kumdità u f’sigurtà għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom. Iżda, kif diġà nsaħaq mill-kapijiet ta’ l-Istat u l-gvernijiet fis-Samit f’Hampton Court f’Ottubru 2005, hi wkoll waħda mill-isfidi l-aktar importanti li l-Unjoni Ewropea għandha tħabbat wiċċha magħhom tul is-snin li ġejjin.

Din il-komunikazzjoni tirrispondi għat-tħassib espress tul dan is-Samit u li jħossu bosta miċ-ċittadini. Tikkostitwixxi segwitu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-Kunsill Ewropew imsejjaħ “Il-valuri Ewropej fl-epoka tal-globalizzazzjoni” u għall- Green Paper tal-Kummissjoni intitolata “Quddiem il-bidliet demografiċi – solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet”[1]. Hi teżamina kif l-Ewropej jistgħu jġibu ruħhom quddiem sfida demografika billi jissejsu fuq l-istrateġija ta’ Liżbona mġedda għat-tkabbir u l-impjiegi u l-istrateġija ta’ l-iżvilupp sostenibbli. Speċifikament tenfasizza kif l-Unjoni tista’ ssostni lill-Istati Membri tagħha fi strateġija fuq medda ta’ żmien twila li l-implimentazzjoni tagħha sseħħ fil-parti l-kbira permezz tar-rieda u l-ħiliet tagħhom. Biex tagħmel dan, hija ddawwal il-fatti ewlenin, tivvaluta l-impatti kumplessi, u tidentifika l-mogħdiet ewlenin għall-azzjoni kemm nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll Ewropea. Hija tikkonkludi li x-xjuħija tal-popolazzjoni hi sfida li nistgħu negħlbu jekk noħolqu kondizzjonijiet favorevoli ta’ appoġġ addattat għal dawk li jridu jkollhom it-tfal u jekk nieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet offruti minn ħajjiet itwal, aktar produttivi u f’saħħa aħjar.

Ix-xjuħija tal-popolazzjoni ta’ l-UE hi r-riżultat ta’ tliet tendenzi demografiċi li jaġixxu b’mod interattiv. Madankollu, il-kobor u r-ritmu tagħhom jista’ jvarja bil-kbir minn pajjiż għall-iehor. Dan iwassal għat-twarrib ta’ kull tweġiba uniformi. Fi ftit kliem:

- In-numru medju ta’ tfal għal kull mara (ir-rata ta’ twelid marbuta mal-qagħda ekonomika preżenti hija baxxa b’livell ta’ 1.5 trabi għall-UE25, ħafna inqas mir-rata ta’ bidla ta’ 2.1 meħtieġa sabiex jiġi stabbilit id-daqs tal-popolazzjoni f’nuqqas ta’ immigrazzjoni. Żieda limitata għal 1.6 hi maħsuba għall-UE25 sa l-2030[2].

- In-nuqqas tal-fertilità fl-għexieren ta’ snin riċenti seħħ wara l- baby-boom ta’ wara l-gwerra li llum wassal għal żieda tal-popolazzjoni ta’ bejn il-45 u l-65 sena. Il-passaġġ progressiv tal- baby-boomers għall-età tal-pensjoni se jwassal għal żieda sostanzjani tal-persuni anzjani li għandhom jiġu sostnuti finanzjarjament minn popolazzjoni mnaqqsa ta’ nies bl-età li jaħdmu. Dan il-fenomenu hu mistenni jispiċċa, iżda mhux qabel jgħaddu bosta għexieren ta’ snin.

- Wara żieda ta’ 8 snin mill-1960 ’l hawn, il-medja ta’ l-għomor tal-ħajja fit-twelid tista’ tissokta tiżdied b’5 snin oħra sa l-2050, jew saħansitra aktar. L-akbar parti mbassra li tgawdi hija dik tan-nies bl-akbar etajiet. B’hekk, l-Ewropej li jilħqu l-età ta’ 65 sena fl-2050 ikunu assigurata li jgħixu mill-inqas bejn erba’ u ħames snin aktar min-nies li jagħlqu l-65 sena llum. Dan se jwassal għal żieda spettakolari tan-numru ta’ persuni li jgħixu sa l-età ta’ 80 u 90 sena, li jwassal għall-fatt li bosta minnhom jgħaddu bosta għexieren ta’ snin fuq il-pensjoni u jilħqu etajiet fejn il-fraġilità u l-inkapaċità jkunu spissi, anke jekk il-proporzjon tal-persuni f’saħħa ħazina f’din il-klassi ta’ età jista’ jonqos..

- L-Ewropa tilqa’ diġà flussi importanti ta’ migrazzjoni netta, li ġejjin minn pajjiżi terzi. Fl-2004, l-UE rreġistrat 1.8 miljun immigrant jiġifieri fluss ogħla minn dak fl-Istati Uniti fi proporzjoni għall-popolazzjoni totali. L-UE se tibqa’ bi żgur destinazzjoni sinifikanti għal migranti fl-għexieren ta’ snin li jmiss. F’qagħda ta’ bażi prudenti, l-Eurostat ibassar li madwar 40 miljun persuna se temigra lejn l-Unjoni Ewropea sa l-2050. Peress li bosta jkunu f’età li jistgħu jaħdmu, il-migranti għandhom tendenza li jrendu l-popolazzjoni aktar żagħżugħa. Ir-riperkussjonijiet fil-medda ta’ żmien twila jibqgħu madankollu inċerti, peress li jiddependu min-natura ftit jew wisq limitata tal-politiki ta’ l-għaqda mill-ġdid tal-familja u ta’ l-imġiba ta’ twelid tal-migranti. Minkejja l-livelli tal-flussi bħalissa, l-immigrazzjoni tista’ biss tpatti parzjalment għall-effetti tal-fertilità baxxa u ż-żieda fil-medja ta’ l-għomor tal-ħajja fuq it-tqassim skond l-età tal-popolazzjoni Ewropea.

Minħabba dawn it-tendenzi, il-popolazzjoni totali fl-UE25 se tonqos kemm kemm, iżda ser issir ħafna ixjeħ. Fuq livell ekonomiku, il-bidla ewlenija tikkonċerna l-popolazzjoni li tinsab f’età li taħdem (bejn il-15 u l-64 sena), li tonqos bi 48 miljun sa l-2050. Ir-rata ta’ dipendenza (l-għadd ta’ persuni ta’ 65 sena u aktar, meta mqabbla ma’ dawk ta’ 15 sa 64 sena) għandha tirdoppja biex tilħaq il-51% sa l-2050. Dan ifisser li l-UE se tgħaddi minn erbgħa għal biss tnejn min-nies li għandhom l-età biex jaħdmu għal kull cittadin ta’ 65 sena u aktar.

L-implikazzjonijiet reġjonali u soċjali tax-xjuħija tal-popolazzjoni jiġbdu l-attenzjoni wkoll. Ir-reġjuni b’popolazzjonijiet li qegħdin jonqsu u li huma magħmula prinċipalment minn anzjani, għandhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għoti ta’ beni u servizzi pubbliċi essenzjali bħas-saħħa, l-alloġġ, l-ippjanar tad-djar fil-belt, is-servizzi ta’ trasport u ta’ turiżmu sabiex il-bilanċi ambjentali, jirriflettu wkoll l-effetti tax-xjuħija. Il-bidla demografika twassal ukoll għal bidliet soċjali profondi li jaffettwaw il-kompożizzjoni tal-familja, li jwassal ukoll għal numru akbar ta’ anzjani li jgħixu waħedhom. Iż-żieda fin-numru ta’ persuni tat-tielet età u dipendenti jqajjem ukoll problemi ġodda tat-tip ekonomiku, soċjali, saħansitra etiku.

Ix-xjuħija fl-UE għandha tkun eżaminata fil-kuntest ta’ l-espansjoni globali tal-popolazzjoni fid-dinja. Wara żieda tal-popolazzjoni dinjija minn 2 biljun persuna fl-1950 għal 6.5 biljuni llum, it-tbassir ta’ l-NU jipprevedi li dan it-tkabbir se jissokta, iżda b’ritmu aktar bil-mod, biex tilħaq 9.1 biljuni sa l-2050. Madwar 95% taż-żieda globali tal-popolazzjoni ser iseħħ fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u l-popolazzjoni tal-50 pajjiż l-inqas żviluppat se tirdoppja. L-akbar żieda ser iseħħ fl-Afrika. Għaldaqstant, il-parti tal-25 Stat Membru ta’ l-UE fil-popolazzjoni dinjija se tonqos.

Iżda l-Ewropa ma tixjiħx waħedha. Żidiet sinifikanti tar-rati ta’ dipendenza ser iseħħu sa l-2050 fl-ekonomiji li qegħdin ifeġġu bħaċ-Ċina u l-Indja. Jekk il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jisfruttaw id-dividend demografiku u jintegraw liż-żgħażagħ attivi fis-suq tax-xogħol, il-produzzjoni globali se tiżdied u se toffri opportunitajiet ta’ investiment siewja għall-Ewropej li qegħdin iġemmgħu għall-pensjoni. Min-naħa l-oħra, il-kumbinazzjoni tar-rata ta’ twelid għolja ma’ l-iżvilupp batut tista’ twassal għal instabbiltà f’dawn il-pajjiżi u żżid il-pressjonijiet għall-emigrazzjoni.

Il-flussi globali tal-migrazzjoni għandhom u ser ikollhom riperkussjonijiet importanti għall-pajjiżi ta’ destinazzjoni u għal dawk ta’ tluq. Għall-UE, l-impatt ta’ l-immigranti fuq ix-xjuħija jiddependi fuq l-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija formali, fid-dawl li r-rata ta’ impjiegi ta’ l-immigranti tibqa’ dejjem inqas minn ta’ dawk li mhumiex immigranti f’bosta Stati Membri. L-immigrazzjoni tista’ tgħin biex tnaqqas temporanjament l-impatt finanzjarju tax-xjuħija meta l-immigranti legali impjegati jħallsu l-kontribuzzjonijiet fl-iskemi pubbliċi tal-pensjonijiet. Madankollu, l-immigranti attivi se jakkumulaw biż-żmien id-drittijiet tagħhom għall-pensjoni. Il-kontribuzzjoni tagħhom fil-medda ta’ żmien twila b’bilanċ sostenibbli tal-finanzi pubbliċi se tiddependi għalhekk mill-preżenza ta’ sistemi ta’ pensjoni maħluqa sew. Għall-pajjiżi ta’ oriġini, l-emigrazzjoni lejn l-UE tista’ tkun ta’ benefiċċju, permezz b’mod partikolari tat-tnaqqis tal-pressjonijiet fuq is-suq tax-xogħol, tat-trasferimenti ta’ fondi u permezz tas-sostenn tal-migranti li jiġu lura f’pajjiżhom b’għarfien espert u b’kapital. Madankollu, l-emigrazzjoni ta’ proporzjoni kbira ta’ żgħażagħ mgħallma hi suxxettibbli, għal ċerti pajjiżi u setturi li toħloq “telf ta’ l-aħjar imħuħ” b’effetti negattivi fuq l-ekonomija u l-perspettivi ta’ żvilupp soċjali ta’ pajjiżhom. F’dan il-kuntest, il-possibbiltajiet offruti mill-migrazzjonijiet temporanji u l-migranti li jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini volontarjament, m’għandhomx jiġu injorati.

L-impatt tax-xjuħija tal-popolazzjoni

L-impatt fuq is-suq tax-xogħol, il-produttività u t-tkabbir ekonomiku

Fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol se tibda tonqos filwaqt li numru kbir ta’ baby-boomers jibdew jieħdu l-pensjoni. Madankollu, bl-appoġġ tal-politiki ta’ impjiegi addattati, dan il-fenomenu hu suxxettibbli li jitpatta temporanjament tul l-għaxar snin li jmiss bir-rata ta’ impjiegi li qiegħda tiżdied. Tbassir riċenti [3] juri li, għalkemm il-popolazzjoni f;l-età tax-xogħol se tibda tonqos mill-2010, l-għadd totali ta’ persuni li għandhom xogħol fl-UE25 se jissokta jikber sa l-2017. Aktar minn żewġ terzi ta’ dawn il-benefiċċji se jwasslu għal rata ta’ impjiegi tan-nisa ogħla, in-nisa anzjani se jitteħdilhom posthom b’mod progressiv min-nisa żgħażagħ aktar mgħallma u aktar involuti fil-ħajja attiva. Il-bqija jirriżulta minħabba żieda qawwija mbassra tar-rata ta’ impjiegi ta’ ħaddiema bejn il-55 u l-64 sena. L-iżviluppi pożittivi mistennija għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjiegi għandhom tendenza joħolqu “tieqa ta’ opportunitajiet” li tippermetti implimentazzjoni ta’ riformi qabel ma l-effetti tax-xjuħija jseħħu bis-sħiħ. Rati ta’ impjiegi ogħla ma jistgħux, madankollu, joffru waqfa proviżorja, u minħabba f’hekk, bidla demografika se tinħass fit-toqol kollu tagħha. Anke jekk l-objettiv tar-rata globali ta’ impjiegi ta’ 70% fl-istrateġija ta’ Liżbona jintlaħaq, in-numru totali ta’ persuni li għandhom xogħol għandu jitnaqqas b’30 miljun persuna bejn l-aħħar ta’ dawn l-għaxar snin u l-bidu ta’ l-2050.

Ir-rata tat-tkabbir ekonomiku suppost għandu jonqos flimkien max-xjuħija tal-popolazzjoni, prinċipalment minħabba t-tnaqqis tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol. It-tbassir juri li r-rata medja ta’ tkabbir annwali tal-PGD ta’ l-UE25 se tonqos mekkanikament minn 2.4% matul il-perjodu 2004-2010 għal biss 1.2% bejn l-2030 u l-2050. Biż-żmien, l-Ewropa se jkollha tistrieħ aktar u aktar fuq il-benefiċċji tal-produttività bħala l-għajn ewlieni ta’ tkabbir ekonomiku. Il-ħaddiema anzjani se jikkostitwixxu parti akbar tar-riżorsi globali ta’ xogħol ta’ l-idejn u tal-produzzjoni ekonomika. Madankollu, f’bosta pajjiżi, il-ħaddiema anzjani huma relattivament ftit impjegati minħabba użu eċċessiv ta’ benefiċċji ta’ qabel il-pensjoni, inċentivi finanzjarji għax-xogħol mogħtija mis-sistema fiskali u soċjali li mhumiex biżżejjed, u minħabba tmexxija ta’ l-etajiet ma tantx mixtieqa fuq il-post tax-xogħol, immarkati b’mod partikolari minħabba aċċess mhux biżżejjed għat-taħriġ, u saħansitra diskriminazzjonijiet lejn il-ħaddiema anzjani.

Ħidma ta’ l-idejn aktar anzjana u ħajjiet attiviti itwal m’għandhomx jimplikaw ħidma ta’ l-idejn inqas produttiva. L-elementi disponibbli ma jissuġġerux li ħaddiema aktar anzjani huma bilfors inqas produttivi u inqas innovattivi. In-nuqqas ta’ ħiliet fiżiċi u mentali jseħħu f’etajiet ixjeħ, dan hu progressiv ħafna u suġġett għal varjazzjonijiet kbar skond l-individwu u jista’ jkun limitat minn politiki preventivi għal dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa. Barra minn hekk, jista’ jitpatta minn esperjenza akbar, permezz ta’ addattamenti ta’ l-organizzazzjoni tax-xogħol u permezz ta’ użu aktar effiċjenti tat-teknoloġiji ta’ l-informatika u tal-komunikazzjoni (ICT). Barra minn hekk, il-gruppi ta’ ħaddiema anzjani fil-ġejjieni se jibbenefikaw minn livell ta’ taħriġ ogħla li ser inaqqas ir-riskju ta’ diffużjoni aktar bil-mod tat-teknoloġiji l-ġodda li jistgħu jiġu assoċjati max-xjuħija..

Barra minn hekk, ma nistgħux nagħmluha fatta li t-tnaqqis tan-numru ta’ żgħażagħ ser iħaffef l-aċċess tagħhom fis-suq tax-xogħol. Edukazzjoni u kwalifiki addattati jibqgħu essenzjali biex jiżguraw impjieg stabbli. Fil-kuntest ta’ soċjetà li qiegħda tixjieħ, l-għoti ta’ taħriġ ta’ kwalità għaż-żgħażagħ, li jwieġeb għall-bżonnijiet ta’ soċjetà msejsa fuq l-għarfien, l-iżvilupp ta’ taħriġ kontinwu, sabiex l-individwi jżommu l-kapital uman għandu importanza partikolari.

L-impatt fuq il-ħarsien soċjali u l-finanzi pubbliċi

Fuq il-bażi tal-politiki attwali, ix-xjuħija se twassal għal pressjonijiet sinifikanti għaż-żieda fuq l-ispejjeż pubbliċi, għalkemm hemm diversità kbira bejn il-pajjiżi. Għall-UE25, hemm tbassir ta’ żieda fl-ispejjeż pubbliċi marbuta ma’ l-età ta’ 3 sa 4 punti tal-PGD bejn l-2004 u l-2050. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 10% ta’ l-ispejjeż pubbliċi[4]. Dawn il-pressjonijiet ogħla se jinħassu mill-2010 u se jsiru partikolarment qawwija bejn l-2020 u l-2040. Huma se jikkonċernaw il-pensjonijiet, is-saħħa u s-servizzi għall-persuni anzjani.

Il-finanzi pubbliċi globali jiinsabu fir-riskju li ma jkunux jistgħu jitħallsu f’bosta pajjiżi, u minħabba f’hekk, jikkompromettu l-bilanċ fil-ġejjieni tas-sistemi tal-pensjonijiet u tal-ħarsien soċjali b’mod ġenerali. Jekk l-ispejjeż pubbliċi marbuta max-xjuħija jiżdiedu, id-defiċit baġitarju jwassal għal spirali ta’ dejn insupportabbli. Dawn ir-riżultati se jnaqqsu l-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku, li se jikkomprometti t-tħaddim tal-munita waħdanija u se jeżiġu minħabba f’hekk, bidla dramatika fil-pensjonijiet u l-benefiċċji tas-saħħa, b’konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-benessri tal-ġejjieni tal-pensjonanti u ta’ dawk li jħallsu t-taxxi.

Il-posponiment tar-riformi għal aktar tard, filwaqt li jiżdiedu l-ispejjeż pubbliċi marbuta mal-pensjonijiet u s-saħħa, se jirrapreżenta okkażjoni mitlufa biex jiġi żgurat li l-ġenerazzjonijiet kollha, kif ukoll il- baby-boomers , jikkontribwixxu għall-proċess ta’ aġġustament meħtieġ.

Madankollu, il-gvernijiet fi ħdan l-UE ma baqgħux inattivi u r-riformi riċenti fis-setturi b’mod partikolari tas-sistemi pubbliċi tal-pensjoni, tas-saħħa, tas-suq tax-xogħol u ta’ l-edukazzjoni bdew juru l-frott tagħhom, kif jixhdu b’mod partikolari r-rati ta’ impjiegi tal-ħaddiema anzjani dejjem ogħla mill-2000. Dawn ir-riformi huma maħsuba wkoll li jittrasferixxu responsabbiltajiet tal-gvernijiet u l-impriżi lejn l-individwi: iċ-ċittadini se jitħeġġu jkollhom rwol aktar attiv fir-rigward kemm ta’ l-ammonti mġemma’ għall-pensjoni tagħhom kif ukoll ta’ l-għażla taż-żmien tal-pensjoni tagħhom.

Ix-xjuħija ssarraf ukoll f’żidiet kbar ta’ l-ispejjeż pubbliċi tas-saħħa u tal-kuri fit-tul, anke jekk f’dan is-settur, dan se jiddependi l-aktar mit-titjib fil-ġejjieni ta’ l-istat tas-saħħa tal-persuni anzjani. Dan it-titjib se jeħtieġ b’mod partikolari addattament aħjar tas-servizzi tas-saħħa u approċċ preventiv għal dak li għandu x’jaqsam mal-mard kroniku li jista’ jiffavorixxi l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda. Jekk il-benefiċċji tal-ġejjieni għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-għomor tal-ħajja fil-biċċa l-kbira miksub f’saħħa tajba u mingħajr inkapaċitajiet, iż-żieda prevista għall-ispejjeż pubbliċi tas-saħħa u tal-kuri ta’ dipendenza minħabba x-xjuħija tisfa mnaqqsa bin-nofs[5].

Tweġiba kostruttiva għall-isfida demografika

Quddiem il-kumplessità ta’ l-isfidi tax-xjuħija, strateġija globali tidher meħtieġa. Kemm fuq livell ta’ l-UE kif ukoll fuq livell nazzjonali, se jinħtieġ li l-politiki eżistenti jiġu vvalutati biex jiġu ddeterminati l-aġġustamenti eventwali, suxxetibbli li jqisu l-bidliet demografiċi ta’ l-UE.

Ħames tendenzi politiċi ewlenin huma ppreżentati hawn isfel.

Ewropa li tiffavorixxi t-tiġdid demografiku

L-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea jistgħu jħabbru n-nuqqas demografiku jew jirreaġixxu għat-tnaqqis tat-twelid li jilħaq, għal ftit minnhom, stadju inkwetanti. Dawn ir-reazzjonijiet huma kemm meħtieġa kif ukoll realistiċi. Meħtieġa , peress li l-istħarriġiet juru li fil-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni, il-koppji jixtiequ jkollhom aktar tfal. Realistiċi , peress li tqabbil internazzjonali jenfasizza l-effiċjenza tal-politiki mmexxija minn ċerti Stati b’konsistenza minn bosta għexieren ta’ snin ’l hawn biex joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għal dawk li jridu t-tfal.[6]

Dawn il-politiki huma bosta u varjati iżda ġeneralment għandhom tliet dimensjonijiet komuni bl-għan li i) inaqqsu l-inugwaljanzi ta’ l-opportunitajiet offruti liċ-ċittadini bit-tfal jew mingħajrhom, ii) joffru aċċess universali għas-servizzi ta’ għajnuna għall-ġenituri, b’mod partikolari għall-edukazzjoni u t-trobbija tat-tfal iż-żgħar, iii) jorganizzaw il-ħin tax-xogħol biex joffru kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa possibbiltajiet ta’ taħriġ kontinwu u konciljazzjoni bejn il-ħajja privata u l-ħajja professjonali.

Barra minn hekk, l-analiżi l-aktar riċenti tat-tnaqqis tat-twelid tenfasizza l-effetti notevoli taż-żieda ta’ l-età tan-nisa waqt l-ewwel twelid li hu mera ta’ l-eżitazzjoni dejjem aktar tal-kopji biex ikollhom it-tfal. Dawn l-analiżi jwasslu biex jagħtu importanza dejjem ikbar lit-tnaqqis tad-dubji li jimxu id f’id mad-daħla taż-żgħażagħ adulti fuq is-suq tax-xogħol, u b’mod aktar ġenerali mat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja tagħhom. Jeħtieġ għalhekk li niġġieldu kontra d-diffikultajiet għall-aċċess għall-alloġġ, li jitħaffef l-użu ta’ servizzi ta’ kura tat-tfal bi prezz raġjonevoli u ta’ kwalità, u b’mod aktar ġenerali li titjieb il-konċiljazzjoni bejn iż-żmien tal-ħajja ta’ kuljum permezz tal-forom tax-xogħol flessibbli li jagħmlu użu mill-possibbiltajiet teknoloġiċi l-ġodda. Jeħtieġ ukoll li niġġieldu kontra l-faqar tat-tfal, fenomenu li l-kobor tiegħu jibqa’ inkwetanti u jirrifletti wkoll id-deterjorazzjoni relattiva tal-qagħda tal-familji bit-tfal.

Is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tista’ tiġi pperikolata jekk il-piż tax-xjuħija ikollu jiġi sostnut mill-popolazzjoni ta’ età żgħira, u li b’hekk tonqos fin-numru u fis-saħħa ekonomika. Soluzzjoni għaliha hi tassew prijorità tal-patt il-ġdid bejn il-ġenerazzjonijiet.

Fil-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona fl-2002, l-Istati Membri ħadu impenn ċar biex iżidu l-għoti ta’ servizzi biex jieħdu ħsieb it-tfal li, sa l-2010, għandu jkun disponibbli għal mill-inqas 90 % tat-tfal bejn it-3 u s-6 snin u 33% tat-tfal iżgħar minn 3 snin. Wasal iż-żmien li jitwaqqfu dawn is-servizzi biex jieħdu ħsieb it-tfal.

Il-Kummissjoni

se tikkonsulta l-imsieħba soċjali dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex titjieb il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, il-ħajja privata, u l-ħajja tal-familja ta’ l-irġiel u tan-nisa sabiex jikkunsidraw aħjar il-bżonnijiet tal-familji [7].

se torganizza minn Ottubru 2006 l-ewwel Forum demografiku Ewropew li jwassal għal rapport ta’ analiżi tas-servizzi tal-Kummissjoni. Il-ħidmiet tal-Forum se jiġu akkompanjati minn grupp ta’ esperti governattivi msejħa li jinħalqu fi ħdan il-Kummissjoni.

Ewropa li tagħti valur lix-xogħol aktar impjiegi u ħajja attiva itwal u ta’ kwalità

Iż-żieda tar-rata ta’ parteċipazzjoni fl-impjiegi hi sfida ewlenija ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, diġà mżewqa minn ċertu suċċess. Ir-riformi korrispondenti tal-politiki ta’ l-impjiegi, ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ għandhom għalhekk jitkabbru u jiġu segwiti wara l-2010. Jinħtieġ sforz akbar biex jitnaqqas it-tqassim f’partijiet tas-swieq tax-xogħol, sabiex tissokta ż-żieda tar-rata ta’ attività feminili[8], sabiex titjieb l-effiċjenza u l-ekwità tas-sistemi ta’ edukazzjoni, sabiex jitkabbru l-ħiliet u sabiex titħeġġeġ l-integrazzjoni tal-ġodda li jsofru minn din il-kompartimentalizzazzjoni. Huwa b’mod partikolari l-għan ta’ l-implimentazzjoni tal-linji ta’ gwida dwar il-“flessigurtà” li għandu jħaffef it-tranżizzjoni bejn il-fażijiet differenti taċ-ċiklu tal-ħajja b’flessibbiltà akbar tas-swieq tax-xogħol, il-miżuri ta’ taħriġ kontinwu, il-politiki attivi tas-swieq tax-xogħol u tal-ħarsien soċjali. Se jinħtieġ l-involviment ta’ numru kbir ta’ parteċipanti, fuq livelli differenti ta’ responsabbiltà, ħaddiema u impriżi, permezz tad-djalogu soċjali u tar-responsabbiltà soċjali ta’ l-impriżi.

Ix-xjuħija demografika tistieden madankollu li tingħata importanza strateġika għaż-żieda tar-rati ta’ sehem tan-nisa u l-irġiel ta’ aktar minn 55 sena. Dan se jeħtieġ riformi kbar sabiex ineħħu l-inċentivi għat-tluq bikri mis-suq tax-xogħol u jħeġġu l-impjieg ta’ l-anzjani. Jeħtieġ ukoll li jitħares li jkun tassew possibbli li taħdem għal aktar żmien u li l-politiki pubbliċi kollha jkabbru l-possibbiltajiet ta’ impjieg tal-ħaddiema anzjani.

Ix-“xjuħija attiva” tikkostitwixxi fiha nnifisha approċċ globali u sostenibbli, li għandha tuża medda ta’ għodda lil hinn mis-sempliċi riformi tal-pensjonijiet. Sabiex jiġi kkontemplat b’mod pożittiv li taħdem aktar, jeħtieġ li ma jkunx hemm preġudizzji diskriminattivi, tkun imħejji taġġorna u tivvalorizza l-ħiliet miksuba biż-żmien, tinsab mhux biss f’saħħa fiżika u mentali tajba, iżda wkoll tittama li tgħix aktar f’dan l-istat. L-Unjoni għandha għodod leġiżlattivi sabiex titħares in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni skond l-età u s-Sena Ewropea għall-opportunitajiet indaqs fl-2007 se tkun l-okkażjoni li tiġi vvalutata l-applikazzjoni mill-Istati Membri. Huma huma li jridu jiżviluppaw it-taħriġ u jsaħħu l-politiki ta’ ħarsien għal dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa kontinwa. B’mod partikolari, kull wieħed għandu jkollu aċċess aktar faċli għat-taħriġ kontinwu, speċjalment il-ħaddiema l-anqas kwalifikati jew dawk li għandhom il-kondizzjonijiet ta’ impjieg l-inqas favorevoli. Dawn l-oqsma mhumiex ġodda. Ix-xjuħija demografika tagħtihom mil-lum ’il quddiem natura ta’ investiment prijoritarju għall-ġejjieni li l-Unjoni Ewropea tappoġġja b’mod partikolari bil-programm “Edukazzjoni u Taħriġ 2010". .

Iż-żieda tal-popolazzjoni attiva se seħħ, parzjalment permezz ta’ titjib tas-saħħa pubblika. L-ewwelnett, jeħtieġ li tiġi razzjonalizzata l-istruttura ta’ l-għoti ta’ kuri tas-sistemi tas-saħħa tagħna li ma jikkorrispondux iżjed, sikwit, mal-bżonnijiet il-ġodda. L-inizjattiva riċenti tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi qafas Komunitarji sabiex titjieb il-mobilità transkonfinali tal-pazjenti u tal-forniment ħieles tal-kuri tas-saħħa għandha tippermetti li jitwettqu ekonomiji fil-kobor u li jagħmlu parti minn din il-perspettiva. Barra minn hekk, miżuri effiċjenti ta’ ħarsien għall-ġlieda kontra l-obeżità, it-tipjip, alkoħoliżmu u l-mard mentali għandu jkollhom ukoll impatt kbir fuq il-kondizzjonijiet ta’ saħħa ta’ l-Ewropej, u jibbażaw, fuq il-produttività fix-xogħol u l-ispejjeż fil-ġejjieni tas-saħħa. Fit-tieletnett, l-użu akbar tat-teknoloġiji l-ġodda, bħat-tele-mediċina u s-sistemi ta’ saħħa personalizzati, aċċessibbli għall-anzjani, għall-familji tagħhom u għall-persunal tal-kuri, jista’ jiffavorixxi l-kontroll ta’ l-ispejjeż tas-saħħa u l-benessri taċ-ċittadini. Fl-aħħar, it-tipi ta’ mard wisq probabbli se jevolvu b’popolazzjoni li qiegħda tixjieħ. Dan ma jonqosx li jqajjem mistoqsijiet ġodda rigward it-tip ta’ kuri meħtieġa fil-ġejjieni.

Jekk il-fatt li taħdem wara li taqbeż is-sittin, ma jibqax bħal-lum il-prerogattiva ta’ min għandu pagi għoljin u diplomi ta’ livell għoli, jeħtieġ li jitnaqqsu d-differenzi ta’ l-għomor tal-ħajja li jikkostitwixxu llum l-inugwaljanzi soċjali l-aktar importanti skond il-pagi u l-livell ta’ edukazzjoni. L-azzjonijiet preventivi jippermettu li jiġu promossi l-istili ta’ ħajja u l-kondizzjonijiet ambjentali ta’ saħħa tajba, fi u barra l-ambjent tax-xogħol, għandhom minn issa ’l quddiem iwasslu għal kooperazzjoni akbar bejn il-parteċipanti tas-saħħa pubblika, ta’ l-edukazzjoni, tal-mezzi tax-xandir u ta’ l-organizzazzjoni tax-xogħol, sabiex jinfluwenzaw, minn qabel, l-għomor tal-ħajja f’ saħħa tajba, li hi tassew differenti mill-għomor tal-ħajja globali u tvarja konsiderevoment skond l-Istati Membri.

Is-sehem tal-persuni ta’ aktar minn 65 sena, kif ukoll dawk formalment fil-pensjoni, għall-ambjent ekonomiku u soċjali għandu jkun favorizzat, bħala opportunità offruta u mhux piż. Dan is-sehem kbir għall-attività soċjali fuq bażi volontarja se jsir skond it-termini u l-kondizzjonijiet li għad iridu jinħalqu.

L-Istati Membri huma mistiedna jieħdu l-miżuri meħtieġa, fil-qafas ta’ l-impenji tagħhom meħuda fil-Kunsill Ewropew ta’ Stokkolma fl-2001, biex iżidu r-rati ta’ impjiegi tal-ħaddiema ta’ aktar minn 55 sena għal ’il fuq minn 50%Fl-okkażjoni tat-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi fl-2008, il-Kummissjoni se teżamina r-riżultati miksuba f’kull Stat għal dak li għandu x’jaqsam mar-rata ta’ impjiegi ta’ l-irġiel u tan-nisa ta’ aktar minn 55 sena u ta’ l-età li jieqfu mix-xogħol u se tagħmel rapport ta’ eżempji konkreti ta’ l-aħjar prassi ta’ l-Istati Membri fil-promozzjoni tax-xjuħija attiva.

L-Unjoni Ewropea aċċettat li żżid is-sostenn tagħha lill-Istati Membri biex jilħqu dan l-għan, permezz ta’ tisħiħ tal-Fond Soċjali Ewropew u programmi ta’ taħriġ kontinwu għall-perjodu 2007-2013[9]

Il-Kummissjoni se tikkonsulta lill-parteċipanti kkonċernati rigward l-inizjattivi li għandhom jittieħdu sabiex jiġi stabbilit qafas Komunitarju li jippermetti t-titjib ta’ l-offerta ta’ bejn il-fruntieri tas-servizzi tas-saħħa u l-mobbiltà tal-pazjenti[10].

L-Istati Membri huma mistiedna li japplikaw bis-sħiħ id-Direttiva li tikkonċerna l-ugwaljanza tat-trattament fl-impjieg u x-xogħol[11]. Fl-2007, il-Kummissjoni se tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għal dak li għandu x’jaqsam mad-diskriminazzjoni msejsa fuq l-età.

Ewropa aktar produttiva u li għandha aktar suċċess

It-tielet risposta għall-isfida demografika tinsab fit-titjib tal-produttività ta’ l-Ewropej fix-xogħol. Hawnhekk ukoll, l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi tagħti d-direzzjoni t-tajba, bil-prinċipju li tagħti valur, f’kwalunkwe età, lill-kwalità u lill-produttività tax-xogħol. L-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għal dan direttament permezz tat-tisħiħ tas-suq intern, ta’ l-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, tal-prijorità mogħtija lill-kwalità tar-regoli, b’mod partikolari għall-SMEs, kif ukoll permezz tal-politika ta’ koeżjoni soċjali. B’hekk l-Istrateġija ta’ Liżbona tistabbilixxi l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tippermetti li tagħti valur għall-kompetenza, kwalità u produttività tax-xogħol għal kull età.

Ix-xjuħija tal-popolazzjoni tista’ tikkostitwixxi wkoll opportunità kbira biex tiżdied il-kompetittività ta’ l-ekonomija Ewropea. Jeħtieġ li l-parteċipanti ekonomiċi Ewropej jiġu offruti l-aħjar kondizzjonijiet biex jaħtfu l-opportunitajiet ippreżentati permezz tal-bidliet demografiċi għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħolqien tas-swieq ġodda għall-beni u servizzi li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ klijenti ixjeħ.[12] L-ewwel pass f’din id-direzzjoni se jkun ċertament li l-parteċipanti ekonomiċi jitħeġġu jinkludu l-fenomenu tax-xjuħija fl-istrateġiji ta’ innovazzjoni tagħhom. Dan jikkonċerna numru ta’ oqsma bħat-teknoloġiji ta’ l-informatika u tal-komunikazzjoni, is-servizzi finanzjarji, l-infrastrutturi tat-trasport, ta’ l-enerġija u dawk turistiċi u s-servizzi lokali, b’mod partikolari s-servizzi tal-kuri fit-tul. F’dawn is-setturi kollha, l-Unjoni Ewropea tista’ tikkompleta jew iżżid l-isforzi ta’ antiċipazzjoni ta’ l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni se tadotta sa l-aħħar ta’ l-2008, komunikazzjoni li tipproponi mogħdijiet biex tqis aħjar il-bżonnijiet ta’ populazzjoni li qiegħda tixjieħ fl-oqsma bħall-bidla tat-territorju, l-ambjent jew l-aċċess għat-teknoloġiji ġodda. Hi se tagħti attenzjoni privileġġjata lill-kondizzjonijiet ta’ l-iżvilupp ta’ għoti ta’ kuri addattati għall-bżonnijiet tal-persuni dipendenti u tal-familja tagħhom u lir-rwol tal-fondi strutturali għal dan l-effett.

Ewropa organizzata biex tirċievi u tintegra lill-immigranti

Għandna nkunu ċari: tul il-15 sa 20 sena li jmiss, l-Ewropa se tissokta tirċievi immigrazzjoni netta importanti. Dan għall-bidu jaqdi l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol Ewropew li għandu jiġbed ħidma ta’ l-idejn esterna kwalifikata. Il-bżonnijiet esterni f’ħidma ta’ l-idejn mhux kwalifikata jibqgħu wkoll importanti ħafna. L-attrazzjoni tat-territorju Ewropew ma tistax tiġi injorata, minħabba l-prosperità relattiva tiegħu, l-istabbilità politika, għat-talbiet ta’ unjoni mill-ġdid tal-familja min-naħa ta’ l-immigranti li waslu m’ilux u għad-dinamiżmu tat-tkabbir tal-popolazzjoni ta’ reġjuni relattivament foqra fl-inħawi tagħna. Dawn il-fatturi differenti għandhom jiġu kkonċiljati aħjar billi tiġi organizzata l-immigrazzjoni legali u korrelattivament l-integrazzjoni ta’ persuni li ġew mill-immigrazzjoni, filwaqt li jitħarsu l-bżonnijiet tal-pajjiżi ta’ oriġini.

Il-politiki nazzjonali ta’ l-immigrazzjoni minn pajjiżi terzi mhumiex omoġeni. F’ċerti pajjiżi, il-flussi legali huma limitati u l-immigrazzjoni illegali tibqa’ ftit jew wisq imrażżna; f’pajjiżi oħra, ir-regolarizzazzjoni enormi ta’ dawn l-aħħar snin ippermettew li jiġu legalizzati eluf ta’ immigranti li jgħixu hemm u jaħdmu b’mod regolari. Dawn id-differenzi jirriflettu, lil hinn mid-differenzi fuq is-suq tax-xogħol, id-diffikultajiet dejjem akbar ta’ l-integrazzjoni ekonomika u soċjali ta’ l-immigranti fil-pajjiżi ta’ immigrazzjoni qadima. Fil-medda ta’ żmien twila, dawn id-differenzi mhumiex sostenibbli, f’Unjoni li fi ħdanha tipprattika l-moviment ħieles tal-ħaddiema u li s-suq intern tax-xogħol tagħha kull ma jmur jingħaqad iżjed. Hija wkoll l-Unjoni, li permezz tal-piż internazzjonali tagħha, ir-rwol kummerċjali tagħha u r-relazzjoni tagħha ta’ kooperazzjoni globali ma’ l-entitajiet il-kbar Mediterranji, Afrikani u Latino-amerikani jistgħu jimpjegaw l-imsieħba indispensabbli għat-tmexxija tal-flussi ta’ immigrazzzjoni, kundizzjoni tas-suċċess tal-politiki ta’ immigrazzjoni. L-Unjoni, imsejsa fuq in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-ħarsien tad-differenzi, għandha tiddjaloga ma’ l-opinjonijiet pubbliċi biex tiġġieled kontra l-preġudizzji, tindika l-ostakoli ġenwini li għandhom jingħelbu, tfakkar ukoll l-għana fid-diversità [13].

Huwa għalhekk li, llum, l-Unjoni hi impenjata ma’ l-Istati Membri fl-iżvilupp ta’ elementi ta’ politika komuni ta’ immigrazzjoni legali[14], maħsuba b’mod partikolari għall-immigrazzjoni għall-fini ta’ l-impjieg biex jissodisfaw il-bżonnijiet f’ċerti setturi tas-suq tax-xogħol. Din il-politika għandha tiġi kkompletata permezz ta’ tisħiħ tal-politiki ta’ integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi[15] permezz ta’ mezzi finanzjarji akbar, u permezz tal-bidu qalil tas-sħubiji mal-pajjiżi ta’ emigrazzjoni.

Fl-istess ħin, fuq il-pjan ta’ mobbiltà interna taċ-ċittadini Komunitarji, titkompla t-tranżizzjoni lejn il-moviment liberu sħiħ tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni ta’ 27, sa l-2014. Din il-mobbiltà interna tikkontribwixxi għat-tneħħija ta’ l-iżbilanċi tas-swieq tax-xogħol fl-Ewropa u għandha titqies fid-dawl tal-politiki ta’ immigrazzjoni.

Il-Programm ta’ The Hague ta’ l-2004 wassal għal “Pjan ta’ azzjoni politika dwar il-migrazzjoni legali” u ispira l-waqfien ta’ Fond Ewropew għall-Integrazzjoni. Dawn l-istrumenti jistgħu jsostnu azzjonijiet oħrajn fuq il-livelli kollha biex jiffavorixxu l-integrazzjoni tal-migranti legali.

Il-Kummissjoni se tkompli tħejji l-inizjattivi tagħha biex tiffavorixxi l-integrazzjoni tal-migranti, u b’mod partikolari r-riflessjonijiet impenjati ma’ l-Istati Membri dwar ix-xkiel fl-integrazzjoni tagħhom, għarfien aħjar tal-karatteristiċi tagħhom, il-perċezzjonijiet tagħhom, u l-politiki ta’ implimentazzjoni. Tul is-sena 2009, il-Kummissjoni se tivvaluta l-opportunità li tipproponi miżuri ġodda li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immigrazzjoni ekonomika, b’kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet tas-suq ta’ l-impjiegi, u tagħmel sommarju tal-qagħda tal-progress miksub għal dak li għandu x’jaqsam mal-mobbiltà interna.

Ewropa għall-finanzi pubbliċi vijabbli; garanzija ta’ ħarsien soċjali xieraq u ta’ l-ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet

F’bosta Stati Membri, il-finanzi pubbliċi mhumiex sostenibbli bil-politiki attwali. Jinħtieġ sforz sostenibbli ta’ konsolidazzjoni baġitarja. Iż-żieda tar-rata ta’ parteċipazzjoni għall-impjiegi tikkostitwixxi mezz effiċjenti li għandhom il-gvernijiet biex iżidu d-dħul tagħhom u jħabbtu wiċċhom ma’ l-ispejjez marbuta max-xjuħija mingħajr ma jżidu t-taxxa. Madankollu jinħtieġ sforz sostenibbli ta’ konsolidazzjoni baġitarja, b’bilanċ xieraq skond l-Istat Membru bejn it-tnaqqis ta’ l-ispejjeż u ż-żieda tat-taxxi. Jeħtieġ li jiġi evitat il-fatt li jitnaqqsu l-ispejjeż pubbliċi tal-ġejjieni, bħall-infrastrutturi, l-edukazzjoni u r-riċerka, indispensabbli f’livell għoli ta’ produttività u għalhekk għal futur ekonomiku dejjem ikbar.

Ir-riformi riċenti tal-pensjonijiet f’bosta pajjizi se jippermettu li jitnaqqas sensibbilment l-iżbilanċ finanzjarju tas-sistemi tal-pensjonijiet. Madankollu, riformi supplimentari jistgħu jkunu ta’ ħtieġa f’ċerti pajjiżi, li jimmiraw b’mod partikolari li jevitaw it-tluq bikri mis-suq tax-xogħol, iżidu l-età ta’ waqfien definittiv mix-xogħol, joffru lill-anzjani inċentivi finanzjarji biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol, u jippermettu lill-individwi li jikkompletaw id-dħul tagħhom tal-pensjoni b’pensjonijiet komplimentari, filwaq li jiżguraw bilanċ aħjar bejn il-benefiċċji u l-kontribuzzjonijiet ta’ individwu.

Qegħdin jitfaċċaw sfidi ġodda marbuta ma’ l-iżvilupp tat-tfaddil privat u tas-sistemi ffinanzjati. Dawn huma marbuta, pereżempju, mal-kopertura ta' dawn is-sistemi, mal-livell tal-kontribuzzjonijiet u mar- rwol dejjem akbar tal-fondi tal-pensjoni, li jqajmu min-naħa tagħhom mistoqsijiet ta' trasparenza u ta’ kwalità ta’ superviżjoni. F’dan il-kuntest huwa ta’ importanza kruċjali, li jiġu promossi s-swieq finanzjarji effikaċji kif ukoll il-kondizzjonijiet ta’ stabbiltà u ta’ sigurtà li jippermettu lill-individwi li jfaddlu u jinvestu. Il-gvernijiet għandhom jiffavorixxu l-ħolqien ta’ medda biżżejjed u varjata ta’ strumenti finanzjarji. Il-ġabra tat-tfaddil u tal-kapital privat għandha tkun iffavorita wkoll sabiex il-persuni jkunu jistgħu jiffissaw, b'aktar awtonomija, il-livell ta' dħul li jixtiequ li jkollhom tul iż-żmien ta’ pensjoni tagħhom.Se jinħtieġ sforz ta’ komunikazzjoni u ta’ edukazzjoni finanzjarja biex jgħinu lill-individwi jaddattaw rwieħhom għaċ-ċirkostanzi l-ġodda.

Fiż-żmien ta’ din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni tadotta rapport li janalizza l-vijabbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, imsejjes fuq it-tbassir demografiku sa l-2050 u fuq l-istrateġiji finanzjarji mressqa mill-Istati Membri fil-Programmi tagħhom ta’ Konverġenza u ta’ Stabbiltà 2005.

KONKLUżJONI: IL-BIDLA TA’ SFIDA F’OPPORTUNITÀ

IX-XJUħIJA TAL-POPOLAZZJONIJIET EWROPEJ HI L-KONSEGWENZA INEVITABBLI TA’ L-IżVILUPPI FONDAMENTALMENT POżITTIVI TAGħHOM : iż-żieda fl-għomor tal-ħajja, sikwit f’saħħa tajba, għażla aktar faċli fuq il-fatt ikollokx it-tfal u meta , meħuda minn nisa aktar u aktar mgħallma u li għandhom aċċess faċli għas-suq tax-xogħol. Madankollu, dawn it-tibdiliet demografiċi u soċjo-ekonomiċi profondi jobbligaw riforma ta’ l-istituzzjonijiet attwali kemm għal raġunijiet ta’ effiċjenza ekonomika kif ukoll ta’ ekwità soċjali.

Il-politiki attwali tagħna mhumiex vijabbli għal medda ta’ żmien twila, sakemm huma ma jippermettux li tiffaċċja t-tnaqqis mistenni ta’ għadd ta’ persuni attivi u l-perspettivi ta’ żieda mhux mistennija tal-finanzi pubbliċi. Il-qalba tal-problema mhix iż-żieda fit-tul tal-ħajja. Tinsab pjuttost fl-inkapaċità tal-politiki attwali li jaddattaw ruħhom għal tagħrif demografiku ġdid u minħabba li l-impriżi u ċ-ċittadini joqogħdu lura milli jimmodifikaw l-istenniji u l-imġiba tagħhom, b’mod partikolari fuq is-suq tax-xogħol. Fi ftit kliem, l-Ewropa tħabbat wiċċha aktar ma’ problema ta’ pensjoni milli problema tax-xjuħija.

Ovvjament, huma l-Istati Membri li għandhom isibu t-tweġibiet konkreti għall-isfida demografika. L-esperjenza riċenti f’dan ir-rigward tqawwilna qalbna peress li l-ewwel riformi li kellhom x’jaqsmu mal-pensjoni bdew jagħtu l-frott. L-isfida mhix impossibbli jekk nagħmlu użu tajjeb tal-perjodu qasir ta’ opportunità ta’ madwar għaxar snin li għandna f’idejna.

Dawn ir-riformi jagħmlu parti wkoll mill-qafas Ewropew diġà applikat f’waqtu u b’tenaċità, permezz ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, il-Patt ta’ l-Istabbiltà u t-Tkabbir, l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien u l-inklużjoni soċjali.

Issa, din mhix kwistjoni ta’ implimentazzjoni ta’ proċess ġdid ta’ koordinazzjoni Ewropea. Għandna nimpenjaw ruħna biex insegwu u nqawwu l-isforzi tagħhna, filwaqt li nassiguraw kunsiderazzjoni tajba tad-dimensjonijiet multipli u kumplessi tal-kwistjoni demografika globali u kull waħda mill-politiki tagħhna, fuq livell nazzjonali u fuq livell Komunitarju.

Din il-komunikazzjoni tiżviluppa f’dan ir-rigward qafas ta’ referenza fuq livell Komunitarju għal dawn il-politiki mill-Istati Membri. Il-qafas jispeċifika ħames setturi li jwieġbu għal perspettiva komuni, dik tal-kunfidenza misjuba:

- Ewropa li tiffavorixxi t-tiġdid demografiku

- Ewropa li tagħti valur lix-xogħol: aktar impjiegi u ħajja attiva itwal u ta’ kwalità

- Ewropa aktar produttivà u effiċjenti

- Ewropa organizzata li tirċievi u tintegra l-migranti

- Ewropa b’finanzi pubbliċi vijabbli: li tagħti garanzija ta’ ħarsien soċjali xieraq u ta’ ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet

Il-politiki Komunitarji u nazzjonali għandhom ikunu addattati għall-isfida demografika deskritta f’din il-komunikazzjoni. Il-politiki Ewropej, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, jeħtieġu jiġu vvalutati mill-ġdid sabiex l-isfida demografika tkun integrata fl-għażliet politiċi tal-ġejjieni. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsilli settorjali u l-Kumitati settorjali fil-Parlament Ewropew jivvalutaw l-impatt tal-bidla demografika fil-qasam tal-politiki li huma responsabbli għalihom.

Kunfidenza fil-ġejjieni fit-tul li għandha tinbena llum fuq is-sehem fl-attività ta’ l-irġiel u tan-nisa, tal-produttività u tar-rendiment. Din l-istess kunfidenza li se tikkontribwixxi wkoll sabiex l-Ewropej ikunu jistgħu jsawru, mal-migranti, bħalissa u tal-ġejjieni, relazzjoni mżewqa msejsa fuq ir-rispett reċiproku.

L-iffaċċjar ta’ l-isfida demografika hi ħidma twila għalina lkoll. Il-progress fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet hu suġġett għall-forum demografiku Ewropew biannwali li ser iseħħ għall-ewwel darba f’Ottubru 2006. L-effeti ta’ l-inizjattivi mħabbra minn din il-komunikazzjoni sa l-2009 kif ukoll it-tagħlim tal-Forum, kull sentejn, se jimlew kapitlu tar-Rapport annwali ta’ Progress (Proċess ta’ Liżbona) iddedikat lill-istat ta’ tħejjija ta’ l-Unjoni għaż-żieda tat-tul tal-ħajja.

APPENDIX: MAIN EUROPEAN DEMOGRAPHIC TRENDS AND DATA

Projections – EU25

Projections for EU's population trend 2005-2050 |

in thousands | 2005-2050 | 2005-2010 | 2010-2030 | 2030-2050 |

Total population | -8659 | 5563 | 5312 | -19534 |

Percentage change | -1,9% | 1,2% | 1,1% | 4,2% |

Children (0-14) | -13811 | -2304 | -6080 | -5427 |

Percentage change | -18,6% | -3,1% | -8,5% | -8,2% |

Young people (15-24) | -14035 | -2383 | -6663 | -4990 |

Percentage change | -24,3% | -4,1% | -12,0% | -10,2% |

Young adults (25-39) | -24867 | -3896 | -14883 | -6088 |

Percentage change | -25,0% | -3,9% | -15,6% | -7,5% |

Adults (40-54) | -18666 | 4116 | -10029 | -12754 |

Percentage change | -19,0% | 4,1% | -9,8% | -13,8% |

Older workers (55-64) | 4721 | 4973 | 8717 | -8969 |

Percentage change | 9,1% | 9,5% | 15,3% | -13,6% |

Elderly people (65-79) | 25688 | 1947 | 22281 | 1460 |

Percentage change | 44,5% | 3,4% | 37,3% | 1,8% |

Frail elderly (80+) | 32311 | 3109 | 11969 | 17233 |

Percentage change | 171,6% | 16,5% | 54,0% | 50,8% |

Source : EUROSTAT, 2004 |

Projections by country

Population1 | Fertility2 | Life expectancy3 | Natural Increase4 | Net Migration5 | Old Age Dependency6 |

Men | Women |

Life expectancy at birth

[pic]

[pic]

Source: Eurostat 2004 Demographic Projections (Baseline scenario)

Employment rate of older workers

Source: Eurostat, Labour Force Survey

Fertility and female employment rates

[pic]

Source: Eurostat, Labour Force Survey and National data

Net migration rate vs. natural population growth

[pic]

Source: Eurostat. Figures exclude intra-EU flows and comprise regularisations of previously undeclared migrants

[1] COM (2005)525 tat-3.11.2005 u COM(2005)94 tas-16.3.2005, rispettivament.

[2] Ċerti demografi esprimew l-ipoteżi li rata baxxa ħafna ta’ fertilità tista’ ma tinqalibx. Irreferi għal “L-ipoteżi tan-nasba tal-fertilità baxxa: forzi li jistgħu jwasslu għal aktar posponiment u anqas twelid fl-Ewropa” minn Lutz, Skirbekk u Testa, karta ta’ riċerka Nru 4 2005 ta’ l-Istitut tad-Demografija ta’ Vjenna.

[3] Il-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kummissjoni Ewropea (2006), “L-impatt tax-xjuħija fuq l-infiq pubbliku: tbassir għall-Istati Membri ta’ l-UE25 dwar il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-trasferimenti tal-qgħad (2004-50)” fir- Rapporti u Studji ta’ l-Ekonomija Ewropea , Nru 1.

[4] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Vijabbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi fl-UE (COM(2006) 574 tat-12.10.2006).

[5] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Vijabbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi fl-UE (COM(2006) 574 tat-12.10.2006).

[6] Irreferi pereżempju għal “Il-ġejjieni Demografiku ta’ l-Ewropa – Fatti, Ċifri, Politiki: Riżultati ta’ l-Istudju ta’ Approvazzjoni tal-Politika tal-Popolazzjoni (PPAS) ippubblikat mill-Istitut Federali Ġermaniz tar-riċerki demografiċi u l-Fondazzjoni Robert Bosch: l-Eurobarometer Nru 253 imwettaq fl-2006 li l-analiżi tar-riżultati tiegħu se jiġu ppubblikati dalwaqt.

[7] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-Ewwel pass tal-Konsultazzjoni ta’ l-imsieħba soċjali dwar il-Konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja (SEC(2006) 1245 tat-12.10.2006).

[8] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Pjan tar-rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010 (COM(2006)92 ta' l-1.3.2006).

[9] Regolament (KE) 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fondi Soċjali Ewropej u proposti ta’ deċiżjoni li jistabbilixxu programm ta’ azzjoni integrat fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ kontinwu (COM (2004)474 ta’ l-14.7.2006).

[10] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Konsultazzjoni rigward azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-servizzi ta’ saħħa (SEC(2006) ////1195 tas-26.9.2006).

[11] Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

[12] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “ L-użu ta’ l-għarfien: strateġija ta’ innovazzjoni mkabbra għall-UE ” COM, (2006) 502 tat-13.9.2006).

[13] Ara r-riżultati ta’ l-Eurobarometer 64, ippubblikat f’Diċembru 2005, u 65, ippubblikat f’Ġunju 2006 dwar l-opinjoni pubblika u l-migrazzjonijiet.

[14] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Programm ta’ azzjoni rigward l-immigrazzjoni legali” COM(2005)669 tal-21.12.2005).

[15] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “ Programm komuni għall-integrazzjoni – Qafas li jikkonċerna l-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea ”, ta’ Settembru 2005 (COM(2005) 389 ta’ l-1.9.2005).

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet