52006DC0514


Titolu u referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Kuntratti li jsiru mill-bogħod

/* KUMM/2006/0514 finali */

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
  pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
  doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc doc doc doc doc   doc doc doc doc

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.9.2006

KUMM(2006) 514 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Kuntratti li jsiru mill-bogħod

DAĦLA

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni hija li tirrapporta lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad- Direttiva 1997/7/KE dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Kuntratti mill-bogħod mill-Istati Membri.

Hija tistabbilixxi wkoll stħarriġgħal konsultazzjoni pubblika fl-Anness II. L-għan ta’ l-istħarriġ u l-proċedura tat-tweġibiet jistgħu jinstabu wkoll f’dan l-Anness.

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1997/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi fir-rigward ta' Kuntratti li jsiru mill-bogħod (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

WERREJ

DAĦLA 2

1. Daħla 4

2. Id-Dispożizzjonijiet Ewlenin tad-Direttiva 5

3. Id-definizzjonijiet - Artikolu 2 6

4. Ambitu ta’ l-Applikazzjoni – eżenzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 7

5. Ħtiġijiet ta’ tagħrif minn qabel – l-artikolu 4 8

6. Konferma ta' l-informazzjoni bil-miktub – Artikolu 5 9

7. Id-dritt ta' rtirar – Artikolu 6 10

8. L-eżekuzzjoni - Artikolu 7 11

9. Restrizzjonijiet fuq l-użu ta' ċerti mezzi ta' komunikazzjoni mill-bogħod – Artikolu 10 12

10. Konklużjonijiet 12

ANNESS I 13

ANNESS II 15

ANNESS III 19

ANNESS IV 20

1. DAħLA

L-ISTATI MEMBRI KOLLHA TTRASPONEW ID-DIRETTIVA 1997/7/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL TA’ L-20 TA’ MEJJU 1997 DWAR IL-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATURI FIR-RIGWARD TA' KUNTRATTI MILL-BOGħOD [1] (“id-Direttiva”) f’liġi nazzjonali (ara l-Anness I). F’dan id-dokument (ir-“Rapport”), il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva kif prevista fl-Artikolu 15(4)[2] tagħha. Dewmien fil-konformità mill-Kummissjoni ma’ l-Artikolu 15(4) fil-bidu kienu minħabba dewmien fit-traspożizzjoni minn xi wħud mill-15-il Stat Membru. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tipposponi l-pubblikazzjoni tar-Rapport sa wara l-adeżjoni ta’ l-10 Stati Membri, sabiex tipproduċi Rapport li jkopri s-sitwazzjoni fil-25 Stati Membri kollha.

Stħarriġ (l-“Istħarriġ”) huwa mehmuż ma' dan ir-Rapport (l-Anness II). L-għan ta’ dan l-istħarriġ huwa li jikkonsulta l-partijiet interessati dwar numru ta' kwistjonijiet relatati ma' din id-Direttiva. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tara jekk id-diverġenzi nazzjonali fit-traspożizzjoni, li joħorġu mill-għażliet regolatorji fid-Direttiva u l-użu tal-klawżola minima fl-Artikolu 14 li tiddikjara li Stati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu aktar dispożizzjonijiet iebsa biex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur sakemm dawn il-miżuri huma kompatibbli mat-Trattat, kellhom impatt fuq is-Suq Intern u affettwaw in-negozju u l-kunfidenza tal-konsumatur f’kummerċ bejn il-fruntieri.

Il-Kummissjoni ma tqisx li huwa xieraq li tressaq proposti biex tiġi riveduta d-Direttiva sakemm il-fażi dijanjostika ta' l-analiżi ta' l-acquis communautaire tal-konsumatur (l-“acquis”) tintemm (ara l-Anness III). Din l-analiżi għandha l-għan li tanalizza nuqqasijiet possibbli f'termini ta' protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari fid-dawl ta' prassi u teknoloġiji ġodda tal-marketing, bħall-internet u kummerċ tal-mowbajl, u fl-identifikar ta' l-inkonsistenzi bejn id-direttivi differenti tal-konsumatur taħt analiżi. Fuq il-bażi tar-riżultat tal-konsultazzjoni mnedija mill-Istħarriġ u tar-riżultati ta’ l-analiżi, il-Kummissjoni se tikkunsidra l-bżonn għal aktar inizjattivi leġiżlattivi fil-qasam tal-bejgħ mill-bogħod f'konformità ma' l-għanijiet ta’ regolamentazzjoni aħjar imwettqa mill-Kummissjoni f'termini ta' semplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju[3].

Il-Kummissjoni spiss għamlet użu mit-traduzzjonijiet meta tikkonsidra t-traspożizzjonijiet nazzjonali tad-Direttiva. Uħud mill-problemi nazzjonali ta’ traspożizzjoni identifikati f’dan ir-Rapport jistgħu għalhekk joħorġu minn problemi ta' traduzzjoni.

2. ID-DISPOżIZZJONIJIET EWLENIN TAD-DIRETTIVA

Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li konsumaturi, li jixtru oġġetti jew servizzi permezz ta’ mezzi ta’ bejgħ mill-bogħod, għalhekk mingħajr ebda kuntatt wiċċ imbwiċċ mal-fornitur, mhumiex f’pużizzjoni agħar minn konsumaturi li jixtru b’kuntatt wiċċ imbwiċċ.

Id-Direttiva tkopri kemm l-oġġetti kif ukoll is-servizzi. Madankollu, l-Artikolu 3 jillimita l-applikazzjoni tad-Direttiva billi jeskludi ċerti tipi ta’ kuntratti minn xi wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jew minn kollha kemm huma. Dawn l-eżenzjonijiet huma ġġustifikati fuq il-bażi tan-natura ta’ l-oġġetti jew servizzi li hemm taħt. Servizzi finanzjarji, minħabba l-kumplessità u l-valur tagħhom, huma fost dawn l-eżenzjonijiet u ġew koperti fid-Direttiva 2002/65/KE[4] tat-Tqegħid fis-Suq b’Distanza ta’ Servizzi Finanzjarji li se tgħaddi minn analiżi fil-ġejjieni[5]. Għal din ir-raġuni, is-servizzi finanzjarji mhux se jkunu koperti f’dan ir-Rapport. Ir-reviżjoni tad-Direttiva 2002/65/KE madankollu se tikkunsidra s-sejbiet rilevanti tar-reviżjoni ta’ din id-Direttiva (pereżempju sejbiet dwar “mezz sod”). L-Artikolu 4 tad-Direttiva jniżżel informazzjoni li l-konsumatur irid ikun fornut biha qabel ma jidħol f'kuntratt ta' distanza. Din l-informazzjoni tikkorrispondi ma’ informazzjoni li tkun disponibbli lill-konsumatur jekk ikun qiegħed jixtri wiċċ imbwiċċ, pereżempju, karatteristiċi ewlenin ta’ l-oġġetti jew servizzi u l-prezz inkluż it-taxxi. Din id-Direttiva tippreskrivi wkoll il-mod u l-ħin kif din l-informazzjoni trid tingħata.

Biex jipproteġi l-konsumaturi wara l-konklużjoni tal-kuntratt, l-Artikolu 5 jipprevedi li konsumatur irid dejjem jingħata indirizz li fih jista’ jagħmel ilment. Din il-ħtieġa trid titwettaq bil-kitba jew b’mezz sod ieħor f'limitu ta’ żmien speċifiku. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 5(1) bosta mill-informazzjoni ta’ qabel, flimkien ma’ informazzjoni oħra li hija rilevanti wara li l-kuntratt ikun beda jaħdem pereżempju fis-servizzi ta' wara l-bejgħ u l-garanziji, irid ukoll jiġi kkonfermat b'dan il-mod f'bosta ċirkustanzi.

Peress li konsumatur li jixtri oġġetti jew servizzi minn distanza ma jistax janalizza bis-sħiħ jekk ix-xiri tiegħu jikkorrispondix għal dak li għandu bżonn meta jagħmel l-ordni, id-Direttiva fiha d-dritt ta’ l-irtirar ta’ ta’ l-anqas 7t ijiem ta’ xogħol. Bl-eżerċitazzjoni ta’ dan id-dritt, il-konsumatur ma għandux għalfejn jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu. M’għandux għax jeħel l-ebda penali, u jrid jingħata l-flus lura immedjatament. Jista’ jkollu jħallas biss ta’ l-ispejjeż biex jirritorna l-oġġetti lura. Taħt l-Artikolu 6(3), ċerti oġġetti u servizzi huma eżentati mid-dritt ta' rtirar minħabba n-natura tagħhom (pereżempju oġġetti li jitħassru).

Id-Direttiva tipproteġi wkoll lill-konsumaturi minn dewmien esaġerat fl-eżekuzzjoni. Għalhekk taħt l-Artikolu 7, il-kuntratt irid jiġi eżegwit fi żmien 30 jum mill-jum wara li l-ordni tintbagħat lill-fornitur. L-Istati Membri ngħataw id-diskrezzjoni li jdaħħlu dispożizzjonijiet dwar oġġetti jew servizzi ta’ sostituzzjoni fejn dawk oriġinarjament ordnati mhumiex disponibbli. Meta din id-diskrezzjoni ma tiġix eżerċitata jew il-fornitur ma jipprovdix sostituzzjoni, konsumatur huwa intitolat għal rimbors sħiħ fi żmien 30 jum.

L-Artikolu 10 jitlob il-kunsens minn qabel tal-konsumatur meta fornitur jagħmel użu ta’ magna tal-fax jew magna ta’ ċempil awtomatiku. Mezzi oħra ta’ komunikazzjoni ta’ distanza jistgħu jintużaw biss fejn ma hemmx oġġezzjoni mill-konsumatur.

Dan ir-Rapport ma jkoprix id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 9 dwar bejgħ mhux mixtieq peress li dawn se jkunu ssostitwiti u armonizzati bis-sħiħ mill-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Prassi Kummerċjali Inġusti (UCP)[6]. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 dwar ħlas bil-kard ukoll mhux se jiġu diskussi fil-kuntest ta’ dan ir-Rapport fid-dawl tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Proposta tal-Kummissjoni dwar Servizzi ta’ Pagament[7] li jipproponu t-tħassir ta’ l-Artikolu 8. Id-dispożizzjonijiet dwar rimedju (l-Artikolu 11) se jkunu kkunsidrati fil-kuntest wiesa’ tar-reviżjoni u tax-xogħol tal-Kummissjoni dwar ir-rimedju.

3. ID-DEFINIZZJONIJIET - ARTIKOLU 2

L-Artikolu 2 jiddefinixxi t-termini ewlenin użati fid-Direttiva. Id-definizzjoni ta’ “ konsumatur ” u “ fornitur ” mhumiex speċifiċi għar-regolament ta’ bejgħ mill-bogħod u se jitqiesu fil-kuntest wiesa’ tar-reviżjoni ta’ l-acquis.

Id-definizzjoni ta’ “ kuntratt ta’ distanza ” fl-Artikolu 2(1) ma tax bidu għal problemi speċifiċi. L-Istati Membri ġeneralment segwew il-kliem tad-Direttiva pjuttost b’mod leali. Minkejja li l-Kummissjoni ma rċevitx ilmenti speċifiċi dwar il-kunċett ta' " bejgħ mill-bogħod organizzat jew skema ta' forniment ta' servizz ", tħoss li l-konsumaturi jistgħu ma jkunux konxji li d-Direttiva ma tapplikax fejn fornitur jinnegozja mill-bogħod fuq bażi ad-hoc. Bosta Stati Membri inklużi Franza, il-Latvja u l-Islovakkja ma ttransponewx dan il-kunċett, forsi biex jegħlbu din il-problema.

Il-Kummissjoni temmen li d-definizzjoni attwali ta’ “ mezz ta’ komunikazzjoni ta’ distanza ” hija flessibbli biżżejjed biex tkopri l-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni ta’ distanza bħal m-kummerċ (i.e. kummerċ li jseħħ permezz tas-servizz ta’ messaġġi qosra). It-traspożizzjoni madankollu teħtieġ li tiġi ċċarata ma’ ċerti Stati Membri. Ir-Repubblika Ċeka, pereżempju, tidher li eskludiet “ il-korrispondenza ”.

Ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, il-Greċja, il-Latvja, il-Polonja, l-Iżvezja, l-Awstrija, is-Slovakkja u s-Slovenja ma pprovdewx lill-Kummissjoni b’traspożizzjoni tad-definizzjoni ta’ “ operatur ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni ta' distanza " filwaqt li t-traspożizzjonijiet ta' Spanja, tal-Litwanja, ta' Malta u ta' l-Olanda jeħtieġ li jiġu ċċarati.

Kwistjonijiet oħrajn li għandhom x’jaqsmu mad-definizzjonijiet se jidhru f’partijiet oħrajn ta’ dan ir-Rapport, kif u meta jinqalgħu.

4. AMBITU TA’ L-APPLIKAZZJONI – EżENZJONIJIET TA’ L-ARTIKOLU 3

L-Artikolu 3 jillimita l-ambitu tad-Direttiva billi jeskludi ċerti tipi ta’ kuntratti ta’ distanza minn xi wħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jew minn kollha kemm huma. Il-Kummissjoni jeħtieġ li tistabbilixxi jekk l-eżenzjonijiet għadhomx xierqa, jekk hemmx bżonn li jiġu riveduti, imkabbra jew revokati. Dan ir-Rapport se jqis numru ta’ problemi li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni.

L-Istati Membri ttrasponew dawn l-eżenzjonijiet f’modi differenti. Pereżempju, l-Olanda tidher li eskludiet biss il-kostruzzjoni ta’ proprjetà immobbli iżda mhux il-bejgħ tagħha.

Il-Kummissjoni ltaqgħet ma' numru ta’ kwistjonijiet li għandhom bżonn kjarifika. Pereżempju, il-Belġju ma pprovdiex lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni ta’ l-eżenzjonijiet li għamel fl-Artikolu 3, ħlief għas-servizzi finanzjarji. Il-Kummissjoni taf li ta’ l-anqas xi wħud minnhom ġew trasposti.

Barra mill-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 3, Spanja u l-Lussemburgu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar bejgħ mill-bogħod jipprevedu eżenzjonijiet ġenerali mill-kuntratti konklużi permezz ta’ mezzi elettroniċi minkejja li d-Direttiva ta’ l-E-kummerċ[8] tispeċifika li hi mingħajr preġudizzju għad-Direttiva.

Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva tat- Timeshare [9] u d-Direttiva u t-tifsira tad-“ drittijiet tal-proprejtà immobbli ” tista’ tiġi ċċarata. Xi Stati Membri inklużi l-Ungerija, id-Danimarka, is-Slovenja u r-Renju Unit b’mod ċar eskludew it- timeshare bis-sħiħ jew parzjalment mill-ambitu tat-traspożizzjoni tagħhom skond l-eżenzjonijiet filwaqt li oħrajn m'għamlux dan.

Iż-żieda fil-popolarità ta’ rkanti online mill-adozzjoni tad-Direttiva wasslet għal żieda sinjifikanti fl-ilmenti tal-konsumaturi. Filwaqt li oriġinarjament websajts bħal eBay kienu mmirati lejn tranżazzjonijiet C2C ta’ oġġetti użati, aktar ma jmur aktar qegħdin jintużaw għal tranżazzjonijiet B2C ta' oġġetti ġodda. Il-Kummissjoni hija konxja mill-ġurisprudenza nazzjonali dwar jekk websajts bħal eBay jitqisux bħala djar ta’ l-irkantijiet u għalhekk jiġux eżentati mid-Direttiva. Il-kontrolli tat-traspożizzjoni kkonfermaw il-ħtieġa li jkun hemm ħarsa lejn it-tifsira ta’ “rkant” fil-liġijiet nazzjonali. Fi Franza, pereżempju, l-eżenzjoni ġiet limitata għal irkantijiet “ pubbliċi ”; fid-Danimarka l-eżenzjoni tapplika għall-irkantijiet “ organizzati b’tali mod li proporzjon kbir ta’ l-appaltaturi normalment ikun preżenti fl-irkant ”. Xi Stati Membri jidhru wkoll li ttrasponew l-eżenzjoni b’mod parzjali biss (pereżempju fl-Estonja, l-eżenzjoni ta’ l-irkantijiet hija limitata għan-non-applikazzjoni tad-dritt ta’ l-irtirar).

Xi Stati Membri jidhru li estendew l-eżenzjonijiet parzjali fl-Artikolu 3(2) għad-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva (pereżempju s-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka, u l-Greċja). Il-liġijiet ta’ l-oħrajn mhumiex ċari f’dan ir-rigward (pereżempju l-Latvja; il-Finlandja, il-Litwanja; l-Olanda; is-Slovenja; id-Danimarka, il-Greċja, il-Polonja, l-Ungerija). Pereżempju, l-eżenzjoni tar- “regular roundsmen” fl-Artikolu 3(2) l-ewwel inċiż, seta' jikkawża problemi ta' interpretazzjoni. It-traduzzjoni tal-Kummissjoni tal-liġi Finlandiża tal-bejgħ mill-bogħod tirreferi għal “sistema regolari ta’ distribuzzjoni” li tista’ tkun usa’. It-traspożizzjoni Ungeriża tapplika għal merkanzija kkunsinjata kuljum lil konsumatur. Żviluppi ġodda tas-suq bħaż-żieda fix-xiri tal-merċa minn fuq l-internet tissuġġerixxi li din l-eżenzjoni għandha bżonn tiġi eżaminata mill-ġdid. L-użu ta’ klawżola minima saret ukoll fil-kuntest ta’ dawn l-eżenzjonijiet. Pereżempju, it-traspożizzjoni Pollakka ma tirreferix għax-xorb jew merkanzija għall-konsum ta' kuljum.

L-eżenzjoni ta’ l-Artikolu 3(2) it-tieni inċiż seta’ wkoll jikkawża problemi ta’ interpretazzjoni f’numru ta’ Stati Membri. Pereżempju, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja estendew l-eżenzjoni għal kuntratti fejn id-data ta’ l-eżekuzzjoni hija ddeterminata wara l-konklużjoni tal-kuntratt. Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-każ ta' l-Easycar[10], li fiha l-Qorti ddeċidiet li l-kiri tal-karozzi jammonta għal “ trasport ” fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva, tindika li d-Direttiva ma tkoprix xi kuntratti ta' distanza li l-Kummissjoni u ta' l-anqas ċerti Stati Membri kellhom l-intenzjoni li tkopri[11]. Il-kunċett ta’ “ servizzi ta’ rikreazzjoni ” ukoll jista’ ma jkunx ċar. Dan jista’ jispjega l-fatt għaliex id-dritt tal-fornituri li ma japplikawx l-Artikolu 7(2) għas-servizzi ta’ rikreazzjoni ta’ barra f’ċirkustanzi speċifiċi ġiet trasposta biss minn Ċipru, l-Irlanda, il-Portugall u r-Renju Unit. F’dawk l-Istati Membri fejn din l-eżenzjoni ġiet applikata, l-impreċiżjoni ta’ “ċirkustanzi speċifiċi” tista’ toħloq inċertezza legali kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozju.

5. ĦTIġIJIET TA’ TAGħRIF MINN QABEL – L-ARTIKOLU 4

Il-ħtiġijiet ta’ tagħrif minn qabel stipulati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva jqajmu xi punti importanti ta’ interpretazzjoni.

Minkejja li numru sinjifikanti ta’ Stati Membri ttrasponew l-Artikolu 4(1) litteralment, ħafna minnhom użaw ukoll il-klawżola minima biex itejbu l-protezzjoni nazzjonali tal-konsumatur. Mill-kontrolli tat-traspożizzjoni ħareġ li f’xi Stati Membri xi ħtiġijiet ġew trasposti b’mod fqir . Dan ir-Rapport jiffoka fuq dawk il-ħtiġijiet li setgħu ġew trasposti ħażin minħabba problemi possibbli ta’ interpretazzjoni fid-Direttiva.

Il-ħin u l-modalitajiet biex tingħata informazzjoni minn qabel jista’ jkun li jkollhom bżonn jiġu kkunsidrati mill-ġdid biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkunu infurmati b'mod adegwat meta jkunu qegħdin jiddeċiedu jekk hux se jidħlu fi tranżazzjoni. Il-kunċett ta’ “fi żmien tajjeb qabel il-konklużjoni ta’ kull kuntratt " fl-Artikolu 4(1) u “ b’mod ċar u li jinftiehem b’kull mod xieraq għal mezzi ta’ komunikazzjoni ta’ distanza użata ” fl-Artikolu 4(2) wassal għal interpretazzjonijiet diverġenti. Pereżempju, jidher li fil-Polonja trid tiġi pprovduta informazzjoni minn qabel, qabel ma jintuża mezz ta’ komunikazzjoni ta’ distanza .

Informazzjoni ta’ qabel dwar il-prezz ta’ l-Artikolu 4(1)(c) huwa eżempju tajjeb ta' kif informazzjoni ta' qabel tista' tiddetermina jekk konsumatur ikunx se jidħol fi tranżazzjoni. Xi Stati Membri, inklużi l-Belġju u l-Iżvezja ma rreferewx b’mod espliċitu għat-taxxi fit-traspożizzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni se tiċċara magħhom jekk hux prinċipju ta' liġi nazzjonali li t-taxxi jkunu dejjem inklużi fir-referenzi għall-prezz. Se jitqies ukoll jekk id-Direttiva għandhiex espliċitament tirreferi għal forom oħra ta' ħlasijiet li jrid jagħmel il-konsumatur pereżempju miżati ta' reġistrazzjoni/tqandil li jikkunsidraw l-Artikolu 7(4)(c) tal-UCP.

Il-Kummissjoni hija konxja wkoll tal-problemi dwar trasparenza tal-prezz u l-operazzjoni tas- servizzi ta’ rata premium . Il-Kummissjoni se teżamina jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva rilevanti għas- servizzi ta’ rata premium għandhomx bżonn jiġu msaħħa pereżempju l-Artikolu 4(1)(g) tagħrif ta’ qabel dwar l-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni ta’ distanza meta hija kkalkulata b'rata li mhix ir-rata bażika.

Maġġoranza ta’ l-Istati Membri għamlu użu mill-klawżola minima biex jagħmluha obbligatorja li jindikaw indirizz għall-ilmenti (pereżempju l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Lussemburgu, Malta, is-Slovakkja, is-Slovenja) u bosta għażlu li jindikaw jekk id-dritt ta' l-irtirar japplikax jew le (pereżempju l-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, is-Slovenja, Spanja).

Il-klawżola minima ntużat ukoll f’diversi modi oħra. Pereżempju, fl-Italja, il-konsumatur jista' jitlob tagħrif minn qabel bit-Taljan fejn jintużaw mezzi ta' komunikazzjoni personali; L-Estonja u Spanja introduċew ħtiġijiet ta’ informazzjoni addizzjonali dwar merkanzija ta’ sostituzzjoni.

Numru sinjifikanti ta’ Stati Membri ma ttrasponewx il-ħtieġa ta' bona fide fl-Artikolu 4(2) u/jew ma jagħmlux referenza espliċita għal protezzjoni ta' ċerti tipi ta' konsumaturi, inklużi dawk minuri. Dawn id-dispożizzjonijiet se jitqiesu aktar matul ir-reviżjoni.

6. KONFERMA TA' L-INFORMAZZJONI BIL-MIKTUB – ARTIKOLU 5

L-Artikolu 5 jipprevedi l-konferma bil-miktub ta’ ċerta informazzjoni, inkluża bosta mill-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 5 irid jitqies flimkien ma’ l-Artikolu 4. Il-ħin tal-konferma bil-miktub irid jiġi diskuss ma’ numru ta’ Stati Membri (id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja).

Mistoqsijiet dwar it-tagħrif li jridu jiġu kkonfermati bil-miktub iridu jsiru wkoll ma' xi Stati Membri peress li xi wħud jistgħu jkunu ħallew barra l-preskrizzjoni tal-konferma ta' kollha, jew parti mit-tagħrif meħtieġ (pereżempju fir-Repubblika Ċeka l-informazzjoni biss dwar l-identità u l-post tal-fornitur trid tiġi kkonfermata bil-miktub).

Barra minn hekk, il-klawżola minima wasslet għal diverġenzi fil-ħtiġijiet nazzjonali bħal ħtiġijiet ta’ lingwa (Ċipru, il-Greċja u Spanja) jew informazzjoni addizzjonali li trid tiġi pprovduta bil-miktub. Konferma ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar b’mod partikolari ġġenerat regoli addizzjonali nazzjonali. Ċipru ppreskriva kampjun ta’ l-avviż ta’ l-irtirar li jrid ikun ikkomunikat lill-konsumatur flimkien mal-konferma bil-miktub. Fi Spanja, fornitur irid jipprovdi dokument ta’ rtirar/kanċellazzjoni li jkollu fih tagħrif preskritt flimkien mal-konferma bil-miktub. Il-Belġju mexa aktar billi ppreskriva klawżoli standard f’format fiss u l-konsegwenzi ta’ jekk dan ma jseħħx.

Xi Stati Membri u partijiet interessati qajmu l-bżonn li jikkjarifikaw il-kunċett ta’ “mezz sod” fl-Artikolu 5(1) fid-dawl tad-Direttiva 2002/65/KE u tekonoloġiji ġodda. L-Italja evitat problemi ta’ interpretazzjoni billi daħħlet regoli aktar iebsa i.e. il-konferma tista’ tingħata biss f’mezz sod ieħor jekk il-konsumatur jagħżel hekk. Il-Litwanja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u l-Polonja għażlu li ma jirreferux għal “mezz sod” .

7. ID-DRITT TA' RTIRAR – ARTIKOLU 6

Id-dritt ta’ l-irtirar li ddaħħal f’erba’ direttivi tal-konsumatur inklużi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva, ta’ spiss jintuża bħala eżempju prim ta’ inkonsistenzi fl-acquis (pereżempju ż-żmien ta’ “tregwa” jvarja minn direttiva għal oħra)[12] u ta’ diverġenzi nazzjonali li jirriżultaw mill-użu tal-klawżola minima. Fil-qasam tal-bejgħ mill-bogħod, id-Direttiva tistabbilixxi perjodu minimu ta’ sebat ijiem ta’ xogħol għal konsumatur biex jirtira mill-kuntratt. L-Istati Membri ttransponew din il-ħtieġa f'diversi modi, l-aktar komuni hija dik ta’ sebat ijiem ta’ xogħol jew 14-il jum kalendarju (ara l-Anness IV).

It-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(1), li jippreskrivi kemm idum u minn meta jibda ż-żmien ta’ tregwa, ma qajjimx ħafna problemi. Iż-żmien ta’ tregwa Franċiż huwa kkalkulat f’ “ jours francs ”, li t-tifsira eżatta tiegħu trid tkun ikkjarifikata ma’ l-awtoritajiet Franċiżi. Il-punt li minnu jibda l-perjodu jqajjem aktar kwistjonijiet fundamentali. Pereżempju, “l-wasla” tal-merkanzija tista’ tkun suġġetta għal interpretazzjonijiet differenti fl-Istati Membri. Il-kwistjoni ta’ meta sseħħ il-wasla tqajmet ta' spiss (pereżempju jekk pakkett jasal meta l-konsumatur ikun asssenti, l-kunsinja sseħħ meta l-pustier iħalli n-nota li tinnotifika li sar attentat għall-kunsinja jew meta l-konsumatur jiġbor il-pakkett mill-uffiċċju tal-posta?) u se titqies fir-reviżjoni usa' tax-xogħol. Il-Kummissjoni wkoll tistaqsi jekk hemmx bżonn li tiġi riveduta s-sistema tal-kunsinja f’lottijiet matul ir-reviżjoni. Fil-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja u l-Iżvezja, il-liġijiet nazzjonali jispeċifikaw li l-perjodu jitqies mill-ewwel kunsinja tal-merkanzija. Il-Premessa 10 tidher li taċċetta din l-interpretazzjoni. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, fejn ordni tkopri prodotti differenti, il-konsumatur għandu jkun intitolat għal żmien ta’ tregwa wara l-kunsinja ta’ kull prodott ordnat. Dan m’għandux ikun il-każ meta ordni ta’ prodott waħdu jiġi kkunsinjat f’lottijiet. Pereżempju, ordni minn fuq l-internet ta’ diversi kotba (pereżempju ta' rumanz jew bijografija) li ma tistax tiġi kkunsinjata f'darba waħda minħabba nuqqas ta' disponibilità ta' wieħed mill-oġġetti m'għandhiex għax tiġi ttrattata bl-istess mod ta' kuntratt ta' kunsinja ta' sett ta' enċiklopediji li se jiġu kkunsinjati fuq perjodu ta' żmien.

Il-konsegwenzi finanzjarji ta’ rtirar minn kuntratt u/jew il-waqt ta' ħlas lura (l-Artikolu 6(1)-(2)) iridu jiġu diskussi wkoll ma' numru ta' Stati Membri (pereżempju r-Repubblika Ċeka jidher li ma ttrasponitx l-Artikolu 6(2); Il-Ġermanja u l-Litwanja ma rreferewx għal-limitu taż-żmien għal ħlas lura). It-traspożizzjoni ta’ l-Ungerija mhix ċara, bħal ma hi dik tal-penali ta' l-Awstrija u l-Iżvezja. Fil-Finlandja, il-ħlas lura jrid jiġi eżegwit fi żmien 30 jum mir-ritorn. Peress li d-Direttiva ma tgħid xejn dwar meta jibda l-perjodu ta' 30 jum minn pereżempju l-avviż ta' rtirar, il-kunsinja tal-merkanzija mill-fornitur, mhix ċara jekk din l-interpretazzjoni hix aċċettabbli.

L-Artikolu 6(3) jelenka l-eżenzjonijiet tad-dritt ta’ l-irtirar. Kollox ma’ kollox, dawn l-eżenzjonijiet jidhru li ġew trasposti b’mod adegwat, minkejja l-bżonn għal xi kjarifiki (pereżempju l-eżenzjoni fl-Artikolu 6(3) ir-raba’ inċiż jista’ jkun usa’ milli talloka d-direttiva fi Spanja, il-Lussemburgu, l-Italja u l-Polonja). Dawn l-eżenzjonijiet se jiġu eżaminati mill-qrib fil-kuntest tar-reviżjoni biex jiġi stabbilit jekk humiex aġġornati.

Il-klawżola minima reġgħet ġiet użata waqt it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6. Xi wħud mill-eżenzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) ma ġewx trasposti indaqs madwar l-Ewropa (pereżempju fil-Belġju, l-eżenzjonijiet ma japplikawx fejn fornitur ma semmiex waqt li kien qiegħed jipprovdi tagħrif minn qabel li d-dritt ta' l-irtirar ma jeżistix; fid-Danimarka l-eżenzjoni għall-gazzetti tapplika biss f’ċerti ċirkustanzi). Diverġenzi naturali huma partikolarment ċari meta tingħata ħarsa lejn il-modalitajiet biex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ l-irtirar: fil-Portugall il-merkanzija trid tiġi rritornata fi żmien 30 jum; il-forma ta’ l-avviż ta’ l-irtirar huwa preskritt f’xi Stati Membri; numru ta’ Stati Membri, inklużi r-Renju Unit, il-Finlandja u l-Portugall għamlu dispożizzjonijiet dwar d-dmir tal-kura waqt li l-merkanzija tkun fil-pussess tal-konsumatur. L-Istati Membri għamlu wkoll użu differenti mill-għażla regolatorja dwar il-prezz biex tirritorna l-merkanzija, inklużi pagamenti mill-konsumatur fil-każijiet kollha (pereżempju Ċipru), pagament mill-konsumatur f’ċerti ċirkostanzi (pereżempju r-Renju Unit, l-Irlanda, il-Belġju), pagament mill-konsumatur skond ir-rieda tal-fornitur (l-Estonja, Malta) u pagament mill-fornitur fejn dan jista’ jsir bil-posta normali (il-Finlandja). Fl-Estonja, hemm limitu ta' 10 ewro fuq l-ispejjeż li l-konsumatur għandu jagħmel meta jirritorna l-merkanzija.

Mhux l-Istati Membri kollha nnotifikaw it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 6(4) li jkopri l-kanċellazzjoni tal-ftehim ta’ kreditu ma’ l-eżerċizzju tad-dritt ta’ l-irtirar (pereżempju s-Slovenja) u t-traspożizzjoni trid tiġi ċċarata ma’ oħrajn (pereżempju r-Repubblika Ċeka, Ċipru u l-Polonja).

Fl-aħħar, ta’ min jinnota li l-miżura ta’ traspożizzjoni Belġjana tippermetti li jidħlu regoli speċifiċi għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Minkejja li l-Kummissjoni m’għandhiex evidenza li din is-setgħa ntużat, kwalunkwa regoli bħal dawn jistgħu jkunu qegħdin imorru kontra d-Direttiva.

8. L-EżEKUZZJONI - ARTIKOLU 7

Kollox ma’ kollox it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 7 li jittratta l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tagħti lok għal problemi assoċjati mal-ħin. Ta’ min jinnota li la r-Repubblika Ċeka u lanqas il-Ġermanja ma nnotifikaw it-traspożizzjoni tagħhom ta' l-Artikolu 7(1).

Il-kumment prinċipali dwar l-Artikolu 7 għandu x’jaqsam ma' l-użu inkonsistenti ta’ terminoloġija fid-Direttiva u b’mod partikolari fl-Artikolu 7. Fil-fatt, l-Artikolu 7 jirreferi għal “ jiem ” filwaqt li l-Artikolu 6 jirreferi għal “ jiem ta’ xogħol ”. Barra minn hekk, il-punt li minnu jibdew il-perjodi ta’ kalkulazzjoni huwa speċifikat fl-Artikolu 7(1) (“ mill-għada ” ta’ l-ordni) u mhux speċifikat fl-Artikolu 7(2). Fl-abbozz attwali, l-Artikolu 7(2) ġie interpretat f'numru ta' modi. Xi Stati Membri interpretaw it-talba tal-limitu taż-żmien bħala li tapplika biss għal ħlas lura, oħrajn kemm għal ħlas lura kif ukoll għan-notifika tan-nuqqas ta' disponibilità. Dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu indirizzati lill-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, l-Olanda, l-Awstrija u r-Renju Unit. Mill-banda l-oħra xi Stati Membri bħall-Finlandja, Ċipru, is-Slovenja u s-Slovakkja ssikkaw it-talbiet kollha jew xi wħud li jikkonċernaw il-limitu taż-żmien. Oħrajn bħal Franza u d-Danimarka, imponew penali finanzjarji taħt forma ta’ imgħaxx.

It-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 7(3) huwa wkoll batut f’xi Stati Membri. Pereżempju, fl-Italja ma hemmx referenza għal “ mod ċar u li jinftiehem " li fih il-konsumatur irid jiġi infurmat dwar il-possibilità li l-fornitur jipprovdi merkanzija jew servizzi oħrajn. L-Estonja evitat din it-tip ta’ problema billi inkorporat din it-talba ta’ tagħrif fid-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikoli 4 u 5. Il-Belġju, il-Lussemburgu, id-Danimarka, il-Ġermanja u l-Awstrija jidher li eżerċitaw id-diskrezzjoni tagħhom billi ma ttrasponewx il-merkanzija ta' sostituzzjoni fl-Artikolu 7(3).

9. RESTRIZZJONIJIET FUQ L-UżU TA' ċERTI MEZZI TA' KOMUNIKAZZJONI MILL-BOGħOD – ARTIKOLU 10

Bosta Stati Membri ma nnotifikawx id-dispożizzjonijiet nazzjonali kollha jew parti minnhom li jittrasponu dan l-Artikolu. Dan jista’ jkun iġġustifikat bil-fatt li l-leġiżlazzjoni Komunitarja sussegwenti tkopri wkoll dawn ir-restrizzjonijiet. Fil-fatt, id-Direttiva dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi u ta' privatezza 2002/58/KE[13] titlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-użu tas-sistemi ta' ċempil awtomatiku mingħajr intervenzjoni umana, magni tal-fax jew posta elettronika, tista’ titħalla biss għall-għan ta’ marketing dirett fir-rigward ta’ abbonati li taw il-kunsens minn qabel (sistema “opt-in”(tagħżel tidħolx?)). fejn jidħlu forom oħra ta’ komunikazzjoni bid-distanza, l-Istat Membru jrid jiddeċiedi jekk jadottax jew le s-sistema opt-in jew opt-out .

10. KONKLUżJONIJIET

It-traspożizzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri tqajjem numru ta’ problemi kkonfermati jew apparenti. Bosta minn dawn ġejjin mill-kliem imniżżel fid-Direttiva. Minkejja li d-Direttiva tidher li hija flessibbli biżżejjed biex tkopri teknoloġiji u forom ġodda ta' marketing, l-applikazzjoni prattika tad-Direttiva taf ma tibqax tajba maż-żmien. L-eżekuzzjoni xierqa tad-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fid-Direttiva mhix dejjem prattika. Barra minn hekk, il-kontrolli ta' traspożizzjoni żvelaw diverġenzi sinjifikanti bejn liġijiet nazzjonali u r-riżultat ta' l-użu tal-klawżola minima. Mhux ċar f’dan l-istadju kemm dawn id-diverġenzi jaffettwaw il-ħidma propja tas-Suq Intern u tal-kunfidenza tal-konsumatur. Il-Kummissjoni trid tistabbilixxi dan sabiex tiddeċiedi jekk id-Direttiva għandhiex bżonn tiġi riveduta.

Dawn il-kwistjonijiet se jitqiesu aktar matul ir-reviżjoni ta’ l-acquis. Billi tagħmel dan il-Kummissjoni trid tqis mhux biss il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, iżda wkoll f’oqsma oħrajn ta’ leġiżlazzjoni komunitarja inklużi leġiżlazzjoni dwar l-e-kummerċ u l-privatezza.

ANNESS I

TABELLA TA’ MIżURI NAZZJONALI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TA’ L-ISTATI MEMBRI

Stat Membru | Miżuri ta’ implimentazzjoni li taf bihom il-Kummissjoni mill-1 ta’ April 2006 | Id-Data meta l-liġi daħlet fis-seħħ |

Österreich | Bundesgesetz, mit dem Bestimmungen über den Vertragsabschluß in Fernabsatz in das Konsumentenschutzgesetz eingefügt und das Bundesgesetz gegen den unlauteren Wettbewerb 1984 sowie das Produkthaftungsgesetz geändert werden (Fernabsatz-Gesetz) BGBI. Nr. 185/1999 | l-1 ta’ Ġunju 2000 |

Belgique | Loi du 14 juillet 1991 sur les pratiques du commerce et sur l’information et la protection du consommateur, modifiée par la loi du 25 mai 1999 transposant la directive européenne concernant la protection des consommateurs en matière de contrats à distance. | l-1 ta’ Novembru 1999? |

Κypros | Ο περί της Σύναψης Καταναλωτικών Συμβάσεων εξ Αποστάσεως Νόμος του 2000 (Ν.14(Ι)/2000) | it-28 ta’ Marzu 2000 |

Česká republika | Zákon č. 367/2000 Sb., kterým se mění zákon č. 40/1964 Sb., občanský zákoník, ve znění pozdějších předpisů, a některé další zákony | l-1 ta’ Jannar 2001 |

Danmark | Bekendtgørelse af lov om visse forbrugeraftaler (Dørsalg mv., fjernsalg og løbende tjenesteydelser) (Forbrugeraftaleloven), som ændret ved lov nr 262 af 6. maj 1993, lov nr. 1098 af 21.december og lov nr. 442 af 31. maj 2000. | l-1 ta’ Ġunju 2000 u l-1 ta’ Lulju 2000 |

Eesti | Võlaõigusseadus RT I 2004, 37, 255 | l-1 ta’ Mejju 2004 |

Suomi | Laki kuluttajansuojalain muuttamisesta, 15.12.2000 (Suomen säädöskokoelma 2000 N° 1072) Laki sopimattomasta menettelystä elinkeinotoiminnassa annetun lain 2 §:n muuttamisesta, 15.12.2000 (Suomen säädöskokoelma 2000 N° 1073). | l-1 ta’ Marzu 2001 |

France | Articles 5 à 15 de l’ordonnance n° 2001-741 du 23 août 2001 et Article 36 de la Loi n°2001-1062 du 15 novembre 2001 relative à la sécurité quotidienne | il-25 ta’ Awwissu 2001 |

Deutschland | Gesetz über Fernabsatzverträge und andere Fragen des Verbraucherrechts sowie zur Umstellung von Vorschriften auf Euro vom 27. Juni 2000 | it-30 ta’ Ġunju 2000 |

Ellás | Κοινή Υπουργική Απόφαση Ζ1-496/2000 περί πωλήσεων από απόσταση και συγκριτικής διαφήμισης, τροποποιητική του Ν.2251/94 για την Προστασία των Καταναλωτών | it-18 ta’ Diċembru 2000 |

Magyarország | 1997. évi CLV. törvény a fogyasztóvédelemről 17/1999. (II. 5.) Korm. rendelet a távollévők között kötött szerződésekről | L-ebda Informazzjoni |

Ireland | European Communities (Protection of Consumers in Respect of Contracts made by Means of Distance Communication) Regulations 2001 (S.I. 207 of 2001) | il-15 ta’ Mejju 2001 |

Italia | Decreto Legislativo 6 settembre 2005, n.206, “Codice del consumo, a norma dell’ articolo 7 della legge 29 luglio 2003, n.229”. | it-23 ta’ Ottubru 2005 (oriġinarjament traspost f’digriet li daħal fis-seħħ f’Ottubru 1999) |

Latvija | Patērētāju tiesību aizsardzības likums, Grozījumi: 22.11.2001. likums Miniostru kabineta 2002.gada.28 maija noteikumi Nr 207 “Noteikumi par distances lîgumi” | L-ebda Informazzjoni |

Lietuva | Lietuvos Respublikos vartotojų teisių gynimo įstatymo pakeitimo įstatymas Nr. VIII – 1946 (nauja redakcija) Lietuvos Respublikos ūkio ministro 2001 m. rugpjūčio 17 d. įsakymas Nr.258 „Dėl daiktų pardavimo ir paslaugų teikimo, kai sutartys sudaromos naudojant ryšio priemones, taisyklių patvirtinimo | L-ebda Informazzjoni |

Luxembourg | Loi du 16 avril 2003 concernant la protection des consommateurs en matière de contrats à distance et abrogeant l’article 7 de la loi modifiée du 25 août 1983 relative à la protection juridique du consommateur | il-11 ta’ Mejju 2003. |

Malta | Regolamenti dwar il-Bejgħ mill-Bogħod (AL186/01) Att ta’ l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kapitolu 378) | l-1 ta’ Jannar 2002 |

Nederland | Wet van 21.12.2000 tot aanpassing van Boek 7 van het Burgerlijk Wetboek aan richtlijn nr. 97/7/EG van het Europees Parlement en de Raad van de Europese Unie van 20 mei 1997 betreffende de bescherming van de consument bij op afstand gesloten overeenkomsten (PbEG L 144) (21.12.2000) | l-1 ta’ Frar 2001 |

Polska | Ustawa z dnia 2 marca 2000r. o ochronie niektórych praw konsumentów oraz o odpowiedzialności za szkodę wyrzadzoną przez produkt niebezpieczny | it-30 ta’ Ġunju 2000 |

Portugal | Decreto-Lei nº 143/2001 de 26 de Abril 2000 | il-25 ta’ Mejju 2001 |

Slovenska republika | Zákon č. 108/2000 Z. z. o ochrane spotrebiteľa pri podomovom predaji a zásielkovom predaji | l-1 ta’ April 2000 |

Slovenija | Zakon o varstvu potrošnikov - uradno prečiščeno besedilo (N 700-01/190-6/24 (ZVPot-UPB1)) | 2003 |

España | Ley 47/2002, de 19 de diciembre, de reforma de la Ley 7/1996, de 15 de enero, de Ordenación del Comercio Minorista, para la transposición al ordenamiento jurídico español de la Directiva 97/7/CE, en materia de contratos a distancia, y para la adaptación de la Ley a diversas Directivas comunitarias | l-1 ta’ Jannar 2003 |

Sverige | Lag (2000:274) om konsumentskydd vid distansavtal och hemforsaljningsavtal | l-1 ta’ Ġunju 2000 |

United Kingdom | The Consumer Protection (Distance Selling) Regulations 2000 (SI 2000 No.2334) as amended by the Consumer Protection (Distance Selling) (Amendment) Regulations 2005 (SI 2005 No. 689) | il-31 ta’ Ottubru 2000 |

ANNESS II

MISTOQSIJIET GħALL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA

Il-Kummissjoni tixtieq tiġbor l-opinjoni ta’ l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva u kemm din hija adegwata għal kundizzjonijiet u/jew prodotti għas-suq il-ġdid. Dwar dan, inġabret lista ta’ mistoqsijiet għal konsultazzjoni pubblika. Dawn għandhom jiġu eżaminati ma’ ġemb ir-Rapport li miegħu jiġi mehmuż l-istħarriġ sabiex ikun hemm stampa ċara tal-kwistjonijiet li l-Kummissjoni identifikat sa issa fil-qasam tal-bejgħ mill-bogħod. Sottomissjonijiet dwar problemi li ma tqajmux fir-Rapport jew f’dan l-Istħarriġ huma wkoll milqugħa.

Wara li jkun spiċċa l-perjodu ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tippubblika taqsira tar-risposti fuq il-websajt tagħha. Reazzjonijiet u kummenti tal-partijiet interessati se jsiru pubbliċi fuq is-sit ta’ l-Internet tal-Kummissjoni Ewropea, sakemm min jibgħathom ma jirrikjedix espliċitament mod ieħor. Dawn ir-reazzjonijiet se jiddaħħlu fil-bażi ta’ evidenza li bħalissa qiegħda tinġabar sabiex jitwettaq ix-xogħol aktar wiesa’ dwar ir-reviżjoni tal-qafas regolatorju tal-konsumatur.

Il-Kummissjoni se taċċessa wkoll il-bżonn biex torganizza seduta pubblika biex tkompli d-dibattitu dwar kwistjonijiet imqajma fir-Rapport u f’dan l-Istħarriġ. Billi tagħmel dan il-Kummissjoni se tqis ukoll ir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika li se jiġi mniedi mill-Green Paper dwar reviżjoni usa’ tal-qafas regolatorju tal-konsumatur. Din il-Green Paper se tanalizza l-istadju li wasal fih ix-xogħol fuq ir-reviżjoni ta’ l-acquis. Fuq il-bażi ta' l-evidenza miġbura sa issa, se tistabbilixxi wkoll għażliet possibbli għal riforma ta' qafas regolatorju tal-konsumatur u titlob l-opinjoni ta' l-Istati Membri u l-partijiet interessati dwar l-aħjar mod kif timxi 'l quddiem. L-adozzjoni ta’ din il-Green Paper hija ppjanata għall-ħarifa ta’ l-2006.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jirrispondu għal dan l-Istħarriġ għandhom jissottomettu r-risposti lill-Kummissjoni Ewropea sa 21.11.2006. Jekk jogħġbok irrispondi bl-aktar mod sħiħ possibbli u ibgħat il-kummenti tiegħek (immarkati “L-ewwel konsultazzjoni dwar id-Direttiva ta’ Bejgħ mill-Bogħod”) jew lil:

Il-Kummissjoni Ewropea

Id-Diretttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rue de la Loi 200

B-1049 Brussell

Il-Belġju

jew permezz tal-posta elettronika lil SANCO-B2@ec.europa.eu.

Artikolu 2 - Definizzjonijiet

1. Id-definizzjonijiet attwali ta’ “konsumatur” u “fornitur” huma adegwati għall-għanijiet tal-qasam regolat mid-Direttiva 97/7/KE? (din il-kwistjoni se titqies fix-xogħol rivedut ta' l-acquis tal-konsumatur) 2. Id-definizzjoni attwali ta’ “kuntratt ta’ distanza” hija ċara biżżejjed? B’mod partikolari, it-terminu “bejgħ organizzat mill-bogħod jew skema ta’ dispożizzjoni ta’ servizz” huwa ċar jew il-ħarsien tal-konsumatur għandu jiġi estiż għall-kuntratti ta’ distanza kollha irrelevanti minn jekk il-fornitur normalment jagħmilx kummerċ mill-bogħod? 3. Id-definizzjoni attwali ta’ “mezz ta’ komunikazzjoni ta’ distanza” hija ċara biżżejjed? 4. Hemm valur miżjud li “operatur ta’ mezz ta’ komunikazzjoni ta’ distanza” tiġi ddefinita? 5. Id-definizzjonijiet huma b’xi mod mhux ċari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwalunkwa kunċett ieħor, jew hemm kunċetti relatati mal-bejgħ mill-bogħod li għandhom bżonn ta’ definizzjoni? |

Artikolu 3 - Eżenzjonijiet

6. L-eżenzjonijiet attwali għandhom bżonn jiġu riveduti, imwessa’ jew revokati fid-dawl ta’ l-iżviluppi ġodda tas-suq (pereżempju l-iddawnlowdjar tal-mużika jew servizzi oħrajn) u/jew teknoloġiji (pereżempju emerġenza ta' m-kummerċ) jew problemi ta' interpretazzjoni (pereżempju s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-każ ta’ l-Easycar li fih ġie deċiż li l-kiri tal-karozzi tammonta għal "servizz ta' trasport" u b'konsegwenza ta' dan huwa eskluż mill-ambitu tad-Direttiva; użu ta’ terminoloġija aktar wiesgħa bħal “servizzi ta’ rikreazzjoni”)? 7. Bid-dħul ta’ definizzjoni tas-servizzi finanzjarji mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/65 fid-Direttiva) issolvew il-problemi ta’ traspożizzjoni li Stati Membri seta’ kellhom oriġinarjament meta ttrasponew id-Direttiva? (din il-kwistjoni se titqies f’aktar dettall matul ir-reviżjoni tad-Direttiva 2002/65). 8. L-eżenzjoni li tkopri l-bini u l-bejgħ tal-proprjetà immobbli jew id-drittijiet relatati mal-proprjetà immobbli toħloq problemi ta’ interpretazzjoni pereżempju dwar l-interazzjoni tad-Direttiva flimkien mad-Direttiva tat-Timeshare? 9. L-irkantijiet jew tipi speċifiċi ta’ rkantijiet għandhom ikunu koperti bid-Direttiva? |

Artikolu 4 - Tagħrif minn qabel

10. L-Artikolu 4 jista' jittejjeb (pereżempju dispożizzjonijiet aktar ċari dwar il-ħin u/jew il-format tat-tagħrif minn qabel; introduzzjoni tal-ħtiġijiet addizzjonali jew revoka ta’ ċerti ħtiġijiet)? 11. Il-gruppi kollha tal-konsumaturi (pereżempju l-minuri) huma mħarsa biżżejjed mid-Direttiva? Jekk le, kif tista tittejjeb din il-protezzjoni? |

Artikolu 5 – Konferma bil-Miktub

12. L-Artikolu 5 jista’ jittejjeb? pereżempju permezz ta’ l-introduzzjoni ta’ definizzjoni ta’ “mezz sod” kif iddefinit fid-Direttiva 2002/65/KE; introduzzjoni ta’ aktar informazzjoni għandha tkun ikkonfermata bil-miktub jew bit-tħassir ta’ xi informazzjoni) 13. Il-fużjoni tal-ħtiġijiet ta’ l-informazzjoni fl-Artikolu 4(1) u 5(1) jissemplifika dawn ir-regoli kemm għall-konsumatur u kemm għall-fornitur? |

Artikolu 6 – Id-dritt ta' rtirar

14. Taħseb li t-tul taż-żmien ta’ tregwa għall-bejgħ mill-bogħod għandu jiġi armonizzat fl-Istati Membri kollha u jekk iva, kemm għandu jkun twil dan iż-żmien? il-kwistjoni ta’ jekk it-tul taż-żmien ta’ tregwa f'direttivi differenti tal-konsumatur għandhomx ikunu armonizzati fl-acquis kollu se jitqies fix-xogħol usa' ta' l-acquis tal-konsumatur. Madankollu, forsi tixtieq tagħmel xi kumment hawnhekk)? 15. Ir-regoli li jikkonċernaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ l-irtirar u l-konsegwenzi tiegħu hemm bżonn li jiġu ċċarati? 16. L-eżenzjonijiet attwali għad-dritt ta’ rtirar hemm bżonn li jiġu riveduti, imwessa’ jew revokati fid-dawl ta’ l-iżviluppi u/jew teknoloġiji ġodda tas-suq? 17. Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-prezz tar-ritorn jista’ jkun armonizzat fil-qasam tal-bejgħ mill-bogħod u jekk iva, min għandu jħallas l-ispejjeż tar-ritorn? (din il-kwistjoni se titqies fix-xogħol rivedut ta' l-acquis tal-konsumatur) |

Artikolu 7 - L-eżekuzzjoni

18. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 jiżguraw eżekuzzjoni xierqa tal-kuntratti ta’ distanza pereżempju r-regoli dwar il-ħin u l-forma huma ċari? 19. Id-dispożizzjoni mhux obbligatorja dwar il-merkanzija mibdula fl-Artikolu 7(3) għandha ssir obbligatorja sabiex tgħolli l-livell tal-protezzjoni tal-konsumatur indaqs fis-Suq Intern kollu? |

Artikolu 10

20. L-Artikolu 10 għandu jkun irrevokat b’mod ċar sabiex tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn l-Artikolu 10 u d-Direttiva 2002/58/KE dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika |

Mistoqsijiet ġenerali

21. Kif affettwa l-kummerċ transkonfinali u l-kompetizzjoni, l-użu tal-klawżola minima i.e. l-possibilità għal Stati Membri li jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li joffru standard ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur, pereżempju kienet ta’ xkiel għall-kummerċ transkonfinali jew qajjem ostakli għall-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jistabbilixxi ruħu? Jekk iva, jekk jogħġbok agħti eżempji. 22. Iltqajt ma' xi problemi oħrajn bir-regolament tal-bejgħ mill-bogħod kif inhu attwalment? 23. Tħoss li hemm xi aspetti oħrajn ta’ bejgħ mill-bogħod li għandhom bżonn regolamentazzjoni? |

ANNESS III

DIRETTIVI TAL-KONSUMATUR GħAR-REVIżJONI

Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju ĠU L 372, 31.12.1985, p.31.

Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar pakketti ta' vjaġġar, pakketti ta' vakanzi u pakketti ta' ġiti ĠU l 158, 23.6.1990, p.59.

Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar termini inġusti fil-kuntratti tal-konsumaturi ĠU L 95, 21.4 193, p.29.

Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f'rispett ta' ċerti aspetti ta' kuntratti relatati max-xiri tad-dritt li jintużaw proprjetajiet immobbli fuq bażi ta' timeshare ĠU L 280, 29.10.1994, p. 83.

Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi f'rispett għal kuntratti mill-bogħod ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.

Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni ta' prezzijiet ta' prodotti offruti lill-konsumaturi ĠU L 80, 18.3.1998, p.27.

Id-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumatur ĠU L 166, 11.6.1998, p.51.

Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta' oġġetti tal-konsum u garanziji asoċjati ĠU L 171, 7.7.1999, p.12.

ANNESS IV

TUL TAżMIEN TA’ TREGWA FL-ISTATI MEMBRI

Stat Membru | Tul taż-żmien ta’ tregwa |

L-Awstrija | 7t ijiem ta’ xogħol (espressivament jeskludu is-Sibt) |

Il-Belġju | 7t ijiem ta’ xogħol |

Ċipru | 14-il jum |

Ir-Repubblika Ċeka | 14-il jum |

Id-Danimarka | 14-il jum |

L-Estonja | 14-il jum |

Il-Finlandja | 14-il jum |

Franza | 7t ijiem ta’ xogħol? (it-tifsira ta’ “jours francs” hemm bżonn li tiġi ċċarata) |

Il-Ġermanja | Ġimagħtejn |

Il-Greċja | 10t ijiem ta’ xogħol |

L-Ungerija | 8t ijiem ta’ xogħol |

L-Irlanda | 7t ijiem ta’ xogħol |

L-Italja | 10t ijiem ta’ xogħol |

Il-Latvja | minimu ta' 14-il jum |

Il-Litwanja | 7t ijiem ta’ xogħol |

Il-Lussemburgu | 7t ijiem ta’ xogħol |

Malta | 15-il jum |

L-Olanda | 7t ijiem ta’ xogħol |

Il-Polonja | 10t ijiem ta’ xogħol |

Il-Portugall | 14-il jum |

Is-Slovakkja | 7t ijiem ta’ xogħol |

Is-Slovenja | 15-il jum |

Spanja | 7t ijiem ta’ xogħol ibbażati fuq il-liġi tal-pajjiż fejn se ssir il-kunsinja |

L-Iżvezja | 14-il jum |

Ir-Renju Unit | 7t ijiem ta’ xogħol |

[1] ĠU L 144, 4.6.1997, p. 19.

[2] L-Artikolu 15(4) jistipula li “Mhux aktar tard minn erba' snin wara li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, akkumpanjat minn proposta għar-reviżjoni tagħha jekk xieraq”.

[3] Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Marzu 2005 dwar Regolamentazzjoni Aħjar għat-Tkabbir u Xogħol fl-Unjoni Ewropea (COM(2005) 97 finali) u Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Ottubru 2005 dwar l-Implimentazzjoni tal-programm tal-Komunità ta’ Liżbona: Strateġija ta' Semplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju (COM(2005) 535 finali). L-analiżi tal-protezzjoni ta' l-acquis tal-protezzjoni tal-konsumatur fil-Programm ta’ Semplifikazzjoni mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni”.

[4] Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji tal-konsumatur u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE, ĠU L 271, 9.10.2002, p.16.

[5] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ April 2006 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji ta' konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (COM(2006) 161 finali).

[6] Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prassi kummerċjali inġusti fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prassi Kummerċjali Inġusti”) ĠU L 149, 11.6.2005 p. 22.

[7] l-Artikolu 81 propost tal-COM(2005) 603 finali.

[8] L-Artikolu 1 (3) jinqara flimkien mal-premessa 11 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informazzjoni, b'mod partikolari kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (‘Direttiva dwar kummerċ elettroniku’), (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

[9] Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni tax-xerrejja f'rispett ta' ċerti aspetti ta' kuntratti relatati max-xiri tad-dritt li jintużaw proprjetajiet immobbli fuq bażi ta' timeshare, ĠU L 280, tad-29.10.1994, p. 83.

[10] Każ C-336/03 Easycar (UK) Ltd v Office of Fair Trading, ECR 2005, p. I-1947.

[11] Franza, Spanja u r-Renju Unit.

[12] Id-Direttiva tat-Timeshare tirreferi għal minimu ta’ 10t ijiem kalendarji filwaqt li d-Direttiva ta’ bejgħ fil-Bieb 85/577/KEE tirreferi għal minumu ta’ 7t ijiem, (Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju, ĠU L 372, tal-31.12.1985, p.31). Id-Direttiva tat-Tqegħid fis-Suq b'Distanza ta' Servizzi Finanzjarji tirreferi għal 14-il jum kalendarju.

[13] [7] Id-Direttiva Nru 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta' informazzjoni personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika, ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37.

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet